European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/2830

22.4.2024

Avviż fil-qosor dwar il-bidu ta’ investigazzjoni dettaljata fil-Każ tal-FSP. 100151, skont l-Artikolu 10(3)(d) tar-Regolament (UE) 2022/2560

(C/2024/2830)

Fit-3 ta’ April 2024, f’konformità mal-Artikolu 10(3) tar-Regolament (UE) 2022/2560 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) (l-“FSR”), 1 il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda investigazzjoni dettaljata fil-każ imsemmi hawn fuq wara li, abbażi ta’ rieżami preliminari, sabet biżżejjed indikazzjonijiet li l-Konsorzju NEVO Group — LONGi Solar Technologie, li jikkonsisti minn ENEVO Group SRL u LONGi Solar Technologie GmbH (il-“Partijiet Notifikanti”) ingħataw xi sussidji barranin, fil-proċedura tal-akkwist pubbliku deskritta hawn taħt, li wasslu għal distorsjoni fis-suq intern. Il-bidu tal-investigazzjoni dettaljata fir-rigward tal-proċedura ta’ akkwist pubbliku notifikata huwa mingħajr preġudizzju għad-deċiżjoni finali f’dan il-każ.

1.   Il-proċedura ta’ akkwist pubbliku

Fis-27 ta’ Settembru 2023, “Societatea PARC FOTOVOLTAIC ROVINARI EST S.A.” (minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Awtorità Kontraenti”) bdiet proċedura miftuħa ta’ akkwist pubbliku b’valur ta’ madwar EUR 375 miljun għad-disinn, il-kostruzzjoni u t-tħaddim ta’ park fotovoltajku fir-Rumanija. Il-proċedura kienet fuq il-pjattaforma Tender Electronic Daily (TED) taħt ir-referenza Romania-Târgu Jiu: Xogħol ta’ kostruzzjoni għal impjant tal-enerġija, 2023/S 189–592487. Link fuq TED: Xogħlijiet — 592487-2023 — TED Tenders Electronic Daily (europa.eu)

2.   Il-Parti Notifikanti u l-kontribuzzjonijiet finanzjarji barranin innotifikati

Il-Kap tal-konsorzju, ENEVO Group, huwa fornitur tas-servizzi ta’ inġinerija u ta’ konsulenza. Il-membru tal-konsorzju LONGi Solar Technologie GmbH hija impriża sussidjarja Ġermaniża stabbilita ġdida, kompletament taħt is-sjieda ta’ LONGi Green Energy Technology Co., Ltd., li hija fornitur ta’ soluzzjonijiet fotovoltajċi solari (PV) u kkontrollata minnha. Il-grupp huwa attiv fil-manifattura tal-pannelli solari u fl-industrija tal-enerġija rinnovabbli. L-uniku sottokuntrattur ewlieni tal-konsorzju, Rodina Construction LLC, hija kumpanija Ukrena attiva fil-kostruzzjoni ċivili.

Fit-22 ta’ Jannar 2024, l-Awtorità Kontraenti bagħtet dikjarazzjoni lill-Kummissjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 29(1) tal-FSR, sottomessa mill-Partijiet Notifikanti. Il-Kummissjoni sabet li n-notifika ma kinitx kompluta. Għaldaqstant, fid-19 ta’ Frar 2024, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni skont l-Artikolu 29(4) tal-FSR u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1441 (2) li tiddikjara n-notifika mhux kompluta.

Fl-4 ta’ Marzu 2024, il-Partijiet Notifikanti ssottomettew notifika kompluta, għalhekk skont l-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1441, il-Kummissjoni ddikjarat l-4 ta’ Marzu 2024 bħala d-data effettiva tan-notifika. F’konformità mal-Artikolu 30(2) tal-FSR, il-Kummissjoni wettqet ir-rieżami preliminari tan-notifika kompluta fi żmien 20 jum ta’ xogħol.

3.   Indikazzjonijiet tal-preżenza ta’ sussidji barranin

Abbażi tal-informazzjoni disponibbli lilha f’dan l-istadju, il-Kummissjoni tqis li hemm biżżejjed indikazzjonijiet li l-Partijiet Notifikanti, f’konformità mal-Artikolu 28(1)(b) tal-FSR, irċevew is-sussidji barranin li ġejjin skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tal-FSR:

L-għotjiet tal-gvern magħmula disponibbli għall-Partijiet Notifikanti u l-kumpaniji azzjonarji tagħhom matul il-perjodu ta’ 3 snin qabel in-notifika, li taw benefiċċju speċifiku lill-Partijiet Notifikanti.

Ir-rifużjonijiet tat-taxxa, l-inċentivi fiskali u l-imposti disponibbli għall-Partijiet Notifikanti u l-kumpaniji azzjonarji tagħhom matul il-perjodu ta’ 3 snin qabel in-notifika, li taw benefiċċju speċifiku lill-Partijiet Notifikanti.

Il-finanzjament disponibbli għall-Partijiet Notifikanti u l-kumpaniji azzjonarji tagħhom matul il-perjodu ta’ 3 snin qabel in-notifika, li ta benefiċċju speċifiku lill-Partijiet Notifikanti.

4.   Indikazzjoni ta’ distorsjoni fis-suq intern

Abbażi tal-informazzjoni disponibbli lilha f’dan l-istadju, il-Kummissjoni tqis li hemm biżżejjed indikazzjonijiet li s-sussidji barranin identifikati b’mod preliminari fit-Taqsima 3 jistgħu jtejbu l-pożizzjoni kompetittiva tal-Partijiet Notifikanti fis-suq intern u, meta jsir dan, effettivament jew potenzjalment tiġi affettwata b’mod negattiv il-kompetizzjoni fis-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 4 tal-FSR.

L-ewwel nett, l-ammont assolut ta’ dawn is-sussidji barranin potenzjali li minnhom jibbenefikaw il-Partijiet Notifikanti huwa ferm ogħla mill-valur tal-kuntratti li l-konsorzju tal-Partijiet Notifikanti qed jagħmillhom l-offerti. F’konformità mal-kunsiderazzjonijiet fil-premessa (19) tal-FSR li s-sussidji barranin li jkopru parti sostanzjali tal-valur stmat ta’ kuntratt li għandu jingħata fi proċedura ta’ akkwist pubbliku x’aktarx se jikkawżaw xi distorsjonijiet. Filwaqt li l-Kummissjoni ppruvat tikseb il-proposti finanzjarji tal-offerenti, dawn ma sarux disponibbli mill-Awtorità Kontraenti matul ir-rieżami preliminari. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax tivvaluta l-offerta finanzjarja proposta mill-Partijiet Notifikanti u ma teskludix li s-sussidji identifikati kellhom effett distorsiv potenzjali fuq l-offerta, li jista’ jiġi rifless fl-offerta finanzjarja tagħha.

It-tieni, il-Partijiet Notifikanti ma pprovdew l-ebda informazzjoni dwar in-natura, il-kundizzjonijiet, l-iskop jew l-użu speċifiċi tas-sussidji barranin potenzjali identifikati fit-Taqsima 3 hawn fuq. Madankollu, għalkemm il-miżuri ngħataw direttament lil LONGi Green Energy Technology Co., Ltd, fid-dawl tad-drittijiet kapitali li għandha f’LONGi Solar Technologie GmbH, tal-evidenza li l-Kummissjoni għandha fil-pussess tagħha dwar il-finanzjament intragrupp, u tal-fatt li ma hemm l-ebda indikazzjoni li s-sussidji potenzjali mogħtija lil LONGi Green Energy Technology Co., Ltd kienu limitati b’tali mod li ma setgħux jintużaw mill-Partijiet Notifikanti jew ikunu ta’ benefiċċju għalihom, il-Kummissjoni tqis li dawn is-sussidji barranin għandhom effett distorsiv potenzjali fuq l-offerta u għalhekk fuq is-suq intern.

Fl-aħħar mill-aħħar, il-krediti għall-esportazzjoni pprovduti lil LONGi Green Energy Technology Co., Ltd., meta dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti fl-Artikolu 5(1)(c) tal-FSR, huma indikazzjonijiet addizzjonali, meta jitqiesu flimkien mal-elementi l-oħra identifikati f’din id-deċiżjoni.

5.   Konklużjoni

Meta jitqiesu l-vantaġġi ekonomiċi potenzjali sinifikanti għall-Partijiet Notifikanti permezz ta’ LONGi Green Energy Technology Co., Ltd., li jirriżultaw mis-sussidji ta’ hawn fuq, li ġew riċevuti 3 snin qabel in-notifika deskritta fit-Taqsimiet 3 u 4 hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li għandha biżżejjed indikazzjonijiet li l-Partijiet Notifikanti ngħataw sussidji barranin li jistgħu joħolqu distorsjoni fis-suq intern.

6.   Stedina għal kummenti

F’konformità mal-Artikoli 10(3)(d) u 40(1) tal-FSR u l-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2023/1441 (l-“FSIR”), il-Kummissjoni tistieden lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, lill-Istat Membru kif ukoll lill-pajjiż terz li taw s-sussidji barranin identifikati fit-Taqsima 3 biex jissottomettu l-kummenti tagħhom. F’konformità mal-Artikolu 8(3) tal-FSIR, meta l-kummenti bil-miktub sottomessi jkunu jinkludu informazzjoni kunfidenzjali, il-persuna li tissottomettihom għandha tipprovdi verżjoni mhux kunfidenzjali tas-sottomissjoni fl-istess ħin tal-verżjoni kunfidenzjali.

F’każijiet debitament ġustifikati, il-fornituri tal-kummenti jistgħu jitolbu li l-identità tagħhom ma tiġix divulgata. L-anonimità tingħata abbażi ta’ raġuni valida u espliċita murija fit-talba.

Sabiex jitqiesu bis-sħiħ fil-proċedura, il-kummenti jenħtieġ li jaslu għand il-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn 10 ijiem ta’ xogħol wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. L-osservazzjonijiet jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-posta elettronika lil grow-fsr-pp-notifications@ec.europa.eu, bir-referenza FSP. 100151.


(1)  Ir-Regolament (UE) 2022/2560 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern (ĠU L 330, 23.12.2022, p. 1).

(2)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1441 tal-10 ta’ Lulju 2023 dwar arranġamenti dettaljati għat-twettiq ta’ proċedimenti mill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2022/2560 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern (ĠU L 177, 12.7.2023, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2830/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)