European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/2504

4.4.2024

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda tal-Unjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid skont l-Artikolu 97(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(C/2024/2504)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien 3 xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TAL-EMENDA TAL-UNJONI

“Grignolino del Monferrato Casalese”

PDO-IT-A1187-AM03

Data tal-applikazzjoni: 15.11.2022

1.   Applikant u interess leġittimu

Consorzio Colline del Monferrato Casalese

Assoċjazzjoni tal-protezzjoni għall-inbejjed Monferrato Casalese

2.   Deskrizzjoni tal-emenda u raġunijiet għaliha

1.   Inklużjoni tal-kategorija “Nbid spumanti ta’ kwalità” (Kategorija 5)

Skont id-dokumenti storiċi misjuba, il-produzzjoni tal-inbid spumanti mill-għeneb Grignolino tmur lura għal tmiem is-seklu 19. Il-karatteristiċi organolettiċi tal-għeneb Grignolino huma ferm adattati biex isir l-inbid spumanti. Ir-riżultat huwa prodott fin u eleganti ħafna, adattat għal tipi diversi ta’ okkażjonijiet ta’ ferħ (minn aperitivi għal ikliet). Lottijiet ta’ nbid spumanti prodotti sa issa ma ġewx kummerċjalizzati bid-denominazzjoni ta’ oriġini peress li ma kinux inklużi fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. L-iskop ta’ din l-emenda huwa li l-inbid spumanti jkun jista’ jkollu denominazzjoni ta’ oriġini u li d-denominazzjoni sħiħa tinġieb f’konformità mad-domandi attwali tas-suq.

Din l-emenda tikkonċerna l-Artikoli 1, 2, 4, 5, 6, 7 u 8 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u t-taqsimiet li ġejjin tad-Dokument Uniku: “Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli”, “Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed”, “Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid”, “Rabta maż-żona ġeografika”, “Rekwiżiti addizzjonali”, “Dokumenti ta’ sostenn”, “Rabta mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott” u “Rabta mad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni nazzjonali”.

2.   Introduzzjoni tar-regoli għall-vitikultura fil-kategorija “Nbid spumanti ta’ kwalità” (Kategorija 5)

Żdiedu speċifikazzjonijiet għall-kategorija ta’ nbid introdotta riċentement.

Għall-Grignolino del Monferrato Casalese Spumante Rosato:

Rendiment tal-għeneb (tunnellati/ettaru): 8;

Qawwa alkoħolika naturali minima skont il-volum: 9,50 %.

Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 4 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u t-taqsimiet “Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed” u “Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid” tad-Dokument Uniku.

3.   Introduzzjoni tar-regoli speċifiċi għall-vitikultura fil-kategorija “Nbid spumanti ta’ kwalità” (Kategorija 5)

Għall-Grignolino del Monferrato Casalese Spumante Rosato:

Rendiment tal-għeneb/tal-inbid: 70 %;

Produzzjoni massima ta’ nbid (litri/ettaru): 5 600.

It-tip spumanti jrid jiġi prodott esklussivament permezz tal-fermentazzjoni sekondarja naturali fil-flixkun u jrid jibqa’ fuq il-karfa tal-inbid għal mill-inqas 18-il xahar.

Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u l-intestatura “Prattiki enoloġiċi speċifiċi” fit-taqsima “Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid” tad-Dokument Uniku.

4.   Introduzzjoni tad-deskritturi għall-kategorija “Nbid spumanti ta’ kwalità” (Kategorija 5)

Meta jiġi rilaxxat għall-konsum, l-inbid Grignolino del Monferrato Casalese Spumante Rosato jrid ikollu l-karatteristiċi li ġejjin:

Ragħwa: fina u persistenti;

Kulur: roża xi ftit jew wisq qawwi;

Aroma: fragranti, kumplessa, tipika tal-fermentazzjoni sekondarja fil-flixkun;

Togħma: mimlija, fina u armonjuża, minn dożaġġ żero sa brut;

Qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum: 12,00 %;

Aċidità totali minima: 5,5 g/l;

Estratt minimu mingħajr zokkor: 15,0 g/l.

Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 6 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u t-taqsima Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed tad-Dokument Uniku.

5.   Introduzzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tat-tikkettar u tal-preżentazzjoni għall-kategorija “Nbid spumanti ta’ kwalità” (Kategorija 5)

Fit-tikkettar u l-preżentazzjoni tal-inbejjed bid-denominazzjoni ta’ oriġini protetta Grignolino Monferrato Casalese Spumante Rosato, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ tista’ tintuża biss il-formulazzjoni li ġejja: “ fermentazione in bottiglia secondo il metodo tradizionale ” (fermentazzjoni fil-flixkun skont il-metodu tradizzjonali), “ metodo tradizionale ” (metodu tradizzjonali), “ metodo classico ” (metodu klassiku) jew “ metodo classico tradizionale ” (metodu klassiku tradizzjonali). Għalhekk, huwa pprojbit li l-inbejjed bid-denominazzjoni ta’ oriġini protetta Grignolino Monferrato Casalese Spumante Rosato jkollhom biss il-formulazzjoni “ fermentazione in bottiglia ” (fermentazzjoni fil-flixkun) fuq it-tikketti tagħhom.

Fit-tikkettar u fil-preżentazzjoni tal-inbejjed bid-denominazzjoni ta’ oriġini protetta Grignolino Monferrato Casalese Spumante Rosato, jistgħu jintużaw ukoll it-termini “ rosa ” (roża) jew “rosé”.

Is-sena tal-ħsad tal-għeneb trid tkun indikata, bl-eċċezzjoni tal-inbejjed bid-denominazzjoni ta’ oriġini protetta Grignolino Monferrato Casalese Spumante Rosato li ma jkunux tikkettati bħala Millesimato (vendemmja).

It-tul tal-proċess tal-produzzjoni, inkluż il-mistrieħ fuq il-karfa, ġie stabbilit għal mhux inqas minn 18-il xahar.

Ġew definiti t-tipi ta’ tappijiet li għandhom jintużaw, u tappijiet li jikkonsistu prinċipalment minn materjal tal-plastik/sintetiku ġew esklużi.

Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 7 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

6.   Emenda għar-rabta b’segwitu għall-introduzzjonni tal-kategorija “Nbid spumanti ta’ kwalità” (Kategorija 5)

Id-deskrizzjoni tar-rabta mal-ambjent ġiet estiża biex tirrifletti l-kategorija ġdida ta’ nbid.

Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 8 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u t-taqsima “Rabta maż-żona ġeografika” tad-Dokument Uniku.

DOKUMENT UNIKU

1.   Indikazzjoni ġeografika

Grignolino del Monferrato Casalese

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

DOP – Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta

3.   Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli

1.

Inbid

5.

Inbid spumanti ta’ kwalità

4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

1.   Grignolino del Monferrato Casalese

L-inbid Grignolino del Monferrato Casalese huwa nbid aħmar miksub mill-vinifikazzjoni tal-għeneb Grignolino. Din il-varjetà hija indiġena għaż-żona ta’ Monferrato Casalese, fejn sabet l-abitat ideali għall-aħjar espressjoni tal-karatteristiċi tagħha.

Il-kulur tal-inbid huwa aħmar lewn ir-rubini ta’ intensità li tvarja, jagħti fl-oranġjo. Għandu aroma delikata u togħma xotta, kemxejn tannika u qarsa b’mod pjaċevoli, u distintiva li ddum fil-ħalq.

Qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum: 12,00 %.

Estratt minimu mingħajr zokkor: 18,00 g/l.

Kull parametru analitiku li ma jidhirx fit-tabella ta’ hawn taħt jikkonforma mal-limiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

 

Aċidità totali minima

4,5 grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

2.   Grignolino del Monferrato Casalese Riserva

Il-kulur tal-inbid huwa aħmar minn lewn ir-rubini sa granata, jagħti fl-oranġjo. L-aroma distintiva u delikata tiegħu fiha noti ta’ ħwawar. Fuq il-palat għandu togħma xotta, kemxejn tannika u pjaċevolment qarsa, u distintiva li ddum fil-ħalq.

Qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum: 12,50 %.

Estratt minimu mingħajr zokkor: 22,00 g/l.

Kull parametru analitiku li ma jidhirx fit-tabella ta’ hawn taħt jikkonforma mal-limiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

 

Aċidità totali minima

4,5 grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

3.   Grignolino del Monferrato Casalese Spumante di qualità Rosato

L-inbid Grignolino del Monferrato Casalese Spumante di qualità Rosato għandu kulur roża ta’ intensità li tvarja, bi ħjiliet li jvarjaw minn oranġjo għal safrani.

L-aroma kumplessa fragranti għandha noti ta’ ħmira u qoxra tal-ħobż tipiċi tal-fermentazzjoni sekondarja fil-flixkun, skont il-metodu tradizzjonali, u noti ta’ ċitru ta’ larinġ u grejpfrut. Ir-ragħwa hija fina u persistenti.

Fuq il-palat huwa eleganti, mimli u kemxejn tanniku, b’aċidità friska u finitura xotta u nadifa.

Qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum: 12,00 %.

Estratt minimu mingħajr zokkor: 15,0 g/l.

Kull parametru analitiku li ma jidhirx fit-tabella ta’ hawn taħt jikkonforma mal-limiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

 

Aċidità totali minima

5,5 grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

5.1.   Prattiki enoloġiċi speċifiċi

1.   Il-produzzjoni tal-inbid spumanti bl-użu tal-metodu tradizzjonali

Prattika enoloġika speċifika

Meta jiġu prodotti l-inbejjed bid-denominazzjoni ta’ oriġini protetta Grignolino del Monferrato Casalese Spumante di qualità Rosato, il-fermentazzjoni sekondarja fil-flixkun skont il-metodu tradizzjonali trid issir għal perjodu minimu ta’ 18-il xahar.

5.2.   Rendimenti massimi għal kull ettaru:

1.

Grignolino del Monferrato Casalese

8 000 kilogramma ta’ għeneb għal kull ettaru

2.

Grignolino del Monferrato Casalese Riserva

8 000 kilogramma ta’ għeneb għal kull ettaru

3.

Grignolino del Monferrato Casalese Spumante di qualità Rosato

8 000 kilogramma ta’ għeneb għal kull ettaru

6.   Definizzjoni taż-żona demarkata

Iż-żona tal-produzzjoni għall-għeneb li jista’ jintuża għall-produzzjoni tal-inbejjed skont id-DOP Grignolino del Monferrato Casalese tinkludi l-muniċipalitajiet li ġejjin tal-provinċja ta’ Alessandria:

Alfiano Natta, Altavilla Monferrato, Camagna Monferrato, Camino, Casale Monferrato (minbarra l-parti tax-xatt tax-xellug tal-Po), Castelletto Merli, Cella Monte, Cereseto, Cerrina Monferrato, Coniolo (minbarra l-parti tax-xatt tax-xellug tal-Po), Conzano, Frassinello Monferrato, Gabiano, Lu e Cuccaro Monferrato, Mombello Monferrato, Moncestino, Murisengo, Odalengo Grande, Odalengo Piccolo, Olivola, Ottiglio, Ozzano Monferrato, Pontestura, Ponzano Monferrato, Rosignano Monferrato, Sala Monferrato, San Giorgio Monferrato, Serralunga di Crea, Solonghello, Terruggia, Treville, Vignale Monferrato, Villadeati u Villamiroglio.

Barra minn hekk, l-operazzjonijiet tal-vinifikazzjoni, tal-ipproċessar u tat-tqaddim jistgħu jsiru wkoll, apparti fiż-żona tal-produzzjoni tal-għeneb, kullimkien fil-provinċja ta’ Alessandria, kif ukoll fil-munċipalitajiet ta’ Viarigi, Montemagno, Casorzo, Grazzano Badoglio, Moncalvo, Penango, Calliano, Tonco, Montiglio Monferrato u Robella d’Asti fil-provinċja ta’ Asti.

7.   Varjetajiet jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid / jinkisbu l-inbejjed

Barbera N.

Freisa N.

Grignolino N.

8.   Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

8.1.   DOP Grignolino del Monferrato Casalese

Monferrato Casalese jew Basso Monferrato hija żona b’għoljiet ta’ bejn 120 u 350 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar li fiha jiġi prodott l-inbid ta’ din id-denominazzjoni ta’ oriġini. L-Alpi u l-baħar (madwar 130 u 90 km ’il bogħod, rispettivament) jinfluwenzaw il-klima ta’ Monferrato u jagħmluha ideali għat-tkabbir tad-dwieli. Il-ħamrija ta’ Monferrato u l-blat sottostanti li toriġina minnu huma derivati minn sediment marittimu b’fond li jvarja. Minbarra Grignolino, it-taħlita tal-varjetajiet tista’ tinkludi wkoll l-għeneb Freisa u/jew Barbera (sa 5 %).

Il-karatteristiċi tal-ħamrija, u għalhekk tal-inbid ta’ din id-denominazzjoni, huma marbuta ma’ din il-matriċi tal-ġebla tal-ġir alkalina, li hija pjuttost fqira fin-nutrijenti. L-inbid huwa rikk fin-noti tal-frott, li jinkisbu minn dan it-“terroir” partikolari.

8.2.   DOP Grignolino del Monferrato Casalese Riserva

Monferrato Casalese jew Basso Monferrato hija żona b’għoljiet ta’ bejn 120 u 350 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar li fiha jiġi prodott l-inbid ta’ din id-denominazzjoni ta’ oriġini. L-Alpi u l-baħar (madwar 130 u 90 km ’il bogħod, rispettivament) jinfluwenzaw il-klima ta’ Monferrato u jagħmluha ideali għat-tkabbir tad-dwieli. Minbarra Grignolino, it-taħlita tal-varjetajiet tista’ tinkludi wkoll l-għeneb Freisa u/jew Barbera (sa 5 %). Il-Grignolino jista’ jiġi ddefinit bħala l-varjetà indiġena ta’ Monferrato per eċċellenza. Dokumenti li jmorru lura għall-1248 jixhdu l-preżenza u s-sinifikat ta’ din il-varjetà fiż-żona. Matul is-sekli, il-vitikulturi f’Monferrato dejjem għażlu l-aħjar postijiet u l-aktar ħamrija xierqa biex ikabbru d-dwieli ta’ Grignolino.

Il-karatteristiċi tal-ħamrija u għalhekk tal-inbid ta’ din id-denominazzjoni huma marbuta mal-matriċi tal-ġebla tal-ġir alkalina pjuttost fqira fin-nutrijenti tal-art f’Monferrato. Fl-inbejjed Riserva, in-noti ta’ frott karatteristiċi tat-terroir partikolari jissaħħu bit-tqaddim.

Sas-snin 70, l-inbejjed taħt din id-denominazzjoni ta’ oriġini kienu jikkonsistu fi Grignolino li kien tqaddem għal madwar 4 snin u kien maħsub għal klijentela leali ta’ konsumaturi sofistikati. Kien biss aktar tard li bdew jiġu prodotti nbejjed aktar friski u b’inqas tqaddim, sabiex jadattaw għar-rekwiżiti tas-suq. Biż-żieda tat-tip Riserva, ir-rabta mat-tradizzjoni tal-produzzjoni issa ġiet restawrata, kif ukoll il-possibbiltà li jissaħħu l-karatteristiċi organolettiċi, li tista’ ssir biss permezz tat-tqaddim.

8.3.   DOP Grignolino del Monferrato Casalese Spumante di qualità Rosato

Monferrato Casalese jew Basso Monferrato hija żona b’għoljiet ta’ bejn 120 u 350 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar li fiha jiġi prodott l-inbid ta’ din id-denominazzjoni ta’ oriġini. Il-ħamrija ta’ Monferrato u l-blat sottostanti li toriġina minnu huma derivati minn sediment marittimu b’fond li jvarja.

Il-karatteristiċi tal-ħamrija, u għalhekk tal-inbid ta’ din id-denominazzjoni, huma marbuta ma’ din il-matriċi tal-ġebla tal-ġir alkalina, li hija pjuttost fqira fin-nutrijenti. L-inbid huwa rikk fin-noti tal-frott, li jinkisbu minn dan it-“terroir” partikolari. Il-karatteristiċi organolettiċi tal-għeneb Grignolino huma partikolarment adattati biex isir l-inbid spumanti ta’ kwalità.

L-inklużjoni tal-kategorija “Nbid spumanti ta’ kwalità”, bir-rekwiżit li jiġi prodott it-tip spumanti ta’ kwalità esklussivament bl-użu tal-metodu tradizzjonali, tiżgura d-distribuzzjoni ta’ prodott ta’ kwalità għolja. Huwa prodott fin u eleganti ħafna, adattat għal tipi diversi ta’ okkażjonijiet ta’ ferħ (minn aperitivi għal ikliet).

Il-produzzjoni tal-inbid spumanti ta’ kwalità bdiet żmien ilu, iżda sal-bidu ta’ dan is-seklu, ma kinitx mifruxa ħafna. L-azjendi espandew u aġġornaw it-teknoloġija tagħhom biex jagħmlu l-faċilitajiet tagħhom adattati għall-produzzjoni ta’ nbid spumanti ta’ kwalità, filwaqt li kisbu livelli ta’ kwalità u kwantitajiet tajbin għall-kummerċjalizzazzjoni.

9.   Rekwiżiti oħra applikabbli (imballaġġ, tikkettar, rekwiżiti addizzjonali)

Deroga dwar il-produzzjoni fiż-żona ġeografika demarkata

Qafas legali:

Il-leġiżlazzjoni tal-UE

Tip ta’ rekwiżit ieħor:

Deroga dwar il-produzzjoni fiż-żona ġeografika demarkata

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

F’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33, l-operazzjonijiet tal-vinifikazzjoni, tal-ipproċessar u tat-tqaddim għall-inbejjed ta’ hawn taħt jistgħu jitwettqu wkoll, apparti fiż-żona tal-produzzjoni tal-għeneb, kullimkien fil-provinċja ta’ Alessandria, kif ukoll fil-muniċipalitajiet ta’ Viarigi, Montemagno, Casorzo, Grazzano Badoglio, Moncalvo, Penango, Calliano, Tonco, Montiglio Monferrato u Robella d’Asti fil-provinċja ta’ Asti:

Grignolino del Monferrato Casalese (Kategorija: Inbid)

Grignolino del Monferrato Casalese Riserva (Kategorija: Inbid)

Grignolino del Monferrato Casalese Spumante di qualità Rosato (Kategorija: Inbid spumanti ta’ kwalità)

Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/18839


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/oj


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2504/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)