Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
C/2024/2487 |
23.4.2024 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni tat-telf tal-pellets tal-plastik biex jitnaqqas it-tniġġis mill-mikroplastik”
(COM(2023) 645 final — 2023/0373 (COD))
(C/2024/2487)
Relatur: |
András EDELÉNYI |
Korelatur: |
Maria NIKOLOPOULOU |
Konsultazzjoni |
Parlament Ewropew, 23.11.2023 Kunsill, 6.12.2023 |
Bażi legali |
Artikoli 192(1) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent |
Adozzjoni fis-sezzjoni |
25.1.2024 |
Adozzjoni fil-plenarja |
14.2.2024 |
Sessjoni plenarja Nru |
585 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
162/0/0 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE):
1.1. |
jaqbel u essenzjalment jappoġġja l-Proposta tal-Kummissjoni dwar ir-regolamentazzjoni tal-operazzjonijiet u l-emissjonijiet tal-pellets tal-mikroplastik u l-mitigazzjoni tat-tniġġis perikoluż f’dan il-qasam speċifiku ta’ partiċelli primarji rilaxxati b’mod mhux intenzjonat, fil-forom kollha tagħhom. Din l-inizjattiva ilha mistennija u hija soċjoekonomikament fattibbli, proporzjonali u aċċettata mill-parti l-kbira tal-partijiet interessati; |
1.2. |
jindika l-ħtieġa urġenti li tiġi żviluppata l-metodoloġija standardizzata biex it-telf tal-pellets tal-mikroplastik jiġi traċċat u stmat b’mod adegwat tul il-katina tal-provvista fl-intier tagħha. Dan jista’ jagħmilha possibbli li jiġu stmati l-emissjonijiet u jiġi mmonitorjat il-progress fir-rigward tal-kisba tal-mira ambjentali stabbilita ta’ tnaqqis ta’ 30 % sal-2030, għalkemm xi miżuri li huma wisq flessibbli u mhux daqshekk vinkolanti jistgħu jirriskjaw li ma jilħqux il-miri; |
1.3. |
jirrakkomanda li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament jiġi estiż għat-trasportaturi, b’rekwiżiti eħfef għall-kumpaniji mikrointrapriżi biss. Barra minn hekk, l-UE għandha tallinja ruħha mal-proċess tal-leġiżlazzjoni tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI). Jekk l-OMI ma tipprovdi l-ebda regola sa nofs l-2026, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra dispożizzjonijiet li għandhom jiġu implimentati għat-trasport marittimu intra-UE, kif ukoll li titħejja l-bażi biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-mikroplastiċi sekondarji mit-tajers, miż-żebgħa, mit-tessuti, mill-ġeotessuti u mill-kapsuli tad-deterġenti; |
1.4. |
jissuġġerixxi, fir-rigward tal-aspetti ambjentali u tal-protezzjoni tal-bniedem, li fir-Regolament tingħata attenzjoni liż-żoni ġeografiċi — bħala punti ta’ intervent potenzjali għall-mitigazzjoni/it-tnaqqis tat-tniġġis — li huma l-aktar esposti għall-emissjonijiet tal-mikroplastiċi, bħal żoni (popolati) fejn hemm installazzjonijiet tal-manifattura, punti ta’ tagħbija mill-ġdid tal-loġistika, żoni ta’ ħżin, portijiet u networks tat-toroq, kif ukoll is-sorsi ta’ emissjonijiet mifruxa kollha irrispettivament mill-ammont rilaxxat; |
1.5. |
jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied il-frekwenza tal-verifika tal-konformità u li tiġi introdotta reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-leġiżlazzjoni biex tiġi vvalutata l-effiċjenza tagħha u biex jiġi rieżaminat u, jekk meħtieġ, jiġi rfinat il-limitu tal-volum għall-operazzjonijiet tal-pellets stabbilit fir-rekwiżiti regolatorji mħaffa preskritti għall-intrapriżi mikro u żgħar. It-tniġġis xorta se jseħħ dment li l-limitu tat-telf tal-pellets ma jiġix stabbilit fil-livell ideali ta’ żero jew qrib iż-żero, u hemm riskju li xi kumpaniji jistgħu jippruvaw jagħmlu użu inġust mid-dikjarazzjoni tal-volum biex jevitaw regoli aktar stretti; |
1.6. |
iwissi li l-produzzjoni li qed tikber b’rata mgħaġġla ta’ pellets tal-plastik verġni u riċiklati tagħmilha dejjem aktar diffiċli biex jittaffa l-impatt tagħhom. Għalhekk, l-isforzi biex tiġi implimentata u infurzata l-konformità mar-Regolament għandhom jiġu aċċellerati; |
1.7. |
jinnota li ma hemmx domanda għolja għal ħaddiema addizzjonali, ħlief f’żoni ekoloġiċi, iżda li l-livelli ta’ sensibilizzazzjoni u taħriġ iridu jiżdiedu fil-forza tax-xogħol kollha. Barra minn hekk, l-aspetti tas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali għandhom jissaħħu kemm fl-operazzjonijiet il-ġodda, kif ukoll fl-operazzjonijiet ta’ riċiklaġġ. Huwa vitali li l-Kummissjoni tipprovdi appoġġ metodoloġiku u finanzjarju speċifiku u mfassal apposta; |
1.8. |
jirrimarka li l-aspetti internazzjonali tar-Regolament għandhom jitqiesu biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fl-ambjent kompetittiv bejn l-operaturi tal-UE li qed jikkonformaw mar-Regolament u l-operaturi ta’ pajjiżi terzi; |
1.9. |
jenfasizza li, minħabba n-nuqqas ta’ data robusta u bbażata fuq l-evidenza, l-attivitajiet xjentifiċi u ta’ riċerka jridu jiġu intensifikati, prinċipalment bil-ħsieb li jinftiehmu l-effetti dannużi fuq is-saħħa tal-bniedem u ekoloġika tat-tniġġis mill-pellets tal-mikroplastik, il-flussi tal-materjali u l-emissjonijiet tul il-katina kollha u tal-mikroplastiċi sekondarji u rilaxxati b’mod mhux intenzjonat, kemm ikkonċentrati kif ukoll imxerrda, li jistgħu jipprovdu bażi għal biċċiet ta’ leġiżlazzjoni mfasslin apposta; |
1.10. |
jirrimarka li l-linji gwida pprovduti lill-operaturi ekonomiċi dwar it-tagħmir li għandu jintuża u l-proċessi, sabiex jiġu stabbiliti l-valutazzjonijiet tar-riskju meħtieġa huma pjuttost ġenerali u jissuġġerixxi li ssir rieżami tal-aqwa tekniki disponibbli (BAT — Best Available Techniques) biex jiġu inklużi l-pellets, u li jiġi kkunsidrat mill-ġdid l-allinjament tar-rekwiżiti għat-trasportaturi ma’ dawk tal-operaturi ekonomiċi mhux aktar tard mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tar-Regolament. |
2. Kuntest
2.1. Il-mikroplastiċi u l-problemi relatati
2.1.1. |
Il-mikroplastiċi huma partikoli solidi tal-plastik, tipikament iżgħar minn 5 mm, magħmulin minn taħlitiet ta’ polimeri u addittivi funzjonali. Huwa stmat li, b’mod ġenerali, kull sena jintużaw madwar 60 miljun tunnellata ta’ mikroplastiċi fl-UE/fiż-ŻEE (1). |
2.1.2. |
Il-mikroplastiċi jistgħu jkunu ta’ oriġini primarja jew sekondarja u jistgħu jintużaw u jiġu emessi fl-ambjent b’mod intenzjonat jew mhux intenzjonat:
Tabella Skema tal-punti tal-oriġini u tal-wasla tat-tniġġis mill-mikroplastiċi u min-nanoplastiċi (2)
It-tliet segmenti ta’ hawn fuq iridu jiġu ttrattati b’mod separat f’termini ta’ leġiżlazzjoni, peress li għandhom utenti differenti, perkorsi tal-ħajja differenti, rekwiżiti differenti f’termini ta’ prevenzjoni potenzjali, punti ta’ intervent differenti, atturi differenti u għodod differenti. |
2.1.3. |
Il-klassifikazzjoni tal-mikroplastiks kollha mxerrdin b’mod mhux intenzjonat abbażi tal-volum u l-frazzjonament tinbidel malajr maż-żmien, peress li jiġu ppubblikati riżultati ġodda b’mod frekwenti, li jindikaw volumi differenti u devjazzjonijiet stmati mifruxin ħafna: l-emissjonijiet totali mis-sitt sorsi ewlenin huma 800 000-1 800 000 (90 % tat-total) (3). |
2.1.4. |
Il-problema bil-mikroplastiċi: skont is-sommarju tal-opinjoni xjentifika rilevanti tal-Grupp ta’ Konsulenti Xjentifiċi Ewlenin għall-Kummissjoni Ewropea, Environmental and Health Risks of Microplastic Pollution (Ir-Riskji Ambjentali u għas-Saħħa tat-Tniġġis mill-Mikroplastiċi — mhux disponibbli bil-Malti), il-mikroplastiċi jistgħu jinstabu fl-arja, fl-ilma u fil-ħamrija, fejn jistgħu jippersistu fl-ambjent, jidħlu fil-katina alimentari u jakkumulaw f’organiżmi ħajjin. Barra minn hekk, il-mikroplastiċi jistgħu jaġixxu bħala sottostrati għall-kontaminanti bijoloġiċi u kimiċi, u b’hekk potenzjalment iservu bħala vetturi tat-trasport fuq distanza twila ta’ kontaminanti fl-ambjent (4). Ir-rilaxx kontinwu tal-mikroplastiċi minn sorsi ta’ emissjonijiet mifruxa multipli jirriżulta fil-psewdopersistenza tal-mikroplastiċi fl-ambjent u fl-okkorrenza mifruxa minħabba sorsi diffużi ta’ tniġġis. L-esponiment akut għal konċentrazzjoni għolja ta’ mikroplastiċi, esponiment kroniku u l-effetti fit-tul tal-psewdopersistenza tal-mikroplastiċi fl-ambjent jeħtieġ li jiġu investigati aktar, u għalhekk għandha tingħata attenzjoni partikolari lil dawn il-kwistjonijiet, peress li għadna ma nafux kemm jistgħu jkunu ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent (5). |
2.1.5. |
Għalhekk, huwa rrakkomandat li t-tniġġis mill-mikroplastiċi jiġi pprevenut u mnaqqas billi b’mod legali jiġu mmirati l-aktar attivitajiet li jniġġsu, billi tittieħed azzjoni politikament u soċjoekonomikament fattibbli u billi jiġu promossi r-riċerka dwar il-mikroplastiċi u l-istandardizzazzjoni tal-metodoloġiji ta’ stima, skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni (6). |
2.2. Pellets tal-mikroplastik
2.2.1. |
Skop, definizzjoni:“pellet tal-plastik” tfisser, b’mod konsistenti mal-ISO/TC 61 Plastiks, massa żgħira ta’ materjal tal-forom iffurmat minn qabel, partiċelli solidi li fihom il-polimeru, li magħhom setgħu ġew miżjuda addittivi, li għandhom dimensjonijiet relattivament uniformi f’lott partikolari, irrispettivament mill-forma u d-dehra tagħhom. |
2.2.2. |
Volum tat-telf tal-pellets: l-istimi juru li l-kwantità ta’ pellets li ntilfu fl-ambjent kienet bejn 52 140 u 184 290 tunnellata fl-UE fl-2019 (7). |
2.2.3. |
L-oriġini tal-pellets: il-materja prima industrijali tal-plastik tiġi f’forom differenti, inklużi l-pellets, il-qxur, it-trabijiet u forom likwidi, li b’mod kollettiv jissejħu pellets tal-plastik ta’ qabel il-produzzjoni, peress li ma jsirux prodotti ta’ użu aħħari għall-konsumaturi finali. Il-pellets jistgħu jilħqu l-ambjent permezz ta’ telf li jseħħ f’kull stadju tal-katina tal-provvista tagħhom: il-produzzjoni (verġni jew riċiklata), l-ipproċessar, it-trasport, id-distribuzzjoni, operazzjonijiet loġistiċi oħrajn, il-ġestjoni tal-iskart, eċċ. Għalhekk, jidher biċ-ċar li l-indirizzar tat-telf tal-pellets jeħtieġ approċċ iffukat fuq il-katina tal-provvista (8). |
2.2.4. |
L-emissjonijiet tal-pellets: huwa stmat li t-telf iseħħ b’rata ogħla fl-installazzjonijiet tal-ipproċessar u tar-riċiklaġġ (0,02 %-0,06 % tal-volum totali pproċessat jew riċiklat) milli f’dawk tal-produzzjoni (0,01 %-0,03 % tal-volum totali prodott), u b’rata saħansitra ogħla matul l-operazzjonijiet tat-trasport u tal-loġistika (0,03 %-0,12 %). Il-partijiet interessati jaqblu l-aktar li t-telf huwa dovut għal trattament mhux adegwat (9). |
2.3. Il-qasam leġiżlattiv
2.3.1. |
Proċeduri volontarji: L-Operation Clean Sweep bdiet fl-Istati Uniti u issa ġiet żviluppata mill-industrija għal 30 sena. Dan jgħin biex tiġi indirizzata t-tnixxija tal-pellets permezz ta’ tagħlim kollettiv. Fl-Ewropa, fl-2022 European Plastic Converters u Plastic Europe żviluppaw Skema ta’ Ċertifikazzjoni tal-Operation Clean Sweep, li issa għandha 2 800 membru (10). Għodda mmirata b’mod simili ġiet adottata fl-ambitu tal-Konvenzjoni OSPAR għall-qasam marittimu (11). Il-Proposta tal-Kummissjoni hija bbażata fuq dawk l-esperjenzi prattiċi. |
2.3.2. |
Il-leġiżlazzjoni dwar il-mikroplastiċi: dan il-qasam huwa prinċipalment kopert minn Direttivi mmirati lejn it-tnaqqis tat-trasport tal-emissjonijiet lejn l-ilmijiet, l-ilmijiet mormija u l-arja u t-tixrid tagħhom permezz ta’ dawn l-elementi (12). |
2.3.3. |
Il-mikroplastiċi sekondarji: l-inizjattivi li għaddejjin bħalissa jiffukaw fuq it-tfassil ta’ leġiżlazzjonijiet imfassla apposta għas-sorsi differenti ta’ mikroplastiċi sekondarji rilaxxati b’mod mhux intenzjonat. Għalissa, il-Kummissjoni qed tiffoka fuq il-pellets primarji tal-plastik (ara wkoll l-obbligu li tirrapporta kull sena dwar it-telf tal-pellets skont ir-Regolament REACH (13)) waqt li mikroplastiċi sekondarji oħrajn rilaxxati b’mod mhux intenzjonat, bħal dawk miż-żebgħa, mit-tessuti, mill-ġeotessuti, mit-tajers u mill-kapsuli tad-deterġenti, qed jiġu indirizzati parzjalment (ara Euro 7 għat-tajers, u r-Regolament dwar l-Ekodisinn għal Prodotti Sostenibbli (14) għat-tessuti u ż-żebgħa) (15). Dan l-aħħar, il-KESE żviluppa Opinjonijiet rilevanti dwar dawn l-oqsma speċifiċi (16). |
2.3.4. |
Regolament dwar il-pellets: din il-Proposta għandha l-għan li tnaqqas it-telf tal-pellets fl-ambjent u twassal għal tnaqqis stmat ta’ 54 % sa 74 % meta mqabbel mal-linja bażi, ekwivalenti għal tnaqqis ta’ 6 % fl-ammont totali ta’ rilaxxi ta’ mikroplastik mhux intenzjonati. F’konformità mal-mira ġenerali ta’ tnaqqis ta’ 30 % tal-Kummissjoni għall-mikroplastiċi rilaxxati fl-ambjent, din għandha l-għan li tgħin fil-preservazzjoni tal-ekosistemi u l-bijodiversità, tnaqqas l-impatti potenzjali fuq is-saħħa u tkun ta’ benefiċċju għall-attivitajiet ekonomiċi lokali. |
2.3.5. |
Skont il-konsultazzjonijiet, il-partijiet interessati jippreferu rekwiżiti eħfef għall-intrapriżi mikro u żgħar u għal oħrajn li jittrattaw inqas minn 1 000 tunnellata fis-sena, b’derogi mir-rivalutazzjoni interna annwali u ċ-ċertifikazzjoni esterna. Peress li, skont il-valutazzjoni tal-Kummissjoni, 12,5 % tal-akbar atturi jimmaniġġjaw 80 % tal-pellets kollha, dan l-approċċ huwa maħsub biex jiżgura l-mitigazzjoni adegwata tal-impatti potenzjali fuq l-operazzjonijiet ta’ atturi iżgħar u biex jintlaħaq bilanċ proporzjonali bejn il-kapaċitajiet ta’ konformità tagħhom, ir-rekwiżiti kumplessi tar-riżorsi (tal-ħin, umani u finanzjarji) u l-benefiċċji/rendimenti kumplessi (ambjentali, tas-saħħa, tal-bijodiversità, ekonomiċi). |
3. Kummenti ġenerali
3.1. |
Essenzjalment, il-KESE jaqbel mar-Regolament propost u jappoġġjah peress li:
|
3.2. |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Proposta tqis is-sottosettur importanti tar-riċiklaġġ mekkaniku, li huwa s-sors ta’ pellets tal-mikroplastik li qed jiżdied bl-aktar rata mgħaġġla, u għalhekk tal-emissjonijiet. Dan jitlob titjib fis-separazzjoni tal-plastik fil-ġbir tal-iskart u proċessi ta’ separazzjoni mtejba biex issir bidla minn downcycling mekkaniku mħallat għal riċiklaġġ speċifiku bil-għan li jinżamm il-valur (22). |
3.3. |
Għandhom jiżdiedu l-isforzi u l-investiment biex titħaffef ir-riċerka u tinbena bażi ta’ għarfien komprensiva u kwantitattiva dwar iċ-ċikli tal-ħajja, il-ġenerazzjoni, il-perkorsi u l-akkumulazzjonijiet ta’ frammenti ta’ mikroplastiċi sekondarji degradati oħrajn, rilaxxati b’mod mhux intenzjonat, inklużi dawk bijodegradabbli. Wara li jkunu twettqu valutazzjonijiet tal-impatt dwar il-kwistjoni, li jispeċifikaw l-aħjar punti ta’ prevenzjoni u mitigazzjoni, għandha tittieħed deċiżjoni dwar liema strumenti ta’ politika u tipi ta’ leġiżlazzjoni huma l-aktar adatti biex tiġi indirizzata aktar din il-problema tal-emissjonijiet tal-mikroplastiċi. |
3.4. |
Id-devjazzjonijiet tal-volumi stmati, il-proporzjonijiet tal-emissjonijiet u l-akkumulazzjonijiet, u l-ispejjeż/benefiċċji soċjoekonomiċi integrati kumplessi (jew investimenti/rendimenti) tal-isforzi ta’ mitigazzjoni huma mifruxin ħafna, jiġifieri r-rati minimi u massimi ta’ 1:3 sa 1:8 huma wesgħin wisq. Dan jagħmilha diffiċli ħafna li l-azzjoni tiġi mmirata u li jitkejjel u jiġi mmonitorjat il-progress. |
3.5. |
Huwa essenzjali li tiġi żviluppata metodoloġija standardizzata ta’ stima tat-telf tal-pellets, parzjalment minħabba d-diffikultajiet biex jiġi identifikat “min iniġġes” sabiex jiġi applikat b’mod adegwat il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”. Se jkunu meħtieġa kunsiderazzjonijiet speċifiċi għas-settur għall-istandardizzazzjoni biex jitqiesu l-volumi differenti għal kull użu. Dan se jkun kruċjali biex tkun tista’ titwettaq il-komparabbiltà, jiġi mmonitorjat il-progress, jiġu mmirati l-atturi u tiġi żgurata l-kosteffettività. F’termini ta’ monitoraġġ, meta titqies iż-żieda fil-kwantità annwali ta’ telf tal-pellets, ir-rappurtar annwali skont ir-Regolament REACH huwa kruċjali. |
3.6. |
L-analiżi tal-flussi ta’ materjali hija l-aktar mudell promettenti — użata ukoll miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea — li tiddeskrivi u tistma d-destin tal-komponenti kontaminanti matul il-ħajja tagħhom. L-iżvilupp ta’ metodi ta’ kampjunar u analitiċi u l-ġbir ta’ aktar data sperimentali huma kruċjali biex tiġi appoġġjata l-preċiżjoni tal-analiżi tal-flussi ta’ materjali (23). Huwa rakkomandabbli li tiġi stabbilita mira tal-volum tat-telf, idealment ugwali għal żero jew baxxa kemm jista’ jkun, flimkien mal-kriterji tal-SMEs biex tiġi ġġustifikata l-konformità mar-rekwiżiti regolatorji eħfef. |
3.7. |
Il-KESE jwissi li, skont l-aktar evidenza xjentifika reċenti, l-akkumulazzjoni ta’ sustanzi niġġiesa hija l-ogħla fil-ħamrija, segwita mill-ilmijiet kontinentali u mbagħad miż-żoni tal-baħar, minkejja li l-attenzjoni pubblika sa issa treġġgħet lura. Huwa jirrakkomanda li ssir enfasi fuq dawn l-oqsma kollha b’mod ugwali. |
3.8. |
L-importazzjonijiet tal-pellets mis-suq mhux tal-UE jeħtieġ li jiġu rieżaminati bir-reqqa sabiex jiġi żgurat li jipprevalu l-istess kundizzjonijiet għall-partijiet interessati industrijali kollha, u li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi tal-UE. |
3.9. |
It-trasport marittimu tal-pellets jistħoqqlu aktar attenzjoni minħabba r-rotot speċifiċi, it-teknoloġiji ta’ trasferiment u l-kundizzjonijiet tiegħu. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tkompli tappoġġja l-ħidma kontinwa tal-OMI lejn il-leġiżlazzjoni internazzjonali. Jekk l-OMI ma tipprovdi l-ebda regola sa nofs l-2026, il-leġiżlazzjoni dwar it-trasport marittimu tista’ tiġi implimentata għat-tbaħħir purament intra-UE b’kundizzjonijiet tekniċi prekawzjonarji ħafna dwar il-metodi ta’ ġarr, immaniġġjar u ppakkjar. Il-prattiki tajbin eżistenti, bħal dawk tal-proġett tal-Port ta’ Antwerp (24), għandhom jiġu ppubblikati b’mod wiesa’. |
4. Kummenti speċifiċi
4.1. Aspetti dwar ix-xogħol
4.1.1. |
Il-konformità mar-Regolament il-ġdid se teħtieġ riżorsi umani addizzjonali u profili ġodda tal-impjiegi, ikkalkulati mill-Kummissjoni għal madwar 4 000 ekwivalenti ta’ ingaġġ full-time (FTEs). Dan se jaffettwa l-qasma bejn il-ħaddiema manwali, il-ħaddiema mhux manwali, il-ħaddiema ekoloġiċi u l-persunal tekniku fil-forza tax-xogħol il-ġdida. |
4.1.2. |
Huwa essenzjali li ssir sensibilizzazzjoni u jiżdiedu l-ħiliet speċjalizzati u l-parteċipazzjoni fil-forza tax-xogħol fl-intier tagħha. L-appoġġ tekniku previst mill-Kummissjoni huwa milqugħ tajjeb, u għandu jiġi mmodulat u mfassal skont l-oqsma funzjonali tal-ħaddiema kkonċernati. |
4.1.3. |
L-impatti potenzjali tar-Regolament fuq is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali għandhom jiġu esplorati bir-reqqa. Dawn iridu jiġu indirizzati meta jiġu rieżaminati u mfassla mill-ġdid il-proċessi tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. |
4.2. Ġestjoni tas-sistema u ekonomiji
4.2.1. |
L-ispejjeż amministrattivi u ta’ infurzar il-ġodda mġarrba mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u tal-UE jistgħu jkunu relattivament moderati, ħlief għall-ispejjeż taċ-ċertifikazzjoni, skont l-għadd ta’ ċertifikati (25). Madankollu, is-sensibilizzazzjoni, il-bini tal-kapaċità u t-taħriġ għall-partijiet interessati kollha, speċjalment il-forza tax-xogħol, sabiex titmexxa sistema effiċjenti ta’ konformità u verifika jistgħu potenzjalment ikunu aktar ta’ sfida milli mistenni mingħajr appoġġ u koordinazzjoni adegwata mill-Kummissjoni Ewropea. |
4.2.2. |
Skont ir-rekwiżiti eħfef għall-SMEs, u peress li l-awtorapportar u l-awtovalutazzjonijiet huma inqas effiċjenti mill-kontrolli esterni u indipendenti, huwa rakkomandabbli li l-awtoritajiet tal-Istati Membri kollha jżidu l-frekwenza tal-ispezzjonijiet ambjentali. Il-KESE jenfasizza li huwa vitali li jissaħħu l-kontrolli esterni u li titwettaq reviżjoni ta’ nofs it-terminu ta’ din il-leġiżlazzjoni sabiex jitqiesu sejbiet xjentifiċi ġodda potenzjali u d-distakk fl-implimentazzjoni. |
4.2.3. |
Il-volumi dejjem jikbru tal-importazzjonijiet tal-pellets se jnaqqsu s-sorsi tal-emissjonijiet mill-manifattura iżda jżidu t-telf mit-taqsimiet tat-trasport u tal-konverżjoni tal-katina tal-provvista tal-pellets. |
4.3. |
Il-miżuri tal-pellets jidhru li huma bbażati fuq id-daqs, it-teknoloġija u l-kriterji tal-Istati Membri, li huma pjuttost flessibbli u għalhekk jagħtu livell ogħla ta’ responsabbiltà lill-awtoritajiet rilevanti. Minħabba n-nuqqas ta’ metodoloġija standardizzata, ma hemm l-ebda rekwiżit għat-telf massimu permess. Ir-reviżjoni u l-aġġornament tal-leġiżlazzjoni dwar il-BAT kemm għall-manifattura kif ukoll għat-trasport huma ħtieġa urġenti. |
4.4. |
L-operaturi ekonomiċi huma meħtieġa jistabbilixxu l-pjani ta’ valutazzjoni tar-riskju tagħhom skont l-appendiċijiet tal-Proposta tal-Kummissjoni, iżda l-linji gwida pprovduti huma ġenerali wisq. Barra minn hekk, it-trasportaturi, ħlief għal dawk mikro, għandhom jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżit għat-twettiq tal-valutazzjonijiet tar-riskju. Barra minn hekk, għandhom jiġu inklużi miżuri ta’ sikurezza meta l-ħaddiema jimmaniġġjaw it-tixrid u t-tindif tal-pellets. |
4.5. |
Għandha tingħata attenzjoni lill-postijiet li huma esposti għal emissjonijiet ikkonċentrati, bħaż-żoni madwar l-installazzjonijiet, il-punti tal-loġistika, iċ-ċentri tat-trasport, toroq u l-punti ta’ qsim użati għat-trasport tal-pellets. |
Brussell, l-14 ta’ Frar 2024.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Oliver RÖPKE
(1) Plastics — the fast Facts 2023, https://plasticseurope.org/wp-content/uploads/2023/10/Plasticsthefastfacts2023-1.pdf.
(2) Kiran, B.R., Kopperi, H. & Venkata Mohan, S. Micro/nano-plastics occurrence, identification, risk analysis and mitigation: challenges and perspectives (L-okkorrenza, l-identifikazzjoni, l-analiżi tar-riskju u l-mitigazzjoni tal-mikroplastiċi u n-nanoplastiċi: sfidi u perspettivi). Rev Environ Sci Biotechnol 21, 169-203 (2022) (mhux disponibbli bil-Malti), https://doi.org/10.1007/s11157-021-09609-6.
(3) Current EU initiatives to prevent microplastics in the environment (Inizjattivi attwali tal-UE għall-prevenzjoni tal-mikroplastiċi fl-ambjent) — Werner Bosmans, Kap tat-tim “Plastics”, DĠ Ambjent, 9 ta’ Marzu 2023, https://bmbf-plastik.de/sites/default/files/2023-03/Bosmans_EU_initiatives_MP.pdf (mhux disponibbli bil-Malti).
(4) https://www.pops.int/TheConvention/POPsReviewCommittee/Meetings/POPRC17/POPRC17Followup/tabid/9096/ctl/Download/mid/25661/Default.aspx?id=4&ObjID=30809.
(5) Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Grupp ta’ Konsulenti Xjentifiċi Ewlenin, Scientific opinion on microplastic pollution (Opinjoni xjentifika dwar it-tniġġis mill-mikroplastiċi), l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2021, https://data.europa.eu/doi/10.2777/554917 (mhux disponibbli bil-Malti).
(6) https://www.pops.int/TheConvention/POPsReviewCommittee/Meetings/POPRC17/POPRC17Followup/tabid/9096/ctl/Download/mid/25661/Default.aspx?id=4&ObjID=30809.
(7) Commission Staff Working Document — Impact Assessment Report (Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni — Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Impatt) (SWD(2023) 332 final) (mhux disponibbli bil-Malti).
(8) https://www.pops.int/TheConvention/POPsReviewCommittee/Meetings/POPRC17/POPRC17Followup/tabid/9096/ctl/Download/mid/25661/Default.aspx?id=4&ObjID=30809.
(9) https://www.pops.int/TheConvention/POPsReviewCommittee/Meetings/POPRC17/POPRC17Followup/tabid/9096/ctl/Download/mid/25661/Default.aspx?id=4&ObjID=30809.
(10) Operation Clean Sweep, programm volontarju mingħajr ħlas, https://www.opcleansweep.eu/.
(11) https://www.ospar.org/documents?d=46269.
(12) Current EU initiatives to prevent microplastics in the environment (Inizjattivi attwali tal-UE għall-prevenzjoni tal-mikroplastiċi fl-ambjent) — Werner Bosmans, Kap tat-tim “Plastics”, DĠ Ambjent, 9 ta’ Marzu 2023, https://bmbf-plastik.de/sites/default/files/2023-03/Bosmans_EU_initiatives_MP.pdf (mhux disponibbli bil-Malti).
(13) Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).
(14) COM(2022) 142 final.
(15) Current EU initiatives to prevent microplastics in the environment (Inizjattivi attwali tal-UE għall-prevenzjoni tal-mikroplastiċi fl-ambjent) — Werner Bosmans, Kap tat-tim “Plastics”, DĠ Ambjent, 9 ta’ Marzu 2023, https://bmbf-plastik.de/sites/default/files/2023-03/Bosmans_EU_initiatives_MP.pdf (mhux disponibbli bil-Malti).
(16) ĠU C 62, 15.2.2019, p. 280; ĠU C, C/2024/888, 6.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/888/oj; ĠU C 146, 27.4.2023, p. 35; ĠU C 443, 22.11.2022, p. 130.
(17) Lejn Tniġġis Żero għall-Arja, għall-Ilma u għall-Ħamrija (COM(2021) 400 final).
(18) Operation Clean Sweep, programm volontarju mingħajr ħlas, https://www.opcleansweep.eu/.
(19) Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Environmental and Health Risks of Microplastic Pollution (Ir-Riskji Ambjentali u tas-Saħħa tat-Tniġġis Mikroplastiku), Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2019, https://data.europa.eu/doi/10.2777/65378 (mhux disponibbli bil-Malti), https://www.pops.int/TheConvention/POPsReviewCommittee/Meetings/POPRC17/POPRC17Followup/tabid/9096/ctl/Download/mid/25661/Default.aspx?id=4&ObjID=30809.
(20) Kiran, B.R., Kopperi, H. & Venkata Mohan, S. Micro/nano-plastics occurrence, identification, risk analysis and mitigation: challenges and perspectives (L-okkorrenza, l-identifikazzjoni, l-analiżi tar-riskju u l-mitigazzjoni tal-mikroplastiċi u n-nanoplastiċi: sfidi u perspettivi). Rev Environ Sci Biotechnol 21, 169-203 (2022) (mhux disponibbli bil-Malti), https://doi.org/10.1007/s11157-021-09609-6.
(21) Commission Staff Working Document (Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni) (SWD(2023) 333 final) (mhux disponibbli bil-Malti).
(22) Il-Kummissjoni Ewropea, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, Amadei, A., Ardente, F., Modelling plastic flows in the European Union value chain — Material flow analysis of plastic flows at sector and polymer level towards a circular plastic value chain (L-immudellar tal-flussi tal-plastik fil-katina tal-valur tal-Unjoni Ewropea — Analiżi tal-fluss tal-materjali tal-flussi tal-plastik fil-livell tas-settur u tal-polimeru lejn katina ċirkolari tal-valur tal-plastik), l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2022, https://data.europa.eu/doi/10.2760/66163 (mhux disponibbli bil-Malti).
(23) Operation Clean Sweep, programm volontarju mingħajr ħlas, https://www.opcleansweep.eu/ Schwarz, S.M.C. Lensen, E. Langeveld, L.A. Parker, J.H. Urbanus: Plastics in the global environment assessed through material flow analysis, degradation and environmental transportation (Il-plastik fl-ambjent globali vvalutat permezz tal-analiżi tal-fluss tal-materjal, id-degradazzjoni u t-trasport ambjentali), Science of The Total Environment, Volum 875, 2023, 162644, ISSN 0048-9697, https://doi.org/10.1016/j.scitotenv.2023.162644 (mhux disponibbli bil-Malti).
(24) https://safety4sea.com/port-of-antwerp-to-launch-zero-pellet-loss-innovation-challenge/.
(25) Cost-benefit analysis of policy measures reducing unintentional release of microplastics March 21st, 2022 — Stakeholder workshop (Analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-miżuri ta’ politika li jnaqqsu r-rilaxx mhux intenzjonat tal-mikroplastiċi Marzu 21, 2022 — workshop tal-partijiet interessati); https://microplastics.biois.eu/EC_ENV_Unintentional_Microplastics_Workshop_3_old_sources.pdf (mhux disponibbli bil-Malti).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2487/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)