European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/2479

23.4.2024

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-tassazzjoni globali tat-teleħaddiema transfruntiera u l-impatt fuq l-UE”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(C/2024/2479)

Relatur:

Krister ANDERSSON

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

25.1.2023

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adozzjoni fis-sezzjoni

2.2.2024

Adozzjoni fil-plenarja

14.2.2024

Sessjoni plenarja Nru

585

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

202/2/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Matul l-aħħar għaxar snin, il-globalizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni fetħu opportunitajiet ġodda biex wieħed jaħdem mill-bogħod. Il-pandemija tal-COVID-19 ġabet magħha bidla bla preċedent fil-ħajja kemm tal-ħaddiema kif ukoll tan-negozji, li wasslet għal żieda esponenzjali fit-telexogħol.

1.2.

Bit-teknoloġija l-ġdida, l-istess xogħol eżatt jista’ jitwettaq mingħajr il-ħtieġa li wieħed ikun fiżikament preżenti. Dan ifisser ukoll li ħafna aktar nies jistgħu jaħdmu mill-bogħod minn naħa għal oħra tal-fruntiera, u l-għadd ta’ teleħaddiema transfruntiera żdied drastikament.

1.3.

Ir-regoli attwali jindirizzaw kemm it-tassazzjoni korporattiva kif ukoll dik tal-impjieg. L-OECD ilha għexieren ta’ snin tistinka biex tistabbilixxi prinċipji tat-taxxa internazzjonali aċċettati b’mod ġenerali fil-Mudell ta’ Konvenzjoni dwar it-Taxxa fuq id-Dħul u fuq il-Kapital tagħha. Dawn ir-regoli u l-ftehimiet imbagħad ġew applikati mill-Istati Membri fl-UE u ffurmaw il-bażi għal regoli fil-Mudell ta’ Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tassazzjoni Doppja.

1.4.

Waqt il-pandemija, is-Segretarjat tal-OECD ħareġ linji gwida li jistipulaw li ħaddiema transfruntiera li ma jkunux jistgħu jivvjaġġaw lejn il-pajjiż tal-impjegatur għandhom ikunu taxxabbli fil-pajjiż tal-impjegatur, minkejja li x-xogħol ikun twettaq mill-bogħod. L-għadd ta’ jiem permessi għal tali xogħol mill-bogħod spiss ikun limitat għal madwar 20 jum fis-sena. Fl-Opinjoni tiegħu dwar It-tassazzjoni tat-teleħaddiema transfruntiera u ta’ min iħaddimhom (1), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) rrakkomanda li l-limitu għandu jiġi estiż għal jumejn fil-ġimgħa, jew 96 jum fis-sena, mingħajr ebda konsegwenza fiskali.

1.5.

Biex jiġi ssemplifikat, bir-regoli attwali, il-prinċipju miftiehem tad-drittijiet tat-tassazzjoni huwa li l-pajjiż li fih jitwettaq ix-xogħol għandu d-dritt li jintaxxa l-introjtu mill-impjieg. Jekk, bl-użu ta’ mezzi elettroniċi, ix-xogħol issa jista’ jitwettaq mill-bogħod, soluzzjoni possibbli tista’ tkun li l-pajjiż ta’ residenza tal-impjegatur għandu, bħala prinċipju, ikollu d-dritt li jintaxxa. Madankollu, it-teleħaddiema ma għandhom isofru l-ebda trattament fiskali diskriminatorju meta mqabbel ma’ ħaddiema transfruntiera li jwettqu x-xogħol tagħhom fil-pajjiż tal-impjegatur.

1.6.

Possibbiltà oħra tkun li l-persuna impjegata tiġi ntaxxata fil-pajjiż ta’ residenza tagħha bl-istess mod kif jiġu ntaxxati dawk li jaħdmu għal rashom. Madankollu, argument kontra sistema bħal din huwa li peress li x-xogħol għadu jitwettaq għall-impjegatur fil-pajjiż B, id-dritt li jiġi ntaxxat l-introjtu tal-impjegat għandu jibqa’ fil-pajjiż B, jiġifieri l-pajjiż tal-impjegatur. Wara kollox, l-ispejjeż tal-pagi huma deduċibbli għall-kalkolu tat-taxxa korporattiva dovuta fil-pajjiż B (2).

1.7.

Għalhekk, il-KESE jemmen li t-tassazzjoni tal-introjtu tal-impjegati bħala introjtu mill-pagi fil-pajjiż ta’ residenza tal-impjegatur hija l-għażla ppreferuta. Reġim bħal dan jagħmel l-affarijiet aktar sempliċi għall-impjegati u jista’ jkun attraenti wkoll għall-impjegaturi. Sabiex jiġi kkumpensat it-telf ta’ dħul fil-pajjiż ta’ residenza tal-impjegat, x’aktarx ikun meħtieġ mekkaniżmu għall-qsim tad-dħul.

1.8.

Il-KESE jipproponi li l-awtoritajiet tat-taxxa jistgħu jaqsmu l-introjtu bejn il-pajjiżi billi japplikaw data dwar il-preżenza individwali reali fl-istati kkonċernati (irrapportata mill-impjegatur lill-awtorità tat-taxxa fil-pajjiż ta’ residenza tiegħu, u b’hekk jaġixxi bħala punt uniku ta’ servizz) jew bl-użu ta’ xi koeffiċjent aggregat makroekonomiku.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Matul l-aħħar għaxar snin, il-globalizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni fetħu opportunitajiet ġodda biex wieħed jaħdem mill-bogħod. Il-pandemija tal-COVID-19 ġabet magħha bidla bla preċedent fil-ħajja kemm tal-ħaddiema kif ukoll tan-negozji u wasslet għal żieda esponenzjali fit-telexogħol.

2.2.

Matul il-pandemija, in-negozji u l-impjegati għamlu sforzi kbar biex jiddiġitalizzaw l-attivitajiet tagħhom ta’ kuljum (eż. għodod tal-laqgħat online), u aċċelleraw il-proċess ta’ diġitalizzazzjoni kontinwu li wassal għal xenarju ġdid tal-impjiegi. Il-bidliet osservati saru kemm mis-settur privat kif ukoll minn dak pubbliku (3).

2.3.

Bit-teknoloġija l-ġdida, l-istess xogħol eżatt jista’ jitwettaq mingħajr il-ħtieġa li wieħed ikun fiżikament preżenti. Dan ifisser ukoll li ħafna aktar nies jistgħu jaħdmu mill-bogħod minn naħa għal oħra tal-fruntiera, u l-għadd ta’ teleħaddiema transfruntiera żdied drastikament. L-istimi attwali dwar it-telexogħol jissuġġerixxu li madwar 22 % tal-forza tax-xogħol tal-UE issa qed tagħmel xi forma ta’ telexogħol (4).

2.4.

Ix-xogħol mill-bogħod tabilħaqq wera li dan huwa effiċjenti kemm għall-ħaddiema kif ukoll għall-impjegaturi (5). Għalhekk, il-possibbiltà li wieħed jaħdem barra mill-uffiċċju għal diversi jiem fil-ġimgħa, jew saħansitra fuq bażi stabbli, issa hija realtà stabbilita u li qed tikber b’rata mgħaġġla.

2.5.

Fi ftit snin, mijiet ta’ miljuni ta’ persuni globalment jistgħu jaħdmu mill-bogħod u ħafna minnhom b’mod transfruntier minn pajjiżhom, jew saħansitra minn sensiela ta’ pajjiżi terzi (l-hekk imsejħa Nomadi Diġitali).

2.6.

L-iffaċilitar tax-xogħol mill-bogħod mhux biss tejjeb il-kwalità tal-ħajja u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata ta’ miljuni ta’ ħaddiema (6), iżda jista’ jikkontribwixxi wkoll għat-tnaqqis tal-impatt ambjentali ta’ miljuni ta’ vjaġġaturi, b’konformità mal-objettivi tal-UE. Għalhekk, tendenza bħal din x’aktarx li tkompli u tevolvi aktar fil-futur.

2.7.

Kif muri, hemm ħafna aspetti pożittivi ta’ ħidma mill-bogħod. Madankollu, xejra b’għadd dejjem jikber ta’ persuni li qed jaħdmu mill-bogħod tirrappreżenta wkoll sfidi kbar minn perspettiva tat-taxxa. Ir-regoli tat-taxxa jeħtieġ li jiġu aġġornati sabiex jirriflettu kif isir ix-xogħol fl-ambjent tax-xogħol attwali u kif x’aktarx li jsir fil-futur. Huwa importanti wkoll li jiġi rikonoxxut li, bl-għażla tal-post ta’ individwu, isegwi d-dritt li jibbenefika minn nefqa pubblika li titħallas prinċipalment mit-taxxi. It-tassazzjoni u r-rappreżentanza fit-tfassil tal-politika huma prinċipju stabbilit sew li għandu jiġi rispettat.

2.8.

L-indirizzar tal-kwistjoni tat-tassazzjoni tat-telexogħol transfruntier x’aktarx li jinvolvi l-ħtieġa ta’ reviżjoni tal-ftehimiet kemm bilaterali kif ukoll multinazzjonali. Dan l-aħħar ġie aġġornat ftehim ta’ dan it-tip bejn l-Iżvizzera u Franza għall-ħaddiema tal-fruntiera tal-canton ta’ Ġinevra (l-Iżvizzera) li jgħixu fi Franza. Skont il-ftehim, it-telexogħol transfruntier li ma jaqbiżx l-40 % tal-ħin tax-xogħol totali, mhux se jkollu impatt fuq is-sitwazzjoni tat-taxxa tal-ħaddiema. Il-ħaddiema tal-fruntiera li jgħixu fi Franza u li jaħdmu f’Ġinevra mbagħad ikomplu jkunu soġġetti għat-tassazzjoni f’Ġinevra fil-forma ta’ taxxi minn ras il-għajn fuq il-pagi. Sabiex jikkumpensa għat-telf fid-dħul fi Franza, il-ftehim jinvolvi mekkaniżmu għall-qsim tad-dħul, li permezz tiegħu Ġinevra tħallas lil Franza kumpens ta’ 3,5 % tad-dħul mit-taxxa.

2.9.

Ftehim multilaterali li bħalissa qed jiġi diskuss fil-Kunsill Nordiku ġie ppreżentat fis-seduta pubblika tal-KESE “It-tassazzjoni tat-teleħaddiema transfruntiera – soluzzjonijiet possibbli” f’Tallinn fl-4 ta’ Lulju 2023. Dan jiddeskrivi kif l-impjegatur prinċipali jippreżenta formola Nordika waħda ta’ żamma għal resident Nordiku li jaħdem fi tliet pajjiżi Nordiċi u jippreżenta wkoll mekkaniżmu għall-qsim tad-dħul bejn il-pajjiżi Nordiċi (7).

2.10.

Ovvjament hemm benefiċċji meta jinstabu soluzzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż sabiex jippermettu t-telexogħol transfruntier, iżda jkun jaqbel li jkun hemm ftehimiet ibbażati fuq prinċipji aċċettati b’mod ġenerali. Jekk le, x’aktarx li jitfaċċa sett kumpless ta’ regoli u applikazzjonijiet internazzjonali, li jwassal għal frammentazzjoni.

2.11.

L-OECD ilha għexieren ta’ snin tistinka biex tistabbilixxi prinċipji tat-taxxa internazzjonali aċċettati b’mod komuni fil-Mudell ta’ Konvenzjoni dwar it-Taxxa fuq id-Dħul u fuq il-Kapital tagħha. Dawn ir-regoli u l-ftehimiet imbagħad ġew applikati mill-Istati Membri fl-Unjoni Ewropea u ffurmaw il-bażi għal regoli fil-Mudell ta’ Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tassazzjoni Doppja.

2.12.

Ir-regoli attwali jindirizzaw kemm it-tassazzjoni korporattiva kif ukoll dik tal-impjiegi. Fir-rigward tat-tassazzjoni tal-profitti tal-kumpaniji, it-teleħaddiema internazzjonali jistgħu jirriskjaw li, b’mod involontarju, joħolqu stabbiliment permanenti għall-kumpanija f’pajjiż differenti minn tagħhom. Jekk stabbiliment permanenti jiġi stabbilit f’pajjiż ieħor, barra mid-diskussjoni dwar kif għandu jiġi ntaxxat l-introjtu mill-impjieg marbut mat-telexogħol transfruntier, il-kumpanija tiġi mġiegħla taqsam b’mod preċiż l-introjtu korporattiv tagħha bejn iż-żewġ postijiet, u b’hekk tkun soġġetta għal obbligi ta’ rappurtar u għal obbligazzjonijiet tat-taxxa differenti.

2.13.

Għat-tassazzjoni tal-impjegat, l-Artikolu 15 tal-Mudell ta’Konvenzjoni tal-OECD u tan-NU (8) jindirizza jekk is-salarji, il-pagi u forom oħra ta’ remunerazzjoni għandhomx ikunu taxxabbli fil-pajjiż fejn l-impjieg huwa eżerċitat jew fi stat kontraenti ieħor. Madankollu, jekk l-impjegat ikun preżenti fi stat ieħor għal inqas minn 183 jum fuq perjodu ta’ tnax-il xahar, u l-impjegatur ma jkollux stabbiliment permanenti fl-istat fejn jitwettaq ix-xogħol, il-pajjiż tal-impjegatur iżomm id-dritt li jintaxxa l-introjtu tal-impjegat. Minbarra l-impjegati, hemm ukoll regoli speċjali fil-Mudell ta’ Konvenzjoni għad-diretturi, dawk li jipprovdu divertiment, l-isportivi u l-istudenti (9).

2.14.

Meta stat kontraenti jkollu d-dritt li jintaxxa r-remunerazzjoni tal-impjegat, spiss jimponi obbligi fuq l-impjegatur biex jaqta’ t-taxxi/it-tariffi tal-pagi/tas-salarji.

2.15.

Waqt il-pandemija, is-Segretarjat tal-OECD ħareġ linji gwida li jistipulaw li ħaddiem transfruntier li ma jkunx jista’ jivvjaġġa lejn il-pajjiż tal-impjegatur għandu jkun taxxabbli fil-pajjiż tal-impjegatur, minkejja li x-xogħol ikun twettaq mill-bogħod. L-għadd ta’ jiem permessi għal tali xogħol mill-bogħod spiss ikun limitat għal madwar 20 jum fis-sena. Fl-Opinjoni tiegħu dwar It-tassazzjoni tat-teleħaddiema transfruntiera u ta’ min iħaddimhom (10) ta’ Lulju 2022, il-KESE rrakkomanda li l-limitu għandu jiġi estiż għal jumejn fil-ġimgħa, jew 96 jum fis-sena, mingħajr ebda konsegwenza fiskali.

2.16.

Din l-Opinjoni indikat ukoll ir-riskju ta’ tassazzjoni doppja tal-impjegati li jwettqu telexogħol minn naħa għal oħra tal-fruntiera, u ħeġġet lill-Kummissjoni tikkunsidra jekk “punt uniku ta’ servizz”, simili għal dak applikat fil-qasam tal-VAT, jistax ikun possibbiltà. Din l-Opinjoni għandha l-għan li tirfina l-approċċ tal-KESE għal din il-kwistjoni, u li tressaq kontribut addizzjonali għad-dibattitu li għaddej.

2.17.

It-trattament tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali huwa wkoll aspett importanti tat-telexogħol transfruntier. Għalkemm dawn il-kontribuzzjonijiet jistgħu jkunu marbuta mal-introjtu, is-sigurtà soċjali mhijiex ittrattata f’din l-Opinjoni u r-regolamenti tas-suq tax-xogħol mhumiex indirizzati anqas.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.

Biex jiġi ssimplifikat, bir-regoli attwali, il-prinċipju miftiehem tad-drittijiet tat-tassazzjoni huwa li l-pajjiż li fih jitwettaq ix-xogħol għandu d-dritt li jintaxxa l-introjtu mill-impjieg. Jekk, bl-użu ta’ mezzi elettroniċi, ix-xogħol issa jista’ jitwettaq mill-bogħod, soluzzjoni possibbli tista’ tkun li l-pajjiż ta’ residenza tal-impjegatur għandu, bħala prinċipju, ikollu d-dritt li jintaxxa. It-teleħaddiema, madankollu, ma għandhom isofru l-ebda trattament fiskali diskriminatorju meta mqabbel mal-ħaddiema transfruntiera.

3.2.

Nikkunsidraw eżempju semplifikat; persuna tivvjaġġa ħamest ijiem fil-ġimgħa minn pajjiż A lejn l-uffiċċju u l-bini tal-impjegatur f’pajjiż B. Skont ir-regoli preżenti, l-introjtu mill-paga jiġi ntaxxat fil-pajjiż B. Jekk il-persuna ma tibqax tivvjaġġa iżda taħdem minn darha fil-pajjiż A, hija taxxabbli fil-pajjiż A. Ix-xogħol imwettaq għall-impjegatur fil-pajjiż B huwa, madankollu, l-istess bħal qabel iżda d-dritt ta’ ntaxxar ta’ dak l-introjtu jiċċaqlaq minn pajjiż B għal pajjiż A. Dan huwa biss minħabba żviluppi teknoloġiċi u n-natura li qed tinbidel tas-suq tax-xogħol.

3.3.

Jista’ jiġi nnutat li jekk ix-xogħol minflok jitwettaq bħala konsulent li jaħdem għal rasu għall-impjegatur u l-konsulent jirrisjedi fil-pajjiż A iżda jwettaq id-dmirijiet mill-bogħod, ma jkun hemm l-ebda bidla f’fejn tiġi imposta t-taxxa meta mqabbla mal-lum. Il-pajjiż A, fejn id-ditta tal-konsulent hija rreġistrata, għandu d-dritt li jimponi t-taxxi. Għalhekk se jkun hemm korrelazzjoni mill-qrib bejn l-introjtu ggwadanjat, it-taxxi u l-użu tas-servizzi pubbliċi. Possibbiltà waħda tkun li, għal skopijiet ta’ tassazzjoni, l-impjegati jiġu ttrattati bl-istess mod bħal dawk li jaħdmu għal rashom, u jiġu imposti taxxi fil-pajjiż A.

3.4.

Madankollu, argument kontra l-intaxxar tal-impjegati bl-istess mod bħal persuna li taħdem għal rasha huwa li peress li x-xogħol għadu jitwettaq għall-impjegatur fil-pajjiż B, id-dritt li jiġi ntaxxat l-introjtu tal-impjegat għandu jibqa’ fil-pajjiż B, jiġifieri l-pajjiż tal-impjegatur. Wara kollox, l-ispejjeż tal-pagi huma deduċibbli għall-kalkolu tat-taxxa korporattiva dovuta fil-pajjiż B (11). Tali bidla fid-drittijiet tat-tassazzjoni mis-sitwazzjoni tal-lum ikollha diversi konsegwenzi.

3.5.

Madankollu, hemm kwistjoni importanti li jeħtieġ li tiġi indirizzata jekk it-tassazzjoni għandha tibqa’ fil-pajjiż B. Taħt tali reġim, il-pajjiż A ma jirċievi l-ebda dħul mit-taxxa fuq l-introjtu minn dan l-individwu biex jiffinanzja s-servizzi pubbliċi li jgawdi minnhom sakemm ma jkunx hemm xi tip ta’ qsim tad-dħul. Jekk hux se jkun hemm telf ta’ dħul mit-taxxa għal pajjiż individwali jiddependi mill-fluss nett ta’ ħaddiema transfruntiera. Dment li l-għadd ta’ teleħaddiema transfruntiera u l-kont tal-pagi tagħhom jammontaw għall-istess total, il-pajjiżi A u B se jkunu fl-istess pożizzjoni ta’ dħul nett irrispettivament mill-pajjiż li fih huwa taxxabbli l-introjtu. Madankollu, dan jista’ ma jkunx il-każ jekk il-pajjiżi jkunu ta’ daqsijiet differenti u l-attraenza tagħhom għall-impjegaturi u għall-impjegati tvarja. Il-klima tan-negozju u l-livell tas-salarji mħallsa se jkunu fattur importanti, bħal dejjem, għad-dħul mit-taxxa.

3.6.

Għall-impjegati, il-piż tat-taxxa jista’ jkun differenti skont jekk humiex intaxxati fuq il-pagi tagħhom fil-pajjiż A jew pajjiż B. Jekk ir-rati tat-taxxa huma simili bejn iż-żewġ pajjiżi, l-effett x’aktarx li jkun żgħir. Madankollu, minħabba r-regoli tat-taxxa speċifiċi għall-pajjiż, jista’ jkun hemm effett fuq id-dritt li l-ispejjeż jitnaqqsu mill-kont tat-taxxa, bħal fil-każ tal-ispejjeż tas-self ipotekarju. Jista’ jkun meħtieġ li jkun hemm introjtu taxxabbli bħala rekwiżit biex jingħata tnaqqis (12).

3.7.

F’dinja globalizzata u diġitalizzata, il-ħaddiema jistgħu jagħżlu b’mod aktar liberu pajjiż ta’ residenza indipendentement minn fejn jinsab l-impjegatur tagħhom. Bil-mobbiltà jsegwu diffikultajiet għall-awtoritajiet tat-taxxa biex jiddeterminaw il-pajjiż ta’ residenza (13). Probabbilment huwa aktar faċli li jiġi ddeterminat fejn tinsab il-kumpanija li għaliha jitwettaq ix-xogħol, milli fejn jinsab il-ħaddiem individwali (14).

3.8.

Il-pjattaformi ta’ spiss jintużaw biex jinkisbu l-klijenti. Il-pjattaforma spiss ma tkunx qed taqdi l-funzjoni ta’ impjegatur, u għalhekk il-post tal-persuna li twettaq ix-xogħol ikun qed jiddetermina f’liema pajjiż l-introjtu għandu jkun taxxabbli, irrispettivament minn fejn tkun irreġistrata l-pjattaforma. Għandha ssir distinzjoni tajba bejn il-pjattaformi u n-nomadi diġitali. In-nomadi diġitali jistgħu jaħdmu minn ħafna pajjiżi f’sena waħda. Dawn jistgħu jkunu attirati minn viżi speċjali maħruġa minn pajjiżi jew minn trattament fiskali ta’ benefiċċju mmirat ieħor, u b’hekk tinħoloq kompetizzjoni fiskali bejn pajjiżi.

3.9.

Il-pajjiżi jistgħu jiddeċiedu li jaqsmu d-dħul mit-taxxa u b’hekk jirrikonoxxu li l-pajjiż ta’ residenza jipprovdi servizzi bħal skejjel pubbliċi, kura tas-saħħa, eċċ. Jista’ jinħoloq mekkaniżmu għall-qsim tad-dħul b’diversi modi. L-awtoritajiet tat-taxxa jistgħu jaqsmu l-introjtu bejn il-pajjiżi billi japplikaw data dwar il-preżenza individwali reali fl-istati kkonċernati (irrapportata mill-impjegatur lill-awtorità tat-taxxa fil-pajjiż ta’ residenza tiegħu, u b’hekk isservi bħala punt uniku ta’ servizz) jew bl-użu ta’ xi koeffiċjent aggregat makroekonomiku.

3.10.

Il-pajjiżi se jkomplu jikkompetu fil-qasam fiskali. In-nomadi diġitali se jqisu s-sistema tat-taxxa meta jagħżlu fejn jgħixu u jaħdmu. Peress li l-ostakli biex jinstab impjieg bi qligħ jitnaqqsu drastikament meta jkun hemm inqas ħtieġa li familja tiġi rilokata fiżikament, l-importanza tat-tassazzjoni fuq ix-xogħol x’aktarx li tiżdied.

3.11.

Id-dibattitu s’issa fil-fora internazzjonali kien iffukat ħafna fuq il-post u t-tassazzjoni tal-korporazzjonijiet, minkejja li d-dħul mit-taxxa korporattiva tipikament huwa biss ftit punti perċentwali tal-PDG. Id-dħul mit-taxxa mill-introjtu mix-xogħol, inklużi t-taxxi indiretti bħall-VAT, spiss ikun madwar 20 darba aktar mid-dħul mit-taxxi korporattivi. Taxxi korporattivi għoljin inaqqsu l-investimenti korporattivi u l-istabbiliment ta’ siti kummerċjali ġodda u għalhekk anke d-dħul mit-taxxa fuq l-introjtu mix-xogħol, iżda l-effett tas-suq tax-xogħol li qed jinbidel b’possibbiltajiet ta’ xogħol mill-bogħod se jsir ħafna aktar evidenti fis-snin li ġejjin.

3.12.

It-teknoloġija l-ġdida tippermetti lill-ħaddiema b’livell għoli ta’ ħiliet fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw (u fil-pajjiżi żviluppati) jżommu r-residenza tagħhom waqt li fl-istess ħin jaħdmu għal ditta jew organizzazzjoni internazzjonali f’pajjiż aktar żviluppat. It-taxxi fuq il-konsum u t-taxxi fuq il-proprjetajiet imbagħad jitħallsu minn tali persuna fil-pajjiż li qed jiżviluppa. It-tassazzjoni fuq l-introjtu mix-xogħol tista’ tiżdied jekk l-impjegati jiġu ttrattati bħala persuni li jaħdmu għal rashom għal finijiet ta’ taxxa. Jekk it-taxxi jinġabru fil-pajjiż tal-impjegatur, dan ikun ifisser li d-dħul ma jinbidilx meta mqabbel mal-lum peress li l-unika differenza tkun il-preżenza fiżika tal-impjegat. Filwaqt li fil-passat kien meħtieġ ċaqliq fiżiku biex jinkiseb l-introjtu, dan ma għadux il-każ. Jekk, barra minn hekk, jiġi introdott il-qsim tad-dħul, se jkun il-pajjiż ta’ residenza li x’aktarx jiggwadanja f’termini ta’ dħul mit-taxxa.

3.13.

L-għażla li l-introjtu tal-impjegati jiġi ttrattat bl-istess mod bħall-introjtu tal-persuni li jaħdmu għal rashom tista’ forsi tkun relattivament faċli biex tiġi implimentata (15) iżda t-tassazzjoni fuq l-introjtu tal-impjegati bħala introjtu mill-pagi fil-pajjiż ta’ residenza tal-impjegatur hija l-għażla ppreferuta. Reġim bħal dan jagħmel l-affarijiet aktar sempliċi għall-impjegati u jista’ jkun attraenti wkoll għall-impjegaturi. Sabiex jiġi kkumpensat it-telf ta’ dħul fil-pajjiż ta’ residenza tal-impjegat, x’aktarx ikun meħtieġ mekkaniżmu għall-qsim tad-dħul.

3.14.

It-tfassil ta’ sistema ta’ tassazzjoni fuq ir-remunerazzjoni tal-impjegati fil-pajjiż ta’ residenza tal-impjegatur jista’ jkun f’diversi forom. Mod wieħed jista’ jkun l-introduzzjoni ta’ dispożizzjoni(jiet) ta’ mudell alternattiv fil-kummentarju tal-Mudell ta’ Konvenzjoni tal-OECD li għandu jintuża mill-pajjiżi fin-negozjati bilaterali. Dan jiffaċilita sett ta’ regoli aktar uniformi.

Brussell, l-14 ta’ Frar 2024.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Oliver RÖPKE


(1)   ĠU C 443, 22.11.2022, p. 15

(2)  Bir-regoli preżenti, it-tariffi ta’ konsulenza għal persuna li taħdem għal rasha huma deduċibbli wkoll meta jiġu kkalkulati l-profitti korporattivi taxxabbli fil-pajjiż B anke jekk it-tariffa ta’ konsulenza hija introjtu taxxabbli fil-pajjiż A.

(3)  Studju tal-Eurofound, The Rise in Telework: Impact on Working Conditions and Regulations [Iż-żieda fit-telexogħol: L-impatt fuq il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol u r-Regolamenti (mhux disponibbli bil-Malti)], p. 55. Matul il-pandemija, is-servizzi pubbliċi u l-amministrazzjoni, l-edukazzjoni u s-setturi tas-saħħa u tal-ħidma soċjali esperjenzaw żieda notevoli fil-ftehimiet settorjali dwar it-telexogħol. Il-biċċa l-kbira tal-ftehimiet settorjali jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-proċedura formali tal-introduzzjoni tat-telexogħol, kif ukoll dwar l-aċċess għat-telexogħol.

(4)  Studju tal-Eurofound, The Rise in Telework: Impact on Working Conditions and Regulations [Iż-żieda fit-telexogħol: L-impatt fuq il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol u r-Regolamenti (mhux disponibbli bil-Malti)], p. 55. Fl-2008, inqas minn 8 % tal-impjegati kienu qed jaħdmu mid-dar “xi drabi” jew “normalment”. Dan is-sehem żdied gradwalment matul is-snin, u laħaq 11 % fl-2019, eżatt qabel il-kriżi. Wara l-bidu tal-pandemija, il-frekwenza tat-telexogħol żdiedet f’daqqa għal 19 % fl-2020 u kompliet tiżdied għal 22 % fl-2021. Iż-żieda ġiet irreġistrata prinċipalment fost l-impjegati li “normalment” jaħdmu mid-dar.

(5)  Studju tal-Eurofound, The Rise in Telework: Impact on Working Conditions and Regulations [Iż-żieda fit-telexogħol: L-impatt fuq il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol u r-Regolamenti (mhux disponibbli bil-Malti)], p. 2. L-impjegati, u sa ċertu punt l-impjegaturi, jippreferu l-mudell ibridu tat-telexogħol (telexogħol parzjali jew telexogħol part-time). Ġie ppruvat li x-xogħol ibridu jiffranka l-ħin tal-ivvjaġġar, itejjeb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, inaqqas is-sentimenti ta’ iżolament, u jiżgura ġestjoni tal-ħin aktar effiċjenti.

(6)  Studju tal-Eurofound, The Rise in Telework: Impact on Working Conditions and Regulations [Iż-żieda fit-telexogħol: L-impatt fuq il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol u r-Regolamenti (mhux disponibbli bil-Malti)], p. 55.

(7)  Seduta pubblika tal-KESE dwar It-tassazzjoni tat-teleħaddiema transfruntiera – soluzzjonijiet possibbli

(8)  OECD, Artikoli tal-mudell ta’ konvenzjoni fir-rigward tat-taxxi fuq l-introjtu u fuq il-kapitalKummentarji dwar l-artikoli tal-mudell ta’ konvenzjoni dwar it-taxxa.

(9)  OECD, Artikoli tal-mudell ta’ konvenzjoni fir-rigward tat-taxxi fuq l-introjtu u fuq il-kapital, l-Artikoli 16, 17 u 20.

(10)   ĠU C 443, 22.11.2022, p. 15.

(11)  Bir-regoli preżenti, it-tariffi ta’ konsulenza għal persuna li taħdem għal rasha huma deduċibbli wkoll meta jiġu kkalkulati l-profitti korporattivi taxxabbli fil-pajjiż B anke jekk it-tariffa ta’ konsulenza hija introjtu taxxabbli fil-pajjiż A.

(12)  Xorta jista’ jiġi applikat kreditu ta’ taxxa standardizzat.

(13)  Hija sitwazzjoni simili bħal dik tar-rilokazzjoni tal-assi intanġibbli fis-settur korporattiv, li wasslet għal ħafna mill-ħidma fil-livell internazzjonali dwar l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Trasferiment tal-Profitti (BEPS). Il-Ftehim dwar l-Ammont A fil-Pilastru 1 tal-Qafas Inklużiv u l-OECD, bil-qsim tal-profitti, ġie ppreżentat.

(14)  Argument favur li jkun hemm taxxa korporattiva minflok ma jiġu ntaxxati l-azzjonisti u l-ħaddiema kien li huwa aktar faċli li jinżamm rekord tal-kumpaniji u li jinġabru t-taxxi f’dak il-livell.

(15)  Ir-rekwiżiti li jridu jiġu ssodisfati sabiex ditta tiġi rikonoxxuta (bħal motiv ta’ profitt, durabbiltà, u l-preżenza ta’ aktar minn klijent wieħed, eċċ.) probabbilment ikollhom jinbidlu.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2479/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)