|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje C |
|
C/2024/2476 |
27.3.2024 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tal-25 ta’ Marzu 2024
dwar it-tkomplija tal-miżuri kkoordinati għal tnaqqis fid-domanda għall-gass
(C/2024/2476)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 flimkien mal-Artikolu 194(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Din ir-Rakkomandazzjoni għandha l-għan li tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex ikomplu bil-miżuri attwali għal tnaqqis fid-domanda għall-gass adottata skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1369 (1) sabiex jiksbu tnaqqis fid-domanda għall-gass ta’ 15 % meta mqabbla mal-perjodu ta’ referenza mill-1 ta’ April 2017 sal-31 ta’ Marzu 2022. Din ir-Rakkommandazzjoni għandha wkoll l-għan li tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jkomplu t-tnaqqis attwali tagħhom fid-domanda filwaqt li jirrapportaw lill-Eurostat, inkluż diżaggregazzjoni tal-konsum tal-gass għal kull settur. |
|
(2) |
Ir-Regolament (UE) 2022/1369 ġie adottat fid-dawl tal-kriżi tal-provvista tal-gass ikkawżata mill-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna. Għandu l-għan li jnaqqas fuq bażi volontarja u, jekk meħtieġ, obbligatorja d-domanda tal-Unjoni għall-gass, billi jiffaċilita l-mili tal-kapaċitajiet tal-ħażna, irażżan il-volatilità tal-prezzijiet u jiżgura tħejjija aħjar għal kwalunkwe interruzzjoni ulterjuri tal-provvista. Ġie adottat fid-dawl tal-ħtieġa urġenti li l-Unjoni tirreaġixxi b’miżuri temporanji fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri. |
|
(3) |
Skont ir-Regolament (UE) 2022/1369, l-Istati Membri kellhom jagħmlu ħilithom biex inaqqsu l-konsum tagħhom tal-gass bi 15 %, l-ewwel fil-perjodu mill-1 ta’ Awwissu 2022 sal-31 ta’ Marzu 2023 u, wara li r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/706 (2) estenda l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/1369, fil-perjodu mill-1 ta’ April 2023 sal-31 ta’ Marzu 2024. Fil-każ li l-miżuri volontarji ta’ tnaqqis fid-domanda ma jkunux biżżejjed biex jindirizzaw ir-riskju ta’ skarsezza serja fil-provvista, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni, ingħata s-setgħa li jiddikjara allert tal-Unjoni, li jiskatta l-obbligu ta’ tnaqqis obbligatorju fid-domanda. L-Istati Membri adottaw miżuri biex inaqqsu d-domanda rispettiva tagħhom tal-gass fi spirtu ta’ solidarjetà li rriżultaw fi tnaqqis effettiv fid-domanda għall-gass fl-Unjoni kollha ta’ aktar minn 15 % minn Awwissu 2022 sa Diċembru 2023. |
|
(4) |
Skont ir-Regolament (UE) 2022/1369, il-Kummissjoni wettqet rieżami ġdid ta’ dak ir-Regolament sal-1 ta’ Marzu 2024, fid-dawl tas-sitwazzjoni ġenerali fir-rigward tal-provvista tal-gass lejn l-Unjoni, u ppreżentat rapport lill-Kunsill dwar is-sejbiet ewlenin tagħha. |
|
(5) |
Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni kkonkludiet li, għalkemm is-sitwazzjoni fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista tal-gass tjiebet bis-saħħa ta’ investimenti mmirati u għadd ta’ miżuri, inkluż it-tnaqqis fid-domanda skont ir-Regolament (UE) 2022/1369, is-sigurtà ġenerali tal-provvista għadha delikata. Is-suq globali tal-gass għadu ristrett u l-ebda żieda sinifikanti fil-kapaċitajiet globali tal-likwefazzjoni ma hija mistennija qabel l-2025-2027, filwaqt li għad fadal riskji oħra li jistgħu jwasslu biex is-sitwazzjoni attwali tas-sigurtà tal-provvista tmur għall-agħar. Il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll li t-tnaqqis fid-domanda kkontribwixxa b’mod sinifikanti għall-eliminazzjoni gradwali ta’ madwar 65 biljun metru kubu (bcm) ta’ gass Russu fl-2023, primarjament fis-setturi tal-unitajiet domestiċi u l-industriji. Fl-2023, it-tnaqqis fid-domanda kien kruċjali biex tintemm ix-xitwa b’livelli ta’ ħżin adegwati u biex jipprovdi l-flessibbiltà meħtieġa fis-sajf sabiex jiġi ssodisfat l-obbligu tal-ħżin ta’ 90 % stabbilit bir-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). |
|
(6) |
Episodji reċenti ta’ volatilità sinifikanti tal-prezzijiet, inkluż fis-sajf u fil-ħarifa tal-2023 meta l-prezzijiet żdiedu b’aktar minn 50 % fi ftit ġimgħat, ikkawżati minn avvenimenti bħall-istrajk fil-faċilitajiet tal-esportazzjoni tal-gass naturali likwifikat (LNG) Awstraljani u l-interruzzjoni fil-pipeline Balticconnector, juru li l-prezzijiet tas-suq għadhom suxxettibbli anke għal xokkijiet relattivament żgħar fir-rigward tad-domanda u l-provvista. Taħt tali kundizzjonijiet, il-biża’ li l-provvista tal-gass naturali ssir skarsa tista’ twassal għal reazzjonijiet sistemiċi madwar l-Unjoni b’riperkussjonijiet serji fuq il-prezzijiet tal-enerġija. Barra minn hekk, minħabba t-tnaqqis sinifikanti fl-importazzjonijiet Russi tal-gass mill-pipelines matul l-aħħar sena, id-disponibbiltà tal-provvisti tal-gass globali lejn l-Unjoni naqqset b’mod konsiderevoli meta mqabbla mal-kundizzjonijiet qabel il-kriżi. Fl-2023, l-Unjoni rċeviet madwar 25 bcm ta’ gass Russu mill-pipelines u l-provvisti Russi rrappreżentaw 15 % biss tal-importazzjonijiet totali tal-Unjoni (gass tal-pipeline u LNG), meta mqabbla ma’ 45 % fl-2021. |
|
(7) |
Minħabba l-bilanċ strett li fadal bejn il-provvista u d-domanda, l-interruzzjonijiet tal-provvista tal-gass jistgħu jkollhom impatt sinifikanti fuq il-prezzijiet tal-gass u tal-elettriku u jistgħu jikkawżaw dannu lill-ekonomija tal-Unjoni billi jaffettwaw il-kompetittività tagħha u jħallu impatt negattiv fuq iċ-ċittadini u l-impriżi tal-Unjoni. Għal dak l-għan, hija rrakkomandata t-tkomplija ta’ tnaqqis ikkoordinat fid-domanda mill-Istati Membri fi spirtu ta’ solidarjetà, fost l-oħrajn biex jiġi ffaċilitat il-mili mill-ġdid tal-kapaċitajiet tal-ħżin b’mod effiċjenti u bi tfixkil minimu fis-suq, li min-naħa tiegħu jikkontribwixxi għall-iżgurar tas-sigurtà tal-provvista tal-gass qabel ix-xitwa 2024-2025. Iffrankar proattiv u kkoordinat inaqqas ir-riskju ta’ impatt negattiv li nuqqasijiet tal-gass potenzjali jistgħu jkollhom fuq il-kompetittività tal-industriji tal-Unjoni. |
|
(8) |
Mindu daħal fis-seħħ ir-Regolament (UE) 2022/1369, il-livell ta’ tħejjija fis-suq tal-gass u s-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni tjiebu b’mod konsiderevoli. Madankollu, għad hemm riskji għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni minħabba li s-sitwazzjoni globali fis-suq tal-gass għadha ristretta u minħabba li l-prezzijiet għadhom għola mil-livelli ta’ qabel il-kriżi. Din is-sitwazzjoni hija aggravata mill-volatilità tas-suq li tirriżulta minn, inter alia, ċirkostanzi ġeopolitiċi mqanqla, kif qed turina, fost l-oħrajn, il-kriżi fil-Lvant Nofsani u l-Baħar l-Aħmar. Minħabba l-interruzzjonijiet fil-provvista tal-gass u r-restrizzjonijiet li kien hemm fis-suq fix-xhur li għaddew, tnax-il Stat Membru għadhom fil-livell ta’ twissija bikrija jew fil-livell ta’ allert kif definiti fir-Regolament (UE) 2017/1938. |
|
(9) |
Dawn id-diffikultajiet possibbli fis-sigurtà tal-provvista huma aggravati minn għadd ta’ riskji addizzjonali, inkluż l-iskadenza sal-31 ta’ Diċembru 2024 tal-ftehim attwali dwar it-tranżitu tal-gass Russu mill-Ukrajna, li minnha għaddew madwar 14-il bcm fl-2023. Riskji oħra huma rkupru possibbli fid-domanda Asjatika għal-LNG li jnaqqas id-disponibbiltà tal-gass fis-suq globali tal-gass, xitwa kiesħa fil-2024-2025 li tista’ twassal għal żieda fid-domanda għall-gass fl-Unjoni sa 30 bcm, avvenimenti estremi tat-temp li potenzjalment jaffettwaw il-ħżin tal-enerġija idroelettrika u l-produzzjoni nukleari minħabba livelli baxxi tal-ilma, u ż-żieda sussegwenti fid-domanda għall-ġenerazzjoni tal-enerġija li taħdem bil-gass. Riskji addizzjonali jirriżultaw minn interruzzjonijiet potenzjali tal-infrastruttura kritika, bħal dawk l-atti ta’ sabotaġġ kontra l-pipelines Nord Stream f’Settembru 2022 jew l-interruzzjoni tal-pipeline Balticconnector f’Ottubru 2023, u mid-deterjorament tal-ambjent ġeopolitiku, b’mod partikolari f’pajjiżi u reġjuni rilevanti għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, bħall-Ukrajna u l-Lvant Nofsani. |
|
(10) |
Is-swieq globali tal-gass għadhom ristretti u mistennija jibqgħu hekk għal ċertu perjodu ta’ żmien. Kif innotat mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (AIE) fir-Rapport tat-Terminu Medju dwar il-Gass 2023, il-provvista globali tal-LNG kibret biss modestament fl-2022 (b’4 %) u fl-2023 (bi 3 %). Fil-Perspettiva Dinjija tal-Enerġija 2023 tagħha, l-AIE nnotat li l-bilanċi tas-suq huma mistennija li jibqgħu prekarji fil-futur immedjat sakemm jibdew jitħaddmu kapaċitajiet ġodda tal-LNG, li għandu jseħħ fil-perjodu 2025-2027. |
|
(11) |
Id-Direttivi (UE) 2023/1791 (4) u (UE) 2023/2413 (5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li ġew adottati dan l-aħħar, ser jgħinu biex l-Unjoni tilħaq l-għanijiet tad-dekarbonizzazzjoni tagħha u biex id-domanda titnaqqas strutturalment fil-futur qrib, f’konformità mar-Rendikont Globali tal-COP28 li jirrikonoxxi l-ħtieġa li jkun hemm tranżizzjoni lil hinn mill-fjuwils fossili fis-sistemi tal-enerġija b’mod ġust, ordnat u ekwu. Għalkemm il-miżuri li l-Istati Membri għandhom jadottaw biex jittrasponu dawk id-Direttivi mhux ser ikunu fis-seħħ matul il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, tali miżuri ser jikkontribwixxu għal tnaqqis fid-domanda għall-gass fis-snin wara t-traspożizzjoni ta’ dawk id-Direttivi. Meta wieħed iqis li xi wħud mill-miżuri importanti stabbiliti f’dawk id-Direttivi ser ikollhom jiġu trasposti biss sa Ottubru 2025, jixraq li jiġi rakkomandat li d-domanda għall-gass tiġi mnaqqsa matul il-perjodu tranżitorju sakemm tkun saret it-traspożizzjoni ta’ dawk id-Direttivi. |
|
(12) |
Tnaqqis fid-domanda għall-gass mill-Istati Membri jista’ jikkontribwixxi b’mod partikolari għall-mili tal-faċilitajiet tal-ħżin taħt l-art, biex jiġu żgurati livelli xierqa tas-sigurtà tal-provvista għax-xitwa 2024-2025 u biex tiġi evitata l-perpetwazzjoni tan-nuqqasijiet fil-mili tal-ħażniet sax-xitwa 2025-2026. It-tkomplija ta’ tnaqqis fid-domanda għall-gass ser tgħin ukoll biex tinżamm pressjoni ’l isfel fuq il-prezzijiet, għall-benefiċċju tal-konsumaturi tal-Unjoni u tal-kompetittività industrijali. |
|
(13) |
Jenħtieġ li r-rakkomandazzjoni biex jiġi ffrankat il-gass ma taffettwax il-ħtieġa li l-Istati Membri jaderixxu mal-objettivi tagħhom tad-dekarbonizzazzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li din ir-Rakkomandazzjoni ma tkunx ta’ diżinċentiv għall-Istati Membri milli jkomplu jaqilbu mill-faħam għall-gass, pereżempju għall-ġenerazzjoni tal-elettriku, jekk tali qlib jgħin lill-Istati Membri jiksbu l-objettivi tagħhom tad-dekarbonizzazzjoni, kif stabbilit fil-pjanijiet nazzjonali integrat tagħhom għall-enerġija u l-klima stabbiliti skont ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). |
|
(14) |
Id-dispożizzjonijiet dwar tnaqqis fid-domanda ta’ din ir-Rakkomandazzjoni jkomplu jirrikonoxxu ċirkostanzi speċifiċi. Fid-deċiżjonijiet dwar miżuri ta’ tnaqqis fid-domanda għall-gass, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li jqisu tali ċirkostanzi speċifiċi, billi, fost l-oħrajn, inaqqsu l-mira ta’ tnaqqis fid-domanda għall-gass meta Stat Membru jaffaċċja kriżi tal-elettriku, kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2019/941 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). Xenarju bħal dan jista’ jinkludi limitazzjoni proporzjonali għal żieda sinifikanti fl-użu tal-gass għall-ġenerazzjoni tal-enerġija, meħtieġa biex jiġi esportat sostanzjalment aktar elettriku lejn Stat Membru ġar, minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali, bħal disponibbiltà baxxa ta’ enerġija idroelettrika jew nukleari fl-Istat Membru kkonċernat, jew fi Stat Membru ġar li lejh jiġi esportat sostanzjalment aktar elettriku, |
ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:
|
1. |
Mingħajr preġudizzju għall-obbligi tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2017/1938, l-Istati Membri huma rakkomandati jindirizzaw sitwazzjoni ta’ diffikultajiet fil-provvista tal-gass, bil-ħsieb li jissalvagwardjaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass tal-Unjoni, fi spirtu ta’ solidarjetà, permezz ta’ koordinazzjoni mtejba ta’, monitoraġġ ta’ u rappurtar dwar il-miżuri nazzjonali ta’ tnaqqis fid-domanda għall-gass. |
|
2. |
Għall-fini ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
|
3. |
L-Istati Membri huma rakkomandati jnaqqsu l-konsum tal-gass tagħhom fil-perjodu mill-1 ta’ April 2024 sal-31 ta’ Marzu 2025 (il-“perjodu ta’ tnaqqis”) b’mill-inqas 15 % meta mqabbel mal-konsum medju tal-gass tagħhom fil-“perjodu ta’ referenza”. |
|
4. |
Bil-għan li jitnaqqas il-konsum tal-gass f’kull Stat Membru fil-“perjodu ta’ tnaqqis”, huwa rakkomandat li d-domanda għall-gass tkun 15 % aktar baxxa meta mqabbla mal-konsum tal-gass ta’ referenza. |
|
5. |
Din ir-Rakkomandazzjoni mhijiex indirizzata lil Stat Membru li s-sistema tal-elettriku tiegħu hija sinkronizzata biss mas-sistema tal-elettriku ta’ pajjiż terz fil-każ li tkun desinkronizzata mis-sistema ta’ dak il-pajjiż terz u sakemm servizzi iżolati tas-sistema tal-enerġija jew servizzi oħra lill-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni tal-enerġija jkunu meħtieġa jiżguraw it-tħaddim sikur u affidabbli tas-sistema tal-enerġija. |
|
6. |
Din ir-Rakkomandazzjoni mhijiex indirizzata lil Stat Membru sakemm dak l-Istat Membru ma jkunx direttament interkonness ma’ sistema interkonnessa tal-gass ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor. |
|
7. |
Għall-finijiet tal-mira tat-tnaqqis fid-domanda għall-gass imsemmija fil-punt 4, l-Istati Membri li jkunu qed jiddeċiedu dwar miżuri għal tnaqqis fid-domanda għall-gass jistgħu jikkunsidraw li jqisu ċirkostanzi speċifiċi billi:
|
|
8. |
Il-miżuri magħżula mill-Istati Membri biex titnaqqas id-domanda jenħtieġ li jiġu definiti b’mod ċar u jkunu trasparenti, proporzjonati, nondiskriminatorji u verifikabbli. |
|
9. |
Meta jkunu qed jieħdu miżuri għal tnaqqis fid-domanda għall-gass li jaffettwaw lill-klijenti, għajr klijenti protetti kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt 5, tar-Regolament (UE) 2017/1938, l-Istati Membri huma rakkomandati jsegwu kriterji oġġettivi u trasparenti li jqisu l-importanza ekonomika tagħhom kif ukoll, fost l-oħrajn, l-elementi li ġejjin:
|
|
10. |
Meta jkunu qed jiddeċiedu dwar miżuri għal tnaqqis fid-domanda għall-gass, l-Istati Membri huma rakkomandati jikkunsidraw miżuri li jnaqqsu l-gass ikkonsmat fis-settur tal-elettriku, miżuri li jħeġġu l-qlib fil-fjuwils fl-industrija, kampanji nazzjonali ta’ sensibilizzazzjoni, u obbligi mmirati biex inaqqsu t-tisħin u t-tkessiħ, biex jippromwovu l-qlib għal fjuwils rinnovabbli u jnaqqsu l-konsum mill-industrija. |
|
11. |
L-Istati Membri huma rakkomandati jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar miżuri għal tnaqqis fid-domanda li ma jkunux ġew notifikati lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2022/1369. |
|
12. |
L-Istati Membri huma rakkomandati jkomplu jimmonitorjaw l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe miżura għal tnaqqis fid-domanda għall-gass fit-territorju tagħhom u jirrapportaw dwar il-konsum tagħhom tal-gass (f’terajoules, TJ) lill-Kummissjoni permezz tal-Eurostat mill-inqas kull xahrejn u mhux aktar tard mill-15-il jum tax-xahar ta’ wara. |
|
13. |
Huwa rakkomandat li r-rapportar lill-Eurostat jinkludi diżaggregazzjoni tal-konsum tal-gass għal kull settur, inkluż il-konsum tal-gass għas-setturi li ġejjin:
|
|
14. |
Għall-fini tal-punt 2(a) u (d), il-punt 12 u l-punt 13, jenħtieġ li jitqiesu rilevanti d-definizzjonijiet u l-konvenzjonijiet tal-istatistika stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) . |
|
15. |
Il-Kummissjoni hija rakkomandata tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, flimkien mal-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Gass stabbilit bl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2017/1938, billi timmonitorja t-tnaqqis fid-domanda miksub għal kull settur u l-miżuri meħuda għal tnaqqis fid-domanda għall-gass. |
Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Marzu 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
A. MARON
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1369 tal-5 ta’ Awwissu 2022 dwar miżuri kkoordinati għal tnaqqis fid-domanda għall-gass (ĠU L 206, 8.8.2022, p. 1).
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/706 tat-30 ta’ Marzu 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2022/1369 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodu tat-tnaqqis fid-domanda għall-miżuri tat-tnaqqis fid-domanda tal-gass, u t-tisħiħ tar-rapportar u tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom (ĠU L 93, 31.3.2023, p. 1.
(3) Ir-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2017 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 994/2010 (ĠU L 280, 28.10.2017, p. 1).
(4) Id-Direttiva (UE) 2023/1791 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar l-effiċjenza enerġetika u li temenda r-Regolament (UE) 2023/955 (ĠU L 231, 20.9.2023, p. 1).
(5) Id-Direttiva (UE) 2023/2413 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 li temenda d-Direttiva (UE) 2018/2001, ir-Regolament (UE) 2018/1999 u d-Direttiva 98/70/KE fir-rigward tal-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/652 (ĠU L, 2023/2413, 31.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2023/2413/oj).
(6) Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).
(7) Ir-Regolament (UE) 2019/941 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tħejjija għar-riskji fis-settur tal-elettriku u li jħassar id-Direttiva 2005/89/KE (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 1).
(8) Ir-Regolament (UE) 2022/1032 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2022 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/1938 u (KE) Nru 715/2009 fir-rigward tal-ħżin tal-gass (ĠU L 173, 30.6.2022, p. 17).
(9) Ir-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar l-istatistika dwar l-enerġija (ĠU L 304, 14.11.2008, p. 1).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2476/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)