European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2024/2468

27.3.2024

Wiċċ nazzjonali ġdid tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

(C/2024/2468)

Image 1

Wiċċ nazzjonali għall-munita kommemorattiva l-ġdida taż-2 euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni u maħruġa minn Franza

Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom status ta’ valuta legali fiż-Żona tal-Euro kollha. Bil-għan li tinforma lill-pubbliku u lill-partijiet kollha li jużaw il-muniti, il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha (1). F’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009  (2), l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Unjoni Ewropea li jipprevedi l-ħruġ ta’ muniti tal-euro huma awtorizzati li joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni kemm-il darba jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari li jintużaw muniti taż-żewġ euro biss. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra taż-żewġ euro, iżda n-naħa nazzjonali tagħhom fiha disinn kommemorattiv li jkun simboliku ħafna f’termini nazzjonali jew Ewropej.

Il-pajjiż emittenti: Franza

Is-suġġett tal-kommemorazzjoni: Jeux Olympiques 2024 - Lutte

Id-deskrizzjoni tad-disinn: Għall-countdown tal-Logħob Olimpiku ta’ Pariġi 2024, il-Monnaie de Paris tiċċelebra l-perkors lejn il-Logħob li jgħaddi minn Pariġi, kif ukoll il-wirt tal-belt.

100 sena wara l-Logħob tal-1924, il-belt kapitali Franċiża għal darb’oħra qed tospita l-Logħob tas-Sajf. Dan huwa avveniment li r-reżonanza internazzjonali tiegħu kompliet tiżdied dawn l-aħħar snin, li laħaq il-qofol tiegħu fl-2024 bil-ħruġ ta’ żewġ muniti kommemorattivi ta’ żewġ euro ddedikati għal-Logħob Olimpiku.

Id-disinn jirrappreżenta lil Hercules, figura nazzjonali u ikona tan-numismatika Franċiża, li jipprattika r-wrestling antik ma’ Chimera ta’ Notre-Dame, b’referenza għal-Logħob Olimpiku tal-era Antika. Iż-żewġ wrestlers huma murija fuq quddiem tal-Katidral ta’ Notre-Dame. Fl-isfond, hija rrappreżentata korsa tal-atletika li fiha tiddaħħal l-emblema ta’ Pariġi 2024 fuq in-naħa tax-xellug. Id-data tas-sena, l-indikazzjoni RF, kif ukoll il-marki taz-zekka jiddaħħlu fuq il-korsa tal-atletika.

Iċ-ċirku ta’ barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

L-għadd ta’ muniti li huwa stmat li se jinħarġu: 510 000

Id-data tal-ħruġ: Jannar 2024


(1)  Ara l-ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.

(2)  Ara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar il-linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2468/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)