European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2024/2377

3.4.2024

DIKJARAZZJONI EWROPEA DWAR IĊ-ĊIKLIŻMU

(C/2024/2377)

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea solennement jipproklamaw id-Dikjarazzjoni konġunta li ġejja dwar iċ-Ċikliżmu

Preambolu

Billi:

(1)

It-trasport huwa essenzjali għall-inklużjoni soċjali u l-iżvilupp ekonomiku, u għall-ħolqien tal-impjiegi u l-promozzjoni tal-aċċess għal servizzi essenzjali oħra, bħall-impjiegi, l-edukazzjoni, is-saħħa u l-kura. Madankollu, dan għadu sors sinifikanti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, tniġġis tal-arja, tal-istorbju u tal-ilma. Il-konġestjoni tibqa’ sfida serja għall-effiċjenza tas-sistemi tat-trasport u tnaqqas ukoll l-abitabbiltà fiż-żoni affettwati, bi spiża konsiderevoli għas-soċjetà u l-ekonomija.

(2)

Forom sostenibbli ta’ trasport huma essenzjali biex jintlaħqu l-objettivi tal-UE dwar il-klima, it-tniġġis żero u l-effiċjenza enerġetika. Fost dawn, iċ-ċikliżmu huwa wieħed mill-aktar forom sostenibbli, san u effiċjenti, b’potenzjal konsiderevoli li jappoġġa d-dekarbonizzazzjoni tat-trasport urban u jgħin biex tintlaħaq il-mira tal-UE kollha li jitnaqqsu l-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra b’mill-inqas 55 % sal-2030 meta mqabbla mal-1990 u n-newtralità klimatika sal-2050 f’konformità mal-Liġi Ewropea dwar il-Klima (1). Dan ser jgħinna wkoll sabiex nersqu lejn l-ambizzjoni ta’ tniġġis żero (2), b’bosta benefiċċji kollaterali f’oqsma oħra. L-iżvilupp ulterjuri taċ-ċikliżmu huwa importanti għall-bliet Ewropej bħala parti mill-objettivi klimatiċi tagħna.

(3)

Iċ-ċikliżmu jinkludi firxa wiesgħa u dinamika ta’ vetturi tat-triq mħaddma mill-bniedem, inklużi roti għal diversi terreni, roti tal-merkanzija, roti għat-trasportazzjoni tat-tfal, roti għal persuni b’diżabbiltà, trikes, roti li jinstaqu minn pożizzjoni kważi mimduda, velomobiles, tandems, roti elettriċi (e-bikes) u trejlers tar-roti. Dawn ikopru firxa wiesgħa ta’ ħtiġijiet ta’ trasport u mobbiltà u jeħtieġu infrastruttura xierqa. Iċ-ċikliżmu qed ikollu rwol dejjem aktar importanti fit-trasport urban tal-merkanzija, b’mod partikolari l-konsenji tal-pakketti u x-xiri, bis-saħħa tar-roti tal-merkanzija u oħrajn simili. Sabiex jintlaħaq il-potenzjal sħiħ taċ-ċikliżmu, il-politiki dwar iċ-ċikliżmu jenħtieġ jirriflettu din id-diversità.

(4)

Sabiex jintlaħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu, iċ-ċikliżmu jeħtieġ jiġi indirizzat kif xieraq fil-politiki tal-mobbiltà fil-livelli kollha ta’ governanza u finanzjament, l-ippjanar tat-trasport, is-sensibilizzazzjoni, l-allokazzjoni tal-ispazju, ir-regolamenti dwar is-sikurezza u l-infrastruttura adegwata, inkluż enfasi speċjali fuq il-persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa. Pereżempju, il-kunċett tal-UE għal ippjanar ta’ mobbiltà urbana sostenibbli (3) jpoġġi l-mobbiltà attiva, inkluż iċ-ċikliżmu, fiċ-ċentru. Il-miżuri li jappoġġaw iċ-ċikliżmu jeħtieġ li jiġu rrapportati taħt il-pilastru tad-dekarbonizzazzjoni tal-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima u jiġu kkunsidrati kif xieraq fil-pjanijiet tal-missjoni ta’ Orizzont Ewropa dwar 100 Belt Newtrali għall-Klima u Intelliġenti sal-2030.

(5)

Iċ-ċikliżmu jtejjeb l-inklużività soċjali billi jikkontribwixxi għas-saħħa fiżika u mentali u l-benesseri tan-nies. Huwa attività fiżika moderata li tnaqqas ir-riskji għas-saħħa u l-imwiet prematuri marbuta ma’ stili ta’ ħajja sedentarji. Ir-roti b’assistenza elettrika qed isiru dejjem aktar popolari u jippermettu lin-nies ikopru distanzi itwal, jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-mobbiltà u tat-trasport tal-familji, tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), u jilħqu gruppi addizzjonali, bħall-anzjani u l-persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa.

(6)

Aktar infrastruttura taċ-ċikliżmu sikura u aħjar madwar l-UE hija essenzjali biex jiġu attirati aktar nies lejn iċ-ċikliżmu, fiż-żoni urbani u rurali u bejniethom. Infrastruttura aħjar taċ-ċikliżmu ser tkun ta’ benefiċċju wkoll għal mezzi oħra, bħal soluzzjonijiet ta’ mikromobbiltà.

(7)

Huwa meħtieġ finanzjament rilevanti ddedikat għaċ-ċikliżmu – fil-livelli lokali, nazzjonali u Ewropej – biex jaqblu mal-ambizzjoni li aktar persuni jirrikorru għaċ-ċikliżmu. Livell xieraq ta’ investiment huwa prerekwiżit sabiex il-kundizzjonijiet taċ-ċikliżmu u ż-żamma tal-infrastruttura jitjiebu b’mod sinifikanti.

(8)

Is-sikurezza hija prerekwiżit biex in-nies jitħeġġu jagħmlu użu miċ-ċikliżmu. Minbarra infrastruttura aktar sikura bħal mogħdijiet separati għaċ-ċikliżmu u parkeġġ sikur, il-pjanijiet u l-istrateġiji għas-sikurezza fit-toroq li jsegwu approċċ ibbażat fuq ir-riskju jew integrat (bħall-approċċ ta’ “Sistema Sikura”) jenħtieġ li japplikaw kemm għaċ-ċikliżmu kif ukoll għall-vetturi bil-mutur u għas-sewwieqa li jikkondividu t-triq maċ-ċiklisti. Dan jinkludi veloċitajiet sikuri, użu sikur tat-toroq u vetturi sikuri, appoġġati minn infurzar qawwi tar-regoli tat-traffiku fit-toroq. L-iżvilupp ta’ standards għall-korsiji taċ-ċikliżmu jżid is-sikurezza integrata fid-disinn għal infrastruttura ġdida taċ-ċikliżmu. It-taħriġ u l-edukazzjoni, bħal fl-iskejjel, jistgħu jgħinu jippromwovu ċ-ċikliżmu sikur.

(9)

L-industrija Ewropea taċ-ċikliżmu hija innovatur u fuq quddiem nett globalment kif ukoll settur tal-ekonomija importanti u li qed jikber. Bħalissa din tirrappreżenta aktar minn 1 000 SME (4) b’miljun impjieg, u b’potenzjal għal ħafna aktar.

(10)

Iċ-ċikliżmu huwa wkoll faċilitatur ewlieni tat-turiżmu sostenibbli u jikkontribwixxi għall-konnettività fiż-żoni rurali u urbani u bejniethom, speċjalment meta jiġi kkombinat mal-ferroviji, ix-xarabanks u modi oħra biex jinħolqu servizzi ta’ mobbiltà multimodali. Dan iġib miegħu benefiċċji tanġibbli għall-ekonomija lokali, b’mod partikolari għall-SMEs.

(11)

Id-data dwar iċ-ċikliżmu ma tinġabarx b’mod konsistenti fl-UE. Dan jaffettwa l-aħjar għażla tal-investimenti fit-trasport u l-evalwazzjoni tal-effettività tal-miżuri diġà meħuda.

(12)

Il-prinċipji inklużi f’din id-Dikjarazzjoni huma mistennija jgħinu biex jintlaħqu l-miri klimatiċi u ambjentali tal-UE, inkluż b’mod partikolari l-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero (5) u l-objettivi l-oħra tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-Istrateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti (6), u l-Qafas il-Ġdid tal-UE għall-Mobbiltà Urbana (7).

(13)

Fi Frar 2023, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar l-iżvilupp ta’ strateġija tal-UE dwar iċ-ċikliżmu (8). Fl-2022, sitt Stati Membri tal-UE ħejjew Dikjarazzjoni Ewropea dwar iċ-Ċikliżmu, li s’issa ġiet iffirmata mill-maġġoranza tal-Istati Membri (9).

(14)

Id-Dikjarazzjoni f’dan id-dokument tikkostitwixxi intenzjoni politika tal-Unjoni għall-promozzjoni u l-implimentazzjoni tal-prinċipji inklużi fiha. Din mhijiex legalment vinkolanti. L-Unjoni hija responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Dikjarazzjoni f’kooperazzjoni mal-Istati Membri tagħha, f’konformità mal-kompetenzi rispettivi tagħhom u f’konformità sħiħa mad-dritt tal-Unjoni. Din id-Dikjarazzjoni ma taffettwax l-allokazzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

Dikjarazzjoni dwar iċ-ċikliżmu

Għandna l-għan li nisfruttaw il-potenzjal sħiħ taċ-ċikliżmu fl-UE. Din id-Dikjarazzjoni tirrikonoxxi ċ-ċikliżmu bħala wieħed mill-aktar forom ta' trasport u rikreazzjoni sostenibbli, aċċessibbli u inklużiv, bi prezz baxx u san, u tirrikonoxxi wkoll l-importanza ewlenija tiegħu għas-soċjetà Ewropea u l-ekonomija. Id-dikjarazzjoni jenħtieġ isservi bħala boxxla strateġika għall-politiki u l-inizjattivi eżistenti u futuri relatati maċ-ċikliżmu.

Għalhekk niddikjaraw li:

Kapitolu I: L-iżvilupp u t-tisħiħ tal-politiki dwar iċ-ċikliżmu

L-UE u l-Istati Membri tagħha, flimkien mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, kollha għandhom rwol ewlieni x'jaqdu fl-appoġġ tal-użu ulterjuri taċ-ċikliżmu.

Nimpenjaw ruħna biex:

1.

niżviluppaw, nadottaw u nsaħħu politiki u strateġiji dwar iċ-ċikliżmu fil-livelli rilevanti kollha ta’ governanza;

2.

nieħdu l-miżuri meħtieġa biex nimplimentaw dawn il-politiki u l-istrateġiji dwar iċ-ċikliżmu malajr kemm jista’ jkun;

3.

nipprijoritizzaw miżuri li jqisu ċ-ċikliżmu fl-ippjanar tal-mobbiltà sostenibbli f’żoni urbani u suburbani, u, fejn rilevanti, f’żoni rurali;

4.

ninkoraġġixxu l-kumpaniji, l-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet biex jippromwovu ċ-ċikliżmu permezz ta’ skemi ta’ ġestjoni tal-mobbiltà bħal inċentivi li jħajru persuni jmorru x-xogħol bir-rota, il-forniment ta’ roti (elettroniċi) tal-kumpanija, parkeġġ u faċilitajiet adegwati għar-roti, u l-użu ta’ servizzi ta’ konsenja ibbażati fuq ir-roti;

5.

nippromwovu ċ-ċikliżmu bħala mod san ta’ trasport jew rikreazzjoni, permezz ta’ sensibilizzazzjoni, kampanji ta’ promozzjoni, bini ta’ kapaċitajiet u taħriġ ta’ professjonisti, inkluż f’fora internazzjonali rilevanti.

Kapitolu II: L-inkoraġġiment ta' mobbiltà inklużiva, affordabbli u tajba għas-saħħa

Kulħadd, inkluż il-persuni b'diżabbiltà jew dawk b'mobbiltà mnaqqsa u irrispettivament mill-età u l-ġeneru, jenħtieġ li jkollu aċċess għall-mobbiltà, u ċ-ċikliżmu jista' jagħti kontribut kbir biex dan iseħħ. Iċ-ċikliżmu jenħtieġ li jkun affordabbli wkoll irrispettivament mil-livell tal-introjtu u jiġi promoss bħala ta' benefiċċju għas-saħħa mentali u fiżika.

Nimpenjaw ruħna biex:

6.

jiżdied l-użu taċ-ċikliżmu biex tiġi promossa l-inklużjoni soċjali billi tingħata attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet tan-nisa, it-tfal, l-anzjani u l-gruppi vulnerabbli u emarġinati;

7.

jittieħdu miżuri li jippermettu aċċess aħjar għaċ-ċikliżmu għall-persuni b’diżabbiltà jew għal dawk b’mobbiltà mnaqqsa;

8.

jittieħdu miżuri biex tingħata spinta lill-mobbiltà attiva ta’ persuni akbar fl-età u b’hekk jingħata kontribut għat-tixjiħ attiv;

9.

jiġi pprovdut taħriġ immirat dwar iċ-ċikliżmu b’mod partikolari għat-tfal u l-gruppi vulnerabbli u emarġinati;

10.

ninkoraġġixxu miżuri biex tiżdied l-affordabbiltà taċ-ċikliżmu (10).

Kapitolu III: Il-ħolqien ta' aktar infrastruttura taċ-ċikliżmu u aħjar

It-titjib tal-kwalità, il-kwantità, il-kontinwità u l-attraenza tal-infrastruttura taċ-ċikliżmu huwa essenzjali għall-promozzjoni ta' użu akbar taċ-ċikliżmu.

Nimpenjaw ruħna biex:

11.

inżidu b’mod sinifikanti l-infrastruttura taċ-ċikliżmu sikura u koerenti madwar l-Ewropa;

12.

niżviluppaw u nużaw il-gwida tal-UE dwar l-istandards għar-rekwiżiti tal-kwalità fir-rigward tal-utenti vulnerabbli tat-triq, inklużi ċ-ċiklisti, skont id-Direttiva (UE) 2019/1936 dwar il-ġestjoni tas-sikurezza tal-infrastruttura tat-toroq (11);

13.

inżidu l-livelli ta’ sikurezza billi jingħata spazju suffiċjenti liċ-ċiklisti u lil utenti vulnerabbli oħra tat-triq, b’mod partikolari permezz ta’ separazzjoni fiżika tal-mogħdijiet għar-roti mit-traffiku bil-mutur fejn rilevanti, jew billi jiġu żgurati veloċitajiet sikuri fi traffiku mħallat;

14.

naħdmu biex jiġi stabbilit network koerenti taċ-ċikliżmu fil-bliet u ntejbu l-konnettività bejn iż-żoni suburbani u rurali u ċ-ċentri tal-bliet, inkluż l-awtostradi għaċ-ċikliżmu;

15.

niżguraw il-forniment ta’ spazji sikuri u siguri għall-parkeġġ tar-roti f’żoni urbani u rurali, inkluż fl-istazzjonijiet ferrovjarji u tal-karozzi tal-linja u fiċ-ċentri tal-mobbiltà;

16.

nippromwovu l-installazzjoni ta’ punti tal-iċċarġjar għar-roti elettriċi fl-ippjanar urban u fl-ispazji għall-parkeġġ tar-roti.

Kapitolu IV: Iż-żieda fl-investimenti u l-ħolqien ta' kundizzjonijiet favorevoli għaċ-ċikliżmu

Huma meħtieġa aktar investimenti biex jiġi sfruttat il-potenzjal għaċ-ċikliżmu.

Nimpenjaw ruħna biex:

17.

nagħtu appoġġ tekniku, finanzjament u finanzjament li jgħinu fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji taċ-ċikliżmu u investimenti relatati maċ-ċikliżmu, inkluż permezz tal-istrumenti rilevanti tal-UE u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fihom;

18.

iċ-ċikliżmu jkun rifless fl-investimenti fil-livelli kollha ta’ governanza (12).

Kapitolu V: It-titjib tas-sikurezza u tas-sigurtà tat-toroq

Kulħadd jenħtieġ ikun jista' juża r-rota b'mod sikur u sigur.

Nimpenjaw ruħna biex:

19.

naħdmu sabiex inwettqu l-impenji stabbiliti fid-Dikjarazzjoni tal-Belt Valletta (13), jiġifieri l-mira li jitnaqqas bin-nofs l-għadd ta’ korrimenti serji fl-UE sal-2030 mil-linja bażi tal-2020 bl-użu tad-definizzjoni fid-Dikjarazzjoni tal-Belt Valletta, u fil-qafas ta’ strateġija ġenerali għas-sikurezza fit-toroq għal dan il-perjodu (“il-Qafas ta’ Politika tal-UE dwar is-Sikurezza fit-Toroq 2021-2030” (14)tal-Kummissjoni Ewropea, li jafferma mill-ġdid l-għan ambizzjuż fit-tul li nersqu lejn żero mwiet sal-2050, u strateġiji u pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali għas-sikurezza fit-toroq);

20.

insaħħu l-infurzar tar-regoli u l-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza fit-toroq biex tiġi żgurata l-koeżistenza ta’ mezzi differenti ta’ trasport, b’enfasi fuq il-protezzjoni taċ-ċiklisti u utenti vulnerabbli oħra tat-triq;

21.

niżguraw li r-regoli dwar ir-rekwiżiti tas-sikurezza applikabbli għar-roti elettriċi jkunu sostanzjali, u jippromwovu l-użu tagħhom;

22.

intejbu s-sigurtà fl-ispazji pubbliċi għall-parkeġġ tar-roti (inklużi l-bike sharing u ċ-ċentri multimodali), u nżidu l-isforzi biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tas-serq tar-roti;

23.

insaħħu t-taħriġ dwar iċ-ċikliżmu – inkluż it-tagħlim kif jużaw ir-rota lit-tfal u ż-żgħażagħ – u kampanji ta’ sensibilizzazzjoni dwar is-sikurezza fit-toroq, b’mod partikolari dwar l-akbar riskji għaċ-ċiklisti, u l-appoġġ għall-użu sikur tar-roti u tar-roti elettriċi, kif ukoll nindirizzaw in-nuqqas ta’ għarfien dwar is-sikurezza tal-utenti vulnerabbli tat-triq waqt it-taħriġ tas-sewwieqa.

Kapitolu VI: L-appoġġ għal impjiegi ta' kwalità għolja u l-iżvilupp ta' industrija Ewropea taċ-ċikliżmu ta' klassi dinjija

Użu akbar taċ-ċikliżmu jkun ifisser aktar impjiegi ta' kwalità għolja u lokali, u huwa ta' benefiċċju għall-ekonomija u l-industrija taċ-ċikliżmu tal-UE, u jikkontribwixxi wkoll għall-objettivi tal-istrateġija industrijali tal-UE.

Nimpenjaw ruħna biex:

24.

noħolqu kundizzjonijiet biex tiżdied il-produzzjoni Ewropea ta’ firxa wiesgħa ta’ roti (inklużi roti elettriċi u roti għall-persuni b’diżabbiltà) u l-komponenti tagħhom, inkluż l-aċċess għal materjali, it-tagħmir u ż-żamma ta’ kundizzjonijiet ekwi globali permezz ta’ strumenti eżistenti tal-UE għad-difiża tal-kummerċ;

25.

nappoġġaw is-settur tas-servizzi tar-roti, inklużi l-entitajiet tal-ekonomija soċjali u l-użu ċirkolari tar-roti (l-użu mill-ġdid, it-tiswija u l-kiri);

26.

noħolqu kundizzjonijiet favorevoli biex jiġu stimulati impjiegi ta’ kwalità għolja u raggruppamenti taċ-ċikliżmu, inkluż fit-turiżmu taċ-ċikliżmu, sabiex jiżdied b’mod sinifikanti l-għadd ta’ impjiegi ta’ kwalità relatati maċ-ċikliżmu, jiġu appoġġati l-SMEs u tingħata spinta lill-ħiliet rilevanti u t-taħriġ vokazzjonali;

27.

nagħmlu s-settur aktar attraenti u fejn isiru tranżizzjonijiet importanti minn impjieg għall-ieħor minn industriji rilevanti oħra;

28.

nirrikonoxxu l-industrija Ewropea taċ-ċikliżmu bħala sieħeb fis-sistema tal-mobbiltà sabiex jissaħħu r-reżiljenza, is-sostenibbiltà, iċ-ċirkolarità u d-diġitalizzazzjoni fis-settur taċ-ċikliżmu;

29.

nappoġġaw l-industriji tas-servizzi taċ-ċikliżmu, bħall-bike sharing u l-loġistika taċ-ċikliżmu, speċjalment fil-bliet, inkluż billi nsaħħu l-integrazzjoni tal-loġistika taċ-ċikliżmu fis-sistema loġistika.

Kapitolu VII: L-appoġġ għall-multimodalità u għat-turiżmu taċ-ċikliżmu

Iċ-ċikliżmu jenħtieġ ikollu rwol ewlieni fit-titjib tal-konnettività multimodali u t-turiżmu, speċjalment meta jiġi kkombinat mal-ferroviji, ix-xarabanks u modi oħra, kemm fiż-żoni urbani kif ukoll f'dawk rurali.

Nimpenjaw ruħna biex:

30.

nippromwovu u nimplimentaw soluzzjonijiet multimodali f’żoni urbani, suburbani u rurali, kif ukoll għal vjaġġi fuq distanzi twal, billi noħolqu aktar sinerġiji bejn iċ-ċikliżmu u modi oħra ta’ trasport, bħall-iffaċilitar tat-trasport ta’ aktar roti fuq ix-xarabanks u l-ferroviji, u l-provvista ta’ żoni ta’ parkeġġ aktar sikuri u siguri għar-roti fl-istazzjonijiet u fiċ-ċentri tal-mobbiltà;

31.

nappoġġaw skemi ta’ bike sharing bħala soluzzjoni għall-aċċess tal-ewwel u tal-aħħar mil għas-servizzi tat-trasport pubbliku;

32.

noħolqu kundizzjonijiet favorevoli li jappoġġaw iċ-ċikliżmu bħala mezz sostenibbli ta’ rikreazzjoni u turiżmu.

Kapitolu VIII: It-titjib tal-ġbir tad-data dwar iċ-ċikliżmu

Id-data dwar iċ-ċikliżmu jeħtieġ tinġabar bl-istess mod madwar l-UE biex jiġi żgurat monitoraġġ effettiv tal-progress fl-implimentazzjoni tal-prinċipji u l-impenji inklużi f'din id-Dikjarazzjoni.

Nimpenjaw ruħna biex:

33.

nissorveljaw l-implimentazzjoni tal-impenji tagħna;

34.

niffaċilitaw il-kejl kontinwu tal-progress fl-użu taċ-ċikliżmu fl-UE billi tiġi nistabbilixxu linja bażi għall-UE kollha, inklużi t-tul, id-densità tan-network, il-kwalità u l-aċċessibbiltà tal-infrastruttura u s-servizzi taċ-ċikliżmu għal diversi tipi ta’ utenti, is-sehem taċ-ċikliżmu fl-attività totali tat-trasport u tal-mobbiltà, u l-għadd ta’ korrimenti serji u fatalitajiet fost iċ-ċiklisti;

35.

niżviluppaw indikaturi armonizzati relatati maċ-ċikliżmu għan-nodi urbani tan-Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T);

36.

niżviluppaw statistika dwar iċ-ċikliżmu u l-infrastruttura tiegħu fil-livelli lokali, nazzjonali u tal-UE, inkluża l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Eurostat biex tinġabar data dwar iċ-ċikliżmu.


(1)  Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1).

(2)  It-Tmien Programm ta' Azzjoni Ambjentali (id-Deċiżjoni (UE) 2022/591) jappella lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet reġjonali u lokali u lill-partijiet ikkonċernati, kif xieraq, biex isaħħu l-inċentivi ambjentalment pożittivi u jeliminaw gradwalment is-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent, b'mod partikolari s-sussidji fossili, fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali, reġjonali u lokali.

(3)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/550 tat-8 ta' Marzu 2023 dwar Programmi Nazzjonali ta' Appoġġ għall-Ippjanar ta' Mobbiltà Urbana Sostenibbli (ĠU L 73, 10.3.2023, p. 23).

(4)  B'mod partikolari s-servizz taċ-ċikliżmu u t-tiswija, il-bejjiegħa bl-imnut eċċ.

(5)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, “Perkors għal Pjaneta b'Saħħitha għal Kulħadd Pjan ta' Azzjoni tal-UE: 'Lejn Tniġġis Żero għall-Arja, għall-Ilma u għall-Ħamrija'” (COM(2021) 400).

(6)  COM(2020) 789.

(7)  COM(2021) 811.

(8)   https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/TA-9-2023-0058_MT.html

(9)   https://www.benelux.int/fr/publication/european-cycling-declaration/

(10)  Pereżempju, id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2022/542 (ĠU L 107, 6.4.2022, p. 1) tipprevedi l-possibbiltà għall-Istati Membri li japplikaw rati mnaqqsa tal-VAT għas-servizzi ta' forniment, kiri u tiswija ta' roti, inklużi r-roti elettriċi.

(11)  Id-Direttiva (UE) 2019/1936 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2019 li temenda d-Direttiva 2008/96/KE dwar il-ġestjoni tas-sikurezza tal-infrastruttura tat-toroq (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 1).

(12)  Inkluż għall-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima (introdotti bir-Regolament (UE) 2018/1999 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika)

(13)   https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-9994-2017-INIT/mt/pdf

(14)   SWD(2019) 283 final


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2377/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)