European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2024/2078

11.3.2024

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Avviż tal-Kummissjoni dwar il-valuri ta’ limitu stabbiliti skont id-Direttiva 2008/56/KE Kwadru dwar l-Istrateġija Marina u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/848

(C/2024/2078)

I.   Introduzzjoni

L-għan ta’ dan l-avviż huwa li jiċċara kwistjonijiet relatati mal-istatus legali u l-użu tal-valuri ta’ limitu għal status ambjentali tajjeb stabbiliti permezz tal-kooperazzjoni tal-UE, reġjonali jew subreġjonali, f’konformità mad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (1)(id-Direttiva 2008/56/KE, minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva”) u d-Deċiżjoni (UE) 2017/848 li tistabbilixxi l-kriterji u l-istandards metodoloġiċi dwar status ambjentali tajjeb tal-ilmijiet tal-baħar u speċifikazzjonijiet u metodi standardizzati għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni (2) (minn hawn ’il quddiem “id-Deċiżjoni”).

II.   Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiksbu jew iżommu status ambjentali tajjeb fl-ambjent tal-baħar sa mhux aktar tard mill-2020 (l-Artikolu 1(1)). Sabiex jintlaħaq dan l-objettiv, huma jridu jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji marini kif stabbilit fl-Artikolu 5. Aspett wieħed tal-istrateġiji marini huwa li jiġi aċċertat jekk l-ilmijiet tal-baħar humiex fi status ambjentali tajjeb (l-Artikolu 5(2)(a)(ii)).

“Status Ambjentali Tajjeb” (GES - Good Environmental Status) huwa definit skont l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva bħala “l-istatus ambjentali ta’ ilmijiet marini fejn dawn jikkostitwixxu oċeani u ilmijiet ekoloġikament diversi u dinamiċi li jkunu nodfa, b’saħħithom u produttivi fil-kondizzjonijiet intrinsiċi tagħhom, u fejn l-użu ta’ l-ambjent marin huwa f’livell li jkun sostenibbli, u li b’hekk jissalvagwardja l-potenzjal għall-użi u attivitajiet minn ġenerazzjonijiet attwali u futuri” .

F’konformità mal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva u abbażi tal-valutazzjoni inizjali magħmula skont l-Artikolu 8(1), l-Istati Membri jridu jivvalutaw sett ta’ karatteristiċi ta’ GES għall-ilmijiet marini ta’ kull reġjun jew sottoreġjun. Meta jagħmlu dan, huma għandhom iqisu l-ħdax-il deskrittur kwalitattiv elenkati fl-Anness I tad-Direttiva. Il-kriterji u l-istandards tal-metodoloġija dwar il-GES tal-ilmijiet tal-baħar li għandhom jintużaw mill-Istati Membri huma stabbiliti fid-Deċiżjoni. L-Artikolu 9(3) tad-Direttiva jiddikjara li dawn ġew stabbiliti mill-Kummissjoni “ b’tali mod sabiex jiżguraw konsistenza u sabiex jippermettu għal tqabbil bejn ir-Reġjuni jew Sub-Reġjuni Marini fir-rigward ta’ kemm ikun qed jintlaħaq status ambjentali tajjeb ”.

Skont il-premessa 8 tad-Deċiżjoni, “ Għal kull wieħed mid-deskritturi kwalitattivi elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2008/56/KE u abbażi tal-listi indikattivi fl-Anness III ta' dik id-Direttiva, jeħtieġ li jiġu definiti l-kriterji, inklużi l-elementi tal-kriterji u, fejn xieraq, il-valuri ta' limitu, li jridu jintużaw. Il-valuri ta' limitu huma maħsuba biex jikkontribwixxu għad-determinazzjoni min-naħa tal-Istati Membri ta' sett ta' karatteristiċi li jiddefinixxu status ambjentali tajjeb u fil-valutazzjoni tagħhom jindikaw kemm qiegħed jinkiseb status ambjentali tajjeb. ” L-Artikolu 2, it-tieni subparagrafu, il-punt (5) tad-Deċiżjoni jispeċifika li “ valur ta’ limitu” jfisser valur jew firxa ta’ valuri li jippermettu li ssir valutazzjoni tal-livell ta’ kwalità miksub għal kriterju partikolari, li b’hekk jikkontribwixxi għall-valutazzjoni ta’ kemm qed jinkiseb status ambjentali tajjeb.”

Id-Deċiżjoni tiddikjara li l-Anness jistabbilixxi żewġ tipi ta’ kriterji għad-definizzjoni ta’ GES: kriterju primarju (3) u sekondarju (4). L-Istati Membri huma fil-prinċipju obbligati li jużaw il-kriterji primarji, sakemm – abbażi tal-valutazzjoni inizjali tal-istatus tal-ilmijiet marini tagħhom jew aġġornamenti sussegwenti mwettqa f’konformità mal-Artikoli 8 u 17(2)(a) tad-Direttiva – ma jispjegawx kif xieraq għaliex ma japplikax kriterju primarju. Madankollu, skont l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom grad ta’ flessibbiltà biex jiddeċiedu jekk jużawx kriterji sekondarji (sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fl-Anness). L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jużaw kriterju sekondarju, fejn meħtieġ, biex jikkomplementaw kriterju primarju jew meta, għal kriterju partikolari, l-ambjent tal-baħar ikun f’riskju li ma jilħaqx jew ma jżommx il-GES.

L-għan tal-valuri ta’ limitu huwa li jiġi vvalutat il-livell ta’ kwalità miksub għal kull kriterju (primarju jew sekondarju) li, min-naħa tagħhom, jintużaw biex tiġi vvalutata l-kisba ta’ deskritturi kwalitattivi elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva. Dawk id-deskritturi jintużaw biex jiddeterminaw, jiksbu jew iżommu GES, li huwa l-għan ewlieni tad-Direttiva.

Għadd ta’ valuri ta’ limitu huma diġà stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjoni, huma derivati mil-leġiżlazzjoni eżistenti u għalhekk diġà huma applikabbli. Għall-valuri ta’ limitu l-oħra li jeħtieġ li jiġu stabbiliti skont id-Deċiżjoni, l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni jirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu dawn sal-15 ta’ Lulju 2018  (5). Jekk l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jistabbilixxu valuri ta’ limitu f’dak il-perjodu, huma għandhom jistabbilixxuhom “ malajr kemm jista’ jkun wara ”  (6), sakemm jipprovdu r-raġunijiet għad-dewmien lill-Kummissjoni fin-notifika magħmula skont l-Artikolu 17(3) tad-Direttiva.

Sal-lum, ġew stabbiliti għadd ta’ valuri ta’ limitu (7) għal kriterji ta’ deskritturi differenti permezz ta’ kooperazzjoni fil-livell tal-UE u reġjonali jew subreġjonali.

III.   L-istatus tal-valuri ta’ limitu għal status ambjentali tajjeb

1.   Valuri ta’ limitu li huma differenti minn dawk stabbiliti fil-livell tal-UE, reġjonali jew subreġjonali

L-ewwel kwistjoni li għandha tiġi ċċarata hija jekk l-Istati Membri jistgħux jużaw, għall-istess kriterju, valuri ta’ limitu nazzjonali li huma differenti minn dawk stabbiliti fil-livell tal-UE, reġjonali jew subreġjonali.

L-Artikolu 9(3) tad-Direttiva huwa l-bażi legali għad-Deċiżjoni. Id-Deċiżjoni teħtieġ li l-valuri limiti huma ddiżinjati biex “ jiżguraw il-konsistenza u jippermettu li jsir tqabbil, bejn ir-reġjuni jew is-subreġjuni marini, bejn il-valutazzjonijiet dwar kemm qiegħed jinkiseb status ambjentali tajjeb ”. Jekk l-Istati Membri jitħallew ikomplu jużaw il-valuri ta’ limitu nazzjonali tagħhom stess ladarba l-valuri ta’ limitu jiġu stabbiliti fil-livell tal-UE, reġjonali jew subreġjonali, dan jimmina l-objettiv tal-Artikolu 9(3), li għandu wkoll l-għan li jiżgura li l-awtoritajiet jaġixxu b’mod koerenti u koordinat madwar l-UE.

Dan imur ukoll kontra d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni. Kif indikat qabel, l-Artikolu 4(2)(a) tad-Deċiżjoni, jippermetti biss lill-Istati Membri jużaw valuri ta’ limitu nazzjonali sakemm il-valuri ta’ limitu jkunu ġew stabbiliti permezz ta’ kooperazzjoni tal-Unjoni, reġjonali jew subreġjonali. Dan jimplika li, ladarba l-valuri ta’ limitu jiġu stabbiliti fil-livell supranazzjonali, l-Istati Membri ma jistgħux jibqgħu jużaw il-valuri ta’ limitu nazzjonali tagħhom stess. Il-formulazzjoni tal-premessa 12 tappoġġa din il-konklużjoni. Skont din il-premessa, “ Sakemm jiġu stabbiliti tali valuri ta’ limitu permezz ta’ kooperazzjoni subreġjonali, reġjonali jew tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jużaw valuri ta' limitu nazzjonali, xejriet direzzjonali jew valuri ta' limitu bbażati fuq il-pressjonijiet, bħala indikaturi ”.

Għaldaqstant, l-Istati Membri ma għadhomx jitħallew jużaw valuri ta’ limitu nazzjonali differenti, ladarba tali valuri ta’ limitu jiġu stabbiliti fil-livell tal-UE, reġjonali jew subreġjonali.

2.   L-eżistenza ta’ diskrezzjoni għall-Istati Membri biex ma jużawx il-valuri ta’ limitu stabbiliti permezz tal-kooperazzjoni tal-UE, reġjonali jew subreġjonali fil-kuntest tal-aġġornamenti tal-Artikolu 17 tal-istrateġiji marini

It-tieni kwistjoni li għandha tiġi ċċarata hija jekk l-Istati Membri jistgħux ma japplikawx il-valuri ta’ limitu stabbiliti permezz ta’ proċess fil-livell tal-UE, reġjonali jew subreġjonali meta jaġġornaw l-istrateġiji marini tagħhom. B’mod speċifiku, jekk dan huwiex permess meta jiġi ddeterminat l-istatus ambjentali tal-ilmijiet marini tagħhom skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva.

Skont l-Artikolu 2, it-tieni subparagrafu, il-punt (5) tad-Deċiżjoni, il-valuri ta’ limitu “ jippermettu li ssir valutazzjoni tal-livell ta’ kwalità miksub għal kriterju partikolari ”. Dan ifisser li, meta l-Istati Membri jagħżlu li japplikaw deskrittur jew kriterju partikolari u l-valuri ta’ limitu korrispondenti jkunu ġew stabbiliti fil-livell ta’ kooperazzjoni tal-UE, reġjonali jew subreġjonali, huma jridu jużaw dawn il-valuri ta’ limitu tal-aħħar.

Madankollu, f’konformità mal-Artikolu 3(1) jew (2) tad-Deċiżjoni, l-Istati Membri jistgħu ma jużawx il-valuri ta’ limitu stabbiliti fil-livell tal-UE, reġjonali jew subreġjonali meta dawk il-valuri jkopru kriterju li ma jiġix applikat minn dak l-Istat Membru. L-istess japplika għall-valuri ta’ limitu li jkopru d-deskritturi li Stat Membru jqis bħala “mhux xierqa”, f’konformità mal-Anness I tad-Direttiva.

Id-“deċiżjoni”  (8) minn Stat Membru li ma japplikax deskrittur jew kriterju partikolari “awtomatikament” testendi għall-elementi, il-valuri ta’ limitu u l-istandards metodoloġiċi li jikkorrispondu għad-deskrittur jew/u l-kriterju partikolari. Fi kliem ieħor, meta Stat Membru jiddeċiedi li ma jużax deskrittur jew kriterju partikolari, b’estensjoni jiddeċiedi li ma jużax il-valuri ta’ limitu relatati ma’ dak id-deskrittur u/jew ma’ dak il-kriterju.

Bħala konklużjoni, meta jaġġornaw l-istrateġiji marini tagħhom f’konformità mal-Artikolu 17 tad-Direttiva, l-Istati Membri jitħallew ma jużawx il-valuri ta’ limitu stabbiliti fil-livell tal-UE, reġjonali jew subreġjonali biss sa fejn il-valuri ta’ limitu jkunu relatati ma’ deskritturi jew kriterji li jkunu għażlu li ma japplikawx f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti mid-Direttiva u mid-Deċiżjoni.

IV.   L-użu ta’ valuri ta’ limitu għall-valutazzjoni tal-istatus ambjentali

Id-Deċiżjoni tirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu valuri ta’ limitu, kif ukoll kriterji u standards metodoloġiċi oħra relatati mad-determinazzjoni u l-valutazzjoni tal-GES, sal-2018 jew “ malajr kemm jista’ jkun wara ”, bil-kundizzjoni li jkunu pprovdew ġustifikazzjoni lill-Kummissjoni (l-Artikolu 5).

Minħabba l-objettiv tad-Direttiva li jinkiseb jew jinżamm l-istatus ambjentali tajjeb tal-baħar sa mhux aktar tard mill-2020, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu stabbilixxew valuri ta’ limitu matul it-tieni ċiklu ta’ implimentazzjoni tad-Direttiva (9).

Skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni, ladarba jiġu stabbiliti dawn il-valuri ta’ limitu, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni, meta jaġġornaw l-istrateġiji marini tagħhom, dwar l-użu ta’ tali valuri u standards metodoloġiċi oħra għall-valutazzjoni tal-GES.

Għalhekk huwa mistenni li, fl-aġġornamenti li jmiss imwettqa f’konformità mal-Artikolu 17(2)(a) u (b) tad-Direttiva (i) tal-valutazzjoni inizjali u d-determinazzjoni tal-GES kif previst fl-Artikoli 8(1) u 9(1), u (ii) tal-miri ambjentali stabbiliti skont l-Artikolu 10(1), l-Istati Membri se japplikaw il-valuri ta’ limitu stabbiliti permezz tal-kooperazzjoni tal-Unjoni, reġjonali jew subreġjonali, kif ukoll il-valuri ta’ limitu li jirriżultaw mil-leġiżlazzjonijiet eżistenti diġà stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjoni għall-kriterji li se jużaw biex jivvalutaw l-istatus ambjentali.

Meta l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jużaw dawn il-valuri ta’ limitu, b’mod partikolari meta jaġġornaw il-valutazzjoni inizjali skont l-Artikolu 8(1), dan għandu jiġi ġġustifikat kif xieraq. Pereżempju, jista’ jkun hemm każijiet fejn Stat Membru juża l-valuri ta’ limitu stabbiliti bħala parti mir-rapportar aġġornat dwar il-GES skont l-Artikolu 9(1) iżda ma setax juża l-istess limiti biex jaġġorna l-valutazzjoni inizjali skont l-Artikolu 8(1), peress li l-valuri kienu għadhom ma ġewx stabbiliti fiż-żmien meta tħejjiet il-valutazzjoni tal-ilmijiet marini tiegħu.

Għalhekk, meta tevalwa l-istrateġiji marini aġġornati tal-Istati Membri, b’mod partikolari l-valutazzjoni tal-istat tal-ilmijiet tal-baħar tagħhom u l-progress lejn il-kisba tal-GES, il-Kummissjoni se tivverifika jekk l-Istati Membri użawx valuri ta’ limitu biex jiddeterminaw il-GES fl-aġġornamenti tagħhom tal-istrateġiji marini.


(1)   ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19.

(2)   ĠU L 125, 18.5.2017, p. 43.

(3)  Ara l-Anness tad-Deċiżjoni: D1C1, D1C2, D1C3, D1C4, D1C5, D1C6, D2C1, D3C1, D3C2, D3C3, D4C1, D4C2, D5C1, D5C2, D5C5, D6C1, D6C2, D6C3, D6C4, D6C5, D8C1, D8C3, D9C1, D10C1, D10C2, D11C1, D11C2.

(4)  Ara l-Anness tad-Deċiżjoni: D2C2, D2C3, D4C3, D4C4, D5C3, D5C4, D5C6, D5C7, D5C8, D7C1, D7C2, D8C2, D8C4, D10C3, D10C4.

(5)  F’konformità mal-paragrafu 2(a) tal-Artikolu 17 tad-Direttiva.

(6)  L-Artikolu 5, il-paragrafu 2 tad-Deċiżjoni.

(7)  Ara l-anness ta’ din il-Komunikazzjoni.

(8)  Peress li l-Istati Membri huma awtorizzati, taħt ċerti kundizzjonijiet, li ma jużawx ċerti deskritturi jew kriterji primarji, u li jiddeċiedu (sakemm ma jkunx previst mod ieħor mill-Anness tad-Deċiżjoni) jekk japplikawx il-kriterji sekondarji, l-użu tal-kelma “jiddeċiedi” fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni għandu jinftiehem bħala l-għażla tal-Istati Membri dwar liema deskritturi u kriterji japplikaw.

(9)  L-Artikoli 5(1) u 5(2) tad-Deċiżjoni.


ANNESS

VALURI TA’ LIMITU STABBILITI GĦAL STATUS AMBJENTALI TAJJEB

Id-Deċiżjoni tippreskrivi l-użu tal-valuri ta’ limitu li ġejjin li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni.

Kriterju

Valur(i) tal-livell limitu

D3C1

Mortalità mis-sajd

Ir-rata ta’ mortalità mis-sajd ta’ popolazzjonijiet ta’ speċijiet li jiġu sfruttati b’mod kummerċjali hija f’livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli (MSY, maximum sustainable yield) jew inqas.

D3C2

Bijomassa ta’ Stokk Riproduttiv

Il-Bijomassa ta’ Stokk Riproduttiv ta’ popolazzjonijiet ta’ speċijiet li jiġu sfruttati b’mod kummerċjali hija iktar mil-livelli ta’ bijomassa li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli.

D5C1

Konċentrazzjonijiet ta’ nutrijenti

Il-valuri ta’ limitu huma kif ġej:

(a)

fl-ilmijiet kostali, il-valuri stabbiliti f’konformità mad-Direttiva 2000/60/KE;

D5C2

Konċentrazzjoni tal-klorofilla

Il-valuri ta' limitu huma kif ġej:

(a)

fl-ilmijiet kostali, il-valuri stabbiliti f’konformità mad-Direttiva 2000/60/KE;

D5C5

Ossiġenu dissolt

Il-valuri ta' limitu huma kif ġej:

(a)

fl-ilmijiet kostali, il-valuri stabbiliti f’konformità mad-Direttiva 2000/60/KE;

D8C1

Konċentrazzjoni ta’ kontaminanti

Fl-ilmijiet kostali u fl-ibħra territorjali, il-konċentrazzjonijiet ta' kontaminanti ma jaqbżux il-valuri ta' limitu li ġejjin:

(a)

għall-kontaminanti stabbiliti taħt il-punt 1(a) tal-elementi tal-kriterji, il-valuri stabbiliti f’konformità mad-Direttiva 2000/60/KE;

[…]

Lil hinn mill-ibħra territorjali, il-konċentrazzjonijiet ta' kontaminanti ma jaqbżux il-valuri ta' limitu li ġejjin:

(a)

għall-kontaminanti magħżula taħt il-punt 2(a) tal-elementi tal-kriterji, il-valuri kif applikabbli fi ħdan l-ilmijiet kostali u l-ibħra territorjali;

D9C1

Kontaminanti fil-frott tal-baħar

Il-livell ta' kontaminanti fit-tessuti bijoloġiċi li jittieklu (muskoli, fwied, bajd, laħam jew partijiet torja oħrajn, kif xieraq) ta' frott tal-baħar (inklużi ħut, krustaċji, molluski, ekinodermi, algi u pjanti tal-baħar oħrajn) maqbuda jew miġbura fis-selvaġġ (minbarra ħut bil-pinen mill-marikultura) ma jaqbiżx:

(a)

għall-kontaminanti elenkati fir-Regolament (KE) Nru 1881/2006, il-livelli massimi stipulati f’dak ir-Regolament, li huma valuri ta’ limitu għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni;

Barra minn hekk, il-valuri ta’ limitu li jmiss ġew stabbiliti permezz ta’ kooperazzjoni fil-livell tal-Unjoni li, kif spjegat fil-premessa 12 tad-Deċiżjoni, huwa mistenni li jseħħ “fil-qafas tal-Istrateġija Komuni ta’ Implimentazzjoni stabbilita mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni għall-finijiet tad-Direttiva 2008/56/KE”.

Kriterju

Valur(i) tal-livell limitu

D6C4

Telf ta’ ħabitats

Il-proporzjon massimu ta’ tip ta’ ħabitat wiesa’ bentiku f’żona ta’ valutazzjoni li jista’ jintilef huwa 2 % tal-firxa naturali tiegħu (≤ 2 %) (D6C4).

D6C5

Effetti negattivi fuq il-ħabitats

Il-proporzjon massimu ta’ tip ta’ ħabitat wiesa’ bentiku f’żona ta’ valutazzjoni li tista’ tiġi affettwata b’mod negattiv huwa 25 % tal-firxa naturali tiegħu (≤ 25 %). Dan jinkludi l-proporzjon tat-tip ta’ ħabitat wiesa’ bentiku li ntilef (D6C5). Tip ta’ ħabitat wiesa’ bentiku jiġi affettwat b’mod negattiv f’żona ta’ valutazzjoni jekk juri devjazzjoni inaċċettabbli mill-istat ta’ referenza fl-istruttura u l-funzjonijiet bijotiċi u abijotiċi tiegħu (eż. il-kompożizzjoni tipika tal-ispeċijiet, l-abbundanza relattiva u l-istruttura tad-daqs, l-ispeċijiet sensittivi jew l-ispeċijiet li jipprovdu funzjonijiet ewlenin, ir-rekuperabbiltà u l-funzjonament tal-ħabitats u tal-proċessi tal-ekosistema) (D6C5).

D10C1

Skart fuq il-kosta

20 oġġett ta’ skart/100 m ta’ kosta

D11C1

Storbju impulsiv

Għal esponiment għal żmien qasir (ġurnata, jiġifieri esponiment ta’ kuljum), il-proporzjon massimu ta’ erja ta’ valutazzjoni/ħabitat utilizzata minn speċi ta’ interess li hija aċċettata li tkun esposta għal livelli ta’ storbju impulsivi ogħla mil-Livell ta’ Bidu ta’ Effetti Bijoloġikament Avversi (LOBE, Level of Onset of Biologically Adverse Effects), matul ġurnata, huwa 20 % jew inqas (≤ 20 %). Għal esponiment fit-tul (sena), tiġi kkalkulata l-iskopertura medja. Il-proporzjon massimu ta’ erja ta’ valutazzjoni/ħabitat utilizzat minn speċi ta’ interess li hija aċċettata li tkun esposta għal livelli ta’ storbju impulsiv ogħla minn LOBE, fuq medja ta’ sena, huwa ta’ 10 % jew inqas (≤ 10 %).

D11C2

Storbju kontinwu

20 % tal-ħabitat tal-ispeċijiet fil-mira li jkollu livelli ta’ storbju ogħla minn LOBE ma għandux jinqabeż fi kwalunkwe xahar tas-sena ta’ valutazzjoni, bi qbil mal-objettiv ta’ konservazzjoni ta’ 80 % tal-kapaċità ta’ ġarr/daqs tal-ħabitat.

Il-valuri ta’ limitu li għad irid jiġu definiti fil-livell ta’ Unjoni, f’konformità mad-Deċiżjoni, huma dawk għal skart marittimu fis-saff tal-wiċċ tal-kolonna tal-ilma, u fis-sediment ta’ qiegħ il-baħar; għal mikroskart fil-kosta, fis-saff tal-wiċċ tal-kolonna tal-ilma, u fis-sediment ta’ qiegħ il-baħar; u għal-livell ta’ effetti negattivi fuq il-ħabitats ta’ qiegħ il-baħar. Uħud mill-valuri ta’ limitu li għad baqa’ kienu stabbiliti jew ġew stabbiliti permezz ta’ kooperazzjoni reġjonali jew subreġjonali. Il-premessa 12 tad-Deċiżjoni tispjega li f’dan il-każ jenħtieġ li l-Istati Membri pereżempju jirreferu “ għall-valuri eżistenti jew jiżviluppaw oħrajn ġodda fil-qafas tal-Konvenzjonijiet dwar l-Ibħra Reġjonali ”. Dawn huma deskritti b’mod ċar fl-Anness tad-Deċiżjoni (1).


(1)  Ara r-rapport taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka “Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina - Limiti għall-kriterji tal-MSFD: is-sitwazzjoni attwali u l-passi li jmiss”. Minħabba n-natura dinamika tad-diskussjonijiet dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni dwar il-GES, xi informazzjoni f’dan ir-rapport ma għadhiex aġġornata.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2078/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)