|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje C |
|
C/2024/1909 |
1.3.2024 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-28 ta’ Frar 2024
li tistabbilixxi lista ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi protetti skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li se jiġu rreġistrati bħala applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/1753 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(C/2024/1909)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1753 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar l-azzjoni tal-Unjoni wara l-adeżjoni tagħha mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Liżbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Liżbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (2) (“l-Att ta’ Ġinevra”) huwa ftehim internazzjonali li skontu l-Partijiet Kontraenti jimplimentaw sistema ta’ protezzjoni reċiproka tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi. |
|
(2) |
Wara d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1754 (3) dwar l-adeżjoni tal-Unjoni mal-Att ta’ Ġinevra, l-Unjoni ddepożitat l-istrument tal-adeżjoni mal-Att ta’ Ġinevra fis-26 ta’ Novembru 2019. L-adeżjoni tal-Unjoni mal-Att ta’ Ġinevra daħlet fis-seħħ fis-26 ta’ Frar 2020. Peress li l-Unjoni kienet il-ħames Parti Kontraenti li aderiet mal-Att ta’ Ġinevra, l-Att ta’ Ġinevra daħal fis-seħħ fl-istess data, f’konformità mal-Artikolu 29(2) tal-Att ta’ Ġinevra. |
|
(3) |
F’konformità mal-Artikolu 5(1) u (2) tal-Att ta’ Ġinevra, l-Awtoritajiet Kompetenti ta’ kull Parti Kontraenti għall-Att ta’ Ġinevra jistgħu jippreżentaw l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ denominazzjoni ta’ oriġini jew ta’ indikazzjoni ġeografika mal-Bureau Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali, li jirreġistraha fir-Reġistru Internazzjonali. F’konformità mal-Artikolu 9 tal-Att ta’ Ġinevra, il-Partijiet Kontraenti l-oħra jistgħu jiddeċiedu jekk jipproteġux dik id-denominazzjoni ta’ oriġini jew l-indikazzjoni ġeografika fit-territorji tagħhom. |
|
(4) |
F’konformità mal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2019/1753, għall-finijiet ta’ dak ir-Regolament u tal-atti adottati skontu, it-terminu “indikazzjonijiet ġeografiċi” jkopri d-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). |
|
(5) |
F’konformità mal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2019/1753, bħala l-Awtorità Kompetenti tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li, mal-adeżjoni tal-Unjoni mal-Att ta’ Ġinevra u minn hemm ’il quddiem fuq bażi regolari, tirreġistra l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni internazzjonali tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-Unjoni mal-Bureau Internazzjonali. |
|
(6) |
F’Ottubru 2023, f’konformità mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2019/1753, l-Italja bagħtet talba lill-Kummissjoni biex fir-Reġistru Internazzjonali tirreġistra d-denominazzjoni ta’ oriġini protetta li toriġina mit-territorju tagħha u li hija protetta f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. |
|
(7) |
Jenħtieġ li l-ismijiet protetti f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 bħala denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti (DOP) u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (IĠP) jiġu ppreżentati bħala applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni fir-Reġistru Internazzjonali bħala denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi rispettivament. |
|
(8) |
Għalhekk, jenħtieġ li tiġi stabbilita lista li fiha d-denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP), ibbażata fuq dik it-talba tal-Italja lill-Kummissjoni biex tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ indikazzjoni ġeografika li toriġina mit-territorju tagħha u li hija protetta fl-Unjoni f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. |
|
(9) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli (Inbid), |
IDDEĊIEDIET KIF ĠEJ:
Artikolu Uniku
Fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni hija stabbilita lista li fiha d-denominazzjoni ta’ oriġini protetta skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 li se jiġu ppreżentati bħala applikazzjoni għar-reġistrazzjoni internazzjonali mill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Frar 2024.
Għall-Kummissjoni
Janusz WOJCIECHOWSKI
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 271, 24.10.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1753/oj.
(2) ĠU L 271, 24.10.2019, p. 15, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2019/1754/oj.
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1754 tas-7 ta’ Ottubru 2019 dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Liżbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (ĠU L 271, 24.10.2019, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/1754/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/oj).
ANNESS
Lista tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti fl-Unjoni f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti) li se tiġi ppreżentata bħala applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/1753
L-Italja
|
— |
Trento (DOP) |
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1909/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)