|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje C |
|
C/2024/1760 |
22.3.2024 |
P9_TA(2023)0320
Rapport tal-2022 dwar it-Turkija
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2022 dwar it-Turkija (2022/2205(INI))
(C/2024/1760)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta’ Ġunju 2022, tal-24 ta’ Ġunju 2021 u tal-1 ta’ Ottubru 2020, u l-konklużjonijiet rilevanti preċedenti kollha tal-Kunsill u tal-Kunsill Ewropew, |
|
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-membri tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2021 dwar it-Turkija, |
|
— |
wara li kkunsidra d-“dikjarazzjonijiet UE-Turkija tat-18 ta’ Marzu 2016 u tad-29 ta’ Novembru 2015, |
|
— |
wara li kkunsidra l-“Qafas ta’ Negozjar għat-Turkija” tat-3 ta’ Ottubru 2005 u l-mandat inkluż fih li, bħal fil-każ tal-pajjiżi tal-adeżjoni kollha, l-adeżjoni eventwali tat-Turkija mal-UE tiddependi minn konformità sħiħa mal-kriterji ta’ Copenhagen, u mill-ħtieġa li jiġu normalizzati r-relazzjonijiet tagħha mal-Istati Membri kollha tal-UE, inkluża r-Repubblika ta’ Ċipru, |
|
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni maħruġa minn dik li kienet il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fil-21 ta’ Settembru 2005 wara d-dikjarazzjoni li saret mit-Turkija meta ffirmat il-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Ankara fid-29 ta’ Lulju 2005, inkluża d-dispożizzjoni li r-rikonoxximent tal-Istati Membri kollha huwa komponent neċessarju tan-negozjati, kif ukoll l-implimentazzjoni sħiħa tal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Ankara fir-rigward tal-Istati Membri kollha billi tneħħi l-ostakli kollha għall-moviment liberu tal-merkanzija, inklużi restrizzjonijiet fuq il-mezzi tat-trasport, mingħajr preġudizzju jew diskriminazzjoni, |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Ottubru 2022 dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE (COM(2022)0528) u r-Rapport 2022 dwar it-Turkija (SWD(2022)0333) li jakkumpanjaha, |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Mejju 2022 intitolata “Is-Sitt Rapport Annwali dwar il-Faċilità għar-Rifuġjati fit-Turkija” (COM(2022)0243), |
|
— |
wara li kkunsidra l-qafas ta’ miżuri restrittivi stabbilit mill-UE fil-11 ta’ Novembru 2019 bi tweġiba għall-attivitajiet illegali ta’ tħaffir tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran, kif imġedded l-aktar reċentement bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/2186 tat-8 ta’ Novembru 2022 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2019/1894 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-attivitajiet ta’ tħaffir mhux awtorizzati tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran (1), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżultati tal-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari li saru fit-Turkija fl-14 ta’ Mejju 2023 u l-ballottaġġ tal-elezzjonijiet presidenzjali tat-28 ta’ Mejju 2023, |
|
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-riżultati preliminari u tal-konklużjonijiet tal-14 ta’ Mejju 2023 u tat-28 ta’ Mejju 2023 tal-missjoni internazzjonali ta’ osservazzjoni elettorali fir-Repubblika tat-Turkija tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2459 (2022) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tat-12 ta’ Ottubru 2022 intitolata “Ir-rispett tal-obbligi u tal-impenji tat-Turkija” u r-rapport relatat tal-Kumitat ta’ Monitoraġġ tagħha tal-14 ta’ Settembru 2022, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 46 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB), li jiddikjara li l-partijiet kontraenti jimpenjaw ruħhom li jirrispettaw is-sentenza finali tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) fi kwalunkwe kawża li jkunu parti minnha, u, għaldaqstant, wara li kkunsidra l-obbligu tat-Turkija li timplimenta s-sentenzi kollha tal-QEDB, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa (KtE), inklużi r-riżoluzzjonijiet interim tat-2 ta’ Frar 2022 u tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar l-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-QEDB f’Kavala vs it-Turkija, ir-riżoluzzjonijiet interim tad-9 ta’ Marzu 2023 u tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar l-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-QEDB f’Selahattin Demirtaş vs it-Turkija (Nru 2), kif ukoll it-talba tal-KtE tat-8 ta’ Ġunju 2023 għar-rilaxx immedjat ta’ Osman Kavala, Figen Yüksekdağ u Selahattin Demirtaş, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Inizjattiva dwar it-Trasport Sigur taċ-Ċereali u tal-Ikel mill-Portijiet Ukreni (Inizjattiva tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-Ċereali) tat-22 ta’ Lulju 2022, |
|
— |
wara li kkunsidra l-istħarriġ ekonomiku dwar it-Turkija, tas-27 ta’ Frar 2023, tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, |
|
— |
wara li kkunsidra l-fatt li t-Turkija tinsab fil-165 post minn fost 180 pajjiż fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-2023 ippubblikat mir-Reporters mingħajr fruntieri, |
|
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-UNESCO tal-10 ta’ Lulju 2020 dwar Hagia Sophia, Istanbul, u d-deċiżjoni tal-Kumitat għall-Patrimonju Dinji tal-UNESCO tal-31 ta’ Lulju 2021, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija, b’mod partikolari dawk tas-7 ta’ Ġunju 2022 dwar ir-Rapport 2021 tal-Kummissjoni dwar it-Turkija (2), u tad-19 ta’ Mejju 2021 dwar ir-Rapporti tal-Kummissjoni 2019-2020 dwar it-Turkija (3) u tas-26 ta’ Novembru 2020 dwar l-eskalazzjoni tat-tensjonijiet f’Varosha wara l-azzjonijiet illegali mit-Turkija u l-ħtieġa urġenti li jissuktaw it-taħditiet (4), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Istqarrija għall-Istampa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Ċipru tal-21 ta’ Awwissu 2023, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Mejju 2022 dwar il-każ ta’ Osman Kavala fit-Turkija (5), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Ottubru 2021 dwar ir-rapport ta’ implimentazzjoni dwar il-Fondi Fiduċjarji tal-UE u l-Faċilità għar-Rifuġjati fit-Turkija (6), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b’mod partikolari dik tal-15 ta’ April 2015 dwar għeluq il-mitt sena mill-Ġenoċidju Armen (7), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0247/2023), |
|
A. |
billi f’Mejju 2023 fit-Turkija saru elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari; |
|
B. |
billi l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (APKE) u l-Assemblea Parlamentari tal-OSKE ġew mistiedna josservaw l-elezzjonijiet li saru fit-Turkija fl-14 ta’ Mejju 2023; billi l-Parlament Ewropew ma ġiex mistieden minħabba allegazzjonijiet ta’ trattament inġust; |
|
C. |
billi l-missjoni ta’ osservazzjoni konġunta mill-Uffiċċju tal-OSKE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR), l-OSKE u l-APKE sabu li l-qafas legali għall-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari ma pprovdiex bis-sħiħ bażi biex isiru elezzjonijiet demokratiċi u li r-restrizzjonijiet kontinwi fuq il-libertajiet fundamentali ta’ assemblea, ta’ assoċjazzjoni u ta’ espressjoni xekklu l-parteċipazzjoni ta’ xi politiċi u partiti tal-oppożizzjoni, kif ukoll tas-soċjetà ċivili u tal-media indipendenti; |
|
D. |
billi terremoti devastanti laqtu x-Xlokk tat-Turkija fis-6 ta’ Frar 2023, u kkawżaw għadd kbir ta’ fatalitajiet u ħsara estensiva fl-infrastruttura u rriżultaw f’1,7 miljun persuna fi bżonn kbir ta’ assistenza umanitarja fit-Turkija u fit-Tramuntana tas-Sirja; billi 21 Stat Membru tal-UE bagħtu minnufih timijiet ta’ tiftix u salvataġġ fit-Turkija; billi l-UE u s-sħab internazzjonali tagħha wegħdu EUR 6,05 biljun matul il-Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi biex jipprovdu għajnuna lit-Turkija wara t-terremot; |
|
E. |
billi t-Turkija tibqa’ pajjiż kandidat għall-adeżjoni mal-UE, alleat tan-NATO u sieħeb ewlieni fis-sigurtà, fil-kummerċ u r-relazzjonijiet ekonomiċi u fil-migrazzjoni; billi t-Turkija hija mistennija tirrispetta l-valuri demokratiċi, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem u tirrispetta d-dritt tal-UE; |
|
F. |
billi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha huma sħab tat-Turkija u tan-nies tagħha, li magħhom l-Ewropa għandha rabtiet kummerċjali, kulturali u storiċi profondi; billi t-Turkija hija s-sitt l-akbar sieħeb kummerċjali tal-UE u l-UE hija l-akbar sieħeb kummerċjali tat-Turkija; |
|
G. |
billi t-Turkija kienet qed titbiegħed b’mod gradwali iżda kostanti mill-valuri u mill-qafas normattiv tal-UE għal għadd ta’ snin, li juri xejra li hija l-aktar inkwetanti u li qed tikber, kif muri minn għadd dejjem akbar ta’ liġijiet u miżuri li jillimitaw l-istat tad-dritt, il-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet ċivili, kif ukoll mill-azzjonijiet tagħha li jmorru kontra d-dritt internazzjonali u r-relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien; |
|
H. |
billi l-aggravar f’termini ta’ drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt kompla, kif muri mill-fatt li t-Turkija tinsab fil-165 post minn 180 pajjiż fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-2023, 16-il post aktar ’l isfel milli fl-2022; billi t-Turkija ġiet ikklassifikata fit-48 post minn 49 pajjiż għad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni LGBT, skont ir-Rainbow Europe Map tal-2022 ippubblikata mill-ILGA-Europe – ir-reġjun Ewropew tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Persuni Leżbjani, Gay, Bisesswali, Trans u Intersesswali; |
|
I. |
billi l-aġenda pożittiva mressqa mill-UE fl-2021 bħalissa tinsab prattikament wieqfa; billi n-negozjati tal-adeżjoni mal-UE ilhom fil-fatt wieqfa mill-2018, minħabba d-deterjorament tal-istat tad-dritt u tad-demokrazija fit-Turkija; billi t-Turkija jeħtieġ li turi b’mod kredibbli l-impenn tagħha għal relazzjonijiet aktar mill-qrib u allinjament mal-UE; |
|
J. |
billi t-Turkija hija membru tal-Kunsill tal-Ewropa u għalhekk hija marbuta bis-sentenzi tal-QEDB; |
|
K. |
billi skont ir-rapport tal-Pjattaforma We Will Stop Femicide (l-Pjattaforma Aħna Se Nwaqqfu l-Femiċidju) (KCDP), 334 mara nqatlu mill-irġiel u 245 mara nstabu mejta f’ċirkostanzi suspettużi fl-2022 fit-Turkija; billi fir-rapport tagħha tal-2021, il-pjattaforma nnotat li nqatlu 280 mara u nstabu 217-il mara mejta f’ċirkostanzi suspettużi; |
|
L. |
billi l-gwerra ta’ aggressjoni Russa qed tikkawża bidliet ġeopolitiċi mingħajr preċedent fl-Ewropa; billi l-pożizzjoni kruċjali tat-Turkija tippermettilha li jkollha rwol strumentali u strateġiku; billi t-Turkija kienet l-uniku faċilitatur aċċettat kemm mill-Ukrajna kif ukoll mir-Russja u kienet strumentali biex jintlaħaq ftehim dwar l-Inizjattiva vitali tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-Ċereali; billi t-Turkija, madankollu, iddeċidiet li ma tallinjax mas-sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja; billi, prinċipalment bħala riżultat ta’ dan in-nuqqas ta’ allinjament, l-allinjament tal-politika estera tat-Turkija mad-dikjarazzjonijiet tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) tal-UE ddeterjora minn 14 % għal 7 % biss bejn l-2021 u l-2022, li huwa bil-bosta l-aktar baxx fost il-pajjiżi kollha tat-tkabbir; billi l-kummerċ bejn it-Turkija u r-Russja kważi rdoppja sa mill-impożizzjoni tal-UE ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja; |
|
M. |
billi issa aktar minn qatt qabel fir-relazzjoni bejn l-UE u t-Turkija, irid isir sforz miftiehem biex jiġi appoġġat l-istatus quo ante legalment rikonoxxut kull meta l-Federazzjoni Russa tkun wettqet gwerer ta’ aggressjoni jew kisret il-liġi internazzjonali jew il-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment; |
|
N. |
billi t-Turkija tibqa’ sieħeb ewlieni għall-istabbiltà fir-reġjun usa’ tal-Lvant tal-Mediterran u billi t-tensjonijiet bejn l-UE u t-Turkija fir-rigward tas-sitwazzjoni fil-Lvant tal-Mediterran naqsu iżda ma waqfux għalkollox; |
|
O. |
billi t-Turkija ġiet mitluba ripetutament biex toqgħod lura mill-azzjonijiet kollha li jiksru s-sovranità u d-drittijiet sovrani tal-Istati Membri kollha tal-UE u li huma bi ksur tad-dritt internazzjonali u tal-UE; |
|
P. |
billi wara dewmien twil, il-Gran Assemblea Nazzjonali Torka rratifikat is-sħubija tal-Finlandja fin-NATO f’Marzu 2023, u b’hekk il-pajjiż seta’ jissieħeb fin-NATO; billi l-Gvern Tork kien qed jagħmel pressjoni b’mod deliberat fuq l-Iżvezja u dewwem l-adeżjoni tagħha man-NATO f’mument ta’ aggressività storika mir-Russja; |
|
Q. |
billi l-2022 rat approfondiment sostanzjali tal-integrazzjoni finanzjarja u ekonomika bejn it-Turkija u r-Russja, li huwa viżibbli f’ħafna oqsma u swieq inklużi l-banek, il-proprjetà immobbli, it-turiżmu u l-enerġija; |
|
R. |
billi filwaqt li t-tkabbir ekonomiku fit-Turkija baqa’ stabbli, l-inflazzjoni għadha fl-ogħla livell f’20 sena u l-iżbilanċi esterni fl-ekonomija qed jiggravaw; |
|
S. |
billi t-Turkija tospita l-akbar popolazzjoni ta’ rifuġjati fid-dinja, bi kważi 4 miljun rifuġjat irreġistrat prinċipalment mis-Sirja, l-Iraq u l-Afganistan; billi hemm rapporti kredibbli ta’ rifuġjati li jirrisjedu fit-Turkija li qed jiġu deportati u ta’ push-backs sommarji ta’ rifuġjati fil-fruntieri tat-Turkija wara eżaminazzjoni żgħira jew l-ebda eżaminazzjoni tat-talbiet tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali; |
Valutazzjoni ġenerali u żviluppi reċenti
|
1. |
Jieħu nota tar-riżultati tal-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari li saru dan l-aħħar fit-Turkija u jqishom sinjal ta’ kontinwità politika fil-pajjiż; jilqa’ l-għadd kbir ta’ nies li ħarġu jivvutaw u jinnota li l-elezzjonijiet kienu fil-biċċa l-kbira paċifiċi, minkejja każijiet iżolati ta’ vjolenza primarjament kontra dawk li jappoġġaw lill-oppożizzjoni; |
|
2. |
Madankollu, jesprimi dispjaċir li, kif rifless mill-missjoni ta’ osservazzjoni elettorali tal-OSKE/ODIHR, in-nuqqas ta’ kundizzjonijiet ekwi ta vantaġġ mhux ġustifikat lill-mexxej fil-kariga, kif muri, fost kwistjonijiet oħra, mill-kopertura tal-media preġudikata żżejjed u mhux ugwali; jesprimi dispjaċir, barra minn hekk, li r-retorika ħarxa, il-lingwaġġ inflammatorju u diskriminatorju, inkluż kontra l-minoranzi, l-intimidazzjoni u l-fastidju kontinwi tal-persuni li jappoġġaw xi partiti tal-oppożizzjoni u l-asserzjonijiet foloz mill-partiti li qed imexxu dwar l-affiljazzjoni tal-oppożizzjoni mat-terroriżmu xekklu l-proċess; jenfasizza l-fatt li għal perjodu twil qabel l-elezzjonijiet, il-Gvern Tork uża s-setgħa tiegħu fuq l-istituzzjonijiet tal-istat u l-korpi regolatorji biex jikkontrolla narrattivi u dibattiti kemm fil-media tradizzjonali kif ukoll fil-media soċjali, biex jitfa’ l-ħabs ġurnalisti u politiċi u biex ineħħi uffiċjali eletti f’oqsma b’maġġoranza Kurda mill-kariga, sabiex tiġi żvantaġġata l-oppożizzjoni; |
|
3. |
Itenni n-niket kbir tiegħu għat-terremoti devastanti u qattiela li heżżew ix-Xlokk tat-Turkija u s-Sirja fis-6 ta’ Frar 2023 u l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familji tal-vittmi; jilqa’ l-isforz internazzjonali ta’ għajnuna u rkupru, b’mod partikolari mill-UE u mill-Istati Membri tagħha, u l-attivazzjoni rapida tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili biex jgħin liż-żoni affettwati, li hija dimostrazzjoni ta’ solidarjetà Ewropea b’saħħitha mal-poplu Tork; jemmen li l-UE għandha tkompli tappoġġa lin-nies tat-Turkija fl-indirizzar tal-ħtiġijiet umanitarji tagħhom u fl-isforzi ta’ rikostruzzjoni tagħhom; jilqa’, b’mod partikolari, il-wegħdiet sostanzjali li saru fil-konferenza tad-donaturi mlaqqa’ mill-Kummissjoni u mill-Presidenza Żvediża tal-Kunsill u jitlob lill-UE u lill-Istati Membri, kif ukoll lid-donaturi internazzjonali l-oħra kollha, biex iwettqu l-wegħdiet tagħhom u jiżguraw li t-tfassil, l-implimentazzjoni u s-sorveljanza tar-rispons għar-rikostruzzjoni u d-diżastri jkunu trasparenti, sostenibbli u sikuri; jissottolinja li s-solidarjetà Ewropea tista’ twassal għal titjib tanġibbli fir-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija; jinsab imħasseb li t-terremot żvela nuqqasijiet bħan-nuqqas ta’ tħejjija tal-gvern, id-deterjorament tal-infrastruttura u l-korruzzjoni mifruxa; juri dispjaċir li matul is-sigħat kritiċi wara t-terremot, l-aċċess għall-internet u għall-media soċjali kien limitat b’mod sinifikanti, li affettwa l-isforzi ta’ salvataġġ, u l-ġurnalisti kienu fil-mira, li fixkel il-fluss liberu tal-informazzjoni; |
|
4. |
Huwa tal-fehma li l-gwerra Russa ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna kellha impatt u żiedet dimensjoni oħra għar-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija hekk kif it-Turkija qed tipprova żżomm ir-rabtiet kemm mal-Punent kif ukoll mar-Russja fl-istess ħin; jilqa’ l-vot tat-Turkija favur il-kundanna tal-gwerra Russa ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna fl-Assemblea Ġenerali tan-NU u l-impenn tagħha għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna; jesprimi dispjaċir, fl-istess ħin, li t-Turkija ma tappoġġax sanzjonijiet barra mill-qafas tan-NU; jissottolinja li r-rata ta’ allinjament tat-Turkija mal-PESK niżlet fl-aktar livell baxx ta’ kull żmien ta’ 7 %, meta mqabbla ma’ 11 % fl-2021; jistieden lit-Turkija tagħmel passi sinifikanti fl-allinjament mal-PESK tal-UE mill-aktar fis possibbli, inkluż dwar sanzjonijiet u kontra ċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet; |
|
5. |
Jilqa’ l-isforzi tat-Turkija fl-iffaċilitar tat-taħditiet bejn l-Ukrajna u r-Russja u jerġa’ jafferma l-apprezzament tiegħu għar-rwol ewlieni li kellha t-Turkija flimkien man-NU fl-intermedjazzjoni u biex tinżamm ħajja l-Inizjattiva tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-Ċereali, li kienet kruċjali biex tgħin biex jiġi miġġieled in-nuqqas globali ta’ provvisti essenzjali tal-ikel, b’mod partikolari ċ-ċereali; jinnota li fir-rigward ta’ theddid ibridu, fil-kuntest ta’ kunflitti u kriżijiet internazzjonali, iċ-ċirkolazzjoni ta’ informazzjoni u propaganda foloz fuq il-media soċjali u fuq il-media tradizzjonali ġiet osservata wkoll fl-ambjent tal-informazzjoni Tork; jikkundanna l-fatt li t-Turkija ma rrestrinġietx l-operazzjonijiet tal-mezzi tal-media Russi fil-kuntest tal-gwerra Russa ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna; |
|
6. |
Jinnota li l-kummerċ bejn it-Turkija u r-Russja kważi rdoppja mill-bidu tal-gwerra fl-Ukrajna u li hemm riskju għoli li oġġetti u teknoloġiji ssanzjonati, bħas-semikondutturi, jistgħu jgħaddu mit-territorju Tork; jissottolinja r-riskju partikolari li jinħoloq mill-evażjoni tas-sanzjonijiet li tippermetti trasferimenti tat-teknoloġija b’użu doppju lejn ir-Russja, li fl-aħħar mill-aħħar tista’ tintuża mill-armata tar-Russja fl-Ukrajna; jieħu nota tal-miżuri parzjali meħuda f’dawn l-aħħar xhur mill-awtoritajiet Torok biex jipprevjenu r-riesportazzjoni u t-tranżitu dirett lejn ir-Russja ta’ merkanzija koperta minn sanzjonijiet tal-UE; iħeġġeġ lit-Turkija, madankollu, biex tkompli tiżgura li ma tibqax ċentru għall-entitajiet u għall-individwi li jixtiequ jevitaw is-sanzjonijiet, biex tiżgura bis-sħiħ, b’mezzi legali u regolatorji, li s-sanzjonijiet qatt ma jiġu evitati fit-territorju tagħha, u biex tieħu l-passi kollha meħtieġa f’dan ir-rigward, inkluż billi tikkastiga l-entitajiet u l-individwi; jiddeplora l-fatt li ċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet tal-UE mit-Turkija timmina l-isforzi kollettivi u jistieden lill-Kummissjoni teżamina ż-żieda fil-kummerċ bejn ir-Russja u t-Turkija u tivvaluta l-flussi kummerċjali rilevanti li jistgħu jindikaw ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet; jesprimi tħassib, barra minn hekk, dwar il-fatt li numri dejjem jiżdiedu ta’ ċittadini Russi, inklużi oligarki, qed jieħdu r-residenza fi bliet Torok ewlenin u f’reġjuni kostali, u dan qed jikkontribwixxi għal żidiet qawwija fil-prezzijiet fis-swieq tal-kiri u tal-proprjetà, minn fejn ikomplu l-operazzjonijiet tan-negozju u kummerċjali tagħhom li jġibu ammonti kbar ta’ kapital Russu fis-sistema Torka; jenfasizza l-aspettattiva tiegħu li t-Turkija tevita li ssir post ta’ kenn sikur għall-kapital u għall-investimenti Russi; jesprimi tħassib dwar il-kooperazzjoni mill-qrib tat-Turkija mar-Russja fl-iżvilupp ta’ impjanti nukleari kbar, inkluż l-Impjant Nukleari ta’ Akkuyu, li qed jinbena u li se jkun operat mill-Korporazzjoni tal-Istat għall-Enerġija Atomika tar-Russja Rosatom, li hija wkoll is-sid tiegħu; |
|
7. |
Jiddeplora bil-qawwa, fil-kuntest tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna u tal-arkitettura tas-sigurtà li qed tinbidel fil-kontinent Ewropew, id-dewmien tar-ratifika tal-adeżjoni tal-Iżvezja man-NATO, wara d-dewmien preċedenti tal-adeżjoni tal-Finlandja man-NATO, li kellu rwol biss f’idejn ir-Russja u jimmina r-relazzjonijiet bejn it-Turkija u l-alleati tagħha tan-NATO; jiddenunzja f’dan il-kuntest, barra minn hekk, it-tentattivi biex jiġu mminati l-libertajiet demokratiċi fl-Istati Membri tal-UE permezz tal-istrumentalizzazzjoni tal-għoti ta’ kunsens għall-adeżjoni tal-Iżvezja man-NATO; jieħu nota li, wara konsultazzjonijiet ulterjuri, il-President tat-Turkija fl-aħħar qabel fl-10 ta’ Lulju 2023 li jgħaddi l-Protokoll ta’ Adeżjoni man-NATO tal-Iżvezja lill-Gran Assemblea Nazzjonali Torka mill-aktar fis possibbli u li jaħdem mill-qrib mal-Assemblea biex jiżgura r-ratifika; jiddispjaċih, madankollu, li dan il-proċess għadu pendenti u li jonqoslu kalendarju preċiż; iħeġġeġ lit-Turkija biex tirratifika l-adeżjoni tal-Iżvezja man-NATO mingħajr aktar dewmien; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Torok iwettqu l-wegħda tagħhom ta’ sħubija aktar kostruttiva fin-NATO, inkluż fil-Lvant tal-Mediterran; jisħaq li l-proċess ta’ adeżjoni man-NATO ta’ pajjiż wieħed ma jista’ bl-ebda mod ikun marbut mal-proċess ta’ adeżjoni mal-UE ta’ pajjiż ieħor, peress li l-proċess ta’ adeżjoni mal-UE tal-pajjiż l-ieħor jibqa’ bbażat fuq il-merti tiegħu stess; |
|
8. |
Iqis li, f’termini ta’ drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt, għadha valida l-istampa skoraġġanti deskritta fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Ġunju 2022 dwar ir-Rapport 2021 tal-Kummissjoni dwar it-Turkija u jtenni l-kontenut ta’ dik ir-riżoluzzjoni; japprova bis-sħiħ ir-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tat-12 ta’ Ottubru 2022, u r-rapport relatat mill-Kumitat ta’ Monitoraġġ tiegħu, dwar ir-rispett tal-obbligi u tal-impenji mit-Turkija, kif ukoll ir-riżoluzzjonijiet adottati mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa sakemm jiġu eżegwiti s-sentenzi tal-QEDB, li juru fid-dettall il-firxa wiesgħa ta’ nuqqasijiet serji fid-drittijiet tal-bniedem irrapportati b’mod kostanti minn organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem magħrufa lokalment u internazzjonalment; |
|
9. |
Huwa xxukkjat mill-fatt li x-xejra negattiva għadha ’l bogħod milli tieqaf jew milli titreġġa’ lura u li r-rigress demokratiku fit-Turkija kompla matul l-aħħar sena, b’diversi liġijiet jiġu emendati li jissikkaw iċ-ċensura online u jirrestrinġu l-aċċess għall-informazzjoni bl-iskuża tal-prevenzjoni ta’ miżinformazzjoni; huwa xxukkjat ukoll bir-ripressjoni bla heda ta’ kwalunkwe vuċi kritika, b’mod partikolari qabel u matul l-elezzjonijiet reċenti; jiddeplora l-fatt li l-Gvern Tork, b’sett ta’ liġijiet, inkluża l-liġi tal-2020 dwar il-media soċjali, il-liġi tal-2021 kontra l-ħasil tal-flus u l-liġi tal-2022 dwar id-diżinformazzjoni, bena xibka kumplessa ta’ leġiżlazzjoni li sservi bħala għodda biex tikkontrolla u ssikket b’mod sistematiku lill-ġurnalisti, lill-ħaddiema tal-media, lill- organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, lill-attivisti politiċi, lill-akkademiċi u lill-artisti; jafferma b’dispjaċir li t-Turkija issa saret wieħed mill-mudelli globali għal prattiki awtoritarji; jinsab imħasseb bl-ammont dejjem akbar ta’ aħbarijiet foloz fl-ambjent tal-media soċjali Tork, iżda jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-liġi drastika dwar id-diżinformazzjoni adottata f’Ottubru 2022 li tissikka l-kontroll tal-gvern fuq il-pjattaformi tal-media soċjali u fuq is-siti tal-aħbarijiet online, filwaqt li tintroduċi sentenzi ta’ ħabs għall-pubblikazzjoni ta’ “diżinformazzjoni u aħbarijiet foloz”; iqis li d-definizzjoni vaga tal-abbozz ta’ liġi ta’ “diżinformazzjoni” u ta’ “intenzjoni” tpoġġi miljuni ta’ utenti tal-internet tat-Turkija, inklużi intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, f’riskju ta’ prosekuzzjoni għall-ippostjar ta’ informazzjoni li l-gvern ma jaqbilx magħha; isostni li l-Gvern Tork għalhekk jinstiga l-awtoċensura permezz tal-intimidazzjoni; jinsab imħasseb dwar it-tixrid tal-propaganda tal-istat, b’mod partikolari mill-aġenzija tal-aħbarijiet immexxija mill-Istat Anadolu; |
|
10. |
Jikkundanna n-nuqqas ta’ indipendenza tal-ġudikatura u l-istrumentalizzazzjoni politika tas-sistema ġudizzjarja u jisħaq li dan il-qasam huwa tal-ogħla tħassib għall-UE, peress li l-indipendenza tal-ġudikatura tirrappreżenta l-pedament ta’ sistema demokratika li taħdem fis-servizz u għall-benefiċċju tal-popolazzjoni; għadu mħasseb dwar ir-restrizzjonijiet serji fuq il-libertajiet fundamentali – b’mod partikolari l-libertà tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni li tagħhom, il-każ Gezi, jibqa’ emblematiku – u l-attakki kostanti fuq id-drittijiet fundamentali tal-membri tal-oppożizzjoni, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-avukati, it-trejdjunjonisti, il-membri tal-minoranzi, il-ġurnalisti, l-akkademiċi u l-attivisti tas-soċjetà ċivili, inkluż permezz ta’ fastidju ġudizzjarju u amministrattiv, l-użu arbitrarju tal-liġijiet kontra t-terroriżmu, l-istigmatizzazzjoni u l-għeluq tal-assoċjazzjonijiet; jistenna li s-setturi kollha tas-soċjetà Torka organizzata jkollhom il-possibbiltà li jwettqu xogħolhom u l-attivitajiet tagħhom b’mod liberu, peress li dan jista’ jsaħħaħ id-demokrazija Torka; jesprimi tħassib dwar ir-rapporti ta’ vjolenza eċċessiva li qed titwettaq kontra l-priġunieri; jisħaq bil-qawwa l-ħtieġa li jiġi żgurat it-trattament uman tal-priġunieri kollha skont id-drittijiet bażiċi tal-bniedem; |
|
11. |
Jistieden lit-Turkija timplimenta bis-sħiħ is-sentenzi kollha tal-QEDB f’konformità mal-Artikolu 46 tal-KEDB, li huwa obbligu mhux kundizzjonat li jirriżulta mis-sħubija tat-Turkija fil-Kunsill tal-Ewropa; huwa xxukkjat bl-indifferenza kontinwa u bin-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ deċiżjonijiet importanti tal-QEDB, mill-awtoritajiet Torok, speċjalment mill-ġudikatura, bħall-każijiet ta’ Selahattin Demirtaş u ta’ Osman Kavala, li għalihom it-Turkija qed tiffaċċja proċedimenti ta’ ksur storiċi fil-Kunsill tal-Ewropa; |
|
12. |
Jikkundanna l-prosekuzzjoni, iċ-ċensura u l-fastidju kontinwi tal-ġurnalisti u tal-media indipendenti fit-Turkija; huwa mħasseb ukoll dwar l-immirar fl-UE ta’ ġurnalisti u opponenti politiċi li joriġinaw mit-Turkija; jistieden lill-awtoritajiet Torok jippermettu lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, lill-avukati u lil rappreżentanti legali oħra u lill-istampa jiffunzjonaw f’konformità mad-dmirijiet tagħhom u fi ħdan il-mandat u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom u jeżerċitaw il-professjoni tagħhom b’mod liberu, peress li dan jipprevedi demokrazija u soċjetà ġeneralment aktar b’saħħithom; |
|
13. |
Jiddeplora l-immirar tal-partiti politiċi u tal-membri tal-oppożizzjoni li qed ikunu taħt pressjoni dejjem akbar; jinsab imħasseb li wara l-aħħar elezzjonijiet, ir-ripressjoni u l-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni politika se jintensifikaw minħabba li s-sitwazzjoni ekonomika tal-pajjiż qed tmur għall-agħar; huwa partikolarment imħasseb dwar ir-ripressjoni kontinwa fuq politiċi, ġurnalisti, avukati u artisti Kurdi, inklużi d-detenzjonijiet tal-massa qabel l-elezzjonijiet, kif ukoll il-każ dwar ix-xoljiment li għadu għaddej kontra l-Partit Demokratiku Popolari; jinsab imħasseb dwar l-użu tal-ġudikatura biex tinfluwenza d-deċiżjonijiet politiċi tal-partiti tal-oppożizzjoni, bħall-każ kontra s-sindku tal-Muniċipalità Metropolitana ta’ Istanbul; |
|
14. |
Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar id-deterjorament tad-drittijiet tan-nisa, il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u ż-żieda fil-femminiċidji, li jirriflettu n-nuqqasijiet gravi fl-għoti ta’ protezzjoni effettiva lin-nisa fit-Turkija; jinsab imħasseb, b’mod partikolari, dwar il-“qtil tal-unur”; juri dispjaċir għan-nuqqas ta’ data uffiċjali affidabbli dwar il-femminiċidji, għalkemm jeżisti rapportar koerenti mill-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa; jistieden lill-awtoritajiet Torok jappoġġaw lis-superstiti tal-vjolenza kontra n-nisa u jżommu responsabbli lill-awturi; jesprimi tħassib dwar il-ġlied bejn il-persuni li kienu qed jieħdu sehem fil-marċ ta’ protesta u l-pulizija fit-8 ta’ Marzu 2023, meta mijiet ta’ nisa u attivisti LGBT+ ipparteċipaw fl-20 Marċ annwali tan-Nisa f’Istanbul; jerġa’ jafferma l-kundanna qawwija tiegħu tal-irtirar tat-Turkija, permezz ta’ digriet presidenzjali, mill-Konvenzjoni ta’ Istanbul bħala pass ewlieni lura għall-isforzi għall-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa fil-pajjiż u jtenni t-talba tiegħu lill-Gvern tat-Turkija biex ireġġa’ lura din id-deċiżjoni inaċċettabbli u biex jirrispetta u jaġixxi f’konformità mat-trattati, il-patti u l-obbligi internazzjonali li għalihom huwa parti; jistieden lit-Turkija tadotta malajr pjan ta’ azzjoni nazzjonali effettiv biex tiġġieled iż-żwiġijiet tat-tfal u ż-żwiġijiet sfurzati; |
|
15. |
Jesprimi tħassib dwar id-diskors ta’ mibegħda u d-diskriminazzjoni mifruxa kontra l-komunità LGBTI+; jiddeplora l-immirar u l-fastidju kostanti tal-persuni LGBTI+ u b’mod partikolari l-użu tar-retorika kontra l-LGBTI+ minn politiċi u minn uffiċjali pubbliċi ta’ livell għoli, inkluż il-President tar-Repubblika; jesprimi dispjaċir li, mill-2014, l-awtoritajiet ipprojbixxew il-parati tal-Pride fi bliet ewlenin, inkluż f’Istanbul; ifakkar li l-obbligi tat-Turkija skont il-KEDB jinvolvu r-responsabbiltà għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra persuni LGBTI+ u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Torok iwettqu l-impenji tagħhom u jżidu l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-karatteristiċi tas-sess bħala raġunijiet protetti għad-dispożizzjonijiet kontra d-diskriminazzjoni; |
|
16. |
Jibqa’ ferm imħasseb dwar l-hekk imsejħa kwistjoni Kurda u jerġa’ jafferma l-urġenza li jerġa’ jinbeda proċess politiku kredibbli li jinvolvi l-partijiet rilevanti u l-forzi demokratiċi kollha sabiex iwassal għas-soluzzjoni paċifika tagħha; jistieden lill-Gvern Tork il-ġdid jimxi f’dik id-direzzjoni billi jippromwovi d-djalogu u r-rikonċiljazzjoni; jinsab imħasseb dwar ir-ripressjoni severa u li qed tmur għall-agħar kontra l-komunità Kurda, speċjalment fix-Xlokk tal-pajjiż, inkluż aktar tnaqqis tad-drittijiet kulturali u r-restrizzjonijiet legali fuq l-użu tal-lingwa Kurda bħala lingwa ta’ tagħlim fl-edukazzjoni; |
|
17. |
Jieħu nota tad-dħul fl-aħħar elezzjoni fil-Parlament Tork ta’ partiti Iżlamisti tal-lemin estrem bħala parti mill-koalizzjoni fil-gvern; jinsab imħasseb dwar il-piż dejjem akbar tal-aġenda Iżlamika fit-tfassil tal-liġijiet u f’ħafna oqsma tal-amministrazzjoni pubblika, inkluż permezz ta’ estensjoni tal-influwenza tad-Direttorat tal-Affarijiet Reliġjużi (Diyanet) fis-sistema edukattiva; jinsab inkwetat, b’mod partikolari, bil-pressjoni dejjem akbar eżerċitata mill-awtoritajiet governattivi u mill-gruppi Iżlamisti u ultranazzjonalistiċi fil-konfront tas-settur kulturali u tal-artisti Torok, kif intwera dan l-aħħar min-numru dejjem akbar ta’ kanċellazzjonijiet ta’ kunċerti, festivals u avvenimenti kulturali oħra għax meqjusin kritiċi jew “immorali”, bil-għan li tiġi imposta aġenda ultrakonservattiva inkompatibbli mal-valuri tal-UE; |
|
18. |
Japprezza l-fatt li l-Kummissjoni għandha għarfien ġdid, li wassal biex twaqqaf il-finanzjamenti Erasmus+ u tirkupra l-fondi mħallsa lill-assoċjazzjoni Torka Yavuz Sultan Selim, li azzjonijietha jmorru kontra l-valuri tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tkompli l-isforzi tagħha biex tiżgura li l-fondi tal-UE ma jiffinanzjawx assoċjazzjonijiet li ma jirrispettawx il-valuri tal-UE; |
|
19. |
Jinnota li ma ġie rreġistrat l-ebda progress sinifikanti fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi etniċi u reliġjużi, fosthom dawk tal-popolazzjoni Griega Ortodossa tal-gżejjer ta’ Gökçeada (Imbros) u Bozcaada (Tenedos); jistieden lill-awtoritajiet Torok jirrispettaw bis-sħiħ il-karattru storiku u kulturali tal-monumenti u tas-simboli kulturali u reliġjużi, b’mod speċjali dawk ikklassifikati bħala Siti ta’ Patrimonju Dinji tal-UNESCO; jinnota bi tħassib l-iżvilupp reċenti relatati mal-monument ta’ Santa Sofija u mal-Mużew Chora; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu eliminati r-restrizzjonijiet fuq it-taħriġ, il-ħatra u s-suċċessjoni tal-membri tal-kleru, li jitħalla jinfetaħ mill-ġdid is-Seminarju ta’ Halki, li ilu magħluq mill-1971, u li jitneħħew l-ostakli kollha li jimpeduh milli jiffunzjona kif xieraq; itenni l-appell tiegħu lit-Turkija biex tirrispetta r-rwol tal-Patrijarkat Ekumeniku għall-Insara Ortodossi fid-dinja kollha, tirrikonoxxi l-personalità ġuridika tiegħu u l-użu pubbliku tat-titlu ekkleżjastiku ta’ Patrijarka Ekumeniku; jistieden lit-Turkija timplimenta bis-sħiħ id-deċiżjonijiet rilevanti kollha tal-QEDB u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà tal-minoranzi u tintroduċi leġiżlazzjoni li tagħmilha possibbli għall-komunitajiet reliġjużi u għall-minoranzi etniċi kollha li jiksbu personalità ġuridika, billi timplimenta r-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kummissjoni ta’ Venezja; jistieden lill-awtoritajiet Torok jinvestigaw u jressqu quddiem il-qorti b’mod effettiv lill-persuni responsabbli għal kwalunkwe diskors ta’ mibegħda kontra l-minoranzi jew vandaliżmu kontra siti reliġjużi; |
|
20. |
Jesprimi t-tħassib qawwi tiegħu għall-iperkonċentrazzjoni kontinwa ta’ poter f’idejn il-presidenza Torka, mingħajr l-ebda sistema effikaċi ta’ kontrokontrolli, li nawret serjament l-istituzzjonijiet demokratiċi fil-pajjiż; jisħaq li n-nuqqas ta’ awtonomija f’livelli multipli tal-amministrazzjoni minħabba dipendenza estrema fuq il-president għal kull tip ta’ deċiżjoni taħt one-man rule jista’ jwassal biex is-sistema ma tibqax funzjonali, kif muri mir-reazzjoni bil-mod għall-konsegwenzi devastanti tat-terremoti ta’ Frar; |
|
21. |
Jikkonkludi li l-Gvern Tork ma għandu l-ebda interess li jagħlaq id-distakk persistenti u dejjem ikbar bejn it-Turkija u l-UE dwar il-valuri u l-istandards, kif wera, għal dawn l-aħħar ftit snin, nuqqas ċar ta’ rieda politika li jwettaq ir-riformi neċessarji, b’mod partikolari dwar l-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali u l-protezzjoni u l-inklużjoni tal-minoranzi etniċi, reliġjużi u sesswali kollha; jikkonkludi, barra minn hekk, li l-Gvern Tork ma wera l-ebda interess fir-rispett u ż-żamma tal-kriterji ta’ Copenhagen u fl-allinjament tiegħu mal-politiki u l-objettivi tal-UE; |
|
22. |
Jesprimi tħassib dwar il-funzjonament ħażin tal-ekonomija tas-suq tat-Turkija, b’mod partikolari fir-rigward tat-tmexxija tal-politiki monetarji u fiskali, u l-kuntest istituzzjonali u regolatorju, kif ukoll dwar l-interferenza diretta mill-President Tork fil-politika monetarja; huwa tal-fehma li l-gvern issa se jkollu bżonn jindirizza l-vulnerabbiltajiet ekonomiċi u l-livelli għoljin ta’ inflazzjoni; jistieden lill-gvern biex jerġa’ jistabbilixxi l-kredibbiltà ta’ istituzzjonijiet ewlenin bħall-Bank Ċentrali Tork u l-Istitut Tork tal-Istatistika; jemmen li relazzjoni aktar b’saħħitha u aktar onesta mal-UE tgħin biex tittaffa ftit mit-tbatija u tassisti fit-titjib tal-istandards tal-għajxien tal-popolazzjoni Torka; |
|
23. |
Jistieden lit-Turkija tagħmel progress fl-allinjament tagħha mad-direttivi u mal-korp tad-dritt tal-UE relatati mal-ambjent u l-azzjoni klimatika; ifaħħar il-ħidma tad-difensuri Torok tad-drittijiet ambjentali; jilqa’ d-deċiżjoni tal-Gvern Tork li jirratifika l-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima u l-wegħda tiegħu li jsir newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju sal-2053; jesprimi dispjaċir li dan l-impenn mhux qed jiġi segwit permezz ta’ azzjoni speċifika; jesprimi dispjaċir, barra minn hekk, li għalkemm it-Turkija stabbiliet għanijiet ambizzjużi f’oqsma inkluż il-kontroll tat-tniġġis, il-ġestjoni tal-iskart u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, l-infurzar għadu dgħajjef u l-ġestjoni tal-kriżijiet ekonomiċi li għaddejjin ħadet preċedenza fuq l-isforzi biex tinkiseb ekonomija sostenibbli; jistieden lit-Turkija żżid il-kontribut tagħha għall-ħarsien tal-klima u tal-bijodiversità u tipprijoritizza l-adozzjoni tal-liġi tagħha dwar il-klima; itenni t-talba tiegħu lill-Gvern Tork biex iwaqqaf il-pjanijiet tiegħu għall-Impjant Nukleari ta’ Akkuyu, li jinsab f’reġjun suxxettibbli għal terremoti severi, u għalhekk joħloq theddida kbira mhux biss għat-Turkija, iżda wkoll għar-reġjun tal-Mediterran; jistieden lit-Turkija, f’dan ir-rigward, biex tingħaqad mal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-NU għall-Konvenzjonijiet Espoo u Aarhus u jtenni t-talba tiegħu lill-Gvern Tork biex jinvolvi lill-gvernijiet tal-pajjiżi ġirien tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe żvilupp ulterjuri fl-inizjattiva ta’ Akkuyu; |
|
24. |
Jilqa’, wara perjodu ta’ konfrontazzjoni, il-passi reċenti tat-Turkija lejn in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet ma’ diversi pajjiżi, bħall-Armenja, l-Eġittu, Iżrael u l-istati tal-Golf; jistieden lit-Turkija biex issegwi dawn l-iżviluppi pożittivi fil-forma ta’ azzjoni konkreta fir-rigward tal-ġirien kollha; jilqa’ l-parteċipazzjoni tat-Turkija fis-summits tal-Komunità Politika Ewropea; madankollu, jibqa’ mħasseb dwar il-fatt li l-politika estera tat-Turkija għadha f’kunflitt f’ħafna aspetti mal-interessi tal-UE u, ’il bogħod milli tqarreb lejn l-UE, kompliet titbiegħed fl-aħħar sena, u laħqet rekord baxx ta’ allinjament b’7 % biss tad-deċiżjonijiet tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, skont l-aħħar rapport tal-Kummissjoni dwar it-Turkija; |
|
25. |
Jikkundanna l-interventi militari tat-Turkija fis-Sirja u l-okkupazzjoni illegali tagħha ta’ żoni fit-tramuntana tas-Sirja u jiddenunzja l-fatt li t-Turkija u l-fazzjonijiet Sirjani lokali jabbużaw mid-drittijiet tal-popolazzjoni ċivili u jirrestrinġu l-libertajiet tagħhom b’impunità fit-territorji okkupati mit-Turkija; jesprimi dispjaċir li l-okkupazzjoni kienet akkumpanjata mill-ħarba ta’ parti kbira mill-popolazzjoni hemmhekk, li r-ritorn tagħha sal-lum għadu impossibbli minħabba l-okkupanti Torok u l-milizji Iżlamisti lokali alleati tagħhom; itenni li inkursjoni ġdida mill-art fis-Sirja jkollha implikazzjonijiet gravi għas-sigurtà internazzjonali; |
|
26. |
Jesprimi tħassib dwar l-attakki mill-ajru Torok fit-tramuntana tas-Sirja u fl-Iraq, b’mod partikolari kontra r-reġjun ta’ Sinjar, li fih jinsab il-popolazzjoni Yazidi li sofriet ġenoċidju taħt l-ISIS fl-2014, u l-preżenza militari kontinwa fit-territorju tal-Iraq; itenni li l-popolazzjonijiet ċivili qatt ma għandhom ikunu vittmi ta’ awtodifiża militari; jistieden lill-awtoritajiet Torok biex jeżerċitaw trażżin b’rispett sħiħ tal-istandards internazzjonali; |
|
27. |
Jesprimi dispjaċir li l-pożizzjonijiet u l-politika tat-Turkija fir-rigward tal-Libja baqgħu ma nbidlux ħafna; jinnota bi tħassib li f’Ottubru 2022 it-Turkija ffirmat Memorandum ta’ Qbil (MtQ) ġdid dwar l-idrokarburi mal-Gvern ta’ Unità Nazzjonali tal-Libja, li jista’ jkollu konsegwenzi serji għall-istabbiltà reġjonali sal-punt li dan ikun jinvolvi implimentazzjoni diretta jew indiretta taż-żewġ MtQ illegali tal-2019 dwar il-kooperazzjoni militari u d-delimitazzjoni marittima; itenni l-kundanna tiegħu tal-iffirmar taż-żewġ memoranda ta’ qbil bejn it-Turkija u l-Libja dwar kooperazzjoni komprensiva fl-oqsma militari u tas-sigurtà u dwar id-delimitazzjoni taż-żoni marittimi, li huma interkonnessi u jikkostitwixxu ksur ċar tad-dritt internazzjonali u tar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u d-drittijiet sovrani tal-Istati Membri tal-UE; jistieden lit-Turkija tikkoopera mal-Operazzjoni IRINI fl-infurzar tal-embargo fuq l-armi fuq il-Libja u fil-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ bnedmin u t-traffikar ta’ bnedmin; |
|
28. |
Jissottolinja r-rilevanza dejjem akbar tal-Balkani tal-Punent fil-politika estera tat-Turkija u r-rabtiet speċjali tagħha ma’ pajjiżi bħall-Bożnija-Ħerzegovina u s-Serbja, li hija l-aktar interlokutur importanti tat-Turkija dwar l-affarijiet tal-Balkani; |
|
29. |
Jinsab imħasseb dwar l-interferenza mit-Turkija fl-Istati Membri tal-UE, li hija diretta lejn iċ-ċittadini Ewropej ta’ oriġini Torka; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Speċjali dwar l-Indħil Barrani (ING2) fil-Pakkett dwar id-Difiża tad-Demokrazija sabiex jiġi miġġieled l-indħil mill-awtoritajiet barranin; jistieden lid-diviżjonijiet StratCom tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jiddokumentaw suspetti ta’ diżinformazzjoni Torka diretta kontra l-UE u biex jirrapportaw is-sejbiet tagħhom lill-Parlament Ewropew; |
|
30. |
Ifakkar li bħala membru tan-NATO, it-Turkija għandha rwol ġeostrateġiku li jiżgura s-sigurtà reġjonali u Ewropea u hija mistennija taġixxi f’konformità mal-obbligi tagħha tan-NATO; |
|
31. |
Jappoġġa n-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-Armenja u t-Turkija fl-interess tar-rikonċiljazzjoni, l-istabbiltà u s-sigurtà reġjonali, kif ukoll l-iżvilupp soċjoekonomiku, u jilqa’ l-progress miksub sa issa; jinnota b’apprezzament il-preżenza tal-Prim Ministru tal-Armenja fl-inawgurazzjoni tal-President elett ġdid tat-Turkija; jitlob l-implimentazzjoni rapida tal-ftehimiet milħuqa mir-rappreżentanti speċjali tal-Gvernijiet tat-Turkija u tal-Armenja, bħall-ftuħ tal-ispazju tal-ajru u l-fruntiera bejn iż-żewġ pajjiżi; jistieden liż-żewġ naħat jimpenjaw ruħhom fil-proċess bona fide u mingħajr kundizzjonijiet preliminari; jesprimi t-tama li dan jista’ jagħti impetu lin-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet fir-reġjun tal-Kawkasu tan-Nofsinhar; jinkoraġġixxi għal darb’oħra lit-Turkija tirrikonoxxi l-Ġenoċidju Armen sabiex titwitta t-triq għal rikonċiljazzjoni ġenwina bejn il-poplu Tork u l-poplu Armen u tirrispetta b’mod sħiħ l-obbligi tagħha li tipproteġi l-patrimonju kulturali Armen; |
|
32. |
Ifaħħar l-isforzi tat-Turkija biex tkompli tospita l-akbar popolazzjoni ta’ rifuġjati fid-dinja ta’ kważi 4 miljun persuna; jilqa’, f’dan ir-rigward, il-provvista kontinwa ta’ finanzjament tal-UE għar-rifuġjati u l-komunitajiet ospitanti fit-Turkija u jesprimi l-impenn qawwi tiegħu li dan jibqa’ jingħata fil-futur; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għall-kontinwazzjoni tal-finanzjament għar-rifuġjati Sirjani u għall-komunitajiet ospitanti fit-Turkija wara l-2024; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-akbar trasparenza u preċiżjoni fl-allokazzjoni ta’ fondi fil-qafas tas-suċċessur tal-Faċilità għar-Rifuġjati fit-Turkija, u li primarjament dawn il-fondi jingħataw direttament lir-rifuġjati u lill-komunitajiet ospitanti u jkunu ġestiti minn organizzazzjonijiet li jiggarantixxu l-obbligu ta’ rendikont u t-trasparenza; jesprimi l-appoġġ tiegħu għal valutazzjoni oġġettiva tal-kooperazzjoni bejn l-UE u t-Turkija dwar kwistjonijiet relatati mar-rifuġjati u l-migrazzjoni u jissottolinja l-importanza li ż-żewġ naħat jirrispettaw l-impenji rispettivi tagħhom skont id-Dikjarazzjoni Konġunta UE-Turkija tal-2016 u l-Ftehim ta’ Riammissjoni bejn l-UE u t-Turkija fir-rigward tal-Istati Membri kollha, inklużi t-tkomplija tar-riammissjoni ta’ persuni rimpatrijati mill-Greċja u l-attivazzjoni tal-Iskema Volontarja ta’ Ammissjoni Umanitarja; itenni li l-awtoritajiet Torok għandhom iwettqu biss ir-ritorn fuq bażi volontarja u biss jekk iwettquhom b’mod sikur; joġġezzjona bis-sħiħ għal kwalunkwe strumentalizzazzjoni tal-migranti mill-Gvern Tork; jissottolinja l-ħtieġa li tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet kollha tar-rifuġjati u tal-migranti; jinnota li bħala riżultat tal-istrumentalizzazzjoni spjaċevoli tar-rifuġjati mit-Turkija, ġiet irreġistrata żieda kontinwa fl-applikazzjonijiet għall-ażil f’Ċipru matul dawn l-aħħar snin; ifakkar fl-obbligu tat-Turkija li tieħu kwalunkwe miżura meħtieġa biex tipprevjeni l-ħolqien ta’ rotot ġodda bil-baħar jew fuq l-art għall-migrazzjoni illegali mit-Turkija lejn l-UE; huwa mħasseb ħafna dwar rapporti kredibbli ta’ deportazzjonijiet arbitrarji u push-backs sommarji ta’ persuni maqbuda waqt li jkunu qed jippruvaw jaqsmu l-fruntiera; jikkundanna l-attakki ksenofobiċi kontra r-rifuġjati fit-Turkija u l-instigazzjoni ta’ retorika kontra r-rifuġjati u kontra l-immigrazzjoni minn politiċi Torok; jiddeplora n-nuqqas ta’ aċċess għal aktar minn 30 ċentru ta’ detenzjoni fit-Turkija għal organizzazzjonijiet internazzjonali u nazzjonali sabiex tiġi mmonitorjata u mogħtija l-assistenza; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-proġetti ffinanzjati mill-UE jkunu aċċessibbli u mmonitorjati kif xieraq; |
|
33. |
Jilqa’ t-tnaqqis tat-tensjonijiet osservat fil-Mediterran tal-Lvant f’dan l-aħħar żmien, u l-momentum pożittiv li jidher li qed jiżviluppa reċentement, b’mod partikolari wara t-terremoti ta’ Frar, jesprimi t-tama tiegħu li era possibbli ġdida fil-politika estera tat-Turkija tkun tista’ tħalli riżultati pożittivi fir-relazzjonijiet bilaterali bejn it-Turkija u l-Istati Membri kollha tal-UE; jibqa’ kompletament konxju li kwalunkwe dinamika pożittiva tista’ tiġi annullata faċilment fi kwalunkwe mument filwaqt li l-kwistjonijiet sottostanti jibqgħu ma jiġux solvuti; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ċerti dikjarazzjonijiet ta’ uffiċjali Torok li jikkontestaw is-sovranità tal-gżejjer Griegi; jistieden lit-Turkija tirrispetta s-sovranità tal-Istati Membri kollha tal-UE fuq il-baħar territorjali u l-ispazju tal-ajru tagħhom, kif ukoll id-drittijiet sovrani tagħhom, inkluż, fost l-oħrajn, id-dritt li jesploraw u jisfruttaw ir-riżorsi naturali, f’konformità mad-dritt tal-UE u dak internazzjonali; jesprimi s-solidarjetà sħiħa tiegħu mal-Ġreċja u mar-Repubblika ta’ Ċipru; itenni l-istedina tiegħu lit-Turkija biex turi impenn kollettiv ġenwin rigward is-soluzzjoni tad-delimitazzjoni taż-żoni ekonomiċi esklużivi u l-blata kontinentali kemm fil-Baħar Eġew kif ukoll fil-Lvant tal-Mediterran, b’rieda tajba u f’konformità mad-dritt internazzjonali u mal-prinċipju ta’ relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat, u biex iżżomm lura minn kwalunkwe azzjoni jew theddida illegali unilaterali; jesprimi tħassib serju li t-Turkija tkompli żżomm theddida formali ta’ gwerra kontra l-Greċja (Casus Belli), jekk din tal-aħħar teżerċita d-dritt legali tagħha li testendi l-ilmijiet territorjali tagħha sa 12-il mil nawtiku fil-Baħar Eġew, f’konformità mal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar; iħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati kollha involuti biex jinvolvu ruħhom b’rieda tajba fis-soluzzjoni paċifika tat-tilwim; |
|
34. |
Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-problema ta’ Ċipru għadha tippersisti; jerġa’ jafferma bil-qawwa l-fehma tiegħu li l-unika soluzzjoni sostenibbli għall-kwistjoni ta’ Ċipru hija ta’ soluzzjoni ġusta, komprensiva u vijabbli, inkluż fl-aspetti esterni tagħha, fi ħdan il-qafas tan-NU, abbażi ta’ federazzjoni bikomunitarja u biżonali b’personalità ġuridika internazzjonali unika, sovranità unika, ċittadinanza unika u ugwaljanza politika, kif stabbilit fir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u f’konformità mad-dritt internazzjonali u abbażi tar-rispett għall-prinċipji li fuqhom hija msejsa l-Unjoni; jiddeplora l-fatt li l-Gvern Tork abbanduna l-bażi ta’ soluzzjoni miftiehma u l-qafas tan-NU sabiex jiddefendi waħdu soluzzjoni ta’ żewġ stati f’Ċipru; jistieden lit-Turkija tabbanduna din il-proposta inaċċettabbli għal soluzzjoni ta’ żewġ stati; jikkundanna bil-qawwa kwalunkwe azzjoni biex jiġi ffaċilitat jew assistit bi kwalunkwe mod ir-rikonoxximent internazzjonali tal-entità sezzjonista illegali f’Ċipru u jisħaq li tali azzjonijiet jagħmlu ħsara serja lill-isforzi biex jinħoloq ambjent li jwassal biex jitkomplew it-taħditiet ta’ riżoluzzjoni taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti; jappoġġa l-proposti kostruttivi kollha li għandhom l-għan li jeliminaw l-impass fil-proċess tas-soluzzjoni u jistieden lill-UE biex ikollha involviment aktar attiv f’dan ir-rigward; jikkundanna l-fatt li t-Turkija qed tkompli tikser ir-riżoluzzjonijiet 550(1984) u 789(1992) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li jistiednu lit-Turkija tittrasferixxi ż-żona ta’ Varosha lill-abitanti legali tagħha taħt l-amministrazzjoni temporanja tan-NU, billi tappoġġa l-ftuħ tal-belt ta’ Varosha għall-pubbliku; huwa tal-fehma li dan il-ksur jimmina l-fiduċja reċiproka u għalhekk il-prospett li jerġgħu jibdew taħditiet diretti dwar soluzzjoni komprensiva għall-problema ta’ Ċipru; iħeġġeġ bil-qawwa lit-Turkija għal darb’oħra biex treġġa’ lura l-azzjonijiet illegali u unilaterali tagħha f’Varosha; jistieden ukoll lit-Turkija tirtira t-truppi tagħha minn Ċipru u żżomm lura minn kwalunkwe azzjoni unilaterali li ssaħħaħ il-qasma permanenti tal-gżira u milli tieħu xi azzjoni li tbiddel il-bilanċ demografiku; jitlob b’mod urġenti li n-negozjati dwar ir-riunifikazzjoni ta’ Ċipru jkomplu taħt l-awspiċji tas-Segretarju Ġenerali tan-NU malajr kemm jista’ jkun minn fejn tħallew fi Crans-Montana fl-2017; itenni l-appell tiegħu lit-Turkija biex tissodisfa l-obbligu tagħha ta’ implimentazzjoni sħiħa u nondiskriminatorja tal-Protokoll Addizzjonali tal-Ftehim ta’ Ankara fil-konfront tal-Istati Membri kollha, inkluża r-Repubblika ta’ Ċipru; jibqa’ mħasseb dwar ir-restrizzjonijiet fl-edukazzjoni li jħabbtu wiċċhom magħhom iċ-Ċiprijotti Griegi enklavati; jesprimi dispjaċir għall-fatt li t-Turkija għadha ma għamlitx progress lejn in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet tagħha mar-Repubblika ta’ Ċipru; jissottolinja l-fatt li l-kooperazzjoni tibqa’ essenzjali f’oqsma bħall-ġustizzja u l-affarijiet interni, kif ukoll il-liġi tal-avjazzjoni u l-komunikazzjoni tat-traffiku tal-ajru, mal-Istati Membri kollha tal-UE, inkluża r-Repubblika ta’ Ċipru; jesprimi dispjaċir għar-rifjut kontinwu tat-Turkija li tikkonforma mal-liġi tal-avjazzjoni u għaċ-ċaħda tagħha ta’ aċċess għal bastimenti taħt il-bandiera ta’ Stat Membru wieħed għall-Istretti tal-Bosporu u tad-Dardanelli; huwa tal-fehma li dan jista’ jkun qasam fejn it-Turkija tista’ turi l-impenn tagħha għal miżuri ta’ bini ta’ fiduċja; |
|
35. |
Jikkundanna l-bidu tax-xogħol ta’ kostruzzjoni illegali min-naħa tal-forzi ta’ okkupazzjoni Torok fi ħdan il-linja l-ħadra qrib il-villaġġ bikomunitarju ta’ Pyla/Pile f’Ċipru, kif ukoll l-aggressjonijiet fil-konfront tal-forzi taż-żamma tal-paċi tan-Nazzjonijiet Uniti u l-ħsara li saret lill-vetturi tan-Nazzjonijiet Uniti fit-18 ta’ Awwissu 2023; jitlob li jiġi rispettat l-istatus tal-linja l-ħadra u l-mandat tal-Forza tan-Nazzjonijiet Uniti għaż-Żamma tal-Paċi f’Ċipru; ifakkar li t-theddid għas-sikurezza tal-forzi taż-żamma tal-paċi tan-Nazzjonijiet Uniti u l-ħsara lill-proprjetà tan-Nazzjonijiet Uniti jikkostitwixxu reat skont id-dritt internazzjonali; iħeġġeġ lit-Turkija u lill-mexxejja Ċiprijotti Torok iwaqqfu u jirrevokaw dawn l-attivitajiet unilaterali kollha u jevitaw provokazzjonijiet u azzjonijiet ulterjuri li ma jiffavorux l-issuktar tan-negozjati taħt it-tmexxija tan-NU; |
|
36. |
Itenni l-istedina tiegħu lit-Turkija biex tagħti lill-komunità Ċiprijotta Torka l-ispazju meħtieġ biex taġixxi skont ir-rwol tagħha bħala komunità leġittima tal-gżira, li huwa dritt garantit mill-kostituzzjoni tar-Repubblika ta’ Ċipru; itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex iżżid l-isforzi tagħha biex tiddjaloga mal-komunità Ċiprijotta Torka, u jfakkar li postha hu fl-Unjoni Ewropea; jitlob lill-partijiet kollha involuti juru approċċ aktar kuraġġuż biex iqarrbu lill-komunitajiet lejn xulxin; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-korp tad-dritt tal-UE jiġi implimentat fil-gżira kollha wara s-soluzzjoni komprensiva tal-problema ta’ Ċipru; jenfasizza, sadanittant, li r-Repubblika ta’ Ċipru hija responsabbli biex iżżid l-isforzi tagħha biex tiffaċilita l-involviment taċ-Ċiprijotti Torok mal-UE; ifaħħar il-ħidma importanti tal-Kumitat bikomunali dwar il-Persuni Neqsin u jtenni t-talba tiegħu lit-Turkija biex issaħħaħ l-isforzi tagħha biex tipprovdi informazzjoni kruċjali mill-arkivji militari tagħha, kif ukoll aċċess għax-xhieda f’żoni magħluqa; jistieden lit-Turkija tikkoopera mal-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, b’mod partikolari l-Kunsill tal-Ewropa, fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu u l-qerda intenzjonata tal-wirt kulturali; jikkundanna t-tentattivi ripetuti mit-Turkija biex tintimida u ssikket ġurnalisti Ċiprijotti Torok u ċittadini progressivi fil-komunità Ċiprijotta Torka, u b’hekk tikser id-dritt tagħhom għal-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni; |
It-triq ’il quddiem għar-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija
|
37. |
Itenni l-konvinzjoni soda tiegħu li t-Turkija hija pajjiż ta’ rilevanza strateġika f’termini politiċi, ekonomiċi, tal-enerġija u ta’ politika estera, sieħeb ewlieni għall-istabbiltà tar-reġjun usa’ u alleat importanti, inkluż fi ħdan in-NATO; jafferma mill-ġdid li l-UE hija impenjata li ssegwi l-aħjar relazzjonijiet possibbli mat-Turkija abbażi tad-djalogu, ir-rispett u l-fiduċja reċiproka, f’konformità mad-dritt internazzjonali u r-relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat; jitlob li r-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija jkunu bbażati fuq viżjoni fit-tul u mibnija fuq il-kooperazzjoni u mhux fuq il-konfrontazzjoni; |
|
38. |
Iqis, fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, li fl-assenza ta’ bidla drastika tar-rotta min-naħa tal-Gvern Tork, il-proċess ta’ adeżjoni tat-Turkija mal-UE ma jistax jitkompla fiċ-ċirkostanzi attwali; iħeġġeġ lill-Gvern Tork u lill-istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea biex iwaqqfu l-impass attwali u jimxu ’l quddiem lejn sħubija aktar mill-qrib, aktar dinamika u strateġika; jirrakkomanda li din il-kwistjoni tiġi indirizzata bl-ogħla livell ta’ responsabbiltà u dedikazzjoni u li jinbeda proċess ta’ riflessjoni biex jinstab qafas parallel u realistiku għar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Turkija li jinkludi l-interessi tal-partijiet kollha involuti; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, teżamina l-formati possibbli għal qafas interessanti għaż-żewġ naħat permezz ta’ proċess komprensiv u inklużiv, bħal ftehim ta’ assoċjazzjoni modernizzat; |
|
39. |
Jinsisti li d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, kif ukoll ir-rispett reċiproku għas-sovranità, l-integrità territorjali u r-rispett għad-drittijiet tal-minoranzi, għandhom jibqgħu fil-qalba tar-relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat bejn l-UE u t-Turkija, u li kwalunkwe qafas għal tali relazzjonijiet jenħtieġ li jkun mirfud b’mod sod mill-prinċipji tad-dritt internazzjonali u tal-multilateraliżmu; |
|
40. |
Jirrikonoxxi u jfaħħar l-aspirazzjonijiet demokratiċi u favur l-Ewropa tal-maġġoranza tas-soċjetà Torka (b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ Torok), li l-UE mhijiex se tħallihom għal riħhom; jesprimi l-impenn qawwi tiegħu li jsostni u jżid l-appoġġ għas-soċjetà ċivili indipendenti tat-Turkija, inkluża l-assistenza finanzjarja diretta, fi kwalunkwe ċirkostanza u taħt kwalunkwe qafas għar-relazzjonijiet li jista’ jġib miegħu l-futur, inkluż billi jissorvelja regolarment is-sitwazzjoni tad-dritt għal-libertà ta’ għaqda u ta’ assoċjazzjoni fit-Turkija, kif ukoll il-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ispazju ċiviku li qed jiċkien; itenni t-talba tiegħu biex jissaħħaħ u japprofondixxi l-għarfien u l-fehim reċiproku bejn is-soċjetajiet Torok u tal-Istati Membri tal-UE, filwaqt li jippromwovi t-tkabbir kulturali u l-iskambji soċjokulturali u jiġġieled kontra l-manifestazzjonijiet kollha ta’ preġudizzju soċjali, reliġjuż, etniku jew kulturali; iħeġġeġ lit-Turkija u lill-UE jippromwovu valuri kondiviżi billi jappoġġaw liż-żgħażagħ, jippromwovu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u billi jibnu fuq esperjenza preċedenti fil-kooperazzjoni tagħhom fir-riċerka u l-edukazzjoni; jilqa’, f’dan ir-rigward, il-ftehimiet li jagħtu lit-Turkija l-istatus ta’ assoċjazzjoni għal Orizzont Ewropa, Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà għall-perjodu 2021-2027 u jitlob li jiżdied l-appoġġ tal-UE għal dawn il-programmi; |
|
41. |
Jerġa’ jafferma l-appoġġ tiegħu għal unjoni doganali msaħħa b’ambitu ta’ applikazzjoni usa’ u vantaġġuż għal xulxin, li jista’ jħaddan firxa wiesgħa ta’ setturi ta’ interess komuni, fosthom l-allinjament fid-diġitalizzazzjoni u fil-Patt Ekoloġiku; jinsisti li tali modernizzazzjoni trid tkun ibbażata fuq kundizzjonalità b’saħħitha b’rabta mad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dritt internazzjonali u r-relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat, u li din tista’ ssir biss jekk it-Turkija timplimenta bis-sħiħ il-Protokoll Addizzjonali dwar l-estensjoni tal-Ftehim ta’ Ankara għall-Istati Membri kollha bla riżervi u mingħajr diskriminazzjonijiet; jisħaq li ż-żewġ partijiet iridu jkunu kompletament konxji minn din il-kundizzjonalità demokratika mill-bidu nett ta’ kwalunkwe tip ta’ negozjati, inkwantu l-Parlament mhux se jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-ftehim finali jekk ma jsir l-ebda progress f’dan il-qasam; jesprimi dispjaċir li l-unjoni doganali attwali mhix se tilħaq il-potenzjal kollu tagħha sakemm it-Turkija timplimenta għalkollox u b’mod effettiv il-Protokoll Addizzjonali b’rabta mal-Istati Membri kollha mingħajr diskriminazzjonijiet; jibqa’ lest biex javvanza lejn il-liberalizzazzjoni tal-viża hekk kif l-awtoritajiet Torok jissodisfaw is-sitt parametri referenzjarji pendenti u dawn jiġu ssodisfati b’mod effettiv b’mod mhux diskriminatorju lejn l-Istati Membri kollha; jesprimi dispjaċir kbir għat-tentattivi kostanti mill-awtoritajiet Torok biex jagħtu t-tort lill-UE li ma mxietx ’il quddiem fuq dan il-fajl, filwaqt li ma jieħdu l-ebda pass meħtieġ biex jikkonformaw mas-sitt parametri referenzjarji magħrufa; iħeġġeġ lill-Istati Membri jintroduċu miżuri biex tiġi stabbilita rotta rapida għall-proċeduri tal-viża għall-istudenti Torok tal-Erasmus; |
o
o o
|
42. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni; jitlob li din ir-riżoluzzjoni tiġi tradotta bit-Tork u tintbagħat lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tat-Turkija. |
(1) ĠU L 288, 9.11.2022, p. 81.
(2) ĠU C 493, 27.12.2022, p. 2.
(3) ĠU C 15, 12.1.2022, p. 81.
(4) ĠU C 425, 20.10.2021, p. 143.
(5) ĠU C 465, 6.12.2022, p. 112.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1760/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)