European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2024/1488

14.2.2024

Pubblikazzjoni ta’ emenda standard approvata tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta jew ta’ Indikazzjoni Ġeografika Protetta fis-settur tal-prodotti agrikoli u tal-oġġetti tal-ikel, kif imsemmi fl-Artikolu 6b(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014

(C/2024/1488)

Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata f’konformità mal-Artikolu 6b(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 (1).

KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD TAL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA’ DENOMINAZZJONI TA’ ORIĠINI PROTETTA JEW TA’ INDIKAZZJONI ĠEOGRAFIKA PROTETTA LI TORIĠINA FI STAT MEMBRU

[Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012]

“Mela Rossa Cuneo”

Nru tal-UE: PGI-IT-0915-AM01 - 22.11.2023

DOP ( ) IĠP (X)

1.   Isem il-prodott

“Mela Rossa Cuneo”

2.   Stat Membru li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika

L-Italja

3.   Awtorità tal-Istat Membru li tikkomunika l-emenda standard

MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, GĦAS-SOVRANITÀ TAL-IKEL U GĦALL-FORESTI - DIQPAI DGPQA – Uffiċċju 4

4.   Deskrizzjoni tal-emenda/i approvata/i

Spjegazzjoni tar-raġuni għalfejn l-emenda/i taqa’/jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ emenda standard mogħtija fl-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012: L-emendi li saru fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u fid-Dokument Uniku jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-emendi standard skont it-tifsira tal-Artikolu 53 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, kif emendat mir-Regolament (UE) 2021/2117, minħabba li:

a)

ma jinkludux bidla fl-isem tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta jew tal-Indikazzjoni Ġeografika Protetta, jew fl-użu ta’ dik id-denominazzjoni;

b)

ma hemm l-ebda riskju li tinbidel ir-rabta msemmija fl-Artikolu 5(1)(b) għad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti jew ir-rabta msemmija fl-Artikolu 5(2)(b) għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti;

c)

ma jikkonċernawx speċjalità tradizzjonali garantita; jew

d)

ma jinvolvux aktar restrizzjonijiet fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott.

1.   Emenda tal-karatteristiċi tad-daqs u l-piż

L-Artikolu 2 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u l-punt 3.2 tad-Dokument Uniku ġew emendati fir-rigward tal-valuri tad-daqs u l-piż minimi ta’ kull grupp ta’ varjetajiet previst, kif ġej:

 

Red Delicious

 

Id-dijametru ta’ ≥ 75 mm, jew il-piż ta’ ≥ 180 g huwa modifikat għal dijametru ta’ ≥ 65 mm, jew piż ta’ ≥ 155 g

 

Gala

 

Id-dijametru ta’ ≥ 70 mm, jew il-piż ta’ ≥ 160 g huwa modifikat għal dijametru ta’ ≥ 65 mm, jew piż ta’ ≥ 155 g

 

Fuji

 

Id-dijametru ta’ ≥ 75 mm, jew il-piż ta’ ≥ 180 g huwa modifikat għal dijametru ta’ ≥ 65 mm, jew piż ta’ ≥ 155 g

 

Braeburn

 

Id-dijametru ta’ ≥ 70 mm jew il-piż ta’ ≥ 160 g huwa modifikat għal dijametru ta’ ≥ 65 mm, jew piż ta’ ≥ 155 g

Ir-raġunijiet marbuta mar-reviżjoni żgħira tad-daqs ’l isfel huma marbuta mar-rekwiżiti stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet tax-xiri tal-kantins tal-iskejjel li jeħtieġu tuffieħ kemxejn iżgħar

għat-tfal. Min-naħa l-oħra, il-kwalità tat-tuffieħ mhijiex marbuta mad-daqs tiegħu, peress li anke bid-dijametri mibdula għal 65 mm, dan għandu l-karatteristiċi kollha deskritti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott fir-rigward tal-kulur, il-forma, il-kontenut taz-zokkor, il-polpa u l-ebusija.

L-emenda tippermetti li l-prodott isir aktar disponibbli fis-suq filwaqt li jinżammu l-istess proprjetajiet u rekwiżiti kif stabbiliti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, bl-eċċezzjoni tad-daqs minimu aċċettabbli (u għalhekk il-piż minimu).

L-emenda taffettwa d-Dokument Uniku.

2.   Inklużjoni ta’ rekwiżiti għall-prodott maħsub esklussivament għall-ipproċessar

Fl-Artikolu 2 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u fil-punt 3.2 tad-Dokument Uniku, iddaħħlet id-dispożizzjoni li ġejja:

Għat-tuffieħ maħsub esklussivament għall-ipproċessar, huma stabbiliti r-rekwiżiti kollha mitluba mill-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, bl-eċċezzjoni tal-kategorija, id-daqs jew il-piż u l-ebusija. Dan il-frott jista’ jibbenefika mid-denominazzjoni “Mela Rossa Cuneo” IĠP, iżda ma jistax jingħata hekk lill-konsumatur aħħari.

Kif speċifikat fit-test imdaħħal, it-tuffieħ użat għall-ipproċessar jista’ ma jissodisfax bis-sħiħ il-karatteristiċi stabbiliti għall-“Mela Rossa Cuneo” maħsuba għall-konsumatur aħħari. Ir-rekwiżiti tal-oriġini, tal-varjetà u tal-kulur biss jinżammu għall-prodott maħsub għal dan l-użu. Din l-emenda tippermetti li l-prodott jinfirex aktar (għalkemm bħala ingredjent biss) mingħajr ma jinbidel xejn fil-karatteristiċi finali tal-prodott maħsub għall-konsumatur, u b’hekk tiġi limitata l-ħela.

L-emenda taffettwa d-Dokument Uniku.

3.   Inklużjoni tad-dispożizzjoni dwar it-trattament bix-xama’ naturali tal-prodott (kisi)

Fl-Artikolu 5 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u fil-punt 3.6 tad-Dokument Uniku ddaħħlet id-dispożizzjoni li ġejja:

Fost il-prattiki ta’ preservazzjoni, qabel l-imballaġġ, il-prodott jista’ jiġi trattat b’xama’ naturali (kisi) kif previst fil-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa.

L-emenda mitluba hija relatata biss mal-possibbiltà (mhux l-obbligu) li jitwettaq trattament bix-xama’ qabel l-imballaġġ, maħsub biex tittejjeb il-ħajja fuq l-ixkaffa ta’ dawk il-karatteristiċi tipiċi tal-“Mela Rossa Cuneo”.

Din il-prattika storikament kienet mifruxa fis-settur tal-frott u l-ħaxix u, b’mod partikolari, fit-trattament tat-tuffieħ, peress li, għalkemm ma għandha l-ebda impatt fuq il-karatteristiċi organolettiċi speċifiċi tal-prodott jew b’xi mod tbiddel is-saħħa tiegħu (bl-użu ta’ prodotti naturali previsti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ), hija tippermetti li l-ħajja tiegħu fuq l-ixkaffa wara l-bejgħ tiġi estiża u b’hekk ikun jista’ jsir aktar disponibbli fis-suq Taljan u internazzjonali.

L-emenda taffettwa d-Dokument Uniku.

4.   Inklużjoni ta’ dispożizzjoni relatata mal-identifikazzjoni tal-prodott maħsub esklussivament għall-ipproċessar

Fl-Artikolu 8 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u fil-punt 3.7 tad-Dokument Uniku ddaħħlet id-dispożizzjoni li ġejja:

L-identifikazzjoni tal-prodott IĠP maħsub esklussivament għall-ipproċessar, li ma jistax jingħata hekk lill-konsumatur aħħari, trid isseħħ f’imballaġġ jew f’kontenituri konformi mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ, li jrid ikollhom il-kliem “Mela Rossa Cuneo IGP destinata alla trasformazione” (Mela Rossa Cuneo IĠP maħsuba għall-ipproċessar).

L-emenda introdotta, f’konformità mal-inklużjoni tar-rekwiżiti għall-prodott maħsub esklussivament għall-ipproċessar, tagħmilha possibbli li jiġi identifikat dan il-prodott li ma jistax jingħata hekk lill-konsumatur aħħari.

L-emenda taffettwa d-Dokument Uniku.

DOKUMENT UNIKU

“Mela Rossa Cuneo”

Nru tal-UE: PGI-IT-0915-AM01 - 22.11.2023

DOP ( ) IĠP (X)

1.   Isem/Ismijiet [tad-DOP jew tal-IĠP]

“Mela Rossa Cuneo”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott [ara l-Anness XI]

Klassi 1.6. Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

It-tuffieħ bl-IĠP “Mela Rossa Cuneo” jiġi prodott bl-użu esklussiv tal-varjetajiet li ġejjin ta’ tuffieħ u l-kloni tagħhom: a) Red Delicious b) Gala c) Fuji d) Braeburn

Barra minn hekk, għandu jkollhom il-karatteristiċi li ġejjin:

Red Delicious Epikarpju: ta’ kulur aħmar qawwi bħal tal-inbid, li jestendi sa ≥ 90 % tal-wiċċ tal-qoxra li mhix żejtnija u ma għandhiex tikek lewn is-sadid, magħluqa fil-ħofra taz-zokk. Daqs: dijametru ta’ ≥ 65 mm, jew piż ta’ ≥ 155 g. Kontenut taz-zokkor: ≥ 11° Brix. Ebusija tal-polpa: ≥ 5 kg.

Gala Epikarpju: ta’ kulur aħmar qawwi jgħajjat, li jestendi sa ≥ 80 % tal-wiċċ tal-qoxra; mifrux fil-biċċa l-kbira fi strixxi, xi drabi sfumat. Daqs: dijametru ta’ ≥ 65 mm, jew piż ta’ ≥ 155 g. Kontenut taz-zokkor: ≥ 12° Brix. Ebusija tal-polpa: ≥ 5 kg.

Fuji Epikarpju: ta’ kulur li jvarja minn aħmar ċar għal skur, li jestendi sa ≥ 60 % tal-wiċċ tal-qoxra. Daqs: dijametru ta’ ≥ 65 mm, jew piż ta’ ≥ 155 g. Kontenut taz-zokkor: ≥ 12° Brix. Ebusija tal-polpa: ≥ 6 kg.

Braeburn Epikarpju: ta’ kulur li jvarja mill-aħmar fl-oranġjo għal aħmar skur, fil-biċċa l-kbira fi strixxi, li jestendi sa ≥ 80 % tal-wiċċ. Daqs: dijametru ta’ ≥ 65 mm, jew piż ta’ ≥ 155 g. Kontenut taz-zokkor: ≥ sa 11,5°Brix. Ebusija tal-polpa: ≥ 6 kg.

Meta jiġi rilaxxat għall-konsum, il-frott irid ikun sħiħ, frisk u f’saħħtu fid-dehra, nadif u ħieles minn sustanzi u rwejjaħ estranji, u jrid ikollu r-rekwiżiti stabbiliti tal-kategoriji kummerċjali Extra u I. Ir-rekwiżiti minimi ta’ kwalità mitluba relatati mal-varjetajiet u l-kategoriji varji huma dawk stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, skont ir-Regolament (UE) Nru 543/2011. Għat-tuffieħ maħsub esklussivament għall-ipproċessar, huma stabbiliti r-rekwiżiti kollha mitluba mill-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, bl-eċċezzjoni tal-kategorija, id-daqs u l-ebusija. Dan il-frott jista’ jibbenefika mill-IĠP “Mela Rossa Cuneo” iżda ma jistax jingħata hekk lill-konsumatur aħħari.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-passi kollha tal-kultivazzjoni u tal-ħsad tal-IĠP “Mela Rossa Cuneo” jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-imballaġġ, eċċ.

Il-preservazzjoni tal-IĠP “Mela Rossa Cuneo” ssir permezz tat-teknika ta’ refriġerazzjoni skont il-metodi tradizzjonali, fejn il-valuri tat-temperatura, l-umdità u l-kompożizzjoni atmosferika jiġu żgurati b’tali mod li jippreservaw il-karatteristiċi speċifiċi tal-kwalità. Fost il-prattiki ta’ preservazzjoni, qabel l-imballaġġ, il-prodott jista’ jiġi trattat b’xama’ naturali (kisi) kif previst fil-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa. Il-“Mela Rossa Cuneo” għandha tiġi kkummerċjalizzata biss matul il-perjodu indikat hawn taħt: Gala: mill-bidu ta’ Awwissu sal-aħħar ta’ Mejju; Red Delicious: mill-bidu ta’ Settembru sal-aħħar ta’ Ġunju; Braeburn: mill-aħħar ta’ Settembru sal-aħħar ta’ Lulju; Fuji: mill-bidu ta’ Ottubru sal-aħħar ta’ Lulju.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

It-tuffieħ “Mela Rossa Cuneo” irid jiġi imballat f’imballaġġi jew pakketti li jippermettu l-identifikazzjoni ċara tal-prodott. Il-kliem “Mela Rossa Cuneo” IĠP irid jidher b’mod ċar u li jista’ jinqara perfettament b’ittri akbar minn dawk ta’ kwalunkwe kliem ieħor fuq l-imballaġġ jew fuq il-frotta individwali biex il-prodott ikun jista’ jiġi identifikat. Fil-każ fejn il-prodott jiġi identifikat mit-tikketta, din għandha tkun preżenti fuq mill-inqas 70 % tal-frott. Flimkien mal-indikazzjoni ġeografika protetta, jista’ jintuża l-użu ta’ indikazzjonijiet u/jew simboli grafiċi li jirreferu għal ismijiet jew ismijiet kummerċjali jew marki kollettivi jew trademarks individwali, sakemm ma jkollhomx tifsira ta’ tifħir jew ma jkunux magħmulin biex jingannaw il-konsumatur. Il-prodott IĠP maħsub esklussivament għall-ipproċessar, li ma jistax jingħata hekk lill-konsumatur aħħari, irid jiġi identifikat f’imballaġġ jew f’kontenituri konformi mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ, li jrid ikollhom il-kliem “Mela Rossa Cuneo IGP destinata alla trasformazione” (Mela Rossa Cuneo IĠP maħsuba għall-ipproċessar).

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ta’ produzzjoni tal-“Mela Rossa Cuneo” tikkonsisti fil-muniċipalitajiet li wħud minnhom jinsabu fil-Provinċja ta’ Cuneo u oħrajn f’dik ta’ Turin f’altitudni li tvarja bejn il-280 u s-650 metru ’l fuq mill-ilma. Il-muniċipalitajiet tal-Provinċja ta’ Cuneo huma: Bagnolo Piemonte, Barge, Borgo San Dalmazzo, Boves, Brondello, Busca, Caraglio, Castelletto Stura, Centallo, Cervasca, Cervere, Costigliole Saluzzo, Cuneo, Dronero, Envie, Fossano, Lagnasco, Manta, Martiniana Po, Pagno, Piasco, Revello, Rossana, Sant’Albano Stura, Salmour, Saluzzo, Sanfront, Savigliano, Scarnafigi, Tarantasca, Valgrana, Venasca, Verzuolo, Villafalletto, Villar San Costanzo. Il-muniċipalitajiet tal-Provinċja ta’ Turin huma dawn li ġejjin: Bibiana, Bricherasio, Campiglione Fenile, Cavour, Garzigliana, Luserna S.Giovanni, Lusernetta, Osasco, S. Secondo di Pinerolo, Pinerolo.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   L-ispeċifiċitajiet taż-żona ġeografika.

Il-parti tat-territorju tar-Reġjun tal-Piemonte kkonċernata hija identifikata minn plateau fl-Alpi tal-Punent magħmulin mill-Alpi Marittimi u Kozji u huwa konfigurat bħala żona muntanjuża waħda fil-forma ta’ gallarija fuq il-medda dejqa tal-plateau bejn l-Alpi tal-Punent u l-Wied tal-Po. It-territorju definit jirrappreżenta ż-żona ewlenija ta’ produzzjoni tat-tuffieħ fir-Reġjun tal-Piemonte, fejn beda, żviluppa u sab il-pożizzjoni ġeografika tiegħu t-tkabbir tat-tuffieħ b’qoxra ħamra. L-ambjenti tat-tkabbir tal-“Mela Rossa Cuneo” jokkupaw territorju bejn il-provinċji tal-Piemonte ta’ Cuneo u Turin u infatti, minn perspettiva storika u ġeografika, huma partikolarment adattati biex itejbu l-kulur antoċjaniku tat-tuffieħ prodott hemm. L-altitudni, il-latitudni, il-konformazzjoni orografika, il-fatturi klimatiċi u l-qawwa partikolari tar-radjazzjoni mix-xemx jirrappreżentaw il-karatteristiċi ambjentali tat-territorju. Il-qrubija min-naħa mas-serbut Alpin, mill-oħra mal-Wied tal-Po - minn tmiem is-sajf u għall-ħarifa kollha, f’konformità mal-iżvilupp ta’ qabel il-ħsad tal-maturazzjoni tal-varjetajiet li jiffurmaw il- “Mela Rossa Cuneo” - tagħti lok għal varjazzjonijiet fit-temperatura bejn il-jum u l-lejl, b’valuri medji f’dan il-perjodu ta’ 13,8 °C. Dawn il-valuri jirrappreżentaw firxa mhux tas-soltu, meta mqabbla ma’ dawk ġeneralment irreġistrati għall-parti l-kbira tar-reġjuni fejn jitkabbar it-tuffieħ tal-Ewropa, kemm muntanjużi kif ukoll baxxi, filwaqt li l-varjazzjonijiet fit-temperatura huma prinċipalment dovuti għal disturbi rapidi tat-temp.

5.2.   L-ispeċifiċitajiet tal-prodott

Il-karatteristiċi distintivi li huma l-bażi tar-reputazzjoni tal-“Mela Rossa Cuneo” huma magħmulin mill-kulur aħmar dominanti karatteristiku tal-qoxra, li jaffettwa d-dehra tal-prodott, kemm fir-rigward tal-firxa tal-kulur dominanti (perċentwal tal-qoxra mgħottija mill-kulur dominanti), kif ukoll fir-rigward tal-qawwa partikolari tal-kulur tal-epikarpju. Dawn il-karatteristiċi jagħtu lill-“Mela Rossa Cuneo” l-identità speċifika tagħha fis-swieq lokali, reġjonali, nazzjonali u barranin.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott:

L-aspett partikolari tal-“Mela Rossa Cuneo” huwa r-riżultat tal-interazzjoni favorevoli bejn iż-żona ġeografika tal-produzzjoni u l-varjetajiet u l-kloni tat-tuffieħ użat tradizzjonalment. It-tliet fenomeni fiżiċi u klimatiċi li ġejjin, li jseħħu minħabba l-karatteristiċi taż-żona ġeografika, jikkontribwixxu lejn il-kwalità tal-kulur aħmar: il-firxa mhux tas-soltu tal-varjazzjonijiet fit-temperatura ċirkadjani fil-perjodu ta’ qabel il-ħsad; it-tixrib tal-qoxra, ikkawżat mill-qtar tan-nida, li sseħħ matul l-aktar sigħat kesħin tal-lejl, li jagħti lok għal ċiklu karatteristiku ta’ tixrib/tnixxif tal-qoxra tal-frott; iż-żiffiet mill-muntanji li jalternaw bejn filgħodu u filgħaxija jsaħħu u jħaffu ċ-ċikli ċirkadjani tat-temperatura u tat-tixrib. Dawn il-fenomeni fiżiċi jinteraġixxu mar-radjazzjoni tad-dawl fuq il-formazzjoni u l-iżvilupp tal-antoċijanin, il-pigmenti antiossidanti risponsabbli għall-kulur tal-epikarpju tat-tuffieħ. Il-formazzjoni tal-pigmenti tal-kulur hija marbuta mill-qrib mal-varjazzjonijiet tat-temperatura. Il-firxa tal-kulur perċepita mill-għajn tal-bniedem, tiddependi mill-perċentwal ta’ ċelloli li fihom il-pigmenti tal-kulur, mhux minn dilwizzjoni kbira jew żgħira tal-antoċijanin fiċ-ċelloli. L-iżvilupp tal-antoċijanin huwa influwenzat miċ-ċiklu tat-tixrib u tat-tnixxif li jinteraġixxi mal-kwalità tar-radjazzjoni tad-dawl. Il-vokazzjoni għall-produzzjoni tat-tuffieħ b’qoxra ħamra fiż-żona ġeografika hija deskritta sew fid-dokument imfassal mill-Università tax-Xjenzi Gastronomiċi ta’ Pollenzo (CN). Fil-Piemonte, il-ħsibijiet tal-illuminiżmu tas-seklu 18 welldu akkademji u assoċjazzjonijiet agrikoli li lilhom nirrikonoxxu attività qawwija ta’ riċerka dwar il-varjetajiet, ta’ tixrid ta’ kultivar ġdid u ta’ żvilupp ta’ tekniki ta’ kultivazzjoni bbażati fuq ix-xjenza. B’dan il-mod inħolqu l-kundizzjonijiet għat-tixrid tal-varjetajiet tat-tuffieħ b’qoxra ħamra apprezzati b’mod partikolari għall-kapaċità tagħhom li jesprimu qawwa u intensità partikolari tal-kulur fl-ambjent ta’ Cuneo.

L-iżvilupp tat-tkabbir modern tat-tuffieħ f’Cuneo jmur lura għas-snin ħamsin u sittin tas-seklu XX u bil-mod il-mod, fil-panorama tal-varjetajiet, it-tuffieħ b’qoxra ħamra beda jespandi sakemm saru l-grupp predominanti tal-lum il-ġurnata. Fis-snin sittin u s-sebgħin, it-terminu “Mela Rossa Cuneo” ġie istituzzjonalizzat u beda jidher fir-rekords kontabilistiċi u fil-formoli tal-vjaġġi tal-prodott maħsub għas-suq intern.l-ewwel kampanja promozzjonali li tkellmet dwar il-“Mela Rossa Cuneo” ukoll seħħet f’dawk is-snin; fis-snin tmenin, akkumpanjat il-kunsinna tal-prodott barra mill-pajjiż fuq il-fattura. Fl-istess snin, il-“Mela Rossa Cuneo” saret is-suġġett ta’ wirjiet pomoloġiċi mmirati lejn udjenza ta’ kultivaturi tal-frott professjonali iżda wkoll ta’ konsumaturi, u gradwalment ikkonsolidat, fl-ewwel deċennju tas-seklu XXI, identifikazzjoni kummerċjali tagħha fi proġetti ta’ żvilupp kummerċjali fil-ħwienet tal-GDO (Grande Distribuzione Organizzata - Distribuzzjoni Kbira Organizzata) fil-Majjistral tal-Italja.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

https://www.politicheagricole.it/flex/files/1/3/5/D.1a2ffc3636ef22504344/dm_modifica_ordinaria_Mela_Rossa_Cuneo_09.23.pdf


(1)   ĠU L 179, 19.6.2014, p. 17.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1488/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)