|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje C |
|
C/2024/1459 |
14.2.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-24 ta’ Jannar 2024
li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew għall-Intelliġenza Artifiċjali
(C/2024/1459)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
L-intelliġenza artifiċjali (IA) hija familja ta’ teknoloġiji li qed tevolvi malajr u tista’ tikkontribwixxi għal firxa wiesgħa ta’ benefiċċji ekonomiċi u soċjetali fl-ispettru kollu tal-attivitajiet soċjali u tal-industriji. Fl-istess ħin, skont iċ-ċirkostanzi rigward l-applikazzjonijiet u l-użi speċifiċi tagħha, l-IA tista’ toħloq ċerti riskji u tikkawża ħsara lill-interessi pubbliċi u lid-drittijiet fundamentali mħarsa bid-dritt tal-Unjoni. |
|
(2) |
Il-Kummissjoni pproponiet Regolament li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali (l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali) u li jemenda ċerti atti leġiżlattivi tal-Unjoni (1), bl-għan li jrawwem l-iżvilupp, l-użu u l-adozzjoni tal-intelliġenza artifiċjali fis-suq intern li, fl-istess ħin, tkun tilħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-interessi pubbliċi, bħas-saħħa u s-sikurezza u l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali, kif rikonoxxuti u protetti mid-dritt tal-Unjoni. Ir-Regolament propost huwa waħda mid-diversi miżuri tal-Kummissjoni bl-għan li jilħqu l-objettiv doppju li jippromwovu l-adozzjoni tal-IA u li jindirizzaw ir-riskji assoċjati ma’ ċerti użi ta’ tali teknoloġija. Miżuri ulterjuri jinkludu l-“Pjan Ikkoordinat dwar l-Intelliġenza Artifiċjali” fir-rieżami tagħha tal-2021 (2), l-inizjattivi tal-politiki settorjali li jrawmu l-adozzjoni tal-IA jew il-programmi tal-finanzjament tal-Unjoni, bħal dawk stabbiliti bir-Regolamenti (UE) 2021/694 (3) u (UE) 2021/695 (4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. |
|
(3) |
Il-kumplessità u l-adozzjoni dejjem aktar mifruxa tal-IA, speċjalment meta tkun ibbażata fuq l-aktar mudelli avvanzati, u l-ħtieġa li jitħaffef il-progress lejn l-objettivi u l-miri stabbiliti fil-programm ta’ politika tad-Deċennju Diġitali stabbilit bid-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), juru l-ħtieġa għal azzjoni addizzjonali li trawwem fehim tal-kapaċitajiet, tax-xejriet u tar-riskji potenzjali u li tappoġġa l-iżvilupp u l-użu sikuri tat-teknoloġiji tal-IA fl-Unjoni. |
|
(4) |
Jeħtieġ li jiġu żviluppati għarfien espert u kapaċitajiet fil-livell tal-Unjoni li jrawmu dan il-fehim, biex jingħata kontribut għall-implimentazzjoni u għall-infurzar tar-Regolament li ġej li se jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali, u biex jingħata kontribut għall-implimentazzjoni ta’ regoli u prinċipji internazzjonali dwar l-IA, bħall-Kodiċi ta’ Kondotta u l-Prinċipji Gwida tal-G7 għall-iżviluppaturi tas-sistemi avvanzati tal-IA. |
|
(5) |
F’dan l-isfond, jenħtieġ li jitqiegħdu l-pedamenti għal sistema unika tal-governanza għall-IA fl-Unjoni billi tiġi stabbilita struttura, li tissorvelja l-avvanzi fil-mudelli tal-intelliġenza artifiċjali, inkluż fir-rigward tal-mudelli tal-IA bi skop ġenerali, l-interazzjoni mal-komunità xjentifika, u li jkollha rwol ewlieni fl-investigazzjonijiet u fl-ittestjar, fl-infurzar u li jkollha vokazzjoni globali. |
|
(6) |
Għalhekk, jenħtieġ li jiġi stabbilit Uffiċċju Ewropew għall-Intelliġenza Artifiċjali fil-Kummissjoni bħala parti mill-istruttura amministrattiva tad-Direttorat Ġenerali għan-Networks tal-Komunikazzjonijiet, il-Kontenut u t-Teknoloġija, u jkun soġġett għall-pjan tal-ġestjoni annwali tiegħu. |
|
(7) |
Jenħtieġ li l-Uffiċċju Ewropew għall-Intelliġenza Artifiċjali jkun jopera f’konformità mal-proċessi interni tal-Kummissjoni (6) u l-istabbiliment tiegħu jenħtieġ li ma jaffettwax is-setgħat u l-kompetenzi tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, u tal-korpi, tal-uffiċċji u tal-aġenziji tal-Unjoni fis-superviżjoni tas-sistemi tal-IA, kif previst mir-Regolament li ġej li se jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali u leġiżlazzjoni settorjali oħra tal-Unjoni. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-funzjonijiet ta’ dipartimenti oħra tal-Kummissjoni fl-oqsma ta’ responsabbiltà rispettivi tagħhom, u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna fil-qasam tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni. L-Uffiċċju Ewropew għall-Intelliġenza Artifiċjali jenħtieġ li jwettaq il-kompiti tiegħu, b’mod partikolari li joħroġ gwida mingħajr ma jidduplika l-attivitajiet tal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni skont il-leġiżlazzjoni speċifika għas-settur. |
|
(8) |
Sabiex it-tħejjija tal-implimentazzjoni tar-Regolament li ġej li se jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali tkun tista’ tibda mill-aktar fis possibbli, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ b’urġenza, qabel l-adozzjoni ta’ dak ir-Regolament, wara l-qbil politiku tal-koleġiżlaturi li ntlaħaq fit-8 ta’ Diċembru 2023. Ladarba r-Regolament jiġi adottat, din id-deċiżjoni tista’ tiġi riveduta. |
IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Stabbiliment
L-Uffiċċju Ewropew għall-Intelliġenza Artifiċjali (l-“Uffiċċju”) huwa stabbilit.
L-Uffiċċju għandu jkun parti mill-istruttura amministrattiva tad-Direttorat Ġenerali għan-Netwerks tal-Komunikazzjonijiet, il-Kontenut u t-Teknoloġija (id-“Direttorat Ġenerali”).
Artikolu 2
Missjoni u kompiti
1. L-Uffiċċju għandu jwettaq il-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 3 għall-finijiet tal-implimentazzjoni u tal-infurzar tar-Regolament li ġej li se jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali (ir-“Regolament li ġej”).
2. L-Uffiċċju għandu jkollu l-kompiti addizzjonali li ġejjin:
|
(a) |
jikkontribwixxi għall-approċċ strateġiku, koerenti u effettiv tal-Unjoni għall-inizjattivi internazzjonali dwar l-IA skont l-Artikolu 7 b’koordinazzjoni mal-Istati Membri u f’konformità mal-pożizzjonijiet u l-politiki tal-Unjoni; |
|
(b) |
jikkontribwixxi għat-trawwim ta’ azzjonijiet u politiki fil-Kummissjoni li jaħsdu l-benefiċċji soċjetali u ekonomiċi tat-teknoloġiji tal-IA skont l-Artikolu 5; |
|
(c) |
jappoġġa l-iżvilupp, l-introduzzjoni u l-użu aċċellerati ta’ sistemi u applikazzjonijiet affidabbli tal-IA li joħolqu benefiċċji soċjetali u ekonomiċi u li jikkontribwixxu għall-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku tal-Unjoni. B’mod partikolari, l-Uffiċċju għandu jippromwovi l-ekosistemi tal-innovazzjoni billi jaħdem mal-atturi pubbliċi u privati rilevanti u mal-komunità tan-negozji l-ġodda; |
|
(d) |
jimmonitorja l-evoluzzjoni tas-swieq u t-teknoloġiji tal-IA. |
3. Fit-twettiq tal-kompiti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Uffiċċju għandu:
|
(a) |
jaħdem flimkien mal-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari mal-esperti mill-komunità xjentifika u mal-iżviluppaturi tal-IA, skont l-Artikolu 4; |
|
(b) |
jikkollabora mad-Direttorati Ġenerali u s-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 5; |
|
(c) |
jikkoopera mal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti kollha tal-Unjoni, inkluż l-Impriża Konġunta għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew (EuroHPC JU), skont l-Artikolu 6; |
|
(d) |
jikkoopera mal-awtoritajiet u l-korpi tal-Istati Membri f’isem il-Kummissjoni. |
Artikolu 3
Implimentazzjoni tar-Regolament li ġej
1. L-Uffiċċju għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin li jirriżultaw mir-Regolament li ġej:
|
(a) |
jiżviluppa għodod, metodoloġiji u parametri referenzjarji għall-evalwazzjoni tal-kapaċitajiet tal-mudelli tal-IA bi skop ġenerali, b’mod partikolari għal mudelli kbar ħafna tal-IA bi skop ġenerali b’riskji sistemiċi; |
|
(b) |
jimmonitorja l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-mudelli u s-sistemi tal-IA bi skop ġenerali, b’mod partikolari meta l-mudell u s-sistema jiġu żviluppati mill-istess fornitur; |
|
(c) |
jimmonitorja l-ħolqien ta’ riskji mhux previsti li jirriżultaw mill-mudelli tal-IA bi skop ġenerali, inkluż billi jirrispondi għal allerti mingħand il-bord xjentifiku; |
|
(d) |
jinvestiga l-ksur possibbli tar-regoli fil-mudelli u s-sistemi tal-IA bi skop ġenerali, inkluż billi jiġbor l-ilmenti u l-allerti, jagħti assistenza fit-tħejjija tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni u jwettaq evalwazzjonijiet skont ir-Regolament li ġej; |
|
(e) |
jiżgura li meta sistema tal-IA tkun fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni li għaliha l-Kummissjoni jkollha setgħat tas-superviżjoni u tal-infurzar, bħal taħt ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) jew taħt ir-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), is-superviżjoni u l-infurzar ta’ dik il-leġiżlazzjoni jkunu kkoordinati bis-sħiħ mas-superviżjoni u l-infurzar tar-Regolament li ġej; |
|
(f) |
jappoġġa l-implimentazzjoni ta’ regoli dwar il-prattiki pprojbiti tal-IA u s-sistemi tal-IA b’riskju għoli b’koordinazzjoni mal-korpi rilevanti responsabbli skont il-leġiżlazzjoni settorjali, inkluż biex jiġu ffaċilitati l-iskambju tal-informazzjoni u l-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali, jinġabru n-notifiki u jitwaqqfu pjattaformi tal-informazzjoni u bażijiet tad-data, b’mod partikolari meta mudell jew sistema tal-IA bi skop ġenerali tkun integrata f’sistema tal-IA b’riskju għoli. |
2. Barra minn hekk, sabiex jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament li ġej, l-Uffiċċju għandu jingħata l-kompitu li:
|
(a) |
jassisti lill-Kummissjoni fit-tħejjija tad-Deċiżjonijiet rilevanti tal-Kummissjoni, u tal-atti ta’ implimentazzjoni u delegati; |
|
(b) |
jiffaċilita l-applikazzjoni uniformi tar-Regolament li ġej; |
|
(c) |
jassisti lill-Kummissjoni fit-tħejjija ta’ gwida u linji gwida biex tappoġġa l-implimentazzjoni prattika tar-Regolament li ġej, kif ukoll jiżviluppa għodod ta’ appoġġ, bħal protokolli standardizzati u l-aqwa prattiki, b’konsultazzjoni mas-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni u mal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni; |
|
(d) |
jassisti lill-Kummissjoni fit-tħejjija tat-talbiet tal-istandardizzazzjoni, fl-evalwazzjoni tal-istandards eżistenti u fit-tħejjija ta’ speċifikazzjonijiet komuni għall-implimentazzjoni tar-Regolament li ġej; |
|
(e) |
jikkontribwixxi għall-għoti ta’ appoġġ, pariri u għodod tekniċi għall-istabbiliment u għat-tħaddim ta’ ambjenti tal-esperimentazzjoni regolatorji għall-IA u għall-koordinazzjoni, kif xieraq, mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jistabbilixxu tali ambjenti tal-esperimentazzjoni; |
|
(f) |
iwettaq evalwazzjonijiet u rieżamijiet ta’ rapporti u jħejji rapporti relatati mar-Regolament li ġej; |
|
(g) |
jikkoordina l-istabbiliment ta’ sistema tal-governanza effettiva, inkluż bit-tħejjija tal-istabbiliment ta’ korpi konsultattivi fil-livell tal-Unjoni, kif ukoll il-monitoraġġ tal-istabbiliment tal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti u ta’ korpi oħra fil-livell nazzjonali; |
|
(h) |
jipprovdi s-Segretarjat għall-Bord tal-IA u s-sottogruppi tiegħu, u jipprovdi appoġġ amministrattiv lill-forum konsultattiv u lill-bord xjentifiku, fejn applikabbli, inkluż billi jipprovdi l-istruttura amministrattiva, jorganizza l-laqgħat u jħejji d-dokumenti rilevanti; kif ukoll |
|
(i) |
jinkoraġġixxi u jiffaċilita t-tfassil ta’ kodiċijiet tal-prattika u kodiċijiet tal-kondotta fil-livell tal-Unjoni, filwaqt li jqis approċċi internazzjonali, kif ukoll jimmonitorja l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-kodiċijiet tal-prattika. |
Artikolu 4
Kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati
1. Fit-twettiq tal-kompiti tiegħu skont l-Artikolu 3, l-Uffiċċju għandu jikkoopera mal-partijiet ikkonċernati, f’konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli, billi:
|
(a) |
jistabbilixxi fora għall-kooperazzjoni tal-fornituri ta’ mudelli u sistemi tal-IA biex javvanzaw l-aqwa prattiki u jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ kodiċijiet tal-kondotta u kodiċijiet tal-prattika; |
|
(b) |
iwettaq konsultazzjoni regolari mal-partijiet ikkonċernati, inkluż l-esperti mill-komunità xjentifika u mis-settur edukattiv, maċ-ċittadini, mas-soċjetà ċivili u mas-sħab soċjali, fejn rilevanti, biex jiġbor kontribut għat-twettiq tal-kompiti tiegħu skont l-Artikolu 3(2); |
|
(c) |
jistabbilixxi forum għall-kooperazzjoni mal-komunità b’sors miftuħ bl-għan li jidentifika u jiżviluppa l-aqwa prattiki għall-iżvilupp u l-użu sikuri tal-mudelli u s-sistemi tal-IA b’sors miftuħ. |
Artikolu 5
Kooperazzjoni transsettorjali fil-Kummissjoni
1. L-Uffiċċju għandu jikkontribwixxi għat-trawwim ta’ azzjonijiet u politiki li jaħsdu l-benefiċċju soċjetali u industrijali tat-teknoloġiji tal-IA.
2. B’mod partikolari, l-Uffiċċju għandu
|
(a) |
jaħdem ma’ Direttorati Ġenerali u servizzi rilevanti oħra tal-Kummissjoni fit-twettiq tal-kompiti tiegħu skont l-Artikolu 2, b’mod partikolari maċ-Ċentru Ewropew għat-Trasparenza Algoritmika fir-rigward tal-evalwazzjoni u l-ittestjar tal-mudelli u s-sistemi tal-IA bi skop ġenerali; |
|
(b) |
jappoġġa lil Direttorati Ġenerali u servizzi rilevanti oħra tal-Kummissjoni biex jiffaċilita l-użu tal-mudelli u s-sistemi tal-IA bħala għodod trasformattivi fl-oqsma rilevanti tal-politiki tal-Unjoni, kif ukoll biex ixerred għarfien dwar ir-riskji emerġenti. |
Artikolu 6
Koperazzjoni interistituzzjonali
Fit-twettiq tal-kompiti tiegħu skont l-Artikolu 3, l-Uffiċċju għandu jistabbilixxi l-forom xierqa ta’ kooperazzjoni mal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni.
Artikolu 7
Kooperazzjoni internazzjonali
1. L-Uffiċċju għandu jikkontribwixxi għall-kooperazzjoni internazzjonali dwar l-IA mill-Kummissjoni, inkluż għall-politika tal-innovazzjoni u l-eċċellenza, ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari billi:
|
(a) |
jippromwovi l-ġestjoni responsabbli tal-IA u l-promozzjoni tal-approċċ tal-Unjoni għal IA affidabbli; |
|
(b) |
jikkontribwixxi għall-kooperazzjoni internazzjonali relatata mar-regolamentazzjoni u l-governanza tal-IA; |
|
(c) |
jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-ftehimiet internazzjonali dwar ir-regoli dwar l-IA, inkluż billi jagħti appoġġ lill-Istati Membri. |
Artikolu 8
Finanzjament
1. Għall-uffiċjali li jaħdmu fl-Uffiċċju, ir-riżorsi umani meħtieġa għandhom jiġu koperti mill-persunal tad-Direttorat Ġenerali li diġà jkun assenjat għall-ġestjoni tal-azzjoni jew li jkun ġie riallokat fi ħdan id-Direttorat Ġenerali, fid-dawl tar-restrizzjonijiet baġitarji, mingħajr preġudizzju għall-proċedura tal-allokazzjoni annwali.
2. Għall-persunal statutorju estern li jaħdem fl-Uffiċċju, il-kostijiet tar-riżorsi umani għandhom jiġu koperti b’riallokazzjoni tal-approprjazzjonijiet tal-baġit min-nefqa ta’ appoġġ amministrattiv mill-Programm Ewropa Diġitali.
3. In-nefqa operazzjonali tal-Uffiċċju għandha tkun koperta mir-riżorsi finanzjarji allokati għall-Objettiv Speċifiku 2 “Intelliġenza Artifiċjali” tal-Programm Ewropa Diġitali.
Artikolu 9
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-21 ta’ Frar 2024.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Jannar 2024.
Għall-Kummissjoni
Thierry BRETON
Membru tal-Kummissjoni
(1) COM(2021) 206 final.
(2) COM(2021) 205 final.
(3) Ir-Regolament (UE) 2021/694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Diġitali u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 (ĠU L 166, 11.5.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/694/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/695/oj).
(5) Id-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li tistabbilixxi l-Programm ta’ Politika tal-2030 dwar id-Deċennju Diġitali (ĠU L 323, 19.12.2022, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/2481/oj).
(6) Dan mhuwiex Uffiċċju Ewropew skont it-tifsira tar-Regolament Finanzjarju, ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018, l-Artikolu 2(26).
(7) Ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2065/oj).
(8) Ir-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2022 dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar is-Swieq Diġitali) (ĠU L 265, 12.10.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/1925/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1459/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)