European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2024/1189

23.2.2024

P9_TA(2023)0357

Rendikont tal-progress tal-Moldova fit-triq lejn l-UE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Ottubru 2023 dwar ir-rendikont tal-progress tal-Moldova fit-triq lejn l-UE (2023/2838(RSP))

(C/2024/1189)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet reċenti tiegħu dwar ir-Repubblika tal-Moldova,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (1), li jinkludi Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (AA/DCFTA),

wara li kkunsidra l-applikazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova tat-3 ta’ Marzu 2022 biex issir membru tal-UE, u l-għoti sussegwenti ta’ status ta’ kandidat mill-Kunsill Ewropew fit-23 ta’ Ġunju 2022, abbażi ta’ valutazzjoni pożittiva mill-Kummissjoni u f’konformità mal-fehmiet espressi mill-Parlament,

wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Ġunju 2022 dwar l-applikazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova biex issir membru tal-Unjoni Ewropea (COM(2022)0406) u d-dokument ta’ ħidma konġunt tal-persunal tas-6 ta’ Frar 2023 bit-titolu “Association Implementation Report on the Republic of Moldova” (Rapport dwar l-Implimentazzjoni ta’ Assoċjazzjoni dwar ir-Repubblika tal-Moldova) (SWD(2023)0041),

wara li kkunsidra r-rapport analitiku tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Frar 2023 dwar l-allinjament tal-Moldova mal-acquis tal-UE (SWD(2023)0032),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta wara s-seba’ laqgħa tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Moldova tas-7 ta’ Frar 2023 u d-dikjarazzjoni finali tat-13-il laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta’ Assoċjazzjoni UE-Moldova tat-23 ta’ Marzu 2023,

wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta’ Ġunju 2022, tat-23 ta’ Marzu 2023 u tad-29 u t-30 ta’ Ġunju 2023,

wara li kkunsidra l-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni aġġornata bejn l-UE u l-Moldova għall-2021-2027 tat-22 ta’ Awwissu 2022 u l-Pakkett ta’ Appoġġ għar-Repubblika tal-Moldova ppreżentat mill-Kummissjoni fit-28 ta’ Ġunju 2023,

wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi r-Repubblika tal-Moldova ppreżentat l-applikazzjoni tagħha biex tissieħeb fl-UE fit-3 ta’ Marzu 2022 u ilha pajjiż kandidat tal-UE mit-23 ta’ Ġunju 2022;

B.

billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Moldova intensifikaw minn dak iż-żmien ’l hawn, ibbażati fuq impenn reċiproku biex tissaħħaħ l-assoċjazzjoni politika tagħhom; billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2022 dwar it-tkabbir u l-proċess ta’ stabbilizzazzjoni u ta’ assoċjazzjoni enfasizzaw li trid tiġi approfondita aktar il-kooperazzjoni settorjali tal-UE mal-Moldova u li din tiġi integrata fis-suq intern tal-UE;

C.

billi l-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova qed isegwi proċess ambizzjuż ta’ riformi politiċi, ġudizzjarji u istituzzjonali u wera d-determinazzjoni u l-kapaċità tiegħu li jwettaq id-disa’ passi identifikati fl-opinjoni tal-Kummissjoni biex jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti ħalli jinbdew in-negozjati ta’ adeżjoni; billi l-adeżjoni mal-UE tibqa’ proċess ibbażat fuq il-mertu li jirrikjedi li jiġu ssodisfati l-kriterji ta’ adeżjoni tal-UE;

D.

billi fit-22 ta’ Ġunju 2023 il-Kummissjoni pprovdiet aġġornament orali lill-Kunsill dwar il-progress tal-Moldova, u rieżami aktar dettaljat se jifforma parti mir-rapporti tal-Pakkett tat-Tkabbir tal-2023 dwar l-10 pajjiżi tat-tkabbir; billi l-Kummissjoni, fl-aġġornament orali tagħha li pprovdiet lill-Kunsill f’Ġunju, kif mitlub mill-Istati Membri tal-UE, ivvalutat li tliet passi kienu ġew issodisfati (2, 8 u 9) u li kien sar progress sinifikanti fi tliet passi oħra (1, 4, 7);

E.

billi r-Repubblika tal-Moldova ilha tagħmel sforzi kbar u progress sinifikanti biex timplimenta l-kundizzjonijiet kollha stipulati mill-Kummissjoni, b’mod partikolari billi indirizzat in-nuqqasijiet identifikati mill-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-OSKE u l-Kummissjoni ta’ Venezja dwar ir-riformi tas-sistema ġudizzjarja u r-riformi tal-kodiċi elettorali, żiedet l-involviment tas-soċjetà ċivili fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, u saħħet il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari tal-gruppi vulnerabbli, u ssaħħet l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa; billi l-valutazzjoni li jmiss tal-Kummissjoni dwar il-progress li sar mir-Repubblika tal-Moldova se tibgħat messaġġ politiku ċar u se jkollha impatt sinifikanti fuq il-futur tal-pajjiż;

F.

billi ntlaħaq qbil ukoll dwar il-Pjan ta’ Azzjoni Prijoritarju UE-Moldova f’Ġunju 2023 u se jiffunzjona bħala pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni sħiħa taż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA) bejn l-UE u l-Moldova u l-integrazzjoni ulterjuri tal-Moldova fis-suq uniku tal-UE, bi prijoritajiet li ntlaħaq qbil konġunt dwarhom għall-2023-2024; billi fit-28 ta’ Ġunju 2023 il-Kummissjoni ppreżentat Pakkett ta’ Appoġġ għar-Repubblika tal-Moldova, li jindirizza l-impatt tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u għandu l-għan li jqarreb lill-Moldova lejn l-UE;

G.

billi minkejja l-effetti drammatiċi tal-gwerra fuq l-Ukrajna, ir-Repubblika tal-Moldova rnexxielha tikkonsolida b’mod sinifikanti d-demokrazija tagħha u żżomm it-trajettorja ta’ riformi; billi t-titjib fis-sistema demokratika tal-pajjiż ġie rifless fil-progress tiegħu f’diversi indiċijiet internazzjonali: it-28 post minn 180 pajjiż fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-2023 ta’ Reporters Mingħajr Fruntieri (’il fuq mill-40 post fl-2022); il-91 post minn 180 pajjiż fl-Indiċi dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni tal-2022 ta’ Transparency International (’il fuq mill-105 post fl-2021); it-68 post minn 140 pajjiż fl-Indiċi tal-Istat tad-Dritt tal-2022 tal-Proġett Dinji tal-Ġustizzja (’il fuq mit-73 post fl-2021);

H.

billi l-Federazzjoni Russa ilha tuża l-provokazzjoni, id-diżinformazzjoni, il-finanzjament illegali tal-partiti politiċi, l-attakki ċibernetiċi u mezzi ibridi oħra biex iddgħajjef l-istabbiltà, is-sovranità, l-ordni kostituzzjonali u l-istituzzjonijiet demokratiċi tar-Repubblika tal-Moldova; billi l-attivitajiet sovversivi tar-Russja fil-Moldova jfittxu li jfixklu l-appoġġ popolari għall-perkors Ewropew magħżul mill-poplu tal-Moldova u jrawmu d-destabbilizzazzjoni; billi r-Russja użat l-esportazzjonijiet tal-gass tagħha bħala għodda biex tagħmel pressjoni fuq il-Gvern tal-Moldova, inkluż fir-rigward tal-orjentazzjoni tiegħu lejn l-Ewropa; billi l-użu tal-enerġija mir-Russja bħala arma kompla jesponi l-fraġilità tas-settur tal-enerġija Moldovan, filwaqt li l-konnessjonijiet tal-pajjiż mas-suq u l-mekkaniżmi tal-gass u tal-elettriku tal-UE għenuh jindirizza l-kriżi; billi l-prezzijiet għolja tal-enerġija wasslu għal żieda ta’ aktar minn 30 % fl-inflazzjoni u l-output ekonomiku Moldovan naqas b’5,9 % sena wara sena f’termini reali fl-2022; billi għalkemm ir-Repubblika tal-Moldova ddiversifikat il-provvisti tal-gass naturali tagħha lil hinn mir-Russja, il-provvista tal-elettriku tagħha tibqa’ fil-biċċa l-kbira dipendenti fuq l-impjant tal-enerġija ta’ Cuciurgan li huwa proprjetà Russa fir-reġjun tat-Transnistrija; billi, minkejja dawn it-tentattivi kollha ta’ destabbilizzazzjoni, il-poplu Moldovan u t-tmexxija Moldovana baqgħu determinati li jsegwu t-triq pro-Ewropea li għażlu;

I.

billi l-missili Russi mmirati lejn l-Ukrajna taru f’diversi okkażjonijiet fuq it-territorju tar-Repubblika tal-Moldova, bi ksur ċar tas-sovranità tal-Moldova, u f’diversi okkażjonijiet fdalijiet tal-missili Russi waqgħu fit-territorju Moldovan, u kkawżaw ħsara u pperikolaw il-ħajja tal-popolazzjoni ċivili; billi s-sorveljanza u d-difiża tal-ajru tal-Moldova għandhom bżonn urġenti ta’ investiment u modernizzazzjoni u l-Gvern Moldovan talab lis-sħab tal-Punent tiegħu għal sistemi ta’ difiża tal-ajru;

J.

billi fl-20 ta’ Lulju 2023, l-UE reġgħet estendiet b’sena, sal-24 ta’ Lulju 2024, is-sospensjoni temporanja tagħha tat-tariffi u tas-sistemi tal-prezzijiet ta’ dħul li għadhom applikabbli għal seba’ prodotti agrikoli Moldovani;

K.

billi fl-24 ta’ April 2023, l-UE stabbiliet il-Missjoni ta’ Sħubija fil-Moldova fl-ambitu tal-politika ta’ sigurtà u difiża komuni, bl-objettiv li ttejjeb ir-reżiljenza tas-settur tas-sigurtà fl-oqsma tal-ġestjoni tal-kriżijiet, it-theddid ibridu u l-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-interferenza mill-barranin;

L.

billi fit-18 ta’ Settembru 2023, il-Moldova ssieħbet fil-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili bħala Stat parteċipanti;

1.

Jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu biex fil-futur ir-Repubblika tal-Moldova ssir membru tal-UE u jirrikonoxxi li postha huwa fl-UE; jemmen li din tikkostitwixxi investiment ġeostrateġiku f’Ewropa magħquda u b’saħħitha; jistenna bil-ħerqa l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-passi li wettqet ir-Repubblika tal-Moldova, identifikati fl-opinjoni tal-Kummissjoni, bħala parti mill-pakkett tat-tkabbir tal-2023;

2.

Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill Ewropew biex, flimkien mar-Repubblika tal-Moldova, jibdew in-negozjati tal-adeżjoni mal-UE sa tmiem l-2023;

3.

Jissottolinja l-importanza li jitkompla l-proċess ta’ riforma tal-pajjiż, mhux biss sabiex jinkiseb l-objettiv politiku tal-adeżjoni mal-UE, iżda fuq kollox biex jittejbu b’mod tanġibbli l-istandards tal-għajxien tal-popolazzjoni, speċjalment tal-gruppi l-aktar vulnerabbli, u biex il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ jingħataw prospetti attraenti ta’ ħajja u xogħol fil-pajjiż; jilqa’ l-appoġġ popolari wiesa’ fir-Repubblika tal-Moldova għall-integrazzjoni Ewropea tagħha, kif muri fl-aktar stħarriġ tal-opinjoni reċenti u kif osservat fl-Assemblea Nazzjonali tal-Moldova Ewropea fil-21 ta’ Mejju 2023, fejn aktar minn 80 000 persuna nġabru fil-Pjazza tal-Gran Assemblea Nazzjonali f’Chișinău biex jesprimu l-appoġġ tagħhom għall-futur Ewropew tal-Moldova;

4.

Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-assistenza finanzjarja u teknika għar-Repubblika tal-Moldova biex jiffaċilitaw il-proċess tal-integrazzjoni rapida u effettiva tal-pajjiż fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżborża malajr il-pagament parzjali li jmiss tal-assistenza makrofinanzjarja li għaddejja bħalissa għar-Repubblika tal-Moldova u tidentifika fondi addizzjonali għall-Moldova matul ir-reviżjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali fl-2023; jilqa’, f’dan ir-rigward, id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li jżid l-assistenza makrofinanzjarja lill-Moldova; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-rekwiżiti futuri kollha tagħha jibqgħu ċari u preċiżi u tevita li tistabbilixxi objettivi li jiċċaqilqu għall-pajjiżi kandidati; jissottolinja li l-fatt li l-Kummissjoni tinvolvi ruħha mal-awtoritajiet fi stadju bikri tat-tfassil tal-politiki u r-riformi, flimkien mal-fatt li tipprovdi assistenza teknika, se jippermetti lir-Repubblika tal-Moldova żżomm il-ħeffa u l-kwalità tar-riformi meħtieġa għall-adeżjoni mal-UE;

5.

Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li tinħoloq faċilità ddedikata għall-Ukrajna biex tappoġġja l-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tal-pajjiż; jinnota li l-allokazzjoni ppjanata ta’ ammont massimu ta’ EUR 50 biljun għall-faċilità bejn l-2024 u l-2027 kemm għall-għotjiet kif ukoll għas-self se tissostitwixxi l-appoġġ ippjanat għall-Ukrajna fl-ambitu tal-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) – Ewropa Globali; jitlob li l-appoġġ bilaterali kollu għall-Ukrajna previst fl-NDICI – Ewropa Globali jiġi dirett mill-ġdid lejn ir-Repubblika tal-Moldova, bħala pajjiż kandidat tal-UE ġar tal-Ukrajna li bata l-aktar mill-konsegwenzi tal-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna;

6.

Jistieden lill-Kummissjoni taħdem biex tinkludi lir-Repubblika tal-Moldova fir-Regolament rivedut tal-IPA III (2), inkluż billi żżid biżżejjed il-baġit ġenerali tal-IPA III u billi tipprovdi appoġġ biex tgħin lill-pajjiż iħejji ruħu b’mod adegwat ħalli jagħmel l-aħjar użu mill-fondi ta’ qabel l-adeżjoni; jilqa’ l-implimentazzjoni attwali tal-AA/DCFTA usa’ u jistieden lill-awtoritajiet tal-Moldova jkomplu jaħdmu favur l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tiegħu kif ukoll fuq ir-riformi fil-qasam tad-demokrazija, tal-governanza u tal-istat tad-dritt b’mod ġenerali, bħala turija tal-ambizzjoni tagħhom li jħejju lill-pajjiż biex isir membru tal-UE u li jissodisfaw l-obbligi ta’ Stat Membru tal-UE; jinsab sodisfatt bil-preżentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Prijoritarju UE-Moldova f’Ġunju 2023, li se jiffunzjona bħala pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni sħiħa tad-DCFTA u l-integrazzjoni ulterjuri tal-Moldova fis-suq uniku tal-UE, bi prijoritajiet li ntlaħaq qbil konġunt fuqhom għall-2023-2024;

7.

Itenni l-appell tiegħu għal interazzjoni innovattiva, komplementari u flessibbli bejn l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-proċess ta’ negozjati għall-adeżjoni, li tippermetti l-integrazzjoni gradwali tar-Repubblika tal-Moldova fis-suq uniku tal-UE, ibbażata fuq pjan ta’ azzjoni prijoritarju u programmi settorjali rilevanti u li tipprovdi aċċess għall-fondi rilevanti tal-UE, b’mod li ċ-ċittadini Moldovani jkunu jistgħu jgawdu l-benefiċċji tal-adeżjoni matul il-proċess u mhux biss meta dan ikun tlesta;

8.

Jilqa’ l-isforzi konsiderevoli li qed jagħmlu l-awtoritajiet tal-Moldova biex javvanzaw l-aġenda għar-riformi ħalli l-pajjiż jimxi ’l quddiem biex isir membru tal-UE; ifaħħar il-progress li għamlet ir-Repubblika tal-Moldova fir-riforma tas-settur tal-ġustizzja, speċjalment fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni għall-adeżjoni tal-Moldova; iħeġġeġ lill-gvern jaħdem mal-partijiet ikkonċernati kollha favur riforma sostenibbli u komprensiva fil-qasam tal-ġustizzja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-UE u tal-Kummissjoni ta’ Venezja; jistieden lill-gvern ikompli l-ħidma tiegħu fuq id-deoligarkizzazzjoni, ir-riforma tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika;

9.

Jenfasizza l-prijorità assoluta li jissaħħaħ l-istat tad-dritt, li kiseb importanza sostanzjali fil-proċess ta’ adeżjoni mal-UE u jibqa’ waħda mill-aktar kundizzjonijiet importanti għall-adeżjoni mal-UE, biex jiġi żgurat li t-tkabbir tal-UE jsaħħaħ pjuttost milli jdgħajjef l-Unjoni u s-suq uniku tagħha; jistenna, għalhekk, li r-Repubblika tal-Moldova tkompli u tlesti l-proċess ta’ skrutinju tal-ġudikatura tagħha u jirrakkomanda li ssaħħaħ il-koordinazzjoni fost l-istituzzjonijiet kollha maħluqa għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u involuti fiha u li tiżviluppa approċċ olistiku kontra l-korruzzjoni li jkopri l-istadji kollha mill-prevenzjoni sal-prosekuzzjoni;

10.

Ifakkar fil-pass imgħaġġel tar-riformi ta’ trasformazzjoni ekonomika li varat ir-Repubblika tal-Moldova, fosthom li twettaq proċess ta’ deregolamentazzjoni enormi għall-ekonomija tagħha, tnaqqas il-piżijiet amministrattivi żejda u tillimita l-burokrazija, filwaqt li tħaffef il-pass tat-trasformazzjoni diġitali, sabiex ittejjeb il-klima tan-negozju tal-Moldova u tagħmilha aktar faċli li jsir negozju fil-Moldova; ifakkar li s-sinerġiji kummerċjali bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-UE huma sinifikanti u jikkostitwixxu kważi nofs il-kummerċ tal-Moldova tas-sena li għaddiet, b’aktar minn 58 % tal-esportazzjonijiet tagħha diretti lejn pajjiżi tal-UE;

11.

Jilqa’ l-isforzi li saru biex jissaħħaħ l-involviment tas-soċjetà ċivili fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet; jinnota li l-portal tal-konsultazzjonijiet particip.gov.md ġie aġġornat u issa jippermetti li l-abbozzi ta’ politika u dawk legali jiġu trażmessi awtomatikament lill-partijiet ikkonċernati u li jinġabru l-kummenti u l-proposti tagħhom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet ikomplu jtejbu t-trasparenza tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u jinvolvu lis-soċjetà ċivili fil-livelli kollha, peress li dan se jsaħħaħ l-appoġġ pubbliku għar-riformi; jilqa’ l-inizjattivi kollha mis-soċjetà ċivili u mill-komunità internazzjonali biex jappoġġjaw l-integrità tal-ġustizzja u r-riforma tas-sistema ġudizzjarja fil-pajjiż, b’mod partikolari dawk l-isforzi li jagħmlu lill-pubbliku ġenerali konxju mill-impatt pożittiv li ġudikatura indipendenti, kompetenti u effiċjenti għandha fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini;

12.

Jilqa’ l-ftehim li jassoċja lir-Repubblika tal-Moldova mal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, iffirmat fid-9 ta’ Mejju 2023, u l-ftehim dwar il-parteċipazzjoni tagħha fil-programm tas-suq uniku tal-UE, iffirmat fit-8 ta’ Settembru 2023; jistieden mill-ġdid lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw l-integrazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova billi jinkorporaw il-pajjiż fil-programmi, l-istrumenti u l-aġenziji tal-UE bħall-programm Ewropa Diġitali, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, il-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC), DiscoverEU u l-Programm dwar il-Ġustizzja (JUST), kif ukoll isaħħu l-parteċipazzjoni tal-pajjiż fi programmi li diġà ngħaqad magħhom, bħall-Erasmus Mundus; jilqa’ l-iżviluppi reċenti rigward ir-“roaming daqslikieku f’pajjiżek” u s-sigurtà, li se jħaffu l-pass tal-armonizzazzjoni leġiżlattiva u jirriżultaw fil-benefiċċju konkret ta’ rabtiet aktar mill-qrib bejn l-UE u ċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova;

13.

Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jipprovdu appoġġ politiku, ekonomiku u umanitarju lir-Repubblika tal-Moldova, inkluż permezz tal-Pjattaforma ta’ Appoġġ għall-Moldova;

14.

Jilqa’ t-tiġdid tal-miżuri temporanji ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ biex l-ekonomija tar-Repubblika tal-Moldova tingħata appoġġ billi jiġu sospiżi l-kwoti tariffarji kollha u jappella għall-estensjoni ulterjuri tagħhom; jistieden lill-UE tieħu passi rapidi u sinifikanti lejn il-liberalizzazzjoni permanenti tal-kwoti tariffarji tagħha sabiex tiżgura l-prevedibbiltà u żżid l-attraenza tal-pajjiż fuq terminu medju u twil għall-investituri; jistieden mill-ġdid lill-UE, meta wieħed iqis l-istruttura tal-ekonomija żgħira tal-Moldova u abbażi ta’ valutazzjonijiet tal-awditjar pożittivi, biex tkompli tippermetti l-importazzjoni ta’ prodotti Moldovani li joriġinaw mill-annimali u żżid l-assistenza finanzjarja tagħha lill-bdiewa Moldovani affettwati mit-tfixkil fis-suq bħala konsegwenza tal-gwerra fl-Ukrajna; jinnota li l-miżuri msemmija hawn fuq għandhom ikunu akkumpanjati wkoll minn appoġġ għas-sostenibbiltà tal-produzzjoni agrikola tal-Moldova;

15.

Jikkundanna bil-qawwa l-operazzjonijiet ibridi mingħajr preċedent orkestrati mill-Federazzjoni Russa, imwettqa permezz tar-rappreżentanti kriminali tagħha, li qed ifixklu l-proċessi elettorali fir-Repubblika tal-Moldova permezz ta’ appoġġ finanzjarju illeċitu lill-partiti politiċi, bil-għan li jdgħajfu s-sigurtà, is-sovranità u l-pedamenti demokratiċi tal-pajjiż; jistieden, f’dan il-kuntest, lill-UE żżid l-appoġġ tagħha għall-isforzi tal-Gvern tal-Moldova biex jipprevjeni tali ndħil fil-proċessi demokratiċi tal-pajjiż, inkluż permezz ta’ listi ta’ sanzjonijiet immirati addizzjonali;

16.

Jistieden lill-atturi politiċi kollha jikkontribwixxu biex jissodisfaw l-aspirazzjonijiet Ewropej tal-poplu tal-Moldova, billi jfittxu li jistabbilixxu kunsens dwar il-biċċa l-kbira tar-riformi importanti u urġenti, jinvolvu ruħhom b’mod attiv fil-ħidma leġiżlattiva tal-Parlament tal-Moldova bil-għan li l-leġiżlazzjoni tal-Moldova tiġi armonizzata aktar mal-istandards tal-UE, u jinvolvu ruħhom mas-soċjetà ċivili fir-riformi ewlenin kollha kif ukoll fl-orjentazzjoni Ewropea tal-pajjiż; jesprimi r-rieda tiegħu li jikkontribwixxi għall-appoġġ u t-tisħiħ tad-demokrazija parlamentari fir-Repubblika tal-Moldova, inkluż permezz tad-Djalogu Jean Monnet, meta jkun xieraq fil-kuntest domestiku tagħha; jilqa’, f’dan ir-rigward, l-ħidma li għaddejja dwar rieżami tar-regoli ta’ proċedura u l-kodiċi ta’ kondotta tal-Parlament tal-Moldova; jitlob f’dan ir-rigward li jitqies it-tisħiħ tal-kooperazzjoni ta’ kuljum bejn il-Parlament tar-Repubblika tal-Moldova u l-Parlament Ewropew billi tiġi stabbilita l-preżenza permanenti ta’ persunal fil-parlamenti ta’ xulxin, li tista’ tinvolvi l-ħatra ta’ rappreżentant permanenti tal-Parlament Ewropew għall-Parlament Moldovan u l-istedina lill-Parlament Moldovan biex jaħtar rappreżentant permanenti fi Brussell; jemmen li deċiżjoni bħal din tkun sinjal proattiv li l-UE u l-Moldova qed jagħmlu l-aħjar użu mill-opportunitajiet attwali bejniethom u se jsaħħu l-iskambji ta’ informazzjoni, l-implimentazzjoni ta’ proġetti konġunti u t-taħditiet futuri dwar l-adeżjoni mal-UE; jistieden lill-Gvern tal-Moldova jistieden lir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili jkunu wkoll parti mill-35 grupp ta’ ħidma responsabbli għan-negozjar tal-kapitoli tal-adeżjoni mal-UE u jintensifika l-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili ħalli jgħin lill-pajjiż jimxi ’l quddiem fit-triq lejn l-UE;

17.

Jilqa’ l-adozzjoni mill-Kunsill ta’ qafas ġdid ta’ sanzjonijiet biex jegħleb azzjonijiet li l-għan tagħhom huwa li jiddestabbilizzaw lill-Moldova, inklużi tentattivi biex jimminaw is-sovranità u l-indipendenza tagħha permezz tal-korruzzjoni; jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kunsill li juża dan il-qafas biex jissanzjona lil Ilan Șor, Vladimir Plahotniuc, Igor Ceaika, Gheorghe Cavcaliuc u Marina Tauber; jitlob lill-UE u lill-awtoritajiet nazzjonali jiżguraw li dawk is-sanzjonijiet jiġu implimentati kif xieraq; jistieden lill-istati u t-territorji ospitanti rispettivi biex jestradixxu lil Ilan Șor u lil Vladimir Plahotniuc biex jitħarrku fir-Repubblika tal-Moldova; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill isaħħu l-politika diretta kontra l-entitajiet legali u l-individwi li jippruvaw ifixklu jew jimminaw il-proċess politiku demokratiku tar-Repubblika tal-Moldova;

18.

Itenni l-istedina tiegħu lill-awtoritajiet Russi biex jirrispettaw l-indipendenza tar-Repubblika tal-Moldova, is-sovranità u l-integrità territorjali tagħha, iwaqqfu l-provokazzjonijiet u t-tentattivi tagħhom biex jiddestabbilizzaw il-pajjiż u jimminaw l-ordni kostituzzjonali u l-istituzzjonijiet demokratiċi tagħha, jirtiraw il-forzi militari tagħhom mit-territorju tar-Repubblika tal-Moldova u jappoġġjaw riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt Transnistrijan, f’konformità mal-prinċipji tad-dritt internazzjonali u mad-deċiżjonijiet tas-Samit tal-OSKE f’Istanbul fl-1999;

19.

Jitlob lill-UE u lill-istituzzjonijiet tagħha jkomplu jappoġġjaw l-isforzi tar-Repubblika tal-Moldova biex timmodernizza s-sistema ta’ pagamenti tagħha sabiex tkun tista’ tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-integrazzjoni fiż-Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro;

20.

Jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jiżguraw li tingħata l-assistenza kollha meħtieġa lir-Repubblika tal-Moldova biex issaħħaħ il-mekkaniżmi istituzzjonali tagħha u l-kapaċità tagħha li tirrispondi għat-theddid ibridu; jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jrendu operativa u jsaħħu bis-sħiħ il-Missjoni ta’ Sħubija tal-UE fir-Repubblika tal-Moldova (EUPM Moldova) sabiex din tkun tista’ twettaq il-missjoni tagħha li ssaħħaħ ir-reżiljenza tar-Repubblika tal-Moldova; jilqa’, f’dan ir-rigward, l-iffirmar fid-29 ta’ Settembru 2023, tal-Ftehim dwar l-Istatus tal-EUPM bħala pass importanti biex il-Missjoni tkun tista’ timplimenta bis-sħiħ il-mandat tagħha; jitlob li jiġu żgurati r-riżorsi finanzjarji meħtieġa biex il-proġetti jiġu implimentati b’mod effiċjenti, b’mod partikolari fil-qasam tat-taħriġ u l-għoti ta’ tagħmir, sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet tar-Repubblika tal-Moldova;

21.

Jieħu nota, b’sodisfazzjoni, tal-ħidma kontinwa fil-qafas tad-djalogu politiku u ta’ sigurtà ta’ livell għoli bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fuq il-politika barranija u ta’ sigurtà, jitqajmu kwistjonijiet rilevanti ta’ tħassib għas-sigurtà u l-istabbiltà reġjonali u jiġu diskussi l-possibbiltajiet għal koordinazzjoni mill-qrib u għal miżuri effettivi ta’ assistenza u appoġġ; jisħaq fuq l-importanza ta’ tali djalogu fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni li għaddejja tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-konsegwenzi diretti tagħha għas-sigurtà tar-Repubblika tal-Moldova u l-istabbiltà tas-sitwazzjoni politika, ekonomika u soċjali fil-pajjiż; ifaħħar il-kapaċità tar-Repubblika tal-Moldova li tirreżisti dawn iċ-ċirkostanzi u l-azzjonijiet destabbilizzanti; ifaħħar, b’mod partikolari, iż-żieda progressiva fil-koordinazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova mal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) u l-allinjament magħha, li tagħti prova tar-rieda u t-tħejjija tal-pajjiż li jikkontribwixxi għall-politika, u jiddistingwiha b’mod pożittiv minn ċerti pajjiżi kandidati oħra;

22.

Jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jtejbu l-komunikazzjoni strateġika dwar l-UE fir-Repubblika tal-Moldova; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jappoġġjaw il-litteriżmu medjatiku u l-indipendenza tal-media fir-Repubblika tal-Moldova, kif ukoll jappoġġjaw it-tisħiħ diġitali tal-infrastruttura kritika tagħha u s-sostituzzjoni tas-sistemi tal-ICT ta’ oriġini Russa;

23.

Jilqa’ l-iffirmar fid-29 ta’ Settembru 2023, tal-Ftehim li jippermetti lir-Repubblika tal-Moldova ssir stat parteċipanti fil-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili; jissottolinja li l-pajjiż diġà wera li huwa sieħeb affidabbli meta ospita u ta kenn lill-Ukreni li qed jaħarbu mill-gwerra u li, permezz tas-sħubija tagħha fil-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili, ir-Repubblika tal-Moldova se tikkontribwixxi direttament għat-tisħiħ tat-tħejjija għall-emerġenzi u l-bini ta’ sistema ta’ ġestjoni tar-riskju tad-diżastri aktar reżiljenti fl-Ewropa;

24.

Jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jikkonsolidaw iċ-Ċentru ta’ Appoġġ tal-UE għas-Sigurtà Interna u l-Ġestjoni tal-Fruntieri fil-Moldova, li se jikkoordina l-appoġġ li l-UE u l-Istati Membri tagħha jipprovdu lill-Moldova biex issaħħaħ l-infurzar tal-liġi u b’hekk tindirizza aħjar l-implikazzjonijiet tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna fil-qasam tal-kriminalità u s-sigurtà;

25.

Itenni t-talba tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex ikomplu jappoġġjaw lir-Repubblika tal-Moldova biex jiżguraw l-indipendenza tal-enerġija tagħha, inkluż billi żżid il-kapaċità ta’ ġenerazzjoni, il-konnettività, id-diversifikazzjoni u l-effiċjenza fl-enerġija tagħha; iħeġġeġ lill-UE tuża l-finanzjament ta’ emerġenza biex issaħħaħ il-konnessjoni tar-Repubblika tal-Moldova mal-grilja tal-elettriku tal-UE, permezz ta’ proġetti bħall-interkonnessjoni Bălți-Suceava; jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jżidu l-appoġġ tagħhom għar-riabilitazzjoni u t-titjib tal-infrastruttura tat-trasport tar-Repubblika tal-Moldova, inkluż billi titpoġġa konnessjoni b’gauge tal-binarji ferrovjarji Ewropea minn Chișinău għal Iași (ir-Rumanija), bħala mod ta’ appoġġ għall-Korsiji ta’ Solidarjetà bejn l-UE u l-Ukrajna u l-ekonomiji tal-Moldova u tal-Ukrajna;

26.

Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-isfidi li qed taffronta ir-Repubblika tal-Moldova u l-istatus tagħha bħala pajjiż kandidat tal-UE, tkompli żżid il-kapaċità tal-persunal tagħha li qed jieħu ħsieb u qed jappoġġja l-proċess ta’ adeżjoni tal-pajjiż, kemm fi Brussell kif ukoll f’Chișinău, u tistabbilixxi unità speċifika għar-Repubblika tal-Moldova fi ħdan id-Direttorat Ġenerali għall-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir; jistieden lill-Kummissjoni tespandi l-opportunitajiet għall-Moldova biex tipparteċipa fil-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-UE u tosservaha, kif ukoll ittejjeb id-djalogu politiku strutturat, inkluż id-djalogu fil-marġni tal-Kunsill Ewropew;

27.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Moldova, lill-Federazzjoni Russa, lin-Nazzjonijiet Uniti, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u lill-Kunsill tal-Ewropa.

(1)   ĠU L 260, 30.8.2014, p. 4.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2021/1529 tal-15 ta’ Settembru 2021 li jistabbilixxi l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III) (ĠU L 330, 20.9.2021, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1189/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)