European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2024/1186

23.2.2024

P9_TA(2023)0350

Il-każ ta' Zarema Musaeva fiċ-Ċeċenja

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Ottubru 2023 dwar il-każ ta’ Zarema Musaeva fiċ-Ċeċenja (2023/2882(RSP))

(C/2024/1186)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Federazzjoni Russa u, b’mod partikolari, dwar iċ-Ċeċenja,

wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tibqa’ katastrofika minħabba l-abbużi mwettqa mir-reġim ta’ Kadyrov stabbilit mir-Russja kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-gruppi vulnerabbli;

B.

billi f’Jannar 2022, bl-iskuża li ntalbet ix-xhieda tagħha f’każ kriminali, Zarema Musaeva nħatfet illegalment minn żona differenti fir-Russja u tqiegħdet taħt arrest preventiv fiċ-Ċeċenja;

C.

billi wara li ġiet miċħuda d-difiża legali xierqa tagħha, hija ġiet ikkundannata għal ħames snin ħabs fuq akkużi ta’ frodi u li attakkat lill-awtoritajiet; billi s-saħħa tas-Sa Musaeva marret għall-agħar minn mindu ġiet detenuta;

D.

billi s-Sa Musaeva hija l-mara tal-eks imħallef tal-Qorti Suprema taċ-Ċeċenja Saidi Yangulbaev u omm id-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Abubakar u l-bloggers tal-oppożizzjoni Ibrahim u Baysangur Yangulbaev;

E.

billi t-tliet uliedha jitkellmu b’mod miftuħ kontra l-Kap tar-Repubblika Ċeċena, Ramzan Kadyrov, u t-tmexxija awtokratika tiegħu; billi Kadyrov hedded pubblikament li “jelimina” lill-membri tal-familja Yangulbaev; billi l-UE u l-Istati Uniti poġġew lil Kadyrov u lill-eqreb assoċjati tiegħu fuq il-lista ta’ sanzjonijiet għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem;

F.

billi fil-jum tal-verdett tas-Sa Musaeva, il-ġurnalista ta’ Novaya Gazeta, Elena Milashina, u l-avukat tad-drittijiet tal-bniedem Aleksandr Nemov, ġew attakkati u msawta brutalment fi triqithom lejn il-Qorti;

1.

Jikkundanna bil-qawwa l-ħtif u d-detenzjoni politikament motivata ta’ Zarema Musaeva u jqishom bħala atti ta’ ritaljazzjoni għall-ħidma leġittima tad-drittijiet tal-bniedem u l-fehmiet politiċi ta’ wliedha;

2.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċeċeni jeħilsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lis-Sa Musaeva, jipprovdulha kura medika xierqa u jtemmu minnufih kull forma ta’ fastidju kontra s-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni;

3.

Jesprimi t-tħassib tiegħu li matul il-proċedimenti ta’ qabel il-proċess u ta’ waqt il-proċess kontra Musaeva, l-avukati tad-drittijiet tal-bniedem li kienu qed jaħdmu fuq dan il-każ, Aleksandr Nemov, Aleksandr Savin, Natalia Dobronravova u Alexandr Karavaev, kienu qed jiġu ssorveljati bħala forma ta’ intimidazzjoni;

4.

Jikkundanna bil-qawwa l-attakk brutali li seħħ fl-4 ta’ Lulju 2023 kontra l-avukat Aleksandr Nemov u l-ġurnalista Elena Milashina u r-repressjoni brutali tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-media indipendenti, inklużi l-każijiet tal-avukati Natalia Dobronravova, Sergey Babinets u Oleg Khabibrakhmanov; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jwettqu investigazzjoni trasparenti u bir-reqqa dwar dawn l-attakki u jitolbu lil dawk responsabbli jagħtu rendikont ta’ għemilhom;

5.

Jistieden lill-komunità internazzjonali, lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri jirreaġixxu għas-sitwazzjoni allarmanti tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja u, b’mod partikolari, fiċ-Ċeċenja, iżidu l-assistenza lill-priġunieri politiċi Ċeċeni, id-dissidenti, iċ-Ċeċeni li jopponu r-reġim brutali, in-nisa oppressi u l-persuni LGBTIQ+, kif ukoll lill-familji tagħhom, jagħtu viżi umanitarji lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem Ċeċeni f’riskju u jkomplu jikkooperaw mal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem;

6.

Jagħti istruzzjoni lill-President tiegħu sabiex tressaq din ir-riżoluzzjoni lill-VP/RGħ, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-awtoritajiet Russi, u lill-Kap tar-Repubblika Ċeċena.

ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1186/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)