|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje C |
|
C/2024/1183 |
23.2.2024 |
P9_TA(2023)0345
Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Iżvizzera
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Ottubru 2023 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Iżvizzera (2023/2042(INI))
(C/2024/1183)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jistabbilixxu l-prinċipji, l-objettivi u l-kompetenzi tal-UE, u li jirrikonoxxu d-dritt tal-istati Ewropej li japplikaw għal sħubija fl-Unjoni, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) (1), li jirrikonoxxi d-dritt ta’ kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew membru tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li japplika għal sħubija fiż-ŻEE, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera (2), iffirmat fit-22 ta’ Lulju 1972, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assigurazzjoni diretta għajr l-assigurazzjoni fuq il-ħajja (3), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar is-simplifikazzjoni tal-kontrolli u tal-formalitajiet fir-rigward tat-trasport ta’ oġġetti kif ukoll dwar miżuri doganali ta’ sigurtà (4), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżultat negattiv tar-referendum Żvizzeru li rrifjuta s-sħubija fiż-ŻEE fl-1992, |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjoni ta’ diversi ftehimiet settorjali bejn l-UE u l-Iżvizzera, iffirmati fl-1999, magħrufa bħala “Bilaterali I” (5), |
|
— |
wara li kkunsidra d-disa’ ftehimiet settorjali addizzjonali bejn l-UE u l-Iżvizzera, iffirmati fl-2004, magħrufa bħala “Bilaterali II”, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar għarfien bejn xulxin rigward stima ta’ konformità (6), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar kummerċ fi prodotti agrikoli (7), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar ċerti aspetti ta’ akkwisti tal-gvern (8), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni (9), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim bejn il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija, iffirmat fl-2004, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fiż-Żona Schengen tas-26 ta’ Ottubru 2004 (10), li jippermetti l-moviment liberu tal-persuni bejn l-Iżvizzera u l-Istati Membri tal-UE, u li jiffaċilita l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà u l-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Eurojust u l-Iżvizzera, iffirmat fis-27 ta’ Novembru 2008, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera rigward kooperazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-liġijiet tagħhom tal-kompetizzjoni (11) tas-17 ta’ Mejju 2013, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-Programmi Ewropej tan-Navigazzjoni bis-Satellita (12), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Arranġament bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tagħha fl-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ għall-Ażil (13) iffirmat fl-10 ta’ Ġunju 2014, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-UE u l-Iżvizzera dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2017, |
|
— |
wara li kkunsidra l-pakkett regolatorju ppreżentat mill-Kummissjoni fl-14 ta’ Lulju 2021, li għandu l-għan li jnaqqas l-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra tal-UE b’mill-inqas 55 % sal-2030 (COM(2021)0550), |
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Kunsill Federali Żvizzeru tal-24 ta’ Awwissu 2022 u tal-21 ta’ Diċembru 2022 biex jadotta l-miri tal-UE għall-iffrankar tal-gass u tal-elettriku, bħala parti mill-allinjament regolatorju usa’ tal-politika Żvizzera dwar l-enerġija u r-regolamentazzjoni tan-network, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom, iffirmat fit-23 ta’ Novembru 2017 (14), |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta’ Frar 2019 dwar ir-relazzjonijiet tal-UE mal-Konfederazzjoni Żvizzera, |
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Federali Żvizzeru tas-26 ta’ Mejju 2021 biex iġib fi tmiemhom in-negozjati dwar qafas istituzzjonali UE-Żvizzera, |
|
— |
wara li kkunsidra l-adozzjoni min-naħa tal-Kunsill Federali Żvizzeru ta’ sensiela ta’ linji gwida għall-pakkett ta’ negozjati tiegħu mal-UE fit-23 ta’ Frar 2022, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżultat pożittiv tar-referendum Żvizzeru tal-15 ta’ Mejju 2022 biex tiżdied il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Iżvizzera għall-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), |
|
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Presidenti tad-Delegazzjoni tal-Assemblea Federali Żvizzera għar-relazzjonijiet mal-Parlament Ewropew u tad-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-relazzjonijiet mal-Iżvizzera (id-Delegazzjoni DEEA), adottata fil-41 laqgħa interparlamentari bejn l-Iżvizzera u l-UE fis-7 ta’ Ottubru 2022 f’Rapperswil-Jona, l-Iżvizzera, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tas-26 ta’ Marzu 2019 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà dwar il-Ftehim Qafas Istituzzjonali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera (15), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar in-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (16), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (17), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0248/2023), |
|
A. |
billi l-UE u l-Iżvizzera huma alleati politikament u kulturalment qrib u tal-istess fehma, b’valuri kondiviżi bħad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, il-protezzjoni tal-minoranzi, l-ugwaljanza soċjali u s-sostenibbiltà soċjali u ambjentali; billi l-UE u l-Iżvizzera huma sħab ekonomiċi ewlenin b’interess fil-prosperità ekonomika komuni; |
|
B. |
billi l-UE u l-Iżvizzera għandhom relazzjoni fit-tul ibbażata fuq għanijiet ta’ paċi u valuri kondiviżi, l-impenn li jiddefendu l-multilateraliżmu u l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, u jmexxu b’mod attiv l-isforzi globali biex jiġu indirizzati sfidi bħat-tibdil fil-klima, l-ambjent, it-telf tal-bijodiversità, it-tnaqqis tar-riżorsi, l-iżvilupp sostenibbli, l-aċċellerazzjoni tad-diġitalizzazzjoni, il-migrazzjoni u s-sigurtà internazzjonali, il-ġustizzja kriminali internazzjonali u d-dritt umanitarju internazzjonali; |
|
C. |
billi l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja li għaddejja kontra l-Ukrajna enfasizzat il-ħtieġa li l-UE u l-Iżvizzera japprofondixxu l-kooperazzjoni tagħhom fl-oqsma tal-politika barranija, is-sigurtà u r-rispons għall-kriżijiet; billi l-Iżvizzera tikkoopera f’ċerti partijiet tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) tal-UE u pparteċipat f’missjonijiet tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni (PSDK); billi l-Iżvizzera allinjat ruħha mal-UE dwar sanzjonijiet kontra r-Russja u vvotat favur ir-riżoluzzjonijiet kollha tan-NU dwar il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; |
|
D. |
billi l-Iżvizzera tfittex forom ġodda ta’ kooperazzjoni f’oqsma bħas-sigurtà, ir-riċerka, l-innovazzjoni u s-saħħa; billi l-Iżvizzera lesta tespandi l-kooperazzjoni tagħha dwar is-sigurtà, b’enfasi fuq oqsma bħaċ-ċibersigurtà, it-theddid ibridu, ir-reżiljenza u d-diżinformazzjoni; billi l-Iżvizzera għandha l-għan li ssaħħaħ l-interoperabbiltà fil-qafas tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża; billi r-rapport dwar il-politika ta’ sigurtà Żvizzera tal-2021 u s-suppliment tiegħu tal-2022 stabbilew għażliet għall-Iżvizzera biex iżżid il-kooperazzjoni tagħha mal-UE; |
|
E. |
billi l-Iżvizzera u l-UE huma sħab ekonomiċi ewlenin – l-UE hija s-sieħeb kummerċjali prinċipali tal-Iżvizzera u l-Iżvizzera hija r-raba’ sieħeb kummerċjali tal-UE, wara ċ-Ċina, l-Istati Uniti u r-Renju Unit; billi kemm l-UE kif ukoll l-Iżvizzera huma fost l-aqwa destinazzjonijiet għall-investiment barrani ta’ xulxin u huma sħab ewlenin fil-kummerċ tas-servizzi; |
|
F. |
billi l-Kunsill Federali Żvizzeru approva l-parametri ewlenin għal mandat ta’ negozjar mal-UE fil-21 ta’ Ġunju 2023; |
|
G. |
billi r-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali mal-UE prinċipalment jiġu rregolati permezz ta’ ftehim ta’ kummerċ ħieles (FTA) u sensiela ta’ ftehimiet bilaterali, inkluż il-ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni, li abbażi tagħhom l-Iżvizzera qablet li tadotta ċerti aspetti tal-leġiżlazzjoni tal-UE bi skambju għall-aċċess għal parti mis-suq uniku tal-UE; |
|
H. |
billi l-Iżvizzera hija integrata fil-fond fis-suq uniku tal-UE; billi sal-lum, l-UE u l-Iżvizzera kkonkludew bosta ftehimiet bilaterali; billi ħafna minnhom jeħtieġ li jiġu aġġornati b’mod urġenti sabiex jinżamm il-funzjonament tas-suq intern, f’dan ir-rigward, bejn l-UE u l-Iżvizzera u jiġu riflessi l-prijoritajiet li qed jevolvu; |
|
I. |
billi l-Kunsill Federali Żvizzeru ddeċieda li jġib fi tmiemhom in-negozjati dwar il-ftehim qafas istituzzjonali UE-Żvizzera f’Mejju 2021; billi hija meħtieġa soluzzjoni għal relazzjoni futura bejn l-UE u l-Iżvizzera sabiex ir-relazzjonijiet bilaterali jiġu kkonsolidati filwaqt li s-sħubija bejn l-UE u l-Iżvizzera tiġi żviluppata sal-potenzjal sħiħ tagħha dwar kwistjonijiet ewlenin ta’ interess reċiproku; billi dan l-aħħar saru sensiela ta’ taħditiet esploratorji bejn il-Kummissjoni u l-Kunsill Federali Żvizzeru; |
|
J. |
billi ż-żjara tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Maroš Šefčovič fl-Iżvizzera f’Marzu 2023 iġġenerat impuls ġdid għal diskussjonijiet immirati biex isolvu problemi istituzzjonali; billi ż-żewġ naħat urew ir-rieda tagħhom li jnaqqsu l-lakuni pendenti permezz tat-taħditiet esploratorji kemm fil-livell tekniku kif ukoll f’dak politiku; billi huwa essenzjali għaż-żewġ partijiet li jżommu l-momentum, ikomplu jimxu fid-direzzjoni t-tajba u potenzjalment jaċċelleraw l-isforzi tagħhom biex jiddeterminaw jekk hemmx pedament sod għal negozjati sħaħ bil-prospett ta’ konklużjoni rapida u b’suċċess; |
|
K. |
billi ż-żamma ta’ kundizzjonijiet ekwi fis-suq uniku hija meħtieġa biex tiġi żgurata l-kompetizzjoni ġusta fis-suq uniku; billi suq uniku effettiv u li jiffunzjona tajjeb huwa bbażat fuq ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna; |
|
L. |
billi ċ-ċittadini Żvizzeri għandhom l-istess drittijiet bħaċ-ċittadini tal-UE li jiċċaqilqu, jidħlu u jgħixu liberament fl-UE, f’konformità mad-dritt tal-UE; billi fl-2021, medja ta’ madwar 351 000 ħaddiem transfruntier kienu qed jaħdmu l-Iżvizzera, filwaqt li mill-31 ta’ Diċembru 2021, madwar 442 000 ċittadin Żvizzeru kienu qed jgħixu l-UE u madwar 1,4 miljun ċittadin tal-UE kienu qed jgħixu l-Iżvizzera; |
|
M. |
billi l-Iżvizzera bħalissa għandha l-istatus ta’ pajjiż terz mhux assoċjat fl-ambitu tal-programm qafas tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni “Orizzont Ewropa” u programmi u inizjattivi relatati oħra, inkluż il-programm Erasmus+ tal-UE; billi l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Iżvizzera dwar ir-riċerka u l-iżvilupp tkun ta’ benefiċċju għaż-żewġ naħat; |
|
N. |
billi l-Qafas ta’ Kooperazzjoni bejn l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u l-Iżvizzera, li ġie ffirmat fis-16 ta’ Marzu 2012, jippermetti li jsir skambju tal-informazzjoni u jipprevedi attivitajiet konġunti fil-qasam tar-riċerka u t-teknoloġija u fil-proġetti u l-programmi dwar l-armamenti; |
|
O. |
billi l-Iżvizzera se torganizza l-elezzjonijiet ġenerali fit-22 ta’ Ottubru 2023; billi l-Parlament se jorganizza l-elezzjonijiet f’Ġunju 2024; |
Politika estera u ta’ sigurtà
|
1. |
Jaċċentwa l-interess qawwi tal-UE li tikkoopera mal-Iżvizzera bħala sieħeb tal-istess fehma dwar kwistjonijiet internazzjonali ta’ paċi, sigurtà, drittijiet tal-bniedem u difiża, b’mod partikolari b’rispons għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; jilqa’ l-allinjament tal-Iżvizzera mas-sanzjonijiet tal-UE adottati f’dan il-kuntest u l-adozzjoni tagħha tal-pakketti ta’ sanzjonijiet kollha sal-lum; jirrikonoxxi l-impenn tal-Iżvizzera li żżomm l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, inkluż permezz ta’ azzjoni komuni mal-UE fl-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-fora multilaterali; |
|
2. |
Jirrikonoxxi l-politika barranija li ilha tħaddan l-Iżvizzera li tippromwovi l-paċi, il-medjazzjoni u r-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti; jilqa’ r-rwol impenjat u b’saħħtu tal-Iżvizzera bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, in-NU u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi fis-sejbien ta’ soluzzjonijiet għall-kriżijiet, inkluż permezz tal-implimentazzjoni ta’ arranġamenti kostituzzjonali f’ambjenti b’tensjoni għolja, il-bini tal-paċi, il-faċilitazzjoni tad-djalogu, l-iżvilupp ta’ miżuri għall-bini tal-fiduċja u r-rikonċiljazzjoni; |
|
3. |
Jilqa’ l-mandat 2023-2024 tal-Iżvizzera bħala membru mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU bħala opportunità biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali u jiġu promossi prijoritajiet komuni fil-livell multilaterali; |
|
4. |
Jilqa’ l-pożizzjoni mill-qrib tal-Iżvizzera fir-rigward tal-PESK tal-UE, inkluż dwar kwistjonijiet ta’ għajnuna umanitarja, protezzjoni ċivili, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u t-tibdil fil-klima, u l-parteċipazzjoni tagħha f’diversi missjonijiet tal-PSDK, b’mod partikolari fl-EULEX Kosovo, l-EUFOR Althea u l-EUCAP Sahel; jinnota li l-Iżvizzera għamlet l-aktar kontribuzzjonijiet frekwenti għall-missjonijiet tal-PSDK f’termini assoluti; jappella għal aktar involviment fi ħdan il-mandati tal-PESK u tal-PSDK; |
|
5. |
Jilqa’, barra minn hekk, it-tħabbira tal-Iżvizzera f’Novembru 2021 li kienet se tipparteċipa f’ċerti proġetti tal-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti u li bħalissa qed tiġi esplorata l-parteċipazzjoni potenzjali f’żewġ proġetti; jinnota li l-Iżvizzera esprimiet interess fi proġetti relatati maċ-ċiberdifiża u l-mobbiltà militari, u li din hija approssimazzjoni ġdida lejn l-UE fejn l-Iżvizzera qed tikkunsidra l-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża ma’ pajjiżi oħra għall-ewwel darba fl-istorja tagħha; jilqa’ l-intenzjoni tal-Iżvizzera li tipparteċipa fl-inizjattiva European Sky Shield għad-difiża tal-ajru; |
|
6. |
Iħeġġeġ aktar kollaborazzjoni bejn l-Iżvizzera u l-UE dwar kwistjonijiet soċjali u umanitarji, f’konformità mal-approċċ integrat tal-UE, u dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, inkluż permezz tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija u r-reġim globali ta’ sanzjonijiet b’rabta mad-drittijiet tal-bniedem; jilqa’ s-sħubija tal-Iżvizzera fis-sistema Ewropea għall-ġestjoni tal-kriżijiet; |
|
7. |
Jilqa’ l-pass intensifikat tal-konsultazzjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ politika barranija u l-fatt li l-Iżvizzera qed tfittex kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-UE u man-NATO; jilqa’, f’dan ir-rigward, l-involviment tal-Iżvizzera fil-programm “Sħubija għall-Paċi”; iħeġġeġ lill-Iżvizzera tapprofondixxi l-kooperazzjoni tagħha mal-UE dwar is-sigurtà u d-difiża u tagħmel użu sħiħ mill-ftehim amministrattiv mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża; jissottolinja l-importanza tal-kollaborazzjoni fost l-Istati Membri tal-UE u l-Iżvizzera fir-rigward tas-sigurtà tal-pajjiż minħabba l-pożizzjoni ġeografika tiegħu; |
|
8. |
Jinnota li l-allinjament volontarju tal-Iżvizzera mas-sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja jsegwi approċċ ta’ każ b’każ; iħeġġeġ lill-Iżvizzera żżomm l-impenn tagħha favur l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli u tapplika u timplimenta mill-qrib u b’mod konsistenti l-miżuri restrittivi kollha adottati tal-UE kif diġà għamlet s’issa u tipprevjeni ċ-ċirkomvenzjoni tagħhom, kif previst mill-Kummissjoni għall-Istati Membri tal-UE; iħeġġeġ lill-Iżvizzera temenda l-leġiżlazzjoni tagħha biex tippermetti l-konfiska ta’ assi Russi; jappella lill-Iżvizzera biex tingħaqad mat-task force “Eliti, Proxies u Oligarki Russi”; iħeġġeġ ukoll lill-Iżvizzera tikkoopera mat-task force tal-UE “Iffriżar u Sekwestru” biex tikkoordina u tesplora mezzi legali biex tikkonfiska l-assi, inklużi r-riżervi tal-bank ċentrali Russu miżmuma l-Iżvizzera, f’konformità mad-dritt internazzjonali, u tinvolvi ruħha b’mod attiv fid-diskussjonijiet fil-fora internazzjonali dwar l-użu tal-assi ffriżati għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna; |
|
9. |
Jirrikonoxxi li l-Iżvizzera wettqet sforzi umanitarji sinifikanti fl-Ukrajna, offriet status ta’ protezzjoni lir-rifuġjati Ukreni u pprovdiet appoġġ finanzjarju sinifikanti għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna, anke permezz tal-Konferenza dwar l-Irkupru tal-Ukrajna tal-2022 f’Lugano; iħeġġeġ kooperazzjoni ulterjuri bejn l-UE u l-Iżvizzera fl-indirizzar tal-kriżi li għaddejja bħalissa; |
|
10. |
Jinnota b’dispjaċir li l-Iżvizzera bħalissa qed tipprojbixxi l-esportazzjoni mill-ġdid ta’ munizzjon u materjali tal-gwerra prodotti fl-Iżvizzera mill-Istati Membri tal-UE lejn l-Ukrajna; jilqa’ l-mozzjoni fil-livell nazzjonali u t-tnedija ta’ dibattitu politiku dwar dan is-suġġett fil-Kunsill tal-Istati; jappella lill-Kunsill Federali Żvizzeru biex japprova l-provvista mill-ġdid tal-armi lill-Ukrajna; |
|
11. |
Iħeġġeġ lill-Iżvizzera twettaq reviżjoni tal-prattiki tagħha fir-rigward tas-sanzjonijiet, sabiex tallinja ruħha b’mod aktar sistematiku mas-sanzjonijiet meħuda mill-UE, inkluż meta dawn ikunu bbażati fuq ksur tad-drittijiet tal-bniedem skont ir-reġim globali ta’ sanzjonijiet tal-UE b’rabta mad-drittijiet tal-bniedem; |
Soċjetà u ġeopolitika
|
12. |
Jilqa’, barra min hekk, il-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fis-summits tal-Komunità Politika Ewropea; |
|
13. |
Jirrikonoxxi l-kooperazzjoni UE-Żvizzera fil-qasam tal-migrazzjoni internazzjonali, inkluż fir-rigward tal-ġestjoni tal-flussi u r-rilokazzjoni tar-rifuġjati; jilqa’ l-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fil-Frontex; jistieden lill-Iżvizzera ssaħħaħ l-iskambji tagħha mal-Aġenzija tal-UE għall-Ażil u mal-Frontex, li huma involuti direttament fil-ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni internazzjonali lejn u mill-Iżvizzera; itenni li l-parteċipazzjoni fis-sistema Schengen/Dublin hija kruċjali; |
|
14. |
Jiddispjaċih li, sal-lum, l-Iżvizzera ma tikkwalifikax biex tipparteċipa fil-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili, peress li fil-mekkaniżmu jistgħu jissieħbu biss pajjiżi tal-EFTA, li jkunu membri taż-ŻEE, u pajjiżi Ewropej oħra meta jkun hemm ftehimiet li jipprevedu hekk, u l-pajjiżi aderenti, kandidati u dawk kandidati potenzjali tal-UE jistgħu jissieħbu fil-mekkaniżmu; jappella għal sħubija futura rapida mal-Iżvizzera f’dan il-qafas, permezz tal-ftuħ tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili għall-pajjiżi membri tal-EFTA; iħeġġeġ l-esplorazzjoni tal-possibilitajiet ta’ involviment tal-Iżvizzera f’inizjattivi ta’ prevenzjoni, tħejjija u rispons għad-diżastri sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza ġenerali kemm tal-UE kif ukoll tal-Iżvizzera; |
Ekonomija, suq tax-xogħol u aċċess għas-suq intern tal-UE
|
15. |
Ifakkar fir-relazzjoni li ilha teżisti bejn l-UE u l-Iżvizzera msejsa fuq valuri u għanijiet komuni ta’ paċi, ġustizzja soċjali, responsabbiltà ekoloġika u prosperità ekonomika, kif ukoll fuq l-interdipendenza ekonomika u soċjali tagħhom; iħeġġeġ l-esplorazzjoni ta’ possibbiltajiet ulterjuri biex l-Iżvizzera tkun tista’ tingħaqad mal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol u s-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern; jissottolinja l-impenn komuni biex tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-kundizzjonijiet tax-xogħol abbużivi u biex jiġi żgurat l-infurzar effettiv tad-drittijiet soċjali madwar l-Ewropa; |
|
16. |
Jissottolinja li s-salvagwardja, it-tisħiħ u l-approfondiment ta’ relazzjonijiet kummerċjali b’saħħithom, stabbli u sostenibbli mal-Iżvizzera, ir-raba’ l-akbar sieħeb kummerċjali tal-UE, jibqgħu prijorità għolja u huma fl-interess fundamentali taż-żewġ partijiet, b’mod partikolari fl-ambjent internazzjonali turbolenti attwali; iqis li relazzjoni modernizzata u ta’ benefiċċju reċiproku, mirfuda minn ftehim ambizzjuż, mhux biss għandha tnaqqas l-ostakli għall-kummerċ iżda għandha toħloq ukoll kundizzjonijiet ekwi għaċ-ċittadini u l-operaturi ekonomiċi tal-UE, tiġġenera l-fiduċja, l-istabbiltà, l-impjiegi, it-tkabbir u l-benesseri, tiżgura l-protezzjoni nondiskriminatorja tad-drittijiet tal-ħaddiema u tiggarantixxi l-ogħla livell ta’ protezzjoni għall-konsumaturi u l-ambjent, il-kompetizzjoni ġusta, l-iżvilupp sostenibbli u l-ġustizzja, il-progress u s-sigurtà soċjali; jisħaq fuq l-importanza li jitkomplew l-isforzi konġunti favur ir-riforma tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), b’mod partikolari l-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim tagħha, u li jiġu promossi inizjattivi ta’ kummerċ sostenibbli u ekoloġiku qabel it-13-il Konferenza Ministerjali tad-WTO; |
|
17. |
Iqis li l-livell sinifikanti ta’ integrazzjoni tal-Iżvizzera mas-suq uniku tal-UE huwa fattur ewlieni għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli; jissottolinja li relazzjonijiet b’saħħithom bejn l-UE u l-Iżvizzera jmorru lil hinn mill-integrazzjoni ekonomika u li l-estensjoni tas-suq uniku tikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-prosperità għall-benefiċċju taċ-ċittadini u n-negozji kollha, inklużi l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs); jissottolinja l-importanza li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq uniku sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi u jiġu ġġenerati impjiegi ta’ kwalità; |
|
18. |
Jiddispjaċih għall-fatt li l-Iżvizzera tibqa’ l-uniku membru tal-EFTA li ma ngħaqadx maż-ŻEE; jinnota, madankollu, li ċ-ċittadini Żvizzeri għandhom l-istess drittijiet bħaċ-ċittadini tal-UE li jiċċaqilqu, jidħlu u jgħixu liberament fl-UE, f’konformità mad-dritt tal-UE; itenni li 71 % tal-popolazzjoni Żvizzera hija favur is-sħubija fiż-ŻEE, filwaqt li l-maġġoranza trid ukoll aċċess sħiħ għas-suq uniku tal-UE u parteċipazzjoni fil-kooperazzjoni tal-UE; jinnota li l-Iżvizzera dejjem mistiedna tissieħeb fiż-ŻEE jew fl-UE jekk tkun tixtieq tagħmel dan fil-futur; jinnota li, fil-każ li tali xewqa tiġi espressa sal-punt tas-sħubija fl-UE, dan ikun jippermetti lill-Iżvizzera tipparteċipa bis-sħiħ fid-deċiżjonijiet u r-regoli tal-UE; |
|
19. |
Jenfasizza r-rabtiet ekonomiċi, soċjali u kulturali b’saħħithom tar-reġjuni mal-fruntiera bejn l-Awstrija, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Liechtenstein u l-Iżvizzera, jiġifieri Auvergne-Rhône-Alpes, Baden-Württemberg, Bayern, Bourgogne-Franche-Comté, Bozen-Südtirol, Grand Est, il-Prinċipat tal-Liechtenstein u Vorarlberg, li għandhom storja li tmur lura ħafna żmien; jissottolinja l-importanza ta’ relazzjonijiet u oqfsa stabbli u b’saħħithom bejn l-UE u l-Iżvizzera għall-kooperazzjoni transfruntiera futura; |
|
20. |
Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ ċerti ftehimiet mal-Unjoni min-naħa tal-Iżvizzera u l-adozzjoni sussegwenti tagħha ta’ prattiki u miżuri leġiżlattivi li jafu jkunu inkompatibbli ma’ dawk il-ftehimiet, b’mod partikolari l-miżuri li jaffettwaw il-moviment liberu tal-persuni; jappella lill-Iżvizzera biex issaħħaħ il-moviment liberu tal-persuni billi tintroduċi miżuri addizzjonali, f’dan ir-rigward, billi tallinja ruħha mad-Direttiva 2004/38/KE (18); jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Iżvizzera tadotta b’mod dinamiku d-dritt tal-UE dwar il-kwistjonijiet ta’ kooperazzjoni reċiproka; |
|
21. |
Jinnota l-għadd kbir ta’ vjaġġaturi transfruntiera bejn l-UE u l-Iżvizzera u l-għadd kbir ta’ ċittadini tal-UE u ċittadini Żvizzeri li jgħixu u jaħdmu l-Iżvizzera jew l-UE rispettivament; ifakkar li l-moviment liberu tal-persuni huwa prinċipju fundamentali tas-suq uniku tal-UE; jisħaq li d-dritt ta’ residenza f’pajjiż ieħor tal-UE mhuwiex mingħajr limiti; jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni tal-Kunsill Federali Żvizzeru li jintroduċi mill-ġdid restrizzjonijiet fuq l-aċċess għas-suq tax-xogħol Żvizzeru għall-ħaddiema Kroati fil-forma ta’ kwoti fuq il-permessi, u jappella lill-Iżvizzera biex tikkunsidra li tneħħi din il-klawżola ta’ salvagwardja; |
|
22. |
Iħeġġeġ lill-Iżvizzera tapplika l-acquis rilevanti tal-UE u tikkonforma mal-obbligi tagħha skont il-ftehim tal-1999 dwar il-moviment liberu tal-persuni, b’mod partikolari dwar il-ħaddiema stazzjonati, u tadatta miżuri ta’ akkumpanjament li jiggarantixxu l-protezzjoni ta’ standards soċjali għoljin u l-protezzjoni effiċjenti u nondiskriminatorja tad-drittijiet tal-ħaddiema, filwaqt li tiżgura paga ugwali għal xogħol ugwali fl-istess post għall-ħaddiema mobbli, stazzjonati u lokali, u tippermetti lill-operaturi ekonomiċi tal-UE jipprovdu s-servizzi fit-territorju tagħha fuq bażi mhux diskriminatorja; jieħu nota tat-tħassib tal-Iżvizzera f’dan ir-rigward u jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li xi Stati Membri tal-UE attwali kien ikollhom tħassib simili, li ma mmaterjalizzax ruħu għalkollox; jappella lill-Iżvizzera biex ittaffi l-ostakli burokratiċi fil-qasam tal-istazzjonar tal-ħaddiema; jinnota t-titjib kontinwu tal-Iżvizzera fil-funzjonament tal-miżuri ta’ akkumpanjament u jilqa’ d-djalogu attiv u regolari tagħha mal-Istati ġirien tagħha u ma’ Stati Membri oħra tal-UE dwar kwistjonijiet konkreti fil-qafas tal-forniment transfruntier tas-servizzi; |
|
23. |
Iħeġġeġ lill-UE u lill-Iżvizzera jikkondividu l-aħjar prattiki u jsaħħu l-protezzjonijiet tad-drittijiet tax-xogħol, b’mod partikolari dwar is-sensji kontra t-trade unions u l-kumpens minimu assoċjat u n-negozjar kollettiv, biex jiġi żgurat suq ġust u ekwu għall-ħaddiema kollha; jieħu nota tal-proċess ta’ medjazzjoni indipendenti li għaddej fl-Iżvizzera bil-għan li tinstab soluzzjoni ta’ kompromess dwar il-protezzjoni tat-trade unionists kontra t-tkeċċija inġusta; iqis li, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tajba tal-ħaddiema, il-Kummissjoni u l-Kunsill Federali Żvizzeru, fi skambju permanenti mas-sħab soċjali Żvizzeri, jistgħu jikkunsidraw li japplikaw miżuri temporanji, limitati jew ta’ salvagwardja, abbażi tad-dritt tal-UE, għal perjodu ta’ żmien definit sew; |
|
24. |
Jinnota li, sakemm ma jkunx hemm qbil dwar ftehim globali, għadd kbir ta’ ftehimiet bilaterali bejn l-UE u l-Iżvizzera jinsabu f’riskju ta’ erożjoni u jeħtieġ li jiġu riveduti sabiex jiġi żgurat li jibqgħu rilevanti u effiċjenti, u jipprovdu ċ-ċertezza legali, il-konsolidazzjoni u l-iżvilupp ulterjuri tar-relazzjoni bejn l-UE u l-Iżvizzera u perspettiva li tħares ’il quddiem, b’mod partikolari dawk dwar l-aċċess imtejjeb u reċiproku għas-suq Żvizzeru għall-operaturi ekonomiċi tal-UE; jinsab imħasseb li l-ftehimiet bilaterali bażiċi qed jiżvintaw u m’għadhomx jiżguraw aċċess għas-suq bla xkiel minħabba n-nuqqas ta’ inkorporazzjoni tal-iżviluppi l-ġodda fl-acquis tal-UE; jinnota li l-mudell ibbażat fuq ftehimiet bilaterali individwali minflok fuq ftehim globali huwa mudell skadut; ifakkar li l-adozzjoni ta’ ftehim globali għall-ftehimiet eżistenti u dawk futuri li jippermettu l-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fis-suq uniku tal-UE biex jiġu żgurati l-omoġeneità u ċ-ċertezza tad-dritt tibqa’ prekundizzjoni għall-iżvilupp ulterjuri ta’ approċċ settorjali; jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta’ soluzzjoni rigward il-kwistjonijiet istituzzjonali, peress li dan se jwassal għall-erożjoni ulterjuri tal-applikazzjoni tal-ftehim dwar rikonoxximent reċiproku; |
|
25. |
Jinnota li jekk ma ssir ebda modernizzazzjoni tal-FTA, li ġie konkluż 50 sena ilu u li minn dak iż-żmien ma ġiex aġġustat biex jirrifletti l-iżviluppi fir-regoli kummerċjali internazzjonali, u tal-pakkett ta’ ftehimiet bilaterali (I u II), li ġie konkluż kważi 20 sena ilu, u mingħajr it-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar xierqa tal-leġiżlazzjoni dwar is-suq uniku, ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Iżvizzera mhux se jġibu benefiċċji sħaħ għaċ-ċittadini u n-negozji u inevitabbilment maż-żmien se jiddeterjoraw; jemmen li l-UE għandha tistinka favur soluzzjonijiet prammatiċi biex issolvi din il-kwistjoni bejn l-UE u l-Iżvizzera; jinnota li l-ftehimiet bilaterali li għadda żmienhom jeħtieġ li jiġu riveduti sabiex jiġi evitat li jiskadu filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE sabiex jiġi ppreservat l-aċċess reċiproku għas-suq, peress li dan huwa partikolarment minnu fl-oqsma tal-aċċess reċiproku għas-suq għall-oġġetti industrijali, il-faċilitazzjoni doganali, il-moviment liberu tal-persuni, l-ostakli tekniċi għall-kummerċ u l-akkwist pubbliku; jappella, għalhekk, lill-Kummissjoni, biex tipproponi mandat għall-modernizzazzjoni tal-FTA ladarba n-negozjati jkunu reġgħu bdew; |
|
26. |
Jaċċentwa li l-ftehim dwar rikonoxximent reċiproku tal-2002 qed isir dejjem aktar antikwat għax ma jistax jiġi aġġornat biex iqis il-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-UE; jinnota li dan diġà ħoloq ostakli tekniċi u xekkel il-kummerċ ta’ apparat mediku u fil-futur se jagħmel l-istess b’mod partikolari fir-rigward tal-inġinerija mekkanika, il-makkinarju, il-prodotti tal-bini u l-intelliġenza artifiċjali; jemmen li l-UE għandha tistinka favur soluzzjonijiet prammatiċi biex issolvi din il-kwistjoni bejn l-UE u l-Iżvizzera; |
|
27. |
Jinnota li l-protezzjoni tal-investiment bħalissa hija sostnuta permezz ta’ ftehimiet bilaterali antikwati bejn l-Iżvizzera u disa’ Stati Membri biss tal-UE; jemmen li ftehim modern dwar il-protezzjoni tal-investiment bejn l-UE u l-Iżvizzera jżid iċ-ċertezza tad-dritt għall-investituri fuq iż-żewġ naħat u jkompli jsaħħaħ ir-relazzjonijiet kummerċjali bilaterali; iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni tipproponi mandat għan-negozjar ta’ ftehim modern bejn l-UE u l-Iżvizzera dwar il-protezzjoni tal-investiment; |
|
28. |
Jinnota li l-assoċjazzjonijiet tan-negozju u tal-industrija bħalissa jiġu kkonsultati biss permezz ta’ kanali ta’ informazzjoni informali; jappella lin-negozjaturi biex jaqblu ħalli jistabbilixxu pjattaforma ta’ konsultazzjoni bilaterali ex ante u ex post bejn l-UE u l-Iżvizzera bil-ħsieb li tiffaċilita d-diskussjonijiet u l-konsultazzjonijiet qabel kwalunkwe miżura ġdida jew sussidju ġdid li jistgħu jolqtu negattivament il-kummerċ jew l-investiment; huwa tal-fehma li l-assoċjazzjonijiet tan-negozju u tal-industrija għandhom ikunu jistgħu jressqu kwalunkwe ostaklu ġdid għall-kummerċ jew għall-investimenti għall-attenzjoni tas-segretarjat ta’ din il-pjattaforma; jemmen li eventwalment il-pjattaforma għandha ssir parti integrali mill-qafas ta’ governanza għall-ftehim kummerċjali modernizzat u għandha tinvolvi t-twaqqif ta’ helpdesk għall-SMEs, u dan jgħin biex jitnaqqsu l-ispejjeż kummerċjali u l-piżijiet amministrattivi filwaqt li tiżdied il-parteċipazzjoni tal-SMEs fil-kummerċ; |
|
29. |
Jissottolinja li l-ftehimiet li jiġu nnegozjati għandhom ikunu mfassla bi struttura li tippermetti trasparenza u konsistenza orizzontali sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni kemm tal-ftehimiet bilaterali eżistenti kif ukoll ta’ dawk ġodda u aġġornati, b’approċċ prattiku u faċilment interpretabbli li jipprovdi prevedibbiltà, u ċertezza tad-dritt, u li jiggarantixxi li ċ-ċittadini, il-ħaddiema u n-negozji impenjati fil-kummerċ bejn l-UE u l-Iżvizzera jkunu jistgħu jeżerċitaw b’mod effettiv id-drittijiet tagħhom. |
|
30. |
Iqis li l-governanza ta’ ftehim potenzjali bejn l-UE u l-Iżvizzera, jew ta’ FTA modernizzat, għandha tinvolvi kumitat konġunt li jipprevedi monitoraġġ konġunt, djalogu strutturat u superviżjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Parlament Żvizzeru; |
|
31. |
Jappella biex l-UE u l-Iżvizzera jikkooperaw aktar mill-qrib fil-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, il-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa; jisħaq fuq l-importanza ta’ kundizzjonijiet ekwi dwar it-tassazzjoni, b’mod partikolari dwar it-trasparenza tat-taxxa u l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni; |
|
32. |
Jissottolinja li mekkaniżmu effettiv għas-soluzzjoni tat-tilwim, bi rwol għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, bħala l-aħħar istanza dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-UE, huwa fundamentali, u li hija meħtieġa soluzzjoni għall-kwistjonijiet istituzzjonali u strutturali kollha, inklużi kontribuzzjoni ġusta għall-koeżjoni ekonomika u soċjali tal-UE, interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi tal-ftehimiet, allinjament dinamiku mal-acquis tal-UE u kundizzjonijiet ekwi, b’mod partikolari fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat; ifakkar fil-kompromessi li diġà saru mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim; jisħaq li l-aċċess għas-suq intern tal-UE jeħtieġ li jkun ibbażat fuq bilanċ ġust tad-drittijiet u l-obbligi u li ġabra ta’ regoli komuni bejn l-UE u l-Iżvizzera, f’dan il-kuntest, hija prerekwiżit għal suq komuni u l-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fis-suq intern; |
|
33. |
Jilqa’ r-rilaxx tat-tieni kontribuzzjoni Żvizzera għall-politika ta’ koeżjoni tal-UE u jisħaq li l-kontribuzzjonijiet Żvizzeri futuri għall-politika ta’ koeżjoni tal-UE huma essenzjali u għandhom isiru aktar regolari u jiżdiedu, fuq l-eżempju ta’ pajjiżi oħra, bħan-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein; |
|
34. |
Jinnota l-importanza ta’ qafas komuni għall-għajnuna mill-Istat; jappella lill-Kummissjoni u lill-Kunsill Federali Żvizzeru biex isibu soluzzjoni f’dan ir-rigward; |
Enerġija, klima u ambjent
|
35. |
Jilqa’ l-livell għoli ta’ allinjament politiku bejn l-Iżvizzera u l-UE fil-qasam tal-politiki dwar l-enerġija u l-klima; jenfasizza li l-UE u l-Iżvizzera qed jistinkaw favur provvista tal-enerġija li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent, kompetittiva u sigura u newtralità klimatika sal-2050 u jissottolinja l-potenzjal tal-allinjament aħjar tal-leġiżlazzjoni bejn l-UE u l-Iżvizzera; jappella lill-Kummissjoni u lill-Kunsill Federali Żvizzeru biex isibu toroq ta’ kooperazzjoni dwar il-pakkett tal-UE “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, u l-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera f’diversi aspetti tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, b’mod partikolari l-pjan REPowerEU, kif ukoll alleanzi industrijali, inklużi l-Alleanza Ewropea għall-Industrija Fotovoltajka Solari, l-Alleanza Ewropea għall-Idroġenu Nadif u l-Alleanza Ewropea tal-Batteriji; jistieden lill-Iżvizzera tapplika leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni ambjentali fl-ambitu ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni futur, b’mod partikolari l-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri u t-tiġdid tas-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet; |
|
36. |
Jinnota li l-awtonomija strateġika mfittxija mill-UE dwar il-prodotti industrijali u l-materja prima kritika taqdi wkoll l-interessi tal-Iżvizzera minħabba l-intensità tal-iskambji ekonomiċi reċiproċi; huwa tal-fehma li l-Iżvizzera u l-UE jista’ jkollhom interess komuni f’koordinazzjoni mtejba tal-politiki industrijali tagħhom għal komplementarjetà aħjar f’oqsma industrijali strateġiċi; |
|
37. |
Jilqa’ wkoll l-impenn tal-Iżvizzera fil-promozzjoni tal-idroġenu b’enfasi partikolari fuq l-idroġenu rinnovabbli u jisħaq fuq ir-rwol abilitanti li t-tranżitu mill-Iżvizzera jista’ jkollu għal suq Ewropew għall-idroġenu u l-gassijiet rinnovabbli u dekarbonizzati; |
|
38. |
Jinnota bi tħassib li l-Iżvizzera ma appoġġjatx l-ispinta tal-UE favur it-tneħħija tal-protezzjonijiet għall-fjuwils fossili mit-Trattat tal-Karta tal-Enerġija (TKE); jistieden lill-Iżvizzera tikkunsidra li tirtira minn dan it-Trattat, fuq l-eżempju ta’ diversi Stati Membri tal-UE; |
|
39. |
Jisħaq li fis-settur tal-elettriku, l-istabbiltà tal-grilja u s-sigurtà tal-provvista u t-tranżitu jiddependu minn kooperazzjoni stretta bejn l-UE u l-Iżvizzera; jinnota l-interkonnessjoni tal-grilji elettriċi tal-Iżvizzera, tal-Ġermanja u ta’ Franza; għadu mħasseb bil-fatt li l-esklużjoni tas-settur tal-enerġija Żvizzeru toħloq riskji sistemiċi għall-grilja sinkronika kollha tal-Ewropa kontinentali; jenfasizza l-importanza li tiġi segwita tranżizzjoni tal-enerġija sostenibbli u reżiljenti u jappella lill-Iżvizzera biex tipparteċipa b’mod attiv fl-inizjattivi tal-UE dwar l-enerġija rinnovabbli u l-integrazzjoni tal-grilja, bħall-pakkett dwar l-enerġija nadifa u l-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, b’allinjament dinamiku effettiv mad-dritt tal-UE fis-settur tal-elettriku; |
|
40. |
Jisħaq li ftehim dwar suq tal-elettriku joħloq bażi favorevoli għal kooperazzjoni kontinwa u mill-qrib bejn l-UE u l-Iżvizzera, b’mod partikolari dwar l-elettriku ħieles mill-fjuwils fossili u l-gassijiet nodfa, inkluż permezz ta’ soluzzjonijiet innovattivi għall-kummerċ transfruntier tal-elettriku, bħal suq konġunt tal-elettriku; jisħaq li kwalunkwe ftehim ġdid għandu jinkludi l-acquis rilevanti tal-UE fir-rigward tal-Patt Ekoloġiku u d-dispożizzjonijiet għall-kooperazzjoni bejn ir-regolaturi tal-enerġija tal-UE u tal-Iżvizzera; jiddispjaċih għall-fatt li, minħabba t-tmiem tan-negozjati bejn l-UE u l-Iżvizzera dwar ftehim qafas istituzzjonali, il-ftehim ippjanat dwar l-elettriku ma jistax jiġi konkluż fi żmien qasir sa medju u jenfasizza l-importanza li jinbdew in-negozjati dwaru malajr kemm jista’ jkun; jissottolinja li, sakemm jiġi konkluż, huma meħtieġa soluzzjonijiet tekniċi fil-livell tal-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni u l-inklużjoni tal-Iżvizzera fil-kalkoli tal-kapaċità tal-UE sabiex jitnaqqsu l-akbar riskji għall-istabbiltà tal-grilja reġjonali u s-sigurtà tal-provvista; |
Riċerka u innovazzjoni, żvilupp, edukazzjoni u kultura
|
41. |
Jissottolinja l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Iżvizzera fir-riċerka, l-innovazzjoni u l-iżvilupp, it-trawwim tar-rwol tal-Ewropa bħala attur b’saħħtu f’dan il-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni, u t-tisħiħ tas-sistema edukattiva Ewropea; ifakkar li l-Iżvizzera tonfoq kważi CHF 23 biljun fis-sena fuq ir-riċerka u l-iżvilupp; jinnota l-importanza tar-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur tal-enerġija u l-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fil-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni tal-UE għall-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ teknoloġiji tal-enerġija nodfa u sostenibbli; jemmen li l-programm Erasmus+ jikkontribwixxi biex iqarreb is-soċjetajiet lejn xulxin; |
|
42. |
Jaċċentwa s-sinifikat tal-isforzi konġunti bejn l-UE u l-Iżvizzera fl-indirizzar tal-isfidi globali, bħat-tibdil fil-klima, is-saħħa u s-sigurtà tal-enerġija, permezz tar-riċerka u l-iżvilupp; iħeġġeġ liż-żewġ partijiet jagħtu prijorità lill-proġetti kollaborattivi li jikkontribwixxu għall-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU u l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; |
|
43. |
Jinnota r-relegazzjoni tal-Iżvizzera għall-istatus ta’ pajjiż terz mhux assoċjat f’Erasmus+ u f’Orizzont Ewropa; |
|
44. |
Itenni l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Żvizzera fil-programmi tal-UE bħal Orizzont Ewropa, Ewropa Diġitali, Euratom, ITER u Erasmus+ u jfaħħar ir-riżultati eċċellenti li nkisbu s’issa fil-qasam tal-kooperazzjoni; jappella biex l-UE u l-Iżvizzera jsibu approċċ komuni għall-benefiċċju taċ-ċittadini sabiex tinkiseb kooperazzjoni ta’ benefiċċju reċiproku, speċjalment fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fil-programmi kollha tal-UE fil-perjodu 2021–2027; jistieden liż-żewġ partijiet iwettqu diskussjonijiet dwar il-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fil-programmi tal-UE, jiġifieri Orizzont Ewropa, Ewropa Diġitali, Euratom, ITER u Erasmus +, bħala parti min-negozjati dwar pakkett wiesa’, sabiex l-Iżvizzera tkun tista’ terġa’ tissieħeb malajr mat-tlestija tan-negozjati; |
|
45. |
Jibqa’ konvint li sħubija aktar stabbli u orjentata lejn il-futur se tkun ta’ benefiċċju għaż-żewġ naħat u tgħin l-assoċjazzjoni tal-Iżvizzera ma’ Erasmus+ u programmi Ewropej oħra; |
|
46. |
Jappella lill-Kummissjoni u lill-Kunsill Federali Żvizzeru biex jagħmlu l-almu tagħhom ħalli jiżguraw l-arranġamenti tranżizzjonali tal-Iżvizzera għal Orizzont Ewropa, hekk kif jiġi adottat mandat ta’ negozjar, flimkien ma’ impenn tal-Iżvizzera favur kontribuzzjonijiet regolari u xierqa għall-politika ta’ koeżjoni tal-UE; jiddispjaċih għall-fatt li, minħabba n-nuqqas ta’ assoċjazzjoni tal-Iżvizzera ma’ Orizzont Ewropa, dan l-aħħar ġiet eskluża mill-Forum Strateġiku Ewropew għall-Infrastrutturi tar-Riċerka; jinnota li fl-ambitu ta’ Orizzont 2020, l-Iżvizzera rċeviet finanzjament ta’ CHF 2,7 biljun u għalhekk kienet fl-ewwel post fost il-pajjiżi assoċjati; |
|
47. |
Jissottolinja l-kooperazzjoni tajba bejn l-UE u l-Iżvizzera fil-qasam tal-ispazju, b’mod partikolari bil-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fil-programmi Ewropej ta’ navigazzjoni bis-satellita, Galileo u EGNOS; jappella biex din il-kooperazzjoni tiġi approfondita billi l-Iżvizzera tiġi inkluża fil-programm ta’ osservazzjoni tad-Dinja, Copernicus, u fil-programm tat-telekomunikazzjoni bis-satellita, IRIS; ifakkar li l-Iżvizzera diġà tibbenefika mid-data ta’ aċċess miftuħ ta’ Copernicus u li tista’ tibbenefika aktar mill-aċċess għad-data u s-servizzi ta’ dawn il-programmi; |
|
48. |
Jirrikonoxxi l-importanza tal-preservazzjoni u l-promozzjoni tad-diversità kulturali, u jappella biex l-Iżvizzera u l-UE jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fl-oqsma tal-iskambju kulturali, l-edukazzjoni u l-isport, inkluża l-inizjattiva tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura; |
|
49. |
Jenfasizza l-importanza ta’ fehim reċiproku fuq iż-żewġ naħat tal-fruntieri bejn l-UE u l-Iżvizzera; jiddeplora l-ostakli li jaffettwaw l-aċċess transnazzjonali għall-midja tal-informazzjoni u tal-ġrajjiet kurrenti bejn l-UE u l-Iżvizzera, b’mod partikolari għar-residenti transfruntiera; iħeġġeġ għalhekk lill-UE u lill-Iżvizzera jappoġġjaw l-aċċess transfruntier għall-midja tal-informazzjoni u tal-ġrajjiet kurrenti tagħhom sabiex jippromwovu kultura komuni; |
|
50. |
Josserva d-diżassoċjazzjoni tal-Iżvizzera mill-programm Erasmus+ mill-2014, wara r-referendum tagħha dwar l-immigrazzjoni; jieħu nota tal-applikazzjoni mhux ristretta tiegħu tal-ftehim tal-1999 dwar il-moviment liberu tal-persuni u r-rifjut tar-riżultat tar-referendum tal-2014 f’referendum ġdid dwar l-immigrazzjoni fl-2020; jaċċentwa li l-moviment liberu tal-persuni huwa prekundizzjoni għall-parteċipazzjoni f’Erasmus+; |
|
51. |
Jilqa’ l-fatt li s-sejħa għal proposti ta’ Erasmus+ tal-2022 ippermettiet lis-sħab assoċjati miż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja jkunu involuti fil-formazzjoni tal-alleanzi tal-Universitajiet Ewropej, u dan wassal għall-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera; |
|
52. |
Jisħaq fuq ir-rabta bejn il-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera f’Erasmus+ u l-aċċettazzjoni sħiħa tagħha tal-libertajiet fundamentali stabbiliti mit-trattati tal-UE u l-Karta tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-UE, peress li l-iskambji ta’ Erasmus+ jiddependu mill-moviment liberu tal-persuni; |
|
53. |
Jirrikonoxxi l-fatt li bosta partijiet interessati fl-edukazzjoni fl-Ewropa qed jitolbu li l-Iżvizzera tkun assoċjata ma’ Erasmus+ u li l-organizzazzjonijiet Żvizzeri tal-istudenti u taż-żgħażagħ qed iħeġġu lill-Gvern Żvizzeru biex jinvolvi ruħu f’negozjati kostruttivi mal-UE; jissottolinja l-benefiċċji edukattivi u l-benefiċċji l-oħra ta’ tali assoċjazzjoni għall-Iżvizzera u l-UE; |
|
54. |
Jissottolinja li l-pajjiżi ġirien u l-pajjiżi tal-istess fehma interessati kollha, inkluża l-Iżvizzera, merħba bihom li jassoċjaw ruħhom mal-programm Erasmus+, biex b’hekk ikunu qed jikkontribwixxu għas-sistemi edukattivi Ewropej u għat-tisħiħ taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni kollha kemm hi; |
|
55. |
Jisħaq li l-mobilità tal-istudenti bejn l-UE u l-Iżvizzera eventwalment għandha tkun inklużiva u tinvolvi parteċipanti mill-Istati Membri, ir-reġjuni u l-isfondi soċjali kollha tal-UE, u li dan jista’ jinkiseb billi jiġi estiż l-appoġġ addizzjonali li jiġi offrut lil dawk li qed jiffaċċjaw sfidi soċjali, u b’hekk jissaħħaħ l-istatus ta’ Erasmus+ bħala programm Ewropew verament inklużiv; |
Qafas istituzzjonali u kooperazzjoni
|
56. |
Jiddispjaċih bid-deċiżjoni tal-Kunsill Federali Żvizzeru li jġib fi tmiemhom in-negozjati dwar il-ftehim qafas istituzzjonali UE-Żvizzera f’Mejju 2021, wara seba’ snin ta’ negozjati; jinnota li dan il-ftehim kien essenzjali għall-konklużjoni ta’ ftehimiet futuri possibbli rigward il-parteċipazzjoni ulterjuri tal-Iżvizzera fis-suq uniku u l-kontinwazzjoni tal-kummerċ bla xkiel f’diversi setturi tal-industrija u li t-tmiem tan-negozjati affettwa l-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fil-programm Erasmus+; jiddispjaċih dwar kwalunkwe narrattiva fl-isferi pubbliċi u politiċi Żvizzeri li l-UE taħdem kontra l-interessi Żvizzeri; jisħaq li l-eventwali tieni falliment fin-negozjati ta’ ftehim dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Iżvizzera jkun ta’ ħsara kemm għall-UE kif ukoll għall-Iżvizzera u jaf idgħajjef ir-rwol politiku tagħhom; jinnota li r-relazzjoni bejn l-UE u l-Iżvizzera hija żbilanċjata u li ċ-ċittadini u n-negozji qed jiġu affettwati min-nuqqas ta’ relazzjoni strutturali; jilqa’ l-approċċ tal-Kunsill Federali Żvizzeru ta’ Frar 2022 għal pakkett wiesa’ ta’ negozjati u jistiednu jadotta mandat ta’ negozjar dwar kwistjonijiet strutturali ewlenin bħala sinjal politiku lill-UE; |
|
57. |
Jisħaq li huwa fl-interess fundamentali taż-żewġ naħat li jżommu u jsaħħu relazzjonijiet tajbin, stabbli u ta’ benefiċċju reċiproku fi ħdan il-qafas ta’ relazzjoni modernizzata bbażata fuq ftehim globali li joħloq stabbiltà, fiduċja, benesseri, kundizzjonijiet ekwi, impjiegi, tkabbir u impenn favur is-sigurtà soċjali u l-ġustizzja; |
|
58. |
Jinnota d-deċiżjoni tal-Kunsill Federali Żvizzeru li jiffinalizza t-taħditiet esploratorji mal-UE fid-dawl ta’ negozjati futuri u li approva parametri ewlenin għal mandat ta’ negozjar; jinnota b’dispjaċir li l-Kunsill Federali Żvizzeru se jiddeċiedi jekk jippreparax għall-adozzjoni ta’ mandat ta’ negozjar sa tmiem l-2023 biss; ifakkar li hemm opportunità limitata fiż-żmien minħabba l-elezzjonijiet federali Żvizzeri f’Ottubru 2023 u l-elezzjonijiet tal-UE f’Ġunju 2024; |
|
59. |
Jilqa’ d-dikjarazzjoni politika wara l-konferenza tal-cantons tal-24 ta’ Marzu 2023 li tippromwovi relazzjonijiet ibbażati fuq it-Trattat mal-UE bbażati fuq valuri kondiviżi, filwaqt li tafferma mill-ġdid il-pożizzjoni tagħhom li jkomplu u japprofondixxu l-ftehimiet bilaterali, u r-rieda tagħhom li jappoġġjaw lill-Kunsill Federali fin-negozjati; jilqa’ l-fatt li l-cantons innutaw li, fin-nuqqas ta’ alternattiva aċċettabbli mill-perspettiva tal-UE, m'hemm l-ebda għażla oħra ħlief l-adozzjoni dinamika tad-dritt tal-UE; |
|
60. |
Jistenna li l-progress fit-taħditiet esplorattivi bejn il-Kummissjoni u l-Kunsill Federali Żvizzeru jkun intensifikat biex jinkisbu l-kjarifiki u l-garanziji meħtieġa għall-adozzjoni ta’ mandat għal negozjati; jappella liż-żewġ naħat biex jaħtfu din l-opportunità biex jiddiskutu dwar il-possibbiltà ta’ pakkett ta’ negozjati ġdid u ftehim ta' kooperazzjoni bejn l-UE u l-Iżvizzera, u biex jilħqu ftehim qabel it-tmiem tal-mandat attwali tal-Kummissjoni u tal-Parlament; jappella lill-Kummissjoni u lill-Kunsill Federali Żvizzeru biex jiffinalizzaw minnufih it-taħditiet esploratorji; |
o
o o
|
61. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, kif ukoll lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Konfederazzjoni Żvizzera. |
(2) ĠU L 300, 31.12.1972, p. 189.
(3) ĠU L 205, 27.7.1991, p. 3.
(4) ĠU L 199, 31.7.2009, p. 24.
(5) ĠU L 114, 30.4.2002, p. 6.
(6) ĠU L 114, 30.4.2002, p. 369.
(7) ĠU L 114, 30.4.2002, p. 132.
(8) ĠU L 114, 30.4.2002, p. 430.
(9) ĠU L 114, 30.4.2002, p. 6.
(10) ĠU C 308, 14.12.2004, p. 2.
(11) ĠU L 347, 3.12.2014, p. 3.
(12) ĠU L 15, 20.1.2014, p. 3.
(13) ĠU L 65, 11.3.2016, p. 22.
(14) ĠU L 322, 7.12.2017, p. 3.
(15) ĠU C 108, 26.3.2021, p. 133.
(16) ĠU C 362, 8.9.2021, p. 90.
(17) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924.
(18) Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1183/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)