|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje C |
|
C/2024/1181 |
23.2.2024 |
P9_TA(2023)0343
Armonizzazzjoni tad-drittijiet tal-persuni bl-awtiżmu
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Ottubru 2023 dwar l-armonizzazzjoni tad-drittijiet tal-persuni bl-awtiżmu (2023/2728(RSP))
(C/2024/1181)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 10 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 19, 21, 153, 165, 168 u 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikoli 3, 21, 24, 26, 34, 35, 41 u 47 tagħha, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, b’mod partikolari l-prinċipji 1, 3, 10 u 17 tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (1) (id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Marzu 2021 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol fid-dawl tal-UNCRPD (2), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Karta għall-Persuni bl-Awtiżmu, abbozzata minn Autism-Europe u adottata mill-Parlament Ewropew fid-9 ta’ Mejju 1996 (3), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD), li daħlet fis-seħħ fl-UE fil-21 ta’ Jannar 2011 insegwitu tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas-26 ta’ Novembru 2009 dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2021 bit-titolu “Unjoni ta’ Ugwaljanza: Strateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2021-2030” (COM(2021)0101), |
|
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni bil-miktub tas-7 ta’ Settembru 2015 dwar l-awtiżmu ffirmata mill-maġġoranza tal-membri kollha tal-Parlament, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità wara l-2020 (4), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Ottubru 2021 dwar il-protezzjoni tal-persuni b’diżabilità permezz tal-petizzjonijiet: tagħlimiet meħuda (5), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Diċembru 2022 lejn drittijiet ugwali għall-persuni b’diżabilità (6), |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar l-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2021-2030, li jistiednu lis-27 Stat Membru tal-UE jiżguraw inklużjoni aħjar tal-persuni b’diżabilità u jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet tagħhom, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-moviment liberu, l-impjiegi u l-akkomodazzjoni, |
|
— |
wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2353 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tal-4 ta’ Diċembru 2020 dwar l-appoġġ għall-persuni bl-awtiżmu u l-familji tagħhom, |
|
— |
wara li kkunsidra l-“qafas ta’ monitoraġġ” tal-Kummissjoni għall-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2021-2030, |
|
— |
wara li kkunsidra l-proposta tas-6 ta’ Settembru 2023 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Kard Ewropea tad-Diżabilità u l-Kard Ewropea għall-Parkeġġ għall-persuni b’diżabilità (COM(2023)0512), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Petizzjoni 0822/2022, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 227(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
A. |
billi hemm madwar 100 miljun persuna b’diżabilità fl-UE, li minnhom 5 miljuni jinsabu fuq l-ispettru tal-awtiżmu, li jirrappreżentaw aktar minn persuna waħda fuq 100 (7); |
|
B. |
billi l-awtiżmu mhux dejjem ikollu l-istess karatteristiċi speċifiċi, u għalhekk il-persuni awtistiċi għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-aħjar appoġġ possibbli skont il-ħtiġijiet tagħhom stess fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum u meta jivvjaġġaw fl-UE; billi proporzjon sinifikanti ta’ persuni awtistiċi mingħajr diżabilità intellettwali assoċjata jistgħu jgħixu b’mod indipendenti iżda xorta jirrapportaw li jesperjenzaw diffikultajiet biex jiksbu rikonoxximent tal-istatus ta’ diżabilità tagħhom, minkejja d-dijanjożi tal-awtiżmu tagħhom, u dan jimpedixxihom milli jaċċessaw servizzi ta’ appoġġ u intitolamenti ta’ diżabilità tant meħtieġa, filwaqt li oħrajn għandhom diżabilitajiet li, skont is-severità tagħhom, jirrikjedu kura u appoġġ tul il-ħajja; |
|
C. |
billi fl-Istati Membri, l-aċċess għad-dijanjożi tal-awtiżmu għat-tfal u għall-adulti jista’ jieħu diversi snin u, b’riżultat ta’ dan, dawn jiffaċċjaw nuqqas ta’ servizzi ta’ intervent u appoġġ ta’ kwalità u b’prezzijiet affordabbli ċċentrati fuq il-persuna, ibbażati fuq il-ħtiġijiet individwali u pprovduti minn professjonisti mħarrġa; billi bħalissa ma hemm l-ebda linja gwida tal-UE dwar intervent f’każ ta’ awtiżmu bbażat fuq elementi ta’ prova u d-drittijiet; billi l-familji madwar l-Ewropa għadhom jirċievu proposti ta’ terapiji u interventi mhux ippruvati u potenzjalment dannużi, inklużi proċeduri kjarament illegali li jinvolvu l-abbuż fiżiku serju tat-tfal, bħall-enimi tal-bliċ, li għadhom mifruxa u mhux regolati biżżejjed fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri u li għandhom jiġu pprojbiti; billi d-dijanjożi mdewma u d-dijanjożi insuffiċjenti jista’ jkollhom konsegwenzi serji, li jvarjaw minn ċaħda ta’ servizzi għal imwiet bikrija; |
|
D. |
billi l-persuni b’diżabilità kollha għandhom drittijiet ugwali fuq bażi ugwali mal-oħrajn fl-oqsma kollha tal-ħajja u għandhom dritt inaljenabbli għad-dinjità, it-trattament ugwali, l-għajxien indipendenti, l-awtonomija u l-parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà; billi din il-parteċipazzjoni hija kruċjali għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali tagħhom; billi huma intitolati li jistennew li l-kontribut tagħhom għall-progress soċjali, politiku u ekonomiku tal-UE jiġi rrispettat u apprezzat; billi fir-riżoluzzjonijiet tiegħu, il-Parlament ripetutament ħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw politiki xierqa f’din id-direzzjoni (8); |
|
E. |
billi huwa ġeneralment rikonoxxut li l-persuni b’diżabilità għadhom iħabbtu wiċċhom ma’ diversi ostakli u diskriminazzjoni fil-ħajja ta’ kuljum li jżommuhom milli jgawdu l-libertajiet u d-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-oqfsa leġiżlattivi applikabbli tal-UE u tan-NU; billi dawn jinkludu ugwaljanza fl-aċċess ugwali għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-aċċess għas-suq tax-xogħol, b’opportunitajiet indaqs u trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol, l-aċċess għall-assistenza personali u l-garanzija tad-drittijiet tal-vot tagħhom, kif ukoll tal-inklużjoni tagħhom fil-komunità; |
|
F. |
billi l-persuni awtistiċi huma f’riskju ogħla li jkunu vittmi ta’ diskors ta’ mibegħda u reati ta’ mibegħda, u huwa aktar probabbli li jesperjenzaw vjolenza meta mqabbla ma’ persuni mingħajr diżabilità; billi dawn jiffaċċjaw ostakli akbar għall-aċċess għall-ġustizzja u r-rappurtar tal-vjolenza; billi ħafna persuni awtistiċi għadhom imċaħħda mid-dritt tagħhom għall-kapaċità ġuridika u l-libertà li jagħmlu l-għażliet tagħhom stess u li jinvolvu ruħhom fit-tfassil tal-politika dwar kwistjonijiet li jikkonċernawhom; billi ħafna drabi jkollhom jgħixu f’istituzzjonijiet jew mal-familji tagħhom, li jiffaċċjaw ukoll nuqqas serju ta’ appoġġ u diskriminazzjoni b’assoċjazzjoni; billi l-persuni awtistiċi huma mċaħħda mid-drittijiet riproduttivi tagħhom u l-persuni awtistiċi LGBTIQ+ jew li japparjentu għall-minoranzi etniċi jesperjenzaw ukoll diskriminazzjoni addizzjonali; |
|
G. |
billi l-persuni awtistiċi jiffaċċjaw disparitajiet fl-aċċess għall-kura tas-saħħa, u dan jirriżulta f’ħtiġijiet ta’ kura tas-saħħa fiżika u psikoloġika mhux issodisfati u jikkontribwixxi għall-istennija tal-għomor konsiderevolment iqsar tagħhom; |
|
H. |
billi l-bniet u n-nisa awtistiċi jiffaċċjaw diversi forom ta’ diskriminazzjoni, inklużi ostakli għall-aċċess għad-dijanjożi, l-edukazzjoni u l-impjieg; |
|
I. |
billi d-direttiva kontra d-diskriminazzjoni proposta (9), li tipprovdi protezzjoni akbar mid-diskriminazzjoni ta’ kull tip permezz ta’ approċċ orizzontali, għadha mblukkata fil-Kunsill; |
|
J. |
billi l-persuni awtistiċi huma affettwati b’mod sproporzjonat mill-qgħad, li potenzjalment jaffettwa sa 90 % minnhom (10); |
|
K. |
billi huwa ċar li teżisti ħtieġa urġenti li jiġu żviluppati programmi ta’ taħriġ inklużivi għall-professjonisti fis-setturi kollha tas-soċjetà, bl-għan li jitrawwem fehim aħjar tal-awtiżmu, tiġi evitata d-diskriminazzjoni u jiġu żgurati l-aċċessibbiltà u l-inklużjoni; |
|
L. |
billi l-istatus taċ-ċittadinanza Ewropea, kif previst mill-Artikolu 20 tat-TFUE, jinvolvi d-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri; billi għall-persuni b’diżabilità dan id-dritt huwa protett mill-Artikolu 18 tas-CRPD, ratifikata mill-Unjoni Ewropea u mis-27 Stat Membru, li jiggarantixxi l-libertà ta’ moviment tagħhom, il-libertà li jagħżlu r-residenza tagħhom u d-dritt għal nazzjonalità fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor; |
|
M. |
billi n-nuqqas ta’ rikonoxximent reċiproku tal-istatus ta’ diżabilità u tad-dijanjożi tal-awtiżmu bejn l-Istati Membri joħloq ostakli għall-persuni awtistiċi u l-familji tagħhom biex jeżerċitaw bis-sħiħ id-dritt tagħhom għal-libertà ta’ moviment fl-UE, peress li joħloq ostakli għall-persuni b’diżabilità meta jiċċaqilqu lejn Stat Membru ieħor għax-xogħol, l-istudju jew raġuni oħra, u jxekkel l-aċċess għall-appoġġ; billi dawn id-diffikultajiet ġew enfasizzati mill-petizzjonijiet imressqa f’dawn l-aħħar snin u, b’mod partikolari, il-fatt li d-disparità fid-dijanjożi tal-awtiżmu bejn l-Istati Membri u d-differenzi fil-metodi u r-riżultati tas-sistemi nazzjonali ta’ valutazzjoni tad-diżabilità għandhom impatt fuq il-ħajja u l-għażliet tal-ħajja tan-nies; |
|
N. |
billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet reċentement irċieva petizzjoni li titlob li l-Kard Ewropea tad-Diżabilità tiżgura wkoll il-protezzjoni ta’ persuni b’disturbi tal-ispettru tal-awtiżmu; |
|
O. |
billi l-persuni bl-awtiżmu għadhom fil-biċċa l-kbira esklużi mir-riċerka, inklużi l-investigazzjonijiet akkademiċi, kliniċi u mediċi li jikkonċernawhom direttament; |
|
1. |
Jinsab imħasseb dwar id-diffikultajiet li l-persuni awtistiċi jistgħu jiltaqgħu magħhom biex jagħtu prova tal-kundizzjoni tagħhom fl-Istati Membri kollha u dwar l-inċertezza li taffettwahom meta jivvjaġġaw fl-UE, peress li l-karti tad-diżabilità nazzjonali mhumiex rikonoxxuti fil-pajjiżi kollha tal-UE u peress li m’hemmx aċċess ugwali għal ċerti benefiċċji speċifiċi; jiddeplora l-fatt li, minħabba li madwar 40 % tal-persuni awtistiċi ma għandhom l-ebda diżabilità intellettwali assoċjata, hemm ħafna ċittadini tal-UE bl-awtiżmu li ma għandhomx ċertifikat ta’ diżabilità, iżda biss dijanjożi medika, li hija diffikultà kbira meta jivvjaġġaw jew jaqsmu l-fruntieri tal-UE, u dan ifisser li ma jistgħux jagħtu prova tal-istatus tagħhom jew jitolbu l-appoġġ li jeħtieġu; |
|
2. |
Jistieden lill-Kummissjoni taġġorna l-proposta għal direttiva tal-UE dwar it-trattament ugwali, fuq il-bażi tal-pożizzjoni tal-Parlament kif deskritta fir-riżoluzzjoni tiegħu ta’ Marzu 2021 (11), li tippermetti lill-Istati Membri jimxu ’l quddiem fl-indirizzar tad-diskriminazzjoni madwar l-UE, fl-oqsma kollha tal-ħajja, kemm jista’ jkun malajr; jistieden lill-Presidenza tal-Kunsill tagħti prijorità lid-direttiva kontra d-diskriminazzjoni u tiddiskutiha fl-ogħla livell politiku; |
|
3. |
Ifakkar, f’konformità mal-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2021-2030, fl-importanza li jkun hemm data pubblika u diżaggregata skont is-sess u l-età, u skont it-tipi ta’ diżabilità, inkluż l-awtiżmu, sabiex jittejbu l-politiki pubbliċi orjentati lejn il-persuni awtistiċi u jsiru aktar effettivi; f’dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffinanzjaw u jimplimentaw studji dwar il-prevalenza tal-awtiżmu fl-Istati Membri kollha; |
|
4. |
Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-aċċess għad-dijanjożi tal-awtiżmu għat-tfal u għall-adulti b’enfasi fuq individwi f’riskju u jenfasizza l-ħtieġa għal ħruġ simplifikat u rapidu ta’ ċertifikati dijanjostiċi; jinsisti li dijanjożi tal-awtiżmu għandha tipprovdi rikonoxximent tad-diżabilità, anki għall-individwi awtistiċi mingħajr diżabilità intellettwali, biex jiġi żgurat aċċess ugwali għad-drittijiet u s-servizzi fl-oqsma kollha tal-ħajja; |
|
5. |
Jilqa’ l-pubblikazzjoni reċenti tal-proposta tal-Kummissjoni għall-ħolqien ta’ Kard Ewropea tad-Diżabilità sa tmiem l-2023, bl-għan li din tiġi rikonoxxuta u implimentata b’mod konsistenti fl-Istati Membri kollha fl-oqsma kollha tal-ħajja, inkluż fir-rigward tas-servizzi u l-appoġġ; jisħaq fuq l-importanza ta’ proċess sempliċi u aċċessibbli b’mod universali għall-kisba tal-kard u jirrikonoxxi li format diġitali jippermetti kontrolli ta’ validazzjoni; |
|
6. |
Jenfasizza l-utilità tal-Kard Ewropea tad-Diżabilità għall-persuni b’diżabilità inviżibbli, bħall-awtiżmu; jenfasizza li huwa kruċjali li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-kard jinkludi s-sitwazzjonijiet kollha fejn jiġu offruti kundizzjonijiet speċjali jew trattament preferenzjali minn operaturi privati jew awtoritajiet pubbliċi lil persuni b’diżabilità, u li din il-kard tiżgura d-dritt ta’ dawn il-persuni għall-moviment liberu madwar l-UE, billi tiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku tal-istatus ta’ diżabilità għad-detenturi tal-kards; jappella għall-inklużjoni tal-awtiżmu fil-grilji nazzjonali tad-diżabilità tal-Istati Membri fejn mhuwiex elenkat, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jkunu ambizzjużi fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-intitolamenti li l-utenti tal-kards se jkollhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tiżgura implimentazzjoni xierqa mill-Istati Membri kollha permezz ta’ leġiżlazzjoni vinkolanti; |
|
7. |
Jitlob l-adozzjoni ta’ status legali Ewropew għall-persuni b’diżabilità, li jippermetti r-rikonoxximent reċiproku u l-akkreditazzjoni fl-Istati Membri kollha, filwaqt li titqies l-ispeċifiċità tal-awtiżmu u jiġu żgurati l-protezzjoni u l-inklużjoni tal-persuni awtistiċi kollha; |
|
8. |
Jisħaq fuq l-importanza li jiġu allokati fondi tal-UE għall-politiki kontra d-diskriminazzjoni li taffettwa l-persuni bl-awtiżmu, speċjalment in-nisa u l-bniet; |
|
9. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jgħinu biex jinbena fehim tal-awtiżmu u jinvolvu ruħhom b’mod attiv f’kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, f’kollaborazzjoni ma’ persuni awtistiċi u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom sabiex jitrawmu l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom; |
|
10. |
Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw aċċess għal akkomodazzjoni raġonevoli fl-aspetti kollha tal-kura tas-saħħa u d-dijanjożi, bl-għan li jiġi żgurat li l-persuni awtistiċi jgawdu aċċess ugwali kemm għall-kura tas-saħħa fiżika kif ukoll psikoloġika; jinsisti fuq l-iżvilupp ta’ infrastrutturi adattati għall-akkoljenza ta’ persuni awtistiċi fi sptarijiet, stazzjonijiet tal-ferrovija, ajruporti u fit-trasport pubbliku, li joħolqu spazji faċli għall-awtiżmu bħal “kmamar ta’ silenzju”, u biex jiggarantixxu servizz li jassisti lin-nies bl-awtiżmu waqt li jkunu qed jivvjaġġaw bejn l-Istati Membri; |
|
11. |
Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jinkarigaw liċ-Ċentru Ewropew għar-Riżorsi tal-Aċċessibbiltà, AccessibleEU, bl-identifikazzjoni u l-indirizzar tal-ostakli għall-aċċessibbiltà għall-persuni awtistiċi f’konformità mal-Artikolu 9 tas-CRPD, irawmu l-provvista ta’ aġġustamenti flessibbli u soluzzjonijiet raġonevoli skont il-ħtiġijiet individwali tagħhom permezz tal-adozzjoni ta’ linji gwida speċifiċi fis-setturi kollha, u jindirizzaw il-lakuni fil-leġiżlazzjoni attwali relatata mal-ħtiġijiet tal-persuni awtistiċi; |
|
12. |
Jinsab imħasseb dwar ir-rati għolja ta’ qgħad ta’ persuni awtistiċi, b’mod partikolari fost in-nisa, meta mqabbla ma’ gruppi oħra fl-UE; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu u jiżguraw qafas leġiżlattiv u ta’ politika għall-parteċipazzjoni ta’ persuni awtistiċi fis-suq tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu u jappoġġjaw lill-intrapriżi soċjali li jiffukaw fuq l-impjieg tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-adattamenti fuq il-post tax-xogħol u jieħdu azzjoni biex itejbu s-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jinfurzaw il-linji gwida dwar soluzzjonijiet raġonevoli għall-persuni awtistiċi fuq il-post tax-xogħol u jippromwovu l-progressjoni tal-karriera tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċjali lill-ħaddiema awtistiċi fil-qafas strateġiku futur tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, u tistabbilixxi għanijiet ambizzjużi; |
|
13. |
Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri jikkonformaw bis-sħiħ mad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi u jiżguraw li miżuri bħal programmi ta’ azzjoni pożittiva fl-ambitu tar-reklutaġġ u l-kwoti jwasslu għal opportunitajiet ta’ impjieg tanġibbli li jrawmu post tax-xogħol inklużiv; |
|
14. |
Jistieden lill-Istati Membri jrawmu t-taħriġ tal-professjonisti dwar l-awtiżmu fis-setturi kollha tas-soċjetà, bħas-setturi soċjali, tal-edukazzjoni, tas-saħħa, tat-trasport u tal-ġustizzja, billi jinkorporaw taħriġ obbligatorju dwar l-awtiżmu fil-kurrikuli rispettivi tagħhom, bl-involviment attiv tal-persuni awtistiċi, tal-familji tagħhom u tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi; |
|
15. |
Ifakkar li l-persuni awtistiċi għandhom id-dritt jipparteċipaw fil-livelli u fil-forom edukattivi kollha, inkluża l-edukazzjoni bikrija tat-tfal, fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi promoss l-aċċess għal edukazzjoni universali, ta’ kwalità, affordabbli u inklużiva, u li l-persuni awtistiċi jingħataw assistenza u appoġġ personali individwalizzati u kontinwi fil-qasam tal-edukazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipprovdu soluzzjonijiet u materjal ta’ studju aċċessibbli, kif stipulat fl-Artikolu 24 tas-CRPD, biex jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ skejjel inklużivi li jistgħu jsiru ta’ riferiment fit-tagħlim inklużiv u innovattiv madwar l-UE, biex jimmonitorjaw l-aċċess għall-edukazzjoni tal-istudenti awtistiċi, għall-edukazzjoni primarja u sekondarja, għat-taħriġ vokazzjonali u għall-impjiegi; |
|
16. |
Jirrikonoxxi l-valur tal-isport bħala kruċjali għat-tkabbir u l-iżvilupp tat-tfal awtistiċi u jistieden lill-Istati Membri jnaqqsu l-ostakli li jiltaqgħu magħhom il-persuni awtistiċi biex jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ta’ divertiment, sport u kultura, u jippromwovu parteċipazzjoni usa’ f’attivitajiet fiżiċi; |
|
17. |
Jisħaq fuq l-importanza tar-riċerka dwar l-awtiżmu biex jinżammu standards etiċi b’saħħithom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu r-riċerka koprodotta ma’ persuni awtistiċi u l-familji tagħhom bl-għan li tittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-persuni awtistiċi; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu kondiviżi prattiki tajbin bejn l-Istati Membri b’mod strutturat sabiex jiġi promoss u approfondit l-għarfien dwar l-awtiżmu u b’hekk jinftiehmu aħjar il-ħtiġijiet tal-persuni awtistiċi madwar l-Unjoni Ewropea; |
|
18. |
Jistieden lill-Istati Membri jirriformaw is-sistemi ta’ tutela biex jippermettu l-eżerċizzju tal-kapaċità legali minn persuni awtistiċi, hekk kif jagħtuhom aċċess għal sistemi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet appoġġjati, filwaqt li jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ salvagwardji adegwati; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-persuni awtistiċi jingħataw is-setgħa u jkollhom aċċess sħiħ għas-sistema ġudizzjarja u jipparteċipaw fil-ħajja politika u pubblika; |
|
19. |
Jenfasizza l-importanza li jiġi inkluż komponent fl-allokazzjoni tal-fondi tal-UE ddedikati għall-politiki kontra d-diskriminazzjoni fil-konfront tal-persuni awtistiċi, speċjalment in-nisa u l-bniet, li jiffaċċjaw livelli partikolarment għoljin ta’ faqar, esklużjoni soċjali u vjolenza, u li l-isterilizzazzjoni furzata ssir punibbli bħala reat kriminali abbażi tar-reat ta’ sfruttament sesswali tan-nisa u t-tfal fis-sens tal-Artikolu 83(1) tat-TFUE; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jiżguraw li l-proposta tat-8 ta’ Marzu 2022 għal direttiva dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika (COM(2022)0105) tinkludi l-isterilizzazzjoni furzata bħala reat kriminali fis-sens tal-istess artikolu; jilqa’ d-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Ġunju 2023 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul li toħloq qafas legali komprensiv u multidimensjonali biex in-nisa jiġu protetti minn kull forma ta’ vjolenza (12); |
|
20. |
Iħeġġeġ lill-Istati Membri jindirizzaw b’mod attiv forom oħra ta’ diskriminazzjoni intersezzjonali esperjenzata minn persuni awtistiċi, b’mod partikolari dawk li jappartjenu għal gruppi vulnerabbli; jistedinhom u lill-Kummissjoni jadottaw strateġiji nazzjonali transsettorjali biex jipprovdu biżżejjed finanzjament allokat għall-implimentazzjoni effettiva tagħhom; |
|
21. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE. |
(1) ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.
(2) ĠU C 474, 24.11.2021, p. 48.
(3) ĠU C 152, 27.5.1996, p. 87.
(5) ĠU C 132, 24.3.2022, p. 129.
(6) ĠU C 177, 17.5.2023, p. 13.
(7) Skeda Informattiva dwar l-Awtiżmu tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, disponibbli fuq: https://www.who.int/news-room/fact-sheets/detail/autism-spectrum-disorders.
(8) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Diċembru 2022 lejn drittijiet ugwali għall-persuni b’diżabilità (ĠU C 177, 17.5.2023, p. 30).
(9) Il-proposta tat-2 ta’ Lulju 2008 għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali (COM(2008)0426).
(10) Ara l-progress fuq l-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2021-2030 https://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=en&catId=1484&furtherNews=yes&newsId=10274.
(11) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Marzu 2021 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol fid-dawl tal-UNCRPD (ĠU C 474, 24.11.2021, p. 48).
(12) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1075 tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward tal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni (ĠU L 43 I, 2.6.2023, p. 1).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1181/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)