European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2024/921

29.1.2024

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tas-7 ta’ Diċembru 2023 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Administratīvā rajona tiesa – il-Latvja) – “Latvijas valsts meži” AS vs Dabas aizsardzības pārvalde, Vides pārraudzības valsts birojs

(Kawża C-434/22 (1), Latvijas valsts meži)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Ambjent - Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa - Direttiva 92/43/KEE - Artikolu 6(3) - Kunċett ta’ “pjan jew proġett” fuq sit protett - Intervent f’foresta sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tagħha kontra n-nirien - Ħtieġa li ssir evalwazzjoni minn qabel tal-effetti ta’ dan l-intervent fuq is-sit ikkonċernat)

(C/2024/921)

Lingwa tal-kawża: il-Latvjan

Qorti tar-rinviju

Administratīvā rajona tiesa

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: “Latvijas valsts meži” AS

Konvenuti: Dabas aizsardzības pārvalde, Vides pārraudzības valsts birojs

Fil-preżenza ta’: Valsts meža dienests

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “proġett”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jinkludi l-attivitajiet imwettqa f’żona forestali, indikata bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni, sabiex tiġi żgurata l-manutenzjoni tal-infrastrutturi ta’ protezzjoni tal-foresti kontra n-nirien f’din iż-żona, konformement mar-rekwiżiti previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-qasam tal-prevenzjoni tar-riskji ta’ nirien fil-foresti, f’sitwazzjoni fejn dawn l-attivitajiet jibdlu r-realtà fiżika tas-sit ikkonċernat.

2)

L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-attivitajiet imwettqa f’żona forestali, indikata bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni, sabiex tiġi żgurata l-manutenzjoni tal-infrastrutturi ta’ protezzjoni tal-foresti kontra n-nirien f’din iż-żona, konformement mar-rekwiżiti previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-qasam tal-prevenzjoni tar-riskji ta’ nirien fil-foresti, ma jistgħux, minħabba s-sempliċi fatt li għandhom tali għan, jitqiesu li huma direttament marbuta ma’, jew meħtieġa għal, il-ġestjoni tas-sit ikkonċernat u għalhekk ma jistgħux, f’dan ir-rigward, jiġu eżentati mill-evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq dan is-sit, sakemm ma jkunux inklużi fost il-miżuri ta’ konservazzjoni tas-sit diġà adottati skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva.

3)

L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi l-obbligu li ssir evalwazzjoni tal-pjanijiet u tal-proġetti msemmija f’din id-dispożizzjoni, anki f’sitwazzjoni fejn it-twettiq tagħhom huwa meħtieġ mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-qasam tal-prevenzjoni tar-riskji ta’ nirien fil-foresti.

4)

L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-attivitajiet intiżi sabiex jiżguraw il-manutenzjoni tal-infrastrutturi ta’ protezzjoni tal-foresti kontra n-nirien f’żona forestali, indikata bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni, la jistgħu jitwettqu u lanqas a fortiori jitkomplew u jitlestew qabel issir il-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-effetti tagħhom prevista f’dan l-artikolu, sakemm dawn l-attivitajiet ma jkunux jinsabu fost il-miżuri ta’ konservazzjoni tas-sit ikkonċernat diġà adottati skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jew sakemm riskju attwali jew imminenti li jqiegħed f’perikolu l-preservazzjoni ta’ dan is-sit ma jkunx jitlob li dawn jitwettqu minnufih.

5)

L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-Istat Membru kkonċernat, b’mod partikolari lill-awtoritajiet kompetenti tiegħu, jadotta miżuri sabiex jirrimedja l-effetti sinjifikattivi possibbli fuq l-ambjent ta’ xogħlijiet eżegwiti mingħajr ma l-evalwazzjoni xierqa ta’ dawn l-effetti, prevista f’din id-dispożizzjoni, tkun twettqet minn qabel u jikkumpensa d-dannu kkawżat minn dawn ix-xogħlijiet. Mill-banda l-oħra, huwa ma jobbligax lil dan l-Istat Membru jeżiġi mingħand individwi l-kumpens għal tali dannu, fil-każ fejn dan ikun imputabbli lilhom.


(1)   ĠU C 359, 19.9.2022.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/921/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)