European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2024/914

29.1.2024

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-5 ta’ Diċembru 2023 (talba għal deċiżjoni preliminari mill-Vilniaus apygardos administracinis teismas – il-Litwanja) – Nacionalinis visuomenės sveikatos centras prie Sveikatos apsaugos ministerijos vs Valstybinė duomenų apsaugos inspekcija

(Kawża C-683/21 (1), Nacionalinis visuomenės sveikatos centras)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Protezzjoni tad-data personali - Regolament (UE) Nru 2016/679 - Artikolu 4(2) u (7) - Kunċetti ta’ “ipproċessar” u ta’ “kontrollur” - Żvilupp ta’ applikazzjoni informatika mobbli - Artikolu 26 - Kontroll konġunt tal-ipproċessar - Artikolu 83 - Applikazzjoni ta’ multi amministrattivi - Kundizzjonijiet - Rekwiżit tan-natura ddeliberat jew negliġenti tal-ksur - Responsabbiltà tal-kontrollur għall-ipproċessar ta’ data personali minn proċessur)

(C/2024/914)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Qorti tar-rinviju

Vilniaus apygardos administracinis teismas

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Nacionalinis visuomenės sveikatos centras prie Sveikatos apsaugos ministerijos

Konvenut: Valstybinė duomenų apsaugos inspekcija

fil-Preżenza ta’: UAB “IT sprendimai sėkmei”, Lietuvos Respublikos sveikatos apsaugos ministerija

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 4(7) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

tista’ titqies bħala kontrollur, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, entità li inkarigat impriża sabiex tiżviluppa applikazzjoni informatika mobbli u li, f’dan il-kuntest, ipparteċipat fid-determinazzjoni tal-finijiet u tal-mezzi tal-ipproċessar ta’ data personali mwettqa permezz ta’ din l-applikazzjoni, anki jekk din l-entità ma wettqitx, hija stess, operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ tali data, li hija ma tatx il-kunsens tagħha b’mod espliċitu għat-twettiq ta’ operazzjonijiet konkreti ta’ tali pproċessar jew għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tal-imsemmija applikazzjoni għall-apparati mobbli u li hija ma kisbitx din l-istess applikazzjoni għall-apparati mobbli, sakemm, qabel dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, l-imsemmija entità ma opponietx espressament għaliha u għall-ipproċessar tad-data personali li rriżultat minnha.

2)

Il-punt 7 tal-Artikolu 4 u l-Artikolu 26 (1) tar-Regolament 2016/679

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

il-klassifikazzjoni ta’ żewġ entitajiet bħala li huma kontrolluri konġunti la tippreżupponi l-eżistenza ta’ ftehim bejn dawn l-entitajiet dwar id-determinazzjoni tal-finijiet u tal-mezzi tal-ipproċessar tad-data personali inkwistjoni u lanqas l-eżistenza ta’ ftehim li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet relatati mar-responsabbiltà konġunta tal-ipproċessar.

3)

Il-punt 2 tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2016/679

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

li jikkostitwixxi “ipproċessar”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-użu ta’ data personali għall-finijiet ta’ testijiet informatiċi ta’ applikazzjoni għall-apparati mobbli, sakemm tali data ma tkunx saret anonima b’tali mod li s-suġġett tad-data minn din id-data ma jkunx jew ma jkunx għadu identifikabbli jew ma jkunx għadu jista’ jiġi identifikat jew ikun data fittizja li ma tkunx relatata ma’ persuna fiżika eżistenti.

4)

L-Artikolu 83 tar-Regolament 2016/679

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

minn naħa waħda, tista’ tiġi imposta multa amministrattiva skont din id-dispożizzjoni biss jekk jiġi stabbilit li l-kontrollur ikun wettaq, deliberatament jew b’negliġenza, ksur imsemmi fil-paragrafi 4 sa 6 ta’ dan l-artikolu u,

min-naħa l-oħra, tali multa tista’ tiġi imposta fuq kontrollur fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data personali mwettqa minn proċessur f’ismu, ħlief jekk, fil-kuntest ta’ dawn l-operazzjonijiet, dan il-proċessur ikun wettaq ipproċessar għal finijiet tiegħu stess jew ikun ipproċessa din id-data b’mod inkompatibbli mal-kuntest jew il-modalitajiet tal-ipproċessar kif kienu ddeterminati mill-kontrollur jew b’mod li ma jistax raġonevolment jitqies li dan il-kontrollur kien ta l-kunsens tiegħu.


(1)   ĠU C 84, 21.02.2022.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/914/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)