European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2024/890

6.2.2024

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontabbiltà tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tas-servizzi tat-trasport”

(COM(2023) 441 final — 2023/0266 (COD))

(C/2024/890)

Relatur:

Angelo PAGLIARA

Konsultazzjoni

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 27.9.2023

Parlament Ewropew, 19.10.2023

Bażi legali

Artikoli 91, 100(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, Enerġija, Infrastruttura u Soċjetà tal-Informazzjoni

Adozzjoni fis-sezzjoni

6.10.2023

Adozzjoni fil-plenarja

25.10.2023

Sessjoni plenarja Nru

582

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

153/1/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappoġġja l-inizjattiva għal qafas Ewropew armonizzat biex jitkejlu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra għas-servizzi tat-trasport u l-ħtieġa għal informazzjoni ċara u affidabbli biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet sostenibbli dwar it-trasport.

1.2.

Il-KESE jieħu nota tal-frammentazzjoni attwali fil-metodi tal-kalkolu tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, li twassal għal diverġenzi fil-kalkoli u tagħmilha impossibbli li jitqabblu. L-eżistenza ta’ metodoloġiji ta’ kalkolu differenti tista’ tikkomprometti l-komparabbiltà tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u tipprovdi informazzjoni mhux preċiża li tista’ ddgħajjef il-funzjonament tas-suq uniku u l-kompetizzjoni ġusta.

1.3.

Il-KESE jaħseb li d-disponibbiltà ta’ data affidabbli dwar l-emissjonijiet se tħeġġeġ is-sostenibbiltà u l-bidla fl-imġiba lejn għażliet ta’ trasport sostenibbli.

1.4.

Il-KESE jemmen li l-istabbiliment ta’ qafas regolatorju komuni ser irawwem it-trasparenza.

1.5.

Il-KESE jappella għal strateġija tas-settur tat-trasport li tiżgura tranżizzjoni ġusta billi tindirizza kwistjonijiet soċjali, tipproteġi lill-ħaddiema u tiggarantixxi servizzi tat-trasport aċċessibbli u affordabbli. Il-KESE jemmen li, bl-adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi għall-protezzjoni tal-konsumaturi u l-ħaddiema, l-inizjattiva proposta tista’ tħeġġeġ l-użu ta’ trasport sostenibbli.

1.6.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tadotta l-miżuri kollha meħtieġa biex tissalvagwardja s-servizzi pubbliċi affordabbli sabiex tiżgura li l-miżuri jkunu effettivi mill-perspettivi kollha.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Is-settur tat-trasport għandu rwol kruċjali biex jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi tal-Ewropa. Fl-2021, wara l-kriżi tal-COVID-19, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) irrapportat li l-emissjonijiet mit-trasport kienu żdiedu b’7,7 %. L-istimi jindikaw li se jkomplu jiżdiedu fis-snin li ġejjin.

2.2.

Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-isfidi relatati mal-impatt ambjentali tat-trasport, li għadu qed jikber, l-aktar minħabba ż-żieda fit-traffiku tal-ġarr tal-merkanzija u tal-passiġġieri fuq in-network Ewropew.

2.3.

Bħalissa ma hemm l-ebda qafas aċċettat b’mod universali għall-kontabbiltà tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għas-servizzi tat-trasport. Biex jikkwantifikaw dawk l-emissjonijiet, l-operaturi tat-trasport jistgħu jagħżlu minn standards, metodoloġiji u għodod ta’ kalkolu differenti u minn bażijiet tad-data u settijiet ta’ data multipli għal valuri prestabbiliti tal-emissjonijiet.

2.4.

Il-Kummissjoni tinnota fil-proposta tagħha li din il-frammentazzjoni spiss twassal għal diskrepanza sinifikanti fir-riżultati li tikkomprometti l-komparabbiltà taċ-ċifri tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra fis-suq, u tipprovdi informazzjoni mhux preċiża u qarrieqa dwar il-prestazzjoni ta’ servizz tat-trasport.

2.5.

In-nuqqas ta’ qafas standard huwa ġeneralment rikonoxxut mill-industrija u rriżulta f’diversi tentattivi mill-industrija u l-gvernijiet nazzjonali biex jipproduċu wieħed. Pereżempju, fl-2012 il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) introduċa l-metodoloġija komuni CEN EN 16258:2012 għall-kalkolu u d-dikjarazzjoni tal-konsum tal-enerġija u tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra relatati mas-servizzi tat-trasport.

Madankollu, l-ebda wieħed minn dawn it-tentattivi ma wassal biex il-metodi ta’ kontabbiltà tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jiġu armonizzati jew biex id-data dwar il-gassijiet serra tintuża b’mod konsistenti fil-livell tal-UE.

2.6.

Il-KESE jinnota li dan ir-Regolament propost ma jdaħħalx l-obbligu tar-rapportar dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Dan jistabbilixxi qafas metodoloġiku, iżda ma jagħtix mandat biex jintuża dan il-qafas. Madankollu, kwalunkwe entità li tiddeċiedi li tikkalkula u tiddivulga informazzjoni dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mis-servizzi tat-trasport se jkollha taderixxi mar-regoli tal-“Count Emissions EU”.

2.7.

L-objettiv tal-proposta tal-Kummissjoni huwa li tiġi stabbilita metodoloġija unika għall-kalkolu u l-kwantifikazzjoni tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tas-servizzi tat-trasport fil-mezzi differenti biex ikun jista’ jsir tqabbil ġust bejn id-diversi servizzi tat-trasport. Madankollu, huwa importanti li jiġi enfasizzat li, peress li hija teknika ħafna, il-proposta jista’ jkollha bżonn tiġi adattata regolarment biex tirrifletti l-iżviluppi tekniċi, b’mod partikolari fir-rigward tal-metodoloġija komuni tal-kalkolu ta’ referenza u r-regoli dwar id-data tal-input, iċ-ċertifikazzjoni u l-verifika.

2.8.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha l-għan li tinfluwenza d-deċiżjonijiet tal-utenti tat-trasport u toħloq inċentivi għalihom biex jużaw għażliet ta’ trasport aktar sostenibbli. Hija tipproponi l-użu tal-metodoloġija stabbilita mill-istandard il-ġdid EN ISO 14083:2023 abbażi tal-kunċett “well-to-wheel”.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.

Il-KESE jinnota li l-kunċett “well-to-wheel” huwa metodu biex jiġu evalwati l-effiċjenza u l-emissjonijiet ta’ sors tal-enerġija billi jitqies iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tiegħu. Dan il-metodu jipprovdi mod aktar komplut biex jitkejlu l-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-kunċett ta’ “tank-to-wheel”, li jinjora l-emissjonijiet relatati mal-produzzjoni tat-trasportaturi tal-enerġija.

3.2.

L-analiżi “well-to-wheel” hija metodu komprensiv għall-valutazzjoni tal-effiċjenza enerġetika u l-emissjonijiet. Din tqis it-total tal-konsum tal-enerġija u tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu ta’ sors tal-enerġija.

3.3.

Il-KESE jinnota wkoll li, għalkemm dan ir-Regolament propost jindirizza l-emissjonijiet tal-gassijiet serra “well-to-wheel” li jirriżultaw kemm mill-użu tal-vetturi kif ukoll mill-provvista tal-enerġija għall-vetturi, is-settur tat-trasport joħloq effetti negattivi oħra, bħall-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja u ta’ storbju, li mhumiex fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta.

3.4.

Il-KESE jappoġġja l-għażla tal-istandard il-ġdid tal-ISO 14083:2023 (EN ISO 14083:2023 fil-verżjoni Ewropea tiegħu) peress li huwa l-aktar rilevanti u proporzjonat f’dan l-istadju biex jintlaħaq l-objettiv li tiġi stabbilita metodoloġija ta’ referenza komuni. Dan għandu jiżgura li l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tas-servizzi tat-trasport jiġu kkalkulati b’mod standardizzat fis-settur kollu tat-trasport, peress li dan l-istandard huwa rikonoxxut madwar id-dinja.

3.5.

Barra minn hekk, il-KESE jqis li, mingħajr approċċ komuni għad-data tal-input, ir-riżultati tal-kalkolu tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra se jkomplu jkunu inkonsistenti u inkomparabbli anke meta tintuża l-istess metodoloġija ta’ referenza. Għalhekk, huwa jappoġġja l-proposta għal bażi tad-data ċentrali tal-UE ta’ fatturi ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra, u li dovutament jitqiesu l-inizjattivi regolatorji rilevanti tal-UE u sorsi affidabbli oħra, inkluża d-Direttiva riveduta dwar l-Enerġija Rinnovabbli (RED II) li għandha tiġi adottata u suġġett iddedikat taħt il-programm Orizzont Ewropa.

3.6.

Il-KESE jappoġġja l-“approċċ vinkolanti ta’ inklużjoni fakultattiva” stabbilit fil-proposta. Ir-Regolament propost jistabbilixxi biss qafas metodoloġiku u ma jagħtix mandat biex jintuża dan il-qafas. Madankollu, għandu jiġi nnotat li kwalunkwe entità li tiddeċiedi li tikkalkula u tiżvela informazzjoni dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mis-servizzi tat-trasport se tkun marbuta bil-metodoloġija komuni tal-UE stabbilita skont ir-regolament.

3.7.

Għandhom jiġu pprovduti wkoll regoli komuni għall-komunikazzjoni u t-trasparenza tar-riżultati tal-kontabbiltà tal-emissjonijiet. Il-KESE jqis li dan huwa kruċjali għat-tqabbil korrett tad-data dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fis-suq u għall-iffaċilitar tal-għażliet tal-utenti tat-trasport. Huwa jinnota li dan huwa fl-interess tal-kumpaniji u tas-settur tal-enerġija wkoll.

L-istrateġija Komprensiva għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti ppubblikata fid-9 ta’ Diċembru 2020 tirreferi għal inċentivi għall-għażla tal-aktar opzjonijiet ta’ trasport sostenibbli. Dawn l-inċentivi jistgħu jkunu kemm ta’ natura ekonomika kif ukoll mhux ekonomika, inkluż l-għoti ta’ informazzjoni aħjar għall-utenti u l-konsumaturi u li l-prestazzjoni tal-gassijiet b’effett ta’ serra tas-servizzi tat-trasport issir aktar trasparenti.

3.8.

Il-KESE jqis li l-metodoloġija komuni tal-UE m’għandhiex tipproduċi burokrazija żejda li tkun kontroproduttiva għall-objettivi segwiti. Dan huwa ta’ rilevanza partikolari għall-SMEs, li jirrappreżentaw il-maġġoranza l-kbira tal-kumpaniji fis-settur tat-trasport, u għall-ħaddiema wkoll.

Il-KESE jinnota li l-kapaċitajiet tal-awtoritajiet nazzjonali ser jinfluwenzaw ukoll l-infurzar tal-metodoloġija komuni tal-UE. Dan l-aspett għandu jiġi skrutinizzat bir-reqqa biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament propost.

3.9.

F’dan ir-rigward, il-KESE jappella għal strateġija tas-settur tat-trasport li tiżgura tranżizzjoni ġusta u ekoloġika billi tindirizza l-kwistjonijiet soċjali, tipproteġi lill-ħaddiema u tiggarantixxi servizzi tat-trasport aċċessibbli u affordabbli. Dan jinkludi l-protezzjoni tal-konsumaturi kontra informazzjoni falza jew qarrieqa u l-kummerċjalizzazzjoni tal-greenwashing.

3.10.

F’dan ir-rigward, kampanji effiċjenti ta’ sensibilizzazzjoni għandhom jinfurmaw lill-konsumaturi, sabiex jipprovdulhom għarfien aħjar dwar il-prestazzjoni tas-servizzi tat-trasport, id-disponibbiltà tad-data, l-għażliet disponibbli għall-ivvjaġġar b’mod aktar sostenibbli mil-lat ambjentali u kemm jiswew dawn l-għażliet.

Brussell, il-25 ta’ Ottubru 2023.

Oliver RÖPKE

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/890/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)