European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2024/493

23.1.2024

P9_TA(2023)0250

L-implimentazzjoni u t-twettiq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Ġunju 2023 dwar l-implimentazzjoni u t-twettiq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (2023/2010(INI))

(C/2024/493)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tan-NU 70/1 bit-titolu “Transforming our World – the 2030 Agenda for Sustainable Development” (Nittrasformaw id-Dinja tagħna – l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli) (Aġenda 2030), adottata fis-Summit tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fi New York fil-25 ta’ Settembru 2015, u li tistabbilixxi l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs),

wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tad-Dipartiment tal-Affarijiet Ekonomiċi u Soċjali tan-NU ta’ Jannar 2022 bit-titolu “SDG Good Practices: A compilation of success stories and lessons learned in SDG implementation – Second Edition” (Prattiki Tajba b’rabta mal-SDGs: Kumpilazzjoni ta’ stejjer ta’ suċċess u tagħlimiet meħuda b’rabta mal-implimentazzjoni tal-SDGs – It-Tieni Edizzjoni),

wara li kkunsidra r-Rapport tan-NU 2019 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli Globali, bit-titolu “The Future is Now: Science for Achieving Sustainable Development” (Il-Futur huwa Issa: Xjenza għall-Kisba ta’ Żvilupp Sostenibbli),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika (UNCBD) u l-Qafas Globali tal-Bijodiversità Kunming-Montreal, miftiehma fil-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-UNCBD,

wara li kkunsidra l-Qafas ta’ Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri 2015-2030, adottat mill-istati membri tan-NU fit-Tielet Konferenza Dinjija tan-NU dwar it-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri fit-18 ta’ Marzu 2015,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), il-ftehim adottat fil-21 Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC (COP21) f’Pariġi fit-12 ta’ Diċembru 2015 u l-ftehim dwar finanzjament ġdid għal “telf u ħsara” għall-pajjiżi vulnerabbli adottat fil-COP27 f’Sharm El-Sheikh fl-20 ta’ Novembru 2022,

wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-IPCC dwar “The Ocean and Cryosphere in a Changing Climate” (L-Oċean u l-Krijosfera fi Klima li qed jinbidel) tal-24 ta’ Settembru 2019,

wara li kkunsidra s-sitt rapport ta’ valutazzjoni tal-IPCC (AR6) tat-28 ta’ Frar 2022 u r-Rapport ta’ Sinteżi tiegħu tal-20 ta’ Marzu 2023,

wara li kkunsidra r-Rapport dwar l-Iżvilupp tal-Bniedem 2021/22, bit-titolu “Uncertain Times, Unsettled Lives: Shaping our Future in a Transforming World” (Żminijiet Inċerti, Ħajjiet Imħarbta: Insawru l-Futur tagħna f’Dinja dejjem Tinbidel),

wara li kkunsidra t-tielet Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp, li saret f’Addis Ababa mit-13 sas-16 ta’ Lulju 2015,

wara li kkunsidra s-sitt Summit tal-Unjoni Ewropea u l-Unjoni Afrikana tas-17 u t-18 ta’ Frar 2022 u d-dikjarazzjoni finali relatata bit-titolu “A Joint Vision for 2030” (Viżjoni Konġunta għall-2030),

wara li kkunsidra n-negozjati dwar Ftehim ta’ Sħubija ġdid bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku (AKP), biex jissostitwixxi l-Ftehim ta’ Cotonou,

wara li kkunsidra s-Summit tan-NU 2022 dwar it-Trasformazzjoni tal-Edukazzjoni li sar mis-16 sad-19 ta’ Settembru fi New York,

wara li kkunsidra s-Summit 2023 dwar l-SDGs li se jissejjaħ f’Settembru 2023, matul il-ġimgħa ta’ livell għoli tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti,

wara li kkunsidra s-Summit tal-Futur, skedat għal Settembru 2024, biex jiġu adottati riformi kbar ta’ istituzzjonijiet multilaterali u finanzjament għall-iżvilupp sostenibbli fil-livell globali,

wara li kkunsidra r-Rapport tan-NU 2021 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, bit-titolu “The Decade of Action for the Sustainable Development Goals” (Id-Deċennju ta’ Azzjoni għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli), u r-Rapport tan-NU 2022 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, bit-titolu “From Crisis to Sustainable Development: the SDGs as Roadmap to 2030 and Beyond” (Minn Kriżi għall-Iżvilupp Sostenibbli: l-SDGs bħala Pjan Direzzjonali għall-2030 u lil hinn)

wara li kkunsidra r-Rapport tan-NU 2022 dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli,

wara li kkunsidra l-bażi tad-data online ta’ “Azzjonijiet ta’ Aċċellerazzjoni tal-SDGs”,

wara li kkunsidra “SDG Stimulus to Deliver Agenda 2030” (L-Aġenda 2030 – Stimolu biex jintlaħqu l-SDGs) tas-Segretarju Ġenerali tan-NU ta’ Frar 2023,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-8 ta’ Ottubru 2021 tal-Kunsill tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHRC), u r-riżoluzzjoni tat-28 ta’ Lulju 2022 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, dwar id-dritt tal-bniedem għal ambjent nadif, b’saħħtu u sostenibbli,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEA) “5/10. The environmental dimension of a sustainable, resilient and inclusive post-COVID-19 recovery” (5/10. Id-dimensjoni ambjentali ta’ rkupru sostenibbli, reżiljenti u inklużiv wara l-COVID-19), adottata fit-2 ta’ Marzu 2022,

wara li kkunsidra l-Inizjattiva Saħħa Waħda tad-WHO,

wara li kkunsidra l-abbozz ta’ ftehim tal-4 ta’ Marzu 2023 fl-ambitu tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar dwar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika tal-baħar ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali (BBNJ) (Trattat tan-NU dwar l-Ibħra Internazzjonali),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) u l-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità 2021-2030,

wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU bit-titolu “Our Common Agenda” (L-Aġenda Komuni Tagħna), ippreżentat lill-Assemblea Ġenerali tan-NU, u l-mandat li r-riżoluzzjoni 76/6 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-15 ta’ Novembru 2021 tat lis-Segretarju Ġenerali tan-NU biex isegwi r-rapport tiegħu,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mill-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni tat-30 ta’ Ġunju 2017 bit-titolu “Il-Kunsens Ewropew Ġdid għall-Iżvilupp – Id-dinja tagħna, id-dinjità tagħna, il-futur tagħna”  (1),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2022/591 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ April 2022 dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2030 (2),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tal-4 ta’ Diċembru 2019 bit-titolu “The European environment – state and outlook 2020: Knowledge for transition to a sustainable Europe” (L-ambjent Ewropew – l-istat u l-prospetti 2020: Għarfien għal tranżizzjoni lejn Ewropa sostenibbli),

wara li kkunsidra r-rapport tal-OECD tal-10 ta’ Novembru 2022 bit-titolu “Global Outlook on Financing for Sustainable Development 2023: No Sustainability Without Equity” (Perspettiva Globali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp Sostenibbli 2023: Ebda Sostenibbiltà Mingħajr Ekwità),

wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-19 ta’ Settembru 2018 bit-titolu “Indikaturi aktar adatti għall-evalwazzjoni tal-SDGs – il-kontribut tas-soċjetà ċivili”, tat-30 ta’ Ottubru 2019 bit-titolu “Ħadd ma jitħalla jibqa’ lura meta tiġi implimentata l-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli 2030”, u tat-8 ta’ Diċembru 2021 bit-titolu “Strateġija mġedda għal finanzjament sostenibbli”,

wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-8 ta’ Frar 2023 bit-titolu “Progress fl-implimentazzjoni tal-SDGs”,

wara li kkunsidra l-inizjattivi tal-“Patt Ekoloġiku” u tal-“Global Gateway”, imnedija fil-11 ta’ Diċembru 2019 u fl-1 ta’ Diċembru 2021, rispettivament,

wara li kkunsidra l-programmi ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2020 (COM(2020)0037), 2021 (COM(2020)0690), 2022 (COM(2021)0645) u 2023 (COM(2022)0548), u r-referenzi tagħhom għall-SDGs, b’mod partikolari l-ewwel rieżami volontarju tal-UE tal-implimentazzjoni tal-SDGs,

wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Novembru 2020 bit-titolu “Delivering on the UN’s Sustainable Development Goals – A comprehensive approach” (It-twettiq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU – Approċċ komprensiv) (SWD(2020)0400),

wara li kkunsidra l-integrazzjoni tal-SDGs fil-qafas ta’ regolamentazzjoni aħjar, inkluża l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ April 2021 bit-titolu “Regolazzjoni aħjar: Ningħaqdu flimkien biex nagħmlu liġijiet aħjar” (COM(2021)0219),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ix-xogħol deċenti madwar id-dinja għal tranżizzjoni globali ġusta u rkupru sostenibbli (COM(2022)0066), b’mod partikolari l-impenji tagħha biex jinkisbu l-SDGs,

wara li kkunsidra l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Ekonomija Soċjali adottat fid-9 ta’ Diċembru 2021,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 2019 dwar l-Ekonomija tal-Benesseri (3),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar l-apprendiment favur it-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 2021 bit-titolu “A comprehensive approach to accelerate the implementation of the UN 2030 Agenda for sustainable development – Building back better from the COVID-19 crisis” (Approċċ komprensiv biex titħaffef l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 tan-NU għall-iżvilupp sostenibbli – Nibnu mill-ġdid aħjar mill-kriżi tal-COVID-19),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta’ Ġunju 2022 bit-titolu, “Ir-rwol trasformattiv tal-edukazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli u ċ-ċittadinanza globali bħala għodda strumentali għall-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs)”,

wara li kkunsidra r-rapport ta’ monitoraġġ tal-Eurostat għall-2021 dwar il-progress lejn l-SDGs fil-kuntest tal-UE, ippubblikat fil-15 ta’ Ġunju 2021,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Settembru 2015 dwar is-segwitu għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej “Right2Water”  (4) u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Ottubru 2022 dwar l-aċċess għall-ilma bħala dritt tal-bniedem – id-dimensjoni esterna (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Lulju 2017 dwar azzjoni tal-UE għas-sostenibbiltà (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Marzu 2019 dwar rapport strateġiku annwali dwar l-implimentazzjoni u t-twettiq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta’ Novembru 2019 dwar l-emerġenza klimatika u ambjentali (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Ġunju 2021 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030: Inreġġgħu n-natura lura f’ħajjitna (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Marzu 2022 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: stħarriġ annwali dwar it-tkabbir sostenibbli 2022 (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ġunju 2022 dwar l-implimentazzjoni u t-twettiq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) (11),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Lulju 2022 dwar il-pjan ta’ azzjoni tal-UE għall-ekonomija soċjali (12),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Novembru 2022 dwar il-futur tal-Arkitettura Finanzjarja Ewropea għall-Iżvilupp (13),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea bit-titolu “Prijoritajiet Leġiżlattivi tal-UE għall-2023 u l-2024”  (14),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Marzu 2023 dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (15),

wara li kkunsidra l-Artikolu 3(5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 208(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (16),

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel skont l-Artikolu 58 tar-Regoli ta’ Proċedura,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A9-0213/2023),

A.

billi, b’inqas minn seba’ snin qabel l-iskadenza għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030, ix-xenarju ġeopolitiku ġdid u d-diversi kriżijiet f’oqsma varji naqqsu aktar ir-ritmu tal-kisba tal-SDGs; billi azzjoni kollettiva fuq skala ġdida hija meħtieġa b’mod urġenti bħala rispons għall-faqar, li qed jirrovina mijiet ta’ miljuni ta’ ħajjiet, u bħala rispons għat-theddid bla preċedent għall-abitabbiltà tal-pjaneta tagħna kkawżat mill-kriżijiet interkonnessi tal-klima u tal-bijodiversità;

B.

billi l-Aġenda 2030 u s-17-il SDG, il-169 mira u l-indikaturi li jakkumpanjawhom jirrappreżentaw l-uniku qafas kondiviż globalment u maqbul politikament għal politiki bbażati fuq l-evidenza, u b’hekk abbażi ta’ dan huma kruċjali biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-lum u biex tiġi orjentata mill-ġdid il-boxxla globali lejn tranżizzjoni soċjalment u ambjentalment ġusta fil-limiti planetarji fejn ma jitħalla jibqa’ lura ħadd u mkien;

C.

billi l-SDGs, peress li huma universali u indiviżibbli, huma applikabbli għall-atturi kollha, inklużi s-soċjetà ċivili u s-sħab soċjali, u kemm għas-settur pubbliku kif ukoll għal dak privat; billi dawn l-atturi għandhom ikunu involuti b’mod sistematiku fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta’ politiki relatati mal-SDGs;

D.

billi, minkejja xi progress fuq ċerti SDGs qabel il-kriżijiet, xi xejriet minn dakinhar ‘l hawn marru lura għal li kienu; billi, skont ir-Rapport 2022 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tan-Network ta’ Soluzzjonijiet għall-Iżvilupp Sostenibbli (SDSN) tan-NU, għat-tieni sena konsekuttiva, id-dinja ma għadhiex qed tagħmel progress fuq l-SDGs u l-punteġġ medju tal-Indiċi tal-SDGs kompla jonqos fl-2021, bil-konsegwenza li l-ebda pajjiż ma jinsab fit-triq it-tajba biex jikseb l-SDGs kollha sal-2030;

E.

billi fl-2020 u fl-2021, l-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem (HDI) irreġistra l-uniku tnaqqis fl-istorja ta’ 30 sena tal-indiċi, u b’hekk tħassar il-progress li sar fil-ħames snin preċedenti,

F.

billi l-Ewropa tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq il-miri ta’ 26 SDG, trid taċċellera l-isforzi tagħha biex tilħaq 64 mira u treġġa’ lura x-xejra attwali għal 15-il mira; billi l-pajjiżi tal-UE huma l-eqreb fil-kisba tal-miri tal-Aġenda 2030, iżda huma responsabbli għal effetti konsegwenzjali negattivi akbar, li jikkompromettu l-kapaċità ta’ pajjiżi oħra li jiksbu l-miri tagħhom; billi kieku l-popolazzjoni tad-dinja kellha tikkonsma daqs l-UE, ikun hemm bżonn ta’ 2,8 Dinja biex tiġi sostnuta d-domanda għar-riżorsi naturali meħtieġa minn dan l-istil ta’ ħajja;

G.

billi l-Istituzzjonijiet tal-UE u s-27 Stat Membru tal-UE flimkien jikkostitwixxu l-akbar donatur għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, responsabbli għal madwar 46 % tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) totali pprovduta mill-membri kollha tal-OECD lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw; billi qabel il-pandemija tal-COVID-19, id-defiċit annwali fil-finanzjament globali tal-SDGs kien stmat għal USD 2,5 triljun; billi huwa stmat li l-pandemija wessgħet dan id-defiċit għal mill-inqas USD 3,9 triljun fis-sena;

H.

billi l-ispazju fiskali għall-politiki rilevanti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw huwa mnaqqas b’mod kritiku minn piżijiet ta’ dejn enormi u li dejjem qed jikbru, fejn 37 mid-69 l-ifqar pajjiż tad-dinja jew jinsabu f’riskju għoli ta’ dejn kbir inkella diġà jinsabu f’dejn kbir minn Novembru 2022, u dan jillimita l-kapaċità tagħhom li jinvestu biex jinkisbu l-SDGs; billi dak l-ispazju fiskali jitnaqqas aktar minn xokkijiet esterni relatati mal-kriżijiet dejjem jakkumulaw u n-nuqqas ta’ ambjent internazzjonali li jiffavorixxi l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi;

I.

billi n-Nazzjonijiet Uniti jistmaw li mill-inqas USD 500 biljun fis-sena jeħtieġ li jiġu pprovduti biex l-SDGs jingħataw l-istimolu neċessarju; billi l-Pjan ta’ Stimolu għall-SDGs tan-NU għandu l-għan li jindirizza l-kost għoli tad-dejn u r-riskji li qed jiżdiedu ta’ dejn kbir, biex iżid b’mod massiv finanzjament fit-tul affordabbli għall-iżvilupp u jespandi l-finanzjament ta’ kontinġenza għall-pajjiżi fil-bżonn;

J.

billi s-settur privat se jkompli jkollu rwol kritiku biex jinkisbu l-SDGs;

K.

billi Franza se tospita summit internazzjonali fit-22 u t-23 ta’ Ġunju 2023 dwar it-tema ta’ “Patt Finanzjarju Globali Ġdid” sabiex jittieħed kont tal-modi u l-mezzi kollha biex tissaħħaħ is-solidarjetà finanzjarja mal-pajjiżi tan-Nofsinhar Globali; billi l-kuntest attwali jitlob rispons sostnut straordinarju mill-atturi kollha tal-UE u rieżami tas-sistema kollha tal-Arkitettura Finanzjarja Ewropea għall-Iżvilupp (EFAD);

L.

billi, bl-għadd ta’ xokkijiet f’daqqa u bil-kriżijiet permanenti li jvarjaw mit-tibdil fil-klima u l-emerġenza tal-bijodiversità, il-pandemija tal-COVID-19, u l-gwerra Russa ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna għaż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, tal-ikel u tal-fertilizzanti, il-ktajjen tal-provvista fraġli, inflazzjoni ogħla, piżijiet tad-dejn insostenibbli u politika monetarja aktar stretta, qed tfeġġ xejra ġenerali ta’ “rkupru fuq żewġ binarji” bejn l-ekonomiji avvanzati u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, ikkaratterizzata minn distakk finanzjarju kbir, fejn il-kostijiet għoljin ta’ self għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw huma sintomu wieħed ta’ sistema finanzjarja u monetarja internazzjonali żbilanċjata, liema sintomu jaggrava n-nuqqas ta’ progress lejn il-kisba tal-SDGs;

M.

billi s-sistema internazzjonali ma għandhiex l-għodod biex tindirizza kriżi sistemika tad-dejn jew biex tiffaċilita b’mod effettiv ir-ristrutturar tad-dejn li jnaqqas biżżejjed il-piżijiet tad-dejn tal-pajjiżi;

N.

billi l-2023 hija sena kruċjali għar-rieżami tal-SDGs u spinta għat-twettiq tagħhom sal-2030, b’mod speċjali bil-preżentazzjoni mill-UE tal-ewwel rapport ta’ Rieżami Volontarju tagħha fil-Forum Politiku ta’ Livell Għoli (HLPF) f’Lulju 2023 u s-Summit globali tal-SDGs fid-19 u l-20 ta’ Settembru 2023 li jimmarka il-punt li fih l-Aġenda 2030 u l-SDGs ikunu waslu nofs triq u jlaqqa’ flimkien mexxejja politiċi u tal-ħsieb minn gvernijiet, organizzazzjonijiet internazzjonali, is-settur privat, is-soċjetà ċivili, nisa u żgħażagħ u partijiet ikkonċernati oħra; billi s-Summit tal-SDGs tal-2023 se jkun mument kruċjali għal impenn politiku mġedded għall-SDGs biex tiġi salvata l-Aġenda 2030, peress li dan isir biss darba kull erba’ snin;

O.

billi l-Kummissjoni għadha ma fasslitx strateġija ġenerali għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 mill-UE jew pjan ta’ finanzjament għall-SDGs, kif mitlub ripetutament minn meta ġiet adottata l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli fl-2015 mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kunsill Ewropew; billi l-Kummissjoni impenjat ruħha li tieħu approċċ ta’ “gvern sħiħ” għall-implimentazzjoni tal-SDGs; billi strateġija ta’ governanza Ewropea li tintegra l-SDGs f’approċċ trażversali tippermetti allinjament akbar bejn il-politiki pubbliċi u effiċjenza f’tali politiki;

P.

billi d-dikjarazzjoni konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi għall-2023 u l-2024 tistabbilixxi l-objettiv ġenerali li tiġi aċċellerata l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-iżvilupp sostenibbli permezz tal-proposti leġiżlattivi mressqa;

Q.

billi kwalunkwe strateġija tal-UE proposta mill-Kummissjoni bl-objettiv li jinkisbu l-SDGs għandha tinkludi miri għall-UE kollha, li jistgħu jitkejlu u marbuta biż-żmien u miżuri konkreti biex jinkisbu l-SDGs, li għandhom jinkludu sistema ta’ monitoraġġ aġġornata li tqis l-impatt intern u estern tal-UE fuq il-proċess tal-SDGs;

R.

billi hemm nuqqas ta’ integrazzjoni tal-SDGs fil-Pjanijiet Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza (NRRPs); billi, b’mod partikolari, huma ftit ħafna l-Istati Membri li rabtu b’mod espliċitu l-NRRPs mal-SDGs;

S.

billi l-kapaċità li tinkiseb data biex jimtlew l-indikaturi tal-SDGs hija limitata f’diversi pajjiżi li qed jiżviluppaw, u dan jista’ jfixkel serjament l-evalwazzjoni tal-progress;

T.

billi, fl-2021, l-ODA kollettiva tal-UE kienet tirrappreżenta 0,49 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) tal-UE, li xorta għadha inqas mill-mira miftiehma ta’ 0,7 % tal-ING tal-pajjiżi donaturi; billi, bl-adozzjoni tal-EUR 79,5 biljun tal-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali (NDICI-GE) taħt il-baġit tal-UE għall-perjodu 2021-2027, l-UE tista’ tuża b’mod strateġiku u flessibbli dan l-istrument uniku ta’ żvilupp unifikat u b’mod flessibbli tappoġġa lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw b’mod aktar effettiv;

U.

billi l-istabbiliment tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli Plus (EFSD+) jipprovdi arkitettura miftuħa għall-banek pubbliċi tal-iżvilupp (PDBs) u għall-istituzzjonijiet tal-finanzi għall-iżvilupp (DFIs) biex jingranaw finanzjament pubbliku u privat permezz ta’ garanziji tal-UE u finanzjament imħallat, biex jinkisbu żvilupp inklużiv u impatt ekoloġiku aktar ambizzjużi;

V.

billi jeżistu dubji serji dwar jekk l-istrateġija l-ġdida tal-UE ta’ Global Gateway tallinjax mal-prinċipji tal-effettività tal-iżvilupp jew hijiex għodda xierqa biex timla l-lakuna fil-finanzjament tal-SDGs;

W.

billi t-tnaqqis tal-inugwaljanzi (SDG 10) huwa marbut b’mod inseparabbli mal-implimentazzjoni kumplessiva tal-Aġenda 2030 u ma’ azzjoni klimatika effettiva;

X.

billi mobilizzazzjoni tar-riżorsi sostenibbli hija essenzjali għal azzjoni pubblika trasformattiva; billi huwa kruċjali li jiżdiedu l-isforzi relatati mal-ġustizzja fiskali, mal-ġustizzja klimatika u mal-ġustizzja interġenerazzjonali kemm fil-pajjiżi żviluppati kif ukoll f’dawk li qed jiżviluppaw;

Y.

billi l-impenn politiku tal-UE favur il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (PCD) ġie affermat mill-ġdid fil-Kunsens Ewropew Ġdid għall-Iżvilupp tal-2017, li identifika l-PCD bħala “element kruċjali tal-istrateġija [tal-UE] biex tikseb l-SDGs u kontribut importanti għall-objettiv usa’ tal-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp Sostenibbli (PCSD)”; billi l-PCSD hija approċċ għall-integrazzjoni tad-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali, u ambjentali tal-iżvilupp sostenibbli fl-istadji kollha taċ-ċiklu tat-tfassil tal-politiki, sabiex jitrawmu sinerġiji fl-oqsma tal-politiki kollha, u jiġu identifikati u rikonċiljati kompromessi potenzjali, kif ukoll jiġu indirizzati l-effetti konsegwenzjali internazzjonali tal-politiki tal-UE;

Z.

billi kooperazzjoni mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet kollha tal-finanzi għall-iżvilupp, il-gvernijiet, l-istituzzjonijiet tal-UE u s-sħab kollha hija meħtieġa b’mod urġenti biex jiġi żgurat li l-fondi pubbliċi limitati jintużaw bl-aktar mod effettiv u effiċjenti, filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu li l-mobilizzazzjoni b’suċċess ta’ aktar kapital, kemm pubbliku kif ukoll privat, hija essenzjali;

AA.

billi, b’mod partikolari, l-Artikolu 208 tat-TFUE jirrikjedi li l-UE tinkorpora l-objettivi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp fil-politiki interni u esterni kollha li x’aktarx jaffettwaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

AB.

billi s-suċċess tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-wegħda ta’ tranżizzjoni ekoloġika ġusta huma marbuta b’mod inseparabbli mal-kisba tal-SDGs; billi l-Valutazzjoni Globali tal-2019 tal-IPBES tipprovdi evidenza li x-xejriet negattivi attwali fil-bijodiversità u fl-ekosistemi se jikkompromettu l-progress lejn 80 % tal-miri vvalutati tal-SDGs relatati ma’ faqar, ġuħ, saħħa, ilma, bliet, klima, oċeani u art; billi l-kriżijiet tal-klima u tal-bijodiversità huma interkonnessi u jeħtieġ li jiġu indirizzati t-tnejn flimkien u b’mod konsistenti;

AC.

billi d-dimensjoni esterna tal-Patt Ekoloġiku u tal-istrateġija Global Gateway għandha tippermetti lill-Ewropa tipprojjetta lilha nnifisha aħjar barra mill-Ewropa, filwaqt li tartikola viżjoni ekoloġika għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, għall-protezzjoni tan-natura u għall-bijodiversità, u tindirizza l-iżvilupp tal-infrastruttura u l-ħtiġijiet ta’ żvilupp usa’ ankrati fl-objettivi strateġiċi Ewropej; billi b’dan il-mod, l-UE tkun impenjata wkoll favur approċċi inklużivi, li jappoġġaw lin-nisa u liż-żgħażagħ, u li ma jħallu lil ħadd jibqa’ lura;

AD.

billi t-Tmien Programm ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni huwa l-aġenda komuni maqbula legalment dwar il-klima u l-ambjent tal-UE sal-2030 u jifforma l-bażi biex jinkisbu l-objettivi ambjentali u klimatiċi definiti fl-ambitu tal-Aġenda 2030 tan-NU u l-SDGs tagħha, filwaqt li jsegwi ekonomija tal-benesseri bħala prijorità; billi, madankollu, il-programm ta’ azzjoni jirrikjedi t-tisħiħ mingħajr dewmien ta’ inċentivi ambjentalment pożittivi u l-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent, b’mod partikolari s-sussidji għall-fjuwils fossili, fil-livell tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali;

AE.

billi 24 % biss mill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) fl-UE għandhom pjan speċifiku biex inaqqsu l-impronti tal-karbonju tagħhom (17);

AF.

billi l-edukazzjoni hija fattur ewlieni biex jinkisbu l-SDGs u vitali għal nies f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi; billi mijiet ta’ miljuni ta’ tfal, żgħażagħ u adulti l-aktar vulnerabbli għadhom illum il-ġurnata esklużi mill-edukazzjoni; billi l-għanijiet u l-miri relatati mal-edukazzjoni tal-Aġenda 2030 ġew ostakolati u dan joħloq ir-riskju li l-istudenti u s-soċjetajiet ma jkunux armati tajjeb biex jiffaċċjaw futur inċert;

AG.

billi globalment 760 miljun persuna għad m’għandhomx aċċess għall-elettriku u 2,4 biljun persuna għadhom jiddependu fuq fjuwils ta’ ħsara biex isajru, liema fjuwils huma detrimentali għas-saħħa u għall-ambjent tagħhom;

AH.

billi sebgħa minn kull 10 binjiet fl-UE huma ineffiċjenti fl-użu tal-enerġija filwaqt li 11 % tal-popolazzjoni tal-UE huma affettwati mill-faqar enerġetiku, li jwassal għal dewmien possibbli fl-aċċess għall-ħtiġijiet bażiċi, il-kura, l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa, b’mod partikolari għat-tfal u għaż-żgħażagħ; billi l-bini jirrappreżenta madwar 40 % tal-konsum tal-enerġija tal-UE u 36 % tal-emissjonijiet tal-karbonju;

AI.

billi 3,6 biljun persuna mad-dinja kollha jgħixu mingħajr sanità ġestita b’mod sikur u minnhom 2,3 biljuni ma għandhomx faċilitajiet bażiċi għall-ħasil tal-idejn fid-dar; billi l-perjodu bejn l-2018 u l-2028 ġie ddikjarat bħala d-Deċennju Internazzjonali għall-Azzjoni fuq it-tema Ilma għall-Iżvilupp Sostenibbli; billi, b’mod partikolari, ir-riżoluzzjoni 64/292 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU rrikonoxxiet b’mod espliċitu d-dritt tal-bniedem għall-ilma u s-sanità; billi, fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u fl-ekonomiji emerġenti, id-domanda għall-ilma qiegħda tiżdied mis-setturi kollha, b’mod partikolari għall-enerġija u għall-agrikoltura;

AJ.

billi d-dinja żviluppata u ċ-Ċina jimportaw kwantitajiet kbar ta’ ilma virtwali, jiġifieri ilma li jintuża għall-produzzjoni ta’ ikel u oġġetti, inkluż minn pajjiżi li huma vittmi tal-iskarsezza tal-ilma;

AK.

billi “Right2Water” kienet l-ewwel Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE) ta’ suċċess b’1,9 miljun firma; billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar is-Segwitu għall-IĊE, il-Parlament qies li kien ta’ dispjaċir li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni b’rispons għall-IĊE kienet nieqsa mill-ambizzjoni;

AL.

billi, skont l-NGO “Global Witness”, aktar minn terz tad-difensuri tal-art u tal-ambjent li nqatlu mad-dinja kollha bejn l-2015 u l-2019 kienu jappartjenu għal komunitajiet indiġeni, li l-ħiliet tagħhom fil-ġestjoni tal-art u tal-ilma huma kruċjali fil-ġlieda kontra l-kriżi tal-klima u t-telf tal-bijodiversità;

AM.

billi, skont l-approċċ Saħħa Waħda, hemm evidenza li s-saħħa tal-bniedem tiddependi fuq is-saħħa planetarja u li ambjent b’saħħtu huwa pilastru fundamentali għall-iżvilupp sostenibbli u l-benesseri tal-bniedem;

Aġġornament tal-istatus f’nofs triq

1.

Jirrikonoxxi li l-SDGs huma preokkupazzjoni komuni għall-umanità kollha kemm hi; jisħaq fuq l-impenn tiegħu għall-Aġenda 2030 u s-17-il SDG bil-169 mira li jistgħu jitkejlu li jakkumpanjawhom, speċjalment fid-dawl tax-xenarju ġeopolitiku ġdid li qed jiddeterjora bħal, fost affarijiet oħra, il-gwerra Russa ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna, u l-kriżijiet klimatiċi, tal-bijodiversità, tas-saħħa, tad-dejn u tas-sigurtà tal-ikel li jinsabu għaddejjin bħalissa, kif ukoll ir-rigressjoni dejjem tikber kontra d-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-kunflitti vjolenti li jkomplu jaffettwaw ħafna partijiet tad-dinja, speċjalment il-pajjiżi li qed jiżviluppaw; ifakkar li huwa kruċjali li titqies l-interdipendenza b’saħħitha bejn kriżijiet bħal dawn;

2.

Iwissi kontra lakuna dejjem usa’ fid-distribuzzjoni tal-ġid u l-introjtu, li twassal għal aktar inugwaljanza u faqar u diġà rriżultat f’soċjetajiet frammentati f’ħafna partijiet tad-dinja żviluppata u li qed tiżviluppa f’dawn l-aħħar snin; iwissi wkoll kontra kwalunkwe dewmien fl-indirizzar tal-isfidi ambjentali u klimatiċi li magħhom qed iħabbtu wiċċhom l-Ewropa u l-komunità globali;

3.

Jenfasizza, f’dan l-isfond, l-importanza tal-implimentazzjoni ta’ approċċ integrat għall-SDGs, li jipprovdu l-uniku pjan direzzjonali ta’ politiki universali bbażat fuq l-evidenza, biex jiġi protett il-pjaneta u tiġi evitata l-kriżi klimatika u li jiġu pprovduti l-għodod biex tinkiseb il-prosperità għal kulħadd; ifakkar li l-wegħda li ma jitħalla jibqa’ lura ħadd u mkien tinsab fil-qalba tal-Aġenda 2030 u li l-kisba tal-SDGs tkun ta’ benefiċċju għall-pajjiżi, ir-reġjuni, il-popli u s-segmenti kollha tas-soċjetà billi tiffoka fuq kwistjonijiet ta’ ugwaljanza u nondiskriminazzjoni u tindirizza l-kawżi ewlenin ta’ dawn il-kwistjonijiet, filwaqt li tagħti attenzjoni partikolari lil dawk li huma l-aktar emarġinati u vulnerabbli, u li għandha ssaħħaħ is-sostenibbiltà kulturali u d-drittijiet tal-popli indiġeni;

4.

Jisħaq li l-SDGs għandhom jinkisbu b’mod soċjali u klimatiku ġust filwaqt li jirrispettaw distribuzzjoni ġusta tar-riżorsi skarsi fil-limiti planetarji; itenni li l-paċi, id-diplomazija, u l-kooperazzjoni internazzjonali huma kundizzjonijiet fundamentali biex id-dinja tagħmel progress fuq l-SDGs qrib l-2030 u lil hinn;

5.

Jenfasizza l-fatt li, hekk kif qegħdin nofs triq fl-iskeda ta’ żmien tal-Aġenda 2030, it-tmexxija tal-UE fl-implimentazzjoni globali tal-SDGs tibqa’ kruċjali u trid tintwera aktar b’mod kredibbli, pereżempju billi tkun minn ta’ quddiem biex timmobilizza riżorsi finanzjarji adegwati sabiex tappoġġa trasformazzjonijiet rilevanti għall-SDGs; ifakkar li s-snin 2020 ġew iddikjarati bħala d-Deċennju ta’ Azzjoni tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli;

6.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-Membri tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea jippromwovu l-koerenza u l-inklużività tal-politiki fil-livelli kollha ta’ governanza, filwaqt li jagħtu prijorità u jinkludu l-SDGs fil-valutazzjonijiet tal-impatt kollha;

7.

Jissottolinja li l-2023 toffri opportunità unika biex tingħata spinta u titwettaq l-azzjoni trasformattiva urġenti meħtieġa biex nqiegħdu b’mod deċiż lis-soċjetajiet tagħna fit-triq it-tajba biex jinkisbu l-SDGs; iwissi li f’każ ta’ nuqqas ta’ azzjoni, u jekk kellha tintilef sena oħra, il-konsegwenzi se jiġġarrbu primarjament mill-persuni l-aktar vulnerabbli; jistieden lill-mexxejja kollha tal-UE biex jagħmlu l-almu tagħhom biex javvanzaw il-progress b’rabta mal-impenji, il-politiki u l-finanzjament tal-UE mingħajr dewmien;

8.

Ifakkar li, sal-2050, l-UE jeħtiġilha tirrispetta bis-sħiħ il-limiti planetarji; jisħaq li dan jista’ jinkiseb biss jekk timmultiplika l-isforzi tagħha fl-azzjonijiet ambjentali, bħal dawk relatati mal-klima u mal-bijodiversità, mal-effiċjenza fl-enerġija u mat-tranżizzjoni ekoloġika, u żżid l-effiċjenza fir-riżorsi tagħha b’għaxar darbiet filwaqt li tuża l-materjali mhux rinnovabbli tagħha f’ċirkwiti kompletament magħluqa u dawk rinnovabbli mill-anqas għaxar darbiet fiċ-ċirkwiti filwaqt li tirrispetta n-nuqqas ta’ tossiċità u l-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”; jisħaq li l-UE għandha mhux biss tieqaf teqred l-ekosistemi naturali tagħha imma għandha wkoll tippreservahom u tirrestawrahom sabiex tikseb ekosistemi b’saħħithom, vitali u reżiljenti;

9.

Jinnota li l-proċess ta’ implimentazzjoni għal kważi l-SDGs kollha qiegħed tard u li ġew irreġistrati sentejn konsekuttivi ta’ rigressjoni għal bosta indikaturi (18); jafferma mill-ġdid l-importanza ta’ kull SDG u jenfasizza l-isfidi ewlenin li jippersistu għall-iżvilupp sostenibbli, b’mod partikolari fir-rigward tal-faqar (SDG 1), il-ġuħ (SDG 2), is-saħħa (SDG 3), l-edukazzjoni (SDG 4), l-ugwaljanza bejn il-ġeneri (SDG 5), l-ilma sikur u sanità adegwata għal kulħadd (SDG 6), enerġija nadifa u affordabbli (SDG 7), it-tibdil fil-klima (SDG 13), il-ħajja taħt l-ilma inklużi l-oċeani (SDG 14) u l-bijodiversità (SDG 15); jissottolinja r-rwol strateġiku li l-SDG 10 għat-tnaqqis tal-inugwaljanza, u l-SDG 17 għas-sħubijiet globali jista’ jkollhom, fl-implimentazzjoni globali tal-Aġenda 2030;

10.

Jenfasizza l-importanza tal-Forum Politiku ta’ Livell Għoli tal-2023 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli u s-Summit dwar l-SDGs, li t-tnejn li huma se jsiru fi New York, bħala opportunitajiet biex jiġi rieżaminat il-progress f’nofs triq tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u s-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs); jemmen li dawn il-laqgħat iridu jagħtu gwida politika ta’ livell għoli u impetu ġdid għal sforz intensifikat u azzjoni aċċellerata biex jintlaħqu l-għanijiet sal-2030; jirrikonoxxi, f’dan ir-rigward, l-enfasi li qed tingħata lil ċerti SDGs matul l-2023 (SDGs 6, 7, 9, 11 u 17) (19);

11.

Jafferma mill-ġdid li l-aċċess għall-ilma u għas-sanità huwa dritt fundamentali u li t-titjib ta’ dan l-aċċess huwa kruċjali biex jintlaħqu l-objettivi għall-qerda tal-faqar, għall-ugwaljanza soċjali, għas-saħħa pubblika, għas-sigurtà tal-ikel, u għall-iżvilupp sostenibbli; ifakkar li, kif rikonoxxut bid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (20), l-ilma mhuwiex sempliċi komodità iżda ben pubbliku li huwa vitali għall-ħajja u d-dinjità tal-bniedem;

12.

Jisħaq li l-politiki dwar l-ilma jridu jagħtu prijorità lill-ġestjoni sostenibbli ta’ xmajjar, lagi, artijiet mistagħdra, fawwarajiet u akwiferi, kif ukoll jappoġġaw ġestjoni sostenibbli tal-ilma fis-settur agrikolu bħala element essenzjali biex jiġu kkonfrontati l-kriżijiet kontinwi tat-tniġġis, id-deforestazzjoni, id-deżertifikazzjoni, it-telf tal-bijodiversità, u t-tibdil fil-klima; jenfasizza r-riskji potenzjali tal-ħtif tal-ilma u tat-tniġġis tal-ilma f’akkwisti tal-art fuq skala kbira għall-agrikoltura u għall-industriji estrattivi;

13.

Jinnota li l-gwerra Russa ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna fixklet is-sistemi globali ta’ provvista tal-enerġija, u enfasizzat il-ħtieġa li tintemm malajr id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u li gradwalment jitneħħew is-sussidji kollha rilevanti u sseħħ it-tranżizzjoni lejn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;

14.

Jisħaq, f’dan ir-rigward, fuq l-urġenza li l-UE u l-Istati Membri tagħha jagħmlu sforzi koordinati biex jagħmlu progress favur l-ilħiq tal-SDG 7 biex jiżguraw aċċess għal enerġija affordabbli, affidabbli, sostenibbli u moderna għal kulħadd; jissottolinja li fuq perjodu ta’ żmien twil is-sigurtà, l-aċċess universali u l-affordabbiltà tal-provvista tal-enerġija jistgħu jinkisbu biss permezz tal-użu tal-enerġija rinnovabbli;

15.

Jisħaq li l-kisba tal-SDG 7 se tikkontribwixxi għall-kisba ta’ diversi SDGs oħra, inklużi dawk relatati mal-eradikazzjoni tal-faqar, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, it-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-ikel, is-saħħa, l-edukazzjoni, il-bliet u l-komunitajiet sostenibbli, l-ilma nadif u s-sanità, xogħlijiet diċenti, l-innovazzjoni, it-trasport, u r-rifuġjati;

16.

Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-SDG 7 għandha tkun allinjata ma’ tranżizzjoni tal-enerġija ġusta, inklużiva u ekwa b’aċċess universali għall-enerġija, xogħlijiet ekoloġiċi, ekonomiji diversifikati, benesseri tan-nies u tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa, tal-komunitajiet lokali u tal-gruppi vulnerabbli sabiex ħadd ma jitħalla jibqa’ lura;

17.

Jilqa’ l-ftehim storiku għal Trattat tal-Ibħra Internazzjonali biex jiġi protett l-oċean, tiġi indirizzata d-degradazzjoni ambjentali, jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima, u jiġi evitat it-telf tal-bijodiversità;

Governanza, multilateraliżmu u sħubijiet

18.

Jirrikonoxxi r-rwol deċiżiv tal-UE fit-tiswir tal-Aġenda 2030 fl-2015 u jappella biex kemm hi kif ukoll l-Istati Membri tagħha jieħdu azzjoni kuraġġuża u jipprovdu tmexxija globali billi jagħtu eżempju fl-implimentazzjoni tal-SDGs, jirduppjaw l-isforzi tagħha biex tilħaq l-iskadenza u billi jmexxu tluq politiku ġdid tal-SDGs fis-summit li jmiss tal-SDGs, bħal pereżempju insistenza biex il-miri jkunu vinkolanti, ir-rieżami jkun obbligatorju, u għal approċċ aktar trasformattiv lejn il-kisba tal-SDGs kollha kemm huma;

19.

Jistieden lill-presidenti tal-Parlament, tal-Kummissjoni u tal-Kunsill iressqu dikjarazzjoni konġunta li ġġedded l-impenn tal-UE għall-Aġenda 2030; jisħaq li l-UE jeħtiġilha tintensifika l-kooperazzjoni u taċċellera l-progress b’rabta mal-SDG 17, sħubijiet għall-għanijiet; jinnota li, meta titqies l-esperjenza sostanzjata tal-UE bħala promotur tal-multilateraliżmu, hija tinsab f’pożizzjoni unika biex taċċellera l-progress fir-rigward tas-sħubijiet;

20.

Jenfasizza r-rwol u r-riżorsi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, u speċjalment ir-rwol ewlieni tar-reġjunijiet u l-bliet, fejn l-OECD tistma li 65 % tal-miri tal-SDGs ma jistgħux jinkisbu mingħajr il-koordinazzjoni jew l-involviment tagħhom; u jisħaq li l-governanza f’diversi livelli hija wieħed mill-valuri ewlenin tal-SDGs; jistieden lill-UE żżid l-involviment mas-soċjetà ċivili u mas-settur privat;

21.

Ifakkar li l-PCD hija rekwiżit sostantiv sabiex jiġi evitat li l-politiki tal-UE jkollhom impatti negattivi fuq persuni foqra u vulnerabbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u biex jitfittxu l-opportunitajiet u jittieħed vantaġġ minnhom biex jinkisbu sinerġiji, f’konformità mal-prinċipji tal-Aġenda 2030 bit-titolu “Ħadd ma jitħalla jibqa’ lura” u “Nindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ dawk li jinsabu l-aktar lura l-ewwel” u mal-SDGs; jissottolinja li l-PCD għandha tiġi applikata fil-politiki kollha u fl-oqsma kollha koperti mill-Aġenda 2030 u l-SDGs;

22.

Jappella għal bidla sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-PCD biex jiġi żgurat li l-impatti fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiġu identifikati u analizzati kif xieraq, li l-impatti negattivi jiġu evitati u li jsir użu sħiħ mis-sinerġiji possibbli, bl-għan li jintlaħqu l-objettivi tal-iżvilupp u tal-SDGs;

23.

Għal darb’oħra jappella għal awditu mill-Kummissjoni Ewropea sabiex tiżgura konsistenza bejn il-politiki interni u esterni tagħha;

24.

Jisħaq fuq il-ħtieġa għal komunikazzjoni aħjar dwar l-SDGs, peress li mhux il-partijiet ikkonċernati kollha huma familjari mal-qafas jew jagħtu prijorità lill-SDGs fil-livell tal-UE, nazzjonali jew lokali, liema komunikazzjoni aħjar hija meħtieġa biex issaħħaħ l-impenn politiku u tqajjem l-għarfien dwar l-SDGs fuq il-post;

25.

Jisħaq fuq l-importanza għall-iżvilupp sostenibbli tal-popolazzjoni żagħżugħa li qed tespandi fin-Nofsinhar Globali; itenni li l-aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità (SDG 4), inkluż it-taħriġ vokazzjonali huwa għodda essenzjali biex il-kontinent ikun jista’ jagħti s-setgħa lill-popolazzjoni żagħżugħa li qed tespandi; jisħaq bil-qawwa fuq il-ħolqien ta’ rabtiet aktar b’saħħithom bejn l-edukazzjoni, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-impjieg, biex jingħata aċċess għal xogħol diċenti fis-suq tax-xogħol li qed jinbidel b’pass mgħaġġel; jenfasizza li trid tiġi żgurata edukazzjoni ta’ kwalità għal kulħadd, irrispettivament mill-ġeneru, l-istatus soċjoekonomiku, l-isfond kulturali u r-reliġjon ta’ dak li jkun;

26.

Jirrikonoxxi l-importanza tal-edukazzjoni għaċ-ċittadinanza globali u għall-iżvilupp sostenibbli bħala faċilitatur tal-għanijiet kollha, u jistieden lill-Kummissjoni tinkludiha bħala prijorità fis-sejħiet għall-finanzjament kollha rilevanti;

27.

Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Kummissjoni għadha ma ppreżentatx strateġija komprensiva għall-kisba tal-Aġenda 2030, minkejja talbiet mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-UE, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni, minkejja li baqa’ inqas minn seba’ snin biex jinkisbu l-SDGs u għaldaqstant, hija meħtieġa implimentazzjoni urġenti; jinsisti li l-Kummissjoni għandha tipproċedi biex tadotta strateġija bħal din mingħajr aktar dewmien; jemmen li din għandha tiddefinixxi, bħala minimu:

(a)

qafas ta’ governanza ġdid, immexxi minn Kummissarju wieħed ta’ livell għoli li jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-SDGs fil-portafolli kollha u li jikkonsulta b’mod sistematiku l-pjattaforma l-ġdida tad-diversi partijiet ikkonċernati, għat-trasformazzjoni tal-għarfien kollettiv f’azzjoni kollettiva, u li għandu jinkludi l-gvernijiet reġjonali u lokali, l-organizzazzjonijiet rilevanti kollha tas-soċjetà ċivili u x-xjentisti;

(b)

sett rivedut ta’ miri u indikaturi konkreti, li jistgħu jitkejlu, għall-UE kollha u marbuta biż-żmien, u miżuri konkreti biex dawn jintlaħqu;

(c)

sistema ta’ monitoraġġ u indikaturi aġġornati, li jqisu l-impatt intern u estern tal-UE fuq il-progress globali lejn l-SDG;

(d)

pjan finanzjarju uniku biex jintlaħqu l-objettivi tal-SDGs tal-UE, marbuta mal-miri msemmija hawn fuq;

(e)

pjan għad-diplomazija u l-kooperazzjoni internazzjonali tal-UE fir-rigward tal-SDGs, immexxija minn Mibgħut Speċjali għall-SDGs, li jirrapporta lill-Kummissarju responsabbli, biex tiġi promossa azzjoni konsistenti dwar l-SDGs globalment permezz tal-azzjonijiet esterni tal-UE u tiġi żgurata kondiviżjoni ekwa tal-piżijiet u kundizzjonijiet ekwivalenti;

28.

Jisħaq li l-istrateġija għandha tiġi rieżaminata regolarment u akkumpanjata minn miżuri korrettivi f’oqsma li fihom il-progress jitqies li jkun waqaf jew li ma jkunx suffiċjenti; jappella li l-implimentazzjoni tal-SDGs tkun punt fuq l-aġenda tal-laqgħa ta’ kull ġimgħa tal-kulleġġ tal-Kummissarji mhux anqas minn darba kull tliet xhur; iħeġġeġ lill-Presidenza tal-Kunsill li jmiss torganizza dibattitu ta’ livell għoli dwar kif l-SDGs jiġu implimentati fil-ħin, preferibbilment fil-Kunsill Affarijiet Ġenerali fuq livell ministerjali;

29.

Jenfasizza li l-SDGs għandhom jiffurmaw is-sinsla tal-politiki pubbliċi Ewropej u li l-Istati Membri kollha għandhom jgħollu l-livell ta’ ambizzjoni tar-risponsi nazzjonali tagħhom fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-SDGs;

30.

Jistieden lill-Kummissjoni tuża r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż biex tkejjel il-progress tal-Istati Membri b’mod sistematiku u tistabbilixxi proposti konkreti għall-bidliet u t-titjib meħtieġa, inkluż rakkomandazzjonijiet għal miri tal-SDGs speċifiċi għall-pajjiż;

31.

Jisħaq fuq ir-rwol importanti tal-Parlament Ewropew kif ukoll dawk tal-parlamenti nazzjonali u l-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-promozzjoni tal-implimentazzjoni tal-SDGs permezz ta’ politiki Ewropej u fiż-żieda tal-viżibbiltà tal-għanijiet fid-diskors pubbliku; jissottolinja l-iskrutinju, il-leġiżlazzjoni u s-setgħat baġitarji tiegħu biex irawwem l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030; jitlob, għal dan il-għan, lill-kumitati tiegħu jintegraw aktar il-kunsiderazzjonijiet tal-SDGs fil-ħidma leġiżlattiva u mhux leġiżlattiva tagħhom;

32.

Jitlob ukoll lill-Parlament jaħtar rapporteur permanenti dwar l-implimentazzjoni tal-SDGs biex jintegrahom fil-leġiżlazzjoni tal-UE fil-kumitati kollha; jilqa’, f’dan ir-rigward, l-isforzi tal-Alleanza tal-SDG tal-Parlament; jistieden lill-President tal-Parlament Ewropew jaħtar Viċi President għall-SDGs biex jippromwovi l-SDGs fi ħdan il-Bureau u jirrappreżenta esternament lill-Parlament Ewropew fir-rigward tal-SDGs;

33.

Iħeġġeġ lis-segretarjat ġenerali tal-Parlament jipproduċi rieżami tal-SDGs tal-Parlament sabiex jiġi vvalutat għalkollox il-kontribut għall-ilħuq tal-SDGs, wara impenji simili minn istituzzjonijiet oħra tal-UE; jissottolinja li l-koordinazzjoni u d-djalogu regolari strutturat fi ħdan u bejn l-istituzzjonijiet tal-UE hija essenzjali sabiex tiġi żgurata t-tmexxija tal-UE u tiżdied l-effikaċja tal-isforzi tagħha biex timplimenta l-Aġenda 2030; jitlob għaldaqstant il-ħolqien ta’ task force interistituzzjonali biex jassumi r-responsabbiltà li jikkoordina l-isforzi tal-UE biex jintlaħqu l-SDGs, internament u globalment;

34.

Jirrikonoxxi li l-SDGs iridu jissaħħu permezz tal-ħolqien ta’ oqfsa, politiki u prattiki legali u regolatorji effettivi kemm fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri sabiex tiġi promossa l-implimentazzjoni tagħhom;

35.

Ifakkar li r-rieżamijiet nazzjonali volontarji huma l-pedament tal-qafas ta’ segwitu u ta’ rieżami għall-Aġenda 2030 u għodda ewlenija tal-obbligu ta’ rendikont; jilqa’ l-impenn ta’ disa’ Stati Membri li jippreżentaw ir-rieżami volontarju nazzjonali tagħhom matul il-Forum Politiku ta’ Livell Għoli tal-2023 u jistieden lill-Istati Membri kollha jinvolvu ruħhom f’dan il-proċess fis-snin li ġejjin; u jqisu kif jixraq ir-rakkomandazzjonijiet li jsiru f’dik l-okkażjoni u jimplimentawhom; jenfasizza li l-uniku mod biex ir-rieżamijiet nazzjonali volontarji ikunu jistgħu jipprovdu obbligu ta’ rendikont hu li isiru b’mod objettiv li jiffoka fuq in-nuqqasijiet daqskemm jiffoka fuq il-kisbiet;

36.

Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri kif ukoll lill-pajjiżi terzi biex jinkludu l-ekonomija soċjali b’mod orizzontali u olistiku fir-Rieżamijiet Volontarji Nazzjonali, filwaqt li jiġi rikonoxxut ir-rwol ewlieni tal-ekonomija soċjali fil-kisba tal-SDGs; iqis li l-2023 huwa l-mument biex il-komunità globali taqleb minn rapportar voluntarju għal rapportar obbligatorju; jistieden lill-UE tinsisti għal aktar standardizzazzjoni tar-rieżamijiet volontarji nazzjonali u reġjonali;

37.

Jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tabbozza u tippreżenta l-ewwel rapport ta’ rieżami volontarju tal-UE fl-2023; jenfasizza l-importanza li r-rieżami volontarju tal-UE jinkludi fih:

(a)

riaffirmazzjoni tal-impenn tal-UE li twettaq l-Aġenda 2030 u l-għanijiet akkompanjanti;

(b)

ħarsa ġenerali strateġika tal-impenji u l-miri tal-UE sabiex isir progress lejn l-SDGs, inkluż, fejn applikabbli, miri kkwantifikati u marbuta biż-żmien għall-2030;

(c)

sommarju komprensiv tal-miżuri interni u esterni tal-UE biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-SDGs, kif ukoll konsistenza tal-politika bejn l-attivitajiet fuq iż-żewġ livelli, inklużi kompromessi potenzjali, filwaqt li jitqiesu l-impatti fuq il-pajjiżi sħab u l-impatti pożittivi u negattivi fuq il-progress globali tal-SDGs, kif ukoll is-sħubiji internazzjonali u d-diplomazija għall-SDGs;

(d)

orjentazzjonijiet dwar l-azzjonijiet li jridu jittieħdu sabiex l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 tittieħed lil hinn, b’mod partikolari b’antiċipazzjoni tal-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni 2024-2029.

38.

Ifakkar fl-importanza li jitqiesu l-perspettiva reġjonali u lokali u l-kontributi pprovduti mis-soċjetà ċivili matul il-proċess ta’ konsultazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi perspettiva tal-ekonomija soċjali fir-Rieżami Volontarju Ewropew tagħha;

39.

Jenfasizza li sabiex jintlaħqu l-SDGs, l-Aġenda 2030 tirrikjedi livell sod ta’ leġittimità soċjetali; itenni t-talba lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi pjattaforma permanenti ġdida, għal approċċ li jinvolvi “s-soċjetà kollha” bħala innovazzjoni importanti, għal involviment regolari u strutturat mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet ibbażati fil-komunità, is-settur privat (inklużi l-SMEs), it-trade unions, il-koperattivi, l-universitajiet u l-istituzzjonijiet tar-riċerka, il-gvernijiet reġjonali u lokali u l-gruppi emarġinati sabiex tinvolvihom sistematikament b’mod sinifikattiv fil-proċess ta’ implimentazzjoni tal-SDGs;

40.

Jisħaq, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-SDGs, fuq l-importanza ta’ approċċ interdixxiplinari u attitudni miftuħa għall-bidliet li għaddejja minnhom id-dinja tal-lum, filwaqt li tinbena sensibilizzazzjoni permezz tal-edukazzjoni sa minn età bikrija, jiġu promossi attitudnijiet li jikkunsidraw l-isfidi ambjentali u klimatiċi u jiġu mħeġġa l-parteċipazzjoni fil-proċessi tal-iżvilupp u ċ-ċittadinanza attiva;

41.

Jissottolinja l-importanza ta’ kooperazzjoni msaħħa mas-sħab fin-Nofsinhar Globali, b’mod partikolari l-Unjoni Afrikana u r-rappreżentanti ta’ gvernijiet lokali u reġjonali u tas-soċjetà ċivili, sabiex l-Aġenda 2030 tiġi implimentata globalment; jinnota li l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 se tippermetti lill-pajjiżi sħab jikbsu l-għanijiet ta’ żvilupp tagħhom (eż. l-Aġenda 2063 tal-Unjoni Afrikana) u jsaħħu d-dipendenza tagħhom fuqhom infushom fit-triq lejn soċjetà ġusta u ugwali; jenfasizza, f’dan il-kuntest, li l-universalità tal-SDGs bħala aġenda komuni tirrappreżenta opportunità biex tinġieb lura l-fiduċja u biex l-UE tieħu l-pożizzjoni ta’ bennejja ta’ pont bejn it-Tramuntana Globali u n-Nofsinhar Globali; jisħaq, f’dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa ta’ allinjament suffiċjenti mal-isforzi proprji u l-ħtiġijiet lokali tal-pajjiżi sħab, f’dak li għandu x’jaqsam mas-sħubiji dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp;

42.

Jenfasizza li huwa imperattiv li jittejbu l-effikaċja u l-effiċjenza tal-politiki tal-iżvilupp Ewropej sabiex tiġi aċċellerata l-implimentazzjoni tal-SDGs fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jitlob impenn aktar b’saħħtu tal-UE u konsistenza akbar fil-politiki u l-istrumenti ta’ finanzjament kollha għat-trawwim tal-iżvilupp sostenibbli; huwa favur rieżami regolari mal-pajjiżi sħab u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti min-Nofsinhar Globali fir-rigward tal-objettivi tal-iżvilupp maqbula b’mod konġunt sabiex jiġu indirizzati nuqqasijiet;

43.

Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa l-ekonomija soċjali fir-relazzjonijiet tal-UE ma’ pajjiżi terzi, inkluż waqt in-negozjati tal-kummerċ; itenni li l-politika tal-kummerċ tista’ tkun strument għat-trawwim tal-integrazzjoni u l-istabbiltà reġjonali, l-iżvilupp ekonomiku, il-migrazzjoni, filwaqt li tiġġieled t-tibdil fil-klima u trawwem il-paċi u s-sigurtà;

44.

Jirrikonoxxi r-rwol important tal-isħubija AKP-UE, b’mod partikolari fit-trawwim tal-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi tal-AKP u fl-iżgurar tal-eżistenza ta’ alleanzi aktar b’saħħithom li jindirizzaw l-isfidi globali; jappoġġa bil-qawwa l-iffirmar tal-ftehim il-ġdid (il-Ftehim ta’ wara Cotonou) mill-aktar fis possibbli;

45.

Jienfasizza, f’dan ir-rigward, li l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtiġilhom jevitaw effetti konsegwenzjali negattivi li jolqtu ħażin lin-Nofsinhar Globali, li jgħajfu l-isforzi tagħhom biex jiksbu l-SDGs u li jseħħu bħala riżultat tal-mudell ekonomiku u teknoloġiku tal-passat tal-Istati Membri; huwa favur il-kooperazzjoni mas-sħab globali biex kwalunkwe effett konsegwenzjali negattiv jinbidel fi ċrieki virtużi;

46.

Jitlob li l-politiki kollha tal-UE jkunu soġġetti għal verifika obbligatorja li tivvaluta l-infiq u l-impatti kollha li jolqtu l-implimentazzjoni tal-SDGs fin-Nofsinhar Globali u tindirizza kwalunkwe effett negattiv, inkluż billi tittieħed azzjoni ta’ mitigazzjoni u ssir reviżjoni ta’ atti leġiżlattivi fejn meħtieġ, filwaqt li jiġi żgurat li l-bidla f’dan il-qasam tkun tista’ titkejjel;

47.

Jilqa’ l-qbil reċenti milħuq bejn il-koleġiżlaturi dwar ir-Regolament dwar id-Deforestazzjoni (21);

48.

Itenni t-talbiet tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jieħdu l-azzjonijiet elenkati fir-riżoluzzjoni riċenti tiegħu dwar il-koerenza tal-politiki tal-iżvilupp sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan il-prinċipju u tal-prinċipju ta’ “tagħmel l-ebda ħsara”, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lill-kummerċ, il-finanzi, l-ambjent u t-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-ikel, il-migrazzjoni u s-sigurtà;

49.

Jinnota li l-akkwist tal-materja prima kritika meħtieġa għat-tranżizzjoni enerġetika tal-UE sikwit ikun assoċjat ma’ impatti ambjentali potenzjalment severi kif ukoll ma’ kunflitti potenzjali mal-komunitajiet lokali u ksur tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-popli indiġeni fin-Nofsinhar Globali;

50.

Jesprimi tħassib partikolari dwar l-impatt sinifikanti ta’ ċerti megaproġetti f’pajjiżi terzi, b’mod partikolari fl-industriji tal-enerġija u tal-estrazzjoni, fuq il-popli indiġeni u l-komunitajiet lokali u jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jżommu standards soċjali u ambjentali għoljin f’konformità mad-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni u l-Konvenzjoni Nru 169 tal-ILO, b’mod partikolari r-rikonoxximent tal-prinċipji ta’ kunsens liberu, minn qabel u infurmat u s-sjieda konswetudinarja;

51.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati u promossi soluzzjonijiet multipli li l-atturi kollha fis-soċjetà jistgħu jimplimentaw biex inaqqsu l-impronta diġitali tagħhom, bħall-konsum responsabbli tar-riżorsi (mill-ilma sal-ikel), it-tranżizzjoni għall-ekonomija ċirkolari, investimenti fl-enerġija ekoloġika, l-iżvilupp ta’ katini ta’ valur ekoloġiċi fis-settur privat, iż-żieda fil-perċentwal ta’ akkwist pubbliku ekoloġiku, il-prijoritizzazzjoni u l-appoġġ għal investimenti fis-settur tar-riċerka ddedikati għal soluzzjonijiet b’bażi bijoloġika, u ż-żieda fil-perċentwal ta’ krediti ekoloġiċi li jappoġġaw it-tranżizzjoni għal negozji li jaħdmu b’livell baxx ta’ karbonju.

52.

Jistieden lill-UE titgħallem mill-proġetti innovattivi implimentati minn ċerti pajjiżi terzi, bħall-Inizjattiva tal-Ħajt il-Kbir l-Aħdar immexxija mill-Afrika, li għandha l-għan li sal-2030 tirrestawra 100 miljun ettaru ta’ art degradata fir-reġjun tas-Saħel u li tagħti lok għall-iżvilupp ta’ proġetti agroekoloġiċi u ta’ riġenerazzjoni;

53.

Jenfasizza li l-politika esterna u kummerċjali tal-UE li taffettwa lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw trid tkun konsistenti mal-prinċipju tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp u l-objettiv tagħha ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp li jinqered il-faqar filwaqt li tgħin il-kisba tal-SDGs;

54.

Jisħaq fuq l-importanza tal-ħidma għall-iżvilupp tal-paċi, il-ġustizzja u istituzzjonijiet b’saħħithom (SDG 16) b’mod speċjali fis-sitwazzjoni attwali li hija kkaratterizzata minn żieda fil-kunflitti, bħall-gwerra fl-Ukrajna wara l-invażjoni illegali tar-Russja;

55.

Jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lis-sħab globali tagħha jappoġġaw ir-riċerka u l-iżvilupp, it-teknoloġiji ekoloġiċi innovattivi, il-bini ta’ kapaċità u l-kondiviżjoni tal-għarfien għal irkupru sostenibbli, reżiljenti u inklużiv;

56.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żgurati bbaġitjar sensittiv għal kwistjonijiet ta’ ġeneru, ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-parteċipazzjoni attiva tan-nisa fil-promozzjoni tal-implimentazzjoni tal-SDGs kif ukoll il-parteċipazzjoni ta’ minoranzi u popli indiġeni differenti;

57.

Jisħaq li l-kontribut tan-nisa fl-attivitajiet ekonomiċi ekoloġiċi huwa essenzjali sabiex jinkiseb żvilupp sostenibbli ekwu u dan għandu jkun osservat u mogħti valur; jemmen li n-nisa u l-bniet jistgħu jibbenefikaw ukoll mill-opportunitajiet fil-qasam tal-intraprenditorija ekoloġika;

Data u monitoraġġ

58.

Itenni l-appoġġ tiegħu għall-ħidma tal-Eurostat fir-rigward tal-monitoraġġ annwali tal-SDGs fl-UE; jindika li, sabiex jiġi vvalutat il-progress tal-Istati Membri fir-rigward tal-SDGs, l-indikaturi tal-iżvilupp sostenibbli tal-Eurostat iridu jittejbu billi jimtlew il-lakuni eżistenti għal xi SDGs u jiġu indirizzati d-dgħufijiet fis-sistemi tal-informatika billi jissaħħaħ l-użu ta’ data eżistenti tal-istatistika minn sorsi varji u billi jitkejjel aħjar l-impatt distributtiv tal-politiki transfruntiera u fit-tul tal-UE fuq territorji u gruppi emarġinati u vulnerabbli speċifiċi, fl-UE u fil-livell globali; jemmen li huwa kruċjali li jiġi mmonitorjat il-progress fuq kull waħda mill-169 mira sekondarja;

59.

Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-ġbir tad-data tagħhom u jadottaw indikaturi tal-SDGs u jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tagħhom fl-NRRPs;

60.

Jirrimarka li l-indikaturi tal-iżvilupp sostenibbli tal-Eurostat ma jirriflettux ir-realtà fil-prattika, peress li jintużaw biex jivvalutaw l-SDGs fil-livell nazzjonali u jiddependu ħafna fuq id-data pprovduta mill-istituti nazzjonali; jemmen, għalhekk, li għandha tintuża wkoll id-data lokali u reġjonali tal-livell NUTS-2, u li tkun ibbażata fuq miri li jistgħu jitkejlu u marbuta biż-żmien;

61.

Jenfasizza li livell minimu ta’ diżaggregazzjoni tad-data u tal-istatistika għandu jkun żgurat u allinjat aktar mill-qrib mal-qafas ta’ monitoraġġ globali tal-SDGs, u jkopri, fejn ikun xieraq, l-aspetti tad-demografija u tal-post ġeografiku, il-ġeneru, l-introjtu, il-livell ta’ edukazzjoni, l-età, ir-razza, l-etniċità, l-istatus ta’ migrazzjoni, l-indeboliment u karatteristiċi oħra;

62.

Jistieden lill-Istati Membri jagħtu rapport aktar dettaljat lill-OECD dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp tagħhom, sabiex jimlew il-lakuna fid-data dwar l-impatt estern tal-UE fuq il-progress tal-pajjiżi terzi fir-rigward tal-SDGs u jiżviluppaw indikaturi aktar żviluppata fuq l-evidenza, f’konformità mal-indikatur konsegwenzjali bbażat fuq il-konsum inkluż fir-rapport tal-Eurostat;

63.

Jinnota, barra minn hekk, li għad m’hemmx data importanti bbażata fuq l-evidenza dwar il-politiki ta’ żvilupp globali, nazzjonali u reġjonali fin-Nofsinhar Globali, b’mod partikolari fir-rigward tal-impatt tagħhom fuq l-iktar gruppi u territorji fqar, vulnerabbli u emarġinati;

64.

Jenfasizza t-tfixkil fil-produzzjoni tad-data u fil-preċiżjoni tad-data kkawżat mill-kriżijiet globali; jenfasizza li data preċiża u affidabbli hija kruċjali biex jitkejjel il-progress u jiġu identifikati l-ostakli;

65.

Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ rappurtar komprensiv tal-ODA għal kull SDG min-naħa tal-UE u tal-Istati Membri kollha;

66.

Jappella għat-tisħiħ u l-aċċellerazzjoni tal-bini tal-kapaċità tad-data umana, istituzzjonali u infrastrutturali, speċjalment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-għodod ta’ monitoraġġ interni tal-UE, bħall-markatur tal-ġeneru jew il-markatur tal-inugwaljanza li għadu kif ġie stabbilit;

67.

Jitlob lill-UE żżid b’mod sinifikanti l-kooperazzjoni teknika mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-assistenza teknika għalihom biex tiġi indirizzata l-lakuna fid-data globali maħluqa minn insuffiċjenza ta’ kapaċitajiet ta’ monitoraġġ u metodoloġiji inkonsistenti;

68.

Ifakkar li l-implimentazzjoni tal-SDGs hija responsabbiltà kondiviża, li tirrikjedi azzjoni fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali; jenfasizza, f’dak ir-rigward, l-importanza ta’ rieżamijiet lokali volontarji (VLRs) u rieżamijiet sottonazzjonali volontarji, bħala mezz biex jiġu lokalizzati aktar l-SDGs u għaldaqstant titmexxa ’l quddiem l-implimentazzjoni tagħhom;

69.

Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu għodod komprensivi, bħall-immappjar, għall-implimentazzjoni effettiva tal-SDGs;

70.

Jenfasizza li rieżamijiet komprensivi regolari tal-progress tal-SDGs fil-livelli sottonazzjonali u lokali jistgħu jsaħħu l-konsistenza vertikali u orizzontali, jistimulaw il-parteċipazzjoni lokali, jiffaċilitaw it-tagħlim bejn il-pari u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki bejn ir-reġjuni u l-bliet fil-livell globali u jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ġenerali tal-SDGs, u għaldaqstant jirrakkomanda l-appoġġ għall-implimentazzjoni fil-livelli territorjali kollha;

71.

Jilqa’ f’dan ir-rigward il-ħidma ta’ UN-HABITAT u jappoġġa bis-sħiħ il-ħidma taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka dwar il-lokalizzazzjoni tal-SDGs fost l-oħrajn permezz tal-proġett “REĠJUNI 2030: il-monitoraġġ tal-SDGs fir-reġjuni tal-UE – il-mili tal-lakuni fid-data) u l-Manwal Ewropew għar-Rieżamijiet Lokali Volontarji tal-SDGs;

72.

Jappella għal pjattaforma Ewropea għall-VLRs biex jitrawmu l-iskambju u t-tagħlim kif ukoll approċċi ta’ ġemellaġġ fl-Ewropa kollha għall-implimentazzjoni aċċellerata tal-SDGs fil-livell lokali; jissuġġerixxi li din id-data tiġi integrsata fil-politiki ta’ koeżjoni tal-UE;

73.

Jenfasizza li d-diliġenza dovuta u r-rapportar dwar is-sostenibbiltà min-naħa tal-korporazzjonijiet, meta jkunu soġġetti għal awditi rilevanti, jistgħu jikkostitwixxu qafas importanti biex jitħeġġeġ obbligu ta’ rendikont akbar fis-settur privat fir-rigward tal-impatt soċjali u ambjentali tal-kumpaniji u l-kontribut tagħhom għall-kisba tal-SDGs;

74.

Iħeġġeġ lill-atturi kollha fis-soċjetà kollha, inkluż l-entitajiet privati, jinvolvu ruħhom f’rappurtar volontarju regolari dwar l-implimentazzjoni tal-SDGs u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi ffinanzjat it-taħriġ għall-bini tal-kapaċità għall-SMEs sabiex dawn jitgħallmu kif jimplimentaw l-SDGs fl-attivitajiet tagħhom ta’ kuljum;

75.

Jirrimarka li hemm kuxjenza dejjem akbar ltal-fatt li t-tkabbir ekonomiku, kif imkejjel primarjament mill-PDG, ftit li xejn għandu x’jaqsam mal-prosperità u l-benesseri, u li s-sostenibbiltà trid tkun fil-qalba tas-sistemi ekonomiċi;

76.

Jitlob riformi kruċjali anke fil-metodoloġija tal-kejl tal-prestazzjoni ekonomika, li jrid jindika kif xieraq il-progress, abbażi tal-benesseri tan-nies u tal-pjaneta;

77.

Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta t-tabella operattiva sommarja u s-sett ta’ indikaturi li jkejlu “lil hinn mill-PDG” mingħajr dewmien, kif stabbilit fit-tmien programm ta’ azzjoni ambjentali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa indikaturi lil hinn mill-PDG li jinkorporaw il-fatturi soċjetali u ambjentali, u tapprofondixxi l-kooperazzjoni tagħha mal-komunità internazzjonali;

Qafas finanzjarju

78.

Ifakkar fir-rikonoxximent wiesa’, meta ġew adottati l-SDGs, tal-ħtieġa li “ngħaddu minn biljuni għal triljuni” fil-finanzjament għall-iżvilupp; jinsab allarmat dwar il-fatt li minflok, id-distakk fil-finanzjament tal-SDGs kiber minn USD 2,5 triljun għal USD 4 triljun fis-sena (22);

79.

Jisħaq, f’dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa ta’ pjan globali riformat għall-finanzjament tal-SDGs; jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li, issa li l-PDG globali hu ta’ aktar minn USD 100 triljun u l-kapitalizzazzjoni tal-ekwità globali u s-swieq tal-introjtu fiss huma ta’ madwar USD 250 triljun, ir-riżorsi finanzjarji globali huma biżżejjed biex tingħata spinta kbira ħalli jingħalaq id-distakk fil-finanzjament tal-SDGs u għandhom jkunu disponibbli għal dan, inkluż permezz ta’ taxxi effettivi ġusti u miżuri internazzjonali effettivi kontra l-kompetizzjoni fil-qasam tat-taxxa u l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa;

80.

Jissottolinja r-rwol importanti tal-ODA bħala katalist għall-bidla u lieva għall-mobilizzazzjoni ta’ riżorsi oħra u jfakkar li din tibqa’ sors ewlieni ta’ finanzjament għall-ifqar pajjiżi u għad għandha rwol kruċjali fil-kisba tal-Aġenda 2030; jinnota bi tħassib li, filwaqt li huma l-akbar fornitur globali ta’ ODA, l-UE u l-Istati Membri tagħha naqsu milli jilħqu l-impenji kollettivi tagħhom biex jipprovdu mill-inqas 0,7 % tal-ING bħala ODA u, konsegwentement, iħeġġiġhom jonoraw l-impenn tagħhom;

81.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li d-donaturi jagħtu prijorità lill-finanzjament ibbażat fuq l-għotjiet, speċjalment lil-LDCs, fid-dawl tal-piżijiet tad-dejn mhux sostenibbli tagħhom; jinsisti li l-ODA, kif definita mill-OECD, għandu dejjem ikollha bħala l-objettiv primarju tagħha l-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku u l-benesseri tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u għalhekk jeħtieġ li jkollha rwol ewlieni fil-finanzjament tal-SDGs;

82.

Jenfasizza li l-prinċipji tal-effikaċja tal-iżvilupp għandhom jiġu segwiti, li d-drittijiet tal-bniedem iridu jiġu rispettati bis-sħiħ mill-atturi kollha li jibbenefikaw minn finanzjament imħallat u garanziji;

83.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura trasparenza sħiħa fil-kooperazzjoni tas-settur privat sabiex tkun miftuħa għall-iskrutinju effettiv parlamentari, pubbliku u tal-partijiet ikkonċernati;

84.

Jenfasizza li n-nuqqas ta’ pjan ta’ finanzjament għall-SDGs jipprevjeni l-monitoraġġ ġenerali tal-infiq fuq l-implimentazzjoni tagħhom fil-baġit tal-UE; jappella għall-adozzjoni ta’ pjan ta’ finanzjament tal-UE għall-SDGs taħt Qafas Finanzjarju Pluriennali rivedut;

85.

Jissottolinja li l-Aġenda 2030 għandha tiggwida l-għodod kollha ta’ finanzjament tal-UE u l-programmazzjoni tagħhom, speċjalment il-QFP, l-NDICI-Ewropa Globali, l-EFSD+, l-għodod ewlenin tal-finanzjament tal-iżvilupp tal-UE kif ukoll tesplora sinerġiji ma’ Orizzont Ewropa, LIFE+, InvestEU, u l-Programm Ewropa Diġitali;

86.

Jissottolinja li l-pjan ta’ finanzjament għall-SDGs għandu jindirizza n-nuqqas ta’ marġni taħt l-Intestatura 6 tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali, li ma jipprovdix mezzi suffiċjenti għall-azzjoni esterna tal-UE biex tgħin lill-pajjiżi sħab jiffinanzjaw l-istrateġiji tal-SDGs tagħhom;

87.

Jenfasizza li strateġiji ta’ investiment importanti tal-UE bħall-Global Gateway iridu jkunu orjentati b’mod ċar lejn il-ħtiega, u jkunu vvalutati bis-sħiħ fil-kuntest ta’ din l-istess ħtieġa, li tiġi implimentata l-Aġenda 2030 bil-prinċipju tagħha ta’ “ħadd u mkien ma jitħalla jibqa’ lura”, li jinkludi d-dimensjoni soċjali, ekonomika u ambjentali kollha kemm hi; jinsab imħasseb li l-Global Gateway m’għandhiex mandat ċar fir-rigward tal-iżvilupp, u li t-tfassil u l-ippjanar tagħha huma nieqsa mit-trasparenza u mill-iskrutinju pubbliku; jikkritika n-nuqqas ta’ finanzjament ġdid u d-dipendenza tagħha fuq il-finanzjament privat, li min-natura tiegħu huwa avvers għar-riskju, u b’hekk, in-nuqqas ta’ ħila tagħha li tilħaq l-ewwel lil dawk li jinsabu lura l-aktar;

88.

Jenfasizza li r-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-NDICI-Ewropa Globali jipprovdi opportunità biex jiġi vvalutat il-kontribut tal-UE biex jinkisbu l-SDGs madwar id-dinja u jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-Aġenda 2030 billi jistabbilixxi impenji ċari u li jistgħu jitkejlu għas-snin li ġejjin;

89.

Jieħu nota tal-idea inizjali mfassla fir-Regolament dwar it-Tassonomija (23) li l-Kummissjoni tippubblika rapport bl-għan li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu lil hinn mill-attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli; jisħaq, madankollu, li l-ispejjeż regolatorji żdiedu u li l-ambjent makroekonomiku nbidel b’mod konsiderevoli mill-adozzjoni tar-Regolament dwar it-Tassonomija; jilqa’, f’dan il-kuntest, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Marzu 2023 intitolata “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: lil hinn mill-2030” (24), li għandha l-għan li tirrazzjonalizza u tissimplifika r-rekwiżiti ta’ rapportar b’25 % għal kull wieħed mill-oqsma tematiċi, dawk ekoloġiċi, diġitali u ekonomiċi, u l-preżentazzjoni mill-Kummissjoni ta’ proposta biex dan jinkiseb sal-ħarifa tal-2023; jistieden lill-Kummissjoni turi dan l-impenn malajr, inkluż billi toqgħod lura milli tintroduċi kwalunkwe rekwiżit ġdid impenjattiv, u b’hekk ittejjeb il-kompetittività tal-impriżi kollha fl-UE, inklużi l-SMEs, u ttejjeb il-kundizzjonijiet bażiċi għall-ġustizzja soċjali u l-prosperità;

90.

Jirrikonoxxi r-rwol ewlieni tal-BEI fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u fl-ekonomija blu sostenibbli, u l-kontribut sostanzjali tiegħu għar-rispons ekonomiku tal-UE għall-pandemija tal-COVID-19; jitlob lill-UE tkompli timmassimizza l-potenzjal tal-BEI bħala għodda biex tingrana l-awtonomija strateġika tal-UE u l-ksib tagħha tal-SDGs, u biex tippromwovi l-interessi u l-prijoritajiet tal-politika esterna tagħha fir-relazzjonijiet tagħha ma’ pajjiżi mhux tal-UE;

91.

Jenfasizza l-urġenza li l-istituzzjonijiet finanzjarji jkunu meħtieġa jiddefinixxu u jadottaw strateġiji u miri biex jallinjaw il-portafolli finanzjarji u assi oħra mal-SDGs u jirrapportaw regolarment dwar il-progress fost l-oħrajn fil-kuntest tar-rapportar ESG tagħhom;

92.

Jissottolinja l-importanza li l-baġit tal-UE jsir konsistenti mas-17-il SDG u mas-sottomiri rispettivi tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni teżamina d-dettalji ta’ metodoloġija ddedikata għat-traċċar tan-nefqa tal-SDGs fil-baġit tal-UE, komplementari għall-metodoloġiji ta’ traċċar tal-klima u tal-bijodiversità diġà fis-seħħ; jitlob li jsir immappjar komprensiv tal-pakketti finanzjarji ta’ politiki, programmi u fondi eżistenti u futuri tal-UE, inkluż tal-investimenti u r-riformi strutturali segwiti taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-objettivi ta’ Aġenda 2030;

93.

Jenfasizza li finanzjament adegwat għall-kisba tal-SDGs, b’mod speċjali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, jirrikjedi riforma qawwija tal-arkitettura finanzjarja globali biex il-partijiet kollha tagħha jiġu allinjati mal-Aġenda 2030 għall-iżvilupp globali, il-Ftehim ta’ Pariġi dwar l-azzjoni klimatika u l-Qafas Globali tal-Bijodiversità;

94.

Jitlob l-operazzjonalizzazzjoni rapida tal-Fond għat-Telf u l-Ħsara maqbul fil-COP27 u li l-impenji ta’ finanzjament ġodda jiġu diretti b’ħeffa lejn fejn huma meħtieġa l-aktar;

95.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-impenn tagħhom u jaħdmu b’mod konġunt lejn ir-riformi meħtieġa tal-Fond Monetarju Internazzjonali, tal-Grupp tal-Bank Dinji u tal-banek multilaterali tal-iżvilupp sabiex jaġġustaw il-viżjonijiet u l-mudelli operattivi ta’ dawn l-istituzzjonijiet finanzjarji b’enfasi fuq it-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanza li qed tiżdied u l-promozzjoni ta’ tranżizzjoni doppja ġusta u sostenibbli;

96.

Jiddispjaċih li f’għadd ta’ każijiet, ir-riformi strutturali promossi mill-FMI u mill-Bank Dinji kkontribwew biex iddgħajfet il-ħila tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jippromwovu politiki pubbliċi għall-ġlieda kontra l-faqar u biex isaħħu s-sistemi tal-edukazzjoni u tas-saħħa;

97.

Jistieden b’urġenza lill-Kummissjoni biex tintraċċa l-inkonsistenzi fl-infiq u tidentifka u telimina gradwalment is-sussidji kollha li jagħmlu ħsara lill-ambjent mingħajr dewmien, kif meħtieġ mill-Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2030;

98.

Jindika l-ħtieġa li d-Drittijiet Speċjali ta’ Prelevament (SDRs) tal-FMI jiġu diretti mill-ġdid lejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-Banek Multilaterali tal-Iżvilupp (MDBs) bil-għan li tiżdied il-kapaċità ta’ investiment tal-SDGs mingħajr ma jinħoloq dejn addizzjonali; jissottolinja l-ħtieġa li jittejbu t-termini tas-self tal-MDBs, inkluż rati ta’ imgħax aktar baxxi u self fuq terminu itwal;

99.

Jilqa’ ħafna l-Inizjattiva Bridgetown f’dan ir-rigward, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu ruħhom b’mod kostruttiv u proattiv fid-diskussjonijiet rilevanti fil-fora internazzjonali matul l-2023 sabiex ikunu jistgħu jinkisbu riformi ambizzjużi b’ħeffa;

100.

F’dan ir-rigward, jilqa’ l-fatt li f’Ġunju 2023 għandu jsir Summit għal Patt Finanzjarju Globali Ġdid f’Pariġi, u dan jagħmilha possibbli li jiġi promoss approċċ inklużiv billi jlaqqa’ flimkien il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha; jistieden lill-UE u lis-sħab internazzjonali jinvolvu ruħhom bis-sħiħ f’impenji u azzjoni reali matul dan is-summit internazzjonali biex jiffaċilitaw l-aċċess tal-pajjiżi vulnerabbli għall-finanzi li jeħtieġu biex jindirizzaw il-konsegwenzi tal-kriżijiet attwali u futuri u jimplimentaw l-Aġenda 2030, u jagħmluha opportunità biex jinbena kuntratt ġdid bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar;

101.

Jirrikonoxxi l-importanza u l-potenzjal tal-banek tal-iżvilupp tal-Istati Membri u ta’ istituzzjonijiet Ewropej oħra ta’ finanzjament għall-iżvilupp; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li tingħata spinta lis-settur privat fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b’mod partikolari fl-Afrika sub-Saħarjana, u d-diffikultajiet li wieħed jiltaqa’ magħhom f’dan il-qasam ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp;

102.

Jappella għal tixrid aktar effettiv ta’ informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament li jistgħu jkunu disponibbli għan-negozji biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tal-pjanijiet strateġiċi tal-SDGs fil-livell lokali u reġjonali mill-Bank Ewropew tal-Investiment;

103.

Iħeġġeġ lis-settur privat u lill-istituzzjonijiet finanzjarji multilaterali jkomplu jappoġġaw lill-pajjiżi li l-ekonomiji tagħhom intlaqtu mill-pandemija tal-COVID-19 biex jiksbu rkupru sostenibbli, reżiljenti u inklużiv;

104.

Jinsab allarmat dwar il-fatt li l-LDCs diġà ma setgħux jiffinanzjaw l-implimentazzjoni tal-SDGs qabel il-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerra fl-Ukrajna u għaldaqstant issa jeħtieġu l-appoġġ finanzjarju saħansitra aktar; jenfasizza li aktar minn 50 % tad-69 pajjiż bi dħul baxx jew medju qed iħabbtu wiċċhom ma’ kriżi tad-dejn jew riskju kbir ta’ kriżi tad-dejn; jinnota bi tħassib kbir li skont in-NU, 25 pajjiż li qed jiżviluppaw nefqu aktar minn 20 % tad-dħul totali tal-gvern fuq is-servizz tad-dejn estern fl-2022, filwaqt li fl-istess ħin, 16 mill-pajjiżi l-aktar midjunin illum għandhom jagħtu aktar minn 30 % tad-dejn estern pubbliku u garantit pubblikament lil kredituri privati; jissottolinja li l-kost għoli tas-self għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw jinibixxi l-investiment fl-SDGs;

105.

Jenfasizza l-ħtieġa kemm ta’ sforzi ta’ serħan mid-dejn globali rapidu għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b’mod li jtemm is-sindromu ta’ “ftit wisq, tarq wisq” u l-aggravazzjoni bla bżonn ta’ sitwazzjonijiet ta’ dejn, kif ukoll ta’ bidliet sistemiċi lejn ordni multilaterali bbażat fuq ir-regoli li jkollu l-ħila jimpedixxi kriżijiet ta’ dejn ġodda;

106.

Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex, f’konsultazzjoni mal-atturi internazzjonali l-kbar kollha u l-pajjiżi kkonċernati, tfassal strateġija ġenwina biex issalva lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw minn dejn eċċessiv; b’mod partikolari, jitlob li jinħoloq mekkaniżmu multilaterali ta’ ristrutturar tad-dejn, taħt l-awspiċji tan-NU;

107.

Jinnota li l-Qafas Komuni tad-Dejn għadu ma jipprovdix serħan konkret mid-dejn u jitlob inizjattiva multilaterali imsaħħa ta’ serħan mid-dejn b’mekkaniżmu effettiv biex jiġu involuti l-kredituri privati, serħan mid-dejn f’każ ta’ kisba ta’ SDGs u azzjoni klimatika (tpartit tad-dejn) u miżuri biex tiġi ffaċilitata l-koordinazzjoni tas-sellief fuq kuntratti ta’ self ġodda u l-adozzjoni ta’ sospensjoni awtomatika tad-dejn f’każ ta’ xokk predefinit;

108.

Jilqa’ l-ispinta tas-Segretarju Ġenerali tal-NU għal Stimulu globali għall-SDGs għat-Twettiq tal-Aġenda 2030 li jitlob likwidità addizzjonali, ristrutturar effettiv tad-dejn u l-espansjoni tal-finanzjament għall-iżvilupp, bl-għan li jinfetaħ spazju fiskali sinifikanti fl-ekonomiji li qed jiżviluppaw u li tiġi riformata l-arkitettura finanzjarja internazzjonali globali; jappella għal rispons kollettiv mill-UE u l-Istati Membri tagħha għall-inizjattiva Stimolu għall-SDGs u biex jibdew mingħajr dewmien it-tħejjija parallela ta’ proposti għal pjan bħal dan;

109.

Jindika r-rilevanza tar-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ April 2018 dwar it-titjib tas-sostenibbiltà tad-dejn tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw (25), li żdiedet biss issa li l-pressjonijiet ġodda u n-nuqqas ta’ azzjoni adegwata qed jirriżultaw fi kriżi maġġuri ġdida tad-dejn; jafferma mill-ġdid l-appelli li saru f’din ir-riżoluzzjoni għall-kunsiderazzjoni sistematika tal-ħtiġijiet ta’ riżorsi fil-kuntest tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-dritt għall-iżvilupp, u l-prijoritizzazzjoni ta’ dawn il-ħtiġijiet, għall-istabbiliment ta’ mekkaniżmu internazzjonali għall-ħlas lura tad-dejn, għat-trasformazzjoni tal-Prinċipji tal-UNCTAD għall-Promozzjoni ta’ Self Responsabbli fi strumenti legalment vinkolanti u infurzabbli, għas-sanzjonar ta’ selliefa li jsellfu lill-gvernijiet manifestament korrotti jew bi ksur tal-liġi stabbilita mill-parlament nazzjonali tal-Istat li jissellef;

110.

Jirrikonoxxi l-importanza li r-riżorsi domestiċi jiġu mobilizzati fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw kif ukoll l-isfidi strutturali tal-mobilizzazzjoni tagħhom, u jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li dan jiddependi fuq ambjent internazzjonali favorevoli; ifakkar li l-ħruġ finanzjarju illeċitu u r-rifuġji fiskali għandhom impatt qawwi ħafna fuq l-ispazju fiskali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jikkompromettu serjament l-Istat tad-Dritt u r-reżiljenza istituzzjonali f’dawn il-pajjiżi, li hija prekundizzjoni essenzjali biex jinkiseb żvilupp sostenibbli;

111.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu t-tmexxija biex irażżnu l-prattiki tal-evażjoni tat-taxxa u tal-evitar tat-taxxa, inkluż l-elenkar ta’ ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa, iżidu l-kooperazzjoni tagħhom mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw dwar kwistjonijiet ta’ taxxa biex ikunu jistgħu jsaħħu l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi pubbliċi, u jieħdu l-inizjattiva u jagħmlu pressjoni favur l-istabbiliment ta’ kummissjoni intergovernattiva tan-NU għall-kooperazzjoni internazzjonali dwar kwistjonijiet ta’ taxxa, sabiex jiġu miġġielda l-ħruġ finanzjarju illeċitu u l-evażjoni tat-taxxa transfruntiera, u jiġu magħluqa r-rifuġji fiskali;

112.

Itenni r-rwol kritiku tal-investimenti pubbliċi u privati u s-sħubiji pubbliċi-privati biex jiżdiedu l-investimenti tal-iżvilupp fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u fl-LDCs, fejn il-ħtiġijiet huma l-akbar, biex jingħalaq id-distakk annwali ta’ USD 4 triljun fil-finanzjament tal-SDGs; jistieden għaldaqstant lill-Kummissjoni biex tagħti bidu għal diskussjonijiet fil-fond u tinvolvi ruħha mas-settur privat biex tħeġġeġ il-finanzjament privat;

113.

Fl-istess ħin, iwissi wkoll dwar ir-riskji involuti, pereżempju l-erożjoni tal-aċċess universali għal servizzi pubbliċi kritiċi ta’ kwalità (bħas-saħħa, l-edukazzjoni u l-protezzjoni soċjali, jew il-produzzjoni lokali tal-enerġija rinnovabbli) jew il-kumpens żejjed tal-investituri privati; jinnota f’dan ir-rigward li l-evidenza ġenerali tal-effikaċja mil-lat ta’ żvilupp tas-sussidjar tal-investiment privat għadha dgħajfa u li bħalissa hemm nuqqas ta’ evidenza li l-finanzjament imħallat kellu impatt kbir fl-ilħuq tal-SDGs;

114.

Għaldaqstant jistieden lill-UE tistinka għal approċċ ġdid fil-finanzjament imħallat li jkun ibbażat fuq impatt immirat fuq l-SDGs, kondiviżjoni ġusta tar-riskji u tal-benefiċċji, mekkaniżmi ċari ta’ responsabbiltà, u standards soċjali u ambjentali konsistenti, f’konformità mal-Aġenda ta’ Azzjoni ta’ Addis Ababa, u tagħti prijorità lill-intrapriżi domestiċi fl-LDCs li jfittxu mudelli tan-negozju sostenibbli u inklużivi;

115.

Jenfasizza r-rwol tal-filantropija privata fil-finanzjament tal-iżvilupp sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi qafas ta’ abilitazzjoni aħjar għall-fondazzjonijiet kemm fil-politiki interni tagħha kif ukoll fir-relazzjonijiet tagħha ma’ pajjiżi terzi;

116.

Ifakkar li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw huma storikament vulnerabbli għax-xokkijiet esterni, minħabba bażijiet tal-esportazzjoni limitati u ekonomiji inqas diversifikati; jenfasizza, għalhekk, li waħda mill-isfidi ewlenin għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw hija li jitilgħu l-katina ta’ valur globali permezz tad-diversifikazzjoni ekonomika u li jħallu warajhom il-mudell ta’ produzzjoni orjentat lejn l-esportazzjoni u jagħżlu l-iżvilupp ibbażat fuq is-swieq nazzjonali u reġjonali; għal dan l-għan, jenfasizza r-rwol kruċjali tal-fora u l-istituzzjonijiet multilaterali biex isir progress lejn dawk l-objettivi, bil-ħsieb li tiġi sfruttata r-reżiljenza u tiżdied l-awtonomija nazzjonali jew reġjonali fil-produzzjoni ta’ oġġetti u servizzi essenzjali;

117.

Jirrikonoxxi r-rwol tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, il-kooperattivi, il-mudelli kummerċjali inklużivi u l-istituti tar-riċerka lokali bħala muturi tat-tkabbir, l-impjieg u l-innovazzjoni lokali, li min-naħa tagħhom se jikkontribwixxu għall-kisba tal-SDGs;

Politiki settorjali relatati mal-SDGs li qed jiġu rieżaminati fil-Forum Politiku ta’ Livell Għoli tal-2023

118.

Jiddispjaċih li ħafna każijiet ta’ inkonsistenzi fil-politika jipprevalu f’diversi oqsma settorjali tal-UE, b’mod partikolari dawk relatati mal-politika tal-ikel, l-enerġija, il-kummerċ u t-tassazzjoni, b’konsegwenzi negattivi partikolarment inkwetanti għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

119.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw aċċess għal tisħin u elettriku nodfa u affordabbli; Jenfasizza li t-tnaqqis tad-domanda għall-enerġija permezz taż-żieda fl-effiċjenza tal-bini, tal-prodotti għall-konsumatur u tat-trasport jista’ jikkontribwixxi wkoll biex it-tisħin globali jiġi limitat għal 1,5C skont l-impenn tal-Ftehim ta’ Pariġi, filwaqt li jiġu appoġġati l-għanijiet globali relatati mas-saħħa, l-edukazzjoni, il-faqar, l-impjiegi u s-sigurtà tal-ikel;

120.

Jissottlinja li 70 % tal-popolazzjoni tal-UE llum jgħixu fl-ibliet, u huwa previst li fl-2050 dan il-perċentwal se jilħaq kważi 84 %; għalhekk jenfasizza l-importanza ta’ żvilupp urban sostenibbli fl-UE, anki, fost oħrajn, permezz ta’: bidla modali għal modi ta’ trasport aktar sostenibbli; mewġa ambizzjuża ta’ rinnovazzjoni biex jiġi rinnovat l-istokk tal-bini tal-UE u b’hekk jitnaqqsu l-konsum tal-enerġija, l-emissjonijiet u l-kontijiet tal-enerġija, jinħolqu impjiegi lokali u jiġi żgurat bini aktar sikur u aktar tajjeb għas-saħħa biex in-nies jgħixu fih; u l-istabbiliment u l-espansjoni ta’ infrastruttura ekoloġika u blu fil-bliet li jservu biex jonqsu t-tniġġis tal-arja, tal-ilma u tal-istorbju, jipprovdu protezzjoni mill-għargħar, min-nixfiet u mill-mewġiet tas-sħana, u jipprovdi rifuġju għan-natura kif ukoll faċilitajiet rikreattivi għan-nies;

121.

Jenfasizza l-importanza li jinkiseb aċċess universali għall-enerġija għal kulħadd fin-Nofsinhar Globali; jinsisti fuq il-bżonn li jiġu appoġġati soluzzjonijiet deċentralizzati rinnovabbli, bħal soluzzjonijiet tal-enerġija fuq skala żgħira, mhux kollegati mal-grilja jew kollegati ma’ grilja żgħira ħafna, biex jintlaħqu l-partijiet kollha tal-popolazzjonijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, partikolarment il-popolazzjonijiet foqra u rurali; jistieden lill-UE tiffoka l-isforzi tagħha, finanzjarjament u teknikament, fuq dawn is-soluzzjonijiet fuq skala żgħira għall-faqar tal-enerġija f’żoni remoti;

122.

Jinnota l-proposta tal-Kummissjoni li tikkonkludi Ftehimiet ta’ Faċilitazzjoni tal-Investiment Sostenibbli ġodda; jenfasizza li l-UE jeħtiġilha timmira li tinnegozja mas-sħab tagħha biex tiżviluppa ftehimiet ta’ kummerċ u kooperazzjoni sostenibbli li jirrispettaw id-dritt ta’ kull parti li tirregola u joħolqu valur miżjud għaż-żewġ partijiet, filwaqt li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-klima u tad-drittijiet tal-bniedem;

123.

Ifakkar li t-telf tal-bijodiversità u tas-servizzi tal-ekosistema se jikkomprometti l-progress f’madwar 80 % tal-miri vvalutati għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU u jistieden lill-UE tindirizza l-kawżi fundamentali tat-telf tal-bijodiversità u tintegra l-obbligi dwar il-konservazzjoni, ir-restawr u l-użu sostenibbli tar-riżorsi fil-politiki tal-iżvilupp usa’; ifakkar li r-restawr ekoloġiku huwa essenzjali għall-implimentazzjoni tal-approċċ “Saħħa Waħda”; jenfasizza li l-isforzi ta’ konservazzjoni ma jridux jiksru d-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari dawk tal-popli indiġeni u tal-komunitajiet lokali; għaldaqstant, jistieden lill-UE tiżviluppa programm ta’ konservazzjoni f’konsultazzjoni mal-komunitajiet lokali, il-popli indiġeni u n-nisa, kif ukoll ma’ gruppi emarġinati oħra biex verament jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra d-deforestazzjoni u t-telf tal-bijodiversità;

Il-prospetti

124.

Itenni li l-SDGs huma l-uniku sett ta’ għanijiet maqbula globalment u komprensivi dwar l-isfidi l-kbar li se jkollhom kemm il-pajjiżi żviluppati kif ukoll dawk li qed jiżviluppaw u l-Aġenda 2030 għandha għaldaqstant isservi bħala dawl ta’ gwida meta jiġu indirizzati l-inċertezzi attwali; jirrakkomanda bil-qawwa l-SDG 17 (Sħubija għall-Għanijiet) għar-rivitalizzazzjoni urġenti tas-sħubiji globali b’mod partikolari bejn il-gvernijiet, is-settur privat, u s-soċjetà ċivili bl-għan tal-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030; jenfasizza l-opportunità li l-SDGs jipprovdu biex tiġi stabbilita ekonomija tal-benesseri reali ċċentrata fuq in-nies u l-pjaneta u biex issir ħidma lejn dinja sostenibbli lil hinn mill-2030;

125.

Jissuġġerixxi li n-NU għandha tħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jappoġġaw l-introduzzjoni ta’ skedi ta’ żmien konkreti u pjanijiet ta’ implimentazzjoni li huma vinkolanti għall-Istati firmatarji lejn l-2030 u lil hinn; jistieden barra minn hekk lin-NU biex tħejji strateġija ta’ wara l-Aġenda 2030 ferm qabel iż-żmien;

o

o o

126.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1)   ĠU C 210, 30.6.2017, p. 1.

(2)   ĠU L 114, 12.4.2022, p. 22.

(3)   ĠU C 400, 26.11.2019, p. 9.

(4)   ĠU C 316, 22.9.2017, p. 99.

(5)   ĠU C 132, 14.4.2023, p. 54.

(6)   ĠU C 334, 19.9.2018, p. 151.

(7)   ĠU C 23, 21.1.2021, p. 130.

(8)   ĠU C 232, 16.6.2021, p. 28.

(9)   ĠU C 67, 8.2.2022, p. 25.

(10)   ĠU C 347, 9.9.2022, p. 181.

(11)   ĠU C 32, 27.1.2023, p. 28.

(12)   ĠU C 47, 7.2.2023, p. 171.

(13)   ĠU C 167, 11.5.2023, p. 57.

(14)   ĠU C 491, 23.12.2022, p. 1.

(15)  Testi adottati, P9_TA(2023)0071.

(16)   ĠU L 209, 14.6.2021, p. 1.

(17)   Il-Kummissjoni Ewropea, 2022: Ewrobarometru: SMEs tal-UE li jaħdmu lejn is-sostenibbiltà .

(18)  Rapport 2022 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli, “From Crisis to Sustainable Development: the SDGs as Roadmap to 2030 and Beyond (Minn Kriżi għall-Iżvilupp Sostenibbli: l-SDGs bħala Pjan Direzzjonali għall-2030 u lil hinn)”.

(19)   SDG 6: Ilma nadif u sanità SDG 7: Enerġija affordabbli u nadifa SDG 9: Industrija, Innovazzjoni u Infrastruttura; SDG 11: Bliet u komunitajiet sostenibbli SDG 17: Sħubijiet għall-għanijiet.

(20)  Id-Direttiva 2000/60/KE tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

(21)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni kif ukoll l-esportazzjoni mill-Unjoni ta’ ċerti komoditajiet u prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 (COM(2021)0706).

(22)  Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), Global Outlook on Financing for Sustainable Development 2023: No Sustainability Without Equity, OECD Publishing, Pariġi, 2022.

(23)  Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).

(24)  COM(2023)0168.

(25)   ĠU C 390, 18.11.2019, p. 46.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/493/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)