European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2024/489

23.1.2024

P9_TA(2023)0246

L-adeżjoni tal-Ukrajna għall-Konvenzjoni tat-2 ta’ Lulju 2019 dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi Barranin f’Materji Ċivili jew Kummerċjali

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Ġunju 2023 dwar l-appoġġ għall-adeżjoni tal-Ukrajna mal-Konvenzjoni tat-2 ta’ Lulju 2019 dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi Barranin f’Materji Ċivili jew Kummerċjali (2023/2689(RSP))

(C/2024/489)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Artikoli 24 u 29 tal-Konvenzjoni tat-2 ta’ Lulju 2019 dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi Barranin f’Materji Ċivili jew Kummerċjali (“Konvenzjoni dwar is-Sentenzi”),

wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar l-adeżjoni tal-Ukrajna mal-Konvenzjoni tat-2 ta’ Lulju 2019 dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi Barranin f’Materji Ċivili jew Kummerċjali,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Frar 2023 dwar sena wara l-invażjoni u l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna (1) u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta’ Marzu 2022 dwar l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna (2),

wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-appoġġ għall-adeżjoni tal-Ukrajna mal-Konvenzjoni tat-2 ta’ Lulju 2019 dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi Barranin f’Materji Ċivili jew Kummerċjali (O-00000024/2023 – B9-0025/2023),

wara li kkunsidra l-Artikolu 136(5) u l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali;

A.

billi l-għan statutorju tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat (“il-Konferenza tal-Aja”) huwa li taħdem għall-unifikazzjoni progressiva tar-regoli tad-dritt internazzjonali privat;

B.

billi l-Unjoni Ewropea saret parti għall-Konferenza tal-Aja fit-3 ta’ April 2007;

C.

billi l-Konvenzjoni dwar is-Sentenzi tiffaċilita ċ-ċirkolazzjoni internazzjonali effettiva ta’ sentenzi f’materji ċivili jew kummerċjali billi tipprovdi ċertezza legali u prevedibbiltà lill-partijiet involuti fi tranżazzjonijiet transfruntiera u ċarezza dwar jekk u sa liema punt sentenza se tiġi rikonoxxuta u eżegwita f’ġuriżdizzjoni oħra; billi sabiex tiżgura r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi barranin, il-Konvenzjoni dwar is-Sentenzi għandha ttejjeb l-aċċess għall-ġustizzja billi tnaqqas l-iskedi ta’ żmien, l-ispejjeż u r-riskji legali f’ċirkostanzi transfruntiera;

D.

billi skont l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni dwar is-Sentenzi, kwalunkwe stat terz jista’ jaderixxi mal-Konvenzjoni; billi tali adeżjoni toħloq relazzjonijiet konvenzjonali bejn żewġ partijiet kontraenti biss jekk l-ebda wieħed minnhom ma jkun innotifika lid-depożitarju li l-adeżjoni m’għandhiex ikollha l-effett li tistabbilixxi relazzjonijiet konvenzjonali mal-ieħor; billi tali notifika trid tiġi sottomessa fi żmien perjodu ta’ 12-il xahar wara d-data li fiha tkun ġiet notifikata l-adeżjoni;

E.

billi skont il-prattika attwali, il-Kummissjoni ma tagħtix bidu għal proċedura formali skont l-Artikolu 218(6) tat-TFUE għall-konvenzjonijiet li fihom mekkaniżmu ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni, iżda tinforma biss lill-Kunsill u lill-Parlament dwar it-talba ta’ kwalunkwe pajjiż terz biex jaderixxi ma’ strument partikolari tal-Aja;

F.

billi, skont ġurisprudenza stabbilita sew, ftehim internazzjonali ma jistax jaffettwa l-allokazzjoni tas-setgħat stabbiliti mit-Trattati, għalhekk il-fatt li fil-livell internazzjonali tkun ġiet adottata proċedura ta’ silenzju biex tiġi ffaċilitata l-adeżjoni minn stati terzi ma għandha tkun tal-ebda konsegwenza għall-proċess intern tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE;

G.

billi l-Unjoni Ewropea saret parti għall-Konferenza tal-Aja fid-29 ta’ Awwissu 2022;

H.

billi l-Ukrajna ffirmat u rratifikat il-Konvenzjoni dwar is-Sentenzi;

I.

billi fl-24 ta’ April 2023, il-Kunsill qabel li jistabbilixxi relazzjonijiet konvenzjonali mal-Ukrajna fil-qafas tal-Konvenzjoni dwar is-Sentenzi;

J.

billi jekk l-Unjoni taċċetta l-adeżjoni tal-Ukrajna għall-Konvenzjoni dwar is-Sentenzi, din tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2023 u tkun applikabbli bejn iż-żewġ partijiet;

1.

Itenni s-solidarjetà soda tiegħu mal-poplu u l-mexxejja tal-Ukrajna u l-appoġġ tiegħu għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fil-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment;

2.

Jilqa’ l-valutazzjonijiet pożittivi li saru mill-Kummissjoni u mill-Kunsill bl-għan li jiġu stabbiliti relazzjonijiet konvenzjonali mal-Ukrajna fil-qafas tal-Konvenzjoni dwar is-Sentenzi;

3.

Jappoġġa l-adeżjoni tal-Ukrajna għall-Konvenzjoni dwar is-Sentenzi;

4.

Jinnota li din ir-riżoluzzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218(6) tat-TFUE, li għandha tiġi segwita fi kwistjonijiet li jikkonċernaw l-istabbiliment tal-pożizzjoni tal-UE rigward l-adeżjoni ta’ stati terzi mal-Konvenzjonijiet tal-Konferenza tal-Aja;

5.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.

(1)  Testi adottati, P9_TA(2023)0056.

(2)   ĠU C 125, 18.3.2022, p. 2.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/489/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)