European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2023/1640

29.12.2023

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-18 ta' Diċembru 2023

dwar qafas Ewropew biex jiġu attirati u miżmuma t-talenti fir-riċerka, fl-innovazzjoni u intraprenditorjali fl-Ewropa

(C/2023/1640)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 182(5) u l-Artikolu 292, l-ewwel u t-tieni sentenza, tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2005/251/KE (1) qdiet rwol importanti fl-appoġġ lir-riċerkaturi u l-karrieri fir-riċerka fl-Unjoni. Il-Karta Ewropea għar-Riċerkaturi u l-Kodiċi ta’ Kondotta għar-Reklutaġġ tar-Riċerkaturi (“Karta u Kodiċi għar-Riċerkaturi”) saru punti ta’ referenza għar-riċerkaturi u għall-impjegaturi jew il-finanzjaturi tar-riċerkaturi, filwaqt li qed jikkontribwixxu għat-tisħiħ taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) u qed jappoġġaw l-iżvilupp ta’ suq tax-xogħol tal-Unjoni aktar attraenti, miftuħ u sostenibbli għar-riċerkaturi. Proċedura Ewropea li tiċċertifika l-impenn u l-progress ta’ istituzzjoni fl-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Karta u l-Kodiċi għar-Riċerkaturi, l-Istrateġija dwar ir-Riżorsi Umani għar-Riċerkaturi (HRS4R), ilha fis-seħħ mill-2008.

(2)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza”, adottata fl-1 ta’ Lulju 2020 (2), tissottolinja li r-riċerkaturi jinsabu fuq quddiem nett fix-xjenza u l-innovazzjoni, u li jeħtieġu settijiet speċifiċi ta’ ħiliet biex ikollhom karrieri ta’ suċċess fid-dinja akkademika u lil hinn minnha. Din tipprevedi d-definizzjoni ta’ tassonomija tal-ħiliet għar-riċerkaturi biex jitħalla, fost l-oħrajn, li jsir il-monitoraġġ statistiku taċ-ċirkolazzjoni tal-imħuħ, l-iżvilupp tal-Qafas Ewropew tal-Kompetenzi għar-Riċerkaturi, u l-appoġġ biex ir-riċerkaturi jiksbu l-ħiliet meħtieġa għall-mobbiltà intersettorjali. L-ewwel azzjoni ewlenija tal-Aġenda għall-Ħiliet, il-Patt tal-Unjoni għall-Ħiliet, tappoġġa t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid ta’ ħiliet b’kollaborazzjoni bejn l-industrija, il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, is-sħab soċjali u l-awtoritajiet pubbliċi fi sħubijiet għall-ħiliet fuq skala kbira.

(3)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “ŻER ġdida għar-Riċerka u l-Innovazzjoni”, adottata fit-30 ta’ Settembru 2020 (3), tagħraf li fit-tellieqa dinjija għat-talenti hemm bżonn jinħolqu kundizzjonijiet tal-iżvilupp tal-karriera li jattiraw u jżommu l-aqwa riċerkaturi fl-Unjoni, u li l-impjiegi prekarji, b’mod partikolari għar-riċerkaturi fil-bidu tal-karriera, ma ġewx indirizzati b’mod adegwat matul dawn l-aħħar snin. Tenfasizza wkoll in-nuqqas ta’ allinjament frekwenti bejn il-ħiliet tar-riċerkaturi u l-ħtiġijiet tas-soċjetà u tal-ekonomija, u l-importanza li r-riċerkaturi jitħarrġu u jiġu inċentivati biex isegwu karriera barra mid-dinja akkademika, bl-involviment tal-industrija. Dik il-Komunikazzjoni tindika li biex jissaħħu l-karrieri fir-riċerka fl-Ewropa, hemm bżonn ta’ sett ta’ miżuri mmirati għar-rikonoxximent tal-ħiliet tar-riċerkaturi, l-iżvilupp tal-qafas ta’ kompetenza għar-riċerkaturi, it-titjib tal-mobbiltà u l-mekkaniżmi ta’ skambju bejn id-dinja akkademika u l-industrija, opportunitajiet ta’ taħriġ immirat, u portal uniku ta’ servizz li r-riċerkaturi kollha mis-settur pubbliku u dak privat jistgħu jaċċessaw għal firxa wiesgħa ta’ servizzi ta’ appoġġ. Dik il-Komunikazzjoni tipprevedi wkoll it-titjib tas-sistema ta’ valutazzjoni tar-riċerka biex tirrikonoxxi b’mod korrett u xieraq id-diversità tal-perkorsi u l-attivitajiet tal-karriera li jirrispondu aħjar għall-ħtiġijiet tas-soċjetà.

(4)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar “Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka l-Ġdida” tal-1 ta’ Diċembru 2020 jisħqu li bħala elementi vitali taż- ŻER il-ġdida, li jikkontribwixxu biex jattiraw u jżommu riċerkaturi eċċellenti, jeħtieġ jinħolqu kundizzjonijiet tax-xogħol attraenti u sikuri, u tiżdied l-attraenza tal-karrieri fir-riċerka, filwaqt li titqies ix-xjenza miftuħa, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-ħiliet diġitali, il-valutazzjoni tar-riċerka, id-diversifikazzjoni tal-karrieri fir-riċerka u perkorsi ta’ diversi karrieri.

(5)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-“Approfondiment taż-Żona Ewropea tar-Riċerka: Nagħtu lir-riċerkaturi karrieri u kundizzjonijiet tax-xogħol attraenti u sostenibbli u nagħmlu ċ-ċirkolazzjoni tal-imħuħ realtà” tat-28 ta’ Mejju 2021, jagħrfu li r-riċerkaturi jinsabu fil-qalba tas-sistemi tal-Unjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni, u li hija meħtieġa azzjoni aktar koordinata fil-livell tal-Unjoni biex jingħelbu l-isfidi eżistenti li jiffaċċjaw ir-riċerkaturi fil-bini ta’ karrieri ta’ riċerka interoperabbli u sostenibbli – li jippermettu perkorsi ta’ karriera diversifikati u multipli – biex tiġi stimulata ċirkolazzjoni bbilanċjata tat-talenti, u biex l-Unjoni ssir destinazzjoni attraenti għar-riċerkaturi. Dawk il-konklużjonijiet jissuġġerixxu li ssir analiżi dwar l-evoluzzjoni possibbli tal-Karta u l-Kodiċi għar-Riċerkaturi lejn qafas uniku u komprensiv, li jindirizza l-isfidi kollha relatati mal-karrieri fir-riċerka lil hinn mill-valuri u l-prinċipji u jiffoka fuq id-dominji kollha possibbli tal-impjiegi fir-riċerka, u jitlob li l-Kummissjoni tagħmel proposta fl-2022. Fost l-elementi ssuġġeriti li għandhom jiddaħħlu f’dik il-proposta hemm ir-reklutaġġ, l-inċentivi għar-riċerkaturi fil-bidu tal-karriera tagħhom, id-diversifikazzjoni u l-progressjoni tal-karriera, l-interoperabbiltà mas-setturi kollha tas-soċjetà inkluż l-industrija, il-valutazzjoni tar-riċerkaturi, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, u governanza u servizzi mtejba tal-EURAXESS u ta’ strumenti oħra bħall-Europass.

(6)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/2122 dwar “Patt għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fl-Ewropa” (4) tinkludi l-karrieri fir-riċerka u l-mobbiltà tar-riċerkaturi, flimkien mal-valutazzjoni tar-riċerka, tar-riċerkaturi u tal-istituzzjonijiet, bħala oqsma importanti ta’ azzjoni fil-kuntest tal-oqsma prijoritarji għal azzjoni konġunta mill-Unjoni u l-Istati Membri b’appoġġ għaż-ŻER, u tispeċifika sett komuni ta’ prinċipji u valuri li jirfdu r-riċerka u l-innovazzjoni fl-Unjoni. Din tenfasizza wkoll il-bżonn li tingħata aktar attenzjoni lill-karrieri tar-riċerkaturi fl-istadju bikri u tan-nofs, inkluż l-ostakli speċifiċi li jsibu n-nisa f’dawk l-istadji.

(7)

L-Aġenda tal-Politika taż-ŻER mehmuża mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar “Il-Governanza futura taż-Żona Ewropea tar-Riċerka” tas-26 ta’ Novembru 2021 tinkludi azzjonijiet apposta għal “Progress lejn ir-riforma tas-sistema ta’ valutazzjoni għar-riċerka, ir-riċerkaturi u l-istituzzjonijiet biex jittejbu l-kwalità, il-prestazzjoni u l-impatt tagħhom”, u għal “Promozzjoni ta’ karrieri fir-riċerka attraenti u sostenibbli, iċ-ċirkolazzjoni bilanċjata tat-talent u l-mobbiltà internazzjonali, transdixxiplinari u intersettorjali madwar iż-ŻER”. L-aħħar azzjoni msemmija tipprevedi l-iżvilupp ta’ qafas tal-Unjoni għall-karrieri fir-riċerka, flimkien mal-aġġornament tal-istrumenti u l-inizjattivi eżistenti u l-ħolqien ta’ oħrajn ġodda. Dak jinkludi t-tnedija ta’ osservatorju tal-karrieri fir-riċerka; evoluzzjoni tal-Karta u tal-Kodiċi għar-Riċerkaturi; l-istabbiliment tal-Pjattaforma tat-Talent taż-ŻER bħala portal online uniku għas-servizzi, għan-network u għall-portali tal-EURAXESS, inkluż l-HRS4R, u r-RESAVER; it-tnedija tal-inizjattiva ERA4You biex tippromwovi ċ-ċirkolazzjoni tat-talent bejn is-setturi u madwar l-Unjoni; l-iskambju ta’ prattiki tajba rigward is-sistemi tar-riċerka u l-innovazzjoni biex titwieżen iċ-ċirkolazzjoni bilanċjata tal-imħuħ; u t-tfassil tal-qafas il-ġdid għall-karrieri fir-riċerka mal-alleanzi tal-Universitajiet Ewropej.

(8)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Strateġija Ewropea għall-Universitajiet”, adottata fit-18 ta’ Jannar 2022 (5), tipprevedi li sal-2023 għandu jiġi propost l-iżvilupp ta’ qafas għall-karrieri fir-riċerka, b’sinerġija ma’ qafas Ewropew għal karrieri attraenti u sostenibbli fl-edukazzjoni ogħla.

(9)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Aġenda Ewropea għall-Innovazzjoni ġdida”, adottata fil-5 ta’ Lulju 2022 (6), tirrikonoxxi li l-innovazzjoni tiddependi fuq it-trawwim, l-attrazzjoni u ż-żamma b’suċċess ta’ individwi b’talent u firxa diversa tal-ħiliet u tisħaq fuq l-importanza tal-mobbiltà intersettorjali.

(10)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2415 dwar il-prinċipji gwida għall-valorizzazzjoni tal-għarfien (7) tenfasizza l-importanza tal-investiment fl-iżvilupp ta’ kultura, prattiki, ħiliet u kapaċitajiet intraprenditorjali għar-riċerkaturi u atturi oħra tar-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż l-intermedjarji, li l-iżvilupp l-professjonalikontinwu tagħhom hi essenzjali biex tiġi massimizzata t-trasformazzjoni tar-riżultati tar-riċerka u tal-innovazzjoni f’soluzzjonijiet ta’ ġid għas-soċjetà. Kodiċi ta’ Prattika dwar il-kollaborazzjoni bejn l-industrija u d-dinja akkademika ser jappoġġa l-implimentazzjoni ta’ dik ir-Rakkomandazzjoni.

(11)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej - Inqarrbu l-edukazzjoni għolja, ir-riċerka, l-innovazzjoni u s-soċjetà: Inwittu t-triq għal dimensjoni ġdida fl-edukazzjoni għolja Ewropea (8) jistiednu lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jippromwovu sinerġiji bejn id-dimensjoni tal-edukazzjoni għolja taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (EEA), iż-ŻER u ż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja (EHEA).

(12)

Ir-riċerkaturi huma riżorsa fundamentali għas-soċjetà. Huma jwettqu riċerka, irawmu l-innovazzjoni, jikkontribwixxu għal soluzzjonijiet għall-isfidi tas-soċjetà u jipprovdu lil dawk li jfasslu l-politika b’evidenza għal proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet infurmati. Ir-riċerkaturi għandhom persuni ta’ talent b’livell għoli ta’ ħiliet li għandhom potenzjal kbir li jissodisfaw aħjar id-domanda tas-suq tax-xogħol. Huwa kruċjali li jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ambjent ġenerali tar-riċerkaturi, inkluż billi jiġi offrut lilhom salarji attraenti.

(13)

It-tisħiħ tal-attraenza u l-istabbiltà tal-karrieri fir-riċerka madwar l-Unjoni kollha hu element ewlieni taż-ŻER. Għalhekk, hemm ħtieġa ċara li l-karrieri fir-riċerka jsiru aktar attraenti u inklużivi għall-istudenti u l-gradwati, u li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet qafas biex ir-riċerkaturi b’talent jinżammu fl-Unjoni, u biex l-Ewropa ssir destinazzjoni attraenti u kompetittiva għar-riċerkaturi internazzjonali.

(14)

L-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie (MSCA) ilhom aktar minn 25 sena, bħala parti mill-Programmi Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, jappoġġaw lil riċerkaturi mid-dinja kollha, fl-istadji kollha tal-karrieri tagħhom, b’enfasi fuq it-taħriġ, il-ħiliet u l-iżvilupp tal-karriera. Il-programm ħalla wkoll impatt ta’ strutturar fuq l-organizzazzjonijiet –l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka, l-intrapriżi eċċ. – billi xerred prattiċi tajbin u żied l-attraenza u l-viżibbiltà internazzjonali tagħhom b’mod partikolari bl-iżvilupp ta’ programmi tad-dottorat eċċellenti. L-MSCA jikkontribwixxi għall-mobbiltà intersettorjali, interdixxiplinari u ġeografika, jiżviluppa l-ħiliet tar-riċerkaturi, jindirizza l-iżbilanċi bejn il-ġeneri, iżomm ir-riċerkaturi b’talent, u jattira talent ġdid lejn l-Ewropa. B’mod partikolari, l-iskema tad-Dottorat Industrijali tal-MSCA tista’ titqies bħala eżempju tal-aħjar prattika, fejn l-esperjenza tar-riċerka, il-post u s-superviżjoni ta’ kandidat għal dottorat jiġu kondiviżi b’mod ugwali bejn stabbiliment akkademiku u wieħed mhux akkademiku b’dispożizzjonijiet biex jiġu żgurati standards akkademiċi. Hija eżempju importanti ta’ interazzjoni u kooperazzjoni bejn l-atturi tal-ekosistema, li trawwem ħiliet trażversali u mobbiltà intersettorjali, u tappoġġa l-ħtieġa tal-industrija għal talenti b’livell għoli ta’ ħiliet u l-fehim tar-riċerkaturi tal-isfidi industrijali, bl-għan li jinkisbu opportunitajiet akbar ta’ reklutaġġ fl-ekosistema.

(15)

Id-data tal-Eurostat turi xejra li dejjem qed tikber fl-għadd ta’ riċerkaturi ekwivalenti għal full-time fl-Unjoni. Fl-2021 kien hemm 2 miljun riċerkatur li jaħdmu fl-Istati Membri, li huma 627 000 iżjed mill-2011. Ħafna mir-riċerkaturi jaħdmu fis-settur tal-intrapriżi kummerċjali (56 %) u fis-settur tal-edukazzjoni għolja (32 %), segwiti mis-settur pubbliku (11 %). Huwa importanti li dan it-tkabbir jiġi sostnut b’investiment, infrastruttura u politiki adegwati fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni li jappoġġaw karrieri attraenti fir-riċerka, inkluż fir-rigward tad-diversità, l-inklussività u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u li jippromwovu kultura li tagħti valur lill-karrieri fir-riċerka fis-setturi kollha tas-soċjetà.

(16)

Hemm bżonn definizzjoni u fehim ċari u komuni ta’ “riċerkatur” fil-livell tal-Unjoni, pereżempju d-definizzjoni aċċettata b’mod wiesa’ mill-Manwal ta’ Frascati. Ir-riċerkaturi jenħtieġ li jinftiehmu bħala professjonisti li jwettqu attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni fis-setturi kollha, inkluż id-dinja akkademika – istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, organizzazzjonijiet tar-riċerka, infrastrutturi tar-riċerka –, in-negozju – inkluż l-industrija, negozji ġodda, spin-offs jew intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju –, korpi tal-amministrazzjoni pubblika – inkluż il-gvern, korpi tat-tfassil tal-politika, laboratorji pubbliċi u s-sistema tal-kura tas-saħħa – u s-settur mingħajr skop ta’ qligħ. Ir-riċerkaturi jistgħu jkunu involuti wkoll f’tipi differenti ta’ attivitajiet fi kwalunkwe settur tal-ekonomija jew tas-soċjetà. Huma meħtieġa sforzi biex jinkiseb rikonoxximent sħiħ tal-karrieri tar-riċerkaturi, kif ukoll biex titjieb il-komparabbiltà bejn l-Istati Membri u s-setturi kollha.

(17)

It-twettiq ta’ riċerka u innovazzjoni ta’ livell għoli jeħtieġ l-appoġġ ta’ professjonisti oħra. Fosthom, il-karrieri fit-tmexxija tar-riċerka u bħala tekniċi tar-riċerka jistħoqqilhom rikonoxximent xieraq, inkluż permezz ta’ analiżi u allinjament ulterjuri fil-livell tal-Unjoni. Il-kapaċità tat-tmexxija tar-riċerka għandha tissaħħaħ billi jiġu definiti l-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa, jiġi żviluppat it-taħriġ rilevanti, titrawwem il-komparabbiltà, u billi l-persuni li jmexxu r-riċerka jitħallew jimmaniġġjaw u jappoġġaw ir-riċerka u l-innovazzjoni b’mod effettiv.

(18)

Il-Klassifikazzjoni Ewropea ta’ Ħiliet, Kompetenzi, Kwalifiki u Impjiegi (ESCO) ġiet aġġornata fl-2022 biex tkun tinkludi tassonomiji aħjar tal-ħiliet u tal-okkupazzjonijiet għar-riċerkaturi, u b’hekk tispeċifika l-okkupazzjonijiet rilevanti għar-riċerkaturi fis-setturi kollha tas-suq tax-xogħol, u l-ħiliet trażversali li jeħtieġu r-riċerkaturi. L-implimentazzjoni tal-klassifikazzjoni tal-ESCO fil-EUROPASS u fis-Servizzi Ewropej tax-Xogħol (EURES) tiffaċilita l-użu ta’ dik it-tassonomija mtejba fis-suq tax-xogħol. Hemm bżonn li l-Kummissjoni tinteraġixxi mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol biex ikun żgurat li l-kategorija speċifika ta’ “riċerkatur” tiddaħħal fir-reviżjonijiet futuri tal-Klassifika Internazzjonali Standard tal-Impjiegi (ISCO), li fuqha tissejjes il-klassifikazzjoni tal-ESCO.

(19)

Kif rikonoxxut fl-Artikolu 13 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u kif inhu iddikjarat fid-Dikjarazzjoni ta’ Bonn dwar il-Libertà tar-Riċerka Xjentifika tal-20 ta’ Ottubru 2020, il-Komunikat ta’ Ruma taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja tad-19 ta’ Novembru 2020, u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/2122, il-libertà akkademika u l-libertà tar-riċerka xjentifika jridu jitħarsu bħala prerekwiżiti essenzjali biex ir-riċerkaturi javvanzaw ir-riċerka u l-innovazzjoni. F’Jannar 2022, il-Kummissjoni ppubblikat Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal dwar l-indirizzar tal-interferenza barranija fir-riċerka u l-innovazzjoni – R&I, li jiddeskrivi l-aħjar prattiki biex l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u l-organizzazzjonijiet tar-riċerka jiġu appoġġati biex jissalvagwardjaw il-valuri fundamentali tagħhom, inkluż il-libertà akkademika, l-integrità u l-awtonomija istituzzjonali, kif ukoll biex jiġu protetti l-persunal, l-istudenti, is-sejbiet u l-assi tar-riċerka tagħhom.

(20)

Hemm bżonn li jiġu indirizzati b’mod effettiv id-differenzi persistenti bejn il-ġeneri – inkluż id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri, il-preġudizzji tal-ġeneri fil-valutazzjoni u r-rikonoxximent, kwistjonijiet ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata kif ukoll il-vjolenza abbażi tal-ġeneru – minbarra intersezzjonijiet possibbli tal-ġeneru ma’ kundizzjonijiet oħra ta’ vulnerabbiltà jew marġinalizzazzjoni bħall-etniċità, id-diżabilità u l-orjentazzjoni sesswali fil-karrieri tar-riċerka, peress li kollha kemm huma jaffettwaw il-parteċipazzjoni u l-progressjoni tal-karriera. L-istrumenti ta’ tibdil istituzzjonali, bħall-pjanijiet inklużivi għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, jistgħu jkunu importanti f’dan ir-rigward, filwaqt li titqies l-Istrateġija ta’ Ugwaljanza Bejn is-Sessi għall-2020-2025 (9). SHE FIGURES 2021 wera li n-nisa għadhom sottorappreżentati fost ir-riċerkaturi, u jikkostitwixxu biss 33 % tal-popolazzjoni totali tar-riċerkaturi fl-Unjoni. Barra minn hekk, dak ir-rapport wera wkoll li fis-settur tal-edukazzjoni għolja hemm impjegati persentaġġ akbar ta’ riċerkaturi li huma nisa, meta mqabbla mar-riċerkaturi li huma rġiel, iżda l-persentaġġi tagħhom hu inqas fis-settur pubbliku u dak tan-negozju. Fl-edukazzjoni għolja madwar l-Unjoni huma impjegati proporzjon akbar ta’ riċerkaturi li huma nisa, meta mqabbla mar-riċerkaturi li huma rġiel, li jaħdmu fuq bażi part-time u b’kuntratti prekarji – 11 % fil-każ tan-nisa u 7 % fil-każ tal-irġiel – u n-nisa jokkupaw biss 26 % tal-ogħla pożizzjonijiet akkademiċi, dawk ta’ professorati sħaħ jew pożizzjonijiet ekwivalenti ta’ riċerkaturi. Għalhekk, huma meħtieġa sforzi speċifiċi biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri fil-karrieri fir-riċerka u s-sottorappreżentanza tan-nisa fl-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika fir-riċerka u l-innovazzjoni, kif ukoll fis-settur tal-edukazzjoni għolja kif enfasizzat fl-Istrateġija Ewropea għall-Universitajiet.

(21)

Biex jiġi appoġġat l-iżvilupp personali u professjonali sħiħ tar-riċerkaturi fl-Unjoni, u b’mod partikolari tar-riċerkaturi fil-bidu tal-karriera tagħhom, huwa essenzjali li jiġu indirizzati l-isfidi eżistenti li jħallu konsegwenzi negattivi fuq is-sistema ġenerali tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-Unjoni, u fuq is-suq intern tar-riċerka. Tali sfidi jinkludu aspetti ta’ impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol, bħal status differenti ta’ studenti jew impjegati għal kandidati tad-dottorat fl-Istati Membri, nuqqas frekwenti ta’ reklutaġġ miftuħ, trasparenti u abbażi tal-mertu, prekarjetà marbuta ma’ kuntratti bbażati fuq proġetti b’terminu qasir, aċċess mhux sodisfaċenti għal ugwaljanza fl-opportunitajiet, nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ mobbiltà intersettorjali matul it-taħriġ dottorali u xogħol postdottorali, nuqqas ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-kura tal-familja, miżuri ta’ benesseri tas-saħħa fiżika u mentali, u dgħufijiet fl-għodod tal-protezzjoni soċjali, inkluż diffikultajiet bil-portabbiltà tal-intitolamenti bejn is-setturi u l-Istati Membri.

(22)

L-impjegabbiltà u l-iżvilupp tal-karriera tar-riċerkaturi fil-bidu tal-karriera jibbenefikaw minn inċentivi apposta għar-reklutaġġ tagħhom, bħal inċentivi tal-protezzjoni finanzjarja u soċjali, inkluż opportunitajiet għal kuntratti permanenti jew indefiniti f’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 (10). F’dan ir-rigward jista’ jitħeġġeġ it-twessigħ tal-użu tal-finanzjament bażi jew tal-finanzjament taċ-ċiklu tal-ħajja għar-riċerka flimkien mal-finanzjament abbażi tal-proġetti. Il-finanzjament bażi jipprovdi projezzjoni ta’ appoġġ finanzjarju garantit lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jew lill-organizzazzjonijiet tar-riċerka talli jiksbu ċerti riżultati tanġibbli u jilħqu ċerti standards tal-kwalità; il-finanzjament taċ-ċiklu tal-ħajja jinvolvi kompetizzjoni inizjali għall-finanzjament li tiġġedded jekk tiġi vvalutata b’mod pożittiv wara proċess tal-monitoraġġ. Dan jippermetti lill-organizzazzjonijiet tar-riċerka jiżviluppaw aktar strateġiji tar-riċerka fit-tul u jidħlu għal impenji sostenibbli għall-impjegati, filwaqt li jużaw finanzjament abbażi tal-proġetti biex jibqgħu jimirħu f’mergħat ġodda.

(23)

Kif jafferma l-Artikolu 22 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, wieħed għandu, bħala membru tas-soċjetà, id-dritt għas-sigurtà soċjali u intitolament għat-tħaddim tad-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali tant indispensabbli għad-dinjità u għall-iżvilupp ħieles tal-personalità tiegħu. Il-Prinċipju 15 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jiddikjara li, fl-irtirar, kemm l-impjegat kif ukoll dak li jaħdem għal rasu għandhom id-dritt għal pensjoni proporzjonata għall-kontribuzzjonijiet tagħhom li tiżgura introjtu adegwat. Madankollu r-riċerkaturi mobbli jesperjenzaw diffikultajiet biex jakkumulaw pensjonijiet supplimentari adegwati minħabba perjodi tal-vestiment, tariffi għoljin tat-trasferiment, għarfien limitat dwar prodotti finanzjarji kumplessi u piżijiet amministrattivi fuq l-irtirar. Għalhekk jenħtieġ li jkunu żgurati salvagwardji għar-riċerkaturi abbażi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2019 dwar “L-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom” (11).

(24)

Ir-RESAVER, is-soluzzjoni Ewropea tal-pensjonijiet appoġġata mill-Kummissjoni li għandha x’taqsam mal-proviżjonament ta’ rtirar okkupazzjonali għall-organizzazzjonijiet li jwettqu r-riċerka u li ser tkun wieħed mill-komponenti tal-Pjattaforma tat-Talent taż-ŻER li ġejja, għandha l-potenzjal li tindirizza l-kwistjonijiet ta’ protezzjoni soċjali li jiffaċċjaw ir-riċerkaturi mobbli. Madankollu, l-użu tagħha hu mxekkel minħabba nuqqas ta’ għarfien biżżejjed dwarha u għadd sostanzjali ta’ ostakli amministrattivi u legali. Bil-għan li jitħarsu d-drittijiet tal-pensjoni okkupazzjonali tar-riċerkaturi mobbli, jenħtieġ li tingħata informazzjoni dwar kif il-mobbiltà potenzjali tista’ taffettwa d-drittijiet tal-pensjoni u jenħtieġ li tiġi kkunsidrata l-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tar-riċerka f’RESAVER.

(25)

Il-mobbiltà intersettorjali, interdixxiplinari u bilanċjata ġeografikament hija essenzjali biex il-karrieri fir-riċerka fl-Unjoni jsiru aktar effettivi, sostenibbli u attraenti. B’din il-mobbiltà, is-sistema ġenerali tar-riċerka u l-innovazzjoni ssir aktar kompetittiva, u tħeġġeġ il-produzzjoni, iċ-ċirkolazzjoni u l-użu aħjar tal-għarfien, filwaqt li tippromwovi u tippermetti perkorsi ta’ karriera mhux lineari u diversifikati. Jenħtieġ li dawk il-forom ta’ mobbiltà, inkluż il-mobbiltà virtwali jiġu promossi, inċentivati u integrati b’mod adegwat fl-iżvilupp professjonali tar-riċerkaturi u jenħtieġ li tittieħed azzjoni biex jiġu indirizzati l-ostakli eżistenti għall-mobbiltà ta’ kwalunkwe natura, inkluż il-portabbiltà limitata tal-għotjiet, il-piż amministrattiv, pereżempju, tal-vjaġġi ta’ xogħol, jew għar-rikonoxximent tal-permessi ta’ residenza għar-riċerkaturi mobbli, l-isfidi ta’ rilokazzjoni, jew l-ostakli lingwistiċi, jew għat-trasferiment tal-intitolamenti tal-pensjoni.

(26)

Jenħtieġ bidla fl-approċċ għat-trawwim ta’ karrieri fir-riċerka interoperabbli u intersettorjali, fejn is-sistema ta’ valutazzjoni u ta’ ppremjar tattribwixxi valur indaqs lill-karrieri mwettqa fis-setturi kollha u ma tippenalizzax il-mobbiltà ġeografika, interdixxiplinari u intersettorjali, il-pawżi tal-karriera, inkluż il-liv sabbatiku jew tal-ġenituri, u r-riċerkaturi jkunu jqisu l-karrieri fid-dinja akkademika u lil hinn minnha fl-istess keffa. Diversi perkorsi ta’ karriera, ikkaratterizzati minn mobbiltà ġeografika, settorjali u interorganizzazzjonali, jew perkorsi ibridi, ikkaratterizzati minn kombinazzjoni simultanja ta’ setturi, jistħoqqilhom rikonoxximent sħiħ u kunsiderazzjoni fuq l-istess livell ta’ perkorsi ta’ karriera lineari – u għandhom jinftiehmu bħala karrieri li jsegwu linja dritta ta’ progressjoni minn pożizzjoni għal oħra, normalment fl-istess qasam jew dixxiplina.

(27)

Xi drabi, it-taħriġ dottorali qed ikompli jkun immirat l-aktar lejn karrieri futuri fid-dinja akkademika, u ma jqisx biżżejjed il-firxa usa’ tal-okkupazzjonijiet f’setturi rilevanti, jew l-importanza li titrawwem l-intraprenditorija fost ir-riċerkaturi. Hu importanti ħafna li r-riċerkaturi jiksbu ħiliet trażversali b’taħriġ formali u informali, u ħiliet sodi tar-riċerka, biex jinħolqu opportunitajiet aħjar ta’ karriera, mobbiltà intersettorjali u innovazzjoni, u biex il-karrieri fir-riċerka fl-Unjoni jsiru aktar attraenti.

(28)

Il-Qafas Ewropew ta’ Kompetenzi għar-Riċerkaturi (ResearchComp) żviluppat mill-Kummissjoni b’konsultazzjoni mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati, ser jaqdi rwol importanti biex ir-riċerkaturi jiksbu sett wiesa’ ta’ ħiliet trażversali u jonqos id-distakk fil-ħiliet bejn id-dinja akkademika u s-setturi rilevanti l-oħra kollha. It-taħriġ tar-riċerkaturi – inkluż it-taħriġ dottorali – jista’ jiġi żviluppat skont il-kompetenzi deskritti fil-qafas u abbażi tal-iskambju tal-aqwa prattiki biex jippermetti t-titjib tul il-ħajja tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tar-riċerkaturi. Ikunu meħtieġa mekkaniżmi xierqa tar-rikonoxximent u tal-validazzjoni għal opportunitajiet ta’ taħriġ formali u informali, inkluż għal taħriġ fuq il-post tax-xogħol.

(29)

Biex ikun żgurat li t-taħriġ tar-riċerkaturi jiġi żviluppat, jew jiġi kożviluppat, abbażi tal-ħtiġijiet reali tal-ħiliet, jistgħu jiġu promossi l-interazzjoni u l-kooperazzjoni tad-dinja akkademika, l-industrija, in-negozji, l-amministrazzjoni pubblika, is-settur bla skop ta’ qligħ, u l-atturi rilevanti l-oħra kollha tal-ekosistema, inkluż pereżempju fir-rigward tal-internships, it-traineeships jew il-job shadowing. F’dan ir-rigward, jistgħu jiġu kkunsidrati l-Prinċipji għal taħriġ dottorali innovattiv li kienu inklużi fir-Rapport adottat mill-Grupp ta’ Tmexxija taż-ŻER dwar ir-Riżorsi Umani u l-Mobbiltà tal-2011, kif ukoll ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2415 tat-2 ta’ Diċembru 2022 dwar il-Prinċipji Gwida għall-valorizzazzjoni tal-għarfien (12) li tindika l-ħtieġa li jkun hemm sistema li twassal għal attivitajiet intraprenditorjali għall-benefiċċju tar-riċerkaturi.

(30)

It-trawwim ta’ mentalità intraprenditorjali u kompetenzi relatati fost ir-riċerkaturi, inkluż il-kompetenzi biex ifittxu investituri u kapital, hu kruċjali biex jitjiebu l-valorizzazzjoni tal-għarfien u t-trasformazzjoni tal-ideat innovattivi f’servizzi u prodotti ġodda b’potenzjal akbar ta’ użu mis-suq, tkabbir sostenibbli, innovazzjoni u benefiċċji għas-soċjetà. Biex ikun segwit perkors intraprenditorjali ta’ suċċess, jeħtieġ li l-assi intellettwali bħall-pubblikazzjonijiet, id-data, l-għarfien prattiku u l-proprjetà intellettwali jinftiehmu sew u jitmexxew b’mod effiċjenti kif stabbilit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2415 tat-2 ta’ Diċembru 2022 dwar il-Prinċipji Gwida għall-valorizzazzjoni tal-għarfien (12).

(31)

Iċ-ċirkolazzjoni transsettorjali tat-talenti u l-interoperabbiltà mtejba tal-impjiegi fir-riċerka u l-innovazzjoni fost is-setturi jitolbu taħlita ta’ miżuri differenti u komplementari fil-livell nazzjonali u f’dak tal-Unjoni f’konformità mal-prinċipji tal-libertà akkademika u l-awtonomija istituzzjonali, inkluż ir-riforma tas-sistema. Approċċ ta’ politika li jinvolvi l-apprendiment reċiproku abbażi ta’ mudelli ta’ suċċess ta’ skemi tal-mobbiltà intersettorjali jista’ jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni akkademika/mhux akkademika, u għat-tisħiħ tal-ekosistemi tal-innovazzjoni, għat-titjib tat-taħriġ u l-apprendiment tul il-ħajja għar-riċerkaturi, l-innovaturi, u talenti oħra fir-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż it-titjib tal-ħiliet biex tinbena kapaċità ta’ appoġġ, u t-tisħiħ tas-sistema ta’ reklutaġġ u għall-ixprunar tal-iżvilupp tal-ħiliet intraprenditorjali tar-riċerkaturi.

(32)

Ir-riċerkaturi mhux dejjem ikunu konxji tar-rwol kruċjali tat-tfassil tal-politika fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni u tar-rwol tax-xjenza fit-tfassil tal-politika. Iż-żewġ dimensjonijiet jista’ jkollhom impatt fuq il-karrieri fir-riċerka b’mod ġenerali kif ukoll fuq is-sistema tar-riċerka u l-innovazzjoni. Hu importanti li t-taħriġ dottorali jkun jinkludi u jrawwem din is-sensibilizzazzjoni, biex jiżgura involviment akbar tar-riċerkaturi fil-proċess tat-tfassil tal-politika u biex matul il-karriera tagħhom jirrikonoxxu l-attività tagħhom fis-settur xjentifiku għall-politika.

(33)

Ir-riċerkaturi, b’mod partikolari dawk fi stadju bikri tal-karriera, jenħtieġ ikunu jafu l- opportunitajiet disponibbli fis-setturi kollha u bil-possibbiltà ta’ opportunitajiet biex iwessgħu l-ispettru tal-iżvilupp personali u professjonali tagħhom. Is-servizzi ta’ konsulenza u appoġġ għall-karriera, imfassla skont il-ħtiġijiet tar-riċerkaturi, jaqdu rwol importanti billi jħeġġu l-mobbiltà intersettorjali, interdixxiplinari, ġeografika u virtwali, u permezz tal-possibbiltà li jiġu żviluppati attivitajiet intraprenditorjali. Jenħtieġ li tiġi promossa l-mobbiltà interistituzzjonali, b’mod partikolari bejn il-profili differenti tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u tal-organizzazzjonijiet tar-riċerka u tul perkorsi akkademiċi diversi u flessibbli, inkluż billi jingħelbu l-ostakli relatati mal-kompetenzi żviluppati fl-istituzzjoni preċedenti, u dawk meħtieġa fl-istituzzjoni l-ġdida.

(34)

Il-valutazzjoni tar-riċerka jenħtieġ li tippermetti l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tar-riċerkaturi u tar-riċerka biex jinkisbu l-aqwa kwalità u impatt. Kif tenfasizza s-sejħa ta’ Pariġi tal-2022 dwar il-valutazzjoni tar-riċerka, fir-rapport ta’ orjentazzjoni “Towards a reform of the research assessment system” ippubblikat mill-Kummissjoni fl-2021 u abbażi ta’ konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet ikkonċernati, fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar “Il-valutazzjoni tar-riċerka u l-implimentazzjoni tax-Xjenza Miftuħa” tal-10 ta’ Ġunju 2022, u fil-Ftehim dwar ir-Riforma tal-Valutazzjoni tar-Riċerka ppubblikat f’Lulju 2022, evalwazzjoni xierqa tal-prestazzjoni teħtieġ rikonoxximent ta’ outputs, attivitajiet u prattiki tar-riċerka dejjem aktar diversi, inkluż kollaborazzjoni u kondiviżjoni miftuħa tal-outputs, u li jkunu żgurati standards għoljin tal-integrità tar-riċerka u l-impatt soċjetali tar-riċerka. Għalhekk, il-valutazzjoni tar-riċerkaturi jenħtieġ li timxi lejn approċċ aktar bilanċjat bejn l-evalwazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva tar-riċerka, billi tiffavorixxi valutazzjoni kwalitattiva b’rieżami bejn il-pari, appoġġata bl-użu responsabbli ta’ indikaturi kwantitattivi.

(35)

Biex jissaħħu l-karrieri fid-dinja akkademika sal-ogħla pożizzjonijiet, hemm bżonn sistema ta’ adeżjoni u progressjoni fil-karriera li tkun trasparenti, strutturata, inklużiva u ugwali bejn il-ġeneri. Għal dan l-għan, fil-livell tal-Istati Membri u tal-organizzazzjonijiet tar-riċerka tista’ tiġi kkunsidrata l-adozzjoni ta’ sistemi simili għal “tenure-track”, li jkunu maħsuba bħala oqsfa ddefiniti fejn kuntratt b’terminu fiss ikollu prospetti għal progressjoni lejn pożizzjoni permanenti soġġett għal evalwazzjoni pożittiva.

(36)

Minkejja l-isforzi fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali u reġjonali, il-kwistjoni tal-eżodu tat-talenti minn reġjuni inqas żviluppati fl-Unjoni għadha fostna, kif enfasizzat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “L-isfruttar tat-talent fir-reġjuni tal-Ewropa” (13), u għalhekk hemm bżonn miżuri addizzjonali biex tinkiseb mobbiltà ġeografika aktar bilanċjata għar-riċerkaturi. L-analiżijiet taċ-ċirkolazzjoni tat-talenti tal-Kummissjoni 2021-2022 jindikaw il-kontribut pożittiv tal-azzjonijiet eżistenti fil-livell tal-Unjoni biex titħeġġeġ ċirkolazzjoni aktar bilanċjata tat-talenti, iżda jidentifikaw ukoll sfidi persistenti u jipprovdu perkorsi għall-kisba tal-imħuħ. F’dan il-kuntest hu importanti li jkun hemm ambjenti tar-riċerka – inkluż infrastrutturi tar-riċerka – eċċellenti, kundizzjonijiet tax-xogħol attraenti u livell ta’ remunerazzjoni proporzjonata għall-kwalifiki professjonali u l-attivitajiet imwettqa, iżda ħafna drabi jkunu jeħtieġu riformi fis-sistemi nazzjonali tar-riċerka u l-innovazzjoni. Jenħtieġ li jitħaddem approċċ ta’ politika maħsub biex jappoġġa u jinċentiva dawk it-trasformazzjonijiet fis-sistema, li jinvolvi eżerċizzji tat-tagħlim reċiproku abbażi ta’ perkorsi ta’ suċċess li ppermettew l-istabbiliment ta’ ċirkolazzjoni aktar bilanċjata tat-talenti fl-Istati Membri.

(37)

L-appoġġ għall-mobbiltà u l-iżvilupp tal-karriera tar-riċerkaturi, b’mod li jiżgura riżerva sostenibbli tat-talent fid-dominju tar-riċerka u l-innovazzjoni u li jsaħħaħ il-kollaborazzjoni xjentifika bejn l-Unjoni u d-dinja, hu l-objettiv ewlieni tal-EURAXESS, inizjattiva pan-Ewropea unika li tagħti informazzjoni u servizzi ta’ appoġġ mingħajr ħlas lir-riċerkaturi u lill-familji tagħhom. Biex tappoġġa aktar dan l-objettiv, il-EURAXESS tista’ twessa’ l-attivitajiet tagħha tal-għoti ta’ informazzjoni u appoġġ lir-riċerkaturi u lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u lill-organizzazzjonijiet tar-riċerka, bi struttura ottimizzata ta’ servizzi u governanza, b’esperjenza diġitali u tal-utenti aħjar u b’interoperabbiltà ma’ inizjattivi oħra tal-Unjoni bħall-Europass u l-EURES. L-effettività u l-koerenza tal-portals u s-servizzi ta’ informazzjoni tal-EURAXESS jibbenefikaw minn organizzazzjonijiet nazzjonali ewlenin b’saħħithom.

(38)

Biex tibqa’ kompetittiva fix-xenarju dinji, l-Unjoni jeħtieġ issir aktar attraenti għat-talent minn madwar id-dinja, filwaqt li tevita l-eżodu tat-talenti li jaffettwa l-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Nattiraw il-ħiliet u t-talent lejn l-UE”, adottata fis-27 ta’ April 2022 (14), tenfasizza l-ħtieġa li l-Unjoni ttejjeb l-appell tagħha għat-talent dinji, b’mod partikolari billi tippromwovi l-innovazzjoni u l-intraprenditorija fl-Unjoni u billi tesplora modi potenzjali oħrajn għall-migrazzjoni legali lejn l-Unjoni għal perjodu medju jew aktar fit-tul. Ir-reviżjoni tad-Direttiva (UE) 2021/1883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) kienet pass importanti biex titjieb l-attraenza tal-Unjoni biex il-migranti bi kwalifiki għoljin ikunu jistgħu jgawdu drittijiet aħjar u proċeduri aktar mgħaġġla u simplifikati. Id-Direttiva (UE) 2016/801 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) tikkontribwixxi wkoll għal dawk l-objettivi billi tagħmilha aktar faċli u aktar attraenti għall-istudenti u r-riċerkaturi li jiċċaqilqu lejn l-Unjoni, u fl-istess ħin tippromwovi ċ-ċirkolazzjoni tal-għarfien u tal-ħiliet b’tisħiħ tad-drittijiet tal-mobbiltà intra-Unjoni.

(39)

Il-Karta u l-Kodiċi għar-Riċerkaturi qed jiġu riveduti biex iwieġbu għar-realtà l-ġdida u l-isfidi attwali li qed jiffaċċaw ir-riċerkaturi u l-istituzzjonijiet, inkluż integrazzjoni aħjar tal-bilanċ bejn il-ġeneri, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-inklużività li jinkludu miżuri favur ambjenti ta’ riċerka li jkunu ħielsa mill-vjolenza abbażi tal-ġeneru, kif ukoll prattiki tax-xjenza miftuħa. Il-Karta l-ġdida għar-Riċerkaturi, fl-Anness II ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, hija ssimplifikata sabiex tiġi ssimplifikata l-implimentazzjoni tagħha u tiġi promossa l-adozzjoni tagħha lil hinn mis-settur akkademiku. L-organizzazzjonijiet kollha li jimpjegaw jew jipprovdu finanzjament għar-riċerkaturi huma mistiedna japprovaw il-Karta l-ġdida għar-Riċerkaturi. L-organizzazzjonijiet li approvaw il-prinċipji tal-Karta u l-Kodiċi għar-Riċerkaturi eżistenti jitqiesu li qed ikomplu japprovaw il-Karta l-ġdida għar-Riċerkaturi. Dan jenħtieġ li japplika b’mod partikolari għall-istituzzjonijiet li daħlu fil-proċess HRS4R jew li lestewh, li għalihom l-approvazzjoni tal-Karta għar-Riċerkaturi hi l-ewwel pass.

(40)

Hu meħtieġ osservatorju tal-karrieri fir-riċerka, li jlaqqa’ l-aqwa data attwali tal-Unjoni f’post wieħed, biex isir monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-miżuri ħalli jissaħħu l-karrieri fir-riċerka u r-riformi fis-sistemi. Dan jenħtieġ li jappoġġa l-ħtiġijiet tad-data tal-Istati Membri u tal-organizzazzjonijiet tar-riċerka li huma rilevanti għall-adattament u l-iżvilupp tal-politiki għall-karrieri fir-riċerka. Jenħtieġ li jappoġġa wkoll lir-riċerkaturi biex jifhmu aħjar l-isfidi u l-opportunitajiet, u jippromwovi l-attraenza tal-organizzazzjonijiet Ewropej tar-riċerka fost l-aqwa talenti. Fejn rilevanti, jistgħu jitqiesu r-rabtiet mal-Osservatorju Ewropew tas-Settur tal-Edukazzjoni Għolja propost fl-Istrateġija Ewropea għall-Universitajiet. Id-data miġbura waqt l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/1700 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) tista’ tiġi adattata biex twieġeb għall-ħtiġijiet tal-utenti tal-osservatorju tal-karrieri fir-riċerka.

(41)

Biex il-qafas Ewropew jirnexxilu jattira u jżomm it-talenti fir-riċerka, l-innovazzjoni u intraprenditorjali fl-Unjoni, hemm bżonn l-impenn tal-Istati Membri u tal-partijiet ikkonċernati kollha involuti. B’mod partikolari, l-alleanzi tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, bħal dawk stabbiliti fl-ambitu tal-Inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej u appoġġati mill-Programm Erasmus+ u l-Programmi Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, kif ukoll is-settur usa’ tal-edukazzjoni għolja, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, jistgħu jitħeġġu jipparteċipaw b’mod volontarju u b’approċċ minn isfel għal fuq biex jikkontribwixxu għal implimentazzjoni wiesgħa tal-qafas billi jwettqu l-attivitajiet rilevanti.

(42)

Jenħtieġ li dawk ir-rakkomandazzjonijiet jiġu implimentati b’kunsiderazzjoni xierqa għad-diversità wiesgħa tas-sistemi u ċ-ċirkostanzi nazzjonali tar-riċerka u l-innovazzjoni u għall-prinċipju tal-awtonomija istituzzjonali tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u l-organizzazzjonijiet tar-riċerka madwar l-Unjoni,

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

Riċerkaturi, maniġers tar-riċerka u tekniċi tar-riċerka fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka

1.

Għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni:

“Riċerkaturi” huma professjonisti involuti fit-tfassil tal-kunċett jew fil-ħolqien ta' għarfien ġdid abbażi ta' kunċetti jew ipoteżijiet oriġinali. Dawn iwettqu r-riċerka, u jtejbu jew jiżviluppaw kunċetti, teoriji, mudelli, infrastrutturi, tekniki, strumentazzjoni, software jew metodi operazzjonali. Ir-riċerkaturi jistgħu jkunu involuti għalkollox jew parzjalment f'tipi differenti ta' attivitajiet – bħal riċerka bażika jew applikata, żvilupp esperimentali, tagħmir operattiv tar-riċerka, fi kwalunkwe settur tal-ekonomija jew tas-soċjetà u jxerrdu u jivvalorizzaw riżultati tar-riċerka. Fost affarijiet oħra, jistgħu jkunu wkoll involuti parzjalment fil-ġestjoni tal-proġetti, it-tagħlim, il-mentoraġġ, l-appoġġ għat-tfassil tal-politika abbażi tal-evidenza, fi prattiki tax-xjenza miftuħa, fl-attivitajiet ta' trasferiment tal-għarfien u tat-teknoloġija u fil-komunikazzjoni xjentifika. Ir-riċerkaturi jidentifikaw l-alternattivi għal attivitajiet ġodda tar-riċerka u tal-iżvilupp, u jippjanaw għalihom u jmexxuhom billi jużaw ħiliet u għarfien ta' livell għoli żviluppati bl-edukazzjoni u t-taħriġ formali jew mill-esperjenza.

2.

Ir-riċerkaturi jistgħu jwettqu l-attivitajiet tagħhom b’rilevanza ugwali fis-setturi kollha li jwettqu r-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż id-dinja akkademika, l-industrija, in-negozji, l-amministrazzjoni pubblika u s-settur bla skop ta’ qligħ, fejn il-ħiliet, l-għarfien u l-attitudnijiet tagħhom jistgħu jkunu ta’ ġid għas-soċjetà Ewropea, għas-sistema tar-riċerka u l-innovazzjoni u għall-ekonomija.

3.

Karrieri fit-tmexxija tar-riċerka jistgħu jitwettqu minn riċerkaturi u minn professjonisti oħra biex imexxu u jappoġġaw attivitajiet tar-riċerka u tal-innovazzjoni. Jenħtieġ li l-karrieri fit-tmexxija tar-riċerka jiġu inkwadrati u rikonoxxuti kif xieraq fil-livell tal-Unjoni, billi jiġu definiti l-ħiliet u kompetenzi rilevanti, sabiex tissaħħaħ il-kapaċità professjonali tal-maniġers tar-riċerka, sabiex ikun jista’ jiġi żviluppat taħriġ rilevanti, u titrawwem il-komparabbiltà. Il-maniġers tar-riċerka jistgħu jwettqu kompiti differenti, pereżempju:

(a)

is-simplifikazzjoni jew il-faċilitazzjoni tal-ippjanar, l-iżvilupp, il-ġestjoni, il-ġestjoni ta' data skont il-prinċipji FAIR, l-amministrazzjoni, il-monitoraġġ, il-komunikazzjoni u l-valorizzazzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni;

(b)

l-iżgurar tal-konformità mal-objettivi tal-politika, mar-rekwiżiti tal-programmi tal-finanzjament, mar-regoli finanzjarji u mar-regolamenti legali;

(c)

it-titjib tal-effiċjenza u l-effettività ta' proġetti jew sistemi tar-riċerka u l-innovazzjoni;

(d)

it-tisħiħ tal-impatt tar-riċerka u l-nnovazzjoni fuq il-politika u s-soċjetà;

(e)

l-appoġġ għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta' politiki, programmi u proġetti fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni.

4.

It-tekniċi tar-riċerka huma professjonisti li l-kompiti ewlenin tagħhom jeħtieġu livelli għoljin ta’ għarfien tekniku, taħriġ, u esperjenza f’qasam wieħed jew aktar tal-inġinerija, ix-xjenzi fiżiċi u tal-ħajja, jew ix-xjenzi soċjali u umanistiċi. Huma jipparteċipaw f’kompiti xjentifiċi u tekniċi li jinvolvu l-applikazzjoni ta’ kunċetti u metodi operattivi u l-użu ta’ tagħmir ta’ riċerka, normalment taħt is-superviżjoni tar-riċerkaturi. It-tekniċi tar-riċerka għandhom rwol ta’ appoġġ kruċjali fit-twettiq ta’ riċerka u innovazzjoni ta’ livell għoli. Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw b’mod adegwat it-tfassil u r-rikonoxximent tal-karrieri tat-tekniċi tar-riċerka fil-livell nazzjonali.

5.

Ir-riċerkaturi kollha, irrispettivament mill-istatus u s-settur tal-impjieg tagħhom, jenħtieġ li jiġu inkwadrati fil-profili li ġejjin:

(a)

R1 – Riċerkatur tal-Ewwel Stadju: Riċerkaturi li qed jagħmlu riċerka bis-superviżjoni sal-istadju ta' dottorat jew livell ekwivalenti ta' kompetenza u esperjenza.

(b)

R2 – Riċerkatur Rikonoxxut: Riċerkaturi b'dottorat jew b'livell ekwivalenti ta' kompetenza u esperjenza li għadhom ma stabbilewx livell sinifikanti ta' indipendenza fl-iżvilupp tar-riċerka tagħhom stess, biex jattiraw finanzjament jew biex imexxu grupp tar-riċerka.

(c)

R3 – Riċerkatur Stabbilit: Riċerkaturi b'dottorat jew b'livell ekwivalenti ta' kompetenza u esperjenza li huma kapaċi jiżviluppaw ir-riċerka tagħhom stess, jattiraw finanzjament, jew imexxu grupp tar-riċerka b'mod indipendenti.

(d)

R4 – Riċerkatur Ewlieni: Riċerkaturi b'dottorat jew b'livell ekwivalenti ta' kompetenza u esperjenza li l-pari tagħhom iqisuhom bħala mexxejja fil-qasam tar-riċerka tagħhom.

6.

Għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, il-profili R1 u R2 jenħtieġ li jitqiesu bħala riċerkaturi fil-bidu tal-karriera tagħhom, u l-profili R3 u R4 jenħtieġ li jitqiesu bħala riċerkaturi superjuri.

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jinkoraġġixxu l-użu tar-referenzi għall-profili fil-postijiet vakanti kollha speċifikament dawk indirizzati għar-riċerkaturi jew, fejn rilevanti, jistiednu lill-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja u lill-organizzazzjonijiet tar-riċerka biex jagħmlu dan.

Jenħtieġ li l-profili ma jitqisux neċessarjament bħala stadji f'perkors progressiv ta' karriera.

Lista mhux eżawrjenti ta' eżempji ta' okkupazzjonijiet għar-riċerkaturi fis-setturi kollha tul il-profili R1-R4 hija stabbilita fl-Anness I.

Rikonoxximent, interoperabbiltà u komparabbiltà tal-karrieri tar-riċerkaturi

7.

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jippromwovu u jappoġġaw rikonoxximent sħiħ tal-karrieri tar-riċerkaturi kif ukoll stima u ppremjar ugwali tal-perkorsi differenti irrispettivament mis-settur tal-impjieg jew tal-attività, u jieħdu miżuri ta’ appoġġ għall-interoperabbiltà u l-komparabbiltà sħiħa tagħhom fl-Istati Membri, fis-setturi u fl-istituzzjonijiet kollha.

8.

Perkorsi mhux lineari, b’diversi karrieri u ibridi jistgħu jiġu mħeġġa u appoġġati mill-Istati Membri, u jenħtieġ li jiġu rikonoxxuti fuq l-istess livell ma’ perkorsi ta’ karriera lineari b’eżiti professjonali multipli.

9.

Hu rrakkomandat li l-Istati Membri jimplimentaw verżjonijiet u aġġornamenti ġodda tal-klassifikazzjoni Ewropea tal-Ħiliet, tal-Kompetenzi, tal-Kwalifiki u tal-Impjiegi, b’attenzjoni speċifika għall-okkupazzjonijiet u l-ħiliet tar-riċerkaturi.

10.

Hu rrakkomandat li l-Istati Membri jinkoraġġixxu lill-uffiċċji tar-riżorsi umani fis-setturi kollha biex jimmappjaw l-istrutturi tal-karrieri għar-riċerkaturi skont il-profili msemmija fil-punt 5 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

Reklutaġġ u kundizzjonijiet tax-xogħol

11.

Hu rrakkomandat li l-Istati Membri jippromwovu u jappoġġaw għażla u reklutaġġ tal-kandidati miftuħin, trasparenti u abbażi tal-mertu, li ma jippenalizzawx il-pawżi fil-karriera jew il-perkorsi mhux lineari, b’diversi karrieri u ibridi.

12.

Hu rrakkomandat li l-Istati Membri jinkoraġġixxu r-rispett tal-ftehimiet kollettivi u d-djalogu soċjali effettiv, u jieħdu azzjoni ta’ appoġġ biex l-impjegaturi u l-finanzjaturi jipprovdu kundizzjonijiet tar-riċerka u tax-xogħol attraenti, inklużivi u kompetittivi fejn ir-riċerkaturi jingħataw valur, jiġu inkoraġġuti u appoġġati. Tali azzjoni ta’ appoġġ tista’ tinkludi:

(a)

l-għoti ta' remunerazzjoni proporzjonata, bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u kundizzjonijiet flessibbli tax-xogħol li jgħinu biex jingħaqdu flimkien l-ħajja personali, il-familja, il-kura, is-saħħa, is-sikurezza u l-benessri ġenerali, mingħajr preġudizzju għall-karrieri;

(b)

l-iżgurar tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-bilanċ bejn il-ġeneri, l-opportunitajiet indaqs u inklużività għar-riċerkaturi minn kull sfond inkluż minn gruppi sottorappreżentati u emarġinati, u l-promozzjoni tal-użu, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' strumenti ta' bidla istituzzjonali fost l-organizzazzjonijiet li jwettqu u jiffinanzjaw ir-riċerka, bħal pjanijiet inklużivi ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri li jkunu miftuħa għal intersezzjonijiet bejn il-ġeneru u kategoriji soċjali oħra, skont il-qafas il-ġdid taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-Istrateġija Ewropea għall-Universitajiet;

(c)

is-salvagwardja tal-libertà tar-riċerka xjentifika minn kull limitazzjoni jew indħil possibbli, inkluż minn atturi barranin;

(d)

l-għoti ta' appoġġ apposta fil-livell istituzzjonali lir-riċerkaturi b'rabta mat-twettiq tad-dmirijiet amministrattivi;

(e)

it-teħid ta' azzjonijiet determinati biex jiġi miġġieled il-fenomenu tal-prekarjetà u jiġu appoġġati s-sigurtà u l-istabbiltà tal-impjiegi. Dan jista', fuq bażi volontarja, jinċentiva l-istabbiliment ta' limitu massimu għall-għadd ta' kuntratti b'terminu fiss għal kull organizzazzjoni fir-riżorsi umani tar-riċerkaturi b’mod ġenerali. Kull meta jkunu qed jitwettqu kompiti permanenti, fit-tul jew rikorrenti ħafna tar-riċerka, l-istrument xieraq rakkomandat hu l-kuntratti permanenti jew indefiniti. Ir-riċerkaturi b'kuntratti b'terminu fiss għandhom jibbenefikaw minn miżuri speċifiċi – kif imsemmi fil-punt 29 ta' din ir-Rakkomandazzjoni – li jippromwovu l-iżvilupp u l-kontinwità tal-karriera tagħhom;

(f)

il-kunsiderazzjoni tal-użu ta' mudelli differenti ta' finanzjament – pereżempju dak bażi, tul iċ-ċiklu tal-ħajja, jew abbażi tal-proġetti – biex l-organizzazzjonijiet tar-riċerka jkunu jistgħu jiżviluppaw strateġiji ta' riċerka aktar fit-tul u jidħlu għal impenji stabbli favur l-impjegati;

(g)

l-għoti ta' aċċess għal protezzjoni soċjali adegwata irrispettivament mill-forma ta' impjieg, mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jiddefinixxu l-prinċipji fundamentali tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom. It-tali miżuri jistgħu jappartjenu għall-fergħat li ġejjin, sa fejn huma pprovduti fl-Istati Membri:

(1)

il-benefiċċji tal-qgħad;

(2)

il-benefiċċji tal-kura tas-saħħa u tal-mard;

(3)

il-liv tal-maternità, il-liv tal-paternità u l-liv tal-ġenituri u benefiċċji relatati;

(4)

il-benefiċċji tal-invalidità;

(5)

il-benefiċċji tax-xjuħija u l-benefiċċji tas-superstiti;

(6)

il-benefiċċji marbutin ma' aċċidenti fuq ix-xogħol u mal-mard okkupazzjonali.

13.

Hu rrakkomandat li l-Istati Membri jiżguraw l-aċċess tar-riċerkaturi għal informazzjoni aġġornata, komprensiva, faċli għall-utent u li tinftiehem b’mod ċar dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-protezzjoni soċjali tagħhom, u li jiżguraw li l-intitolamenti, dawk miksuba bi skemi obbligatorji jew dawk volontarji, jitħarsu, jiġu akkumulati u/jew ikunu trasferibbli fost it-tipi kollha ta’ statuses tal-impjieg u tal-impjieg indipendenti u bejn il-fruntieri, is-setturi ekonomiċi, tul il-ħajja tax-xogħol tal-persuna jew matul perjodu ta’ referenza speċifiku u bejn skemi differenti f’fergħa partikolari tal-protezzjoni soċjali.

14.

Hu rrakkomandat li l-Istati Membri li jridu jtejbu t-tfaddil fi skemi supplimentari b’kontribuzzjoni definita, jippromwovu l-użu tas-soluzzjonijiet mogħtija mill-fond tal-pensjoni RESAVER, li jiżgura li ma jkunx hemm perjodu tal-vestiment jew tariffi għat-trasferiment tal-assi.

15.

Hu rrakkomandat li l-Istati Membri jinkoraġġixxu miżuri speċifiċi b’appoġġ għar-riċerkaturi fi stadju bikri tal-karriera, b’mod korrispondenti għall-profili R1 u R2 imsemmija fil-punt 5 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni. B’kont meħud taċ-ċirkostanzi nazzjonali, tali miżuri speċifiċi jistgħu jinkludu:

(a)

l-għoti lir-Riċerkaturi tal-Ewwel Stadju ta' protezzjoni soċjali u kundizzjonijiet tax-xogħol applikabbli għar-riċerkaturi fi stadji oħra tal-karriera, u introjtu adegwat;

(b)

l-għoti ta' inċentivi finanzjarji u ta' protezzjoni soċjali lir-riċerkaturi fil-bidu tal-karriera tagħhom;

(c)

il-promozzjoni u l-appoġġ tal-użu ta' inċentivi għar-reklutaġġ ta' riċerkaturi fi stadju bikri tal-karriera minn impjegaturi fis-setturi kollha, b'mod partikolari b'kuntratti permanenti jew miftuħa;

(d)

il-promozzjoni u r-rikonoxximent tal-mobbiltà interistituzzjonali, intersettorjali, interdixxiplinari u ġeografika, inkluż il-mobbiltà virtwali;

(e)

il-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn id-dinja akkademika, il-finanzjaturi tar-riċerka u atturi rilevanti oħra tal-ekosistema, b'mod partikolari l-industrija u negozji oħra kif ukoll organizzazzjonijiet pubbliċi u dawk mingħajr skop ta' qligħ, fir-rigward tal-ħiliet meħtieġa u l-provvista tal-ħiliet, biex jitrawwem ir-reklutaġġ ta' riċerkaturi b'livell għoli ta' ħiliet li jissodisfaw il-ħiliet fil-mira li jkunu meħtieġa fis-setturi kkonċernati;

(f)

il-promozzjoni tal-involviment ta' riċerkaturi fil-bidu tal-karriera tagħhom f'timijiet ta' riċerka filwaqt li jiġi evitat li jintalbu jwettqu kompiti mhux relatati mat-taħriġ xjentifiku tagħhom.

Riċerkaturi b'ħiliet għal karrieri intersettorjali u interdixxiplinari u għall-intraprenditorija u l-innovazzjoni

16.

L-għan tar-riċerkatur tal-ewwel stadju huwa li titrawwem il-mentalità tar-riċerka, biex tissaħħaħ il-flessibbiltà tal-ħsieb, il-kreattività u l-awtonomija intellettwali permezz ta’ proġett ta’ riċerka oriġinali u konkret. Hu rrakkomandat li l-Istati Membri jieħdu passi xierqa biex jinkoraġġixxu li t-taħriġ tad-dottorat ikun immirat lejn dawk l-għanijiet, u barra minn hekk ikun kompatibbli ma’ karrieri interoperabbli fis-setturi rilevanti kollha u għall-prattika tax-Xjenza Miftuħa, inkluż bl-użu ta’ ResearchComp, il-Prinċipji għal Taħriġ Dottorali Innovattiv, il-Kodiċi ta’ Kondotta Ewropew għall-Integrità tar-Riċerka, u ta’ kwalunkwe inizjattiva futura oħra meħuda bl-għan li jissaħħu l-ħiliet trażversali tar-riċerkaturi.

17.

Hu rrakkomandat li l-Kummissjoni tieħu azzjoni biex tappoġġa u tiffaċilita l-użu ta’ ResearchComp, tippromwovi l-iskambju tal-prattiki tajba, u tikkunsidra reviżjonijiet futuri tal-Qafas tal-Kompetenza meta meħtieġ abbażi tal-evoluzzjoni tas-sistema tar-riċerka u l-innovazzjoni u tas-suq tax-xogħol.

18.

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jagħmlu enfasi fuq skemi li għandhom l-għan li jsaħħu l-ħiliet trażversali meħtieġa mir-riċerkaturi biex jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ta’ valorizzazzjoni tal-għarfien u l-intraprenditorija. Skemi bħal dawn jistgħu jinkludu attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u taħriġ dwar suġġetti rilevanti, inkluż il-ġestjoni tal-assi intellettwali, l-istandardizzazzjoni, il-kollaborazzjoni bejn l-industrija u d-dinja akkademika, il-kollaborazzjoni bejn id-dinja akkademika u s-settur tal-amministrazzjoni pubblika, inkluż l-attivitajiet fis-settur xjentifiku għall-politika u l-impenn fis-soċjetà.

19.

Hu rrakkomandat li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jħeġġu l-interazzjoni u l-kooperazzjoni, inkluż bi sħubijiet, bejn id-dinja akkademika, l-industrija, negozji oħra, l-amministrazzjoni pubblika, is-settur bla skop ta’ qligħ, u l-atturi rilevanti l-oħra kollha tal-ekosistema, u jiżguraw li t-taħriġ tad-dottorat u t-taħriġ immirat jiġu żviluppati, jew żviluppati b’mod konġunt, abbażi tal-ħtiġijiet reali tal-ħiliet tal-partijiet ikkonċernati, inkluż billi jibnu fuq eżempji tal-aqwa prattika implimentati skont il-programmi eżistenti fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri.

L-appoġġ ta’ tali interazzjoni u kooperazzjoni huwa partikolarment rakkomandat f'oqsma li jeħtieġu ħiliet speċifiċi biex jitħaddmu infrastrutturi tar-riċerka u tat-teknoloġija mill-aktar avvanzati.

20.

Hu rrakkomandat li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jieħdu azzjoni biex irawmu mentalità innovattiva u intraprenditorjali fost ir-riċerkaturi, inkluż il-ħiliet meħtieġa għat-tiftix tal-investiment, biex dawk li jaqbdu karriera intraprenditorjali jkunu jistgħu jgħaqqdu l-kapaċitajiet tal-ġenerazzjoni tal-għarfien tagħhom mal-kompetenza fil-valorizzazzjoni tal-għarfien, jibdlu l-ideat innovattivi f’negozji u jrawmu l-innovazzjoni u l-progress.

Jenħtieġ li ssir enfasi speċifika fuq il-promozzjoni tal-intraprenditorija u l-innovazzjoni fost in-nisa, u fuq il-ħolqien ta' spin-offs immexxija min-nisa. L-istess approċċ jenħtieġ jiġi previst għal gruppi ta' minoranza u emarġinati.

L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw miżuri biex itaffu r-riskji potenzjali għar-riċerkaturi li jagħżlu karriera intraprenditorjali, inkluż bil-possibbiltà li jerġgħu lura għall-perkors tal-karriera preċedenti tagħhom.

21.

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jieħdu azzjoni biex jappoġġaw l-iżvilupp u l-għoti ta’ taħriġ immirat, biex jinkoraġġixxu opportunitajiet ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid għar-riċerkaturi b’perspettiva tul il-ħajja u biex irawmu mobbiltà intersettorjali u interdixxiplinari. Hu rrakkomandat ukoll li l-Istati Membri jieħdu l-passi meħtieġa biex jippromwovu proċedura tal-validazzjoni ġusta u trasparenti tal-opportunitajiet tat-taħriġ formali u informali, inkluż tat-taħriġ fuq il-post tax-xogħol.

22.

Hu rrakkomandat li l-Kummissjoni tieħu l-azzjoni segwenti fil-kuntest tal-iżvilupp ta’ inizjattivi li jrawmu ċ-ċirkolazzjoni transsettorjali tat-talenti:

(a)

tappoġġa t-tagħlim reċiproku għall-Istati Membri abbażi ta' mudelli ta' skemi ta' mobbiltà intersettorjali stabbiliti mill-Kummissjoni, fi tliet oqsma prijoritarji:

(1)

it-tisħiħ tal-kooperazzjoni akkademika u mhux akkademika;

(2)

it-titjib tat-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja għar-riċerkaturi, l-innovaturi, u talenti oħra tar-riċerka u l-innovazzjoni;

(3)

it-tisħiħ tal-intraprenditorija, il-ħiliet trażversali u l-involviment fost ir-riċerkaturi f'attivitajiet li jżidu l-impatt soċjali;

(b)

issaħħaħ il-komponenti tal-mobbiltà intersettorjali fl-istrumenti eżistenti għall-mobbiltà tar-riċerkaturi, u tikkumplimentahom bi strumenti ġodda, meta jitqies meħtieġ;

(c)

ixxerred tagħrif dwar skemi ta' mobbiltà intersettorjali, permezz tal-fergħa tal-Pjattaforma tat-Talenti taż-ŻER imsemmija fil-punt 33 ta' din ir-Rakkomandazzjoni.

23.

Hu rrakkomandat li l-Istati Membri jikkunsidraw li jistabbilixxu skemi nazzjonali li jippromwovu l-mobbiltà intersettorjali f’wieħed jew aktar mit-tliet oqsma ta’ prijorità msemmija fil-punt 22 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

24.

Hu rrakkomandat li l-Istati Membri jagħmlu l-isforz kollu meħtieġ biex jippromwovu t-tneħħija tal-ostakli strutturali u amministrattivi eżistenti li jistgħu jfixklu jew jostakolaw il-mobbiltà bejn is-setturi, inkluż billi jappoġġaw lir-riċerkaturi biex jegħlbu l-ostakli tal-familja u personali għall-mobbiltà, billi jappoġġaw l-interoperabbiltà tal-karrieri, fejn applikabbli, u billi jiffaċilitaw il-mobbiltà temporanja jew permanenti, mingħajr ma jfixklu l-perkorsi ta’ karrieri fir-riċerka lineari.

25.

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jippromwovu l-mobbiltà interdixxiplinari tar-riċerkaturi, inkluż billi jqisu u jindirizzaw b’mod adegwat l-ostakli bħan-nuqqas ta’ rikonoxximent u d-diffikultajiet fl-iżgurar tal-finanzjament minn sorsi tradizzjonali.

Valutazzjoni, żvilupp u progressjoni tal-karriera

26.

Hu rrakkomandat li l-Istati Membri jappoġġaw ir-rikonoxximent tal-valur tal-mobbiltà ġeografika, intersettorjali, interistituzzjonali, interdixxiplinari u transdixxiplinari bħala mezz importanti biex isaħħu l-għarfien xjentifiku u l-iżvilupp professjonali f’kull stadju tal-karriera tar-riċerkaturi. Ġie ppruvat li l-mobbiltà virtwali hi ass validu u tista’ tiġi kkunsidrata wkoll. Is-sistema ta’ valutazzjoni u premjazzjoni ma għandhiex tippenalizza perkorsi mhux lineari, b’diversi karrieri u ibridi.

27.

Hu rrakkomandat li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jippromwovu u jappoġġaw sistemi għall-valutazzjoni u l-premjazzjoni tar-riċerkaturi li:

(a)

ikunu bbażati fuq ġudizzju kwalitattiv imparzjali mogħti mill-pari u esperti pertinenti oħra, appoġġat bl-użu responsabbli ta' indikaturi kwantitattivi;

(b)

jippremjaw il-kwalità u d-diversi impatti potenzjali tar-riċerka tagħhom fuq is-soċjetà, ix-xjenza u l-innovazzjoni;

(c)

jirrikonoxxu diversità ta' eżiti, fost l-oħrajn pubblikazzjonijiet, settijiet ta' data, software, metodoloġiji, protokolli, privattivi; diversità ta' attivitajiet, fost l-oħrajn mentoraġġ, superviżjoni tar-riċerka, rwoli ta' tmexxija, intraprenditorija, ġestjoni tad-data FAIR – skont il-prinċipji ta’ Traċċabbli, Aċċessibbli, Interoperabbli u Riutilizzabbli –, evalwazzjoni bejn il-pari, tagħlim lill-istudenti, valorizzazzjoni tal-għarfien, kooperazzjoni bejn l-industrija u d-dinja akkademika, appoġġ għal tfassil ta' politika bbażat fuq l-evidenza, interazzjoni mas-soċjetà; u diversità ta' prattiki, fost l-oħrajn ix-Xjenza Miftuħa, il-kondiviżjoni bikrija tal-għarfien u tad-data, u l-kollaborazzjoni miftuħa, flimkien mal-esperjenzi kollha tal-mobbiltà msemmija fil-punt 26 ta' din ir-Rakkomandazzjoni;

(d)

jiżguraw li l-attività professjonali tar-riċerkaturi tkun tilħaq standards għoljin ta' etika u integrità, tapplika t-twettiq xieraq tar-riċerka, u tagħti valur lill-prattiki tajba, inkluż il-prattiki miftuħa għall-kondiviżjoni tar-riżultati u tal-metodoloġiji tar-riċerka kull meta possibbli;

(e)

jużaw kriterji u proċessi tal-valutazzjoni li jirrispettaw il-varjetà ta' dixxiplini tar-riċerka u kuntesti nazzjonali;

(f)

jappoġġaw diversità ta' profili tar-riċerkaturi u perkorsi tal-karriera, u japprezzaw il-kontributi individwali daqskemm il-ħidma f'timijiet, ix-xogħol kollaborattiv u l-interdixxiplinarjetà;

(g)

jiżguraw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-bilanċ bejn il-ġeneri, l-opportunitajiet indaqs u l-inklużività.

Biex tkun żgurata l-koerenza fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet elenkati f’dan il-punt, l-Istati Membri huma mħeġġa jrawmu taħriġ kontinwu għall-atturi involuti fil-proċess tal-valutazzjoni u tal-ippremjar.

28.

L-Istati Membri huma mistiedna jħeġġu lill-organizzazzjonijiet biex jissieħbu f’koalizzjonijiet, alleanzi jew inizjattivi stabbiliti biex jevolvu s-sistemi tal-valutazzjoni skont ir-rakkomandazzjonijiet imsemmija fil-punt 27 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni. L-Istati Membri huma mħeġġa wkoll jindirizzaw, fil-qasam ta’ kompetenza tagħhom, l-ostakli amministrattivi jew legali nazzjonali għal din l-evoluzzjoni tal-valutazzjoni tar-riċerka u jgħinu fil-prevenzjoni minn kull kontradizzjoni jew inkompatibbiltà li jaf ikun hemm fl-applikazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet imsemmija fil-punt 27 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, bejn il-valutazzjoni tar-riċerka, tar-riċerkaturi u tal-organizzazzjonijiet tar-riċerka.

29.

Hu rrakkomandat li l-Istati Membri jippromwovu miżuri, inkluż mekkaniżmi ta’ konsulenza u ta’ mentoraġġ, biex ir-riċerkaturi, b’mod partikolari dawk fi stadju bikri tal-karriera, jkunu konxji tal-opportunitajiet disponibbli fis-setturi rilevanti kollha u jippromwovu kultura ta’ diversifikazzjoni tal-karrieri għal żvilupp personali u professjonali aħjar. F’dan ir-rigward, huwa rrakkomandat li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jappoġġaw l-għoti ta’ servizzi ta’ konsulenza u ta’ appoġġ għall-karrieri, pereżempju EURAXESS, ħalli jħeġġu l-mobbiltà intersettorjali, interdixxiplinari u ġeografika, kif ukoll il-ħolqien u l-iżvilupp ta’ attivitajiet intraprenditorjali.

30.

Hu rrakkomandat li l-Istati Membri jippromwovu sistema tal-adeżjoni u tal-progressjoni fil-karriera li tkun ġusta, ekwa, inklużiva, trasparenti, strutturata u ugwali bejn il-ġeneri għar-riċerkaturi fid-dinja akkademika, sal-ogħla pożizzjonijiet. F’dan ir-rigward, hu rrakkomandat li l-Istati Membri jikkunsidraw l-iżvilupp ta’ sistemi simili għal “tenure-track”, sabiex jinftehmu bħala oqfsa definiti fejn kuntratt b’terminu fiss ikollu l-possibbiltà ta’ progressjoni għal pożizzjoni permanenti, soġġett għal evalwazzjoni pożittiva.

Ċirkolazzjoni bilanċjata tat-talenti, u li l-Unjoni ssir destinazzjoni attraenti

31.

Hu rrakkomandat li l-Istati Membri jieħdu azzjoni determinata biex jistabbilixxu kundizzjonijiet favorevoli, attraenti u kompetittivi għat-twettiq tal-attivitajiet tal-riċerka u tal-innovazzjoni, u għar-ritorn tar-riċerkaturi minn barra l-pajjiż. Dawk il-miżuri jistgħu jinkludu, iżda mhux biss:

(a)

inċentivi biex l-attivitajiet tar-riċerka jsiru aktar attraenti, filwaqt li titqies il-ħtieġa ta' kompetizzjoni ġusta għat-talenti;

(b)

simplifikazzjoni tar-rekwiżiti legali u amministrattivi għar-riċerkaturi;

(c)

investimenti fis-sistema tar-riċerka u tal-innovazzjoni, inkluż l-appoġġ għal networking fl-Unjoni u lil hinn minnha, biex is-sistemi nazzjonali tar-riċerka u tal-innovazzjoni jingħaqdu u jiġu integrati man-networks Ewropej tar-riċerka u jipprovdu viżibbiltà akbar lill-kapaċitajiet nazzjonali u lill-infrastrutturi ta' riċerka u teknoloġija ta' livell għoli;

(d)

l-iskambju tal-aqwa prattiki b'rabta mal-ħolqien ta' ambjent attraenti, sikur, inklużiv, ugwali bejn il-ġeneri u kompetittiv tar-riċerka u tal-innovazzjoni, ukoll fejn jidħlu t-titjib tar-remunerazzjoni, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u s-servizzi, u t-tnaqqis tal-ostakli amministrattivi u lingwistiċi għar-riċerkaturi barranin u dawk mobbli internazzjonalment;

(e)

għotjiet għar-ritorn u l-integrazzjoni mill-ġdid tal-karriera u pożizzjonijiet attraenti għar-riċerkaturi li jerġgħu lura fil-pajjiż;

(f)

il-possibbiltà ta' pożizzjonijiet doppji f'istituzzjonijiet stabbiliti fi Stati Membri differenti, biex b'hekk jitrawmu t-trasferiment tal-għarfien, l-iżvilupp tal-ħiliet, il-kollaborazzjoni, u jiġi evitat l-eżodu tat-talenti;

(g)

l-esplorazzjoni ta' opzjonijiet għal approċċ komuni għall-persunal tal-Infrastrutturi ta' Riċerka, speċjalment fil-każ ta' Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (ERIC).

Hu rrakkomandat li l-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom, inkluż billi tippermetti l-implimentazzjoni ta' sinerġiji fost il-programmi tal-Unjoni, u l-programmi tal-Unjoni u dawk nazzjonali.

32.

Hu rrakkomandat li l-Kummissjoni tieħu l-azzjonijiet li ġejjin li jrawmu ċirkolazzjoni aktar bilanċjata tat-talenti:

(a)

tappoġġa t-tagħlim reċiproku għall-Istati Membri fid-dawl tar-riforma fis-sistemi tar-riċerka u tal-innovazzjoni tagħhom, inkluż b’sejħiet għal espressjoni ta’ interess biex tinħoloq komunità ta’ prattika b’taħriġ u gwida għall-Istati Membri abbażi ta’ perkorsi u soluzzjonijiet ta’ suċċess li jippermettu ċirkolazzjoni tat-talenti aktar bilanċjata;

(b)

timmonitorja l-flussi tal-mobbiltà, fl-Unjoni u ma’ pajjiżi terzi, permezz ta’ mappa interattiva taċ-ċirkolazzjoni tat-talenti fl-osservatorju tal-karrieri fir-riċerka msemmi fil-punt 40 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni;

(c)

tiffaċilita r-rabtiet tranżnazzjonali mad-dijaspora tar-riċerka u l-innovazzjoni u l-komunitajiet ta’ pajjiżi terzi u tiffaċilita l-attrazzjoni jew ir-ritorn tat-talenti, permezz tal-fergħa tal-Pjattaforma tat-Talenti taż-ŻER imsemmija fil-punt 33 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni;

(d)

tippromwovi ċirkolazzjoni bilanċjata tat-talenti ta’ riċerkaturi fil-livell tal-Unjoni, billi tissaħħaħ il-bażi tal-kapital uman b’riċerkaturi u innovaturi aktar intraprenditorjali, maniġerjali u mħarrġa aħjar.

Azzjonijiet ta' appoġġ għall-karrieri fir-riċerka

33.

Hu rrakkomandat li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa biex isaħħu l-portali, is-servizzi, u d-dimensjoni internazzjonali tal-EURAXESS, u li jiżviluppaw il-Pjattaforma tat-Talenti taż-ŻER bħala punt uniku ta’ servizz online għar-riċerkaturi u l-istituzzjonijiet fis-setturi kollha, b’qafas ta’ governanza ġdid u rwol ta’ koordinazzjoni għall-korpi u l-istituzzjonijiet nazzjonali rilevanti involuti fit-twassil tas-servizzi. Il-Pjattaforma tat-Talenti taż-ŻER jenħtieġ li tkun tippermetti li:

(a)

ir-riċerkaturi jmexxu l-opportunitajiet tat-tagħlim għalihom u tat-taħriġ tagħhom u l-karrieri tagħhom;

(b)

l-istituzzjonijiet tar-riċerka u l-innovazzjoni, l-impjegaturi u l-finanzjaturi jwettqu attivitajiet tan-networking, imexxu aħjar ir-riżervi tat-talenti tagħhom, jikkollaboraw u jiskambjaw l-aqwa prattiki, filwaqt li jiffaċilitaw l-attrazzjoni u ż-żamma tat-talenti u jtejbu d-data biex ix-xejriet tal-mobbiltà fl-Ewropa u lil hinn minnha jinftiehmu aħjar.

Is-servizzi jistgħu jiġu estiżi biex ikunu jinkludu l-iżvilupp tat-talenti u s-servizzi tal-ġestjoni tal-karriera, b'enfasi fuq ir-riċerkaturi fis-setturi rilevanti kollha tas-soċjetà, inkluż id-dinja akkademika.

34.

Hu rrakkomandat li l-Kummissjoni tiżgura rabtiet u interoperabbiltà bejn il-Pjattaforma tat-Talenti taż-ŻER u inizjattivi rilevanti oħra tal-Unjoni u nazzjonali, inkluż il-Europass, l-ESCO u l-EURES, biex tipprevedi titjib fil-mudell tal-governanza tal-pjattaforma u n-network sottostanti taċ-ċentri tas-servizzi biex jiġu ssodisfati aħjar il-ħtiġijiet tar-riċerkaturi u tal-organizzazzjonijiet tar-riċerka.

35.

Hu rrakkomandat li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jagħrfu l-importanza li japprovaw u jimplimentaw il-Karta għar-Riċerkaturi msemmija fil-punt 36 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

36.

Il-Karta l-ġdida għar-Riċerkaturi stabbilita fl-Anness II ta’ din ir-Rakkomandazzjoni jenħtieġ li tieħu post il-Karta u l-Kodiċi għar-Riċerkaturi stabbiliti fl-Anness għar-Rakkomandazzjoni 2005/251/KE. Hu rrakkomandat li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jħeġġu it-tħaddin u l-implimentazzjoni tal-Karta l-ġdida għar-Riċerkaturi mill-impjegaturi u l-finanzjaturi tar-riċerka fis-setturi kollha, inkluż b’inċentivi apposta, ħalli din issir għodda strutturali li tappoġġa lir-riċerkaturi u l-karrieri fir-riċerka.

37.

Hu rrakkomandat li l-Kummissjoni taġġusta l-Istrateġija dwar ir-Riżorsi Umani għar-Riċerkaturi, jew kull mekkaniżmu ta’ implimentazzjoni simili fil-futur, skont il-Karta l-ġdida għar-Riċerkaturi, u tiżgura l-kontinwità fir-rigward tal-istituzzjonijiet li ħaddnu l-prinċipji tal-Karta u l-Kodiċi għar-Riċerkaturi preċedenti u mxew mal-Istrateġija dwar ir-Riżorsi Umani għar-Riċerkaturi, b’mod partikolari billi tqis li għadhom qed iħaddnu l-Karta għar-Riċerkaturi stabbilita fl-Anness II ta’ din ir-Rakkomandazzjoni. Hu rrakkomandat li l-Kummissjoni tapplika l-istess miżuri tranżizzjonali għall-istituzzjonijiet li bdew il-proċess tal-Istrateġija dwar ir-Riżorsi Umani għar-Riċerkaturi skont il-Karta u l-Kodiċi għar-Riċerkaturi preċedenti.

38.

Hu rrakkomandat li l-Kummissjoni tagħmel rieżami regolari u tadatta l-għodod kollha b’appoġġ għall-karrieri fir-riċerka, abbażi tal-ħtiġijiet reali tar-riċerkaturi, b’koordinazzjoni mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti.

39.

Hu rrakkomandat li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jħeġġu u jappoġġaw l-alleanzi tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, bħall-alleanzi tal-Universitajiet Ewropej, is-settur Ewropew kollu tal-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, biex imexxu azzjonijiet rilevanti previsti minn din ir-Rakkomandazzjoni b’mod volontarju u b’approċċ minn isfel għal fuq.

Monitoraġġ tal-karrieri fir-riċerka

40.

Minbarra s-sistemi ġenerali tal-monitoraġġ taż-Żona Ewropea tar-Riċerka, hu rrakkomandat li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jissorveljaw l-aspetti rilevanti tal-karrieri fir-riċerka fl-Unjoni u l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni permezz ta’ Osservatorju ddedikat, għall-benefiċċju tal-komunità tar-riċerka, ta’ dawk li jfasslu l-politika, tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u tal-organizzazzjonijiet rilevanti fil-livell Ewropew u nazzjonali. L-Osservatorju jenħtieġ li jappoġġa l-fehim aħjar tal-isfidi u l-opportunitajiet mir-riċerkaturi, u jenħtieġ li jippromwovi wkoll l-attraenza tal-organizzazzjonijiet tal-Unjoni li jwettqu r-riċerka għall-aħjar talenti, filwaqt li jiggarantixxi l-protezzjoni tal-privatezza tad-data matul l-implimentazzjoni.

41.

L-Osservatorju jenħtieġ li jikkunsidra u jidentifika bir-reqqa t-tip ta’ data ta’ appoġġ li tkun rilevanti biex jiġu osservati l-karrieri fir-riċerka. Fejn possibbli, jenħtieġ li jiġu kkunsidrati u prijoritizzati rabtiet mad-data eżistenti sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-Istati Membri u għall-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha. Hu rrakkomandat li l-Istati Membri jikkooperaw bejniethom biex tinġabar data rilevanti ħalli l-osservatorju jiġi implimentat b’mod effiċjenti u sostenibbli.

42.

Il-Kummissjoni hija mistiedna tipproponi – abbażi tad-data pprovduta mill-Osservatorju ta-karrieri fir-riċerka – aktar miżuri li jinkoraġġixxu u jippromwovu l-iżvilupp ta’ karrieri fir-riċerka.

43.

Il-Kummissjoni, b’kollaborazzjoni mal-Istati Membri, hija rrakkomandata li tikkunsidra rabtiet rilevanti bejn l-Osservatorju tal-Karrieri fir-Riċerka u l-Osservatorju Ewropew tas-Settur tal-Edukazzjoni Għolja propost fl-Istrateġija Ewropea għall-Universitajiet, fejn rilevanti, u b’hekk issaħħaħ is-sinerġiji bejn iż-Żona Ewropea tar-Riċerka u ż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni.

44.

L-Istati Membri u l-Kummissjoni huma rrakkomandati li jikkunsidraw l-adattament tad-data miġbura fil-kuntest tar-Regolament (UE) 2019/1700 skont il-ħtiġijiet tad-data tal-osservatorju msemmi fil-punt 40 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

Magħmul fi Brussell, 18 ta' Diċembru 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

T. RIBERA RODRÍGUEZ


(1)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2005/251/KE tal-11 ta' Marzu 2005 dwar il-Karta Ewropea għar-Riċerkaturi u dwar Kodiċi ta' Kondotta għar-Reklutaġġ ta' Riċerkaturi (ĠU L 75, 22.3.2005, p. 67).

(2)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza, COM(2020) 274 final.

(3)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat Tar-Reġjuni – ŻER ġdida għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, COM(2020) 628 final.

(4)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/2122 tas-26 ta' Novembru 2021 dwar Patt għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fl-Ewropa (ĠU L 431, 2.12.2021, p. 1).

(5)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar strateġija Ewropea għall-universitajiet, COM(2022) 16 final.

(6)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Aġenda Ewropea għall-Innovazzjoni ġdida, COM(2022) 332 final.

(7)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2415 tat-2 ta' Diċembru 2022 dwar il-prinċipji ta' gwida għall-valorizzazzjoni tal-għarfien (ĠU L 317, 9.12.2022, p. 141).

(8)  Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej – Inqarrbu l-edukazzjoni għolja, ir-riċerka, l-innovazzjoni u s-soċjetà: Inwittu t-triq għal dimensjoni ġdida fl-edukazzjoni għolja Ewropea (ĠU C 221, 10.6.2021, p. 14).

(9)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija ta' Ugwaljanza Bejn is-Sessi għall-2020-2025, COM(2020) 152 final.

(10)  Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU L 175, 10.7.1999, p. 43).

(11)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Novembru 2019 dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom (2019/C 387/01) (ĠU C 387, 15.11.2019, p. 1).

(12)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2415 tat-2 ta' Diċembru 2022 dwar il-prinċipji gwida għall-valorizzazzjoni tal-għarfien (ĠU L 317, 9.12.2022, p. 141).

(13)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: “L-isfruttar tat-talent fir-reġjuni tal-Ewropa”, 17 ta' Jannar 2023, COM(2023) 32 final.

(14)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Nattiraw il-ħiliet u t-talent lejn l-UE, COM(2022) 657 final.

(15)  Id-Direttiva (UE) 2021/1883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2021 dwar il-kundizzjonijiet tad-dħul u tar-residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-fini ta' impjieg bi kwalifiki għoljin, u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2009/50/KE (ĠU L 382, 28.10.2021, p. 1).

(16)  Id-Direttiva (UE) 2016/801 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar il-kundizzjonijiet ta' dħul u residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-finijiet ta' riċerka, studji, taħriġ, servizz volontarju, skemi ta' skambju ta' skulari jew proġetti edukattivi u au pairing (ĠU L 132, 21.5.2016, p. 21).

(17)  Ir-Regolament (UE) 2019/1700 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Ottubru 2019 li jistabbilixxi qafas komuni għall-istatistika Ewropea relatata ma' persuni u unitajiet domestiċi, abbażi ta' data fuq livell individwali miġbura minn kampjuni, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 808/2004, (KE) Nru 452/2008 u (KE) Nru 1338/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1177/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 577/98 (ĠU L 261I , 14.10.2019, p. 1).


ANNESS I

Eżempji ta' okkupazzjonijiet tar-riċerkaturi fis-setturi kollha fost il-profili R1-R4

B'kunsiderazzjoni xierqa għall-kompetenzi nazzjonali u biex jiġi ffaċilitat l-użu ta' referenzi għall-profili fil-postijiet vakanti kollha indirizzati speċifikament lir-riċerkaturi, dan l-anness jipprovdi eżempji għal kull settur bl-għan li l-karrieri tar-riċerkaturi jsiru komparabbli u interoperabbli fis-setturi kollha tal-impjiegi u fil-pajjiżi kollha.

L-entitajiet ikkonċernati għandhom ikunu konxji tal-fehim tad-definizzjoni tar-Riċerkatur u l-profili tiegħu kif rifless fir-Rakkomandazzjoni 1, 2, 5 u 6.

Tabella 1

Eżempji ta' Okkupazzjonijiet fil-Qafas Ewropew għall-Karrieri fir-Riċerka

R1 - Riċerkatur tal-ewwel stadju

R2 - Riċerkatur rikonoxxut

doctoral candidate

junior academic

junior research analyst

junior research engineer

junior researcher/scientist

junior scientific officer

research apprentice/intern

junior academic

junior lecturer

junior research analyst

junior research engineer

junior researcher/scientist

junior scientific officer

postdoctoral researcher

R3 - Riċerkatur stabbilit

R4 - Riċerkatur ewlieni

accredited researcher

assistant professor

associate professor

associate researcher

principal investigator

principal researcher/scientist

reader

research fellow

research specialist

scientific councillor

senior academic

senior lecturer

senior research and development associate

senior research engineer

senior researcher/scientist

senior scientific officer

chief scientific officer

distinguished professor

full professor

principal investigator

principal researcher/scientist

reader

research fellow

research professor

research specialist

scientific councillor

senior academic

senior lecturer

senior research and development associate senior research engineer

senior researcher/scientist

senior scientific officer

Dwar l-eżempji ta' okkupazzjonijiet ta' riċerkaturi skont il-profili R1-R4 elenkati fit-Tabella 1, huwa importanti li jiġi indikat li:

L-eżempji mhumiex maħsuba biex ikunu eżawrjenti iżda jservu bħala indikazzjoni tat-tipi ta' titli għar-riċerkaturi fi ħdan il-profili R1-R4 u fis-setturi kollha

L-eżempji jikkonsistu biss f'titli bl-Ingliż għalkemm huwa rikonoxxut li t-titli ser ivarjaw bejn is-setturi u l-pajjiżi u li t-titli ser ivarjaw minn lingwa għal oħra

Xi okkupazzjonijiet tar-riċerkaturi jistgħu jidhru f'diversi profili R1-R4 meta d-deċiżjoni tal-profil tkun tiddependi fuq il-livell ta' indipendenza, esperjenza u rikonoxximent

Id-deċiżjoni finali dwar jekk individwu u okkupazzjoni jitqisux bħala R1-R4 ser tiġi ddeterminata skont il-każ u ser tkun tiddependi fuq l-individwu u l-okkupazzjoni


ANNESS II

Il-Karta Ewropea għar-Riċerkaturi

Il-Karta Ewropea għar-Riċerkaturi hi sett ta' prinċipji li jirfdu l-iżvilupp tal-karrieri attraenti fir-riċerka biex tiġi appoġġata l-eċċellenza fir-riċerka u l-innovazzjoni madwar l-Ewropa. L-enfasi tal-Karta Ewropea għar-Riċerkaturi (il-“Karta għar-Riċerkaturi”) hija fuq id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tar-riċerkaturi, tal-impjegaturi, tal-finanzjaturi u ta' dawk li jfasslu l-politika; tikkonsisti f'20 prinċipju ewlieni. Dawn jinġabru fl-erba' pilastri li ġejjin:

(a)

Etika, Integrità, Ġeneru u Xjenza Miftuħa;

(b)

Valutazzjoni, Reklutaġġ u Progressjoni tar-Riċerkaturi;

(c)

Kundizzjonijiet u Prattiki tax-Xogħol;

(d)

Karrieri fir-Riċerka u Żvilupp tat-Talent.

Il-Karta għar-Riċerkaturi hi mmirata għar-riċerkaturi, is-setturi li jwettqu r-riċerka u l-organizzazzjonijiet umbrella rispettivi (il-partijiet ikkonċernati) kollha. Din għandha tinkludi:

(a)

Ir-riċerkaturi fis-setturi kollha – id-dinja akkademika, u organizzazzjonijiet pubbliċi u privati li jwettqu r-riċerka;

(b)

L-impjegaturi ta’ riċerkaturi fis-settur pubbliku u privat;

(c)

Il-finanzjaturi tar-riċerka u r-riċerkaturi fis-settur pubbliku u privat;

(d)

Dawk li jfasslu l-politika b’rabta ma’ politiki rilevanti għall-Karta.

Din tindirizza lir-riċerkaturi fid-dixxiplini kollha inkluż ix-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija, il-Matematika (STEM), u x-Xjenzi Soċjali u Umanistiċi (SSH). Tkopri t-tipi kollha tar-riċerka mill-fruntiera, immirata, strateġika, applikata u qrib is-suq.

PILASTRU 1 – ETIKA, INTEGRITÀ, ĠENERU U XJENZA MIFTUĦA

1.

ETIKA U INTEGRITÀ TAR-RIĊERKA

2.

LIBERTÀ TAR-RIĊERKA XJENTIFIKA

3.

XJENZA MIFTUĦA

4.

UGWALJANZA BEJN IL-ĠENERI

5.

TĦADDIN TAD-DIVERSITÀ

6.

IR-RIĊERKATUR

7.

ĊIRKOLAZZJONI LIBERA TAR-RIĊERKATURI

8.

SOSTENIBBILTÀ TAR-RIĊERKA

Dan il-pilastru jiġbor il-prinċipji fundamentali tal-Karta għar-Riċerkaturi u l-impenn tagħha li tappoġġa l-eċċellenza fir-riċerka, mifhuma f'dan il-kuntest bħala t-trawwim tal-aqwa timijiet u proġetti tar-riċerka possibbli, mingħajr preġudizzju tal-ġeneru u preġudizzji oħra. Il-prinċipji ta' dan il-pilastru mistennija jikkontribwixxu għas-sisien tal-viżjoni ta' Żona Ewropea tar-Riċerka rivitalizzata, u jnebbħu lir-riċerkaturi, l-impjegaturi fir-riċerka, il-finanzjaturi u dawk li jfasslu l-politika fl-Ewropa. Minħabba n-natura trażversali ta' dawn il-valuri kollha, dawn mistennija jiġu integrati u kkunsidrati fit-tħaddim tal-bqija tal-prinċipji.

(1)   Etika u Integrità tar-Riċerka (1)

Ir-riċerkaturi għandhom jikkonformaw ma' regoli etiċi stretti u jittrattaw il-ħidma tagħhom bl-onestà; bl-affidabbiltà; bl-oġġettività; bl-imparzjalità u l-indipendenza; b'komunikazzjoni miftuħa; bid-dover tal-attenzjoni; bil-ġustizzja u r-responsabbiltà lejn il-ġenerazzjonijiet futuri tax-xjenza. Dawn huma s-sisien ta' riċerka responsabbli u affidabbli ħielsa mill-influwenza bla bżonn (inkluż l-interferenza barranija u l-kunflitt ta' interess). Huma prerekwiżit biex tinkiseb l-eċċellenza, u fuqhom tissejjes ir-responsabbiltà tar-riċerkaturi li jitħarsu mill-preġudizzji u t-taqsiriet metodoloġiċi.

Ir-riċerkaturi għandhom jimxu ma' prattiki etiċi rikonoxxuti u ma' prinċipji etiċi fundamentali li jixirqu għad-dixxiplina/i tagħhom, u ma' standards etiċi dokumentati fil-kodiċijiet tal-etika nazzjonali, settorjali jew istituzzjonali differenti.

Ir-responsabbiltà primarja għall-integrità tar-riċerka hi mar-riċerkaturi stess. Ir-riċerkaturi għandhom jitwieżnu b'kultura istituzzjonali tal-integrità tar-riċerka biex joħolqu u jirrispettaw ir-regoli, il-proċeduri u l-linji gwida, u b'taħriġ u mentoraġġ abbażi tal-iskambju tal-aqwa prattiki.

Biex jitrawmu prattiki tajbin fir-riċerka u kultura tal-integrità tar-riċerka, il-partijiet ikkonċernati involuti kollha jeħtieġ iqisu bosta dimensjonijiet, fosthom l-integrità tar-riċerka fl-ambjenti tar-riċerka; it-taħriġ u l-bini tal-kapaċitajiet dwar l-integrità tar-riċerka; il-proċessi u l-politiki tar-riċerka li jinkorporaw l-integrità tar-riċerka; il-politiki dwar id-data, il-pubblikazzjoni, id-disseminazzjoni, ir-rieżami, l-evalwazzjoni u l-editjar. Bl-istess mod, għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi biex tiġi identifikata, irrappurtata u indirizzata l-imġiba ħażina fir-riċerka.

Ir-riċerkaturi għandhom jevitaw kwalunkwe tip ta' plaġjariżmu. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-prinċipji ta' sjieda konġunta meta r-riċerka ssir f'kollaborazzjoni ma' superviżuri u/jew riċerkaturi oħra – kif ikun xieraq skont id-dixxiplina – kif ukoll lir-regoli tal-proprjetà intellettwali. Dan għandu japplika fl-istadji kollha tal-proċess tar-riċerka inkluż waqt it-tfassil tal-kunċett, it-tħejjija tal-applikazzjonijiet għall-finanzjament u l-iżvilupp u t-twassil tar-riżultati. Il-ħtieġa li jiġu vvalidati l-osservazzjonijiet billi jintwera li s-sejbiet huma riproduċibbli ma għandhiex tiġi interpretata bħala plaġjariżmu, diment li ssir referenza espliċita għad-data li tkun trid tiġi kkonfermata.

Il-valuri tal-etika u l-integrità huma wkoll ta' importanza kbira meta r-riċerkaturi jkollhom rwol superviżorju. Dawn għandhom jiġu applikati minnufih biex jiġi żgurat ambjent ta' riċerka sikur, inklużiv u b'ugwaljanza bejn il-ġeneri għal dawk kollha involuti u speċjalment meta jseħħu diskriminazzjoni, fastidju sesswali jew morali, tfixkil għat-tagħlim jew għax-xogħol ta' riċerka, jew approprjazzjoni personali mhux ġustifikata ta' data jew riżultati.

(2)   Libertà tar-Riċerka Xjentifika

Il-libertà tar-riċerka xjentifika hi valur u prinċipju ewlieni komuni għal kooperazzjoni fir-riċerka fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka u mas-sħab internazzjonali. Ir-riċerkaturi għandhom jiffukaw ir-riċerka tagħhom dwar il-ġid tal-umanità u t-twessigħ tal-fruntieri tal-għarfien tal-bniedem, filwaqt li jgawdu l-libertà tal-ħsieb, tal-opinjoni u tal-espressjoni, il-libertà li jiddefinixxu mistoqsijiet tar-riċerka, il-libertà li jagħżlu metodi biex isolvu xi problema, il-libertà li jagħżlu u jiżviluppaw teoriji, il-libertà li jqajmu dubji fuq għerf aċċettat u li jippreżentaw ideat ġodda, u l-libertà li jassoċjaw ruħhom f'korpi akkademiċi professjonali jew rappreżentattivi. Ir-riċerkaturi għandu jkollhom id-dritt li jxerrdu u jippubblikaw ir-riżultati tar-riċerka tagħhom, inkluż bit-taħriġ u bl-għoti ta' tagħlim. Iżda r-riċerkaturi għandhom jagħrfu l-limitazzjonijiet għal din il-libertà li jistgħu jinħolqu minħabba ċirkostanzi partikolari fir-riċerka – inkluż superviżjoni/gwida/ġestjoni – jew restrizzjonijiet legali jew operazzjonali, eż. minħabba raġunijiet ta' drittijiet tal-proprjetà intellettwali, raġunijiet baġitarji jew infrastrutturali.

(3)   Xjenza Miftuħa

Ir-riċerkaturi għandhom jimmiraw li jimpenjaw ruħhom fl-aspetti kollha tax-Xjenza Miftuħa (2) u dan l-impenn għandu jiġi faċilitat mill-impjegaturi u l-finanzjaturi tagħhom. Għandhom jaqsmu r-riżultati tagħhom fil-miftuħ, eż. b'data miftuħa u FAIR-traċċabbli, aċċessibbli, interoperabbli u riutilizzabbli, pubblikazzjonijiet b'aċċess miftuħ, u software, mudelli u algoritmi miftuħin. Għandhom jieħdu l-miżuri biex jiżguraw ir-riproduċibbiltà tar-riżultati tar-riċerka. Għandhom jimmiraw li jipprattikaw metodoloġiji tax-Xjenza Miftuħa u li jieħdu sehem f'rieżami miftuħ bejn il-pari. L-impjegaturi u/jew il-finanzjaturi għandhom jappoġġaw, jipprovdu l-għodod u l-infrastruttura meħtieġa, u jippremjaw lil kultura ta' Xjenza Miftuħa tassew madwar l-Unjoni, inkluż bis-simplifikazzjoni tal-aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet akkademiċi, data tar-riċerka u outputs oħra tar-riċerka – jiġifieri skont il-prinċipju “kemm jista' jkun miftuħ, magħluq kemm meħtieġ” – u bit-tixrid u t-tħaddim tal-prinċipji u l-prattiki tax-Xjenza Miftuħa, filwaqt li jqisu d-differenzi bejn id-dixxiplini u d-differenzi kulturali, inkluż il-multilingwiżmu, jappoġġaw l-iżvilupp tal-ħiliet tax-Xjenza Miftuħa, u jkomplu jiżviluppaw u jintegraw l-infrastruttura u s-servizzi diġitali li jirfdu dan kollu.

Xjenza taċ-Ċittadini

Ir-riċerkaturi għandhom jinkorporaw kemm jista' jkun u meta rilevanti x-xjenza taċ-ċittadini fil-proġetti tagħhom. Dan ifisser l-involviment taċ-ċittadini fil-kunċett, it-tfassil u l-implimentazzjoni ta' proġetti ta' riċerka fis-suġġetti STEM u SSH. Dan hu mezz ideali biex ix-xjenza tiġi demokratizzata, tinbena fiduċja fix-xjenza, u jiġu sfruttati l-intelliġenza u l-kapaċitajiet vasti tas-soċjetà biex ikollna riċerka u innovazzjoni eċċellenti.

(4)   Ugwaljanza bejn il-Ġeneri

Il-partijiet ikkonċernati kollha għandhom irawmu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-bilanċ bejn il-ġeneri fit-timijiet tar-riċerka, fil-korpi maniġerjali u tat-teħid tad-deċiżjonijiet, fil-kumitati tar-reklutaġġ u tal-promozzjonijiet, u fil-gruppi konsultattivi. Dan jinkludi li titrawwem l-integrazzjoni tad-dimensjoni tal-ġeneru fil-kontenut tar-riċerka, tat-tagħlim u tal-innovazzjoni biex jiżdiedu l-kwalità xjentifika, l-eċċellenza, u r-rilevanza għas-soċjetà tal-għarfien prodott. L-ugwaljanza bejn il-ġeneri għandha l-għan ukoll li tiġġieled il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-fastidju sesswali. L-ugwaljanza bejn il-ġeneri għandha tinftiehem minn perspettiva intersezzjonali, fejn sistemi differenti ta' setgħat bejn il-ġeneri u kategoriji u identitajiet soċjali oħra jiltaqgħu u jsaħħu lil xulxin. Bidliet istituzzjonali sostenibbli, li jsiru permezz ta' pjanijiet għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri (3) jew pjanijiet simili, li jippermettu rappurtar xieraq f'każ ta' ksur, u jinkludu sistemi ta' monitoraġġ u evalwazzjoni, huma mekkaniżmi adegwati għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

Komponent ewlieni tat-trasformazzjoni tal-kultura ta' organizzazzjoni għall-avvanz tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri huwa l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. Il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata huwa rilevanti kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel u jinvolvi l-iżgurar li l-membri tal-persunal kollha jiġu appoġġati kif xieraq biex javvanzaw fil-karriera tagħhom flimkien mar-responsabbiltajiet personali li jista' jkollhom barra mill-post tax-xogħol, inkluż ir-responsabbiltajiet ta' indukrar.

(5)   Tħaddin tad-Diversità

Prinċipju ewlieni taż-Żona Ewropea tar-Riċerka hu li titqies id-diversità fis-sens wiesa' inkluż, fost l-oħrajn, il-ġeneru, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diversità soċjali, id-diżabilità, l-età, l-orjentazzjoni sesswali u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni tkun xi tkun ir-raġuni. L-impjegaturi u l-finanzjaturi għandhom iħaddnu d-diversità fost ir-riċerkaturi tagħhom, peress li esperjenzi differenti tal-ħajja jżidu l-perspettivi siewja għall-proġetti tar-riċerka. Barra minn hekk, id-diversità fil-parteċipanti tista' tnebbaħ riżultati tar-riċerka li japplikaw għas-soċjetajiet diversi li ngħixu fihom u jarrikkixxuhom. Ir-rikonoxximent tal-preġudizzji inkonsapevoli, pereżempju fir-reklutaġġ, il-promozzjoni u r-reviżjoni tal-kompiti, u l-kumpens għalihom fejn possibbli huma meħtieġa wkoll, b'mod partikolari fil-qasam tax-xjenza.

(6)   Ir-Riċerkatur

Ir-riċerkaturi kollha huma involuti fit-tfassil jew il-ħolqien ta' għarfien xjentifiku ġdid imsejjes fuq kunċetti jew ipoteżijiet oriġinali. Ir-riċerkaturi huma professjonisti li xogħolhom għandu jingħata valur, indipendentement mis-settur li joperaw fih. Dan għandu jibda fil-bidu tal-karrieri tagħhom, jiġifieri fil-livell postgradwatorju, u għandu jinkludi l-livelli kollha, irrispettivament mill-klassifikazzjoni tagħhom fil-livell nazzjonali.

L-impjegaturi u l-finanzjaturi għandhom iħeġġu u jappoġġaw perkorsi nonlineari u ta' diversi karrieri, li jkunu maħsuba bħala perkorsi karatterizzati mill-mobbiltà ġeografika, dixxiplinari, intersettorjali u interorganizzattiva – eż. l-issekondar. Għandhom iħeġġu wkoll perkorsi ibridi li simultanjament jgħaqqdu setturi differenti, li għandhom jitqiesu fl-istess livell mal-perkorsi tal-karrieri lineari.

Attitudni Professjonali

Ir-riċerkaturi għandhom ikunu midħla tal-għanijiet strateġiċi li jirregolaw l-ambjent tar-riċerka u l-mekkaniżmi tal-finanzjament tagħhom u għandhom jitolbu l-approvazzjonijiet kollha meħtieġa qabel jibdew ir-riċerka tagħhom jew jaċċessaw ir-riżorsi pprovduti. Ir-riċerkaturi għandhom jagħmlu kull sforz biex jiżguraw li r-riċerka tagħhom tkun rilevanti għas-soċjetà billi tippermetti li d-dinja tinftiehem aħjar, u ma tidduplikax bla bżonn ir-riċerka li tkun saret qabel band'oħra. Dan jinvolvi valorizzazzjoni effiċjenti tar-riżultati tar-riċerka.

Għandu jkun hemm komunikazzjoni ċara bejn ir-riċerkaturi u l-impjegaturi, il-finanzjaturi, jew is-superviżuri meta proġett tar-riċerka jittardja, jiġi ridefinit jew jitlesta; u jingħata avviż meta proġett tar-riċerka jitwaqqaf qabel iż-żmien jew jiġi sospiż għal xi raġuni.

Responsabbiltà

Li riċerkatur ikun responsabbli jfisser li jerfa' r-responsabbiltajiet għal għemilu meta jwettaq ir-riċerka. Ir-riċerkaturi jeħtieġ jagħrfu li huma għandhom jagħtu kont ta' għemilhom lill-impjegaturi, lill-finanzjaturi jew lil korpi pubbliċi jew privati relatati oħra u, minħabba raġunijiet aktar etiċi, lis-soċjetà. Ir-riċerkaturi ffinanzjati b'fondi pubbliċi huma responsabbli wkoll għall-użu effiċjenti ta' flus il-poplu. Għalhekk għandhom jimxu mal-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba, trasparenti u effiċjenti u jikkooperaw f'kull awditjar awtorizzat tar-riċerka tagħhom, kemm jekk jagħmluh l-impjegaturi/finanzjaturi tagħhom kif ukoll jekk jagħmluh il-kumitati tal-etika. Din l-aspettattiva titlobhom iservu ta' mudell ta' mġiba etika għall-pari tagħhom u għas-soċjetà usa'.

Il-metodi tal-ġbir u tal-analiżi, l-outputs u, meta applikabbli, id-dettalji tad-data għandhom ikunu miftuħa għal skrutinju intern u estern, kull meta meħtieġ u kif mitlub mill-awtoritajiet xierqa. Dan hu importanti wkoll biex id-data tkun miftuħa u jgħin biex tiġi żgurata r-riproduċibbiltà tar-riżultati.

(7)   Ċirkolazzjoni libera tar-riċerkaturi

L-impjegaturi u l-finanzjaturi għandhom jippromwovu ċ-ċirkolazzjoni libera tar-riċerkaturi, l-għarfien xjentifiku u t-teknoloġija, filwaqt li jattiraw it-talent u jevitaw it-telf potenzjali tat-talent. Għandhom jagħrfu l-valur tal-mobbiltà ġeografika, interistituzzjonali, intersettorjali, interdixxiplinari u transdixxiplinari bħala mezz importanti biex jissaħħu l-għarfien u l-iżvilupp professjonali f'kull stadju tal-karriera tar-riċerkaturi u biex jagħtu valur u jirrikonoxxu kull esperjenza ta' mobbiltà fis-sistema tal-progressjoni fil-karriera/valutazzjoni tagħhom. Ġie ppruvat li l-mobbiltà virtwali hi element validu u tista' tiġi kkunsidrata wkoll. Dan jeħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti l-istrumenti amministrattivi meħtieġa li jippermettu l-portabbiltà kemm tal-għotjiet kif ukoll tad-dispożizzjonijiet dwar is-sigurtà soċjali, f'konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

(8)   Sostenibbiltà tar-Riċerka

Ir-riċerkaturi, l-impjegaturi u l-finanzjaturi għandhom jippromwovu l-implimentazzjoni sostenibbli tal-attivitajiet ta' riċerka f'konformità ma' inizjattivi ta' politika attwali u futuri adottati għall-progress tas-soċjetà bħall-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli. Ir-riċerkaturi għandu jkollhom l-appoġġ ta' kultura istituzzjonali ta' tmexxija sostenibbli tar-riċerka, u ta' taħriġ u mentoraġġ ibbażati fuq l-iskambju tal-aqwa prattiki. Iridu jkunu mexxejja fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju tagħhom b'mod li jagħti eżempju pożittiv lil ħaddieħor fil-komunità tar-riċerka.

Il-“Karta Ħadra tal-MSCA” tal-Kummissjoni Ewropea, żviluppata fil-qafas tal-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie (MSCA), tista' tintuża bħala punt ta' referenza.

PILASTRU 2 – VALUTAZZJONI, REKLUTAĠĠ U PROGRESSJONI TAR-RIĊERKATURI

1.

VALUTAZZJONI TAR-RIĊERKATURI

2.

REKLUTAĠĠ

3.

GĦAŻLA

4.

PROGRESSJONI FIL-KARRIERA

Il-valutazzjoni tar-riċerkaturi għandha tiżgura li r-riċerkaturi jiġu rikonoxxuti u ppremjati b'mod ugwali għall-karrieri tagħhom irrispettivament mis-settur tal-impjiegi jew tal-attività u skont approċċ imparzjali bbażat fuq it-talent. Politiki ġusti ta' reklutaġġ u ta' għażla tar-riċerkaturi huma fundamentali biex jinkiseb suq tax-xogħol miftuħ għar-riċerkaturi, li jagħti kontribut għal avvanz fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

(1)   Valutazzjoni tar-Riċerkaturi

Il-valutazzjoni tar-riċerkaturi għandha tippermetti evalwazzjoni tal-prestazzjoni tar-riċerkaturi u tar-riċerka biex jinkisbu l-ogħla kwalità u impatt. Dan jeħtieġ rikonoxximent ta' attivitajiet, prattiki u outputs tar-riċerka dejjem aktar diversi. Konsegwentement, il-valutazzjoni għandha tkun imsejsa qabelxejn fuq ġudizzju kwalitattiv, li għalih ikunu ċentrali rieżami bejn il-pari u rieżami minn esperti rilevanti oħra, appoġġat mill-użu responsabbli ta' indikaturi kwantitattivi. Anke l-kontributi għall-innovazzjoni għandhom jiġu rikonoxxuti, b'mod partikolari għall-kandidati bi sfond industrijali.

L-impjegaturi u l-finanzjaturi għandhom jappoġġaw sistema li tivvaluta u tippremja r-riċerkaturi, li tqis il-kwalità ġenerali tal-impatt tagħhom fuq is-soċjetà, ix-xjenza u l-innovazzjoni, id-diversità tal-attivitajiet imwettqa, il-prattiki tax-Xjenza Miftuħa, u l-valur tal-mobbiltà ġeografika, interdixxiplinari u intersettorjali. Sistema bħal din għandha:

(a)

tkun imsejsa fuq ġudizzju imparzjali kwalitattiv mogħti mill-pari u esperti rilevanti, appoġġat mill-użu responsabbli ta’indikaturi kwantitattivi;

(b)

tippremja l-kwalità u d-diversi impatti potenzjali tar-riċerka fuq is-soċjetà, ix-xjenza u l-innovazzjoni;

(c)

tirrikonoxxi diversità ta’ outputs, fost l-oħrajn pubblikazzjonijiet, settijiet ta’ data, software, metodoloġiji, protokolli, privattivi, mudelli, teoriji, algoritmi, flussi tax-xogħol, wirjiet, strateġiji, kontributi ta’ politika; diversità ta’ attivitajiet, fost l-oħrajn mentoraġġ, superviżjoni tar-riċerka, rwoli ta’ tmexxija, intraprenditorija, ġestjoni ta’ data FAIR – skont il-prinċipji Traċċabbli, Aċċessibbli, Interoperabbli u Riutilizzabbli –, evalwazzjoni bejn il-pari, għoti ta’ tagħlim, valorizzazzjoni tal-għarfien, kooperazzjoni bejn l-industrija u d-dinja akkademika, appoġġ għat-tfassil ta’ politika mnebbħa mill-evidenza, interazzjoni mas-soċjetà, ġestjoni u tmexxija, superviżjoni, ħidma f’tim, servizzi għas-soċjetà, komunikazzjoni xjentifika u rigorożità metodoloġika; u diversità ta’ prattiki, fost l-oħrajn ix-Xjenza Miftuħa, kondiviżjoni bikrija tal-għarfien u tad-data, u kollaborazzjoni miftuħa, flimkien mal-esperjenzi kollha tal-mobbiltà inkluż dawk ġeografiċi, intersettorjali, interistituzzjonali, interdixxiplinari u transdixxiplinari;

(d)

tiżgura li l-attività tar-riċerkaturi tkun tilħaq standards għoljin ta’ etika u integrità, tapplika t-twettiq xieraq tar-riċerka, u tagħti valur lill-prattiki tajbin, inkluż prattiki miftuħa għall-kondiviżjoni tar-riżultati u l-metodoloġiji tar-riċerka, kull meta possibbli;

(e)

tuża kriterji u proċessi tal-valutazzjoni li jirrispettaw il-varjetà ta’ dixxiplini tar-riċerka u kuntesti nazzjonali;

(f)

tappoġġa diversità ta’ profili tar-riċerkaturi u ta’ perkorsi tal-karrieri, u tagħti valur lill-kontributi individwali, iżda anki lir-rwol tat-timijiet, tal-ħidma kollaborattiva u tal-interdixxiplinarjetà;

(g)

tiżgura l-bilanċ bejn il-ġeneri, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-opportunitajiet indaqs u l-inklużività.

Biex tkun żgurata l-koerenza fl-implimentazzjoni ta' dawn il-prinċipji, l-impjegaturi u l-finanzjaturi għandhom irawmu t-taħriġ kontinwu tal-atturi involuti fil-proċess li r-riċerkaturi jiġu vvalutati u ppremjati.

(2)   Reklutaġġ

F'konformità mal-prinċipji tal-libertà akkademika u l-awtonomija istituzzjonali, huwa rrakkomandat li l-impjegaturi u l-finanzjaturi jistabbilixxu proċeduri ta' reklutaġġ u ta' għażla li jkunu miftuħa, trasparenti u bbażati fuq il-mertu, mingħajr ma jippenalizzaw pawżi fil-karriera jew perkorsi mhux lineari, b'diversi karrieri u ibridi. Dawn għandhom ifittxu l-eċċellenza, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, id-diversità, u jitfasslu skont it-tip ta' pożizzjoni reklamata. Ir-reklamar għandu jinkludi deskrizzjoni komprensiva tal-għarfien u l-kompetenzi meħtieġa, inkluż deskrizzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-intitolamenti, il-prospetti tal-iżvilupp tal-karriera u ħarsa ġenerali lejn l-iskeda taż-żmien. Il-kandidati għandhom jiġu infurmati, qabel l-għażla, dwar il-proċess tar-reklutaġġ u l-kriterji tal-għażla, l-għadd ta' pożizzjonijiet disponibbli u l-prospetti tal-iżvilupp tal-karriera. Il-membri tal-Kumitat għandhom jiġu mgħarrfa u mħarrġa wkoll dwar il-prinċipji ta' reklutaġġ ġust.

Varjazzjonijiet fl-ordni kronoloġika tas-CVs

Il-pawżi fil-karriera jew il-varjazzjonijiet fl-ordni kronoloġika tas-CVs ma għandhomx jiġu ppenalizzati, iżda għandhom jitqiesu bħala evoluzzjoni tal-karriera u allura bħala kontribut potenzjalment siewi għall-iżvilupp professjonali tar-riċerkaturi favur perkors multidimensjonali tal-karrieri. Għalhekk, il-kandidati għandhom jitħallew jippreżentaw CVs ibbażati fuq l-evidenza, li jirriflettu firxa rappreżentattiva tal-kisbiet u tal-kwalifiki xierqa għall-kariga li għaliha jkunu qed japplikaw.

Senjorità

Il-livelli tal-kwalifiki meħtieġa għandhom ikunu jaqblu mal-ħtiġijiet tal-pożizzjoni u ma joħolqux xkiel għad-dħul. L-evalwazzjoni tal-kwalifiki għandha tiffoka fuq ġudizzju tal-kisbiet tal-persuna aktar milli fuq iċ-ċirkostanzi tagħhom jew fuq ir-reputazzjoni tal-istituzzjoni fejn ikunu nkisbu dawk il-kwalifiki. Peress li l-kwalifiki professjonali jistgħu jinkisbu fi stadju bikri ta' karriera twila, il-mudell tal-iżvilupp professjonali tul il-ħajja għandu jitħeġġeġ u jiġi rikonoxxut ukoll.

(3)   Għażla

Bħala parti mir-reklutaġġ, il-proċess tal-għażla għandu jqis il-firxa sħiħa tal-esperjenza tal-kandidati. Filwaqt li jiffoka fuq il-potenzjal ġenerali tagħhom bħala riċerkaturi, il-kreattività tagħhom – kif ivvalutata fuq il-bażi tal-metodi, l-approċċi u l-outputs tar-riċerka innovattivi tagħhom – u l-livell ta' indipendenza tagħhom għandhom jitqiesu wkoll. Il-kumitati tal-għażla għandhom jiġbru flimkien għarfien espert, kompetenzi u esperjenza differenti rilevanti għall-valutazzjoni tal-kandidat. Il-kumitati tal-għażla għandu jkollhom ukoll bilanċ adegwat bejn il-ġeneri u, meta xieraq u fattibbli, jiġu inklużi membri minn setturi – pubbliċi u privati – u dixxiplini differenti, u minn pajjiżi oħra. Kull meta possibbli, għandha tintuża firxa wiesgħa ta' prattiki tal-għażla, bħall-valutazzjoni minn esperti esterni u intervisti wiċċ imb wiċċ u online. Il-membri tal-bordijiet tal-għażla għandhom jitħarrġu kif xieraq speċjalment biex jonqsu kemm jista' jkun il-preġudizzji tal-ġeneru jew kull preġudizzju possibbli ieħor li jsir b'mod inkonxju. Wara l-proċess tal-għażla, il-kandidati kollha għandhom jiġu infurmati dwar il-preġji u d-dgħufijiet tal-applikazzjoni tagħhom.

Nondiskriminazzjoni

L-impjegaturi u l-finanzjaturi tar-riċerkaturi ma għandhom jiddiskriminaw kontra r-riċerkaturi b'ebda mod abbażi tal-ġeneru, l-età, l-oriġini etnika, nazzjonali jew soċjali, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-orjentazzjoni sesswali, il-lingwa, id-diżabilità, l-opinjoni politika, jew il-kundizzjoni soċjali jew ekonomika.

(4)   Progressjoni fil-karriera

L-impjegaturi u l-finanzjaturi għandhom jintroduċu sistemi ta' evalwazzjoni/valutazzjoni għar-riċerkaturi kollha, inkluż ir-riċerkaturi superjuri, biex il-prestazzjoni professjonali tagħhom tiġi vvalutata b'mod regolari u trasparenti minn kumitat indipendenti – u fil-każ tar-riċerkaturi superjuri, preferibbilment, internazzjonali. Perkorsi mhux lineari u b'diversi karrieri, ikkaratterizzati minn mobbiltà ġeografika, settorjali u interorganizzazzjonali, jew perkorsi ibridi, ikkaratterizzati minn kombinazzjoni simultanja ta' setturi, jistħoqqilhom rikonoxximent sħiħ u kunsiderazzjoni fuq l-istess livell ta' perkorsi ta' karriera lineari – li għandhom jinftiehmu bħala karrieri li jsegwu linja dritta ta' progressjoni minn pożizzjoni għal oħra, normalment fl-istess qasam jew dixxiplina.

Dawn il-proċeduri tal-evalwazzjoni u tal-valutazzjoni għandhom iqisu kif xieraq il-potenzjal ġenerali tar-riċerkaturi, il-kreattività fir-riċerka tagħhom, l-output tar-riċerka tagħhom – eż. pubblikazzjonijiet, data, software, mudelli, algoritmi, metodi, protokolli, privattivi, kontributi għall-politika –, l-attivitajiet tagħhom – eż. il-ġestjoni u t-tmexxija, l-għoti ta' tagħlim u ta' lekċers, ir-rieżami bejn il-pari, is-superviżjoni, il-mentoraġġ, l-intraprenditorija, il-valorizzazzjoni tal-għarfien, il-kollaborazzjoni nazzjonali jew internazzjonali, id-dmirijiet amministrattivi, is-servizz lis-soċjetà, il-komunikazzjoni tax-xjenza u l-interazzjoni mas-soċjetà –, l-imġiba tar-riċerka tagħhom – eż. il-prattika tal-etika u tal-integrità, ir-rigorożità metodoloġika, il-kondiviżjoni bikrija tal-għarfien u tad-data, il-kollaborazzjoni miftuħa – u l-mobbiltà tagħhom, u għandhom jitqiesu fil-kuntest tal-progressjoni fil-karriera.

Hija meħtieġa sistema trasparenti, strutturata, inklużiva u b'ugwaljanza bejn il-ġeneri ta' adeżjoni u progressjoni fil-karriera biex jitjiebu l-karrieri fid-dinja akkademika, sal-ogħla pożizzjonijiet. L-iżvilupp ta' sistemi simili għal “tenure-track” – li għandhom jinftiehmu bħala oqfsa definiti fejn kuntratt b'terminu fiss ikollu l-prospett ta' progressjoni lejn pożizzjoni permanenti soġġett għal evalwazzjoni pożittiva – jista' jiġi kkunsidrat għal dan il-għan fil-livell tal-Istati Membri u tal-organizzazzjonijiet li jwettqu riċerka.

Ħidma bħala koawturi

Il-ħidma bħala koawturi għandha titqies b'mod pożittiv mill-istituzzjonijiet meta jevalwaw il-persunal, bħala evidenza ta' approċċ kostruttiv għat-twettiq tar-riċerka. Għalhekk, l-impjegaturi u l-finanzjaturi għandhom jiżviluppaw strateġiji, prattiki u proċeduri biex jipprovdu l-kundizzjonijiet qafas meħtieġa lir-riċerkaturi, inkluż dawk fil-bidu tal-karrieri fir-riċerka tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jgawdu d-dritt li jiġu rikonoxxuti, elenkati u/jew kwotati, fil-kuntest tal-kontributi effettivi tagħhom, bħala koawturi ta' dokumenti, koinventuri ta' privattivi, eċċ, jew biex jippubblikaw ir-riżultati tar-riċerka tagħhom b'mod indipendenti mis-superviżuri tagħhom. Għandhom joffru wkoll taħriġ u sessjonijiet ta' ħidma lir-riċerkaturi, speċjalment lir-riċerkaturi fil-bidu tal-karrieri tagħhom, dwar prattiki etiċi tal-awtur, inkluż il-fehim tal-kontributi individwali u d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom.

Rikonoxximent tal-esperjenza ta' mobbiltà

Kull esperjenza ta' mobbiltà, eż. soġġorn f'pajjiż/reġjun ieħor jew f'ambjent ta' riċerka ieħor – pubbliku jew privat – jew bidla minn dixxiplina jew settur għal ieħor, kemm bħala parti mit-taħriġ inizjali fir-riċerka kif ukoll fi stadju aktar tard fil-karriera tar-riċerka, jew esperjenza ta' mobbiltà virtwali, għandha titqies bħala kontribut siewi għall-iżvilupp professjonali ta' riċerkatur.

PILASTRU 3 – KUNDIZZJONIJIET U PRATTIKI TAX-XOGĦOL

1.

KUNDIZZJONIJIET TAX-XOGĦOL, FINANZJAMENT U SALARJI

2.

STABBILTÀ TAL-IMPJIEGI

3.

OBBLIGI KUNTRATTWALI U LEGALI

4.

DISSEMINAZZJONI U UŻU TAR-RIŻULTATI

It-titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tar-riċerkaturi għandu jkun fil-qalba tal-qafas ta' politika tal-Unjoni għall-karrieri fir-riċerka. F'dan il-qasam qed jiġu proposti diversi azzjonijiet biex jikkontribwixxu għall-istabbiltà tal-impjiegi u għad-definizzjoni tad-drittijiet u l-obbligi tax-xogħol tar-riċerkaturi, soġġetti għal-leġiżlazzjoni u ċ-ċirkostanzi nazzjonali. Qed tiġi enfasizzata wkoll il-ħtieġa li l-impjegaturi u l-finanzjaturi jiżviluppaw kultura ta' riċerka għall-eċċellenza fir-riċerka u jiffaċilitaw komunità ta' riċerkaturi b'saħħitha.

(1)   Kundizzjonijiet tax-xogħol, finanzjament u salarji

L-impjegaturi u l-finanzjaturi għandhom jiżguraw li l-kundizzjonijiet tax-xogħol għar-riċerkaturi, inkluż dawk b'diżabilità, jipprovdu, meta xieraq, il-flessibbiltà u l-aċċessibbiltà meqjusa essenzjali għat-twettiq b'suċċess tar-riċerka, skont il-leġiżlazzjoni u ċ-ċirkostanzi nazzjonali eżistenti, u skont ftehimiet nazzjonali jew settorjali ta' negozjar kollettiv. Għandu jkollhom l-għan li jipprovdu kundizzjonijiet tax-xogħol biex ikunu jistgħu jiġu kkombinati l-ħajja personali, il-familja, l-indukrar, is-saħħa, is-sikurezza, u l-benesseri ġenerali, mingħajr preġudizzju għall-karrieri fir-riċerka. Għandha tingħata attenzjoni partikolari, fost l-oħrajn, lill-flessibbiltà fil-ħinijiet tax-xogħol, ix-xogħol part-time, ix-xogħol mill-bogħod u l-liv sabbatiku, kif ukoll lid-dispożizzjonijiet finanzjarji u amministrattivi meħtieġa biex jirregolaw dawk l-arranġamenti. L-impjegaturi għandhom jipprovdu kundizzjonijiet u ambjent tax-xogħol li jippromwovu s-saħħa mentali u l-benesseri fiżika tar-riċerkaturi, inkluż proċeduri xierqa għall-prevenzjoni u l-indirizzar tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru, inkluż il-fastidju sesswali.

Ambjent tar-riċerka

L-impjegaturi u l-finanzjaturi tar-riċerkaturi għandhom jiżguraw li jinħoloq l-aktar ambjent stimulanti tar-riċerka jew tat-taħriġ fir-riċerka, ambjent li jkun joffri tagħmir, faċilitajiet u opportunitajiet xierqa, inkluż għal kollaborazzjoni remota fuq in-networks tar-riċerka, u l-ogħla livell ta' saħħa u sikurezza f'konformità mar-regolamenti tal-Unjoni, nazzjonali u settorjali. Il-finanzjaturi għandhom jiżguraw li jiġu pprovduti riżorsi adegwati li jappoġġaw il-programm ta' ħidma miftiehem. B'mod partikolari, hu importanti li jkun hemm persunal ta' appoġġ kwalifikat – eż. maniġers tar-riċerka u amministraturi.

Ilmenti/appelli

L-impjegaturi u l-finanzjaturi tar-riċerkaturi għandhom jistabbilixxu proċeduri xierqa, skont il-liġijiet, ir-regoli u r-regolamenti nazzjonali, tal-Unjoni jew internazzjonali rilevanti, possibbilment fil-forma ta' ombudsperson imparzjali, biex jittrattaw l-ilmenti/appelli tar-riċerkaturi, fosthom dawk relatati ma' kunflitti bejn is-superviżuri u r-riċerkaturi tal-Ewwel Stadju (R1)/Rikonoxxuti (R2). Dawk il-proċeduri għandhom jipprovdu assistenza kunfidenzjali u informali lill-persunal kollu tar-riċerka biex jissolvew il-kunflitti, it-tilwim u l-ilmenti relatati max-xogħol, bil-għan li jippromwovu trattament ġust u ekwu fl-istituzzjoni u jtejbu l-kwalità ġenerali tal-kundizzjonijiet u l-ambjent tax-xogħol.

Parteċipazzjoni fil-governanza tal-organizzazzjoni

L-impjegaturi u l-finanzjaturi tar-riċerkaturi għandhom jirrikonoxxu bħala ħaġa għalkollox leġittima, u tabilħaqq mixtieqa, li r-riċerkaturi jkunu rrappreżentati fil-korpi rilevanti tal-informazzjoni, tal-konsultazzjoni u tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet li għalihom jaħdmu, biex iħarsu u jipproteġu u jippromwovu l-interessi individwali u kollettivi tagħhom u biex jagħtu kontribut attiv għall-ħidmiet tal-istituzzjoni.

Finanzjament u salarji

L-impjegaturi u l-finanzjaturi tar-riċerkaturi għandhom jiżguraw li r-riċerkaturi, irrispettivament mill-istatus tagħhom, igawdu minn kundizzjonijiet ġusti u attraenti ta' rimunerazzjoni – finanzjament u salarji – b'dispożizzjonijiet ta' sigurtà soċjali adegwati u ekwi – inkluż benefiċċji tal-mard, tal-kura tas-saħħa u tal-ġenituri, drittijiet tal-pensjoni u benefiċċji tal-qgħad, benefiċċji tax-xjuħija u tas-superstiti, benefiċċji tal-invalidità u benefiċċji f'każ ta' aċċident fuq ix-xogħol u mard okkupazzjonali – skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti u ftehimiet nazzjonali jew settorjali ta' negozjar kollettiv. Dan għandu jinkludi lir-riċerkaturi fl-istadji kollha tal-karriera, inkluż Riċerkaturi tal-Ewwel Stadju (R1), b'korrispondenza għall-istatus legali, il-prestazzjoni u l-livell ta' kwalifiki u ta' responsabbiltajiet tagħhom. Ir-riċerkaturi għandhom isiru konxji mid-drittijiet u l-obbligi tagħhom f'dak li jirrigwarda l-fehim dwar kif qed jiġu intaxxati s-salarji tagħhom, u għandhom jingħataw tagħrif trasparenti dwar id-drittijiet tal-protezzjoni soċjali bħad-drittijiet tal-pensjoni nazzjonali.

(2)   Stabbiltà tal-impjiegi

L-impjegaturi u l-finanzjaturi għandhom jieħdu azzjonijiet determinati biex jiġġieldu kontra l-fenomenu tal-prekarjetà u biex jappoġġaw is-sigurtà u l-istabbiltà tal-impjiegi. Dan jista', fuq bażi volontarja, jinkludi l-istabbiliment ta' limitu massimu għall-għadd ta' kuntratti b'terminu fiss għal kull organizzazzjoni fit-total tar-riżorsi umani tar-riċerkaturi tagħha. Kull meta jkunu qed jitwettqu kompiti ta' riċerka permanenti, fit-tul jew rikorrenti ħafna, kuntratti permanenti jew indefiniti huma rrakkomandati bħala l-istrument xieraq. Ir-riċerkaturi b'kuntratti b'terminu fiss għandhom jibbenefikaw minn servizzi speċifiċi ta' żvilupp tal-karriera u ta' konsulenza biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-karriera.

Riċerkaturi fil-bidu tal-karriera (R1-R2)

Il-prekarjetà tal-impjiegi hi kwistjoni partikolari fid-dinja akkademika. Biex tiġi miġġielda din is-sitwazzjoni qed tiġi rrakkomandata l-implimentazzjoni – soġġett għal-leġiżlazzjoni u ċ-ċirkostanzi nazzjonali – ta' miżuri speċifiċi b'appoġġ għar-riċerkaturi fil-bidu tal-karriera fir-rigward tal-provvediment lir-riċerkaturi tal-Ewwel Stadju (R1) ta' protezzjoni soċjali u kundizzjonijiet tax-xogħol applikabbli għar-riċerkaturi fi stadji oħrajn tal-karriera u ta' introjtu adegwat, il-promozzjoni tal-involviment ta' riċerkaturi fil-bidu tal-karriera f'timijiet ta' riċerka filwaqt li jiġi evitat li jintalbu jwettqu kompiti mhux relatati mat-taħriġ xjentifiku tagħhom, u r-rikonoxximent tal-mobbiltà interistituzzjonali, intersettorjali, interdixxiplinari u ġeografika, inkluż il-mobbiltà virtwali. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet tal-ħatra għandhom jistabbilixxu regoli ċari u linji gwida espliċiti għar-reklutaġġ u l-ħatra ta' riċerkaturi rikonoxxuti (R2), inkluż it-tul massimu u l-objettivi ta' dawn il-ħatriet. Dawk il-linji gwida għandhom iqisu ż-żmien li wieħed ikun qatta' f'ħatriet postdottorali preċedenti f'istituzzjonijiet oħra u jqisu li l-istatus postdottorali għandu jkun tranżizzjonali, bl-iskop primarju li jipprovdi opportunitajiet addizzjonali ta' żvilupp professjonali għal karriera fir-riċerka fil-kuntest ta' prospetti ta' karriera fit-tul b'kuntratt b'terminu fiss jew b'sigurtà ta' impjieg.

L-impjegaturi u l-finanzjaturi għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jinfurmaw lir-riċerkaturi fil-bidu tal-karriera tagħhom dwar opportunitajiet ta' karriera, fi ħdan id-dinja akkademika u lil hinn minnha, filwaqt li joffru żvilupp professjonali wiesa', speċjalment matul l-istadju R2, prospetti tal-karriera aktar trasparenti u prevedibbli, u opportunitajiet ta' tagħlim ibbażati fuq ix-xogħol f'diversità ta' setturi.

(3)   Obbligi kuntrattwali u legali

Ir-riċerkaturi fil-livelli kollha għandhom ikunu midħla tar-regolamenti nazzjonali, settorjali jew istituzzjonali li jirregolaw il-kundizzjonijiet tat-taħriġ u tax-xogħol. Dan jinkludi r-regolamenti dwar id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, u r-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet ta' kwalunkwe sponsor jew finanzjatur, indipendentement min-natura tal-kuntratt tagħhom. L-impjegaturi u l-finanzjaturi għandhom jipprovdu kopji ta' dawn id-dokumenti bl-Ingliż. Ir-riċerkaturi għandhom jimxu ma' dawk ir-regolamenti billi jagħtu r-riżultati meħtieġa – eż. teżijiet, pubblikazzjonijiet, privattivi, rapporti, prodotti ġodda, eċċ. – kif stabbilit fit-termini u l-kundizzjonijiet tal-kuntratt jew dokument ekwivalenti.

Fid-dawl tal-enfasi dejjem tiżdied fuq is-sigurtà tal-għarfien, ir-riċerkaturi għandhom dejjem jadottaw prattiki ta' ħidma sikuri, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-Unjoni rilevanti, inkluż billi jieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa għas-saħħa u s-sikurezza u għall-irkupru mill-attakki taċ-ċibersigurtà, u minn diżastri fit-teknoloġija tal-informazzjoni, eż. billi jippreparaw strateġiji xierqa għal back-up. Għandhom ikunu midħla wkoll tar-rekwiżiti legali nazzjonali u tal-Unjoni attwali dwar il-protezzjoni tad-data u l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità u jieħdu l-passi meħtieġa biex jissodisfawhom dejjem.

(4)   Disseminazzjoni u użu tar-riżultati

Ix-Xjenza Miftuħa għandha tiġi pprattikata mir-riċerkaturi kollha biex jiġi żgurat li, f'konformità mal-arranġamenti kuntrattwali tagħhom, ir-riżultati tar-riċerka tagħhom jiġu disseminati, isiru disponibbli b'mod miftuħ u jiġu użati, eż. jiġu komunikati, trasferiti f'ambjenti oħra tar-riċerka u, jekk xieraq, kummerċjalizzati. Ir-riċerkaturi superjuri mistennija jieħdu rwol ewlieni fl-iżgurar li r-riċerka tagħti l-frott u li r-riżultati jintużaw kummerċjalment u/jew isiru aċċessibbli għall-pubbliku kull meta tinħoloq l-opportunità.

Ir-riċerkaturi għandhom jingħataw għajnuna f'dan ir-rigward mill-impjegaturi u l-finanzjaturi tagħhom permezz tat-taħriġ rilevanti fil-ħiliet u ta' aċċess għal finanzjament, infrastruttura u appoġġ xierqa. L-involviment tar-riċerkaturi fi prattiki tax-Xjenza Miftuħa għandu jiġi rikonoxxut, inċentivat u ppremjat mill-impjegaturi u mill-finanzjaturi fir-reklutaġġ, il-progressjoni fil-karriera u l-valutazzjoni tal-programmi ta' finanzjament.

Assi intellettwali, inkluż Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali

L-impjegaturi u l-finanzjaturi għandhom jiżguraw li r-riċerkaturi fl-istadji kollha tal-karriera jiġu kumpensati b'mod adegwat għall-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu – jekk ikun hemm – tal-attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni tagħhom, meta xieraq billi tiġi żgurata sjieda konġunta tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali bħad-drittijiet tal-awtur. L-impjegaturi u l-finanzjaturi għandhom jindirizzaw dan b'mod espliċitu fl-istrateġija tagħhom għall-ġestjoni tal-assi intellettwali u għandhom jagħmlu l-istrateġija disponibbli għall-pubbliku. L-istrateġija tal-ġestjoni tal-assi intellettwali għandha tkopri l-ħolqien, il-ġestjoni, is-sjieda u l-użu tat-tipi kollha ta' assi intellettwali – inkluż pubblikazzjonijiet rieżaminati mill-pari, data, għarfien espert, standards –, u tappoġġa prattiki tax-Xjenza Miftuħa.

L-istrateġija għandha tirreferi b'mod espliċitu għad-dispożizzjonijiet dwar is-sjieda u d-drittijiet tal-aċċess għar-riċerkaturi u/jew, meta applikabbli, għall-impjegaturi tagħhom jew partijiet oħra, inkluż sħab tal-industrija, kif imnejn ikun previst fi ftehimiet speċifiċi għal kollaborazzjoni jew f'tipi oħra ta' ftehimiet.

Involviment tal-pubbliku

Ir-riċerkaturi għandhom jiżguraw li s-soċjetà inġenerali tiġi mgħarrfa bl-attivitajiet tar-riċerka tagħhom b'mod li jkunu jistgħu jinftiehmu minn persuni mhux speċjalisti fil-qasam, ħalli jiżdied l-għarfien tax-xjenza mill-pubbliku. Il-kuntatt dirett mas-soċjetà ċivili u maċ-ċittadini jgħin lir-riċerkaturi jifhmu aħjar l-interess pubbliku fil-prijoritajiet tar-riċerka u t-tħassib tal-pubbliku, u jaħtfu l-potenzjal ta' disinn u kreazzjoni konġunti mas-soċjetà meta rilevanti.

PILASTRU 4 – KARRIERI FIR-RIĊERKA U ŻVILUPP TAT-TALENT

1.

VALUR LIL KARRIERI DIVERSI FIR-RIĊERKA

2.

ŻVILUPP TAL-KARRIERA U PARIRI

3.

ŻVILUPP PROFESSJONALI KONTINWU

4.

SUPERVIŻJONI U MENTORAĠĠ

Il-komunità tar-riċerka hi diversa fejn jidħlu t-talenti, il-ħiliet, il-kompetenzi, il-kapaċitajiet u r-rwoli. Aktar ma dawn it-talenti jitrawmu u jiġu żviluppati, aktar titjieb il-kwalità tar-riċerka u aktar tiżdied ir-rilevanza tal-għarfien prodott għas-soċjetà. L-inkoraġġiment tal-iżvilupp professjonali kontinwu flimkien mat-taħriġ fil-ħiliet hu meħtieġ biex tinżamm il-kompetenza u r-riċerkaturi jingħataw firxa wiesgħa ta' opportunitajiet ta' karrieri fis-setturi pubbliċi u privati.

(1)   Valur lill-karrieri diversi fir-riċerka

L-impjegaturi u l-finanzjaturi għandhom jagħrfu li r-riċerkaturi jista' jkollhom karrieri diversi ħafna kemm fir-riċerka u anki f'funzjonijiet oħra. Id-diversifikazzjoni tipikament tinkludi l-mobbiltà fil-forom kollha tagħha: inter/intranazzjonali, intersettorjali, interistituzzjonali, interdixxiplinari u transdixxiplinari u virtwali. Din titlob aktar valutazzjoni tal-kwalità abbażi tat-talent u sensittiva għad-diversità, trawwim tal-użu responsabbli tal-metrika, kunsiderazzjoni ta' kontributi differenti u l-impatti potenzjali tagħhom, attivitajiet u prattiki diversi bħall-għoti ta' tagħlim u l-ħiliet, rieżami bejn il-pari, ġestjoni u tmexxija, superviżjoni, mentoraġġ, valorizzazzjoni tal-għarfien, u attivitajiet ta' trasferiment ta' teknoloġija, intraprenditorija u kollaborazzjoni mal-industrija, żvilupp ta' attivitajiet ta' tfassil ta' politika mnebbħa mill-evidenza, komunikazzjoni u interazzjoni mas-soċjetà dwar ix-xjenza, u prattiki tax-Xjenza Miftuħa, xjenza f'tim, fost affarijiet oħra, kif ukoll mobbiltà.

L-impjegaturi u l-finanzjaturi għandhom jistabbilixxu miżuri biex ir-riċerkaturi, b'mod partikolari dawk li jkunu għadhom fil-bidu tal-karriera, isiru jafu bl-opportunitajiet disponibbli fis-setturi rilevanti kollha u biex jippromwovu kultura ta' diversifikazzjoni tal-karrieri għal żvilupp personali u professjonali aħjar. Dan ser jirrikjedi servizzi ta' konsulenza dwar il-karrieri, ta' mentoraġġ u ta' appoġġ biex titħeġġeġ il-mobbiltà intersettorjali, interdixxiplinari u ġeografika, kif ukoll il-ħolqien u l-iżvilupp ta' attivitajiet intraprenditorjali.

(2)   Żvilupp tal-karrieri u pariri dwar il-karrieri

L-impjegaturi u l-finanzjaturi tar-riċerkaturi għandhom ifasslu, preferibbilment fi ħdan il-qafas tal-ġestjoni tar-riżorsi umani tagħhom, strateġija speċifika għall-iżvilupp tal-karrieri għar-riċerkaturi fl-istadji kollha tal-karriera tagħhom, irrispettivament mis-sitwazzjoni kuntrattwali tagħhom, inkluż għar-riċerkaturi b'kuntratti b'terminu fiss. F'dan il-kuntest, ir-riċerkaturi għandhom jingħataw l-appoġġ biex jiżviluppaw pjan individwali tal-karriera ħalli jidentifikaw it-taħriġ u r-riċerka meħtieġa biex jilħqu l-għanijiet tal-karriera tagħhom. Dan għandu jinkludi d-disponibbiltà ta' mentors involuti fl-għoti ta' appoġġ u gwida għall-iżvilupp personali u professjonali tar-riċerkaturi, u b'hekk jimmotivahom u jgħinhom inaqqsu l-insigurtà fil-futur professjonali tagħhom. Ir-riċerkaturi kollha għandhom isiru midħla ta' dawn id-dispożizzjonijiet u l-arranġamenti, u jkunu proattivi u responsabbli għall-iżvilupp tal-karriera tagħhom.

Fl-istituzzjonijiet ikkonċernati jew b'kollaborazzjoni ma' strutturi oħra, l-impjegaturi u l-finanzjaturi għandhom jiżguraw gwida għall-karrieri u assistenza għal kollokamenti fl-impjieg li jkunu aċċessibbli u aġġornati, filwaqt li jagħtu informazzjoni, gwida u appoġġ għall-iżvilupp tal-karrieri kemm fl-istituzzjoni kkonċernata kif ukoll lil hinn minnha. Dawn għandhom jiġu offruti lir-riċerkaturi fl-istadji kollha tal-karriera tagħhom, irrispettivament mis-sitwazzjoni kuntrattwali tagħhom.

(3)   Żvilupp professjonali kontinwu

Ir-riċerkaturi fl-istadji kollha tal-karriera għandhom ifittxu b'mod proattiv u jingħataw l-opportunitajiet mill-impjegatur/mill-finanzjatur tagħhom biex itejbu lilhom infushom kontinwament billi jaġġornaw u jwessgħu l-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom b'mod regolari. Dan jista' jinkiseb b'diversi mezzi, fosthom, iżda mhux biss, b'taħriġ formali, sessjonijiet ta' ħidma, konferenzi u tagħlim elettroniku jew b'kollaborazzjoni f'tim u fin-networks rispettivi. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lit-taħriġ tar-Riċerkaturi tal-Ewwel Stadju (R1), li l-maġġoranza tagħhom ikunu kandidati tad-dottorati fil-bidu tal-karriera fir-riċerka tagħhom.

Aċċess għal taħriġ fir-riċerka u żvilupp kontinwu

L-impjegaturi u l-finanzjaturi għandhom jiżguraw li r-riċerkaturi kollha f'kull stadju tal-karriera tagħhom, irrispettivament mis-sitwazzjoni kuntrattwali tagħhom, jingħataw l-opportunità għal żvilupp professjonali u għat-titjib tal-impjegabbiltà tagħhom b'aċċess għal miżuri biex ikomplu jiżviluppaw il-ħiliet u l-kompetenzi. L-impjegaturi u l-finanzjaturi għandhom jieħdu azzjoni biex jappoġġaw l-iżvilupp u l-għoti ta' taħriġ immirat, biex iħeġġu opportunitajiet ta' titjib fil-ħiliet u ta' taħriġ mill-ġdid għar-riċerkaturi b'perspettiva ta' tagħlim tul il-ħajja u jrawmu l-mobbiltà intersettorjali u interdixxiplinari. Dawk il-miżuri għandhom jiġu vvalutati b'mod regolari għall-aċċessibbiltà, l-użu u l-effettività tagħhom fit-titjib tal-kompetenzi, tal-ħiliet u tal-impjegabbiltà.

L-impjegaturi u l-finanzjaturi għandhom jagħtu rilevanza xierqa lill-ħtieġa li jitrawmu kompetenzi intraprenditorjali fir-riċerkaturi, ħalli dawk li jieħdu perkors tal-karriera intraprenditorjali jkunu jistgħu jżewġu l-kapaċitajiet tal-produzzjoni tal-għarfien tagħhom mal-profiċjenza fil-valorizzazzjoni tal-għarfien, u jsarrfu l-ideat innovattivi f'negozju u jrawmu l-innovazzjoni u l-progress.

L-impjegaturi u l-finanzjaturi għandhom jieħdu passi biex jiżguraw li t-taħriġ tad-dottorat ikun kompatibbli ma' karrieri interoperabbli fis-setturi rilevanti kollha u għall-prattika tax-Xjenza Miftuħa, inkluż billi jintużaw il-Qafas Ewropew tal-Kompetenza għar-Riċerkaturi (ResearchComp), il-Prinċipji għal Taħriġ Dottorali Innovattiv, il-Kodiċi ta' Kondotta Ewropew għall-Integrità tar-Riċerka, u kwalunkwe inizjattiva futura oħra meħuda bl-iskop li jissaħħu l-ħiliet trażversali tar-riċerkaturi.

Validazzjoni tal-ħiliet

Bħala parti mit-twessigħ tas-settijiet tal-ħiliet tar-riċerkaturi, l-impjegaturi u l-finanzjaturi għandhom jipprevedu l-valutazzjoni u l-evalwazzjoni xierqa tat-taħriġ formali u informali, inkluż tal-ħiliet u t-taħriġ fuq il-post tax-xogħol, b'mod partikolari fil-kuntest tal-mobbiltà internazzjonali, intersettorjali u interdixxiplinari. Il-valutazzjoni għandha ssir b'mod ġust u trasparenti, u f'perjodu ta' żmien raġonevoli.

Għoti ta' tagħlim

L-għoti ta' tagħlim hu mezz essenzjali għall-istrutturar u d-disseminazzjoni tal-għarfien u hu għażla utli tul il-perkors tal-karriera ta' riċerkatur. L-għoti ta' tagħlim għandu juża u jibbenefika mill-għarfien xjentifiku u jippromwovi l-interess fir-riċerka fost l-istudenti. L-involviment tar-riċerkaturi fl-għoti ta' tagħlim għandu jiġi appoġġat u rikonoxxut bis-sħiħ, u jista' jvarja f'mumenti differenti tul karriera. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lir-riċerkaturi fil-bidu tal-karrieri tagħhom, filwaqt li jiġi żgurat li dawn jiġu appoġġati kif xieraq u li r-responsabbiltajiet tal-għoti ta' tagħlim – inkluż l-għoti ta' lekċers, it-tutoraġġ, is-superviżjoni u l-mentoraġġ – ikunu kompatibbli mal-attivitajiet tar-riċerka jew it-taħriġ tar-riċerka tagħhom.

L-impjegaturi u l-finanzjaturi għandhom jiżguraw li d-dmirijiet tal-għoti ta' tagħlim jiġu remunerati u kkunsidrati kif xieraq fis-sistemi tal-evalwazzjoni/valutazzjoni minn stadju bikri tal-karrieri tar-riċerkaturi. Għandu jkun żgurat ukoll li ż-żmien dedikat mill-membri superjuri tal-persunal għat-taħriġ u l-mentoraġġ tar-riċerkaturi fil-bidu tal-karriera – R1, R2 – jingħadd bħala parti mill-impenn tagħhom ta' għoti ta' tagħlim. Għandu jingħata taħriġ xieraq dwar l-attivitajiet tal-għoti ta' tagħlim u t-taħriġ bħala parti mit-taħriġ inizjali u mill-iżvilupp professjonali tar-riċerkaturi.

(4)   Superviżjoni u mentoraġġ

Il-persuni xierqa u l-ġestjoni tat-timijiet huma kruċjali fl-ambjenti tax-xogħol tar-riċerka għax mid-definizzjoni, ix-xjenza hi sforz konġunt. Għandhom jiġu stabbiliti l-mekkaniżmi ta' taħriġ, għodod u evalwazzjoni meħtieġa sabiex jiġi żgurat li r-riċerkaturi superjuri u ewlenin imexxu lill-persunal u t-timijiet tagħhom b'mod ġust u nondiskriminatorju, mingħajr preġudizzji bbażati fuq il-ġeneru jew tipi oħra ta' preġudizzju – bħal preġudizzji bbażati fuq ir-reliġjon, l-orjentazzjoni sesswali, ir-razza, l-etniċità, l-isfond soċjoekonomiku, eċċ.–, u jibnu relazzjonijiet ta' ħidma produttivi u kooperattivi mal-pari tagħhom. Dan għandu jikkontribwixxi għal ambjenti kreattivi sani u ġusti fejn kull individwu jiġi rispettat, motivat kif xieraq, rikonoxxut u fejn jitrawwem il-benesseri ta' kull individwu.

L-impjegaturi u l-finanzjaturi għandhom jiżguraw li tiġi identifikata b'mod ċar persuna jew grupp ta' persuni li r-riċerkaturi tal-Ewwel Stadju (R1) u Rikonoxxuti (R2) jistgħu jirreferu għalihom meta jkunu qed jaqdu d-dmirijiet tagħhom u għandhom jinfurmaw lir-riċerkaturi kif meħtieġ.

Tali arranġamenti għandhom jistipulaw b'mod ċar li s-superviżuri proposti jkollhom livell adegwat ta' għarfien espert fis-superviżjoni tar-riċerka u jkollhom il-ħin u l-impenn biex joffri appoġġ xieraq lit-trainee fir-riċerka; barra minn hekk, jenħtieġ li jipprevedu l-progress u l-proċeduri ta' rieżami meħtieġa, kif ukoll il-mekkaniżmi ta' feedback meħtieġa.

Fil-Linji Gwida tal-MSCA dwar is-Superviżjoni jiġu pprovduti dispożizzjonijiet speċifiċi għall-integrazzjoni, l-appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp tal-karriera tar-riċerkaturi, għall-mentoraġġ u l-benesseri tagħhom, għall-komunikazzjoni u r-riżoluzzjoni tal-konflitti, kif ukoll għat-taħriġ u l-iżvilupp professjonali tas-superviżuri. Il-Linji Gwida tal-MSCA dwar is-Superviżjoni huma ġabra ta' rakkomandazzjonijiet għall-individwi u l-istituzzjonijiet li jirċievu finanzjament mill-MSCA. Il-Linji Gwida jippromwovu superviżjoni effettiva, mentoraġġ u gwida xierqa għall-karrieri.

Relazzjonijiet mas-superviżuri

Ir-riċerkaturi li jkunu fil-fażi tat-taħriġ tagħhom għandu jkollhom relazzjoni strutturata u regolari mas-superviżur(i) u r-rappreżentant(i) tal-fakultà/dipartiment tagħhom u għandhom jibbenefikaw b'mod sħiħ mir-relazzjoni tagħhom magħhom. Is-superviżuri għandhom jappoġġaw ukoll b'mod attiv lir-riċerkaturi speċjalment dawk fl-istadju bikri tal-karriera billi jorganizzaw laqgħat ta' feedback magħhom u jippromwovu attivitajiet tat-taħriġ li jkun rilevanti għal ħidmiethom.

Dan jinkludi ż-żamma ta' rekords tal-progress tax-xogħol u s-sejbiet tar-riċerka kollha, il-kisba ta' feedback permezz ta' rapporti u seminars, l-applikazzjoni ta' dak il-feedback u l-ħidma skont skedi, stadji importanti, riżultati tanġibbli u/jew outputs tar-riċerka miftiehma.

Riċerkaturi superjuri

Ir-riċerkaturi superjuri – R3 u R4 – għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lir-rwol multidimensjonali tagħhom bħala superviżuri, mentors, konsulenti tal-karrieri, mexxejja, koordinaturi tal-proġetti, maniġers jew komunikaturi dwar ix-xjenza. Għandhom iwettqu dawn il-kompiti skont l-aqwa standards professjonali u jkollhom aċċess għat-taħriġ xieraq. Rigward ir-rwol tagħhom bħala superviżuri jew mentors tar-riċerkaturi, ir-riċerkaturi superjuri għandhom jibnu relazzjoni kostruttiva u pożittiva mar-riċerkaturi tal-Ewwel Stadju (R1) u Rikonoxxuti (R2), biex joħolqu l-kundizzjonijiet għat-trasferiment effiċjenti tal-għarfien u għat-tkomplija tal-iżvilupp b'suċċess tal-karrieri tagħhom. L-appoġġ tal-iżvilupp tal-karriera tar-riċerkaturi R1 u R2 permezz tal-komunikazzjoni tal-esperjenza u l-valuri f'ambjent ta' fiduċja u kunfidenzjali huwa rwol ta' responsabbiltà kbira.


(1)  Integrità tar-Riċerka — Konklużjonijiet tal-Kunsill (adottati fl-1 ta’ Diċembru 2015) – dokument tal-Kunsill 14853/15.

(2)  It-tranżizzjoni lejn sistema ta' Xjenza Miftuħa - Konklużjonijiet tal-Kunsill (adottati fis-27 ta’ Mejju 2016) – dokument tal-Kunsill 9526/16.

(3)  Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija ta' Ugwaljanza Bejn is-Sessi għall-2020-2025, COM(2020) 152 final.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1640/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)