European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2023/1536

12.12.2023

Avviż tal-Kummissjoni

Għażla għall-posponiment tal-applikazzjoni tal-IIR u tal-UTPR skont l-Artikolu 50 tad-Direttiva dwar it-Tieni Pilastru

(C/2023/1536)

1.   Kummenti ġenerali

L-Artikolu 56 tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2022/2523 (1) (minn hawn ’il quddiem: id-Direttiva dwar it-Tieni Pilastru) tirrikjedi li l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti, u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità mad-Direttiva dwar it-Tieni Pilastru sal-31 ta’ Diċembru 2023. Dawn għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni kif ukoll japplikaw dawk il-miżuri fir-rigward tas-snin fiskali mill-31 ta’ Diċembru 2023.

Madankollu, l-Artikolu 50(1) tad-Direttiva dwar it-Tieni Pilastru jipprevedi għażla biex tiġi posposta l-applikazzjoni tar-Regola ta’ Inklużjoni tal-Introjtu (IIR) u tar-Regola dwar il-Profitti Sottontaxxati (UTPR) li tista’ ssir mill-Istati Membri, “li fihom jinsabu mhux aktar minn tnax-il entità omm apikali ta’ gruppi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva” għal 6 snin fiskali konsekuttivi mill-31 ta’ Diċembru 2023. L-Istati Membri li jagħmlu din l-għażla għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2023.

2.   Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu li tiġi trasposta d-Direttiva dwar it-Tieni Pilastru f’każ li ssir din l-għażla

Id-deroga prevista fl-Artikolu 50(1) tad-Direttiva dwar it-Tieni Pilastru tikkostitwixxi eċċezzjoni temporanja għall-obbligi previsti fil-Kapitolu II “L-IIR u l-UTPR” (jiġifieri l-Artikoli 5 sa 14 tad-Direttiva dwar it-Tieni Pilastru). B’hekk, l-Artikolu 50(1) tad-Direttiva dwar it-Tieni Pilastru jippermetti lil dawn l-Istati Membri li ma japplikawx l-IIR u l-UTPR għal 6 snin fiskali konsekuttivi mill-31 ta’ Diċembru 2023.

Is-sempliċi fatt li ċerti Stati Membri jistgħu jirrikorru għal din l-għażla ma għandux ifixkel l-operat tas-sistema tat-Tieni Pilastru fi ħdan l-UE u fi bnadi oħra. Għal dik ir-raġuni, Stat Membru li jagħmel din l-għażla għandu madankollu jittrasponi d-dispożizzjonijiet rilevanti l-oħra kollha tad-Direttiva dwar it-Tieni Pilastru sabiex il-kontribwenti u Stati Membri u ġuriżdizzjonijiet oħra jkunu jistgħu japplikaw is-sistema b’mod xieraq.

Huwa partikolarment importanti li jiġi enfasizzat li l-għażla ma twassalx għal eżenzjoni mill-obbligazzjoni tat-taxxa kumplimentari tal-grupp fi Stati Membri oħra jew fil-pajjiżi terzi. Din sempliċiment tawtorizza lil dawk l-Istati Membri li għażlu d-deroga biex ma japplikawx l-IIR u l-UTPR għal 6 snin fiskali konsekuttivi mill-31 ta’ Diċembru 2023.

B’konsegwenza ta’ dan, l-Istati Membri li jagħmlu din l-għażla iridu jippromulgaw dispożizzjonijiet li:

Jobbligaw lill-entitajiet omm apikali domestiċi biex:

jinnominaw entità dikjaranti deżinjata fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz,

jidentifikaw l-entitajiet kostitwenti domestiċi tal-grupp li huma soġġetti għad-Direttiva dwar it-Tieni Pilastru u l-funzjonijiet tagħhom fis-sistema (bħal pereżempju li jaġixxu bħala entità omm intermedja, stabbiliment permanenti, kumpanija trasparenti jew impriża konġunta),

jipproċessaw u jittrasferixxu l-informazzjoni kollha ppreżentata mill-entitajiet kostitwenti lokali lill-entità dikjaranti deżinjata (ara hawn taħt).

Jobbligaw lill-entitajiet kostitwenti lokali biex:

jipprovdu l-informazzjoni li hija meħtieġa sabiex tiġi kkalkolata t-taxxa kumplimentari ta’ kull entità kostitwenti, filwaqt li jqisu wkoll kull aġġustament speċifiku (speċjalment it-taxxi differiti),

jipprovdu l-informazzjoni li hija meħtieġa biex tiġi kkalkolata r-rata tat-taxxa effettiva għal kull ġuriżdizzjoni.

Madankollu, f’każ li Stat Membru li jkollu l-ħsieb li jagħmel l-għażla stabbilita fl-Artikolu 50 tad-Direttiva dwar it-Tieni Pilastru jkun jixtieq jintroduċi Taxxa Kumplimentari (Minima) Domestika Kwalifikata, il-kamp ta’ applikazzjoni tat-traspożizzjoni meħtieġa jkun usa’. Milli jidher, f’każijiet bħal dawn ikun jeħtieġ li d-dispożizzjonijiet li jimponu l-IIR u l-UTPR fuq l-entitajiet kostitwenti lokali biss (jiġifieri l-Kapitolu II tad-Direttiva dwar it-Tieni Pilastru) ma jiġux implimentati.

3.   L-Istati Membri li għamlu din l-għażla u nnotifikawha lill-Kummissjoni

Fi 12 ta’ Diċembru 2023, l-Istati Membri li ġejjin innotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-intenzjoni tagħhom li jagħżlu l-posponiment tal-applikazzjoni tal-IIR u tal-UTPR f’konformità mal-Artikolu 50 tad-Direttiva dwar it-Tieni Pilastru, wara li ddikjaraw li fit-territorji tagħhom m’hemmx aktar minn 12-il entità omm apikali ta’ gruppi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

L-Estonja,

Il-Latvja,

Il-Litwanja,

Malta,

Is-Slovakkja.


(1)  Direttiva tal-Kunsill (UE) 2022/2523 tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar l-iżgurar ta' livell minimu globali ta' tassazzjoni għal gruppi ta' intrapriżi multinazzjonali u gruppi domestiċi fuq skala kbira fl-Unjoni (ĠU L 328, 22.12.2022, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1536/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)