European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2023/1446

8.12.2023

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-esklużjoni mill-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ftehimiet ta’ sostenibbiltà ta’ produtturi agrikoli skont l-Artikolu 210a tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013

(C/2023/1446)

Werrej

1.

Introduzzjoni 3

1.1.

Kuntest ġenerali 3

1.1.1.

Il-Kuntest tal-politika 3

1.1.2.

Esklużjoni mill-Artikolu 101(1) tat-TFUE maħluqa mill-Artikolu 210a 4

1.2.

Kuntest legali tal-esklużjoni 5

1.2.1.

L-Artikolu 210a japplika biss għal ftehimiet ta’ sostenibbiltà li jirrestrinġu l-kompetizzjoni 5

1.2.2.

Il-ftehimiet ta’ sostenibbiltà li jirrestrinġu l-kompetizzjoni u li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 210a jistgħu jibbenefikaw minn regoli oħrajn 5

1.3.

L-għan u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-linji gwida 6

2.

Il-kamp ta’ applikazzjoni personali u l-prodotti koperti mill-Artikolu 210a 6

2.1.

Definizzjoni ta’ impriża u ta’ ftehim ta’ sostenibbiltà skont l-Artikolu 210a 6

2.2.

Kamp ta’ applikazzjoni personali tal-Artikolu 210a 7

2.3.

Prodotti fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 210a 11

3.

Kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-Artikolu 210a 11

3.1.

L-objettivi tas-sostenibbiltà skont l-Artikolu 210a 12

3.2.

L-istandards ta’ sostenibbiltà applikati skont l-Artikolu 210a 14

3.2.1.

Il-ftehim ta’ sostenibbiltà jrid jidentifika standard ta’ sostenibbiltà relatat ma’ objettiv ta’ sostenibbiltà 14

3.2.2.

L-istandards ta’ sostenibbiltà għandhom iwasslu għal riżultati tanġibbli u li jistgħu jitkejlu, jew meta dan ma jkunx possibbli, li jistgħu jiġu osservati u jiġu deskritti 14

3.2.3.

L-istandards ta’ sostenibbiltà jridu jkunu ogħla mill-istandard obbligatorju rilevanti 15

4.

Restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni 17

4.1.

X’inhi restrizzjoni tal-kompetizzjoni? 17

4.2.

X’inhu dak li ma huwiex restrizzjoni tal-kompetizzjoni? 18

5

Indispensabbiltà skont l-Artikolu 210a 19

5.1.

Introduzzjoni 19

5.2.

Il-kunċett ta’ indispensabbiltà 20

5.3.

Pass 1 - L-indispensabbiltà tal-ftehim ta’ sostenibbiltà 21

5.3.1.

L-istandard tas-sostenibbiltà jista’ jiġi ssodisfat bl-istess mod billi tittieħed azzjoni individwali? 23

5.3.2.

L-indispensabbiltà tad-dispożizzjoni(jiet) tal-ftehim ta’ sostenibbiltà 25

5.4.

Pass 2 - L-indispensabbiltà tar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni 27

5.4.1.

In-natura tar-restrizzjoni 28

5.4.2.

Intensità tar-restrizzjoni 29

5.5.

Eżempji ta’ applikazzjoni tat-test tal-indispensabbiltà 32

6.

Kamp ta’ applikazzjoni temporali tal-Artikolu 210a 36

6.1.

Ftehimiet ta’ sostenibbiltà konklużi qabel il-pubblikazzjoni tal-linji gwida 36

6.2.

Force majeure 36

6.3.

Perjodu ta’ tranżizzjoni 37

6.4.

In-nuqqas li jiġi ssodisfat l-istandard 37

6.5.

Rieżami li jkun għaddej u kontinwu tal-indispensabbiltà 38

6.5.1.

F’liema każijiet x’aktarx li ma tibqax tiġi ssodisfata l-indispensabbiltà? 38

6.5.2.

X’inhuma l-opzjonijiet tal-partijiet meta r-restrizzjonijiet jiġu ddeterminati li ma għadhomx indispensabbli? 40

7.

Sistema ta’ opinjoni skont l-Artikolu 210a(6) 40

7.1.

L-applikanti tat-talba 40

7.2.

Kontenut tat-talba 41

7.3.

Valutazzjoni u kontenut tal-opinjoni tal-Kummissjoni 41

7.4.

Terminu għall-għoti tal-opinjoni 42

7.5.

Bidla fiċ-ċirkostanzi wara l-adozzjoni tal-opinjoni 42

7.6.

Effetti ta’ opinjoni 43

8.

Intervent ex post mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 210a(7) 43

8.1.

L-objettivi tal-PAK huma pperikolati 43

8.2.

Esklużjoni tal-kompetizzjoni 45

8.3.

Aspetti proċedurali 46

9.

L-oneru tal-prova għall-issodisfar tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 210a 47

Anness A -

Dijagramma sekwenzjali tal-valutazzjoni skont l-Artikolu 210a 48

Anness B –

dijagramma sekwenzjali tal-valutazzjoni tat-test tal-indispensabbiltà 49

Anness C -

Glossarju 50

Anness D –

L-Artikolu 210a tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 – Inizjattivi vertikali u orizzontali għas-sostenibbiltà 52

Anness E –

Eżempji ta’ restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni 53

1.

Restrizzjonijiet relatati mal-prezz 53

2.

Restrizzjonijiet relatati mal-output 54

3.

Restrizzjonijiet relatati mal-inputs 54

4.

Restrizzjonijiet relatati mal-klijenti, mal-fornituri jew mat-territorji 55

5.

Restrizzjonijiet relatati mal-iskambji ta’ informazzjoni 56

6.

Restrizzjonijiet relatati mal-mod li bih jiġu stabbiliti l-istandards tas-sostenibbiltà 57

1.   INTRODUZZJONI

1.1.   Kuntest ġenerali

1.1.1.   Il-Kuntest tal-politika

(1)

Dawn il-linji gwida għandhom jispjegaw il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 210a tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) (ir-“Regolament dwar l-OKS”), li ġie introdott mir-Regolament (UE) 2021/2117 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (“l-Artikolu 210a”).

(2)

L-Artikolu 210a ġie introdott bħala parti mir-riforma tal-2021 tal-Politika Agrikola Komuni tal-Unjoni (“PAK”), biex jappoġġa t-tranżizzjoni għal sistema tal-ikel sostenibbli fl-Unjoni, u biex tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-produtturi fil-katina tal-provvista agroalimentari.

(3)

L-iżvilupp sostenibbli huwa msemmi fl-Artikolu 3(3), fl-Artikolu 3(5) u fl-Artikolu 21(2), il-punt (f), tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u fl-Artikolu 11 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Huwa wkoll objettiv prijoritarju tal-politiki tal-Unjoni b’mod ġenerali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni impenjat ruħha li timplimenta l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (Sustainable Development Goals, SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti (3). F’konformità ma’ dan l-impenn, il-Patt Ekoloġiku Ewropew jistabbilixxi strateġija ta’ tkabbir sabiex l-Unjoni tiġi ttrasformata f’soċjetà aktar ġusta u prospera, b’ekonomija moderna, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva, fejn ma jkunx hemm emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra mill-2050 ’il quddiem u fejn it-tkabbir ekonomiku jkun diżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi (4).

(4)

Żewġ strateġiji ċentrali tal-Patt Ekoloġiku huma rilevanti għall-katina tal-provvista agroalimentari. L-Istrateġija għall-Bijodiversità (5) tistabbilixxi l-ambizzjoni li t-telf tal-bijodiversità jitreġġa’ lura billi jsir investiment fil-protezzjoni u fir-restawr tan-natura. L-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt (6) tindirizza b’mod olistiku l-isfidi tas-sistemi tal-ikel sostenibbli. Din tinkludi l-produzzjoni, l-ipproċessar u l-kummerċ sostenibbli tal-ikel, iżda wkoll il-konsum sostenibbli tal-ikel, dieti tajbin għas-saħħa, u l-ħela tal-ikel. Bidla lejn sistema tal-ikel sostenibbli tista’ ġġib benefiċċji ambjentali, tas-saħħa u soċjali u toffri qligħ ekonomiku.

(5)

Iż-żewġ strateġiji tal-Patt Ekoloġiku jelenkaw numru ta’ miri kwantitattivi mhux vinkolanti sabiex tittejjeb is-sostenibbiltà tal-agrikoltura sal-2030, inklużi miri: (i) għat-tnaqqis tal-bejgħ ġenerali tal-antimikrobiċi li jintużaw fuq l-annimali tal-irziezet u fl-akkwakultura; (ii) għat-tnaqqis fl-użu u r-riskju ġenerali tal-pestiċidi kimiċi u/jew fl-użu tal-pestiċidi aktar perikolużi; (iii) għat-tnaqqis tat-telf tan-nutrijenti minħabba l-użu tal-fertilizzanti; (iv) għaż-żieda fl-ammont ta’ art użata għall-biedja organika; u (v) għaż-żieda fl-ammont ta’ art iddedikata għal karatteristiċi tal-pajsaġġ b’diversità għolja (7). L-istrateġiji elenkaw numru ta’ azzjonijiet, inklużi inizjattivi leġiżlattivi, sabiex jintlaħqu dawk il-miri.

(6)

L-operaturi fil-katina tal-provvista agroalimentari, speċjalment il-produtturi inizjali ta’ prodotti agrikoli (“il-produtturi”), għandhom rwol ewlieni f’dawn l-istrateġiji, billi jirrispettaw l-istandards obbligatorji tal-Unjoni u dawk nazzjonali. Huma jistgħu jżidu wkoll is-sostenibbiltà billi jaqbżu l-istandards obbligatorji tal-Unjoni u dawk nazzjonali.

(7)

Kif tiddikjara l-premessa 62 tal-preambolu tar-Regolament (UE) 2021/2117, ċerti inizjattivi vertikali u orizzontali li jikkonċernaw prodotti agrikoli u tal-ikel, li għandhom l-għan li japplikaw rekwiżiti li huma aktar stretti mir-rekwiżiti obbligatorji, jista’ jkollhom effetti pożittivi fuq l-objettivi ta’ sostenibbiltà (8). Barra minn hekk, inizjattivi bħal dawn jistgħu jsaħħu wkoll il-pożizzjoni tal-produtturi fil-katina tal-provvista u jżidu s-saħħa tagħhom ta’ negozjar (9).

(8)

Fl-istess ħin, l-operaturi fil-katina tal-provvista agroalimentari jistgħu jiġu skoraġġuti milli jinvolvu ruħhom fil-kooperazzjoni minħabba r-riżorsi finanzjarji meħtieġa u minħabba tħassib dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-TFUE għal tali kooperazzjoni.

1.1.2.   Esklużjoni mill-Artikolu 101(1) tat-TFUE maħluqa mill-Artikolu 210a

(9)

L-Artikolu 210a joħloq esklużjoni mill-Artikolu 101(1) tat-TFUE. Dan ġie adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill skont l-Artikolu 42 tat-TFUE. Dan ikopri ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma ta’ produtturi ta’ prodotti agrikoli li huma relatati mal-produzzjoni ta’ prodotti agrikoli jew mal-kummerċ tagħhom, u li jimmiraw lejn li japplikaw standard ta’ sostenibbiltà ogħla minn dak mitlub mid-dritt tal-Unjoni jew mil-liġi nazzjonali. Tali ftehimiet jistgħu jkunu jew bejn il-produtturi (“ftehimiet orizzontali”) jew bejn il-produtturi u operaturi oħrajn f’livelli differenti tal-katina tal-provvista agroalimentari (“ftehimiet vertikali”).

(10)

Għall-finijiet ta’ dawn il-linji gwida, it-terminu “ftehim ta’ sostenibbiltà” jirreferi għal kwalunkwe tip ta’ ftehim, deċiżjoni jew prattika miftiehma li tinvolvi l-produtturi, kemm orizzontalment kif ukoll vertikalment, li hija relatata mal-produzzjoni ta’ prodotti agrikoli jew mal-kummerċ tagħhom, u li għandha l-għan li tapplika standard ta’ sostenibbiltà ogħla minn dak mitlub mid-dritt tal-Unjoni jew mil-liġi nazzjonali, irrispettivament mill-forma ta’ kooperazzjoni.

(11)

Il-ftehimiet ta’ sostenibbiltà li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 210a huma esklużi mill-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-TFUE u ma hija meħtieġa l-ebda deċiżjoni minn qabel għal dak l-għan.

1.2.   Kuntest legali tal-esklużjoni

1.2.1.   L-Artikolu 210a japplika biss għal ftehimiet ta’ sostenibbiltà li jirrestrinġu l-kompetizzjoni

(12)

L-Artikolu 101(1) tat-TFUE fih projbizzjoni ġenerali kontra ftehimiet, deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u prattiki miftiehma li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Jekk ftehim jirrestrinġi l-kompetizzjoni, dan ikun awtomatikament null u bla effett, u jista’ jesponi lill-partijiet għal multi, sakemm ma jikkwalifikax għal eżenzjoni skont l-Artikolu 101(3) tat-TFUE, għall-esklużjoni skont l-Artikolu 210a, jew għal esklużjoni oħra mill-Artikolu 101(1) tat-TFUE. L-Artikolu 101(1) tat-TFUE japplika għal ftehimiet, li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jistgħu jirrestrinġu b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni. L-Artikolu 210a japplika biss għal ftehimiet ta’ sostenibbiltà li jaqgħu taħt l-Artikolu 101(1) tat-TFUE. Għalhekk, ma japplikax għal ftehimiet li jaqgħu taħt ir-reġim de minimis (10) jew li ma jaffettwawx il-kummerċ bejn l-Istati Membri (11).

(13)

Taħt ċerti kundizzjonijiet, il-ftehimiet relatati mal-istandards ta’ sostenibbiltà jistgħu jirrestrinġu l-kompetizzjoni. L-Artikolu 210a jeskludi mill-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-TFUE ċerti tipi ta’ ftehimiet ta’ sostenibbiltà li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 210a.

(14)

Bħal fil-każ tal-eċċezzjonijiet kollha għal prinċipju ġenerali, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 210a jeħtieġ li jiġi interpretat b’mod strett filwaqt li jitqiesu l-objettivi segwiti mill-esklużjoni (12). L-objettivi tal-Artikolu 210a u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tiegħu, kif ukoll il-limiti għall-applikazzjoni tiegħu, jirriżultaw esklussivament mir-Regolament dwar l-OKS.

(15)

It-tipi ta’ ftehimiet ta’ sostenibbiltà li x’aktarx ikunu koperti mill-Artikolu 101(1) tat-TFUE huma spjegati fit-Taqsima 4 ta’ dawn il-linji gwida.

1.2.2.   Il-ftehimiet ta’ sostenibbiltà li jirrestrinġu l-kompetizzjoni u li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 210a jistgħu jibbenefikaw minn regoli oħrajn

(16)

Il-ftehimiet ta’ sostenibbiltà li jirrestrinġu l-kompetizzjoni iżda li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 210a xorta jistgħu jiġu esklużi mill-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) tat-TFUE jekk jaqgħu taħt esklużjonijiet oħra minn dak l-Artikolu.

(17)

Il-ftehimiet ta’ sostenibbiltà li jirrestrinġu l-kompetizzjoni u li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 210a u esklużjonijiet oħrajn fir-Regolament dwar l-OKS huma soġġetti għall-Artikolu 101(1) tat-TFUE. Il-produtturi u l-operaturi għandhom janalizzaw tali ftehimiet fid-dawl tal-Linji Gwida Orizzontali u tal-Linji Gwida Vertikali (13), u għandhom jikkunsidraw jekk il-ftehimiet tagħhom jistgħux jiġu eżentati skont l-Artikolu 101(3) tat-TFUE, inkluż taħt kwalunkwe regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija (14).

1.3.   L-għan u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-linji gwida

(18)

Dawn il-linji gwida għandhom l-għan li jipprovdu ċertezza legali billi jgħinu lill-produtturi u lill-operaturi fil-katina tal-provvista agroalimentari jivvalutaw il-ftehimiet ta’ sostenibbiltà tagħhom (15). Dawn il-linji gwida għandhom ukoll l-għan li jipprovdu gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 210a lill-qrati nazzjonali u lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni. Dawn jipprovdu gwida dwar: (i) il-kamp ta’ applikazzjoni personali tal-Artikolu 210a u l-prodotti koperti mid-dispożizzjoni; (ii) il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-Artikolu 210a; (iii) it-tipi ta’ restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li huma esklużi mill-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-TFUE skont l-Artikolu 210a; (iv) il-kunċett ta’ indispensabbiltà skont l-Artikolu 210a; (v) il-kamp ta’ applikazzjoni temporali tal-Artikolu 210a; (vi) il-proċedura għat-talba ta’ opinjoni mill-Kummissjoni dwar jekk ftehim ta’ sostenibbiltà partikolari jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 210a; (vii) il-kundizzjonijiet għal intervent ex post mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni; u (viii) l-oneru tal-prova sabiex jintwera jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 210a ġewx issodisfati. Minħabba n-numru potenzjalment kbir ta’ tipi u kombinazzjonijiet ta’ ftehimiet ta’ sostenibbiltà u ċirkostanzi tas-suq li fihom joperaw, huwa impossibbli li tiġi pprovduta gwida speċifika għal kull xenarju possibbli. Għalhekk, dawn il-linji gwida ma jikkostitwixxux lista ta’ kontroll li tista’ tiġi applikata mekkanikament. Kull ftehim ta’ sostenibbiltà jrid jiġi vvalutat fil-kuntest ekonomiku u legali speċifiku tiegħu.

(19)

Għalkemm dawn il-linji gwida huma maħsuba biex jgħinu lill-produtturi u lill-operaturi f’livelli differenti tal-katina tal-provvista agroalimentari li qed jikkunsidraw jekk jidħlux fi ftehim ta’ sostenibbiltà, jew li diġà daħlu fi ftehim bħal dan, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biss għandha l-awtorità li tinterpreta l-Artikolu 210a.

(20)

Minbarra l-Artikolu 210a, l-Artikoli 172b, 209, 210 u 222 tar-Regolament dwar l-OKS jeskludu ċerti ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma mill-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-TFUE. Dawk id-dispożizzjonijiet għandhom rekwiżiti differenti u jservu skopijiet differenti. F’xi każijiet, ftehim ta’ sostenibbiltà jista’ jissodisfa l-kundizzjonijiet kemm tal-Artikolu 210a kif ukoll ta’ dispożizzjoni oħra skont ir-Regolament dwar l-OKS. L-applikabbiltà ta’ kull dispożizzjoni jeħtieġ li tiġi vvalutata separatament.

2.   Il-KAMP TA’ APPLIKAZZJONI PERSONALI U L-PRODOTTI KOPERTI MILL-ARTIKOLU 210A

2.1.   Definizzjoni ta’ impriża u ta’ ftehim ta’ sostenibbiltà skont l-Artikolu 210a

(21)

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddefiniet “impriża” bħala “kull entità kkostitwita minn elementi personali, materjali u immaterjali li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus legali u mill-metodu ta’ finanzjament tagħha” (16). Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tkun impriża jekk toffri prodotti jew servizzi f’suq. Impriża tista’ tkun bidwi individwali, farm li jkun proprjetà tal-familja, kooperattiva agrikola, kumpanija tal-ipproċessar tal-ikel jew katina multinazzjonali tal-bejjiegħa bl-imnut. F’xi każijiet, il-korpi pubbliċi huma impriżi jekk jinvolvu ruħhom f’attività ekonomika li ma hijiex kompitu li jifforma parti mill-funzjonijiet essenzjali tal-Istat (17).

(22)

Minħabba li l-kunċett ta’ “impriża” huwa kunċett ekonomiku, impriża waħda tista’ tinkludi diversi entitajiet legali (18). Dak ifisser li ftehim bejn kumpanija omm u sussidjarja posseduta totalment, jew bejn żewġ sussidjarji posseduti totalment mill-istess kumpanija omm, ma jistax jikser l-Artikolu 101(1) tat-TFUE minħabba li l-ftehim ma huwiex bejn impriżi differenti (19).

(23)

“Ftehim” jinkludi kwalunkwe att li fih żewġ impriżi jew aktar jesprimu rieda komuni li jikkooperaw (20). Il-forma ta’ espressjoni bħal din hija irrilevanti. Kuntratt iffirmat u notarili, “ftehim bejn ġentlomi” jew skambju ta’ emojis f’messaġġi testwali lkoll jistgħu jikkostitwixxu ftehim.

(24)

“Assoċjazzjoni ta’ impriżi” tirreferi għal entità, irrispettivament mill-forma tagħha, li tikkonsisti f’impriżi tal-istess tip ġenerali u tagħmel lilha nnifisha responsabbli li tirrappreżenta u tiddefendi l-interessi komuni tagħhom fir-rigward ta’ operaturi ekonomiċi oħrajn, korpi tal-gvern u l-pubbliku inġenerali (21). Eżempji ta’ assoċjazzjonijiet huma assoċjazzjonijiet kummerċjali, korpi professjonali u regolatorji, u kooperattivi li huma stess ma humiex ekonomikament attivi fil-kwistjoni li jikkoordinaw. “Deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni” hija kunċett wiesa’ li jinkludi: (i) ir-regoli u r-regolamenti; (ii) deċiżjonijiet formali li huma vinkolanti fuq membru wieħed jew aktar; (iii) kodiċijiet ta’ kondotta; u (iv) rakkomandazzjonijiet mhux vinkolanti li jirriflettu riżoluzzjoni min-naħa tal-assoċjazzjoni sabiex tikkoordina l-imġiba tal-membri tagħha fis-suq f’konformità mat-termini tar-rakkomandazzjoni.

(25)

“Prattika miftiehma” tirreferi għal forma ta’ koordinazzjoni bejn l-impriżi li fiha ma jkunux laħqu ftehim, iżda konxjament jissostitwixxu r-riskji tal-kompetizzjoni b’kooperazzjoni prattika (22). Pereżempju, l-iskambji intenzjonati ta’ informazzjoni kunfidenzjali bejn il-kompetituri jistgħu jippermettulhom jikkompetu b’mod anqas vigoruż, anke jekk il-kompetituri qatt ma jkunu ddiskutew b’mod espliċitu l-limitazzjoni tal-kompetizzjoni bejniethom.

(26)

Fil-prattika, id-distinzjoni bejn “ftehimiet”, “deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet”, u “prattiki miftiehma” għandha rilevanza limitata. Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li t-termini jikkoinċidu u “jinkludu forom ta’ kollużjoni li jaqsmu l-istess karatteristiċi u li jistgħu jiġu distinti biss mill-intensità tagħhom u mill-forom li bihom huma jimmanifestaw ruħhom” (23).

Eżempju 1: Produttur jibda jiċċertifika li l-frawli kollha tiegħu huma ħielsa mill-pestiċidi u jitlob primjum għall-bejgħ tagħhom. Produttur f’kompetizzjoni josserva li l-ewwel produttur qiegħed ibigħ il-frawli kollha tiegħu bi prezz ogħla, u jibda jagħmel l-istess. Wara, produtturi oħrajn jibdew jagħmlu l-istess, u jistgħu jitolbu primjum minħabba li kollha jiċċertifikaw li l-frawli tagħhom huma mingħajr pestiċidi. F’sitwazzjoni bħal din, ma hemm l-ebda ftehim: kull produttur qiegħed jaġixxi b’mod indipendenti, filwaqt li jqis l-imġiba preżenti jew prevedibbli tal-kompetituri tiegħu.

Eżempju 2: Grupp ta’ produtturi jiltaqa’ sabiex jiddiskuti modi kif il-kultivazzjoni tal-frawli ssir aktar sostenibbli. Huma jiddiskutu kif se jieqfu jużaw il-pestiċidi fuq il-frawli tagħhom, iżda huma mħassba li, jekk jagħmlu dan waħedhom, il-kompetituri l-oħrajn se jwaqqgħu l-prezz tagħhom. Huma kollha jsostnu li mhux se jużaw il-pestiċidi fl-istaġun segwenti jekk l-oħrajn jaqblu dwar l-istess impenn. Dawn ma jipprovdux dokument bil-miktub li jirreġistra dan l-impenn. L-ebda wieħed mill-produtturi ma juża l-pestiċidi fuq il-frawli tiegħu fis-sena ta’ wara. Dan huwa ftehim. Għalkemm dan ma sarx bil-miktub, il-produtturi esprimew b’mod ċar l-intenzjoni tagħhom li jġibu ruħhom fis-suq b’mod speċifiku, kemm permezz tad-dikjarazzjonijiet tagħhom fil-laqgħa kif ukoll billi fil-fatt jagħmlu dak li qalu li se jagħmlu.

2.2.   Kamp ta’ applikazzjoni personali tal-Artikolu 210a

(27)

L-Artikolu 210a japplika għal ftehimiet ta’ sostenibbiltà li għalihom tal-anqas produttur wieħed ta’ prodotti agrikoli huwa parti, u li huma konklużi ma’ produtturi oħrajn (ftehimiet orizzontali), jew ma’ operatur wieħed jew aktar f’livelli differenti tal-katina tal-provvista alimentari (ftehimiet vertikali), inkluż fid-distribuzzjoni, fil-bejgħ bl-ingrossa u fil-bejgħ bl-imnut.

Eżempju: Ftehim orizzontali jista’ jikkonċerna, pereżempju, impenn bejn il-produtturi f’kompetizzjoni sabiex irabbu l-pollam biss f’konformità ma’ ċerti standards tat-trattament xieraq tal-annimali li huma ogħla minn dak li huwa mandatorju mid-dritt tal-Unjoni jew mil-liġi nazzjonali. Ftehim vertikali jista’ jikkonċerna, pereżempju, impenn bejn ċerti produtturi u distributuri sabiex jikkummerċjalizzaw biss pollam li jitrabba f’konformità ma’ ċerti standards ta’ sostenibbiltà li huma ogħla minn dak li huwa awtorizzat mid-dritt tal-Unjoni jew mil-liġi nazzjonali.

(28)

Il-partijiet għall-ftehimiet ta’ sostenibbiltà jeħtiġilhom jinkludu produttur wieħed jew aktar ta’ prodotti agrikoli. Il-partijiet jistgħu jinkludu wkoll operaturi oħrajn f’livelli differenti tal-katina tal-provvista alimentari, inklużi l-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-kummerċ. Dawn il-linji gwida jirreferu b’mod ġenerali għall-partijiet għall-ftehimiet ta’ sostenibbiltà bħala “operaturi”. Fil-prattika, dawn li ġejjin huma t-tipi differenti ta’ operaturi rilevanti għall-finijiet tal-Artikolu 210a:

(a)

produtturi: produtturi ta’ prodotti agrikoli kif definit fl-Anness I tat-TFUE u spjegat aktar fid-dettall fl-Anness I tar-Regolament dwar l-OKS. Dawn jinkludu produtturi ta’ prodotti agrikoli mhux ipproċessati u produtturi ta’ ċerti prodotti agrikoli pproċessati (bħall-proċessuri taz-zokkor li jipproduċu z-zokkor, jew it-taħħana li jipproduċu d-dqiq) (24).

(b)

operaturi fil-“livell tal-produzzjoni”: fornituri ta’ inputs għall-produzzjoni agrikola bħal żrieragħ, pestiċidi, tagħmir u xogħlijiet, u l-fornituri tal-imballaġġ, sa fejn dawn il-fornituri kollha jkollhom rwol fl-applikazzjoni tal-istandards ta’ sostenibbiltà speċifikati fit-Taqsima 3.2 bl-implimentazzjoni tal-ftehim ta’ sostenibbiltà;

(c)

operaturi fil-“livell tal-ipproċessar”: operaturi, imsejħa wkoll “proċessuri” jew “manifatturi”, li jipproċessaw prodotti agrikoli biex jipproduċu prodotti oħrajn mhux elenkati fl-Anness I tat-TFUE (25) sal-punt li għandhom l-għan li jgħinu biex jintlaħqu l-istandards ta’ sostenibbiltà speċifikati fit-Taqsima 3.2 billi jimplimentaw il-ftehim ta’ sostenibbiltà;

(d)

operaturi fil-“livell kummerċjali, inkluża d-distribuzzjoni”: negozjanti, bejjiegħa bl-ingrossa, bejjiegħa bl-imnut u fornituri ta’ servizzi tal-ikel, inklużi operaturi bħal lukandi, ristoranti u kafetteriji, u kumpaniji tat-trasport u tal-loġistika, sa fejn dawn l-operaturi għandhom l-għan li jgħinu biex jintlaħqu l-istandards ta’ sostenibbiltà speċifikati fit-Taqsima 3.2 billi jimplimentaw il-ftehim ta’ sostenibbiltà.

(29)

L-operaturi li jaġixxu fis-suq kemm bħala produtturi kif ukoll bħala operaturi f’livelli oħra tal-katina tal-provvista agroalimentari, pereżempju l-bejjiegħa bl-imnut, jistgħu jipparteċipaw fil-ftehim ta’ sostenibbiltà bħala produtturi sakemm dawn jaġixxu b’mod ġenwin bħala produtturi. Inkella, mill-inqas produttur wieħed ieħor jeħtieġlu jkun parti għall-ftehim ta’ sostenibbiltà.

(30)

Sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 210a, il-ftehimiet ta’ sostenibbiltà jistgħu jkunu ftehimiet bilaterali, pereżempju bejn il-produtturi u l-bejjiegħa bl-imnut; ftehimiet tripartitiċi, pereżempju bejn il-produtturi, il-proċessuri u d-distributuri; jew saħansitra ftehimiet multilaterali li jinvolvu lill-operaturi f’aktar minn tliet livelli tal-katina tal-provvista agroalimentari.

(31)

Il-partijiet għall-ftehimiet ta’ sostenibbiltà jistgħu jkunu operaturi u assoċjazzjonijiet individwali jew entitajiet kollettivi oħrajn li jinvolvu produtturi jew impriżi oħrajn imsemmija fil-paragrafu (28), irrispettivament min-natura legali tagħhom jew jekk humiex rikonoxxuti formalment skont id-dritt tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali, dment li tal-anqas waħda mill-partijiet għall-ftehim ta’ sostenibbiltà tkun produttur jew assoċjazzjoni ta’ produtturi. Tali entitajiet kollettivi jistgħu jkunu, pereżempju, organizzazzjonijiet tal-produtturi (OP), assoċjazzjonijiet ta’ OP jew organizzazzjonijiet interprofessjonali (IBOs), jew kooperattivi agrikoli.

(32)

L-entitajiet kollettivi jistgħu jiżviluppaw ukoll ftehimiet ta’ sostenibbiltà mingħajr ma jikkooperaw ma’ kwalunkwe entità oħra fil-katina tal-provvista agroalimentari. Minħabba li mill-inqas waħda mill-partijiet għall-ftehim ta’ sostenibbiltà jeħtiġilha tkun produttur jew assoċjazzjoni ta’ produtturi, ir-regoli applikabbli li jirregolaw it-teħid ta’ deċiżjonijiet f’dawk l-organizzazzjonijiet, b’mod partikolari kif stabbilit fl-istatuti tagħhom, iridu jiżguraw li l-parteċipazzjoni tal-produtturi fil-ftehim tkun effettiva fil-livelli kollha tal-organizzazzjoni u li r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 210a jiġu rrispettati. Pereżempju, il-produtturi f’IBO jistgħu jkunu rrappreżentati wkoll minn trade unions jew minn organizzazzjonijiet oħra li jirrappreżentaw b’mod kollettiv l-interessi tal-produtturi, jekk l-istatuti jew relazzjonijiet kuntrattwali oħra jipprovdu dan (26).

Eżempju: L-IBO tal-ġobon jirrappreżenta tliet livelli fil-katina tal-provvista agroalimentari: produtturi tal-ħalib, produtturi tal-ġobon u distributuri. Ir-regoli tal-IBO jipprevedu li l-IBO tista’ tidħol fi ftehim jew tilħaq deċiżjoni mal-approvazzjoni minn maġġoranza tal-membri f’kull livell. Meta jikkonkludu ftehim ta’ sostenibbiltà fl-IBO għall-produzzjoni u d-distribuzzjoni aktar sostenibbli tal-ġobon, maġġoranza ta’ 70 % tal-produtturi tal-ħalib (l-ewwel livell), 60 % tal-produtturi tal-ġobon (it-tieni livell) u 55 % tad-distributuri tal-ħalib u tal-ġobon (it-tielet livell) jivvotaw favur. F’dan ix-xenarju, il-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-IBO jistgħu jikkonkludu ftehim ta’ sostenibbiltà li jorbot lill-membri kollha tiegħu. Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 210a, il-produtturi u d-distributuri kollha li huma membri tal-IBO, direttament jew indirettament permezz tal-korpi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, huma parti għall-ftehim ta’ sostenibbiltà, inklużi dawk li ma jkunux ivvotaw favur il-ftehim.

(33)

Ma tagħmilx differenza jekk parti għal ftehim ta’ sostenibbiltà tkunx ibbażata ġewwa jew barra l-Unjoni. Dak li huwa importanti huwa li l-ftehim ta’ sostenibbiltà jiġi implimentat fl-Unjoni, anki jekk parzjalment biss, jew li jkun kapaċi jkollu effett immedjat, sostanzjali u prevedibbli fuq il-kompetizzjoni fis-suq intern (27). Pereżempju, jekk fost il-partijiet għal ftehim ikun hemm produtturi tal-fażola tal-kawkaw, ibbażati barra mill-Unjoni, li jbigħu l-prodotti tagħhom lid-distributuri għal bejgħ mill-ġdid ulterjuri fl-Unjoni, il-ftehim jista’ jikkostitwixxi ftehim ta’ sostenibbiltà fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 210a.

(34)

Is-sempliċi konformità ma’ standard ta’ sostenibbiltà fiha nnifisha ma hijiex biżżejjed sabiex tikkostitwixxi ftehim għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 210a. Sabiex il-konformità ma’ standard ta’ sostenibbiltà toħloq ftehim, huwa meħtieġ pass ieħor, jiġifieri li l-operaturi fil-katina tal-provvista agroalimentari kkonċernata jesprimu l-intenzjoni tagħhom li jimplimentaw il-ftehim, jiġifieri jkun hemm rieda komuni. Fil-prattika, id-differenza bejn ftehim dwar l-adozzjoni ta’ standard ta’ sostenibbiltà u s-sempliċi konformità ma’ standard hija li fil-każ ta’ sempliċi konformità, l-operatur jista’ jiddeċiedi b’mod unilaterali li jieqaf japplika l-istandard fi kwalunkwe ħin.

(35)

Operatur isir parti għal ftehim ta’ sostenibbiltà għall-finijiet tal-Artikolu 210a meta jkun hemm rieda komuni ma’ partijiet oħrajn fir-rigward ta’ ftehim. Ir-rieda komuni għandha tikkostitwixxi l-espressjoni fidila tal-intenzjonijiet tal-partijiet (28).

(36)

Sabiex ftehim ta’ sostenibbiltà jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 210a(2), mill-inqas produttur wieħed irid ikun parti għalih. Għalhekk, il-produtturi huma partijiet essenzjali għal ftehimiet ta’ sostenibbiltà, anki jekk l-inizjattiva biex jiġi konkluż ftehim ta’ sostenibbiltà tista’ tiġi minn operaturi oħra. Il-produtturi li huma parti għal ftehim fiż-żmien meta jiġi stabbilit jeħtiġilhom ikunu involuti fin-negozjati, fl-adozzjoni u fl-implimentazzjoni tal-istandard.

(37)

Il-produtturi jistgħu jsiru partijiet għall-ftehim fi stadju aktar tard, mingħajr ma jkunu ħadu sehem fin-negozjati jew fl-adozzjoni tal-ftehim, jekk juru li jkun hemm rieda komuni li jkunu marbuta mill-ftehim ta’ sostenibbiltà. F’dak il-każ, l-aderenza tal-produttur jew tal-produtturi mal-ftehim ta’ sostenibbiltà jeħtieġ li tkun soġġetta għar-regoli dwar il-kamp ta’ applikazzjoni temporali tal-ftehim (ara t-Taqsima 6).

Eżempju 1: Sabiex tiġi promossa l-kultivazzjoni sostenibbli tat-tuffieħ, grupp ta’ ktajjen tas-supermarkets li flimkien jammontaw għal 70 % tax-xiri bl-ingrossa tat-tuffieħ fi Stat Membru jaqbel li se jixtru biss tuffieħ li ġie ċċertifikat li huwa ħieles mill-pestiċidi. Peress li dan il-grupp jirrappreżenta sehem kbir ta’ xiri, il-biċċa l-kbira tal-produtturi tat-tuffieħ iħossuhom li ma għandhom l-ebda għażla ħlief li jsegwu l-istandard stabbilit mill-grupp ta’ ktajjen tas-supermarkets biex jiżguraw li l-prodotti tagħhom ma jiġux esklużi mis-suq. Dawn jieqfu jużaw il-pestiċidi u jiċċertifikaw it-tuffieħ tagħhom bħala ħielsa mill-pestiċidi, minflok jirriskjaw li ma jkunux jistgħu jbigħu l-produzzjoni tat-tuffieħ tagħhom. Jidher ċar li hemm ftehim bejn il-ktajjen tas-supermarkets. Madankollu, il-produtturi tat-tuffieħ ma humiex partijiet għal dan il-ftehim. Għalkemm il-produtturi qegħdin jipprovdu prodotti li jissodisfaw standard ta’ sostenibbiltà, huma stess ma qablux mal-ktajjen tas-supermarkets dwar il-kontenut tal-istandard, u l-għażla tagħhom li jikkonformaw mal-istandard ma hijiex ikkundizzjonata fuq produtturi tat-tuffieħ oħrajn li jikkonformaw ma’ dan l-istandard. B’riżultat ta’ dan, il-produtturi ma jkunux parti għall-ftehim konkluż bejn il-grupp ta’ ktajjen tas-supermarkets. Madankollu, dan ma jwaqqafx lill-produtturi milli jsiru partijiet għal ftehim ta’ sostenibbiltà mal-ktajjen tas-supermarkets fil-futur.

Eżempju 2: F’xenarju kemxejn differenti, grupp ta’ ktajjen tas-supermarkets jaqbel li jixtri biss tuffieħ li jkun ġie ċċertifikat li huwa ħieles mill-pestiċidi. Organizzazzjoni tal-produtturi tat-tuffieħ tiżviluppa marka ta’ ċertifikazzjoni li tiċċertifika n-natura ħielsa mill-pestiċidi tal-prodotti tal-membri tagħha. L-organizzazzjoni tilliċenzja l-marka ta’ ċertifikazzjoni għall-użu fuq l-imballaġġ tas-supermarkets u fil-materjali tal-kummerċjalizzazzjoni tagħhom. It-tariffi tal-liċenzjar jitqassmu lill-produtturi li huma membri tal-organizzazzjoni. F’dan il-każ, l-organizzazzjoni hija assoċjazzjoni ta’ produtturi li ħadu deċiżjoni li jadottaw u jfornu l-marka ta’ ċertifikazzjoni. Dik id-deċiżjoni hija ftehim ta’ sostenibbiltà bejn il-produtturi. Barra minn hekk, l-istess ftehim ta’ sostenibbiltà jista’ jinkludi wkoll il-ftehim ta’ liċenzjar iffirmat bejn l-organizzazzjoni u s-supermarkets.

(38)

Filwaqt li l-ftehimiet dwar l-istandards ta’ sostenibbiltà għall-prodotti agrikoli x’aktarx jinvolvu titjib fil-produzzjoni, l-Artikolu 210a japplika wkoll għal ftehimiet dwar l-istandards ta’ sostenibbiltà relatati mal-kummerċ fi prodotti agrikoli. Meta ftehimiet dwar l-istandards ta’ sostenibbiltà jkunu relatati mal-kummerċ fi prodotti agrikoli, ikun meħtieġ ukoll l-involviment ta’ mill-inqas produttur wieħed.

Eżempju 1: Il-produtturi tal-lanġas u grupp ta’ bejjiegħa bl-ingrossa jikkonkludu ftehim. Skont il-ftehim, il-produtturi se jadottaw tekniki ta’ produzzjoni li, filwaqt li jeliminaw l-użu ta’ trattamenti kimiċi li jtejbu l-ħajja fuq l-ixkaffa tal-lanġas, se jirriżultaw f’żieda fil-ħela tal-ikel peress li dawn it-tekniki ta’ produzzjoni se jżidu r-riskju li l-lanġas jittebba jew jitħassar qabel ma jaslu għand il-konsumatur. Sabiex jiġi żgurat li l-lanġas jibqa’ f’kundizzjoni tajba qabel ma jiġi kkonsenjat lill-bejjiegħa bl-imnut, il-bejjiegħa bl-ingrossa jeħtiġilhom jadattaw il-kundizzjonijiet tal-faċilitajiet tal-ħżin u jagħmlu l-modifiki meħtieġa tal-kostruzzjoni. F’każ bħal dan, it-titjib fis-sostenibbiltà huwa relatat kemm mal-produzzjoni kif ukoll mal-kummerċ ta’ prodotti agrikoli. L-Artikolu 210a jkun applikabbli għall-parti tal-ftehim ta’ sostenibbiltà li tikkonċerna l-modifiki tal-ħżin tal-bejjiegħa bl-ingrossa, minħabba li dik il-parti tkun marbuta intrinsikament mal-fatt li prodott aktar sostenibbli jsir disponibbli fis-suq.

Eżempju 2: Grupp ta’ bejjiegħa bl-imnut u bejjiegħa bl-ingrossa jaqblu li jużaw sistema ta’ kontenituri riċiklati għat-trasport u t-tqegħid fil-ħwienet ta’ frott u ħxejjex friski. Għalkemm il-ftehim jikkonċerna standard ta’ sostenibbiltà li jista’ jmur lil hinn minn dak li huwa awtorizzat mil-liġi, l-Artikolu 210a mhux se japplika, minħabba li l-ftehim mhux se jinvolvi xi produttur.

Eżempju 3: Grupp ta’ bejjiegħa bl-imnut u produtturi tal-ikel jaqblu fuq inizjattiva ta’ ekonomija ċirkolari biex tinħoloq sistema konġunta għall-ġbir tal-iskart. Il-bejjiegħa bl-imnut jimpenjaw ruħhom li jiġbru l-iskart tagħhom u li aktar tard jibdluh f’fertilizzanti, filwaqt li l-produtturi jimpenjaw ruħhom li jużaw il-fertilizzanti fil-produzzjoni tagħhom. Minħabba li l-ftehim jinvolvi l-impenn tal-produtturi li jużaw il-fertilizzant iġġenerat permezz tas-sistema tal-ġbir tal-iskart, se japplika l-Artikolu 210a.

2.3.   Prodotti fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 210a

(39)

Sabiex ikun kopert mill-Artikolu 210a, ftehim ta’ sostenibbiltà jrid: (i) jikkonċerna prodott agrikolu wieħed jew aktar elenkat fl-Anness I tat-TFUE għajr prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura (“prodotti tal-Anness I”); u (ii) ikun relatat mal-produzzjoni ta’, jew mal-kummerċ ta’, tali prodotti.

(40)

Il-limitazzjoni tal-Artikolu 210a għall-prodotti agrikoli hija konsegwenza tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1 tar-Regolament dwar l-OKS, li jinkludi biss prodotti tal-ikel agrikoli u b’hekk jeskludi l-prodotti l-oħra kollha (“prodotti mhux tal-Anness I”).

(41)

Ftehim ta’ sostenibbiltà jista’ jkun validu anki jekk jikkonċerna kemm il-prodotti tal-Anness I kif ukoll il-prodotti mhux tal-Anness I. Madankollu, l-esklużjoni skont l-Artikolu 210a tkun tapplika biss għall-parti tal-ftehim ta’ sostenibbiltà li tikkonċerna l-prodotti tal-Anness I.

Eżempju 1: Hemm ftehim li huwa relatat mal-imballaġġ sostenibbli tal-malt f’boroż tat-tbaħħir li ma jgħaddix l-ilma minnhom li jistgħu jiġu rriċiklati kompletament, u tal-birra fi btieti magħmula kompletament minn metalli riċiklati. L-Artikolu 210a se japplika biss għall-parti tal-ftehim dwar il-malt, peress li l-birra hija prodott mhux tal-Anness I.

Eżempju 2: Hemm ftehim li huwa relatat mal-provvista ta’ skart tal-ikel minn diversi ristoranti u mill-produtturi li jfornu lil dawk ir-ristoranti. Dak l-iskart imbagħad se jintuża għall-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-bijofjuwils. L-Artikolu 210a se japplika biss għall-parti tal-ftehim dwar il-provvista tal-iskart għall-produzzjoni tal-bijofjuwils, u mhux għall-kummerċjalizzazzjoni tal-bijofjuwils mhux inklużi fl-Anness I.

Eżempju 3: Hemm ftehim li huwa relatat mal-provvista ta’ pollam prodott b’mod sostenibbli għas-servizzi tal-canteen. Il-ftehim jinvolvi lill-produtturi tat-tjur li jfornu t-tjur lill-produtturi tal-ikliet ippreparati, u lil organizzazzjoni li tirrappreżenta l-canteens tal-ikel li jixtru ikliet ippreparati mill-produtturi tal-ikel. L-Artikolu 210a japplika biss għall-parti tal-ftehim li hija relatata mal-provvista ta’ pollam lill-produtturi tal-ikliet ippreparati, u mhux għall-parti tal-ftehim li hija relatata mal-provvista ta’ ikliet ippreparati lill-canteens. Il-laħam tat-tjur biss huwa prodott elenkat fl-Anness I; l-ikliet ippreparati li jinkorporaw dak il-laħam ma humiex.

Eżempju 4: Ftehim huwa relatat mal-provvista ta’ tadam, faqqiegħ, ħxejjex u ħxejjex aromatiċi sostenibbli għall-ipproċessar fi zlazi differenti, bħall-pesto, it-tadam bil-faqqiegħ, it-tadam bil-brunġiel, basal u kappar, u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn iz-zlazi. L-Artikolu 210a japplika biss għall-parti tal-ftehim dwar il-produzzjoni u l-provvista ta’ tadam, faqqiegħ u ħxejjex aromatiċisostenibbli, u mhux għall-kummerċjalizzazzjoni taz-zlazi, minħabba li z-zlazi ma humiex prodott tal-Anness I.

3.   KAMP TA’ APPLIKAZZJONI MATERJALI TAL-ARTIKOLU 210A

(42)

Jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn l-objettivi ta’ sostenibbiltà elenkati fl-Artikolu 210a(3), l-istandards ta’ sostenibbiltà meħtieġa biex jintlaħqu dawk l-objettivi ta’ sostenibbiltà, u l-miżuri ta’ implimentazzjoni stabbiliti fi ftehim ta’ sostenibbiltà biex jintlaħqu dawk l-istandards.

Eżempju: L-objettiv ta’ sostenibbiltà jista’ jkun il-prevenzjoni tal-erożjoni tal-ħamrija. Il-ftehim ta’ sostenibbiltà jkollu l-għan li japplika standard li jista’ jinvolvi l-istabbiliment ta’ miri li jistgħu jitkejlu fil-forma ta’ kriterji kwantitattivi jew kwalitattivi li jmorru lil hinn minn standard obbligatorju, pereżempju, l-użu ta’ għalla ta’ kopertura fix-xitwa biex tiġi evitata l-erożjoni tal-ħamrija. Il-ftehim jista’ jinkludi miżuri speċifiċi ta’ implimentazzjoni, bħal obbligi li jintużaw ċertu makkinarju jew tagħmir, li jiġu implimentati għodod ta’ ġestjoni tar-riskju, jew li jiġi appoġġat it-tixrid tal-għarfien tekniku (inklużi t-taħriġ, il-pariri, il-kooperazzjoni u l-iskambju tal-għarfien), it-teknoloġiji diġitali jew il-prattiki għall-ġestjoni sostenibbli tan-nutrijenti.

3.1.   L-objettivi tas-sostenibbiltà skont l-Artikolu 210a

(43)

Sabiex jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 210a, ftehim ta’ sostenibbiltà jrid ikollu l-għan li jissodisfa standard ta’ sostenibbiltà li jikkontribwixxi għal wieħed jew aktar mill-objettivi ta’ sostenibbiltà li ġejjin:

(a)

l-objettivi ambjentali, inklużi l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih; l-użu sostenibbli u l-protezzjoni tal-pajsaġġi, tal-ilma u tal-ħamrija; it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, inkluż it-tnaqqis tal-ħela tal-ikel; il-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis; u l-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u l-ekosistemi;

(b)

il-produzzjoni ta’ prodotti agrikoli b’modi li jnaqqsu l-użu tal-pestiċidi u jimmaniġġjaw ir-riskji li jirriżultaw minn tali użu, jew li jnaqqsu l-periklu tar-reżistenza għall-antimikrobiċi fil-produzzjoni agrikola;

(c)

is-saħħa tal-annimali u t-trattament xieraq tal-annimali.

(44)

L-eżempji tal-objettivi ambjentali elenkati fl-Artikolu 210a(3), il-punt (a), huma illustrattivi; jista’ jkun hemm tipi u varjazzjonijiet differenti ta’ objettivi. Pereżempju, kwalunkwe objettiv segwit minn operatur li jkollu effett pożittiv fuq l-ambjent fir-rigward tal-produzzjoni jew l-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli jew fuq il-kummerċ ta’ prodotti agrikoli, inkluża d-distribuzzjoni, jista’ jikkostitwixxi objettiv ta’ sostenibbiltà skont il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 210a. Madankollu, l-objettivi elenkati fl-Artikolu 210a(3), il-punti (b) u (c), huma eżawrjenti.

Eżempji ta’ objettivi ta’ sostenibbiltà koperti mill-Artikolu 210a:

 

Eżempju 1: Filwaqt li mhux imsemmi b’mod espliċitu fl-Artikolu 210a(3), it-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja, it-titjib tal-kwalità tal-arja u t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra huma relatati mal-objettivi ambjentali. Għalhekk, dawn jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 210a(3), il-punt (a) tat-TFUE.

 

Eżempju 2: Filwaqt li ma huwiex imsemmi b’mod espliċitu fl-Artikolu 210a(3), l-evitar tat-tniġġis mill-plastik huwa relatat mal-objettiv tat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari jew l-objettiv tal-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis. Għalhekk, l-objettiv jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 210a(3), il-punt (a).

 

Eżempju 3: It-titjib tar-reżistenza tal-ħamrija għall-erożjoni, iż-żieda tal-bijodiversità tal-ħamrija, it-titjib tal-kompożizzjoni tal-ħamrija, u l-iżgurar tal-protezzjoni marittima kollha huma relatati mal-objettiv tal-użu sostenibbli u l-protezzjoni tal-pajsaġġi, tal-ilma u tal-ħamrija. Għalhekk, dawn l-objettivi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 210a(3), il-punt (a).

 

Eżempju 4: Il-mitigazzjoni tal-impatt tal-prattiki tal-irrigazzjoni fuq ir-riżorsi tal-ilma u l-ekosistemi, l-iffrankar tal-ilma, u l-protezzjoni tal-kwalità tal-ilma huma relatati mal-objettiv tal-użu sostenibbli tal-ilma. Għalhekk, dawn jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 210a(3), il-punt (a).

 

Eżempju 5: It-tnaqqis tal-iskart, bħall-ġestjoni u l-valorizzazzjoni tal-prodotti sekondarji, tal-flussi residwi, u tal-ħela tal-ikel, pereżempju billi tiżdied l-effiċjenza fir-riżorsi jew jiġu promossi soluzzjonijiet innovattivi, huwa relatat mal-objettiv tat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari. Għalhekk, dawn jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 210a(3), il-punt (a).

 

Eżempju 6: It-titjib tal-proċess ekoloġiku naturali fl-agrikoltura, inklużi ċ-ċikli tan-nutrijenti, il-fertilità tal-ħamrija, il-kontroll naturali tal-pesti u l-kwarantina tal-pjanti, u l-konservazzjoni tal-ilma permezz ta’ tekniki bħall-kompostjar, il-kopertura tal-għelejjel u l-użu ta’ insetti ta’ benefiċċju, huma tipi ta’ objettivi ambjentali. Għalhekk, dawn jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 210a(3), il-punt (a).

 

Eżempju 7: Il-mitigazzjoni tal-impatt tal-kundizzjonijiet ħżiena tat-temp u tal-miżuri ta’ adattament huma tipi ta’ objettivi ambjentali. Għalhekk, dawn jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 210a(3), il-punt (a).

 

Eżempju 8: It-titjib tal-kwalità tal-ħajja tal-annimali, inkluż l-istat emozzjonali tagħhom, il-kapaċità tagħhom li jesprimu ċerta mġiba normali u li jiżguraw li jkollhom biżżejjed spazju, faċilitajiet xierqa u l-kapaċità li jgawdu l-kumpanija ta’ annimali oħra tal-istess razza tagħhom, jaqa’ taħt l-objettiv tat-trattament xieraq tal-annimali stabbilit fl-Artikolu 210a(3), il-punt (c).

 

Eżempju 9: Il-protezzjoni tal-annimali minn korriment u mard permezz ta’ prattiki ta’ prevenzjoni xierqa, dijanjożi u trattament rapidi, taqa’ taħt l-objettiv tas-saħħa tal-annimali stabbilit fl-Artikolu 210a(3), il-punt (c).

(45)

Standard ta’ sostenibbiltà jista’ jkollu l-għan li jikkontribwixxi għal objettiv wieħed jew aktar koperti mill-Artikolu 210a(3).

(46)

Sabiex jgħin fil-valutazzjoni ta’ jekk ftehim ta’ sostenibbiltà jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-esklużjoni skont l-Artikolu 210a, il-ftehim ta’ sostenibbiltà għandu jidentifika l-objettiv jew l-objettivi ta’ sostenibbiltà li l-istandard ta’ sostenibbiltà għandu l-għan li jikkontribwixxi għalih(om).

(47)

Jekk ftehim ta’ sostenibbiltà jkollu l-għan li jikkontribwixxi għal diversi objettivi, li wħud minnhom ma humiex koperti mill-Artikolu 210a(3), l-objettivi elenkati fl-Artikolu 210a(3) biss huma rilevanti sabiex jiġi vvalutat jekk il-ftehim ta’ sostenibbiltà jaqax taħt l-Artikolu 210a.

(48)

Standard ta’ sostenibbiltà jista’ jkollu l-għan li jikkontribwixxi għal objettivi li ma humiex koperti mill-Artikolu 210a(3). Dawn jistgħu jinkludu objettivi soċjali, bħall-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema tal-farms jew dieti tajbin għas-saħħa u nutrittivi għall-konsumaturi, jew objettivi ekonomiċi, bħall-iżvilupp ta’ ditti li jirremuneraw lill-bdiewa b’mod aktar ġust. F’każijiet bħal dawn, l-aspetti tal-istandard tas-sostenibbiltà li għandhom l-għan li jikkontribwixxu għal dawk l-objettivi soċjali jew ekonomiċi ma jistgħux jitqiesu meta jiġi ddeterminat jekk ftehim ta’ sostenibbiltà jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-esklużjoni skont l-Artikolu 210a, b’mod partikolari jekk kwalunkwe restrizzjoni tal-kompetizzjoni fil-ftehim ta’ sostenibbiltà hijiex indispensabbli biex jintlaħaq l-istandard ta’ sostenibbiltà, kif huwa spjegat aktar fit-Taqsima 5.

Eżempji ta’ ftehimiet ta’ sostenibbiltà li għandhom l-għan li jilħqu l-objettivi koperti mill-Artikolu 210a:

 

Eżempju 1: Il-produtturi taċ-ċereali jidħlu fi ftehim mal-proċessuri taċ-ċereali li taħthom il-produtturi taċ-ċereali jadottaw karatteristiċi mtejba tal-pajsaġġ, bħal ħeġġijiet, u l-proċessuri taċ-ċereali jaqblu li jħallsu prezz ogħla għall-isforzi ta’ sostenibbiltà tal-produtturi taċ-ċereali. Dan jista’ jaqa’ taħt l-objettiv li jiġu protetti u rrestawrati l-bijodiversità u l-ekosistemi stabbiliti fl-Artikolu 210a(3), il-punt (a), jekk il-ftehim dwar is-sostenibbiltà jkollu l-għan li jikkontribwixxi għal dak l-objettiv.

 

Eżempju 2: Il-produtturi tal-għasel u l-proċessuri tal-idromel jaqblu li jikkummerċjalizzaw prodotti li jiġu minn għasel miġbur minn kaxxi tan-naħal li jużaw biss prodotti mhux kimiċi biex jiġġieldu l-varroażi. Dan il-ftehim jista’ jaqa’ taħt l-objettiv tas-saħħa tal-annimali u t-trattament xieraq tal-annimali stabbilit fl-Artikolu 210a(3), il-punt (c), jekk il-ftehim ta’ sostenibbiltà jkollu l-għan li jikkontribwixxi għal dak l-objettiv.

 

Eżempju 3: Il-produtturi taċ-ċereali jaqblu li japplikaw tekniki ta’ biedja ta’ preċiżjoni biex inaqqsu l-użu tal-pestiċidi u tal-fertilizzanti. Dan jista’ jaqa’ taħt l-objettivi ambjentali stabbiliti fl-Artikolu 210a(3), jekk il-ftehim ta’ sostenibbiltà jkollu l-għan li jikkontribwixxi għal dak l-objettiv.

 

Eżempju 4: Il-produtturi u l-proċessuri tal-ħalib jaqblu li jippermettu r-ragħa tal-baqar tal-ħalib sabiex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-annimali. Dan jista’ jaqa’ taħt l-objettiv tat-trattament xieraq tal-annimali stabbilit fl-Artikolu 210a(3), il-punt (c), jekk il-ftehim ta’ sostenibbiltà jkollu l-għan li jikkontribwixxi għal dak l-objettiv.

 

Eżempji ta’ ftehimiet ta’ sostenibbiltà li għandhom l-għan li jilħqu objettivi li jew ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 210a jew li huma parzjalment fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu:

 

Eżempju 1: Il-produtturi u l-proċessuri tal-ħalib jaqblu li jiżviluppaw ditti li jiżguraw remunerazzjoni aktar ġusta għall-produtturi. Iż-żieda fl-introjtu tal-produtturi tal-ħalib tista’ twassal għal żieda fl-investimenti li jsegwu objettivi ambjentali jew tat-trattament xieraq tal-annimali. Jekk l-objettiv tal-ftehim ikun li tiġi żgurata remunerazzjoni aktar ġusta għall-produtturi, dak l-objettiv ma jkunx jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-objettivi koperti mill-Artikolu 210a(3).

 

Eżempju 2: Il-produtturi u l-proċessuri tal-ħalib jaqblu li jtejbu t-trattament xieraq tal-annimali u fl-istess ħin jaqblu li jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti għall-ħaddiema tal-farms. Huma biss l-aspetti tal-ftehim li għandhom l-għan li jilħqu l-objettivi koperti mill-Artikolu 210a(3), bħat-trattament xieraq tal-annimali, li jistgħu jibbenefikaw mill-esklużjoni skont l-Artikolu 210a. B’kuntrast ma’ dan, l-aspetti l-oħrajn, bħall-kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti għall-ħaddiema tal-farms, ma jistgħux jitqiesu fil-valutazzjoni.

3.2.   L-istandards ta’ sostenibbiltà applikati skont l-Artikolu 210a

3.2.1.   Il-ftehim ta’ sostenibbiltà jrid jidentifika standard ta’ sostenibbiltà relatat ma’ objettiv ta’ sostenibbiltà

(49)

Ftehim ta’ sostenibbiltà li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 210a jeħtieġ li jidentifika standard ta’ sostenibbiltà li għandu jiġi rrispettat mill-partijiet għall-ftehim sabiex jikkontribwixxi għal objettiv ta’ sostenibbiltà wieħed jew aktar kopert(i) mill-Artikolu 210a(3).

(50)

L-istandard ta’ sostenibbiltà jista’ jkun standard preeżistenti, standard imfassal għall-ftehim mill-partijiet għall-ftehim jew standard stabbiliti minn partijiet terzi.

(51)

L-istandards ta’ sostenibbiltà jistgħu jippreskrivu mira li għandha tintlaħaq, bl-impożizzjoni ta’ teknoloġiji jew metodi ta’ produzzjoni speċifiċi jew mingħajrhom. Konsegwentement, il-partijiet għal ftehim ta’ sostenibbiltà jistgħu mhux biss ikollhom bżonn jimpenjaw ruħhom biex jilħqu l-mira jew il-miri stabbiliti mill-istandard, iżda jista’ jkollhom bżonn jużaw ukoll teknoloġija jew prattika ta’ produzzjoni partikolari biex jilħqu dik il-mira, pereżempju, metodi ta’ protezzjoni tal-ħamrija u prattiki ta’ ragħa tal-annimali.

(52)

L-adozzjoni ta’ standard ta’ sostenibbiltà tista’ twassal għall-ħolqien ta’ tikketta, logo jew isem tad-ditta volontarji għal prodotti li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-istandard.

(53)

Hija biss il-parti tal-produzzjoni ta’ prodotti agrikoli koperta mill-ftehim li tissodisfa l-istandard ta’ sostenibbiltà li tista’ tibbenefika mill-esklużjoni stabbilita fl-Artikolu 210a.

Eżempju: Ftehim dwar is-sostenibbiltà għandu l-għan li jnaqqas l-użu tal-pestiċidi bi 8 %. Produttur, parti għall-ftehim, huwa attiv f’żewġ postijiet ġeografiċi differenti. F’wieħed mill-postijiet, il-produttur jimpenja ruħu li jissodisfa l-istandard, filwaqt li, fil-post l-ieħor, il-produttur ikompli juża l-pestiċidi kemm jista’ jkun. Huwa biss il-post fejn il-produttur għandu l-għan li jissodisfa l-istandard li jista’ jibbenefika mill-esklużjoni stabbilita fl-Artikolu 210a.

(54)

Meta jiġi vvalutat jekk standard tas-sostenibbiltà huwiex kopert mill-Artikolu 210a, huwa irrilevanti jekk il-ftehim ta’ sostenibbiltà huwiex jew kienx appoġġat minn finanzjament tal-Unjoni jew nazzjonali. Madankollu, il-fatt li l-implimentazzjoni ta’ standard partikolari hija appoġġata minn finanzjament tal-Unjoni jew wieħed nazzjonali huwa rilevanti għall-valutazzjoni tal-indispensabbiltà ta’ kwalunkwe restrizzjoni tal-kompetizzjoni deskritta fit-Taqsima 5.

3.2.2.   L-istandards ta’ sostenibbiltà għandhom iwasslu għal riżultati tanġibbli u li jistgħu jitkejlu, jew meta dan ma jkunx possibbli, li jistgħu jiġu osservati u jiġu deskritti

(55)

L-istandard ta’ sostenibbiltà jista’ jistabbilixxi miri kwantifikati jew jista’ jistabbilixxi metodi jew prattiki speċifiċi li għandhom jiġu adottati. Pereżempju, l-istandard jista’ jippreskrivi li ma jintużax ċertu input jew ċerta prattika agrikola.

(56)

Ir-riżultati miksuba mill-applikazzjoni ta’ standard ta’ sostenibbiltà jeħtieġ li jkunu tanġibbli u li jistgħu jitkejlu. Fejn ma jkunx possibbli li jiġu kkwantifikati r-riżultati miksuba f’termini numeriċi, dawk ir-riżultati għandhom madankollu jkunu osservabbli u deskrivibbli. F’dawk il-każijiet, ma hemmx bżonn li jiġi kkwantifikat l-impatt li l-ftehim dwar is-sostenibbiltà għandu l-għan li jikseb.

Eżempju 1: Ftehim bl-objettiv li jitnaqqsu l-pestiċidi jistabbilixxi standard li jippreskrivi tnaqqis ta’ 40 % fl-użu tal-pestiċidi. F’dak il-każ, ikun meħtieġ li jintwera li l-applikazzjoni tal-istandard twassal għal tnaqqis li jista’ jitkejjel fl-użu tal-pestiċidi. Madankollu, ma jkunx meħtieġ li jintwera li t-tnaqqis fl-użu tal-pestiċidi minn produtturi individwali wassal għal titjib fil-kwalità tal-ilma fir-reġjun, bħat-tnaqqis tat-tnixxija tal-pestiċidi fl-ilma ta’ taħt l-art.

Eżempju 2: Jekk ftehim ta’ sostenibbiltà jkollu l-għan li jżid il-bijodiversità permezz tal-kultivazzjoni ta’ ċerti pjanti selvaġġi u varjetajiet oriġinali li ma jagħmlux ħsara lill-insetti, jista’ ma jkunx possibbli li jiġu kkwantifikati r-riżultati tal-bijodiversità mtejba f’termini numeriċi. Madankollu, l-isforzi li saru, u r-riżultati miksuba jridu jkunu deskrivibbli, għalkemm mhux neċessarjament f’termini numeriċi: pereżempju, il-partijiet għandhom jidentifikaw liema pjanti huma l-inqas li jagħmlu ħsara lill-insetti, jew liema varjetajiet oriġinali għandhom jitħawlu.

3.2.3.   L-istandards ta’ sostenibbiltà jridu jkunu ogħla mill-istandard obbligatorju rilevanti

(57)

L-istandard ta’ sostenibbiltà li ftehim ta’ sostenibbiltà kopert mill-Artikolu 210a għandu l-għan li japplika, irid ikun ogħla minn dak li huwa mitluba mid-dritt tal-Unjoni jew mil-liġi nazzjonali. Dan ifisser li l-istandard ta’ sostenibbiltà jrid jimponi rekwiżiti ta’ sostenibbiltà li jaqbżu dak li huwa meħtieġ minn standard obbligatorju eżistenti. Jekk la l-liġi tal-Unjoni u lanqas dik nazzjonali ma jimponu rekwiżit ta’ sostenibbiltà speċifiku, il-ftehim irid jintroduċi rekwiżiti ta’ sostenibbiltà.

(58)

Standard obbligatorju huwa standard stabbilit fil-livell tal-Unjoni jew f’dak tal-Istati Membri li jistipula l-livelli, is-sustanzi, il-prodotti jew it-tekniki li jridu jinkisbu/jintużaw jew li għandhom jiġu evitati minn produtturi jew operaturi individwali. L-istandards jew il-miri li huma vinkolanti fuq l-Istati Membri, iżda mhux fuq impriżi individwali, ma humiex ikkunsidrati standards obbligatorji għall-finijiet tal-Artikolu 210a.

Eżempju ta’ mira vinkolanti għall-Istati Membri, iżda mhux għall-individwi: Il-proposta tal-Kummissjoni għal regolament għall-użu sostenibbli tal-pestiċidi (29) tistabbilixxi miri biex kemm l-użu ġenerali u r-riskju ta’ pestiċidi kimiċi kif ukoll l-użu ta’ pestiċidi “aktar perikolużi” jitnaqqsu b’50 % sal-2030. Filwaqt li dawk il-miri jkunu vinkolanti fuq l-Istati Membri, dawn ma jkunux vinkolanti fuq l-individwi. Għalhekk, dawk il-miri ma jitqisux bħala standards obbligatorji għall-finijiet tal-Artikolu 210a.

Eżempju ta’ mira vinkolanti fuq reġjun, iżda mhux fuq individwi: F’xenarju fejn tiġi adottata l-proposta għal regolament għall-użu sostenibbli tal-pestiċidi, reġjun jista’ jiddeċiedi li jimponi waħdu mira li, sal-2030, inaqqas progressivament l-użu tal-pestiċidi b’50 %. Filwaqt li deċiżjoni bħal din tkun vinkolanti fuq ir-reġjun, din ma torbotx lill-individwi. Għalhekk, tali deċiżjoni ma titqiesx bħala standard obbligatorju għall-finijiet tal-Artikolu 210a.

Eżempju ta’ mira vinkolanti għall-individwi: F’xenarju fejn tiġi adottata l-proposta għal regolament għall-użu sostenibbli tal-pestiċidi, Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jimplimenta rekwiżit vinkolanti fuq il-produtturi biex inaqqsu b’mod progressiv l-użu tal-pestiċidi b’livelli differenti (pereżempju 30/50/70 %) f’setturi differenti sal-2030. Tali dispożizzjonijiet nazzjonali jkunu vinkolanti fuq l-individwi, u għalhekk jitqiesu standards obbligatorji għall-finijiet tal-Artikolu 210a.

(59)

Irrispettivament minn jekk l-operaturi ta’ pajjiż mhux tal-UE humiex partijiet għal ftehim ta’ sostenibbiltà, l-istandards obbligatorji għandhom jinftiehmu bħala standards tal-Unjoni jew standards stabbiliti mill-Istati Membri. Fejn il-ftehim ta’ sostenibbiltà jirreferi għal standard ta’ pajjiż mhux tal-UE, l-istandard ta’ pajjiż mhux tal-UE jeħtieġ li jmur lil hinn mill-istandard obbligatorju korrispondenti tal-Unjoni jew, fin-nuqqas tiegħu, ta’ standards obbligatorji tal-Istati Membri sabiex jibbenefika mill-esklużjoni skont l-Artikolu 210a.

Eżempju 1: Produttur tal-kawkaw ta’ pajjiż mhux tal-UE jidħol fi ftehim ta’ sostenibbiltà ma’ manifattur taċ-ċikkulata tal-Unjoni li għandu l-għan li jmur lil hinn minn standard obbligatorju tal-Unjoni jew tal-Istati Membri. Għalhekk, il-ftehim ta’ sostenibbiltà jista’ jibbenefika mill-esklużjoni skont l-Artikolu 210a.

Eżempju 2: Produttur tal-kawkaw ta’ pajjiż mhux tal-UE jidħol fi ftehim ta’ sostenibbiltà ma’ manifattur taċ-ċikkulata tal-Unjoni li għandu l-għan li jmur lil hinn minn standard obbligatorju ta’ pajjiż mhux tal-UE. Il-ftehim ta’ sostenibbiltà jista’ jibbenefika mill-esklużjoni skont l-Artikolu 210a biss sakemm dan imur lil hinn minn standard obbligatorju tal-Unjoni jew, fin-nuqqas tiegħu, minn standard obbligatorju ta’ Stat Membru.

(60)

Jekk standard obbligatorju fi Stat Membru jkun aktar strett jew ambizzjuż mill-istandard korrispondenti tal-Unjoni, il-produtturi u l-operaturi attivi f’dak l-Istat Membru jeħtiġilhom jirrispettaw dak l-istandard nazzjonali ogħla.

(61)

Skont l-ordni legali ta’ kull Stat Membru, jista’ jeżisti standard obbligatorju fil-livell reġjonali jew lokali. Standard obbligatorju għandu jinftiehem bħala l-istandard rilevanti għall-finijiet tal-Artikolu 210a jekk jiġi stabbilit fil-livell reġjonali jew lokali, u l-produzzjoni jew il-kummerċ rilevanti skont il-ftehim ta’ sostenibbiltà jseħħ f’dak ir-reġjun jew lokalità speċifika. Jekk ftehim ta’ sostenibbiltà jkopri diversi reġjuni jew lokalitajiet, kull wieħed bi standards obbligatorji differenti, l-istandard skont il-ftehim ta’ sostenibbiltà għandu jaqbeż l-istandard applikabbli tar-reġjun jew tal-lokalità fejn isseħħ il-produzzjoni jew il-kummerċ kopert mill-ftehim. Pereżempju, jekk il-ftehim ikollu l-għan li jtejjeb il-produzzjoni sostenibbli tat-tuffieħ, l-istandard rilevanti jkun dak applikabbli għar-reġjun jew il-lokalità fejn isseħħ il-produzzjoni tat-tuffieħ.

(62)

Il-ftehimiet ta’ sostenibbiltà jistgħu jkopru l-iskemi tal-kwalità stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (30), ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 (31), jew it-tikketti tal-kwalità li huma soġġetti għal-liġi nazzjonali rilevanti, iżda biss sal-punt li dawk l-iskemi u t-tikketti jirriflettu standards ogħla ta’ sostenibbiltà minn dawk li huma obbligatorji mid-dritt tal-Unjoni jew nazzjonali.

(63)

Fin-nuqqas ta’ standards obbligatorji fil-livell tal-Unjoni jew dak nazzjonali, il-ftehimiet ta’ sostenibbiltà mmirati lejn iż-żieda fil-livell ta’ sostenibbiltà se jkunu eliġibbli biex jibbenefikaw mill-esklużjoni skont l-Artikolu 210a. L-istess japplika għall-ftehimiet ta’ sostenibbiltà mmirati lejn l-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni jew il-konverżjoni bikrija għal standards obbligatorji tal-Ujoni jew dawk nazzjonali li ġew adottati u miftiehma iżda li għadhom ma daħlux fis-seħħ. L-operaturi jeħtiġilhom iżommu f’moħħhom li l-użu kontinwu tal-istess prattiki ta’ produzzjoni u ta’ kummerċ użati qabel u wara d-dħul fis-seħħ ta’ ftehim, jiġifieri li ma jsir l-ebda titjib f’termini tal-użu ta’ prattiki ta’ produzzjoni jew ta’ kummerċ aktar sostenibbli, tista’ tpoġġi f’dubju t-twettiq tat-test tal-indispensabbiltà kif deskritt fit-Taqsima 5 ta’ hawn taħt. Madankollu, jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet fejn l-operaturi jkunu bdew jiffaċċaw diffikultajiet akbar b’mod sinifikanti fiż-żamma tal-istess prattiki ta’ produzzjoni u ta’ kummerċ (kostijiet ogħla b’mod sinifikanti, restrizzjonijiet sinifikanti ta’ aċċess għal inputs essenzjali, eċċ.), li potenzjalment jiġġustifikaw il-ħtieġa ta’ kooperazzjoni.

(64)

Il-ftehimiet ta’ sostenibbiltà ma jibqgħux koperti mill-Artikolu 210a mill-mument li fih jidħlu fis-seħħ standards ekwivalenti jew aktar ambizzjużi tal-Unjoni jew dawk nazzjonali (Ara t-Taqsima 6.5).

(65)

Minħabba l-varjetà vasta ta’ tipi u ta’ kombinazzjonijiet ta’ standards obbligatorji ta’ sostenibbiltà fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali għal kull wieħed mill-objettivi ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 210a(3), f’dawn il-linji gwida ma huwiex possibbli li tiġi stabbilita lista eżawrjenti ta’ standards ta’ sostenibbiltà awtorizzati mid-dritt tal-Unjoni jew mil-liġi nazzjonali.

(66)

Bl-istess mod, ma huwiex possibbli li f’dawn il-linji gwida jiġi indikat l-ammont minimu li bih l-istandard ta’ sostenibbiltà adottat irid jaqbeż l-istandard obbligatorju. Minflok, l-ammont li bih l-istandard tas-sostenibbiltà jaqbeż l-istandard obbligatorju jeħtieġ li jiġi vvalutat fuq bażi ta’ każ b’każ, filwaqt li jitqiesu r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni imposti mill-ftehim ta’ sostenibbiltà u jekk dawn ir-restrizzjonijiet humiex indispensabbli (ara t-Taqsima 5).

Eżempju 1: Produtturi u operaturi jaqblu li jnaqqsu b’50 % il-volum ta’ ikel li jinħela fil-produzzjoni u fl-ipproċessar tal-piżelli billi jottimizzaw it-tekniki tal-ħsad, jinvestu f’kapaċità ta’ ħżin aktar effiċjenti u jtejbu l-imballaġġ. Ma hemm l-ebda standard obbligatorju ta’ sostenibbiltà għat-tnaqqis tal-iskart tal-ikel stabbilit fil-livell tal-Unjoni, u l-ebda standard nazzjonali ta’ sostenibbiltà applikabbli. F’każ bħal dan, l-istandard ta’ sostenibbiltà jkun ogħla minn dak li huwa meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni jew dik nazzjonali.

Eżempju 2: Il-produtturi u l-bejjiegħa bl-imnut tal-ħalib jaqblu li jappoġġaw il-konverżjoni għall-produzzjoni tal-ħalib organiku kif speċifikat fir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (32). Għalkemm ir-Regolament (UE) 2018/848 jistabbilixxi metodi ta’ produzzjoni li l-bdiewa jeħtieġ li jsegwu sabiex ikunu jistgħu jittikkettaw il-prodotti tagħhom bħala organiċi, dawk il-metodi ta’ produzzjoni ma humiex standards obbligatorji fil-livell tal-Unjoni jew f’dak nazzjonali. F’każ bħal dan, standard li jirrikjedi li l-ħalib jiġi prodott f’konformità mal-metodi ta’ produzzjoni organika jkun ogħla minn dak mitlub mid-dritt tal-Unjoni jew mil-liġi nazzjonali.

4.   RESTRIZZJONIJIET TAL-KOMPETIZZJONI

(67)

Din it-taqsima tispjega t-tipi ta’ restrizzjonijiet li x’aktarx jaqgħu taħt l-Artikolu 101(1) tat-TFUE, u li għalhekk jistgħu potenzjalment jibbenefikaw mill-esklużjoni skont l-Artikolu 210a jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 210a.

(68)

Din it-taqsima ma tqisx jekk restrizzjonijiet partikolari tal-kompetizzjoni li x’aktarx jaqgħu taħt l-Artikolu 101(1) tat-TFUE humiex probabbli li jissodisfaw ir-rekwiżiti għall-eżenzjoni skont l-Artikolu 101(3) tat-TFUE. Din it-taqsima lanqas ma hija maħsuba sabiex tipprovdi diskussjoni eżawrjenti ta’ meta l-ftehimiet ta’ sostenibbiltà jillimitaw jew ma jillimitawx il-kompetizzjoni.

4.1.   X’inhi restrizzjoni tal-kompetizzjoni?

(69)

Kunċett ewlieni sabiex jinftiehem x’jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni huwa l-kunċett ta’ “parametri tal-kompetizzjoni”. In-negozji jikkompetu billi jagħmlu offerta lill-klijenti li hija aktar attraenti mill-offerti ta’ fornituri alternattivi fiċ-ċirkostanzi partikolari. Għalkemm il-prezz jista’ jkun l-aktar fattur importanti għal xi xerrejja, fatturi oħrajn ukoll jista’ jkollhom rwol. Pereżempju, fornitur partikolari jista’ joffri prodott ta’ kwalità aħjar, karatteristiċi aħjar, aktar varjetà, servizz aħjar, aktar innovazzjoni. Ċerti fatturi jistgħu jaffettwaw il-kapaċità ta’ fornitur li jnaqqas il-prezz tiegħu jew itejjeb il-karatteristiċi, bħall-kapaċità tal-fornitur li jipproduċi livell partikolari ta’ output b’kost aktar baxx mill-kompetituri tiegħu, metodi u teknoloġiji ta’ produzzjoni aktar effiċjenti, sorsi ta’ provvista, trasport, u loġistika. Tali fatturi tal-prezz u mhux tal-prezz jissejħu kollettivament “parametri tal-kompetizzjoni”.

(70)

Ftehim ikun jirrestrinġi l-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) TFUE jekk x’aktarx ikollu impatt fuq il-parametri rilevanti tal-kompetizzjoni f’suq partikolari. Ftehim jista’ jirrestrinġi l-kompetizzjoni minħabba li jkun fih obbligu espliċitu jew impliċitu li ma ssirx kompetizzjoni fir-rigward ta’ parametru wieħed jew aktar tal-kompetizzjoni. Jista’ wkoll jillimita l-kompetizzjoni billi jnaqqas ir-rivalità bejn il-partijiet għall-ftehim jew inaqqas ir-rivalità bejniethom u partijiet terzi (33) . L-Anness E jipprovdi ħarsa ġenerali lejn xi wħud mit-tipi ewlenin ta’ restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li jistgħu jinstabu fil-ftehimiet ta’ sostenibbiltà, flimkien ma’ kif it-tipi differenti ta’ restrizzjonijiet jistgħu jiġu applikati fil-prattika.

(71)

F’xi każijiet, il-ftehim ta’ sostenibbiltà inkwistjoni jista’ jitqies, min-natura tiegħu stess, li jirrestrinġi l-kompetizzjoni. Pereżempju, ftehim bejn grupp ta’ impriżi f’kompetizzjoni li kull waħda minnhom se titlob l-istess prezzijiet lill-klijenti rispettivi tagħha huwa minnu nnifsu probabbli li jirrestrinġi l-kompetizzjoni.

(72)

F’każijiet oħra, filwaqt li l-ftehim ta’ sostenibbiltà kkonċernat ma jistax jitqies, min-natura tiegħu stess, li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, xorta jista’ jkollu l-effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni. F’każijiet bħal dawn, jekk ftehim ta’ sostenibbiltà huwiex probabbli li jirrestrinġi l-kompetizzjoni jiddependi fuq diversi fatturi, inkluż is-sehem tas-suq li huwa affettwat mill-ftehim ta’ sostenibbiltà jew jekk hemmx impriżi oħrajn li jkunu jistgħu jibdew jipproduċu prodotti kompetittivi. Dan għaliex, jekk ikun hemm biżżejjed produtturi li ma humiex koperti mill-ftehim ta’ sostenibbiltà, il-klijenti jkomplu jkollhom alternattivi kompetittivi, u għalhekk il-ftehim ta’ sostenibbiltà inkwistjoni x’aktarx li ma jillimitax il-kompetizzjoni.

(73)

Ftehim ta’ sostenibbiltà jista’ jkun fih diversi restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni. Pereżempju, inizjattiva dwar it-trattament xieraq tal-annimali jista’ jkun fiha ftehim speċifiku dwar ħlas addizzjonali obbligatorju li jrid jitħallas lill-bdiewa li jissodisfaw ċerti kriterji dwar it-trattament xieraq tal-annimali, meta l-ftehim dwar il-ħlas addizzjonali jkun ftehim dwar komponent tal-prezz. Dawn il-kriterji jistgħu jinkludu wkoll rekwiżiti għall-ammont ta’ spazju disponibbli għal annimali individwali, li jistgħu jnaqqsu n-numru ta’ annimali li jistgħu jiġu mrobbija (restrizzjoni fuq l-output), jew jistgħu jispeċifikaw rekwiżiti partikolari ta’ għalf (restrizzjoni fuq l-input).

(74)

Sabiex ftehim ta’ sostenibbiltà jirrestrinġi l-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) tat-TFUE, l-għadd ta’ restrizzjonijiet f’dak il-ftehim huwa irrilevanti sakemm il-ftehim jinkludi mill-inqas restrizzjoni waħda bħal din.

Eżempju ta’ ftehim li jirrestrinġi l-kompetizzjoni: Sabiex jitnaqqas it-tniġġis u jiġu protetti s-sistemi tal-ilma, il-bdiewa tas-sojja f’reġjun iridu jieqfu jużaw il-fertilizzanti kimiċi. Madankollu, minħabba t-tnaqqis potenzjali fir-rendiment u t-telf finanzjarju li kieku kellhom jimplimentaw inizjattiva bħal din waħedhom, huma jaqblu mhux biss li jwaqqfu l-użu ta’ fertilizzanti kimiċi, iżda wkoll li jżidu l-prezzijiet tagħhom għal kull tunnellata biex jinżamm il-livell preċedenti ta’ profittabbiltà. Dan il-ftehim ta’ sostenibbiltà x’aktarx li jirrestrinġi l-kompetizzjoni billi jillimita l-kapaċità tal-bdiewa li jistabbilixxu l-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom stess.

Eżempju ta’ ftehim li x’aktarx ma jirristrinġix il-kompetizzjoni: Grupp ta’ bdiewa li jixtiequ jieqfu jużaw fertilizzanti kimiċi joħolqu marka ta’ kwalità għal “sojja sostenibbli” li tkun ġiet prodotta mingħajr fertilizzanti kimiċi. L-eliminazzjoni tal-użu ta’ fertilizzanti kimiċi x’aktarx li tnaqqas ir-rendimenti, li potenzjalment tnaqqas l-introjtu tal-farm. Għalhekk, il-grupp jinvesti ħafna fis-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi dwar il-marka tal-kwalità u dwar il-benefiċċji ambjentali tal-eliminazzjoni tal-fertilizzanti kimiċi sabiex jikkonvinċi lill-konsumaturi li sojja sostenibbli għandha valur akbar mis-sojja prodotta b’fertilizzanti kimiċi. Kwalunkwe bidwi li jiċċertifika li s-sojja tiegħu tkun ġiet prodotta mingħajr fertilizzanti kimiċi jista’ jipparteċipa fl-iskema, u jista’ jħalli l-iskema fi kwalunkwe ħin. Għall-kuntrarju tal-eżempju preċedenti, ma hemm l-ebda dispożizzjoni li tistabbilixxi l-prezzijiet.

Il-ftehim ta’ sostenibbiltà x’aktarx li ma jirrestrinġix il-kompetizzjoni. Huwa possibbli li l-iskema jkollha l-effett li tirrestrinġi l-kompetizzjoni jekk għadd kbir ta’ produtturi tas-sojja jissieħbu fl-iskema, u b’hekk tillimita b’mod effettiv il-kapaċità tal-klijenti li ma jridux jixtru sojja sostenibbli malli jagħmlu dan. Madankollu, jekk għadd limitat biss ta’ produtturi tas-sojja jissieħbu fl-iskema pereżempju produtturi li jirrappreżentaw anqas minn 10 % tal-provvista, kwalunkwe restrizzjoni tal-kompetizzjoni x’aktarx li tkun insinifikanti, minħabba li t-tnaqqis li jirriżulta fil-livelli ta’ output ma jkunx sinifikanti u l-klijenti jkomplu jkollhom alternattivi jekk ma jkunux iridu jew ma jkunux jistgħu jħallsu aktar għal sojja sostenibbli.

4.2.   X’inhu dak li ma huwiex restrizzjoni tal-kompetizzjoni?

(75)

Mhux il-ftehimiet kollha ta’ sostenibbiltà jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Meta tali ftehimiet ta’ sostenibbiltà ma jaffettwawx il-parametri tal-kompetizzjoni, bħall-prezz, il-kwantità, il-kwalità, l-għażla jew l-innovazzjoni, x’aktarx li ma jkunux jirrestrinġu l-kompetizzjoni. L-eżempji fil-paragrafi li ġejjin huma illustrattivi u ma humiex eżawrjenti.

(76)

L-ewwel nett, il-ftehimiet ta’ sostenibbiltà li ma jikkonċernawx l-attività ekonomika tal-kompetituri, iżda l-imġiba korporattiva interna tagħhom, x’aktarx li ma jirrestrinġux il-kompetizzjoni. Pereżempju, il-kompetituri jistgħu jfittxu li jtejbu r-reputazzjoni ġenerali tal-industrija li tkun ambjentalment responsabbli. Għal dak il-għan, huma jistgħu jaqblu dwar miżuri biex jeliminaw il-plastiks li jintużaw darba fil-bini tan-negozju tagħhom, li ma jaqbżux ċerta temperatura ambjentali fil-bini, jew li jillimitaw l-għadd ta’ materjal stampat kuljum.

(77)

It-tieni, il-ftehimiet ta’ sostenibbiltà x’aktarx li ma jirrestrinġux il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) tat-TFUE jekk jikkonċernaw: il-ħolqien ta’ bażi tad-data li jkun fiha informazzjoni dwar il-fornituri li jkollhom ktajjen tal-valur sostenibbli, bl-użu ta’ proċessi ta’ produzzjoni sostenibbli u l-għoti ta’ inputs sostenibbli, jew id-distributuri li jbigħu prodotti b’mod sostenibbli, mingħajr il-ħtieġa li l-partijiet għall-ftehimiet jixtru minn dawk il-fornituri jew li jbigħu lil dawk id-distributuri.

(78)

It-tielet, il-ftehimiet ta’ sostenibbiltà bejn il-kompetituri x’aktarx li ma jirrestrinġux il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) tat-TFUE jekk jikkonċernaw: l-organizzazzjoni ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni madwar l-industrija kollha jew kampanji li jżidu l-għarfien tal-klijenti dwar l-impronta ambjentali tal-konsum tagħhom, mingħajr ma tali kampanji jammontaw għal reklamar konġunt ta’ prodotti partikolari.

(79)

Meta ftehim ta’ sostenibbiltà ma jimponix restrizzjoni fuq il-kompetizzjoni, l-Artikolu 101(1) tat-TFUE ma japplikax u għalhekk il-ftehim ta’ sostenibbiltà ma jkunx jeħtieġ li jibbenefika mill-esklużjoni skont l-Artikolu 210a. F’dawk il-każijiet, il-partijiet għall-ftehimiet ta’ sostenibbiltà se jkunu liberi li jipproċedu bl-implimentazzjoni tal-ftehim.

5.   INDISPENSABBILTA SKONT L-ARTIKOLU 210A

5.1.   Introduzzjoni

(80)

L-Artikolu 210a(1) jipprevedi li l-Artikolu 101(1) tat-TFUE ma japplikax għal ftehimiet li jkunu relatati mal-produzzjoni jew mal-kummerċ ta’ prodotti agrikoli u li għandhom l-għan li japplikaw standard ta’ sostenibbiltà ogħla minn dak mitlub mid-dritt tal-Unjoni jew mil-liġi nazzjonali, jekk dawk il-ftehimiet jimponu biss restrizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li huma “indispensabbli” sabiex jiġi ssodisfat dak l-istandard ta’ sostenibbiltà. Għalhekk, l-indispensabbiltà hija waħda mill-kundizzjonijiet li l-operaturi jeħtieġ li jissodisfaw sabiex jibbenefikaw mill-esklużjoni skont l-Artikolu 210a.

(81)

Din it-taqsima tispjega kif il-kunċett ta’ indispensabbiltà għandu jinftiehem għall-finijiet tal-Artikolu 210a. Tipprovdi gwida dwar kif il-kundizzjoni ta’ indispensabbiltà tapplika għal diversi restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni skont l-istandards ta’ sostenibbiltà li jkunu qegħdin jiġu segwiti. Din it-taqsima ma għandhiex l-għan li tistabbilixxi forom u tipi speċifiċi ta’ restrizzjonijiet li l-partijiet jistgħu jew ma jistgħux jadottaw fil-ftehimiet ta’ sostenibbiltà tagħhom. Madankollu, minflok, hija għandha l-għan li tistabbilixxi metodoloġija għall-valutazzjoni taċ-ċirkostanzi li fihom it-tipi ewlenin ta’ restrizzjonijiet x’aktarx ikunu indispensabbli għall-kisba ta’ standard ta’ sostenibbiltà, u li turi metodoloġija bħal din bl-użu ta’ sett ta’ eżempji mhux eżawrjenti.

(82)

Qabel ma jivvalutaw jekk restrizzjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta minn ftehim ta’ sostenibbiltà hijiex indispensabbli, il-partijiet jeħtiġilhom l-ewwel jiddeterminaw jekk hemmx restrizzjoni tal-kompetizzjoni (ara t-Taqsima 4). Jekk il-ftehim ta’ sostenibbiltà inkwistjoni ma jirristrinġix il-kompetizzjoni, ma hemmx bżonn li l-indispensabbiltà tipi vvalutata. F’dawk il-każijiet, l-operaturi jistgħu jipproċedu direttament bl-implimentazzjoni tal-ftehim ta’ sostenibbiltà.

(83)

L-indispensabbiltà ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni skont l-Artikolu 210a trid tiġi vvalutata fir-rigward tal-istandard li l-ftehim ta’ sostenibbiltà jfittex li jikseb. L-issodisfar tal-istandard ta’ sostenibbiltà jista’ jfisser jew il-produzzjoni jew il-kummerċ ta’ prodotti agrikoli f’konformità mal-istandard.

(84)

Fl-aħħar nett, jekk ftehim ta’ sostenibbiltà ma jkunx indispensabbli, il-Kummissjoni jew l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jistgħu jinvestigaw dak il-ftehim u jivvalutaw jekk jiksirx l-Artikolu 101(1) tat-TFUE, jekk jikkwalifikax għal eżenzjoni skont l-Artikolu 101(3) tat-TFUE jew jekk jistax jibbenefika minn esklużjoni oħra mill-Artikolu 101(1) tat-TFUE. Dan jista’ jwassal għall-impożizzjoni ta’ multa jekk jinstab ksur tal-Artikolu 101(1) tat-TFUE u fejn ma tapplika l-ebda eżenzjoni jew esklużjoni oħra.

5.2.   Il-kunċett ta’ indispensabbiltà

(85)

Il-kunċett ta’ indispensabbiltà diġà jintuża fid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. L-Artikolu 101(3) tat-TFUE jipprevedi li l-projbizzjoni fl-Artikolu 101(1) tat-TFUE tista’ tiġi ddikjarata inapplikabbli għal ftehimiet li jgħinu fit-titjib tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni tal-merkanzija jew jgħinu fil-promozzjoni tal-progress tekniku jew ekonomiku filwaqt li jippermettu lill-konsumaturi sehem ġust tal-benefiċċji li jirriżultaw, u li: (i) ma jimponux restrizzjonijiet li ma humiex indispensabbli għall-ilħuq ta’ dawk l-objettivi; u (ii) jagħtu lill-impriżi kkonċernati l-possibilità li jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ parti sostanzjali tal-prodotti inkwistjoni.

(86)

Il-kunċett ta’ indispensabbiltà skont l-Artikolu 101(3) tat-TFUE huwa spjegat aktar fil-Linji Gwida dwar l-Artikolu 101(3) tat-TFUE (34) u huwa applikat regolarment fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (35).

(87)

Minħabba l-formulazzjoni simili tal-Artikolu 210a u tal-Artikolu 101(3) tat-TFUE, it-test għad-determinazzjoni ta’ jekk restrizzjoni hijiex indispensabbli skont l-Artikolu 101(3) tat-TFUE huwa punt tat-tluq utli għall-valutazzjoni tal-indispensabbiltà għall-finijiet tal-Artikolu 210a. Madankollu, hemm ċerti differenzi ewlenin bejn iż-żewġ artikoli, li bħala riżultat tagħhom l-istandard għall-indispensabbiltà neċessarjament ivarja.

(88)

Il-linji gwida dwar l-Artikolu 101(3) tat-TFUE jistabbilixxu test f’żewġ passi sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni humiex indispensabbli. Il-pass 1 tat-test iħares lejn jekk il-ftehim innifsu, jiġifieri l-ftehim li jaqa’ taħt l-Artikolu 101(1) tat-TFUE, huwiex raġonevolment meħtieġ biex jintlaħqu l-effiċjenzi maħluqa mill-ftehim. It-tieni pass jivvaluta jekk ir-restrizzjonijiet individwali tal-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-ftehim humiex ukoll raġonevolment meħtieġa biex jintlaħqu dawk l-effiċjenzi.

(89)

Għalkemm il-valutazzjoni tal-indispensabbiltà skont l-Artikolu 210a hija soġġetta wkoll għal test f’żewġ passi, tali test japplika f’qafas legali differenti mit-test f’żewġ stadji għall-finijiet tal-Artikolu 101(3) tat-TFUE. Il-koleġiżlaturi tal-Unjoni, jiġifieri l-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, qiesu li ċerti inizjattivi vertikali u orizzontali li jikkonċernaw prodotti agrikoli, li għandhom l-għan li japplikaw rekwiżiti li huma aktar stretti mir-rekwiżiti obbligatorji, jista’ jkollhom effetti pożittivi fuq l-objettivi ta’ sostenibbiltà (36). Il-koleġiżlaturi tal-Unjoni qiesu wkoll li tali ftehimiet jistgħu jsaħħu l-pożizzjoni tal-produtturi fil-katina tal-provvista u jżidu s-saħħa ta’ negozjar tagħhom (37) . Minħabba l-isfidi li jiffaċċaw l-operaturi fis-settur agrikolu u l-ħtieġa urġenti li javvanzaw is-sostenibbiltà, l-Unjoni adottat l-Artikolu 210a biex toħloq qafas li jeskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-TFUE (38) biex tinċentiva lill-operaturi biex jidħlu f’tali ftehimiet, dment li jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet. Għalhekk, l-istandard ta’ skrutinju meta jiġu vvalutati n-natura u l-intensità ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 210a huwa differenti minn dak għall-finijiet tal-Artikolu 101(3) tat-TFUE. Dan ifisser, fost l-oħrajn, li għall-finijiet tar-restrizzjonijiet tal-Artikolu 210a li jitqiesu bħala restrizzjonijiet serji għall-finijiet tal-Artikolu 101(1) tat-TFUE, bħal ftehimiet dwar l-iffissar tal-prezzijiet jew it-tnaqqis tal-output, tista’ titqies bħala indispensabbli jekk il-kundizzjonijiet deskritti fit-Taqsimiet 5.3 u 5.4 jkunu ssodisfati filwaqt li tali restrizzjonijiet x’aktarx ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-TFUE.

(90)

Fil-prattika, biex iwettqu l-valutazzjoni skont il-pass 1, l-operaturi jeħtiġilhom: (i) janalizzaw jekk huwiex meħtieġ li jikkooperaw sabiex jilħqu l-istandard ta’ sostenibbiltà minflok jagħmlu dan individwalment; u (ii) janalizzaw jekk l-istandard ta’ sostenibbiltà jistax jinkiseb permezz ta’ tip ieħor inqas restrittiv ta’ dispożizzjoni. Sabiex iwettqu l-valutazzjoni skont il-pass 2, l-operaturi jeħtiġilhom jikkunsidraw in-natura u l-intensità tar-restrizzjoni, u jiddeterminaw jekk tali restrizzjoni hijiex l-inqas mezz restrittiv disponibbli biex jintlaħaq l-istandard ta’ sostenibbiltà.

5.3.   Pass 1 - L-indispensabbiltà tal-ftehim ta’ sostenibbiltà

(91)

L-ewwel pass tat-test tal-indispensabilità għall-finijiet tal-Artikolu 101(3) tat-TFUE jara jekk il-ftehim ta’ sostenibbiltà huwiex raġonevolment meħtieġ sabiex jinkisbu l-effiċjenzi maħluqa mill-ftehim. B’analoġija, għall-finijiet tal-Artikolu 210a, il-pass 1 jivvaluta jekk il-ftehim ta’ sostenibbiltà huwiex raġonevolment meħtieġ sabiex jintlaħaq l-istandard ta’ sostenibbiltà segwit. Dan ifisser li l-ilħuq tal-istandard ta’ sostenibbiltà għandu jkun “speċifiku” għall-ftehim inkwistjoni. Din it-taqsima tispjega x’dan jinvolvi fil-prattika.

(92)

Bħala kunsiderazzjoni ġenerali, in-natura u l-objettivi tal-Artikolu 210a jippresupponu li ftehim ta’ sostenibbiltà jkollu dispożizzjoni waħda jew aktar. Mill-inqas, kull ftehim ta’ sostenibbiltà għandu jkollu dispożizzjoni li permezz tagħha l-operaturi jaqblu li japplikaw kollettivament standard ta’ sostenibbiltà li jkun ogħla mir-regoli obbligatorji tal-Unjoni jew dawk nazzjonali. Minbarra li jaqblu dwar l-istandard ta’ sostenibbiltà, l-operaturi jaf ikollhom bżonn jaqblu dwar kwistjoni waħda jew aktar relatati mal-produzzjoni, jew mal-kummerċ ta’ prodotti agrikoli sabiex jiżviluppaw jew jimplimentaw b’mod effettiv l-istandard ta’ sostenibbiltà. Tali dispożizzjonijiet jistgħu jkunu relatati mal-parametri tal-kompetizzjoni, pereżempju, il-prezz li bih jinbiegħ il-prodott, il-prezz tal-inputs meħtieġa għall-produzzjoni tiegħu, l-ammont tal-prodott li jkun prodott, kif jitqassam jew jiġi kkummerċjalizzat il-prodott, u ċ-ċertifikazzjoni tal-prodott.

(93)

Meta tiġi vvalutata l-indispensabbiltà ta’ ftehim ta’ sostenibbiltà, wieħed jeħtieġlu jivvaluta kull dispożizzjoni tal-ftehim individwalment. Pereżempju, għalkemm jistgħu jkunu raġonevolment meħtieġa dispożizzjonijiet ta’ ċertu ftehim ta’ sostenibbiltà dwar il-prezz biex jintlaħaq standard ta’ sostenibbiltà partikolari, dispożizzjonijiet oħra fil-ftehim, relatati pereżempju mal-output, jistgħu ma jkunux raġonevolment meħtieġa. Dan għaliex il-kwistjoni li d-dispożizzjoni dwar l-output għandha l-għan li tindirizza tista’ tiġi solvuta b’mod effettiv mill-partijiet b’mod unilaterali, aktar milli permezz ta’ kooperazzjoni, jew minħabba li l-kwistjoni kkunsidrata tkun indirizzata b’mod effettiv ukoll minn dispożizzjonijiet li huma inqas restrittivi għall-kompetizzjoni.

(94)

Madankollu, l-operaturi jeħtiġilhom iħarsu wkoll lejn il-ftehim ta’ sostenibbiltà kollu kemm hu sabiex jivvalutaw jekk l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet varji tiegħu, meqjusa flimkien, tissodisfax l-istandard ta’ sostenibbiltà inkwistjoni. Dan jiġi diskuss aktar fit-Taqsimiet 5.3.1 u 5.3.2.

(95)

Barra minn hekk, aktar ma jkun faċli li jsir it-titjib tal-istandard tas-sostenibbiltà li l-operaturi għandhom l-għan jissodisfaw, meta mqabbel ma’ dak li diġà huwa mitlub mid-dritt tal-Unjoni jew mil-liġi nazzjonali, anqas ikun probabbli li l-operaturi jkollhom bżonn jikkooperaw jew li r-restrizzjonijiet magħżula jkollhom bżonn ikunu ta’ natura jew intensità aktar serja. Madankollu jista’ jkun hemm każijiet fejn il-kisba ta’ titjib saħansitra żgħir lil hinn mill-istandard obbligatorju f’termini ta’ produzzjoni jew kummerċ tista’ tinvolvi diffikultajiet sinifikanti għall-operaturi, li jiġġustifika l-kooperazzjoni bejniethom jew il-ftehim dwar ċerti restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni (it-twaqqif tal-użu ta’ ċertu pestiċida kimiku li ma għandu l-ebda alternattiva organika għall-but ta’ kulħadd fis-suq). Fl-istess ħin, jista’ jkun hemm ukoll sitwazzjonijiet fejn il-kisba ta’ titjib sinifikanti lil hinn mill-istandard obbligatorju tista’ fil-fatt ma timplika l-ebda diffikultà għall-operaturi u fejn, bħala riżultat, il-kooperazzjoni jew il-ftehim dwar ir-restrizzjonijiet ma jitqisux indispensabbli (it-twaqqif tal-użu ta’ sett ta’ pestiċidi li għalihom hemm alternattivi organiċi għall-but ta’ kulħadd).

Eżempju 1: Il-produtturi tal-għeneb li joperaw b’marġni baxxi u li jinsabu f’ċertu reġjun jiddeċiedu b’mod kollettiv li jnaqqsu l-użu kimiku tal-pestiċidi bi 52 % filwaqt li l-istandard mitlub mil-liġi jirrikjedi biss tnaqqis ta’ 50 %. Huma jiddeċiedu li jnaqqsu l-użu tagħhom ta’ pestiċidi kimiċi billi minflok jixtru pestiċidi organiċi. Il-kostijiet addizzjonali li l-produtturi jġarrbu sabiex jixtru pestiċidi organiċi huma kemxejn ogħla mill-kostijiet li kieku jġarrbu sabiex jixtru pestiċidi kimiċi. Sabiex jilħqu l-istandard, il-produtturi jaqblu kollettivament dwar prezz fiss għall-għeneb aktar sostenibbli.

Minħabba li l-pestiċidi organiċi huma kemxejn aktar għaljin u li l-produtturi joperaw fuq marġnijiet baxxi, u għalhekk ma għandhom l-ebda inċentiv sabiex iġarrbu individwalment dawk il-kostijiet, x’aktarx li tkun meħtieġa l-kooperazzjoni. Madankollu, il-ftehim li jiġi impost prezz fiss downstream x’aktarx li ma jkunx meħtieġ minħabba t-titjib f’termini ta’ sostenibbiltà li l-ftehim qed jimmira għalih. Għalkemm il-qbil dwar prezz fiss jipprovdi remunerazzjoni suffiċjenti għall-produtturi u jiżgura li jintlaħaq l-istandard, jidher li hemm alternattiva inqas restrittiva. F’dak il-każ, ftehim sabiex l-użu tal-pestiċidi jitnaqqas b’mod kollettiv bi 2 % addizzjonali jidher li huwa l-anqas mod restrittiv sabiex jintlaħaq l-istandard, minħabba li l-kostijiet addizzjonali għax-xiri tal-pestiċidi organiċi huma żgħar u se jġarrbuhom il-produtturi kollha fir-reġjun. Dan jipprevjeni sitwazzjoni fejn xi wħud mill-produtturi biss ma jibqgħux kompetittivi minħabba l-kostijiet addizzjonali mġarrba.

Eżempju 2: Sabiex jittejjeb it-trattament xieraq tal-pollam imrobbi għal-laħam, il-produtturi jaqblu li jwettqu kontrolli annwali tal-kwalità tal-ilma kkunsmat mill-pollam. L-għan tal-kontrolli huwa li jivvalutaw il-livell ta’ kontaminanti tal-ilma bħall-metalli tqal u s-sustanzi kimiċi, u meta dawn jinsabu, li jindirizzaw livelli eċċessivi ta’ kontaminanti bħal dawn. Skont il-ftehim, il-produtturi jeħtiġilhom iwettqu l-kontrolli huma stess billi jużaw tagħmir li jkun għall-but ta’ kulħadd u li jrid jinxtara darba, u ma jirrikjedix li jintuża għarfien espert xjentifiku. Ma hemm l-ebda standard speċifiku tal-Unjoni jew nazzjonali li jitlob li jitwettqu tali kontrolli, lil hinn minn rekwiżit ġenerali li l-annimali jirċievu ilma tajjeb għax-xorb. Minħabba l-kontrolli annwali tal-ilma, il-kostijiet tal-produzzjoni jiżdiedu bi ftit. B’riżultat ta’ dan, il-produtturi tal-pollam jaqblu dwar obbligi ta’ xiri esklużiv mix-xerrejja tal-laħam tal-pollam sabiex jirkupraw il-kostijiet addizzjonali billi jkollhom ċertezza li l-produzzjoni tagħhom tinxtara.

Il-kooperazzjoni tal-produtturi tal-pollam x’aktarx li ma tkunx meħtieġa, minħabba li t-titjib f’termini tat-trattament xieraq tal-annimali ma jidhirx li jiġġustifika r-restrizzjonijiet previsti. Kull produttur jista’ effettivament jilħaq l-istandard waħdu, peress li l-produtturi ma jeħtiġux l-għarfien jew l-għarfien espert tal-kompetituri tagħhom biex jilħqu l-istandard. Barra minn hekk, produttur individwali jista’ jilħaq l-istandard ta’ sostenibbiltà mingħajr ma jġarrab kostijiet addizzjonali sinifikanti li kienu jpoġġuh fi żvantaġġ meta mqabbel ma’ produtturi oħrajn li ma jimplimentawx l-istandard. Barra minn hekk, anke jekk il-kooperazzjoni titqies neċessarja, ma huwiex probabbli li jkun indispensabbli għall-produtturi li jaqblu max-xerrejja dwar l-obbligi ta’ xiri esklużiv, minħabba l-kostijiet relattivament baxxi li jġarrbu l-produtturi għall-ittestjar tal-kwalità tal-ilma.

(96)

Fl-aħħar nett, l-operaturi jeħtiġilhom jivvalutaw l-indispensabbiltà tar-restrizzjoni fil-kuntest attwali li fih jopera l-ftehim ta’ sostenibbiltà, filwaqt li jitqiesu l-istruttura tas-suq, ir-riskji assoċjati mal-ftehimiet ta’ sostenibbiltà u l-inċentivi li jiffaċċaw il-partijiet. Jekk l-ilħuq tal-istandard tas-sostenibbiltà jsir aktar inċert fin-nuqqas tar-restrizzjoni speċifika, ikun aktar probabbli li r-restrizzjoni ssir meħtieġa biex jiġi żgurat l-ilħuq tal-standard.

5.3.1.   L-istandard tas-sostenibbiltà jista’ jiġi ssodisfat bl-istess mod billi tittieħed azzjoni individwali?

(97)

Sabiex jiġi vvalutat jekk ftehim ta’ sostenibbiltà huwiex raġonevolment meħtieġ sabiex jiġi ssodisfat standard ta’ sostenibbiltà, huwa meħtieġ li jiġi vvalutat jekk huwiex possibbli għall-partijiet li jissodisfaw l-istandard ta’ sostenibbiltà waħedhom, billi jaġixxu individwalment, minflok milli b’kooperazzjoni. Għalhekk, l-operaturi jeħtiġilhom jidentifikaw għaliex jeħtieġ li jikkooperaw u x’jista’ jżommhom milli jissodisfaw l-istandard waħedhom. Meta jagħmlu tali valutazzjoni, jeħtiġilhom iqisu l-kundizzjonijiet tas-suq u r-realtajiet tan-negozju li qegħdin jiffaċċjaw li huma rilevanti għall-issodisfar tal-istandard ta’ sostenibbiltà inkwistjoni. Jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet fejn standard ta’ sostenibbiltà jista’ jintlaħaq permezz ta’ azzjoni individwali, iżda l-operaturi jistgħu jilħquh aktar malajr u b’inqas kostijiet u sforz permezz tal-kooperazzjoni. B’riżultat ta’ dan, il-kooperazzjoni tista’ tkun raġonevolment meħtieġa biex jintlaħaq l-istandard għalkemm l-operaturi xorta jkollhom bżonn jiżguraw li kwalunkwe restrizzjoni tal-kompetizzjoni prevista fil-ftehim tkun indispensabbli wkoll, kif huwa spjegat fit-taqsima 5.4.

(98)

Pereżempju, jekk il-produtturi ta’ prodotti agrikoli ma jkunux jistgħu jissodisfaw standard ta’ sostenibbiltà minħabba li ma jkollhomx l-esperjenza jew l-għarfien meħtieġa f’qasam partikolari, allura l-kooperazzjoni ma’ operaturi oħrajn f’livelli differenti tal-katina tal-provvista agroalimentari li għandhom esperjenza jew għarfien bħal dawn tista’ tkun indispensabbli. Madankollu, jekk il-produtturi ta’ prodotti agrikoli jkunu jistgħu faċilment jiksbu dan l-għarfien waħedhom mingħajr investiment sinifikanti fil-ħin jew fil-flus, ma huwiex probabbli li jkollhom bżonn jikkooperaw sabiex jilħqu l-istandard tas-sostenibbiltà.

(99)

Bl-istess mod, il-produtturi ta’ prodotti agrikoli jista’ ma jkollhomx l-inċentiv li jħallsu l-kostijiet meħtieġa jew li jagħmlu l-investiment meħtieġ biex jilħqu l-istandard tas-sostenibbiltà minħabba li ma jkunux jistgħu jirkupraw dawk il-kostijiet jew dak l-investiment, jew ma jkunux jistgħu jġarrbu dawk il-kostijiet jew l-investimenti waħedhom. Il-kooperazzjoni ma’ operaturi oħra f’livelli differenti tal-katina tal-provvista agroalimentari li huma lesti li jikkofinanzjaw l-ilħuq tal-istandard tas-sostenibbiltà tista’ mbagħad tkun indispensabbli. B’kuntrast ma’ dan, il-kooperazzjoni bejn il-produtturi tista’ ma tkunx indispensabbli jekk l-ilħuq tal-istandard tas-sostenibbiltà jkun jirrikjedi investiment li l-ammont tiegħu ma jżidx materjalment mal-investiment staġunali jew annwali li l-produtturi kieku jagħmlu għall-produzzjoni konvenzjonali tagħhom.

(100)

Barra minn hekk, il-produzzjoni jew il-kummerċ ta’ prodott b’mod aktar sostenibbli jistgħu jkunu profittabbli biss jekk volum akbar ta’ prodotti jiġi prodott jew ikkummerċjalizzat b’mod sostenibbli. F’dan il-każ, ftehim bejn l-operaturi li kollha jipproduċu jew jikkummerċjalizzaw il-prodott partikolari b’mod sostenibbli jista’ jitqies bħala indispensabbli. Eżempju jkun l-użu ta’ logos/tikketti biex jiġu identifikati prodotti li jissodisfaw ċerti rekwiżiti ta’ sostenibbiltà, filwaqt li tinkiseb aktar fiduċja mill-konsumaturi. Eżempju ieħor ikun l-użu ta’ pjattaforma li tippermetti lill-produtturi jaqsmu tagħmir innovattiv u l-kostijiet għax-xiri/iż-żamma ta’ tali tagħmir biex jipproduċu b’mod aktar sostenibbli. Fl-ewwel każ, aktar ma jkun hemm operaturi li jipproduċu jew jikkummerċjalizzaw b’mod sostenibbli u jużaw il-logo korrispondenti, aktar ikun probabbli li l-bejjiegħa bl-imnut u l-konsumaturi jipperċepixxu dak il-logo bħala affidabbli, li min-naħa tiegħu jsaħħaħ ir-redditu ekonomiku potenzjali għall-operaturi li jbigħu prodotti li jkollhom il-logo. Fit-tieni eżempju, aktar ma jkun hemm produtturi li jaqblu li jużaw il-pjattaforma u jagħmlu t-tagħmir tagħhom disponibbli għal oħrajn, aktar ikun kbir il-benefiċċju li kull produttur individwali jikseb mill-parteċipazzjoni fil-pjattaforma.

(101)

Jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet fejn l-operaturi jkollhom bżonn jikkooperaw minħabba li inkella jkun hemm riskju li kull operatur ikollu jġarrab riżorsi u żmien sinifikanti fuq l-iżvilupp ta’ metodi ta’ produzzjoni differenti sabiex jissodisfa l-istandard tas-sostenibbiltà.

(102)

B’kuntrast ma’ dan, jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet fejn l-iżvilupp konġunt ta’ metodu ta’ produzzjoni ma joħloqx effiċjenzi, u fejn l-iżvilupp indipendenti minn produttur individwali joħloq valur miżjud akbar billi jilħaq l-istandard aktar malajr permezz ta’ kompetizzjoni ma’ operaturi oħra. Jista’ jkun hemm ukoll sitwazzjonijiet fejn il-kooperazzjoni ma tippermettix lill-operaturi jilħqu l-istandard tas-sostenibbiltà b’investiment ferm inqas f’termini ta’ żmien jew riżorsi meta mqabbla ma’ azzjoni individwali. F’każijiet bħal dawn, il-kooperazzjoni tista’ titqies mhux indispensabbli.

Eżempju: Il-produtturi fi Stat Membru jipprevedu li jidħlu fi ftehim ta’ sostenibbiltà li jistabbilixxi mira li 25 % tal-art tagħhom tiġi ddedikata għal skopijiet ta’ bijodiversità. Il-produtturi diġà jiddedikaw parti sinifikanti mill-art tagħhom għal skopijiet ta’ bijodiversità. Hemm domanda mix-xerrejja li tkopri l-kwantità ta’ prodotti li l-produtturi se jkunu jistgħu jikkultivaw mill-75 % l-oħra tal-art tagħhom. Ix-xerrejja ta’ dawk il-prodotti se jħallsu wkoll prezz li se jikkumpensa finanzjarjament lill-produtturi għat-titjib fil-bijodiversità li se jagħmlu.

F’każ bħal dan, ma hemm l-ebda kwistjoni li tipprevjeni lill-produtturi milli jilħqu l-istandard ta’ sostenibbiltà waħedhom minħabba li kull produttur diġà għandu l-esperjenza u l-għarfien meħtieġa biex jimplimenta t-titjib fil-bijodiversità. Barra minn hekk, il-produtturi jkunu jistgħu jirkupraw mingħand ix-xerrejja l-kostijiet tal-ilħuq tal-istandard tas-sostenibbiltà.

(103)

Jista’ jkun hemm ukoll sitwazzjonijiet li fihom l-operaturi jeħtieġ li jikkooperaw sabiex jittrattaw b’mod effettiv in-nuqqas ta’ informazzjoni li jkollhom il-konsumaturi dwar il-kwalitajiet ta’ sostenibbiltà tal-prodotti li jixtru. Azzjoni individwali jaf ma tkunx tista’ tiġbed l-attenzjoni tal-konsumaturi b’mod effettiv għall-kwistjoni u tikkonvinċihom jixtru prodotti aktar sostenibbli. Madankollu, azzjoni individwali tista’ tkun biżżejjed f’dawk il-każijiet fejn ikun hemm domanda tal-konsumatur mhux utilizzata għal prodott aktar sostenibbli, iżda meta l-eżistenza ta’ benefiċċji għas-sostenibbiltà ma tkunx ippreżentata b’mod ċar biżżejjed fil-prodotti offruti minn produtturi individwali, u meta kull produttur li jaġixxi b’mod indipendenti jista’ jipprovdi din l-informazzjoni faċilment.

(104)

F’każ li operatur ibati minn żvantaġġ ta’ min jidħol l-ewwel jekk ikollu l-għan li jilħaq l-istandard tas-sostenibbiltà individwalment, tista’ tkun meħtieġa kooperazzjoni sabiex il-kompetituri ma jitħallewx jagħmlu użu ħieles mill-investiment tal-ewwel attur. Inkella, il-kompetituri jistgħu sempliċiment jimplimentaw il-metodu ta’ produzzjoni jew ta’ kummerċjalizzazzjoni żviluppat mill-ewwel attur mingħajr ma jġarrbu kostijiet. Madankollu, jekk dak li jidħol l-ewwel ikun jista’ jipprevjeni l-approfittar permezz tal-użu ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li jimpedixxu lill-kompetituri milli jużaw dak il-metodu mingħajr ma jikkumpensaw lil dak li jidħol l-ewwel, jista’ ma jkunx meħtieġ li l-operaturi jikkooperaw sabiex jissodisfaw l-istandard.

(105)

Operatur li jaġixxi individwalment jista’ jbati wkoll minn żvantaġġ ta’ min jidħol l-ewwel jekk ikun jixtieq jipproduċi prodott aktar sostenibbli li l-prezz tiegħu jkun ogħla b’mod sinifikanti minn dak tal-alternattiva mhux sostenibbli. F’każ bħal dan, l-operatur jista’ jkollu diffikultajiet fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott aktar sostenibbli: il-klijenti tagħhom jista’ ma jkollhom l-ebda inċentiv biex joffru l-prodott bi prezz ogħla lill-konsumaturi finali minħabba li dawk il-konsumaturi x’aktarx ikomplu jixtru l-alternattiva li tiswa l-inqas flus. Dan jagħmel il-produzzjoni jew il-kummerċ tal-prodott sostenibbli improbabbli. F’dak il-każ, il-kooperazzjoni bejn l-operaturi tista’ tkun meħtieġa biex jiġi żgurat li l-piż finanzjarju u r-riskju tal-produzzjoni jew tal-kummerċ tal-prodott aktar sostenibbli fis-suq jinqasmu bejn operaturi differenti.

(106)

Ftehim ta’ sostenibbiltà jista’ jkollu l-għan li jilħaq standard ta’ sostenibbiltà li għalih l-operaturi jirċievu individwalment remunerazzjoni jew sussidji minn awtorità pubblika (eż. sussidji mill-PAK). Minbarra li jidentifikaw ir-raġuni jew ir-raġunijiet għaliex se jkollhom bżonn jikkooperaw, l-operaturi se jkollhom jivvalutaw bir-reqqa wkoll l-indispensabbiltà li jikkooperaw biex jilħqu l-istandard inkwistjoni, filwaqt li jżommu f’moħħhom tali remunerazzjoni jew sussidji. Jekk, minn naħa waħda, ir-remunerazzjoni jew is-sussidju inkwistjoni jkun biżżejjed sabiex l-operaturi jġarrbu n-nefqa meħtieġa sabiex jissodisfaw l-istandard ta’ sostenibbiltà waħedhom, jista’ jkun li ma jkollhomx bżonn jikkooperaw sabiex jissodisfaw l-istandard. Jekk, min-naħa l-oħra, ir-remunerazzjoni jew is-sussidju jkopri biss parti mill-kostijiet li jkunu jridu jiġġarrbu sabiex jiġi ssodisfat l-istandard ta’ sostenibbiltà, l-operaturi jista’ jkollhom bżonn jikkooperaw sabiex ikopru l-kostijiet pendenti.

(107)

Fl-aħħar nett, meta jivvalutaw jekk azzjoni individwali hijiex biżżejjed biex jintlaħaq standard speċifiku ta’ sostenibbiltà, l-operaturi jistgħu jirreferu għal inizjattivi unilaterali eżistenti li rnexxielhom jilħqu l-istess standard jew standard simili, filwaqt li jipproduċu jew jinnegozjaw ammont simili ta’ prodotti bħala indikazzjoni. Fl-istess ħin, l-eżistenza ta’ inizjattivi unilaterali li laħqu l-istess standard jew standard simili fiha nnifisha ma tipprekludix l-indispensabbiltà tal-operaturi li jikkooperaw. Pjuttost, se tkun meħtieġa valutazzjoni każ b’każ, minħabba li ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-operaturi li jixtiequ jikkooperaw, il-kundizzjonijiet prevalenti tas-suq fiż-żmien tal-ftehim u l-kwistjonijiet fl-ilħuq individwali tal-istandard inkwistjoni jistgħu jvarjaw.

5.3.2.   L-indispensabbiltà tad-dispożizzjoni(jiet) tal-ftehim ta’ sostenibbiltà

(108)

Wara li jkunu kkontrollaw li l-istandard tas-sostenibbiltà ma jistax jintlaħaq mill-partijiet jekk jaġixxu b’mod individwali, il-partijiet għal ftehim ta’ sostenibbiltà jkollhom jikkunsidraw jekk id-dispożizzjonijiet differenti tal-ftehim, pereżempju dawk relatati mal-prezz, mal-output, mal-innovazzjoni u mad-distribuzzjoni, jirrestrinġux il-kompetizzjoni u, jekk iva, jekk humiex indispensabbli sabiex jintlaħaq l-istandard ta’ sostenibbiltà. Fil-pass 1 tat-test tal-indispensabilità, l-operaturi għandhom iqabblu t-tipi ta’ dispożizzjonijiet li dwarhom jaqblu ma’ alternattivi possibbli, pereżempju l-prezz meta mqabbel maċ-ċertifikazzjoni; l-output meta mqabbel mal-ġbir flimkien tat-tagħmir; l-iskambju ta’ informazzjoni meta mqabbel mal-promozzjoni. L-indispensabbiltà tar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw minn dispożizzjoni, pereżempju l-iffissar tal-prezz totali għall-kuntrarju ta’ primjum fuq il-prezz, hija vvalutata fil-pass 2 tat-test tal-indispensabbiltà.

(109)

Fil-prattika, sabiex jiddeterminaw jekk dispożizzjoni partikolari hijiex indispensabbli biex jintlaħaq standard ta’ sostenibbiltà, il-partijiet għal ftehim ta’ sostenibbiltà jeħtiġilhom jidentifikaw il-kwistjonijiet li jżommuhom milli jilħqu l-istandard. Għal kull kwistjoni, l-operaturi jeħtiġilhom jivvalutaw xi tkun dispożizzjoni xierqa sabiex isolvu dan sabiex jilħqu l-istandard ta’ sostenibbiltà. Jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet fejn ikun hemm dispożizzjonijiet alternattivi xierqa biex tiġi indirizzata l-kwistjoni. Jekk tkun teżisti għażla bejn żewġ dispożizzjonijiet jew aktar bħal dawn, id-dispożizzjoni indispensabbli tkun dik li tirrestrinġi l-inqas il-kompetizzjoni. Jista’ jkun hemm ukoll sitwazzjonijiet fejn żewġ dispożizzjonijiet alternattivi xierqa jew aktar ikunu ugwalment restrittivi, jew fejn id-determinazzjoni tad-dispożizzjoni li hija l-inqas restrittiva tista’ tkun kumplessa ħafna. F’każijiet bħal dawn, l-operaturi huma liberi li jagħżlu liema dispożizzjoni għandhom jużaw, sakemm jikkonformaw mal-partijiet l-oħra tat-test tal-indispensabbiltà spjegat fit-Taqsima 5.4.

(110)

Pereżempju, l-operaturi jistgħu jiffaċċaw il-kwistjonijiet li ġejjin:

(a)

Jekk il-kwistjoni tkun relatata ma’ nuqqas ta’ fiduċja tal-konsumatur fl-istandard tas-sostenibbiltà, dispożizzjonijiet li jistgħu jkunu xierqa biex jindirizzaw il-kwistjoni, skont iċ-ċirkostanzi individwali tal-każ, jistgħu jinkludu l-ħtieġa tal-ħolqien ta’ logo/tikketta, li l-konformità magħhom tiġi vverifikata minn sistema ta’ ċertifikazzjoni indipendenti; jew il-promozzjooni u l-kummerċjalizzazzjoni b’mod konġunt tal-prodotti. B’kuntrast ma’ dan, ma huwiex probabbli li dispożizzjoni relatata mal-prezz imħallas lill-produtturi jew mal-volumi ta’ produzzjoni mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-klijenti downstream tkun xierqa biex tindirizza l-kwistjoni, minħabba li ma żżidx il-fiduċja tal-konsumaturi fl-istandard tas-sostenibbiltà.

Jekk iż-żewġ dispożizzjonijiet potenzjalment xierqa identifikati hawn fuq ikunu l-uniċi opzjonijiet xierqa li jindirizzaw il-kwistjoni tal-fiduċja tal-konsumatur, id-dispożizzjoni dwar il-ħolqien ta’ logo/tikketta x’aktarx li tkun dik li tillimita l-kompetizzjoni bl-anqas mod, u b’hekk tkun indispensabbli.

(b)

Jekk il-kwistjoni tkun relatata ma’ nuqqas ta’ għarfien u esperjenza dwar metodi ta’ produzzjoni aktar sostenibbli, dispożizzjonijiet li jistgħu jkunu xierqa biex jindirizzaw il-kwistjoni, skont iċ-ċirkostanzi individwali tal-każ, jistgħu jinkludu l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-metodi ta’ produzzjoni, pereżempju l-użu ta’ ċerti inputs jew tagħmir; il-ġbir flimkien ta’ ċerti attivitajiet, infrastruttura u tagħmir; jew attivitajiet konġunti ta’ riċerka u żvilupp. B’kuntrast ma’ dan, huwa improbabbli li dispożizzjoni dwar il-volum ta’ prodotti li jistgħu jiġu prodotti jew dwar id-distribuzzjoni jew il-promozzjoni tal-prodotti tkun xierqa biex tindirizza l-kwistjoni, minħabba li ma tkunx ittejjeb l-għarfien jew l-esperjenza tal-operaturi.

Jekk it-tliet dispożizzjonijiet potenzjalment xierqa identifikati fl-ewwel paragrafu jkunu l-uniċi disponibbli sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ għarfien u esperjenza fil-produzzjoni, id-dispożizzjoni dwar ir-riċerka u l-iżvilupp konġunti x’aktarx tkun dik li tillimita l-kompetizzjoni bl-anqas mod, u għalhekk, tkun indispensabbli. Jekk id-dispożizzjonijiet dwar l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-metodi ta’ produzzjoni u l-attivitajiet ta’ ġbir flimkien ikunu l-uniċi żewġ dispożizzjonijiet potenzjalment xierqa, trid issir valutazzjoni dettaljata taċ-ċirkostanzi tal-każ sabiex jiġi ddeterminat liema dispożizzjoni tkun l-inqas restrittiva.

(c)

Jekk il-kwistjoni tkun relatata ma’ inċertezzi dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott, jiġifieri inċertezzi dwar il-volumi li jistgħu jinbiegħu, dispożizzjonijiet li jistgħu jkunu xierqa biex jindirizzaw il-kwistjoni, skont iċ-ċirkostanzi individwali tal-każ, jistgħu jkunu impenji ta’ offtake minn xi klijenti, pereżempju x-xiri ta’ ammont minimu ta’ prodotti fis-sena; u arranġamenti speċifiċi ta’ distribuzzjoni bejn il-produtturi jew bejn il-produtturi u l-klijenti tagħhom, bħall-allokazzjoni tal-klijenti u l-esklużività tal-provvista jew tax-xiri. B’kuntrast ma’ dan, ma huwiex probabbli li dispożizzjoni dwar il-prezz li bih il-prodotti jistgħu jerġgħu jinbiegħu downstream jew dispożizzjoni sabiex titwaqqaf il-produzzjoni ta’ prodotti alternattivi mhux sostenibbli tkun xierqa, minħabba li tindirizza kwistjonijiet oħrajn għajr inċertezzi f’termini ta’ volumi ta’ kummerċjalizzazzjoni.

Jekk iż-żewġ dispożizzjonijiet potenzjalment xierqa identifikati, jiġifieri impenji ta’ offtake u arranġamenti ta’ distribuzzjoni, ikunu l-uniċi li jindirizzaw il-kwistjoni tal-inċertezzi fil-volumi tal-kummerċjalizzazzjoni, trid issir valutazzjoni dettaljata taċ-ċirkostanzi tal-każ sabiex tiddetermina liema dispożizzjoni tkun l-inqas restrittiva.

(d)

Jekk il-kwistjoni tkun relatata mal-kopertura tal-kostijiet addizzjonali maħluqa bil-konformità mal-istandard, id-dispożizzjonijiet li jistgħu jkunu xierqa biex jindirizzaw il-kwistjoni, skont iċ-ċirkostanzi individwali tal-każ, jistgħu jinkludu pagamenti jew impenji ta’ prezz mix-xerrejja, jew impenji biex jinxtara ammont minimu ta’ prodotti. B’kuntrast ma’ dan, dispożizzjoni li tipprojbixxi l-iżvilupp ta’ prodotti sostenibbli jew mhux sostenibbli oħrajn x’aktarx ma tkunx xierqa, minħabba li ma tnaqqasx direttament il-kostijiet tal-produzzjoni f’konformità mal-istandard ta’ sostenibbiltà inkwistjoni.

Jekk iż-żewġ dispożizzjonijiet potenzjalment xierqa identifikati jkunu l-uniċi li jindirizzaw il-kwistjoni tal-kopertura tal-kostijiet addizzjonali, trid issir valutazzjoni dettaljata taċ-ċirkostanzi tal-każ biex jiġi ddeterminat liema dispożizzjoni tkun l-inqas restrittiva.

(e)

Jekk il-kwistjoni tkun relatata ma’ nuqqas ta’ għarfien tal-konsumatur dwar il-valur miżjud tal-produzzjoni jew tal-bejgħ tal-prodott b’mod aktar sostenibbli, din tista’ tiġi indirizzata b’mod xieraq minn dispożizzjoni relatata mal-promozzjoni konġunta tal-prodott mill-produtturi jew mill-klijenti downstream. B’kuntrast ma’ dan, huwa improbabbli li dispożizzjoni relatata mal-allokazzjoni tal-klijenti jew tas-suq tindirizza b’mod xieraq il-kwistjoni, minħabba li ma ttejjibx l-għarfien tal-konsumatur dwar il-valur miżjud tal-produzzjoni jew tal-bejgħ b’mod aktar sostenibbli.

F’sitwazzjoni bħal din, jekk ikun hemm biss dispożizzjoni waħda (promozzjoni konġunta) xierqa sabiex tindirizza l-kwistjoni, din titqies ukoll bħala l-anqas waħda restrittiva u, b’hekk, id-dispożizzjoni indispensabbli.

(f)

Jekk il-kwistjoni tkun relatata ma’ żvantaġġ tal-ewwel attur (prodott aktar sostenibbli jiffaċċa kompetizzjoni qawwija minn prodotti alternattivi inqas sostenibbli u orħos), dispożizzjonijiet li jistgħu jkunu xierqa biex jindirizzaw il-kwistjoni, skont iċ-ċirkostanzi individwali tal-każ, jistgħu jinkludu l-promozzjoni konġunta tal-prodott aktar sostenibbli; impenn mill-bejjiegħa bl-imnut li jixtru ċertu sehem mir-rekwiżiti tagħhom mill-produtturi tal-prodott aktar sostenibbli, espress fil-forma ta’ perċentwal tal-prodotti sostitwibbli kollha; jew impenn minn ċertu numru ta’ bejjiegħa bl-imnut biex jixtru r-rekwiżiti tagħhom esklussivament mill-produtturi tal-prodott aktar sostenibbli. B’kuntrast ma’ dan, huwa improbabbli li dispożizzjoni dwar l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-produzzjoni tkun xierqa biex tindirizza l-kwistjoni, minħabba li tonqos milli tindirizza l-kwistjoni relatata mas-sostituzzjoni tal-bejgħ ta’ prodotti.

Jekk it-tliet dispożizzjonijiet identifikati, jiġifieri l-promozzjoni konġunta, ix-xiri minimu u x-xiri esklużiv, ikunu l-uniċi xierqa biex tiġi indirizzata l-kwistjoni, id-dispożizzjoni li x’aktarx tkun l-inqas restrittiva, u għalhekk dik indispensabbli hija dik dwar il-promozzjoni konġunta tal-prodott aktar sostenibbli. Jekk id-dispożizzjonijiet dwar ix-xiri minimu mill-bejjiegħa bl-imnut u x-xiri esklużiv mill-bejjiegħa bl-imnut ikunu l-uniċi opzjonijiet xierqa, dik dwar ix-xiri minimu x’aktarx tkun l-anqas waħda restrittiva u għalhekk indispensabbli.

Meta jwettqu l-valutazzjoni, l-operaturi għandhom jikkunsidraw alternattivi realistiċi u mhux purament ipotetiċi għad-dispożizzjonijiet li jistgħu jgħinuhom jissodisfaw l-istandard ta’ sostenibbiltà.

(111)

Meta jkun hemm dispożizzjonijiet alternattivi u l-operaturi jagħżlu waħda li tkun: (i) mhux xierqa sabiex tiġi indirizzata kwistjoni partikolari li żżommhom milli jissodisfaw l-istandard ta’ sostenibbiltà inkwistjoni jew; (ii) mhux l-inqas waħda restrittiva meta mqabbla mal-oħrajn, id-dispożizzjoni partikolari magħżula minnhom tkun inkompatibbli mal-Artikolu 210a u għalhekk taqa’ barra mill-ambitu tal-esklużjoni. Jekk il-ftehim ta’ sostenibbiltà jkun fih ukoll dispożizzjonijiet oħrajn li jippermettu lill-operaturi jilħqu l-istandard ta’ sostenibbiltà mfittex, dawn id-dispożizzjonijiet xorta jistgħu jkunu indispensabbli u b’hekk jibbenefikaw mill-Artikolu 210a jekk, waħedhom mingħajr ma jirrikorru għad-dispożizzjoni li tiġi invalidata, jilħqu l-istandard ta’ sostenibbiltà inkwistjoni.

(112)

Fl-aħħar nett, il-ftehimiet li jeskludu operaturi minn Stati Membri oħra milli jipparteċipaw fl-istandard ta’ sostenibbiltà mingħajr ġustifikazzjoni leġittima ma jissodisfawx it-test tal-indispensabbiltà għall-finijiet tal-Artikolu 210a.

Eżempju 1: Il-produtturi tal-ħalib minn reġjun fi Stat Membru jaqblu ma’ manifattur tal-ġobon li se jipproduċu biss ġobon artab u frisk peress li l-produzzjoni ta’ ġobon iebes twassal għal emissjonijiet ta’ CO2 relattivament ogħla. Barra minn hekk, il-produtturi tal-ħalib jaqblu li jużaw id-demel tal-baqar għall-produzzjoni tal-enerġija bl-użu ta’ sistema anaerobika tad-diġestur tal-metan. Sabiex titnaqqas l-impronta tal-karbonju mit-trasport tal-ġobon, il-ftehim jistabbilixxi wkoll li l-ġobon artab u frisk jinbiegħ biss fl-Istat Membru fejn jinsabu l-produtturi. Madankollu, xi Stati Membri ġirien jinsabu fl-istess distanza bħal reġjuni oħra fl-Istat Membru fejn huma bbażati l-produtturi.

Tali ftehim mhux se jkun indispensabbli għall-fini li jintlaħaq l-istandard tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 assoċjat mal-produzzjoni u l-kummerċ tal-ġobon peress li hemm mod inqas restrittiv biex jiġi żgurat it-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2, jiġifieri, id-determinazzjoni ta’ kundizzjoni oġġettiva bbażata fuq id-distanza kkalkolata miż-żona tal-produzzjoni għaż-żona tal-bejgħ, pereżempju 200 km.

Eżempju 2: Ix-xenarju huwa l-istess bħal fl-Eżempju 1. Madankollu, il-produtturi tal-ħalib jiddeċiedu li jirrestrinġu l-parteċipazzjoni fil-ftehim għall-produtturi tal-ħalib li huma bbażati fl-istess Stat Membru: dan sabiex ikun aktar faċli li tiġi awditjata l-konformità mal-kriterji tal-produzzjoni peress li l-produtturi kellhom kollaborazzjoni fit-tul ma’ awditur nazzjonali li ma joperax barra minn dak l-Istat Membru.

Tali ftehim mhux se jkun indispensabbli għall-fini li jintlaħaq l-istandard peress li hemm mod anqas restrittiv biex jiġi żgurat it-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2, jiġifieri, li l-proċess tal-awditjar jista’ jitwettaq fi Stati Membri oħra jew jitwettaq mill-istess awditur jew minn ieħor, li jkun lest iwettaq is-servizz.

5.4.   Pass 2 - L-indispensabbiltà tar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni

(113)

Jekk id-dħul fi ftehim ta’ sostenibbiltà jkun raġonevolment meħtieġ sabiex jiġi ssodisfat l-istandard ta’ sostenibbiltà inkwistjoni, wieħed jeħtieġlu mbagħad jiddetermina jekk kull restrizzjoni tal-kompetizzjoni imposta mill-ftehim hijiex indispensabbli għall-ilħuq ta’ dak l-istandard.

(114)

Għall-iskopijiet tal-Artikolu 210a, restrizzjoni tal-kompetizzjoni hija indispensabbli għall-issodisfar ta’ standard ta’ sostenibbiltà jekk tali restrizzjoni tkun raġonevolment meħtieġa sabiex jiġi jintlaħaq l-istandard.

(115)

Fil-pass 1, l-analiżi ffokat fuq jekk it-tip ta’ dispożizzjoni magħżul kienx xieraq sabiex jiġi indirizzat dak li kien qed jimpedixxi li l-istandard ta’ sostenibbiltà jintlaħaq, u jekk kienx hemm dispożizzjonijiet alternattivi li jindirizzaw b’mod xieraq il-kwistjoni b’mod anqas restrittiv. B’kuntrast ma’ dan, fil-pass 2, l-analiżi tiffoka fuq jekk ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni li tinsab f’kull dispożizzjoni tal-ftehim ta’ sostenibbiltà hijiex l-anqas waħda restrittiva filwaqt li jintlaħaq l-istandard inkwistjoni. Dak, min-naħa tiegħu, jiddependi kemm fuq in-natura kif ukoll fuq l-intensità tar-restrizzjoni.

5.4.1.   In-natura tar-restrizzjoni

(116)

In-natura ta’ restrizzjoni huwa relatat mal-parametru tal-kompetizzjoni li huwa ristrett mid-dispożizzjoni(jiet) tal-ftehim ta’ sostenibbiltà, bħall-prezz, l-output, il-kwalità, l-għażla jew l-innovazzjoni.

(117)

Il-valutazzjoni tan-“natura” ta’ restrizzjoni tirrikjedi kunsiderazzjoni ta’: (i) il-mod li bih parametru speċifiku tal-kompetizzjoni jkun ristrett minn dispożizzjoni individwali; u (ii) jekk teżistix alternattiva realistika u inqas restrittiva għal dik id-dispożizzjoni. Il-partijiet għal ftehim ta’ sostenibbiltà jeħtieġ li jagħżlu r-restrizzjoni li għandha l-anqas effett negattiv fuq il-kompetizzjoni filwaqt li jissodisfaw l-istandard ta’ sostenibbiltà.

(118)

Jekk dispożizzjoni tkun relatata mal-prezzijiet, il-valutazzjoni tan-natura tar-restrizzjoni tista’ tirrikjedi li l-operaturi jagħżlu jekk jaqblux dwar restrizzjoni fil-forma ta’ ffissar tal-prezzijiet, jiġifieri l-iffissar ta’ prezz minimu jew l-iffissar tal-prezz totali, primjum tal-prezz, jew xi restrizzjoni oħra tal-iffissar tal-prezzijiet. Pereżempju, jekk il-konformità mal-istandard ta’ sostenibbiltà timponi kostijiet fuq operaturi li huma faċilment separabbli mill-kostijiet l-oħrajn li normalment iġarrbu, primjum fuq il-prezz jista’ jkun restrizzjoni xierqa. Dan għaliex primjum fuq il-prezz jirrifletti l-kostijiet li jġarrbu l-operaturi billi jikkonformaw mal-istandard tas-sostenibbiltà mingħajr ma jaffettwa l-kostijiet l-oħrajn li jġarrbu indipendentement mill-istandard tas-sostenibbiltà.

(119)

Eżempju f’dan ir-rigward ikun dispożizzjoni li tirrikjedi l-pagament ta’ primjum ta’ prezz sabiex tikkumpensa lill-produtturi tal-pollam għall-użu ta’ għalf organiku minflok għalf konvenzjonali. Alternattiva għal dik id-dispożizzjoni tista’ tkun li jiġi stabbilit il-prezz totali li bih il-proċessuri jkunu jistgħu jixtru l-pollam f’livell li jikkumpensa lill-produtturi għall-kostijiet addizzjonali mġarrba mill-użu tal-għalf organiku. F’każ bħal dan, l-iffissar tal-prezz totali li bih il-proċessuri jkunu jistgħu jixtru l-pollam x’aktarx ikun aktar restrittiv milli l-qbil dwar primjum tal-prezz li jkun separat mill-prezz tax-xiri. Dan minħabba li r-restrizzjoni fuq il-primjum tal-prezz taffettwa biss komponent wieħed tal-prezz globali mħallas għal-laħam tal-pollam, u b’hekk tħalli lok għall-kompetizzjoni fuq il-komponenti l-oħra li jiddeterminaw il-prezz kollu tal-pollam, pereżempju l-infrastruttura, il-ġestjoni tal-art, il-provvista tal-ilma u tal-elettriku.

(120)

B’kuntrast ma’ dan, jekk l-ilħuq tal-istandard ta’ sostenibbiltà jimponi kostijiet addizzjonali matul il-proċess kollu tal-produzzjoni, l-iffissar tal-prezz li bih il-produtturi jkunu jistgħu jixtru l-pollam jista’ jkun raġonevolment meħtieġ. Pereżempju, dan jista’ jkun il-każ meta l-istandard ta’ sostenibbiltà jkun relatat ma’ rekwiżiti ogħla għat-trattament xieraq tal-annimali u s-saħħa tal-annimali għall-pollam, bħal ikel aktar sostenibbli, aktar spazju fil-gaġeġ, aktar żmien imqatta’ barra u kura veterinarja professjonali. L-iffissar tal-prezz totali jista’ jkun meħtieġ meta l-kostijiet tal-produzzjoni jew tan-negozjar aktar sostenibbli jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-kostijiet ġenerali tal-produzzjoni u/jew tal-kummerċ. Dan jista’ jseħħ meta jkun hemm ftit jew l-ebda element ta’ produzzjoni u/jew tal-kummerċ li ma jkunx affettwat mill-ftehim ta’ sostenibbiltà. Madankollu, l-operaturi jeħtiġilhom ikunu konxji li l-iffissar tal-prezz totali huwa restrizzjoni serja tal-kompetizzjoni, u b’hekk irid jitqies bħala l-aħħar għażla f’sitwazzjoni fejn l-ebda restrizzjoni oħra ma tilħaq b’mod effettiv l-istandard ta’ sostenibbiltà inkwistjoni.

(121)

Dispożizzjoni tista’ tkun relatata mal-proporzjon ta’ rekwiżiti li x-xerrejja jiksbu minn produtturi li huma parti għall-ftehim ta’ sostenibbiltà. Sabiex tiġi vvalutata n-natura tar-restrizzjoni, l-operaturi jista’ jkollhom jagħżlu jekk jaqblux dwar ir-rekwiżiti għax-xiri ta’ volum minimu skont ir-rekwiżiti għax-xiri ta’ volum fiss jew xi obbligu ieħor ta’ xiri. Jekk il-produtturi jkollhom bżonn ċertezza li jistgħu jbigħu kwantità suffiċjenti mill-prodotti tagħhom sabiex ikunu jistgħu jkopru l-kostijiet tagħhom, iżda ma jkunux jafu l-volum eżatt meħtieġ, il-qbil dwar il-volum minimu jista’ jkun l-anqas dispożizzjoni restrittiva sabiex jintlaħaq l-istandard ta’ sostenibbiltà. Pereżempju, jekk standard għat-trobbija tal-papri jkollu l-għan li jnaqqas ir-reżistenza għall-antimikrobiċi billi jipprojbixxi l-użu ta’ antimikrobiċi u juża minflok alternattivi, pereżempju vaċċini, probijotiċi u prebijotiċi, il-produtturi jista’ jkollhom bżonn jiżguraw li jkunu jistgħu jbigħu ammont minimu ta’ laħam tal-papri fis-sena sabiex ikopru l-kostijiet addizzjonali li jirriżultaw mill-użu ta’ alternattivi għall-antimikrobiċi. Madankollu, jekk l-ammont ta’ laħam li jista’ jiġi pproċessat ikun limitat, jista’ jkun raġonevolment meħtieġ ammont eżatt jew massimu sabiex jiġi żgurat li l-laħam tal-papri kollu prodott jiġi effettivament ipproċessat.

5.4.2.   Intensità tar-restrizzjoni

(122)

Id-determinazzjoni tal-intensità ta’ restrizzjoni tinvolvi valutazzjoni tal-livell kwantitattiv tar-restrizzjoni, fuq il-prezz, l-output u possibbilment il-kwalità, l-għażla u l-innovazzjoni u d-durata tar-restrizzjoni.

5.4.2.1.   Livell kwantitattiv tar-restrizzjoni

(123)

Il-kunċett tal-livell kwantitattiv tar-restrizzjoni jirreferi għal-limitu sa fejn ir-restrizzjoni inkwistjoni x’aktarx li taffettwa l-parametri rilevanti tal-kompetizzjoni. Il-livell kwantitattiv ta’ restrizzjoni se jkun indispensabbli jekk il-fatt li jintlaħaq qbil fuq livell aktar baxx tar-restrizzjoni jagħmilha anqas probabbli li l-partijiet jilħqu l-istandard ta’ sostenibbiltà.

(124)

Jekk ir-restrizzjoni inkwistjoni twassal direttament jew indirettament għal żieda fil-prezzijiet, il-valutazzjoni għandha tiffoka fuq il-livell taż-żieda fil-prezzijiet li jkun raġonevolment meħtieġ sabiex l-operaturi jkunu jistgħu jissodisfaw l-istandard ta’ sostenibbiltà inkwistjoni. Dik il-valutazzjoni għandha tqis tliet elementi: (i) il-kostijiet stmati mġarrba u l-introjtu stmat mitluf; (ii) il-livell ta’ ċertezza li il-kostijiet mistennija mġarrba u l-introjtu mitluf se jimmaterjalizzaw; u (iii) ir-redditu probabbli fuq l-investiment meta mqabbel ma’ alternattivi oħrajn.

(125)

Minħabba li l-kalkolu tal-kostijiet imġarrba u l-introjtu mitluf se jiddependi fuq għadd ta’ fatturi mhux ċerti, l-operaturi ma jistgħux ikunu mistennija jikkalkolaw iż-żieda preċiża tal-prezz li biha jkunu jistgħu jilħqu l-istandard ta’ sostenibbiltà. Minflok, għandhom ifittxu li jikkalkulaw stima medja tal-kostijiet imġarrba u tal-introjtu mitluf fuq l-operaturi kollha li jġarrbu dawn il-kostijiet u jitilfu tali introjtu taħt l-aktar xenarju plawżibbli f’termini ta’ kundizzjonijiet u żviluppi tas-suq. Restrizzjoni x’aktarx li ma tissodisfax dan il-pass tal-analiżi tal-indispensabbiltà jekk ir-riżultat tal-kalkolu tal-kostijiet stmati u tal-introjtu stmat mitluf ikun żbaljat. Dan ikun il-każ meta r-riżultat ikun ibbażat fuq suppożizzjonijiet improbabbli f’termini ta’ żviluppi tas-suq għall-kostijiet tal-inputs jew meta l-kalkolu tal-introjtu mitluf ma jikkunsidrax bis-sħiħ id-dħul possibbli li l-produzzjoni jew il-kummerċ sostenibbli jistgħu jwasslu għalih.

(126)

It-tliet elementi deskritti hawn fuq iservu skopijiet komplementari. L-element (i) ifittex li jiżgura li l-partijiet għall-ftehim ta’ sostenibbiltà jiġu kkumpensati għall-kostijiet addizzjonali u l-introjtu mitluf mill-implimentazzjoni tal-istandard ta’ sostenibbiltà. L-element (ii) ifittex li jiżgura li l-partijiet għall-ftehim ta’ sostenibbiltà jkunu protetti kontra varjazzjonijiet mhux mistennija fil-kostijiet u t-telf tal-introjtu. L-element (iii) ifittex li jiżgura li l-partijiet għall-ftehim ta’ sostenibbiltà jsibuha aktar profittabbli li jimplimentaw l-istandard ta’ sostenibbiltà milli jew ma jimplimentaw l-ebda standard jew li jwettqu investiment differenti li jista’ jwassal għal produzzjoni jew kummerċ inqas sostenibbli.

(127)

L-elementi (ii) u (iii) imsemmija fil-paragrafu preċedenti għalhekk jikkostitwixxu pagament ta’ inċentiv għall-partijiet għall-ftehim ta’ sostenibbiltà biex jidħlu fil-ftehim ta’ sostenibbiltà. Il-livell tal-pagament ta’ inċentiv, jiġifieri s-somma tal-elementi (ii) u (iii) imsemmija fil-paragrafu (124), x’aktarx tissodisfa l-parti kwantitattiva tat-test tal-inkapaċità jekk ma taqbiżx l-20 % tal-kumpens li kieku kien jiġi riċevut għall-kostijiet imġarrba u għad-dħul mitluf (element (i)). F’każijiet fejn il-pagament ta’ inċentiv ikun ta’ aktar minn 20 %, jeħtieġ li ssir analiżi ta’ indispensabbiltà każ b’każ.

(128)

Iċ-ċertifikazzjoni li l-pagament rilevanti jiġi riċevut minn dawk l-operaturi li fil-fatt iġarrbu l-kostijiet u jitilfu l-introjtu tista’ tiġi żgurata permezz ta’ awditjar minn partijiet terzi. Jista’ jiġi żgurat ukoll billi tiġi pprovduta trasparenza lill-konsumaturi finali fir-rigward tal-perċentwal jew l-ammont li l-operaturi rilevanti jirċievu għax-xiri ta’ prodott agrikolu mill-prezz finali tal-konsumatur.

Eżempju: Filwaqt li hemm domanda għal frawli mingħajr pestiċidi, hemm ukoll aċċettazzjoni baxxa ta’ prezzijiet ogħla fost il-konsumaturi. Il-produzzjoni ta’ frawli mingħajr pestiċidi tkun teħtieġ investiment addizzjonali fit-tagħmir, u toħloq kostijiet addizzjonali tal-manodopera, u b’hekk tirriżulta f’żidiet fil-prezzijiet. Il-konsumaturi jkunu anqas probabbli li jixtru l-frawli aktar għali mingħajr pestiċidi, u b’riżultat ta’ dan il-bejgħ tal-produtturi jista’ jonqos. Barra minn hekk, jekk il-konsumaturi ma jixtrux il-frawli ħieles mill-pestiċidi, proporzjon akbar tal-frawli ma jibqax tajjeb għall-konsum. Dan iwassal għal żvantaġġ tal-ewwel attur għal kull min jixtieq jipproduċi frawli ħieles mill-pestiċidi.

Grupp ta’ produtturi u bejjiegħa bl-imnut jiżviluppaw inizjattiva li permezz tagħha l-bejjiegħa bl-imnut jaqblu li jħallsu lill-bdiewa parteċipanti EUR 1,20 addizzjonali għal kull kilogramma għal frawli mingħajr pestiċidi. Il-pagament ta’ inċentiv huwa bbażat fuq studju li sab li:

(a)

il-kostijiet addizzjonali tal-manodopera u tat-tagħmir għall-produzzjoni tal-frawli mingħajr pestiċidi huma mistennija li jammontaw bħala medja għal EUR 1 għal kull kilogramma għall-produtturi kollha li jipparteċipaw fil-ftehim;

(b)

il-produtturi jeħtieġu inċentiv addizzjonali ta’ EUR 0,12 għal kull kilogramma biex jidħlu fil-ftehim peress li l-konsumaturi jistgħu jitilfu l-interess fix-xiri ta’ frawli sostenibbli, il-frawli jista’ ma jibqax tajjeb għall-konsum u l-kost tal-produzzjoni jista’ għalhekk jiżdied. B’riżultat ta’ dan, il-ftehim jista’ wkoll ikollu jiġi tterminat, u dan iwassal għal telf għall-produtturi li għamlu l-investimenti meħtieġa;

(c)

il-produtturi jistgħu jiksbu redditu ta’ EUR 0,05 għal kull kilogramma fuq l-investiment billi ma jidħlux fil-ftehim u minflok jaqilbu għal taħlita differenti ta’ pestiċidi mingħajr ir-riskju akbar li ma jibqgħux tajbin għall-konsum. Għalhekk, dawn ikollhom bżonn jiksbu redditu fuq l-investiment fuq il-produzzjoni ta’ frawli mingħajr pestiċidi ogħla minn EUR 0,05.

Il-primjum ġenerali tal-prezz ta’ EUR 1,20 għal kull kilogramma huwa ogħla mill-EUR 1 għal kull kilogramma ta’ kostijiet imġarrba u ta’ introjtu mitluf biex jinkiseb l-istandard ta’ sostenibbiltà. Madankollu, il-primjum tal-prezz jinkludi wkoll pagament ta’ inċentiv sa 20 % tal-kumpens għall-kostijiet imġarrba u għall-introjtu mitluf, f’dan il-każ EUR 0,20 għal kull kilogramma. Dan huwa indispensabbli: (i) biex jiġi żgurat li l-istandard ta’ sostenibbiltà jiġi adottat b’mod effettiv mill-produtturi, (ii) meta jitqies ir-riskju li l-ftehim jista’ jiġi tterminat mill-produtturi minħabba telf potenzjali ta’ interess mill-konsumaturi fix-xiri ta’ frawli sostenibbli u meta titqies iż-żieda fil-kostijiet tal-produzzjoni u (iii) meta jitqies il-fatt li l-produtturi jistgħu jiksbu redditu fuq investiment alternattiv ta’ EUR 0,05 għal kull kilogramma jekk jagħżlu li ma jidħlux fil-ftehim ta’ sostenibbiltà. L-ammont ta’ EUR 0,12 għal kull kilogramma allokat għall-inċertezza (ara l-punt (b) hawn fuq), jaqbel maż-żieda mistennija fil-kostijiet u fl-introjtu mitluf. L-ammont allokat għar-redditu fuq l-investiment ta’ EUR 0,08 għal kull kilogramma (ara l-punt (c) hawn fuq) jaqbeż l-opportunità alternattiva ta’ investiment mhux sostenibbli ta’ EUR 0,05 għal kull kilogramma.

Madankollu, jekk il-pagament ta’ inċentiv kien ta’ aktar minn EUR 0,20 għal kull kilogramma, tkun trid issir valutazzjoni każ b’każ dwar il-kompatibbiltà taż-żieda fil-prezz mal-kundizzjoni ta’ indispensabbiltà.

5.4.2.2.   Durata tar-restrizzjoni

(129)

Meta tiġi vvalutata d-durata tar-restrizzjoni, jiġifieri l-għadd ta’ xhur jew snin li r-restrizzjoni tkun fis-seħħ, il-kwistjoni hija jekk durata iqsar tar-restrizzjoni tagħmilx l-ilħuq tal-istandard ta’ sostenibbiltà inqas probabbli. Minn naħa waħda, meta l-kostijiet tal-implimentazzjoni tal-istandard ta’ sostenibbiltà jiġġarrbu matul il-ħajja tal-implimentazzjoni tiegħu, ir-restrizzjoni jista’ jkollha bżonn tkun fis-seħħ matul id-durata kollha tal-ftehim ta’ sostenibbiltà. Dan jista’ jkun il-każ meta l-produzzjoni ta’ prodott aktar sostenibbli tirrikjedi x-xiri ta’ input li jiswa aktar flus li x-xerrejja tal-prodott ikollhom jiffinanzjaw kontinwament matul l-eżistenza tal-ftehim ta’ sostenibbiltà. Min-naħa l-oħra, fejn investiment ta’ darba biss huwa meħtieġ biex jinkiseb standard ta’ sostenibbiltà (pereżempju, l-istandard jeħtieġ ix-xiri ta’ tagħmir jew infrastruttura f’okkażjoni waħda li mbagħad tista’ terġa’ tintuża fil-futur), ir-restrizzjoni tista’ tkun meħtieġa biss għall-perjodu ta’ żmien meħtieġ biex jiġi żgurat l-irkupru tal-fondi minfuqa fuq l-investiment.

Eżempju 1: Il-bejjiegħa bl-imnut jaqblu li jħallsu lill-bdiewa tad-dulliegħ primjum tal-prezz sabiex jixtru għodod innovattivi għall-irrigazzjoni. Il-pagament tal-primjum fuq il-prezz huwa meħtieġ għal 3 snin peress li l-bdiewa ma għandhomx is-somma meħtieġa bil-quddiem. Wara 3 snin, il-bdiewa se jkunu rnexxielhom jirkupraw l-kostijiet imġarrba għax-xiri tat-tagħmir u se jibdew jiffrankaw fuq l-użu tal-ilma billi jużaw l-għodod. Għalhekk, it-tkomplija tal-pagament tal-primjum fuq il-prezz wara 3 snin ma tkunx indispensabbli f’termini ta’ durata.

Eżempju 2: F’xenarju simili għall-Eżempju 1, il-bdiewa tad-dulliegħ jaqblu, flimkien mal-bejjiegħa bl-imnut, li jipproduċu dulliegħ mingħajr pestiċidi, u jużaw pestiċidi organiċi għal pestiċidi kimiċi biss meta ma jkollhom l-ebda alternattiva. Il-bejjiegħa bl-imnut jaqblu li jħallsu primjum ogħla fuq il-prezz minn dak imsemmi fl-Eżempju 1. Il-pagament tal-primjum fuq il-prezz jipprovdi wkoll kumpens għax-xiri tal-għodod tal-irrigazzjoni. Madankollu, peress li n-nuqqas ta’ użu ta’ pestiċidi jew l-użu ta’ pestiċidi organiċi biss huwa spiża rikorrenti għall-bdiewa tad-dulliegħ, il-parti tal-pagament tal-primjum fuq il-prezz relatata man-nuqqas ta’ użu tal-pestiċidi, jew l-użu ta’ alternattivi organiċi meta jkun meħtieġ, se jkun jeħtieġ li jitħallas kontinwament matul id-durata tal-ftehim ta’ sostenibbiltà, filwaqt li l-pagament li jirrigwarda l-għodod tal-irrigazzjoni se jkollu jintemm wara 3 snin.

5.4.2.3.   L-ebda rekwiżit sabiex tiġi vvalutata l-kopertura tas-suq tar-restrizzjoni

(130)

Fl-abbozzar tal-Artikolu 210a, il-koleġiżlaturi kellhom l-għan li jiżguraw l-aktar adozzjoni wiesgħa tal-istandards ta’ sostenibbiltà mill-operaturi. Sabiex jinċentivaw lill-operaturi jiksbu standards ogħla minn dak mitlub mid-dritt tal-Unjoni jew mil-liġi nazzjonali, huma ħolqu bilanċ speċifiku bejn: (i) il-kundizzjonijiet ex ante għad-determinazzjoni tal-indispensabbiltà; u (ii) il-possibbiltà ta’ intervent ex post. Dan għandu l-għan li jistimula l-adozzjoni fuq skala wiesgħa ta’ standards ta’ sostenibbiltà mingħajr ir-riskju ta’ intervent mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni sakemm ma jkunx hemm ċertu grad għoli ta’ effetti negattivi fuq is-suq. Barra minn hekk, huwa ta’ piż għall-operaturi li jivvalutaw il-kopertura tas-suq peress li dan ikun jeħtieġ li jiddefinixxu numru eżatt ta’ operaturi li magħhom se jkollhom jikkooperaw fl-istadji inizjali ta’ ftehim, li potenzjalment jeskludu operaturi oħra. Dan fl-aħħar mill-aħħar jista’ jwassal għal użu aktar baxx tal-istandard ta’ sostenibbiltà.

(131)

Pereżempju, jekk grupp ta’ produtturi jikseb b’suċċess standard ta’ sostenibbiltà f’reġjun partikolari flimkien, u s-suċċess tagħhom isir magħruf għal grupp ieħor ta’ produtturi li joperaw ukoll f’dak ir-reġjun, li jkun jixtieq jissieħeb mal-ewwel ftehim tal-grupp, l-Artikolu 210a jippermetti lit-tieni grupp biex jissieħeb fil-ftehim u jimplimenta l-istandard ta’ sostenibbiltà, anki jekk l-istandard ta’ sostenibbiltà jista’ jinkiseb, u jista’ jkun li diġà ntlaħaq, b’kopertura aktar baxxa tas-suq tal-produtturi.

(132)

Għalhekk, għall-kuntrarju tal-Artikolu 101(3) tat-TFUE, skont l-Artikolu 210a ma jeħtieġx li tiġi analizzata l-kopertura tas-suq ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-restrizzjoni hijiex indispensabbli. B’kuntrast ma’ dan, il-kopertura tas-suq tista’ twassal għal intervent ex-post mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni f’każijiet fejn twassal għal grad għoli ta’ effetti negattivi fuq is-suq, kif huwa diskuss fit-Taqsima 8.

(133)

Madankollu, in-nuqqas ta’ ħtieġa li tiġi vvalutata l-kopertura tas-suq ma jeliminax il-ħtieġa li jiġi vvalutat it-tip ta’ operaturi li magħhom irid(u) jikkoopera(w) produttur(i), kif huwa deskritt fil-pass 1 tat-test tal-indispenabbiltà.

Eżempju 1: 10 produtturi mill-Ekwador jiddeċiedu li jtejbu l-istandards tal-kultivazzjoni tal-kawkaw billi jipproduċu biss kawkaw organiku. Huma jaqblu ma’ manifattur taċ-ċikkulata li jirċievi pagament għall-primjum fuq il-prezz ta’ EUR 0,50 għal kull kilogramma ta’ kawkaw organiku, li jintuża bħala l-ingredjent għall-prodotti taċ-ċikkulata li jġorru logo sostenibbli. Qabel ma jiġi implimentat il-ftehim, grupp ieħor ta’ produtturi u manifattur ieħor taċ-ċikkulata juru wkoll interess li jipparteċipaw. L-ewwel 10 produtturi jivvalutaw li l-10 produtturi u l-manifattur taċ-ċikkulata li inizjalment iddeċidew li joħolqu l-ftehim jistgħu jilħqu l-istandard waħedhom (bħala grupp) mingħajr l-għajnuna tat-tieni grupp ta’ produtturi u ta’ manifattur taċ-ċikkulata. Madankollu, huma jistiednu lil dan tal-aħħar biex jissieħeb.

F’dan l-eżempju, it-test tal-indispensabbiltà ma jipprekludix lill-produtturi interessati kollha u lill-manifatturi taċ-ċikkulata milli jipparteċipaw fil-ftehim. Dan għaliex l-istabbiliment tal-ftehim juri li sabiex jintlaħaq l-istandard, il-produtturi jeħtieġ li jingħaqdu ma’ mill-inqas xerrej wieħed (f’dan il-każ – manifattur taċ-ċikkulata). Il-fatt li l-grupp inizjali tal-produtturi u tax-xerrej jiġi estiż iwassal għal kopertura tas-suq ogħla tal-ftehim ma huwiex kwistjoni taħt it-test tal-indispensabbiltà.

Eżempju 2: Fl-istess xenarju tal-Eżempju 1, wara li l-10 produtturi u l-manifattur taċ-ċikkulata jkunu implimentaw il-ftehim, fornitur tal-input taż-żrieragħ jindika li jixtieq jissieħeb fil-ftehim.

F’dan l-eżempju, it-test tal-indispensabbiltà jipprekludi l-parteċipazzjoni sussegwenti mill-fornitur tal-input. Dan minħabba li l-analiżi tal-indispensabbiltà indikat li l-parteċipazzjoni tal-produtturi u ta’ mill-inqas xerrej wieħed hija biżżejjed. Għalhekk, il-parteċipazzjoni tal-fornitur tal-input ma hijiex indispensabbli.

5.5.   Eżempji ta’ applikazzjoni tat-test tal-indispensabbiltà

Eżempju 1: Ċerta teknika tal-kultivazzjoni tar-ross tuża anqas ilma mit-tekniki tradizzjonali tal-kultivazzjoni tar-ross, ma tużax fertilizzanti artifiċjali u hija ħielsa mill-pestiċidi. L-użu ta’ teknika bħal din jikkontribwixxi għall-użu sostenibbli u għall-protezzjoni tal-pajsaġġi, tal-ilma u tal-ħamrija, u jnaqqas l-użu tal-pestiċidi. Madankollu, it-teknika tirrikjedi investiment addizzjonali ta’ riżorsi finanzjarji u ta’ żmien mill-produtturi tar-ross u hija profittabbli biss jekk titwettaq fuq skala medja sa kbira. Tliet kooperattivi tar-ross jaqblu li jipproduċu “ross sostenibbli” f’konformità mat-teknika ta’ kultivazzjoni msemmija hawn fuq. Il-bejjiegħ bl-imnut jaqbel li jixtri ċerta kwantità ta’ ross sostenibbli – 100 tunnellata fis-sena għal 3 snin.

It-tliet kooperattivi kkalkolaw li jkollhom jipproduċu mill-anqas 95 tunnellata ross fis-sena għal 3 snin sabiex l-investiment tagħhom jilħaq l-ekonomiji ta’ skala meħtieġa sabiex jintlaħaq l-istandard ta’ sostenibbiltà u jirċievu redditu raġonevoli fuq l-investiment. Sabiex il-konsumaturi jiġu mħeġġa jixtru r-ross sostenibbli, it-tliet kooperattivi u l-bejjiegħ bl-imnut jaqblu li l-prezz tal-bejgħ mill-ġdid tal-bejjiegħ bl-imnut mhux se jkun aktar minn 15 % ogħla mill-prezz medju li l-bejjiegħ bl-imnut jitlob għar-ross konvenzjonali. Madankollu, minħabba l-kost tal-inputs u tal-manodopera, ir-ross sostenibbli jiswa lill-bejjiegħ bl-imnut 30 % aktar mir-ross konvenzjonali.

Il-biċċa l-kbira tax-xerrejja l-oħrajn fis-suq, bħal bejjiegħa bl-imnut, manifatturi, bejjiegħa bl-ingrossa, huma fil-biċċa l-kbira interessati li jixtru ross konvenzjonali, li jinbiegħ bi prezz aktar baxx. Il-konsumaturi juru interess fix-xiri ta’ ross aktar sostenibbli, iżda ma humiex konxji ta’ kemm il-produzzjoni tar-ross konvenzjonali timplika l-użu ta’ fertilizzanti u pestiċidi u l-ammont ta’ ilma kkunsmat għal dak l-iskop.

Pass 1:

L-istandard tas-sostenibbiltà jista’ jiġi ssodisfat ukoll billi tittieħed azzjoni individwali?

Il-kooperattivi tar-ross ma jkunux jistgħu jiffinanzjaw il-produzzjoni tar-ross sostenibbli individwalment. Dan għaliex ma jkollhom l-ebda ċertezza li jistgħu jikkummerċjalizzaw ir-ross, minħabba li l-biċċa l-kbira tax-xerrejja huma interessati jixtru ross konvenzjonali, li jinbiegħ bi prezz aktar baxx. Għalhekk, individwalment, it-tliet kooperattivi ma jistgħux jadottaw l-istandard b’mod effettiv. F’dak il-każ, ftehim ma’ bejjiegħ bl-imnut li l-bejjiegħ bl-imnut jixtri minimu ta’ 100 tunnellata ta’ ross sostenibbli fis-sena x’aktarx li jkun indispensabbli.

Trid issir valutazzjoni separata tal-ftehim li l-prezz tal-bejgħ mill-ġdid tal-bejjiegħ bl-imnut għar-ross sostenibbli ma jkunx aktar minn 15 % ogħla mill-prezz medju tar-ross konvenzjonali. Ir-ross sostenibbli jiswa 30 % aktar mir-ross konvenzjonali, u hemm riskju li l-konsumaturi jixtru kwantitajiet insuffiċjenti ta’ ross. Għalhekk, ftehim għall-promozzjoni tar-ross sostenibbli x’aktarx li jkun indispensabbli minħabba li, inkella, il-bejjiegħ bl-imnut ma jkunx jista’ jibqa’ jixtri migħand it-tliet kooperattivi. Individwalment, kull waħda mit-tliet kooperattivi u l-bejjiegħ bl-imnut ma jistgħux jippromwovu r-ross, peress li jeħtieġu l-assistenza ta’ xulxin sabiex jagħmlu dan, minħabba li l-produzzjoni u l-bejgħ tar-ross sostenibbli huma marbuta ma’ xulxin.

L-indispensabbiltà tad-dispożizzjoni tal-ftehim ta’ sostenibbiltà

Il-ftehim għax-xiri ta’ ċerta kwantità ta’ ross sostenibbli fis-sena x’aktarx li jkun indispensabbli, minħabba li hemm bejjiegħ bl-imnut wieħed biss li jipparteċipa fil-ftehim ta’ sostenibbiltà, u l-produzzjoni ta’ ross sostenibbli timplika kostijiet addizzjonali għall-produtturi. Tip ieħor ta’ dispożizzjoni li tindirizza l-kwistjoni tal-kopertura tal-kostijiet tista’ tkun li l-bejjiegħ bl-imnut sempliċiment jimpenja ruħu li jippromwovi r-ross sostenibbli mingħajr ma jimpenja ruħu li jixtri kwantità minima. Madankollu, dan ma jipprovdix biżżejjed ċertezza għat-tliet kooperattivi, minħabba li r-ross konvenzjonali huwa 30 % orħos, u l-konsumaturi ġeneralment ma jkunux konxji tal-implikazzjonijiet tal-produzzjoni tar-ross konvenzjonali.

Fil-każ tal-ftehim dwar l-impożizzjoni ta’ prezz tal-bejgħ mill-ġdid għal ross sostenibbli li ma jkunx aktar minn 15 % ogħla minn dak tar-ross konvenzjonali, hemm mod anqas restrittiv sabiex jiġi promoss ix-xiri ta’ ross sostenibbli. Peress li l-kwistjoni hija n-nuqqas ta’ għarfien tal-konsumaturi dwar il-benefiċċji tar-ross sostenibbli, it-tliet kooperattivi u l-bejjiegħ bl-imnut jistgħu jikkonkludu ftehim ta’ ċertifikazzjoni, pereżempju biex jiżviluppaw tikketta għar-ross sostenibbli permezz tas-servizzi ta’ parti terza. Il-parti terza tivvaluta l-konformità tar-ross mal-metodi ta’ produzzjoni sostenibbli u tixhed il-konformità tiegħu. It-tikketta tista’ tinforma lill-konsumaturi dwar l-impatt ambjentali tal-produzzjoni tar-ross konvenzjonali. Għalhekk, il-bejjiegħ bl-imnut ikun liberu li jiddetermina l-prezz tal-bejgħ mill-ġdid tar-ross sostenibbli, filwaqt li permezz tal-użu tat-tikketta, ikun jista’ jissodisfa b’mod effettiv id-domanda tal-konsumatur għal ross sostenibbli.

Pass 2: L-indispensabbiltà tan-natura u tal-intensità tar-restrizzjoni

Meta tiġi vvalutata n-natura ta’ impenn għax-xiri ta’ 100 tunnellata ta’ ross sostenibbli fis-sena, alternattiva tista’ tkun impenn mill-bejjiegħ bl-imnut sabiex jixtri r-ross sostenibbli kollu meħtieġ għall-bejgħ mill-ġdid mit-tliet kooperattivi. Madankollu, dan ma jilħaqx l-istandard ta’ sostenibbiltà, peress li t-tliet kooperattivi ma jkollhom l-ebda ċertezza li l-bejjiegħ bl-imnut effettivament jixtri l-kwantità meħtieġa ta’ ross prodott. Dan għaliex jista’ ma jkollux bżonn il-100 tunnellata ta’ ross sostenibbli kollha f’sena partikolari u għalhekk il-kooperattivi ma jkollhom l-ebda inċentiv sabiex jagħmlu l-investiment meħtieġ.

Meta tiġi vvalutata l-intensità tar-restrizzjoni għall-impenn għax-xiri ta’ 100 tunnellata ta’ ross sostenibbli fis-sena għal tliet snin, ir-restrizzjoni tidher indispensabbli peress li t-tliet kooperattivi jeħtieġ li jipproduċu mill-anqas 95 tunnellata ta’ ross sostenibbli fis-sena għal tliet snin sabiex jirċievu redditu fuq l-investiment addizzjonali tagħhom. Minħabba n-novità u l-inċertezza tal-istandard tas-sostenibbiltà, bix-xiri tal-5 tunnellati addizzjonali ta’ ross sostenibbli l-bejjiegħ bl-imnut ikollu l-għan li jipprovdi xibka ta’ sikurezza f’każ ta’ kalkolu ħażin. Għalhekk, l-impenn għax-xiri ta’ 100 tunnellata ta’ ross sostenibbli x’aktarx li jkun indispensabbli sabiex jintlaħaq l-istandard ta’ sostenibbiltà inkwistjoni.

Eżempju 2: Hemm inizjattiva reġjonali sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-ħnieżer. Il-bdiewa parteċipanti jiftiehmu ma’ biċċerija u ma’ żewġ proċessuri tal-laħam biex iżidu l-ammont ta’ spazju għal kull ħanżir fil-farms tagħhom ’il fuq mill-minimu legali. Minħabba l-liġijiet lokali dwar iż-żamma tal-art għal skopijiet ta’ bijodiversità, huwa diffiċli għall-biċċa l-kbira tal-bdiewa li jżidu l-ammont ta’ spazju għat-tkabbir tal-ħnieżer, peress li jġiegħlhom inaqqsu l-għadd ta’ ħnieżer imrobbija biex jikkonformaw mal-istandard. B’riżultat ta’ dan, il-bdiewa parteċipanti jkunu finanzjarjament żvantaġġati meta mqabbla mal-bdiewa li ma jiħdux sehem fl-inizjattiva.

Għalhekk, l-inizjattiva tipprevedi li l-proċessuri jħallsu lill-bdiewa EUR 1 addizzjonali għal kull kilogramma ta’ laħam mibjugħ bħala primjum fuq il-prezz biex jikkumpensa għat-tnaqqis fil-produzzjoni u ż-żieda fil-kostijiet tagħhom. Il-pagament tal-primjum fuq il-prezz jikkorrispondi għall-profitt li l-bdiewa kieku kienu jagħmlu kieku rabbew aktar ħnieżer bil-mod konvenzjonali, u marġni żgħir biex iħeġġu lill-bdiewa jidħlu fil-ftehim. Proċessur wieħed kien ikun jista’ jipproċessa l-produzzjoni kollha tal-bdiewa u jkopri l-piż finanzjarju relatat. Madankollu, proċessur ieħor issieħeb fl-inizjattiva peress li jixtieq jisfrutta s-suq għal prodotti aktar sostenibbli. L-inizjattiva tistabbilixxi wkoll li l-biċċerija involuta toqtol esklużivament ħnieżer imrobbija f’konformità mal-istandards tat-trattament xieraq tal-annimali kkonċernati sabiex jiġi evitat li l-laħam tagħhom jitħallat ma’ dak tal-annimali mrobbija b’mod konvenzjonali.

Pass 1:

L-istandard tas-sostenibbiltà jista’ jiġi ssodisfat bl-istess mod billi tittieħed azzjoni individwali?

L-ewwel alternattiva li jeħtieġ li titqies hija jekk l-istandard ta’ sostenibbiltà jistax jiġi ssodisfat mill-parteċipanti fil-ftehim billi jaġixxu individwalment aktar milli flimkien. Bidwi li individwalment iżid l-ammont ta’ spazju għal kull ħanżir fil-farm tiegħu jitlef parti mill-introjtu tiegħu, u possibbilment anke aċċess għax-xerrejja tiegħu, għal bdiewa oħrajn minħabba t-tnaqqis fil-provvista tiegħu fil-kwantità jew iż-żieda fil-prezz tal-bejgħ tiegħu. Fl-istess ħin, filwaqt li l-bdiewa li jaġixxu flimkien mingħajr l-involviment tal-proċessuri jikkompetu kontra xulxin fuq termini ugwali, xorta waħda jbatu minn żvantaġġ meta mqabbla ma’ bdiewa li ddeċidew li ma jipparteċipawx fil-ftehim ta’ sostenibbiltà. Dawn ikollhom ukoll diffikultajiet sabiex isibu xerrejja li jaqblu li jħallsu prezz ogħla għal-laħam mill-annimali mrobbija b’mod sostenibbli. Għalhekk, ftehim bejn il-bdiewa nfushom u bejn il-bdiewa u l-proċessuri bħala x-xerrejja tal-prodotti tal-laħam x’aktarx li jkun indispensabbli, għall-kuntrarju ta’ azzjoni unilaterali. Fl-aħħar nett, l-involviment tal-biċċerija huwa fil-prinċipju meħtieġ peress li jiżgura s-separazzjoni tal-laħam miksub mill-ħnieżer li huma soġġetti għall-ftehim u l-laħam derivat minn dawk li ma humiex.

L-indispensabbiltà tad-dispożizzjoni tal-ftehim ta’ sostenibbiltà

Imbagħad, fir-rigward tal-pagament għall-primjum fuq il-prezz, bħala alternattiva, il-proċessuri jistgħu jimpenjaw ruħhom li jixtru l-laħam kollu li joriġina mill-ħnieżer imrobbija f’konformità mal-inizjattiva bil-prezz tal-ħnieżer konvenzjonali. Il-bdiewa normalment ma jkollhomx problemi sabiex isibu xerrejja, u faċilment ikunu jistgħu jbigħu l-prodotti tal-laħam li joriġinaw mill-ħnieżer tagħhom. Madankollu, kieku kellhom japplikaw il-kriterji ta’ sostenibbiltà, ikollhom ibigħu b’telf peress li jkollhom inaqqsu l-għadd ta’ annimali filwaqt li ma jirċievu xejn bi skambju. Għalhekk, pagament għall-primjum fuq il-prezz x’aktarx li jkun indispensabbli.

Fir-rigward tal-impenn mill-biċċerija li toqtol biss annimali mrobbija f’konformità mal-istandard ta’ sostenibbiltà, alternattiva tista’ tkun li l-bdiewa jitolbu lill-biċċerija biex tissepara u tidentifika b’mod ċar il-laħam li jiġi mill-ħnieżer tagħhom. Dan x’aktarx iwassal għal xi kostijiet addizzjonali peress li ż-żamma ta’ żewġ linji separati f’biċċerija tista’ tirriżulta f’ineffiċjenzi fit-tbiċċir tal-annimali. Madankollu, sakemm il-biċċerija jirnexxilha ssib mod effiċjenti ta’ ġestjoni taż-żewġ linji, it-tbiċċir taż-żewġ tipi ta’ annimali jħalli fatturat ogħla u b’hekk jiġi kkumpensat għall-kostijiet tas-separazzjoni taż-żewġ tipi ta’ laħam għall-ipproċessar. Għalhekk, il-ftehim mal-biċċerija sabiex jinqatlu biss annimali mrobbija b’mod sostenibbli ma huwiex probabbli li jkun indispensabbli.

Pass 2: L-indispensabbiltà tan-natura u tal-intensità tar-restrizzjoni

Fil-każ tal-pagament għall-primjum fuq il-prezz riċevut mill-bdiewa għall-għoti ta’ aktar spazju lill-ħnieżer, ftehim dwar il-prezz totali jew dwar prezz minimu għall-prodotti tal-laħam jista’ jkun restrizzjoni alternattiva. Madankollu, il-qbil dwar il-prezz totali jkopri ħafna aspetti tal-kost tal-produzzjoni li ma humiex relatati mal-istandard ta’ sostenibbiltà, pereżempju, il-prezzijiet tal-input, l-avvenimenti tat-temp u l-mard. Barra minn hekk, filwaqt li prezz minimu, stabbilit f’livell għoli biżżejjed li jitqiesu l-kostijiet għat-titjib tas-sostenibbiltà, jista’ jiżgura li l-produtturi jiġu kkumpensati għall-isforzi tagħhom, dan jinjora l-possibbiltà li l-elementi l-oħra tal-prezz għal-laħam tal-majjal, bħall-inputs, l-infrastruttura u l-istaġjonalità tal-prodott, jistgħu jkunu soġġetti għal bidla fil-futur u l-prezz minimu miftiehem ma jibqax jirrifletti b’mod akkurat il-kostijiet tal-bdiewa. Il-pagament tal-primjum fuq il-prezz x’aktarx li jkun indispensabbli minħabba li jikkorrispondi għal telf ta’ profitt li l-bdiewa jġarrbu billi jrabbu anqas ħnieżer u jżommu l-possibbiltà li komponenti oħrajn tal-prezzijiet jistgħu jvarjaw liberament soġġetti għal bidliet fis-suq.

L-iffissar tal-pagament tal-primjum fuq il-prezz għal EUR 1 għal kull kilogramma ta’ laħam prodott x’aktarx li jkun indispensabbli wkoll. Dan ikun il-każ jekk il-pagament jirrifletti t-telf ta’ profitt li l-bdiewa jġarrbu billi ma kellhomx l-istess output li kieku rabbew il-ħnieżer b’mod konvenzjonali kif ukoll marġni żgħir, inqas minn 20 % tal-kumpens għall-kostijiet imġarrba u għad-dħul mitluf, biex il-bdiewa jiġu mħeġġa jidħlu fil-ftehim. Mingħajr dan il-marġni, u jekk il-bdiewa kienu sempliċiment ikkumpensati għall-kostijiet addizzjonali mġarrba u għad-dħul mitluf, dawn jistgħu ma jkunux interessati li jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex jilħqu l-istandard ta’ sostenibbiltà.

Ma hemmx bżonn li jiġi vvalutat jekk l-għadd ta’ bdiewa jew proċessuri li ngħaqdu mal-inizjattiva huwiex indispensabbli, kif huwa spjegat fit-Taqsima 5.4.2.3.

Eżempju 3: Grupp ta’ tliet kooperattivi tal-ħalib jiżviluppa marka ta’ kwalità għall-ġobon. Il-marka tal-kwalità tirrikjedi li l-produtturi jiċċertifikaw li l-ħalib li jintuża fil-ġobon tagħhom jiġi prodott esklużivament permezz ta’ metodi organiċi. Il-marka tal-kwalità tirrikjedi li l-produzzjoni kollha tal-ħalib fil-ġobon titwettaq permezz ta’ lista speċifika predefinita ta’ metodi organiċi sabiex jiġi ggarantit li ma jkunx hemm taħlit ta’ ħalib organiku u tipi oħrajn ta’ ħalib. Tali metodu ta’ produzzjoni jimplika kostijiet addizzjonali għall-produtturi, inaqqas il-libertà tagħhom li jagħżlu metodi alternattivi ta’ produzzjoni ta’ ġobon organiku u l-kapaċità tagħhom li jkomplu joffru ħalib konvenzjonali għall-prodotti tal-ġobon. Volumi simili ta’ prodotti għal dawk previsti mill-kooperattiva tal-ħalib u prodotti permezz ta’ metodi ta’ produzzjoni simili diġà tnedew b’suċċess. Id-domanda tal-konsumaturi għall-ġobon organiku hija għolja u l-konsumaturi diġà qed iħallsu prezz ogħla għal dak il-ġobon. Dan, min-naħa tiegħu, iwassal għal domanda fost il-klijenti tal-kooperattivi biex jiksbu ġobon organiku u l-kooperattivi tal-ħalib jistgħu jirkupraw il-kostijiet marbuta mar-rekwiżiti addizzjonali.

Pass 1: L-istandard tas-sostenibbiltà jista’ jiġi ssodisfat bl-istess mod billi tittieħed azzjoni individwali?

Ċerti produtturi diġà japplikaw individwalment standards ta’ sostenibbiltà ogħla minn dawk obbligatorji mid-dritt tal-Unjoni jew nazzjonali, u l-prodotti manifatturati f’konformità ma’ dawk l-istandards huma ta’ kwalità u volumi komparabbli ma’ dawk previsti mill-ftehim. Hemm ukoll domanda kemm għall-konsumatur kif ukoll għax-xerrej għall-ġobon organiku. Għalhekk, il-kooperattivi se jkunu jistgħu japplikaw l-istandard individwalment u jissodisfaw id-domanda dejjem akbar tal-konsumaturi għal ġobon sostenibbli billi joħolqu t-tikketta tagħhom stess. Għalhekk, il-ħtieġa ta’ kooperazzjoni ma tidhirx li hija indispensabbli.

Eżempju 4: F’ċerti żminijiet kull sena, il-volum ta’ ċerti ħxejjex disponibbli jaqbeż id-domanda. B’riżultat ta’ dan, bejn 7 % u 15 % tal-ħsad annwali tal-ispinaċi jinħela. Il-kooperattivi pprovaw jimplimentaw strateġiji differenti individwalment sabiex jippjanaw jew jaħżnu l-prodott żejjed, iżda ma rnexxielhomx iżommu t-telf tagħhom taħt il-medja ta’ 7 %. Huma ppruvaw ukoll inixxfu l-ispinaċi u jbigħuh, iżda ma hemmx domanda tal-konsumatur għal tali prodott.

Sabiex titnaqqas din il-ħela, grupp ta’ kooperattivi tal-ispinaċi jiddeċiedi li jiskambja informazzjoni dwar il-kunsinni ta’ kull ġimgħa tal-ispinaċi lill-klijenti sabiex ikunu jistgħu jippjanaw il-provvista u d-domanda b’mod aktar akkurat. Il-kooperattivi jiġġustifikaw dan l-iskambju billi jiddikjaraw li se jistabbilixxu sistema ta’ rotazzjoni fejn kull xahar kooperattiva differenti jkun imissha tnaqqas il-produzzjoni tagħha b’ċertu perċentwal biex tlaħħaq mad-domanda mistennija għall-ispinaċi fix-xahar ta’ wara.

Pass 1:

L-istandard tas-sostenibbiltà jista’ jiġi ssodisfat bl-istess mod billi tittieħed azzjoni individwali?

Il-ħtieġa li jkun hemm kooperazzjoni tidher li hija indispensabbli peress li l-azzjoni individwali sabiex tiġi indirizzata l-ħela tal-ikel ma rnexxietx.

L-indispensabbiltà tad-dispożizzjoni tal-ftehim ta’ sostenibbiltà

Il-kooperattivi tal-ispinaċi għandhom l-għan li jilħqu l-istandard permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar il-provvista u d-domanda. Inkella, jistgħu jaqblu dwar volumi ta’ produzzjoni mnaqqsa għal kull kooperattiva. Madankollu, dan ma jindirizzax il-kwistjoni peress li jkun diffiċli li wieħed jantiċipa b’ċertezza kemm il-kooperattiva għandha tnaqqas il-produzzjoni tagħha. Barra minn hekk, xorta jkun hemm perjodi meta d-domanda tkun ogħla u għalhekk il-kooperattivi ma jkunux jistgħu jissodisfaw l-ordnijiet tal-klijenti tagħhom. Barra minn hekk, ftehim dwar il-volumi tal-produzzjoni jkun aktar restrittiv minn wieħed dwar l-iskambju ta’ informazzjoni.

Il-ftehim għall-iskambju ta’ informazzjoni jindirizza din il-kwistjoni billi jipprovdi informazzjoni regolari dwar l-istat tas-suq u jippermetti aġġustament tal-provvista preċiżament fix-xahar ta’ wara. Għalhekk jidher li huwa raġonevolment meħtieġ li jiġi ssodisfat l-istandard tat-tnaqqis tal-ħela tal-ikel.

Pass 2: L-indispensabbiltà tan-natura u tal-intensità tar-restrizzjoni

F’termini tal-indispensabbiltà tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-ftehim, l-iskambju ta’ informazzjoni dwar parametru bħall-kunsinni ta’ kull xahar lill-klijenti huwa restrizzjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni. Il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni aggregata fuq bażi ta’ kull xahrejn jew ta’ kull 3 xhur minflok fuq waħda ta’ kull xahar tkun alternattiva inqas restrittiva u realistika. L-aggregazzjoni u l-kompilazzjoni tad-data b’mod anqas frekwenti jirriżulta li l-bejgħ tal-kooperattivi individwali lil klijenti individwali ma jkunx identifikabbli. Fl-istess ħin, bil-kondiviżjoni tad-data fuq bażi ta’ kull xahrejn jew kull 3 xhur, il-produtturi xorta jkunu konxji mid-domanda tas-suq għall-ispinaċi fix-xahrejn jew fit-3 xhur preċedenti, sabiex ikunu jistgħu jaġġustaw il-produzzjoni tagħhom stess fix-xhur ta’ wara.

B’riżultat ta’ dan, il-ftehim li tiġi kondiviża informazzjoni fuq bażi ta’ kull xahar jonqos milli jissodisfa l-pass 2 tat-test tal-indispensabbiltà.

6.   KAMP TA’ APPLIKAZZJONI TEMPORALI TAL-ARTIKOLU 210A

6.1.   Ftehimiet ta’ sostenibbiltà konklużi qabel il-pubblikazzjoni tal-linji gwida

(134)

L-Artikolu 210a daħal fis-seħħ fit-8 ta’ Diċembru 2021. Il-ftehimiet ta’ sostenibbiltà li ġew konklużi qabel dik id-data jistgħu jibbenefikaw mill-esklużjoni stabbilita fl-Artikolu 210a biss mit-8 ta’ Diċembru 2021. Qabel it-8 ta’ Diċembru 2021, il-ftehimiet ta’ sostenibbiltà ma jistgħux jibbenefikaw mill-esklużjoni stabbilita fl-Artikolu 210a u huma soġġetti għar-regoli tal-kompetizzjoni fis-seħħ dak iż-żmien.

(135)

Kwalunkwe ftehim ta’ sostenibbiltà konkluż bejn it-8 ta’ Diċembru 2021 u l-pubblikazzjoni ta’ dawn il-linji gwida għandu jiġi allinjat minnufih mal-Artikolu 210a u mal-Artikolu 101 tat-TFUE wara d-data tal-pubblikazzjoni ta’ dawn il-linji gwida.

Eżempju: Bosta produtturi jidħlu fi ftehim qabel il-pubblikazzjoni tal-linji gwida. Huma jimpenjaw ruħhom li jieqfu jużaw erbiċida awtorizzata, li spiss tiġi misjuba fil-provvisti tal-ilma tax-xorb. Sabiex jiffinanzjaw it-tranżizzjoni lejn metodu ta’ produzzjoni aktar sostenibbli, huma jaqblu li jiffissaw temporanjament il-prezzijiet għal EUR 0,50 għal kull kilogramma prodott.

Wara l-pubblikazzjoni ta’ dawn il-linji gwida, huwa ċar għall-partijiet li pagament tal-primjum fuq il-prezz kien ikun biżżejjed sabiex jintlaħaq l-istandard. Għalhekk, il-ftehim ma jissodisfax it-tieni pass tat-test tal-indispensabbiltà. B’riżultat ta’ dan, il-partijiet għandhom jaġġornaw il-qbil tagħhom mill-aktar fis possibbli biex jikkonformaw mal-Artikolu 210a, billi jissostitwixxu l-iffissar tal-prezzijiet b’pagament tal-primjum fuq il-prezz.

6.2.   Force majeure

(136)

Jekk xi termini tal-ftehim li huma strumentali għall-applikabbiltà tal-Artikolu 210a ma jibqgħux jiġu ssodisfati b’mod temporanju minħabba force majeure, il-ftehim xorta jista’ jibbenefika mill-esklużjoni għal ċertu perjodu dment li: (i) il-partijiet jieħdu l-passi kollha meħtieġa mingħajr dewmien sabiex jerġgħu jistabbilixxu t-termini inkwistjoni; u (ii) il-ftehim jikkonforma mar-rekwiżiti l-oħra tal-esklużjoni.

(137)

Force majeure ma hijiex limitata għal impossibbiltà assoluta iżda trid tinftiehem fis-sens ta’ ċirkostanzi mhux tas-soltu u bla preċedent, barra mill-kontroll tal-produttur jew tal-operatur. Il-konsegwenzi tagħha, minkejja l-eżerċizzju tal-attenzjoni meħtieġa kollha, ma setgħux jiġu evitati ħlief akkost ta’ sagrifiċċju eċċessiv (39). Force majeure tinkludi avvenimenti estremi tat-temp, pereżempju nixfiet jew għargħar eċċessivi, diżastri naturali (pereżempju terremoti), fallimenti tal-infrastruttura (pereżempju l-falliment tas-sistema tat-trasport u l-qerda aċċidentali tal-bini tal-bhejjem), inkwiet ċivili (pereżempju protesti wiesgħa u fit-tul tal-operaturi fil-katina tal-provvista agroalimentari), it-tifqigħa ta’ marda (pereżempju t-tifqigħa tal-COVID-19, tifqigħa epiżootika jew marda tal-pjanti) jew ċirkostanzi eċċezzjonali oħra fil-livell ta’ operatur individwali. Ċirkostanzi mhux tas-soltu bħal dawn irid ikollhom impatt dirett u konsiderevoli fuq il-produzzjoni jew il-kummerċ ta’ prodotti agrikoli.

6.3.   Perjodu ta’ tranżizzjoni

(138)

Ftehim ta’ sostenibbiltà jista’ jibbenefika mill-esklużjoni għal ċertu perjodu wara l-konklużjoni tiegħu u qabel ma fil-fatt tibda l-attività sostenibbli. Dak jista’ jkun il-każ biss fejn ikun meħtieġ ċertu perjodu ta’ żmien sabiex tiġi implimentata l-attività sostenibbli, u dment li r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni matul il-perjodu tranżitorju tkun indispensabbli. Dan ifisser li l-attività sostenibbli hija anqas probabbli li sseħħ jekk ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni ma tiġix applikata matul dan il-perjodu.

Eżempju: F’Jannar 2023, diversi produtturi agrikoli qablu li jibdlu l-metodu ta’ produzzjoni tagħhom biex jieqfu jużaw erbiċida li jniġġes awtorizzat li spiss jiġi skopert fil-provvisti tal-ilma tax-xorb. Peress li kien hemm bżonn ta’ xi żmien sabiex jinbidel il-metodu ta’ produzzjoni, it-tnedija tal-prodott finali li jniġġes anqas hija mistennija f’Settembru 2023. Il-produtturi, minn Jannar 2023, qablu fuq pagament tal-primjum fuq il-prezz għall-prodott li juża l-erbiċida problematika, sabiex jiffinanzjaw l-investiment meħtieġ għat-tranżizzjoni.

Il-pagament tal-primjum fuq il-prezz jista’ jingħata minn Jannar 2023 jekk il-produtturi ma jkunux jistgħu jkopru l-kostijiet tal-investiment tagħhom biss billi jagħtu l-pagament tal-primjum fuq il-prezz minn Settembru 2023, wara t-tnedija tal-prodott alternattiv. Fin-nuqqas ta’ primjum fuq il-prezzijiet li jibda minn Jannar 2023, ma jkunux jistgħu jqisu li jieħdu l-inizjattiva ta’ sostenibbiltà. Madankollu, jekk il-partijiet ikunu jistgħu jkopru l-kostijiet tal-investiment tagħhom billi jagħtu l-pagament tal-primjum fuq il-prezz f’Settembru 2023, allura l-applikazzjoni tal-pagament tal-primjum fuq il-prezz qabel din id-data ma tkunx indispensabbli.

6.4.   In-nuqqas li jiġi ssodisfat l-istandard

(139)

Fin-nuqqas ta’ force majeure, jekk il-partijiet jonqsu milli jissodisfaw l-istandard ta’ sostenibbiltà, dawn ma jistgħux ikomplu jibbenefikaw mill-esklużjoni.

(140)

In-nuqqas li jiġi ssodisfat l-istandard ta’ sostenibbiltà jista’ jseħħ, pereżempju, meta l-partijiet ma jirnexxilhomx jilħqu l-istandard fil-perjodu ta’ żmien ippjanat. Dan jista’ jseħħ ukoll meta, minħabba kalkolu ħażin inizjali, l-applikazzjoni tal-istandard tkun tirrappreżenta spiża għalja wisq għall-partijiet. Jista’ jiġri wkoll li l-implimentazzjoni tal-istandard ma tkunx possibbli fil-prattika minħabba fattur li ma jikkostitwix force majeure, bħal diffikultajiet ekonomiċi mhux mistennija tal-partijiet, jew in-nuqqas temporanju ta’ input essenzjali li għalih hemm sostituti jew soluzzjonijiet alternattivi.

(141)

F’każijiet bħal dawn, il-partijiet ma jistgħux ikomplu jibbenefikaw mill-esklużjoni u għandhom jieqfu japplikaw ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni. L-esklużjoni ma tibqax valida meta l-ilħuq tal-istandard ma jibqax possibbli. Jekk l-irtirar immedjat mill-ftehim ikollu konsegwenzi ekonomiċi sinifikanti għall-partijiet, dawn jistgħu jibqgħu japplikawh għal perjodu tranżitorju meħtieġ, f’konformità mat-Taqsima 6.5 dwar ir-rieżami li jkun għaddej u kontinwu tal-kundizzjoni tal-indispensabbiltà.

(142)

Il-partijiet jistgħu jiddeċiedu wkoll li jnaqqsu l-livell ta’ ambizzjoni li jimmiraw għalih bl-istandard ta’ sostenibbiltà. F’dan il-każ, huma għandhom jadattaw il-livell ta’ restrizzjoni jew jimmodifikaw it-tip ta’ restrizzjoni, kif meħtieġ mill-kriterju tal-indispensabbiltà.

Eżempju: Żewġ produtturi qablu li jinvestu flimkien fir-riċerka u l-iżvilupp fir-rigward ta’ metodu ta’ produzzjoni ġdid li jidher li jkun aktar sostenibbli. Dak jimplika l-iffissar tal-prezzijiet sabiex jiġi ffinanzjat investiment ġdid bħal dan. Minħabba l-bidu ta’ kriżi ekonomika wara li jkunu kkonkludew il-ftehim, il-partijiet ma jibqgħux jistgħu jiffinanzjaw ir-riċerka, u jiddeċiedu li jwaqqfu l-investiment fir-riċerka.

Peress li l-partijiet naqsu milli jimplimentaw l-istandard, minħabba raġuni mhux relatata ma’ force majeure, ma jistgħux ikomplu jirrestrinġu l-kompetizzjoni, jiġifieri jiffissaw il-prezzijiet.

6.5.   Rieżami li jkun għaddej u kontinwu tal-indispensabbiltà

6.5.1.   F’liema każijiet x’aktarx li ma tibqax tiġi ssodisfata l-indispensabbiltà?

(143)

Li wieħed jgħaddi mit-test tal-indispensabbiltà skont l-Artikolu 210a fi stadju inizjali tal-proċess ma jagħtix garanzija li wieħed se jgħaddi mit-test fi stadji aktar tard, b’mod partikolari meta jkun hemm bidliet materjali fil-kuntest ekonomiku u legali li fih jopera l-ftehim ta’ sostenibbiltà. Għalhekk, il-partijiet iridu jirrieżaminaw kontinwament jekk l-implimentazzjoni tal-ftehim għadhiex tissodisfa l-kundizzjoni ta’ indispensabbiltà.

(144)

Meta ftehim ta’ sostenibbiltà jew ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li jkun fih ma jkunux jistgħu jibqgħu jiġu kkunsidrati indispensabbli, l-Artikolu 210a ma jibqax japplika. Kwalunkwe restrizzjoni tal-kompetizzjoni li l-partijiet iżommu wara li ma jibqgħux indispensabbli ma tibqax koperta mill-Artikolu 210a.

(145)

Eżempju ta’ bidla fiċ-ċirkostanzi materjali li tagħmel neċċessarja valutazzjoni mill-ġdid tal-indispensabbiltà ta’ ftehim ta’ sostenibbiltà jew ta’ restrizzjoni huwa l-bidla fil-kost tal-iżvilupp jew tal-implimentazzjoni tal-ftehim ta’ sostenibbiltà jew tal-istandard ta’ sostenibbiltà. Il-bidliet fil-kostijiet jistgħu jqajmu dubji dwar l-indispensabbiltà tal-ftehim jew tar-restrizzjonijiet speċifiċi tal-kompetizzjoni li inizjalment ikunu ġew deċiżi mill-parteċipanti.

Eżempju: Produtturi u bejjiegħa bl-imnut jaqblu dwar it-tkabbir ta’ tip ġdid ta’ qamħirrum li huwa aktar reżistenti għall-pesti u għalhekk jirrikjedi l-użu ta’ anqas pestiċidi mill-varjetajiet l-oħra ta’ qamħirrum. Madankollu, iż-żrieragħ għall-varjetà l-ġdida huma aktar għaljin u jinbiegħu għal EUR 6 għal kull kilogramma. Il-bejjiegħa bl-imnut jaqblu li se jiffinanzjaw ix-xiri taż-żrieragħ aktar għaljin billi jistabbilixxu pagament tal-primjum fuq il-prezz għall-qamħirrum imkabbar. Fl-istadji aktar tard tal-implimentazzjoni tal-ftehim ta’ sostenibbiltà, il-kost taż-żrieragħ jonqos għal EUR 1 għal kull kilogramma hekk kif ikun hemm domanda akbar għall-għalla, u jkun hemm aktar żrieragħ fis-suq.

Il-bidla fil-prezz taż-żrieragħ, li huma input għall-qamħirrum, tfisser li l-partijiet jeħtiġilhom jivvalutaw mill-ġdid kemm għandu jkun il-primjum fuq il-prezz, u jekk il-bejjiegħa bl-imnut għandhomx bżonn jappoġġaw il-ftehim permezz ta’ pagament tal-primjum fuq il-prezz.

(146)

Bidla oħra li titlob valutazzjoni mill-ġdid tal-indispensabbiltà ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni tkun intervent regolatorju li jgħolli l-livell ta’ ambizzjoni ta’ standard ta’ sostenibbiltà li kien jeżisti qabel fiż-żona partikolari. F’każ bħal dan, l-indispensabbiltà tal-ftehim jew ir-restrizzjonijiet li jkun fih għandhom jiġu vvalutati mill-ġdid peress li fil-bidu ġew deċiżi abbażi ta’ qafas legali obbligatorju differenti. Ladarba r-regoli obbligatorji jimponu standard ogħla, il-ftehim jew ir-restrizzjonijiet jista’ jkollhom bżonn jinbidlu sabiex jakkomodaw il-livell ta’ ambizzjoni li issa huwa aktar baxx tal-ftehim inizjali. Il-ħtieġa li jkun hemm kooperazzjoni tista’ ma tibqax indispensabbli u restrizzjoni ta’ natura jew ta’ intensità differenti tista’ tkun aktar xierqa. F’ċerti każijiet, ir-rivalutazzjoni tista’ twassal sabiex il-partijiet jikkonkludu li restrizzjoni tal-kompetizzjoni ma għadhiex indispensabbli.

Eżempju: Produtturi, proċessuri u bejjiegħa bl-imnut jaqblu dwar pagament tal-primjum fuq il-prezz għat-trobbija tal-annimali mingħajr l-użu ta’ gaġeġ. Il-liġi tirrikjedi li kull annimal ikollu mill-anqas 0,2 m2 ta’ spazju. Xi żmien wara dan, il-leġiżlazzjoni obbligatorja tiġi emendata u timponi rekwiżit ġdid ta’ 0,5 m2.

L-istandard ta’ sostenibbiltà li jimponi r-rekwiżit li l-annimali jitrabbew “fil-beraħ” xorta jista’ jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ primjum fuq il-prezz. Madankollu, peress li l-liġi għolliet l-istandard obbligatorju, il-livell tal-primjum fuq il-prezz jeħtieġ li jiġi vvalutat mill-ġdid, li f’ċerti każijiet jista’ jwassal għal prezz aktar baxx.

(147)

Eżempju ieħor huwa meta l-partijiet jixtiequ jibdlu l-istandard ta’ sostenibbiltà li l-ftehim għandu l-għan li jilħaq. Il-partijiet jistgħu jkunu jixtiequ jistabbilixxu standard ta’ sostenibbiltà li jkun għadu ogħla mir-regoli obbligatorji tal-Unjoni jew dawk nazzjonali, iżda anqas ambizzjuż mill-istandard ta’ sostenibbiltà miftiehem inizjalment. F’dak il-każ, il-ftehim innifsu jew ir-restrizzjonijiet inizjali jaf ma jibqgħux indispensabbli sabiex jiġi ssodisfat l-istandard li jkun għadu kif ġie stabbilit. Għalhekk jista’ jkun ġustifikat aġġustament tal-ftehim jew tar-restrizzjonijiet.

(148)

Il-fatt li prodotti ta’ kwalitajiet u volumi simili għal dawk koperti mill-ftehim tnedew b’suċċess b’mod unilaterali jew mingħajr l-istess restrizzjonijiet ta’ kompetizzjoni jista’ potenzjalment jindika bidla materjali fiċ-ċirkostanzi. Id-domanda għal prodott sostenibbli tista’ tiżdied minħabba l-ftehim ta’ sostenibbiltà jew fatturi oħra, bħal żieda fl-interess tal-konsumatur fix-xiri ta’ prodotti ta’ kwalità ta’ sostenibbiltà simili. B’riżultat ta’ dan, il-maġġoranza l-kbira tal-operaturi, jekk mhux kollha, jista’ jkollhom inċentiv qawwi biex jaqilbu għall-metodu ta’ produzzjoni sostenibbli jew għall-kummerċ f’dak il-prodott. F’dak il-każ, il-partijiet għandhom jivvalutaw mill-ġdid l-indispensabbiltà tal-ftehim jew tar-restrizzjoni.

(149)

L-innovazzjonijiet fil-proċessi tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni jistgħu jeħtieġu wkoll valutazzjoni mill-ġdid tal-indispensabbiltà ta’ restrizzjoni fi ftehim. Dan jista’ jkun il-każ meta l-ftehim kien meħtieġ sabiex jiġi żviluppat b’mod konġunt ċertu prodott jew proċess jew sabiex jiġi introdott b’mod konġunt ċertu prodott fis-suq, iżda meta, wara xi żmien u investiment, il-partijiet ikunu jistgħu jipproduċu u jikkummerċjalizzaw il-prodotti mingħajr il-ħtieġa ta’ kooperazzjoni.

Eżempju: Ftehim bejn organizzazzjoni tal-produtturi u l-manifatturi jippermetti lill-manifatturi jinvestu fit-teknoloġija tal-intelliġenza artifiċjali (“AI”) li tista’ tiskopri mard fil-pjanti kmieni, u dan iwassal għal rendimenti ogħla. Il-manifatturi jaqblu li jixtru t-teknoloġija għall-produtturi u jkopru l-kostijiet operatorji tat-teknoloġija billi jaqblu dwar prezz minimu għall-prodotti manifatturati mill-PO. Min-naħa tiegħu, il-ftehim jeħtieġ li l-membri tal-PO jilliċenzjaw it-teknoloġija, biex jiżguraw li jkun hemm biżżejjed detenturi tal-liċenzja, u b’hekk it-tariffi tal-liċenzji, biex ikopru l-kostijiet tal-investiment.

Ladarba t-teknoloġija tkun ġiet ittestjata u twassal għal rendimenti ogħla, l-indispensabbiltà tal-prezz minimu jkollha tiġi vvalutata mill-ġdid mill-produtturi. Peress li issa qegħdin jipproduċu aktar, dawn jistgħu jkunu kapaċi jkopru l-kostijiet operatorji tat-teknoloġija huma stess.

(150)

Ma hemm l-ebda rekwiżit eżatt dwar kemm spiss l-operaturi jeħtiġilhom iwettqu rieżami tal-indispensabbiltà. L-operaturi involuti fi ftehim ta’ sostenibbiltà huma fl-aħjar pożizzjoni biex jivvalutaw meta sseħħ bidla materjali fil-kuntest ekonomiku u legali li fih joperaw. Dawn għandhom jieħdu ħsieb kif xieraq li jżommu lilhom infushom informati dwar l-iżviluppi rilevanti u jaġixxu b’rieda tajba.

6.5.2.   X’inhuma l-opzjonijiet tal-partijiet meta r-restrizzjonijiet jiġu ddeterminati li ma għadhomx indispensabbli?

6.5.2.1.   Opzjoni 1: emenda tal-ftehim ta’ sostenibbiltà

(151)

Meta ftehim ta’ sostenibbiltà ma jkunx għadu indispensabbli, dan jista’ jiġi emendat. Pereżempju, jekk il-kwistjoni tkun li l-istandard ta’ sostenibbiltà miftiehem ma jkunx għadu jista’ jintlaħaq, jista’ jintlaħaq qbil dwar standard differenti li jkun għadu ogħla minn dak obbligatorju mid-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali. Jekk il-kwistjoni tkun li t-tip ta’ dispożizzjoni ma jkunx indispensabbli biex jintlaħaq l-istandard ta’ sostenibbiltà, jista’ jiġi adottat tip ta’ dispożizzjoni li jkun indispensabbli. Bl-istess mod, jekk il-kwistjoni tkun li r-restrizzjonijiet speċifiċi li l-ftehim jimponi ma għadhomx indispensabbli sabiex jiġi ssodisfat l-istandard ta’ sostenibbiltà, ir-restrizzjonijiet jistgħu jiġu emendati sabiex jagħmluhom indispensabbli jew sempliċiment jirrevokaw dawk ir-restrizzjonijiet kompletament.

6.5.2.2.   Opzjoni 2: it-terminazzjoni tal-ftehim ta’ sostenibbiltà

(152)

Jekk il-partijiet ma jkunux jistgħu, jew ma jkunux jixtiequ, jemendaw il-ftehim ta’ sostenibbiltà tagħhom sabiex ikomplu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 210a, għandhom jitterminaw il-ftehim malli dan ma jibqax indispensabbli.

(153)

Madankollu, meta l-partijiet ikunu għamlu investimenti abbażi tar-restrizzjonijiet eżistenti tal-kompetizzjoni li kienu indispensabbli sabiex jiġi ssodisfat l-istandard ta’ sostenibbiltà fiż-żmien li saru, l-Artikolu 210a ma jżommhomx milli jirkupraw il-kostijiet kollha li kienu ġarrbu fl-iżvilupp jew fl-implimentazzjoni tal-istandard ta’ sostenibbiltà inkwistjoni. Għalhekk, il-ftehim ta’ sostenibbiltà xorta jista’ jibbenefika mill-esklużjoni stabbilita fl-Artikolu 210a għall-perjodu meħtieġ sabiex il-ftehim jiġi rtirat u jiġu rkuprati l-investimenti tagħhom. Dan ma jkunx il-każ meta ftehim ta’ sostenibbiltà ma jibqax indispensabbli minħabba bidla regolatorja li tistabbilixxi standard obbligatorju tal-Unjoni jew nazzjonali ugwali għal jew ogħla mill-istandard stabbilit fil-ftehim jekk l-adozzjoni tal-bidla regolatorja tkun prevedibbli dak iż-żmien tal-konklużjoni tal-ftehim.

Eżempju: Il-bdiewa lokali tal-pollam jaqblu b’mod konġunt li jipprovdu aktar spazju għall-għajxien għal kull annimal. Sabiex jitnaqqsu l-kostijiet ta’ tranżizzjoni tagħhom, huma jidħlu fi ftehim max-xerrejja tagħhom, li permezz tiegħu dawn tal-aħħar jaqblu fuq primjum fiss fuq il-prezz, sabiex ikopru l-kost addizzjonali tal-istandard il-ġdid ta’ sostenibbiltà. Il-ftehim jiġi ffirmat f’Marzu 2024, b’perjodu ta’ avviż formali ta’ sena f’każ ta’ terminazzjoni unilaterali. Il-perjodu ta’ avviż jiżgura ppjanar adegwat għax-xerrejja, li jkunu jixtiequ jpoġġu lilhom infushom fis-suq bħala fornituri ta’ pollam sostenibbli u li għamlu investimenti biex jagħmlu dan. F’Ġunju 2024 se tiġi adottata leġiżlazzjoni lokali ġdida u se tibda tapplika minn Diċembru 2024. Din tirrikjedi li l-produzzjoni agrikola kollha f’dak ir-reġjun talloka l-istess ammont eżatt ta’ spazju lill-annimali kif previst fil-ftehim.

Peress li r-rekwiżit tal-ispazju minimu jsir obbligu legali f’Diċembru 2024, ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni ma għadhiex indispensabbli. Madankollu, it-terminazzjoni tal-ftehim max-xerrejja qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ avviż formali jista’ jkollha konsegwenzi finanzjarji serji għall-partijiet. Il-partijiet aġixxew b’rieda tajba minħabba li l-liġi l-ġdida ma kinitx prevedibbli meta kkonkludew il-ftehim. Għalhekk, jistgħu jkomplu jibbenefikaw mill-esklużjoni stabbilita fl-Artikolu 210a sakemm jintemm l-avviż formali, jiġifieri sa Ġunju 2025.

7.   SISTEMA TA’ OPINJONI SKONT L-ARTIKOLU 210A(6)

7.1.   L-applikanti tat-talba

(154)

Mit-8 ta’ Diċembru 2023, l-Artikolu 210a(6) jippermetti lill-produtturi jew lill-assoċjazzjonijiet tal-produtturi jitolbu opinjoni mingħand il-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà tal-ftehimiet ta’ sostenibbiltà tagħhom mal-Artikolu 210a. Il-partijiet għall-ftehim ta’ sostenibbiltà li ma humiex produtturi jistgħu jissieħbu fit-talba. L-IBOs jistgħu jippreżentaw ukoll talba għal opinjoni skont l-Artikolu 210a(6).

(155)

Opinjoni tista’ tintalab biss f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 210a(6) tar-Regolament dwar l-OKS. Għall-esklużjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 209 u 210 tar-Regolament dwar l-OKS, l-operaturi għandhom jużaw il-proċedura rilevanti biex jitolbu l-opinjoni indikata f’dawk l-artikoli. Għal kwalunkwe inċertezza oħra dwar każijiet li jippreżentaw mistoqsijiet ġodda jew mhux solvuti dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 jew 102 tat-TFUE, l-operaturi huma mistiedna jikkonsultaw lill-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ ftehim mal-liġi tal-kompetizzjoni abbażi tal-avviż rilevanti tal-Kummissjoni (40).

(156)

Il-produtturi jew l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi jistgħu jitolbu opinjoni fi kwalunkwe ħin wara li jkun ġie konkluż il-ftehim ta’ sostenibbiltà, inkluż qabel l-implimentazzjoni tiegħu.

(157)

It-talba trid tiġi sottomessa fuq EC-210A-CMO-OPINION-REQUEST@ec.europa.eu Inkella, it-talba tista’ tintbagħat lil wieħed mill-indirizzi postali li ġejjin:

European Commission; DG Competition; Antitrust and General Registry; Avenue de Bourget/Bourgetlaan 1; 1140 Bruxelles/Brussel; BELGIQUE/BELGIË;

European Commission; DG Agriculture and Rural Development; Rue de la Loi/Wetstraat 130; 1049 Bruxelles/Brussel; BELGIQUE/BELGIË.

7.2.   Kontenut tat-talba

(158)

Ma hemm l-ebda formola standard għal talba għal opinjoni skont l-Artikolu 210a(6).

(159)

Madankollu, sabiex tiġi vvalutata, l-applikazzjoni għandu jkun fiha:

(a)

l-identitajiet tal-partijiet kollha fil-ftehim inkluż, fejn xieraq, in-numru tar-reġistrazzjoni tagħhom;

(b)

punt uniku ta’ kuntatt, inklużi l-isem u l-posta elettronika jew l-indirizz postali, jew it-tnejn, għall-komunikazzjonijiet kollha mal-Kummissjoni;

(c)

kopja ta’ kwalunkwe dokument li jistabbilixxi t-termini tal-ftehimiet ta’ sostenibbiltà jew, jekk ikun ftehim orali, spjegazzjoni dettaljata bil-miktub tal-ftehim, inkluża l-kopertura tas-suq tal-ftehim jekk disponibbli, id-durata tiegħu u r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni imposti;

(d)

deskrizzjoni tal-objettiv(i) ta’ sostenibbiltà segwit(i);

(e)

spjegazzjoni tal-istandard ta’ sostenibbiltà stabbilit fil-ftehim ta’ sostenibbiltà u referenza għall-istandards obbligatorji eżistenti, inklużi spjegazzjonijiet u evidenza dwar għaliex l-istandard ta’ sostenibbiltà tal-ftehim huwa ogħla minn dak awtorizzat mid-dritt tal-Unjoni jew mil-liġi nazzjonali;

(f)

spjegazzjoni dettaljata ta’ kif kull waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 210a(1), (3) u (7) hija ssodisfata;

(g)

informazzjoni dwar kwalunkwe proċediment li għaddej quddiem qorti nazzjonali jew awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni fir-rigward tal-konformità tal-ftehim ta’ sostenibbiltà li għalih tirreferi t-talba mal-Artikolu 210a jew mal-Artikolu 101 tat-TFUE;

(h)

kwalunkwe referenza u sors, inklużi paġni web, fejn l-applikant ikun għamel pubbliċi t-termini tal-ftehim ta’ sostenibbiltà jew partijiet minnu;

(i)

kwalunkwe informazzjoni jew dokument ieħor rilevanti għall-valutazzjoni tal-ftehim ta’ sostenibbiltà.

7.3.   Valutazzjoni u kontenut tal-opinjoni tal-Kummissjoni

(160)

Il-Kummissjoni se tivvaluta t-talba abbażi tal-informazzjoni pprovduta. Hija tista’ titlob lill-applikant, lil partijiet oħra għall-ftehim ta’ sostenibbiltà jew lil partijiet terzi għal informazzjoni addizzjonali meħtieġa biex tiġi vvalutata t-talba.

(161)

Il-Kummissjoni tista’ taqsam l-informazzjoni sottomessa lilha mal-awtoritajiet jew mal-ministeri nazzjonali tal-kompetizzjoni u agrikoli, kif xieraq, diment li dawk l-awtoritajiet u l-ministeri jkunu soġġetti għall-obbligu li jużaw dik l-informazzjoni biss għall-iskop li għalih tkun ġiet akkwistata mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tista’ tistieden u tirċievi wkoll kontribut minn dawk l-awtoritajiet u l-ministeri. Applikant jista’ jirtira t-talba tiegħu fi kwalunkwe ħin. Madankollu, il-Kummissjoni tista’ żżomm kwalunkwe informazzjoni pprovduta fil-kuntest ta’ talba għal opinjoni skont l-Artikolu 210a(6) u tista’ tuża dik l-informazzjoni fi kwalunkwe proċediment għall-infurzar tal-Artikolu 210a jew tal-Artikolu 101 tat-TFUE.

(162)

L-opinjoni maħruġa mill-Kummissjoni se tiddikjara jekk il-ftehim ta’ sostenibbiltà huwiex kompatibbli mal-Artikolu 210a u tipprovdi raġunijiet għal dik id-dikjarazzjoni.

(163)

Il-Kummissjoni se tinnotifika l-opinjoni tagħha lill-punt uniku ta’ kuntatt.

(164)

Opinjoni li l-ftehim ta’ sostenibbiltà ma huwiex kompatibbli mal-Artikolu 210a ma tippreġudikax jekk il-ftehim ta’ sostenibbiltà huwiex kompatibbli mal-Artikolu 101(3) tat-TFUE jew ma’ dispożizzjonijiet oħrajn tad-dritt tal-Unjoni.

(165)

Jekk ikun xieraq, il-Kummissjoni tista’ tiddikjara li l-opinjoni hija valida biss għal ċertu perjodu jew li l-opinjoni tkun bil-kundizzjoni tal-eżistenza jew in-nuqqas ta’ ċerti fatti.

(166)

L-opinjoni se tiġi ppubblikata fuq is-sit web tal-Kummissjoni, filwaqt li jitqies l-interess leġittimu tal-applikant(i) fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Il-Kummissjoni se taqbel mal-applikant(i) dwar verżjoni mhux kunfidenzjali qabel ma tippubblika l-opinjoni.

7.4.   Terminu għall-għoti tal-opinjoni

(167)

Il-Kummissjoni se tipprovdi lill-applikant(i) l-opinjoni tagħha fi żmien 4 xhur minn meta tirċievi talba kompluta, jiġifieri wara li tirċievi l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tivvaluta t-talba. Dak il-perjodu jibda l-għada li tasal talba kompluta.

7.5.   Bidla fiċ-ċirkostanzi wara l-adozzjoni tal-opinjoni

(168)

Il-Kummissjoni toħroġ l-opinjoni abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-applikant.

(169)

L-Artikolu 210a(6) jirrikjedi li l-Kummissjoni tiddikjara li l-Artikolu 101(1) tat-TFUE għandu japplika fil-futur għall-ftehim inkwistjoni, u tinforma lill-applikant li ressaq it-talba kif xieraq, jekk issib fi kwalunkwe ħin wara li toħroġ opinjoni li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 210a(1), (3) u (7) ma għadhomx issodisfati. Il-Kummissjoni tista’ tagħmel tali sejba fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta’ Stat Membru. Filwaqt li tali sejba ma twassalx lill-Kummissjoni biex timponi xi penali, jista’ jkollha konsegwenzi fuq il-valutazzjoni tal-ftehim ta’ sostenibbiltà mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jew mill-qrati nazzjonali.

(170)

Meta l-Kummissjoni jkollha raġuni sabiex temmen li applikant ikun issottometta informazzjoni mhux preċiża, il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni addizzjonali mingħand l-applikant.

(171)

Wara d-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew dik nazzjonali li tistabbilixxi l-istandards, il-Kummissjoni jista’ jkollha raġuni sabiex temmen li l-istandard ta’ sostenibbiltà li l-ftehim ta’ sostenibbiltà għandu l-għan li jissodisfa ma għadux ogħla minn dak li huwa awtorizzat mid-dritt tal-Unjoni jew mil-liġi nazzjonali. Il-Kummissjoni mbagħad tista’ tistieden lill-applikant sabiex juri li l-istandard li l-ftehim ta’ sostenibbiltà għandu l-għan li jissodisfa huwa fil-fatt ogħla minn dak awtorizzat fid-dritt tal-Unjoni jew fil-liġi nazzjonali. Jekk l-applikant jonqos milli jagħmel dan, il-Kummissjoni tista’ tinformah li l-opinjoni ma għadhiex valida, u tippubblika s-sejbiet tagħha fuq is-sit web tagħha.

7.6.   Effetti ta’ opinjoni

(172)

Skont l-Artikolu 288, il-ħames paragrafu, tat-TFUE, l-opinjonijiet ma għandhomx saħħa vinkolanti. Minflok, dawn huma maħsuba biex jgħinu lill-operaturi jwettqu awtovalutazzjoni dwar il-kompatibbiltà tal-ftehim ta’ sostenibbiltà mal-Artikolu 210a. Madankollu, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-qrati nazzjonali jistgħu jqisu l-opinjonijiet maħruġa mill-Kummissjoni kif jaraw li huma xierqa fil-kuntest ta’ każ.

(173)

Opinjoni ma tistax tippreġudika l-valutazzjoni tal-istess kwistjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, mill-qrati nazzjonali jew mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.

(174)

Meta ftehim ta’ sostenibbiltà jkun ifforma l-bażi fattwali għal opinjoni, il-Kummissjoni ma tkunx prekluża milli sussegwentement teżamina dak l-istess ftehim fi proċedura skont ir-Regolament tal-Kunsill 1/2003 (41). F’dak il-każ, il-Kummissjoni se tqis l-opinjoni preċedenti tagħha, soġġetta b’mod partikolari għal: (i) bidliet fil-fatti sottostanti; (ii) kwalunkwe aspett ġdid skopert mill-Kummissjoni jew li tqajjem f’ilment; (iii) żviluppi fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja; jew (iv) bidliet usa’ tal-politika u l-iżviluppi tal-Kummissjoni fis-swieq ikkonċernati.

8.    INTERVENT EX POST MILL-AWTORITAJIET NAZZJONALI TAL-KOMPETIZZJONI U MILL-KUMMISSJONI SKONT L-ARTIKOLU 210A(7)

(175)

L-Artikolu 210a(7) jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ salvagwardja li bih jew awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jew il-Kummissjoni (l-“awtorità rilevanti tal-kompetizzjoni”) tista’ tiddeċiedi, wara l-konklużjoni jew l-implimentazzjoni ta’ ftehim ta’ sostenibbiltà, li timmodifikah, twaqqfu jew tipprevjenih milli jiġi implimentat. Tali deċiżjoni tista’ tkun meħtieġa sabiex jiġi evitat li l-kompetizzjoni tiġi eskluża fis-suq jew meta l-objettivi tal-PAK, kif stabbiliti fl-Artikolu 39 tat-TFUE, jiġu pperikolati.

8.1.   L-objettivi tal-PAK huma pperikolati

(176)

F’konformità mal-Artikolu 42 tat-TFUE, ir-regoli tal-kompetizzjoni japplikaw biss għall-produzzjoni u għall-kummerċ ta’ prodotti agrikoli, sa fejn iddeterminat mill-koleġiżlaturi f’konformità mal-Artikolu 43(2) tat-TFUE, filwaqt li jitqiesu l-ħames objettivi tal-PAK stabbiliti fl-Artikolu 39 tat-TFUE (42).

(177)

Abbażi ta’ dan, l-Artikolu 210a(7) jagħti lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni s-setgħa li jintervjenu meta ftehim ta’ sostenibbiltà, li jkun daħal fis-seħħ jew ġie implimentat, jipperikola l-ħames objettivi stabbiliti tal-PAK stabbiliti fl-Artikolu 39 tat-TFUE. Meta tagħmel dan, l-awtorità tal-kompetizzjoni rilevanti jeħtiġilha tikkunsidra l-effett tal-ftehim ta’ sostenibbiltà fuq il-ħames objettivi kollha. F’xi każijiet, se jkun biżżejjed li wieħed mill-ħames objettivi jiġi pperikolat biex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 210a(7). Madankollu, f’każijiet meta xi objettivi jistgħu jiġu affettwati b’mod negattiv iżda objettivi oħrajn jiġu affettwati b’mod pożittiv, jista’ jkun meħtieġ li l-ħames objettivi jiġu rrikonċiljati (43).

(178)

L-objettiv stabbilit fl-Artikolu 39(1), il-punt (a) tat-TFUE, li tiżdied il-produttività agrikola, jista’ jiġi pperikolat f’każijiet meta l-ftehim ta’ sostenibbiltà jnaqqas l-inċentivi tal-partijiet sabiex jagħmlu innovazzjoni. Dan jista’ jkun il-każ pereżempju jekk il-ftehim ta’ sostenibbiltà jistabbilixxi standard ta’ sostenibbiltà li jnaqqas l-inċentiv tal-partijiet li jinvestu f’teknoloġiji ġodda li jistgħu jgħinu sabiex jiġi ssodisfat standard ta’ sostenibbiltà saħansitra ogħla, jew jekk il-ftehim ta’ sostenibbiltà jkopri parti tant kbira mis-suq li jnaqqas ukoll l-inċentivi għal parteċipanti oħrajn fis-suq sabiex jagħmlu innovazzjoni.

(179)

L-objettiv stabbilit fl-Artikolu 39(1), il-punt (b) tat-TFUE għandu l-għan li jiżgura standard ta’ għajxien ġust għall-bdiewa. Fid-determinazzjoni ta’ jekk dak l-objettiv jistax jiġi pperikolat, l-awtorità tal-kompetizzjoni rilevanti għandha tivvaluta kif il-ftehim ta’ sostenibbiltà jaffettwa l-istandards tal-għajxien tal-bdiewa kollha, mhux biss dawk il-bdiewa li huma partijiet għall-ftehim ta’ sostenibbiltà.

Eżempju: Sabiex jitnaqqas l-użu tal-pestiċidi b’aktar minn dak li huwa awtorizzat mid-dritt tal-Unjoni u mil-liġi nazzjonali, tliet produtturi tal-qamħirrum, li jirrappreżentaw parti żgħira biss min-numru ta’ produtturi fis-suq, jaqblu ma’ produttur tal-għalf li se jaqilbu għal metodi ta’ produzzjoni organika. Peress li din il-bidla se żżid il-kostijiet tagħhom, huma jaqblu b’mod konġunt li t-tliet produtturi tal-qamħirrum se jiffissaw il-prezzijiet għal perjodu ta’ sentejn. Wara sena ta’ implimentazzjoni tal-ftehim ta’ sostenibbiltà, it-tliet produtturi tal-qamħirrum jirrealizzaw li huma ssottovalutaw kemm il-bidla għall-produzzjoni organika żżid il-kostijiet tagħhom, u li l-primjum fuq il-prezz ma jkoprix il-kostijiet żejda. Għalhekk, it-tliet produtturi tal-qamħirrum inaqqsu d-dħul tagħhom sabiex ikopru dawn il-kostijiet, peress li ma jistgħux iżidu l-prezz fiss.

F’dan l-eżempju, it-tnaqqis fid-dħul huwa sempliċiment dovut għal kalkolu ħażin mit-tliet produtturi tal-qamħirrum. Barra minn hekk, dan jikkonċerna biss numru limitat ta’ produtturi. B’riżultat ta’ dan, ma huwiex probabbli li jiġu pperikolati l-objettivi tal-PAK stabbiliti fl-Artikolu 39 tat-TFUE.

(180)

L-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 39(1), il-punti (c), (d) u (e) tat-TFUE huma relatati mal-istabbiltà tas-swieq, id-disponibbiltà tal-provvisti u l-iżgurar ta’ prezzijiet raġonevoli għall-konsumaturi. Dawk l-objettivi spiss ikunu relatati.

Eżempju: Diversi produtturi taż-żerriegħa tal-ħbub, li jiffurmaw 80 % tal-ħabba prodotta fiż-żona ġeografika rilevanti, jaqblu li jwaqqfu l-bejgħ ta’ żrieragħ tal-ħbub trattati b’ċertu tip ta’ pestiċida kimiku. Dan joħloq nuqqas ta’ inputs għall-proċessuri li jużaw il-ħbub minħabba li l-produtturi jammontaw għal sehem kbir tal-produzzjoni taż-żrieragħ, li jwassal għal żieda sostanzjali fil-prezz tal-ħobż. Dak x’aktarx jipperikola l-objettivi li tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-provvisti u l-prezzijiet raġonevoli għall-konsumaturi.

(181)

Il-limitu biex jitqies li l-objettivi tal-politika agrikola komuni stabbiliti fl-Artikolu 39 tat-TFUE huma pperikolati għandu jkun għoli. Kieku kellu jitqies li dawk l-objettivi huma pperikolati fi kwalunkwe ħin, ftehim ta’ sostenibbiltà jkollu impatt żgħir fuq wieħed minnhom, dan imur kontra l-ispirtu tal-Artikolu 210a u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar il-ħtieġa li jiġu rrikonċiljati l-ħames objettivi tal-PAK.

(182)

Barra minn hekk, l-objettiv tal-iżgurar tad-disponibbiltà tal-provvisti huwa distint mill-awtosuffiċjenza (44) . Is-sigurtà tal-provvisti hija relatata mas-sigurtà tal-ikel, mhux neċessarjament permezz tal-usa’ diversità ta’ segmenti għall-istess ikel. Jekk ftehim ta’ sostenibbiltà jirriżulta fi tnaqqis fl-ishma tas-suq ta’ segmenti anqas sostenibbli tal-istess prodotti agrikoli, dan mhux neċessarjament jipperikola l-objettiv tas-sigurtà tal-provvista. Bl-istess mod, l-objettiv ta’ “prezzijiet raġonevoli” ma għandux jinftiehem bħala li jirreferi għall-prezz l-aktar baxx possibbli (45).

(183)

Il-fatt li jiġu pperikolati l-objettivi tal-PAK stabbiliti fl-Artikolu 39 tat-TFUE huwa distint ukoll mill-esklużjoni tal-kompetizzjoni. F’xi sitwazzjonijiet tista’ sseħħ esklużjoni tal-kompetizzjoni mingħajr ma jiġu pperikolati dawk l-objettivi. Barra minn hekk, dawk l-objettivi jistgħu jiġu pperikolati anke jekk il-kompetizzjoni ma tiġix eskluża.

8.2.   Esklużjoni tal-kompetizzjoni

(184)

L-Artikolu 210a(7) jippermetti wkoll lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u lill-Kummissjoni jintervjenu ladarba jkun daħal jew ġie implimentat ftehim ta’ sostenibbiltà, jekk l-intervent isir meħtieġ biex jiġi evitat li l-kompetizzjoni tiġi eskluża.

(185)

Il-valutazzjoni mill-awtorità tal-kompetizzjoni rilevanti ta’ jekk ftehim ta’ sostenibbiltà jeskludix il-kompetizzjoni hija distinta mill-valutazzjoni ta’ jekk il-ftehim ta’ sostenibbiltà huwiex indispensabbli sabiex jiġi ssodisfat l-istandard ta’ sostenibbiltà. Dan ifisser li restrizzjoni tal-kompetizzjoni fi ftehim ta’ sostenibbiltà tista’ tkun indispensabbli sabiex jiġi ssodisfat standard ta’ sostenibbiltà, iżda xorta teskludi l-kompetizzjoni. Madankollu, mhux kull restrizzjoni tal-kompetizzjoni neċessarjament teskludi l-kompetizzjoni, peress li dan jagħmel l-esklużjoni fl-Artikolu 210a(1) ineffettiva. Għalhekk, minn dan isegwi li l-esklużjoni tal-kompetizzjoni trid tkun serja biżżejjed sabiex tegħleb il-fatt li l-ftehim ta’ sostenibbiltà jissodisfa t-test tal-indispensabbiltà tal-Artikolu 210a(1).

(186)

Il-kunċett tal-esklużjoni tal-kompetizzjoni huwa distint ukoll mill-kunċett tat-tfixkil tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 39(1) tat-TFUE, b’mod partikolari dawk relatati ma’ prezzijiet raġonevoli u d-disponibbiltà tal-provvisti. Għalhekk, il-limitu għall-esklużjoni tal-kompetizzjoni għandu jkun għoli, biex jiġi evitat trikkib bejn iż-żewġ raġunijiet distinti għal intervent ex post.

(187)

Jista’ jkun hemm esklużjoni tal-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 210a(7) jekk ftehim ta’ sostenibbiltà jwassal għall-esklużjoni ta’ prodotti f’kompetizzjoni li jistgħu jissodisfaw parti sostanzjali mid-domanda mill-konsumaturi. Dan jinkludi prodotti li jissodisfaw standard ta’ sostenibbiltà ogħla minn dak stabbilit fil-ftehim, jew prodotti li ma jissodisfawx standard ta’ sostenibbiltà daqstant għoli, irrispettivament minn jekk ir-restrizzjoni taffettwax oġġetti fornuti mill-partijiet għall-ftehim ta’ sostenibbiltà jew minn partijiet terzi.

(188)

Pereżempju, dan jista’ jkun il-każ jekk ftehim ta’ sostenibbiltà jipprevjeni l-introduzzjoni ta’ prodotti alternattivi li jikkonformaw ma’ standard sostenibbli ogħla minn dak li ġie stabbilit mill-ftehim ta’ sostenibbiltà u li għalih hemm domanda sostanzjali mill-konsumatur.

(189)

Jista’ jkun hemm ukoll esklużjoni tal-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 210a(7) jekk ftehim ta’ sostenibbiltà jeskludi prodotti tal-ikel bi standard aktar baxx minn dawk tal-ftehim ta’ sostenibbiltà, iżda li jikkonformaw mal-istandards obbligatorji tal-ikel u li għalihom hemm domanda sostanzjali tal-konsumatur.

(190)

Madankollu, il-fatt li xi prodotti li jikkonformaw ma’ standards ta’ sostenibbiltà aktar baxxi jiġu rtirati mis-suq ma jimplikax esklużjoni tal-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 210a(7) jekk dawn il-prodotti jiġu rtirati minħabba li l-konsumaturi jitolbu dejjem aktar prodotti aktar sostenibbli. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi vvalutat jekk l-esklużjoni tal-kompetizzjoni hijiex dovuta għall-preferenzi tal-konsumatur għal prodotti sostenibbli jew jekk minflok il-ftehim ta’ sostenibbiltà ġigħelx l-irtirar ta’ prodott li għalih hemm domanda sostanzjali mhux issodisfata mill-konsumatur.

(191)

Fil-prinċipju, ir-riskju ta’ esklużjoni tal-kompetizzjoni huwa relatat mal-livell ta’ konċentrazzjoni f’suq. Jekk il-kompetizzjoni hijiex eskluża jiddependi wkoll fuq il-grad ta’ kompetizzjoni qabel il-ftehim ta’ sostenibbiltà. Meta l-kompetizzjoni kienet diġà dgħajfa, pereżempju minħabba għadd relattivament żgħir ta’ kompetituri jew minħabba li hemm ostakli għad-dħul, anke tnaqqis żgħir fil-kompetizzjoni kkawżat mill-ftehim ta’ sostenibbiltà jista’ jeskludi l-kompetizzjoni.

(192)

Il-kopertura tas-suq tal-ftehim ta’ sostenibbiltà x’aktarx li tkun fattur fid-deċiżjoni dwar jekk għandux ikun hemm intervent skont l-Artikolu 210a(7). Il-valutazzjoni ta’ jekk ftehim ta’ sostenibbiltà jeskludix il-kompetizzjoni għandha titwettaq fuq bażi ta’ każ b’każ, skont il-punt sa fejn id-domanda tal-konsumatur ma tiġix issodisfata. Is-sempliċi fatt li ftehim ta’ sostenibbiltà jkopri s-suq kollu kemm hu mhux neċessarjament se jwassal għal esklużjoni tal-kompetizzjoni.

Eżempju 1: Produtturi tal-pollam li jirrappreżentaw 50 % tas-suq jaqblu li jidħlu fi ftehim ta’ xiri biex jixtru flimkien għalf ta’ kwalità ogħla għall-pollam. Bis-saħħa tal-iffrankar fil-kostijiet tax-xiri konġunt, il-produtturi jirnexxielhom iżommu prezz tal-għalf li jkun bejn wieħed u ieħor daqs il-prezz tal-għalf għall-pollam mhux kopert mill-ftehim ta’ sostenibbiltà. Huma jaqblu wkoll li jiffinanzjaw b’mod konġunt kampanja ta’ reklamar sabiex joħolqu sensibilizzazzjoni dwar kif il-pollam li jingħata għalf ta’ kwalità ogħla huwa aħjar għas-saħħa tal-bniedem u għat-trattament xieraq tal-annimali. B’riżultat tal-kampanja, il-biċċa l-kbira tal-konsumaturi jiddeċiedu li jaqilbu għax-xiri ta’ laħam tal-pollam li jingħata għalf ta’ kwalità ogħla. Dik iż-żieda fid-domanda toħloq inċentiv għal produtturi oħrajn sabiex jissieħbu fil-ftehim u jibdlu l-metodi ta’ produzzjoni tagħhom. B’mod partikolari, ix-xiri konġunt jattira produtturi iżgħar lejn standard ogħla peress li kieku ma kinux ikunu jistgħu jixtru l-għalf ta’ kwalità ogħla. B’riżultat ta’ dan, il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 90 % tal-provvista totali jaqilbu għall-istandard aktar sostenibbli.

Għalkemm il-ftehim ineħħi virtwalment il-pollam kollu li jiġi prodott b’mod inqas sostenibbli mis-suq, ma huwiex probabbli li jikkostitwixxi esklużjoni tal-kompetizzjoni skont l-Artikolu 210a(7). Dan għaliex l-Artikolu 210a ma għandux l-għan li jipprevjeni ftehimiet li huma tant effettivi biex iwasslu prodotti sostenibbli li l-biċċa l-kbira tal-konsumaturi jridu jixtru u operaturi oħra jadottaw dak l-istess standard.

Eżempju 2: Nissiela tad-dundjani, li jirrappreżentaw 60 % tas-suq, jiddeċiedu li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tad-dundjani tagħhom, billi jistabbilixxu standard ġdid għat-trattament xieraq tal-annimali li jmur lil hinn minn dak li huwa preskritt mil-liġi obbligatorja. Dan jirrikjedi żieda fl-ispazju għall-għajxien tad-dundjani, u l-installazzjoni ta’ sistemi ta’ tiġdid tal-arja u ta’ trattament tal-ilma. L-istandard il-ġdid tas-sostenibbiltà jeħtieġ ukoll li d-dundjani jiġu mitmugħa biss għalf ta’ kwalità mill-aqwa. Il-produtturi jaqblu max-xerrejja li jirċievu minnhom primjum fuq il-prezz biex ikopru l-kostijiet għad-dundjan sostenibbli.

Il-pagament tal-primjum fuq il-prezz jirriżulta fi prezz għal-laħam tad-dundjan prodott b’mod sostenibbli li huwa 150 % ogħla mill-prezz tal-laħam tad-dundjan mhux prodott b’mod sostenibbli. Dik iż-żieda hija meħtieġa minħabba l-ħtieġa li jiġi żgurat l-irkupru tal-kostijiet żejda estensivi tal-istandard il-ġdid. Fi żmien ftit xhur, in-nissiela l-oħra kollha tad-dundjani fis-suq inkwistjoni jissieħbu fil-ftehim il-ġdid dwar is-sostenibbiltà. L-ostakli għall-importazzjoni tal-laħam tad-dundjan jillimitaw b’mod sinifikanti l-ammont ta’ laħam tad-dundjan importat mhux prodott b’mod sostenibbli fis-suq. B’riżultat ta’ dan, effettivament ma għadx hemm disponibbli laħam tad-dundjan prodott b’mod mhux sostenibbli. Barra minn hekk, il-prezz tal-laħam tad-dundjan prodott b’mod sostenibbli jkompli jiżdied b’200 % meta mqabbel mal-prezz oriġinali tal-laħam tad-dundjan mhux prodott b’mod sostenibbli.

L-evidenza tindika li, minħabba l-ftehim, bejn 45 % u 50 % tal-konsumaturi tad-dundjani ma għadhomx jistgħu jaffordjaw jixtru l-ebda dundjan.

B’riżultat ta’ dan, il-konsumaturi li kienu lesti jħallsu biss għall-alternattiva orħos – u anqas sostenibbli – mhux se jkunu jistgħu jixtru l-ebda dundjan, peress li ma jistgħux jaffordjaw iż-żieda fil-prezz ta’ 200 %. Tali sitwazzjoni x’aktarx li tikkostitwixxi esklużjoni tal-kompetizzjoni skont l-Artikolu 210a(7).

8.3.   Aspetti proċedurali

(193)

Meta ftehim ta’ sostenibbiltà jkun ikopri biss Stat Membru wieħed, l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ta’ dak l-Istat Membru tista’ tieħu deċiżjoni skont l-Artikolu 210a(7). Meta ftehim ta’ sostenibbiltà jkopri aktar minn Stat Membru wieħed, il-Kummissjoni biss tista’ tieħu deċiżjoni skont l-Artikolu 210a(7).

(194)

Meta tiddetermina jekk tapplikax l-Artikolu 210a(7), il-Kummissjoni se tiddependi fuq il-monitoraġġ tas-suq tagħha stess u fuq is-sottomissjonijiet magħmula minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika. Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha informazzjoni dwar ftehim ta’ sostenibbiltà tista’ tinforma lill-Kummissjoni jew lill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni kkonċernata, permezz tal-proċedura nazzjonali xierqa. Is-sottomissjonijiet għandu jkun fihom informazzjoni dwar il-kontenut tal-ftehim ta’ sostenibbiltà, il-partijiet għalih, u r-raġunijiet li jissostanzjaw l-allegazzjonijiet. Il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni addizzjonali meħtieġa mill-partijiet għall-ftehim ta’ sostenibbiltà fi żmien xahrejn mill-ftuħ tal-investigazzjoni formali, filwaqt li tqis il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali. Il-Kummissjoni tista’ titlob ukoll lil partijiet terzi għal informazzjoni addizzjonali li tkun meħtieġa biex jiġi vvalutat il-ftehim ta’ sostenibbiltà inkwistjoni.

(195)

Wara l-ftuħ ta’ investigazzjoni, il-Kummissjoni normalment tagħti d-deċiżjoni tagħha fi żmien 6 xhur mid-data li fiha tkun fetħet l-investigazzjoni, jew fi żmien 6 xhur mid-data li fiha tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa. Il-partijiet huma liberi li jkomplu jimplimentaw il-ftehim ta’ sostenibbiltà bejn il-ftuħ tal-investigazzjoni u l-għoti ta’ deċiżjoni.

(196)

Jekk il-Kummissjoni tiddetermina li l-kompetizzjoni qiegħda tiġi eskluża jew li l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 39(1) tat-TFUE qegħdin jiġu pperikolati, hija tista’ tieħu l-miżuri li ġejjin:

(a)

Jekk il-ftehim ta’ sostenibbiltà jkun daħal fis-seħħ iżda jkun għadu ma ġiex implimentat, u ma jkunx jista’ jiġi mmodifikat sabiex jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-esklużjoni skont l-Artikolu 210a, il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni li tordna li l-ftehim ma jiġix implimentat.

(b)

Jekk il-ftehim ta’ sostenibbiltà jkun diġà ġie implimentat, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li l-partijiet għandhom:

(i)

jimmodifikaw il-ftehim ta’ sostenibbiltà, f’każ li l-modifika tkun biżżejjed sabiex tiġi rrimedjata l-esklużjoni tal-kompetizzjoni jew it-tfixkil tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 39(1) tat-TFUE jew;

(ii)

ma jkomplux jew jitterminaw il-ftehim ta’ sostenibbiltà, jekk il-modifika tiegħu ma tkunx biżżejjed biex tiġi rrimedjata l-esklużjoni tal-kompetizzjoni jew biex jiġu pperikolati l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 39(1) tat-TFUE.

(197)

Wara deċiżjoni tal-Kummissjoni li l-ftehim ta’sostenibbiltà għandu jitwaqqaf, il-ftehim ta’ sostenibbiltà mhux se jibqa’ jiġi eskluż mill-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-TFUE. Jekk il-partijiet għall-ftehim ta’ sostenibbiltà jkomplu jimplimentaw il-ftehim ta’ sostenibbiltà wara d-data tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, jistgħu jinbdew proċedimenti skont l-Artikolu 101 tat-TFUE fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-ftehim ta’ sostenibbiltà wara dik id-data. Tali proċedimenti jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multa.

9.   L-ONERU TAL-PROVA GHALL-ISSODISFAR TAL-KUNDIZZJONIJIET TAL-ARTIKOLU 210A

(198)

Fil-kuntest ta’ intervent ex post , il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandhom il-piż li jagħtu prova li deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 210a(7) hija meħtieġa biex tiġi evitata l-esklużjoni tal-kompetizzjoni, jew biex jiġu pperikolati l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 39(1) tat-TFUE.

(199)

Fil-kuntest ta’ investigazzjoni quddiem awtorità tal-kompetizzjoni jew ta’ azzjoni quddiem qorti, individwi jew entitajiet li ma humiex partijiet għall-ftehim ikkonċernat (pereżempju konsumaturi jew assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, NGOs, operaturi oħra fil-katina, eċċ.) tista’ tiddikjara li ftehim ta’ sostenibbiltà ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 210a. F’dawk il-każijiet, dawk l-individwi jew l-entitajiet iġorru l-piż li jagħtu prova li l-ftehim ta’ sostenibbiltà ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 210a. Jekk il-partijiet li jkunu daħlu fi ftehim ta’ sostenibbiltà u li jibbenefikaw mill-esklużjoni skont l-Artikolu 210a jsostnu li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 210a(1), (2) u (3) huma ssodisfati, huma jeħtiġilhom iressqu argumenti sostanzjati b’appoġġ għat-talba tagħhom.

(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2021/2117 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli, (UE) Nru 1151/2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, (UE) Nru 251/2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzati u (UE) Nru 228/2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 262).

(3)  Ir-Riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali fil-25 ta’ Settembru 2015, 70/1, Transforming our world: the 2030 Agenda for Sustainable Development.

(4)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)640 final).

(5)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 Inreġġgħu n-natura lura f’ħajjitna (COM(2020)380 final).

(6)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Strateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent (COM(2020)381 final).

(7)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 - Inreġġgħu n-natura lura f’ħajjitna (COM(2020)380 final).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

(9)  Ibid.

(10)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Avviż dwar akkordji ta’ importanza minuri li ma jirrestrinġux b’mod apprezzabbli l-kompetizzjoni skont l-Artikolu 101(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Avviż De Minimis) (ĠU C 291, 30.8.2014, p. 1).

(11)  Avviż tal-Kummissjoni — Il-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar il-kunċett tal-effett fuq il-kummerċ li jinsab fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU C 101, 27.4.2004, p. 81).

(12)  Ara f’dan is-sens, is-Sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017, APVE et (C-671/15, EU:C:2017:860, il-punti 45 u 46).

(13)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Approvazzjoni tal-kontenut ta’ abbozz għal Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Avviż tal-Kummissjoni: Linji gwida dwar restrizzjonijiet vertikali 2021/C 359/02, C/2021/5038.

(14)  Ir-Regolament (KEE) Nru 2821/71 tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 1971 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 85(3) tat-Trattat għal-kategoriji ta’ ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma (ĠU L 285, 29.12.1971, p. 46); Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1217/2010 tal-14 ta’ Diċembru 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ akkordji ta’ riċerka u żvilupp (ĠU L 335, 18.12.2010, p. 36); Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1218/2010 tal-14 ta’ Diċembru 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ akkordji ta’ speċjalizzazzjoni (ĠU L 335, 18.12.2010, p. 43); Ir-Regolament Nru 19/65/KEE tal-Kunsill tat-2 ta’ Marzu 1965 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 85 (3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta’ ftehim u prattiċi miftiehma (ĠU 36, 6.3.1965, p. 533); Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1215/1999 tal-10 ta’ Ġunju 1999 li jemenda r-Regolament Nru 19/65/KEE dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta’ ftehim u prattiċi miftiehma, (ĠU L 14815.6.1999, p. 1); Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 461/2010 tas-27 ta’ Mejju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiċi miftiehma fis-settur tal-vetturi bil-mutur (ĠU L 129, 28.5.2010, p. 52); Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2022/720 tal-10 ta’ Mejju 2022 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU L 134, 11.5.2022, p. 4).

(15)  Ara wkoll, b’mod aktar estensiv, l-Anness A - Dijagramma sekwenzjali tal-valutazzjoni skont l-Artikolu 210a.

(16)  Is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 1987, Il-Kummissjoni vs L-Italja, il-Kawża 118/85, ECLI:EU:C:1987:283, il-punt 7; Is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 1998, Il-Kummissjoni vs L-Italja, il-Kawża 35/86, ECLI:EU:C:1998:303, il-punt 36; Is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2000, Pavlov et, C-180/98 sa C-184/98, ECLI:EU:C:2000:428, il-punt 75; Is-sentenza tal-25 ta’ Marzu 2021, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, C-152/19 P, ECLI:EU:C:2021:238, il-punt 72.

(17)  Is-sentenza tat-18 ta’ Marzu 1997 , Diego Calì & Figli Srl vs Servizi Ecologici Porto di Genova (SEPG), C-343/95, ECLI:EU:C:1997:160, il-punt 22.

(18)  L-eżerċizzju konġunt ta’ attività ekonomika huwa normalment ivvalutat bl-analiżi tal-eżistenza ta’ rabtiet funzjonali, ekonomiċi u organiċi bejn l-entitajiet. Ara, pereżempju, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2010, AceaElectrabel Produzione SpA vs Il-Kummissjoni, il-Kawża C-480/09 P, ECLI:EU:C:2010:787, il-punti 47 sa 55; Is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006 , Ministero dell’Economia e delle Finanze vs Cassa di Risparmio di Firenze SpA et, C-222/04, ECLI:EU:C:2006:8, il-punt 112.

(19)  Is-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 1996, Viho Europe BV vs Il-Kummissjoni, C-73/95 P, ECLI:EU:C:1996:405, il-punti 15 sa 18.

(20)  Is-sentenza tas-6 ta’ Jannar 2004, BAI u Il-Kummissjoni vs Bayer, C-2/01 P sa C-3/01 P, ECLI:EU:C:2004:2, il-punt 97.

(21)  Il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger tal-10 ta’ Lulju 2001, Wouters, C-309/99, EU:C:2001:390, il-punt 61.

(22)  Is-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2021, Kilpailu- ja kuluttajavirasto, il-Kawża C-450/19, ECLI:EU:C:2021:10, il-punt 22.

(23)  Is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C-49/92 P, EU:C:1999:356, il-punt 131.

(24)  Il-parteċipazzjoni fil-ftehim ta’ sostenibbiltà tal-produtturi tal-prodotti pproċessati elenkati fl-Anness I tat-TFUE mhux neċessarjament timplika l-parteċipazzjoni simultanja fil-ftehim tal-produtturi tal-prodotti primarji li huma meħtieġa għall-produzzjoni ta’ dawk il-prodotti pproċessati. Pereżempju, fi ftehim ta’ sostenibbiltà mal-produtturi taz-zokkor ibbażati fuq il-pitravi, ma huwiex obbligatorju li l-koltivaturi tal-pitravi jkunu wkoll parti minn dak il-ftehim.

(25)  Dan jista’ jinvolvi diversi passi suċċessivi ta’ pproċessar.

(26)  Is-sentenza tat-15 ta’ Ġunju 2023, Saint-Louis sucre, ECLI:EU:C:2023:486, C-183/22, il-paragrafu 38 et seq.

(27)  Ara, għal dak il-għan, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2017 , Intel, C-413/14 P, ECLI:EU:C:2017:632,, il-punti 40 sa 45 u l-ġurisprudenza ċċitata fiha.

(28)  Ara, għal dak il-għan, is-sentenza tal-Qorti tas-26 ta’ Ottubru 2000 , Bayer AG vs Il-Kummissjoni , T-41/96, ECLI:EU:T:2000:242, il-punt 69; Is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Il-Kummissjoni vs Volkswagen, C-74/04 P, ECLI:EU:C:2006:460, il-punt 39; Is-sentenza tat-30 ta’ April 2009 , CD-Contact Data GmbH, T-18/03, ECLI:EU:T:2009:132, , il-punt 48.

(29)  Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-użu sostenibbli tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/2115 (COM(2022) 305 final).

(30)  Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1).

(31)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 tas-17 ta’ Ottubru 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi u termini tradizzjonali fis-settur tal-inbid, il-proċedura ta’ oġġezzjoni, ir-restrizzjonijiet tal-użu, l-emendi għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott, it-tħassir tal-protezzjoni, u t-tikkettar u l-preżentazzjoni (ĠU L 9, 11.1.2019, p. 2).

(32)  Ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1).

(33)  Il-Linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat (ĠU C 101, 27.4.2004, p. 97) (“Linji Gwida dwar l-Artikolu 101(3) tat-TFUE”). L-Artikolu 81(3) huwa msemmi fit-titolu minħabba li l-avviż inħareġ qabel l-adozzjoni tat-Trattat ta’ Liżbona. Meta ġie adottat it-Trattat ta’ Liżbona, l-Artikolu 81 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea sar l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(34)  Il-Linji ta’ gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat (ĠU C 101, 27.4.2004, p. 97).

(35)  Is-Sentenza tal-Qorti (l-Awla Manja) tat-23 ta’ Jannar 2018, F. Hoffmann-La Roche Ltd et vs Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato, C-179/16, EU:C:2018:25, il-punt 98; Is-Sentenza tal-Qorti (l-Għaxar Awla), is-7 ta’ Frar 2013, Protimonopolný úrad Slovavenkej republikay vs Slovenskà sporiteľňa a.s., C-68/12, EU:C:2013:71, il-punt 35; Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali (it-Tieni Awla, Kompożizzjoni Estiża) tal-24 ta’ Settembru 2019, HSBC Holdings plc et vs il-Kummissjoni Ewropea, T-105/17, EU:T:2019:675, il-punt 159.

(36)  Il-preambolu 62 tar-Regolament 2021/2117.

(37)  Ibid.

(38)  Skont l-Artikolu 42 tat-TFUE, id-dispożizzjonijiet tal-kapitolu tat-Trattat b’rabta mar-regoli dwar il-kompetizzjoni japplikaw għall-produzzjoni u għall-kummerċ ta’ prodotti agrikoli biss sa fejn jista’ jiġi ddeterminat mill-Parlament tal-Unjoni Ewropea u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

(39)  Għal aktar informazzjoni dwar force majeure, ara (b’analoġija) l-avviż tal-Kummissjoni dwar “ force majeure ” fil-liġi agrikola Ewropea, C(88) 1696.

(40)  L-Avviż tal-Kummissjoni dwar gwida informali relatata ma’ kwistjonijiet ġodda jew mhux solvuti li jikkonċernaw l-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jqumu f’każijiet individwali (l-ittri gwida) (ĠU C 381, 4.10.2022, p. 9).

(41)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1).

(42)  Dawk l-objettivi huma:

(a)

li tkabbar il-produttività agrikola billi tippromwovi progress tekniku u billi tassigura l-iżvilupp razzjonali ta’ produzzjoni agrikola u l-aħjar utilizzazzjoni tal-fatturi ta’ produzzjoni, speċjalment tal-manodopera;

(b)

li tassigura b’dan il-mod livell ġust ta’ għajxien għall-popolazzjoni agrikola, partikolarment billi jiżdied il-qligħ individwali tal-persuni involuti fl-agrikoltura;

(c)

li tagħmel is-swieq stabbli;

(d)

li tiggarantixxi d-disponibbiltà tal-provvisti;

(e)

li tassigura li l-provvisti jilħqu lill-konsumatur bi prezzijiet raġonevoli.

(43)  Is-sentenza tal-14 ta’ Mejju 1997 , Florimex u VGB vs Il-Kummissjoni, il-Kawżi Magħquda T-70/92 u T-71/92, ECLI:EU:T:1997:69, il-punt 153, ikkonfermata fuq appell permezz tas-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2000, C-265/97 P, ECLI:EU:C:2000:170.

(44)  Is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 1994, Il-Greċja vs Il-Kunsill, C-353/92, ECLI:EU:C:1994:295.

(45)  Is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 1963, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, il-Kawża 34/62, ECLI:EU:C:1963:18.


ANNESS A

- DIJAGRAMMA SEKWENZJALI TAL-VALUTAZZJONI SKONT L-ARTIKOLU 210A

Image 1


ANNESS B

– DIJAGRAMMA SEKWENZJALI TAL-VALUTAZZJONI TAT-TEST TAL-INDISPENSABBILTÀ

Image 2


ANNESS C

- GLOSSARJU

Terminu

Definizzjoni

Ftehim

Kwalunkwe tip ta’ ftehim, deċiżjoni jew prattika miftiehma bejn l-impriżi. Il-ftehimiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 210a huma dawk li jinvolvu mill-inqas produttur wieħed u li huma relatati mal-produzzjoni jew il-kummerċ ta’ prodotti agrikoli, irrispettivament mill-forma ta’ kooperazzjoni. Għall-finijiet tal-Artikolu 210a, operaturi oħra f’livelli differenti tal-katina tal-provvista agroalimentari, inklużi l-produzzjoni, l-ipproċessar u l-kummerċ, jistgħu jkunu wkoll parti mill-ftehim.

Il-Politika Agrikola Komuni (“PAK”)

Il-Politika Agrikola Komuni hija l-politika agrikola tal-Unjoni Ewropea.

Ir-Regolament dwar l-OKS

Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

Il-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, inkluża l-Qorti Ġenerali.

Force majeure

Mingħajr limitazzjoni għall-impossibbiltà assoluta, iżda għandu jinftiehem fis-sens ta’ ċirkostanzi mhux tas-soltu, barra mill-kontroll tal-produttur jew tal-operatur, li l-konsegwenzi tagħhom, minkejja l-eżerċizzju tad-diliġenza kollha dovuta, ma setgħux jiġu evitati ħlief b’sagrifiċċju eċċessiv.

Ftehim orizzontali

Ftehim bejn l-operaturi ekonomiċi fl-istess livell tal-katina tal-provvista, pereżempju ftehim bejn il-produtturi agrikoli.

Standard obbligatorju

Standard li jistabbilixxi l-livelli, is-sustanzi, il-prodotti jew it-tekniki li għandhom jintlaħqu jew li għandhom jiġu evitati minn produtturi individwali jew minn operaturi oħrajn, minbarra standards jew miri li ma humiex legalment vinkolanti fuq il-dutturi jew l-operaturi individwali.

Standard nazzjonali

Standard obbligatorju stabbilit fil-livell nazzjonali ta’ Stat Membru, esklużi standards jew miri li huma legalment vinkolanti biss fuq l-Istat Membru jew fuq territorju jew reġjun partikolari tiegħu, iżda li ma humiex legalment vinkolanti fuq produtturi jew operaturi individwali li joperaw fl-Istat Membru.

Operatur

Produtturi ta’ prodotti agrikoli, inklużi produtturi ta’ prodotti agrikoli mhux ipproċessati u produtturi ta’ ċerti prodotti agrikoli pproċessati li huma elenkati fl-Anness I; operaturi fil-“livell tal-produzzjoni”, bħal fornituri ta’ inputs għall-produzzjoni agrikola u tal-imballaġġ; operaturi fil-“livell tal-ipproċessar”, bħal proċessuri/manifatturi li jipproċessaw prodotti agrikoli; u operaturi fil-“livell tal-kummerċ, inkluża d-distribuzzjoni”, bħan-negozjanti, il-bejjiegħa bl-ingrossa, il-bejjiegħa bl-imnut u l-fornituri tas-servizzi tal-ikel, u l-kumpaniji tat-trasport u tal-loġistika, sal-punt li dawk l-operaturi kollha jkollhom l-għan li jgħinu biex jintlaħaq l-istandard ta’ sostenibbiltà, kif imsemmi fit-Taqsima 3.2, billi jimplimentaw il-ftehim ta’ sostenibbiltà.

Produttur

Produttur ta’ prodotti agrikoli kif elenkat fl-Anness I tat-TFUE.

Ftehim ta’ sostenibbiltà

Ftehim li għandu l-għan li japplika standard ta’ sostenibbiltà ogħla minn dak awtorizzat mid-dritt tal-Unjoni jew mil-liġi nazzjonali.

TFUE

Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Impriża

Impriża involuta f’attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus legali tagħha u l-mod kif tiġi ffinanzjata. Impriża tista’ tinkludi diversi entitajiet legali.

Standard tal-Unjoni

Standard obbligatorju stabbilit fil-livell tal-Unjoni, minbarra standards jew miri li huma vinkolanti fuq l-Istati Membri, iżda li ma humiex legalment vinkolanti fuq l-impriżi individwali.

Ftehim vertikali

Ftehim bejn l-operaturi f’livelli differenti tal-katina tal-provvista, pereżempju ftehim li għalih kemm il-produtturi kif ukoll operaturi oħrajn fil-katina tal-provvista agroalimentari huma parti.


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).


ANNESS D

– L-ARTIKOLU 210A TAR-REGOLAMENT (UE) NRU 1308/2013 – INIZJATTIVI VERTIKALI U ORIZZONTALI GĦAS-SOSTENIBBILTÀ

“1.

L-Artikolu 101(1) TFUE ma għandux japplika għal ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma ta’ produtturi ta’ prodotti agrikoli li huma relatati mal-produzzjoni ta’ jew mal-kummerċ fi prodotti agrikoli u li għandhom l-għan li japplikaw standard ta’ sostenibbiltà ogħla minn dak mitlub mil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali, dment li dawk il-ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma jimponu biss restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li huma indispensabbli għall-kisba ta’ dak l-istandard.

2.

Paragrafu 1 japplika għall-ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma ta’ produtturi ta’ prodotti agrikoli li jagħmlu parti minnhom diversi produtturi jew li jagħmlu parti minnhom produttur wieħed jew aktar u operatur wieħed jew aktar f’livelli differenti tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tal-kummerċ, fil-katina tal-provvista tal-ikel, inkluż id-distribuzzjoni.

3.

Għall-finijiet tal-paragrafu 1, ‘standard ta’ sostenibbiltà’ tfisser standard li għandu l-għan li jikkontribwixxi għal wieħed jew aktar mill-objettivi li ġejjin:

(a)

objettivi ambjentali, inkluż il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, l-użu sostenibbli u l-protezzjoni tal-pajsaġġi, l-ilma u l-ħamrija, it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, inkluż it-tnaqqis tal-ħela tal-ikel, il-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis, u l-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u l-ekosistemi;

(b)

il-produzzjoni ta’ prodotti agrikoli b’modi li jnaqqsu l-użu tal-pestiċidi u jimmaniġġjaw ir-riskji li jirriżultaw minn tali użu,, jew li jnaqqsu l-periklu tar-reżistenza antimikrobika fil-produzzjoni agrikola; u

(c)

is-saħħa tal-annimali u trattament xieraq tal-annimali.

4.

Ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma li jissodisfaw il-kondizzjonijiet msemmija f’dan l-Artikolu ma għandhomx jiġu pprojbiti, u l-ebda deċiżjoni preċedenti rigward dan ma hi rikjesta.

5.

Il-Kummissjoni għandha toħroġ linji gwida għall-operaturi dwar il-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu sat-8 ta’ Diċembru 2023.

6.

Mit-8 ta’ Diċembru 2023, il-produtturi kif imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jitolbu opinjoni mill-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà tal-ftehimiet, id-deċiżjonijiet u l-prattiki miftiehma kif imsemmija fil-paragrafu 1 ma’ dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-applikant l-opinjoni tagħha fi żmien erba’ xhur minn meta tirċievi talba kompluta.

Jekk il-Kummissjoni ssib fi kwalunkwe mument wara li toħroġ opinjoni li l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1, 3 u 7 ta’ dan l-Artikolu ma għadhomx issodisfati, hija għandha tiddikjara li l-Artikolu 101(1) TFUE għandu japplika fil-futur għall-ftehim, għad-deċiżjoni jew għall-prattika miftiehma inkwistjoni u tinforma lill-produtturi kif xieraq.

Il-Kummissjoni tista’ tibdel il-kontenut ta’ opinjoni fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta’ Stat Membru, b’mod partikolari jekk l-applikant ikun ipprovda informazzjoni mhux akkurata jew ikun għamel użu skorrett tal-opinjoni.

7.

L-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 tista’ tiddeċiedi f’każijiet individwali li, fil-futur, wieħed jew aktar mill-ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma msemmija fil-paragrafu 1 jridu jiġu modifikati, ma jitkomplewx jew ma jseħħux għalkollox, jekk tqis li tali deċiżjoni hija meħtieġa sabiex jiġi evitat li tiġi eskluża l-kompetizzjoni jew jekk tqis li l-objettivi msemmija fl-Artikolu 39 TFUE huma mhedda.

Għal ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma li jkopru aktar minn Stat Membru wieħed, id-deċiżjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandha tittieħed mill-Kummissjoni mingħajr ma jiġu applikati l-proċeduri msemmija fl-Artikolu 229(2) u (3).

Meta taġixxi taħt l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni għandha tinforma lill-Kummissjoni bil-miktub wara li tiftaħ l-ewwel miżura formali tal-investigazzjoni u għandha tinnotifika lill-Kummissjoni bi kwalunkwe deċiżjoni li tirriżulta bla dewmien wara li jkunu ġew adottati.

Id-deċiżjonijiet imsemmija f’dan il-paragrafu ma għandhomx japplikaw aktar kmieni mid-data tan-notifika tagħhom lill-impriżi kkonċernati.”


ANNESS E

– EŻEMPJI TA’ RESTRIZZJONIJIET TAL-KOMPETIZZJONI

(1)   

Dan l-anness jistabbilixxi eżempji ta’ ftehimiet li x’aktarx li jaqgħu, jew li x’aktarx li ma jaqgħux, taħt il-projbizzjoni kontra r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li jinsabu fl-Artikolu 101(1) tat-TFUE. Dawn huma maħsuba biex jgħinu lill-qarrej jifhem it-tipi ta’ sitwazzjonijiet li fihom għandu jqis jekk tapplikax l-esklużjoni stabbilita fl-Artikolu 210a, peress li l-Artikolu 210a huwa rilevanti biss jekk il-ftehim ikkontemplat inkella jiksirx l-Artikolu 101(1) tat-TFUE. Fi kliem ieħor, l-eżempji għandhom l-għan li jgħinu lill-qarrej jifhem meta l-Artikolu 210a ma jkunx applikabbli minħabba li l-ftehim ikkontemplat b’mod ċar ma jirrestrinġix il-kompetizzjoni.

(2)   

B’mod importanti, l-eżempji stabbiliti f’dan l-Anness ma humiex, u ma għandhomx jinftiehmu bħala, eżempji ta’ ftehimiet li jissodisfaw jew li ma jissodisfawx il-kriterji għall-esklużjoni skont l-Artikolu 210a.

1.   Restrizzjonijiet relatati mal-prezz

(3)

Ftehimiet ta’ sostenibbiltà li jirrestrinġu direttament jew indirettament il-libertà ta’ parti li tinnegozja l-prezz li bih tixtri jew tbigħ prodott x’aktarx li jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

Eżempju 1: Ċerta teknika tal-kultivazzjoni tar-ross tuża anqas ilma mit-tekniki tradizzjonali tal-kultivazzjoni tar-ross, ma tużax fertilizzanti artifiċjali, u hija ħielsa mill-pestiċidi. L-użu ta’ din it-teknika jikkontribwixxi għall-użu sostenibbli u għall-protezzjoni tal-pajsaġġi, tal-ilma u tal-ħamrija, u għat-tnaqqis tal-użu tal-pestiċidi. Bejjiegħ bl-ingrossa tal-ħbub jaqbel ma’ kooperattiva tal-produzzjoni tar-ross li l-bejjiegħ se jħallas pagament tal-primjum fuq il-prezz għal kull tunnellata fuq prezz ta’ referenza għar-ross Arborio li jiġi kkultivat permezz ta’ din it-teknika. Il-primjum jiġi kkalkolat fuq il-bażi ta’ indiċi tal-prezz kompost tal-komoditajiet. Il-kooperattiva tar-ross hija libera li tipproduċi ross permezz ta’ metodi tradizzjonali u hija libera li tbigħ ammonti ta’ ross kif tixtieq lil klijenti oħrajn.

Il-pagament tal-primjum x’aktarx li ma jirrestrinġix il-kompetizzjoni. Dan huwa sempliċiment formula miftiehma bejn xerrej u bejjiegħ għall-iffissar tal-prezz li bih ix-xerrej jixtri l-prodott mingħand il-bejjiegħ.

Eżempju 2: NGO li qiegħda tippromwovi t-teknika tal-kultivazzjoni tar-ross imsemmija fl-Eżempju 1 tiżviluppa marka ta’ kwalità li għandha tintuża fil-kummerċjalizzazzjoni tar-ross Arborio li jiġi prodott permezz ta’ din it-teknika tal-kultivazzjoni. Din toħroġ il-marka tal-kwalità lill-bejjiegħa bl-ingrossa u lill-produtturi. Fost il-kundizzjonijiet għall-użu tal-marka ta’ kwalità hemm li bejjiegħ bl-ingrossa tal-ħbub jeħtieġlu jħallas primjum għal kull tunnellata fuq il-prezz ta’ referenza msemmi fl-Eżempju 1.

Dak il-primjum fuq il-prezz x’aktarx li jirrestrinġi l-kompetizzjoni. Għalkemm il-bejjiegħ bl-ingrossa tal-ħbub f’dan l-eżempju jħallas l-istess prezz li kieku kien iħallas fl-Eżempju 1, dan ma għadux ir-riżultat ta’ negozjar dirett bejn ix-xerrej u l-bejjiegħ, iżda pjuttost ftehim dwar it-termini skont liema entità waħda tista’ tinnegozja ma’ parti terza indipendenti.

Eżempju 3: Grupp ta’ kooperattivi tar-ross, u mhux NGO, jiżviluppa l-marka tal-kwalità u l-primjum tal-prezz sabiex jippromwovi l-użu tat-teknika tal-kultivazzjoni tar-ross.

Dak il-primjum fuq il-prezz x’aktarx li jirrestrinġi l-kompetizzjoni. Għalkemm f’dan il-każ il-partijiet huma xerrejja u bejjiegħa, kull bejjiegħ qiegħed jaqbel dwar il-prezz li bih bejjiegħa oħrajn se jbigħu wkoll il-prodotti tagħhom.

Eżempju 4: Sabiex jiġi promoss l-użu mill-konsumatur tar-ross prodott permezz tat-teknika ta’ kultivazzjoni msemmija fl-Eżempji 1, 2 u 3, kooperattiva u bejjiegħ bl-imnut jaqblu li l-prezz tal-bejgħ mill-ġdid għar-ross Arborio li jkollu l-marka ta’ kwalità ma huwiex se jkun aktar minn ċertu perċentwal ogħla mill-prezz medju li jitlob il-bejjiegħ bl-imnut għar-ross Arborio.

Dak il-ftehim x’aktarx li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, minħabba li jirrestrinġi l-libertà tal-bejjiegħ bl-imnut li jistabbilixxi l-prezz li bih jerġa’ jbigħ ir-ross lill-klijenti tiegħu. Barra minn hekk, minħabba li l-prezz massimu tal-bejgħ mill-ġdid huwa ddeterminat b’referenza għall-prezz ta’ tipi oħrajn ta’ ross Arborio, dan jillimita wkoll il-libertà tal-bejjiegħ bl-imnut fir-rigward tal-prezz ta’ dawk it-tipi l-oħrajn ta’ ross Arborio. Minflok ma jillimita l-prezz tar-ross bil-marka tal-kwalità, il-bejjiegħ bl-imnut jista’ jissodisfa l-limitu massimu tal-ipprezzar billi jżid il-prezz medju tal-bejgħ mill-ġdid ta’ dawk it-tipi l-oħrajn ta’ ross Arborio.

2.   Restrizzjonijiet relatati mal-output

(4)

Il-ftehimiet ta’ sostenibbiltà li jirrestrinġu l-output huma ekwivalenti għal ftehimiet ta’ sostenibbiltà li jirrestrinġu l-kapaċità ta’ parti li tistabbilixxi l-prezzijiet. Jekk il-kwantità li titqiegħed fis-suq titnaqqas u d-domanda tibqa’ l-istess, l-effett x’aktarx li jkun li l-prezzijiet jiżdiedu.

Eżempju 1: Minħabba li tixtieq tikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u għar-restawr tal-bijodiversità, NGO taqbel ma’ bdiewa individwali li jikru 20 % tar-raba’ li jinħadem tagħhom. L-NGO se tħalli r-raba’ mistrieħ sabiex iżżid il-bijodiversità lokali. L-effett ta’ dawn il-ftehimiet ikun li jitnaqqas l-ammont ta’ art li l-bdiewa individwali jużaw fi kwalunkwe ħin partikolari, u b’hekk jitnaqqsu r-rendiment tal-għelejjel tagħhom, anke jekk dan jista’ jikkontribwixxi għal operazzjonijiet oħrajn, bħall-produzzjoni tal-għasel.

Dawk il-ftehimiet x’aktarx li ma jirrestrinġux il-kompetizzjoni minħabba li effettivament huma biss tranżazzjoni ta’ proprjetà immobbli. Il-bdiewa jibqgħu liberi li jużaw l-art miżmuma tagħhom bi kwalunkwe mod li jqisu xieraq.

Eżempju 2: F’dan l-eżempju, minflok ma l-NGO tikri l-art, grupp ta’ bdiewa li jkabbru għelejjel simili fl-istess reġjun jaqblu li tal-anqas 20 % tar-raba’ tagħhom li jinħadem jiġi riżervat għall-użu bħala żoni b’fokus ekoloġiku. Dan il-ftehim għandu l-effett li jnaqqas l-ammont ta’ art li l-bdiewa jużaw fi kwalunkwe ħin partikolari, u b’hekk jitnaqqas ir-rendiment tal-għelejjel tagħhom, anke jekk dan jista’ jikkontribwixxi għal operazzjonijiet oħrajn, bħall-produzzjoni tal-għasel.

Dak il-ftehim x’aktarx jirrestrinġi l-kompetizzjoni, minħabba li l-bdiewa qegħdin jaqblu li jillimitaw l-ammont ta’ art li jużaw kull wieħed għall-produzzjoni.

Eżempju 3: Bħala parti minn inizjattiva reġjonali ta’ trattament xieraq tal-annimali maħsuba sabiex ittejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien għall-ħnieżer, il-bdiewa parteċipanti huma meħtieġa jżidu b’mod sinifikanti, u li jaqbeż il-minimu legali, l-ammont ta’ spazju għal kull ħanżir fil-farms tagħhom. Minħabba l-liġi nazzjonali, huwa diffiċli għall-biċċa l-kbira tal-bdiewa li jżidu l-ammont ta’ spazju ddedikat għat-trobbija tal-ħnieżer. B’riżultat ta’ dan, il-bdiewa parteċipanti se jnaqqsu n-numru ta’ ħnieżer imrobbija f’sena partikolari. Għalhekk, l-inizjattiva tiżgura li l-bdiewa jirċievu pagament sabiex jikkumpensahom għall-investimenti tagħhom u għall-output imnaqqas tagħhom.

Dak il-pagament x’aktarx li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, minħabba li l-bdiewa parteċipanti qegħdin jaqblu b’mod impliċitu li jrabbu anqas ħnieżer.

3.   Restrizzjonijiet relatati mal-inputs

(5)

Il-ftehimiet ta’ sostenibbiltà li jirrestrinġu l-għażla fir-rigward tal-inputs jistgħu jaffettwaw il-kost tal-produzzjoni, li min-naħa tiegħu jaffettwa l-prezz li bih il-prodott jista’ jinbiegħ bi profitt jew jillimitaw it-tip ta’ prodotti li jistgħu jiġu prodotti, minħabba li potenzjalment jirrestrinġu l-kapaċità tal-produttur li jissodisfa d-domanda tal-konsumatur.

Eżempju 1: Grupp ta’ kooperattivi tal-ħalib jiżviluppa marka ta’ kwalità għall-ġobon li tirrikjedi li l-produtturi jiċċertifikaw li l-ħalib li jintuża fil-ġobon tagħhom jiġi prodott esklużivament permezz ta’ metodi “bijodinamiċi” speċifikati li jaqbżu l-istandards għall-agrikoltura organika skont id-dritt tal-Unjoni. Il-produtturi tal-ġobon parteċipanti huma liberi li jipproduċu ġobon ieħor b’ħalib li ma jiġix prodott permezz ta’ dawk il-metodi bijodinamiċi.

Dak ir-rekwiżit ta’ ċertifikazzjoni x’aktarx li ma jirrestrinġix il-kompetizzjoni. Għalkemm il-ftehim jispeċifika l-użu ta’ ċerti inputs, il-produtturi tal-ġobon parteċipanti jibqgħu liberi li jipproduċu l-ġobon permezz ta’ sors ieħor ta’ ħalib.

Eżempju 2: Grupp ta’ kooperattivi tal-ħalib jiżviluppa marka ta’ kwalità għall-ġobon li tirrikjedi li l-produtturi jiċċertifikaw li l-ħalib li jintuża fil-ġobon tagħhom jiġi prodott esklużivament permezz tal-metodi bijodinamiċi msemmija fl-ewwel eżempju. Madankollu, għall-kuntrarju tax-xenarju fl-Eżempju 1, il-marka ta’ kwalità tirrikjedi li l-ħalib kollu li jintuża fil-prodotti tal-ħalib ikun prodott permezz ta’ metodi bijodinamiċi, sabiex jiġi ggarantit li ma jkunx hemm taħlit ta’ ħalib bijodinamiku u tipi oħrajn ta’ ħalib.

Dak ir-rekwiżit ta’ ċertifikazzjoni x’aktarx li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, minħabba li għall-kuntrarju tax-xenarju fl-Eżempju 1, fejn il-bdiewa kienu liberi li jipproduċu kemm ġobon xtaqu mingħajr ma jużaw ħalib bijodinamiku, hawnhekk il-ftehim ineħħi l-libertà tal-imħaleb parteċipanti li jużaw tipi oħra ta’ ħalib biex jipproduċu ġobon li ma jġorrx il-marka tal-kwalità, u b’hekk jisfurzahom jużaw ħalib bijodinamiku.

4.   Restrizzjonijiet relatati mal-klijenti, mal-fornituri jew mat-territorji

(6)

Il-ftehimiet ta’ sostenibbiltà li jirrikjedu li impriża ma tbigħx lil ċerti klijenti jew gruppi ta’ klijenti, jew li ma tbigħx barra minn ċertu territorju jew f’ċerti territorji, x’aktarx li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Il-ftehimiet ta’ sostenibbiltà li jirrikjedu li impriża ma tixtrix minn fornituri oħrajn jew minn territorji oħrajn x’aktarx li jirrestrinġu wkoll il-kompetizzjoni. L-istess jgħodd għall-ftehimiet ta’ sostenibbiltà li jirrestrinġu l-kapaċità ta’ rivendituri f’kompetizzjoni li jbigħu lil ċerti klijenti jew territorji jew li jixtru minn ċerti fornituri jew territorji.

(7)

Meta jiġu konklużi tali ftehimiet ta’ sostenibbiltà bejn fornitur u rivenditur, jekk il-ftehim ta’ sostenibbiltà huwiex probabbli li jirrestrinġi l-kompetizzjoni jiddependi fuq il-pożizzjoni tal-fornitur u tar-rivenditur fis-swieq rispettivi tagħhom. Pereżempju, jekk fornitur jirrappreżenta sehem kbir mill-provvista lil rivendituri fis-suq rilevanti, ftehim ta’ sostenibbiltà bejn bejjiegħ bl-imnut u fornitur li jirrestrinġi l-libertà tal-fornitur li jbigħ lil rivendituri oħrajn jista’ jirrestrinġi l-kompetizzjoni jekk rivendituri oħrajn ma jkunux jistgħu jiksbu l-provvisti meħtieġa bħala riżultat tal-ftehim ta’ sostenibbiltà. Bl-istess mod, jekk rivenditur jirrappreżenta sehem kbir ta’ xiri ta’ prodott, ftehim ta’ sostenibbiltà li jirrestrinġi l-kapaċità tiegħu li jakkwista minn fornituri oħrajn jista’ jillimita l-kapaċità ta’ dawk il-fornituri li jbigħu l-prodotti tagħhom. Barra minn hekk, għalkemm ftehim ta’ sostenibbiltà individwali bejn bejjiegħ bl-imnut u fornitur waħdu jaf ma jkunx restrittiv, jekk rivendituri u fornituri oħrajn jirrappreżentaw sehem kbir jew provvista jew xiri fis-suq ikunu daħlu wkoll fi ftehimiet ta’ sostenibbiltà simili, l-impatt ġenerali ta’ dawk il-ftehimiet ta’ sostenibbiltà jaf ikun li tiġi ristretta l-kompetizzjoni.

Eżempju 1: Assoċjazzjoni tal-iżvilupp reġjonali tiżviluppa inizjattiva tal-agrituriżmu sabiex tipproteġi u tirrestawra l-bijodiversità filwaqt li tissodisfa d-domanda dejjem akbar tal-konsumaturi għal turiżmu sostenibbli. Il-farms parteċipanti jaqblu li jħawlu ċertu perċentwal tal-art tagħhom bi pjanti li jagħmlu l-fjuri li jappoġġaw il-popolazzjoni tal-insetti filwaqt li fl-istess ħin jagħmlu l-pajsaġġ aktar attraenti. Min-naħa tagħhom, dawn jirċievu remunerazzjoni jew sussidji minn fond li huwa ffinanzjat minn bejjiegħa bl-imnut, proċessuri tal-ikel u ristoranti parteċipanti. Dawk in-negozji jirċievu d-dritt li jużaw logo speċjali tal-fjuri u huma elenkati f’materjali tat-turiżmu lokali li jenfasizzaw negozji sostenibbli fiż-żona. Il-parteċipazzjoni hija volontarja u hija miftuħa għall-farms u n-negozji kollha fir-reġjun.

Dak il-ftehim x’aktarx li ma jirrestrinġix il-kompetizzjoni. Il-ftehim ta’ sostenibbiltà ma huwa relatat direttament mal-ebda parametru ta’ kompetizzjoni. Għalkemm il-logo tal-fjuri u l-iskema ta’ kummerċjalizzazzjoni jista’ jkollhom impatt fuq il-profittabbiltà tal-farms jew fuq il-kapaċità tan-negozji lokali li jattiraw lill-klijenti, l-iskema hija volontarja u miftuħa għal kulħadd.

Eżempju 2: F’dan l-eżempju, l-istess skema tal-agrituriżmu hija introdotta f’reġjun li jestendi tul il-fruntiera ta’ żewġ Stati Membri. Il-farms tipikament jissupplixxu lill-klijenti fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera, u t-turisti li jżuru r-reġjun tipikament iżuru destinazzjonijiet fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera. L-iskema hija disponibbli biss għall-farms u għan-negozji f’wieħed miż-żewġ Stati Membri.

Dik l-iskema x’aktarx li tirrestrinġi l-kompetizzjoni. Għall-kuntrarju tax-xenarju fl-Eżempju 1, fejn il-parteċipazzjoni kienet miftuħa għal kulħadd, f’dan il-każ huma biss il-farms u n-negozji fuq naħa waħda tal-fruntiera li jistgħu jipparteċipaw. Minħabba li l-iskema tista’ taffettwa kemm il-profittabbiltà tal-farms parteċipanti kif ukoll il-kapaċità tan-negozji parteċipanti li jattiraw lill-klijenti, x’aktarx li tirrestrinġi l-kompetizzjoni fir-rigward tal-farms u tan-negozji f’kompetizzjoni fuq in-naħa l-oħra tal-fruntiera.

Eżempju 3. Sabiex titnaqqas il-ħela tal-ikel, grupp ta’ kooperattivi jiżviluppa kodiċi ta’ kondotta tajba li jagħti dettalji dwar il-passi li għandhom jieħdu l-produtturi agrikoli, il-proċessuri u l-bejjiegħa bl-imnut sabiex inaqqsu l-ħela tal-ikel. Il-kodiċi ġie żviluppat bil-parteċipazzjoni ta’ akkademiċi u NGOs, u ma jiffavorixxi l-ebda produttur agrikolu, proċessur jew bejjiegħ bl-imnut partikolari. Il-parteċipazzjoni hija volontarja.

Dak il-kodiċi x’aktarx li ma jirrestrinġix il-kompetizzjoni. Il-parteċipazzjoni hija volontarja, u l-kodiċi ma jiddiskriminax bejn il-parteċipanti.

Eżempju 4: F’dan l-eżempju, bħala parti mill-kodiċi deskritt fl-Eżempju 3, il-membri tal-kooperattiva jaqblu li jbigħu l-prodotti tagħhom biss lil bejjiegħa bl-imnut li ffirmaw għall-kodiċi.

Dak il-kodiċi x’aktarx li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, minħabba li l-bejjiegħa bl-imnut mhux parteċipanti ma jibqgħux ikunu jistgħu jixtru prodotti agrikoli minn firxa daqstant wiesgħa ta’ fornituri kif kienu jistgħu jagħmlu qabel il-ftehim ta’ sostenibbiltà.

5.   Restrizzjonijiet relatati mal-iskambji ta’ informazzjoni

(8)

Il-ftehimiet ta’ sostenibbiltà jistgħu jinvolvu skambji ta’ informazzjoni mhux pubblika bejn il-kompetituri. L-iskambju ta’ informazzjoni mhux pubblika x’aktarx li jirrestrinġi l-kompetizzjoni jekk l-informazzjoni jkollha impatt fuq kif ir-riċevitur jikkompeti fis-suq. Tali informazzjoni spiss tissejjaħ “informazzjoni kummerċjalment sensittiva”.

(9)

Prinċipju fundamentali tal-kompetizzjoni huwa li kull impriża suppost tiddetermina l-politika kummerċjali tagħha b’mod indipendenti. Bl-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva fi ħdan il-qafas ta’ ftehim ta’ sostenibbiltà, l-impriżi f’kompetizzjoni jistgħu jneħħu l-inċertezza dwar kif se jirrispondu fis-suq. Dan jista’ jagħmilha aktar faċli li jintlaħaq fehim komuni dwar kif wieħed għandu jaġixxi fis-suq, u b’hekk titnaqqas jew tiġi eliminata l-kompetizzjoni bejn l-impriżi.

(10)

Jekk l-informazzjoni skambjata fil-qafas ta’ ftehim ta’ sostenibbiltà hijiex probabbli li tkun kummerċjalment sensittiva se jiddependi fuq in-natura tal-informazzjoni u l-kuntest li fih tiġi żvelata. Xi informazzjoni hija sensittiva min-natura tagħha b’mod kompetittiv. Pereżempju, l-informazzjoni relatata mal-intenzjonijiet tal-ipprezzar jew mal-pjanijiet strateġiċi ta’ operatur normalment tkun kummerċjalment sensittiva minħabba li l-kompetituri li jsiru konxji tal-informazzjoni jistgħu jadattaw l-imġiba kompetittiva tagħhom skont dan.

(11)

Informazzjoni oħra tista’ tkun kummerċjalment sensittiva skont kemm tkun dettaljata. Aktar ma tkun speċifika l-informazzjoni, aktar ikun probabbli li l-kompetituri jkunu jistgħu jużaw l-informazzjoni sabiex jantiċipaw l-intenzjonijiet ta’ xulxin.

(12)

Bl-istess mod, l-età tal-informazzjoni tista’ tiddetermina jekk hijiex kummerċjalment sensittiva. Aktar ma tkun antika l-informazzjoni, anqas ikun probabbli li din tiżvela l-imġiba li jkunu qed jippjanaw il-kompetituri jew li tgħin sabiex jintlaħaq fehim komuni dwar kif wieħed għandu jikkompeti fis-suq.

(13)

F’każijiet oħrajn, ċerta informazzjoni tista’ tkun essenzjali sabiex tkun possibbli l-kompetizzjoni. F’tali każijiet, il-ftehimiet ta’ sostenibbiltà li jirrestrinġu l-kapaċità ta’ xi impriżi li jkollhom aċċess għal dik l-informazzjoni jistgħu jagħmluha diffiċli għall-impriżi esklużi sabiex jikkompetu jew jistgħu joħolqu ostakli għal dħul ġdid jew għal espansjoni minn impriżi f’kompetizzjoni.

Eżempju 1: Kull sajf, hemm perjodi fejn il-volum ta’ ċerti ħxejjex jaqbeż id-domanda, li b’riżultat ta’ dan ċertu porzjon tal-ħsad jispiċċa sabiex jitħassar fl-għelieqi jew fil-ħażna. Sabiex titnaqqas tali ħela, grupp ta’ kooperattivi jiġbor informazzjoni dwar iż-żoni mħawla u r-rendimenti għall-ħxejjex kollha fl-aħħar sena kif ukoll l-ammont ta’ skart mill-ħsad fil-farms membri kollha. Dik l-informazzjoni tiġi aggregata fil-livell reġjonali u ppubblikata fuq sit web aċċessibbli għall-pubbliku. Il-kooperattivi jħejju rakkomandazzjoni konġunta għall-membri tagħhom dwar kif jittrattaw il-ħela mill-ħsad abbażi tal-aħjar prattiki tal-membri tagħhom.

Dik il-prattika x’aktarx li ma tirrestrinġix il-kompetizzjoni. L-informazzjoni f’dan il-każ hija storika u aggregata, u tagħmilha improbabbli li kwalunkwe farm partikolari jkun jista’ jantiċipa fid-dettall dak li l-kompetituri tiegħu se jagħmlu fis-suq.

Eżempju 2: F’dan il-każ, il-grupp ta’ kooperattivi jaqbel li, qabel kull staġun tat-tħawwil, kull membru kooperattiv se jirrapporta l-pjan ta’ tħawwil tiegħu lill-kooperattiva tiegħu. Il-kooperattivi se jippubblikaw minnufih il-pjanijiet ta’ tħawwil individwali fuq sit web aċċessibbli għall-pubbliku, sabiex kull farm ikun jista’ jaġġusta l-pjanijiet ta’ tħawwil tiegħu sabiex tiġi evitata produzzjoni żejda li twassal għall-ħela tal-ikel.

Dan il-ftehim x’aktarx li jirrestrinġi l-kompetizzjoni. L-informazzjoni li tiġi skambjata hija sensittiva, minħabba li hija relatata ma’ pjanijiet futuri li huma dettaljati u mhux aggregati, li jippermetti lil kull kooperattiva tkun taf il-kompetituri tagħha x’qegħdin jippjanaw li jipproduċu l-istaġun li jmiss u li tnaqqas l-output tagħha skont dan.

Eżempju 3: F’dan l-eżempju, minflok ma jiskambjaw pjanijiet ta’ tħawwil, sabiex inaqqsu l-ħela tal-ikel billi jiżguraw li l-provvista u d-domanda jkunu aktar ibbilanċjati, il-kooperattivi jiskambjaw informazzjoni dwar il-kunsinni tagħhom ta’ kull ġimgħa lil klijenti speċifiċi.

Dak l-iskambju wkoll x’aktarx li jirrestrinġi l-kompetizzjoni. L-informazzjoni kkonċernata, inklużi l-volumi tal-bejgħ u l-identitajiet tal-klijenti, hija sensittiva, u d-data hija kurrenti. L-iskambju ta’ din id-data jagħmilha aktar faċli għall-kooperattivi sabiex jilħqu fehim taċitu li ma għandhomx jikkompetu b’mod vigoruż għal ċerti klijenti.

(14)

Għal aktar informazzjoni dwar l-analiżi tal-ftehimiet ta’ sostenibbiltà skont l-Artikolu 101 tat-TFUE, inklużi ftehimiet li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 210a, ara t-Taqsima 9 tal-Linji Gwida Orizzontali (1).

6.   Restrizzjonijiet relatati mal-mod li bih jiġu stabbiliti l-istandards tas-sostenibbiltà

(15)

F’xi każijiet, il-mod li bih jiġi stabbilit l-istandard tas-sostenibbiltà jista’ minnu nnifsu jkun probabbli li jirrestrinġi l-kompetizzjoni. B’mod partikolari, jista’ jinħoloq tħassib meta l-parteċipazzjoni fi standard ta’ sostenibbiltà tagħti lill-parteċipanti vantaġġ kompetittiv fuq dawk li ma humiex parteċipanti, jew meta l-mod li bih jiġi stabbilit l-istandard jista’ jagħti vantaġġi lil xi parteċipanti fuq parteċipanti oħrajn. L-adozzjoni ta’ standard ta’ sostenibbiltà neċessarjament tipprevjeni lill-impriżi milli jadottaw standards oħra ta’ sostenibbiltà, li jistgħu jwasslu wkoll għal tħassib.

Eżempju 1: Sabiex tiġi miġġielda r-reżistenza għall-antimikrobiċi, kumpaniji taż-żrieragħ u assoċjazzjoni li tirrappreżenta lill-produtturi tal-isquash jiżviluppaw flimkien standard għall-ġlieda kontra l-moffa f’għamla ta’ trab li jnaqqas il-ħtieġa li jintużaw prodotti antimikrobiċi matul il-kultivazzjoni. Il-bdiewa li jużaw l-istandard għandhom id-dritt jużaw ċerta marka ta’ kwalità, u l-assoċjazzjoni li tirrappreżenta lill-produtturi tal-isquash tinvesti fis-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi dwar ir-reżistenza għall-antimikrobiċi. L-istandard jinkludi diversi prattiki agrikoli u jirrikjedi l-użu ta’ varjetajiet ta’ squash li jkunu ntwerew li jissodisfaw ċertu livell ta’ reżistenza għall-moffa f’għamla ta’ trab. Is-sħubija fl-assoċjazzjoni hija miftuħa għall-produtturi tal-isquash u għall-kumpaniji taż-żrieragħ kollha, kif ukoll għar-riċerkaturi fil-qasam. Il-membri kollha jistgħu jipparteċipaw fl-iżvilupp tal-istandard. Il-laqgħat tal-kumitat tal-istandards tal-assoċjazzjoni jiġu trażmessi b’mod dirett, u d-dokumenti preparatorji rilevanti kollha jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-assoċjazzjoni. Issir votazzjoni dwar l-adozzjoni tal-istandard tal-membri kollha tal-assoċjazzjoni, li kull wieħed minnhom għandu vot wieħed. Il-parteċipazzjoni fl-iskema tal-marka standard u tal-kwalità hija volontarja.

Dak l-istandard x’aktarx li ma jirrestrinġix il-kompetizzjoni. Il-parteċipazzjoni fl-iffissar tal-istandards hija miftuħa għall-membri kollha tal-assoċjazzjoni, u l-istandards jiġu adottati b’mod miftuħ u trasparenti. Il-membri tal-assoċjazzjoni huma liberi jagħżlu jekk jadottawx l-istandard.

Eżempju 2: F’dan il-każ, il-fatti huma l-istess bħal dawk fl-Eżempju 1, ħlief li l-istandard jirrikjedi l-użu ta’ ċerti varjetajiet ibridi proprjetarji, anke jekk varjetajiet oħrajn joffru reżistenza simili għall-moffa f’għamla ta’ trab.

Dak ir-rekwiżit speċifiku x’aktarx li jirrestrinġi l-kompetizzjoni. Għalkemm il-parteċipazzjoni fl-istandard hija volontarja, il-kampanja ta’ sensibilizzazzjoni twassal biex il-produtturi tal-isquash jikkonformaw mal-istandard. Huwa probabbli wkoll li taffettwa l-kompetizzjoni kemm bejn il-produtturi tal-isquash kif ukoll bejn il-kumpaniji taż-żrieragħ, minħabba li l-istandard jiffavorixxi ċerti varjetajiet ta’ squash fuq oħrajn. Barra minn hekk, billi jillimita l-libertà tal-produtturi tal-isquash li jagħżlu varjetajiet oħrajn, l-istandard jista’ jipprevjeni lill-produtturi tal-isquash milli jużaw varjetajiet aktar effettivi li jnaqqsu l-ħtieġa ta’ trattamenti antimikrobiċi b’ammont saħansitra akbar.

Eżempju 3: F’dan il-każ, l-assoċjazzjoni fl-Eżempju 1 għandha regoli u proċeduri ta’ sħubija differenti. Hawnhekk, is-sħubija hija miftuħa mhux biss għall-produtturi kollha tal-isquash iżda wkoll għall-iżviluppaturi taż-żrieragħ. It-tariffi annwali jiġu ddeterminati abbażi tal-fatturat annwali ta’ kull membru, u d-drittijiet tal-vot jiġu ddeterminati b’mod proporzjonali għat-tariffi annwali tal-membru. B’riżultat ta’ dan, numru żgħir ta’ kumpaniji kbar taż-żrieragħ jikkontrollaw biżżejjed voti sabiex jadottaw l-istandard indipendentement mill-voti tal-produtturi tal-isquash.

Id-determinazzjoni tad-drittijiet tal-vot x’aktarx li tirrestrinġi l-kompetizzjoni. Il-proċess tal-iffissar tal-istandards jagħti lill-kumpaniji l-kbar taż-żrieragħ inċentiv sabiex jiffavorixxu l-varjetajiet tagħhom stess fuq dawk ta’ produtturi oħrajn taż-żrieragħ.

Eżempju 4: F’dan il-każ, il-fatti huma l-istess bħal fl-Eżempju 1, ħlief li l-assoċjazzjoni li tirrappreżenta lill-produtturi tal-isquash tadotta deċiżjoni li tirrikjedi li l-membri kollha jadottaw l-istandard. Il-produtturi tal-isquash li ma jkunux jixtiequ jadottaw l-istandard huma liberi li jitilqu mill-assoċjazzjoni, iżda jekk jagħmlu dan jitilfu l-aċċess għal kummerċjalizzazzjoni u appoġġ tekniku siewja.

Dik id-deċiżjoni x’aktarx li tirrestrinġi l-kompetizzjoni. Għalkemm il-produtturi tal-isquash jistgħu jiddeċiedu li ma jadottawx l-istandard, il-fatt li jkollhom jitilqu mill-assoċjazzjoni sabiex jagħmlu dan jagħmilha probabbli li ħafna produtturi tal-isquash jadottaw l-istandard u l-kompetizzjoni tal-kwalità u tal-prezz tkun ristretta b’konsegwenza ta’ dan.


(1)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Linji Gwida dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali (ĠU C 259, 21.7.2023, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1446/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)