European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2023/1355

1.12.2023

OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-13 ta' Ottubru 2023

dwar proposta għal regolament dwar il-valuta legali tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro

(CON/2023/31)

(C/2023/1355)

Introduzzjoni u bażi legali

Fis-27 ta’ Lulju 2023 u l-11 ta’ Settembru 2023, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talbiet mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, rispettivament, għal opinjoni dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-valuta legali tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro (1) (minn hawn ’il quddiem ir-“regolament propost”).

Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 133 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jipprevedi li, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-BĊE, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa għall-użu tal-euro bħala l-munita unika, u li tali miżuri għandhom jiġu adottati wara konsultazzjoni mal-BĊE. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

1.   Osservazzjonijiet Ġenerali

1.1.

Il-BĊE jilqa’ r-regolament propost, li se japplika fl-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Il-BĊE jappoġġa bil-qawwa l-istabbiliment ta’ regoli dwar l-istatus tal-valuta legali tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro fiż-żona tal-euro kollha fid-dritt sekondarju tal-Unjoni. Tali regoli se jippromwovu ċ-ċertezza legali meħtieġa rigward il-kunċett ta’ “valuta legali” fid-dritt tal-Unjoni, li huwa l-istatus attribwit għall-karti tal-flus tal-euro fid-dritt primarju tal-Unjoni u l-muniti tal-euro fid-dritt sekondarju tal-Unjoni (2). Ir-regoli stabbiliti fir-regolament propost se jiżguraw ukoll il-konsistenza, filwaqt li jqisu d-differenzi, mal-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-euro diġitali (3) (minn hawn ’il quddiem ir-“regolament propost dwar l-euro diġitali”), li jinkludi regoli dwar l-istatus tal-valuta legali tal-euro diġitali. Ir-regolament propost se jikkontribwixxi biex jiġi żgurat li l-euro diġitali, jekk jinħareġ, jikkomplementa, iżda ma jissostitwixxix, il-karti tal-flus u l-muniti tal-euro.

1.2.

Il-BĊE jilqa’ b’mod partikolari l-miżuri stabbiliti fir-regolament propost dwar il-ħtieġa li l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jiżguraw aċċess suffiċjenti u effettiv għall-flus kontanti. Il-BĊE laqa’ b’mod konsistenti l-abbozz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha l-għan li tipproteġi d-disponibbiltà tal-flus kontanti (4). Il-BĊE jaqbel bis-sħiħ mal-fehma li l-aċċess għall-flus kontanti huwa meħtieġ biex tiġi ppreservata l-effettività tal-istatus ta’ valuta legali tiegħu. Jekk iċ-ċittadini ma jkollhomx aċċess għal flus kontanti, ma jkunux jistgħu jużawhom bħala mezz ta’ pagament u ħżin ta’ valur (5).

1.3.

Skont it-Trattat, il-BĊE għandu d-dritt esklużiv li jawtorizza l-ħruġ ta’ karti tal-flus tal-euro fl-Unjoni (6). Il-karti tal-flus tal-euro maħruġa mill-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro huma l-uniċi karti tal-flus bi status ta’ valuta legali fiż-żona tal-euro (7). L-istatus tal-valuta legali tal-muniti tal-euro huwa previst fid-dritt sekondarju tal-Unjoni (8). Madankollu, ma hemm l-ebda definizzjoni legalment vinkolanti tat-terminu “valuta legali” fid-dritt sekondarju ltal-Unjoni.

1.4.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat il-kunċett ta’ “valuta legali” f’sentenza b’referenza għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2010/191/UE (9), li tispeċifika li, fejn jeżisti obbligu ta’ ħlas, il-valuta legali tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro għandha timplika: (a) aċċettazzjoni obbligatorja ta’ dawk il-karti tal-flus u muniti (10); (b) l-aċċettazzjoni tagħhom b’valur nominali sħiħ; u (c) s-setgħa tagħhom li jissodisfaw l-obbligi ta’ ħlas.

1.5.

Il-Qorti ċċarat ukoll li l-kunċett ta’ “valuta legali” msemmi fl-Artikolu 128(1) tat-Trattat huwa kunċett tad-dritt tal-Unjoni li jrid jingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni kollha (11). L-Artikolu 133 tat-Trattat jagħti s-setgħa lil-leġiżlatur tal-Unjoni biss li jadotta r-regoli legali li jirregolaw l-istatus ta’ valuta legali li jingħata lill-karti tal-flus u lill-muniti ddenominati f’euro, sa fejn dan ikun meħtieġ għall-użu tal-euro bħala l-munita unika. Tali kompetenza esklużiva tipprekludi kwalunkwe kompetenza min-naħa tal-Istati Membri fil-kwistjoni, sakemm ma jkunux qed jaġixxu fuq il-bażi li ngħataw is-setgħa mill-Unjoni biex jadottaw tali regoli jew fejn dan ikun meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-atti tal-Unjoni (12).

1.6.

Kif imsemmi fil-memorandum ta’ spjegazzjoni li jakkumpanja r-regolament propost (13), id-diskussjonijiet fi ħdan il-Grupp ta’ Esperti dwar l-Euro bħala Valuta Legali (Euro Legal Tender Expert Group, ELTEG) ikkonfermaw l-eżistenza ta’ inċertezza legali rigward l-istatus tal-valuta legali tal-flus kontanti tal-euro u l-applikazzjoni differenti tal-prinċipji tagħha fiż-żona tal-euro. Huma żvelaw ukoll tħassib dwar l-impatt fuq l-aċċess għall-flus kontanti tat-tnaqqis fil-kopertura ġeografika tal-automated teller machines (ATMs) u t-tnaqqis fis-servizzi tal-flus fil-friegħi tal-banek (14).

1.7.

Ir-regolament propost ser jikkontribwixxi biex jiżgura li l-flus kontanti tal-euro jibqgħu disponibbli, inkluż fir-reġjuni periferiċi, u aċċettati f’pagamenti fiż-żona tal-euro kollha, u b’hekk tissaħħaħ l-istrateġija tal-flus kontanti tal-Eurosistema (15). Minkejja d-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija tal-Unjoni u l-użu dejjem akbar ta’ mezzi elettroniċi ta’ pagament, il-flus kontanti għad għandhom rwol importanti fis-soċjetà (16). Il-kapaċità li wieħed iħallas fi flus kontanti tibqa’ partikolarment importanti għal ċerti gruppi fis-soċjetà, li, għal diversi raġunijiet leġittimi, jistgħu jippreferu jużaw il-flus kontanti aktar milli mezzi oħra ta’ ħlas, jew ma jkollhomx aċċess għal servizzi bankarji u mezzi elettroniċi ta’ ħlas. Dawn il-gruppi jinkludu ċittadini b’diżabilità, immigranti, ċittadini soċjalment vulnerabbli, anzjani, minuri u oħrajn b’aċċess limitat jew mingħajr aċċess għal servizzi ta’ pagament diġitali (17).

1.8.

Barra minn hekk, il-flus kontanti huma utli bħala strument ta’ pagament minħabba li huma aċċettati b’mod wiesa’, rapidi u jiffaċilitaw il-kontroll fuq l-infiq tal-pagatur. Barra minn hekk, bħalissa huma l-uniku strument ta’ pagament li jippermetti liċ-ċittadini jsaldaw tranżazzjoni fi flus tal-bank ċentrali, li wkoll tiġi saldata minnufih, filwaqt li tiġi żgurata l-privatezza (18). Bħala flus tal-bank ċentrali, il-flus kontanti tal-euro jiżguraw il-konvertibbiltà tal-flus tal-bank kummerċjali, u b’hekk jassiguraw liċ-ċittadini dwar l-użu tal-flus tal-bank kummerċjali bħala mezz ta’ ħlas u dwar il-funzjoni tagħhom bħala ħażna ta’ valur. Għalhekk, il-flus kontanti tal-euro għandhom ir-rwol tagħhom fiż-żamma tal-istabbiltà finanzjarja u t-trażmissjoni tal-politika monetarja.

2.   Projbizzjoni ċara tal-esklużjonijiet unilaterali ex ante tal-flus kontanti

2.1.

Il-BĊE jikkondividi t-tħassib stabbilit fir-regolament propost dwar “esklużjonijiet unilaterali ex ante ta’ flus kontanti” minn bejjiegħa bl-imnut jew fornituri ta’ servizzi. Il-firxa ta’ sitwazzjonijiet bħal dawn iddgħajjef serjament l-istatus tal-valuta legali tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro (19). Għandha tiġi inkluża dispożizzjoni ġdida fir-regolament propost biex jiġi indikat b’mod ċar li l-esklużjonijiet unilaterali ex ante tal-flus kontanti huma pprojbiti.

2.2.

Il-BĊE jissuġġerixxi wkoll li tiġi emendata d-definizzjoni ta’ esklużjonijiet unilaterali ex ante ta’ flus kontanti fir-regolament propost (20) biex jiġi ċċarat li dan jinkludi prattiki ta’ “ebda flus kontanti” (eż. sinjali “L-ebda flus kontanti” fl-entraturi tal-ħwienet jew fil-punti tal-bejgħ) kif ukoll termini kuntrattwali li ma jkunux ġew innegozjati individwalment (eż. kuntratti ta’ formoli standard ifformulati minn qabel). Barra minn hekk, id-dispożizzjoni tar-regolament propost dwar l-eċċezzjonijiet għall-prinċipju tal-aċċettazzjoni obbligatorja tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro (21) għandha tispeċifika li l-oneru tal-provi biex jiġi stabbilit li kien jeżisti ftehim minn qabel bejn il-pagatur u l-benefiċjarju dwar mezz ta’ pagament li ma jkunux flus kontanti huwa fuq il-benefiċjarju.

2.3.

Ir-regolament propost jiddikjara li l-esklużjonijiet unilaterali ex ante tal-flus kontanti jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu (22). Huwa jiddefinixxi “esklużjonijiet unilaterali ex ante ta’ flus kontanti” bħala sitwazzjonijiet li fihom il-bejjiegħa bl-imnut u l-fornituri tas-servizzi jeskludu unilateralment flus kontanti bħala metodu ta’ pagament, u l-pagatur u l-benefiċjarju ma jaqblux liberament dwar mezz ta’ pagament għal xiri (23). Għalhekk, esklużjonijiet unilaterali ex ante ta’ flus kontanti ma humiex każijiet fejn ikun hemm ftehim minn qabel, innegozjat individwalment, bejn il-pagatur u l-benefiċjarju dwar mezz ta’ pagament li ma jkunx flus kontanti, li jikkostitwixxi eċċezzjoni valida għall-prinċipju ta’ aċċettazzjoni obbligatorja (24). Filwaqt li esklużjonijiet ta’ flus kontanti miftiehma preċedentement ikunu jeħtieġu negozjar reali, esklużjonijiet unilaterali ex ante ta’ flus kontanti jinvolvu kundizzjoni mhux negozjabbli għall-pagatur biex iħallas dejn pekunarju mal-benefiċjarju.

2.4.

Madankollu, ir-regolament propost jipprevedi wkoll li l-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw il-livell ta’ esklużjonijiet unilaterali ex ante ta’ pagamenti fi flus kontanti fit-territorju kollu tagħhom (25). Il-premessi tar-regolament propost jiddikjaraw li, jekk Stat Membru jikkonkludi li esklużjonijiet unilaterali ex ante tal-flus kontanti jimminaw il-prinċipju tal-aċċettazzjoni obbligatorja tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro, huwa għandu jieħu miżuri biex jirrimedja s-sitwazzjoni. Tali miżuri jistgħu jinkludu projbizzjoni fuq esklużjonijiet unilaterali ex ante ta’ flus kontanti fit-territorju kollu tiegħu jew f’partijiet minnu (26).

2.5.

Għalhekk, ċerti dispożizzjonijiet tar-regolament propost jidhru li jindikaw li esklużjoni unilaterali ex ante tal-flus kontanti ma tikkostitwixxix ftehim minn qabel bejn pagatur u benefiċjarju biex jintuża mezz ta’ pagament li ma jkunux flus kontanti, b’tali mod li japplika l-prinċipju ta’ aċċettazzjoni obbligatorja (27). Waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet (28) tiddikjara b’mod ċar li meta bejjiegħ bl-imnut jew fornitur ta’ servizz jeskludi unilateralment flus kontanti bħala metodu ta’ pagament, pereżempju billi jintroduċi tabella “l-ebda flus kontanti”, il-pagatur u l-benefiċjarju ma jaqblux liberament dwar mezz ta’ pagament. Dan jissuġġerixxi li esklużjonijiet unilaterali ex ante tal-flus kontanti ma jkunux eżentati mill-prinċipju tal-aċċettazzjoni obbligatorja tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro. Għalhekk, dawn jikkostitwixxu ksur tar-regolament propost.

2.6.

Madankollu, din l-interpretazzjoni hija diffiċli biex tiġi rrikonċiljata mal-obbligu għall-Istati Membri li jimmonitorjaw il-livell ta’ esklużjonijiet unilaterali ex ante tal-flus kontanti fit-territorju kollu tagħhom, u jipprojbixxuhom, fit-territorju kollu tagħhom jew f’partijiet minnu, jekk il-livell ta’ aċċettazzjoni ta’ pagamenti fi flus kontanti fit-territorju tagħhom jew f’partijiet minnu jimmina l-prinċipju tal-aċċettazzjoni obbligatorja tal-flus kontanti tal-euro. Jekk l-esklużjonijiet unilaterali ex ante tal-flus kontanti jiksru r-regolament propost, ir-rispons tal-Istati Membri għandu jkun li jinfurzaw il-konformità mar-regolament propost, inkluż billi jistabbilixxu regoli dwar penali u jimponu penali kontra dawn l-esklużjonijiet tal-flus kontanti tal-euro (29), aktar milli jimmonitorjaw kemm dawn is-sitwazzjonijiet illegali huma mifruxa fit-territorju tagħhom.

2.7.

Il-projbizzjoni ċara tal-esklużjonijiet unilaterali ex ante tal-flus kontanti mbagħad tissostitwixxi l-obbligu impost fuq l-Istati Membri li jimmonitorjaw il-livell ta’ esklużjonijiet unilaterali ex ante ta’ pagamenti fi flus kontanti fit-territorju tagħhom u tipprovdi definizzjoni ċara tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-effetti tal-istatus tal-valuta legali tal-flus kontanti tal-euro (30).

3.   Esklużjonijiet unilaterali ex ante ta’ flus kontanti minn entitajiet tas-settur pubbliku

3.1.

Ir-regolament propost ma jeskludix kategoriji speċifiċi ta’ pagaturi jew benefiċjarji mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu (31). Fl-istess ħin, il-premessi tiegħu jirrikonoxxu li l-Istati Membri jistgħu, bħala prinċipju, jirrestrinġu l-aċċettazzjoni obbligatorja tal-flus kontanti, filwaqt li jaġixxu skont il-kompetenzi tagħhom u jekk jiġu ssodisfati (32) ċerti kundizzjonijiet (eż. raġunijiet ta’ interess pubbliku, proporzjonalità), kif iddikjarat mill-Qorti tal-Ġustizzja (33). F’dan ir-rigward il-BĊE jifhem li l-prattiki ta’ “ebda flus kontanti” segwiti minn entitajiet tas-settur pubbliku (eż. sptarijiet pubbliċi u mużewijiet pubbliċi) mhumiex bħala tali eċċezzjonijiet validi għall-aċċettazzjoni obbligatorja tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro introdotti mill-Istati Membri li jaġixxu fil-qasam ta’ kompetenza tagħhom. Sa fejn dawn il-prattiki mhumiex proċeduri rregolati għas-saldu ta’ obbligi pekunarji (34) previsti fil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, iżda pjuttost prattiki unilaterali, prattiki ta’ “ebda flus kontanti” segwiti minn entitajiet tas-settur pubbliku jikkostitwixxu esklużjonijiet unilaterali ex ante ta’ flus kontanti kif iddefinit fir-regolament propost (35). Għalhekk, il-premessi tar-regolament propost (36) għandhom jiġu aġġustati biex jiġi ċċarat li l-prattiki ta’ “ebda flus kontanti” segwiti mill-entitajiet tas-settur pubbliku jaqgħu wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament propost u, għalhekk, huma pprojbiti.

4.   Varji

4.1.

Ir-Regolament propost japplika “għas-saldu ta’ djun pekunarji sa fejn dawn għandhom jiġu saldati fi flus kontanti, kompletament jew parzjalment, fejn jeżisti obbligu ta’ ħlas” (37). Il-BĊE jifhem li l-frażi “sa fejn dawn għandhom jiġu saldati fi flus kontanti” tirreferi għad-dritt tal-pagatur li jagħżel li jħallas fi flus kontanti meta jkunu disponibbli mezzi oħra ta’ pagament. Madankollu, din il-frażi tista’ tinqara wkoll bħala limitazzjoni mhux determinata fuq il-prinċipju ta’ aċċettazzjoni obbligatorja (38). Jista’ jitqies li jimplika li ċerti djun pekunarji biss jistgħu jitħallsu fi flus kontanti. Għal raġunijiet ta’ ċarezza legali, il-BĊE għalhekk jissuġġerixxi li r-regolament propost jiġi emendat f’dan ir-rigward.

4.2.

Barra minn hekk, fir-rigward tal-eċċezzjonijiet għall-prinċipju tal-aċċettazzjoni obbligatorja tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro, ir-regolament propost jipprevedi li l-benefiċjarju jkun intitolat li jirrifjuta flus kontanti tal-euro “meta rifjut isir in bona fide u meta tali rifjut ikun ibbażat fuq raġunijiet leġittimi u temporanji f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità fid-dawl ta’ ċirkustanzi konkreti lil hinn mill-kontroll tal-benefiċjarju” (39). Il-BĊE jifhem li ġew imposti diversi kundizzjonijiet kumulattivi għall-applikazzjoni tal-eċċezzjoni ta’ “bona fide” biex jiġi stabbilit il-livell għoli għal benefiċjarju li jiddependi fuq din l-eċċezzjoni biex jiġġustifika rifjut ta’ aċċettazzjoni ta’ flus kontanti. Il-BĊE jilqa’ dan l-approċċ.

4.3.

Il-BĊE jifhem li l-fatt li ma jkun hemm l-ebda bidla disponibbli (40) jikkostitwixxu “raġunijiet leġittimi” speċifiċi ħafna li fuqha għandhom jiġu rrifjutati karti tal-flus u muniti tal-euro li ma tinfurmax il-fehim ġenerali tal-eċċezzjoni tal-bona fide. Madankollu, din ir-raġuni speċifika ma tistax tintuża biex jiġi ddeterminat x’jikkostitwixxi “ċirkustanzi konkreti lil hinn mill-kontroll tal-benefiċjarju” f’sitwazzjonijiet oħra. Fil-fatt, huwa dubjuż jekk tali ċirkostanza hijiex lil hinn mill-kontroll tal-benefiċjarju, u jekk din tiġi ttrattata bħala eżempju indikattiv tikkontradixxi l-intenzjoni ġenerali tal-leġislatur li jistabbilixxi l-livell għoli biex wieħed jirrikorri għall-eċċezzjoni ta’ bona fide għall-prinċipju ta’ aċċettazzjoni obbligatorja stabbilit fir-regolament propost.

4.4.

Barra minn hekk, ir-regolament propost jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti ta’ implimentazzjoni ta’ applikazzjoni ġenerali dwar sett ta’ indikaturi komuni li l-Istati Membri jridu jużaw biex jimmonitorjaw l-aċċettazzjoni ta’ pagamenti fi flus kontanti u l-aċċess għall-flus kontanti fit-territorju kollu tagħhom (41). Huwa jiddikjara b’mod espliċitu li l-Kummissjoni se tikkonsulta lill-BĊE meta tħejji l-atti ta’ implimentazzjoni rilevanti. Sa fejn ikun possibbli, il-ħidma eżistenti tal-Eurosistema f’dan il-qasam għandha sservi bħala referenza fid-definizzjoni ta’ indikaturi komuni. Ir-Regolament propost jagħti wkoll is-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti ta’ implimentazzjoni indirizzati lil Stat Membru jekk tqis li l-miżuri ta’ rimedju proposti mill-Istat Membru ma jkunux biżżejjed jew li l-aċċettazzjoni ta’ pagamenti fi flus kontanti jew l-aċċess għal flus kontanti ma jkunux żgurati b’mod xieraq (42). Madankollu, referenza simili għall-konsultazzjoni tal-BĊE hija nieqsa fil-każ tal-aħħar. Id-dmir ta’ konsultazzjoni mal-BĊE jirriżulta mill-fatt li l-atti rilevanti, sa fejn jimplimentaw ir-regolament propost, ikunu bbażati fuq l-Artikolu 133 tat-Trattat, li jirreferi speċifikament għall-ħtieġa li l-BĊE jiġi kkonsultat. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, ir-regolament propost għandu jirreferi b’mod espliċitu għad-dmir li l-BĊE jiġi kkonsultat qabel ma l-Kummissjoni tadotta atti ta’ implimentazzjoni indirizzati lil Stat Membru speċifiku.

4.5.

Fl-aħħar nett, il-BĊE jilqa’ r-referenza għall-konvertibbiltà b’parità bejn il-karti tal-flus u l-muniti tal-euro u l-euro diġitali fir-regolament propost (43). Tali konvertibbiltà hija konsegwenza naturali tal-istatus tal-valuta legali tal-flus kontanti tal-euro u tal-euro diġitali. Madankollu, il-BĊE jipproponi li jintuża t-terminu “funġibbiltà” minflok “konvertibbiltà”, peress li jirrifletti aħjar l-idea li l-flus kontanti tal-euro u l-euro diġitali huma l-istess munita (jiġifieri l-euro), għalkemm f’żewġ forom differenti. Il-BĊE jieħu nota tal-fatt li l-artikolu rilevanti fir-regolament propost dwar l-euro diġitali jirrifletti dak korrispondenti fir-regolament propost f’dan ir-rigward (44), u jiġbed l-attenzjoni tal-koleġiżlaturi għall-ħtieġa li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jinżammu allinjati matul il-proċess leġiżlattiv.

Fejn il-BĊE jirrakkomanda li r-regolament propost jiġi emendat, il-proposti ta’ abbozzar speċifiċi huma stabbiliti f’dokument ta’ ħidma tekniku separat flimkien ma’ test ta’ spjegazzjoni f’dan is-sens. Id-dokument ta’ ħidma tekniku huwa disponibbli bl-Ingliż fuq EUR-Lex.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-13 ta’ Ottubru 2023.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  COM(2023) 364 final.

(2)  It-tielet sentenza tal-Artikolu 128 (1) tat-Trattat u t-tielet sentenza tal-Artikolu 16 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar ’il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”); l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 tat-3 ta’ Mejju 1998 dwar l-introduzzjoni tal-euro (ĠU L 139, 11.5.1998, p. 1).

(3)  COM(2023) 369 final.

(4)  Ara, pereżempju, il-paragrafu 3.3 tal-Opinjoni CON/2022/40, il-paragrafu 7.2 tal-Opinjoni CON/2021/9, il-paragrafu 2.4 tal-Opinjoni CON/2020/21 u l-paragrafu 9.2 tal-Opinjoni CON/2020/13. L-opinjonijiet kollha tal-BĊE huma ppubblikati fuq EUR-Lex.

(5)  Ara t-taqsima 1, paġna 1, u t-taqsima 3, paġna 5, tal-memorandum ta’ spjegazzjoni tar-regolament propost, u l-Prinċipju 6 tal-ELTEG III fir-rapport finali tal- Grupp ta’ Esperti dwar l-Euro bħala Valuta Legali (ELTEG) tas-6 ta’ Lulju 2022, disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni fuq www.ec.europa.eu

(6)  L-ewwel sentenza tal-Artikolu 128(1) tat-Trattat u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 16 tal-Istatut tas-SEBĊ.

(7)  It-tielet sentenza tal-Artikolu 128(1) tat-Trattat u t-tielet sentenza tal-Artikolu 16 tal-Istatut tas-SEBĊ.

(8)  L-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 974/98.

(9)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2010/191/UE tat-22 ta’ Marzu 2010 dwar il-firxa u l-effetti tal-valuta legali tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro (ĠU L 83, 30.3.2010, p.70).

(10)  Il-Qorti ċċarat ukoll li l-istatus ta’ valuta legali jitlob biss l-aċċettazzjoni fil-prinċipju tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro, mhux għall-aċċettazzjoni assoluta. L-Istati Membri jistgħu jintroduċu restrizzjonijiet fuq l-obbligu li jaċċettaw karti tal-flus u muniti tal-euro jekk jaġixxu fi ħdan il-kompetenzi tagħhom u soġġetti għal ċerti kondizzjonijiet. Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Jannar 2021, Hessischer Rundfunk, C-422/19 u C-423/19, ECLI:EU:C:2021:63, il-paragrafi 55 u 56 u 67 sa 70. F’dan l-isfond, il-BĊE jimmonitorja mill-qrib kwalunkwe żvilupp fil-liġi nazzjonali li għandu l-għan li jillimita l-possibbiltajiet ta’ pagament fi flus kontanti u b’hekk jinterferixxi mad-dritt taċ-ċittadini li jħallsu fi flus kontanti. Ara, pereżempju, l-Opinjoni CON/2023/13, l-Opinjoni CON/2022/43, l-Opinjoni CON/2020/33 u l-Opinjoni CON/2019/39.

(11)  Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Jannar 2021, Hessischer Rundfunk, C-422/19 u C-423/19, ECLI:EU:C:2021:63 (minn hawn ’il quddiem is-“sentenza fil-Kawżi Magħquda C-422/19 u C-423/19”), il-punt 45.

(12)  Ara s-sentenza fil-Kawżi Magħquda C-422/19 u C-423/19, il-punti 50 sa 52.

(13)  Ara t-taqsima 3, paġna 4 tal-memorandum ta’ spjegazzjoni tar-regolament propost u r-Rapport Finali tal-Grupp ta’ Esperti dwar l-Euro bħala Valuta Legali (ELTEG) tas-6 ta’ Lulju 2022, disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni fuq www.ec.europa.eu.

(14)  Ara l-Prinċipju 6 tal-ELTEG III fir-Rapport finali tal-Grupp ta’ Esperti dwar l-Euro bħala Valuta Legali (ELTEG) tas-6 ta’ Lulju 2022, disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni fuq www.ec.europa.eu

(15)  Ara “The Eurosystem cash strategy” (L-istrateġija tal-Eurosistema dwar il-flus kontanti), disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu

(16)  Ara, pereżempju, il-paragrafi 2.4 u 2.7 tal-Opinjoni CON/2011/30; punti 2.1 u 2.2 tal-Opinjoni CON/2021/18; u l-paragrafu 4.7 tal-Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ Frar 2022 dwar proposta għal direttiva u regolament dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu (CON/2022/5) (ĠU C 210, 25.5.2022, p. 15). Il-BĊE ddikjara n-newtralità tiegħu fir-rigward ta’ mezzi differenti ta’ ħlas, li jfisser li ma jiffavorixxix strument fuq ieħor. Ara l-paragrafu 2.1 tal-Opinjoni CON/2015/55.

(17)  Ara, pereżempju, l-paragrafu 2.10 tal-Opinjoni CON/2022/9.

(18)  Ara l-paragrafu 2.4 tal-Opinjoni CON/2017/8, il-paragrafu 2.1 tal-Opinjoni CON/2019/41, il-paragrafu 9.2.1 tal-Opinjoni CON/2020/13, il-paragrafu 2.3 tal-Opinjoni CON/2020/21, il-paragrafu 7.2.1 tal-Opinjoni CON/2021/9 u l-paragrafu 2.1 tal-Opinjoni CON/2021/18.

(19)  Ara l-Ittra mill-President tal-BĊE lis-Sur Chris MacManus, Membru tal-Parlament Ewropew, dwar il-legalità tar-rifjut unilaterali tan-negozjanti li jaċċettaw pagamenti fi flus kontanti f’kuntest bejn negozju u klijent (L/CL/23/130), tat-23 ta’ Ġunju 2023, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq is-sit web www.ecb.europa.eu

(20)  Ara l-Artikolu 3, punt (4) tar-regolament propost.

(21)  Ara l-Artikolu 5(1) tar-regolament propost.

(22)  Ara l-Artikolu 2(1) tar-regolament propost.

(23)  Ara l-Artikolu 3, punt (4) tar-regolament propost.

(24)  Ara l-Artikolu 5(1), punt (b) tar-regolament propost.

(25)  Ara l-Artikolu 7 tar-regolament propost.

(26)  Ara l-premessa 6 tar-regolament propost.

(27)  Ara l-Artikolu 3, punt 4, u l-Artikolu 5(1), punt (b), tar-regolament propost.

(28)  Ara l-Artikolu 3, punt (4) tar-regolament propost.

(29)  Ara l-Artikolu 12 u l-Artikolu 13(1), il-punt (b), tar-regolament propost.

(30)  Ara l-Artikoli 7 u 9 tar-regolament propost.

(31)  Ara l-Artikolu 2 tar-regolament propost.

(32)  Ara l-premessi 4 u 11 tar-regolament propost.

(33)  Ara s-sentenza fil-Kawżi Magħquda C-422/19 u C-423/19, il-punti 55 u 56 u 67 sa 70.

(34)  Ara s-sentenza fil-Kawżi Magħquda C-422/19 u C-423/19, il-punti 56 sa 58.

(35)  Ara l-Artikolu 3, punt (4) tar-regolament propost.

(36)  Ara b'mod partikolari l-premessa 11 tar-regolament propost.

(37)  Ara l-Artikolu 2(1) tar-regolament propost.

(38)  Ara l-Artikolu 4 tar-regolament propost.

(39)  Ara l-Artikolu 5(1), punt (a) tar-regolament propost.

(40)  Ara l-Artikolu 5(2), punt (ii) tar-regolament propost.

(41)  Ara l-Artikolu 9(2) tar-regolament propost.

(42)  Ara l-Artikolu 9(5) tar-regolament propost.

(43)  Ara l-Artikolu 15 tar-regolament propost.

(44)  Ara l-Artikolu 12 tar-regolament propost dwar l-euro diġitali u l-Artikolu 15 tar-regolament propost.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1355/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)