European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2023/1344

29.11.2023

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tas-27 ta’ Novembru 2023

dwar l-iżvilupp ta' kundizzjonijiet ta' qafas tal-ekonomija soċjali

(C/2023/1344)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292, flimkien mal-Artikolu 149 u l-Artikolu 153(1), il-punti (h) u (j) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (1),

Billi:

(1)

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (“il-Pilastru”) ipproklamat b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017 (2) jistabbilixxi għadd ta’ prinċipji li jappoġġaw swieq tax-xogħol u sistemi ta’ protezzjoni soċjali ġusti u li jaħdmu tajjeb. Il-Pilastru jinkludi l-ewwel prinċipju dwar id-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u apprendiment tul il-ħajja ta’ kwalità u inklużivi, , it-tieni prinċipju dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, it-tielet prinċipju dwar l-opportunitajiet indaqs, ir-raba’ prinċipju dwar l-appoġġ attiv għall-impjiegi, il-ħames prinċipju dwar l-impjiegi sikuri u adattabbli, u l-prinċipji 11 u 16 sa20 dwar il-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni tat-tfal, tal-persuni b’diżabbiltà u tal-persuni mingħajr dar, u l-aċċess għal servizzi essenzjali, għall-kura tas-saħħa u għall-kura fit-tul.

(2)

F’Ġunju 2021, il-Kunsill Ewropew, f’konformità mad-Dikjarazzjoni ta’ Porto, laqa’ l-miri ewlenin tal-UE għall-2030 minquxa fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (3). Dawk il-miri għandhom l-għan li jiksbu rata ta’ impjieg ta’ mill-inqas 78 %, parteċipazzjoni ta’ adulti f’taħriġ annwalment ta’ mill-inqas 60 % u tnaqqis ta’ nies li huma f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali ta’ mill-inqas 15-il miljun (li minnhom tal-inqas 5 miljuni huma tfal). L-Istati Membri mbagħad stabbilew miri nazzjonali fit-tliet oqsma kollha biex jgħinu biex jintlaħqu dawk l-għanijiet kondiviżi.

(3)

Minkejja l-progress li sar matul l-aħħar għaxar snin biex jitnaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali, fl-2021 kien għad hemm 95.4 miljun persuna f’riskju. Ir-riskju ta’ faqar żdied għal persuni li jgħixu f’unitajiet domestiċi (kważi) mingħajr impjieg, u l-gravità u d-durata tal-faqar marru għall-agħar f’ħafna Stati Membri. L-impjiegi ta’ kwalità u sostenibbli huma kruċjali biex tittaffa din il-problema. Bis-saħħa tal-mod kif taħdem l-ekonomija soċjali, l-azzjonijiet tagħha u l-għanijiet li ssegwi, l-ekonomija soċjali għandha rwol ewlieni fit-titjib tal-inklużjoni soċjali u l-aċċess ugwali għas-suq tax-xogħol. Għalhekk tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-Pilastru.

(4)

L-entitajiet tal-ekonomija soċjali jistgħu joħolqu u jżommu impjiegi ta’ kwalità; huma jikkontribwixxu għall-inklużjoni soċjali u għall-inklużjoni fis-suq tax-xogħol ta’ gruppi żvantaġġati, u għal opportunitajiet indaqs għal kulħadd. Dan huwa konformi mal-qafas ta’ rkupru inklużiv, kif enfasizzat fil-Linji Gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2296 (4). L-entitajiet tal-ekonomija soċjali jistgħu jistimulaw żvilupp ekonomiku u industrijali sostenibbli u jippromwovu l-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini fis-soċjetà. Huma jagħtu wkoll kontribut sinifikanti għas-sistemi soċjali tal-Unjoni billi jikkomplementaw is-servizzi pubbliċi, jagħtu ħajja ġdida liż-żoni rurali u depopolati tal-Unjoni u jaqdu rwol importanti fil-politika internazzjonali tal-iżvilupp.

(5)

Fid-9 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni adottat pjan ta’ azzjoni ġdid għall-ekonomija soċjali (5). Dak il-pjan ta’ azzjoni jikkontribwixxi għall-prijorità tal-Kummissjoni li tibni “ekonomija għas-servizz tan-nies” u li hija allinjata mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2015 dwar il-promozzjoni tal-ekonomija soċjali bħala mutur ewlieni tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali fl-Ewropa (6). F’dak il-pjan ta’ azzjoni, il-Kummissjoni ressqet miżuri konkreti li għandhom jiġu implimentati kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f’dak nazzjonali. Il-miżuri għandhom l-għan li jtejbu l-innovazzjoni soċjali, jappoġġaw l-iżvilupp tal-ekonomija soċjali u jisfruttaw il-potenzjal trasformattiv soċjali u ekonomiku tagħha. Il-miżuri għandhom l-għan li joħolqu kundizzjonijiet xierqa biex l-ekonomija soċjali tirnexxi, filwaqt li joħolqu opportunitajiet għall-entitajiet tal-ekonomija soċjali, fosthom l-intrapriżi u forom oħra ta’ organizzazzjonijiet, biex jibdew u jespandu, u jiżguraw li l-ekonomija soċjali u l-potenzjal tagħha jkunu aktar viżibbli. Il-Parlament Ewropew laqa’ dak il-pjan ta’ azzjoni fir-riżoluzzjoni tiegħu bid-data tas-6 ta’ Lulju 2022 (7).

(6)

Fit-18 ta’ April 2023, in-Nazzjonijiet Uniti adottat riżoluzzjoni dwar il-promozzjoni tal-ekonomija soċjali u solidali għall-iżvilupp sostenibbli, li tipprovdi definizzjoni globali tal-ekonomija soċjali u solidali u pjan direzzjonali għall-appoġġ tal-iżvilupp tal-ekonomija soċjali u solidali fil-livell globali. Organizzazzjonijiet internazzjonali oħra wkoll adottaw strateġiji għall-iżvilupp tal-ekonomija soċjali, bħar-Riżoluzzjoni dwar ix-xogħol deċenti u l-ekonomija soċjali u solidali adottata fil-110 Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol fl-10 ta’ Ġunju 2022; u r-Rakkomandazzjoni tal- Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) dwar l-ekonomija soċjali u solidali u l-innovazzjoni soċjali, adottata wkoll fl-10 ta’ Ġunju 2022.

(7)

L-ekonomija soċjali, imsemmija wkoll f’xi Stati Membri bħala l-ekonomija solidali jew l-ekonomija soċjali u solidali, tinkludi firxa wiesgħa ta’ entitajiet b’mudelli kummerċjali u organizzattivi differenti li jagħtu prijorità lill-iskop tas-soċjetà, inkluż l-għanijiet soċjali u ambjentali, fuq il-profitt. L-entitajiet tal-ekonomija soċjali u d-definizzjoni tagħhom jistgħu jvarjaw ftit bejn l-Istati Membri, u jistgħu jieħdu diversi forom u statuses legali, bħal kooperattivi, soċjetajiet mutwi, assoċjazzjonijiet, fondazzjonijiet u intrapriżi soċjali. Huma jikkondividu l-prinċipji komuni ta’ investiment mill-ġdid tal-profitti kollha tagħhom jew tal-biċċa l-kbira tagħhom biex isegwu l-għanijiet soċjali jew ambjentali tagħhom u biex jipprattikaw governanza demokratika jew parteċipattiva. Il-forma speċifika ta’ governanza u ġestjoni adottata mill-entitajiet tal-ekonomija soċjali tvarja skont in-natura, l-iskala u l-kuntest tal-operat tagħhom. Għalhekk, il-prinċipju ta’ governanza demokratika jew parteċipattiva jieħu forom differenti, li jvarjaw mill-involviment dirett tal-membri fil-proċessi ta’ governanza sal-involviment rappreżentattiv tal-membri jew tas-sħab f’funzjonijiet separati ta’ governanza u ġestjoni. Pereżempju, fil-kooperattivi, fis-soċjetajiet mutwi, u fl-assoċjazzjonijiet, dan il-prinċipju spiss jieħu l-forma ta’ “persuna waħda, vot wieħed”. Il-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-entitajiet tal-ekonomija soċjali huma kkaratterizzati minn sett ta’ sistemi u relazzjonijiet ta’ kontroll bejn l-aġenti differenti li jipparteċipaw fl-entità, inklużi l-maniġers, is-sħab, l-impjegati u l-benefiċjarji. Billi jlaqqgħu flimkien dawk l-aġenti differenti, l-entitajiet tal-ekonomija soċjali jippromwovu sforz b’diversi partijiet ikkonċernati ċċentrati fuq kultura ta’ parteċipazzjoni, responsabbiltà, u trasparenza u mmirati biex jintlaħaq għan komuni.

(8)

L-entitajiet tal-ekonomija soċjali spiss jagħmlu ħilithom biex joħolqu opportunitajiet ekonomiċi li jippromwovu l-inklużjoni soċjali u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ gruppi żvantaġġati, inkluż il-persuni b’diżabbiltà u l-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali. L-intrapriżi soċjali għall-integrazzjoni fix-xogħol huma tip ta’ intrapriża soċjali li tiffoka fuq li tgħin lil dawk il-gruppi ta’ persuni jintegraw fis-soċjetà u fix-xogħol billi tipprovdi impjiegi f’diversi livelli ta’ ħiliet b’kundizzjonijiet tax-xogħol inklużivi u flessibbli. Pereżempju, l-għoti ta’ appoġġ lingwistiku lill-ħaddiema migranti u kompiti u ambjenti tax-xogħol adattati għall-persuni b’diżabbiltà jista’ joffrilhom rotta ta’ ħruġ mill-faqar u l-esklużjoni soċjali. Dawk l-opportunitajiet ta’ impjieg jistgħu jservu bħala pass intermedju lejn setturi oħra tas-suq tax-xogħol, u jgħinu biex jingħelbu l-ostakli għall-impjieg għall-persuni qiegħda fit-tul u għal persuni oħra li qegħdin jesperjenzaw diffikultajiet fl-aċċess għas-suq tax-xogħol.

(9)

Intrapriżi ġodda fl-ekonomija soċjali jistgħu jkunu mezz b’saħħtu għall-ħolqien tal-impjiegi u għal bidla soċjali pożittiva. L-ekonomija soċjali tista’ tipprovdi opportunitajiet għal xi gruppi sottorappreżentati, bħan-nisa u ż-żgħażagħ, biex jidħlu fis-suq tax-xogħol jew jistabbilixxu negozji soċjali. Skont il-Global Entrepreneurship Monitor, huwa stmat li 55 % tal-intraprendituri soċjali fid-dinja huma rġiel u 45 % huma nisa, filwaqt li b’mod ġenerali n-nisa li jaħdmu għal rashom jammontaw biss għal nofs l-ammont ta’ rġiel. Skont Ewrobarometru reċenti dwar l-attitudnijiet taż-żgħażagħ lejn l-intraprenditorija soċjali, iż-żgħażagħ japprezzaw l-importanza tal-għanijiet soċjali u ambjentali u tat-tmexxija parteċipattiva. L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw modi kif jimminimizzaw id-diżinċentivi għal intraprendituri potenzjali, bħall-iżgurar li jżommu aċċess għal protezzjoni xierqa tas-sikurezza soċjali. Xi Stati Membri naqqsu l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali bħala inċentiv għall-entitajiet tal-ekonomija soċjali biex jimpjegaw persunal. Li jiġi żgurat qafas abilitanti għat-trasferimenti tan-negozju lill-impjegati biex jiffurmaw kooperattivi tal-ħaddiema jew mudelli tal-ekonomiji soċjali rilevanti oħra li huma proprjetà tal-ħaddiema jista’ jkun ukoll mod kif tiġi żgurata l-kontinwazzjoni tan-negozji żgħar u tal-familja u biex jiġi evitat it-telf ta’ impjiegi, pereżempju fil-każ ta’ ristrutturar. L-Istati Membri jistgħu jimplimentaw ukoll miżuri ta’ faċilitazzjoni għan-negozji tradizzjonali biex jagħmlu tranżizzjoni lejn entitajiet tal-ekonomija soċjali.

(10)

L-entitajiet tal-ekonomija soċjali jippromwovu wkoll l-inklużjoni taż-żgħażagħ, b’mod partikolari ż-żgħażagħ li ma humiex f’edukazzjoni, f’impjieg jew f’taħriġ (NEETs). Dawn jipprovdu programmi ta’ taħriġ u żvilupp tal-ħiliet u apprendistati kif imsemmija fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2018 dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi (8), u opportunitajiet ta’ impjieg. Għalhekk dawn jikkontribwixxu għall-għanijiet stabbiliti mill-Garanzija għaż-Żgħażagħ imsemmija fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Ottubru 2020 dwar Pont għall-Impjiegi – It-tisħiħ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ (9) u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali għall-apprendiment tul il-ħajja u għall-impjegabbiltà (10). Il-finanzjament tal-Unjoni, bħall-programm tal-Fond Soċjali Ewropew Plus stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), jista’ jappoġġa lill-entitajiet tal-ekonomija soċjali f’dan ir-rwol. Għal dan il-għan, fl-Istati Membri seħħew inizjattivi kollaborattivi ta’ suċċess bejn is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u l-entitajiet tal-ekonomija soċjali (12). Skont dawk l-inizjattivi, l-entitajiet tal-ekonomija soċjali għandhom rwol importanti fl-identifikazzjoni ta’ persuni fil-bżonn ta’ assistenza u fl-iżvilupp ta’ pjanijiet imfassla apposta biex jgħinuhom jiksbu integrazzjoni soċjali u okkupazzjonali, inkluż opportunitajiet ta’ taħriġ u xogħol.

(11)

L-entitajiet tal-ekonomija soċjali jistgħu jippromwovu kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti billi jinvolvu lill-impjegati fil-governanza u fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom. Il-promozzjoni tad-djalogu soċjali fl-ekonomija soċjali tista’ ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati. L-Istati Membri jistgħu jrawmu u jibnu fuq dan l-aspett tal-ekonomija soċjali u jagħmlu użu mill-għarfien prattiku tagħha billi jinvolvu lill-entitajiet tal-ekonomija soċjali fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta’ politiki attivi tas-suq tax-xogħol (13). L-Istati Membri jistgħu jesploraw ukoll possibiltajiet biex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tal-impjegaturi fl-ekonomija soċjali fid-djalogu soċjali.

(12)

L-ekonomija soċjali tikkontribwixxi l-istrateġiji tal-Unjoni tal-Ugwaljanza adottati mill-Kummissjoni billi tippromwovi l-inklużjoni soċjali ta’ gruppi żvantaġġati u sottorappreżentati, pereżempju permezz tal-forniment ta’ servizzi soċjali u tal-kura (inkluż l-indukrar tat-tfal, il-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul), l-akkomodazzjoni soċjali u l-appoġġ għat-tfal u ż-żgħażagħ bi bżonnijiet speċjali. L-entitajiet tal-ekonomija soċjali jgħinu biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi, bħad-differenza bejn il-ġeneri fl-impjiegi, kemm billi jimpjegaw direttament proporzjon kbir ta’ nisa kif ukoll billi jipprovdu servizzi ta’ kura li jippermettu lill-indokraturi, li l-maġġoranza tagħhom huma nisa, jissieħbu fis-suq tax-xogħol. Bħala sieħba importanti għas-settur pubbliku, l-ekonomija soċjali tista’ tagħti kontribut siewi għat-tfassil u l-forniment ta’ servizzi ta’ kura residenzjali, tad-dar u bbażati fuq il-komunità. Permezz ta’ inizjattivi ta’ sħubija, l-awtoritajiet pubbliċi u l-entitajiet tal-ekonomija soċjali jistgħu jipprovdu servizzi ta’ kura ta’ kwalità għolja, aċċessibbli u affordabbli.

(13)

Is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għandhom rwol kruċjali biex in-nies jiġu mgħammra bil-ħiliet meħtieġa għall-post tax-xogħol, għall-iżvilupp personali u għaċ-ċittadinanza. Dawn jgħinu wkoll biex tiġi żgurata forza tax-xogħol b’ħiliet li tista’ tikkontribwixxi għal tranżizzjoni ekoloġika u diġitali doppja ġusta. L-entitajiet tal-ekonomija soċjali jipprovdu opportunitajiet ta’ xogħol, taħriġ fuq il-post tax-xogħol, u programmi ta’ apprendiment ibbażati fuq ix-xogħol imfassla għall-ħtiġijiet tal-individwi u tal-ekonomija lokali. Dawn għandhom il-potenzjal li jgħinu fl-introduzzjoni ta’ kontijiet individwali ta’ apprendiment bħala mezz possibbli biex jintlaħqu l-objettivi li jinsabu fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar kontijiet individwali tal-apprendiment (14). L-entitajiet tal-ekonomija soċjali jistgħu jikkontribwixxu wkoll biex tiċċekken id-differenza diġitali attwali bejn il-ġeneri billi jipprovdu appoġġ immirat li jsaħħaħ il-ħiliet diġitali tan-nisa. Għalhekk, dawn jistgħu jikkontribwixxu għall-kisba ta’ forza tax-xogħol b’ħiliet u adattabbli li kapaċi tirrispondi għall-bidliet fis-suq tax-xogħol, li potenzjalment jiffaċilitaw it-tranżizzjoni minn impjieg għall-ieħor u jtaffu n-nuqqas ta’ ħaddiema, u b’hekk jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku ġenerali. L-Istati Membri jistgħu jisfruttaw dan il-potenzjal meta jibnu informazzjoni dwar il-ħiliet, jiffaċilitaw it-taħriġ, u jfasslu kurrikuli tal-edukazzjoni.

(14)

L-isfidi ppreżentati mit-tranżizzjoni doppja u mill-bidla demografika jeħtieġ li jiġu indirizzati fil-livelli reġjonali u lokali biex tinkiseb koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. L-entitajiet tal-ekonomija soċjali ġeneralment joperaw b’mod minn isfel għal fuq, qrib il-komunitajiet, iċ-ċittadini, u l-problemi li jiffaċċjaw, filwaqt li spiss jaġixxu bħala innovaturi soċjali u jsibu soluzzjonijiet li jistgħu jiġu applikati fuq skala kbira jew replikati u li jikkontribwixxu għal bidla sistemika. L-ekonomija soċjali tista’ tikkontribwixxi wkoll għall-awtonomija strateġika tal-Unjoni billi toħloq negozju f’setturi strateġiċi li jaqdu l-interessi u l-ħtiġijiet tal-komunitajiet lokali. Pereżempju, l-ekonomija soċjali tista’ toffri opportunitajiet ta’ titjib tal-ħiliet lil ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet minn setturi li għaddejjin minn bidliet kbar u jipprovdu oġġetti bażiċi affordabbli lil gruppi bi dħul baxx. F’żoni remoti u rurali b’inqas offerti ta’ impjieg u edukazzjoni, l-entitajiet tal-ekonomija soċjali jistgħu jipprovdu opportunitajiet tant meħtieġa, u b’hekk dawk ir-reġjuni jsiru aktar attraenti. Għalhekk, l-iżvilupp tal-ekosistemi tal-ekonomija soċjali tal-Unjoni jikkontribwixxi biex jittaffew il-konsegwenzi tat-tixjiħ tal-popolazzjoni, tad-depopolazzjoni u ta’ xejriet demografiċi oħra, u biex jiġi promoss l-iżvilupp ekonomiku u industrijali lokali, inkluż fiż-żoni rurali u remoti u fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni, bħal fl-agrikoltura, fil-produzzjoni tal-ikel organiku, u fl-ekonomija blu.

(15)

Il-promozzjoni ta’ żvilupp lokali mmexxi mill-komunità u ta’ ekosistemi favorevoli għall-innovazzjoni soċjali ssaħħaħ l-ekonomija soċjali u tixpruna t-tibdil għal ekonomija newtrali għall-klima f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew (15) u mal-pjan industrijali tal-Patt Ekoloġiku (16). Minħabba r-rwol importanti tal-ekonomija soċjali fl-iżvilupp tal-ekonomija ċirkolari, kif ukoll fil-produzzjoni mmexxija miċ-ċittadini u d-distribuzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, permezz ta’ kooperattivi tal-enerġija rinnovabbli u komunitajiet oħra tal-enerġija, it-tfassil ta’ miżuri ta’ politika industrijali trażversali u koerenti dwar l-użu mill-ġdid, it-tiswija, u r-riċiklaġġ jista’ jippromwovi suq li jiffunzjona għall-materja prima sekondarja, jottimizza l-kontribut tal-ekonomija soċjali għall-objettivi stabbiliti mill-pjan ta’ azzjoni tal-ekonomija ċirkolari (17), u jagħti spinta lill-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni b’emissjonijiet netti żero. Entitajiet tal-ekonomija soċjali li joperaw fil-qasam diġitali wrew il-potenzjal li ċ-ċittadini u n-negozji jingħataw is-setgħa biex jipparteċipaw fi tranżizzjoni diġitali inklużiva u ċċentrata fuq il-bniedem u għandhom rwol attiv fl-ilħuq tal-objettivi u l-miri tal-programm ta’ politika tad-Deċennju Diġitali 2030 stabbilit bid-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) u d-Dikjarazzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali għad-Deċennju Diġitali (19). Biex tagħti spinta lir-reżiljenza ta’ din it-tranżizzjoni doppja għal soċjetà ekoloġika u diġitali, il-Kummissjoni aġġornat l-istrateġija industrijali tal-Unjoni tagħha f’Mejju 2021. L-istrateġija tistabbilixxi l-isfidi ffaċċjati mill-14-il ekosistema industrijali, fosthom l-ekosistema “tal-ekonomija soċjali u tal-prossimità”, li għaliha nbena perkors ta’ tranżizzjoni b’mod konġunt.

(16)

Sabiex l-ekonomija soċjali tkun tista’ tissodisfa l-potenzjal tagħha fl-appoġġ tal-aċċess għas-suq tax-xogħol, l-inklużjoni soċjali, l-iżvilupp tal-ħiliet, il-koeżjoni territorjali, id-demokrazija ekonomika, in-newtralità klimatika u l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli, teħtieġ qafas abilitanti. Peress li l-ekonomija soċjali tista’ tkun preżenti fis-setturi ekonomiċi kollha u hija influwenzata minn politiki u dispożizzjonijiet orizzontali u settorjali, qafas abilitanti jeħtieġ li jqis il-karatteristiċi speċifiċi tal-ekonomija soċjali u l-ostakli addizzjonali li l-entitajiet tal-ekonomija soċjali jiffaċċjaw fl-iżvilupp tagħhom li jillimitaw l-ambitu tagħhom biex joperaw flimkien man-negozji tradizzjonali. L-entitajiet tal-ekonomija soċjali l-ewwel u qabel kollox ma jfittxux li jimmassimizzaw it-titjib fl-effiċjenza u l-profitti iżda primarjament ifittxu li joħolqu eżiti pożittivi tas-soċjetà. Dawn jeħtieġu miżuri ta’ appoġġ u ambjenti finanzjarji, amministrattivi u legali favorevoli li jqisu l-karatteristiċi speċifiċi tal-mudelli tan-negozju tagħhom f’termini ta’ governanza, allokazzjoni tal-profitti, kundizzjonijiet tax-xogħol u impatt. Dawk il-miżuri jippermettulhom, pereżempju, jimpjegaw ħaddiema li huma inqas produttivi jew jipprovdu servizzi soċjali bi prezzijiet aċċessibbli. Huma meħtieġa strateġiji komprensivi biex jiġu stabbiliti oqfsa abilitanti. Dan jista’ jinvolvi l-adozzjoni ta’ miżuri regolatorji jew l-implimentazzjoni jew l-aġġustament ta’ politiki u inizjattivi biex jiġu appoġġati l-kontribuzzjonijiet tal-ekonomija soċjali għall-għanijiet soċjali u ambjentali u jittejjeb il-valur ekonomiku u industrijali tagħhom. Jenħtieġ li dawk l-istrateġiji jsegwu l-progress u jkejlu l-effettività tal-inizjattivi, jagħmlu aġġustamenti u titjib kif meħtieġ, u eventwalment jirriżultaw f’eżiti mis-settur aktar effiċjenti li jħallu impatt. Jista’ jkun hemm bżonn li jiġu adottati strateġiji f’livelli differenti ta’ gvern (nazzjonali, reġjonali u lokali) skont l-organizzazzjoni u l-kuntest istituzzjonali f’kull Stat Membru. Ir-reġjuni, il-bliet u livelli sottonazzjonali oħra jistgħu jadottaw strateġiji tal-ekonomija soċjali li huma marbuta b’mod ċar mal-objettivi u l-prijoritajiet tal-iżvilupp reġjonali, filwaqt li jimmassimizzaw il-benefiċċji mutwi.

(17)

Huwa essenzjali li jiġu involuti l-partijiet ikkonċernati tal-ekonomija soċjali u li tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tal-persuni l-aktar vulnerabbli għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni b’suċċess tal-istrateġiji tal-ekonomija soċjali. Diversi Stati Membri diġà waqqfu gruppi ta’ livell għoli li jrawmu d-djalogu bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-entitajiet tal-ekonomija soċjali (pereżempju l-Kunsill Għoli Franċiż għall-Ekonomija Soċjali u s-Solidarjetà, il-Kunsill Spanjol għall-Iżvilupp tal-Ekonomija Soċjali, il-Kunsill Nazzjonali Portugiż għall-Ekonomija Soċjali, il-Kunsill Nazzjonali Taljan għat-Tielet Settur). In-networks rappreżentattivi tal-ekonomija soċjali jistgħu jkunu wkoll pjattaforma għal azzjoni kollettiva, dawn jistgħu jiffaċilitaw il-kollaborazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni, u joħolqu opportunitajiet għall-bini tal-kapaċità u t-tagħlim bejn il-pari.

(18)

L-appoġġ finanzjarju pubbliku jista’ jkollu rwol importanti biex jippermetti l-bidu u l-iżvilupp tal-entitajiet tal-ekonomija soċjali. B’mod ġenerali, l-entitajiet tal-ekonomija soċjali jsibu diffikultajiet akbar fl-aċċess għar-riżorsi finanzjarji minn intrapriżi oħra. Pereżempju, minkejja li sar xi titjib, analiżi tas-swieq finanzjarji tal-intrapriżi soċjali żvelat spariġġ persistenti bejn id-domanda u l-provvista ta’ finanzjament għall-intrapriżi soċjali fl-Unjoni,, f’termini kemm ta’ aċċess għad-dejn kif ukoll għall-ekwità. Peress li l-entitajiet tal-ekonomija soċjali għandhom l-għan li jiġġeneraw impatti soċjali jew ambjentali pożittivi u jistgħu biss jiddistribwixxu l-profitti lill-finanzjaturi u lis-sidien tagħhom sa ċertu punt limitat, jekk ikun jistgħu, ġeneralment ma jkunux adattati tajjeb għall-investituri li jfittxu redditi finanzjarji sinifikanti. Il-miżuri ta’ appoġġ disponibbli biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni għandhom it-tendenza li jkunu irregolari u jvarjaw b’mod konsiderevoli fl-effettività tagħhom. Il-miżuri jvarjaw minn għotjiet u sussidji għal servizzi ta’ konsulenza u ta’ bini tal-kapaċità u ħafna drabi jiġu pprovduti minn inkubaturi. Għalhekk, għad hemm lok kbir għal titjib fil-provvista ta’ finanzjament imfassal apposta għal stadji differenti taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ entità tal-ekonomija soċjali, u aktar appoġġ għall-mobilizzazzjoni tal-finanzjament privat u ta’ miżuri komplementari oħra jista’ jkun utli biex jittejjeb l-aċċess għall-finanzjament għall-entitajiet tal-ekonomija soċjali. Approċċ partikolari jinvolvi l-għoti ta’ għażla lil dawk l-individwi li jfaddlu u lill-impjegati li jipparteċipaw fi pjanijiet ta’ rtirar jew ta’ tfaddil iffinanzjati mill-impjegaturi biex jagħżlu pjan ta’ tfaddil li jinvesti porzjon mit-tfaddil tagħhom f’intrapriża soċjali (20).

(19)

L-Unjoni tipprovdi ħafna opportunitajiet ta’ finanzjament biex tappoġġa l-ekonomija soċjali. Il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21), il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22), il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23), il-programm tas-suq uniku stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/690 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24), il-programm InvestEU stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25), u, fejn rilevanti, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza stabbilita bir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26), kollha jipprovdu finanzjament.

L-Unjoni tipprovdi wkoll appoġġ konsultattiv permezz tal-pjattaforma fi-compass għat-tfassil ta' strumenti finanzjarji fil-qafas tal-Fondi tal-Politika ta' Koeżjoni. L-Istati Membri, inkluż l-awtoritajiet reġjonali u lokali, jistgħu jagħmlu użu aħjar minn dawk l-opportunitajiet billi jadottaw miżuri speċifiċi għall-ekonomija soċjali. L-appoġġ tekniku (27) huwa strument ieħor tal-Unjoni disponibbli biex tittejjeb il-kapaċità tal-Istati Membri li jfasslu u jimplimentaw politiki biex tissaħħaħ l-ekonomija soċjali.

(20)

Il-provvista ta’ oġġetti u servizzi u l-ħidma kemm mal-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll man-negozji tradizzjonali huma kritiċi għall-iżvilupp tal-ekonomija soċjali, għall-ġenerazzjoni tad-dħul u biex l-entitajiet tal-ekonomija soċjali jiġu megħjuna jsiru finanzjarjament awtosuffiċjenti. Bis-saħħa tal-ambitu għall-flessibbiltà skont ir-regoli u l-istrateġiji tal-Unjoni u nazzjonali dwar l-akkwist pubbliku, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jużaw l-akkwist pubbliku b’mod aktar strateġiku billi jistabbilixxu kriterji innovattivi, ekoloġiċi u soċjali, li fl-aħħar mill-aħħar jikkontribwixxu għal ekonomija aktar sostenibbli, inklużiva u kompetittiva. Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-offerti għadhom jingħataw biss abbażi tal-prezz. Peress li l-entitajiet tal-ekonomija soċjali għandhom l-għan li jipprovdu benefiċċji għas-soċjetà u kollettivi aktar milli jipprovdu servizzi bl-inqas prezz, huma jsibu diffikultà biex jikkompetu fi proċessi regolari tal-akkwist pubbliku, minkejja l-fatt li jistgħu jipprovdu valur miżjud usa’ għall-proċess ta’ akkwist. Hemm ukoll lok biex tiżdied il-kapaċità tal-entitajiet tal-ekonomija soċjali li jagħmlu n-negozju, inkluż permezz ta’ integrazzjoni aktar sistematika fil-ktajjen tal-valur tan-negozji tradizzjonali u sħubija magħhom biex jagħmlu offerti konġunti għall-akkwist pubbliku u joħolqu opportunitajiet ġodda għas-suq.

(21)

L-awtoritajiet pubbliċi spiss ma jagħmlux l-aħjar użu mill-kamp ta’ applikazzjoni kurrenti tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat biex jappoġġaw l-ekonomija soċjali, fejn is-suq waħdu ma jkunx jista’ jikseb aċċess sodisfaċenti għas-suq tax-xogħol u għall-inklużjoni soċjali, u jillimitaw lilhom infushom għal miżuri taħt il-limitu de minimis ġenerali u ma jużawx l-opzjoni li jistabbilixxu miżuri skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 (28) (ir-Regolament Ġenerali ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija) bħall-għajnuna reġjonali, l-għajnuna għall-finanzjament tar-riskju, u l-għajnuna għar-reklutaġġ ta’ ħaddiema żvantaġġati. Fir-rigward tal-għajnuna de minimis, din bħalissa hija limitata għal EUR 200 000 fuq tliet snin, iżda r-regoli attwali ser jiskadu fil-31 ta’ Diċembru 2023 u qegħdin fil-proċess li jiġu riveduti. Ir-regoli tal-Unjoni li jirregolaw is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali joffru wkoll ambitu biex tiġi awtorizzata l-għajnuna mill-Istat, iżda l-awtoritajiet pubbliċi spiss ma jagħmlux użu sħiħ minn dawk l-għażliet, b’mod partikolari għas-servizzi soċjali fil-qasam tal-integrazzjoni fix-xogħol ta’ persuni vulnerabbli. Huwa meħtieġ li l-awtoritajiet pubbliċi l-ewwel jeżaminaw jekk miżura tikkwalifikax bħala għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

(22)

Il-politika tat-tassazzjoni jista’ jkollha wkoll rwol sinifikanti fit-trawwim tal-ekonomija soċjali u fl-iżgurar li l-entitajiet tal-ekonomija soċjali jkunu jistgħu joperaw flimkien man-negozji tradizzjonali, fil-ħolqien ta’ ambjent tan-negozju aktar ekwu filwaqt li jikkontribwixxu għall-inklużjoni soċjali u għal aċċess imtejjeb għall-impjiegi. Xi Stati Membri stabbilew qafas ta’ tassazzjoni li jħeġġeġ l-iżvilupp tas-settur, inkluż inċentivi tat-taxxa mfassla għall-ħtiġijiet tal-ekonomija soċjali, filwaqt li jirrikonoxxu d-diversità tiegħu u jipprevjenu l-frammentazzjoni. Għad hemm ostakli amministrattivi f’diversi Stati Membri fir-rigward ta’ donazzjonijiet ta’ benefiċċju pubbliku bejn il-fruntieri tal-Istati Membri. Inċentivi tat-taxxa mfassla tajjeb għad-donazzjonijiet lil entitajiet tal-ekonomija soċjali ta’ benefiċċju pubbliku jista’ jistimula l-finanzjament tagħhom, anki bejn il-fruntieri tal-Unjoni f’konformità mal-prinċipju tat-Trattat tan-nondiskriminazzjoni. Ta’ min ifakkar ukoll li ċerti oġġetti u servizzi, spiss fornuti minn entitajiet tal-ekonomija soċjali, jistgħu jibbenefikaw minn rata mnaqqsa tal-VAT f’konformità mal-Artikolu 98 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (29) u mal-Anness III tagħha..

(23)

Il-proċessi tal-kejl u tal-ġestjoni tal-impatt soċjali huma partikolarment importanti għall-entitajiet tal-ekonomija soċjali peress li dawn jippermettulhom jifhmu u jikkomunikaw l-impatt tagħhom u jaċċessaw il-finanzjament xprunat mill-impatt. Il-kejl tal-impatt soċjali jinvolvi l-użu ta’ metriċi u għodod biex jitkejjel l-impatt soċjali ta’ intervent jew inizjattiva partikolari. Il-ġestjoni tal-impatt soċjali tinvolvi l-bini tas-sistemi, tal-proċessi u tal-kapaċitajiet li organizzazzjoni teħtieġ li timmaniġġa u żżid b’mod proattiv l-impatt tagħha. Iżda l-firxa wiesgħa ta’ oqfsa u għodod disponibbli tista’ tkun sfida, b’mod partikolari għal entitajiet b’inqas riżorsi. Il-monitoraġġ tal-eżiti soċjali tal-investimenti pubbliċi jippermetti l-iskrutinju pubbliku, jista’ jappoġġa r-raġuni għall-użu tal-flus tal-kontribwenti biex jappoġġa entitajiet jew attivitajiet tal-ekonomija soċjali, u jista’ jgħin biex jipprevjeni “l-impact washing” (dikjarazzjoni eċċessiva jew falza tal-impatt). Approċċi tal-kejl u tal-ġestjoni tal-impatt soċjali li huma kkunsidrati sew, proporzjonati u adattati għall-ħtiġijiet ta’ entitajiet individwali jistgħu jkunu ta’ għajnuna f’dan ir-rigward. Jenħtieġ li dawn ikunu bbażati fuq metodi u indikaturi standard, kif ukoll fuq fatturi bħad-daqs, l-istadju tal-iżvilupp u d-diversità tal-entitajiet. L-assoċjazzjoni tal-kejl tal-impatt soċjali u l-metodoloġiji ta’ ġestjoni mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti tista’ tipprovdi qafas utli biex jintwera l-impatt.

(24)

Il-viżibbiltà u r-rikonoxximent tal-ekonomija soċjali fil-livelli nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni tjiebu matul l-aħħar għaxar snin. Madankollu, il-potenzjal tas-settur f’ħafna Stati Membri għadu mhux sfruttat. Nuqqas ta’ koordinazzjoni u skambju bejn l-Istati Membri jipperpetwa d-differenzi fl-iżvilupp tal-ekonomija soċjali, għalhekk hemm opportunità ċara għall-Istati Membri li jiggwadanjaw billi jitgħallmu u jikkondividu l-aħjar prattiki. Hemm ukoll għarfien limitat fost il-pubbliku ġenerali dwar l-ekonomija soċjali u l-kontribuzzjonijiet pożittivi li dan jagħmel. Dan jista’ jfixkel l-iżvilupp ta’ politiki ta’ appoġġ u opportunitajiet tas-suq għall-ekonomija soċjali. Ir-regolamentazzjoni filwaqt li tiġi żgurata li l-leġiżlazzjoni ġdida tissodisfa l-ħtiġijiet tal-entitajiet tal-ekonomija soċjali tista’ tqajjem kuxjenza u tagħtihom leġittimità akbar, filwaqt li tiffaċilita l-aċċess għall-finanzi u s-swieq. L-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali u l-partijiet ikkonċernati nedew diversi inizjattivi, bħal forom legali, tikketti u statuses speċifiċi (30) għall-ekonomija soċjali, u kampanji ta’ komunikazzjoni fuq skala kbira, biex iżidu l-fehim u l-viżibbiltà tal-ekonomija soċjali. Riformi oħra ta’ suċċess jinkludu l-ħolqien ta’ unitajiet ministerjali speċifiċi għall-ekonomija soċjali u djalogu msaħħaħ bejn il-partijiet ikkonċernati u l-awtoritajiet pubbliċi. It-tisħiħ tal-viżibbiltà tal-ekonomija soċjali huwa kruċjali biex jiġi rikonoxxut bis-sħiħ l-impatt pożittiv tagħha fuq is-soċjetà, kif enfasizzat fil-pjan ta’ azzjoni għall-ekonomija soċjali bit-tnedija ta’ gateway tal-ekonomija soċjali.

(25)

Data u statistika akkurati huma kruċjali biex jittejjeb il-fehim tal-mudelli ta’ negozju tal-ekonomija soċjali u biex jittieħdu deċiżjonijiet ta’ politika bbażati fuq l-evidenza. Madankollu, hemm nuqqas ta’ data affidabbli dwar l-ekonomija soċjali, inkluż data dwar il-valur miżjud ekonomiku u l-prestazzjoni tagħha. Id-data eżistenti spiss ma tkunx kompluta u tkun diffiċli biex titqabbel. Pereżempju, huma biss ftit l-Istati Membri li espandew is-sistemi nazzjonali ta’ kontabbiltà tagħhom biex jiġbru data supplimentari (bħal f’kontijiet satellita) dwar l-ekonomija soċjali, minkejja l-appoġġ finanzjarju disponibbli mill-baġit tal-UE. L-ekonomija soċjali normalment ma tiġix inkluża fl-istatistika strutturali tan-negozju, pereżempju meta l-istatistika tkun mibnija fuq data ekonomika ġġenerata minn negozji bi skop ta’ qligħ, u l-entitajiet tradizzjonali tal-ekonomija soċjali jiġu inklużi biss f’kategoriji residwi. Billi jsiru disponibbli statistika essenzjali dwar id-daqs, il-forza tax-xogħol, l-iżvilupp u l-isfidi tal-ekonomija soċjali, l-istrateġiji u l-miżuri stabbiliti jkunu aktar effiċjenti u aġġustati għas-sitwazzjonijiet differenti fis-settur.

(26)

B’mod aktar ġenerali, il-promozzjoni tal-ekonomija soċjali tista’ tkun ta’ importanza kritika għall-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti,

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

OBJETTIV

1.

F’konformità mal-prinċipji tal-Pilastru, l-għan ta’ din ir-Rakkomandazzjoni huwa li trawwem l-aċċess għas-suq tax-xogħol u l-inklużjoni soċjali billi tiggwida lill-Istati Membri fil-promozzjoni ta’ oqfsa ta’ politika u regolatorji abilitanti għall-ekonomija soċjali u miżuri li jiffaċilitaw l-iżvilupp tagħha.

Sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi, huwa rakkomandati li l-Istati Membri, skont il-kompetenzi nazzjonali u filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi nazzjonali, jaħdmu flimkien mal-partijiet ikkonċernati biex jirrikonoxxu, jappoġġaw u jibnu fuq il-kontribuzzjonijiet magħmula mill-ekonomija soċjali.

2.

Permezz tal-promozzjoni tal-ekonomija soċjali, din ir-Rakkomandazzjoni tappoġġa l-kisba tat-tliet miri ewlenin tal-Unjoni għall-impjieg, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar sal-2030 f’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

3.

Il-promozzjoni tal-ekonomija soċjali tistimula wkoll żvilupp soċjoekonomiku u industrijali ġust u sostenibbli. Din tikkontribwixxi għall-Patt Ekoloġiku Ewropew, għad-demokrazija ekonomika, għall-iżvilupp sostenibbli, għall-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini u għat-titjib tal-koeżjoni soċjali u territorjali fl-Istati Membri kollha.

DEFINIZZJONI

4.

Għall-fini ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin, filwaqt li jitqiesu l-oqfsa legali eżistenti tal-Istati Membri:

(a)

“ekonomija soċjali” tfisser sett ta' entitajiet tal-liġi privata li jipprovdu oġġetti u servizzi lill-membri tagħhom jew lis-soċjetà, li jinkludu forom organizzattivi bħal kooperattivi, soċjetajiet mutwi, assoċjazzjonijiet (inkluż organizzazzjonijiet tal-karità), fondazzjonijiet jew intrapriżi soċjali, kif ukoll forom legali oħra, li joperaw f'konformità mal-prinċipji u l-karatteristiċi ewlenin li ġejjin:

(i)

l-ewwel jiġu n-nies u l-għan soċjali jew ambjentali, mhux il-profitt;

(ii)

l-investiment mill-ġdid tal-profitti kollha jew tal-biċċa l-kbira tagħhom u tas-surpluses biex ikomplu jsegwu l-għanijiet soċjali jew ambjentali tagħhom u jwettqu attivitajiet fl-interess tal-membri tagħhom/tal-utenti (“interess kollettiv”) jew tas-soċjetà inġenerali (“interess ġenerali”); u

(iii)

governanza demokratika jew parteċipattiva.

(b)

“intrapriża soċjali” tfisser entità tal-liġi privata awtonoma li tipprovdi oġġetti u servizzi għas-suq b'mod intraprenditorjali u f'konformità mal-prinċipji u l-karatteristiċi tal-ekonomija soċjali, b'objettivi soċjali jew ambjentali bħala r-raġuni għall-attività kummerċjali tagħha. L-intrapriżi soċjali jistgħu jiġu stabbiliti f'varjetà ta' forom legali;

(c)

“innovazzjoni soċjali” tfisser attività li hija soċjali kemm għall-finijiet tagħha kif ukoll għall-mezzi tagħha, u b'mod partikolari attività li għandha x'taqsam mal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' ideat ġodda li tikkonċerna prodotti, servizzi, prattiki u mudelli li fl-istess ħin tissodisfa l-ħtiġijiet soċjali u toħloq relazzjonijiet jew kollaborazzjonijiet soċjali ġodda bejn organizzazzjonijiet pubbliċi, tas-soċjetà ċivili jew privati, biex b'hekk tagħmel il-ġid fis-soċjetà u tixpruna l-kapaċità tagħha li taġixxi, kif definit fir-Regolament (UE) 2021/1057. L-innovazzjoni soċjali spiss tkun xprunata mill-ekonomija soċjali.

TRAWWIM TAL-AĊĊESS GĦAS-SUQ TAX-XOGĦOL U L-INKLUŻJONI SOĊJALI PERMEZZ TAL-EKONOMIJA SOĊJALI

Aċċess għas-suq tax-xogħol

5.

Huma rakkomandati li l-Istati Membri jirrikonoxxu u jappoġġaw il-valur miżjud speċifiku tal-ekonomija soċjali billi jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol u jippromwovu impjiegi ta’ kwalità għal kulħadd, filwaqt li jtejbu wkoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, is-sikurezza u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol, l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni. Dan jenħtieġ li jsir fil-qafas ta’ tkabbir inklużiv, kif enfasizzat fil-Linji Gwida tal-2022 għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri, u f’konformità maċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom, b’mod partikolari billi:

(a)

jiġu stabbiliti jew imħeġġa inizjattivi ta' sħubija li jinvolvu entitajiet tal-ekonomija soċjali fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta' politiki attivi tas-suq tax-xogħol;

(b)

jiġi żgurat li l-awtoritajiet pubbliċi jipprovdu appoġġ xieraq lill-entitajiet tal-ekonomija soċjali bil-għan li jintegraw aħjar fis-suq tax-xogħol lin-nisa, kif ukoll lill-gruppi żvantaġġati u sottorappreżentati oħra (bħall-persuni qiegħda fit-tul, il-persuni li jbatu minn mard mentali, il-persuni inattivi, b'livell baxx ta' ħiliet, il-persuni b'diżabbiltà, il-persuni ġejjin minn kuntest ta' migrazzjoni, ta' minoranza, ta' razza jew etniku (inkluż ir-Rom), il-ħaddiema żgħażagħ u dawk aktar anzjani) permezz ta':

(i)

rikonoxximent tal-esperjenza tax-xogħol miksuba f'entitajiet tal-ekonomija soċjali, inkluż intrapriżi soċjali għall-integrazzjoni fix-xogħol, li jipprovdu impjieg u appoġġ imfassal apposta għal tali gruppi;

(ii)

azzjoni biex tgħin lil dawk il-gruppi ta' nies jippreparaw għall-impjieg permezz ta' esperjenza ta' xogħol f'intrapriżi soċjali għall-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol miftuħ.

(c)

jiġu appoġġati proġetti kollaborattivi bejn is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, l-awtoritajiet lokali, l-entitajiet tal-ekonomija soċjali, il-fornituri ta' edukazzjoni u taħriġ u n-negozji tradizzjonali biex joffru gwida għall-karriera mfassla apposta u opportunitajiet ta' apprendiment u taħriġ għan-NEETs. Dawk l-opportunitajiet jistgħu jinkludu apprendistati, programmi ta' immersjoni professjonali, coaching personali u laqgħat ma' persuni li jservu bħala mudell, u għandhom l-għan li jiffaċilitaw l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, f'konformità mal-Garanzija għaż-Żgħażagħ Imsaħħa;

(d)

tiġi promossa l-intraprenditorija fl-ekonomija soċjali, inkluż permezz tan-negozji l-ġodda, bħala mezz għat-trawwim ta' impjieg indipendenti u forom oħra ta' impjieg, l-iżvilupp tal-attività ekonomika lokalment u l-indirizzar tal-isfidi soċjali u ambjentali permezz ta' mudelli ta' negozju innovattivi u inklużivi; sabiex jinkiseb dan, l-Istati Membri jistgħu, pereżempju:

(i)

jiżguraw li l-intraprendituri fl-ekonomija soċjali jkollhom aċċess għall-protezzjoni soċjali;

(ii)

jikkunsidraw l-introduzzjoni ta' inċentivi għar-reklutaġġ ta' impjegati ġodda;

(iii)

jidentifikaw, jivvalutaw u jindirizzaw l-iżvantaġġi jew l-ostakli amministrattivi potenzjali biex jinbeda negozju soċjali;

(iv)

jippromwovu l-kultura ta' negozji ġodda fl-ekonomija soċjali, l-iżvilupp tal-ħiliet għan-negozji ġodda, u l-istabbiliment ta' kundizzjonijiet ta' qafas favorevoli għan-negozji ġodda, kif ukoll l-inklużjoni ta' mudelli tal-ekonomija soċjali bħala għodda rilevanti fil-politiki tan-negozji ġodda,

(e)

jiġu mfassla politiki u jiġu addottati miżuri li jippromwovu u jintegraw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-ekonomija soċjali, pereżempju billi:

(i)

jisfidaw in-normi soċjali diskriminatorji u l-istereotipi dwar il-ħiliet tan-nisa u l-irġiel, kif ukoll is-sottovalutazzjoni tax-xogħol tan-nisa;

(ii)

jipprovdu appoġġ imfassal apposta sabiex in-nisa jingħataw is-setgħa billi jitnaqqsu d-differenzi bejn il-ġeneri fl-impjiegi, billi tiġi żgurata tmexxija ugwali, kif ukoll paga ugwali għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta' valur ugwali;

(iii)

jipprovdu aċċess għal programmi ta' coaching u ta' mentoraġġ għan-nisa li għandhom l-għan li jkunu intraprendituri u mexxejja fl-ekonomija soċjali,

(f)

jiġi żgurat qafas ta' abilitazzjoni għat-trasferimenti ta' negozji lill-impjegati biex jiffurmaw kooperattivi tal-ħaddiema u forom legali rilevanti oħra tal-ekonomija soċjali, biex jiġi evitat it-telf ta' impjiegi u tiġi ssalvagwardjata l-attività ekonomika, filwaqt li jiġu pprovduti servizzi ta' akkumpanjament u informazzjoni dwar il-kostijiet u l-benefiċċji probabbli tat-trasferimenti tan-negozju lill-impjegati;

(g)

ikun hemm kollaborazzjoni ma' entitajiet tal-ekonomija soċjali biex aktar persuni b'diżabbiltà jkunu jistgħu jingħaqdu fis-suq tax-xogħol, pereżempju billi jiġu żviluppati teknoloġiji ta' assistenza;

(h)

jiġi promoss id-djalogu soċjali fl-ekonomija soċjali biex jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, inkluż pagi ġusti, filwaqt li jirrispettaw l-awtonomija tas-sħab soċjali.

(i)

jiġu rikonoxxuti l-prattiki demokratiċi speċifiċi li huma żviluppati fl-entitajiet tal-ekonomija soċjali.

Inklużjoni soċjali

6.

Filwaqt li jqisu l-kuntesti nazzjonali differenti, huwa rrakkomandati li l-Istati Membri jirrikonoxxu u jappoġġaw ir-rwol tal-ekonomija soċjali fl-għoti ta’ servizzi soċjali u ta’ kura u ta’ akkomodazzjoni aċċessibbli u ta’ kwalità għolja, filwaqt li jitqiesu wkoll il-gruppi żvantaġġati, f’kooperazzjoni mill-qrib flimkien mas-servizzi soċjali disponibbli għall-pubbliku. Pereżempju, dan jista’ jinkludi:

(a)

il-kollaborazzjoni mal-entitajiet tal-ekonomija soċjali fl-oqsma ta' azzjoni rispettivi tagħhom meta jistabbilixxu u jipprovdu servizzi ta' interess ġenerali;

(b)

l-involviment ta' entitajiet tal-ekonomija soċjali fit-tfassil u fl-għoti ta' servizzi soċjali u ta' kura ċċentrati fuq in-nies, fosthom għall-anzjani, kif enfasizzat mill-istrateġija Ewropea tal-kura;

(c)

il-ħidma flimkien ma' entitajiet tal-ekonomija soċjali biex ifasslu u jagħtu kura u appoġġ lit-tfal u ż-żgħażagħ, inkluż tfal minn gruppi żvantaġġati, f'konformità mal-Garanzija Ewropea għat-Tfal stabbilita bir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1004 (31) u l-istrateġija tal-Unjoni dwar id-drittijiet tat-tfal (32).

Ħiliet

7.

Huwa rrakkomandati li l-Istati Membri jappoġġaw it-taħriġ u l-iżvilupp tal-ħiliet għall-ekonomija soċjali, b’mod partikolari billi:

(a)

jużaw l-għarfien eżistenti dwar il-ħiliet li jsegwi l-ħtiġijiet tal-ekonomija u tas-suq tax-xogħol ġenerali biex jifhmu kif l-ekonomija soċjali tista' tikkontribwixxi għall-provvista ta' forza tax-xogħol bil-ħiliet meħtieġa u ttaffi n-nuqqasijiet tax-xogħol;

(b)

jiffaċilitaw l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-ħiliet fl-ekonomija soċjali billi:

(i)

imexxu skambji ta' apprendiment bejn l-entitajiet tal-ekonomija soċjali, l-organizzazzjonijiet ta' taħriġ u l-kumpaniji ġenerali, bil-għan li jittejbu l-ħiliet maniġerjali, intraprenditorjali u relatati mal-impjiegi meħtieġa għat-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi (inkluż il-ħiliet ċirkolari, ta' tiswija u diġitali);

(ii)

iħarrġu mill-ġdid u jtejbu l-ħiliet tal-istudenti tul il-ħajja, inkluż in-nisa u gruppi żvantaġġati ta' persuni, u jgħinuhom fit-tranżizzjoni lejn is-suq tax-xogħol miftuħ, f'konformità mal-approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali għall-apprendiment tul il-ħajja u l-impjegabbiltà u miżuri oħra f'konformità mal-ispeċifiċitajiet nazzjonali;

(iii)

jinkludu taħriġ dwar jew ipprovdut mill-ekonomija soċjali fil-lista ta' taħriġ eliġibbli li għandu jiġi kopert mill-kontijiet tal-apprendiment individwali (33), fejn xieraq, u inizjattivi eżistenti oħra fil-livell nazzjonali;

(iv)

jinkoraġġixxu l-opportunitajiet ta' taħriġ għall-ħaddiema biex potenzjalment isegwu karriera fl-ekonomija soċjali, pereżempju permezz ta' programmi ta' konsulenza u taħriġ imfassla apposta bbażati fuq il-prinċipji tal-edukazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli.

(c)

joħolqu skemi speċifiċi ta' apprendistat fl-ekonomija soċjali li jappoġġaw liż-żgħażagħ, b'mod partikolari n-NEETs, biex itejbu l-ħiliet u jħejjuhom għas-suq tax-xogħol u jippermettu lill-ekonomija soċjali tiżviluppa t-talent fis-settur, f'konformità mal-Qafas Ewropew għal Apprendistati ta' Kwalità u Effettivi;

(d)

irawmu l-inklużjoni tal-ħiliet tal-ekonomija soċjali u tal-intraprenditorija soċjali fl-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livelli kollha tal-edukazzjoni, speċjalment fil-korsijiet tal-intraprenditorija u tan-negozju, bħall-promozzjoni ta' entitajiet tal-ekonomija soċjali mmexxija minn studenti, inkluż kooperattivi tal-istudenti, bħala opportunità ta' tagħlim, kif ukoll jipprovdu aċċess għal programmi ta' coaching u ta' mentoraġġ għal entitajiet tal-ekonomija soċjali u għal intraprendituri soċjali;

(e)

joħolqu ċentri nazzjonali ta' kompetenza għat-taħriġ dwar l-ekonomija soċjali u l-parteċipazzjoni f'inizjattivi tranżnazzjonali li jiffaċilitaw l-aċċess għal programmi speċjalizzati ta' edukazzjoni u taħriġ għall-ekonomija soċjali, pereżempju permezz ta' kooperazzjoni ma' fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali li jaħdmu fil-qafas ta' korpi stabbiliti, bħaċ-Ċentri ta' Eċċellenza Vokazzjonali msemmija fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2020 dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza (34).

L-innovazzjoni soċjali u l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli

8.

Huwa rrakkomandati li l-Istati Membri jsaħħu r-rwol ta’ appoġġ tal-entitajiet tal-ekonomija soċjali fil-promozzjoni tal-innovazzjoni soċjali u tas-setturi ewlenin tal-iżvilupp lokali u tal-impjiegi. Dan jista’ jinkiseb billi:

(a)

jippromwovu ekosistema favorevoli għall-innovazzjoni soċjali u bbażata fuq il-post billi jiġu ffaċilitati l-inizjattivi ta' kooperazzjoni u sħubija bejn l-entitajiet tal-ekonomija soċjali u ċirkolari, in-negozji tradizzjonali, il-fornituri tal-finanzi, il-gvernijiet lokali u partijiet ikkonċernati oħra. Pereżempju, dan jista' jsir permezz ta':

(i)

il-ħolqien jew it-trawwim ta' ċentri ta' innovazzjoni soċjali jew ta' raggruppamenti ta' innovazzjoni soċjali u ekoloġika mfassla biex jissodisfaw il-ħtiġijiet lokali u jittestjaw soluzzjonijiet konġunti;

(ii)

l-involviment ta' entitajiet tal-ekonomija soċjali fl-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità, inkluż billi jsir użu mill-istrumenti ta' finanzjament tal-Unjoni disponibbli;

(iii)

l-interazzjoni maċ-ċentri ta' kompetenza nazzjonali u reġjonali għall-innovazzjoni soċjali biex jinbnew networks, jiżdiedu l-kapaċitajiet u s-sinerġiji, jiġu enfasizzati l-effiċjenzi u jiġu żviluppati għodod u metodi essenzjali biex tiġi stimulata l-innovazzjoni soċjali.

(b)

jiżguraw li l-politika dwar l-ekonomija soċjali tkun marbuta mal-politika industrijali u mat-tranżizzjoni lejn ekonomija diġitali, newtrali għall-klima u ċirkolari, pereżempju permezz tan-networking ta' ċentri tal-innovazzjoni teknoloġika u soċjali, u l-promozzjoni tal-ekonomija soċjali bħala mezz biex jissaħħu l-ġustizzja u l-aċċettazzjoni pubblika tat-tranżizzjonijiet, minħabba l-orjentazzjoni tagħha lejn l-objettivi soċjetali, u l-fatt li l-ekonomija soċjali għandha l-għeruq tagħha fil-komunitajiet lokali;

(c)

jadattaw oqfsa regolatorji biex jappoġġaw l-entitajiet tal-ekonomija soċjali fl-ekonomija ċirkolari, pereżempju billi jiżguraw li l-inċentivi t-tajba jkunu fis-seħħ għan-negozji biex jagħtu b'donazzjoni u jirritornaw oġġetti mhux mibjugħa lil entitajiet tal-ekonomija soċjali għat-tiswija u l-użu mill-ġdid minflok ma jeqirdu l-oġġetti, u għall-individwi biex jagħtu b'donazzjoni oġġetti użati, ħalli jiġi żgurat li l-entitajiet tal-ekonomija soċjali jkollhom aċċess għall-fluss tal-iskart, jiġu involuti fi strateġiji għall-prevenzjoni tal-iskart, u l-banek tal-ikel jiġu awtorizzati jew imħeġġa jiġbru l-ikel żejjed;

(d)

irawmu l-iżvilupp lokali u l-koeżjoni territorjali permezz ta' inizjattivi u ekosistemi bbażati fuq il-komunità tal-ekonomija soċjali, pereżempju, l-komunitajiet tal-enerġija, is-soluzzjonijiet ta' mobbiltà kondiviża, il-kooperattivi ta' pjattaformi diġitali, l-għoti tal-kura, akkomodazzjoni affordabbli u tal-komunità, il-kooperattivi agrikoli u l-ktajjen u s-swieq tal-ikel qosra lokali, għaċ-ċittadini biex jaċċessaw prodotti u servizzi bbażati lokalment;

(e)

isaħħu l-aċċess tal-entitajiet tal-ekonomija soċjali għal għodod diġitali u teknoloġiji ġodda bħal dawk b'sors miftuħ, tal-blockchain u ta' reġistru distribwit, il-big data jew l-intelliġenza artifiċjali u jħeġġu lill-awtoritajiet pubbliċi biex jappoġġaw l-iżvilupp ta' software b'sors miftuħ f'kooperazzjoni mal-ekonomija soċjali u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra;

(f)

jippromwovu l-inklużjoni tal-entitajiet tal-ekonomija soċjali fl-iżvilupp lokali u reġjonali permezz tal-integrazzjoni tagħhom fl-ekosistemi eżistenti ta' appoġġ għan-negozju u l-innovazzjoni.

ŻVILUPP TA' OQFSA ABILITANTI GĦALL-EKONOMIJA SOĊJALI

9.

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jiżviluppaw oqfsa ta’ politika u regolatorji li jippermettu u jappoġġaw l-ekonomija soċjali. Għal dan il-għan, huma mħeġġa jfasslu u jintroduċu strateġiji komprensivi li jirrikonoxxu u jistimulaw l-ekonomija soċjali, jew jadattaw strateġiji eżistenti jew inizjattivi ta’ politika oħra, f’konformità ma’ din ir-Rakkomandazzjoni, il-pjan ta’ azzjoni tal-Unjoni għall-ekonomija soċjali u gwida politika oħra tal-Unjoni.

10.

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi għall-konsultazzjoni u d-djalogu bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-ekonomija soċjali. Dan jista’ jinvolvi t-twaqqif ta’ gruppi ta’ livell għoli u l-appoġġ għall-ħolqien u l-iżvilupp ta’ networks rappreżentattivi tal-ekonomija soċjali.

11.

Fl-istrateġiji jew l-inizjattivi ta’ politika l-oħra msemmija fil-punt 9, jenħtieġ li l-Istati Membri jirrikonoxxu l-prinċipji, il-karatteristiċi ewlenin u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ekonomija soċjali, u jirrikonoxxu li jistgħu jieħdu firxa ta’ forom u statuses legali differenti u huma speċifiċi għal liġijiet u prattiki nazzjonali, reġjonali u lokali differenti. F’dan il-kuntest, huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-iżvilupp tal-ekonomija soċjali.

12.

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jinvestu fl-iżvilupp tal-fehim tal-uffiċjali pubbliċi u tal-awtoritajiet tagħhom tal-ekonomija soċjali permezz ta’ programmi ta’ taħriġ u inizjattivi tranżnazzjonali jew interreġjonali għall-bini tal-kapaċità, inkluż inizjattivi fil-qafas tal-programm Interreg Europe stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1059 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (35). Jenħtieġ li l-inizjattivi jiffukaw fuq it-tagħlim bejn il-pari u fuq il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, b’enfasi partikolari fuq it-trawwim tal-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali, kif ukoll il-partijiet ikkonċernati tal-ekonomija soċjali. Il-Kummissjoni ser tappoġġa din il-ħidma kif deskritt fil-punt 23(a)(iii) ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

13.

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri, fejn xieraq, isaħħu l-pożizzjoni tal-ekonomija soċjali fil-politiki tagħhom ta’ kooperazzjoni u żvilupp internazzjonali, kif ukoll isaħħu l-appoġġ tagħhom lill-entitajiet tal-ekonomija soċjali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

L-aċċess għall-finanzjament pubbliku u privat

14.

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri joħolqu ambjent abilitanti għall-finanzjament soċjali fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, b’mod partikolari billi:

(a)

jimmappjaw l-istrutturi ta' finanzjament għall-entitajiet tal-ekonomija soċjali, l-intermedjarji finanzjarji u l-organizzazzjonijiet ta' appoġġ, u jivvalutaw il-ħtiġijiet tagħhom u l-effettività tal-iskemi ta' appoġġ eżistenti;

(b)

jiffaċilitaw l-aċċess tal-entitajiet tal-ekonomija soċjali għall-finanzjament fl-istadju t-tajjeb tal-iżvilupp tagħhom u mfassla għall-ħtiġijiet tagħhom, inkluż għotjiet u sussidji oħra, finanzjament ta' ekwità jew kważi ekwità għall-fażijiet tat-tnedija u tal-bidu, jew dejn, finanzjament ta' ekwità, kważi ekwità, jew finanzjament intermedju matul il-fażi tal-espansjoni, u skemi ta' finanzjament innovattivi, bħal sħubijiet pubbliċi-privati, pjattaformi ta' finanzjament kollettiv u taħlitiet ta' tipi differenti ta' strumenti finanzjarji jew għotjiet u strumenti finanzjarji;

(c)

jippromwovu l-aċċess tal-investituri fil-livell tal-konsumatur għal mudelli ta' negozju, setturi, prodotti u servizzi sostenibbli xprunati jew appoġġati mill-ekonomija soċjali;

(d)

jevalwaw il-kriterji għall-aċċess għal programmi ta' finanzjament pubbliku, inkluż dawk immirati lejn in-negozji tradizzjonali, biex jevitaw ostakli bla bżonn għall-entitajiet tal-ekonomija soċjali;

(e)

jimmobilizzaw il-finanzjament privat billi jagħmlu disponibbli skemi ta' garanzija pubblika, f'konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fejn hemm bżonn, biex finanzjaturi speċjalizzati u tradizzjonali jiġu mħeġġa jiffinanzjaw entitajiet tal-ekonomija soċjali;

(f)

iqajmu kuxjenza dwar il-karatteristiċi u l-ħtiġijiet speċifiċi tal-entitajiet tal-ekonomija soċjali biex itejbu l-kapaċità tal-finanzjaturi privati tradizzjonali li joffru appoġġ finanzjarju mfassal apposta;

(g)

jiffaċilitaw l-aċċess għall-appoġġ għall-iżvilupp tan-negozju u għat-tħejjija tal-investiment għall-entitajiet tal-ekonomija soċjali matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, pereżempju permezz ta' skemi ta' appoġġ għas-sensibilizzazzjoni għall-inkubaturi tan-negozji tradizzjonali, l-aċċelleraturi, u organizzazzjonijiet oħra ta' appoġġ għan-negozji biex jestendu l-appoġġ tagħhom għall-entitajiet tal-ekonomija soċjali, inkluż opportunitajiet ta bini ta' kapaċità għall-maniġers tal-entitajiet tal-ekonomija soċjali;

(h)

joffru appoġġ finanzjarju ddedikat u tisħiħ tal-kapaċitajiet biex jiġu ffaċilitati t-trasferimenti tan-negozji lill-ħaddiema permezz ta' kooperattivi u forom oħra rilevanti tal-ekonomija soċjali, filwaqt li l-ħaddiema jiġu pprovduti b'servizzi ta' akkumpanjament u informazzjoni dwar il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali tiegħu;

(i)

joffru skemi li jżidu d-disponibbiltà tal-finanzi għall-entitajiet tal-ekonomija soċjali, pereżempju jipprovdu l-għażla lil min ifaddal individwali, jew impjegati li jipparteċipaw fi pjanijiet ta' rtirar jew ta' tfaddil iffinanzjati minn impjegaturi, bl-għażla li jagħżlu pjan li jinvesti parti f'intrapriża soċjali;

(j)

jagħmlu l-aħjar użu mill-finanzjament disponibbli taħt il-Fondi tal-Politika ta' Koeżjoni, inkluż il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), kif ukoll taħt il-kompartiment tal-Istat Membru ta' InvestEU, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u riżorsi internazzjonali, nazzjonali u reġjonali oħra, billi jitmexxew miżuri u inizjattivi mfassla speċifikament għall-entitajiet tal-ekonomija soċjali;

(k)

jużaw is-servizzi ta' konsulenza fi-compass dwar l-istrumenti finanzjarji b'ġestjoni kondiviża tal-Unjoni biex jiġu żviluppati strumenti ta' finanzjament ripagabbli fil-qafas tal-Fondi tal-Politika ta' Koeżjoni.

L-aċċess għas-swieq u għall-akkwist pubbliku

15.

Huwa rrakkomandati li l-Istati Membri jħeġġu lill-awtoritajiet kontraenti tagħhom jixtru oġġetti u servizzi b’mod strateġiku, ikollhom objettivi soċjali, filwaqt li jqisu wkoll l-innovazzjoni soċjali u l-għanijiet ambjentali. Għal dak l-għan, huma mħeġġa jagħmlu użu sħiħ mill-għodod disponibbli skont ir-regoli tal-Unjoni dwar l-akkwist pubbliku, fosthom dawk għall-organizzazzjoni ta’ ċerti servizzi, magħrufa bħala servizzi lill-persuna u servizzi ta’ interess ġenerali, permezz ta’ reġim speċifiku ispirat mill-prinċipju tas-solidarjetà. It-trawwim tal-użu ta’ soluzzjonijiet soċjalment responsabbli u innovattivi fl-akkwist pubbliku jista’ jinvolvi tipi differenti ta’ għodod ta’ politika, fosthom:

(a)

l-adozzjoni ta' gwida politika u strateġiji ta' akkwist, inkluż miri uffiċjali possibbli, appoġġati mit-tmexxija u b'impenn mil-livell politiku permezz ta' deċiżuri ewlenin u ta' maniġers tal-baġit;

(b)

l-għoti ta' gwida fil-livell(i) amministrattiv(i) xieraq/xierqa biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-akkwist pubbliku mill-entitajiet tal-ekonomija soċjali;

(c)

is-sensibilizzazzjoni dwar il-valur miżjud tal-akkwist pubbliku soċjalment responsabbli fost l-awtoritajiet kontraenti u l-intrapriżi u t-tqegħid ta' għarfien espert disponibbli għall-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet tal-ekonomija soċjali;

(d)

l-inkoraġġiment lill-awtoritajiet kontraenti biex fid-dokumenti tal-offerti jirreferu għal obbligi speċifiċi skont il-liġi soċjali u tax-xogħol u ftehimiet kollettivi, kif ukoll kriterji soċjali u ambjentali, li japplikaw għall-akkwist (36), jitolbu lill-offerenti jikkonfermaw il-konformità u jistabbilixxu miżuri ta' monitoraġġ;

(e)

l-inkoraġġiment ta' djalogu strutturat, trasparenti u mhux diskriminatorju mal-ekonomija soċjali u ma' partijiet ikkonċernati oħra biex titfassal strateġija tal-akkwist pubbliku soċjalment responsabbli.

16.

Huwa rrakkomandat ukoll li l-Istati Membri jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet kontraenti jagħmlu użu aħjar mid-dispożizzjonijiet flessibbli skont il-qafas legali eżistenti tal-Unjoni biex jgħinu lill-entitajiet tal-ekonomija soċjali jaċċessaw is-suq billi, pereżempju:

(a)

irawmu d-djalogu mas-suq, b'mod partikolari billi jsiru konsultazzjonijiet preliminari tas-suq trasparenti u inklużivi ma' firxa mmirata ta' fornituri potenzjali;

(b)

jirriżervaw kuntratti għall-intrapriżi soċjali għall-integrazzjoni fix-xogħol jew għall-operaturi li jimpjegaw persuni b'diżabbiltà jew ħaddiema żvantaġġati li jammontaw għal tal-inqas 30 %tal-forza tax-xogħol tagħhom, f'konformità mal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (37), l-Artikoli 20 u 77 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (38) u l-Artikoli 38 u 94 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (39);

(c)

jistabbilixxu kriterji tal-għażla proporzjonati u inklużivi li jippermettu lin-negozji soċjali żgħar u innovattivi jagħmlu offerti għal kuntratti;

(d)

jitbiegħdu mil-loġika tal-aktar prezz baxx billi jintużaw kriterji għall-għoti soċjali f'konformità mar-regola tal-“aktar offerta ekonomikament vantaġġuża” u l-klawżoli tal-kuntratt soċjali, u jistabbilixxu rekwiżiti ta' eżekuzzjoni jew funzjonali fi stadji differenti tal-proċeduri tal-akkwist, inkluż fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi;

(e)

jaqsmu l-kuntratti f'lottijiet, f'konformità mal-Artikolu 46 tad-Direttiva 2014/24/UE u mal-Artikolu 65 tad-Direttiva 2014/25/UE, ukoll bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn in-negozji tradizzjonali u l-entitajiet tal-ekonomija soċjali, u l-użu ta' reġimi simplifikati, b'mod partikolari għal servizzi soċjali u servizzi speċifiċi oħra biex il-proċess isir aktar aċċessibbli għall-entitajiet tal-ekonomija soċjali;

(f)

jitolbu tikketti speċifiċi fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, il-kriterji għall-għoti jew il-kundizzjonijiet għat-twettiq tal-kuntratt, meta jkollhom l-intenzjoni li jixtru xogħlijiet, provvisti jew servizzi b'karatteristiċi soċjali jew ambjentali speċifiċi, f'konformità mal-Artikolu 43 tad-Direttiva 2014/24/UE u mal-Artikolu 61 tad-Direttiva 2014/25/UE.

17.

Sabiex jgħinu lill-entitajiet tal-ekonomija soċjali jespandu l-firxa tagħhom, huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jrawmu l-kooperazzjoni bejn l-entitajiet tal-ekonomija soċjali u n-negozji tradizzjonali, b’mod partikolari billi:

(a)

iqajmu kuxjenza dwar il-valur miżjud soċjali billi jippromwovu l-aħjar prattiki li jħeġġu lin-negozji tradizzjonali jinvolvu lill-intrapriżi soċjali fil-ktajjen tal-provvista u tal-valur fit-tul tagħhom u lill-konsumaturi jixtru oġġetti jew servizzi prodotti minn entitajiet tal-ekonomija soċjali, magħrufa wkoll bħala l-moviment ta' “xiri soċjali”;

(b)

iżidu l-provvista ta' servizzi ta' mentoraġġ, ta' pariġġar, u ta' faċilitazzjoni biex jgħinu lill-entitajiet tal-ekonomija soċjali jiżviluppaw sħubijiet fit-tul mal-komunità kummerċjali usa';

(c)

jippromwovu u jappoġġaw l-impjegati tal-intrapriżi soċjali għall-integrazzjoni fix-xogħol mal-ħidma man-negozji tradizzjonali biex jiksbu esperjenza fis-suq tax-xogħol miftuħ;

(d)

jgħinu lill-entitajiet tal-ekonomija soċjali u lill-imprendituri jagħmlu l-aħjar użu minn teknoloġiji ġodda biex jaċċessaw is-swieq privati permezz ta' pjattaformi online xprunati mill-ekonomija soċjali, spazji kollaborattivi u l-komuni diġitali.

L-għajnuna mill-Istat

18.

Kull meta miżura ta’ appoġġ għall-ekonomija soċjali tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u filwaqt li jiġu rispettati r-regoli applikabbli, huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jagħmlu l-aħjar użu mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat biex jappoġġaw l-ekonomija soċjali, kif previst mir-Regolament (UE) Nru 651/2014, ir-regoli dwar is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, u r-regola de minimis permezz ta’:

(a)

l-użu tar-Regolament (UE) Nru 651/2014, b'mod partikolari:

(i)

il-kunsiderazzjoni ta' għajnuna għall-investiment lil intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), pereżempju għax-xiri ta' assi fl-infrastruttura soċjali, f'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 651/2014, u l-inkoraġġiment tal-użu tal-għajnuna fl-investiment reġjonali f'oqsma assistiti, f'konformità mal-Artikolu 14 ta’ dak ir-Regolament;

(ii)

billi jsir l-aħjar użu mid-dispożizzjonijiet li jippermettu l-għajnuna għall-finanzjament tar-riskju lill-SMEs f'konformità mal-Artikoli 21 u 21a tar-Regolament (UE) Nru 651/2014, pereżempju billi jiġu stabbiliti fondi ta' investiment bil-parteċipazzjoni ta' investituri privati biex jappoġġaw speċifikament lill-intrapriżi soċjali, inkluż billi jiġi esplorat l-għoti ta’ inċentivi tat-taxxa lil investituri privati indipendenti li huma persuni fiżiċi li jipprovdu finanzjament ta' riskju direttament jew indirettament lill-intrapriżi eliġibbli;

(iii)

il-kunsiderazzjoni ta' għajnuna tal-bidu li tippermetti lill-intrapriżi żgħar, mhux elenkati u ġodda jirċievu varjetà ta' strumenti ta' għajnuna bħal self b'imgħax baxx, garanziji bi primjums baxxi, jew għotjiet f'konformità mal-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 651/2014;

(iv)

isir investiment fin-nies billi jiġu adottati skemi ta' għajnuna għar-riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' ħaddiema żvantaġġati jew żvantaġġati serjament, f'konformità mal-Artikoli 32 u 35 tar-Regolament (UE) Nru 651/2014;

(v)

l-iffaċilitar tal-inklużjoni sħiħa tal-ħaddiema b'diżabbiltà fit-tipi kollha ta' negozji bl-appoġġ ta' sussidji speċifiċi, inkluż sussidji fuq il-pagi, lil intrapriżi f'konformità mal-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament (UE) Nru 651/2014;

(vi)

l-appoġġ għall-bini jew għat-titjib tal-infrastruttura lokali, li tista' tinkludi l-infrastruttura soċjali lokali, billi tingħata għajnuna biex tkopri d-differenza bejn il-kostijiet tal-investiment u l-profitt operatorju tal-investiment f'konformità mal-Artikolu 56 tar-Regolament (UE) Nru 651/2014;

(vii)

il-kunsiderazzjoni ta' għajnuna għall-innovazzjoni tal-proċess u l-organizzazzjoni għat-tipi kollha ta' negozji, inkluż l-entitajiet tal-ekonomija soċjali u n-negozji l-ġodda, biex tiġi żviluppata t-teknoloġija; kif ukoll għajnuna lil impriżi innovattivi akbar biex jikkollaboraw ma' entitajiet tal-ekonomija soċjali, jekk ikunu SMEs, f'konformità mal-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 651/2014;

(viii)

l-appoġġ għas-suċċess tat-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi bl-użu tal-0 disponibbli, f'konformità mal-Artikoli 25 sa 28 u 36 tar-Regolament (UE) Nru 651/2014.

(b)

f'konformità mar-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat, jesploraw liema servizzi pprovduti minn entitajiet tal-ekonomija soċjali jistgħu jiġu ddefiniti u ffinanzjati bħala servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali, pereżempju fil-qasam tal-integrazzjoni fix-xogħol ta' persuni vulnerabbli, fl-akkomodazzjoni soċjali jew fis-servizzi tas-saħħa u soċjali bħall-indukrar tat-tfal, il-kura għall-anzjani jew għall-persuni b'diżabbiltà; il-kumpens għal servizzi li jissodisfaw il-ħtiġijiet soċjali jista' wkoll, taħt ċerti kundizzjonijiet, jiġi eżentat mill-obbligu ta' notifika, irrispettivament mill-ammont tal-kumpens riċevut, skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/21/UE (40);

(c)

l-użu tal-kamp ta' applikazzjoni disponibbli biex jingħataw ammonti trasparenti ta' għajnuna de minimis, filwaqt li jitqies li l-entitajiet li huma fdati b'servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali għandhom livell limitu ogħla.

It-tassazzjoni

19.

Mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jqisu miżuri biex:

(a)

jiżguraw li s-sistemi tat-tassazzjoni ma jfixklux l-iżvilupp tal-ekonomija soċjali u jivvalutaw jekk is-sistemi tat-taxxa jippromwovux biżżejjed l-iżvilupp tagħha;

(b)

jiżviluppaw inċentivi tat-taxxa għall-ekonomija soċjali, jekk mhux diġà jingħataw, f'konformità mal-objettivi tal-politika soċjali tagħhom u l-prattiki attwali madwar l-Istati Membri u f'konformità mad-dritt tal-Unjoni, li jistgħu jinkludu:

(i)

eżenzjonijiet mit-taxxa korporattiva fuq il-profitti miżmuma minn entitajiet tal-ekonomija soċjali;

(ii)

inċentivi tat-taxxa fuq l-introjtu fil-forma ta' tnaqqis jew krediti tat-taxxa mogħtija lil donaturi privati u/jew istituzzjonali jew skema ta' deżinjazzjoni li skontha l-kontribwenti jistgħu jindikaw lill-awtorità tat-taxxa tagħhom il-perċentwal stabbilit tal-obbligazzjoni tat-taxxa fuq l-introjtu tagħhom li għandu jiġi allokat lil entitajiet b'benefiċċju pubbliku;

(iii)

eżenzjonijiet mit-taxxa fuq il-benefiċċji tal-qgħad riċevuti bħala ħlas ta' somma f'daqqa biex jiġu ffaċilitati t-trasferimenti tan-negozju lill-kooperattivi tal-ħaddiema.

(c)

jirrieżaminaw il-piż tal-konformità tat-taxxa għall-entitajiet tal-ekonomija soċjali u, fejn possibbli, inaqqsuh;

(d)

jiffaċilitaw il-konformità fuq livell prattiku għal donazzjonijiet transfruntiera ta' benefiċċju pubbliku għal finijiet ta' tassazzjoni, pereżempju billi joħorġu formola standardizzata tal-entità riċeventi stabbilita fi Stat Membru ieħor għall-ammont tad-donazzjoni, li tidentifika kemm lir-riċevitur kif ukoll lid-donatur;

(e)

jiżguraw li l-entitajiet tal-ekonomija soċjali ma jintużawx għal finijiet ta' evażjoni tat-taxxa, evitar tat-taxxa, ippjanar aggressiv tat-taxxa jew ħasil tal-flus, filwaqt li jiżguraw li l-proċeduri amministrattivi relatati jkunu effettivi u proporzjonati.

Il-kejl u l-ġestjoni tal-impatt soċjali

20.

F’konformità mal-inizjattivi tal-Kummissjoni msemmija fil-punt 23(a)(v), huwa rrakkomandat li l-Istati Membri, f’kooperazzjoni mal-entitajiet tal-ekonomija soċjali u mal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi, jappoġġaw l-adozzjoni ta’ prattiki ta’ kejl tal-impatt u ta’ ġestjoni tal-impatt, b’mod partikolari billi:

(a)

jinkorporaw prattiki u metodoloġiji tal-kejl tal-impatt soċjali fl-oqfsa u l-programmi ta' politika nazzjonali marbuta mal-ekonomija soċjali;

(b)

jipprovdu appoġġ imfassal apposta abbażi ta' prattiki tajbin biex jgħin lill-entitajiet tal-ekonomija soċjali jadottaw metodoloġiji sempliċi u prattiċi għall-kejl u l-ġestjoni tal-impatt li jtejbu r-riżultati tagħhom, juru l-impatt soċjali tagħhom, u jiffaċilitaw l-aċċess għal finanzjament xprunat mill-impatt;

(c)

iħeġġu lill-entitajiet tal-ekonomija soċjali jkejlu l-impatt tagħhom billi jsaħħu l-kapaċitajiet permezz ta' finanzjament kosteffiċjenti ddedikat u jużaw parti mill-fondi pubbliċi li jirċievu (għotjiet jew kuntratti) biex ikejlu l-impatt soċjali tagħhom.

Il-viżibbiltà u r-rikonoxximent

21.

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jżidu l-għarfien dwar l-ekonomija soċjali u kif din tikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet soċjali u ambjentali, b’mod partikolari billi:

(a)

iqisu li jistabbilixxu jew jadattaw forom legali, statuses legali, tikketti jew skemi ta' ċertifikazzjoni speċifiċi għall-ekonomija soċjali, abbażi ta' valutazzjonijiet tal-valur miżjud potenzjali tagħhom, u jqisu rikonoxximent reċiproku volontarju potenzjali ta' tikketti u ċertifikazzjonijiet użati fi Stati Membri oħra. Jenħtieġ li tali valutazzjonijiet iħarsu lejn il-punt sa fejn jistgħu jtejbu l-fehim tal-ekonomija soċjali u jappoġġaw l-iżvilupp tagħha billi jipprovdu aċċess għal vantaġġi speċifiċi, bħal flessibbiltà fi proċeduri speċifiċi ta' offerti/akkwist. Il-Kummissjoni ser tappoġġa din il-ħidma kif deskritt fil-punt 23(a)(vi);

(b)

jappoġġaw kampanji ta' komunikazzjoni u avvenimenti ta' sensibilizzazzjoni dwar l-ekonomija soċjali, inkluż għal ġenerazzjonijiet iżgħar, f'kooperazzjoni mal-livelli rilevanti ta' gvern u istituzzjonijiet oħra (eż. universitajiet);

(c)

ixerrdu b'suċċess inizjattivi pilota u prattiki tajbin immexxija minn entitajiet tal-ekonomija soċjali, jippromwovu azzjoni għar-replikazzjoni u l-espansjoni ta' din il-prattika tajba permezz ta' networks tal-ekonomija soċjali u permezz tal-komunikazzjoni pubblika.

22.

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jimmonitorjaw l-iżvilupp u l-prestazzjoni tal-ekonomija soċjali billi jistimulaw ir-riċerka u jiġbru statistika u data kwantitattiva u kwalitattiva b’mod kosteffiċjenti, b’mod partikolari billi:

(a)

jagħmlu l-aħjar użu mill-appoġġ disponibbli mill-Kummissjoni biex (i) jespandu s-sistemi nazzjonali tagħhom tal-kontabbiltà sabiex jiġbru data supplimentari u komparabbli (kontijiet satellita); u (ii) jadattaw stħarriġiet essenzjali tal-unitajiet domestiċi (bħall-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol u l-istħarriġiet li jikkontribwixxu għall-UE-SILC) sabiex tinġabar informazzjoni dwar il-parteċipazzjoni fl-ekonomija soċjali, inkluż data diżaggregata abbażi tas-sess u l-età (u fejn fattibbli diżaggregazzjonijiet oħra) bil-għan li jinftiehem l-impatt tal-ekonomija soċjali fuq il-ħolqien tal-impjiegi;

(b)

iħeġġu l-kooperazzjoni fuq l-iżvilupp ta' statistika fost l-awtoritajiet pubbliċi, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka u l-ekonomija soċjali, filwaqt li tiġi estiża l-firxa ta' sorsi ta' informazzjoni bħar-reġistri, id-data amministrattiva, l-istħarriġ u ċ-ċensiment biex tinġabar data akkurata;

(c)

jappoġġaw ir-riċerka akkademika u indipendenti dwar suġġetti relatati mal-ekonomija soċjali, inkluż permezz ta' kollaborazzjoni fost l-entitajiet akkademiċi, l-awtoritajiet pubbliċi u l-ekonomija soċjali.

APPOĠĠ TAL-UNJONI

23.

Il-Kunsill jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni billi taħdem flimkien mal-Istati Membri biex tiżviluppa politiki abilitanti u oqfsa regolatorji għall-ekonomija soċjali. B’mod partikolari, dan jinkludi:

(a)

it-twettiq tal-inizjattivi mħabbra fil-pjan ta' azzjoni għall-ekonomija soċjali, li jinkludu:

(i)

it-tnedija u l-manutenzjoni tal-Gateway tal-Ekonomija Soċjali tal-UE, punt ta' dħul ċar għall-partijiet ikkonċernati tal-ekonomija soċjali biex isibu informazzjoni dwar il-finanzjament, il-politiki, in-networks/il-pjattaformi u l-inizjattivi tal-Unjoni, inkluż il-bini tal-kapaċità;

(ii)

il-pubblikazzjoni ta' analiżi dwar l-oqfsa ta' tassazzjoni eżistenti għall-ekonomija soċjali fl-Istati Membri, dwar it-trattament tat-taxxa ta' donazzjonijiet transfruntiera ta' benefiċċju pubbliku u dwar il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni;

(iii)

l-iffaċilitar tal-opportunitajiet ta' tagħlim bejn il-pari għall-uffiċjali pubbliċi dwar suġġetti relatati mal-ekonomija soċjali billi jiġu organizzati webinars u workshops. Dawk l-avvenimenti jistgħu jkunu bbażati fuq eżerċizzji ta' mmappjar u l-ġbir u l-iskambju ta' prattika tajba f'firxa ta' oqsma ta' politika rilevanti għall-ekonomija soċjali, li jippermettu lill-parteċipanti jaqsmu l-għarfien u jidentifikaw strateġiji ta' suċċess jew inizjattivi ta' politika rilevanti. Dawk l-avvenimenti jistgħu jservu wkoll bħala opportunità għal skambji regolari tal-aħjar prattiki u tagħlim bejn il-pari bejn il-koordinaturi tal-ekonomija soċjali mill-Istati Membri;

(iv)

il-ġbir ta' evidenza kwalitattiva u kwantitattiva b'mod immirat dwar it-tħaddim u l-istruttura tal-ekonomija soċjali fl-Istati Membri, inkluż billi tiġi appoġġata r-riċerka taħt il-programm ta' ħidma Orizzont Ewropa għall-2023-2024 (41);

(v)

l-appoġġ għall-iżvilupp tal-kejl u l-ġestjoni tal-impatt soċjali billi jiġu mmappjati u rieżaminati l-prattiki eżistenti, inkluż kif jissodisfaw il-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet tal-entitajiet tal-ekonomija soċjali, biex itejbu l-fehim u jiffaċilitaw l-użu tagħhom (42). Din il-ħidma ser titwettaq f'konsultazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati u ser ikollha l-għan li tiżviluppa metodoloġiji standard sempliċi għall-entitajiet tal-ekonomija soċjali biex jivvalutaw u juru l-impatt soċjali tagħhom;

(vi)

it-tnedija ta' studju dwar it-tikketti u l-iskemi ta' ċertifikazzjoni tal-ekonomija soċjali nazzjonali li jimmappja l-inizjattivi attwali, l-identifikazzjoni ta' prattiki tajbin, karatteristiċi u kriterji komuni, u l-għoti ta' approċċ u gwida komuni lill-Istati Membri, bil-ħsieb ta' rikonoxximent reċiproku volontarju;

(vii)

l-għoti ta' appoġġ tekniku lill-Istati Membri għar-riformi li għandhom l-għan li jagħtu spinta lill-ekonomija soċjali kemm fuq bażi bilaterali kif ukoll fuq bażi ta' diversi pajjiżi;

(viii)

it-tisħiħ tal-kooperazzjoni tranżnazzjonali fl-innovazzjoni soċjali permezz taċ-Ċentru Ewropew ta' Kompetenza għall-Innovazzjoni Soċjali, il-Kompetizzjoni Ewropea għall-Innovazzjoni Soċjali u n-network futur ta' intraprendituri u innovaturi soċjali appoġġat fil-qafas tal-programm tas-suq uniku;

(ix).

l-appoġġ għall-koimplimentazzjoni tal-Perkors ta' Tranżizzjoni tal-ekosistema industrijali tal-“Ekonomija Soċjali u tal-Prossimità” (43) billi jinġabru wegħdiet mill-partijiet ikkonċernati u tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati tal-ekosistema dwar it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali;

(x).

jitkompla t-titjib tal-aċċess għall-finanzjament għall-intrapriżi soċjali u għal entitajiet oħra tal-ekonomija soċjali, pereżempju permezz tal-prodotti finanzjarji fil-qafas tal-programm InvestEU;

(xi).

l-użu ta' prattiki ta' akkwist soċjalment responsabbli fil-proċeduri ta' sejħiet għall-offerti tal-Kummissjoni;

(xii).

it-tmexxija tal-Akkademja tal-Politika dwar l-Intraprenditorija taż-Żgħażagħ, li trawwem l-intraprenditorija taż-żgħażagħ, inkluż għall-intraprendituri nisa u soċjali, billi taħdem ma' dawk li jfasslu l-politika nazzjonali u man-networks tal-intraprenditorija taż-żgħażagħ;

(xiii).

it-twettiq ta' studju li jinvestiga jekk l-evidenza disponibbli tiġġustifikax l-illaxkar tar-regoli fir-rigward tal-għajnuna għall-aċċess tal-intrapriżi soċjali għall-finanzjament u fir-rigward tal-għajnuna għar-reklutaġġ ta' ħaddiema żvantaġġati jew żvantaġġati serjament, kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 651/2014;

(xiv).

jittieħed kont tal-implimentazzjoni tal-pjan.

(b)

tiġi mmonitorjata u vvalutata l-implimentazzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni;

(c)

abbażi tar-rapporti tal-Istati Membri msemmija fil-punt 27, it-tħejjija ta' rapport dwar l-evalwazzjoni tal-azzjonijiet meħuda b'reazzjoni għal din ir-Rakkomandazzjoni, anke b'kooperazzjoni mill-qrib mal-gruppi ta' esperti rilevanti tal-Kummissjoni dwar l-ekonomija soċjali u l-intrapriżi soċjali, li għandu jiġi ppreżentat lill-Kumitat tal-Impjiegi u lill-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali għad-diskussjoni.

IMPLIMENTAZZJONI, MONITORAĠĠ U EVALWAZZJONI

24.

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri, filwaqt li jqisu ċ-ċirkostanzi nazzjonali, jew jadottaw inkella jaġġornaw l-istrateġiji tal-ekonomija soċjali tagħhom, jew jintegraw l-ekonomija soċjali fi strateġiji rilevanti jew inizjattivi ta’ politika oħra, fi żmien 24 xahar mill-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

25.

F’konformità mal-objettivi ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jirrieżaminaw u jtejbu, fejn rilevanti, l-istrutturi amministrattivi u istituzzjonali tagħhom fil-livelli kollha ta’ governanza, pereżempju billi jikkunsidraw:

(a)

il-ħolqien ta' “punt uniku ta' servizz” biex jiġi pprovdut appoġġ simplifikat u konvenjenti lill-entitajiet tal-ekonomija soċjali f'oqsma bħall-aċċess għall-finanzi u appoġġ ieħor;

(b)

l-istabbiliment ta' punti ta' kuntatt tal-ekonomija soċjali nazzjonali, lokali jew reġjonali li jaqdu r-rwol ta' ambaxxaturi tal-ekonomija soċjali u li jippromwovu s-settur, jipprovdu appoġġ bejn il-pari, jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzjament tal-Unjoni u dak nazzjonali, u jikkomunikaw mal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali li jimmaniġġaw il-fondi tal-Unjoni;

(c)

il-ħatra ta' koordinaturi tal-ekonomija soċjali fl-istituzzjonijiet pubbliċi nazzjonali. Jenħtieġ li dawk il-koordinaturi jkollhom mandat u responsabbiltajiet ċari u riżorsi suffiċjenti biex jippermettu l-koordinazzjoni u l-monitoraġġ effettivi ta’ din ir-Rakkomandazzjoni u biex jiżguraw il-konsistenza fit-tfassil tal-politika fost id-dipartimenti tal-gvern u mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

26.

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jimmonitorjaw u jevalwaw fil-livell nazzjonali l-passi meħuda biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti f’din ir-Rakkomandazzjoni, inkluż permezz ta’ djalogu regolari mal-awtoritajiet reġjonali u lokali u mal-entitajiet tal-ekonomija soċjali jew mal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi biex jinformaw, jagħtu pariri u jakkumpanjaw l-evalwazzjoni, il-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji tal-ekonomija soċjali tagħhom jew inizjattivi ta’ politika rilevanti oħra relatati mal-ekonomija soċjali.

27.

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar il-progress tagħhom fl-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni sa mhux aktar tard minn erba’ snin wara l-adozzjoni tagħha u kull ħames snin wara dan. Sabiex jiġi limitat il-piż amministrattiv, jenħtieġ li r-rappurtar jagħmel l-aħjar użu mill-għodod eżistenti u jqis iċ-ċirkostanzi nazzjonali.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Novembru 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

Y. DÍAZ PÉREZ


(1)  L-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-8 ta’ Frar 2023 dwar “Il-ħolqien ta' ambjent favorevoli għall-ekonomija soċjali – il-perspettiva lokali u reġjonali” (CDR 5492/2022).

(2)   ĠU C 428, 13.12.2017, p. 10

(3)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Il-Pjan ta' Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, (COM/2021/102 final).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2296 tal-21 ta' Novembru 2022 dwar linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (ĠU L 304, 24.11.2022, p. 67).

(5)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “ Bini ta' ekonomija għas-servizz tan-nies: pjan ta' azzjoni għall-ekonomija soċjali ”(COM(2021) 778 final).

(6)  ara d-dokument ST 15071/15.

(7)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Lulju 2022 dwar il-pjan ta' azzjoni tal-UE għall-ekonomija soċjali (2021/2179(INI)).

(8)   ĠU C 153, 2.5.2018, p. 1–.

(9)   ĠU C 372, 4.11.2020, p. 1.

(10)   ĠU C 243, 27.6.2022, p. 10.

(11)  Ir-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 21).

(12)  Eżempju partikolari huwa l-appoġġ tal-Belġju pprovdut lil “collectief maatwerk” , li jinkludi appoġġ finanzjarju lill-intrapriżi soċjali għall-integrazzjoni fix-xogħol.

(13)  Eżempju partikolari huwa l-inizjattiva Franċiża, Territoires Zéro Chômeurs de Longue Durée, li għandha l-għan li tiġġieled il-qgħad fit-tul billi tistabbilixxi organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ f'żoni b'rati għoljin ta' qgħad fit-tul biex timpjega residenti lokali fuq kuntratti permanenti biex iwettqu attivitajiet utli għall-komunità, bħar-riċiklaġġ, l-indukrar tat-tfal u l-ġardinaġġ komunitarju. Inizjattivi simili ġew introdotti fi Groningen fin-Netherlands u f'Marienthal fl-Awstrija.

(14)   ĠU C 243, 27.6.2022, p. 26.

(15)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew”(COM(2019) 640 final).

(16)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “ Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti ”(OM(2023) 62 final).

(17)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Pjan ta' Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari Għal Ewropea aktar nadifa u kompetittiva”(COM(2020) 98 final).

(18)  Id-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2022 li tistabbilixxi l-Programm ta' Politika tal-2030 dwar id-Deċennju Diġitali (ĠU L 323, 19.12.2022, p. 4).

(19)  Id-Dikjarazzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali għad-Deċennju Diġitali (COM(2022) 28 final).

(20)  Pereżempju “Les Fonds Communs de Placement d'Entreprise solidaires” fi Franza.

(21)  Ir-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta' Koeżjoni (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 60).

(22)  Ir-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 1).

(23)  Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).

(24)  Ir-Regolament (UE) 2021/690 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' April 2021 li jistabbilixxi programm għas-suq intern, għall-kompetittività tal-intrapriżi, inkluż l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, għall-qasam tal-pjanti, l-annimali, l-ikel u l-għalf, u għall-istatistika Ewropea (Programm tas-Suq Uniku) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 99/2013, (UE) Nru 1287/2013, (UE) Nru 254/2014 u (UE) Nru 652/2014 (ĠU L 153, 3.5.2021, p. 1).

(25)  Ir-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Marzu 2021 li jistabbilixxi l-Programm InvestEU u li jemenda r-Regolament (UE) 2015/1017 (ĠU L 107, 26.3.2021, p. 30).

(26)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).

(27)  Ir-Regolament (UE) 2021/240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi Strument ta' Appoġġ Tekniku, (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 1).

(28)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta' Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta' għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1).

(29)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).

(30)  L-istatuses/il-kwalifiki legali, xi kultant imsejħa wkoll tikketti, huma distinti mill-forom legali peress li jistgħu jiġu adottati minn varjetà ta' forom legali, inkluż organizzazzjonijiet bi skop ta' qligħ u mingħajr skop ta' qligħ.

(31)   ĠU L 223/14 22.6.2021, p. 14.

(32)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni "Strateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal(COM(2021) 142 final).

(33)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 2022 dwar kontijiet individwali tal-apprendiment 2022/C 243/03 (ĠU C 243, 27.6.2022, p. 26).

(34)   ĠU C 417, 2.12.2020, p. 1.

(35)  Ir-Regolament (UE) 2021/1059 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea (Interreg) appoġġata mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u mill-istrumenti ta' finanzjament estern (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 94).

(36)  L-Artikolu 30(3) tad-Direttiva 2014/23/UE, l-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 2014/24/UE u l-Artikolu 36(2).

(37)  Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1).

(38)  Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

(39)  Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).

(40)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Diċembru 2011 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta' kumpens għas-servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi fdati bl-operat ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (ĠU L 7, 11.1.2012, p. 3).

(41)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-adozzjoni tal-programm ta' ħidma għall-2023-2024 fil-qafas tal-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u dwar il-finanzjament tiegħu, (C(2022) 7550).

(42)  Il-Kummissjoni, flimkien mal-OECD, għandha tippubblika rapport li jidentifika u jesplora approċċi mfassla apposta li diġà huma verifikati mill-entitajiet tal-ekonomija soċjali fl-Ewropa, u jeżamina l-għan, il-kamp ta' applikazzjoni u l-karatteristiċi ewlenin tagħhom, filwaqt li juri prattiki tajbin.

(43)  Ir-rapport “Transition pathway for Proximity and Social Economy”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1344/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)