European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2023/1331

22.12.2023

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Rieżami u proposta għar-reviżjoni tal-QFP 2021–2027”

(C/2023/1331)

Relatur ġenerali:

José Manuel RIBEIRO (PT/PSE), Sindku ta’ Valongo

Dokumenti ta’ referenza:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Pakkett aġġustat għall-ġenerazzjoni li jmiss tar-riżorsi proprji

COM(2023) 330 final

Proposta emendata għal Deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea

COM(2023) 331 final/2

Proposta emendata għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2021/768 tat-30 ta’ April 2021 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni għas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea

COM(2023) 332 final/2

Proposta emendata għal Regolament tal-Kunsill dwar il-metodi u l-proċedura għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji bbażati fuq l-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet, fuq il-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri, fuq il-profitti riallokati u tar-riżorsa proprja statistika bbażata fuq il-profitti tal-kumpaniji u dwar il-miżuri biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-flus kontanti

COM(2023) 333 final/2

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (“STEP”) u li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE, ir-Regolamenti (UE) 2021/1058, (UE) 2021/1056, (UE) 2021/1057, (UE) 1303/2013, (UE) 223/2014, (UE) 2021/1060, (UE) 2021/523, (UE) 2021/695, (UE) 2021/697 u (UE) 2021/241

COM(2023) 335 final

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021–2027

COM(2023) 336 final

Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027

COM(2023) 337 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU EMENDI

Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-QFP għas-snin mill-2021 sal-2027

Emenda 1

Artikolu 1(2)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

“(2)   Ir-Riżerva ta’ Solidarjetà u Għajnuna ta’ Emerġenza ma għandhiex taqbeż ammont annwali massimu ta’ EUR 1 739  miljun (fi prezzijiet tal-2018). Kwalunkwe porzjon tal-ammont annwali mhux użat fis-sena n jista’ jintuża sas-sena n+1. Il-parti tal-ammont annwali li tirriżulta mis-sena preċedenti għandha tintuża l-ewwel. Kwalunkwe parti mill-ammont annwali mis-sena n li ma tintużax fis-sena n+1 għandha tiskadi.”;

“(2)   Ir-Riżerva ta’ Solidarjetà u Għajnuna ta’ Emerġenza ma għandhiex taqbeż ammont annwali massimu ta’ EUR 2 665  miljun (fi prezzijiet tal-2018). Kwalunkwe porzjon tal-ammont annwali mhux użat fis-sena n jista’ jintuża sas-sena n+1. Il-parti tal-ammont annwali li tirriżulta mis-sena preċedenti għandha tintuża l-ewwel. Kwalunkwe parti mill-ammont annwali mis-sena n li ma tintużax fis-sena n+1 għandha tiskadi.”;

Raġuni

Kif enfasizzat mill-Kummissjoni NAT fil-kontribut tagħha, il-multiplikazzjoni tal-kriżijiet, b’mod partikolari dawk marbuta mat-tibdil fil-klima, tirrikjedi żieda sinifikanti fil-baġit tar-riżerva ta’ solidarjetà u għajnuna ta’ emerġenza.

Emenda 2

Artikolu 10(b)(2)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

2.   Ir-riżerva għall-Ukrajna ma għandhiex taqbeż l-ammont ta’ EUR 50 000 miljun fi prezzijiet attwali għall-perjodu mill-2024 sal-2027. L-ammont annwali mobilizzat taħt ir-Riżerva għall-Ukrajna f’sena partikolari ma għandux jaqbeż l-EUR 16 700 miljun fi prezzijiet attwali.

2.   Ir-riżerva għall-Ukrajna ma għandhiex taqbeż l-ammont ta’ EUR 60 000  miljun fi prezzijiet attwali għall-perjodu mill-2024 sal-2027. L-ammont annwali mobilizzat taħt ir-Riżerva għall-Ukrajna f’sena partikolari ma għandux jaqbeż l-EUR 20 000  miljun fi prezzijiet attwali.

Raġuni

L-ammont għandu jkun mill-inqas daqs l-appoġġ attwali, u għalhekk iċ-ċifra għandha tiżdied għal EUR 60 biljun. L-emenda hija konformi mat-talba fformulata fl-Opinjoni ta’ Dario Nardella dwar il-Faċilità għall-Ukrajna.

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (“STEP”) u li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE, ir-Regolamenti (UE) 2021/1058, (UE) 2021/1056, (UE) 2021/1057, (UE) 1303/2013, (UE) 223/2014, (UE) 2021/1060, (UE) 2021/523, (UE) 2021/695, (UE) 2021/697 u (UE) 2021/241

Emenda 3

Artikolu 2(1)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

1.   Biex jissaħħu s-sovranità u s-sigurtà tal-Ewropa, jiġu aċċellerati t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tal-Unjoni u tissaħħaħ il-kompetittività tagħha, jitnaqqsu d-dipendenzi strateġiċi tagħha, jiġu promossi kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fis-Suq Uniku għall-investimenti madwar l-Unjoni, u jiġi promoss l-aċċess inklużiv għal impjiegi attraenti u ta’ kwalità, il-Pjattaforma għandha ssegwi l-objettivi li ġejjin:

1.   Biex jissaħħu s-sovranità u s-sigurtà tal-Ewropa, jiġu aċċellerati t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tal-Unjoni u tissaħħaħ il-kompetittività tagħha, jitnaqqsu d-dipendenzi strateġiċi tagħha, jiġu promossi kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fis-Suq Uniku għall-investimenti madwar l-Unjoni, jiġu promossi l-koeżjoni soċjali, territorjali u ekonomika u s-solidarjetà fost l-Istati Membri, u jiġi promoss l-aċċess inklużiv għal impjiegi attraenti u ta’ kwalità, il-Pjattaforma għandha ssegwi l-objettivi li ġejjin:

Raġuni

Huwa essenzjali li ssir referenza espliċita għall-prinċipju tal-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali u s-solidarjetà fost l-Istati Membri (l-Artikolu 3(3) tat-TFUE) bħala objettiv ewlieni tal-Pjattaforma.

Emenda 4

Artikolu 2(1)(c) (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

 

c)

it-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Ewropa u t-tnaqqis tad-disparitajiet bejn il-livell ta’ żvilupp tad-diversi reġjuni.

Raġuni

Il-Kummissjoni Ewropea introduċiet il-prinċipju “la tagħmilx ħsara lill-koeżjoni” fit-Tmien Rapport dwar il-Koeżjoni. Sabiex dan jibda jitħaddem, it-twettiq tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali kif spjegat fl-Artikolu 174 tat-TFUE għandu jkun objettiv tar-Regolament fuq l-istess livell taż-żewġ għanijiet l-oħra msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u l-Artikolu 2(1)(b).

Emenda 5

Artikolu 2(2)(a)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

(a)

iġibu element innovattiv u mill-aktar avvanzat b’potenzjal ekonomiku sinifikanti għas-Suq Uniku;

(a)

iġibu element innovattiv u mill-aktar avvanzat b’potenzjal ekonomiku sinifikanti għas-Suq Uniku, filwaqt li jippreservaw l-integrità tiegħu u jiffavorixxu kundizzjonijiet ekwivalenti ;

Raġuni

Huwa importanti li jiġi speċifikat xi jfisser “potenzjal ekonomiku sinifikanti”.

Emenda 6

Artikolu 5(3)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

3.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar in-nefqa ffinanzjata mill-Pjattaforma. Hija għandha, kif xieraq, tirrapporta dwar il-kisbiet relatati ma’ kull wieħed mill-objettivi speċifiċi tal-Pjattaforma.

3.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar in-nefqa ffinanzjata mill-Pjattaforma. Hija għandha, kif xieraq, tirrapporta dwar il-kisbiet relatati ma’ kull wieħed mill-objettivi speċifiċi tal-Pjattaforma u b’mod partikolari dwar l-objettiv 2(1)(c) (ġdid) biex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tal-Pjattaforma ma tagħmilx ħsara lill-koeżjoni .

Raġuni

Dan biex jiġi żgurat li l-prinċipju “la tagħmilx ħsara lill-koeżjoni” jiġi infurzat.

Emenda 7

Artikolu 7(2)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

2.   Ir-rapport annwali għandu jinkludi informazzjoni konsolidata dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-objettivi tal-Pjattaforma taħt kull wieħed mill-programmi u l-fondi.

2.   Ir-rapport annwali għandu jinkludi informazzjoni konsolidata dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-objettivi tal-Pjattaforma taħt kull wieħed mill-programmi u l-fondi. Dan għandu jinkludi informazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva dwar kif tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali tal-Ewropa.

Raġuni

Dan biex jiġi żgurat li l-prinċipju “la tagħmilx ħsara lill-koeżjoni” jiġi infurzat.

Emenda 8

Artikolu 8(2)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

2.   Ir-rapport ta’ evalwazzjoni għandu, b’mod partikolari, jivvaluta sa fejn intlaħqu l-objettivi, l-effiċjenza tal-użu tar-riżorsi u l-valur miżjud Ewropew. Huwa għandu jindirizza wkoll ir-rilevanza kontinwa tal-objettivi u l-azzjonijiet kollha, fid-dawl tal-espansjoni potenzjali tagħhom.

2.   Ir-rapport ta’ evalwazzjoni għandu jipprovdi ħarsa ġenerali lejn ir-reġjuni li fir-rigward tagħhom ġew emendati l-programmi (inkluża informazzjoni dwar aspetti rilevanti tal-prinċipju tas-sħubija), u b’mod partikolari, għandu jivvaluta sa fejn intlaħqu l-objettivi, l-effiċjenza tal-użu tar-riżorsi u l-valur miżjud Ewropew. Huwa għandu jindirizza wkoll ir-rilevanza kontinwa tal-objettivi u l-azzjonijiet kollha, fid-dawl tal-espansjoni potenzjali tagħhom. Dan għandu jkun akkumpanjat minn valutazzjoni bir-reqqa tal-impatti territorjali differenzjati u l-effetti fuq il-koeżjoni fl-implimentazzjoni tal-Pjattaforma.

Raġuni

Huwa importanti li jiġi żgurat li evalwazzjoni ex post ta’ STEP tindirizza l-impatti territorjali tal-programm biex il-prinċipju “la tagħmilx ħsara lill-koeżjoni” isir operattiv, kif stabbilit fl-Opinjoni ta’ Rijsberman (COTER-VII/026).

Emenda 9

Artikolu 10(1) u (2)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda

Emendi għar-Regolament (UE) 2021/1058 [FEŻR u FK]

Ir-Regolament (UE) 2021/1058 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 3(1), fil-punt (a), jiżdied il-punt li ġej: “(vi) l-appoġġ għall-investimenti li jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ STEP imsemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament …/… 64 [ir-Regolament dwar STEP]”.

(2)

Fl- Artikolu 3(1), fil-punt (b), jiżdied il-punt li ġej: “(ix) l-appoġġ għall-investimenti li jikkontribwixxu għall-objettiv ta’ STEP imsemmi fl- Artikolu 2(1), il-punt (a)(ii) tar-Regolament …/… [ir-Regolament dwar STEP]”.

Emendi għar-Regolament (UE) 2021/1058 [FEŻR u FK]

Ir-Regolament (UE) 2021/1058 huwa emendat kif ġej:

b’mod partikolari l-appoġġ għall-investimenti li jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ STEP imsemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament …/… [ir-Regolament dwar STEP]” huwa miżjud mal- Artikolu 3(1), fil-punt(a)(i), mal-Artikolu 3(1), fil-punt (a)(ii), mal-Artikolu 3(1), fil-punt (a)(iii), u mal-Artikolu 3(1), fil-punt (a)(iv) tar- Regolament FEŻR .

Raġuni

L-għan huwa li jiġi evitat li r-Regolament STEP ikun prijorità speċifika ġdida tal-programm tal-FEŻR b’mod obbligatorju, iżda pjuttost ikun tipoloġija ġdida tal-operazzjonijiet fil-PO 1.

Emenda 10

Artikolu 10(3)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

[…]

B’deroga mill-Artikolu 112 tar-Regolament (UE) 2021/1060, ir-rati massimi ta’ kofinanzjament għal prijoritajiet iddedikati stabbiliti biex jappoġġaw l-objettivi ta’ STEP għandhom jiżdiedu għal 100 %.

[…]

[…]

B’deroga mill-Artikolu 112 tar-Regolament (UE) 2021/1060, ir-rati massimi ta’ kofinanzjament għal prijoritajiet iddedikati stabbiliti biex jappoġġaw l-objettivi ta’ STEP għandhom jiżdiedu bi ħmistax-il punt perċentwali .

[…]

Raġuni

Iż-żieda ġenerali prevista għal 100 % se tgħin l-aktar lill-iżjed reġjuni żviluppati (rati ta’ kofinanzjament attwalment ta’ 40-50 %), segwiti minn dawk fi tranżizzjoni, u mbagħad segwiti minn reġjuni inqas żviluppati, u b’hekk tagħti lill-iżjed reġjuni żviluppati vantaġġ kompetittiv fuq l-oħrajn u b’mod partikolari fuq dawk inqas żviluppati.

Emenda 11

Artikolu 10(4)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

[…]

(e)

meta jikkontribwixxu għall-objettiv speċifiku skont il-PO 1 stabbilit fl-Artikolu 3(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a)(vi) jew għall-objettiv speċifiku skont il-PO 2 stabbilit fil-punt (b)(ix) ta’ dak is-subparagrafu, f’reġjuni anqas żviluppati u f’reġjuni fi tranżizzjoni , kif ukoll reġjuni aktar żviluppati fl-Istati Membri li l-PDG medju per capita tagħhom huwa taħt il-medja tal-UE tal-EU-27 skont l-istandards tal-kapaċità tal-akkwist (PPS) u kkalkolat abbażi taċ-ċifri tal-Unjoni għall-perjodu 2015-2017 .

[…]

[…]

(e)

meta jikkontribwixxu għall-objettiv speċifiku taħt PO 1 stabbilit fl-Artikolu 3(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a)(vi) jew għall-objettiv speċifiku taħt PO 2 stabbilit fil-punt (b)(ix) ta’ dak is-subparagrafu, f’reġjuni inqas żviluppati u f’reġjuni fi tranżizzjoni.

[…]

Raġuni

Fl-ambitu ta’ STEP, dan se jirrestrinġi l-possibbiltà li l-FEŻR jappoġġja intrapriżi produttivi minbarra l-SMEs għal reġjuni inqas żviluppati u reġjuni fi tranżizzjoni, sabiex jiġi evitat tnaqqis fl-appoġġ għall-SMEs mill-politika ta’ koeżjoni f’reġjuni aktar żviluppati fejn intrapriżi kbar u kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja huma aktar probabbli li jirċievu appoġġ minn sorsi oħra, inklużi strumenti oħra ta’ finanzjament tal-UE li għandhom jissaħħu permezz ta’ STEP bħal Orizzont, Invest EU…

Emenda 12

Artikolu 10(4)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

[…]

Il-punt (e) għandu japplika għall-programmi ta’ Interreg fejn il-kopertura ġeografika tal-programm fl-Unjoni tikkonsisti esklużivament minn kategoriji ta’ reġjuni stabbiliti f’dak il-punt.”

[…]

Raġuni

Għandha tinżamm l-integrità tal-qafas u l-pakkett ta’ Interreg.

Emenda 13

Artikolu 11(2)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

2.    Fl-Artikolu 8(2) jiddaħħal is-subparagrafu li ġej:

“Il-JTF jista’ jappoġġa wkoll investimenti produttivi f’intrapriżi oħra għajr l-SMEs li jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ STEP imsemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament …/…65 [ir-Regolament STEP]. Dak l-appoġġ jista’ jiġi pprovdut irrispettivament minn jekk l-analiżi tad-diskrepanza tkunx twettqet f’konformità mal-Artikolu 11(2)(h) u irrispettivament mill-eżitu tagħha. Tali investimenti għandhom ikunu eliġibbli biss meta ma jwasslux għal rilokazzjoni kif definit fil-punt (27) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2021/1060. L-għoti ta’ tali appoġġ ma għandux jirrikjedi reviżjoni tal-pjan territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta fejn dik ir-reviżjoni tkun marbuta esklużivament mal-analiżi tal-lakuni.”

 

Raġuni

Dan sabiex jiġi evitat l-appoġġ tal-politika ta’ koeżjoni lil intrapriżi kbar taħt kundizzjonijiet preferenzjali għall-assi prijoritarju kkonċernat (prefinanzjament ta’ 30 %, kofinanzjament ogħla), filwaqt li fl-istess ħin l-SMEs jirċievu appoġġ taħt kundizzjonijiet inqas favorevoli.

Emenda 14

Artikolu 11(3)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

[…]

B’deroga mill-Artikolu 112 tar-Regolament (UE) 2021/1060, ir-rati massimi ta’ kofinanzjament għal prijoritajiet iddedikati stabbiliti biex jappoġġaw l-objettivi ta’ STEP għandhom jiżdiedu għal 100 % .”

[…]

B’deroga mill-Artikolu 112 tar-Regolament (UE) 2021/1060, ir-rati massimi ta’ kofinanzjament għal prijoritajiet iddedikati stabbiliti biex jappoġġaw l-objettivi ta’ STEP għandhom jiżdiedu bi ħmistax-il punt perċentwali .”

Raġuni

Iż-żieda ġenerali prevista għal 100 % se tgħin l-aktar lill-iżjed reġjuni żviluppati (rati ta’ kofinanzjament attwalment ta’ 50 %), segwiti minn dawk ta’ tranżizzjoni, u mbagħad segwiti minn reġjuni inqas żviluppati, u b’hekk tagħti lill-iżjed reġjuni żviluppati vantaġġ kompetittiv fuq l-oħrajn u b’mod partikolari fuq dawk inqas żviluppati.

Emenda 15

Artikolu 12a

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

[…]

B’deroga mill-Artikolu 112 tar-Regolament (UE) 2021/1060, ir-rati massimi ta’ kofinanzjament għal prijoritajiet iddedikati stabbiliti biex jappoġġaw l-objettivi ta’ STEP għandhom jiżdiedu għal 100 % .”

[…]

B’deroga mill-Artikolu 112 tar-Regolament (UE) 2021/1060, ir-rati massimi ta’ kofinanzjament għal prijoritajiet iddedikati stabbiliti biex jappoġġaw l-objettivi ta’ STEP għandhom jiżdiedu bi ħmistax-il punt perċentwali .”

Raġuni

Iż-żieda ġenerali prevista għal 100 % se tgħin l-aktar lill-iżjed reġjuni żviluppati (rati ta’ kofinanzjament attwalment ta’ 50 %), segwiti minn dawk ta’ tranżizzjoni, u mbagħad segwiti minn reġjuni inqas żviluppati, u b’hekk tagħti lill-iżjed reġjuni żviluppati vantaġġ kompetittiv fuq l-oħrajn u b’mod partikolari fuq dawk inqas żviluppati.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR),

Dwar ir-rieżami tal-QFP 2021–2027 u l-proposta għal reviżjoni

1.

jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni taqbel mal-fehma tal-KtR li l-QFP attwali ma joffrix biżżejjed riżorsi finanzjarji biex jirrispondi għall-kriżijiet attwali u l-isfidi politiċi l-ġodda li jirriżultaw minnhom (gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna, inflazzjoni għolja, prezzijiet għoljin tal-enerġija, tibdil fil-klima, theddida għall-bijodiversità…), kif ukoll għall-prijoritajiet politiċi l-ġodda tal-UE (bħall-awtonomija strateġika tal-UE, il-politika industrijali tal-Patt Ekoloġiku, l-Ewropa Diġitali, il-Patt dwar l-Ażil u l-Migrazzjoni…);

2.

jenfasizza li l-Kummissjoni nnifisha tirrikonoxxi li d-distakk annwali fl-investiment biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku huwa ta’ aktar minn EUR 620 biljun; jissottolinja li din iċ-ċifra turi għal darb’oħra li l-limitu massimu ġenerali għall-impenji għall-perjodu kollu tal-2021–2027 (madwar 1,03 % tal-introjtu nazzjonali gross (ING), bl-esklużjoni tan-NextGenerationEU) mhuwiex biżżejjed biex jintlaħqu l-ambizzjonijiet politiċi tal-UE u li kompiti ġodda dejjem għandhom ikunu akkumpanjati b’riżorsi ġodda;

3.

jilqa’ l-proposta li jinħoloq l-istrument il-ġdid EURI, lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP 2021–2027, biex jiġu ffinanzjati spejjeż imprevedibbli u żejda marbuta mas-self tan-NextGenerationEU minħabba rati tal-imgħax għoljin u l-inflazzjoni; iħeġġeġ lill-Kunsill jappoġġja din il-proposta sabiex jonora l-impenji legali tal-UE u jevita li jagħmel aktar pressjoni fuq il-baġit attwali tal-UE u programmi importanti oħra tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li l-QFP jissaħħaħ b’mod sinifikanti biex jiġi żgurat titjib fl-effiċjenza filwaqt li l-ispejjeż amministrattivi għall-awtoritajiet lokali u reġjonali jinżammu baxxi kemm jista’ jkun;

4.

jilqa’ ż-żieda proposta fir-Riżerva ta’ Solidarjetà u Għajnuna ta’ Emerġenza peress li se ssaħħaħ il-kapaċità tal-Unjoni Ewropea li tirrispondi għal diżastri naturali u għal emerġenzi oħra; jissottolinja r-rilevanza tagħha għall-awtoritajiet lokali u reġjonali peress li avvenimenti naturali estremi huma aktar frekwenti: jilqa’ bl-istess mod iż-żieda proposta għall-Istrument ta’ Flessibbiltà, li wriet li kienet utli ħafna kontra avvenimenti mhux previsti u timmitiga r-restrizzjonijiet marbuta mal-QFP matul il-proċedura baġitarja annwali;

5.

jilqa’ ż-żieda fil-finanzjament għall-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri biex jiġi żgurat li l-politiki kollha tal-UE dwar l-ażil, l-immigrazzjoni u dwar il-fruntieri jkunu mgħammra sew; jenfasizza l-importanza li jiġu allokati riżorsi mfassla speċifikament għall-ġestjoni u l-mitigazzjoni tal-isfidi fl-awtoritaiet lokali u reġjonali; jilqa’ wkoll ż-żieda fil-finanzjament għar-relazzjonijiet esterni u l-introduzzjoni tal-Faċilità għall-Ukrajna (1), li għandha tiġi ffinanzjata lil hinn mil-limitu massimu tal-QFP permezz ta’ Riżerva għall-Ukrajna; jesprimi dispjaċir, madankollu, għall-fatt li l-mezzi finanzjarji previsti għall-Faċilità għall-Ukrajna huma inqas mill-appoġġ finanzjarju attwali u jitlob, għalhekk, żieda fil-pakkett ta’ EUR 60 000 miljun;

6.

jiddispjaċih li r-reviżjoni proposta tal-QFP ma tinkludix aktar riżorsi li għandhom jiġu allokati direttament lill-bliet u r-reġjuni, pereżempju permezz tal-Missjoni dwar il-Bliet Newtrali għall-Klima u Intelliġenti, il-Missjoni dwar l-Adattament għall-Klima u l-Patt tas-Sindki, sabiex tingħata spinta lill-implimentazzjoni tal-proġetti tal-Patt Ekoloġiku fil-prattika; jenfasizza li għad m’hemm l-ebda provvediment rapidu ta’ finanzjament għall-bliet u r-reġjuni involuti f’inizjattivi tal-UE u li jimpenjaw ruħhom politikament biex jilħqu l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku;

7.

jieħu nota taż-żidiet proposti taħt l-intestatura 7 sabiex tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva tal-istituzzjonijiet kollha tal-UE biex iwettqu l-kompiti l-ġodda mogħtija lilhom ilkoll;

8.

jirrikonoxxi r-rwol kritiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu allokati riżorsi adegwati biex dawn l-awtoritajiet ikunu jistgħu jindirizzaw l-isfidi uniċi li jiffaċċjaw ir-reġjuni inqas żviluppati; jappella għal rieżami komprensiv tal-appoġġ finanzjarju għall-awtoritajiet lokali u reġjonali biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni effettiva tagħhom fl-inizjattivi strateġiċi tal-UE;

9.

jinnota li parti kbira miż-żidiet fl-approprjazzjonijiet ta’ impenn proposti mill-Kummissjoni għandhom l-għan li jtejbu l-flessibbiltà tal-QFP u l-aġilità tal-baġit tal-UE biex jirrispondu għal avvenimenti u ċirkostanzi mhux previsti; jilqa’ l-approċċ “tattiku” tal-Kummissjoni iżda jissottolinja li jidher aktar li huwa soluzzjoni għal żmien qasir minn tweġiba strutturali biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet rikorrenti marbuta mal-istruttura proprja tal-QFP; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza din il-kwistjoni strutturali fid-dawl tal-QFP wara l-2027;

10.

jisħaq li l-politika ta’ koeżjoni ma għandhiex tintuża biex tiffinanzja kwalunkwe prijorità oħra minbarra dawk stabbiliti mill-programmi tal-politika ta’ koeżjoni (inklużi l-prijoritajiet STEP), b’mod partikolari jekk ma jkun hemm l-ebda ftehim dwar riżorsi addizzjonali kif stabbilit fil-proposta tal-Kummissjoni għar-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-QFP.

11.

jinnota li l-Artikolu 312 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, bħala l-bażi legali għar-Regolament li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali, ma jipprevedix konsultazzjoni mal-KtR, u għalhekk jillimita l-prerogattivi tiegħu li janalizza r-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-QFP, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompatibbiltà mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Il-KtR għalhekk jistenna li tiġi introdotta konsultazzjoni obbligatorja fil-każ ta’ riforma tat-Trattati. Minkejja din it-talba, il-KtR jirrikonoxxi li kien destinatarju tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu. Barra minn hekk, il-KtR iqis li l-proposta tal-Kummissjoni tipprovdi valur miżjud Ewropew u tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, b’mod partikolari fir-rigward tal-każ speċifiku tal-Faċilità għall-Ukrajna, peress li d-danni kkawżati fl-Ukrajna huma tali li l-ebda Stat Membru ma jista’ jħallas l-ispejjeż relatati, u li l-Unjoni tinsab fl-aħjar pożizzjoni biex tisfrutta l-kapaċità ta’ self tagħha biex isellef lill-Ukrajna b’termini vantaġġużi.

Approprjazzjonijiet ta’ pagament u riżorsi proprji

12.

jirrimarka li l-Artikolu 311 tat-TFUE jipprevedi li “[s]alv kull dħul ieħor, l-estimi [tal-UE] għandhom ikunu ffinanzjati kompletament minn riżorsi proprji”. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu deċiżjoni mill-aktar fis possibbli dwar il-proposti relatati mal-pakkett aġġustat għall-ġenerazzjoni li jmiss tar-riżorsi proprji; jirrimarka li huwa essenzjali li jkun hemm biżżejjed rikavati minn riżorsi proprji ġodda biex jiġi garantit il-funzjonament tajjeb tal-Unjoni Ewropea u l-ħlas lura tad-dejn tan-NextGenerationEU mingħajr ma jiġu pperikolati programmi oħra tal-UE; jenfasizza l-importanza li jiġi implimentat il-pjan direzzjonali miftiehem għall-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda tal-baġit tal-UE mingħajr aktar dewmien.

Dwar STEP

13.

jirrimarka li s-setgħat istituzzjonali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jvarjaw madwar l-Unjoni Ewropea u li t-teħid tad-deċiżjonijiet għandu jsir fil-livell tal-gvern fejn huwa l-aktar effettiv; iqis li l-proposta tirriskja li jkun hemm aktar nazzjonalizzazzjoni u li ma tkunx konformi mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkonsulta mill-qrib mal-awtoritajiet lokali u reġjonali meta tfassal u timplimenta politiki li jaffettwaw lil dawn ir-reġjuni;

14.

jesprimi dispjaċir profond li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda valutazzjoni tal-impatt territorjali dwar il-proposta STEP; jilqa’ l-Valutazzjoni tal-Impatt Territorjali organizzata mill-KtR, li kkonfermat il-konċentrazzjoni possibbli ta’ finanzjament taħt il-programmi msaħħa minn STEP f’xi reġjuni u Stati Membri u konċentrazzjoni possibbli tat-teknoloġiji kritiċi mmirati fl-istess oqsma; jinnota, barra minn hekk, li l-“valutazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ investiment” użata bħala dokument ta’ referenza biex tiġġustifika l-STEP u ppubblikata f’Marzu 2023 bl-ebda mod ma tindirizza d-dimensjoni territorjali tal-ħtiġijiet ta’ investimenti u lanqas ma tipprova tivvaluta l-impatt tagħhom f’termini ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; għandu dubji serji, għalhekk, kemm il-proposta STEP hija konsistenti mal-prinċipju “la tagħmilx ħsara lill-koeżjoni”; jistieden lill-Istati Membri u lill-Parlament Ewropew iqisu r-riżultati tal-Valutazzjoni tal-Impatt Territorjali matul in-negozjati tagħhom;

15.

jiddispjaċih ferm li ma huwa previst l-ebda mekkaniżmu speċifiku fl-ambitu ta’ STEP biex jiġi żgurat l-involviment konkret tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-proċess tal-għażla għal proġetti li jingħataw it-tikketta “Siġill ta’ Sovranità”; jappella għal mekkaniżmu speċifiku biex jiġi żgurat dan l-involviment; jibża’ li l-mekkaniżmi proposti biex jintgħażlu proġetti tas-“Siġill ta’ Sovranità” se jwasslu għal aktar ċentralizzazzjoni tal-poter u jaggravaw il-kompetizzjoni bejn ir-reġjuni tal-UE minflok ma jsaħħu l-koeżjoni tal-UE kollha kemm hi;

16.

jissottolinja l-fatt li mill-bidu tal-perjodu ta’ programmazzjoni attwali ’l hawn, l-Istati Membri ġew imħeġġa ripetutament (2) jemendaw il-programmi operazzjonali tagħhom biex jindirizzaw prijoritajiet politiċi mhux previsti oriġinarjament; jissottolinja li dan jista’ jiddevja l-politika mill-għanijiet fit-tul tagħha, u fl-istess ħin ipoġġi wkoll piż amministrattiv kbir fuq l-awtoritajiet maniġerjali; jinsab imħasseb ħafna dwar il-fatt li, fil-każ ta’ STEP, dan l-eżerċizzju ta’ riprogrammazzjoni jista’ f’ħafna każijiet iwassal lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex iwarrbu proġetti ta’ investiment fit-tul ippjanati u mfassla bir-reqqa skont il-prinċipju ta’ sħubija biex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn proġetti ta’ investiment ġodda li ġew magħżula fl-ambitu ta’ programmi tal-UE ġestiti fil-livell ċentrali; jikkundanna b’mod qawwi din ix-xejra bħala ksur ċar tal-prinċipju ta’ governanza f’diversi livelli li huwa fil-qalba tal-politika ta’ koeżjoni; itenni l-pożizzjoni preċedenti tiegħu li l-istrumenti tal-politika ta’ koeżjoni ma għandhomx jintużaw bħala somma flus biex jindirizzaw ħtiġijiet urġenti u mhux previsti;

17.

jenfasizza l-isfidi tat-trasformazzjon għar-reġjuni kollha; jiddubita ferm, madankollu, kemm il-ftuħ tal-istrumenti tal-politika ta’ koeżjoni għal kumpaniji kbar f’reġjuni aktar żviluppati tal-Istati Membri b’PDG per capita taħt il-medja tal-UE se jsaħħaħ il-koeżjoni; jinnota li din il-proposta hija f’kuntrast qawwi mas-sejbiet tat-Tmien Rapport dwar il-Koeżjoni u l-evidenza akkumulattiva ta’ “nassa tal-iżvilupp” ta’ xi reġjuni tal-UE u ż-“żieda tad-distakk fir-riċerka u l-innovazzjoni bejn ir-reġjuni tal-UE” kif enfasizzat fih; jipproponi, għalhekk, li jitħassru dawn id-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 10(4);

18.

ifaħħar l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ssaħħaħ il-kompetittività tal-ekonomija tal-UE fis-suq globali billi tippromovi u ssaħħaħ l-investimenti fl-iżvilupp, fil-manifattura u fil-ktajjen tal-valur ta’ teknoloġiji kritiċi; iqis, madankollu, li mhux il-miżuri kollha proposti huma adatti biex jikkumpensaw għall-iżvantaġġi kompetittivi attwali ta’ xi reġjuni, speċjalment dawk l-inqas żviluppati; huwa sorpriż ħafna li l-Kummissjoni ma ppreżentatx analiżi ex ante komprensiva tal-impatt ikkombinat fuq il-kundizzjonijiet ekwivalenti fis-suq uniku tal-illaxkar reċenti tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u l-proposta STEP;

19.

f’dan il-kuntest, filwaqt li jifhem ix-xewqa li jiġu inċentivati l-investimenti, jissottolinja li ż-żieda tal-kofinanzjament għal 100 % għall-prijoritajiet STEP se tgħin l-aktar lir-reġjuni l-aktar żviluppati u se tnaqqas l-impatt ġenerali tal-politika ta’ koeżjoni.

20.

jirrikonoxxi li ż-żieda tal-kofinanzjament għal 100 % għall-prijoritajiet STEP tista’ tiffavorixxi b’mod mhux intenzjonat lill-iżjed reġjuni żviluppati, u potenzjalment tnaqqas l-impatt ġenerali tal-politika ta’ koeżjoni; jappella għal approċċ diversifikat li jiżgura li r-rati ta’ kofinanzjament jitfasslu skont il-ħtiġijiet speċifiċi u l-livelli ta’ żvilupp ta’ reġjuni differenti, u b’hekk tissaħħaħ l-effettività tal-politika ta’ koeżjoni għall-appoġġ ta’ żoni inqas żviluppati;

Flessibbiltajiet addizzjonali għall-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni 2014–2020

21.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-estensjoni proposta bi 12-il xahar tas-sottomissjoni tad-dokumentazzjoni tal-għeluq skont il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014–2020 kemm għar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni kif ukoll għall-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn, li se tippermetti żmien biex jingħalaq il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014–2020 filwaqt li jitħaffef il-pass tal-implimentazzjoni tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2021–2027; iħeġġeġ lill-koleġiżlaturi jaqblu dwar dawn il-modifiki malajr kemm jista’ jkun sabiex l-awtoritajiet maniġerjali jingħataw prevedibbiltà; jappella f’dan ir-rigward sabiex il-flessibbiltajiet proposti jiġu approvati skont proċedura ad hoc awtonoma indipendenti mir-Regolament STEP; jenfasizza wkoll li din l-estensjoni se tagħti aktar żmien lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jużaw il-fondi għad-dekarbonizzazzjoni u d-diversifikazzjoni tal-ekonomiji biex jintlaħqu għanijiet tan-newtralità klimatika tal-UE;

22.

jipproponi wkoll lill-Kummissjoni Ewropea tniedi riflessjoni dwar l-introduzzjoni ta’ bbaġitjar parteċipattiv fil-politika ta’ koeżjoni li jmiss: 1 % tal-pakketti tal-programmi reġjonali jista’ jiġi ddedikat għall-ibbaġitjar parteċipattiv sabiex tiżdied is-sjieda taċ-ċittadini u l-politiki tal-UE jsiru aktar viżibbli għall-Ewropej.

Brussell, l-10 ta’ Ottubru 2023.

Vasco ALVES CORDEIRO

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni


(1)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-Faċilità għall-Ukrajna — COM (2023) 338 final, Brussell, 20.6.2023.

(2)  Repower EU, FAST-CARE u l-Att b’Appoġġ għall-Produzzjoni tal-Munizzjon.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1331/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)