European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2023/1327

22.12.2023

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Il-prospettiva strateġika bħala strument ta’ governanza tal-UE u regolamentazzjoni aħjar”

(C/2023/1327)

Relatur:

Giorgio MAGLIOCCA (IT/PPE)

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR),

Mument tajjeb

1.

jinnota li l-prospettiva strateġika hija dixxiplina li tippermetti l-analiżi u l-antiċipazzjoni b’mod strutturat, sistemiku u kollettiv tal-futur differenti possibbli u għalhekk li jittieħdu deċiżjonijiet aktar adatti;

2.

jissottolinja li l-objettiv tal-prospettiva strateġika mhuwiex li tipprevedi l-futur, iżda li tħejji għalih, u b’hekk tikkontribwixxi għal governanza antiċipatorja fil-livelli kollha. Jenfasizza għalhekk l-importanza tagħha, speċjalment f’kuntesti kumplessi, inċerti u li jevolvu malajr, sabiex jiżdiedu r-reżiljenza u l-kapaċità ta’ reazzjoni f’waqtha u innovattiva għall-bidliet fil-livelli istituzzjonali kollha li jiffurmaw l-Unjoni Ewropea, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà;

3.

ifakkar li r-rakkomandazzjonijiet finali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa huma bbażati fuq l-aspettattivi taċ-ċittadini rigward azzjoni mill-UE li tkun tħares ’il quddiem, tkun sostenibbli u li “tibqa’ valida għall-futur”; jilqa’, f’dan ir-rigward, ir-rikonoxximent tal-Kummissjoni tal-prospettiva strateġika, kemm bħala objettiv trasversali tal-istituzzjoni kif ukoll bħala għodda għall-governanza;

4.

jenfasizza l-kontribut tal-prospettiva biex tingħata perspettiva strateġika fit-tul, li huwa partikolarment importanti għat-tfassil ta’ aġenda strateġika għall-futur tal-UE, bi tħejjija għall-elezzjonijiet Ewropej tal-2024, u fid-dawl tal-adozzjoni tal-Aġenda Politika l-ġdida 2024-2029 kif ukoll il-fażijiet kollha preparatorji taċ-ċiklu l-ġdid ta’ politika;

5.

jiddispjaċih li l-prospettiva strateġika spiss tiġi applikata b’mod okkażjonali u/jew tkun limitata għal grupp żgħir ta’ analisti u tekniċi. Jemmen li l-prospettiva strateġika hija ta’ importanza politika konsiderevoli u għalhekk trid titqies bħala proċess ta’ ħsieb strateġiku fi ħdan l-istituzzjonijiet u li jinvolvi interazzjoni kontinwa mal-kuntest li joperaw fih, mal-partijiet ikkonċernati tagħhom u maċ-ċittadini; l-għan aħħari tagħha jrid ikun li tikkontribwixxi għal governanza f’diversi livelli aħjar u politiki orjentati lejn il-futur li jikkorrispondu aħjar għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini;

6.

iqis, barra minn hekk, li l-ħatra ta’ Viċi President tal-Kummissjoni bl-inkarigu tal-prospettiva strateġika u l-inklużjoni tagħha fil-linji gwida u fis-sett ta’ għodod għal Regolamentazzjoni aħjar (2021) huma elementi importanti; jistenna li dawn il-passi konkreti jiġu approvati wkoll mill-Kummissjoni l-ġdida u anke jiġu approfonditi fil-futur;

7.

jenfasizza l-potenzjal tal-prospettiva bħala għodda għal gwida strateġika li hi utli wkoll biex id-deċiżjonijiet baġitarji u finanzjarji jiġu vvalutati b’mod aktar effettiv. Billi tidentifika l-fatturi li se jkollhom l-akbar impatt fuq il-futur (u l-ħtiġijiet relatati), il-prospettiva tiffaċilita l-identifikazzjoni tal-prijoritajiet ta’ investiment u l-allokazzjoni ta’ riżorsi għal dawk is-setturi li jista’ jkollhom l-akbar impatt;

8.

jenfasizza l-ħtieġa li l-prospettiva strateġika tiġi integrata b’mod aktar sistematiku fil-politiki kollha tal-UE sabiex tittejjeb ir-reżiljenza tal-Unjoni u jiġi żgurat tfassil ta’ politika tal-UE li jibqa’ validu fil-futur. Jenfasizza bl-istess mod, li l-iżvilupp ta’ kultura ta’ prospettiva strateġika mmirata lejn governanza aħjar fil-livell lokali u reġjonali, u r-rabta msaħħa tagħha ma’ livelli oħra ta’ teħid tad-deċiżjonijiet, huma parti integrali mill-bini ta’ reżiljenza, u governanza antiċipatorja kif ukoll parteċipattiva madwar l-UE u fil-livell globali;

9.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll partijiet interessati lokali u reġjonali oħra u ċ-ċittadini – speċjalment iż-żgħażagħ – għandhom ikunu atturi ċentrali fil-prattika ta’ prospettiva strateġika, u jikkontribwixxu b’mod proattiv għall-għażliet li jiddeterminaw il-futur tagħhom.

Xejriet globali u sfidi lokali u reġjonali

10.

iqis li huwa essenzjali li jiġi identifikat b’mod f’waqtu u sistematiku l-impatt tax-xejriet globali fuq id-dimensjoni lokali u reġjonali. Fil-fatt, koordinament akbar tal-informazzjoni u l-ħiliet li hemm fil-livelli differenti huwa indispensabbli biex wieħed jifhem u jipprepara aħjar għax-xenarji differenti possibbli;

11.

iqis li huwa essenzjali, għalhekk, li jiġu identifikati l-modi u l-mezzi l-aktar adatti għall-awtoritajiet lokali u reġjonali u partijiet interessati lokali u reġjonali rilevanti oħra (pereżempju aġenziji reġjonali tal-iżvilupp) biex jibbenefikaw minn u/jew jikkontribwixxu għal attivitajiet ta’ prospettiva strateġika eżistenti fil-livell Ewropew;

12.

ifakkar li r-rapport tal-ESPAS (1) dwar ix-xejriet globali u r-rapporti dwar il-prospettiva strateġika tal-Kummissjoni jiddeskrivu l-isfidi ewlenin li jaffettwaw il-livelli kollha tal-governanza tal-UE, b’mod partikolari l-ħidma għal awtonomija strateġika miftuħa, il-ħtieġa għall-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima, il-ħtieġa li t-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali tiġi rikonċiljata, li tiġi żgurata s-sostenibbiltà ekonomika u soċjali, u l-bżonn urġenti li jiġu indirizzati d-diskrepanzi territorjali li qed jikbru u l-effetti tal-urbanizzazzjoni li qed isseħħ. Jenfasizza li l-isfida reali tinsab fl-esplorazzjoni ta’ kif ix-xejriet identifikati jistgħu jinteraġixxu ma’ xulxin u li jiġu mifhuma, fi stadju bikri, mhux biss l-impatt lokali u soċjali tagħhom, iżda wkoll dak tal-politiki u d-deċiżjonijiet meħuda fil-livell Ewropew biex jindirizzawhom. Jenfasizza b’mod partikolari l-importanza li jiġi analizzat tajjeb l-impatt tagħhom fuq id-dinja tax-xogħol, il-politiki industrijali u kwalunkwe deterjorazzjoni tad-distakki subnazzjonali u nazzjonali;

13.

jinnota li l-urbanizzazzjoni hija l-qasam fejn jikkonverġu t-tendenzi globali ewlenin, u tista’ titqies bħala forza li qed taċċellera ħafna minnhom; jenfasizza wkoll li l-bliet qed jiffaċċjaw għadd dejjem akbar ta’ sfidi transnazzjonali, u qed jaġixxu dejjem aktar bħala atturi globali. Dan huwa fenomenu importanti għall-ħsieb strateġiku;

14.

jinnota li l-bliet, il-provinċji u r-reġjuni huma postijiet ta’ trasformazzjoni; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li dawn il-proċessi jkunu rregolati permezz ta’ ppjanar spazjali strateġiku, innovattiv, parteċipatorju u fit-tul. Iqis, f’dan is-sens, li approċċ ibbażat fuq il-post, oqfsa ta’ politika multisettorjali (2),proċessi bħall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, l-alleanzi interreġjonali u l-ekosistemi tal-innovazzjoni jistgħu jrawmu mudelli territorjali ġodda għal soċjetajiet aktar sostenibbli, filwaqt li jnaqqsu r-riskju li żoni sħaħ jitħallew jibqgħu lura. Jenfasizza li l-prospettiva strateġika hija għodda adegwata biex jiġu ffaċilitati proċessi bħal dawn;

15.

jitlob aktar diskussjoni fil-fond dwar l-approċċi l-aktar adatti u utli għall-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet li għandhom jintużaw fil-prospettiva strateġika fil-livell lokali u reġjonali, waqt li jitqiesu wkoll il-limitazzjonijiet metodoloġiċi, l-ispeċifiċitajiet u l-isfidi tal-kuntest li fih japplikaw, bħaż-żieda tal-vulnerabbiltajiet soċjali, id-diversità reġjonali u l-fattur li jikkawżaw nuqqas ta’ sodisfazzjon pubbliku.

Il-valur miżjud tal-prospettiva strateġika fil-livell lokali u reġjonali għall-Aġenda għal Regolamentazzjoni aħjar tal-UE

16.

jenfasizza li l-prospettiva strateġika hija parti integrali mill-isforz u l-istrumenti tal-UE għal “Regolamentazzjoni aħjar”, immirati lejn il-produzzjoni ta’ leġiżlazzjoni bbażata fuq l-evidenza, sostenibbli, trasparenti u li “tibqa’ valida għall-futur”, li toħloq l-akbar valur miżjud għaċ-ċittadini tal-Unjoni. Jinnota li dan l-approċċ huwa konformi bis-sħiħ mal-kunċett tal-KtR tas-“sussidjarjetà attiva” (3);

17.

itenni l-appell tiegħu sabiex, f’kollaborazzjoni mill-qrib maċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea, tiġi żviluppata tabella ta’ valutazzjoni tal-vulnerabbiltà territorjali biex jiġu mifhuma u kkunsidrati aħjar ir-riskji relatati ma’ dawn il-vulnerabbiltajiet (4);

18.

itenni li l-livelli kollha ta’ governanza, li jibdew mil-livelli lokali u reġjonali, għandhom elementi importanti x’jikkontribwixxu f’kull stadju taċ-ċiklu tal-ħajja tal-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-UE. Jenfasizza f’dan ir-rigward l-importanza ta’ passi bħal: l-identifikazzjoni konġunta ta’ sfidi futuri u xejriet fit-tul; l-evalwazzjoni bir-reqqa, waqt it-tfassil tal-liġijiet, tal-impatt tagħhom anke fuq livell lokali u reġjonali (inkluż li l-valutazzjonijiet tal-impatt territorjali jsiru obbligatorji); il-verifika tal-kompatibbiltà mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità (inkluż min-naħa tal-KtR u l-livelli ta’ governanza subnazzjonali); ir-reviżjoni tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-valutazzjoni tal-idoneità u l-adegwatezza tagħha wkoll mal-kriterji tal-impatt reġjonali (pereżempju permezz tan-netwerk tar-RegHub tal-KtR u l-pjattaforma Fit for Future). Iqis, barra minn hekk, li l-metodi ta’ prospettiva, bħat-testijiet tal-istress tal-politiki, jistgħu jgħinu fit-tħejjija aħjar għal kriżijiet u avvenimenti ta’ tfixkil; iħeġġeġ ukoll din il-prattika;

19.

jenfasizza li l-ħolqien tal-Grupp ta’ Tmexxija ta’ Regolamentazzjoni Aħjar u Sussidjarjetà Attiva (Grupp BRASS) jiġbor flimkien, fil-livell politiku, l-attivitajiet differenti li l-KtR iwettaq fil-qasam tar-regolamentazzjoni aħjar. Qed tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li f’dan il-Grupp jiġi inkluż membru tal-KtR b’enfasi fuq il-prospettiva strateġika.

Kooperazzjoni interistituzzjonali dwar il-prospettiva

20.

jikkonferma r-rieda tiegħu li jikkontribwixxi għall-isforzi interistituzzjonali favur il-prospettiva strateġika promossi mill-UE, u li jżid il-valur tagħhom. F’dan ir-rigward, jilqa’ l-proposti adottati mill-Konferenza tal-Presidenti tal-KtR fil-Pjan Direzzjonali għall-attività ta’ prospettiva strateġika tal-KtR (2022);

21.

jipproponi t-tisħiħ tal-għarfien u s-sensibilizzazzjoni dwar il-prospettiva strateġika fost il-membri u l-uffiċjali tal-KtR u l-persunal ewlieni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Għal dan il-għan, għandu l-ħsieb li jippromovi attivitajiet ta’ taħriġ adattati għal ħtiġijiet speċifiċi;

22.

jimpenja ruħu li jikkontribwixxi għall-attivitajiet eżistenti ta’ kooperazzjoni interistituzzjonali, bħall-parteċipazzjoni attiva fl-ESPAS, l-analiżi tal-prospettivi u l-identifikazzjoni tal-aktar xejriet rilevanti għall-futur, filwaqt li jagħti importanza lill-perspettiva lokali u reġjonali. Iħeġġeġ, għalhekk, biex ir-rapport tal-Kummissjoni dwar il-prospettiva strateġika u r-rapport ESPAS dwar ix-xejriet globali jinkorporaw din id-dimensjoni;

23.

itenni l-intenzjoni tiegħu li jinkorpora l-approċċ ta’ prospettiva strateġika b’mod trasversali fl-opinjonijiet tal-KtR, u jilqa’ l-fatt li għadd dejjem jikber ta’ studji li jappoġġjaw il-ħidma tal-KtR fihom elementi ta’ prospettiva;

24.

jipproponi wkoll li jrawwem sinerġiji u modi aħjar ta’ skambju bejn il-bliet, il-provinċji u r-reġjuni interessati fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ prospettiva strateġika tagħhom u/jew fil-kondiviżjoni ta’ prattiki tajbin jew proċessi ta’ tagħlim reċiproku;

25.

għalhekk jimpenja ruħu li jagħti vuċi fil-livell Ewropew lill-perspettivi tal-membri tiegħu, kif ukoll li jiġbor u jisfrutta l-ħiliet u l-esperjenza ta’ prospettiva mill-awtoritajiet lokali u reġjonali u korpi lokali oħra;

26.

huwa lest, f’kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet tal-UE, li jippromovi rabta aktar mill-qrib bejn l-attivitajiet ta’ prospettiva strateġika promossi fil-livell lokali, provinċjali u reġjonali u dawk fil-livell nazzjonali; għalhekk jesprimi l-interess tiegħu li jkun infurmat u involut f’inizjattivi promossi mill-Presidenzi ta’ kull sitt xhur tal-Kunsill tal-UE u/jew mill-Kummissjoni f’dan il-qasam;

27.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni (b’mod partikolari l-JRC) u lill-Parlament (b’mod partikolari s-Servizz tal-EPRS) biex jikkooperaw mal-KtR fl-iżvilupp ta’ għodod aċċessibbli faċilment u multilingwi (manwali, korsijiet ta’ taħriġ, settijiet ta’ għodod, eċċ.) sabiex jaġevolaw it-tixrid ta’ għarfien espert komuni u jsaħħu l-istrutturi ta’ prospettiva strateġika tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

28.

jenfasizza li hemm ħafna approċċi għall-prospettiva strateġika u li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jagħżlu, bil-flessibilità meħtieġa, il-metodi li huma l-aktar adatti għall-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet tagħhom, jew ifasslu l-approċċi tagħhom stess;

29.

jistieden lill-JRC biex jaħdem mill-qrib mal-KtR biex jiżviluppa approċċi metodoloġiċi u applikazzjonijiet tematiċi mfassla apposta għall-ħtiġijiet tal-gvernijiet subnazzjonali u tal-partijiet interessati lokali u reġjonali; għaldaqstant, jilqa’ l-kooperazzjoni bejn il-KtR u l-JRC għall-organizzazzjoni ta’ eżerċizzju ta’ prospettiva ddedikat għall-futur tal-Patt Ekoloġiku (il-Grupp ta’ Ħidma tal-KtR dwar “Il-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali”).

Rakkomandazzjonijiet għal prospettiva strateġika b’approċċ lokali u reġjonali

30.

jenfasizza l-importanza li fit-tfassil tal-Aġenda 2024-2029 u l-implimentazzjoni tagħha jiġu inklużi l-perspettiva lokali u reġjonali u viżjoni strateġika wiesgħa; jistieden lill-Parlament, lill-Presidenzi tal-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jieħdu nota tal-importanza ta’ din id-dimensjoni u biex jinkluduha fir-rapporti u l-attivitajiet ta’ prospettiva strateġika tagħhom;

31.

jitlob li jiġi kkonsultat b’mod sistematiku u f’waqtu fil-proċess tat-tħejjija tar-rapport annwali dwar il-prospettiva strateġika tal-Kummissjoni, u jimpenja ruħu li jsaħħaħ l-orjentazzjoni tal-prospettiva strateġika fir-rapport annwali tiegħu dwar l-istat tal-bliet u r-reġjuni fl-UE;

32.

jenfasizza l-valur demokratiku tal-promozzjoni ta’ attivitajiet ta’ prospettiva strateġika parteċipatorji fil-livell lokali u l-importanza tal-kontribut minn isfel għal fuq favur governanza f’diversi livelli u aġenda ta’ żvilupp sostenibbli. Għalhekk iħeġġeġ it-tagħlim u l-involviment taċ-ċittadini u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’eżerċizzji ta’ prospettiva bħall-analiżi tal-prospettivi, l-identifikazzjoni ta’ sinjali ta’ dgħufija u xejriet fit-tul, it-tfassil ta’ xenarji possibbli u l-identifikazzjoni kollettiva ta’ għażliet għall-futur;

33.

jenfasizza li reviżjoni futura tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet għandha tirrikonoxxi b’mod ċar il-prospettiva strateġika bħala element kruċjali ta’ din l-Aġenda. Jenfasizza, f’dan il-kuntest, li l-KtR għandu jingħata kunsiderazzjoni akbar u jkollu rwol aktar inċiżiv, b’mod partikolari fi ħdan il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju, minħabba l-leġittimità politika tal-membri tiegħu u l-esperjenza li jista’ jġib mil-livell lokali u reġjonali;

34.

jenfasizza li l-KtR għandu jkollu aċċess għat-trilogi fil-proċedura ta’ kodeċiżjoni, abbażi tar-reviżjoni tal-Ftehim imsemmi, u jtenni l-impenn tiegħu li jesplora modi ġodda ta’ kif jista’ jinfluwenza d-djalogu interistituzzjonali tal-UE; Dan huwa aktar u aktar rilevanti fil-kuntest tar-rikonoxximent tal-prospettiva strateġika, u tad-dimensjoni lokali u reġjonali tagħha, bħala element ewlieni tal-aġenda tal-UE;

35.

jitlob li jiġi msaħħaħ ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u tal-KtR fit-tfassil tal-politika tal-UE. Iqis, pereżempju, li dawk li jfasslu l-politika għandhom ikunu involuti aktar fit-testijiet tal-istress sabiex jantiċipaw u jirrevedu l-leġiżlazzjoni tal-UE u jadattaw il-politiki (5);

36.

jistieden lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE jappoġġjaw lill-KtR fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ prospettiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali permezz ta’ attivitajiet adegwati ta’ disseminazzjoni u taħriġ għal dawk li jfasslu l-politika fil-livell reġjonali u uffiċjali pubbliċi lokali. Iħeġġeġ il-kooperazzjoni bejniethom biex itejbu l-profil u l-viżibilità tal-attivitajiet ta’ prospettiva strateġika fil-livell lokali u reġjonali fl-istadji kollha tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE;

37.

jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jinvestu fil-prospettiva strateġika u l-kontribut li din tista’ tagħti, pereżempju f’termini ta’ ppjanar spazjali li jħares aktar ’il quddiem, sistemiku, koerenti u parteċipatorju, u strateġiji ta’ żvilupp aktar innovattivi u sostenibbli.

Brussell, 11 ta’ Ottubru 2023

Vasco ALVES CORDEIRO

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni


(1)  Sistema Ewropea ta’ Analiżi tal-Istrateġiji u l-Politiki.

(2)  Pereżempju, oqfsa ta’ politika li jikkombinaw politiki industrijali, ta’ innovazzjoni u edukattivi.

(3)  Involviment kostruttiv tal-livelli kollha ta’ governanza fil-ħolqien tal-valur miżjud tal-UE.

(4)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “It-tħejjija għall-kriżijiet u l-indirizzar tagħhom: it-tisħiħ tar-reżiljenza tal-Unjoni, tar-reġjuni u tal-bliet tagħha” (ĠU C 257, 21.7.2023, p. 6).

(5)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Awtorità għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa (ĠU C 301, 5.8.2022, p. 33).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1327/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)