European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2023/1186

27.11.2023

Pubblikazzjoni ta’ emenda standard approvata għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta jew Indikazzjoni Ġeografika Protetta fis-settur tal-prodotti agrikoli u tal-oġġetti tal-ikel, imsemmija fl-Artikolu 6b(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014

(C/2023/1186)

Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata f’konformità mal-Artikolu 6b(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 (1).

KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD GĦALL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA’ DENOMINAZZJONI TA’ ORIĠINI PROTETTA/INDIKAZZJONI ĠEOGRAFIKA PROTETTA LI TORIĠINA FI STAT MEMBRU

(ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012)

“Sierra de Segura”

Nru tal-UE: PDO-ES-0071-AM01 — 31.8.2023

DOP (X) IĠP ( )

1.   L-isem tal-prodott

“Sierra de Segura”

2.   Stat Membru li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika

Spanja

3.   L-awtorità tal-Istat Membru li qed tikkomunika l-emenda standard

MINISTERU TAL-AGRIKOLTURA, SAJD, ILMA U ŻVILUPP RURALI — DIRETTORAT ĠENERALI TAL-INDUSTRIJA, L-INNOVAZZJONI U L-KATINA AGROALIMENTARI

4.   Deskrizzjoni tal-emenda approvata jew tal-emendi approvati

Spjegazzjoni li l-emenda jew l-emendi jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ emenda standard kif previst fl-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012: L-emenda approvata taqa’ taħt id-definizzjoni ta’ emenda standard peress li ma tinkludi ebda tibdil fl-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta, ma tħassarx ir-rabta stabbilita fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u ma timplika ebda restrizzjoni ġdida fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott.

1.   Tfassil ta’ Dokument Uniku

Dan id-Dokument Uniku huwa mfassal mill-ġdid peress li d-dokument ekwivalenti ma ġiex ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara li ġie inkluż fir-Reġistru bħala Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta “Sierra de Segura”, skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96 tat-12 ta’ Ġunju 1996 dwar ir-reġistrazzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta’ oriġini taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 (2).

L-emenda taffettwa d-Dokument Uniku.

2.   Emenda tad-deskrizzjoni tal-prodott biex tiġi adattata għar-rekwiżiti stabbiliti għaż-żejt taż-żebbuġa ekstra verġni

Emenda tat-Taqsima B. Deskrizzjoni tal-prodott tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott biex jiġu adattati r-rekwiżiti stabbiliti għal dawk tal-ogħla kwalità, żejt taż-żebbuġa ekstra verġni, f’konformità mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2104 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

Il-formulazzjoni attwali:

“Żejt taż-Żebbuġa Verġni miksub mill-frott tas-siġar taż-żebbuġ (Olea Europea, L.), tal-varjetajiet Picual, Verdala, Royal u Manzanillo de Jaén, b’tekniki mekkaniċi jew b’mezzi fiżiċi oħrajn li ma jalterawx iż-żejt, u jippreservaw it-togħma, l-aroma u l-karatteristiċi tal-frott li minnu jinkiseb.

Iż-żebbuġ mill-varjetajiet awtorizzati, maħsud direttament mis-siġra meta jkun laħaq il-grad ta’ maturità li jagħti żjut bit-togħma ta’ frott bil-karatteristiċi meħtieġa.

Iż-żjut ta’ din id-denominazzjoni għandu jkollhom l-ispeċifikazzjonijiet analitiċi li ġejjin:

Aċidità. Sa massimu ta’ lo.”

Ġiet sostitwita bi:

“Żejt taż-Żebbuġa Ekstra Verġni miksub mill-frott tas-siġar taż-żebbuġ (Olea Europea, L.), tal-varjetajiet Picual, Verdala, Royal u Manzanillo de Jaén, b’tekniki mekkaniki jew b’mezzi fiżiċi oħrajn li ma jalterawx iż-żejt, u jippreservaw it-togħma, l-aroma u l-karatteristiċi tal-frott li minnu jinkiseb.

Iż-żebbuġ mill-varjetajiet awtorizzati, maħsud direttament mis-siġra meta jkun laħaq il-grad ta’ maturità li jagħti żjut bit-togħma ta’ frott bil-karatteristiċi meħtieġa.

Iż-żjut ta’ din id-denominazzjoni għandu jkollhom l-ispeċifikazzjonijiet analitiċi li ġejjin:”

Raġunament:

Bil-għan li jkunu koperti biss il-prodotti ta’ kwalità ogħla, għandu jsir tali aġġornament tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott skont ir-regoli fis-seħħ relatati maż-żejt taż-żebbuġa, sabiex iż-żejt kopert ikun biss dak tal-ogħla kwalità kummerċjali, l-ekstra verġni, hekk kif huwa definit fir-Regolament Delegat (UE) 2022/2104. Għaldaqstant qed jiġi inkluż it-terminu “ekstra”.

L-emenda taffettwa d-Dokument Uniku.

3.   Tibdiliet amministrattivi. Inklużjoni ta’ muniċipju mingħajr emenda taż-żona ġeografika minħabba segregazzjoni ta’ muniċipju ieħor.

Emenda tat-Taqsima C. Żona Ġeografika.

It-tieni paragrafu huwa emendat:

“Iż-żona ta’ produzzjoni hija ffurmata mill-artijiet li jagħmlu parti mill-muniċipalitajiet ta’ Beas de Segura, Benatae, Chiclana de Segura, Génave, Hornos de Segura, Orcera, La Puerta de Segura, Puente Génave, Segura de la Sierra, Santiago-Pontones, Siles, Torres de Albanchez u Villarrodrigo”.

U ġie sostitwit bi:

“Iż-żona ta’ produzzjoni hija ffurmata mill-artijiet li jagħmlu parti mill-muniċipalitajiet ta’ Arroyo del Ojanco, Beas de Segura, Benatae, Chiclana de Segura, Génave, Hornos de Segura, Orcera, La Puerta de Segura, Puente Génave, Segura de la Sierra, Santiago-Pontones, Siles, Torres de Albanchez u Villarrodrigo”.

Raġunament:

Wara li ġiet irreġistrata d-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta “Sierra de Segura”, il-muniċipalità ta’ Arroyo del Ojanco ma baqgħetx tagħmel parti mill-muniċipalità ta’ Beas de Segura, f’konformità mad-Digriet 469/1994, tat-13 ta’ Diċembru. Għaldaqstant, ma hemm ebda emenda taż-żona ġeografika.

L-emenda taffettwa d-Dokument Uniku.

4.   Tħassir tal-paragrafu relatat mas-superfiċe totali taż-żona ta’ produzzjoni

Emenda tat-Taqsima C. Żona Ġeografika.

It-tielet paragrafu jitħassar:

“Is-superfiċe totali taż-żona ta’ produzzjoni tkopri 196 081 ettaru, li 38 819 ettaru minnhom jikkonsistu f’siġar taż-żebbuġ, li jirrappreżentaw 19,80 % tas-superfiċe totali, fejn Beas de Segura b’14 325 ettaru huwa r-raħal fejn l-iżjed li jiġi prodott żebbuġ, segwit minn La Puerta de Segura b’4 066 ettaru.”

Raġunament:

Dan il-paragrafu qed jiġi mħassar għaliex fih data speċifika dwar is-superfiċe ta’ produzzjoni u dik okkupata minn siġar taż-żebbuġ relatata ma’ żmien partikolari, mentri din hija data li dejjem tinbidel u għalhekk issa hija skaduta.

L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

5.   Tħassir tal-obbligu tal-imballaġġ fiż-żona ta’ produzzjoni u preparazzjoni

Qed jiġi emendat ir-raba’ paragrafu tal-punt C. Żona Ġeografika:

“Iż-żona tal-preparazzjoni u tal-imballaġġ hija l-istess bħal dik tal-produzzjoni”.

Hija sostitwita bi:

“Iż-żona tal-preparazzjoni hija l-istess bħaż-żona tal-produzzjoni”.

Raġunament:

Qed titħassar kwalunkwe restrizzjoni ġeografika rigward l-imballaġġ. L-emenda mitluba hija meqjusa standard għaliex ma taffettwa lil ebda karatteristika essenzjali tal-prodott. Min-naħa l-oħra, din tħassar restrizzjoni għat-tqegħid fis-suq, billi r-raġuni wara t-talba għal emenda hija proprju li tiffaċilita u ttejjeb il-kummerċjalizzazzjoni tiegħu.

L-emenda taffettwa d-Dokument Uniku.

6.   Tħassir tal-obbligu ta’ imballaġġ fiż-żona ta’ produzzjoni u preparazzjoni

Emenda tat-Taqsima D. tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Elementi li juru li l-prodott joriġina miż-żona.

Qed jiġu emendati d-disa’ u l-għaxar paragrafi:

“3.

Iż-żejt għandu jinkiseb minn imtieħen irreġistrati u taħt il-kontroll tal-ispetturi awtorizzati mill-Bord.

4.

Iż-żejt għandu jinħażen u jiġi mballat f’impriżi, li jinsabu fiż-żona ta’ produzzjoni, li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti u li jkunu ġew irreġistrati.”

U ġie sostitwit bi:

“3.

Iż-żejt għandu jinkiseb minn imtieħen irreġistrati u taħt il-kontroll tal-korp delegat inkarigat miċ-ċertifikazzjoni tal-prodott protett.

4.

Iż-żejt għandu jinħażen u jiġi mballat f’impriżi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti.”

Raġunament:

L-emenda tad-disa’ paragrafu, it-tielet punt, hija bbażata fuq it-tħassir ta’ aspetti li ma jitwettqux mill-Bord Regolatorju, il-kontroll tal-prodott, peress li huwa l-korp delegat li jieħu ħsieb jivverifika li tinżamm il-konformità mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

Ir-raġunament wara l-emenda tal-għaxar paragrafu, il-punt 4, ġie deskritt fil-punt 3.2.3.

L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

7.   Emendi dwar il-kontrolli u t-traċċabbiltà

Emenda tat-Taqsima D. tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Elementi li juru li l-prodott joriġina miż-żona.

Jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Il-kumpaniji tal-imballaġġ għandu jkollhom sistema ta’ kontroll tal-kwalità li tiżgura t-traċċabbiltà, il-konservazzjoni, l-imballaġġ u t-tikkettar b’mod korrett tal-prodott iċċertifikat, f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’din l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, kif ukoll kwalunkwe rekwiżit legali ieħor li japplika għar-reġjun fejn ikunu jinsabu l-impjanti ta’ imballaġġ tagħhom.”

Raġunament:

L-emenda ma taffettwax ir-rekwiżiti meħtieġa fid-deskrizzjoni tal-prodott. Hija għandha l-għan li tiddeskrivi l-kontroll tal-produzzjoni u tal-imballaġġ tal-prodott iċċertifikat biex tiżgura li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti stabbiliti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

8.   Emenda tal-azzjonijiet ta’ kontroll imwettqa mill-Bord Regolatorju

Emenda tat-Taqsima E tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Ksib tal-Prodott b’rabta mal-kontrolli u t-traċċabbiltà tal-prodott.

Qed jiġu emendati s-sitt u s-seba’ paragrafi:

“Il-Bord għandu jissorvelja r-rendiment ta’ żejt mill-frott mitħun u jikkataloga ż-żejt estratt sabiex jiżgura li dan ikun ta’ kwalità xierqa.

Ladarba jkun iċċertifika l-kwalità taż-żejt ipproċessat, il-Bord Regolatorju għandu jikkontrolla l-imballaġġ tal-prodott, li għandu jsir f’impjanti tal-imballaġġ irreġistrati, u għandu jipprovdi t-tikketti taċ-ċertifikazzjoni enumerati korrispondenti.”

Hija sostitwita bi:

“Il-Bord għandu jissorvelja r-rendiment ta’ żejt mill-frott mitħun u ż-żejt estratt.

Ladarba l-korp ta’ kontroll delegat ikun iċċertifika l-kwalità taż-żejt ipproċessat, l-imballaġġ jista’ jsir fl-impjanti tal-impriżi rreġistrati fir-reġistri tal-Bord Regolatorju, jew f’impjanti tal-imballaġġ awtorizzati minnu, ta’ operaturi lokalizzati fiż-żona ġeografika jew barra minnha, li jipparteċipaw fil-fażi tal-imballaġġ biss, u li jixtru ż-żejt iċċertifikat bl-użin mingħand fabbriki rreġistrati.

Il-Bord Regolatorju għandu jipprovdi t-tikketti taċ-ċertifikazzjoni enumerati korrispondenti lill-impjanti tal-imballaġġ irreġistrati jew awtorizzati, biex dawn iwaħħluhom maż-żjut protetti”.

Raġunament:

Is-sitt paragrafu qed jiġi eliminat biex jitħassru aspetti li ma jitwettqux mill-Bord Regolatorju, l-ikkatalogar u l-kwalifikazzjoni ta’ prodott, peress li huma responsabbiltà tal-operaturi f’konformità mal-istandard UNE-EN ISO/IEC 17065. Dan l-istandard li jirregola ċ-ċertifikazzjoni tal-prodott jistabbilixxi li l-korp delegat jieħu ħsieb jivverifika l-kompetenza teknika tal-entità rreġistrata. L-ikkatalogar u l-kwalifikazzjoni tal-prodott huma attivitajiet imwettqa mill-operaturi bħala parti mill-kompetenza teknika li għandhom juru lill-korp ta’ kontroll innominat.

Ir-raġunament wara l-emenda tas-seba’ paragrafu ġie deskritt fil-punt 3.3.2.

L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

9.   Aġġornament tal-Korp ta’ Spezzjoni

Emenda tat-titolu u tal-kontenut tat-Taqsima G tal-Ispeċifikazzjonijet tal-Prodott. Korp ta’ Spezzjoni.

Jitħassar il-paragrafu kollu u jiġi inkluż it-test li ġej:

“G. VERIFIKA TAL-KONFORMITÀ MAL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT

Verifika tal-konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott qabel ma l-prodott jitqiegħed fis-suq.

L-awtorità kompetenti nnominata bħala responsabbli għall-verifiki hija d-Direttorat Ġenerali għall-Industrija, l-Innovazzjoni u l-Katina Agroalimentari tal-Ministeru tal-Agrikoltura, Sajd, Ilma u Żvilupp Rurali tal-Gvern tal-Komunità Awtonoma tal-Andalusija,

C/ Tabladilla, s/n, 41071 Sevilla.

Tel. 955 032278, Fax: 955032112.

Email: dgiica.capadr@juntadeandalucia.es

L-informazzjoni dwar il-korpi delegati inkarigati mill-kontroll tal-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ispeċifikazzjoni tista’ tinstab fl-indirizz li ġej: https://lajunta.es/493fs

U l-funzjonijiet speċifiċi jiddependu mill-kontrolli li jsiru fuq il-konformità mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott qabel ma l-prodott jitqiegħed fis-suq.”

Raġunament:

Dan il-paragrafu qed jiġi emendat sabiex jiġi adattat it-titolu u l-kontenut tal-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (4).

L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

10.   Tħassir tat-Taqsima I. Rekwiżiti Leġiżlattivi Nazzjonali

Qed titħassar din it-taqsima u l-kontenut kollu tagħha.

Raġunament:

Ma huwiex xieraq li l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tkun tinkludi r-rekwiżiti leġiżlattivi nazzjonali peress li ma jagħmlux parti mill-istruttura attwali tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

DOKUMENT UNIKU

“Sierra de Segura”

Nru tal-UE: PDO-ES-0071-AM01 — 31.8.2023

DOP (X) IĠP ( )

1.   Isem/Ismijiet [tad-DOP jew tal-IĠP]

“Sierra de Segura”

2.   Stat membru jew pajjiż terz

Spanja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott [elenkat fl-Anness XI]

Klassi 1.5. Żjut u xaħmijiet (butir, marġerina, żejt, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Żejt taż-Żebbuġa Ekstra Verġni miksub mill-frott tas-siġar taż-żebbuġ (Olea Europea, L.), tal-varjetajiet Picual, Verdala, Royal u Manzanillo de Jaén, b’tekniki mekkaniki jew b’mezzi fiżiċi oħrajn li ma jalterawx iż-żejt, u jippreservaw it-togħma, l-aroma u l-karatteristiċi tal-frott li minnu jinkiseb.

Iż-żebbuġ mill-varjetajiet awtorizzati, maħsud direttament mis-siġra meta jkun laħaq il-grad ta’ maturità li jagħti żjut bit-togħma ta’ frott bil-karatteristiċi meħtieġa.

Iż-żjut ta’ din id-denominazzjoni għandu jkollhom l-ispeċifikazzjonijiet analitiċi li ġejjin:

 

Indiċi tal-perossidu. Inqas minn 19.

 

K 270. Inqas minn 0,20.

 

Ndewwa. Massimu ta’ 0,1 għal kull 100.

 

Impuritajiet. Massimu ta’ 0,1 għal kull 100.

Iż-żjut għandu jkollhom il-karatteristiċi organolettiċi tal-prodotti minn din iż-żona, għandu jkollhom lewn safrani fl-aħdar, b’aroma ta’ frott, aromatiċi, kemm kemm morri u stabbli ferm.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti proċessati biss)

Żjut ippreparati b’mod obbligatorju minn żebbuġ san u maqtugħ direttament mis-siġra, maqtugħ f’imsaġar taż-żebbuġ irreġistrati taż-żona ġeografika definita fil-punt 4, u li jkunu jikkorrispondu wkoll għal waħda mill-varjetajiet indikati fil-punt 3.2.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-fażijiet tal-produzzjoni taż-żebbuġ u tal-preparazzjoni taż-żejt għandhom isiru fiż-żona ġeografika deskritta fil-punt 4.

It-tħin taż-żebbuġ għandu jsir fi mtieħen irreġistrati u f’temp ta’ żmien li m’għandu qatt jaqbeż it-48 siegħa minn x’ħin ikun inqata’.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

Iż-żejt għandu jinħażen u jiġi mballat f’impriżi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti.

Il-prodott għandu jiġi soġġett għal analiżi fiżikokimika u organolettika li tiggarantixxi l-kwalità tiegħu.

Għandu jiġi mballat u jinħareġ fis-suq biss iż-żejt li jgħaddi mill-kontrolli kollha ta’ matul il-proċess, bil-garanzija ta’ oriġini tiegħu, iċċertifikata bit-tikketta taċ-ċertifikazzjoni enumerata tal-Bord Regolatorju.

In-numru fuq it-tikketti taċ-ċertifikazzjoni li jipprovdi l-Bord Regolatorju lill-impriżi ta’ imballaġġ, għaċ-ċertifikazzjoni tal-prodott protett, għandu jkun skont ir-rendiment ta’ żejt u skont kemm ikun jesa’ l-imballaġġ li fih il-prodott ikun se jinħareġ fis-suq.

Il-kumpaniji tal-imballaġġ għandu jkollhom sistema ta’ kontroll tal-kwalità li tiżgura t-traċċabbiltà, il-konservazzjoni, l-imballaġġ u t-tikkettar b’mod korrett tal-prodott iċċertifikat, f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’din l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, kif ukoll kwalunkwe rekwiżit legali ieħor li japplika għar-reġjun fejn ikunu jinsabu l-impjanti ta’ imballaġġ tagħhom.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott li għalihom jirreferi l-isem irreġistrat

It-tikketti kummerċjali, proprji ta’ kull ditta kummerċjali rreġistrata, għandhom ikunu approvati mill-Bord Regolatorju.

Fuqhom, b’mod obbligatorju, għandu jidher il-kliem: “Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta ‘Sierra de Segura’ ”.

Kwalunkwe tip ta’ imballaġġ li fih jinħareġ żejt protett għall-konsum għandu jkun attrezzat b’siġill ta’ garanzija, tikketta taċ-ċertifikazzjoni jew tikketta taċ-ċertifikazzjoni enumerata u maħruġa mill-Bord Regolatorju, li għandha titqiegħed fuq l-imballaġġ b’tali mod li ma tkunx tista’ terġa’ tintuża.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ta’ produzzjoni hija ffurmata mill-artijiet li jagħmlu parti mill-muniċipalitajiet ta’ Arroyo del Ojanco, Beas de Segura, Benatae, Chiclana de Segura, Génave, Hornos de Segura, Orcera, La Puerta de Segura, Puente Génave, Segura de la Sierra, Santiago-Pontones, Siles, Torres de Albanchez u Villarrodrigo.

Iż-żona tal-immaniġġjar u tal-ipproċessar hija l-istess bħaż-żona tal-produzzjoni.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Iż-żejt minn din iż-żona jippreżenta karatteristiċi organolettiċi u analitiċi li huma deskritti fit-taqsima dwar id-deskrizzjoni tal-prodott, u li jorbtuh mal-ambjent tiegħu, bil-kundizzjonijiet li fih jitkabbar u jiġi prodott.

a)   Fatturi storiċi

L-imsaġar taż-żebbuġ matul iż-żminijiet dejjem kienu jikkostitwixxu s-sors ewlieni ta’ attività ekonomika f’din iż-żona billi f’diversi opri tal-arti, qwiel u drawwiet hemm referenzi għas-siġar taż-żebbuġ, għaż-żebbuġ u għaż-żejt.

b)   Fatturi Naturali

—   Orografija

L-orografija tad-distrett ta’ Sierra de Segura hija inugwali u frammentata, b’firxa notevoli ta’ speċijiet ta’ siġar tal-foresti u siġar taż-żebbuġ li f’xi postijiet jitħalltu. Fiha xaqlibiet tal-għoljiet li huma diffiċli biex jinħadmu. L-ogħla punt jinsab f’El Yelmo, fil-muniċipju ta’ Segura de la Sierra, li huwa għoli 1 809 metru.

L-għoli medju taż-żona ta’ produzzjoni huwa ta’ 899 metru, u r-raħal li jinsab l-aktar fil-baxx huwa Puente Génave, f’għoli ta’ 548 metru.

—   Il-ħamrija

Il-ħamrija taż-żona ta’ produzzjoni ffurmat b’materjali Sekondarji u Terzjarji, tippreżenta profondità varjabbli u mingħajr pajsaġġi li jistgħu jiġu kkaretterizzati faċilment minħabba li huma b’mod predominanti taflin u bix-xaħx. Il-konsistenza hija varjabbli, u tvarja minn taflija u bix-xaħx għal taflija u ramlija fis-saff l-aktar għammiel u l-aktar kompatt bħala profondità.

Hemm ukoll firxa konsiderevoli ta’ litosoli fuq ġebel tal-ġir mesożojku, li għandhom topografija xejn uniformi u huwa biss f’punti kemxejn ċatti li jiffurmaw daqsxejn ħamrija fil-wiċċ.

Dawn il-karatteristiċi jwasslu biex f’din iż-żona is-siġar taż-żebbuġ isibu l-ħamrija perfetta biex ikunu jistgħu jiżviluppaw u jipproduċu ż-żebbuġ li minnhom jiġi prodott iż-żejt karatteristiku ta’ din iż-żona.

—   Il-Klima

Il-klima hija estrema, bit-temperaturi jvarjaw bejn massimu ta’ 35o C. u minimu ta’ -8o C., b’xita medja annwali ta’ bejn 500 u 700 mm.

—   L-Idroloġija

L-idroloġija taż-żona hija kkaratterizzata mill-presenza tax-xmajjar Molinos u Martes, li huma affluwenti tax-xmara Guadalimar, ix-xmara Herreros li hija affluwenti tax-xmara Guadalmena, li huma t-tnejn affluwenti tax-xmara Guadalquivir, u x-xmajjar Hornos u Madera, li huma affluwenti tax-xmara Segura.

c)   Kundizzjonijiet tal-kultivazzjoni

—   Distanzi tat-tħawwil

It-tqassim tad-densità tal-pjantaġġuni tas-siġar taż-żebbuġ jippreżenta varjazzjonijiet żgħar minn muniċipju għall-ieħor, bil-maġġoranża tagħhom fihom bejn 100 u 130 siġra għal kull ettaru, bis-siġar imħawlin f’ringieli irregolari b’distanza ta’ 10 metri bejn siġra u oħra.

—   Il-ħdim tar-raba’

Fuq artijiet fejn jistgħu jintużaw magni, ir-raba’ spiss jinħadem bit-trattur tar-roti, li huwa atrezzat b’xatba għat-tixtib tar-raba’ b’diski jew b’mutur tal-ħart b’saqajn flessibbli. Ġeneralment l-art tinħadem tliet darbiet minn tmiem ix-xitwa sal-bidu tas-sajf, u jsir xi ħrit addizzjonali superfiċjali fis-sajf u mill-ġdid ħrit ħafif fil-ħarifa, meta tagħmel xi xita bikrija.

F’żoni li għandhom topografija irregolari, ir-raba’ għadu jinħadem bil-mod tradizzjonali.

—   Il-ħsad

Il-ħsad isir bl-użu tal-metodu “ordeño” (ħsad bl-idejn) li jikkonsisti fil-ġbir tal-frott bl-idejn direttament mis-siġra, u huwa biss iż-żebbuġ miġbur b’dan il-metodu li għandu jiġi maħdum f’żejt protett.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

https://www.juntadeandalucia.es/organismos/agriculturapescaaguaydesarrollorural/areas/industrias-agroalimentarias/calidad/paginas/denominaciones-calidad-aceite-oliva.html


(1)   ĠU L 179, 19.6.2014, p. 17.

(2)   ĠU L 148, 21.6.1996, p. 1.

(3)   ĠU L 284, 4.11.2022, p. 1.

(4)   ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1186/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)