|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje C |
|
C/2023/1108 |
4.12.2023 |
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-26 ta’ Ottubru 2023 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Verwaltungsgerichtshof – l-Awstrija) – BM vs Gebühren Info Service GmbH (GIS)
(Kawża C-249/22 (1), GIS)
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) - Direttiva 2006/112/KE - Artikolu 2(1)(ċ) - Provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas - Kunċett - Attivitajiet ta’ organu pubbliku tar-radju u tat-televiżjoni ffinanzjati minn miżata obbligatorja mħallsa mid-detenturi ta’ riċevitur tar-radju u tat-televiżjoni li jinsabu fiż-żona ta’ xandir terrestri - Artikolu 378(1) u l-punt 2 tal-Parti A tal-Anness X - Att ta’ Adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija - Deroga - Kamp ta’ applikazzjoni)
(C/2023/1108)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Verwaltungsgerichtshof
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: BM
Konvenut: Gebühren Info Service GmbH (GIS)
Fil-preżenza ta’: Bundesministerium für Finanzen, Österreichischer Rundfunk
Dispożittiv
L-Artikolu 2(1)(ċ) u l-Artikolu 378(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, moqrija flimkien mal-Artikolu 151(1) u mat-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-punt 2(h) tal-Parti IX tal-Anness XV tal-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Iżvezja u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea,
għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
ma jżommux lir-Repubblika tal-Awstrija milli tissuġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud attività ta’ xandir pubbliku, iffinanzjata minn miżata legali obbligatorja u mħallsa minn kull persuna li tuża apparat riċevitur tax-xandir ġewwa bini li jinsab f’żona koperta mix-xandir terrestri tal-korp pubbliku tax-xandir ikkonċernat, irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk l-attività ta’ xandir pubbliku kkonċernata taqax taħt il-kunċett ta’ “provvisti ta’ servizzi bi ħlas”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 2(1)(ċ).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1108/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)