European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2023/1072

15.12.2023

P9_TA(2023)0203

Pjan direzzjonali dwar Ewropa Soċjali: sentejn wara Porto

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Mejju 2023 dwar pjan direzzjonali lejn Ewropa soċjali – sentejn wara s-Summit Soċjali ta' Porto (2023/2586(RSP))

(C/2023/1072)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR), ipproklamat solennement mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-17 ta' Novembru 2017,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Marzu 2021 bit-titolu “Il-Pjan ta' Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali” (COM(2021)0102),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Porto tal-Kunsill Ewropew tat-8 ta' Mejju 2021,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Settembru 2022 dwar l-istrateġija Ewropea għall-kura (COM(2022)0440),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2022 dwar l-aċċess għall-kura fit-tul affordabbli u ta' kwalità għolja (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta' Jannar 2023 dwar introjtu minimu adegwat li jiżgura inklużjoni attiva (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-15 ta' Marzu 2023 dwar introjtu minimu adegwat li jiżgura inklużjoni attiva (3),

wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

A.

billi l-iżvilupp sostenibbli huwa objettiv fundamentali tal-UE; billi t-tliet pilastri interkonnessi tal-iżvilupp sostenibbli huma l-pilastru ekonomiku, il-pilastru soċjali u l-pilastru ambjentali; billi l-iżvilupp sostenibbli huwa bbażat, fost affarijiet oħra, fuq livelli massimi ta' impjiegi, progress soċjali u ġustizzja; billi objettiv fundamentali tal-UE, kif stabbilit fl-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, huwa li tinkiseb ekonomija tas-suq soċjali kompetittiva ħafna, li timmira lejn livell massimu ta' impjiegi u progress soċjali; billi l-enfasi bħalissa tinsab fuq is-sostenibbiltà ekonomika u ambjentali;

B.

billi l-EPSR ġie pproklamat fl-2017 f'Gothenburg, u fassal 20 prinċipju u stabbilixxa ġabra ta' regoli soċjali favur Ewropa soċjali b'saħħitha li tkun ġusta, inklużiva u mimlija opportunitajiet fis-seklu 21; billi fis-Summit Soċjali ta' Porto f'Mejju 2021, il-Kunsill impenja ruħu għal tliet miri ewlenin għall-2030 dwar l-impjiegi, it-taħriġ u l-faqar; billi, sal-2030, mill-inqas 78 % tal-popolazzjoni ta' bejn l-20 u l-64 sena għandu jkollha impjieg; billi l-kwalità tal-impjieg u l-kundizzjonijiet tax-xogħol jibqgħu barra l-ambitu ta' din il-mira; billi mill-inqas 60 % tal-adulti kollha għandhom jipparteċipaw f'taħriġ kull sena; billi, sal-2030, l-għadd ta' persuni f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali għandu jitnaqqas b'mill-inqas 15-il miljun – ħames miljuni minnhom għandhom ikunu tifel u tifla; billi skont l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, ir-riskju ta' mobbiltà 'l isfel fost l-unitajiet domestiċi b'introjtu medju inferjuri żdied fl-aħħar għoxrin sena u huwa mistenni li jkompli jiżdied (4); billi t-tliet miri ewlenin ma jkoprux l-implimentazzjoni sħiħa tal-EPSR;

C.

billi l-miri ewlenin stabbiliti mill-Kummissjoni ġew implimentati mill-Istati Membri fl-aħħar sena; billi l-kriżijiet addizzjonali minn meta ġew deċiżi l-miri poġġew pressjoni addizzjonali fuq l-ilħuq ta' dawn il-miri; billi ħames Stati Membri laħqu l-miri nazzjonali tagħhom dwar l-impjiegi, u nofs l-Istati Membri qabżu l-mira ta' 78 % dwar l-impjiegi; billi, madankollu, il-projezzjonijiet juru li mhux l-Istati Membri kollha se jilħqu l-mira tal-impjiegi sal-2030 (5);

D.

billi l-ekonomija soċjali hija xprunatur ewlieni għall-implimentazzjoni tal-EPSR u tista' tikkontribwixxi b'mod attiv għall-ilħuq tal-miri ewlenin sal-2030;

E.

billi l-inflazzjoni fil-livell tal-UE żiedet l-għoli tal-ħajja tal-unitajiet domestiċi medjani b'madwar 10 %, l-inċidenza ta' deprivazzjoni materjali u soċjali b'madwar 2 % u r-rata tal-faqar enerġetiku u l-faqar monetarju assolut b'madwar 5 %; billi fi Stati Membri determinati u fost gruppi vulnerabbli, l-effetti soċjali korrispondenti huma mistennija li jkunu ferm u ferm ogħla; billi dan x'aktarx li jkabbar id-distakki eżistenti fil-faqar u l-esklużjoni soċjali madwar l-UE (6); billi l-Ewropa teħtieġ viżjoni ġdida biex issir post industrijali innovattiv sal-2050, speċjalment fil-kuntest tal-Att dwar it-Tnaqqis tal-Inflazzjoni tal-Istati Uniti u pjanijiet oħra ta' investiment simili minn pajjiżi oħra mhux tal-UE;

F.

billi skont l-Eurofound, fl-2021 l-ebda Stat Membru ma laħaq il-mira ta' 60 % f'korsijiet ta' taħriġ (imħallsa mill-impjegatur); billi d-data turi wkoll li dawk l-aktar fil-bżonn ta' taħriġ (iż-żgħażagħ, dawk li jkunu kisbu livelli aktar baxxi ta' edukazzjoni u dawk f'okkupazzjonijiet b'livell baxx ta' ħiliet) kienu dawk li bbenefikaw l-inqas;

G.

billi f'Settembru 2022 il-Kummissjoni ppreżentat strateġija Ewropea għall-kura u f'Diċembru 2022 il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kura fit-tul biex jiġi implimentat il-prinċipju 18 tal-EPSR; billi l-pandemija tal-COVID-19 żvelat u enfasizzat il-kundizzjonijiet tax-xogħol mhux sostenibbli tal-persuni professjonali li jindukraw, il-piż kbir fuq il-persuni li jindukraw b'mod informali fin-nuqqas ta' servizzi ta' kura formali u l-esponiment għoli tal-persuni fil-bżonn ta' kura għal infezzjonijiet, mard serju u fatalitajiet; billi l-kura bbażata fil-komunità u l-kura fid-dar urew li jnaqqsu l-esponiment tal-persuni fil-bżonn għall-kura tal-infezzjonijiet; billi fir-rapport tiegħu tal-2021 dwar il-kura fit-tul, il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali żvela l-ħtiġijiet tal-kura fit-tul iżidu r-riskju tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali; billi, fid-dawl tal-iżviluppi demografiċi, il-kura fit-tul għandha ssir aktar aċċessibbli, u għandha tiġi żgurata l-indipendenza u l-kwalità tal-kura, jiġu pprovduti kundizzjonijiet tax-xogħol sostenibbli u jiġu appoġġjati l-persuni li jindukraw b'mod informali;

1.

Itenni l-importanza tal-adozzjoni tal-konklużjonijiet tas-Summit Soċjali ta' Porto tal-2021, li jissottolinjaw li għadna qed ngħixu fi żminijiet mingħajr preċedent; jinnota li l-COVID-19 u l-gwerra ta' aggressjoni Russa li għaddejja kontra l-Ukrajna, li tinsab fuq l-għatba tagħna, irriżultaw fi kriżijiet tal-għoli tal-ħajja u tal-enerġija, li qed jolqtu bl-aktar mod iebes lill-gruppi l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna, u wasslu għal żieda fl-inugwaljanzi; jtenni l-importanza tal-EPSR bħala boxxla ta' gwida għal Ewropa aktar soċjali u jilqa' l-pjan ta' azzjoni tiegħu f'dan ir-rigward; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw l-innovazzjoni soċjali bħala mutur ewlieni biex jindirizzaw l-isfidi soċjoekonomiċi u jħeġġiġhom iqisu r-rakkomandazzjoni tal-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-pjan ta' azzjoni tal-UE għall-ekonomija soċjali (7); jisħaq, madankollu, li l-miri ewlenin dwar l-impjiegi, il-ħiliet u l-faqar li jirriżultaw għall-2030, stabbiliti mill-Kummissjoni u approvati mill-Kunsill, mhumiex biżżejjed biex jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom; jenfasizza li l-EPSR huwa għodda b'saħħitha biex jiġi żgurat li l-proġett Ewropew ikun jista' jaġixxi bħala tarka b'saħħitha li tipproteġi s-saħħa, is-sikurezza u l-kundizzjonijiet tal-għajxien tan-nies tiegħu; jisħaq li d-djalogu soċjali, id-demokrazija fuq il-post tax-xogħol u d-dritt għal negozjar kollettiv huma kruċjali għall-implimentazzjoni tal-EPSR u għall-kisba ta' konverġenza 'l fuq tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol madwar l-Ewropa;

2.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jieħdu miżuri biex itaffu l-impatt tal-kriżijiet fuq in-nies u fuq is-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri sabiex dawniżommu r-rati tal-impjiegi u l-kontribuzzjonijiet soċjali għoljin permezz tal-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-funzjonament tas-swieq tax-xogħol u jippromwovu l-integrazzjoni tan-nisa, taż-żgħażagħ u tal-gruppi vulnerabbli fis-suq tax-xogħol; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali tal-UE jaħdmu lejn kopertura ogħla ta' negozjar kollettiv ta' mill-inqas 80 % sal-2030, bil-ħsieb li jittejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol fl-UE, li se jikkontribwixxu għall-benesseri fuq ix-xogħol u l-konverġenza soċjali 'l fuq u jnaqqsu l-faqar fost dawk li jaħdmu, l-esklużjoni soċjali u l-inugwaljanza fil-pagi; jinnota li l-faqar fost dawk li jaħdmu jeħtieġ li jiġi ttrattat billi jiġu żgurati pagi deċenti; jenfasizza l-ħtieġa li tingħata spinta lill-użu ta' programmi ta' titjib tal-ħiliet u ta' taħriġ mill-ġdid biex tingħata s-setgħa lill-ħaddiema u tissaħħaħ il-kompetittività;

3.

Jilqa' l-adozzjoni tad-Direttiva dwar pagi minimi adegwati fl-UE (8) u d-Direttiva dwar it-trasparenza fil-pagi (9); jitlob lill-Kunsill jaqbel dwar approċċ ġenerali rigward id-direttiva għax-xogħol fuq il-pjattaformi (10) sabiex jittejbu l-protezzjoni u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiem fl-ekonomija tal-pjattaformi u tinħoloq kompetizzjoni ġusta; jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni għas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali fuq il-post tax-xogħol; jenfasizza l-ħtieġa għal aktar azzjoni biex taħdem lejn l-objettiv ta' żero mwiet fuq ix-xogħol; jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tagħti segwitu billi tfassal proposta leġiżlattiva wara l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-2 ta' Frar 2023 (11); jilqa' t-tnedija ta' konsultazzjoni f'żewġ stadji tas-sħab soċjali tal-UE;

4.

Jinnota li, anke bl-istrument għal Appoġġ biex jittaffew ir-Riskji ta' Qgħad f'Emerġenza (SURE) bħala parti mill-iskema Ewropea ta' riassigurazzjoni tal-qgħad, il-konsegwenzi ekonomiċi tal-kriżi tal-COVID-19 damu aktar milli kien antiċipat; jenfasizza, madankollu, li bis-saħħa ta' dan l-istrument inżammu eluf ta' impjiegi u li x-xokk għas-suq tax-xogħol kien inqas sever milli mistenni; jinnota, f'dan ir-rigward, li dan l-istrument għandu jibqa' jintuża għat-tul ta' żmien tas-sitwazzjoni eċċezzjonali attwali u jkompli jkun ibbażat fuq self u attivat malajr f'każ ta' xokkijiet finanzjarji jew ekonomiċi esterni ġodda;

5.

Jinsab imħasseb ħafna dwar l-erożjoni ġenerali tal-gruppi ta' dħul medju fl-UE, li huma s-sinsla tal-ekonomiji tagħna, kontributuri ewlenin għas-sistemi nazzjonali tal-protezzjoni soċjali tagħna u essenzjali għall-istabbiltà tad-demokraziji tagħna, u għalhekk dwar il-polarizzazzjoni ekonomika, b'mod partikolari d-daqs dejjem jikber ta' gruppi ta' dħul aktar baxx minħabba t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, l-iżviluppi avversi tas-suq tax-xogħol u r-riformi tat-taxxa adottati f'dawn l-aħħar snin; jappella, f'dan il-kuntest, għal pjan ta' azzjoni tal-UE biex jiżdied id-daqs tal-gruppi bi dħul medju u li dawn jiġu kkonsolidati;

6.

Jilqa’ l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Long-term competitiveness of the EU: looking beyond 2030” (Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030) li għandha l-għan li tirrazzjonalizza u tissemplifika r-rekwiżiti ta’ rapportar b’25 % għal kull wieħed mill-oqsma tematiċi, dawk ekoloġiċi, diġitali u ekonomiċi, u l-preżentazzjoni mill-Kummissjoni ta’ proposta biex dan jinkiseb sal-ħarifa tal-2023; jappella lill-Kummissjoni turi dan l-impenn malajr, u b’hekk ittejjeb il-kompetittività tal-impriżi kollha fl-UE, inklużi l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), u ttejjeb il-kundizzjonijiet bażiċi għall-ġustizzja soċjali u l-prosperità; ifakkar li l-SMEs huma s-sinsla tal-koeżjoni soċjali tagħna;

7.

Jenfasizza l-importanza li jitnaqqsu l-inugwaljanzi fid-dħul u li jiġi miġġieled il-faqar, peress li 21,7 % tal-popolazzjoni tal-UE fl-2021 (95,4 miljun ruħ) kienu f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali u jitlob impenn lejn il-kisba tal-mira tal-faqar tal-UE f'dan ir-rigward; ifakkar fil-prinċipju 14 tal-EPSR, li jgħid li kull min ma għandux biżżejjed riżorsi għandu d-dritt għal benefiċċji ta' dħul minimu adegwat li jiżguraw ħajja dinjituża fl-istadji kollha tal-ħajja; itenni l-punti deskritti fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2023 dwar introjtu minimu adegwat li jiżgura inklużjoni attiva;

8.

Jenfasizza li, f'konformità mal-prinċipju 15 tal-EPSR, kull anzjan għandu d-dritt għal riżorsi li jippermettulu jgħixu b'dinjità u li l-ħaddiema u dawk li jaħdmu għal rashom meta jirtiraw ikollhom id-dritt għal pensjoni proporzjonata mal-kontribuzzjonijiet tagħhom u li jiggarantixxi dħul adegwat; fl-istess ħin, jemmen li l-Istati Membri għandhom jiżguraw is-sigurtà tad-dħul fit-tul, li l-pensjonijiet minimi huma għoljin biżżejjed biex jipprevjenu l-faqar fix-xjuħija u li n-nisa u l-irġiel għandhom opportunitajiet indaqs biex jiksbu drittijiet tal-pensjoni u biex jagħlqu d-differenza bejn il-ġeneri fil-pensjonijiet; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu inċentivi li għandhom l-għan li jiffaċilitaw tranżizzjoni gradwali għall-irtirar, billi, fost l-oħrajn, jappoġġjaw arranġamenti flessibbli tal-ħin tax-xogħol u jagħmlu aġġustamenti xierqa fil-postijiet tax-xogħol; itenni t-talba tal-Impenn Soċjali ta' Porto lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri biex isaħħu s-sistemi nazzjonali ta' protezzjoni soċjali biex jiżguraw ħajja dinjituża għal kulħadd, filwaqt li jippreservaw is-sostenibbiltà ta' dawn is-sistemi; jenfasizza li l-Kummissjoni tista' tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' konvenzjoni tan-NU dwar id-drittijiet tal-anzjani;

9.

Jistieden lill-Kummissjoni ssegwi malajr ir-rapport ta' inizjattiva leġiżlattiva tal-Parlament li jmiss dwar apprendistati ta' kwalità fl-UE; jilqa' s-Sena Ewropea tal-Ħiliet u jenfasizza l-importanza tal-aċċess għat-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid għall-ħaddiema, b'mod partikolari fl-industriji u s-setturi li jeħtieġ li jgħaddu minn bidliet fundamentali sabiex jiksbu t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla jibqa' lura; jisħaq fuq ir-rwol tas-sħab soċjali fl-iżvilupp ta' strateġiji tal-ħiliet għall-ekonomija ekoloġika f'kull livell, biex jiġi żgurat li tali taħriġ isir mingħajr tnaqqis fil-pagi u jitqies bħala ħin tax-xogħol, kif ukoll biex tiġi pprovduta informazzjoni dettaljata dwar il-ħiliet meħtieġa għat-tranżizzjonijiet doppji; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva għal pass Ewropew tas-sigurtà soċjali biex tipprovdi lill-awtoritajiet nazzjonali, bħall-ispettorati tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali, u lis-sħab soċjali involuti fl-ispezzjonijiet tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali bi strument f'ħin reali ħalli jinfurzaw b'mod effettiv id-dritt nazzjonali u tal-UE;

10.

Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta, sa tmiem l-2023, dwar il-ħolqien ta' karta tad-diżabilità tal-UE li tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri kollha; jilqa' n-negozjati li għaddejjin bħalissa tas-sħab soċjali dwar it-telexogħol u d-dritt ta' skonnessjoni, bil-ħsieb li jitressaq ftehim legalment vinkolanti implimentat permezz ta' direttiva; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu għall-implimentazzjoni rapida tal-istrateġija Ewropea għall-kura għall-appoġġ tal-persuni li jindukraw; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar kura fit-tul affordabbli ta' kwalità għolja; jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tniedi approċċ komprensiv dwar is-saħħa mentali u jtenni l-appell tiegħu għal Direttiva dwar ir-riskji psikoloġiċi u l-benesseri fuq ix-xogħol;

11.

Jinnota li, għalkemm ħafna inizjattivi leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi nbdew mill-Kummissjoni, s'issa l-UE ma rnexxilhiex timplimenta għal kollox l-EPSR; jenfasizza l-ħtieġa li l-pjan ta' azzjoni jiġi rivedut regolarment; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Kummissjoni tieħu aktar azzjoni leġiżlattiva u l-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-EPSR, b'enfasi speċifika fuq l-implimentazzjoni tal-prinċipji 11 (indukrar tat-tfal), 12 (protezzjoni soċjali), 19 (akkomodazzjoni) u 20 (servizzi essenzjali); jissottolinja li l-pjan ta' azzjoni li jmiss tal-EPSR għandu jiġi appoġġjat minn strateġija integrata tal-UE kontra l-faqar biex tiġi indirizzata l-kwistjoni multidimensjonali tal-esklużjoni soċjali;

12.

Jitlob li jittieħdu azzjonijiet speċifiċi biex jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt għall-edukazzjoni u t-taħriġ għal kulħadd, billi jiġi ggarantit taħriġ ta' kwalità għolja u liv edukattiv bi ħlas għall-ħaddiema kollha;

13.

Itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill għall-adozzjoni tad-Direttiva orizzontali dwar in-nondiskriminazzjoni (12), li ilha pendenti mill-2008, biex jiġi implimentat bis-sħiħ il-Prinċipju 3 tal-EPSR (opportunitajiet ugwali) u l-wegħdiet tat-Trattati li fuqhom hija bbażata l-UE fir-rigward tat-trattament ugwali;

14.

Ifakkar li l-prinċipju 11 dwar l-indukrar tat-tfal u l-appoġġ għat-tfal jirrikjedi azzjoni ulterjuri biex jitkisser iċ-ċiklu ġenerazzjonali tal-faqar u biex tingħata spinta lill-mobbiltà soċjali; jemmen li t-tfal kollha għandu jkollhom aċċess għal servizzi ta' edukazzjoni u kura affordabbli u ta' kwalità, b'mod partikolari għall-edukazzjoni bikrija tat-tfal; ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar l-appell ripetut tal-Parlament biex jallokaw aktar finanzjament għall-Garanzija Ewropea għat-Tfal, b'baġit iddedikat ta' mill-inqas EUR 20 biljun; jistieden lill-Istati Membri jippreżentaw il-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali tagħhom u jiżguraw li jiġu implimentati b'mod effettiv u jwieġbu għall-prinċipji ewlenin tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1004 li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal (13); jissottolinja li l-Istati Membri għandhom ikomplu bit-tnedija sħiħa tal-Garanzija msaħħa għaż-Żgħażagħ;

15.

Jemmen li l-perjodi ta' għoti ta' kura li fihom il-persuna li tindokra taqleb għal arranġamenti tax-xogħol part-time jew tieqaf mill-impjieg bi ħlas għandhom jgħoddu għall-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni tagħhom (14);

16.

Iwissi li, għall-implimentazzjoni korretta tal-prinċipju 12, jeħtieġ li l-protezzjoni soċjali adegwata tqis ix-xejriet li għaddejjin bħalissa, bħat-tibdil fil-klima, id-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija u t-tixjiħ demografiku, u jeħtieġ li din tiġi estiża sabiex tkopri r-riskji assoċjati mal-impatt mhux ugwali tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali fuq gruppi ta' introjtu differenti u ħaddiema f'setturi differenti, kif ukoll il-konsegwenzi soċjali tat-trasformazzjoni tas-soċjetajiet tagħna favur in-newtralità klimatika; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipproponu pjan ta' azzjoni Ewropew għall-protezzjoni soċjali li jqis ir-riskji ta' esklużjoni soċjali li jirriżultaw mit-tibdil fil-klima u t-tnaqqis ambjentali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibnu fuq il-Fond Soċjali għall-Klima u jistabbilixxu l-pedamenti għall-iżvilupp ta' skemi ta' protezzjoni soċjali ekoloġiċi fil-livell nazzjonali bl-appoġġ tal-UE;

17.

Jilqa' t-tnedija tal-Pjattaforma tal-UE dwar il-Ġlieda kontra l-Persuni Mingħajr Dar u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat l-appoġġ tal-UE sabiex twettaq l-ambizzjonijiet u l-miri tagħha skont id-Dikjarazzjoni ta' Lisbona; jenfasizza li, skont il-prinċipju 19, għandu jiġi pprovdut aċċess għal akkomodazzjoni soċjali jew assistenza għall-akkomodazzjoni ta' kwalità tajba għal dawk fil-bżonn; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa pjan ta' azzjoni ambizzjuż, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, biex tikseb akkomodazzjoni soċjali aċċessibbli, ekoloġika u affordabbli li tissodisfa l-ħtiġijiet ta' akkomodazzjoni taċ-ċittadini kollha tal-UE u teqred il-problema ta' persuni mingħajr dar sal-2030; jenfasizza fil-kuntest attwali, il-ħtieġa li jintemm il-faqar enerġetiku u l-importanza li jiġu pprojbiti skonnessjonijiet fi żminijiet kritiċi għal unitajiet domestiċi vulnerabbli u konsumaturi b'faqar enerġetiku; itenni l-appell tiegħu li jiġi adottat il-prinċipju “l-akkomodazzjoni l-ewwel” biex jitrawwem l-aċċess għall-akkomodazzjoni, u jinnota li l-akkomodazzjoni msemmija għandha tkun ibbażata fuq prinċipji ta' “disinn universali” biex tiġi żgurata l-aċċessibbiltà;

18.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' aċċess għal servizzi essenzjali ta' kwalità tajba, inklużi l-ilma, is-sanità, l-enerġija, it-trasport, is-servizzi finanzjarji u l-komunikazzjonijiet diġitali għal dawk fil-bżonn (prinċipju 20), peress li dawn is-servizzi ġew taħt stress addizzjonali; jenfasizza li r-reġjuni inqas żviluppati, u ż-żoni rurali u skarsament popolati ġew affettwati b'mod sproporzjonat, u dan jaggrava d-disparitajiet ekonomiċi, soċjali u territorjali li qed jikbru madwar ir-reġjuni tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tidentifika liema dispożizzjonijiet soċjali aktar b'saħħithom fir-Regolament (UE) Nru 360/2012 għal servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (15) huma meħtieġa u abbażi ta' dik il-valutazzjoni, tippreżenta reviżjoni sabiex ittejjeb l-aċċess għall-ilma, is-sanità, l-enerġija, it-trasport, servizzi finanzjarji u komunikazzjonijiet diġitali, kif ukoll akkomodazzjoni;

19.

Itenni t-talba tiegħu li, fid-dawl tal-qafas tal-pjan industrijali tal-Patt Ekoloġiku, il-finanzjament tal-UE, inkluża l-għajnuna mill-Istat, ikun jiddependi mill-objettivi tal-politika pubblika, b'mod partikolari r-rekwiżiti soċjali, sabiex jiġu offruti impjiegi ta' kwalità għolja, jiġi promoss in-negozjar kollettiv, jiġu rrispettati d-drittijiet u l-istandards tax-xogħol tal-UE u jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol imtejba; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinfurzaw il-klawżola soċjali fid-Direttiva eżistenti dwar l-akkwist pubbliku (16) u jikkunsidraw reviżjoni tad-Direttiva, ibbażata fuq valutazzjoni tal-impatt, sabiex ikomplu jsaħħu l-klawżoli soċjali fil-kuntratti pubbliċi biex l-operaturi ekonomiċi u s-sottokuntratturi jkunu meħtieġa jirrispettaw bis-sħiħ id-dritt tal-ħaddiema, inkluż id-dritt għal negozjar kollettiv, u biex titqies id-Direttiva adottata reċentement dwar pagi minimi adegwati fl-UE;

20.

Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tas-Semestru Ewropew u l-implimentazzjoni tal-EPSR, speċjalment fid-dawl tar-rieżami tal-governanza ekonomika; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tippreżenta strument għal qafas ta' konverġenza soċjali sabiex tipprevjeni r-riskji ta' konverġenza soċjali, tidentifika ostakli potenzjali fl-implimentazzjoni xierqa tal-EPSR u tistabbilixxi miri soċjali; jemmen li r-riskji ta' diverġenza soċjali għandhom jiġu inklużi fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u jitqiesu meta jiġu stabbiliti perkorsi ta' aġġustament fiskali;

21.

Jemmen li, sabiex Ewropa ġusta u soċjali ssir realtà u biex jiġu żgurati l-ogħla livelli ta' protezzjoni soċjali fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, huwa meħtieġ li tiġi żgurata Ewropa sostenibbli, ġusta u inklużiva fejn id-drittijiet soċjali jkunu protetti u salvagwardjati bis-sħiħ għal tal-inqas l-istess livell tal-istandards ekonomiċi u ambjentali; jisħaq fuq il-ħtieġa li jittieħdu passi biex jissaħħaħ ir-rwol tal-EPSR, sabiex l-aspetti soċjali jitpoġġew fuq l-istess livell ma' dawk ekonomiċi u ambjentali u biex jiġi żgurat li d-drittijiet soċjali fl-Ewropa jitqiegħdu fiċ-ċentru tal-politiki li jmiss tal-UE u li l-konverġenza tkun waħda mill-akbar prijoritajiet politiċi tal-UE; jinnota li, konsegwentement, se jkun meħtieġ investiment soċjali biex jiġi implimentat l-EPSR fl-inizjattivi ta' finanzjament li ġejjin u jiġi rivedut il-qafas finanzjarju pluriennali;

22.

Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tirrevedi d-Direttiva dwar xogħol temporanju permezz ta' aġenzija (17) sabiex tistabbilixxi qafas legali li jiżgura kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u trattament ugwali għall-ħaddiema staġjonali intra-UE u l-ħaddiema mobbli b'kuntratti b'terminu fiss ma' aġenziji tax-xogħol temporanju jew kwalunkwe tip ieħor ta' intermedjarju tas-suq tax-xogħol, inklużi aġenziji ta' reklutaġġ, kif wiegħed il-Kunsill fid-dikjarazzjoni ta' Porto;

23.

Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta qafas legali biex tantiċipa u timmaniġġja l-bidliet relatati mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali fid-dinja tax-xogħol, filwaqt li tiffoka l-ewwel fuq l-importanza li jiġu salvagwardjati l-impjiegi ta' kwalità għolja, billi takkumpanja lill-ħaddiema permezz ta' trasformazzjonijiet tas-suq tax-xogħol u tipprovdi aċċess għal taħriġ adegwat, u t-tieni, fuq l-involviment tas-sħab soċjali fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, inkluż bil-promozzjoni tan-negozjar kollettiv dwar l-antiċipazzjoni u l-ġestjoni tal-bidla;

24.

Itenni l-importanza ta' Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA) li tiffunzjona tajjeb u b'mod effiċjenti u jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu mill-opportunità ppreżentata mill-evalwazzjoni dovuta fl-1 ta' Awwissu 2024 biex tippreżenta proposta leġiżlattiva li tirrieżamina l-kamp ta' applikazzjoni tar-regolament fundatur tal-ELA (18) u tisfrutta l-potenzjal sħiħ tiegħu, speċjalment fir-rigward tas-setgħat ta' inkjesta tal-ELA;

25.

Itenni d-dritt ta' aċċess għall-intervent mill-bniedem u d-dritt li wieħed ma jkunx soġġett għal deċiżjoni bbażata biss fuq ipproċessar awtomatizzat kif iddikjarat fir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (19); jisħaq fuq il-ħtieġa għal azzjoni tal-UE tkompli tinkorpora l-ankra tal-prinċipju “bniedem fil-kontroll” fid-dinja tax-xogħol u tirregola l-ġestjoni algoritmika; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra proposta leġiżlattiva dwar l-intelliġenza artifiċjali fuq il-post tax-xogħol;

26.

Jappella għall-integrazzjoni aktar b'saħħitha tal-pjan ta' azzjoni tal-EPSR bi strateġiji relatati, inkluż il-qafas strateġiku tal-UE tar-Roma, l-istrateġija għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-istrateġija dwar il-ġlieda kontra l-persuni mingħajr dar u l-istrateġija kontra r-razziżmu;

27.

Jappella għall-inklużjoni fit-Trattati, skont il-konklużjonijiet tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa u r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Ġunju 2022 dwar it-talba biex titlaqqa’ Konvenzjoni għar-reviżjoni tat-Trattati (20), ta’ protokoll ta’ progress soċjali biex jiġi ggarantit li d-drittijiet tal-ħaddiema, id-drittijiet tat-trade unions u d-drittijiet soċjali jiġu kompletament protetti u ssalvagwardjati;

28.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)   ĠU C 476, 15.12.2022, p. 1.

(2)   ĠU C 41, 3.2.2023, p. 1.

(3)  Testi adottati, P9_TA(2023)0076.

(4)  OECD, “A Broken Social Elevator? How to Promote Social Mobility” (Elevatur Soċjali Mkisser? Kif Għandha Tiġi Promossa l-Mobbiltà Soċjali), OECD Publishing, Pariġi, 15 ta' Ġunju 2018.

(5)  Il-Kummissjoni Ewropea, “Il-Kummissjoni sodisfatta bil-miri tal-Istati Membri għal Ewropa aktar soċjali sal-2030”, 16 ta' Ġunju 2022.

(6)  Menyhert, B., “The effect of rising energy and consumer prices on household finances, poverty and social exclusion in the EU” (L-effett taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-konsumatur fuq il-finanzi tal-unitajiet domestiċi, il-faqar u l-esklużjoni soċjali fl-UE), l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2022.

(7)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Lulju 2022 dwar il-pjan ta' azzjoni tal-UE għall-ekonomija soċjali (ĠU C 47, 7.2.2023, p. 171).

(8)  Id-Direttiva (UE) 2022/2041 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Ottubru 2022 dwar pagi minimi adegwati fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 275, 25.10.2022, p. 33).

(9)  Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Marzu 2021 għat-tisħiħ tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali bejn l-irġiel u n-nisa permezz ta' trasparenza fil-pagi u mekkaniżmi ta' infurzar (COM(2021)0093).

(10)  Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Diċembru 2021 dwar it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fix-xogħol fuq il-pjattaformi (COM(2021)0762).

(11)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2023 li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar ir-Reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsilli tax-Xogħlijiet Ewropej (Testi adottati, P9_TA(2023)0028).

(12)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' April 2009 dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali (ĠU C 137 E, 27.5.2010, p. 68).

(13)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1004 tal-14 ta' Ġunju 2021 li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal (ĠU L 223, 22.6.2021, p. 14).

(14)  Kummissjoni Ewropea, “Rapport finali tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-futur tal-protezzjoni soċjali u tal-istat soċjali fl-UE”, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-UE, il-Lussemburgu, Jannar 2023.

(15)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 360/2012 tal-25 ta' April 2012 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis mogħtija lil intrapriżi li jipprovdu servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (ĠU L 114, 26.4.2012, p. 8).

(16)  Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

(17)  Id-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta' aġenzija (ĠU L 327, 5.12.2008, p. 9).

(18)  Ir-Regolament (UE) 2019/1149 tal-Parlament Ewropew tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 li jistabbilixxi Awtorità Ewropea tax-Xogħol, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 883/2004, (UE) Nru 492/2011, u (UE) 2016/589 u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2016/344 (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 21).

(19)  Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(20)   ĠU C 493, 27.12.2022, p. 130.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1072/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)