European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2023/1060

15.12.2023

P9_TA(2023)0132

Il-koġestjoni tas-sajd fl-UE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Mejju 2023 dwar il-koġestjoni tas-sajd fl-UE u l-kontribut tas-settur tas-sajd għall-implimentazzjoni tal-miżuri ta' ġestjoni (2022/2003(INI))

(C/2023/1060)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Lulju 2001 bit-titolu “Il-governanza Ewropea – White paper” (COM(2001)0428),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 li jistabbilixxi pjan pluriennali għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 508/2014 (2),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-restawr tan-natura (COM(2022)0304),

wara li kkunsidra l-Gwida tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) għall-evalwazzjoni tal-effettività tal-koġestjoni tal-postijiet għas-sajd,

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A9-0119/2023),

A.

billi l-politika komuni tas-sajd (PKS) għandha tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà ambjentali, ekonomika u soċjali fit-tul u jikkontribwixxu għal żieda fil-produttività u standard tal-għajxien ġust għas-settur tas-sajd;

B.

billi l-Għan 14 tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU jimmira li jikkonserva u juża b'mod sostenibbli l-oċeani, l-ibħra u r-riżorsi tal-baħar għall-iżvilupp sostenibbli; billi dan jinkludi li s-sajjieda artiġjanali fuq skala żgħira jingħataw aċċess għar-riżorsi u għas-swieq tal-baħar;

C.

billi r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd jiddikjara fil-premessa 14 li “huwa importanti li l-ġestjoni tal-PKS tkun iggwidata minn prinċipji ta' governanza tajba”. billi dawk il-prinċipji huma dettaljati aktar fir-regolament, b'mod partikolari fl-Artikolu 3, li jenfasizza t-teħid ta' deċiżjonijiet ibbażat fuq l-aħjar parir xjentifiku disponibbli, b'enfasi speċjali fuq ir-rwol tal-Kunsill Konsultattiv, l-involviment wiesa' tal-partijiet ikkonċernati u perspettiva fit-tul;

D.

billi l-koġestjoni tista' taħdem biss jekk il-prinċipju tas-sussidjarjetà jiġi rispettat; billi l-Unjoni Ewropea jista' jkollha rwol ta' faċilitazzjoni biex tagħmel il-koġestjoni possibbli;

E.

billi l-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030 jinkludu impenji u azzjonijiet speċifiċi, fosthom l-istabbiliment ta' network usa' ta' żoni protetti fuq l-art u fuq il-baħar madwar l-UE, bl-espansjoni taż-żoni Natura 2000; billi l-liġi proposta tal-UE dwar ir-restawr tan-natura tipproponi li jiġu applikati miri legalment vinkolanti għar-restawr tan-natura għall-Istati Membri kollha għal tal-anqas 20 % taż-żoni tal-art u tal-baħar tal-UE sal-2030, li fl-aħħar mill-aħħar ikopru l-ekosistemi kollha li jeħtieġu restawr sal-2050;

F.

billi hemm bosta każijiet ta' implimentazzjoni b'suċċess tal-koġestjoni tal-postijiet għas-sajd fl-Istati Membri, inkluż fi Spanja (il-Galicia, il-Katalonja u l-Andalusija), fil-Portugall (Algarve u Peniche-Nazaré), fl-Iżvezja (Kosterhavets), fin-Netherlands, fl-Italja (Torre Guaceto), fi Franza (Île de Sein u l-proġett CoGeCo) u fil-Kroazja (Telašćica u Lastovo);

G.

billi hemm ukoll bosta stejjer ta' suċċess fil-pajjiżi kandidati tal-UE bħal fit-Turkija (il-proġett SMAP III tal-UE, li tlesta fl-2009 fil-Bajja ta' Gökova, u l-proġett li jmiss SAD-Rubicon), u f'pajjiżi terzi, bħas-Senegal, bil-koġestjoni tal-postijiet għas-sajd tal-qarnit u tal-awwist aħdar, u f'pajjiżi Asjatiċi bħall-Bangladesh, il-Kambodja, il-Filippini u s-Sri Lanka;

H.

billi r-reġjuni ultraperiferiċi jikkontribwixxu b'mod enormi għad-dimensjoni marittima tal-UE, fejn iż-żoni ekonomiċi esklużivi vasti tagħhom jammontaw għal aktar minn nofs iż-żona ekonomika esklużiva tal-UE (3);

I.

billi kważi 80 % tal-bijodiversità tal-UE attwalment tinsab fir-reġjuni ultraperiferiċi u fil-pajjiżi u t-territorji ekstra-Ewropej tagħha (4);

J.

billi huwa meħtieġ li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tas-settur tas-sajd fuq skala żgħira f'xi reġjuni Ewropej, b'mod partikolari fir-reġjuni ultraperiferiċi, peress li juża rkaptu tas-sajd selettiv b'impatt ambjentali aktar baxx; billi s-settur huwa importanti biex jiġu żgurati l-impjiegi fiż-żoni kostali u biex jiġi ggarantit standard tal-għajxien ġust għall-komunitajiet lokali (5);

K.

billi l-prinċipju ġenerali tal-koġestjoni tal-postijiet għas-sajd jista' jiġi ffaċilitat permezz ta' appoġġ u linji gwida kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak nazzjonali;

L.

billi ċerti Stati Membri u reġjuni għandhom qafas legali għall-koġestjoni; billi, madankollu, s'issa ma hemm l-ebda leġiżlazzjoni fil-livell Ewropew u hemm biss ftit għodod li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta' mekkaniżmi tal-koġestjoni, anke jekk il-koġestjoni qed tintuża għall-ġestjoni ta' xi postijiet għas-sajd f'ħafna Stati Membri tal-UE, bl-applikazzjoni ta' regoli li jaqblu perfettament mal-PKS attwali;

M.

billi, f'xi każijiet, il-ġestjoni tradizzjonali kellha rati ta' suċċess diverġenti fir-rigward tat-titjib tal-istokkijiet u taż-żamma tal-impjiegi;

N.

billi l-ġestjoni tal-postijiet għas-sajd ma tistax tiġi separata minn aspetti oħra assoċjati mal-ambjent tal-baħar u mal-popolazzjonijiet kostali, bħal aspetti ekonomiċi, kulturali u soċjali, kif stabbilit fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, li jistipula l-objettivi tal-PKS, u kif imsemmi tul dak ir-regolament;

O.

billi huwa diffiċli li jinkisbu u jinġabru data u informazzjoni dwar l-ambjenti tal-baħar u tal-postijiet għas-sajd; billi l-parteċipazzjoni tas-settur tas-sajd innifsu f'din il-ħidma, permezz tal-involviment dirett ta' dawk involuti f'din l-attività, hija importanti għall-korpi ta' riċerka pubbliċi u privati kollha fil-livell Ewropew, kif stipulat fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd;

P.

billi, fil-każijiet kollha ta' koġestjoni msemmija hawn fuq, il-bidla fir-rwol tas-sajjieda – minn soġġetti passivi li jikkonformaw mar-regoli għal protagonisti fil-ġestjoni tal-postijiet għas-sajd li jikkonformaw mar-regoli maqbula – hija fundamentali għas-suċċess tal-inizjattivi adottati, peress li huma se jikkontribwixxu għal fehim aħjar tagħhom, jiddefenduhom u jimmonitorjaw il-konformità magħhom, u jiġġestixxu l-metodi tas-sajd tagħhom b'approċċ ibbażat fuq ekosistema, filwaqt li jifhmu l-importanza tal-postijiet għas-sajd tagħhom fl-ekosistemi; billi r-rwol tas-sajjieda bħala “gwardjani tal-baħar” huwa sottolinjat permezz tal-kontribut tagħhom lejn it-tfassil ta' politika mmirata, it-tnaqqis tal-iskart fil-baħar u l-ġbir tal-plastik fil-baħar, pereżempju;

Q.

billi s-settur tas-sajd, b'mod partikolari s-sajd artiġjanali fuq skala żgħira, għandu rwol vitali fil-monitoraġġ tal-ambjent tal-baħar u tal-istokkijiet tal-ħut, filwaqt li jipprovdi data estremament utli u rilevanti għal finijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet;

R.

billi hija meħtieġa ħidma xjentifika li tipproduċi data regolari u aġġornata biex isservi ta' bażi għall-miżuri li għandhom jittieħdu biex jiġi żgurat l-użu responsabbli tar-riżorsi komuni, kif stipulat fl-Artikoli 26 u 27 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd;

S.

billi sistema li tkun produttiva u sostenibbli tul iż-żmien trid tkun bijoloġikament soda u bbilanċjata sabiex jiġi żgurat ekwilibriju bejn l-ispeċijiet, li jippermetti li l-istokkijiet jinżammu issa u fil-futur; billi l-aħjar sistema eżistenti ta' ġestjoni tar-riżorsi – adattata għal kull każ – trid tintuża għal dan il-għan, abbażi tas-suċċess tas-sistemi ta' koġestjoni li ntwera fil-każijiet imsemmija hawn fuq;

T.

billi fl-2017, ġie stmat li tal-anqas 9 miljun persuna kienu involuti f'attivitajiet tas-sajd rikreattiv tal-baħar fl-Ewropa u li s-settur tas-sajd rikreattiv fil-baħar appoġġa kważi 100 000 impjieg ekwivalenti għal full-time, b'impatt ekonomiku annwali totali li jammonta għal EUR 10,5 biljun; billi s-sajjieda rikreattivi huma utenti tal-baħar u tar-riżorsi tiegħu; billi s-settur tas-sajd rikreattiv jipprovdi opportunitajiet ekonomiċi għall-komunitajiet kostali;

U.

billi l-white paper dwar il-governanza tal-Unjoni Ewropea tiddikjara li l-politiki ma għandhomx jibqgħu jiġu deċiżi fl-ogħla livell, li l-leġittimità tal-UE tiddependi mill-parteċipazzjoni taċ-ċittadini tagħha, li s-sistema ta' funzjonament tal-Unjoni jeħtieġ li ssir aktar trasparenti peress li l-parteċipazzjoni tiddependi fuq il-fatt li n-nies ikunu jistgħu jieħdu sehem f'dibattitu pubbliku u li biex dan iseħħ, il-pubbliku ġenerali jeħtieġ li jkun infurmat b'mod aktar attiv dwar kwistjonijiet Ewropej; billi l-white paper tipproponi wkoll l-involviment tal-assoċjazzjonijiet tal-gvern lokali fl-iżvilupp tal-politika u flessibbiltà akbar fl-implimentazzjoni ta' ċerti politiki Komunitarji b'impatt territorjali qawwi; billi l-PKS riveduta introduċiet il-kunċett ta' reġjonalizzazzjoni u wessgħet il-firxa tal-Kunsilli Konsultattivi għall-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati;

V.

billi r-Regolament (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 li jistabbilixxi pjan pluriennali għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran diġà jipprevedi fl-Artikolu 9(10) li “f'konformità mal-prinċipji ta' governanza tajba stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-Istati Membri jistgħu jippromwovu sistemi ta' ġestjoni parteċipattiva fil-livell lokali sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-pjan”, u billi l-koġestjoni hija forma ta' ġestjoni parteċipattiva;

W.

billi l-koġestjoni, li hija mudell parteċipattiv u ta' koresponsabbiltà, hija aktar trasparenti u proattiva u hija ugwalment demokratika, u tgħin biex jiġu ġġenerati sinerġiji edukattivi fir-rigward tal-ġestjoni ta' riżorsi komuni u kultura ta' responsabbiltà, tistabbilixxi networks ta' fiduċja u tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-kunflitti u biex jingħelbu n-nuqqas ta' rieda sabiex jiġu implimentati innovazzjonijiet fil-ġestjoni tal-postijiet għas-sajd;

X.

billi l-organizzazzjonijiet tas-sajjieda, bħal cofradías, comités des pêches jew prud'homies de pêcheurs, jista' jkollhom rwol importanti x'jaqdu fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta' sistemi tal-koġestjoni; billi l-cofradías huma organizzazzjonijiet li ilhom jirrappreżentaw lill-produtturi f'xi Stati Membri, u r-rwol soċjetali tagħhom fis-sostenn tal-komunitajiet kostali huwa fundamentali; billi minkejja dan, għadhom mhumiex rikonoxxuti bħala entitajiet eliġibbli għal appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (FEMSA);

Y.

billi s-sajjieda, li huma l-partijiet ikkonċernati prinċipali, u l-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom rwol ċentrali biex jintlaħqu l-objettivi ewlenin tal-PKS f'termini ta' sigurtà tal-ikel, rendiment massimu sostenibbli, ġestjoni tal-kwoti, kummerċjalizzazzjoni u miżuri tekniċi ta' konservazzjoni; billi, barra minn hekk, huma jipprovdu eżempju tajjeb tal-ġestjoni tal-postijiet għas-sajd fl-UE billi jistabbilixxu miżuri ta' ġestjoni permezz tar-riżoluzzjonijiet konġunti tas-sajjieda, jorganizzaw attivitajiet tas-sajd f'konformità mar-rekwiżiti tas-suq u jikkollaboraw ma' diversi partijiet ikkonċernati biex jimplimentaw miżuri ta' ġestjoni fil-livell lokali;

Z.

billi n-nuqqas ta' rappreżentanza u ta' inklużjoni tan-nisa fil-ġestjoni tal-postijiet għas-sajd ixekkel is-sostenibbiltà u l-iżvilupp;

Kontribut tal-koġestjoni għall-objettivi tal-politika komuni tas-sajd

1.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-sistemi ta' koġestjoni tal-postijiet għas-sajd iħaddnu kemm il-kriterji ta' kondiviżjoni tal-PKS, billi jintegraw l-għarfien kollettiv u jinkludu kwalunkwe attur li jibbenefika minn riżorsa kollettiva, kif ukoll il-prinċipji ta' ġestjoni tal-PKS, billi jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

2.

Iqis li fil-każijiet kollha ta' koġestjoni li ġew analizzati, hemm potenzjal ċar għal titjib fis-sostenibbiltà tar-riżorsi fil-livell ambjentali, filwaqt li jinżammu l-benefiċċji ekonomiċi u soċjali tal-attività, peress li l-atturi soċjali u ekonomiċi jiġu involuti direttament fit-teħid tad-deċiżjonijiet fil-koġestjoni; jinnota li tali sistemi ta' kogovernanza nstab li huma aktar reżiljenti għal xokkijiet bħall-COVID-19 u jnaqqsu l-kunflitti u jtejbu l-fluwidità fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni tal-postijiet għas-sajd, filwaqt li jrawmu d-demokratizzazzjoni, it-trasparenza, il-fiduċja u l-konformità mar-regolamenti;

3.

Jirrimarka li ntwera li l-koġestjoni tiffavorixxi t-teħid ta' deċiżjonijiet kunsenswali bejn l-amministrazzjoni, il-partijiet ikkonċernati rilevanti u l-korpi ta' riċerka, li dejjem għandhom jaġixxu skont il-prinċipji tal-PKS u regolamenti rilevanti oħra, billi japplikaw l-approċċ ta' prekawzjoni fil-każijiet kollha biex jiżguraw li r-riżorsi jiġu sfruttati b'mod li jkun kompletament sostenibbli abbażi tar-rendiment massimu sostenibbli tal-ispeċijiet fil-mira; jissottolinja li dan it-tip ta' ġestjoni u teħid ta' deċiżjonijiet kien fattur importanti fl-implimentazzjoni ta' miżuri ta' konservazzjoni ta' suċċess, bħaż-żoni protetti tal-baħar u miżuri effettivi oħra ta' konservazzjoni bbażata fuq iż-żona;

4.

Jissottolinja li s-settur tas-sajd rikreattiv għandu jiġi inkluż ukoll fis-sistemi ta' koġestjoni, billi jinkludu kemm l-utenti kif ukoll l-atturi ekonomiċi li jikkontribwixxu għall-ġenerazzjoni ta' benefiċċji soċjoekonomiċi għall-komunitajiet; jinnota li l-implimentazzjoni ta' koġestjoni fil-PKS hija wkoll opportunità għal rikonoxximent u ġestjoni aħjar tas-sajd rikreattiv f'din il-politika;

5.

Jenfasizza l-fatt li s-sistemi tal-koġestjoni huma bbażati fuq il-postijiet għas-sajd, iżda jistgħu jiffunzjonaw ukoll f'sitwazzjonijiet transfruntiera u jkopru żoni ġeografiċi differenti, u jqisu l-ambjent li joperaw fih, u għaldaqstant japplikaw approċċ olistiku; jinnota, f'dan ir-rigward, li l-arranġamenti tal-koġestjoni jistgħu jipprovdu wkoll mekkaniżmi għal arranġamenti ta' skambju tal-kwoti;

6.

Jinnota li hemm spettru ta' arranġamenti possibbli ta' koġestjoni, li jkopri diversi arranġamenti ta' sħubija u gradi ta' kondiviżjoni tal-poter;

7.

Jisħaq li, peress li l-korpi ta' riċerka huma involuti direttament fis-sistemi ta' koġestjoni, it-titjib fil-ġbir ta' data xjentifika huwa żgurat; jissottolinja li din is-sistema tippermetti li jiġu ġġenerati data u għarfien li jista' jkun diffiċli li jinkisbu b'mod ieħor minħabba r-relazzjoni mill-qrib bejn il-partijiet kollha involuti (l-amministrazzjoni, l-industrija u r-riċerkaturi – l-hekk imsejjaħ spiral triplu), u b'hekk tiġi żviluppata l-kapaċità tagħhom kollha li jużaw din l-informazzjoni biex jiġġeneraw rispons rapidu u effettiv għal kwalunkwe kwistjoni li tista' taffettwa l-postijiet għas-sajd; jinnota, f'dan ir-rigward, ir-rwol importanti li l-fondi tal-UE jista' jkollhom fil-finanzjament tar-riċerka u fil-ġbir tad-data u jħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw l-inklużjoni ta' possibbiltajiet ta' finanzjament fl-implimentazzjoni nazzjonali tagħhom tal-fondi tal-UE;

8.

Jisħaq li l-koġestjoni tgħin ukoll biex jinħolqu kundizzjonijiet għas-settur tas-sajd biex ikun ekonomikament vijabbli u kompetittiv, biex jiġi żgurat standard ta' għajxien adegwat għal dawk li jiddependu mill-attivitajiet tas-sajd u biex jiġi żgurat li jitqiesu kemm l-interessi tal-konsumaturi kif ukoll tal-produtturi;

9.

Jisħaq li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, il-cofradías u organizzazzjonijiet oħra bħall-comités des pêches jistgħu u għandhom jintużaw bħala muturi ewlenin tal-koġestjoni; jenfasizza li r-rwol fundamentali li tali organizzazzjonijiet jaqdu fil-ġestjoni tal-postijiet għas-sajd għandu jiġi rikonoxxut u msaħħaħ, inkluż permezz tal-appoġġ tal-FEMSA;

10.

Jenfasizza l-fatt li l-koġestjoni tikkontribwixxi għall-eliminazzjoni ta' prattiki tas-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, peress li l-industrija u l-amministrazzjonijiet ikunu involuti u jkun aktar faċli li jiġu identifikati l-prattiki ħżiena u li dawn jiġu miġġielda, inkluż billi jiġu stabbiliti miżuri ta' kontroll u prattiki effettivi;

11.

Jenfasizza r-rwol kruċjali li r-reġjuni ultraperiferiċi jaqdu fil-ġlieda kemm kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat, u mhux irregolat kif ukoll kontra t-tniġġis tal-oċeani, fid-dawl tal-firxa tagħhom u tal-pożizzjoni privileġġata tagħhom fl-Oċean Atlantiku u fl-Oċean Indjan; jinnota li jridu jiġu pprovduti b'kapaċità akbar għall-programmi ta' infurzar u ta' monitoraġġ;

12.

Jisħaq fuq l-importanza li l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd jiġi implimentat bis-sħiħ biex jiġu appoġġati l-mudelli tal-koġestjoni, fejn l-Istati Membri jeħtiġilhom jużaw kriterji trasparenti u oġġettivi, inklużi dawk ta' natura ambjentali, soċjali u ekonomika, meta jallokaw l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għalihom; billi dawn il-kriterji jistgħu jinkludu l-impatt tas-sajd fuq l-ambjent, l-istorja tal-konformità, il-kontribut għall-ekonomija lokali u l-livelli ta' qbid storiċi;

13.

Jirrikonoxxi li l-koġestjoni tista' tkun għodda utli biex jittejjeb il-ġbir ta' data ambjentali u jiġi żgurat li l-miżuri ta' ġestjoni jiġu adattati għall-karatteristiċi speċifiċi tal-postijiet għas-sajd individwali, li jwassal għal aċċettazzjoni u konformità akbar mis-sajjieda; jisħaq fuq il-ħtieġa li din tintuża biex tittejjeb id-disponibbiltà tad-data u tal-miżuri biex jiġu minimizzati l-impatti tal-qabdiet aċċessorji fuq speċijiet sensittivi;

14.

Jisħaq li l-approċċi tal-koġestjoni għandhom jinkludu l-ilħna tal-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi dawk tar-rappreżentanti tat-trade unions ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi impjegati fis-sajd tal-UE, b'konsegwenzi importanti għall-kundizzjonijiet tax-xogħol u għad-drittijiet tax-xogħol;

15.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ma hemm l-ebda valutazzjoni unifikata ta' istanzi fejn il-koġestjoni ġiet implimentata fl-UE u bnadi oħra fid-dinja li tidentifika l-muturi ewlenin tas-sistema; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-eżempji ta' koġestjoni tal-postijiet għas-sajd fl-Unjoni sabiex tidentifika l-aħjar prattiki, b'mod partikolari fejn dawn jikkonċernaw l-involviment b'mod effettiv tal-partijiet ikkonċernati rilevanti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u tapprova l-introduzzjoni gradwali tal-koġestjoni f'postijiet għas-sajd oħra u fil-korpi reġjonali tas-sajd li tipparteċipa fihom;

L-ostakli ewlenin għall-koġestjoni fl-Unjoni u s-soluzzjonijiet possibbli

16.

Jisħaq li n-nuqqas ta' leġiżlazzjoni, għodod u strumenti speċifiċi tal-UE biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tas-sistemi ta' koġestjoni tal-postijiet għas-sajd ġie enfasizzat bħala ostaklu li jipprevjeni lil xi Stati Membri milli jużaw dan il-metodu ta' ġestjoni ta' postijiet għas-sajd, peress li tali leġiżlazzjoni, għodod u strumenti jiddependu biss u esklużivament mill-impenn speċifiku tal-awtoritajiet kompetenti; jenfasizza l-importanza li tiġi pprovduta flessibbiltà fi kwalunkwe leġiżlazzjoni ġdida tal-UE sabiex il-prattiki u t-tradizzjonijiet attwali jkunu jistgħu jinżammu u jiġu pprovduti għodod u strumenti ġodda, bħall-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati involuti, li huwa pass importanti fl-espansjoni tal-użu tas-sistemi tal-koġestjoni;

17.

Jisħaq fuq in-nuqqas ta' għodod xierqa, bħal fora, għal skambju dwar mudelli ta' koġestjoni u l-iżvilupp tagħhom, u miżuri regolatorji li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tagħhom; jinnota li minħabba f'hekk l-implimentazzjoni tal-mudelli xierqa fi Stati Membri differenti ssir iktar diffiċli, minkejja l-interess li s-settur u l-amministrazzjonijiet jistgħu juru fl-applikazzjoni tagħhom f'qasam partikolari;

18.

Jitlob lill-Kummissjoni qafas regolatorju volontarju mhux vinkolanti dwar il-koġestjoni tal-postijiet għas-sajd, li għandu jipprovdi l-flessibbiltà meħtieġa biex jinżammu l-prattiki u t-tradizzjonijiet attwali, flimkien ma' valutazzjoni dwar kif dawn il-prattiki jistgħu jiġu mħeġġa u ffaċilitati, filwaqt li jitqies il-prinċipju tas-sussidjarjetà u abbażi ta' eżempji eżistenti ta' suċċess fl-Istati Membri u fil-pajjiżi terzi;

19.

Jitlob lill-Kummissjoni tqis l-Istati Membri b'reġjuni ultraperiferiċi, u b'mod partikolari l-ispeċijiet li huma ta' importanza kruċjali għal kull wieħed minn dawn ir-reġjuni, meta tipproponi r-regolamenti dwar il-qabdiet totali permissibbli u l-kwoti annwali; jirrimarka li kwalunkwe qafas ta' ġestjoni għandu jippromwovi ġestjoni aħjar tal-kwoti tas-sajd bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-Istati Membri tagħhom, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi ta' kull wieħed minn dawn ir-reġjuni; jissottolinja, minħabba l-importanza tas-settur tas-sajd fir-reġjuni ultraperiferiċi, il-ħtieġa li l-Istati Membri jipprovdu informazzjoni f'waqtha dwar l-evoluzzjoni tal-konsum tal-kwoti sabiex dawn ir-reġjuni jkunu jistgħu jżommu s-settur infurmat u jiġġestixxu l-flotot tagħhom aħjar;

20.

Jisħaq li sabiex jiġu żgurati sistemi ta' koġestjoni aħjar, teżisti l-ħtieġa ta' regoli ċari li jiffaċilitaw l-aspetti speċifiċi kollha meħtieġa sabiex il-koġestjoni taħdem sew, bħall-istabbiliment ta' kumitati tal-koġestjoni, u l-ħtieġa li jitħaffef il-proċess ta' implimentazzjoni tal-miżuri, peress li hemm tħassib dwar il-fatt li l-qafas leġiżlattiv bħalissa mhuwiex ċar biżżejjed f'xi reġjuni, li jfisser li l-perjodu taż-żmien meħtieġ għall-ħolqien u għall-implimentazzjoni huwa fuq terminu twil, filwaqt li s-soluzzjonijiet huma meħtieġa fuq terminu qasir jew medju;

21.

Jirrimarka li l-assenza ta' għodod u dispożizzjonijiet legali ċari fuq terminu twil jistgħu jikkompromettu l-koġestjoni b'suċċess tal-proġetti tal-postijiet għas-sajd, peress li tinvolvi proċessi fuq terminu medju u twil u impenn ta' tmexxija, u din hija r-raġuni għala appoġġ Ewropew għal din is-sistema huwa essenzjali;

22.

Jenfasizza r-rwol speċifiku tal-Kunsilli Konsultattivi fl-iżgurar tal-involviment tal-partijiet ikkonċernati fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha aktar mal-Kunsilli Konsultattivi u tiżgura feedback xieraq dwar ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni tqis rapport annwali dwar kif ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsilli Konsultattivi ġew ikkunsidrati; jenfasizza l-importanza tal-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati kollha fil-Kunsilli Konsultattivi u l-kontribut tagħhom għar-rakkomandazzjonijiet rispettivi;

23.

Jenfasizza l-importanza tal-ħidma tal-Kunsilli Konsultattivi fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni tal-postijiet għas-sajd; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Kunsilli Konsultattivi u jikkomunikaw aħjar dwar il-valur tal-pariri tagħhom; iqis li r-rwol tal-Kunsilli Konsultattivi jrid jiġi żviluppat aktar;

24.

Jinnota li s-sajjieda fuq skala żgħira spiss ikunu neqsin mir-riżorsi u mill-mezzi disponibbli għas-sajd industrijali biex jinvolvu ruħhom b'suċċess fil-proċess leġiżlattiv, li storikament wassal għal inugwaljanzi sinifikanti fl-oqfsa nazzjonali tal-politika tas-sajd;

25.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu, fl-ambitu tar-regoli tal-FEMSA, impenn għal mudelli tal-koġestjoni għall-postijiet għas-sajd, b'finanzjament adegwat biex ikopru n-nefqa operatorja tagħhom;

26.

Jenfasizza li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi huma importanti wkoll għas-suċċess tal-ġestjoni tal-postijiet għas-sajd, peress li għandhom approċċ minn isfel għal fuq li jenfasizza l-parteċipazzjoni tal-komunità u l-movimenti fil-livell taċ-ċittadini;

27.

Jinnota li l-iżvilupp ta' qafas tal-Unjoni għall-koġestjoni huwa possibbli taħt il-PKS attwali, iżda li għadu ma ġie żviluppat ebda qafas bħal dan;

Il-koġestjoni tal-postijiet għas-sajd – l-inklużjoni fir-reviżjoni futura tal-politika komuni tas-sajd

28.

Jirrakkomanda li jiġi żgurat li l-koġestjoni tiġi inkluża kif xieraq fir-reviżjonijiet futuri tal-PKS, fejn il-koġestjoni qed tiġi definita mill-FAO bħala “arranġament ta' sħubija li fih il-komunità tal-utenti tar-riżorsi lokali (sajjieda) u l-gvern, b'appoġġ u assistenza kif meħtieġ minn partijiet ikkonċernati oħra (sidien tad-dgħajjes, negozjanti tal-ħut, proċessuri tal-ħut, bennejja tad-dgħajjes, negozjanti, eċċ.) u aġenti esterni (organizzazzjoni mhux governattiva, istituzzjonijiet akkademiċi u tar-riċerka), jaqsmu r-responsabbiltà u l-awtorità għall-ġestjoni tal-post għas-sajd”; jirrimarka li dan irid isir b'mod li jirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà, filwaqt li jiġi evitat li l-mudelli differenti tal-koġestjoni li diġà huma stabbiliti ma jiġux kompromessi, u li jiżgura li l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, bħas-sajjieda, l-awtoritajiet u l-komunità xjentifika, jiġu kkonsultati u involuti kif xieraq fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

29.

Jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw l-iżvilupp ta' sistemi ta' koġestjoni tal-postijiet għas-sajd permezz tal-implimentazzjoni immedjata ta' oqfsa nazzjonali u legali, filwaqt li jibnu fuq l-aħjar prattiki osservati fi Stati Membri oħra u bl-appoġġ tal-Kummissjoni;

30.

Jinnota li f'ħafna pajjiżi madwar id-dinja, il-ġestjoni tal-postijiet għas-sajd hija bbażata prinċipalment fuq approċċ minn fuq għal isfel, iċċentrat fuq l-istat, iffukat fuq sajd industrijali jew fuq skala kbira, effiċjenza ekonomika u sostenibbiltà ambjentali; iqis li dan l-approċċ mhux dejjem ikun xieraq meta jitqiesu d-differenzi bejn ir-reġjuni u l-karatteristiċi speċifiċi tas-segmenti tal-flotta bħas-sajd fuq skala żgħira, li jibbenefikaw ħafna mill-involviment tal-komunità tas-sajd fl-għodod tal-ġestjoni tal-postijiet għas-sajd, u li lanqas ma kien l-aħjar approċċ fir-rigward tas-sajd semiindustrijali u industrijali;

31.

Jisħaq li l-inklużjoni tar-riċerka xjentifika fix-xjenza soċjali tal-baħar hija kritika biex tiggwida l-iżvilupp ta' approċċi u prattiki aktar inklużivi u ekwi ta' ġestjoni tal-postijiet tas-sajd;

32.

Jisħaq li l-għażla tal-istrument li jintuża fil-ġestjoni tar-riżorsi tal-postijiet għas-sajd tiddependi fil-biċċa l-kbira mill-gvernijiet, għalkemm l-esperjenza madwar id-dinja turi li diversi forom ta' sħubija bejn il-gvern, l-industrija u s-sajjieda jsaħħu l-ġestjoni u jirriżultaw f'benefiċċji ambjentali, soċjali u ekonomiċi għall-oqsma kkonċernati; jirrimarka li r-rapport tal-1987 tal-Kummissjoni Dinjija dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp, “Il-Futur Komuni Tagħna”, magħruf aktar bħala r-Rapport Brundtland, diġà kkonkluda li sabiex jinkiseb żvilupp sostenibbli u għaldaqstant tinkiseb ukoll ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, il-komunitajiet għandu jkollhom aċċess akbar għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet li jaffettwaw ir-riżorsi komuni, inkluża responsabbiltà akbar, kif ukoll jipparteċipaw f'tali proċess, dejjem f'kooperazzjoni mal-amministrazzjonijiet u mal-organizzazzjonijiet rilevanti; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza li jiġi applikat il-prinċipju tas-sussidjarjetà biex jiġi ggarantit li d-deċiżjonijiet jittieħdu fil-livell amministrattiv korrett, u b'hekk jiġi żgurat l-involviment xieraq tal-partijiet ikkonċernati rilevanti;

33.

Itenni li l-koġestjoni tal-postijiet għas-sajd diġà teżisti u kienet ta' suċċess f'ħafna mill-każijiet magħrufa; jinnota li dawn huma bbażati fuq oqfsa legali differenti, kemm fil-livell lokali, bħal fil-Galicia, fil-Katalonja u fl-Andalusija fi Spanja, kif ukoll fil-livell tal-istat, bħal fil-Portugall, fl-Italja, fi Franza, fl-Iżvezja, fil-Kroazja u fin-Netherlands; jisħaq li n-nuqqas ta' esperjenza u ta' eżempji tajbin fil-livell Ewropew jipprevjeni li din is-sistema tiġi applikata f'reġjuni u f'pajjiżi oħra;

34.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati wkoll għodod ta' koġestjoni transfruntiera għal ċerti reġjuni, bl-appoġġ u l-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni; jirrimarka, f'dan ir-rigward, l-eżempju tal-arranġament li ġie stabbilit bejn Franza, ir-Renju Unit u ċ-Channel Islands għall-ġestjoni tal-postijiet tas-sajd fir-reġjun, li sar iktar ċentralizzat mill-Brexit 'l hawn; itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill ta' Sħubija fl-ambitu tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni mar-Renju Unit biex iqis arranġamenti differenti għall-kooperazzjoni fl-ilmijiet tad-Dipendenzi tal-Kuruna; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li arranġamenti preċedenti fl-ambitu tat-Trattat tal-Bajja ta' Granville jistgħu jipprovdu bażi għal adattamenti futuri tar-regoli mill-Kunsill ta' Sħubija;

35.

Jiddispjaċih li l-partijiet ikkonċernati mhumiex involuti biżżejjed fil-ġestjoni tal-postijiet għas-sajd ma' pajjiżi terzi, kemm jekk għall-allokazzjoni tal-kwoti, kif ukoll għall-qabdiet totali permissibbli jew għall-miżuri tekniċi; jinsisti li l-Kummissjoni tħaddan ir-rwol tagħha bħala r-rappreżentant tal-UE fin-negozjati ma' pajjiżi terzi sabiex tipproponi mudelli ta' ġestjoni parteċipattiva msaħħa u koġestjoni f'sitwazzjonijiet transfruntiera ma' pajjiżi terzi;

36.

Jenfasizza li, fir-rigward tal-Unjoni Ewropea, il-koġestjoni u kunċetti simili bħall-kogovernanza jew il-ġestjoni parteċipattiva jissemmew fil-preamboli għal diversi strumenti legali tal-UE, iżda ma hemm l-ebda dispożizzjoni żviluppata bis-sħiħ dwar il-kwistjoni; jenfasizza l-ħtieġa għal dibattitu akbar sabiex jiġu promossi l-miżuri speċifiċi meħtieġa għal din is-sistema ta' ġestjoni tal-postijiet għas-sajd, sabiex jittieħed vantaġġ mill-benefiċċji li l-koġestjoni pprovdiet diġà f'reġjuni differenti u f'każijiet differenti;

37.

Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea tista' tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-koġestjoni; jenfasizza li l-miżuri tal-UE għall-koġestjoni għandhom jiffukaw fuq inizjattivi abilitanti fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali u fuq l-iskambju tal-aħjar prattiki;

38.

Jisħaq li s-suċċess tal-koġestjoni jiġi ddeterminat mill-eżistenza ta' strutturi parteċipattivi u kumitat multidixxiplinari b'minimu ta' partijiet ikkonċernati li jirrappreżentaw lill-partijiet interessati kollha fil-ġestjoni ta' post għas-sajd, u fejn l-ekwità, ir-rappreżentanza u t-tħassib ambjentali jitqiesu u l-komunitajiet emarġinati jiġu inklużi;

39.

Jisħaq li, fid-dawl tal-eżempji studjati, il-proċessi ta' koġestjoni tal-postijiet għas-sajd huma aktar reżiljenti u aktar adattivi minn sistemi oħra ta' ġestjoni tal-postijiet tas-sajd u f'ħafna każijiet wasslu għal koeżjoni soċjali akbar, ekwità akbar, stokkijiet imtejba u profittabbiltà mtejba;

40.

Jisħaq li l-koġestjoni tippermetti li jitqiesu aħjar l-għarfien u d-data empirika li s-sajjieda jiġbru mill-ambjent tagħhom, u li f'dan ir-rigward, l-iżvilupp tax-xjenzi parteċipattivi jrid jippermetti t-trasferiment ta' din id-data u l-għarfien empiriku biex jgħinu l-ħidma tar-riċerkaturi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tniedi sejħiet għall-offerti biex ittejjeb l-inklużjoni ta' dan l-għarfien empiriku fil-ħidma xjentifika fil-livelli kollha;

41.

Jirrimarka li fil-livell Ewropew ukoll, il-ġestjoni tal-postijiet għas-sajd għandha ttejjeb id-djalogu bejn il-Kummissjoni u s-settur tas-sajd, pereżempju billi jsir aktar investiment fil-Kunsilli Konsultattivi sabiex il-pariri li jipprovdu fil-livell Ewropew jintużaw bl-aħjar mod u l-ġestjoni tal-postijiet għas-sajd issir aktar effettiva;

42.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, sabiex joħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti fil-postijiet għas-sajd tal-UE, biex jiżguraw appoġġ adegwat għall-organizzazzjonijiet kollha relatati mal-postijiet għas-sajd, b'mod partikolari s-sajjieda fuq skala żgħira, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi fuq skala żgħira u l-kooperattivi involuti fi proċessi tal-koġestjoni;

43.

Jinsisti fuq il-ħtieġa li l-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali tiġi implimentata bis-sħiħ; jirrimarka li din il-konvenzjoni toħloq l-obbligu internazzjonali li jiġu involuti l-popolazzjonijiet affettwati mid-deċiżjonijiet li jkunu se jittieħdu fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

44.

Jisħaq li l-appoġġ tal-flotot kostali u l-preservazzjoni tal-ekosistemi kostali huma fost il-prijoritajiet tal-PKS; iqis li huwa neċessarju, f'dan ir-rigward, li l-ġestjoni tal-postijiet għas-sajd tkun kemm jista' jkun qrib il-livell lokali; jinnota li l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li joħloq restrizzjonijiet fuq il-prinċipju tal-“aċċess għall-ilmijiet”, ma għadux biżżejjed biex jippreserva dawn il-flotot; iqis li l-koġestjoni għandha tkun in-norma għall-ġestjoni tal-postijiet għas-sajd fiż-żoni kostali;

o

o o

45.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)   ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.

(2)   ĠU L 172, 26.6.2019, p. 1.

(3)  Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Mejju 2022 bit-titolu “Inpoġġu lin-nies l-ewwel, niżguraw tkabbir sostenibbli u inklużiv, nilliberaw il-potenzjal taż-żoni ultraperiferiċi tal-UE” (COM(2022)0198).

(4)  Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2021 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030: Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna (ĠU C 67, 8.2.2022, p. 25).

(5)  Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' April 2016 dwar innovazzjoni u diversifikazzjoni tas-sajd kostali artiġjanali fir-reġjuni li jiddependu mis-sajd (ĠU C 58, 15.2.2018, p. 82).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1060/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)