|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje C |
|
C/2023/1020 |
21.11.2023 |
Notifika tal-bidu ta’ proċediment anti-dumping rigward l-importazzjonijiet ta’ eritritol li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina
(C/2023/1020)
Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet ilment skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), li jallega li l-importazzjonijiet tal-eritritol, li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, qed ikunu l-oġġett ta’ dumping u b’hekk qed jikkawżaw dannu (2) għall-industrija tal-Unjoni.
1. L-ilment
L-ilment tressaq fid-9 ta’ Ottubru 2023 minn Jungbunzlauer S.A. (“l-ilmentatur”). L-ilment sar mill-industrija tal-Unjoni tal-eritritol fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku.
Verżjoni pubblika tal-ilment u l-analiżi tal-livell ta’ appoġġ mill-produtturi tal-Unjoni għall-ilment huma disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. It-Taqsima 5.6 ta’ din in-Notifika tipprovdi informazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl mill-partijiet interessati.
2. Prodott li qed jiġi investigat
Il-prodott soġġett għal din l-investigazzjoni huwa l-eritritol, dolċifikant tal-alkoħol taz-zokkor b’erba’ atomi tal-karbonju (poliol) magħmul miz-zokkor jew mill-glukożju, fil-forma pura tiegħu jew li jinsab f’taħlitiet li jkun fihom inqas minn 10 % ta’ prodotti oħra skont il-piż (“il-prodott li qed jiġi investigat”). In-numru tar-reġistru tal-Chemical Abstracts Service (CAS) għall-eritritol fil-forma pura tiegħu huwa 149-32-6.
Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw informazzjoni dwar l-ambitu tal-prodott iridu jagħmlu dan fi żmien għaxart ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika (3).
3. Dumping allegat
Il-prodott li allegatament huwa l-oġġett ta’ dumping huwa l-prodott li qed jiġi investigat, li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (RPĊ, “il-pajjiż ikkonċernat”), bħalissa kklassifikat skont il-kodiċi NM ex 2905 49 00 għall-eritritol fil-forma pura tiegħu u l-kodiċijiet NM ex 2106 90 92 u ex 2106 90 98 għall-prodotti mħallta (kodiċijiet TARIC 2905490015, 2106909265, u 2106909815). Il-kodiċijiet NM u TARIC huma mogħtija għall-informazzjoni biss u mingħajr preġudizzju għal bidla sussegwenti fil-klassifikazzjoni tariffarja. L-ambitu ta’ din l-investigazzjoni huwa soġġett għad-definizzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat kif tinsab fit-taqsima 2.
L-ilmentatur afferma li mhuwiex xieraq li jintużaw il-prezzijiet u l-kostijiet domestiċi fir-RPĊ, minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti skont it-tifsira tal-punt (b) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.
Biex jissostanzja l-allegazzjonijiet ta’ distorsjonijiet sinifikanti, l-ilmentatur qagħad fuq l-informazzjoni li tinsab fid-“Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar Distorsjonijiet Sinifikanti fl-Ekonomija tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-Finijiet tal-Investigazzjonijiet għad-Difiża tal-Kummerċ (4). B’mod partikolari, l-ilmentatur afferma li l-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat jidhru li huma affettwati mill-preżenza tal-istat b’mod ġenerali u mill-fatturi msemmija, fost l-oħrajn fil-kapitoli dwar l-industrija tal-kimika b’mod speċifiku, il-liġijiet dwar il-falliment u l-proprjetà, u d-distorsjonijiet rigward l-art, l-enerġija, il-kapital, il-materja prima u l-manodopera.
L-ilmentatur irrefera wkoll għall-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni f’diversi investigazzjonijiet reċenti dwar is-settur tal-kimika fiċ-Ċina li kkonfermaw l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fil-prezzijiet u fil-kostijiet u li fihom, għalhekk, il-valur normali ma setax jiġi stabbilit abbażi tal-prezzijiet u l-kostijiet domestiċi fiċ-Ċina (5). Barra minn hekk, l-ilmentatur enfasizza li l-awtoritajiet kummerċjali tal-Istati Uniti kienu ddokumentaw ukoll distorsjonijiet sinifikanti tal-prezzijiet u tal-kostijiet fiċ-Ċina b’mod ġenerali u – matul investigazzjonijiet reċenti – għall-prodotti bijokimiċi (inklużi l-eritritol, l-aċidu ċitriku jew il-glukonat tas-sodju) b’mod partikolari (6).
B’riżultat ta’ dan, bil-ħsieb tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, l-allegazzjoni ta’ dumping hija bbażata fuq paragun ta’ valur normali maħdum fuq il-bażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew parametri referenzjarji mingħajr distorsjoni, mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott li qed jiġi investigat meta mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.
Il-marġnijiet tad-dumping ikkalkulati fuq il-bażi ta’ dan it-tqabbil huma sinifikanti għall-pajjiż ikkonċernat.
Fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni tqis li hemm biżżejjed evidenza skont l-Artikolu 5(9) tar-Regolament bażiku li jissuġġerixxu li, minħabba d-distorsjonijiet sinifikanti li jaffettwaw il-prezzijiet u l-kostijiet, l-użu ta’ prezzijiet u kostijiet domestiċi fil-pajjiż ikkonċernat mhuwiex xieraq, u b’hekk jirrikjedi li jingħata bidu għal investigazzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.
Ir-rapport tal-pajjiż jinsab fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ (7).
4. Allegazzjoni ta’ dannu u kawżalità
L-ilmentatur pprovda evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat żdiedu b’mod ġenerali f’termini assoluti u f’termini ta’ sehem mis-suq.
L-evidenza li ngħatat mill-ilmentatur turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott importat li qed jiġi investigat kellhom, fost konsegwenzi oħra, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħa, il-livell tal-prezzijiet mitluba u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni, li rriżultaw f’effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni kumplessiva u s-sitwazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni.
5. Proċedura
Ladarba stabbilixxiet, wara li infurmat lill-Istati Membri, li l-ilment tressaq mill-industrija tal-Unjoni u li hemm biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ proċediment, il-Kummissjoni b’dan qed tagħti bidu għal investigazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku.
L-investigazzjoni tistabbilixxi jekk il-prodott li qed jiġi investigat, li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat huwiex l-oġġett ta’ dumping, u jekk l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping ikkawżawx dannu lill-industrija tal-Unjoni.
Jekk il-konklużjonijiet ikunu fl-affermattiv, l-investigazzjoni teżamina jekk l-impożizzjoni ta’ miżuri tmurx kontra l-interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku.
Il-Kummissjoni tiġbed ukoll l-attenzjoni tal-partijiet għan-Notifika ppubblikata (8) dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq l-investigazzjonijiet anti-dumping u antisussidji li jistgħu jkunu applikabbli għal dan il-proċediment.
5.1. Perjodu ta’ investigazzjoni u perjodu kkunsidrat
L-investigazzjoni tad-dumping u tad-dannu se tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2022 sat-30 ta’ Settembru 2023 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu se jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2020 sa tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).
5.2 Kummenti dwar l-ilment u l-bidu tal-investigazzjoni
Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jikkummentaw dwar l-ilment (inklużi kwistjonijiet li jirrigwardaw id-dannu u l-kawżalità) jew dwar kull aspett li jirrigwarda l-bidu tal-investigazzjoni (inkluż il-livell ta’ sostenn għall-ilment) iridu jagħmlu dan fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
Kull talba għal seduta ta’ smigħ fir-rigward tal-bidu tal-investigazzjoni trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
5.3. Proċedura ta’ kif jiġi stabbilit id-dumping
Il-produtturi esportaturi (9) tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.
5.3.1. Investigazzjoni tal-produtturi esportaturi
(a) Kampjunar
Fid-dawl tal-għadd potenzjalment kbir ta’ produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat involuti f’dan il-proċediment u sabiex l-investigazzjoni titlesta fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-għadd ta’ produtturi esportaturi biex jiġu investigati għal wieħed raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess huwa magħruf ukoll bħala “kampjunar”). Il-kampjunar se jitwettaq f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.
Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ il-kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, huma mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-kumpanija tagħhom fi żmien sebat ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Din l-informazzjoni trid tingħata permezz ta’ TRON.tdi (“TRON”) fl-indirizz li ġej: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi/form/AD699_SAMPLING_FORM_FOR_EXPORTING_PRODUCER. L-informazzjoni dwar l-aċċess għal TRON tinsab fit-Taqsimiet 5.6 u 5.8 hawn taħt.
Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li tkun meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi esportaturi, il-Kummissjoni kkuntattjat ukoll lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u tista’ tikkuntattja lil xi assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi.
Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi esportaturi jistgħu jintgħażlu fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi esportaturi kollha magħrufa, l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi esportaturi se jiġu nnotifikati mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat jekk xieraq, dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.
Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun ta’ produtturi esportaturi, se tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar jekk humiex inklużi fil-kampjun. Il-produtturi esportaturi fil-kampjun se jkollhom jippreżentaw kwestjonarju mimli fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Il-Kummissjoni se żżid nota li tirrifletti l-għażla tal-kampjun fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. Kull kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tliet ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.
Kopja ta’ dan il-kwestjonarju għall-produtturi esportaturi tinsab fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2697
Il-kwestjonarju se jkun disponibbli wkoll għal kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi, u għall-awtoritajiet ta’ dak il-pajjiż.
Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi li jkunu qablu li jiġu inklużi fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu parti mill-kampjun se jitqiesu li jkunu kkooperaw (“produtturi esportaturi li kkooperaw mhux fil-kampjun”). Mingħajr preġudizzju għat-Taqsima 5.3.1(b) hawn taħt, id-dazju anti-dumping li jista’ jiġi applikat għall-importazzjonijiet mill-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda li mhumiex parti mill-kampjun mill-kampjun mhuwiex se jaqbeż il-marġni tal-medja ponderata ta’ dumping stabbilit għall-produtturi esportaturi fil-kampjun (10).
(b) Marġni tad-dumping individwali għall-produtturi esportaturi li mhumiex parti mill-kampjun
Skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda li mhumiex parti mill-kampjun jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-marġni tad-dumping individwali tagħhom. Il-produtturi esportaturi li jixtiequ jagħmlu talba għal marġni tad-dumping individwali jridu jimlew l-kwestjonarju u jagħtuh lura mimli kif xieraq fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Kopja ta’ dan il-kwestjonarju għall-produtturi esportaturi tinsab fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2697. Il-Kummissjoni se teżamina jekk il-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda li mhumiex parti mill-kampjun jistgħux jingħataw dazju individwali f’konformità mal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku.
Madankollu, il-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda li mhumiex parti mill-kampjun li jitolbu marġni ta’ dumping individwali, għandhom ikunu konxji li l-Kummissjoni xorta waħda tista’ tiddeċiedi li ma tistabbilixxix marġni ta’ dumping individwali tagħhom jekk, pereżempju, l-għadd ta’ produtturi esportaturi li kkooperaw, inkluż dawk inkluż fil-kampjun, li għandhom jiġu investigati, tant ikun kbir, li jkun wisq diffiċli biex dan jiġi stabbilit u minħabba f’hekk l-investigazzjoni ma tkunx tista’ titlesta fil-ħin.
5.3.2. Proċedura addizzjonali fir-rigward tal-pajjiż ikkonċernat soġġett għal distorsjonijiet sinifikanti
Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jesprimu l-opinjonijiet tagħhom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
B’mod partikolari, il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet interessati kollha jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar l-inputs u l-kodiċijiet tas-Sistema Armonizzata (Harmonised System, HS) ipprovduti fl-ilment, jipproponu pajjiż(i) rappreżentattiv(i) xieraq/xierqa u jipprovdu l-identità tal-produtturi tal-prodott li qed jiġi investigat f’dawk il-pajjiżi. Din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
Skont il-punt (e) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, ftit wara l-bidu tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni se tinforma lill-partijiet fl-investigazzjoni dwar is-sorsi rilevanti, inkluż, meta xieraq, l-għażla ta’ pajjiż terz rappreżentattiv xieraq li biħsiebha tuża għall-fini tal-istabbiliment tal-valur normali skont l-Artikolu 2(6a) permezz ta’ nota għall-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. Il-partijiet fl-investigazzjoni se jingħataw għaxart ijiem biex jikkummentaw dwar in-nota, f’konformità mal-punt (e) tal-Artikolu 2(6a).
Bil-għan li finalment tagħżel il-pajjiż terz rappreżentattiv xieraq, il-Kummissjoni teżamina jekk f’dawk il-pajjiżi terzi hemmx livell simili ta’ żvilupp ekonomiku bħal dak fil-pajjiż ikkonċernat, jekk hemmx produzzjoni u bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat f’dawk il-pajjiżi terzi u jekk id-data rilevanti hijiex disponibbli minnufih. F’każ li jkun hemm aktar minn pajjiż terz wieħed rappreżentattiv, se tingħata preferenza, meta xieraq, lill-pajjiżi b’livell adegwat ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali. Skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, il-Kolombja tista’ tkun pajjiż terz rappreżentattiv xieraq.
Fil-kuntest ta’ dan l-eżerċizzju, il-Kummissjoni tistieden lill-produtturi kollha fil-pajjiż ikkonċernat jipprovdu l-informazzjoni dwar il-materjali (mhux maħduma u ipproċessati) u l-enerġija użata fil-produzzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Din l-informazzjoni trid tingħata permezz ta’ TRON.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi/form/AD699_INFO_ON_INPUTS_FOR_EXPORTING_PRODUCER_FORM. L-informazzjoni dwar l-aċċess għal TRON tinsab fit-Taqsimiet 5.6 u 5.8 hawn taħt.
Barra minn hekk, kull preżentazzjoni ta’ informazzjoni fattwali biex jiġu vvalutati l-kostijiet u l-prezzijiet skont il-punt (a) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku trid issir fi żmien 65 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Tali informazzjoni fattwali jenħtieġ li tittieħed esklużivament minn sorsi pubbliċi li huma faċilment disponibbli.
5.3.3. Investigazzjoni tal-importaturi mhux relatati (11) (12)
Importaturi mhux relatati tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni huma mistiedna li jipparteċipaw f’din l-investigazzjoni.
Fid-dawl tal-għadd potenzjalment kbir ta’ importaturi mhux relatati involuti f’dan il-proċediment u sabiex l-investigazzjoni titlesta sal-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-għadd ta’ importaturi mhux relatati li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jitwettaq f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.
Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi mhux relatati kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, huma mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom mitluba fl-Anness ta’ din in-Notifika fi żmien sebat ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja lil xi assoċjazzjoni ta’ importaturi magħrufa.
Jekk ikun meħtieġ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli.
Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun, hija tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar il-kampjun tal-importaturi. Il-Kummissjoni se żżid ukoll nota li tirrifletti l-għażla tal-kampjun fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. Kull kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett ijiem min-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.
Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tqiegħed kwestjonarji għad-dispożizzjoni tal-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun. Dawk il-partijiet iridu jippreżentaw il-kwestjonarju mimli fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Kopja ta’ dan il-kwestjonarju għall-importaturi tinsab fil-fajl li jista’ jiġi kkonsultat mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2697
5.4. Proċedura għall-istabbiliment tad-dannu u għall-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni
Kalkolu tad-dannu huwa bbażat fuq evidenza pożittiva u jinvolvi eżami oġġettiv tal-volum tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, tal-effett tagħhom fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u tal-impatt konsegwenti ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. Sabiex jiġi stabbilit jekk l-industrija tal-Unjoni ġarrbitx dannu, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott li qed jiġi investigat huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.
Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi tal-Unjoni, il-Kummissjoni se tagħmel il-kwestjonarji disponibbli għall-produttur magħruf tal-Unjoni, jiġifieri Jungbunzlauer S.A..
Il-produttur tal-Unjoni msemmi hawn fuq irid jippreżenta l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Il-produtturi tal-Unjoni u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li mhumiex elenkati hawn fuq huma mistiedna jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, preferibbilment bil-posta elettronika, minnufih u mhux aktar tard minn sebat ijiem wara l-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, sabiex jippreżentaw lilhom infushom u jitolbu kwestjonarju.
Kopja tal-kwestjonarju għall-produtturi tal-Unjoni hija disponibbli fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati, u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2697
5.5. Proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni
Jekk tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dumping u ta’ dannu kkawżat, se tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk l-adozzjoni ta’ miżuri anti-dumping tkunx fl-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi huma mistiedna jipprovdu lill-Kummissjoni informazzjoni dwar jekk l-impożizzjoni tal-miżuri tkunx fl-interess tal-Unjoni. Sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur iridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat.
L-informazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni trid tiġi pprovduta fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta jew f’format ħieles jew billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. Kopja tal-kwestjonarji, inkluż il-kwestjonarju għall-utenti tal-prodott investigat, hija disponibbli fil-fajl li jista’ jiġi kkonsultat mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2697. L-informazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku se titqies biss jekk tkun sostnuta minn evidenza fattwali fil-ħin tal-preżentazzjoni.
5.6. Partijiet interessati
Sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni, il-partijiet interessati, bħall-produtturi esportaturi, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur, iridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat.
Il-produtturi esportaturi, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li ppreżentaw informazzjoni disponibbli b’konformità mal-proċeduri deskritti fit-Taqsimiet 5.3.1, 5.3.3 u 5.4 hawn fuq jiġu kkunsidrati bħala partijiet interessati jekk ikun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott investigat.
Partijiet oħra jkunu jistgħu jipparteċipaw biss fl-investigazzjoni bħala parti interessata mill-mument li jippreżentaw lilhom infushom, u dment li jkun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat. Li parti titqies bħala parti interessata huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.
L-aċċess għall-fajl disponibbli għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati jsir permezz ta’ TRON.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI. Segwi l-istruzzjonijiet fuq din il-paġna biex ikollok aċċess (13).
5.7. Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni
Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni.
Kull talba għal seduta ta’ smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba kif ukoll sommarju ta’ dak li l-parti interessata tixtieq tiddiskuti waqt is-seduta ta’ smigħ. Is-seduta ta’ smigħ tkun limitat għall-kwistjonijiet stabbiliti minn qabel mill-partijiet interessati bil-miktub.
L-iskeda ta’ żmien għas-seduti ta’ smigħ hija kif ġejja:
|
— |
Għal xi seduta ta’ smigħ li ssir qabel ma tiskadi l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, jenħtieġ li t-talba ssir fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Is-seduta ta’ smigħ normalment issir fi żmien 60 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. |
|
— |
Wara l-istadju tal-konstatazzjonijiet proviżorji, jenħtieġ li ssir talba fi żmien ħamest ijiem mid-data tad-divulgazzjoni tal-konstatazzjonijiet proviżorji jew tad-dokument ta’ informazzjoni. Is-seduta ta’ smigħ normalment issir fi żmien 15-il jum mid-data tan-notifika tad-divulgazzjoni jew mid-data tad-dokument ta’ informazzjoni. |
|
— |
Fl-istadju tal-konstatazzjonijiet definittivi, jenħtieġ li ssir talba fi żmien tlett ijiem mid-data tad-divulgazzjoni finali. Is-seduta ta’ smigħ normalment issir fil-perjodu mogħti għall-kummenti dwar id-divulgazzjoni finali. Jekk ikun hemm divulgazzjoni finali addizzjonali, jenħtieġ li ssir talba minnufih malli tasal din id-divulgazzjoni finali addizzjonali. Is-seduta ta’ smigħ normalment issir fi żmien l-iskadenza biex isiru l-kummenti dwar din id-divulgazzjoni. |
L-iskeda ta’ żmien deskritta hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tas-servizzi tal-Kummissjoni li jaċċettaw seduti ta’ smigħ lil hinn mill-iskeda ta’ żmien f’każijiet debitament ġustifikati u għad-dritt tal-Kummissjoni li tiċħad seduti ta’ smigħ f’każijiet debitament ġustifikati. Meta s-servizzi tal-Kummissjoni jirrifjutaw talba għal seduta ta’ smigħ, il-parti kkonċernata tiġi infurmata bir-raġunijiet għal tali rifjut.
Fil-prinċipju, is-seduti ta’ smigħ ma jintużawx biex tiġi ppreżentata informazzjoni fattwali li tkun għadha mhijiex fil-fajl. Madankollu, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba u biex is-servizzi tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jimxu ’l quddiem bl-investigazzjoni, il-partijiet interessati jistgħu jiġu mitluba jipprovdu informazzjoni fattwali ġdida wara seduta ta’ smigħ.
5.8. Struzzjonijiet għal preżentazzjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza
L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini ta’ investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew data li tkun soġġetta għad-drittijiet tal-awtur ta’ terzi, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti b’mod espliċitu li l-Kummissjoni a) tuża l-informazzjoni u d-data għall-fini ta’ dan il-proċediment għad-difiża tal-kummerċ u b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’forma li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.
Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, fosthom l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduti mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom jiġu mmarkati bħala “Sensitive” (14). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni waqt din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġunijiet għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.
Il-partijiet li jipprovdu informazzjoni mmarkata “Sensitive” huma mitluba jagħtu sommarji mhux kunfidenzjali fir-rigward tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, filwaqt li jimmarkawha “For inspection by interested parties” (Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati). Jenħtieġ li dawk is-sommarji jkunu dettaljati biżżejjed biex is-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata kunfidenzjalment tkun tista’ tinftiehem b’mod raġonevoli.
Jekk parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tagħtix sommarju mhux kunfidenzjali fir-rigward tagħha fil-format u tal-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.
Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi talbiet li għandhom jiġu reġistrati bħala partijiet interessati, kif ukoll il-prokuri u d-dokumenti ta’ ċertifikazzjoni skennjati. Meta jużaw TRON.tdi jew il-posta elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES ippubblikat fis-sit web tad-DG Kummerċ: https://europa.eu/!7tHpY3. Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz u n-numru tat-telefown tagħhom, u indirizz validu tal-posta elettronika u jenħtieġ li jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika li jagħtu jkun indirizz kummerċjali uffiċjali tal-posta elettronika li jiffunzjona u li jiġi ċċekkjat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji tal-kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew tal-posta elettronika biss, sakemm ma jitolbux b’mod espliċitu li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li għandu jintbagħat ma tkunx tirrikjedi l-użu tal-posta rreġistrata. Għal regoli u informazzjoni oħra dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, inklużi l-prinċipji li japplikaw għall-preżentazzjonijiet bi TRON.tdi u bil-posta elettronika, jenħtieġ li l-partijiet interessati jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.
L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:
|
Il-Kummissjoni Ewropea |
|
Id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ |
|
Id-Direttorat G |
|
Uffiċċju: CHAR 04/039 |
|
1049 Bruxelles/Brussel |
|
BELGIQUE/BELGIË |
L-indirizz tal-posta elettronika għal kwistjonijiet relatati mad-dumping:
TRADE-AD699-ERYTHRITOL-DUMPING@ec.europa.eu
L-indirizz elettroniku għal dannu u aspetti tal-interess tal-Unjoni, inkluż l-Anness ta’ din in-Notifika:
TRADE-AD699-ERYTHRITOL-INJURY@ec.europa.eu
6. Skeda tal-investigazzjoni
Normalment, skont l-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku, l-investigazzjoni tiġi konkluża fi żmien 13-il xahar, iżda mhux aktar minn 14-il xahar, mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. F’konformità mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku, normalment il-miżuri proviżorji jistgħu jiġu imposti sa mhux aktar tard minn seba’ xhur mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, iżda f’kull każ sa mhux iktar tard minn tmien xhur mill-pubblikazzjoni tagħha.
F’konformità mal-Artikolu 19a tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni se tipprovdi informazzjoni dwar l-impożizzjoni ppjanata ta’ dazji proviżorji erba’ ġimgħat qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji. Il-partijiet interessati jingħataw tlett ijiem tax-xogħol biex jikkummentaw bil-miktub dwar kemm huma preċiżi l-kalkoli.
F’każijiet li fihom il-Kummissjoni biħsiebha ma timponix dazji proviżorji iżda li tkompli l-investigazzjoni, il-partijiet interessati jiġu infurmati, permezz ta’ dokument ta’ informazzjoni, bin-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ dazji erba’ ġimgħat qabel ma tiskorri l-iskadenza skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku.
Il-partijiet interessati jingħataw 15-il jum biex jikkummentaw bil-miktub dwar il-konstatazzjonijiet proviżorji jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni, u għaxart ijiem biex jikkummentaw bil-miktub dwar il-konstatazzjonijiet definittivi, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Meta applikabbli, id-divulgazzjonijiet finali addizzjonali jispeċifikaw l-iskadenza għall-partijiet interessati biex jagħtu l-kummenti tagħhom bil-miktub.
7. Preżentazzjoni tal-informazzjoni
Bħala regola, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw biss l-informazzjoni fl-iskedi ta’ żmien speċifikati fit-Taqsimiet 5 u 6 ta’ din in-Notifika. Il-preżentazzjoni ta’ kull informazzjoni oħra mhux koperta minn dawk it-taqsimiet jenħtieġ li tirrispetta l-iskeda li ġejja:
|
— |
Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, kull informazzjoni għall-istadju tal-konstatazzjonijiet proviżorji jenħtieġ li tiġi ppreżentata fi żmien 70 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. |
|
— |
Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, jenħtieġ li l-partijiet interessati ma jippreżentawx informazzjoni fattwali ġdida wara l-iskadenza għall-kummenti dwar id-divulgazzjoni tal-konstatazzjonijiet proviżorji jew id-dokument ta’ informazzjoni fl-istadju tal-konstatazzjonijiet proviżorji. Wara din l-iskadenza, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw biss informazzjoni fattwali ġdida jekk ikunu jistgħu juru li tali informazzjoni fattwali ġdida hija meħtieġa biex tirribatti l-allegazzjonijiet fattwali li jsiru minn partijiet interessati oħra u dment li tali informazzjoni fattwali ġdida tista’ tiġi vverifikata fiż-żmien disponibbli biex l-investigazzjoni titlesta fil-ħin. |
|
— |
Sabiex l-investigazzjoni titlesta fl-iskadenzi obbligatorji, il-Kummissjoni ma taċċettax iktar preżentazzjonijiet mingħand il-partijiet interessati wara l-iskadenza għall-kummenti dwar id-divulgazzjoni finali jew, jekk applikabbli, wara l-iskadenza għal kummenti dwar id-divulgazzjoni finali addizzjonali. |
8. Possibbiltà għall-kummenti dwar il-preżentazzjonijiet ta’ partijiet oħra
Sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża, jenħtieġ li l-partijiet interessati jkollhom il-possibbiltà jikkummentaw dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra. Meta jagħmlu dan, il-partijiet interessati jistgħu jindirizzaw biss kwistjonijiet imqajma fil-preżentazzjonijiet tal-partijiet interessati l-oħra u ma jistgħux iqajmu kwistjonijiet ġodda.
Tali kummenti jenħtieġ li jsiru skont l-iskeda ta’ żmien li ġejja:
|
— |
Jenħtieġ li kull kumment dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra qabel l-iskadenza tal-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji ssir fi żmien 75 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. |
|
— |
Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għad-divulgazzjoni tal-konstatazzjonijiet proviżorji jew tad-dokument ta’ informazzjoni jiġu ppreżentati fi żmien sebat ijiem mill-iskadenza għall-kummenti dwar il-konstatazzjonijiet proviżorji jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. |
|
— |
Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għad-divulgazzjoni finali jiġu ppreżentati fi żmien tlett ijiem mill-iskadenza għall-kummenti dwar id-divulgazzjoni finali, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Jekk ikun hemm divulgazzjoni finali addizzjonali, jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għal din id-divulgazzjoni isiru fi żmien jum mill-iskadenza għal kummenti dwar din id-divulgazzjoni, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. |
L-iskeda ta’ żmien indikata hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li titlob għal informazzjoni addizzjonali mingħand il-partijiet interessati f’każijiet debitament ġustifikati.
9. Estensjoni tal-limiti ta’ żmien speċifikati f’din in-Notifika
Jenħtieġ li kull estensjoni tal-limiti ta’ żmien previsti f’din in-Notifika tiġi rikjesta biss f’ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni u tingħata biss jekk tkun debitament ġustifikata meta tingħata raġuni tajba.
F’kull każ, kull estensjoni fl-iskadenza tar-risposta għall-kwestjonarji se tkun limitata normalment għal tlett ijiem, u bħala regola ma taqbiżx is-sebat ijiem.
Rigward il-limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni oħra speċifikata fin-Notifika tal-Bidu, l-estensjonijiet se jkunu limitati għal tlett ijiem sakemm ma jintweriex li hemm ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni.
10. Nonkooperazzjoni
F’każijiet li fihom xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa sal-limitu tal-iskadenzi, jew tfixkel l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, il-konstatazzjonijiet proviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.
Meta jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.
Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u għalhekk il-konstatazzjonijiet ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.
In-nuqqas ta’ tweġiba kompjuterizzata ma għandux jitqies bħala nonkooperazzjoni, dment li l-parti interessata kkonċernata turi li l-preżentazzjoni tat-tweġiba kif mitlub tkun tirriżulta f’piż żejjed mhux raġonevoli jew f’kost addizzjonali mhux raġonevoli. F’dan il-każ jenħtieġ li l-parti interessata tikkuntattja minnufih lill-Kummissjoni.
11. Uffiċjal tas-Seduta
Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Smigħ għal proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Smigħ jirrieżamina t-talbiet għal aċċess għall-fajl, it-tilwim rigward il-kunfidenzjalità ta’ dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kull talba oħra li tista’ tqum waqt il-proċediment dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi.
L-Uffiċjal tas-Smigħ jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti interessata jew il-partijiet interessati u s-servizzi tal-Kummissjoni biex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jiġu eżerċitati bis-sħiħ. Talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Smigħ jenħtieġ li ssir bil-miktub u jenħtieġ li tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Smigħ jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Dawn is-seduti ta’ smigħ jenħtieġ li jsiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu.
Il-partijiet interessati huma mistiedna jsegwu l-iskedi ta’ żmien stabbiliti fit-Taqsima 5.7 ta’ din in-Notifika anki fir-rigward tal-interventi, inklużi s-seduti ta’ smigħ, mill-Uffiċjal tas-Seduta. Kull talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u bla dewmien sabiex ma xxekkilx it-tmexxija tajjeb tal-proċedimenti. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-partijiet interessati jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Smigħ kemm jista’ jkun malajr wara li jseħħ il-każ li jiġġustifika tali intervent. L-Uffiċjal tas-Smigħ jeżamina r-raġunijiet għal talbiet għall-interventi, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawk il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li jqis debitament l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba u t-tlestija f’waqtha tal-investigazzjoni.
Għal iktar informazzjoni u d-dettalji tal-kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Smigħ fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://policy.trade.ec.europa.eu/contacts/hearing-officer_mt
12. Proċessar ta’ data personali
Kull data personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).
Notifika dwar il-protezzjoni tad-data li tinforma lill-individwi kollha dwar proċessar ta’ data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni hija disponibbli fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://europa.eu/!vr4g9W
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21
(2) It-terminu ġenerali “dannu” jirreferi għal dannu materjali kif ukoll għat-theddida ta’ dannu materjali jew għad-dewmien materjali biex tiġi stabbilita industrija, kif stipulat fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament bażiku.
(3) Ir-referenzi għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika jirreferu għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
(4) Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar Distorsjonijiet Sinifikanti fl-Ekonomija tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-Finijiet tal-Investigazzjonijiet għad-Difiża tal-Kummerċ, 20 ta’ Diċembru 2017, SWD(2017) 483 final/2, disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/transparency/documents-register/detail?ref=SWD(2017)483&lang=mt
(5) Pereż. ĠU L 315, 29.9.2020, p. 1; ĠU L 85, 12.3.2021, p. 154; ĠU L 129, 15.4.2021, p. 73; ĠU L 132, 19.4.2021, p. 63
(6) Ara l-Memorandum A-570/053 dwar l-Istatus taċ-Ċina bħala Ekonomija Mhux tas-Suq, iddatat is-26 ta’ Ottubru 2017, fi https://enforcement.trade.gov/download/prc-nme-status/prc-nme-review-final-103017.pdf
(7) Id-dokumenti msemmija fir-rapport tal-pajjiż jistgħu jinkisbu wkoll wara talba motivata kif xieraq.
(8) Dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq l-investigazzjonijiet anti-dumping u antisussidji, ĠU C 86, 16.3.2020, p. 6.
(9) Produttur esportatur huwa kull kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u tesporta l-prodott li qed jiġi investigat lejn is-suq tal-Unjoni, jew direttament inkella permezz ta’ parti terza, inkluża kull kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, il-bejgħ domestiku jew l-esportazzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat.
(10) Skont l-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku, kull marġni żero u de minimis, u l-marġnijiet stabbiliti f’konformità maċ-ċirkostanzi deskritti fl-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku mhumiex se jitqiesu.
(11) Din it-Taqsima tkopri biss l-importaturi mhux relatati mal-produtturi esportaturi. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi jridu jimlew l-Anness I tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu sħab legalment rikonoxxuti fin-negozju; (c) ikunu l-impjegatur u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi, tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-ishma maħruġa bi dritt tal-vot pendenti; (e) persuna minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). Persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja biss jekk ikollhom xi waħda mir-relazzjonijiet segwenti ma’ xulxin: konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (kemm jekk mill-istess ġenituri kif ukoll aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. F’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kull assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta skont id-dritt tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).
(12) Id-data pprovduta minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll b’rabta ma’ aspetti oħra ta’ din l-investigazzjoni għajr l-istabbiliment ta’ dumping.
(13) F’każ ta’ problemi tekniċi kkuntattja lit-Trade Service Desk permezz ta’ email lil trade-service-desk@ec.europa.eu jew bit-telefown +32 2 297 97 97.
(14) Dokument “Sensitive” huwa dokument li jitqies kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Anti-dumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
(15) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward ta’ proċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE, ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39.
ANNESS
|
☐ |
Verżjoni sensittiva |
|
☐ |
Verżjoni għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati |
|
(immarka l-kaxxa rilevanti) |
|
PROĊEDIMENT ANTI-DUMPING DWAR L-IMPORTAZZJONIJIET TAL-ERITRITOL LI JORIĠINAW MIR-REPUBBLIKA TAL-POPLU TAĊ-ĊINA
INFORMAZZJONI GĦALL-GĦAŻLA TAL-KAMPJUN TA’ IMPORTATURI MHUX RELATATI
Din il-formola hija mfassla biex tgħin lill-importaturi mhux relatati jwieġbu għat-talba għal informazzjoni dwar il-kampjunar li saret fil-punt 5.3.3 tan-notifika tal-bidu.
Kemm il-verżjoni Sensitive kif ukoll il-verżjoni For inspection by interested parties (Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati) jenħtieġ li jintbagħtu lura lill-Kummissjoni kif stabbilit fin-notifika tal-bidu.
1. DETTALJI TAL-KUNTATT U TAL-IDENTITÀ
Agħti d-dettalji li ġejjin dwar il-kumpanija tiegħek:
|
Isem il-kumpanija |
|
|
Indirizz |
|
|
Persuna ta’ kuntatt |
|
|
Indirizz elettroniku |
|
|
Numru tat-telefown |
|
2. FATTURAT U VOLUM TAL-BEJGĦ
Indika l-fatturat totali f’euro (EUR) tal-kumpanija, il-valur f’euro (EUR) u l-volum f’tunnellati metriċi tal-importazzjonijiet u l-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (RPĊ) matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, tal-prodott li qed jiġi investigat, kif definit fin-notifika tal-bidu.
|
|
Tunnellati metriċi |
Valur f’euro (EUR) |
|
Fatturat totali tal-kumpanija tiegħek f’euro (EUR) |
|
|
|
Importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat li joriġinaw mir-RPĊ |
|
|
|
Importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat (joriġina minn fejn joriġina) |
|
|
|
Bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara importazzjoni mir-RPĊ tal-prodott li qed jiġi investigat |
|
|
3. ATTIVITAJIET TAL-KUMPANIJA TIEGĦEK U TAL-KUMPANIJI RELATATI (1)
Agħti d-dettalji tal-attivitajiet eżatti tal-kumpanija u tal-kumpaniji relatati kollha (elenkahom u ddikjara r-relazzjoni tagħhom mal-kumpanija tiegħek) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ (f’esportazzjonijiet u/jew domestiku) tal-prodott li qed jiġi investigat. Tali attivitajiet jistgħu jinkludu x-xiri tal-prodott li qed jiġi investigat, il-produzzjoni tiegħu skont arranġamenti ta’ sottokuntrattar, jew l-ipproċessar jew in-negozjar tal-prodott li qed jiġi investigat, iżda mhumiex limitati għal dawn biss.
|
Isem u lokalità tal-kumpanija |
Attivitajiet |
Relazzjoni |
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
4. INFORMAZZJONI OĦRA
Agħti kull informazzjoni rilevanti oħra li l-kumpanija tqis li tista’ tkun utli biex tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.
5. ĊERTIFIKAZZJONI
Meta tipprovdi l-informazzjoni ta’ hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan ifisser li għandha timla kwestjonarju u taċċetta żjara fil-post fejn tinsab biex jiġu vverifikati t-tweġibiet tagħha. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun, din se titqies li ma kkoperatx fl-investigazzjoni. Il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni għall-importaturi li ma jikkooperawx huma bbażati fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-kumpanija milli kieku tkun ikkooperat.
Firma tal-uffiċjal awtorizzat:
Isem u titlu tal-uffiċjal awtorizzat:
Data:
(1) F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu sħab legalment rikonoxxuti fin-negozju; (c) ikunu l-impjegatur u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi, tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-ishma maħruġa bi dritt tal-vot pendenti; (e) persuna minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). Persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja biss jekk ikollhom xi waħda mir-relazzjonijiet segwenti ma’ xulxin: konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (kemm jekk mill-istess ġenituri kif ukoll aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. F’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kull assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta skont id-dritt tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1020/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)