European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2023/1016

22.11.2023

SEJĦA GĦAL KANDIDATURI

Pożizzjoni ta’ Direttur tat-Traduzzjoni Ġuridika (grad AD 14 jew AD 15) ser tkun vakanti fi ħdan id-Direttorat Ġenerali tal-Multilingwiżmu tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea b’effett mill-1 ta’ Frar 2024

(C/2023/1016)

Din il-pożizzjoni ser timtela b’applikazzjoni tal-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea.

I.   Preżentazzjoni tad-dipartiment

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija waħda mis-seba’ istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, li tagħha hija ilha l-awtorità ġudizzjarja sa mill-1952. Illum il-ġurnata, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija kkostitwita minn żewġ qrati: il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali. Bejniethom, dawn iż-żewġ qrati jagħtu iktar minn 1 600 deċiżjoni fis-sena f’oqsma ġudizzjarji ferm differenti. Sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-missjoni tagħhom, il-qrati jistrieħu fuq id-dipartimenti kollha tal-istituzzjoni, li jipprovdulhom l-għajnuna meħtieġa sabiex tiġi osservata, b’mod partikolari, is-sistema ta’ multilingwiżmu integrali li hija karatteristika tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali.

Din is-sistema lingwistika, li hija unika mad-dinja kollha, tiggarantixxi l-aċċess għall-ġustizzja u għall-ġurisprudenza tal-Unjoni għaċ-ċittadini Ewropej kollha fil-lingwa uffiċjali tal-għażla tagħhom, u b’hekk tiżgura l-osservanza tal-ugwaljanza bejn il-lingwi u bejn l-Istati Membri, kif ukoll ir-rikkezza u d-diversità lingwistika u kulturali tal-Unjoni.

Sabiex tosserva din is-sistema lingwistika, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tistrieħ fuq id-Direttorat Ġenerali tal-Multilingwiżmu (iktar ’il quddiem id-“DĠM”), li jiġbor fi ħdanu d-Direttorat tal-Interpretazzjoni u d-Dipartiment tat-Traduzzjoni li, min-naħa tiegħu, huwa kkostitwit minn żewġ Direttorati tat-Traduzzjoni Ġuridika, li wieħed minnhom huwa s-suġġett ta’ din is-sejħa għal kandidaturi. Id-Dipartiment tat-Traduzzjoni Ġuridika jiġbor fi ħdanu kważi 850 persuna, maqsuma f’24 diviżjoni lingwistika (jiġifieri waħda għal kull lingwa uffiċjali tal-Unjoni).

Fid-dawl tal-missjoni ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u, għalhekk, tal-interessi ġuridiċi marbuta mat-traduzzjoni ta’ dokumenti ta’ natura teknika ħafna, id-diviżjonijiet lingwistiċi huma kkostitwiti biss minn tradutturi li għandhom taħriġ legali komplet. B’hekk, madwar 600 ġurista lingwista, maqsuma fi ħdan id-diversi diviżjonijiet lingwistiċi, jiżguraw l-osservanza tas-sistema lingwistika obbligatorja, filwaqt li, bħala esperti b’mod partikolari tad-dritt nazzjonali u tad-dritt komparattiv, jaqdu l-ħtiġijiet tal-qrati u tal-istituzzjoni fil-kuntest ta’ xogħol ta’ trattament preliminari jew ta’ riċerka terminoloġika, dokumentarja jew ġuridika. Huma jiffaċilitaw, b’hekk, id-djalogu bejn il-kulturi ġuridiċi tal-Istati Membri fil-kuntest tal-proċeduri mressqa quddiem il-qrati li jifformaw il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

II.   Natura tal-funzjonijiet

Il-persuna li tokkupa din il-pożizzjoni tieħu sehem, fi ħdan it-tim ta’ tmexxija tad-Direttorat Ġenerali tal-Multilingwiżmu, taħt l-awtorità tad-Direttur Ġenerali tiegħu, fil-ġestjoni tad-dipartiment lingwistiku, billi tikkontribwixxi għad-definizzjoni u għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet intiżi li jiggarantixxu l-osservanza tas-sistema lingwistika tal-istituzzjoni u tal-qrati tagħha.

F’dan il-kuntest, id-Direttur imexxi u jikkoordina l-azzjoni ta’ parti mid-diviżjonijiet tad-DĠM, jiġifieri iktar minn 400 uffiċjal u membri tal-persunal, u jiżgura l-osservanza tal-istandards għoljin ħafna f’termini ta’ kwalità u ta’ ħeffa li huma mistennija mid-dipartiment għall-finijiet, b’mod partikolari, tat-trattament tal-kawżi. Għal dan il-għan, huwa jieħu sehem ukoll, bħala uffiċjal awtorizzanti b’sottodelega, fil-ġestjoni tal-krediti mqiegħda għad-dispożizzjoni tad-dipartiment lingwistiku, li jammontaw għal kważi 15-il miljun euro.

Id-Direttur huwa responsabbli wkoll, b’kooperazzjoni mill-qrib mat-tim ta’ tmexxija, għad-definizzjoni u għall-implimentazzjoni tal-passi u tal-linji gwida strateġiċi maħsuba sabiex jiġi protett u promoss il-multilingwiżmu kemm fi ħdan kif ukoll barra l-istituzzjoni.

F’dan il-kuntest, huwa jikkontribwixxi għar-riflessjonijiet strateġiċi kollha li għandhom jippermettu lid-dipartiment jaffaċċja bil-kalma l-isfidi speċifiċi li huwa mistenni jiltaqa’ magħhom fi żmien qasir, medju u twil, li jinkludu l-evoluzzjoni fil-kompiti u fl-arti tat-traduzzjoni, il-bidliet teknoloġiċi u l-kompetenzi ġodda li jirriżultaw mill-emerġenza ta’ għodda bbażata, b’mod partikolari, fuq l-intelliġenza artifiċjali, il-bidliet fl-ambjent, fil-kundizzjonijiet u fil-modalitajiet tax-xogħol tal-ġuristi lingwisti u, f’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tisħiħ tar-rekwiżiti applikabbli għad-dipartiment f’termini tal-aspettattivi eżemplari, tat-trasparenza u tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi mqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu.

III.   Profil imfittex

Qegħdin infittxu persuna li għandha l-kapaċità li tifhem l-isfidi li jiltaqa’ magħhom dipartiment tat-traduzzjoni modern, li tikkontribwixxi għat-tfassil tar-reazzjonijiet strateġiċi li għandhom jittieħdu, b’koordinazzjoni mal-prijoritajiet iddefiniti mill-istituzzjoni u mid-Direttorat Ġenerali, u li tipprovdi l-ixprunar meħtieġ sabiex jinbdew u jiġu konklużi l-bidliet meħtieġa. Għal din ir-raġuni, il-persuna li eventwalment ser tokkupa din il-pożizzjoni għandha turi li għandha kapaċità kbira ta’ analiżi u ta’ riflessjoni prospettiva, għandu jkollha l-enerġija li talimenta u li tmexxi l-proċess tal-bidla, filwaqt li jkollha d-determinazzjoni u l-kalma meħtieġa sabiex titwettaq din it-trasformazzjoni.

Fid-dawl tal-interessi partikolari li jirriżultaw mill-missjoni ġudizzjarja tal-istituzzjoni u fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mir-rwol tat-traduzzjoni fil-kuntest tal-kawżi mressqa quddiem il-qrati, ikun ċertament ta’ vantaġġ jekk il-persuna li eventwalment ser tokkupa din il-pożizzjoni jkollha taħriġ legali komplet jew esperjenza professjonali kunsiderevoli f’kuntest ġudizzjarju u esperjenza rilevanti fil-qasam tat-traduzzjoni.

Il-persuna li eventwalment ser tokkupa din il-pożizzjoni għandha tieħu interess partikolari fit-teknoloġiji l-ġodda u, b’mod partikolari, fl-isfidi u fl-opportunitajiet li tippreżenta l-għodda bbażata b’mod partikolari fuq l-intelliġenza artifiċjali fil-qasam lingwistiku u għandu jkollha kurzita intellettwali, b’moħħ miftuħ fejn jidħol it-tiftix ta’ soluzzjonijiet pragmatiċi u effikaċi, kif ukoll dedikazzjoni għall-kwalità, għall-ħeffa u għall-adattament tas-servizz mogħti lill-qrati, lill-partijiet fil-kawża u liċ-ċittadini Ewropej.

Sabiex tmexxi b’suċċess entità amministrattiva multikulturali ta’ daqs kbir, ikkaratterizzata mil-livell għoli ta’ perizja u mill-kompetenza doppja tal-persunal li jikkostitiwxxuha, il-persuna li eventwalment ser tokkupa din il-pożizzjoni għandha tkun tista’ tistrieħ ukoll fuq il-kapaċitajiet eċċellenti tagħha fejn tidħol il-ġestjoni amministrattiva, fuq is-sens żviluppat tagħha għad-djalogu u għar-relazzjonijiet interpersonali kif ukoll fuq il-kapaċità tagħha li tistabbilixxi u tmantni relazzjonijiet kostruttivi, kemm fi ħdan kif ukoll barra l-istituzzjoni, b’mod partikolari mad-dipartimenti korrispondenti fi ħdan l-istituzzjonijiet l-oħra u l-aġenziji tal-Unjoni Ewropea u lil hinn minnhom.

Fl-aħħar nett, il-persuna li eventwalment ser tokkupa din il-pożizzjoni għandu jkollha personalità konvinta u għandu jkollha l-kapaċità li tgħaqqad in-nies madwar il-valuri mħaddna mill-istituzzjoni fil-qasam tal-ugwaljanza tal-lingwi u tal-kulturi, u għandu jkollha wkoll kwalitajiet ta’ komunikazzjoni u ta’ negozjar stabbiliti, li għandhom jippermettulha tikkontribwixxi għall-promozzjoni u għall-protezzjoni tal-multilingwiżmu.

IV.   Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà

Sabiex jiġu ammessi jieħdu sehem fil-fażi ta’ evalwazzjoni tal-kandidaturi, il-kandidati għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-ħatra bħala uffiċjal previsti fir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”). Barra minn hekk, huma għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet minimi segwenti:

ikunu kisbu livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal programm komplet ta’ studji universitarji kkonfermati permezz ta’ diploma;

ikunu kisbu esperjenza professjonali rilevanti ta’ minn tal-inqas għaxar snin;

ikollhom esperjenza kkonfermata fil-ġestjoni ta’ tim;

ikollhom konoxxenza approfondita ta’ lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll konoxxenza tajba ħafna ta’ minn tal-inqas żewġ lingwi uffiċjali oħra. Għal raġunijiet marbuta mas-servizz, hija meħtieġa konoxxenza tajba tal-Franċiż u tal-Ingliż.

V.   Remunerazzjoni u kundizzjonijiet tal-impjieg

Ir-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet tal-impjieg huma dawk previsti fir-Regolamenti tal-Persunal għall-uffiċjali fil-grad AD 14 jew AD 15 (1).

Tinġibed l-attenzjoni tal-kandidati għall-obbligu impost mir-Regolamenti tal-Persunal fuq kull uffiċjal ġdid li jtemm b’suċċess perijodu ta’ prova ta’ disa’ xhur.

VI.   Politika ta’ reklutaġġ

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tiżgura opportunitajiet ugwali, bla ħsara għall-evalwazzjoni komparattiva tal-merti tal-kandidati, u l-ugwaljanza fit-trattament għall-persuni kollha li jesprimu l-interess tagħhom f’pożizzjoni vakanti. Hija tinkoraġġixxi b’mod attiv il-preżentazzjoni ta’ kandidaturi differenti minn kandidati li jkollhom esperjenza, kompetenzi u konoxxenzi differenti, fuq l-iktar bażi ġeografika wiesgħa possibbli fost iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

F’dan il-kuntest, kull kandidat li jinsab f’sitwazzjoni ta’ diżabbiltà jew li jinsab fi stat ta’ saħħa li jista’ jkollhom impatt fuq il-kapaċità tiegħu li jieħu sehem fil-fażi ta’ evalwazzjoni ta’ din il-proċedura ta’ selezzjoni huwa mistieden jikkuntattja lid-Diviżjoni “Selezzjoni tat-talenti” tad-Direttorat tar-Riżorsi Umani (DIR-DGM@curia.europa.eu), hekk kif jippreżenta l-kandidatura tiegħu, sabiex din id-diviżjoni tkun tista’ torganizza, konformement mal-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal, l-arranġamenti meħtieġa sabiex l-imsemmi kandidat ikun jista jipparteċipa b’mod sħiħ fil-fażi ta’ evalwazzjoni. Għal dan il-għan, il-kandidat jista’ jiġi mistieden jibgħat lid-dipartiment mediku tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ċertifikat mediku jew attestazzjoni stabbilita minn awtorità nazzjonali, li ser jiġu eżaminati għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-arranġamenti meħtieġa.

Għal kull informazzjoni dwar l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq għall-finijiet ta’ din il-proċedura ta’ selezzjoni, il-kandidati huma mistiedna jirreferu għall-avviż ta’ informazzjoni dwar ir-reklutaġġ fid-dipartimenti amministrattivi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

VII.   Preżentata tal-kandidaturi

Il-kandidati għal din il-pożizzjoni huma mistiedna jibagħtu l-kandidatura tagħhom, b’ittra elettronika, esklużivament fuq l-indirizz elettroniku DIR-DGM@curia.europa.eu, sa mhux iktar tard mill-21 ta’ Diċembru 2023 fil-17.00, ħin tal-Lussemburgu.

Il-kandidatura għandha tinkludi ittra ta’ motivazzjoni, curriculum vitae u kwalunkwe dokument utli ieħor, kif ukoll espożizzjoni qasira mill-kandidat (ta’ mhux iktar minn 5 paġni) dwar il-viżjoni tiegħu tal-attivitajiet u tal-ġestjoni tad-direttorat ikkonċernat mis-sejħa għal kandidaturi.

Approvat fl-24 ta’ Ottubru 2023.


(1)  Bħala indikazzjoni, is-salarju mensili bażiku ta’ uffiċjal fil-grad AD 14, skala 1, huwa ta’ EUR 16 292 u dak korrispondenti għall-grad AD 15, skala 1, huwa ta’ EUR 18 433.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1016/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)