European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2023/994

14.11.2023

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Novembru 2023

li tivvaluta l-progress li sar mill-Istati Membri parteċipanti biex iwettqu l-impenji meħuda fil-qafas tal-kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO)

(C/2023/994)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 46(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 10 dwar il-kooperazzjoni strutturata permanenti stabbilita bl-Artikolu 42 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2315 tal-11 ta’ Diċembru 2017 li tistabbilixxi kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) u li tiddetermina l-lista ta’ Stati Membri Parteċipanti (1),

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

L-Artikolu 4(2)(d) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315 jipprevedi li l-Kunsill għandu jadotta deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet dwar il-valutazzjoni tal-kontributi tal-Istati Membri parteċipanti biex iwettqu l-impenji maqbula, skont il-mekkaniżmu deskritt fl-Artikolu 6 ta’ dik id-Deċiżjoni.

(2)

L-Artikolu 6(3) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315 jipprevedi li, abbażi tar-rapport annwali dwar il-PESCO ppreżentat mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”), il-Kunsill għandu jirrieżamina darba fis-sena jekk l-Istati Membri parteċipanti għadhomx iwettqu l-impenji aktar vinkolanti msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dik id-Deċiżjoni.

(3)

L-Appendiċi 1 għall-Anness tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2020 dwar ir-Rieżami Strateġiku tal-PESCO għall-2020 jispeċifika li r-Rappreżentant Għoli għandu jippreżenta r-rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-PESCO sa Lulju ta’ kull sena, bil-ħsieb li l-Kunsill jadotta r-rakkomandazzjoni tiegħu li tivvaluta l-progress li jkun sar mill-Istati Membri parteċipanti biex iwettqu l-impenji meħuda fil-qafas tal-PESCO sa Novembru ta’ dik is-sena. Il-paragrafu 16 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ Marzu 2018 dwar pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni tal-PESCO (2) jipprevedi li l-Kumitat Militari tal-Unjoni Ewropea (EUMC) jenħtieġ li jipprovdi parir militari u rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà biex dan ikun jista’ jħejji r-rieżami tal-Kunsill dwar jekk l-Istati Membri parteċipanti jkunux għadhom iwettqu l-impenji aktar vinkolanti.

(4)

Il-paragrafu 26 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2021 dwar is-sekwenzjar tat-twettiq tal-impenji aktar vinkolanti meħuda fil-qafas tal-PESCO u li tispeċifika objettivi aktar preċiżi, u li tħassar ir-Rakkomandazzjoni tal-15 ta’ Ottubru 2018 (3) (ir-“Rakkomandazzjoni tas-16 ta’ Novembru 2021”), jipprevedi li l-Istati Membri parteċipanti ser jirrieżaminaw u jaġġornaw il-pjanijiet ta’ implimentazzjoni nazzjonali (PIN) tagħhom kif meħtieġ u jikkomunikawhom lis-segretarjat tal-PESCO sal-10 ta’ Marzu 2022, u kull sena wara dan sal-istess data f’konformità mal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315, fid-dawl tal-proċess ta’ valutazzjoni stipulat fl-Artikolu 6(3) ta’ dik id-Deċiżjoni. Kull sentejn, il-PIN jenħtieġ li jkunu akkumpanjati minn dikjarazzjoni politika ta’ livell għoli fejn l-Istati Membri parteċipanti jistgħu jelenkaw il-kisbiet ewlenin, jindikaw il-prijoritajiet nazzjonali speċifiċi u jaqsmu l-esperjenza tagħhom fejn jidħlu l-ippjanar u l-kontributi għat-twettiq tal-impenji aktar vinkolanti kollha.

(5)

Il-paragrafu 28 tar-Rakkomandazzjoni tas-16 ta’ Novembru 2021 jipprevedi li r-Rappreżentant Għoli jenħtieġ li jieħu kont ta’ dik ir-Rakkomandazzjoni fir-rapport annwali dwar il-PESCO mill-2022 ’il quddiem, liema rapport ser jappoġġa l-valutazzjoni tat-twettiq tal-impenji aktar vinkolanti minn kull Stat Membru parteċipanti.

(6)

Fil-21 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill adotta l-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża u fl-20 ta’ Marzu 2023 ir-Rappreżentant Għoli ppreżenta r-Rapport Annwali tiegħu dwar l-Implimentazzjoni tal-Boxxla Strateġika, li fih appella biex l-impenn politiku kontinwu u sod tal-Istati Membri biex il-PESCO tilħaq l-objettivi tagħha u biex huma jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Boxxla Strateġika.

(7)

Fit-23 ta’ Mejju 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/1015 (4), li tikkonferma l-parteċipazzjoni tad-Danimarka fil-PESCO, u li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315 li tistabbilixxi Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) u li tiddetermina l-lista ta’ Stati Membri parteċipanti.

(8)

Fil-25 ta’ Lulju 2023, ir-Rappreżentant Għoli pprovda lill-Kunsill ir-Rapport Annwali tiegħu dwar l-istat ta’ implimentazzjoni tal-PESCO (ir-“Rapport Annwali”), inkluż dwar it-twettiq minn kull Stat Membru parteċipanti tal-impenji tiegħu, skont il-PIN aġġornat u rieżaminat tiegħu.

(9)

Għalhekk, fuq dik il-bażi l-Kunsill jenħtieġ li jadotta Rakkomandazzjoni li tivvaluta l-progress li sar mill-Istati Membri parteċipanti biex iwettqu l-impenji meħuda fil-qafas tal-PESCO,

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

I.   Objettiv u ambitu

1.

L-objettiv ta’ din ir-Rakkomandazzjoni huwa li tivvaluta l-kontributi li saru mill-Istati Membri parteċipanti biex iwettqu 20 impenn aktar vinkolanti meħuda fil-qafas tal-PESCO. Il-valutazzjoni hi bbażata fuq ir-Rapport Annwali pprovdut mir-Rappreżentant Għoli fil-25 ta’ Lulju 2023 u fuq il-PIN ippreżentati mill-Istati Membri parteċipanti fl-2023.

II.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

2.

Abbażi tar-Rapport Annwali, il-Kunsill jissottolinja li l-Istati Membri parteċipanti żiedu l-isforzi tagħhom biex iwettqu l-impenji aktar vinkolanti, inkluż permezz tal-proġetti tal-PESCO li juru progress fl-oqsma rilevanti kollha. Barra minn hekk, il-Kunsill jinnota li r-Rapport Annwali ta’ din is-sena jirrifletti l-ewwel implikazzjonijiet tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja li għaddejja kontra l-Ukrajna għall-politiki u l-proġetti ta’ sigurtà u difiża tal-Istati Membri parteċipanti. Dan jidher mill-bidliet inizjali fil-pjanijiet eżistenti tal-Istati Membri parteċipanti biex jiġu żgurati l-kapaċitajiet meħtieġa għal gwerra ta’ intensità għolja, inklużi faċilitaturi strateġiċi, l-intenzjoni tagħhom li jiġu aġġustati l-politiki u l-istrateġiji industrijali tad-difiża nazzjonali, u fil-kooperazzjoni msaħħa tagħhom biex jiffaċilitaw it-trasport militari transfruntier fl-Ewropa, inkluż l-appoġġ tan-nazzjon ospitanti. Fil-kuntest ġeopolitiku attwali, il-PESCO hija qafas ewlieni, flessibbli u adattabbli għall-kooperazzjoni fid-difiża u għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ difiża tal-Istati Membri parteċipanti, filwaqt li tibqa’ mmexxija mill-Istati Membri. Il-Kunsill jilqa’ b’sodisfazzjon il-parteċipazzjoni tad-Danimarka bħala s-sitta u għoxrin Stat Membru, li huwa sinjal ċar tar-rilevanza kontinwa tal-PESCO. Unjoni aktar b’saħħitha u aktar kapaċi fis-sigurtà u d-difiża ser tikkontribwixxi b’mod pożittiv għas-sigurtà globali u trans-Atlantika u hija komplementari għan-NATO, li tibqa’ l-pedament tad-difiża kollettiva għall-membri tagħha.

3.

Il-qafas tal-PESCO qiegħed juri wkoll il-valur tiegħu fl-indirizzar tal-isfidi ġodda għas-sigurtà. Il-kontributi msaħħa tal-Istati Membri parteċipanti għat-twettiq tal-impenji tal-PESCO bdew jirriflettu l-implikazzjonijiet tal-ambjent tas-sigurtà mibdul ferm fil-ħames oqsma kollha: l-infiq, l-ippjanar, id-dimensjoni operazzjonali, l-indirizzar tan-nuqqasijiet fil-kapaċità u t-tisħiħ tal-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB). Filwaqt li għadha mhijiex evidenti bidla kbira fil-PIN, il-Kunsill jinnota li l-Istati Membri parteċipanti qed jaċċettaw bidliet inizjali fil-pjanijiet eżistenti tagħhom biex jiżguraw il-kapaċitajiet meħtieġa għal gwerra ta’ intensità għolja, inkluż faċilitaturi strateġiċi. Diversi proġetti tal-PESCO ħadu miżuri biex iżidu malajr id-disponibbiltà u l-effettività tal-kapaċitajiet għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri parteċipanti fid-dawl tal-isfidi ppreżentati mill-gwerra ta’ aggressjoni li għaddejja tar-Russja kontra l-Ukrajna. Proġetti bħal dawn jinkludu l-ġlieda kontra s-sistemi tal-ajru mingħajr bdot abbord, l-appoġġ mediku u l-protezzjoni tal-infrastruttura kritika marittima.

Progress fil-ħames oqsma ta' impenn

4.

Fil-kuntest ġeopolitiku attwali, il-Kunsill jilqa’ b’sodisfazzjon il-kooperazzjoni msaħħa fil-qafas tal-PESCO u t-titjib fl-oqsma kollha ta’ impenn. Fl-istess ħin, jirrikonoxxi li huwa meħtieġ aktar progress għat-twettiq tal-impenji kollha sa tmiem it-tieni fażi inizjali tal-PESCO fl-2025.

5.

Għal dak l-għan, il-Kunsill jissottolinja li:

(a)

l-Istati Membri parteċipanti komplew iżidu n-nefqa tagħhom għad-difiża, u dan wassal għal tkabbir ta' 12 % fl-2023, b'aktar żidiet imbassra għall-2024-2025. Barra minn hekk, 25 % tan-nefqa totali għad-difiża allokata għall-investiment fid-difiża fl-2022 intużaw biex jitħaffef l-akkwist tal-kapaċitajiet meħtieġa u r-riforniment tal-istokkijiet b'akkwist fil-biċċa l-kbira kummerċjalment disponibbli biex jinstabu soluzzjonijiet immedjati, kif ukoll għall-benefiċċju tal-EDTIB. Filwaqt li jfakkar fl-aġenda ta' Versailles u fil-Boxxla Strateġika, il-Kunsill itenni l-ħtieġa li nonfqu aktar u aħjar fid-difiża u li ntejbu l-iżvilupp u l-ippjanar tal-kapaċitajiet fl-UE sabiex nindirizzaw aħjar ir-realtajiet operazzjonali u t-theddid u l-isfidi ġodda. Fl-istess ħin, il-Kunsill jappella għal sforz kollettiv mill-Istati Membri parteċipanti kollha biex ireġġgħu lura t-tnaqqis fl-infiq għar-Riċerka u t-Teknoloġija fil-qasam tad-difiża minn 1,7 % għal 1,1 %, li jibqa' sew taħt il-valur referenzjarju kollettiv ta' 2 %. It-tisħiħ tar-riċerka, it-teknoloġija, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, kif ukoll l-akkwist – partikolarment b'mod konġunt bejn l-Istati Membri parteċipanti - għandu jibqa' prijorità għall-Istati Membri parteċipanti, filwaqt li jinstab ukoll bilanċ bejn l-innovazzjoni fit-tul għal kapaċitajiet futuri u kwantitajiet adegwati ta' tagħmir militari u ħażniet ta' tagħmir militari, anke bil-ħsieb li tissaħħaħ l-EDTIB;

(b)

l-Istati Membri parteċipanti wrew xi titjib fl-użu tal-għodod u l-inizjattivi tal-UE għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet bħala referenzi fil-proċessi nazzjonali. F'dan ir-rigward, huma mħeġġa jagħmlu użu sħiħ mill-għodod u l-inizjattivi ta' prijoritizzazzjoni tal-UE, b'mod partikolari l-Pjan tal-UE tal-Iżvilupp tal-Kapaċitajiet (CDP) li jservi bħala referenza ċentrali għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-UE, filwaqt li jqisu l-Proċess tal-Objettiv Primarju għall-ippjanar tal-kapaċitajiet, u għall-inizjattivi u l-istrumenti kollha tal-UE relatati mad-difiża, kif ukoll mir-rakkomandazzjonijiet tar-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża (CARD) biex jinfurmaw lill-pjanifikaturi tal-kapaċitajiet nazzjonali, u b'hekk jappoġġaw l-isforzi tal-Istati Membri parteċipanti biex ikollhom konverġenza fil-pjanijiet ta' difiża tagħhom, fejn ikun possibbli. Il-Kunsill ifakkar li l-koerenza tar-riżultati bejn is-CDP u l-CARD fuq naħa waħda, u l-proċessi rispettivi tan-NATO bħall-Proċess tal-Ippjanar tad-Difiża tan-NATO, fuq in-naħa l-oħra, kienet u ser tkompli tiġi żgurata fejn ir-rekwiżiti jikkoinċidu, filwaqt li tiġi rikonoxxuta n-natura differenti taż-żewġ organizzazzjonijiet u r-responsabbiltajiet u s-sħubiji rispettivi tagħhom;

(c)

sabiex jiġu indirizzati l-lakuni persistenti li għandhom jimtlew b'mod urġenti, l-Istati Membri parteċipanti huma mħeġġa jżidu l-kontributi tagħhom għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet militari attwali tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK), u l-Bażi tad-Data Komprensiva, li hija mibnija fuq ir-Roster tal-Gruppi Tattiċi tal-UE, il-Bażi tad-Data ta’ Rispons Rapidu u l-Listi ta’ Elementi ta’ Forza, u li tipprovdi element fundamentali tal-arkitettura tal-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE (EU RDC), filwaqt li jittieħed kont tal-prinċipju ta' ġabra waħda ta' forzi. Barra minn hekk, filwaqt li jiftakru fil-Proċess tal-Objettiv Primarju, l-Istati Membri parteċipanti huma mħeġġa jindirizzaw b'mod aktar speċifiku n-nuqqasijiet strateġiċi fil-kapaċità, jiġifieri l-Għanijiet ta' Kapaċità b'Impatt Kbir. Barra minn hekk, l-Istati Membri parteċipanti għandhom jiffinalizzaw il-valutazzjoni mill-ġdid tal-ambitu u d-definizzjoni ta' kostijiet komuni ta' missjonijiet u operazzjonijiet militari tal-PSDK, eżerċizzji militari u l-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE bil-ħsieb li jintlaħaq qbil politiku fl-2023. Il-ħidma fuq id-definizzjoni tal-parametri ta' sehem ġust tal-kontributi għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet militari, kif mitluba fir-Rakkomandazzjoni tas-16 ta' Novembru 2021, għandha tiġi ffinalizzata malajr kemm jista' jkun;

(d)

l-Istati Membri parteċipanti għadhom ma tawx biżżejjed prijorità lil approċċ kollaborattiv Ewropew fl-indirizzar tal-lakuni fil-kapaċitajiet. Filwaqt li l-Kunsill jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Istati Membri parteċipanti qed jesploraw dejjem aktar l-għażliet kollaborattivi tal-UE biex jindirizzaw ħtiġijiet urġenti u jżidu d-disponibbiltà u l-effettività tal-kapaċitajiet ta' difiża, huwa jħeġġiġhom jinvestu aktar u jużaw il-baġits li qed jiżdiedu fil-qasam tad-difiża anke biex jinvestu f'soluzzjonijiet kollaborattivi Ewropej biex jagħlqu l-lakuni fil-kapaċità, b'hekk jikkontribwixxu għal xenarju tad-difiża tal-UE aktar koerenti u għal tnaqqis tad-dipendenzi teknoloġiċi u industrijali, meta dan ikun jista' jsir;

(e)

l-Istati Membri parteċipanti komplew jużaw l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) bħala l-forum Ewropew prinċipali għall-iżvilupp konġunt tal-kapaċitajiet, b'mod partikolari għal attivitajiet bħall-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti u l-innovazzjoni u bħala qafas għall-akkwist konġunt. L-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti militari kif ukoll l-interoperabbiltà tal-forzi armati, kemm f'termini ta' kapaċitajiet kif ukoll ta' operazzjonijiet, għadhom objettivi ewlenin f'konformità mal-impenji meħuda fil-PESCO;

(f)

l-Istati Membri parteċipanti ffukaw fuq li jippermettu lill-industriji nazzjonali tagħhom jieħdu sehem fil-kooperazzjoni transfruntiera fl-UE, b'mod partikolari taħt il-Fond Ewropew għad-Difiża. Xi Stati Membri parteċipanti jindikaw l-intenzjoni li jaġġustaw il-politiki u l-istrateġiji industrijali tad-difiża nazzjonali fil-kuntest tal-ambjent tas-sigurtà li qed jinbidel, inkluż l-indirizzar tas-sigurtà tal-provvista u t-tnaqqis tad-dipendenzi strateġiċi. Il-Kunsill jenfasizza li r-reattività u r-reżiljenza tal-EDTIB għandhom jissaħħu biex jiġu ffaċċjati xenarji tal-gwerra ta' intensità għolja u jħeġġeġ lill-Istati Membri parteċipanti jieħdu vantaġġ minn inizjattivi ġodda biex iżidu l-kapaċità tal-produzzjoni industrijali tad-difiża tal-UE. L-Istati Membri parteċipanti huma mistiedna wkoll jissoktaw bl-involviment tagħhom fi programmi ta' kooperazzjoni li għandhom impatt pożittiv fuq l-EDTIB, inkluż billi jikkunsidraw dawk il-programmi fl-istrateġiji u l-proċeduri ta' akkwist tagħhom.

6.

Barra minn hekk il-Kunsill jappella lil kull Stat Membru parteċipant biex iqis il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ippreżentati fir-Rapport Annwali, u jirrieżamina u jaġġorna l-kontribut tiegħu għat-twettiq tal-impenji aktar vinkolanti.

Proġetti tal-PESCO

7.

F’Mejju 2023 ġiet adottata l-ħames mewġa tal-proġetti tal-PESCO permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/995 (5), b’hekk in-numru ta’ proġetti tal-PESCO tela’ għal 68, dan ikkontribwixxa għat-twettiq tal-20 impenn aktar vinkolanti. Il-Kunsill jilqa’ b’sodisfazzjon il-proġetti l-ġodda li għandhom l-għan li jwasslu kapaċitajiet kritiċi b’fokus aktar operazzjonali, isaħħu l-kapaċità tal-Istati Membri parteċipanti li jindirizzaw theddid konvenzjonali, u jiżviluppaw kapaċitajiet tal-ġenerazzjoni li jmiss, kif ukoll isaħħu l-protezzjoni tal-infrastruttura kritika ta’ qiegħ il-baħar, il-komunikazzjonijiet u l-appoġġ mediku mfassla għall-Kapaċità ta’ Skjerament Rapidu tal-UE.

8.

Filwaqt li jieħu nota tar-Rapport ta’ Progress tal-Proġetti tal-PESCO tal-11 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill jissottolinja l-adattabbiltà u l-effettività tal-PESCO bħala qafas ta’ kooperazzjoni, bi progress viżibbli fil-proġetti tal-PESCO fl-oqsma kollha. Il-Kunsill jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-indirizzar tal-oqsma ta’ kapaċità enfasizzati mit-tagħlimiet osservati mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja li għaddejja kontra l-Ukrajna diġà jaqa’ taħt il-mandat ta’ xi wħud mill-proġetti tal-PESCO li għaddejjin bħalissa.

9.

Barra minn hekk, il-Kunsill jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-proġetti tal-PESCO diġà qed jipproduċu riżultati konkreti f’oqsma bħaċ-ċibernetika, is-sistemi mingħajr bdot abbord, il-mobbiltà militari, is-sorveljanza kimika, bijoloġika, radjoloġika u nukleari u s-servizzi mediċi, fost oħrajn. Xi wħud minn dawn il-kapaċitajiet, bħal dawk imwassla mill-proġetti tal-PESCO Kmand Mediku Ewropew u Timijiet ta’ Rispons Rapidu Ċibernetiku, diġà ntużaw jew ġew attivati b’appoġġ għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK tal-UE, jiġifieri EUMAM Ukraine u EUTM Mozambique, jew sħab tal-UE, inkluż l-Ukrajna. Dawn l-iżviluppi pożittivi huma evidenza li l-proġetti tal-PESCO jikkostitwixxu mezz biex tiġi kkultivata kultura kollaborattiva.

10.

Għal dawk il-proġetti li qed joqorbu lejn it-tmiem, wara li jkunu taw riżultati pożittivi, is-segretarjat tal-PESCO jista’ jiffaċilita diskussjonijiet dwar l-użu tal-kapaċitajiet li rriżultaw u l-istrutturi relatati, inkluż proġetti ta’ segwitu possibbli. Il-Kunsill jissuġġerixxi wkoll li meta jkunu laħqu l-objettivi tagħhom, u b’hekk jistabbilixxu kooperazzjoni permanenti u strutturata, il-proġetti jistgħu jingħalqu. Is-Segretarjat tal-PESCO għandu jipprovdi pariri dwar l-għeluq tal-proġetti biex jiġi żgurat li l-enfasi tal-isforzi tal-Istati Membri parteċipanti tkun fuq proġetti li jagħtu riżultati konkreti.

11.

Fl-istess ħin, il-Kunsill jinnota li xi wħud mill-proġetti jeħtieġu attenzjoni speċjali jew skrutinju partikolari biex jinkisbu riżultati tanġibbli kif ippjanat. Meta l-membri tal-proġett jidentifikaw li l-proġetti ma jistgħux jipprovdu l-eżiti mistennija jew jieqfu jagħmlu progress, tali proġetti għandhom jingħalqu.

12.

Biex jingħata bidu effiċjenti għall-kooperazzjoni u biex tiġi żgurata l-kwalità fl-impatt tal-proġetti fuq ix-xenarju tad-difiża tal-UE, il-Kunsill jenfasizza l-benefiċċji għall-Istati Membri parteċipanti biex jippreżentaw proposti ta’ proġetti maturi, li jidentifikaw b’mod ċar il-kunċetti, l-iskedi ta’ żmien, l-objettivi u l-programm ta’ ħidma. Bil-ħsieb tal-mewġiet futuri ta’ proġetti tal-PESCO, il-Kunsill jissottolinja l-ħtieġa li l-proġetti li ġejjin ikunu strateġikament rilevanti, konformi mal-Boxxla Strateġika u jirriflettu l-kuntest ġeopolitiku attwali, kif ukoll konnessi mal-Prijoritajiet tal-Iżvilupp tal-Kapaċitajiet tal-UE. Barra minn hekk, il-proġetti għandhom jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet kollaborattivi għall-iżvilupp konġunt tal-kapaċitajiet tad-difiża identifikati mill-CARD. Għal dak l-għan, l-Istati Membri parteċipanti huma mħeġġa jikkunsidraw li jfittxu l-appoġġ tas-segretarjat tal-PESCO fl-implimentazzjoni tal-proġetti, kif ukoll fil-ġenerazzjoni ta’ proposti għal proġetti skont kif ikun adatt, filwaqt li jieħdu vantaġġ mill-għarfien espert tal-EDA u tal-Personal Militari tal-Unjoni Ewropea.

13.

Meta jintalab mill-Istati Membri parteċipanti, is-segretarjat tal-PESCO jista’ jipproponi u jiffaċilita laqgħat bejn gruppi ta’ proġetti tal-PESCO b’sinerġiji u aspetti komuni identifikati, sabiex tiġi promossa l-kooperazzjoni u jiżdiedu l-impatt u l-effiċjenza tagħhom, jiġu ffrankati r-riżorsi u tiġi evitata duplikazzjoni bla bżonn. Barra minn hekk l-Istati Membri parteċipanti, bl-appoġġ tas-segretarjat tal-PESCO, kif xieraq, għandhom ikomplu jsaħħu l-komunikazzjoni strateġika f’dak li għandu x’jaqsam mal-proġetti u l-valur tagħhom għas-sigurtà u d-difiża tal-UE. Apparti dan, l-Istati Membri koordinaturi huma mħeġġa jipprovdu informazzjoni dwar il-progress, inkluż l-EUMC, meta l-proġett tagħhom jilħaq stadji u objettivi importanti.

14.

Il-Kunsill ifakkar li Stati terzi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ġenerali jistgħu b’mod eċċezzjonali jiġu mistiedna jipparteċipaw fi proġetti individwali tal-PESCO, f’konformità mal-proċedura ta’ stedina prevista fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1639 (6). Huwa jinnota l-interess ta’ diversi sħab tal-UE li jissieħbu fi proġetti tal-PESCO. F’dan ir-rigward, il-Kunsill jilqa’ b’sodisfazzjon il-parteċipazzjoni futura tal-Kanada fit-tieni proġett tal-PESCO, jiġifieri n-Network ta’ Ċentri Loġistiċi fl-Ewropa u Appoġġ għall-Operazzjonijiet, kif previst fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/385 (7). Huwa jistenna wkoll b’interess il-parteċipazzjoni futura tar-Renju Unit fil-proġett ta’ Mobbiltà Militari, mat-tlestija tal-Arranġament Amministrattiv, kif previst fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/2244 (8).

III.   Rieżami Strateġiku tal-PESCO

15.

Fil-kuntest tar-Rieżami Strateġiku tal-PESCO (PSR) li għandu jitwettaq sa tmiem l-2025, u kif iddikjarat fin-notifika tal-PESCO li tfakkar ukoll fin-natura speċifika tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża ta’ ċerti Stati Membri, il-Kunsill ifakkar li l-Istati Membri parteċipanti ser jivvalutaw it-twettiq tal-impenji kollha tal-PESCO ppjanati għall-fażi inizjali, u ser jiddiskutu u jiddeċiedu dwar l-impenji l-ġodda, bil-ħsieb li jibdew stadju ġdid lejn l-integrazzjoni Ewropea fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża, f’konformità mal-Boxxla Strateġika.

16.

Il-PSR jippreżenta opportunità kbira biex jissawwar l-iżvilupp futur tal-PESCO u li din tiġi adattata għall-kuntest ġeopolitiku, filwaqt li fl-istess ħin jinżamm l-istess livell ta’ ambizzjoni. Il-Kunsill jappella lill-Istati Membri parteċipanti biex jużaw il-PSR biex isaħħu l-PESCO sabiex tkun tista’ tilħaq aħjar il-potenzjal sħiħ tagħha. Billi tappoġġa aħjar lill-Istati Membri parteċipanti fl-armonizzazzjoni tal-ippjanar tagħhom u fl-iżgurar tal-kapaċitajiet meħtieġa, il-PESCO tista’ tagħti kontribut sinifikanti għall-għanijiet miftiehma u tkompli ttejjeb il-koerenza mal-inizjattivi u l-attivitajiet l-oħra tad-difiża tal-UE. Mingħajr preġudizzju għall-eżitu tal-PSR, il-formulazzjoni tal-impenji aktar vinkolanti b’mod li jkun aktar speċifiku, li jista’ jitkejjel u jinkiseb, rilevanti u marbut maż-żmien ser tgħin lill-Istati Membri parteċipanti fit-twettiq tagħhom.

17.

F’dan ir-rigward, il-Kunsill jilqa’ b’sodisfazzjon u jaqbel mal-proposta mir-Rappreżentant Għoli biex jitnieda l-PSR f’Novembru li ġej. L-istadji importanti u l-iskedi ta’ żmien tal-PSR għandhom isegwu tliet fażijiet distinti: fażi ta’ riflessjoni (Novembru 2023-Mejju 2024) b’diskussjonijiet fost l-Istati Membri parteċipanti dwar l-ambitu u l-profondità tal-PSR; fażi ta’ deċiżjoni (Ġunju-Novembru 2024) li tirriżulta fi ftehim dwar l-elementi tal-PESCO li għandhom jiġu rieżaminati; u fażi ta’ implimentazzjoni (matul l-2025) biex jiġu fformalizzati l-eżiti tal-PSR billi jiġu emendati, kif meħtieġ, l-atti legali rilevanti. It-tlestija fil-ħin tal-PSR tkun tagħmilha possibbli li tinbeda l-fażi li jmiss ta’ PESCO msaħħa mill-ġdid u aktar b’saħħitha mill-2026. Peress li l-kalendarju propost huwa wieħed inizjali, sakemm joħorġu r-riżultati tal-fażi ta’ riflessjoni, jista’ jiġi aġġustat skont kif ikun meħtieġ. Fi żmien debitu ser jiġu pprovduti aġenda aktar speċifika u dokumenti ta’ sostenn. L-implimentazzjoni tista’ tibda aktar kmieni, jekk l-Istati Membri parteċipanti jaqblu dwar dan u fejn dan ikun possibbli.

IV.   Il-passi li jmiss

18.

L-Istati Membri parteċipanti għandhom jagħmlu aktar progress fl-implimentazzjoni tal-20 impenn aktar vinkolanti, bil-ħsieb li kollha kemm huma jitwettqu sal-2025, kif ukoll fil-proġetti relatati, b’kont meħud ta’ din ir-Rakkomandazzjoni. Il-Kunsill jissottolinja li l-proġetti għandhom jassistu lill-Istati Membri parteċipanti fit-twettiq tal-impenji aktar vinkolanti.

19.

Il-Kunsill jenfasizza wkoll il-ħtieġa li l-PIN jiġu ffukati fuq aspetti strateġiċi u ta’ politika. Dan ser jgħin lill-PESCO tikkontribwixxi wkoll għall-objettivi maqbula fil-Boxxla Strateġika. Għal dak l-għan, l-Istati Membri parteċipanti huma mistiedna jaġġornaw il-PIN tagħhom u jippreżentawhom lis-segretarjat tal-PESCO sal-10 ta’ Marzu 2024. B’dan il-mod, il-Kunsill jissottolinja l-ħtieġa li jiġu riflessi aħjar il-politiki ta’ difiża tal-Istati Membri parteċipanti, l-ippjanar orjentat lejn il-futur u l-objettivi sabiex jiġu deskritti b’mod ċar l-intenzjoni politika u l-viżjoni tagħhom biex jimplimentaw l-impenji. L-Istati Membri parteċipanti huma mħeġġa wkoll ikomplu jużaw il-pjattaforma diġitali tal-EDA, jiġifieri l-Kollaborazzjoni tal-UE fid-Difiża biex jippreżentaw il-PIN tagħhom, peress li din saret il-mezz preferut tal-Istati Membri parteċipanti biex jaġġornaw il-PIN.

20.

Fl-2024, l-Istati Membri parteċipanti kollha għandhom iżidu mal-PIN tagħhom dikjarazzjoni politika ta’ livell għoli, li tiddeskrivi l-kisbiet ewlenin u tiddikjara l-prijoritajiet nazzjonali. Dan ser jiżgura aktar is-sjieda politika meħtieġa u jappoġġa d-diskussjonijiet fil-livell politiku, inkluż dwar il-futur tal-PESCO lil hinn mill-fażi attwali tagħha fil-kuntest tal-PSR li jmiss.

21.

Filwaqt li jinnota li l-PESCO tipprovdi qafas għal kooperazzjoni aktar mill-qrib fost l-Istati Membri parteċipanti kemm fl-impenji kif ukoll fil-proġetti, il-Kunsill iħeġġeġ lill-Istati Membri parteċipanti jużawha aktar u aħjar flimkien u b’konsistenza mal-inizjattivi u l-proċessi l-oħra relatati mad-difiża, b’mod partikolari s-CDP, il-CARD u l-Fond Ewropew għad-Difiża. Barra minn hekk, filwaqt li jqisu l-Boxxla Strateġika, huma mistiedna wkoll javvanzaw, fejn ikun possibbli, opportunitajiet ġodda potenzjali fi ħdan il-qafas tal-PESCO b’rabta mal-akkwist konġunt, f’konsistenza sħiħa mal-programmi tal-EDA u mar-Regolament (UE) 2023/2418 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) dwar l-istabbiliment ta’ strument għat-tisħiħ tal-industrija Ewropea tad-difiża permezz tal-akkwist komuni, u ż-żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni tal-EDTIB, f’konsistenza sħiħa mar-Regolament (UE) 2023/1525 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) dwar l-appoġġ għall-produzzjoni tal-munizzjon.

22.

Il-Kunsill jikkommetti għall-koerenza tal-inizjattivi tad-difiża tal-UE u jqis il-PESCO bħala parti ċentrali minnha, inkluż bil-ħsieb ta’ kwalunkwe politika u strument tal-Unjoni futuri relatati mad-difiża. Għalhekk, il-Kunsill ifakkar fil-ħtieġa li jiġu ddeterminati n-natura u l-firxa tas-sinerġiji li jistgħu jiġu żviluppati bejn il-PESCO u l-istrumenti futuri mfassla biex isaħħu l-EDTIB.

23.

Fid-dawl tal-kuntest ġeopolitiku u l-isforzi ġodda fid-difiża tal-UE, l-iżgurar ta’ momentum politiku u sjieda msaħħa tal-Istati Membri parteċipanti huwa essenzjali biex il-PESCO tibqa’ inizjattiva verament strateġika. Għandhom jitkomplew diskussjonijiet politiċi regolari ta’ livell għoli bejn l-Istati Membri parteċipanti u r-Rappreżentant Għoli, ukoll fil-kapaċità tiegħu bħala Viċi President tal-Kummissjoni u Kap tal-EDA, inkluż fil-korpi preparatorji rispettivi tal-Kunsill, b’mod partikolari l-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà, l-EUMC u l-Grupp Politiku Militari, u f’formati rilevanti oħra. Il-Kunsill jistieden ukoll lis-segretarjat tal-PESCO biex jissokta fir-rwol tiegħu ta’ appoġġ għall-Istati Membri parteċipanti, fl-azzjonijiet identifikati f’din ir-Rakkomandazzjoni, inkluż permezz ta’ laqgħat regolari mar-rappreżentanti tal-Istati Membri parteċipanti.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Novembru 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)   ĠU L 331, 14.12.2017, p. 57.

(2)   ĠU C 88, 8.3.2018, p. 1.

(3)   ĠU C 464, 17.11.21, p. 1.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1015 tat-23 ta’ Mejju 2023 li tikkonferma l-parteċipazzjoni tad-Danimarka fil-PESCO, u li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315 li tistabbilixxi Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) u li tiddetermina l-lista ta’ Stati Membri parteċipanti (ĠU L 136, 24.5.2023, p. 73).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/995 tat-22 ta’ Mejju 2023 li temenda u taġġorna d-Deċiżjoni (PESK) 2018/340 li tistabbilixxi l-lista ta’ proġetti li għandhom jiġu żviluppati taħt il-PESCO (ĠU L 135, 23.05.2023, p. 123).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1639 tal-5 ta’ Novembru 2020 li tistabbilixxi kondizzjonijiet ġenerali li skonthom Stati terzi jkunu jistgħu b’mod eċċezzjonali jiġu mistiedna biex jipparteċipaw fi proġetti individwali tal-PESCO (ĠU L371, 6.11.2020, p. 3).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/385 tal-20 ta’ Frar 2023 dwar il-parteċipazzjoni tal-Kanada fil-proġett PESCO Network ta’ Ċentri Loġistiċi fl-Ewropa u Appoġġ għall-Operazzjonijiet (ĠU L 53, 21.2.2023, p. 14).

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/2244 tal-14 ta’ Novembru 2022 dwar il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq fil-proġett PESCO “Mobbiltà Militari” (ĠU L 294, 15.11.2022, p. 22).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2023/2418 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 dwar l-istabbiliment ta’ strument għat-tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża permezz tal-Akkwist Komuni (EDIRPA) (ĠU L 2023/2418, 26.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2418/oj).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2023/1525 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2023 dwar l-appoġġ għall-produzzjoni tal-munizzjon (ASAP) (ĠU L 185, 24.7.2023, p. 7).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/994/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)