European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2023/875

8.12.2023

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2009/18/KE li tistabbilixxi l-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-investigazzjoni ta’ aċċidenti fis-settur tat-trasport marittimu”

(COM(2023) 270 final — 2023/0164 (COD))

(C/2023/875)

Relatur:

Sam HÄGGLUND

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 12.6.2023

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 9.6.2023

Bażi legali

Artikoli 100(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, Enerġija, Infrastruttura u Soċjetà tal-Informazzjoni

Adozzjoni fis-sezzjoni

6.9.2023

Adozzjoni fil-plenarja

20.9.2023

Sessjoni plenarja Nru

581

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

216/1/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex taġġorna d-Direttiva 2009/18/KE (1) biex iżżid is-sikurezza marittima u l-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar. L-għan innifsu tal-investigazzjonijiet tal-aċċidenti fis-settur marittimu huwa t-titjib tas-sikurezza għall-ekwipaġġ u l-bastiment u l-prevenzjoni tal-aċċidenti. L-investigazzjonijiet u t-tixrid tar-rapporti tagħhom huma kruċjali biex jiġu identifikati u kkomunikati n-nuqqasijiet kruċjali tas-sikurezza u biex tittejjeb is-sikurezza tal-vapuri, tal-persunal li jħaddmuhom, tal-passiġġieri eċċ., u fl-aħħar mill-aħħar biex jiġu salvati l-ħajjiet fuq il-baħar.

1.2.

Il-KESE jappoġġja l-inklużjoni parzjali tas-segment tal-bastimenti żgħar tas-sajd (dawk li huma inqas minn 15-il metru tul) fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Filwaqt li l-KESE jinnota li l-inklużjoni sħiħa, wara valutazzjoni preliminari mill-awtoritajiet kompetenti, kienet tkun l-għażla ideali, jinnota wkoll it-tħassib tal-Istati Membri dwar ir-riżorsi u l-kapaċità.

1.3.

Il-KESE jilqa’ wkoll il-fatt li fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta għal Direttiva aġġornata jiġu inklużi aċċidenti li jinvolvu bastimenti fil-port, aspett li spiss “ma kienx viżibbli” u li ma ġiex trattat b’mod konsistenti mill-Istati Membri kollha fir-rappurtar tagħhom.

1.4.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-objettivi li l-korpi tal-investigazzjoni tal-aċċidenti tal-Istati Membri jingħataw aktar ċarezza legali u kapaċità biex itejbu l-operazzjonijiet tagħhom u r-rappurtar f’waqtu. B’mod partikolari, il-kooperazzjoni u l-assistenza reċiproka tal-Istati Membri tal-UE fl-investigazzjonijiet tas-sikurezza għandhom jissaħħu fid-dawl ta’ sfidi ġodda għas-sigurtà marittima. Il-KESE jappoġġja l-obbligu għall-awtoritajiet investigattivi tal-Istati Membri li jinnotifikaw id-diżgrazzji serji ħafna kollha fis-settur marittimu lill-Pjattaforma Ewropea tal-Informazzjoni dwar id-Diżgrazzji tal-Baħar (EMCIP). Barra minn hekk, id-data tal-EMCIP għandha ssir pubblika u r-rapporti ta’ investigazzjoni għandhom jiġu ppubblikati hekk kif ikun il-waqt.

1.5.

Il-KESE jenfasizza r-rwol kruċjali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) fl-għoti ta’ taħriġ lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fir-rigward ta’ teknoloġiji ġodda, sorsi ta’ enerġija għall-propulsjoni, manuvrar, operat u kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà. L-EMSA għandu jkollha l-mezzi biex tkompli tħarreġ lill-investigaturi dwar it-teknoloġiji emerġenti u l-impatt tagħhom fuq is-sikurezza.

1.6.

Il-KESE jenfasizza wkoll l-importanza tal-iżvilupp ta’ sistema ta’ mmaniġġjar tal-kwalità speċifika għall-korpi għall-investigazzjoni tal-aċċidenti biex jiġi żgurat li l-proċeduri jiġu segwiti b’mod sistematiku u tittejjeb il-kwalità ġenerali tal-investigazzjonijiet tal-aċċidenti.

1.7.

Il-KESE jinnota wkoll l-importanza kbira li jiġu żgurati ċ-ċarezza u l-konsistenza bejn ir-regolamenti tal-IMO u l-qafas leġiżlattiv rilevanti tal-UE, b’mod partikolari d-Direttiva dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port u d-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti tal-Istat tal-bandiera, li huwa propost ukoll li jiġu riveduti. Il-KESE jappoġġja l-aġġornar tad-Direttiva biex tiġi konformi mal-Kodiċi tal-IMO għall-Investigazzjoni tad-Diżgrazzji.

1.8.

Il-KESE jilqa’ r-referenza fid-Direttiva proposta għal trattament ġust tal-baħħara fil-paragrafu 4 ġdid tal-Artikolu 3 fil-każ ta’ aċċidenti marittimi biex tiġi evitata l-kriminalizzazzjoni inġusta tal-professjoni. Il-ħaddiema fis-settur marittimu huma professjonisti rispettati, u huwa importanti li jiġi enfasizzat li għandhom rwol kritiku fil-ġestjoni u l-implimentazzjoni ta’ operazzjonijiet sikuri. F’dan ir-rigward, it-tixrid ta’ rapporti ta’ aċċidenti lil udjenza wiesgħa u l-implimentazzjoni rapida tar-rakkomandazzjonijiet tagħhom għandhom għalhekk jiġu żviluppati aktar b’kollaborazzjoni mal-industrija u l-imsieħba soċjali.

2.   Sfond

2.1.

Fl-1 ta’ Ġunju 2023, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat ħames proposti leġiżlattivi biex jiġu modernizzati r-regoli tal-UE dwar is-sikurezza marittima u jiġi evitat it-tniġġis tal-ilma mill-bastimenti. Dan il-pakkett marittimu huwa magħmul minn ħames proposti ta’ reviżjoni relatati ma’:

id-Direttiva 2009/21/KE (2) dwar il-konformità mar-rekwiżiti tal-Istat tal-bandiera;

id-Direttiva 2009/16/KE (3) dwar il-kontroll tal-Istat tal-port;

id-Direttiva 2009/18/KE dwar l-investigazzjoni ta’ aċċidenti fis-settur tat-trasport marittimu;

id-Direttiva 2005/35/KE (4) dwar it-tniġġis ikkawżat minn vapuri u l-introduzzjoni ta’ sanzjonijiet; u

ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 (5) li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima.

2.2.

Id-Direttiva 2009/18/KE tistabbilixxi legalment ir-reġim tal-UE dwar l-investigazzjoni ta’ aċċidenti fis-settur tat-trasport marittimu u tinkorpora fil-liġi tal-UE l-prinċipji sottostanti tal-Artikolu 94(7) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS) kif ukoll il-kodiċi rilevanti tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) (Kodiċi tal-Istandards Internazzjonali u l-Prattiki Rakkomandati għall-Investigazzjoni tas-Sikurezza dwar Diżgrazzja tal-Baħar jew Inċident tal-Baħar (il-Kodiċi għall-Investigazzjoni tad-Diżgrazzji fuq il-Baħar)). L-għan ewlieni tad-Direttiva huwa li ttejjeb is-sikurezza marittima billi tipprovdi linji gwida ċari tal-UE għall-armonizzazzjoni tal-investigazzjonijiet tekniċi u t-tagħlimiet miksuba wara aċċidenti fuq il-baħar.

2.3.

B’konformità mad-Direttiva, l-Istati Membri tal-UE u taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) huma meħtieġa jistabbilixxu korpi indipendenti għall-investigazzjoni tal-aċċidenti, li għandhom jiġu nnotifikati dwar l-aċċidenti u l-inċidenti marittimi, jinvestigaw l-aċċidenti skont is-severità tagħhom, jippubblikaw rapporti ta’ investigazzjoni u jinnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea dwar id-diżgrazzji u l-aċċidenti marittimi permezz ta’ bażi tad-data (il-Pjattaforma Ewropea tal-Informazzjoni dwar id-Diżgrazzji tal-Baħar – EMCIP) stabbilita u miżmuma mill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) għal dan l-għan.

2.4.

Id-Direttiva tipprevedi li l-Istati Membri tal-UE/taż-ŻEE għandhom iwettqu investigazzjoni kull meta jkunu jistgħu jittieħdu tagħlimiet minn aċċident, meta aċċident jinvolvi bastiment li jtajjar il-bandiera tagħhom jew iseħħ fl-ilmijiet tagħhom jew/u meta l-interessi sinifikanti tagħhom jiġu affettwati. Tali investigazzjonijiet ma għandhomx l-għan li jiddeterminaw jew jassenjaw xi responsabbiltà ċivili jew kriminali.

2.5.

Id-Direttiva saritilha evalwazzjoni ex-post u kontroll tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni marittima fl-2018. Uħud mill-kwistjonijiet ġew identifikati bħala problematiċi. L-eżitu kkonferma li d-Direttiva hija rilevanti, effettiva, effiċjenti u ġġib valur miżjud fil-livell tal-UE, għandha rwol ewlieni fl-infurzar tal-istandards tal-IMO u tal-UE, u b’hekk tikkontribwixxi għal livell għoli ta’ sikurezza, sigurtà u sostenibbiltà tat-trasport marittimu kif ukoll tiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bejn l-Istati Membri. Madankollu, hija identifikat ukoll għadd ta’ oqsma għal titjib jew li kienu jirrikjedu kjarifika:

Id-Direttiva kif ifformulata bħalissa ma tipprovdix għall-investigazzjoni ta’ aċċidenti li jinvolvu bastimenti tas-sajd ta’ inqas minn 15-il metru tul.

Definizzjonijiet mhux ċari, formulazzjoni vaga kif ukoll nuqqas ta’ preċiżjoni f’ċerti dispożizzjonijiet tat-test joħolqu konfużjoni.

Żviluppi fl-ambjent regolatorju internazzjonali rilevanti. Il-liġi tal-UE trid tinżamm allinjata mal-istrumenti/riżoluzzjonijiet internazzjonali rilevanti.

Xi aċċidenti mhux qed jiġu rrappurtati jew mhumiex qed jiġu investigati minħabba li l-korpi ta’ investigazzjoni tal-aċċidenti ma għandhomx riżorsi u għarfien espert adegwati.

Żviluppi u/jew teknoloġiji ġodda li jistgħu jinqalgħu fl-ekoloġizzazzjoni tat-trasport marittimu jew fl-użu ta’ bastimenti awtonomi bilfors se jimplikaw sfidi ġodda għall-korpi ta’ investigazzjoni tal-aċċidenti.

3.   Kummenti ġenerali

L-inklużjoni ta’ bastimenti tas-sajd żgħar

3.1.

Il-KESE jappoġġja l-inklużjoni parzjali fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tas-segment tal-bastimenti żgħar tas-sajd (b’tul ta’ inqas minn 15-il metru). Filwaqt li l-KESE jinnota li l-inklużjoni sħiħa, wara valutazzjoni preliminari mill-awtoritajiet kompetenti, kienet tkun l-għażla ideali, jinnota wkoll it-tħassib tal-Istati Membri dwar ir-riżorsi u l-kapaċità.

3.2.

Ħafna bastimenti f’din il-kategorija ta’ daqs (inqas minn 15-il metru tul) jistgħu jkunu involuti f’sajd rikreattiv. Tkun meħtieġa definizzjoni ċara bbażata fuq jekk huwiex meħtieġ li tinħareġ liċenzja tas-sajd fuq il-baħar. Ta’ min jinnota wkoll li ma hemm l-ebda kodiċi jew standard legalment vinkolanti għad-disinn, il-kostruzzjoni jew l-operat ta’ bastimenti bħal dawn. L-IMO, l-ILO u l-FAO jippubblikaw rakkomandazzjonijiet u kodiċijiet volontarji iżda dawn mhumiex vinkolanti.

3.3.

Id-data dwar l-aċċidenti fis-settur tal-qbid tal-ħut hija fqira u hemm nuqqas ta’ approċċ konsistenti madwar l-UE. In-nuqqas ta’ data, b’mod partikolari dwar aċċidenti jew “kważi aċċidenti”, qed potenzjalment jaħbi problema ħafna akbar. Is-sajd jibqa’ okkupazzjoni perikoluża u l-proposta tal-Kummissjoni hija pass fid-direzzjoni t-tajba biex jittejbu l-istandards tas-sikurezza fl-industrija.

Element uman

3.4.

Il-KESE jilqa’ r-referenza fid-Direttiva proposta għal trattament ġust tal-baħħara fil-paragrafu 4 ġdid tal-Artikolu 3 fil-każ ta’ aċċidenti marittimi biex tiġi evitata l-kriminalizzazzjoni inġusta tal-professjoni, peress li l-baħħara għandhom jitqiesu bħala professjonisti rispettati.

3.5.

F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-baħħara, is-sajjieda u l-ħaddiema tal-portijiet għandhom rwol kritiku fil-ġestjoni u l-implimentazzjoni ta’ operazzjonijiet sikuri. Għad hemm l-isfida li t-tagħlimiet miksuba mill-aċċidenti jiġu implimentati fi prattiki fil-livell individwali.

3.6.

It-tixrid tar-rapporti ta’ aċċidenti lil udjenza wiesgħa u l-implimentazzjoni rapida tar-rakkomandazzjonijiet tagħhom għandhom għalhekk jiġu żviluppati aktar b’kollaborazzjoni mal-industrija u l-imsieħba soċjali. L-importanza tal-prevenzjoni ma għandhiex tiġi injorata: il-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-għeja, eċċ, jistgħu jwasslu għal aċċidenti traġiċi fis-settur marittimu li jistgħu jiswew ħajjet il-baħħara, is-sajjieda u l-ħaddiema tal-port.

Allinjament mal-IMO

3.7.

Il-KESE jinnota l-importanza kbira li jiġu żgurati ċ-ċarezza u l-konsistenza bejn ir-regolamenti tal-IMO u l-qafas leġiżlattiv rilevanti tal-UE, b’mod partikolari d-Direttiva dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port u d-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti tal-Istat tal-bandiera, li huma proposti wkoll li jiġu riveduti. B’mod partikolari, il-KESE jappoġġja l-aġġornar tad-Direttiva biex tiġi konformi mal-Kodiċi tal-IMO għall-Investigazzjoni ta’ Diżgrazzji. B’mod partikolari, il-KESE jappoġġja l-allinjament mal-IMO, permezz tal-użu uniku tal-Linji Gwida tal-IMO biex jgħinu lill-investigaturi fl-implimentazzjoni tal-Kodiċi għall-Investigazzjoni ta’ Diżgrazzji (Riżoluzzjoni A.1075 (28)) u t-tħassir tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1286/2011 (6) tad-9 ta’ Diċembru 2011 li jadotta metodoloġija komuni għall-investigazzjoni ta’ diżgrazzji u inċidenti tal-baħar.

Ir-riżorsi tal-Istati Membri

3.8.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-objettivi li l-korpi tal-investigazzjoni tal-aċċidenti tal-Istati Membri jingħataw aktar ċarezza legali u kapaċità biex itejbu kemm l-operazzjonijiet tagħhom kif ukoll ir-rappurtar f’waqtu.

3.9.

Fid-dawl tal-isfidi kritiċi l-ġodda għas-sigurtà marittima (inklużi aċċidenti fuq il-baħar li jinvolvu migranti li jiddaħħlu b’mod klandestin u bnedmin traffikati), għandhom jissaħħu l-kooperazzjoni u l-assistenza reċiproka tal-Istati Membri tal-UE fl-investigazzjonijiet tas-sikurezza.

3.10.

Il-KESE jappoġġja l-obbligu għall-awtoritajiet investigattivi tal-Istati Membri biex jinnotifikaw id-diżgrazzji serji ħafna kollha fis-settur marittimu lill-Pjattaforma Ewropea tal-Informazzjoni dwar id-Diżgrazzji tal-Baħar (EMCIP). Il-KESE jappoġġja wkoll il-possibbiltà li d-diżgrazzji u l-aċċidenti marittimi kollha minbarra d-diżgrazzji marittimi serji ħafna jiġu rrappurtati lill-EMCIP minn awtorità kompetenti maħtura kif dovut ta’ Stat Membru minbarra l-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza marittima, mill-EMSA jew mill-Kummissjoni.

3.11.

Il-KESE jenfasizza li d-data tal-Pjattaforma Ewropea tal-Informazzjoni dwar id-Diżgrazzji tal-Baħar (EMCIP) hija ta’ importanza kbira għall-kondiviżjoni tal-għarfien dwar id-diżgrazzji u l-aċċidenti fis-settur marittimu. L-EMCIP għandha ssir pubblika biex issir aktar trasparenti u tagħti rendikont liċ-ċittadini tal-UE.

3.12.

Għalkemm l-implimentazzjoni tad-Direttiva kkontribwiet għall-pubblikazzjoni tar-rapporti dwar l-aċċidenti fl-iskadenzi preskritti, il-pubblikazzjoni tagħhom għandha tiġi aċċellerata aktar. Huwa importanti li l-fatti dwar aċċident marittimu jiġu ppubblikati malajr kemm jista’ jkun għall-familji tal-vittmi. L-istennija għal tweġiba għal diversi snin hija inumana u tista’ taffettwa l-pagament tal-flus tal-assigurazzjoni meħtieġ biex jiżgura l-futur tal-familja.

3.13.

Il-KESE jenfasizza r-rwol kruċjali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) biex tagħti taħriġ lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fir-rigward ta’ teknoloġiji ġodda u kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà. L-EMSA għandu jkollha l-mezzi biex tkompli tħarreġ lill-investigaturi dwar teknoloġiji emerġenti (jiġifieri vapuri awtonomi, fjuwils alternattivi ttrasportati bħala merkanzija jew għall-propulsjoni u l-elettrifikazzjoni tal-bastimenti) u l-impatt tagħhom fuq is-sikurezza.

3.14.

Il-KESE jenfasizza wkoll l-importanza tal-iżvilupp ta’ sistema ta’ mmaniġġjar tal-kwalità speċifika għall-korpi għall-investigazzjoni tal-aċċidenti biex jiġi żgurat li l-proċeduri jiġu segwiti b’mod sistematiku u tittejjeb il-kwalità ġenerali tal-investigazzjonijiet tal-aċċidenti.

Brussell, l-20 ta’ Settembru 2023.

Oliver RÖPKE

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Id-Direttiva 2009/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ April 2009 li tistabbilixxi l-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-investigazzjoni ta’ aċċidenti fis-settur tat-trasport marittimu u li temenda d-Direttiv tal-Kunsill 1999/35/KE u d-Diriettiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 114)

(2)  Id-Direttiva 2009/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ April 2009 dwar il-konformità mar-rekwiżiti tal-Istat tal-bandiera (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 132)

(3)  Id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57).

(4)  Id-Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar it-tniġġiż ikkawżat minn vapuri u l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet għal ksur (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 11).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li jistabbilixxi l-Aġenziji Marittima Ewropea tas-Sigurtà (ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1286/2011 tad- 9 ta’ Diċembru 2011 li jadotta metodoloġija komuni għall-investigazzjoni ta’ diżgrazzji u inċidenti tal-baħar żviluppata skont l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2009/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 10.12.2011, p. 36).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/875/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)