European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2023/871

8.12.2023

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni, ta’ ġestjoni u ta’ kontroll applikabbli fiż-żona koperta mill-Konvenzjoni dwar il-kooperazzjoni multilaterali fil-ġejjieni dwar is-sajd fil-Grigal tal-Atlantiku, li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1899/85 u r-Regolament (UE) Nru 1236/2010”

(COM(2023) 362 final — 2023/206 (COD))

(C/2023/871)

Relatur:

Francisco Javier GARAT PÉREZ

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 11.9.2023

Kunsill, 15.9.2023

Bażi legali

Artikolu 43(2) u Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adozzjoni fis-sezzjoni

7.9.2023

Adozzjoni fil-plenarja

20.9.2023

Sessjoni plenarja Nru

581

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

204/01/05

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il- Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jemmen li l-miżuri ta’ konservazzjoni u kontroll adottati mill-Kummissjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Grigal (NEAFC) jeħtieġ li jiġu trasposti fil-liġi tal-UE sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni uniformi u effettiva tagħhom fl-UE. Għalhekk, jappoġġja l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea.

1.2.

Madankollu, il-Kumitat, kif iddikjarat f’Opinjonijiet preċedenti (1), huwa tal-fehma li din il-proċedura ta’ traspożizzjoni għadha mhijiex soġġetta għal mekkaniżmu effiċjenti, peress li dawn il-miżuri huma soġġetti għal bidliet kull sena u l-burokrazija tal-UE timxi bil-mod ħafna, u dan iwassal għal distakk kontinwu bejn ir-regoli adottati min-NEAFC u l-leġiżlazzjoni tal-UE.

1.3.

Fi kwalunkwe każ, il-KESE jenfasizza r-rwol importanti tal-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMOs) għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni, ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għall-istokkijiet tal-ħut fl-ibħra miftuħa, u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri, flimkien mal-partijiet kontraenti l-oħra, biex jimmassimizzaw l-isforzi ta’ dawn l-organizzazzjonijiet billi jgħammruhom bir-riżorsi ekonomiċi, umani u xjentifiċi meħtieġa biex jilħqu l-objettivi tagħhom b’mod adegwat.

2.   Sinteżi tal-proposta leġiżlattiva

2.1.

Il-Kummissjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Grigal (NEAFC) hija l-organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMO) responsabbli għall-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd koperti mill-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali fil-Ġejjieni dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Grigal (il-Konvenzjoni NEAFC).

2.2.

Il-Kummissjoni tan-NEAFC tadotta miżuri ta’ konservazzjoni, ta’ ġestjoni u ta’ kontroll biex tiżgura l-konservazzjoni fit-tul u l-aħjar użu tar-riżorsi tas-sajd taħt il-kompetenza tagħha. Dawn il-miżuri huma adottati bħala rakkomandazzjonijiet li huma vinkolanti għall-partijiet kontraenti malli jidħlu fis-seħħ, sakemm ma tiġix ippreżentata oġġezzjoni skont l-Artikolu 12(2) tal-Konvenzjoni NEAFC.

2.3.

Il-partijiet kontraenti kollha tan-NEAFC huma membri tan-NEAFC, li tadotta miżuri b’kunsens jew b’votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata skont il-Konvenzjoni NEAFC. Qabel kull laqgħa tal-Kummissjoni tan-NEAFC, il-Kummissjoni Ewropea, f’isem l-Unjoni, tfassal linji gwida għan-negozjati bbażati fuq pożizzjoni pluriennali ta’ ħames snin stabbilita minn deċiżjoni tal-Kunsill u parir xjentifiku pprovdut mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) u f’konformità mal-Politika Komuni tas-Sajd. Dawn il-linji gwida għan-negozjati huma ppreżentati, diskussi u approvati fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill u jkomplu jiġu aġġustati, sabiex jittieħed kont tal-iżviluppi f’ħin reali, f’laqgħat ta’ koordinazzjoni mal-Istati Membri li jsiru fil-qafas tal-laqgħat annwali tan-NEAFC.

2.4.

Fil-laqgħat annwali tagħha, in-NEAFC tadotta miżuri ulterjuri, li s-Segretarju tan-NEAFC jinnotifika lill-partijiet kontraenti wara l-laqgħa bħala deċiżjonijiet tan-NEAFC. Wara li tirċievi notifika, il-Kummissjoni Ewropea tavża lill-Kunsill li ġew adottati miżuri ġodda u tavżah bid-data ppjanata għad-dħul fis-seħħ tagħhom. Hija r-responsabbiltà tal-Unjoni li tiżgura l-konformità ma’ dawn il-miżuri, bħall-obbligi internazzjonali tan-NEAFC, hekk kif jidħlu fis-seħħ.

2.5.

Fl-2022, l-UE kellha 301 bastiment tas-sajd awtorizzati biex joperaw fiż-Żona Regolatorja tan-NEAFC. L-aħħar implimentazzjoni tal-miżuri ta’ konservazzjoni, ta’ ġestjoni u ta’ kontroll adottati min-NEAFC ġiet ippromulgata permezz tar-Regolament (UE) Nru 1236/2010 (2) u emendata diversi drabi. Minn dak iż-żmien ’l hawn, in-NEAFC emendat xi miżuri li diġà huma fis-seħħ u adottat miżuri ġodda li għadhom ma ġewx trasposti fil-liġi tal-Unjoni. Dan huwa relatat ma’ miżuri fl-ambitu tal-iskema ta’ kontroll u infurzar tan-NEAFC u mal-miżuri adottati min-NEAFC skont:

Ir-Rakkomandazzjoni 19:2014 dwar il-miżuri ta’ ġestjoni taż-żoni għall-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar vulnerabbli fiż-Żona Regolatorja tan-NEAFC, kif emendata bir-Rakkomandazzjoni 06:2023;

Ir-Rakkomandazzjonijiet 08:2023 u 09:2023 li jemendaw il-lista tar-riżorsi regolati tan-NEAFC koperti mill-Iskema ta’ kontroll u infurzar tan-NEAFC;

Ir-Rakkomandazzjoni 10:2023 li tipprojbixxi l-iskartar fiż-Żona Regolatorja tan-NEAFC;

Ir-Rakkomandazzjoni 11:2023 dwar il-kontroll tal-operazzjonijiet ta’ trażbord fuq il-baħar; u

Ir-Rakkomandazzjoni 12:2023 dwar il-miżuri ta’ kontroll applikabbli għall-bastimenti kummerċjali tar-riċerka.

2.6.

Għalhekk, l-għan ewlieni tal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea huwa li l-miżuri ta’ konservazzjoni, ta’ ġestjoni u ta’ kontroll adottati min-NEAFC jiġu trasposti fil-liġi tal-Unjoni. Fl-istess ħin, il-proposta għandha l-għan li tiġbor flimkien il-miżuri kollha tan-NEAFC f’regolament wieħed. Bħalissa, ir-Regolament (UE) Nru 1236/2010 u, sa ċertu punt, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (3) fihom dispożizzjonijiet li jimplimentaw il-miżuri ta’ kontroll tan-NEAFC. Meta jitqies li d-dispożizzjonijiet li jimplimentaw il-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni tan-NEAFC li japplikaw għaż-żona regolatorja tan-NEAFC huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1899/85 (4) u r-Regolament (UE) 2019/1241 (5), ikun tajjeb li d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawk ir-Regolamenti jiġu sostitwiti b’att leġiżlattiv wieħed.

2.7.

Il-proposta għandha wkoll l-għan li timplimenta ċerti miżuri li jirriżultaw mill-impenji internazzjonali tal-Unjoni b’rabta mal-kontroll ta’ erba’ tipi ta’ sajd ta’ ħut pelaġiku fl-Atlantiku tal-Grigal: kavalli, sawrell, stokkafixx u aringi.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-Kumitat jemmen li l-miżuri ta’ konservazzjoni u kontroll adottati mill-Kummissjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Grigal (NEAFC) jeħtieġ li jiġu trasposti fil-liġi tal-UE sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni uniformi u effettiva tagħhom fl-UE. Għalhekk, jappoġġja l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea.

3.2.

Madankollu, il-Kumitat huwa tal-fehma li din il-proċedura ta’ traspożizzjoni għadha mhux ibbażata fuq mekkaniżmu effiċjenti, peress li dawn il-miżuri jinbidlu kull sena u l-proċeduri burokratiċi tal-UE jimxu bil-mod ħafna, li jwassal għal distakk kontinwu bejn ir-regoli adottati min-NEAFC u l-leġiżlazzjoni tal-UE.

3.3.

Fi kwalunkwe każ, il-KESE jenfasizza r-rwol importanti tal-RFMOs għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni, ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għall-istokkijiet tal-ħut fl-ibħra miftuħa, u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri, flimkien mal-partijiet kontraenti l-oħra, biex jimmassimizzaw l-isforzi ta’ dawn l-organizzazzjonijiet billi jgħammruhom bir-riżorsi ekonomiċi, umani u xjentifiċi meħtieġa biex jilħqu l-objettivi tagħhom b’mod adegwat.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Fir-rigward tal-miżuri stabbiliti fil-Kapitolu III tat-Titolu III, il-Kumitat iqis li dawn il-miżuri għandhom jiġu esklużi għall-flotot kostali li joperaw f’distanza ta’ 200 mil miż-żoni ekonomiċi esklużivi tal-Istati Membri tal-UE u li l-kontroll tal-attività fi ħdanhom għandu jibqa’ r-responsabbiltà tal-Istati Membri.

Brussell, l-20 ta’ Settembru 2023.

Oliver RÖPKE

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ kontroll li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2115/2005 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1386/2007 (COM(2018) 577 final — 2018/0304 (COD)) (ĠU C 159, 10.5.2019, p. 60); Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2019/833 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li jistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral” (COM(2020) 215 final — 2020/95(COD)) (ĠU C 429, 11.12.2020, p. 279); Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2019/833 li jistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral” (COM(2022) 51 final — 2022/0035(COD)) (ĠU C 290, 29.7.2022, p. 149); Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2019/833 li jistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (COM(2023) 108 final — 2023/0056 (COD)) (ĠU C 293, 18.8.2023, p. 144).

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1236/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta' Diċembru 2010 li jistabbilixxi skema ta' kontroll u infurzar applikabbli fiż-żona koperta mill-Konvenzjoni dwar il-Koperazzjoni Multilaterali fil-Ġejjieni dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Grigal u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2791/1999 (ĠU L 348, 31.12.2010, p. 17).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal- 20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1899/85 tat-8 ta' Lulju 1985 li jistabbilixxi daqs minimu ta' toqob għal xbieki użati waqt sajd għall-capelin f'dik il-parti taż-żona tal-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali Futura dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Grigal li jestendi 'l hinn mill-ibħra li jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tas-sajd tal-Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni (ĠU L 179, 11.7.1985, p. 2).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) Nru 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/871/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)