|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje C |
|
C/2023/862 |
8.12.2023 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-politika dwar l-ilma — Bejn deżertifikazzjoni u sekurizzazzjoni — Wasal iż-żmien għal Diplomazija Blu”
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(C/2023/862)
|
Relatur: |
Ioannis VARDAKASTANIS |
|
Korelatur: |
Milena ANGELOVA |
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
24.1.2023 |
|
Bażi legali |
Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura |
|
|
Opinjoni fuq inizjattiva proprja |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
18.7.2023 |
|
Adozzjoni fil-plenarja |
21.9.2023 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
581 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
223/1/4 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Minħabba n-natura trasversali tal-ilma, u l-fatt li l-iskarsezza tal-ilma hija problema globali, huwa meħtieġ approċċ komuni u komprensiv fuq skala globali. Għalhekk, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappella biex l-approċċ Nexus (1) jiġi implimentat b’mod wiesa’ u l-esperjenzi u l-aħjar prattiki tal-Istati Membri, in-negozji, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-komunitajiet lokali jeħtieġ li jiġu kkunsidrati bis-sħiħ fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tad-diplomazija blu. |
|
1.2. |
Minħabba l-iskarsezza globali dejjem akbar tal-ilma, l-ilma huwa kkunsidrat bħala assi ta’ sigurtà strateġika, li jipprovdi pożizzjonijiet avvanzati lil dawk l-istati li għandhom kontroll tiegħu. Għal dan l-għan, l-UE għandha tiffoka aktar sforzi fuq id-diplomazija blu u tintegraha fil-politika barranija u r-relazzjonijiet esterni tagħha, inklużi l-politiki tal-viċinat, tal-kummerċ u tal-iżvilupp. Ir-Rapport dwar ir-Riskji Globali tal-Forum Ekonomiku Dinji jidentifika l-iskarsezza tal-ilma fost it-theddid l-aktar probabbli u b’impatt qawwi. Madankollu, l-ilma jista’ jsir strument ta’ paċi u żvilupp. Għalhekk hija meħtieġa azzjoni determinata ta’ diplomazija blu. |
|
1.3. |
Peress li t-tibdil fil-klima għandu impatt kbir fuq il-kundizzjonijiet tal-ilma, id-diplomazija dwar il-klima u d-diplomazija blu huma marbuta mill-qrib. Filwaqt li primarjament tippromovi azzjoni globali għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, l-UE jeħtieġ tiffoka l-isforzi tagħha fuq il-kooperazzjoni fl-indirizzar tal-konsegwenzi tal-kriżi klimatika, fil-qafas tal-istrateġija ta’ adattament tagħha. Id-diplomazija blu hija intrinsikament marbuta mad-diplomazija tas-saħħa tal-UE wkoll, peress li s-servizzi adegwati, aċċessibbli u affordabbli tal-Ilma, is-Sanità u l-Iġjene — WASH — huma essenzjali għas-saħħa pubblika u l-iżvilupp tal-bniedem. |
|
1.4. |
L-ilma mhuwiex sempliċement komodità iżda ben pubbliku kruċjali għall-ħajja tal-bniedem. L-UE għandha tappoġġja aċċess faċli u mingħajr interruzzjoni għall-ilma affordabbli għal kulħadd madwar id-dinja, u tiffaċilita l-ġestjoni sostenibbli tal-ilma u tal-ilma mormi permezz ta’ kooperazzjoni fl-oqsma tal-infrastruttura, it-teknoloġiji u l-għarfien espert bħala parti mis-sħubijiet ekonomiċi u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Il-Global Gateway huwa għodda eċċellenti f’dak ir-rigward (2), anke meta wieħed iqis l-objettivi tal-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà Ekonomika (3) u b’mod partikolari l-prijorità tagħha rigward is-sħubija u t-tisħiħ ulterjuri tal-kooperazzjoni ma’ pajjiżi madwar id-dinja. |
|
1.5. |
L-allokazzjoni tal-finanzjament adatt — pubbliku u privat — għat-titjib tal-faċilitajiet u l-infrastruttura eżistenti, u l-kostruzzjoni ta’ oħrajn ġodda, hija kundizzjoni fundamentali biex jiġi żgurat aċċess ġust f’livell internazzjonali għall-ilma nadif u s-sanità għall-popolazzjoni globali kollha. It-titjib tal-ġestjoni tal-ilma jeħtieġ investiment fir-riċerka, l-innovazzjoni u l-kondiviżjoni tal-għarfien, kif ukoll fl-użu ta’ teknoloġiji ġodda u avvanzati, inklużi soluzzjonijiet diġitali tal-ilma. Jeħtieġ ukoll li tittejjeb l-infrastruttura għall-kontroll tal-għargħar u l-konservazzjoni tal-ilma. Jeħtieġ li tingħata aktar attenzjoni wkoll lill-miżuri internazzjonali li jiżguraw is-sigurtà tal-infrastruttura kritika, inklużi ċ-ċibersigurtà u s-sigurtà kontra d-diżastri naturali u l-attakki fiżiċi, kif urew il-kunflitti reċenti. |
|
1.6. |
L-UE għandha tqajjem kuxjenza dwar ir-rwol kruċjali tal-ilma u dwar fehim akbar tal-interkonnessjonijiet bejn id-diversi rwoli tal-ilma u d-dipendenzi reċiproċi tal-atturi differenti. Għandu jitwaqqaf Ċentru Ewropew tal-Ilma sabiex jgħin kemm lill-Istati Membri kif ukoll lil pajjiżi oħra fil-bżonn fil-viċinat Ewropew u lil hinn minnu. |
|
1.7. |
Iċ-Ċentru Ewropew tal-Ilma għandu jenfasizza każijiet fejn il-kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE li għandhom xmajjar u lagi inkomuni hija eżemplari, u fejn tinsab taħt il-livell mixtieq u jirrakkomanda għodod ta’ politika għall-promozzjoni tal-objettivi tal-politika tal-Patt Blu. |
|
1.8. |
L-UE għandha wkoll issaħħaħ u tiffaċilita n-networks tad-diplomazija blu, meta jitqies li d-diplomazija blu teħtieġ kooperazzjoni bejn diversi atturi: rappreżentanti tal-gvern, awtoritajiet u aġenziji tal-ilma, akkademiċi u istituzzjonijiet ta’ riċerka, is-settur privat, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. |
|
1.9. |
L-UE għandha tiżviluppa strumenti speċjali biex tippromovi l-kooperazzjoni u l-politiki konġunti tal-ġestjoni tal-ilma fil-lagi u l-baċini tax-xmajjar transkonfinali, fi ħdan u lil hinn mill-fruntieri tal-UE. |
|
1.10. |
L-UE għandha tqis il-protezzjoni tal-artijiet mistagħdra u l-bijodiversità bħala parti essenzjali mid-diplomazija blu, u l-KESE jappella għall-integrazzjoni tagħhom fi prijoritajiet strateġiċi tad-diplomazija blu. |
|
1.11. |
Għandha tingħata prijorità lill-ġestjoni sostenibbli tax-xmajjar, il-lagi u l-artijiet mistagħdra transkonfinali tax-Xlokk tal-Ewropa, minħabba l-importanza kbira tagħhom jew il-protezzjoni tal-bijodiversità Ewropea. |
|
1.12. |
Il-KESE jappoġġja l-fatt li wieħed mill-għanijiet strateġiċi ewlenin tad-diplomazija blu għandu jkun it-titjib tal-qafas tat-trattat tan-NU relatat ma’ kwistjonijiet dwar l-ilma, fid-dawl tal-iżviluppi internazzjonali reċenti, il-kriżi tal-klima u tal-ilma. |
|
1.13. |
Filwaqt li l-objettiv primarju tad-diplomazija blu huwa li jiġu evitati tensjonijiet u kunflitti relatati mal-ilma, jidher ċar li l-UE hemm bżonn tikkontribwixxi simultanjament għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti. L-UE mhux biss għandha l-opportunità li taġixxi bħala medjatur bejn il-partijiet involuti fil-kunflitti, iżda jista’ jkollha wkoll rwol sinifikanti fil-kooperazzjoni għall-irkupru wara l-kunflitti. |
|
1.14. |
Il-KESE jirrakkomanda li jittieħdu miżuri addizzjonali biex jiġi evitat l-użu tal-ilma bħala arma, ħaġa li ġiet osservata sseħħ għal darb’ oħra f’kunflitti reċenti — il-każ l-aktar gravi l-kriżi ta’ Nova Kakhovka, li l-effetti negattivi soċjali, ekonomiċi u ambjentali tagħha għad iridu jiġu analizzati. |
|
1.15. |
Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tuża b’mod attiv il-potenzjal tagħha biex iġġib il-paċi u s-sostenibbiltà, u tkun mutur tal-innovazzjoni u l-bidla fir-reġjuni tal-Mediterran u dawk tal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq (MENA), fejn l-ilmijiet transkonfinali spiss ikunu soġġetti għal tilwim, u dan jaggrava aktar it-tibdil fil-klima u d-deżertifikazzjoni. Għal dak l-għan, għandha tiġi mfaħħra l-ħidma ta’ L-Unjoni għall-Mediterran (UgħM) u tal-Grupp ta’ Esperti tagħha dwar l-Ilma u għandhom jiġu żviluppati kooperazzjoni u sinerġiji aktar mill-qrib. |
|
1.16. |
Il-KESE jilqa’ l-impenji volontarji tal-UE li saru matul il-Konferenza tan-NU dwar l-Ilma, u jistieden lill-UE tkompli tuża l-istrumenti ta’ politika eżistenti tagħha biex tfittex soluzzjonijiet effettivi u effiċjenti fit-tul. |
|
1.17. |
Strateġija makroreġjonali fuq l-iskala tal-Mediterran jista’ jkun li tabilħaqq tappoġġja aktar koeżjoni fil-baċir, abbażi tal-prinċipji ta’ approċċ gradwali u volontarju, governanza kondiviża f’diversi livelli u ġeometrija varjabbli li twieġeb għall-ħtiġijiet u l-ispeċifiċitajiet territorjali. B’mod li jikkumplementa l-oqfsa, l-inizjattivi u l-programmi diġà fis-seħħ fiż-żona, strateġija makroreġjonali ġenerali tippermetti aktar koerenza u integrazzjoni bejn dawn l-azzjonijiet diġà fis-seħħ, filwaqt li tippermetti l-komplementarjetà, aktar razzjonalità fl-użu tar-riżorsi u ħidma konġunta effiċjenti biex jinstabu bażi komuni għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u ambjentali u soluzzjonijiet għall-isfidi komuni. |
|
1.18. |
Id-diplomazija blu għandha tiżviluppa prijoritajiet strateġiċi f’reġjuni fejn hemm ħafna stress idriku u kunflitti relatati mal-ilma, bħall-Mediterran u r-reġjun tal-MENA, fejn kemm l-Istati Membri tal-UE kif ukoll dawk mhux tal-UE jiffaċċjaw sfidi mingħajr preċedent relatati mal-ilma. Huwa essenzjali li l-Patt Blu jiżviluppa dimensjoni Mediterranja ċara u jpoġġi enfasi relatata mal-ilma fuq ir-reġjun tal-MENA, minħabba n-natura akuta tal-istress idriku. |
|
1.19. |
Id-diplomazija blu għandha tagħti attenzjoni speċjali wkoll lis-sitwazzjoni fl-Afrika sub-Saħarjana, b’mod partikolari fir-reġjuni ġirien tas-Saħel, il-Qarn tal-Afrika, il-baċiri tax-xmajjar transkonfinali tan-Nil, in-Niġer u l-Kongo, il-baċiri tal-lagi transkonfinali tal-Lagi l-Kbar u tal-Lag Chad, u tiżviluppa għodod proattivi għall-prevenzjoni ta’ żieda fil-flussi migratorji lejn l-Unjoni Ewropea relatata mal-kriżi tal-ilma. |
2. Kummenti ġenerali
|
2.1. |
Mir-riżorsi naturali kollha, l-ilma sar l-aktar prezzjuż. L-iskarsezza globali tal-ilma hija sfida kbira għall-iżvilupp kontinwu tal-bniedem, u għall-kisba ta’ diversi Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU. Minkejja li tliet kwarti tal-pjaneta tagħna huma magħmula mill-ilma, il-biċċa l-kbira tal-ilma abbundanti tad-Dinja ma jistax jintuża, u 2,5 % biss jikkostitwixxi ilma ħelu, li minnu inqas minn 1 % huwa faċilment aċċessibbli. Barra minn hekk, il-korpi tal-ilma ħelu qed jiffaċċjaw kontinwament tnaqqis f’termini ta’ kwalità u kwantità. |
|
2.2. |
Il-KESE ddikjara li l-ilma mhuwiex sempliċement komodità iżda ben pubbliku essenzjali għall-ħajja tal-bniedem. L-aċċess faċli u affordabbli għall-ilma, is-sanità u l-iġjene (WASH) għal kulħadd huwa essenzjali għas-saħħa pubblika u l-iżvilupp tal-bniedem. Fl-2010, l-Assemblea Ġenerali tan-NU rrikonoxxiet b’mod espliċitu d-dritt tal-bniedem għall-ilma u s-sanità, u r-Riżoluzzjonijiet (43/32) tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem approvati fl-2020 jiggarantixxu d-dritt ta’ aċċess għall-ilma matul il-kunflitti, bħal fil-każ tal-kunflitt bejn il-Palestina u l-Iżrael. Madankollu, madwar 2,2 biljun persuna bħalissa ma’ għandhomx aċċess għall-ilma tax-xorb u s-servizzi bażiċi tal-ilma madwar id-dinja, u aktar minn nofs il-popolazzjoni tad-dinja għad ma’ għandhiex aċċess għal sanità sikura. |
|
2.3. |
Bħalissa, 30 % tal-ilma ta’ taħt l-art tad-dinja qed jonqos, u hemm tħassib dejjem akbar dwar il-kwalità tal-ilma ta’ taħt l-art. Bejn wieħed u ieħor, 3,6 biljun persuna jiffaċċjaw aċċess inadegwat għall-ilma għal mill-inqas xahar fis-sena, u dan l-għadd huwa mistenni li jiżdied għal aktar minn 5 biljuni sal-2050. Hija mistennija wkoll żieda ta’ 55 % fid-domanda għall-ilma sal-2050, u madwar terz tal-popolazzjoni tad-dinja mhux se jkollha aċċess għal ilma tax-xorb ta’ kwalità. |
|
2.4. |
Skont l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, l-istress idriku jseħħ meta d-domanda għall-ilma taqbeż l-ammont disponibbli matul ċertu perjodu, jew meta kwalità fqira tillimita l-użu tiegħu. Hekk kif il-popolazzjoni dinjija qed tkompli tikber u l-ilma qed isir dejjem aktar skars, il-kunflitti relatati mal-ilma u l-instabbiltà ġeopolitika madwar id-dinja mhumiex diffiċli biex jitbassru. |
|
2.5. |
Hemm ukoll dimensjoni soċjali u tal-ġeneru b’saħħitha fi kwistjonijiet relatati mal-WASH. Mingħajr servizzi WASH ġestiti b’mod sikur, in-nisa, il-bniet u t-tfal huma aktar vulnerabbli għall-abbuż, l-attakki u l-mard, u dan jaffettwa l-kapaċità tagħhom li jistudjaw, jaħdmu u jgħixu b’dinjità. Huwa rikonoxxut b’mod wiesa’ li n-nisa u l-bniet huma affettwati b’mod sproporzjonat min-nuqqas ta’ servizzi WASH, madankollu, l-ilħna u l-ħtiġijiet tagħhom spiss ikunu assenti fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki, u b’hekk tiġi żgurata l-marġinalizzazzjoni kontinwa tagħhom. |
|
2.6. |
Is-servizzi WASH iridu jkunu globalment aktar inklużivi anke f’termini ta’ aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabilità. L-ostakli soċjali u fiżiċi jistgħu jdgħajfu s-saħħa u d-dinjità tal-persuni b’diżabilità, u n-nuqqas ta’ faċilitajiet adegwati jista’ jkompli jaffettwa r-relazzjonijiet, ir-reġistrazzjoni fl-iskejjel, u l-impjieg. Dan japplika wkoll għal gruppi vulnerabbli oħra. |
|
2.7. |
Bħala riżorsa trasversali, l-ilma ħelu huwa essenzjali wkoll għal firxa wiesgħa ta’ setturi ekonomiċi, inklużi l-agrikoltura, l-industriji, it-turiżmu, l-enerġija u t-trasport. L-ilma għalhekk jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-ħolqien tal-ġid u għall-impjiegi. Dawk ir-reġjuni l-aktar milquta min-nuqqas ta’ ilma jistgħu jġarrbu rati ta’ tkabbir li jonqsu b’sa 6 % tal-PDG sal-2050. |
|
2.8. |
L-istress idriku jhedded ir-reżiljenza ta’ ċerti żoni tad-dinja, iżid l-inugwaljanzi u jqajjem tħassib dwar is-sigurtà tal-ikel. L-istress idriku u d-deżertifikazzjoni spiss iwasslu għas-sekurizzazzjoni tal-provvista tal-ilma. L-aċċess inugwali għall-ilma jżid l-instabbiltà soċjali, u konsegwentement, jirriżulta f’kunflitti u tensjonijiet lokali u internazzjonali. Għal darb’ oħra, se jkunu l-ifqar persuni li jbatu l-aktar minħabba l-istress idriku u d-deżertifikazzjoni. Mill-2010, kien hemm aktar minn 466 kunflitt madwar id-dinja fuq il-kontroll tal-ilma, il-biċċa l-kbira minnhom fl-Afrika u fil-Lvant Nofsani. Dan jista’ jwassal ukoll għal gwerra u t-tisħiħ ta’ mewġiet migratorji lejn it-Tramuntana tad-dinja, b’mod partikolari l-Unjoni Ewropea. |
|
2.9. |
It-tibdil fil-klima qed iżid ukoll il-frekwenza, l-intensità, il-firxa u t-tul ta’ żmien tan-nixfiet f’ħafna partijiet tad-dinja. Skont it-tbassir, in-nixfiet jistgħu jaffettwaw aktar minn tliet kwarti tal-popolazzjoni tad-dinja sal-2050 (4). Diversi rapporti tan-NU jistmaw li sal-2050, taħlita ta’ problemi u kunflitti relatati mal-ilma u mal-klima se ġġiegħel lil madwar biljun persuna biex jemigraw. Fin-Nofsinhar tad-dinja b’mod partikolari, l-aċċess għall-ilma huwa ristrett ħafna. Dan se jkompli jqanqal l-ispostament u l-migrazzjoni lejn it-Tramuntana tad-dinja. Għalhekk, il-KESE jitlob li l-kawżi ewlenin (inkluża l-iskarsezza tal-ilma) jiġu indirizzati, aktar milli tittieħed azzjoni kontra r-refuġjati nfushom, sabiex jitrażżnu dawn l-iżviluppi. |
|
2.10. |
Il-kunflitti spiss ikunu marbuta mad-devjazzjoni għall-irrigazzjoni jew l-industrija, il-ġestjoni tal-iskarsezza u l-għargħar, it-tniġġis, jew in-navigazzjoni. Madankollu, l-istress idriku kkawżat minn avvenimenti estremi u l-iskarsezza dejjem tikber tal-ilma diġà wasslu għal kunflitti dwar l-aċċess għar-riżorsi tal-ilma u l-kontroll tagħhom madwar id-dinja. Il-kriżi klimatika se taggrava din is-sitwazzjoni. F’ħafna każijiet, peress li l-ilmijiet transkonfinali jammontaw għal 60 % tal-flussi tal-ilma ħelu tad-dinja u 153 pajjiż għandhom territorju f’mill-inqas xmara waħda jew baċir tal-lag transkonfinali, se jkun hemm kunflitti jew tilwim li jinvolvu żewġ pajjiżi jew aktar. Għalhekk, il-KESE jappella għal għodod biex tiġi indirizzata l-iskarsezza tal-ilma globalment u biex jiġu evitati l-kunflitti. |
|
2.11. |
L-ilma qed jiġi dejjem aktar użat bħala arma mill-partijiet fil-kunflitt, b’mod partikolari fil-Lvant Nofsani. Il-gwerra ċivili fis-Sirja saret eżempju negattiv ta’ dan. Il-Gvern Sirjan qatal-ilma għal miljuni ta’ ċivili, l-ISIS regolarment qatgħu l-ilma mill-komunitajiet taħt il-kontroll tagħhom, u t-Turkija ġiet akkużata li waqqfet l-operazzjonijiet tal-istazzjon tal-ilma ta’ Alouk. F’Jannar 2022, ir-Russja bbumbardjat stazzjon tal-ilma f’Idlib (5). |
|
2.12. |
Kif sfortunatament rajna fl-invażjoni tar-Russja reċenti fl-Ukrajna, iż-żamma jew il-kontaminazzjoni tal-ilma ntużaw bħala arma tal-gwerra (6). Fil-belt ta’ Mariupol, il-forzi armati Russi deliberatament qatgħu l-aċċess tal-popolazzjoni Ukrena għall-ilma tax-xorb, użaw it-theddida ta’ deidratazzjoni biex iġiegħlu lill-popolazzjoni ċċedi, u ċaħdu l-aċċess għall-ħtiġijiet l-aktar bażiċi. Il-qerda tad-diga ta’ Nova Kakhovka kompliet taggrava l-kriżi ġenerali. |
3. Azzjoni ta’ diplomazija blu u miżuri ta’ politika
|
3.1. |
L-iskarsezza tal-ilma, u t-tensjonijiet u l-użu bħala arma relatati, joħolqu theddida dejjem akbar għall-paċi u l-istabbiltà internazzjonali. Madankollu, l-ilma jista’ jsir strument ta’ paċi u żvilupp. Għalhekk hija meħtieġa azzjoni konkreta ta’ diplomazija blu. |
|
3.2. |
Id-diplomazija blu (magħrufa wkoll bħala diplomazija fil-qasam tal-ilma jew id-diplomazija idrika) ġiet deskritta bħala “proċess dinamiku u orjentat lejn il-politiki li għandu l-għan li jipprevjeni, jimmitiga u jsolvi t-tensjonijiet relatati mal-ilma fl-ilmijiet kondiviżi billi jagħmel użu simultanju ta’ għodod diplomatiċi, għarfien espert relatat mal-ilma u mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni fuq diversi binarji ta’ diplomazija” (7). |
|
3.3. |
L-isfidi relatati mal-ilma jenfasizzaw l-importanza tal-istrutturi ta’ governanza internazzjonali għall-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma u l-prevenzjoni tat-tensjonijiet relatati mal-ilma. Il-Konferenza reċenti tan-NU dwar l-Ilma tal-2023 (8) kienet okkażjoni rari biex jiġu mobilizzati l-partijiet kollha involuti u biex tiġi kondiviża informazzjoni dwar l-aħjar prattiki u azzjonijiet li diġà ttieħdu, kif ukoll dwar l-impenn volontarju għal aktar azzjoni (9). Il-KESE jqis li huwa importanti li tiġi żgurata kooperazzjoni globali kontinwa dwar dan is-suġġett, u li tiġi żgurata l-implimentazzjoni adatta tal-objettivi u l-miri stabbiliti s’issa. Għandha tingħata wkoll attenzjoni speċjali lill-iżvilupp ta’ strutturi ta’ governanza reġjonali li jiffukaw fuq il-baċiri tax-xmajjar u tal-lagi transkonfinali. |
|
3.4. |
Il-Konvenzjonijiet tan-NU dwar il-protezzjoni u l-użu ta’ passaġġi tal-ilma transkonfinali u għadajjar internazzjonali (il-Konvenzjoni tal-UNECE dwar l-Ilma) (10), adottata f’Ħelsinki fl-1992, u l-Konvenzjoni tan-NU tal-1997 dwar il-Liġi tal-Użu Mhux Navigazzjonali tal-Passaġġi tal-Ilma Internazzjonali (11), huma strumenti legali internazzjonali uniċi bl-għan importanti li jiġi żgurat l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma transkonfinali permezz tal-kooperazzjoni. Barra minnhekk, ftehimiet internazzjonali oħrajn bħall-Protokoll dwar l-Ilma u s-Saħħa (12) u t-Trattat tan-NU dwar l-Ibħra Internazzjonali li ntlaħaq qbil dwaru dan l-aħħar huma għodod importanti li jeħtieġ li jiġu implimentati bis-sħiħ u malajr. |
|
3.5. |
Il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima u l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli joffru linji gwida siewja dwar kif id-diplomazija blu tista’ tiġi żviluppata globalment. B’mod partikolari, l-SDG 6 jiffoka fuq l-ilma nadif u s-sanità, u jinkludi, fost l-oħrajn, miri għall-ġestjoni tal-ilma transkonfinali u għall-kooperazzjoni internazzjonali. Minħabba l-urġenza għall-implimentazzjoni f’waqtha tal-SDG 6, il-miri tiegħu, u, b’mod aktar ġenerali, il-Ftehim ta’ Pariġi, kemm il-Global Gateway kif ukoll l-NDICI–Ewropa Globali, jistgħu jkunu strumenti konkreti u effettivi f’dan ir-rigward. |
|
3.6. |
Il-prevenzjoni ta’ problemi u tensjonijiet relatati mal-ilma għandha titqies bħala l-aktar azzjoni importanti għad-diplomazija blu. Għal dan l-għan, l-UE għandha tikkontribwixxi għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma fuq skala globali. Il-governanza tal-ilma u r-rwol tal-ġestjoni integrata tar-riżorsi tal-ilma huma rikonoxxuti bħala proċessi ewlenin għall-iżvilupp koordinat u l-ġestjoni sostenibbli tal-ilma, l-art u r-riżorsi relatati. |
|
3.7. |
Huwa wkoll essenzjali li jiġu żviluppati politiki internazzjonali biex jiġu promossi l-użu ekonomiku u l-użu effiċjenti tal-ilma fis-setturi kollha tal-ekonomija u tas-soċjetà, biex jitnaqqas it-tniġġis tal-ilmijiet ta’ taħt l-art u tal-wiċċ, kif ukoll biex jiġu restawrati l-ilmijiet imniġġsa u degradati. |
|
3.8. |
Fir-rigward tar-rabtiet bejn il-klima u l-ilma, il-ħidma tal-Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija hija ta’ importanza u valur kbir, peress li torganizza, tippromovi u taċċellera proġetti importanti ta’ kooperazzjoni reġjonali — eż. il-monitoraġġ u l-ġestjoni tad-data, l-indirizzar ta’ sistemi ta’ twissija bikrija u l-analiżi tat-tibdil fil-klima u l-effetti tiegħu fuq l-ilma, li kollha huma ingredjenti importanti tad-diplomazija blu. |
|
3.9. |
Ir-riżorsi tal-ilma huma marbuta wkoll mal-protezzjoni tal-bijodiversità. L-ilma huwa essenzjali biex jinżammu l-proċessi naturali u jiġu sostnuti ekosistemi tajbin u b’saħħithom, u fl-istess ħin l-art u ekosistemi b’saħħithom joffru ħażna naturali fit-tul għall-ilma ħelu. Il-ġestjoni u r-restawr imtejba tas-sistemi tal-art u tal-ilma jipprovdu soluzzjonijiet sostenibbli għall-ġestjoni tal-ilma u jistgħu jintużaw malajr, bi spiża relattivament baxxa u b’rekwiżiti teknoloġiċi modesti. |
|
3.10. |
Barra minn hekk, id-diplomazija blu hija marbuta b’mod intrinsiku mad-diplomazija fil-qasam tas-saħħa tal-UE, peress li-servizzi WASH adegwati huma sine qua non għas-saħħa pubblika. Peress li l-ilma huwa ben pubbliku, l-iżgurar ta’ infrastruttura u faċilitajiet pubbliċi adegwati huwa kruċjali, biex jippermetti aċċess faċli għall-ilma nadif, sikur u affordabbli għal kulħadd. L-attenzjoni dovuta għandha tkun iffokata wkoll fuq il-ġestjoni adatta tal-ilma mormi. |
|
3.11. |
Għal dan il-għan, l-UE għandha tappoġġja aċċess globali għall-ilma affordabbli għal kulħadd, u tiffaċilita l-ġestjoni sostenibbli tal-ilma permezz ta’ kooperazzjoni fl-oqsma tal-infrastruttura, it-teknoloġiji u l-għarfien espert bħala parti mis-sħubijiet ekonomiċi u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Il-Global Gateway huwa għodda eċċellenti f’dak ir-rigward (13). |
|
3.12. |
L-allokazzjoni tal-finanzjament adatt għat-titjib tal-faċilitajiet u l-infrastruttura eżistenti, u fejn meħtieġ il-kostruzzjoni ta’ oħrajn ġodda, hija kundizzjoni fundamentali biex jiġi żgurat aċċess ġust għall-ilma nadif għall-popolazzjoni globali kollha. Kemm il-finanzjament pubbliku kif ukoll dak privat (inklużi l-fondi tal-UE u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u l-finanzjament mill-BEI u l-BERŻ) huma meħtieġa għal investiment fit-tul fil-ġestjoni u l-infrastruttura tal-ilma. Permezz tal-Viċinat tan-Nofsinhar Ewropew tagħha, l-UE hija involuta f’azzjonijiet relatati mal-ilma li jgħinu biex jimmobilizzaw il-finanzjament għall-ġestjoni tal-ilma, l-effiċjenza fl-użu tal-ilma, is-sanità u l-użu mill-ġdid tal-ilma mormi, it-tneħħija tat-tniġġis (b’mod partikolari t-tniġġis tal-plastik) u l-adattament għat-tibdil fil-klima. |
|
3.13. |
It-teknoloġiji l-ġodda għandhom il-potenzjal li jagħtu riżultati sinifikanti fis-settur tal-ilma. It-titjib tal-ġestjoni tal-ilma jirrikjedi r-riċerka u l-innovazzjoni, il-kondiviżjoni tad-data u tal-għarfien, waqt li jissokta l-appoġġ għat-tranżizzjoni lejn soluzzjonijiet diġitali rigward l-ilma. L-UE hija impenjata li tappoġġja r-riċerka dwar l-ilma, inkluża l-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni, bħal fil-każ tas-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) (disponibbiltà tal-ilma għall-agrikoltura) b’finanzjament ta’ EUR 494 miljun għall-2018-2024. |
|
3.14. |
L-UE għandha wkoll tqajjem kuxjenza dwar ir-rwol kruċjali tal-ilma biex jinħoloq żvilupp ekonomikament, soċjalment u ambjentalment sostenibbli. B’mod partikolari, huwa meħtieġ fehim akbar tal-interkonnessjonijiet bejn id-diversi rwoli tal-ilma u d-dipendenzi reċiproċi tal-atturi differenti. Ir-rabta bejn l-ilma u l-enerġija u l-ikel hija rabta tipika li għandha tiġi evalwata fl-intier tagħha. Min-naħa l-oħra, l-UE tista’ tgħin biex jiġu identifikati r-riskji relatati mal-ilma, kif ukoll it-tensjonijiet bejn diversi atturi. |
|
3.15. |
Minbarra s-sensibilizzazzjoni, l-UE tista’ tappoġġja t-taħriġ u t-titjib tal-kapaċitajiet tekniċi u maniġerjali tal-organizzazzjonijiet li jaħdmu fis-settur tal-ilma u l-governanza tal-ilma b’mod ġenerali. L-UE jista’ jkollha wkoll rwol aktar attiv fit-tisħiħ u l-iffaċilitar tan-networks tad-diplomazija blu, meta jitqies li d-diplomazija blu teħtieġ kooperazzjoni bejn diversi atturi: rappreżentanti tal-gvern, awtoritajiet u aġenziji tal-ilma, akkademiċi u istituzzjonijiet ta’ riċerka, organizzazzjonijiet tas-settur privat u tas-soċjetà ċivili, waqt li jiġi sfruttat ukoll il-potenzjal tal-atturi nisa. |
|
3.16. |
Is-soċjetà ċivili għandha rwol ewlieni fil-promozzjoni ta’ strumenti, programmi jew strateġiji ġodda dwar kwistjonijiet tal-ilma. Inizjattivi bħal “Right2Water”, l-ewwel Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej li tefgħet dawl fuq l-ilma bħala dritt tal-bniedem u għodda ta’ politika barranija (14), juru l-valur tal-mobilizzazzjoni ċivika. Il-Patt Klimatiku Ewropew għandu l-għan li jsir spazju vivaċi għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni, għad-dibattitu u għall-azzjoni b’rabta mal-kriżi klimatika billi jinvolvi liċ-ċittadini, lill-organizzazzjonijiet u lin-negozji tagħhom. |
|
3.17. |
Fir-rigward tal-avvanz tad-diplomazija blu fl-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali konklużi mill-UE u minn partijiet terzi, il-Gruppi Konsultattivi Domestiċi tal-KESE jinkludu għodod siewja, peress li jlaqqgħu flimkien l-organizzazzjonijiet tan-negozju, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet ambjentali. |
|
3.18. |
Il-KESE jirrimarka li l-ilma huwa ben pubbliku u għalhekk għandu jkun aċċessibbli għal kulħadd bi prezz affordabbli. Hekk kif l-iskarsezza tar-riżorsi tal-ilma tiżdied, qed jiġi applikat approċċ kummerċjali fir-rigward tal-ilma. Filwaqt li approċċ bħal dan jista’ joffri ċerti vantaġġi fid-distribuzzjoni mill-ġdid tar-riżorsa skarsa, għandhom jittieħdu miżuri biex tiġi żgurata l-awtosuffiċjenza tar-reġjuni kollha — bl-użu ta’ ftehimiet u negozjati kummerċjali, u filwaqt li jitqies il-fatt li l-ilma huwa ben pubbliku u mhux sempliċiment komodità u fejn meħtieġ jiġu adottati regolamenti f’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti. |
|
3.19. |
Lil hinn mill-konvenzjonijiet internazzjonali tradizzjonali dwar l-ilma u l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli, hemm bosta korpi, strumenti u proċessi bilaterali, reġjonali u globali fejn l-UE tista’ tikkontribwixxi għad-diplomazija fil-qasam tal-ilma. |
|
3.20. |
Ix-xmajjar transkonfinali fl-Ewropa jqajmu għadd ta’ kwistjonijiet dwar it-tniġġis tal-ilma u l-kondiviżjoni tal-ilma li jeħtieġ li jiġu indirizzati. Kif urew il-każijiet tal-Kummissjoni tad-Danubju, tal-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu, tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Baċin tax-Xmara Sava u tal-Kummissjoni ta’ Mosel, hemm ġabra rikka ta’ esperjenzi Ewropej relatati max-xmajjar li jistgħu jintużaw fl-attivitajiet tad-diplomazija blu tal-UE. |
|
3.21. |
Fid-dawl tal-esperjenza Ewropea relatata mal-ilma u s-sanità, l-għarfien xjentifiku u r-riżorsi — bħala parti mill-isforzi attivi tad-diplomazija blu tal-UE — għandu jitwaqqaf Ċentru Ewropew tal-Ilma li jirrapporta direttament lid-DĠ ENV u lis-SEAE biex jgħin kemm lill-Istati Membri kif ukoll lil pajjiżi oħra jindirizzaw kwistjonijiet relatati mal-ilma fil-viċinat Ewropew u lil hinn minnu. |
|
3.22. |
Il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar il-prattiki u l-esperjenzi tad-diplomazija blu tal-Istati Membri hija mod importanti għall-UE biex issaħħaħ l-influwenza tagħha. Pereżempju, il-Finlandja nediet il-proġett “Water cooperation and peace — Finnish water way” (Il-kooperazzjoni fil-qasam tal-ilma u l-paċi — il-perkors Finlandiż għall-ilma) (15), li għandu l-għan li jsaħħaħ il-kollaborazzjoni internazzjonali tad-diplomazija Finlandiża fil-qasam tal-ilma, itejjeb il-ftehimiet transkonfinali internazzjonali u l-implimentazzjoni tagħhom, jidentifika u jwieġeb għall-ħtiġijiet ta’ taħriġ tad-diplomazija dwar l-ilma u l-ħtiġijiet tal-bini tal-kompetenzi, u japprofondixxi l-kooperazzjoni bejn l-esperti fil-politika estera u ta’ sigurtà, fil-medjazzjoni għall-paċi u fis-settur tal-ilma. |
4. Il-Mediterran u r-Reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta’ Fuq
|
4.1. |
Ir-reġjun tal-Mediterran qed jisħon 20 % aktar malajr mill-medja globali, u diġà qed jiffaċċja sfidi kbar relatati mal-istress idriku. Hemm evidenza estensiva li t-tibdil fil-klima se jkollu impatt fuq il-Mediterran b’diversi modi, u l-industrija tas-sajd kif ukoll il-bijodiversità se jkunu mhedda minn speċijiet invażivi, ir-reġjun se jsir aktar xott u sħun u se tiżdied l-intensità ta’ avvenimenti estremi u nixfiet. L-Istati Membri Mediterranji tal-UE huma dejjem aktar mhedda mid-deżertifikazzjoni, li taffettwa primarjament ir-reġjuni kostali u insulari. |
|
4.2. |
Minkejja differenzi subreġjonali sinifikanti, ir-reġjun kollu tal-MENA qed jiffaċċja sfidi simili. Il-fatturi li jixprunaw ir-riskji relatati mal-ilma f’dawn il-pajjiżi huma, fost l-oħrajn, iż-żieda fil-popolazzjoni u fid-domanda tal-ilma, it-tibdil fil-klima u sistemi ta’ ġestjoni tal-ilma skaduti. Barra minn hekk, il-governanza ħażina, il-korruzzjoni u l-kunflitti rikorrenti jagħmluha kważi impossibbli biex jiġu implimentati kontromiżuri. |
|
4.3. |
Reġjuni kbar tal-Afrika sub-Saħarjana jiffaċċjaw sfidi sinifikanti relatati mal-istress idriku. In-nuqqas ta’ rispons internazzjonali x’aktarx li jwassal għal mewġiet ta’ migrazzjoni, kunflitti intrastatali u internazzjonali. |
|
4.4. |
Peress li ħafna industriji jeħtieġu l-ilma biex ikunu produttivi eż., l-agrikoltura u l-enerġija, l-iskarsezza tal-ilma tista’ tpoġġi f’riskju setturi ekonomiċi sħaħ tal-istati Mediterranji u tal-MENA li jagħtu kontribut sostanzjali lill-PDG. Il-KESE jenfasizza li dawn l-industriji għandhom jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex itejbu l-effiċjenza u l-użu mill-ġdid tal-ilma sa fejn ikun possibbli. |
|
4.5. |
It-tkabbir tat-turiżmu mhux ikkontrollat jista’ jkollu impatt sinifikanti fuq l-istress idriku fil-Mediterran kollu. Il-volum ta’ vjaġġaturi globali li jaslu f’pajjiż huwa mistenni li jkompli jespandi fis-snin li ġejjin, li jwassal għal pressjoni antropoġenika għolja, li, flimkien ma’ bidliet severi fl-użu tal-art, se jkollhom impatt dirett fuq il-konsum tal-ilma u tal-art u d-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistema. |
|
4.6. |
Għalkemm pajjiżi bħal Malta, l-Iżrael u Spanja issa jinsabu minn ta’ quddiem fil-politiki tal-ġestjoni tal-ilma u tal-effiċjenza tal-ilma, il-kooperazzjoni reġjonali dwar is-suġġett għadha insuffiċjenti. Madankollu, l-Istrateġija Mediterranja għall-Iżvilupp Sostenibbli tipprovdi qafas ta’ politika integrattiv għall-partijiet ikkonċernati kollha biex l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tiġi tradotta fil-livelli reġjonali, subreġjonali, nazzjonali u lokali fil-Mediterran. L-Unjoni għall-Mediterran u l-Grupp ta’ Esperti dwar l-Ilma tagħha jipprovdu wkoll pjattaforma ta’ valur għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-promozzjoni ta’ objettivi u esperjenzi komuni ta’ pajjiżi bħall-Ġordan, il-Marokk u l-Palestina relatati mal-iskarsezza tal-ilma, bħall-bini ta’ miżuri ta’ reżiljenza għall-adattament għax-xokkijiet tat-tibdil fil-klima. |
|
4.7. |
Peress li l-ilmijiet transkonfinali tar-reġjuni tal-Mediterran u tal-MENA spiss wasslu għal tilwim, li jkompli jaggrava l-problemi kkawżati mit-tibdil fil-klima u d-deżertifikazzjoni, l-UE għandha l-potenzjal li tkun mutur tal-bidla fil-livell internazzjonali u reġjonali u tuża l-istrumenti ta’ politika eżistenti tagħha tal-UE biex tfittex soluzzjonijiet effettivi u effiċjenti fit-tul. Fil-qafas tal-NDICI-Ewropa Globali, aktar minn EUR 380 miljun ġew impenjati mill-UE, u b’hekk ikkontribwew għall-Global Gateway fuq azzjonijiet ta’ ġestjoni transkonfinali tal-ilma, f’kooperazzjoni ma’ pajjiżi, organizzazzjonijiet tal-baċiri tax-xmajjar u korpi reġjonali. |
|
4.8. |
L-Unjoni Ewropea, fi ħdan is-sħubija kontinwa tagħha mal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP) dwar il-klima u s-sigurtà ambjentali, hija impenjata lejn ir-rabta bejn l-ilma u s-sikurezza fil-kooperazzjoni transkonfinali dwar il-ġestjoni tal-ilma. Il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Użu Mhux Navigazzjonali tal-Passaġġi tal-Ilma Internazzjonali tal-1997 u l-Konvenzjoni tal-UNECE dwar l-Ilma tal-1992 it-tnejn jistgħu jkunu gwidi utli dwar il-kooperazzjoni transkonfinali. |
|
4.9. |
Il-baċiri tax-xmajjar transkonfinali tan-Nil, Ġordan, Orontes, Tigris-Euphrates u Evros/Maritsa ġibdu l-attenzjoni globali minħabba tilwim dwar l-allokazzjoni tal-ilma għax-xorb, l-irrigazzjoni u l-ġenerazzjoni tal-enerġija. Dan it-tilwim ħoloq sfidi għall-paċi u l-istabbiltà reġjonali. |
|
4.10. |
Il-baċiri tal-lagi transkonfinali bħall-Baħar Mejjet, l-Ohrid, il-Prespa u s-Scutari ġibdu wkoll attenzjoni sinifikanti minħabba r-rwol tagħhom fil-protezzjoni tal-bijodiversità u t-theddid ta’ degradazzjoni minn agrikoltura mhux sostenibbli, sajd illegali u żvilupp turistiku. |
|
4.11. |
Ir-reġjuni tal-Mediterran u tal-MENA jospitaw uħud mill-aktar artijiet mistagħdra importanti tad-dinja, li l-protezzjoni tagħhom jistħoqqilha attenzjoni speċjali, fir-rigward tal-bijodiversità kif ukoll tas-sajd illegali u r-riżorsi tal-ilma. |
|
4.12. |
M’hemmx kollaborazzjoni daqs kemm mixtieqa bejn l-Istati Membri tal-UE li jikkondividu x-xmajjar, bħall-Portugall u Spanja, il-Greċja u l-Bulgarija. |
|
4.13. |
Għad hemm ħafna titjib xi jsir fil-kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi kandidati tal-UE li jikkondividu x-xmajjar (bħall-Greċja u l-Albanija, u l-Greċja u l-Maċedonja ta’ Fuq, il-Kroazja u l-Bożnija-Ħerzegovina). Fl-istess ħin, hemm żewġ prattiki tajbin li jistħoqqilhom tifħir: 1) il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi li jikkondividu s-Sistema Akwifera tal-Karst Dinariku (l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kroazja u l-Montenergro), li jippermettu approċċi ta’ ġestjoni nazzjonali u reġjonali aħjar għal din ir-riżorsa tal-ilma ħelu unika, li għandha tiġi żviluppata biex tindirizza l-ħarsien tal-ekosistemi relatati u ttejjeb il-kwalità tal-ilma (UNESO IHP 2016). Il-konservazzjoni tal-iskariku tal-ilma ta’ taħt l-art fil-baħar hija ta’ sostenn għall-ekosistemi ta’ valur fil-ġunzjoni bejn l-ambjenti tal-art u dawk tal-baħar; u 2) il-Ftehim Qafas tal-2002 dwar il-Baċir tax-Xmara Sava, l-ewwel qafas multilaterali ta’ wara l-gwerra adottat mill-pajjiżi ta’ dik li qabel kienet il-Jugoslavja, juru kif il-kooperazzjoni reġjonali dwar l-ilma tista’ tixpruna u tikkonsolida l-isforzi għall-bini tal-paċi. |
|
4.14. |
Il-qafas ta’ azzjonijiet ta’ politika dwar l-ilma 2030 tal-UgħM u l-erba’ task forces tagħha dwar Water-Energy-Food-Ecosystems (WEFE) Nexus [Rabta bejn l-ilma, l-enerġija, l-ikel, u l-ekosistemi], Water-Employment-Migration (WEM) Nexus [Rabta bejn l-ilma, l-impjieg u l-migrazzjoni], Water, Hygiene and Sanitation [L-ilma, l-iġene u s-sanità], Water and Climate Change Actions (WCCA) [Azzjonijiet dwar l-ilma u t-tibdil fil-klima], żviluppati b’mod konġunt ma’ atturi differenti tas-soċjetà ċivili, inkluża s-Sħubija Globali għall-Ilma — il-Mediterran u n-Network Inter-Iżlamiku dwar l-Iżvilupp u l-Ġestjoni tar-Riżorsi tal-Ilma (INWRDAM), li jlaqqgħu flimkien pajjiżi mit-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-Mediterran (l-Italja-it-Turkija, il-Greċja-il-Libanu, Malta-l-Eġittu) u li jippromovu politiki konġunti ta’ ġestjoni tal-ilma huma milqugħa tajjeb ħafna, u jikkostitwixxu eżempju tajjeb għar-reġjun u lil hinn minnu. |
Brussell, il-21 ta’ Settembru 2023.
Oliver RÖPKE
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) Introdott mill-Qafas għal Azzjonijiet 2030 tal-Politika dwar l-Ilma tal-UgħM.
(2) L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Global Gateway” (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C 323, 26.8.2022, p. 27).
(3) JOIN(2023) 20 final Brussell, 20.6.2023.
(4) https://www.un.org/en/observances/desertification-day
(5) https://syriaaccountability.org/too-little-water-too-much-war-wheat-shortages-in-syria/
(6) https://www.unicef.org/press-releases/14-million-people-without-running-water-across-war-affected-eastern-ukraine
(7) Keskinen et. al. 2021, https://www.sciencedirect.com/science/article/pii/S0022169421007873
(8) https://sdgs.un.org/conferences/water2023
(9) https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-7443-2023-INIT/en/pdf
(10) https://treaties.un.org/Pages/ViewDetails.aspx?src=IND&mtdsg_no=XXVII-5&chapter=27&clang=_en
(11) https://unece.org/environment-policy/water/un-watercourses-convention
(12) https://unece.org/environment-policy/water/protocol-on-water-and-health/about-the-protocol/introduction
(13) https://commission.europa.eu/strategy-and-policy/priorities-2019-2024/stronger-europe-world/global-gateway_mt
(14) https://right2water.eu/
(15) https://sdgs.un.org/partnerships/water-cooperation-and-peace-finnish-water-way-water-diplomacy-project
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/862/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)