Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje C |
C/2023/713 |
14.11.2023 |
Sommarju tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposta għal Regolament dwar privattivi essenzjali standard u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1001
(C/2023/713)
(It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni jista’ jinstab bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż fuq is-sit web tal-EDPS https://edps.europa.eu)
Fis-27 ta’ April 2023, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar privattivi essenzjali standard u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1001.
Il-Proposta għandha l-għan li (i) tagħmel disponibbli informazzjoni dettaljata dwar privattivi essenzjali standard (SEP) u t-termini u kundizzjonijiet eżistenti ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji (“FRAND”) biex jiġu ffaċilitati n-negozjati tal-liċenzjar; (ii) titqajjem sensibilizzazzjoni dwar il-liċenzjar tal-SEP fil-katina tal-valur u (iii) jiġi previst mekkaniżmu alternattiv għas-soluzzjoni tat-tilwim għall-istabbiliment tat-termini u l-kundizzjonijiet FRAND. Il-Proposta toħloq ċentru ta’ kompetenza fi ħdan l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), li jkollu l-kompitu li jamministra bażijiet tad-data, reġistru u l-proċeduri għall-kontrolli tal-essenzjalità tal-SEP u d-determinazzjoni tal-FRAND.
L-EDPS jinnota li l-Proposta tkun tinvolvi l-ipproċessar ta’ data personali, b’mod partikolari data personali relatata ma’ detenturi ta’ SEP u/jew ir-rappreżentant legali tagħhom, kif ukoll data personali relatata ma’ evalwaturi u konċiljaturi. Għal din ir-raġuni, l-EDPS jirrakkomanda li jiġi speċifikat fi premessa li l-ipproċessar tad-data personali f’konformità ma’ dan ir-Regolament għandu jkun soġġett għall-EUDPR (1) u għar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (“il-GDPR”).
Fir-rigward tar-reġistru u l-bażijiet tad-data ġestiti mill-EUIPO, il-Proposta għandha tistabbilixxi b’mod ċar l-iskop(ijiet) speċifiku/speċifiċi li għalihom id-data personali tista’ ssir disponibbli u tiġi prevista proċedura li tiżgura li partijiet terzi biss li juru interess leġittimu jkollhom aċċess għal tali data. Il-Proposta għandha tispeċifika wkoll fit-termini ta’ promulgazzjoni r-rwol tal-EUIPO bħala kontrollur skont l-EUDPR.
Fl-aħħar nett, l-EDPS jistieden lil-leġiżlatur tal-UE biex jikkunsidra jekk il-perjodu ta’ żamma ta’ 18-il xahar jistax jiġi preskritt bħala regola għad-data personali (irrispettivament mis-sottomissjoni ta’ talba), u, fi kwalunkwe każ, biex jispeċifika min ikun intitolat biex iressaq tali talba quddiem l-EUIPO għat-tneħħija tad-data personali.
1. Introduzzjoni
1. |
Fis-27 ta’ April 2023, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar privattivi essenzjali standard u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1001 (3) (“il-Proposta”). |
2. |
L-objettivi kumplessivi tal-Proposta huma li: (i) jiżguraw li l-utenti finali, inklużi n-negozji ż-żgħar u l-konsumaturi tal-UE jibbenefikaw minn prodotti bbażati fuq l-aktar teknoloġiji standardizzati reċenti; (ii) jagħmlu lill-UE attraenti għall-innovazzjoni fl-istandards; u (iii) jinkoraġġixxu kemm lid-detenturi kif ukoll lill-implimentaturi ta’ privattivi essenzjali standard (“SEP”) biex jinnovaw fl-UE, jagħmlu u jbigħu prodotti fl-UE u jkunu kompetittivi fi swieq mhux tal-UE. L-inizjattiva għandha l-għan li tinċentiva l-parteċipazzjoni tad-ditti Ewropej fil-proċess ta’ żvilupp standard u fl-implimentazzjoni wiesgħa ta’ tali teknoloġiji standardizzati, b’mod partikolari fl-industriji tal-IoT (4). |
3. |
F’dan il-kuntest, l-inizjattiva għandha l-għan li: (i) tagħmel disponibbli informazzjoni dettaljata dwar l-SEP u t-termini u l-kundizzjonijiet eżistenti ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji (“FRAND”) biex jiġu ffaċilitati n-negozjati tal-liċenzjar; (ii) titqajjem sensibilizzazzjoni dwar il-liċenzjar tas-SEP fil-katina tal-valur u (iii) jiġi previst mekkaniżmu alternattiv għas-soluzzjoni tat-tilwim għall-istabbiliment tat-termini u l-kundizzjonijiet FRAND (5). |
4. |
Sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi, il-Proposta tinkludi dispożizzjonijiet li jistabbilixxu ċentru ta’ kompetenza fi ħdan l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (“iċ-ċentru ta’ kompetenza tal-EUIPO”), li jkollu l-kompitu li jistabbilixxi u jiġġestixxi, fost l-oħrajn, roster ta’ evalwaturi u konċiljaturi (6), li jistabbilixxi u jżomm reġistru ta’ SEP (“ir-reġistru”) (7) u li jistabbilixxi u jżomm bażi ta’ data elettronika għall-SEP (“il-bażi tad-data”) (8). |
5. |
L-Opinjoni preżenti tal-EDPS hija maħruġa bi tweġiba għal konsultazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea tad-19 ta’ April 2023, skont l-Artikolu 42(1) tal-EUDPR. L-EDPS jilqa’ r-referenza għal din il-konsultazzjoni fil-premessa 50 tal-Proposta. |
6. Konklużjonijiet
18. |
Fid-dawl ta’ dan imsemmi hawn fuq, l-EDPS jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:
|
Brussell, id-19 ta’ Ġunju 2023.
Wojciech Rafał WIEWIÓROWSKI
(1) Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(2) Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(3) COM(2023) 232 final.
(4) COM(2023) 232 final, p. 1.
(5) COM(2023) 232 final, p. 1.
(6) L-Artikolu 3(2)(b) tal-Proposta.
(7) L-Artikolu 4 tal-Proposta.
(8) L-Artikolu 5 tal-Proposta.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/713/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)