European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2023/549

27.10.2023

SOMMARJU TAD-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-5 ta' Settembru 2023

dwar deċiżjoni skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2022/1925

(Il-Każijiet DMA.100011 – Alphabet – OIS Verticals, DMA.100002 – Alphabet – OIS App stores, DMA. 100004 – Alphabet – Online search engines, DMA.100005 – Alphabet – Video sharing, DMA.100006 – Alphabet – Number-independent interpersonal communications services, DMA.100009 – Alphabet – Operating systems, DMA.100008 – Alphabet – Web browsers, DMA.100010 – Alphabet – Online advertising services)

(innotifikati taħt in-numru ta’ dokument C(2023) 6101 finali)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(C/2023/549)

Fil-5.9.2023, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (1) . Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) 2022/1925, il-Kummissjoni qiegħda hawnhekk tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut ewlieni tad-Deċiżjoni, wara li qieset l-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Id-Deċiżjoni ta’ Deżinjazzjoni (“id-Deċiżjoni”) tiddeżinja lil Alphabet bħala gwardjan skont l-Artikolu 3 tal-Att dwar is-Swieq Diġitali (ASD) fir-rigward ta’ għadd ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma (core platform services - “CPSs”) li huma pprovduti minn Apple u li, wara l-analiżi tal-Kummissjoni, individwalment jikkostitwixxu gateway importanti għall-utenti kummerċjali biex jilħqu lill-utenti finali kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)(b) tal-ASD.

(2)

Flimkien man-notifika tagħha, Alphabet ressqet talba ta’ konfutazzjoni skont l-Artikolu 3(5) tal-ASD fir-rigward tas-servizz ta’ komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri tagħha (“NIICS”), Gmail. Il-Kummissjoni taċċetta l-konfutazzjoni fil-każ ta’ Gmail, minħabba li l-argumenti ppreżentati minn Alphabet mhux biss manifestament jikkontestaw b’mod ċar il-preżunzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(2)(b) tal-ASD iżda juru wkoll li r-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 3(1)(b) tal-ASD mhuwiex issodisfat; għalhekk ma kinitx meħtieġa investigazzjoni tas-suq.

2.   PROĊEDURA

(3)

Fit-3 ta’ Lulju 2023, Alphabet innotifikat lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 3(3), l-ewwel subparagrafu tal-ASD, li hija tissodisfa l-limiti stabbiliti fl-Artikolu 3(2) ta’ dak ir-Regolament fir-rigward tas-CPSs li ġejjin: (i) is-servizzi ta’ intermedjazzjoni online tagħha, Google Shopping; (ii) is-servizzi ta’ intermedjazzjoni online tagħha, Google Play; (iii) is-servizzi ta’ intermedjazzjoni online tagħha, Google Maps; (iv) il-magna tat-tiftix online tagħha, Google Search; (v) is-servizz tal-pjattaforma ta’ video-sharing tagħha, YouTube; (vi) l-NIICS tagħha, Gmail; (vii) is-sistema operattiva tagħha, Google Android; (viii) il-brawżer tagħha, Google Chrome; u (ix) is-servizzi ta’ reklamar online tagħha.

(4)

Bin-notifika tagħha, Alphabet ippreżentat argumenti biex turi li għalkemm l-NIICS tagħha Gmail jissodisfa l-limiti kollha fl-Artikolu 3(2) tal-ASD, huwa ma jissodisfax ir-rekwiżiti elenkati fl-Artikolu 3(1) tal-ASD.

(5)

Fis-7 ta’ Lulju 2023, il-Kummissjoni bagħtet lil Alphabet żewġ talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 21(2) tal-ASD dwar is-servizzi ta’ reklamar online tagħha u s-servizz tal-pjattaforma ta’ video-sharing tagħha, YouTube. Alphabet wieġeb għat-talbiet għal informazzjoni fit-12 u s-27 ta’ Lulju 2023 (servizzi ta’ reklamar online) u fl-14 ta’ Lulju 2023 (YouTube).

(6)

Fit-13 ta’ Lulju 2023, Alphabet ippreżentat ittra komplementari lill-Kummissjoni b’evidenza kwantitattiva addizzjonali dwar l-NIICS tagħha, Gmail, biex tkompli ssosni l-konfutazzjoni minn Alphabet ta’ dan is-servizz.

(7)

Fis-27 ta’ Lulju 2023, il-Kummissjoni bagħtet lil Alphabet ittra dwar in-notifika ta’ Alphabet dwar id-delineazzjoni tas-servizz ta’ pjattaforma ta’ video-sharing tagħha YouTube, is-sistema operattiva tagħha Google Android, l-NIICS tagħha, Gmail, u s-servizzi ta’ reklamar online tagħha. Alphabet wieġbet għall-ittra tal-Kummissjoni fl-4 ta’ Awwissu 2023 u wara l-iskadenza stabbilita mill-Kummissjoni, ippreżentat tweġiba supplimentari fil-15 ta’ Awwissu 2023 (relatata mas-servizzi ta’ reklamar online).

3.   QAFAS LEGALI

(8)

L-Att dwar is-Swieq Diġitali jistabbilixxi sett ta’ kriterji oġġettivi definiti b’mod strett għall-kwalifika ta’ pjattaforma online kbira bħala gwardjan. Id-deżinjazzjoni għandha ssir b’rabta ma’ CPSs waħda jew aktar ipprovduti mill-impriża li jkunu gateway importanti biex l-utenti kummerċjali jilħqu lill-utenti finali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1), il-punt (b) tal-ASD. Sabiex jiġi ddeterminat jekk servizz ipprovdut minn impriża ikunx CPS li jissodisfa r-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 3(1), il-punt (b) tal-ASD, huwa meħtieġ, bħala pass preliminari, li jiġi kkwalifikat u delineat is-servizz rispettiv. Kriterju rilevanti għall-kwalifikazzjoni u d-delineazzjoni tas-CPSs huwa l-iskop li għalih jintuża s-servizz mill-utenti finali jew mill-utenti kummerċjali jew mit-tnejn li huma.

(9)

Skont l-Artikolu 3(1) tal-ASD, il-Kummissjoni għandha tiddeżinja impriża bħala gwardjan jekk tissodisfa tliet rekwiżiti kumulattivi, jiġifieri: (a) ikollha impatt sinifikanti fuq is-suq intern; (b) tipprovdi CPS li jkun gateway importanti biex l-utenti kummerċjali jilħqu lill-utenti finali; u (c) tkun tgawdi minn pożizzjoni stabbilita u dejjiema, fl-operazzjonijiet tagħha, jew ikun prevedibbli li fil-futur qrib tkun se tgawdi tali pożizzjoni. L-Artikolu 3(2) tal-ASD jissopponi li dawk ir-rekwiżiti jiġu ssodisfati meta jiġu ssodisfati ċerti limiti kwantitattivi, partikolarment dwar il-fatturat tal-kumpanija jew il-kapitalizzazzjoni tas-suq kif ukoll l-għadd ta’ utenti finali u utenti kummerċjali ta’ xi CPS partikolari f’kull waħda mill-aħħar tliet snin finanzjarji.

(10)

Skont l-Artikolu 3(5), l-ewwel subparagrafu tal-ASD, impriża li tilħaq il-limiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tal-ASD tista’ tippreżenta, man-notifika tagħha, argumenti biex turi li, għalkemm tilħaq dawk il-limiti kollha, hija b’eċċezzjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tal-ASD minħabba ċ-ċirkostanzi li fihom jopera s-CPS rilevanti. L-Artikolu 3(5), it-tieni subparagrafu tal-ASD jipprovdi li jekk l-argumenti mressqa ma jkunux sostanzjati biżżejjed minħabba li ma jikkontestawx b’mod ċar il-preżunzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tal-ASD, il-Kummissjoni tista’ tiċħad l-argumenti. Min-naħa l-oħra, f’każ li l-Kummissjoni tqis li l-evidenza ppreżentata hija biżżejjed biex turi li r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tal-ASD mhumiex issodisfati, hija tista’ taċċetta l-konfutazzjoni bil-ftuħ ta’ investigazzjoni tas-suq jew mingħajrha skont l-Artikolu 17(3) tal-ASD.

4.   L-EVALWAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

(11)

Wara n-notifika minn Alphabet, id-Deċiżjoni tistabbilixxi li s-servizzi li ġejjin notifikati jikkostitwixxu CPSs skont it-tifsira tal-Artikolu 2 tal-ASD u huma individwalment gateway importanti għall-utenti kummerċjali biex jilħqu lill-utenti finali kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)(b) tal-ASD:

a.

is-servizzi ta’ intermedjazzjoni online ta’ Alphabet, Google Shopping;

b.

is-servizzi ta’ intermedjazzjoni online ta’ Alphabet, Google Play;

c.

is-servizzi ta’ intermedjazzjoni online ta’ Alphabet, Google Maps;

d.

il-magna tat-tiftix online ta’ Alphabet, Google Search;

e.

is-servizz tal-pjattaforma ta’ video-sharing ta’ Alphabet, YouTube;

f.

is-sistema operattiva ta’ Alphabet, Google Android;

g.

il-brawżer ta’ Alphabet, Google Chrome;

h.

is-servizzi ta’ reklamar online ta’ Alphabet.

(12)

Fir-rigward tas-sistema operattiva ta’ Alphabet, Google Android, il-Kummissjoni tiddeżinja l-middleware relatat ta’ Google Android u ta’ Alphabet (u b’mod partikolari Google Play Services — li ma għandhomx jiġu mħallta mal-ħanut tal-apps Google Play) bħala CPS uniku sa fejn jikkontribwixxi għall-kontroll tal-funzjonijiet bażiċi tat-tablets u tal-ismartphones tal-Google Android u biex l-applikazzjonijiet tas-software jkunu jistgħu jaħdmu fuqhom, u b’hekk jiġi żgurat funzjonament effettiv tal-Google Android.

(13)

Fir-rigward tas-servizzi ta’ reklamar online ta’ Alphabet, kien hemm nuqqas ta’ qbil ma’ Alphabet dwar tliet aspetti tad-delineazzjoni ta’ dak is-servizz ewlieni tal-pjattaforma: (i) fir-rigward ta’ Google Analytics, (ii) fir-rigward ta’ AdSense for Search; u (iii) fir-rigward tal-konfini bejn is-CPS tar-reklamar online u servizzi oħra ta’ Alphabet.

(14)

Fir-rigward ta’ (i) u (ii), il-Kummissjoni tqis lil Google Analytics, sal-punt li jintuża għal skopijiet ta’ reklamar, u AdSense for Search bħala parti mis-CPS tar-reklamar online ta’ Alphabet, għall-kuntrarju ta’ dak li targumenta Alphabet. Fir-rigward ta’ (iii), filwaqt li Alphabet tqis il-wiri ta’ reklam bħala parti mis-servizz fejn ir-reklam ikun espost għall-utent finali, id-Deċiżjoni tqis li l-wiri tar-reklami huwa parti kemm mis-CPS tar-reklamar online ta’ Alphabet kif ukoll mis-servizz li fuqu jintwera. Dan minħabba li l-wiri ta’ reklam bħala l-qofol tal-katina tal-valur tas-servizzi tar-reklami huwa parti mis-CPS tar-reklamar online. Madankollu, dak il-wiri fuq servizz li jiffaċċja l-utent finali huwa limitat għall-att tal-esponiment ta’ dak ir-reklam fuq interfaċċa online, filwaqt li Alphabet tqis il-wiri ta’ reklam bħala li jmur lil hinn minn dak l-att ta’ komunikazzjoni.

(15)

Id-Deċiżjoni taqbel mad-delineazzjoni tas-CPSs l-oħra ta’ Alphabet.

(16)

Il-Kummissjoni taċċetta l-konfutazzjoni ta’ Alphabet fir-rigward ta’ Gmail għar-raġunijiet li ġejjin: (i) Alphabet ikkonfigurat u tipprovdi Gmail abbażi ta’ standards miftuħa u f’format standardizzat, b’mod li l-utenti tal-Gmail ikunu jistgħu jiskambjaw b’mod effettiv messaġġi ma’ utenti oħra tal-Gmail u kwalunkwe servizz ieħor tal-posta elettronika, li huwa kkorroborat ulterjorment mid-data pprovduta minn Alphabet ([90-100 %] tal-emails riċevuti mill-utenti finali tal-Gmail jintbagħtu minn indirizzi mhux tal-Gmail); u (ii) minħabba li Alphabet, fil-konfigurazzjoni attwali tal-Gmail, ma teżerċita l-ebda kontroll fuq l-operazzjonijiet tal-utenti finali jew kummerċjali tal-Gmail li jkun jippermettilha timponi xi grad sinifikanti ta’ dipendenza bejn l-utenti kummerċjali u l-utenti finali. Dan juri li Gmail mhijiex gateway importanti fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tal-ASD.

(17)

Is-sejbiet fid-Deċiżjoni huma bbażati fuq l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni fiż-żmien tad-Deċiżjoni. Jekk ikun hemm xi bidla sostanzjali fi kwalunkwe wieħed mill-fatti li fuqhom hija bbażata din id-Deċiżjoni, jew jekk din id-Deċiżjoni tkun ibbażata fuq informazzjoni mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra mill-ġdid jew temenda d-Deċiżjoni skont l-Artikolu 4(1) tal-ASD.

5.   KONKLUŻJONI

(18)

Għar-raġunijiet stabbiliti hawn fuq, id-Deċiżjoni tiddeżinja lil Alphabet bħala gwardjan fir-rigward ta’ (i) is-servizzi ta’ intermedjazzjoni online ta’ Alphabet, Google Shopping; (ii) is-servizzi tal-intermedjazzjoni online ta’ Alphabet, Google Play; (iii) is-servizzi ta’ intermedjazzjoni online ta’ Alphabet, Google Maps; (iv) il-magna tat-tiftix online ta’ Alphabet, Google Search; (v) is-servizz ta’ pjattaforma ta’ video-sharing ta’ Alphabet, YouTube; (vi) is-sistema operattiva ta’ Alphabet, Google Android; (vii) il-brawżer ta’ Alphabet, Google Chrome; u (viii) is-servizzi ta’ reklamar online ta’ Alphabet.

(19)

Id-Deċiżjoni taċċetta l-argumenti kuntrarji mqajma minn Alphabet fir-rigward tal-NIICS tagħha, Gmail.

(1)  Ir-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2022 dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar is-Swieq Diġitali) (ĠU L 265, 12.10.2022, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/549/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)