European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2023/545

27.10.2023

Pubblikazzjoni ta’ emenda standard approvata għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta jew ta’ Indikazzjoni Ġeografika Protetta tas-settur tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel, kif imsemmi fl-Artikolu 6b(2) u (3) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014

(C/2023/545)

Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata f’konformità mal-Artikolu 6b(5) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 (1).

KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD GĦALL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA’ DENOMINAZZJONI TA’ ORIĠINI PROTETTA JEW TA’ INDIKAZZJONI ĠEOGRAFIKA PROTETTA LI TORIĠINA FI STAT MEMBRU

[Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012]

“Asparago di Badoere”

Nru tal-UE: PGI-IT-0495-AM02 - 1.8.2023

DOP ( ) IĠP (X)

1.   Isem tal-prodott

“Asparago di Badoere”

2.   Stat Membru li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika

L-Italja

3.   Awtorità tal-Istat Membru li tikkomunika l-emenda standard

Il-Ministeru tal-Agrikoltura, tas-Sovranità tal-Ikel u tal-Foresti

4.   Deskrizzjoni tal-emenda/i approvata/i

1.   Inserzjoni mill-ġdid ta’ żewġ varjetajiet ta’ spraġ

Fil-punt 3.2 tad-Dokument Uniku u fl-Artikolu 2 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, it-test:

“L-‘Asparago di Badoere’ jikkonsisti mir-rimjiet tal-asparagu li jitkabbar minn pjanti tal-familja Liliaceae (il-varjetajiet bojod ‘Thielim’, ‘Zeno’, ‘Grolim’, ‘Cumulus’, ‘Darzilla’, ‘Hercolim’, ‘Marco’, ‘Vittorio’ jew ‘Giove’; jew il-varjetajiet ħodor ‘Eros’, ‘Thielim’, ‘Grolim’, ‘Cumulus’, ‘Magnus’, ‘Giove’ jew ‘Vittorio’ tal-ispeċi Officinalis mill-ġeneru Asparagus)”

ġie emendat kif ġej:

“L-‘Asparago di Badoere’ jikkonsisti minn rimjiet tal-ispraġ imkabbra minn pjanti tal-familja Liliacee, — l-ispeċi Officinalis mill-ġeneru Asparagus — għall-varjetajiet bojod ‘Thielim’, ‘Zeno’, ‘Grolim’, ‘Cumulus’, ‘Darzilla’, ‘Hercolim’, ‘Marco’, ‘Vittorio’, ‘Giove’, ‘Avalim’ u ‘Dariana’; għall-varjetajiet ħodor ‘Eros’, ‘Thielim’, ‘Grolim’, ‘Cumulus’, ‘Magnus’, ‘Giove’, ‘Vittorio’, ‘Avalim’ u ‘Dariana’.”

Din l-emenda taġġorna l-lista tal-varjetajiet bl-inserzjoni mill-ġdid tal-kultivari Avalim u Dariana, peress li xi produtturi storiċi għadhom jikkultivawhom. Iż-żewġ kultivari introdotti, għat-tipi ta’ spraġ abjad u aħdar, huma storiċi fiż-żona tal-produzzjoni, jikkonformaw mal-karatteristiċi tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali tal-IĠP u huma dejjem preżenti fil-verżjonijiet preċedenti tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

Id-Dokument Uniku huwa affettwat minn din l-emenda

2.   L-eliminazzjoni tal-possibbiltà li jintużaw kultivari oħra abbażi biss ta’ valutazzjoni pożittiva mill-Ministeru tal-agrikoltura tas-sovranità tal-ikel u tal-foresti

Id-dispożizzjoni li ġejja tħassret mill-Artikolu 2 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u mill-punt 3.2 tad-Dokument Uniku:

Jistgħu jintużaw kultivari oħrajn ta’ spraġ li jirriżultaw mir-riċerka varjetali diment li tintwera, permezz ta’ evidenza sperimentali u ddokumentata, l-konformità mal-metodu ta’ produzzjoni u mal-karatteristiċi tal-IĠP “Asparago di Badoere”.

Il-Ministeru tal-Politika Agrikola, tal-Ikel u tal-Forestrija għandu jiġi nnotifikat qabel ma jintużaw dawn il-kultivari l-oħrajn għall-produzzjoni tal-“Asparago di Badoere.”

Din id-dispożizzjoni tħassret peress li kienet is-suġġett ta’ lment mill-Kummissjoni, li talbet li titneħħa minn Speċifikazzjonijiet tal-Prodott oħra ta’ prodotti tal-frott u l-ħxejjex.

Id-Dokument Uniku huwa affettwat minn din l-emenda

DOKUMENT UNIKU

“Asparago di Badoere”

Nru tal-UE: PGI-IT-0495-AM02 - 1.8.2023

DOP ( ) IĠP (X)

1.   Isem/Ismijiet [tad-DOP jew tal-IĠP]

“Asparago di Badoere”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott [bħal fl-Anness XI]

Klassi 1.6. Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

L-“Asparago di Badoere” irid jikkonsisti minn rimjiet tal-ispraġ imkabbra minn pjanti tal-familja Liliacee — l-ispeċi Officinalis mill-ġeneru Asparagus — għall-varjetajiet bojod “Thielim”, “Zeno”, “Grolim”, “Cumulus”, “Darzilla”, “Hercolim”, “Marco”, “Vittorio”, “Giove”, “Avalim” u “Dariana”; għall-varjetajiet ħodor “Eros”, “Thielim”, “Grolim”, “Cumulus”, “Magnus”, “Giove”, “Vittorio”, “Avalim” u “Dariana”. Meta jiġi rilaxxat għall-konsum, l-“Asparago di Badoere” IĠP għaż-żewġ tipi irid ikun: intatt, f’kundizzjoni tajba, ħieles minn ħsara kkawżata minn prattiki ta’ ħasil mhux adegwati, nadif, frisk fid-dehra u fil-lewn, ħieles minn pesti jew ħsara kkawżata minn pesti, mhux imbenġel, ħieles minn indewwa esterna anormali jew minn kwalunkwe riħa u/jew togħma barranija, iqarmeċ, mhux vojt minn ġewwa u mhux imqaxxar. Il-qatgħa fil-bażi għandha tkun ċara u perpendikulari maz-zokk.

L-IĠP “Asparago di Badoere” ta’ lewn abjad tal-kategorija extra tikkonsisti f’rimjiet dritti b’ponot magħluqin sew; ir-rimjiet huma bojod, iżda jistgħu jiżviluppaw sfumaturi roża wara l-fażi ta’ ppakkjar; It-togħma hija ħelwa, mhux aċiduża, mhux mielħa; delikata u mhux fibruża, b’aroma ħafifa ta’ legumi friski u qamħ misjur, u bi ħjiel bilkemm perċettibbli ta’ mrar; id-daqs huwa bejn 12 u 20 mm, b’differenza massima ta’ 6 mm bejn l-eħxen u l-irqaq rimjiet fl-istess mazz jew pakkett; it-tul huwa bejn 14 u 22 cm, b’differenza massima ta’ 1 cm bejn l-iqsar u l-itwal rimjiet fl-istess għeġġa jew pakkett.

Il-kategorija I tal-IĠP “Asparago di Badoere” ta’ lewn abjad hija l-istess bħall-kategorija extra f’termini ta’ forma, lewn, togħma u tul, iżda d-daqs jista’ jvarja minn 10 sa 22 mm, b’differenza massima ta’ 8 mm bejn l-eħxen u l-irqaq rimjiet fl-istess għeġġa jew pakkett.

Il-kategorija II tal-IĠP “Asparago di Badoere” ta’ lewn abjad tikkonsisti mir-rimjiet tal-ispraġ sħaħ bil-ponot, li jistgħu jkunu kemxejn imrejxin; lewn: abjad u jista’ jkun bi sfumaturi roża; id-daqs: minn 8 sa 30 mm u ppreparat b’mod uniformi fl-istess għeġġa jew pakkett; it-tul: sa 22 cm u ppreparat b’mod uniformi fl-istess għeġġa jew pakkett.

L-ispraġ tal-kategorija II jista’ jintuża biss fis-settur tal-ipproċessar.

L-IĠP “Asparago di Badoere” tal-kategorija extra għandha rimjiet dritti, li jista’ jkollhom ponot xi ftit kurvati, u magħluqa sew; il-kulur tal-ponta tar-rimja huwa ta’ lewn aħdar qawwi u jleqq u jista’ jkollu sfumaturi vjola, filwaqt li dak tal-bażi tar-rimja (mhux aktar minn 5 % tat-tul tar-rimja) huwa aħdar bi sfumaturi vjola għal bojod; it-togħma hija ħelwa u qawwija, mhux aċiduża, mhux mielħa, mhux morra, tarija, mhux fibruża u għandha aroma persistenti ta’ frott u ħaxix. Id-daqs tar-rimjiet huwa bejn 12 u 20 mm, b’varjazzjoni massima ta’ 6 mm bejn l-eħxen u l-irqaq rimjiet fl-istess għeġġa; it-tul huwa bejn 18 u 27 cm, b’differenza massima ta’ 1 cm bejn l-iqsar u l-itwal rimjiet fl-istess għeġġa.

L-IĠP “Asparago di Badoere” ta’ lewn aħdar tal-kategorija I hija l-istess bħall-kategorija extra f’termini ta’ forma, lewn u togħma, ħlief fejn għandu x’jaqsam id-daqs li jvarja minn 8 sa 22 mm, b’differenza massima ta’ 8 mm bejn l-eħxen u l-irqaq rimjiet fl-istess għeġġa u bejn 16 u 27 cm fit-tul, b’differenza massima ta’ 1 cm bejn l-iqsar u l-itwal rimjiet f’għeġġa waħda.

L-IĠP “Asparago di Badoere” ta’ lewn aħdar tal-kategorija II tikkonsisti mir-rimjiet tal-ispraġ sħaħ b’ponot kemxejn imrexjin; lewn: aħdar u jista’ jkollu sfumaturi vjola; id-daqs: minn 8 sa 30 mm u ppreparat b’mod uniformi fl-istess għeġġa jew pakkett; it-tul: sa 27 cm u ppreparat b’mod uniformi fl-istess għeġġa jew pakkett.

L-ispraġ tal-kategorija II jista’ jintuża biss fl-industrija tal-ipproċessar.

Fir-rigward tal-karatteristiċi tal-kategoriji deskritti hawn fuq, hemm tolleranza massima ta’ 3 % fil-piż tar-rimjiet li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tat-tul u tad-daqs indikati.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

L-istadji kollha tal-produzzjoni tal-“Asparago di Badoere”, mit-tkabbir sal-ħsad, isiru fiż-żona ġeografika ddefinita.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

Sabiex l-ispraġ ikun jista’ jiġi kkumerċjalizzat u jiġu ppreservati l-karatteristiċi tal-kwalità tiegħu msemmija fil-punt 3.2, l-ispraġ tal-IĠP “Asparago di Badoere” irid jiġi ppakkjat fiż-żona tal-produzzjoni f’għeġġa jew f’pakketti adattati biex jintużaw għall-ikel. Kull pakkett għandu jinkludi biss spraġ tal-istess kategorija u daqs.

L-“Asparago di Badoere” għandu jiġi ppakkjat fiż-żona deskritta fil-punt 4 sabiex jiġu żgurati t-traċċabbiltà u l-kontroll u biex jiġi evitat deterjorament fil-kwalità tal-“Asparago di Badoere” bħala riżultat tal-impatt jew it-tbenġil matul it-trasport tal-prodott mhux ippakkjat, li jista’ jwassal lill-ispraġ biex jiswied u jagħmel ħsara lill-karatteristiċi tal-kwalità tiegħu.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

L-għeġġiet u l-pakketti għandhom jiġu ttikkettati bil-kliem IĠP “Asparago di Badoere” f’ittri ta’ daqs uniformi, b’referenza speċifika għat-tip ta’ spraġ - ta’ lewn aħdar, abjad, jew aħdar u abjad - li fih fil-pakkett, l-isem jew l-isem kummerċjali u l-indirizz tal-produttur u ta’ min jippakkja; il-kategorija kummerċjali extra, jew I jew II flimkien mal-kliem “għall-ipproċessar biss”, id-daqs u kwalunkwe informazzjoni oħra prevista mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ta’ produzzjoni tal-IĠP “Asparago di Badoere” tinkludi l-muniċipalitajiet ta’ Piombino Dese u Trebaseleghe fil-Provinċja ta’ Padova; Casale sul Sile, Casier, Istrana, Mogliano Veneto, Morgano, Paese, Preganziol, Quinto di Treviso, Resana, Treviso, Vedelago, Zero Branco fil-Provinċja ta’ Treviso u Scorze' fil-Provinċja ta’ Venezia.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Ir-rabta tal-“Asparago di Badoere” maż-żona ġeografika hija bbażata fuq il-kwalità. Iż-żewġ tipi ta’ spraġ bl-isem “Asparago di Badoere” huma kkaratterizzati minn żvilupp rapidu. Dan jiżgura li r-rimjiet, mil-lat fiżiku, ikollhom fibrożità skarsa u lewn partikolarment qawwi, u mil-lat organolettiku, jiksbu l-karatteristiċi distintivi deskritti fil-punt 3.2.

It-taħlita tal-kundizzjonijiet tal-ħamrija u tal-klima fiż-żona tal-produzzjoni, kif jidher hawn taħt, hija essenzjali biex jiġu żgurati l-kwalità u l-uniċità tal-“Asparago di Badoere”, peress li tgħin biex issawwar il-karatteristiċi fiżiċi u organolettiċi tipiċi tal-prodott.

Iż-żona tal-produzzjoni tal-“Asparago di Badoere” hija kkaratterizzata minn temperatura medja ponderata ta’ madwar 15 °C, b’varjazzjonijiet li jistgħu jaqbżu, matul is-sena, it-30 °C. Ix-xita medja annwali hija ta’ madwar 900 mm, normalment ikkonċentrata fir-rebbiegħa u fil-ħarifa. Dawn il-kundizzjonijiet jeskludu l-ħtieġa li l-għalla tissaqqa matul il-perjodu tal-ħsad, u b’hekk ix-xtieli ma jkunux soġġetti għal stress tal-ilma, fattur li jikkontribwixxi għall-kwalità eċċellenti tal-“Asparago di Badoere”.

Barra minn hekk, it-territorju huwa kkaratterizzat mill-preżenza ta’ xmajjar li jimxu bil-mod min-nixxigħat karst – ix-Xmajjar Sile, Zero u Dese u t-tributarji tagħhom –li jagħmlu l-art fertili u għammiela. Dan jagħmel lix-xtieli ferm vigorużi, u b’hekk ineħħi l-ħtieġa għall-fertilizzazzjoni minbarra l-applikazzjonijiet li normalment ikunu meħtieġa; il-fatt li l-ħamrija hija fqira fin-nitroġenu jgħin biex ir-rimjiet jikbru intatti, mingħajr qsim jew xquq viżibbli. Il-ħamrija fiż-żona tal-produzzjoni hija merħija. L-“Asparago di Badoere” jista’ jitkabbar biss f’ħamrija fonda b’konsistenza pjuttost ħarxa sa medja, li bilkemm tkun kalkarja fil-wiċċ, subalkalina għal newtrali f’termini ta’ pH tal-ħamrija, u għandha skular tajjeb għal medju, possibbilment b’depożiti ta’ karbonat tal-kalċju aktar ’l isfel.

Hemm tradizzjoni twila ta’ tkabbir tal-ispraġ fir-reġjun tal-Veneto: jidher li joriġina miż-żmien meta r-Rumani ħakmu l-artijiet ta’ dawk l-inħawi.

Hemm diversi sorsi ta’ dokumenti li jsemmu l-“Asparago di Badoere”, kemm ta’ lewn abjad kif ukoll aħdar, bħala wieħed mill-aktar prodotti lokali mfittxija fir-reġjun tal-Veneto. Ta’ min ifakkar ukoll li Badoere kienet ta’ importanza tant kbira fit-tkabbir tal-ispraġ fil-provinċja li l-gvern lokali ta’ Morgano, organizza sa mill-1968 l-ewwel festival lokali tal-ispraġ”, tradizzjoni li għadha għaddejja sal-lum il-ġurnata.

It-tkabbir tal-ispraġ għandu għeruq fondi fil-kultura tan-nies lokali, u t-tekniki ta’ kultivazzjoni għaddew minn ġenerazzjoni għall-oħra. It-taħlita partikolari tal-fatturi ta’ produzzjoni, bħan-natura manwali u artiġjanali ta’ din l-attività, kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-ħamrija u tal-klima fiż-żona ddefinita, jirriżultaw fi prodott li jispikka b’mod ċar mill-bqija tas-settur. Il-fatt li l-prodott huwa distribwit b’mod tant mifrux u magħruf sew, bis-saħħa ta’ diversi inizjattivi promozzjonali, huwa wkoll xhieda tar-reputazzjoni tajba tal-“Asparago di Badoere”.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

https://www.politicheagricole.it/flex/files/1/1/3/D.3fff802670c9cbd6694e/DISCIPLINARE_ASPARAGO_BADOERE_04.23.pdf


(1)   ĠU L 179, 19.6.2014, p. 17.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/545/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)