|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje C |
|
C/2023/413 |
23.11.2023 |
P9_TA(2023)0062
Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni – applikazzjoni EGF/2022/002 BE/TNT – Belġju
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2023 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni mill-Belġju – EGF/2022/002 BE/TNT (COM(2023)0069 – C9-0018/2023 – 2023/0031(BUD))
(C/2023/413)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2023)0069 – C9-0018/2023), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 (1) (“ir-Regolament dwar il-FEG”), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021-2027 (2) (“ir-Regolament dwar il-QFP”) u b’mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda (3) (“FII tas-16 ta’ Diċembru 2020 ”), u b’mod partikolari l-punt 9 tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-proċedura ta’ trilogu prevista fil-punt 9 tal-FII tas-16 ta’ Diċembru 2020, |
|
— |
wara li kkunsidra l-ittri tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0043/2023), |
|
A. |
billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tagħti appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta’ bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, u biex tgħinhom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol; billi din l-għajnuna hija fornuta permezz ta’ appoġġ finanzjarju li jingħata lill-ħaddiema u lill-kumpaniji li għalihom ikunu ħadmu; |
|
B. |
billi l-Belġju ppreżenta l-applikazzjoni EGF/2022/002 BE/TNT għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG), wara 548 sensja (4) fis-settur ekonomiku ikklassifikata taħt id-Diviżjoni 52 tan-NACE Reviżjoni 2 (Warehousing u attivitajiet ta’ appoġġ għat-trasport) fil-provinċja ta’ Liège, f’perjodu ta’ referenza għall-applikazzjoni mis-27 ta’ Marzu 2022 sas-27 ta’ Lulju 2022; |
|
C. |
billi l-applikazzjoni tirrigwarda 548 ħaddiem li ngħataw is-sensja fil-kumpanija TNT Express Worldwide (Euro Hub) SRL fil-Belġju (TNT Belgium); billi l-attività ta’ 11-il ħaddiem waqfet bejn tmiem il-perjodu ta’ referenza u l-jum ta’ qabel l-adozzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni u billi dawn il-ħaddiema se jkunu eliġibbli wkoll għal appoġġ mill-FEG; |
|
D. |
billi l-applikazzjoni hija bbażata fuq il-kriterju ta’ intervent tal-Artikolu 4(2), il-punt (a), tar-Regolament tal-FEG, li jirrikjedi li jrid ikun hemm mill-inqas 200 ħaddiem li ngħataw is-sensja matul perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur f’impriża fi Stat Membru, inklużi ħaddiema li ngħataw is-sensja minn fornituri u produtturi downstream u/jew persuni li jaħdmu għal rashom li ntemmet l-attività tagħhom; |
|
E. |
billi l-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna naqqsu l-kompetittività ekonomika u għandhom impatt negattiv fuq it-tkabbir ekonomiku fil-Belġju; |
|
F. |
billi TNT Belgium kellha tnaqqas il-forza tax-xogħol tagħha b’reazzjoni għad-deċiżjoni li l-ajruport ta’ Liège jintuża bħala ċentru sekondarju, b’konnessjonijiet biss ma’ xi ajruporti Ewropej, filwaqt li Paris-Charles de Gaulle sar iċ-ċentru ewlieni tal-kumpanija omm tagħha FedEx, li rriżulta fi tnaqqis fl-ammont ta’ xogħol u tnaqqis fl-għadd ta’ titjiriet mill-ajruport ta’ Liège; billi l-bidliet kellhom l-għan li jsaħħu l-pożizzjoni ta’ FedEx fi ħdan is-settur kompetittiv ħafna tagħha fil-livell Ewropew u nazzjonali; |
|
G. |
billi fid-19 ta’ Jannar 2021 TNT Belgium ħabbret l-intenzjoni tagħha li tkeċċi 671 ħaddiem u li timmodifika l-kuntratti ta’ 861 ħaddiem ieħor; billi l-kumpanija, f’konformità mal-liġi Belġjana dwar is-sensji kollettivi, infurmat u kkonsultat lir-rappreżentanti tal-ħaddiema bil-ħsieb li tesplora kwalunkwe possibbiltà li tevita jew tnaqqas l-għadd ta’ sensji u ttaffi l-konsegwenzi tat-telf tal-impjiegi; billi din il-proċedura obbligatorja wasslet għal tnaqqis fl-għadd ta’ sensji u ppermettiet lill-ħaddiema japplikaw għal tkeċċija volontarja; |
|
H. |
billi l-Unjoni għandha rwol importanti biex tipprovdi s-solidarjetà meħtieġa mal-ħaddiema li jitilfu l-impjieg tagħhom f’avvenimenti ta’ ristrutturar fuq skala kbira permezz ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u għandha l-għan li tintegra mill-ġdid malajr lill-benefiċjarji, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, f’impjieg deċenti u sostenibbli fis-settur ta’ attività inizjali tagħhom jew barra minnu, filwaqt li tippreparahom għal ekonomija Ewropea aktar ekoloġika u aktar diġitali; |
|
I. |
billi l-FEG ma għandux jaqbeż ammont annwali massimu ta’ EUR 186 miljun (fi prezzijiet tal-2018), kif stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament QFP; |
|
1. |
Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2), il-punt (a), tar-Regolament tal-FEG huma ssodisfati u li l-Belġju huwa intitolat għal kontribuzzjoni finanzjarja ta’ EUR 1 956 397 skont dak ir-Regolament, somma li tirrappreżenta 85 % tal-ispiża totali ta’ EUR 2 301 644, liema spiża tinkludi n-nefqa għal servizzi personalizzati ta’ EUR 2 270 644 u n-nefqa għall-attivitajiet ta’ tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar ta’ EUR 31 000; |
|
2. |
Jinnota li l-awtoritajiet Belġjani ressqu l-applikazzjoni fit-18 ta’ Ottubru 2022, u wara li l-Belġju ta informazzjoni addizzjonali, il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fit-8 ta’ Frar 2023 u nnotifikatha lill-Parlament fl-istess ġurnata; |
|
3. |
Jinnota li l-applikazzjoni hija relatata ma’ 548 ħaddiem li ngħataw is-sensja fil-kumpanija TNT Belgium; jinnota wkoll li total ta’ 559 ħaddiem se jkunu benefiċjarji eliġibbli, peress li l-FEG għandu jappoġġja wkoll 11-il ħaddiem issensjati li l-attività tagħhom waqfet bejn tmiem il-perjodu ta’ referenza u l-jum ta’ qabel l-adozzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni; jilqa’ l-fatt li l-ħaddiema kollha li ngħataw is-sensja huma mistennija jipparteċipaw fil-miżuri; |
|
4. |
Jirrimarka li proporzjon kbir tal-forza tax-xogħol preċedenti ta’ TNT Belgium huma gruppi żvantaġġati, billi 60 % tal-ħaddiema ssensjati kellhom impjiegi bi kwalifiki baxxi u kważi nofshom (47 %) għandhom aktar minn 50 sena; ifakkar li r-rata tal-qgħad ta’ 8,7 % fil-Vallonja hija 2,8 % ogħla meta mqabbla mal-livell nazzjonali u li s-suq tal-impjiegi fil-provinċja ta’ Liège, bħal dak ta’ Hainaut, huwa partikolarment żvantaġġat meta mqabbel ma’ provinċji oħra fil-Vallonja; |
|
5. |
Jinnota li l-Belġju beda joffri servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fl-1 ta’ April 2022 u li għaldaqstant, il-perjodu ta’ eliġibilità għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se jkun mill-1 ta’ April 2022 sa 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni ta’ finanzjament; |
|
6. |
Ifakkar li s-servizzi personalizzati li għandhom jiġu pprovduti lill-ħaddiema u lill-persuni li jaħdmu għal rashom jikkonsistu fl-azzjonijiet li ġejjin: informazzjoni, għajnuna għat-tfittix ta’ impjieg, inkluż l-identifikazzjoni ta’ perspettivi ta’ impjieg f’reġjuni oħrajn tal-Istat membru kkonċernat jew Stati Membri oħrajn, gwida okkupazzjonali u assistenza għar-rikollokament, taħriġ (fost l-oħrajn f’kompetenzi orizzontali, taħriġ mill-ġdid, titjib tal-ħiliet u internships), taħriġ mill-ġdid u taħriġ vokazzjonali, u appoġġ lejn il-ħolqien tan-negozju u kontribut għalih, kif ukoll inċentivi u benefiċċji; jilqa’ l-fatt li professjonisti speċjalizzati se jipprovdu assistenza partikolari lil persuni vulnerabbli, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, f’sitwazzjonijiet ta’ diffikultà psikoloġika, dejn, jew diżabilitajiet rikonoxxuti; |
|
7. |
Jilqa’ l-inklużjoni ta’ modulu dwar l-ekonomija ċirkolari, li ġie żviluppat għal dawk li kienu ħaddiema ta’ Swissport (EGF/2020/005 BE/Swissport) bħala parti mill-offerta standard ta’ taħriġ mis-Servizz Pubbliku Reġjonali għall-Impjiegi u t-Taħriġ Vokazzjonali (Forem), li se jiġi kofinanzjat mill-FSE+; itenni, f’dan il-kuntest, ir-rwol importanti li l-Unjoni għandu jkollha biex tipprovdi l-kwalifiki meħtieġa għat-trasformazzjoni ġusta f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew; jappoġġja bil-qawwa l-fatt li bejn l-2021 u l-2027 il-FEG se jkompli juri solidarjetà mal-persuni kollha affettwati, mingħajr diskriminazzjoni u jżomm l-attenzjoni fuq l-impatt tar-ristrutturar fuq il-ħaddiema, u jitlob li l-applikazzjonijiet futuri jimmassimizzaw il-koerenza politika; |
|
8. |
Jinnota li t-trasformazzjoni diġitali u ekoloġika se jkollhom ukoll effett fuq is-suq tax-xogħol, speċjalment fis-settur tat-trasport; għalhekk għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-edukazzjoni kwalifikata, inkluż it-taħriġ vokazzjonali u l-promozzjoni tal-hekk imsejħa sistema doppja tal-edukazzjoni vokazzjonali, li wriet li kienet effettiva f’xi Stati Membri; |
|
9. |
Jinnota li l-Belġju beda jġarrab in-nefqa amministrattiva sabiex jimplimenta l-FEG fid-19 ta’ Jannar 2021 u li għaldaqstant, in-nefqa għal attivitajiet ta’ tħejjija, ta’ ġestjoni, ta’ informazzjoni u ta’ pubbliċità, ta’ kontroll u ta’ rapportar se jkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mid-19 ta’ Jannar 2021 sa 31 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta’ Finanzjament; |
|
10. |
Jilqa’ l-fatt li l-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati tfassal mill-Belġju f’konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-benefiċjarji fil-mira, inklużi t-trade unions (FGTB (5) u CSC (6)) u l-konsulenti soċjali li akkumpanjaw lill-ħaddiema, biex jifhmu aħjar il-ħtiġijiet ta’ taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema wara s-sensja tagħhom; jinnota r-rwol essenzjali tat-trade unions Belġjani matul in-negozjati dwar il-proċess tal-għoti tas-sensji; ifakkar fl-importanza li tissaħħaħ il-preżenza tar-rappreżentanti tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol; |
|
11. |
Jisħaq li l-awtoritajiet Belġjani kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux għajnuna minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni, u li l-prinċipji tal-ugwaljanza fit-trattament u n-nondiskriminazzjoni se jiġu rrispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u fl-implimentazzjoni tagħhom; |
|
12. |
Itenni li l-għajnuna mill-FEG ma tridx tissostitwixxi azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi, jew kwalunkwe allowance jew dritt tal-ħaddiema ssensjati, biex tiġi żgurata l-addizzjonalità sħiħa tal-allokazzjoni; |
|
13. |
Japprova d-deċiżjoni annessa ma’ din ir-riżoluzzjoni; |
|
14. |
Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex tiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex tiżgura li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea; |
|
15. |
Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. |
(1) ĠU L 153, 3.5.2021, p. 48.
(2) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11.
(3) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.
(4) Skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament dwar il-FEG.
(5) Fédération générale du travail de Belgique.
(6) Confédération des syndicats chrétiens.
ANNESS
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni mill-Belġju — EGF/2022/002 BE/TNT
(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, id-Deċiżjoni (UE) 2023/1430.)
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/413/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)