European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2023/375

25.10.2023

AVVIŻ TA’ REKLUTAĠĠ PE/297/S

DIRETTUR (grupp ta’ funzjonijiet AD, grad 14)

Direttorat Ġenerali għall-Presidenza — Direttorat għall-Atti Leġiżlattivi

(C/2023/375)

 

1.   Pożizzjoni vakanti

Il-President tal-Parlament Ewropew iddeċidiet li tniedi proċedura għall-pożizzjoni ta’ direttur (AD, grad 14) fi ħdan id-Direttorat għall-Atti Leġiżlattivi tad-Direttorat Ġenerali għall-Presidenza, skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (1) (minn hawn ’il quddiem ir-“Regolament tal-Persunal”).

Din il-proċedura ta’ selezzjoni, li għandha l-iskop li tagħti lill-Awtorità tal-Ħatra għażla akbar ta’ kandidati, se tiżvolġi b’mod parallel mal-proċedura interna u dik interistituzzjonali ta’ reklutaġġ.

Ir-reklutaġġ se jsir fil-grad AD 14 (2). Is-salarju bażiku huwa ta’ EUR 16 569,31 fix-xahar. Ma’ dan is-salarju bażiku, li huwa soġġett għat-taxxa għall-benefiċċju tal-Unjoni u eżenti mit-taxxa nazzjonali, jistgħu jiżdiedu ċerti allowances skont il-kondizzjonijiet previsti mir-Regolamenti tal-Persunal.

Il-kandidati għandhom jieħdu nota li dan l-impjieg huwa soġġett għar-regolament dwar il-politika tal-mobilità, li ġie adottat mill-Bureau tal-Parlament Ewropew fil-15 ta’ Jannar 2018.

Dan l-impjieg jirrikjedi disponibilità kif ukoll kuntatt frekwenti ma’ nies fil-Parlament u barra minnu, b’mod partikolari mal-Membri tal-Parlament Ewropew. Il-persuna reklutata bħala direttur se tkun mitluba twettaq missjonijiet frekwenti fil-postijiet tax-xogħol differenti tal-Parlament Ewropew u barra minnhom.

2.   Post tax-xogħol

Brussell. Dan l-impjieg jaf jiġi trasferit lejn wieħed mill-postijiet tax-xogħol l-oħra tal-Parlament Ewropew.

3.   Opportunitajiet indaqs

Il-Parlament Ewropew japplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u jilqa’ l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, kemm jekk tkun ibbażata fuq il-ġeneru, l-etniċità, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.

4.   Deskrizzjoni tal-funzjonijiet

Bħala uffiċjal ta’ livell għoli, il-persuna reklutata bħala direttur, fid-dawl tal-linji gwida u d-deċiżjonijiet stabbiliti mill-awtorità parlamentari u mid-Direttur Ġenerali, tkun inkarigata minn dawn il-kompiti (3):

tiżgura l-funzjonament tajjeb ta’ dipartiment kbir tas-Segretarjat Ġenerali li jinkludi diversi unitajiet li jkopru l-oqsma ta’ attività tad-direttorat, f’konformità mal-politiki tal-istituzzjoni,

tmexxi, tistimula, timmotiva u tikkoordina timijiet ta’ aġenti; taħdem biex isir l-aħjar użu mir-riżorsi tad-dipartiment filwaqt li tiżgura servizz ta’ kwalità għolja (organizzazzjoni, ġestjoni tar-riżorsi umani u baġitarji, innovazzjoni, eċċ.) fl-oqsma ta’ attività tiegħu,

tippjana l-attivitajiet tad-direttorat (tfassil tal-objettivi u l-istrateġiji); tieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti; tivvaluta s-servizzi pprovduti bl-iskop li tiggarantixxi l-kwalità tagħhom,

tagħti pariri lid-Direttur Ġenerali, lis-Segretarjat Ġenerali u lill-Membri tal-Parlament Ewropew fl-oqsma ta’ attività tiegħu,

tikkoopera mad-direttorati differenti tas-Segretarjat Ġenerali, tirrappreżenta lill-istituzzjoni u tinnegozja kuntratti jew ftehimiet fl-oqsma ta’ attività tad-direttorat,

tiġġestixxi u twassal fi tmiemhom proġetti speċifiċi li jistgħu jinvolvu responsabilitajiet finanzjarji,

twettaq il-funzjoni ta’ uffiċjal awtorizzanti b’sottodelega.

5.   Rekwiżiti ta’ eleġibilità

Din il-proċedura ta’ selezzjoni hija miftuħa għall-kandidati kollha li, sad-data meta jagħlqu l-applikazzjonijiet, ikunu ssodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

Rekwiżiti ġenerali

Skont l-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal, jeħtieġ b’mod partikolari li l-kandidati:

ikunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (4),

igawdu mid-drittijiet ċivili tagħhom,

ikunu ssodisfaw kull obbligu impost fuqhom mil-liġijiet dwar is-servizz militari,

joffru l-garanziji ta’ moralità mitluba għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet previsti.

(b)

Rekwiżiti speċifiċi

(i)

Kwalifiki u diplomi meħtieġa

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ċċertifikati b’diploma rikonoxxuta uffiċjalment f’wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni, meta l-perjodu normali ta’ dawn l-istudji universitarji jkun ta’ erba’ snin jew aktar,

jew

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ċċertifikati b’diploma rikonoxxuta uffiċjalment f’wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni flimkien ma’ esperjenza professjonali xierqa ta’ sena jew aktar (5) meta l-perjodu normali ta’ dawn l-istudji universitarji jkun ta’ tliet snin jew aktar.

Id-diplomi, kemm jekk maħruġa fi Stat Membru tal-Unjoni jew f’pajjiż ieħor, iridu jiġu rikonoxxuti minn korp uffiċjali ta’ Stat Membru tal-Unjoni, bħall-ministeru tal-edukazzjoni ta’ Stat Membru.

Il-kandidati li jkollhom diplomi maħruġa f’pajjiż mhux tal-UE (6) jeħtiġilhom jehmżu mal-applikazzjoni tagħhom ekwivalenza tal-UE għad-diplomi tagħhom. Għal aktar informazzjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki mhux tal-UE fin-networks ENIC-NARIC, ara https://www.enic-naric.net/

(ii)

Esperjenza professjonali meħtieġa

Esperjenza professjonali miksuba wara li jkunu nkisbu l-kwalifiki msemmija hawn fuq:

tnax-il sena, eżerċitati mill-inqas parzjalment fl-oqsma ta’ kompetenza tad-direttorat u li jinkludu:

minimu ta’ sitt snin f’kuntest Ewropew u/jew internazzjonali, u

minimu ta’ sitt snin f’pożizzjonijiet maniġerjali f’dipartiment kbir.

(iii)

Għarfien lingwistiku

Il-pożizzjoni teżiġi għarfien komplut ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (7), kif ukoll għarfien sodisfaċenti ta’ mill-inqas lingwa waħda oħra minnhom.

Il-Kumitat Konsultattiv iqis ukoll l-għarfien ta’ lingwi uffiċjali oħrajn tal-Unjoni Ewropea.

6.   Testijiet

Sabiex jgħin lill-Awtorità tal-Ħatra fl-għażla tagħha, il-Kumitat Konsultattiv għall-Ħatra ta’ Uffiċjali Għolja jistabbilixxi l-lista ta’ kandidati u jirrakkomanda lill-Bureau tal-Parlament Ewropew il-persuni li għandhom jiġu mistiedna għal intervista. Il-Bureau jiffinalizza l-lista ta’ dawn il-persuni, filwaqt li l-Kumitat jagħmel l-intervisti u jippreżenta r-rapport finali tiegħu lill-Bureau għad-deċiżjoni. F’dan il-qafas, il-Bureau jkun jista’ jipproċedi għas-smigħ tal-kandidati.

L-intervisti jkunu bbażati fuq id-deskrizzjoni tal-funzjonijiet, kif imsemmija fil-punt 4 ta’ dan l-avviż, kif ukoll fuq il-kapaċitajiet li ġejjin:

sens ta’ strateġija,

kapaċità maniġerjali,

kapaċità ta’ ppjanar bil-quddiem,

kapaċità ta’ reazzjoni għall-avvenimenti,

approċċ metikoluż,

kapaċità ta’ komunikazzjoni.

7.   Tressiq tal-applikazzjonijiet

Id-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet hija:

il-Ġimgħa 10 ta’ Novembru 2023, f’12.00 (nofsinhar), ħin ta’ Brussell.

Il-kandidati huma mitluba jibagħtu, permezz ta’ email biss, f’format pdf, ittra ta’ motivazzjoni (Għall-attenzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew, Avviż ta’ reklutaġġ numru PE/297/S) u curriculum vitae fil-format tal-Europass (8), b’indikazzjoni tar-referenza tal-avviż (PE/297/S) fis-suġġett tal-messaġġ, fl-indirizz li ġej:

PERS-EPSeniorManagement@ep.europa.eu

u jitqiesu bħala prova d-data u l-ħin tat-trażmissjoni tal-email.

Il-kandidati jeħtiġilhom jiżguraw li d-dokumenti skennjati jkunu jistgħu jinqraw.

Il-kandidati li jissejħu għal intervista jeħtiġilhom jieħdu nota li jridu jipprovdu, sad-data tal-intervista, kopji jew fotokopji tad-dokumenti li jikkonfermaw l-istudji tagħhom, kif ukoll l-esperjenza professjonali tagħhom u l-attività li jeżerċitaw fil-preżent  (9) . L-ebda wieħed minn dawn id-dokumenti ma jingħata lura lill-kandidati.

Id-data ta’ natura personali li l-kandidati jibagħtu fil-qafas ta’ din il-proċedura ta’ selezzjoni se tkun ipproċessata skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), speċjalment f’dak li jirrigwarda l-kunfidenzjalità u s-sigurtà ta’ tali data.


(1)  Ara r-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tal-Kunsill (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1) emendat mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 723/2004 (ĠU L 124, 27.4.2004, p. 1) u l-aktar reċentement mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 15).

(2)  Bħala uffiċjal, il-persuna reklutata tingħata grad skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 32 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(3)  Għall-kompiti prinċipali, ara l-Anness.

(4)  L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea huma: il-Belġju, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja u l-Iżvezja.

(5)  Din is-sena ta’ esperjenza ma titqiesx għall-evalwazzjoni tal-esperjenza professjonali li jirreferi għaliha l-punt li jmiss.

(6)  Il-kwalifiki/diplomi Brittaniċi miksuba sal-31.12.2020 jiġu aċċettati mingħajr rikonoxximent ieħor. Għad-diplomi miksuba wara din id-data, rikonoxximent NARIC huwa meħtieġ. Fil-prattika, dan ifisser li d-diplomi Brittaniċi mogħtija mill-1 ta’ Jannar 2021 iridu jkunu akkumpanjati minn ekwivalenza mogħtija minn awtorità kompetenti ta’ Stat li jkun membru tal-UE.

(7)  Il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huma: il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż.

(8)  https://europa.eu/europass/

(9)  Dan ma japplikax għall-kandidati li jkunu fis-servizz tal-Parlament Ewropew fid-data meta jagħlqu l-applikazzjonijiet. Hija r-responsabilità tal-kandidati li jiżguraw li jkollna l-fajl komplut li jikkorrispondi għall-applikazzjoni tagħhom (fil-każ li xi dokumenti rilevanti jkunu neqsin fil-portal HRM (Streamline)).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ANNESS

Direttorat Ġenerali Għall-Presidenza

Direttorat għall-Atti Leġiżlattivi

Dmirijiet prinċipali

(Dipartiment magħmul minn 156 aġent: 138 uffiċjal, 13-il aġent temporanju u 5 aġenti kuntrattwali)

11.10.2023

Jiżgura d-direzzjoni, il-koordinament u t-tmexxija tal-unitajiet u tas-servizzi tad-Direttorat għall-Atti Leġiżlattivi;

Jissorvelja l-kwalità tat-testi leġiżlattivi u l-forniment ta’ servizzi leġiżlattivi oħra, kif ukoll l-ippjanar leġiżlattiv;

Jiżgura l-kompiti speċifiċi mitluba mill-Uffiċċju tal-President, tas-Segretarju Ġenerali u tad-Direttur Ġenerali;

Jiġġestixxi l-proġetti.

UNITÀ TAL-GARANZIJA TAL-KWALITÀ LEĠIŻLATTIVA U L-PUBBLIKAZZJONIJIET

Tiżgura ex ante l-kwalità leġiżlattiva tat-testi, billi tistabbilixxi, tidentifika u tiddokumenta regoli tal-abbozzar u proċedurali, mudelli u preċedenti li għandhom jintużaw fid-Direttorat, kif ukol toffri lill-kollegi taħriġ, rakkomandazzjonijiet u pariri mfassla apposta;

Tqiegħed għad-dispożizzjoni tas-servizzi tal-Parlament mudelli ta’ testi parlamentari u leġiżlattivi u tagħtihom konsulenza dwar l-applikazzjoni ta’ tali mudelli;

Tiżgura u tikkontrolla t-tħejjija, il-finalizzazzjoni u l-pubblikazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament, kif ukoll tal-emendi ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura;

Tikkontribwixxi għax-xogħlijiet inter-DĠ u interistituzzjonali fl-oqsma ta’ kompetenza tal-Unità u tippromwovi l-kooperazzjoni interistituzzjonali fil-qasam tal-abbozzar leġiżlattiv; tissorvelja r-rappreżentanza tad-Direttorat fil-korpi inter-DĠ u interistituzzjonali kkonċernati;

Tiżgura u tissorvelja l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tat-testi tad-Direttorat;

Tikkontrolla u tiżgura ex post il-kwalità leġiżlattiva tat-testi (verifiki mmirati, rettifiki, segwitu tal-ġurisprudenza).

UNITÀ TAL-KOORDINAMENT U L-IPPJANAR LEĠIŻLATTIV

Tikkoordina u tippjana l-finalizzazzjoni tat-testi leġiżlattivi mal-Kunsill, abbażi tal-ħidma tal-ġuristi lingwisti fil-proċess deċiżjonali fil-kumitat parlamentari, kif ukoll tikkoordina u tippjana l-adozzjoni tat-testi leġiżlattivi mill-plenarja, f’kollaborazzjoni ma’ servizzi oħra tad-DĠ Presidenza u tad-DĠ IPOL;

Tikoordina l-proġetti informatiċi, il-bażi tad-data u attivitajiet ta’ assistenza teknika oħrajn għad-Direttorat kollu, kif ukoll ir-rappreżentanza tiegħu fil-kuntest tal-e-Parliament u r-relazzjonijiet mad-DĠ ITEC dwar il-kwistjonijiet speċifiċi tad-Direttorat;

Tikkoordina d-distribuzzjoni u l-assistenza teknika, jekk ikun meħtieġ, tat-testi li jaslu mingħand il-kumitati parlamentari u s-servizzi tal-plenarja; tikkoordina t-trażmissjoni lill-Unitajiet tal-Kwalità Leġiżlattiva u lill-Kunsill ta’ testi fil-proċess ta’ finalizzazzjoni konġunta mal-Kunsill;

Tiżgura l-qari tal-provi (“proofreading”) tat-testi leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi fid-diversi fażijiet tal-proċess deċiżjonali fil-Parlament, kif ukoll il-finalizzazzjoni teknika tat-testi leġiżlattivi definittivi u t-trażmissjoni tagħhom lill-Kunsill u lill-Kummissjoni;

Tiżgura l-analiżi u s-sinteżi tal-informazzjoni miġbura fil-bażi tad-data tad-Direttorat mill-ġuristi lingwisti wara x-xogħlijiet tal-kumitati parlamentari, bil-għan li jitħejjew briefings u varji noti dwar l-ippjanar leġiżlattiv għall-President, għas-Segretarju Ġenerali u għad-Deputat Segretarju Ġenerali, f’kollaborazzjoni mas-servizzi kkonċernati l-oħra;

Tikkoordina d-distribuzzjoni, lill-Unitajiet tal-Kwalità Leġiżlattiva, tat-testi li jaslu mingħand il-Membri u l-kumitati parlamentari għal finijiet ta’ assistenza editorjali (“drafting support tool”).

UNITÀ TAL-KWALITÀ LEĠIŻLATTIVA A — POLITIKA EKONOMIKA U XJENTIFIKA

+ Sezzjoni Ingliża

+ Sezzjoni Irlandiża

+ Sezzjoni Daniża

+ Sezzjoni Taljana

Toffri lis-segretarjati tal-kumitati u lill-Membri assistenza fl-abbozzar leġiżlattiv, b’mod partikolari għall-abbozzi ta’ rapport u ta’ opinjoni u l-emendi fil-kumitati u fis-seduta plenarja;

Toffri assistenza fil-livell tas-seduti plenarji (briefings, votazzjonijiet, testi adottati);

Toffri assistenza proċedurali u lill-abbozzar leġiżlattiv matul in-negozjati mal-Kunsill;

Tiffinalizza t-testi leġiżlattivi;

Tiffinalizza r-Regoli ta’ Proċedura, il-baġit tal-Unjoni, il-ftehimiet interistituzzjonali u testi ġuridiċi oħra.

UNITÀ TAL-KWALITÀ LEĠIŻLATTIVA B — POLITIKI STRUTTURALI U TA’ KOEŻJONI

+ Sezzjoni Ġermaniża

+ Sezzjoni Franċiża

+ Sezzjoni Olandiża

+ Sezzjoni Rumena

+ Sezzjoni Żvediża

Toffri lis-segretarjati tal-kumitati u lill-Membri assistenza fl-abbozzar leġiżlattiv, b’mod partikolari għall-abbozzi ta’ rapport u ta’ opinjoni u l-emendi fil-kumitati u fis-seduta plenarja;

Toffri assistenza fil-livell tas-seduti plenarji (briefings, votazzjonijiet, testi adottati);

Toffri assistenza proċedurali u lill-abbozzar leġiżlattiv matul in-negozjati mal-Kunsill;

Tiffinalizza t-testi leġiżlattivi;

Tiffinalizza r-Regoli ta’ Proċedura, il-baġit tal-Unjoni, il-ftehimiet interistituzzjonali u testi ġuridiċi oħra.

UNITÀ TAL-KWALITÀ LEĠIŻLATTIVA C — DRITTIJIET TAĊ-ĊITTADINI

+ Sezzjoni Bulgara

+ Sezzjoni Finlandiża

+ Sezzjoni Maltija

+ Sezzjoni Slovakka

+ Sezzjoni Slovena

Toffri lis-segretarjati tal-kumitati u lill-Membri assistenza fl-abbozzar leġiżlattiv, b’mod partikolari għall-abbozzi ta’ rapport u ta’ opinjoni u l-emendi fil-kumitati u fis-seduta plenarja;

Toffri assistenza fil-livell tas-seduti plenarji (briefings, votazzjonijiet, testi adottati);

Toffri assistenza proċedurali u lill-abbozzar leġiżlattiv matul in-negozjati mal-Kunsill;

Tiffinalizza t-testi leġiżlattivi;

Tiffinalizza r-Regoli ta’ Proċedura, il-baġit tal-Unjoni, il-ftehimiet interistituzzjonali u testi ġuridiċi oħra.

UNITÀ UNITÀ TAL-KWALITÀ LEĠIŻLATTIVA D — AFFARIJIET BAĠITARJI

+ Sezzjoni Ċeka

+ Sezzjoni Spanjola

+ Sezzjoni Ungeriża

+ Sezzjoni Latvjana

+ Sezzjoni Portugiża

Toffri lis-segretarjati tal-kumitati u lill-Membri assistenza fl-abbozzar leġiżlattiv, b’mod partikolari għall-abbozzi ta’ rapport u ta’ opinjoni u l-emendi fil-kumitati u fis-seduta plenarja;

Toffri assistenza fil-livell tas-seduti plenarji (briefings, votazzjonijiet, testi adottati);

Tiffinalizza t-testi leġiżlattivi;

Toffri assistenza proċedurali u lill-abbozzar leġiżlattiv matul in-negozjati mal-Kunsill;

Tikkoordina t-tħejjija, l-iffirmar u l-pubblikazzjoni tal-baġit, peress li d-deċiżjonijiet ta’ mobilizzazzjoni tal-istrumenti speċjali mhumiex inklużi fil-QFP u d-deċiżjonijiet ta’ kwittanza;

Tiffinalizza r-Regoli ta’ Proċedura, il-baġit tal-Unjoni, il-ftehimiet interistituzzjonali u testi ġuridiċi oħra.

UNITÀ TAL-KWALITÀ LEĠIŻLATTIVA E — POLITIKI ESTERNI

+ Sezzjoni Pollakka

+ Sezzjoni Litwana

+ Sezzjoni Kroata

+ Sezzjoni Estonjana

+ Sezzjoni Griega

Toffri lis-segretarjati tal-kumitati u lill-Membri assistenza fl-abbozzar leġiżlattiv, b’mod partikolari għall-abbozzi ta’ rapport u ta’ opinjoni u l-emendi fil-kumitati u fis-seduta plenarja;

Toffri assistenza fil-livell tas-seduti plenarji (briefings, votazzjonijiet, testi adottati);

Toffri assistenza proċedurali u lill-abbozzar leġiżlattiv matul in-negozjati mal-Kunsill;

Tiffinalizza t-testi leġiżlattivi;

Tiffinalizza r-Regoli ta’ Proċedura, il-baġit tal-Unjoni, il-ftehimiet interistituzzjonali u testi ġuridiċi oħra.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/375/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)