European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2023/68

9.10.2023

Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Awwissu 2023 – Keserű Művek vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-519/23)

(C/2023/68)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Partijiet

Rikorrent: Keserű Művek Fegyvergyár Kft. (Budapest, l-Ungerija) (rappreżentant: Grád A., avukat)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

Abbażi tal-Artikolu 340 TFUE, tiddikjara li l-Unjoni kkawżat danni lir-rikorrenti minħabba l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea, bl-azzjoni leġiżlattiva illegali tagħha fl-adozzjoni tad-Direttiva ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/69 tas-16 ta’ Jannar 2019 li tistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi għall-armi tal-allarm u tas-sinjal skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi (1), kisret il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni kkontemplata fl-Artikolu10 TFUE u fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), u tordna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrenti, fi żmien ħmistax-il jum mill-ġurnata ta’ meta s-sentenza ssir definittiva, l-ammont ta’ EUR 1 590 088 bħala kumpens għad-danni.

Tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tal-kawża.

Sussidjarjament, fil-każ fejn il-Qorti Ġenerali tqis li t-talbiet prinċipali huma infondati, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

Abbażi tal-Artikolu 340 TFUE, tiddikjara li l-Unjoni kkawżat danni lir-rikorrenti bl-azzjoni leġiżlattiva illegali tagħha li tirriżulta mill-adozzjoni tad-Direttiva ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/69 u tordna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrenti, fi żmien ħmistax-il jum mill-ġurnata ta’ meta s-sentenza ssir definittiva, l-ammont ta’ EUR 1 590 088 bħala kumpens għad-danni.

Tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 340 TFUE, tal-Artikolu 10 TFUE u tal-Artikolu 21 tal-Karta:

L-armi tal-allarm ikkummerċjalizzati u mmanifatturati mir-rikorrenti fuq il-bażi tal-mudell ta’ utilità tagħha – li jistgħu jisparaw blalen tal-gomma u li jaħdmu b’gass ikkompressat – huma inklużi, mid-Direttiva ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/69, fl-istess kategorija bħall-armi kollha ta’ allarm u ta’ sinjal li jistgħu jisparaw karga solida, minkejja l-fatt li l-karatteristika speċifika tagħhom hija, skond il-mudell ta’ utilità tagħha, li ma jistgħux jisparaw karga tal-azzar, u li, minħabba l-forma tagħhom, lanqas ma jistgħu jiġu kkonvertiti faċilment f’armi tan-nar la permezz ta’ għodod ordinarji, kif imsemmi fid-Direttiva ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/69, u lanqas permezz ta’ kwalunkwe għodod oħra. Konsegwentement, peress li għandha mudell ta’ utilità esklussiv, ir-rikorrenti tikkostitwixxi grupp uniku.

Id-Direttiva ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/69 ma tirregolax l-armi ta’ allarm immanifatturati skont tali mudell ta’ utilità karatteristiku billi toħloq regoli speċifiċi, minkejja li dan huwa mixtieq, fid-dawl tal-Artikolu 10 TFUE u tal-Artikolu 21 tal-Karta, meta titqies l-ispeċifiċità tal-mudell ta’ utilità, u għalhekk tikser il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni. Minħabba l-limitazzjoni ekonomika li timplika d-Direttiva ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/69 sa mill-1 ta’ Jannar 2023, id-dħul mill-bejgħ li r-rikorrenti għamlet mill-kummerċjalizzazzjoni u mill-manifattura, konformi mal-mudell ta’ utilità, tal-armi tal-allarm li jistgħu jisparaw blalen tal-gomma naqas b’mod sinjifikattiv, u prattikament għeb.

Abbażi tal-Artikolu 340 TFUE, fil-każ ta’ responsabbiltà mhux kontrattwali, l-Unjoni għandha, skond il-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull dannu kkaġunat mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-impjegati tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom. Ir-rikorrenti ġarrbet dannu b’konsegwenza tal-adozzjoni ta’ miżura illegali.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 340 TFUE.

Abbażi tal-Artikolu 340 TFUE, l-obbligu ta’ kumpens ma huwiex limitat għal li jsir tajjeb għad-danni kkawżati mill-att illegali. L-Unjoni hija responsabbli li tagħmel tajjeb jew li tikkumpensa abbażi tal-Artikolu 340 TFUE anki fir-rigward tad-danni kkawżati minn atti legali jew minn azzjoni leġiżlattiva legali, b’tali mod li l-Unjoni hija obbligata li tikkumpensa d-danni mġarrba mill-vittma. Fil-każ tad-danni allegati mir-rikorrenti f’dan ir-rikors, huma ssodisfatti r-rekwiżiti kollha li għandhom jiġu eżaminati konformament mal-ġurisprudenza dwar il-kumpens għad-danni kkawżati minn azzjonijiet leġiżlattivi legali (2).


(1)   ĠU 2019, L. 15, p. 22.

(2)  Sentenza tas-6 ta’ Diċembru 1984, Biovilac vs KEE, 59/83, EU:C:1984:380.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/68/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)