European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2023/60

9.10.2023

Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Awwissu 2023 – Tauber vs Il-Kunsill

(Kawża T-493/23)

(C/2023/60)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Marina Tauber (Chişinău, il-Moldova) (rappreżentanti: T. Bontinck, L. Marchal u C. Zatschler, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tikkonstata l-illegalità tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/891 tat-28 ta’ April 2023 dwar miżuri restrittivi fid-dawl ta’ azzjonijiet li jiddestabilizzaw ir-Repubblika tal-Moldova u tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/888 tat-28 ta’ April 2023 dwar miżuri restrittivi fid-dawl ta’ azzjonijiet li jiddestabilizzaw ir-Repubblika tal-Moldova;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1047 tat-30 ta’ Mejju 2023 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2023/891 dwar miżuri restrittivi fid-dawl ta’ azzjonijiet li jiddestabilizzaw ir-Repubblika tal-Moldova, fejn inkludiet lir-rikorrenti fin-numru 3 tal-anness ta’ din id-deċiżjoni;

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1045 tat-30 ta’ Mejju 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2023/888 dwar miżuri restrittivi fid-dawl ta’ azzjonijiet li jiddestabbilizzaw ir-Repubblika tal-Moldova, fejn inkluda lir-rikorrenti fin-numru 3 tal-anness I ta’ dan ir-regolament;

tikkundanna lill-Kunsill għal ħlas tas-somma ta’ EUR 100 000, fuq bażi provviżorja, għal kumpens tad-dannu morali subit mir-rikorrenti;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-illegalità tad-Deċiżjoni (PESK) 2023/891 u tar-Regolament (UE) 2023/888. Id-Deċiżjoni (PESK) 2023/891 u r-Regolament (UE) 2023/888, li huma intiżi li jiddeterminaw il-kriterji li abbażi tagħhom l-isem tar-rikorrenti huwa inkluż fil-lista kontenzjuża, huma illegali u, għaldaqstant, għandhom jiġu ddikjarati inapplikabbli abbażi tal-Artikolu 277 TFUE. Insostenn ta’ din l-eċċezzjoni ta’ illegalità, ir-rikorrenti tqajjem tliet partijiet, ibbażati fuq ksur tal-Artikoli 2, 8 u 21(1) TUE, tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u taċ-ċertezza legali kif ukoll ta’ użu ħażin ta’ poter.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kunsill. Ir-rikorrenti ssostni l-ksur tad-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kunsill, minħabba li l-elementi pprovduti minn dan tal-aħħar ma jippermettulhiex tiddefendi ruħha. Hija tisħaq li l-motivazzjoni miġjuba mill-Kunsill ma tippermettilhiex li tifhem kif u għalfejn dawn il-kriterji ġew applikati lilha.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni minn naħa tal-Kunsill. Ir-rikorrenti tqis li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li hija wettqet nuqqasijiet finanzjarji serji fir-rigward ta’ fondi pubbliċi u esportazzjoni tal-kapital mingħajr awtorizzazzjoni u li hi mexxiet u organizzat dimostrazzjonijiet vjolenti.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tad-drittijiet fundamentali. Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Kunsill, meta adotta l-miżuri restrittivi kontriha, injora l-prinċipju ta’ proporzjonalità u wassal għal ksur eċċessiv tad-drittijiet fundamentali tagħha.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/60/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)