European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2023/54

9.10.2023

Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Lulju 2023 – Crédit agricole et vs SRB

(Kawża T-456/23)

(C/2023/54)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Crédit agricole SA (Montrouge, Franza) u 55 rikorrent ieħor (rappreżentanti: A. Gosset-Grainville u M. Trabucchi, avukati)

Konvenut: Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB)

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

bis-saħħa tal-Artikolu 263 TFUE, tannulla d-Deċiżjoni Nru SRB/ES/2023/23 tat-2 ta’ Mejju 2023 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-FUR għall-2023 sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti;

bis-saħħa tal-Artikolu 277 TFUE, tiddikjara inapplikabbli d-dispożizzjonijiet li ġejjin tar-Regolament MUR (1), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (2) u tar-Regolament Delegat (3);

l-Artikoli 69(1), 69(2), 70(1) u 70(2)(a) u (b) tar-Regolament MUR;

l-Artikoli 4(2), 5, 6, 7 u 20 kif ukoll l-Anness I tar-Regolament Delegat;

l-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tmien motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn il-mekkaniżmu għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (FUR) previsti mir-Regolament MUR u mir-Regolament Delegat ma jirriflettux la d-daqs reali, u lanqas ir-riskju reali tal-istituzzjonijiet, li jwassal sabiex jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-istituzzjonijiet l-oħra b’karatteristiċi differenti.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li l-mekkaniżmu tal-kontribuzzjonijiet ex ante lill-FUR, previst mir-Regolament MUR u mir-Regolament Delegat, huwa bbażat fuq evalwazzjoni li taggrava b’mod artifiċjali l-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu Franċiżi ta’ daqs kbir u għalhekk iwassal għal ammont ta’ kontribuzzjoni li jkun għoli b’mod sproporzjonat fir-rigward tar-riskju reali ġġenerat minn dawn l-istituzzjonijiet.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, peress li l-kalkolu tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante stabbilit mir-Regolament MUR, mir-Regolament Delegat u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni ma jippermettix lill-istituzzjonijiet bankarji jantiċipaw u jikkontrollaw b’mod sodisfaċenti l-eżattezza tal-ammont tal-kontribuzzjoni li ser tiġi imposta fuqhom.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, inkluż l-obbligu ta’ motivazzjoni, sa fejn l-indikaturi tar-riskju kollha ma ġewx debitament ikkunsidrati fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, din l-għażla li titħalla f’idejn is-SRB sabiex iqis dawn il-kriterji jew le, konformement mal-Artikolu 20 tar-Regolament Delegat, hija illegali.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-iffissar tal-koeffiċjent ta’ aġġustament. Ir-rikorrenti jsostnu żball ta’ liġi peress li s-SRB, li bbaża ruħu fuq interpretazzjoni żbaljata ta’ diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament SRM, stabbilixxa l-livell fil-mira annwali ’l fuq mil-limitu massimu ta’ 12,5 % tal-livell fil-mira finali impost mill-Artikolu 70 tar-Regolament MUR. Ir-rikorrenti jqisu, fi kwalunkwe każ, li dawn id-dispożizzjonijiet huma intrinsikament ivvizzjati.

6.

Is-sitt motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi fir-rigward tar-restrizzjoni għall-użu ta’ impenji ta’ ħlas irrevokabbli (iktar ’il quddiem l-“IĦI”). Ir-rikorrenti jinvokaw żball ta’ liġi peress li s-SRB jinvoka interpretazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-użu tal-IĦI sabiex, minn naħa, jillimita s-sehem tal-IĦI taħt il-limitu ta’ 30 % tal-kontribuzzjonijiet ex ante mingħajr ma jkollu l-kompetenza li jagħmel dan u, min-naħa l-oħra, li jillimita t-tip tal-garanzija għall-flus kontanti biss, u b’hekk jitneħħa l-effett utli ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

7.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Ir-rikorrenti jsostnu f’dan ir-rigward li r-riskji ta’ proċikliċità u ta’ likwidità invokati mill-SRB sabiex jillimitaw l-użu tal-IĦI huma infondati, fid-dawl b’mod partikolari tal-karatteristiċi speċifiċi tal-IĦI u l-kuntest li fih jintużaw.

8.

It-tmien motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata ma tindikax b’mod preċiż u fid-dettall kif ikun meħtieġ, minn naħa, li l-limitu massimu għall-użu tal-IĦI jiġi ffissat għal 22,5 % u, min-naħa l-oħra, li jiġu aċċettati biss flus kontanti bħala garanzija.


(1)  Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1).

(2)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/81 tad-19 ta’ Diċembru 2014 li jispeċifika kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 15, p. 1).

(3)  Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal-21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44, rettifika fil-ĠU 2017, L 156, p. 38).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/54/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)