ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 324

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 66
14 ta' Settembru 2023


Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2023/C 324/01

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.11015 — PARKS BOTTOM / OXFORD / ACCOR / THE RIMROCK RESORT HOTEL) ( 1 )

1

2023/C 324/02

Komunikazzjoni tal-kummissjoni — Linji Gwida tal- Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva (UE) 2022/2555 (Direttiva NIS 2)

2


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il–Kunsill

2023/C 324/03

Avviż għall-attenzjoni tal-persuni u l-entitajiet soġġetti għall-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni (PESK) 2023/1767, u fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014, kif implimentat bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2023/1765 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

8

2023/C 324/04

Avviż għall-attenzjoni tas-suġġetti tad-data li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

10

2023/C 324/05

Avviż għall-attenzjoni tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni (PESK) 2023/1767, u fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 kif implimentat bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2023/1765 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

12

2023/C 324/06

Avviż dwar is-sospensjoni, soġġetta għal ċerti kondizzjonijiet, tal-miżuri restrittivi kontra s-Sur Nikita Dmitrievich Mazepin, previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 , dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, kif emendata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1767 u kif implimentata mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1765

13

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2023/C 324/07

Rata tal-kambju tal-euro — It-13 ta' Settembru 2023

14

 

L-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal

2023/C 324/08

Avviż ta’ kompetizzjonijiet ġenerali

15

 

INFORMAZZJONI DWAR IŻ-ŻONA EKONOMIKA EWROPEA

 

L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA

2023/C 324/09

L-ebda għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE

16

2023/C 324/10

Avviż tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA dwar ir-rati tal-imgħax ta’ rkupru tal-għajnuna mill-Istat u r-rati ta’ referenza/ta’ skont għall-Istati tal-EFTA applikabbli mill-1 ta’ Ġunju 2023 (Ippubblikat skont ir-regoli dwar ir-rati ta’ referenza u ta’ skont stabbiliti fil-Parti VII tal-Linji Gwida tal-ESA dwar l-Għajnuna mill-Istat u l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni tal-ESA Nru 195/04/COL )

17


 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI TAL-QORTI

 

Il-Qorti tal-EFTA

2023/C 324/11

Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Lulju 2023 mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA kontra n-Norveġja (Il-Kawża E-9/23)

18

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2023/C 324/12

Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.11240 – ORLEN / DOPPLER ENERGIE) — Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

20


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

14.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 324/1


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.11015 — PARKS BOTTOM / OXFORD / ACCOR / THE RIMROCK RESORT HOTEL)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2023/C 324/01)

Fis-16 ta’ Mejju 2023, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss bl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tas-sit web tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (https://competition-cases.ec.europa.eu/search). Dan is-sit web jipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fis-sit web EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32023M11015. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi tal-Unjoni Ewropea.


(1)   ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


14.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 324/2


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Linji Gwida tal- Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva (UE) 2022/2555 (Direttiva NIS 2)

(2023/C 324/02)

1.   

Skont l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha (Direttiva NIS 2) (1), il-Kummissjoni, bl-għajnuna tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (ENISA), għandha mingħajr dewmien żejjed tipprovdi linji gwida u mudelli rigward l-obbligi stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni. L-Artikolu 3(4) tad-Direttiva (UE) 2022/2555 jirreferi għall-Artikolu 3(3) ta’ dik id-Direttiva, li jirrikjedi lill-Istati Membri jistabbilixxu lista ta’ entitajiet essenzjali u importanti, kif ukoll ta’ entitajiet li jipprovdu servizzi ta’ reġistrazzjoni tal-ismijiet ta’ dominji, sas-17 ta’ April 2025. L-Istati Membri jeħtiġilhom iwettqu rieżami ta’ dik il-lista u, fejn xieraq, jaġġornawha regolarment u mill-inqas kull sentejn wara dan.

2.   

Għall-finijiet tal-istabbiliment tal-lista ta’ entitajiet essenzjali u importanti, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu lill-entitajiet jissottomettu mill-inqas l-informazzjoni li ġejja lill-awtoritajiet kompetenti: l-isem, l-indirizz u d-dettalji ta’ kuntatt aġġornati, inklużi l-indirizzi tal-posta elettronika, il-meded tal-IP u n-numri tat-telefon tal-entità, u, fejn applikabbli, is-settur u s-sottosettur rilevanti msemmija fl-annessi, kif ukoll, fejn applikabbli, lista tal-Istati Membri fejn jipprovdu servizzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. L-Anness I ta’ dawn il-Linji Gwida jistabbilixxi mudell għall-ġbir ta’ dik l-informazzjoni għall-finijiet tal-istabbiliment tal-lista.

3.   

Sabiex jiġu ffaċilitati l-istabbiliment u l-aġġornament tal-lista ta’ entitajiet essenzjali u importanti, kif ukoll ta’ entitajiet li jipprovdu servizzi ta’ reġistrazzjoni tal-ismijiet ta’ dominji, l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva (UE) 2022/2555 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu mekkaniżmi nazzjonali sabiex l-entitajiet jirreġistraw lilhom infushom (2).

4.   

Skont l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva (UE) 2022/2555, sas-17 ta’ April 2025 u kull sentejn wara dan, l-Istati Membri jeħtiġilhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Grupp ta’ Kooperazzjoni dwar mill-inqas l-għadd ta’ entitajiet essenzjali u importanti elenkati skont l-Artikolu 3(3) ta’ dik id-Direttiva għal kull settur u sottosettur imsemmi fl-Annessi I u II tad-Direttiva. L-Istati Membri jeħtiġilhom jinnotifikaw ukoll lill-Kummissjoni bl-informazzjoni rilevanti dwar l-għadd ta’ entitajiet essenzjali u importanti identifikati skont l-Artikolu 2(2)(b) sa (e) tad-Direttiva (UE) 2022/2555, is-settur u s-sottosettur li jappartjenu għalih, it-tip ta’ servizz li jipprovdu, u d-dispożizzjoni li skontha ġew identifikati. Il-Premessa 19 tal-preambolu tad-Direttiva (UE) 2022/2555 tispjega li l-Istati Membri huma mħeġġa jiskambjaw mal-Kummissjoni informazzjoni dwar l-entitajiet essenzjali u importanti u, f’każ ta’ inċident taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira, l-informazzjoni rilevanti bħall-isem tal-entità kkonċernata.

5.   

Minbarra l-lista stabbilita mill-Istati Membri skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva (UE) 2022/2555, l-Istati Membri, f’konformità mal-Artikolu 27(2) ta’ dik id-Direttiva, għandhom jirrikjedu wkoll li ċerti tipi ta’ entitajiet imsemmija fl-Artikolu 27(1) tad-Direttiva jissottomettu l-informazzjoni li ġejja lill-awtoritajiet kompetenti sas-17 ta’ Jannar 2025: l-isem tal-entità; is-settur, is-sottosettur u t-tip tal-entità rilevanti msemmija fl-Anness I jew II tad-Direttiva, fejn applikabbli; l-indirizz tal-istabbiliment ewlieni tal-entità u tal-istabbilimenti legali l-oħra tagħha fl-Unjoni jew, jekk ma tkunx stabbilita fl-Unjoni, l-indirizz tar-rappreżentant tagħha maħtur skont l-Artikolu 26(3) tad-Direttiva; id-dettalji ta’ kuntatt aġġornati, inklużi l-indirizzi tal-posta elettronika u n-numri tat-telefon tal-entità u, fejn applikabbli, tar-rappreżentant tagħha maħtur skont l-Artikolu 26(3) tad-Direttiva; l-Istati Membri fejn l-entità tipprovdi s-servizzi; u l-meded tal-IP tal-entità. Skont l-Artikolu 27(3) tad-Direttiva (UE) 2022/2555, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 27(1) tad-Direttiva jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti dwar kwalunkwe bidla fl-informazzjoni li ssottomettew skont l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva, mingħajr dewmien u fi kwalunkwe każ fi żmien tliet xhur mid-data tal-bidla.

6.   

Skont l-Artikolu 27(5) tad-Direttiva (UE) 2022/2555, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 27(2) u (3) ta’ dik id-Direttiva għandha tiġi sottomessa permezz tal-mekkaniżmu nazzjonali msemmi fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva, fejn applikabbli. Għalhekk, biex jinkisbu effiċjenzi amministrattivi akbar, il-mudell mehmuż bħala Anness għal dawn il-Linji Gwida jinkludi wkoll talbiet għall-informazzjoni meħtieġa għall-finijiet kemm tal-Artikolu 3(3) kif ukoll tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva (UE) 2022/2555. Dan il-mudell inħoloq bl-għajnuna tal-ENISA.


(1)   ĠU L 333, 27.12.2022, p. 80.

(2)  Ara wkoll il-Premessa 18 tal-preambolu tad-Direttiva (UE) 2022/2555.


APPENDIĊI

Mudell għall-informazzjoni meħtieġa għal-lista msemmija fl-Artikolu 3(3) u għall-Artikolu 27(2) tad-Direttiva (UE) 2022/2555

1.   

Settur ta’ attività skont id-Direttiva (UE) 2022/2555

Anness I —

Setturi ta’ kritikalità għolja

Enerġija

Elettriku

Impriża tal-elettriku

Operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni

Operatur tas-sistema tat-trażmissjoni

Produtturi

Operaturi nominati tas-suq tal-elettriku

Parteċipanti fis-suq li jipprovdu servizzi ta’ aggregazzjoni, rispons għad-domanda jew ta’ ħżin tal-enerġija

Operaturi ta’ punt tal-irriċarġjar li huma responsabbli għall-ġestjoni u l-operazzjoni ta’ punt tal-irriċarġjar, li jipprovdi servizz tal-irriċarġjar lill-utenti finali, inkluż f’isem fornitur ta’ servizz ta’ mobbiltà u minfloku

Operaturi ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali

Żejt

Operaturi ta’ pipelines għat-trażmissjoni

Operaturi ta’ faċilitajiet tal-produzzjoni, tar-raffinar u tat-trattament, tal-ħżin u t-trażmissjoni taż-żejt

Entitajiet ċentrali ta’ ħżin

Gass

Impriżi tal-forniment

Operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni

Operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni

Operaturi tas-sistema tal-ħżin

Operaturi tas-sistema tal-LNG

Impriżi tal-gass naturali

Operaturi ta’ faċilitajiet tar-raffinar u tat-trattament tal-gass naturali

Operaturi tal-produzzjoni, tal-ħżin u tat-trażmissjoni tal-idroġenu

Trasport

Ajru

Trasportaturi tal-ajru

Korpi ta’ tmexxija tal-ajruport

Operaturi għall-kontroll tal-ġestjoni tat-traffiku li jipprovdu servizzi ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru (KTA)

Ferrovija

Maniġers tal-infrastruttura

Impriżi ferrovjarji, inklużi operaturi tal-faċilitajiet ta’ servizz

Ilma

Kumpaniji għat-trasport ta’ passiġġieri u merkanzija fuq l-ilma fl-ilmijiet interni, marittimi u kostali li ma jinkludux il-bastimenti individwali mħaddma minn dawk il-kumpaniji

Korpi ta’ ġestjoni inklużi l-faċilitajiet tal-port tagħhom u entitajiet li jwettqu xogħlijiet u jħaddmu tagħmir f’dawk il-portijiet

Operaturi ta’ servizzi tat-traffiku tal-bastimenti (VTS)

Triq

Awtoritajiet tat-toroq responsabbli għall-kontroll tal-ġestjoni tat-traffiku, għajr l-entitajiet pubbliċi li għalihom il-ġestjoni tat-traffiku jew it-tħaddim ta’ sistemi intelliġenti tat-trasport huma biss parti mhux essenzjali mill-attività ġenerali tagħhom

Operaturi ta’ sistemi ta’ trasport intelliġenti

Saħħa

Fornituri tal-kura tas-saħħa

Laboratorji ta’ referenza tal-UE

Entitajiet li jwettqu attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp ta’ prodotti mediċinali

Entitajiet li jimmanifatturaw prodotti farmaċewtiċi bażiċi u preparazzjonijiet farmaċewtiċi msemmija fit-Taqsima C, id-Diviżjoni 21 tan-NACE Rev. 2

Entitajiet li jimmanifatturaw apparati mediċi meqjusa kritiċi waqt emerġenza tas-saħħa pubblika (lista ta’ apparati kritiċi ta’ emerġenza tas-saħħa pubblika)

Ilma tax-xorb — Fornituri u distributuri tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem għajr distributuri li d-distribuzzjoni tagħhom tal-ilma għall-konsum mill-bniedem hi parti mhux essenzjali mill-attività ġenerali tagħhom ta’ distribuzzjoni ta’ komoditajiet u oġġetti oħrajn

Ilma mormi — Impriżi li jiġbru, jarmu jew jittrattaw ilma mormi urban, ilma mormi domestiku jew ilma mormi industrijali, għajr l-impriżi li għalihom il-ġbir, ir-rimi jew it-trattament ta’ ilma mormi urban, ilma mormi domestiku jew ilma mormi industrijali huwa parti mhux essenzjali mill-attività ġenerali tagħhom

Infrastruttura diġitali

Fornituri ta’ Punti ta’ Skambju fuq l-Internet

Fornituri ta’ servizzi tad-DNS

Reġistri ta’ ismijiet TLD

Fornituri ta’ servizzi tal-cloud computing

Fornituri ta’ servizzi ta’ ċentru tad-data

Fornituri ta’ network tal-konsenja tal-kontenut

Fornituri ta’ servizzi fiduċjarji

Fornituri ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi

Fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli pubblikament

Ġestjoni tas-servizzi tal-ICT (minn negozju għal negozju)

Fornituri ta’ servizzi ġestiti

Fornituri ta’ servizzi ta’ sigurtà ġestiti

Amministrazzjoni pubblika

Entitajiet tal-amministrazzjoni pubblika tal-gvernijiet ċentrali

Entitajiet tal-amministrazzjoni pubblika fil-livell reġjonali

Spazju - Operaturi tal-infrastruttura terrestri, proprjetà tal-Istati Membri jew ta’ partijiet terzi, u ġestita u operata mill-Istati Membri jew minn partijiet privati, li jappoġġaw l-forniment ta’ servizzi bbażati fl-ispazju, għajr il-fornituri ta’ networks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

Anness II —

setturi kritiċi oħra

Servizzi postali u tal-kurrier

Immaniġġjar tal-iskart — Impriżi li jwettqu l-immaniġġjar tal-iskart, għajr l-impriżi li għalihom l-immaniġjar tal-iskart mhux l-attività ekonomika prinċipali tagħhom

Manifattura, produzzjoni u distribuzzjoni ta’ sustanzi kimiċi — impriżi li jwettqu l-manifattura ta’ sustanzi u d-distribuzzjoni ta’ sustanzi jew taħlitiet u impriżi li jwettqu l-produzzjoni ta’ oġġetti minn sustanzi jew taħlitiet

Produzzjoni, ipproċessar u distribuzzjoni alimentari — negozji tal-ikel li huma involuti fid-distribuzzjoni bl-ingrossa u fil-produzzjoni u l-ipproċessar industrijali

Manifattura

Manifattura ta’ apparat mediku u apparat mediku dijanjostiku in vitro

Manifattura ta’ prodotti għall-kompjuters, prodotti elettroniċi u prodotti ottiċi

Manifattura ta’ tagħmir elettriku

Manifattura ta’ makkinarju u tagħmir n.e.c.

Manifattura ta’ vetturi motorizzati, trejlers u semitrejlers

Manifattura ta’ tgħamir ieħor għat-trasport

Fornituri diġitali

Fornituri ta’ swieq online

Fornituri ta’ magni tat-tiftix online

Fornituri ta’ pjattaformi ta’ servizzi tan-networking soċjali

Organizzazzjonijiet tar-riċerka

Entitajiet mhux inklużi fl-Annessi

Entitajiet li jipprovdu servizzi ta’ reġistrazzjoni tal-ismijiet ta’ dominji

Entitajiet oħra identifikati bħala entitajiet kritiċi skont id-Direttiva (UE) 2022/2557

Entitajiet identifikati bħala operaturi ta’ servizzi essenzjali f’konformità mal-liġi nazzjonali

2.   

Isem tal-entità

3.   

F’każ li l-entità hija msemmija fl-Artikolu 27(1) tad-Direttiva (UE) 2022/2555 (fornitur ta’ servizzi tad-DNS, reġistru ta’ ismijiet tat-TLD, entità li tipprovdi servizzi ta’ reġistrazzjoni tal-ismijiet ta’ dominji, fornitur ta’ servizzi ta’ cloud computing, fornitur ta’ servizzi ta’ ċentru tad-data, fornitur ta’ network tal-konsenja tal-kontenut, fornitur ta’ servizzi tas-sigurtà ġestiti, kif ukoll fornitur ta’ swieq online, ta’ magni tat-tiftix online u ta’ pjattaformi ta’ servizzi ta’ networking soċjali), l-entità għandha l-istabbiliment ewlieni tal-UE tagħha f’dan l-Istat Membru jew f’każ li ma għandha l-ebda stabbiliment legali fl-UE, għandha r-rappreżentant tagħha f’dan l-Istat Membru?

4.   

Indirizz tal-istabbiliment tal-entità f’dan l-Istat Membru. Jekk l-entità tissemma fl-Artikolu 27(1) tad-Direttiva (UE) 2022/2555, l-indirizz tal-istabbiliment ewlieni tal-entità, jekk tkun tinsab f’dan l-Istat Membru, kif ukoll tal-istabbilimenti legali l-oħra tagħha fl-UE. F’każ li ma jkun hemm l-ebda stabbiliment, l-indirizz tar-rappreżentant fl-UE, maħtur f’konformità mal-Artikolu 26(3) tad-Direttiva (UE) 2022/2555, jekk ir-rappreżentant ikun jinsab f’dan l-Istat Membru.

5.   

Dettalji ta’ kuntatt aġġornati inklużi l-indirizzi tal-posta elettronika u n-numri tat-telefon f’dan l-Istat Membru.

6.   

Meded tal-IP tal-entità għal dan l-Istat Membru

7.   

Jekk l-entità tissemma fl-Artikolu 27(1) tad-Direttiva (UE) 2022/2555, lista ta’ Stati Membri fejn l-entità tipprovdi servizzi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il–Kunsill

14.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 324/8


Avviż għall-attenzjoni tal-persuni u l-entitajiet soġġetti għall-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni (PESK) 2023/1767, u fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014, kif implimentat bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2023/1765 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

(2023/C 324/03)

L-informazzjoni li ġejja qed tinġieb għall-attenzjoni tal-persuni u l-entitajiet li jidhru fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK (1), kif emendata bid-Deċiżjoni (PESK) 2023/1767 (2), u fl-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 (3), kif implimentat bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2023/1765 (4) dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, wara li rrieżamina l-lista ta' persuni u entitajiet deżinjati fl-Annessi msemmija hawn fuq, iddetermina li l-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni 2014/145/PESK u fir-Regolament (UE) Nru 269/2014 jenħtieġ li jkomplu japplikaw għal dawk il-persuni u l-entitajiet.

Qed tinġibed l-attenzjoni tal-persuni u l-entitajiet ikkonċernati għall-possibbiltà li ssir applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat(i) Membru/i rilevanti kif indikat fis-siti web fl-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 269/2014, sabiex jiksbu awtorizzazzjoni biex jużaw il-fondi ffriżati għal ħtiġijiet bażiċi jew ħlasijiet speċifiċi (irreferi għall-Artikolu 4 tar-Regolament).

Il-persuni u l-entitajiet ikkonċernati jistgħu jippreżentaw talba lill-Kunsill, flimkien ma' dokumentazzjoni ta' sostenn, biex id-deċiżjoni li huma jiġu inklużi fil-lista msemmija hawn fuq tiġi kkunsidrata mill-ġdid, fl-indirizz li ġej qabel it-2 ta' Novembru 2023:

Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Segretarjat Ġenerali

RELEX.1

Rue de la Loi/Wetstraat 175

1048 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Email: sanctions@consilium.europa.eu

L-attenzjoni tal-persuni u l-entitajiet ikkonċernati qed tinġibed ukoll għall-possibbiltà li jikkontestaw id-Deċiżjoni tal-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, f'konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 275, u r-raba' u s-sitt paragrafi tal-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.


(1)   ĠU L 78, 17.3.2014, p. 16.

(2)   ĠU L 226, 14.9.2023, p. 104.

(3)   ĠU L 78, 17.3.2014, p. 6.

(4)   ĠU L 226, 14.9.2023, p. 3.


14.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 324/10


Avviż għall-attenzjoni tas-suġġetti tad-data li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

(2023/C 324/04)

Qed tinġibed l-attenzjoni tas-suġġetti tad-data għall-informazzjoni li ġejja f'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

Il-bażijiet legali għal din l-operazzjoni ta' pproċessar huma d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK (2), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1767 (3), u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 (4), kif implimentat bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1765 (5).

Il-kontrollur ta' din l-operazzjoni ta' pproċessar huwa l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea rrappreżentat mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għar-Relazzjonijiet Esterni) (RELEX) tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u d-dipartiment inkarigat bl-operazzjoni ta' pproċessar huwa r-RELEX.1 li jista' jiġi kkuntattjat f'dan l-indirizz:

Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Segretarjat Ġenerali

RELEX.1

Rue de la Loi/Wetstraat 175

1048 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Email: sanctions@consilium.europa.eu

L-Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data tas-SĠK jista' jiġi kkuntattjat f'dan l-indirizz:

 

Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data

 

data.protection@consilium.europa.eu

L-għan tal-operazzjoni ta' pproċessar huwa l-istabbiliment u l-aġġornament tal-lista ta' persuni soġġetti għal miżuri restrittivi f'konformità mad-Deċiżjoni 2014/145/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni (PESK) 2023/1767, u r-Regolament (UE) Nru 269/2014, kif implimentat bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2023/1765.

Is-suġġetti tad-data huma l-persuni fiżiċi li jissodisfaw il-kriterji għall-elenkar fil-lista kif stabbiliti fid-Deċiżjoni 2014/145/PESK u r-Regolament (UE) Nru 269/2014.

Id-data personali miġbura tinkludi d-data meħtieġa għall-identifikazzjoni korretta tal-persuna kkonċernata, id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet u kull data oħra marbuta mar-raġunijiet għall-elenkar.

Il-bażijiet legali għat-trattament tad-data personali huma d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill adottati skont l-Artikolu 29 TUE u r-Regolamenti tal-Kunsill adottati skont l-Artikolu 215 TFUE li jiddeżinjaw persuni fiżiċi (suġġetti tad-data) u jimponu ffriżar tal-assi u restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar.

L-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta' kompitu li jsir fl-interess pubbliku f'konformità mal-Artikolu 5(1)(a) u għall-konformità mal-obbligi legali stipulati fl-atti legali msemmija hawn fuq li għalihom huwa soġġett il-kontrollur f'konformità mal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

L-ipproċessar ikun meħtieġ għal raġunijiet ta' interess pubbliku sostanzjali f'konformità mal-Artikolu 10(2)(g) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

Il-Kunsill jista' jikseb data personali tas-suġġetti tad-data mill-Istati Membri u/jew mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna. Ir-riċevituri tad-data personali huma l-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

Id-data personali kollha pproċessata mill-Kunsill fil-kuntest tal-miżuri restrittivi awtonomi tal-UE tinżamm għal 5 snin mill-mument li s-suġġett tad-data jkun tneħħa mil-lista ta' persuni soġġetti għall-iffriżar tal-assi jew il-validità tal-miżura tkun skadiet jew, jekk titressaq azzjoni legali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, sakemm tingħata sentenza finali. Id-data personali li tinsab f'dokumenti rreġistrati mill-Kunsill tinżamm mill-Kunsill għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1)(e) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

Il-Kunsill jista' jkollu bżonn jiskambja data personali dwar suġġett tad-data ma' pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali fil-kuntest tat-traspożizzjoni mill-Kunsill tad-deżinjazzjonijiet tan-NU jew fil-kuntest tal-kooperazzjoni internazzjonali rigward il-politika tal-UE dwar il-miżuri restrittivi.

Fin-nuqqas ta' deċiżjoni ta' adegwatezza, jew ta' salvagwardji xierqa, it-trasferiment ta' data personali lil pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali jkun ibbażat fuq il-kondizzjoni(jiet) li ġejja/ġejjin, skont l-Artikolu 50 tar-Regolament (UE) 2018/1725:

 

it-trasferiment ikun meħtieġ għal raġunijiet importanti ta' interess pubbliku;

 

it-trasferiment ikun meħtieġ għall-istabbiliment, l-eżerċitar jew id-difiża ta' talbiet legali.

L-ebda teħid ta' deċiżjonijiet awtomatizzat ma huwa involut fl-ipproċessar tad-data personali tas-suġġett tad-data.

Is-suġġetti tad-data għandhom id-dritt għall-informazzjoni u d-dritt ta' aċċess għad-data personali tagħhom. Għandhom ukoll id-dritt li jikkoreġu u jimlew b'mod komplet id-data tagħhom. Taħt ċerti ċirkostanzi, jista' jkollhom id-dritt li jiksbu t-tħassir tad-data personali tagħhom, jew id-dritt li joġġezzjonaw għall-ipproċessar tad-data personali tagħhom jew li jitolbu li din tiġi ristretta.

Is-suġġetti tad-data jistgħu jeżerċitaw dawn id-drittijiet billi jibagħtu ittra elettronika lill-kontrollur b'kopja lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data kif indikat hawn fuq.

Mehmuż mat-talba tagħhom, is-suġġetti tad-data jridu jipprovdu kopja ta' dokument ta' identifikazzjoni biex jikkonfermaw l-identità tagħhom (karta tal-identità jew passaport). Dan id-dokument għandu jkollu numru ta' identifikazzjoni, il-pajjiż tal-ħruġ, il-perjodu ta' validità, l-isem, l-indirizz u d-data tat-twelid. Kwalunkwe data oħra li tkun tinsab fil-kopja tad-dokument ta' identifikazzjoni, bħal ritratt jew kwalunkwe karatteristika personali, tista' titgħatta bl-iswed.

Is-suġġetti tad-data għandhom id-dritt li jressqu lment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data f'konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 (edps@edps.europa.eu).

Qabel ma jagħmlu dan, huwa rakkomandat li s-suġġetti tad-data l-ewwel jippruvaw jiksbu rimedju billi jikkuntattjaw lill-kontrollur u/jew lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kunsill.

Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju ġudizzjarju, amministrattiv jew mhux ġudizzjarju, is-suġġetti tad-data jistgħu jressqu lment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data f'konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 (edps@edps.europa.eu).


(1)   ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39.

(2)   ĠU L 78, 17.3.2014, p. 16.

(3)   ĠU L 226, 14.9.2023, p. 104.

(4)   ĠU L 78, 17.3.2014, p. 6.

(5)   ĠU L 226, 14.9.2023, p. 3.


14.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 324/12


Avviż għall-attenzjoni tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni (PESK) 2023/1767, u fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 kif implimentat bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2023/1765 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

(2023/C 324/05)

L-informazzjoni li ġejja qed tinġieb għall-attenzjoni tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi li jidhru fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK (1), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1767 (2), u fl-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 (3) kif implimentat bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1765 (4) dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

L-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) Nru 269/2014 jeħtieġ li dawk il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi jridu jirrapportaw, qabel l-1 ta' Settembru 2022 jew fi żmien 6 ġimgħat mid-data tal-elenkar fl-Anness I, skont liema tkun l-aktar tard, fondi jew riżorsi ekonomiċi fil-ġuriżdizzjoni tal-UE li jappartjenu lilhom, huma proprjetà tagħhom, jinżammu jew huma kkontrollati minnhom, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn jinsabu dawn il-fondi jew riżorsi ekonomiċi. Huma jridu jikkooperaw mal-awtorità kompetenti nazzjonali biex tali informazzjoni tiġi vverifikata b'kull mod. In-nuqqas ta' konformità ma' dawn l-obbligi ser titqies bħala ċirkomvenzjoni tal-miżuri dwar l-iffriżar tal-fondi u r-riżorsi ekonomiċi.

L-informazzjoni li għandha tiġi rrapportata trid tintbagħat lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rilevanti permezz tas-sit web tagħha kif indikat fl-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 269/2014.


(1)   ĠU L 78, 17.3.2014, p. 16.

(2)   ĠU L 226, 14.9.2023, p.104.

(3)   ĠU L 78, 17.03.2014, p. 6.

(4)   ĠU L 226, 14.9.2023, p. 3.


14.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 324/13


Avviż dwar is-sospensjoni, soġġetta għal ċerti kondizzjonijiet, tal-miżuri restrittivi kontra s-Sur Nikita Dmitrievich Mazepin, previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 , dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, kif emendata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1767 u kif implimentata mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1765

(2023/C 324/06)

Fis-7 ta' Settembru 2023, il-President tal-Qorti Ġenerali ta digriet għal miżuri proviżorji skont l-Artikolu 157(2) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Qorti Ġenerali tal-UE, fil-Kawża T-743/22 RIII, Nikita Dmitrievich Mazepin vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Dak id-digriet kien jobbliga lill-Kunsill jippubblika Avviż fil-Ġurnal Uffiċjali li jindika li l-elenkar mill-ġdid tas-Sur N. Mazepin fil-lista ta' persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi hija soġġetta għal sospensjoni taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk previsti f'digriet preċedenti tad-19 ta' Lulju 2023 mill-President tal-Qorti Ġenerali.

Il-paragrafi rilevanti tad-dispożittiv tal-President tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta' Settembru 2023 jaqraw kif ġej:

“It-tħaddim tal-inklużjoni mill-ġdid imħabbra tar-rikorrent taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk previsti fid-digriet tad-19 ta' Lulju 2023, Mazepin vs Il-Kunsill (T-743/22 R II, punti 1 u 2 tad-dispożittiv) huwa sospiż sakemm jingħata d-digriet li jtemm il-proċeduri attwali għal miżuri proviżorji, sa fejn l-isem tas-Sur Mazepin ser jinżamm fil-lista ta' persuni, entitajiet u korpi soġġetti għal dawk il-miżuri restrittivi u biss sa fejn dan ikun meħtieġ sabiex ikun jista' jinnegozja r-reklutaġġ tiegħu bħala sewwieq professjonali tal-Formula 1 jew bħala sewwieq f'kampjonati oħra tal-isport tal-karozzi li jsiru wkoll jew biss fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll biex jieħu sehem fil-Grand Prix, provi, taħriġ u sessjonijiet liberi tal-Formula 1 u fil-kampjonati l-oħra, tlielaq, provi, taħriġ u sessjonijiet liberi tal-isport tal-karozzi li jseħħu fl-Unjoni Ewropea. Għal dan il-għan, is-Sur Mazepin huwa awtorizzat biss li (i) jidħol fl-Unjoni Ewropea sabiex jinnegozja u jikkonkludi ftehimiet ma' tim tat-tlielaq jew ma' sponsors li ma humiex relatati mal-attivitajiet tas-Sur Dmitry Arkadievich Mazepin jew ma' persuni fiżiċi jew ġuridiċi li isimhom huwa inkluż fil-listi li jinsabu fl-annessi tad-Deċiżjoni 2014/145 (1) u tar-Regolament Nru 269/2014 (2), (ii) jidħol fl-Unjoni Ewropea sabiex jipparteċipa bħala sewwieq titulari jew ta' riżerva fil-kampjonati tal-Formula 1 tal-Fédération internationale de l'automobile (FIA) (Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Karozzi (FIA)) jew f'kampjonati oħra, sessjonijiet ta' taħriġ, provi jew sessjonijiet liberi, ukoll bil-għan li jinkiseb it-tiġdid tas-Super Liċenzja tiegħu, (iii) jidħol fl-Unjoni Ewropea sabiex jgħaddi mill-eżamijiet mediċi imposti mill-FIA jew mit-tim tat-tlielaq tiegħu, (iv) jidħol fl-Unjoni Ewropea sabiex jieħu sehem f'attivitajiet ta' tlielaq, sponsorizzazzjoni u promozzjonali fuq talba tat-tim tat-tlielaq tiegħu jew tal-isponsors tiegħu, (v) jiftaħ kont bankarju li fih jistgħu jitħallsu lilu salarju, bonuses, benefiċċji tat-tim tat-tlielaq tiegħu u kontribuzzjonijiet finanzjarji minn sponsors aċċettati mit-tim tiegħu u, (vi) juża l-kont bankarju u karta ta' kreditu biss sabiex ikopri l-ispejjeż li jippermettu lil sewwieq professjonali jivvjaġġa fit-territorju tal-Unjoni, jinnegozja u jikkonkludi ftehimiet ma' tim tat-tlielaq jew ma' sponsors u jipparteċipa f'kampjonati, Grand Prix, tlielaq, taħriġ, provi jew sessjonijiet liberi fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. F'każ ta' reklutaġġ bħala sewwieq tal-Formula 1 jew bħala sewwieq għal kampjonati oħra tal-isport tal-karozzi li jseħħu wkoll jew biss fl-Unjoni Ewropea, is-Sur Mazepin għandu jobbliga ruħu li jtellaq taħt bandiera newtrali u li jiffirma l-Impenn tas-Sewwieqa mitlub mill-FIA għal dan il-għan.”


(1)   ĠU L 78, 17.03.2014, p. 16.

(2)   ĠU L 78, 17.03.2014, p. 6.


Il-Kummissjoni Ewropea

14.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 324/14


Rata tal-kambju tal-euro (1)

It-13 ta' Settembru 2023

(2023/C 324/07)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,0733

JPY

Yen Ġappuniż

158,28

DKK

Krona Daniża

7,4609

GBP

Lira Sterlina

0,86090

SEK

Krona Żvediża

11,9475

CHF

Frank Żvizzeru

0,9589

ISK

Krona Iżlandiża

143,70

NOK

Krona Norveġiża

11,4783

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

24,487

HUF

Forint Ungeriż

384,35

PLN

Zloty Pollakk

4,6243

RON

Leu Rumen

4,9673

TRY

Lira Turka

28,9160

AUD

Dollaru Awstraljan

1,6762

CAD

Dollaru Kanadiż

1,4556

HKD

Dollaru ta’ Hong Kong

8,3984

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,8188

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,4615

KRW

Won tal-Korea t’Isfel

1 426,24

ZAR

Rand ta’ l-Afrika t’Isfel

20,3300

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,8144

IDR

Rupiah Indoneżjan

16 502,58

MYR

Ringgit Malażjan

5,0230

PHP

Peso Filippin

60,899

RUB

Rouble Russu

 

THB

Baht Tajlandiż

38,397

BRL

Real Brażiljan

5,3130

MXN

Peso Messikan

18,5223

INR

Rupi Indjan

89,0805


(1)   Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


L-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal

14.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 324/15


AVVIŻ TA’ KOMPETIZZJONIJIET ĠENERALI

(2023/C 324/08)

L-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) qed jorganizza l-kompetizzjonijiet ġenerali li ġejjin:

 

EPSO/AD/404/23 — Ġuristi Lingwisti tal-lingwa Ingliża (EN) (AD7)

 

EPSO/AD/405/23 — Ġuristi Lingwisti tal-lingwa Spanjola (ES) (AD7)

 

EPSO/AD/406/23 — Ġuristi Lingwisti tal-lingwa Litwana (LT) (AD7)

 

EPSO/AD/407/23 — Ġuristi Lingwisti tal-lingwa Olandiża (NL) (AD7)

 

EPSO/AD/408/23 — Ġuristi Lingwisti tal-lingwa Portugiża (PT) (AD7)

 

EPSO/AD/409/23 — Ġuristi Lingwisti tal-lingwa Slovakka (SK) (AD7)

L-avviż tal-kompetizzjoni huwa ppubblikat f’24 lingwa f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea C 324 A tal-14 ta’ Settembru 2023 .

Tista’ ssib aktar informazzjoni fuq is-sit web tal-EPSO (1).


(1)  https://epso.europa.eu/mt


INFORMAZZJONI DWAR IŻ-ŻONA EKONOMIKA EWROPEA

L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA

14.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 324/16


L-ebda għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE

(2023/C 324/09)

L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA hija tal-fehma li l-miżura li ġejja ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE:

Id-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni

It-3 ta’ Mejju 2023

Il-Każ Nru

90153

Id-Deċiżjoni Nru

067/23/COL

Stat tal-EFTA

In-Norveġja

Titlu (u/jew isem il-benefiċjarju)

Organizzazzjoni ta’ servizzi/soluzzjonijiet muniċipali ta’ diġitalizzazzjoni

Il-forma tal-għajnuna

L-ebda għajnuna

It-test awtentiku tad-deċiżjoni, li minnu tneħħiet l-informazzjoni kunfidenzjali kollha, jinsab fis-sit web tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA: http://www.eftasurv.int/state-aid/state-aid-register/decisions/


14.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 324/17


Avviż tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA dwar ir-rati tal-imgħax ta’ rkupru tal-għajnuna mill-Istat u r-rati ta’ referenza/ta’ skont għall-Istati tal-EFTA applikabbli mill-1 ta’ Ġunju 2023

(Ippubblikat skont ir-regoli dwar ir-rati ta’ referenza u ta’ skont stabbiliti fil-Parti VII tal-Linji Gwida tal-ESA dwar l-Għajnuna mill-Istat u l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni tal-ESA Nru 195/04/COL  (1) )

(2023/C 324/10)

Ir-rati bażi huma kkalkulati f’konformità mal-Kapitolu dwar il-metodu għall-istabbiliment tar-rati ta’ referenza u ta’ skont tal-Linji Gwida tal-ESA dwar l-għajnuna mill-Istat kif emendati mid-Deċiżjoni tal-ESA Nru 788/08/COL tas-17 ta’ Diċembru 2008. Biex jinkisbu r-rati ta’ referenza applikabbli, għandhom jiżdiedu marġini xierqa mar-rata bażi skont il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat.

Ir-rati bażi ġew iddeterminati kif ġej:

 

L-Iżlanda

Il-Liechtenstein

In-Norveġja

1.6.2023

7,69

0,29

3,15


(1)   ĠU L 139, 25.5.2006, p. 37 u s-Suppliment taż-ŻEE tal-ĠU Nru 26/2006, 25.5.2006, p. 1.


V Avviżi

PROĊEDURI TAL-QORTI

Il-Qorti tal-EFTA

14.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 324/18


Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Lulju 2023 mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA kontra n-Norveġja

(Il-Kawża E-9/23)

(2023/C 324/11)

Fis-26 ta’ Lulju 2023 ġie ppreżentat rikors kontra n-Norveġja quddiem il-Qorti tal-EFTA mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, irrappreżentata minn Claire Simpson, Erlend Leonhardsen, Marte Brathovde u Ewa Gromnicka, li jaġixxu bħala Aġenti tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, Avenue de Arts 19H, B-1000 Brussell, il-Belġju.

L-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA titlob lill-Qorti tal-EFTA tiddikjara li:

1.

Billi żamm fis-seħħ leġiżlazzjoni, bħal ss. 2-Lb(4) PRA u 6 PR, li inġustament tirrestrinġi jew ma tinkludix id-dritt li wieġeb ifittex kura fi sptar fi Stat taż-ŻEE ieħor meta skadenza medikament ġustifikata biex tkun provduta kura ma tkunx tista’ tiġi rispettata, ir-Renju tan-Norveġja naqas li jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament 883/2004 u/jew l-Artikolu 36 taż-ŻEE;

2.

Billi żamm fis-seħħ leġiżlazzjoni, bħal ss. 2-1b (5) u 3(4) PR u ss.2-4a(2)a PRA u 3 PR, li naqsu jew jonqsu milli jirriflettu b’mod korrett id-drittijiet tal-pazjenti li jfittxu kura fi Stat ieħor taż-ŻEE fejn l-istess kura jew kura ugwalment effettiv ma tistax tiġi pprovduta fl-Istat ta’ oriġini f’limitu ta’ żmien li huwa medikament ġustifikabbli, ir-Renju tan-Norveġja naqas milli jissodisfa l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament 883/2004 u/jew l-Artikolu 36 taż-ŻEE;

3.

Billi żamm fis-seħħ struttura tal-appelli u proċedurali skont dispożizzjonijiet bħat-Taqsima 7-2 PRA u t-Taqsimiet 7 u 8 PR li jipprevjenu u/jew jiskoraġġixxu lill-korpi tal-ilmenti/tal-appell tal-PRA/PR milli japplikaw u jiżguraw b’mod korrett id-drittijiet tal-pazjenti li jfittxu kura fi Stat ieħor taż-ŻEE fejn l-istess kura jew kura ugwalment effettiva ma tistax jiġi pprovduta fl-Istat ta’ oriġini f’limitu ta’ żmien li huwa medikament ġustifikabbli, u/jew billi tinżamm prattika amministrattiva li fiha tali drittijiet mhumiex garantiti, ir-Renju tan-Norveġja naqas milli jissodisfa l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament 883/2004 u/jew l-Artikolu 36 taż-ŻEE, bi ksur ukoll tal-Artikolu 3 taż-ŻEE;

4.

Billi żammu fis-seħħ u u applikati r-regoli u l-prattika nazzjonali mhux ċari u/jew konfliġġenti ta’ hawn fuq fir-rigward tad-drittijiet tal-pazjenti li jfittxu trattament fi Stat ieħor taż-ŻEE, ir-Renju tan-Norveġja kiser il-prinċipju taċ-ċertezza ġuridika u mmina l-effettività tal-Artikolu 36 taż-ŻEE u l-Artikolu 20(2) tar-Regolament 883/2004, bi ksur ta’ dawk id-dispożizzjonijiet, u/jew tal-Artikolu 3 taż-ŻEE.

L-isfond ġuridiku u fattwali u l-motivi miġjuba bħala sostenn:

Permezz ta’ dan ir-Rikors, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA (l-Awtorità) titlob dikjarazzjoni li n-Norveġja, fir-rigward ta’ ċerti regoli u prattika nazzjonali li jirregolaw l-aċċess għal kura fi sptar fi Stati oħra taż-ŻEE, kisret l-Artikolu 36 taż-ŻEE, l-Artikolu 20(2) tar-Regolament 883/2004 (ir-Regolament) u/jew l-Artikolu 3 taż-ŻEE, kif ukoll il-prinċipju taċ-ċertezza legali.

Wara li rċeviet ilmenti dwar is-sistema Norveġiża għall-kura fi sptar u l-kapaċità li tirċievi tali kura barra mill-pajjiż, l-Awtorità ddeċidiet fl-2009 li twettaq valutazzjoni b’inizjattiva proprja tar-regoli Norveġiżi rilevanti.

Bejn l-2009 u l-2013 l-Awtorità u l-Gvern Norveġiż kienu involuti f’diskussjonijiet dwar il-kwistjonijiet imsemmija fl-ilmenti u r-regoli relatati.

Fl-14 ta’ Mejju 2014, l-Awtorità ħarġet ittra ta’ intimazzjoni lill-Gvern Norveġiż fejn ikkonkludiet li n-Norveġja kienet naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 20 tar-Regolament u/jew l-Artikolu 36 taż-ŻEE.

Fit-tweġiba tiegħu tal-15 ta’ Awwissu 2014, il-Gvern tan-Norveġja ma aċċettax li t-tħassib tal-Awtorità kien fondat sew iżda ddikjara li kienu ġew proposti emendi leġiżlattivi u indika li, biex tissaħħaħ iċ-ċertezza legali, kien qed jikkunsidra li jipprovdi informazzjoni u kjarifiki addizzjonali fir-rigward tad-drittijiet għall-kura tas-saħħa barra mill-pajjiż.

L-Awtorità ħarġet ittra ta’ intimazzjoni supplimentari fit-3 ta’ Frar 2016 fejn ikkonkludiet li mhux it-tħassib kollu tagħha kien ġie ittrattat. Il-Gvern Norveġiż wieġeb permezz tal-ittra tat-3 ta’ Mejju 2016.

L-Awtorità bagħtet opinjoni motivata lin-Norveġja fl-20 ta’ Settembru 2017, li għaliha l-Gvern Norveġiż wieġeb permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Jannar 2018, fejn sostna li ma kien hemm l-ebda ksur tal-liġi taż-ŻEE u spjega kif kienu saru għadd ta’ emendi għad-dispożizzjonijiet rilevanti. In-Norveġja infurmat ukoll lill-Awtorità permezz ta’ ittra tal-11 ta’ April 2018 dwar valutazzjonijiet ulterjuri, bidliet ippjanati fil-qafas leġiżlattiv u titjib prattiku ppjanat.

L-Awtorità qieset l-emendi leġiżlattivi bħala mhux sodisfaċenti u ddeċidiet li tirreferi l-każ lill-Qorti tal-EFTA fit-18 ta’ Diċembru 2019. Matul it-tħejjija tar-rikors tagħha lill-Qorti, l-Awtorità bagħtet talba għal informazzjoni lin-Norveġja fis-7 ta’ Mejju 2021, wara informazzjoni addizzjonali minn ilmentatur.

Fid-dawl tat-tweġiba min-Norveġja, l-Awtorità ħarġet it-tieni ittra supplimentari ta’ intimazzjoni fit-18 ta’ Mejju 2022.

It-tweġiba mill-Gvern Norveġiż, f’ittra tat-8 ta’ Lulju 2022, tqieset mill-Awtorità bħala mhux sodisfaċenti u tat opinjoni motivata supplimentari fit-22 ta’ Ottubru 2022.

Il-Gvern Norveġiż wieġeb b’ittra tal-20 ta’ Diċembru 2022, filwaqt li żamm il-pożizzjoni tiegħu li l-liġi Norveġiża rilevanti kienet konformi mal-liġi taż-ŻEE. Madankollu, in-Norveġja emendat il-mod li bih ir-Regolament 883/2004 kien ġie inkorporat fil-liġi nazzjonali, bid-dħul fis-seħħ fil-25 ta’ Novembru 2022.

L-Awtorità tqis li anki jekk l-emendi solvew xi wħud mill-kwistjonijiet, kwistjonijiet oħra msemmija mill-opinjoni motivata u l-opinjoni motivata supplimentari, madankollu jibqgħu, u n-Norveġja xorta tonqos milli tiżgura d-drittijiet tal-pazjenti li jkollhom aċċess għal kura fi sptar fi Stati oħra taż-ŻEE, bi ksur tal-obbligi tagħha taż-ŻEE.


PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

14.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 324/20


Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.11240 – ORLEN / DOPPLER ENERGIE)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2023/C 324/12)

1.   

Fit-30 ta’ Awwissu 2023, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Dan l-avviż jikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

ORLEN S.A. (“ORLEN”, il-Polonja),

Doppler Energie GmbH (“Doppler”, l-Awstrija), li finalment hija kkontrollata esklużivament minn Franz Joseph Doppler, persuna fiżika Awstrijaka.

ORLEN se takkwista, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll esklużiv ta’ Dopplet kollha kemm hi.

Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz ta’ xiri ta’ ishma.

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma dawn li ġejjin:

ORLEN hija primarjament attiva fir-raffinar taż-żejt u fil-produzzjoni tal-biofuels, l-esplorazzjoni u l-bejgħ tal-gass, il-produzzjoni tal-petrokimiċi, il-produzzjoni tal-elettriku, il-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut tal-fuels tal-magni, il-bejgħ bl-imnut ta’ oġġetti għall-konsumatur, kif ukoll l-estrazzjoni tal-idrokarburi,

Doppler tħaddem network ta’ stazzjonijiet tal-fuel tal-magni u stazzjonijiet tal-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi madwar l-Awstrija.

3.   

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura ssimplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) jenħtieġ li jiġi nnutat li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stabbilita fl-Avviż.

4.   

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jinħtieġ li r-referenza li ġejja dejjem tiġi speċifikata:

M.11240 – ORLEN / DOPPLER ENERGIE

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Indirizz postali:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)   ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)   ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.