ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 259

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 66
21 ta' Lulju 2023


Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2023/C 259/01

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Linji Gwida dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali

1


MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

21.7.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 259/1


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI —

Linji Gwida dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali

(2023/C 259/01)

WERREJ

1.

Introduzzjoni 7

1.1.

L-iskop u l-istruttura ta’ dawn il-Linji Gwida 7

1.2.

L-applikabbiltà tal-Artikolu 101 għall-ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali 8

1.2.1.

Introduzzjoni 8

1.2.2.

Qafas analitiku 10

1.2.3.

Valutazzjoni skont l-Artikolu 101(1) 11

1.2.4.

Restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan 11

1.2.5.

Effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni 12

1.2.6.

Restrizzjonijiet anċillari 13

1.2.7.

Valutazzjoni skont l-Artikolu 101(3) 14

1.2.8.

Ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali li ġeneralment jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) 14

1.3.

Relazzjoni ma’ gwida, ma’ leġiżlazzjoni u ma’ ġurisprudenza oħrajn 15

2.

Ftehimiet ta’ Riċerka u Żvilupp 17

2.1.

Introduzzjoni 17

2.2.

Ir-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija tar-R&Ż (“ir-REK R&Ż”) 18

2.2.1.

Definizzjoni ta’ riċerka u żvilupp fir-REK R&Ż 18

2.2.2.

Definizzjoni ta’ ftehimiet ta’ R&Ż fir-REK R&Ż 18

2.2.3.

Il-kundizzjonijiet għal eżenzjoni skont ir-REK R&Ż 20

2.2.4.

Restrizzjonijiet fundamentali u esklużi 25

2.2.5.

Iż-żmien rilevanti għall-valutazzjoni tal-konformità mal-kundizzjonijiet tar-REK R&Ż 27

2.2.6.

Irtirar tal-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija 27

2.2.7.

Perjodu ta’ tranżizzjoni 28

2.3.

Valutazzjoni individwali tal-ftehimiet ta’ R&Ż skont l-Artikolu 101(1) 28

2.3.1.

Swieq rilevanti 29

2.3.2.

Tħassib ewlieni dwar il-kompetizzjoni 29

2.3.3.

Ftehimiet ta’ R&Ż li ġeneralment ma jirrestrinġux il-kompetizzjoni 30

2.3.4.

Restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan 30

2.3.5.

Effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni 30

2.4.

Valutazzjoni individwali tal-ftehimiet ta’ R&Ż skont l-Artikolu 101(3) 32

2.4.1.

Titjib fl-effiċjenza 32

2.4.2.

Indispensabbiltà 32

2.4.3.

Trasferiment lill-konsumaturi 32

2.4.4.

L-ebda eliminazzjoni tal-kompetizzjoni 32

2.5.

Żmien rilevanti għall-valutazzjoni 33

2.6.

Eżempji 33

3.

Ftehimiet ta’ Produzzjoni 36

3.1.

Introduzzjoni 36

3.2.

Swieq rilevanti 38

3.3.

Ir-REK ta’ Speċjalizzazzjoni 39

3.3.1.

Ftehimiet ta’ produzzjoni koperti mir-REK ta’ Speċjalizzazzjoni 39

3.3.2.

Dispożizzjonijiet oħrajn koperti mir-REK ta’ Speċjalizzazzjoni 40

3.3.3.

Distribuzzjoni skont ir-REK ta’ Speċjalizzazzjoni 40

3.3.4.

Servizzi skont ir-REK ta’ Speċjalizzazzjoni 41

3.3.5.

Limitu tas-sehem mis-suq u durata tal-eżenzjoni 41

3.3.6.

Restrizzjonijiet fundamentali fir-REK ta’ Speċjalizzazzjoni 42

3.3.7.

Irtirar tal-benefiċċju tar-REK ta’ Speċjalizzazzjoni 42

3.3.8.

Perjodu ta’ tranżizzjoni 43

3.4.

Valutazzjoni individwali tal-ftehimiet ta’ produzzjoni skont l-Artikolu 101(1) 43

3.4.1.

Tħassib ewlieni dwar il-kompetizzjoni 43

3.4.2.

Restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan 44

3.4.3.

Effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni 44

3.5.

Valutazzjoni individwali tal-ftehimiet ta’ produzzjoni skont l-Artikolu 101(3) 47

3.5.1.

Titjib fl-effiċjenza 47

3.5.2.

Indispensabbiltà 48

3.5.3.

Trasferiment lill-konsumaturi 48

3.5.4.

L-ebda eliminazzjoni tal-kompetizzjoni 48

3.6.

Ftehimiet dwar il-kondiviżjoni ta’ infrastruttura tat-telekomunikazzjoni mobbli 48

3.7.

Eżempji 51

4.

Ftehimiet ta’ xiri 55

4.1.

Introduzzjoni 55

4.2.

Valutazzjoni skont l-Artikolu 101(1) 56

4.2.1.

Tħassib ewlieni dwar il-kompetizzjoni 56

4.2.2.

Restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan 56

4.2.3.

Effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni 58

4.3.

Valutazzjoni skont l-Artikolu 101(3) 61

4.3.1.

Titjib fl-effiċjenza 61

4.3.2.

Indispensabbiltà 61

4.3.3.

Trasferiment lill-konsumaturi 61

4.3.4.

L-ebda eliminazzjoni tal-kompetizzjoni 62

4.4.

Eżempji 62

5.

Ftehimiet ta’ Kummerċjalizzazzjoni 66

5.1.

Introduzzjoni 66

5.2.

Valutazzjoni skont l-Artikolu 101(1) 67

5.2.1.

Tħassib ewlieni dwar il-kompetizzjoni 67

5.2.2.

Restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan 67

5.2.3.

Effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni 68

5.3.

Valutazzjoni skont l-Artikolu 101(3) 69

5.3.1.

Titjib fl-effiċjenza 69

5.3.2.

Indispensabbiltà 70

5.3.3.

Trasferiment lill-konsumaturi 70

5.3.4.

L-ebda eliminazzjoni tal-kompetizzjoni 70

5.4.

Konsorzji tal-offerti 70

5.5.

Eżempji 73

6.

Skambju ta’ informazzjoni 76

6.1.

Introduzzjoni 76

6.2.

Valutazzjoni skont l-Artikolu 101(1) 77

6.2.1.

Introduzzjoni 77

6.2.2.

Tħassib ewlieni dwar il-kompetizzjoni li jirriżulta mill-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva 78

6.2.3.

In-natura tal-informazzjoni skambjata 80

6.2.4.

Il-karatteristiċi tal-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva 83

6.2.5.

Karatteristiċi tas-suq 87

6.2.6.

Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan 88

6.2.7.

Restrizzjoni tal-kompetizzjoni b’effett 90

6.3.

Valutazzjoni skont l-Artikolu 101(3) 91

6.3.1.

Titjib fl-effiċjenza 91

6.3.2.

Indispensabbiltà 92

6.3.3.

Trasferiment lill-konsumaturi 92

6.3.4.

L-ebda eliminazzjoni tal-kompetizzjoni 92

6.4.

Eżempji, passi ta’ awtovalutazzjoni u tabella li tiggwida dwar ir-responsabbiltà f’kuntesti differenti 92

7.

Ftehimiet ta’ standardizzazzjoni 96

7.1.

Introduzzjoni 96

7.2.

Swieq rilevanti 97

7.3.

Valutazzjoni skont l-Artikolu 101(1) 97

7.3.1.

Tħassib ewlieni dwar il-kompetizzjoni 97

7.3.2.

Restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan 99

7.3.3.

Effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni 99

7.4.

Valutazzjoni skont l-Artikolu 101(3) 104

7.4.1.

Titjib fl-effiċjenza 104

7.4.2.

Indispensabbiltà 104

7.4.3.

Trasferiment lill-konsumaturi 105

7.4.4.

L-ebda eliminazzjoni tal-kompetizzjoni 105

7.5.

Eżempji 105

8.

Termini standard 107

8.1.

Definizzjonijiet 107

8.2.

Swieq rilevanti 107

8.3.

Valutazzjoni skont l-Artikolu 101(1) 107

8.3.1.

Tħassib ewlieni dwar il-kompetizzjoni 107

8.3.2.

Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan 107

8.3.3.

Effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni 107

8.4.

Valutazzjoni skont l-Artikolu 101(3) 109

8.4.1.

Effiċjenzi 109

8.4.2.

Indispensabbiltà 109

8.4.3.

Trasferiment lill-konsumaturi 109

8.4.4.

L-ebda eliminazzjoni tal-kompetizzjoni 109

8.5.

Eżempji 109

9.

Ftehimiet ta’ Sostenibbiltà 110

9.1.

Introduzzjoni 110

9.2.

Ftehimiet ta’ sostenibbiltà li x’aktarx ma jqanqlux tħassib dwar il-kompetizzjoni 112

9.3.

Valutazzjoni tal-ftehimiet ta’ sostenibbiltà skont l-Artikolu 101(1) 113

9.3.1.

Prinċipji ġenerali 113

9.3.2.

Ftehimiet ta’ standardizzazzjoni tas-sostenibbiltà 114

9.4.

Valutazzjoni tal-ftehimiet ta’ sostenibbiltà skont l-Artikolu 101(3) 117

9.4.1.

Titjib fl-effiċjenza 117

9.4.2.

Indispensabbiltà 117

9.4.3.

Trasferiment lill-konsumaturi 119

9.4.4.

L-ebda eliminazzjoni tal-kompetizzjoni 122

9.5.

L-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi 122

9.6.

Eżempji 122

1.   INTRODUZZJONI

1.1.   L-iskop u l-istruttura ta’ dawn il-Linji Gwida

1.

Dawn il-Linji Gwida jieħdu post il-Linji Gwida tal-2011 dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali. (1) Huma maħsubin sabiex jipprovdu ċertezza legali billi jgħinu lill-impriżi jivvalutaw il-kompatibbiltà tal-ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali tagħhom mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni filwaqt li jiżguraw protezzjoni effettiva tal-kompetizzjoni. Għandhom ukoll l-għan li jagħmluha aktar faċli għall-impriżi li jikkooperaw b’modi li huma ekonomikament mixtieqa, u b’hekk jikkontribwixxu, pereżempju, għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u għall-promozzjoni tar-reżiljenza tas-suq intern (2).

2.

Dawn il-Linji Gwida jistabbilixxu l-prinċipji għall-valutazzjoni ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali u prattiki miftehmin skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“l-Artikolu 101”) u jipprovdu qafas analitiku sabiex tiġi ffaċilitata l-awtovalutazzjoni tal-aktar tipi komuni ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali:

Il-Kapitolu 1 fih introduzzjoni, li tistabbilixxi l-kuntest li fih japplika l-Artikolu 101 għall-ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali. Dan il-Kapitolu jispjega wkoll ir-relazzjoni bejn dawn il-Linji Gwida u gwida, leġiżlazzjoni u ġurisprudenza oħrajn li jaffettwaw l-ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali. Il-gwida fil-Kapitoli 2 sa 9 relatata ma’ tipi speċifiċi ta’ ftehimiet orizzontali tikkomplementa l-gwida aktar ġenerali mogħtija f’dan il-Kapitolu introduttorju. Għalhekk, dejjem huwa rrakkomandat li l-ewwel jinqara dan il-Kapitolu qabel ma ssir referenza għal dawk il-Kapitoli l-oħrajn;

Il-Kapitolu 2 jikkonċerna ftehimiet ta’ riċerka u ta’ żvilupp (“R&Ż”), inkluża gwida dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE)Nru 2023/1066 (“REK ta’ R&Ż”) (3);

Il-Kapitolu 3 jikkonċerna ftehimiet ta’ produzzjoni, inkluża gwida dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE)Nru 2023/1067 (“REK ta’ Speċjalizzazzjoni”) (4);

Il-Kapitolu 4 jikkonċerna l-ftehimiet ta’ xiri;

Il-Kapitolu 5 jikkonċerna l-ftehimiet ta’ kummerċjalizzazzjoni;

Il-Kapitolu 6 jikkonċerna l-iskambju ta’ informazzjoni;

Il-Kapitolu 7 jikkonċerna l-ftehimiet ta’ standardizzazzjoni;

Il-Kapitolu 8 jikkonċerna termini standard.

3.

Barra minn hekk, peress li l-Kummissjoni ħadet impenn li tilħaq l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku għall-Unjoni Ewropea (5), il-Kapitolu 9 jipprovdi gwida dwar kif l-aktar tipi komuni ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali se jiġu vvalutati skont l-Artikolu 101 meta jsegwu objettivi ta’ sostenibbiltà.

4.

Minħabba n-numru kbir ta’ tipi u ta’ kombinazzjonijiet possibbli ta’ kooperazzjoni orizzontali, u l-firxa wiesgħa ta’ kuntesti tas-suq li fihom jistgħu jseħħu, huwa diffiċli li tiġi pprovduta gwida speċifika għal kull xenarju possibbli. Għalhekk, dawn il-Linji Gwida ma jikkostitwixxux “lista ta’ kontroll” li tista’ tiġi applikata b’mod mekkaniku. Kull każ irid jiġi vvalutat abbażi tal-fatti tiegħu.

5.

Il-gwida li tinsab f’dawn il-Linji Gwida tapplika għal ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali li jikkonċernaw oġġetti, servizzi u teknoloġiji.

6.

Il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali jistgħu jikkombinaw stadji ta’ kooperazzjoni, pereżempju r-R&Ż u l-produzzjoni jew il-kummerċjalizzazzjoni tar-riżultati tar-R&Ż. Dawn il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni kombinati huma koperti wkoll minn dawn il-Linji Gwida. Meta jintużaw dawn il-Linji Gwida għall-valutazzjoni ta’ ftehimiet kombinati bħal dawn, bħala regola ġenerali, il-Kapitoli kollha dwar l-istadji differenti tal-kooperazzjoni jkunu rilevanti. Madankollu, għall-valutazzjoni ta’ jekk imġiba partikolari tikkostitwixxix restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan jew b’effett, il-gwida pprovduta fil-Kapitolu relatata mal-parti tal-kooperazzjoni kombinata li tista’ titqies bħala ċ-“ċentru tal-gravità” tagħha tipprevali għall-kooperazzjoni kollha.

7.

Żewġ fatturi huma partikolarment rilevanti għad-determinazzjoni taċ-ċentru tal-gravità ta’ tali ftehimiet ta’ kooperazzjoni kombinati: l-ewwel nett, il-punt tat-tluq tal-kooperazzjoni, u, it-tieni, il-grad ta’ integrazzjoni tad-diversi funzjonijiet li jiġu kkombinati. Għalkemm ma huwiex possibbli li tiġi pprovduta regola preċiża u definita li hija valida għall-każijiet kollha u għall-kombinazzjonijiet kollha possibbli, dan li ġej japplika b’mod ġenerali:

(a)

iċ-ċentru tal-gravità ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni orizzontali li jinvolvi kemm R&Ż konġunti kif ukoll produzzjoni konġunta (jew distribuzzjoni konġunta) tar-riżultati normalment ikun ir-R&Ż konġunti, dment li l-produzzjoni konġunta (jew id-distribuzzjoni konġunta) isseħħ biss jekk ir-R&Ż konġunti jirnexxu. Meta r-riżultati tar-R&Ż konġunti jkunu deċiżivi għall-produzzjoni konġunta (jew għad-distribuzzjoni konġunta) sussegwenti, tipprevali l-gwida fil-Kapitolu dwar il-ftehimiet ta’ R&Ż. Iċ-ċentru tal-gravità tal-kooperazzjoni jkun differenti kieku l-partijiet kienu jinvolvu rwieħhom fil-produzzjoni konġunta (jew fid-distribuzzjoni konġunta) fi kwalunkwe każ, jiġifieri irrispettivament mir-R&Ż konġunti. F’dak il-każ, il-kooperazzjoni minflok għandha tiġi vvalutata bħala ftehim ta’ produzzjoni konġunta (jew ta’ kummerċjalizzazzjoni konġunta), u l-gwida fil-Kapitolu dwar il-ftehimiet ta’ produzzjoni (jew ta’ kummerċjalizzazzjoni konġunta) tipprevali. Jekk il-ftehim jipprevedi integrazzjoni sħiħa tal-attivitajiet tal-partijiet fil-qasam tal-produzzjoni u integrazzjoni parzjali biss ta’ xi attivitajiet ta’ R&Ż, iċ-ċentru tal-gravità tal-kooperazzjoni jkun il-produzzjoni konġunta;

(b)

iċ-ċentru tal-gravità ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni orizzontali li jinvolvi kemm speċjalizzazzjoni fil-produzzjoni kif ukoll kummerċjalizzazzjoni konġunta tal-prodotti li jirriżultaw ikun ġeneralment l-ispeċjalizzazzjoni, peress li l-kummerċjalizzazzjoni konġunta ġeneralment isseħħ biss bħala konsegwenza tal-ispeċjalizzazzjoni;

(c)

iċ-ċentru tal-gravità ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni orizzontali li jinvolvi produzzjoni konġunta u kummerċjalizzazzjoni konġunta tal-prodotti li jirriżultaw ikun ġeneralment il-produzzjoni konġunta, peress li l-kummerċjalizzazzjoni konġunta ġeneralment isseħħ biss bħala konsegwenza tal-produzzjoni konġunta.

8.

It-test taċ-ċentru tal-gravità japplika biss għar-relazzjoni bejn il-Kapitoli ta’ dawn il-Linji Gwida, u mhux għar-relazzjoni bejn regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija huwa definit mid-dispożizzjonijiet tiegħu (ara l-Kapitolu 2 għar-REK R&Ż u l-Kapitolu 3 għar-REK ta’ Speċjalizzazzjoni). Filwaqt li l-eżempji fil-paragrafu 7 jagħtu indikazzjoni ġenerali ta’ fejn jista’ jkun iċ-ċentru tal-gravità ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni orizzontali kombinat, fil-prattika tkun neċessarja analiżi każ b’każ ibbażata fuq il-kuntest legali u ekonomiku speċifiku ta’ kull ftehim.

1.2.   L-applikabbiltà tal-Artikolu 101 għall-ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali

1.2.1.   Introduzzjoni

9.

L-Artikolu 101 għandu l-għan li jiżgura li l-impriżi ma jużawx ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali sabiex jipprevjenu, jirrestrinġu jew ifixklu l-kompetizzjoni fis-suq intern għad-detriment aħħari tal-konsumaturi.

10.

L-Artikolu 101 japplika għal impriżi u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi. Impriża hija entità ta’ elementi personali, tanġibbli u intanġibbli, involuta f’attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus legali tagħha u mill-mod kif tiġi ffinanzjata (6). Assoċjazzjoni ta’ impriżi hija korp li permezz tiegħu l-impriżi tal-istess tip ġenerali jikkoordinaw l-imġiba tagħhom fis-suq (7). Dawn il-Linji Gwida japplikaw għal ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali bejn l-impriżi u deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi.

11.

Meta kumpanija teżerċita influwenza deċiżiva fuq kumpanija oħra, dawn jifformaw entità ekonomika waħdiena u, għalhekk, ikunu parti mill-istess impriża (8). Il-kumpaniji li jifformaw parti mill-istess impriża ma jitqisux bħala kompetituri għall-finijiet ta’ dawn il-Linji Gwida, anki jekk it-tnejn ikunu attivi fl-istess suq ġeografiku/swieq ġeografiċi tal-prodott rilevanti.

12.

Bl-għan li tiġi stabbilita r-responsabbiltà għall-ksur tal-Artikolu 101, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-kumpaniji omm u l-impriża konġunta tagħhom jifformaw unità ekonomika waħdiena u, għalhekk, impriża waħda fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni u tas-suq/swieq rilevanti, sa fejn jintwera li l-kumpaniji omm jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq l-impriża konġunta (9). Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni, b’mod ġenerali, ma tapplikax l-Artikolu 101 għal ftehimiet jew għal prattiki miftehmin bejn il-kumpaniji omm u l-impriża konġunta tagħhom sa fejn jikkonċernaw imġiba li sseħħ fis-suq/swieq rilevanti li fihom tkun attiva l-impriża konġunta u f’perjodi li matulhom il-kumpaniji omm jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq l-impriża konġunta. Madankollu, il-Kummissjoni ġeneralment tapplika l-Artikolu 101 għall-kategoriji ta’ ftehimiet li ġejjin:

(a)

ftehimiet bejn kumpaniji omm sabiex tinħoloq impriża konġunta;

(b)

ftehimiet bejn kumpaniji omm sabiex jimmodifikaw l-ambitu tal-impriża konġunta tagħhom;

(c)

ftehimiet bejn kumpaniji omm u l-impriża konġunta tagħhom dwar prodotti jew ġeografiji li fihom l-impriża konġunta ma tkunx attiva; u

(d)

ftehimiet bejn kumpaniji omm li ma jinvolvux l-impriża konġunta tagħhom, anki jekk il-ftehim jikkonċerna prodotti jew ġeografiji li fihom tkun attiva l-impriża konġunta.

13.

Il-fatt li impriża konġunta u l-kumpaniji omm tagħha jitqiesu li jifformaw parti mill-istess impriża f’suq partikolari ma jipprekludix lill-kumpaniji omm milli jitqiesu bħala indipendenti fi swieq oħrajn (10).

14.

Sabiex l-Artikolu 101 ikun japplika għal kooperazzjoni orizzontali, irid ikun hemm forma ta’ koordinazzjoni bejn il-kompetituri, jiġifieri ftehim bejn l-impriżi, deċiżjoni minn assoċjazzjoni ta’ impriżi jew prattika miftiehma.

Għall-finijiet tal-Artikolu 101 u ta’ dawn il-Linji Gwida, ftehim jirreferi għal żewġ impriżi jew aktar li esprimew qbil dwar rieda li jikkooperaw (11). Prattika miftiehma hija forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li fiha ma jkunux laħqu ftehim, iżda konxjament jissostitwixxu l-kooperazzjoni prattika bejniethom għar-riskji tal-kompetizzjoni (12). Il-kunċett ta’ prattika miftiehma jimplika, minbarra l-ftehim bejn l-impriżi parteċipi, aġir sussegwenti fis-suq u relazzjoni ta’ kawża u effett bejniethom it-tnejn (13).

15.

L-eżistenza ta’ ftehim, ta’ prattika miftiehma jew ta’ deċiżjoni b’assoċjazzjoni ta’ impriżi ma tindikax minnha nnifisha li hemm restrizzjoni tal-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1). Sabiex tiġi ffaċilitata r-referenza, sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor, f’dawn il-Linji Gwida, it-terminu “ftehim” jkopri wkoll il-prattiki miftiehma u d-deċiżjonijiet tal-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi.

16.

Jistgħu jiġu konklużi ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali bejn kompetituri attwali jew potenzjali. Żewġ impriżi jiġu ttrattati bħala kompetituri effettivi jekk ikunu attivi fl-istess suq tal-prodotti u suq ġeografiku. Impriża titqies bħala kompetitur potenzjali ta’ impriża oħra jekk, fin-nuqqas tal-ftehim, ikun probabbli li dik tal-ewwel, f’perjodu ta’ żmien qasir (14), twettaq l-investimenti addizzjonali neċessarji jew iġġarrab kostijiet ta’ bdil neċessarji oħrajn sabiex tidħol fis-suq rilevanti li fih tkun attiva dik imsemmija l-aħħar. L-istima għandha tkun ibbażata fuq sisien realistiċi; is-sempliċi possibbiltà teoretika li tidħol f’suq ma hijiex biżżejjed (15). Ir-referenzi f’dawn il-Linji Gwida għall-kompetituri jinkludu kemm kompetituri attwali kif ukoll dawk potenzjali, sakemm ma jkunx indikat mod ieħor.

Għall-valutazzjoni ta’ jekk impriża tistax titqies bħala kompetitur potenzjali ta’ impriża oħra, il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin jistgħu jkunu rilevanti:

(a)

jekk l-impriża jkollha intenzjoni soda u kapaċità inerenti li tidħol fis-suq f’perjodu ta’ żmien qasir u ma tiffaċċa l-ebda ostaklu għad-dħul li ma jistgħax jingħeleb (16);

(b)

jekk l-impriża tkunx ħadet passi preparatorji suffiċjenti sabiex tkun tista’ tidħol fis-suq ikkonċernat;

(c)

il-possibbiltajiet reali u konkreti tal-impriża li tkun għadha ma hijiex attiva sabiex tidħol f’dak is-suq u tikkompeti ma’ impriża waħda jew aktar - il-possibbiltà purament ipotetika li tidħol f’suq jew anke s-sempliċi ħajra jew xewqa ma hijiex biżżejjed;

(d)

l-istruttura tas-suq u l-kuntest ekonomiku u legali li topera fih (17);

(e)

il-perċezzjoni ta’ impriża li tkun stabbilita fis-suq hija fattur li huwa rilevanti għall-valutazzjoni tal-eżistenza ta’ relazzjoni kompetittiva bejn dik il-parti u impriża barra mis-suq peress li, jekk din tal-aħħar tkun perċepita bħala entrant potenzjali fis-suq, hija, sempliċiment fid-dawl tal-fatt li teżisti, tista’ teżerċita pressjoni kompetittiva fuq l-impriża li tkun stabbilita fis-suq.

1.2.2.   Qafas analitiku

17.

Il-valutazzjoni skont l-Artikolu 101 tikkonsisti f’żewġ passi. L-ewwel stadju, skont l-Artikolu 101(1), huwa li jiġi vvalutat jekk ftehim bejn impriżi, li jkun kapaċi jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, ikollux għan antikompetittiv jew effetti restrittivi attwali jew potenzjali (18) fuq il-kompetizzjoni.

18.

It-tieni stadju, skont l-Artikolu 101(3), li jsir rilevanti biss meta jinstab li ftehim jirrestrinġi l-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1), huwa li jiġu ddeterminati l-benefiċċji li jirriżultaw mill-ftehim u li jiġi vvalutat jekk dawk il-vantaġġi jikkumpensawx għall-iżvantaġġi għall-kompetizzjoni (19). L-ibbilanċjar ta’ dawn l-effetti restrittivi u prokompetittivi jsir esklużivament fil-qafas stabbilit mill-Artikolu 101(3) (20). Jekk il-vantaġġi għall-konsumaturi fis-suq rilevanti ma jisbqux ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, l-Artikolu 101(2) jistipula li l-ftehim għandu jkun awtomatikament null.

19.

L-Artikolu 101 ma japplikax meta l-imġiba antikompetittiva tal-impriżi tkun meħtieġa jew mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, jew minn qafas legali nazzjonali li jipprekludi l-ambitu kollu għal attività kompetittiva għall-impriżi involuti (21). F’sitwazzjonijiet bħal dawn, l-impriżi huma preklużi milli jinvolvu ruħhom f’imġiba awtonoma li tista’ tipprevjeni, tillimita jew tfixkel il-kompetizzjoni (22). Il-fatt li l-awtoritajiet pubbliċi jħeġġu ftehim ta’ kooperazzjoni orizzontali ma jfissirx li dan huwa permess skont l-Artikolu 101 (23). L-impriżi jibqgħu soġġetti għall-Artikolu 101 jekk id-dritt nazzjonali sempliċiment iħeġġeġ jew jagħmilha aktar faċli għalihom sabiex jinvolvu rwieħhom fi mġiba antikompetittiva awtonoma, pereżempju jekk l-impriżi jitħeġġu mill-awtoritajiet pubbliċi sabiex jidħlu fi ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali sabiex jilħqu objettiv tal-ordni pubbliku permezz ta’ awtoregolamentazzjoni.

1.2.3.   Valutazzjoni skont l-Artikolu 101(1)

1.2.3.1.   Vantaġġi tal-kooperazzjoni orizzontali

20.

Ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali jistgħu jwasslu għal benefiċċji ekonomiċi sostanzjali, inklużi benefiċċji għas-sostenibbiltà, b’mod partikolari meta jikkombinaw attivitajiet, ħiliet jew assi komplementari. Il-kooperazzjoni orizzontali tista’ tkun mezz sabiex jiġi kondiviż ir-riskju, jiġu ffrankati l-ispejjeż, jiżdiedu l-investimenti, jinġabar know-how, jittejbu l-kwalità u l-varjetà tal-prodotti u titnieda l-innovazzjoni aktar malajr. B’mod simili, il-kooperazzjoni orizzontali tista’ tkun mezz sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet u l-interruzzjonijiet fil-ktajjen tal-provvista jew sabiex jitnaqqsu d-dipendenzi fuq prodotti, fuq servizzi u fuq teknoloġiji partikolari.

1.2.3.2.   Tħassib li jirriżulta mill-kooperazzjoni orizzontali

21.

Madankollu, ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali jistgħu jillimitaw il-kompetizzjoni fis-suq rilevanti b’diversi modi. Tali ftehimiet jistgħu, pereżempju, iwasslu għal kollużjoni bejn il-partijiet jew għal esklużjoni antikompetittiva.

Ftehim ta’ kooperazzjoni orizzontali jista’ jnaqqas l-indipendenza tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-partijiet u, b’riżultat ta’ dan, iżid il-probabbiltà li dawn jikkoordinaw l-imġiba tagħhom sabiex jilħqu eżitu kollużiv. Jista’ wkoll jagħmel il-koordinazzjoni aktar faċli, aktar stabbli jew aktar effettiva għall-partijiet li diġà kienu qegħdin jikkoordinaw qabel, jew billi jagħmel il-koordinazzjoni aktar robusta jew billi jippermettilhom jitolbu prezzijiet ogħla. Il-kooperazzjoni orizzontali tista’, pereżempju, twassal għad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva, u b’hekk iżżid il-probabbiltà ta’ koordinazzjoni bejn il-partijiet fil-qasam tal-kooperazzjoni jew lil hinn minnu. Barra minn hekk, il-partijiet jistgħu jiksbu komunalità sinifikanti tal-kostijiet (jiġifieri, il-proporzjon ta’ kostijiet varjabbli li partijiet għandu jkollhom komuni bejniethom), sabiex il-partijiet ikunu jistgħu jikkoordinaw aktar faċilment il-prezzijiet tas-suq u l-output. Telf ta’ kompetizzjoni jista’ jkollu wkoll konsegwenzi negattivi għall-kwalità jew għall-varjetà ta’ prodotti, għall-innovazzjoni u għal parametri oħrajn tal-kompetizzjoni.

Ċerti ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali, pereżempju ftehimiet ta’ produzzjoni u ta’ standardizzazzjoni, jistgħu jikkawżaw esklużjoni antikompetittiva. Il-ftehim jista’ jipprevjeni jew jirrestrinġi lill-kompetituri tal-partijiet milli jikkompetu b’mod effettiv, pereżempju billi jċaħħadhom l-aċċess għal input importanti jew billi jimblokka rotta importanti għas-suq. Skambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva jista’ jqiegħed ukoll kompetituri mhux affiljati fi żvantaġġ kompetittiv sinifikanti meta mqabblin mal-impriżi li jipparteċipaw fl-iskambju.

1.2.4.   Restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan

22.

Ċerti tipi ta’ kooperazzjoni bejn l-impriżi jistgħu jitqiesu, min-natura tagħhom stess, bħala ta’ ħsara għall-funzjonament xieraq tal-kompetizzjoni normali (24). F’każijiet bħal dawn, ma huwiex meħtieġ li jiġu eżaminati l-effetti attwali jew potenzjali tal-imġiba fis-suq, ladarba jkun ġie stabbilit l-għan antikompetittiv tagħha (25).

23.

Il-kunċett ta’ restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” għandu jiġi interpretat b’mod strett u jista’ jiġi applikat biss għal ċerti ftehimiet bejn impriżi li jiżvelaw, minnhom infushom u fid-dawl tal-kontenut tad-dispożizzjonijiet tagħhom, l-objettivi tagħhom u l-kuntest ekonomiku u legali li jagħmlu parti minnu, grad suffiċjenti ta’ ħsara għall-kompetizzjoni sabiex jitqies li ma jkunx neċessarju li jiġu vvalutati l-effetti tagħhom (26).

24.

Skont il-ġurisprudenza, ir-restrizzjonijiet jistgħu jiġu kkategorizzati bħala restrizzjonijiet “minħabba l-għan” fuq il-bażi ta’ esperjenza affidabbli u robusta biżżejjed sabiex jitqies li l-ftehim inkwistjoni jkun, min-natura tiegħu stess, ta’ ħsara għall-funzjonament xieraq tal-kompetizzjoni (27), jew fuq il-bażi tal-karatteristiċi speċifiċi tal-ftehim, li minnhom ikun possibbli li tiġi identifikata l-ħsara partikolari tiegħu għall-kompetizzjoni, meta xieraq bħala riżultat ta’ analiżi dettaljata tal-ftehim, tal-objettivi tiegħu u tal-kuntest ekonomiku u legali tiegħu (28).

25.

Sabiex tiġi stabbilita restrizzjoni “minħabba l-għan”, ma hemmx bżonn li jkun hemm rabta diretta bejn il-ftehim u l-prezzijiet tal-konsumatur (29). L-Artikolu 101 huwa mfassal sabiex jipproteġi mhux biss l-interessi immedjati tal-kompetituri jew tal-konsumaturi individwali iżda wkoll sabiex jipproteġi l-istruttura tas-suq u b’hekk il-kompetizzjoni minnha nfisha (30).

26.

Sabiex jiġi vvalutat jekk ftehim ikollux għan antikompetittiv (31), jitqiesu l-elementi li ġejjin:

(a)

il-kontenut tal-ftehim,

(b)

l-objettivi li jfittex li jilħaq, u

(c)

il-kuntest ekonomiku u legali li minnu jifforma parti.

27.

Meta jiġi vvalutat dak il-kuntest legali u ekonomiku, huwa neċessarju li jitqiesu wkoll (32):

(a)

in-natura tal-oġġetti jew tas-servizzi affettwati, u

(b)

il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq jew tas-swieq inkwistjoni (33).

28.

Meta l-partijiet isemmu l-effetti prokompetittivi possibbli ta’ ftehim, dawk l-effetti jridu jitqiesu kif xieraq bħala elementi ta’ kuntest għall-finijiet tal-kategorizzazzjoni tal-ftehim bħala restrizzjoni minħabba l-għan, sa fejn ikunu kapaċi jqajmu dubji dwar il-valutazzjoni ġenerali ta’ jekk il-ftehim ikunx ta’ ħsara b’mod suffiċjenti għall-kompetizzjoni (34). Madankollu, għal dawn l-għanijiet, tali effetti prokompetittivi ma għandhomx biss jintwerew u jkunu rilevanti, iżda jridu jkunu wkoll speċifikament relatati mal-ftehim ikkonċernat u sinifikanti biżżejjed (35).

29.

L-intenzjoni tal-partijiet ma hijiex fattur neċessarju sabiex jiġi ddeterminat jekk ftehim ikollux għan antikompetittiv, iżda tista’ titqies (36).

1.2.5.   Effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni

30.

Ftehim ta’ kooperazzjoni orizzontali li fih innifsu ma jiżvela l-ebda grad suffiċjenti ta’ ħsara għall-kompetizzjoni xorta jista’ jkollu effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni. Sabiex ftehim ta’ kooperazzjoni orizzontali jkollu effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni, huwa jrid ikollu, jew ikun probabbli li jkollu, impatt negattiv sinifikanti fuq mill-inqas wieħed mill-parametri tal-kompetizzjoni fis-suq, bħall-prezz, il-produzzjoni, il-kwalità tal-prodotti, il-varjetà tal-prodotti jew l-innovazzjoni. Sabiex jiġi stabbilit jekk dan huwiex il-każ, huwa neċessarju li tiġi vvalutata l-kompetizzjoni fil-kuntest attwali li fih isseħħ li kieku ma kienx jeżisti l-ftehim (37).

31.

Il-ftehimiet jista’ jkollhom effetti restrittivi billi jnaqqsu b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni bejn l-impriżi li huma partijiet għall-ftehim jew bejn kwalunkwe waħda minnhom u parti terza. Dan ifisser li l-ftehim irid inaqqas l-indipendenza tal-partijiet fit-teħid ta’ deċiżjonijiet (38) jew minħabba l-obbligi li jkunu jinsabu fil-ftehim li jirregolaw l-aġir fis-suq ta’ mill-anqas waħda mill-partijiet jew billi jinfluwenza l-aġir fis-suq ta’ mill-anqas waħda mill-partijiet, pereżempju billi tiġi kkawżata bidla fl-inċentivi tagħha.

32.

Sabiex jiġi vvalutat jekk ftehim għandux effetti restrittivi, huma rilevanti l-fatturi li ġejjin:

(a)

in-natura u l-kontenut tal-ftehim;

(b)

il-kuntest attwali li fih isseħħ il-kooperazzjoni, b’mod partikolari l-kuntest ekonomiku u legali li fih joperaw l-impriżi kkonċernati, in-natura tal-oġġetti jew tas-servizzi affettwati, u l-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq jew tas-swieq inkwistjoni (39);

(c)

kemm il-partijiet b’mod individwali jew konġunt għandhom jew jiksbu ċertu grad ta’ saħħa fis-suq (40), u kemm il-ftehim jikkontribwixxi għall-ħolqien, għaż-żamma jew għat-tisħiħ ta’ dik is-saħħa fis-suq jew jippermetti lill-partijiet jisfruttaw tali saħħa fis-suq;

(d)

l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni jistgħu jkunu attwali u potenzjali, iżda fi kwalunkwe każ iridu jkunu apprezzabbli biżżejjed (41).

33.

F’xi każijiet, l-impriżi jidħlu fi ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali minħabba li, fuq il-bażi ta’ fatturi oġġettivi, ma jkunux jistgħu jwettqu l-proġett jew l-attività koperta mill-kooperazzjoni b’mod indipendenti, pereżempju, minħabba l-kapaċitajiet tekniċi limitati tagħhom. Tali ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali ġeneralment ma jagħtux lok għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1), sakemm il-partijiet ma kinux jistgħu jwettqu l-proġett b’restrizzjonijiet anqas stretti (42).

1.2.6.   Restrizzjonijiet anċillari

34.

Meta l-impriżi jinvolvu rwieħhom f’kooperazzjoni li ma taqax taħt il-projbizzjoni tal-Artikolu 101(1), minħabba li jkollha effetti newtrali jew pożittivi fuq il-kompetizzjoni, restrizzjoni tal-awtonomija kummerċjali ta’ waħda jew aktar mill-impriżi parteċipi lanqas ma taqa’ taħt dik il-projbizzjoni dment li dik ir-restrizzjoni tkun oġġettivament neċessarja sabiex tiġi implimentata l-kooperazzjoni u tkun proporzjonata għall-objettivi tal-kooperazzjoni (l-hekk imsejħin “restrizzjonijiet anċillari”) (43). Sabiex jiġi ddeterminat jekk restrizzjoni tikkostitwixxix restrizzjoni anċillari, huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-kooperazzjoni tkunx impossibbli li titwettaq fin-nuqqas tar-restrizzjoni inkwistjoni. Il-fatt li l-kooperazzjoni hija sempliċiment aktar diffiċli sabiex tiġi implimentata, jew anqas profittabbli mingħajr ir-restrizzjoni kkonċernata, ma jagħmilx dik ir-restrizzjoni “oġġettivament neċessarja” u, għalhekk, anċillari (44).

1.2.7.   Valutazzjoni skont l-Artikolu 101(3)

35.

Il-valutazzjoni tar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan jew b’effett skont l-Artikolu 101(1) hija biss parti waħda mill-analiżi skont l-Artikolu 101. In-naħa l-oħra hija l-valutazzjoni ta’ jekk ftehim restrittiv jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) (45). Meta jiġi stabbilit li ftehim jirrestrinġi l-kompetizzjoni minħabba l-għan jew b’effett skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1), l-Artikolu 101(3) jista’ jiġi invokat bħala difiża. L-oneru tal-provi skont l-Artikolu 101(3) jaqa’ fuq l-impriża/i li tinvoka/jinvokaw il-benefiċċju ta’ dik id-dispożizzjoni (46). Fi kliem ieħor, huwa f’idejn l-impriża/i li tagħti/jagħtu prova li l-ftehim inkwistjoni x’aktarx iwassal għal effetti prokompetittivi (47).

36.

L-applikazzjoni tar-regola ta’ eċċezzjoni tal-Artikolu 101(3) hija soġġetta għal erba’ kundizzjonijiet kumulattivi, tnejn pożittivi u tnejn negattivi:

(a)

il-ftehim irid iwassal għal titjib fl-effiċjenza, jiġifieri, irid jikkontribwixxi għat-titjib tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni tal-prodotti jew jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-progress tekniku jew ekonomiku;

(b)

ir-restrizzjonijiet iridu jkunu indispensabbli sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi, jiġifieri t-titjib fl-effiċjenza;

(c)

il-konsumaturi jridu jirċievu sehem ġust mill-benefiċċji li jirriżultaw, jiġifieri t-titjib fl-effiċjenza, inkluż it-titjib fl-effiċjenza kwalitattiva, miksub bir-restrizzjonijiet indispensabbli, irid jingħadda b’mod suffiċjenti lill-konsumaturi sabiex tal-anqas il-konsumaturi jiġu kkumpensati għall-effetti restrittivi tal-ftehim. B’hekk, l-effiċjenzi li jakkumulaw biss għall-partijiet għall-ftehim mhux se jkunu biżżejjed. Għall-finijiet ta’ dawn il-Linji Gwida, “konsumaturi” huma l-klijenti tal-partijiet għall-ftehim u x-xerrejja sussegwenti (48);

(d)

l-ftehim ma jridx jagħti lill-partijiet il-possibbiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ parti sostanzjali mill-prodotti inkwistjoni.

37.

Ir-REK R&Ż u r-REK ta’ Speċjalizzazzjoni huma bbażati fuq il-premessa li l-kombinazzjoni ta’ ħiliet jew ta’ assi komplementari jistgħu jkunu sors ta’ effiċjenzi sostanzjali fil-ftehimiet ta’ R&Ż u ta’ speċjalizzazzjoni. Tipi oħrajn ta’ kooperazzjoni orizzontali jistgħu bl-istess mod jikkombinaw il-ħiliet u l-assi sabiex jipproduċu effiċjenzi sostanzjali. Għalhekk, l-analiżi tal-effiċjenzi ġġenerati minn ftehim ta’ kooperazzjoni skont l-Artikolu 101(3) hija fil-parti l-kbira kwistjoni li jiġu identifikati l-kapaċitajiet u l-assi komplementari li kull waħda mill-partijiet iġġib għall-kooperazzjoni u li jiġi evalwat jekk l-effiċjenzi li jirriżultaw ikunux tali li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3).

Il-komplementarjetajiet jistgħu jinħolqu minn ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali b’diversi modi. Ftehim ta’ R&Ż jista’ jgħaqqad flimkien kapaċitajiet ta’ riċerka differenti u jikkombina ħiliet u assi komplementari li jistgħu jirriżultaw fl-iżvilupp u fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti u ta’ teknoloġiji ġodda jew imtejbin li kieku ma kinux jeżistu. Ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali oħrajn jistgħu jippermettu lill-partijiet jgħaqqdu l-forzi sabiex ifasslu, jipproduċu u jikkummerċjalizzaw prodotti jew jixtru b’mod konġunt prodotti jew servizzi li għandhom bżonn għall-attivitajiet tagħhom.

38.

Il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali li ma jinvolvux il-kombinazzjoni ta’ ħiliet jew assi komplementari huma inqas probabbli li jwasslu għat-titjib fl-effiċjenza li jibbenefikaw minnu l-konsumaturi.

1.2.8.   Ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali li ġeneralment jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1)

39.

Il-ftehimiet li ma humiex kapaċi jaffettwaw b’mod sinifikanti l-kummerċ bejn l-Istati Membri (nuqqas ta’ effett fuq il-kummerċ) jew li ma jirrestrinġux il-kompetizzjoni b’mod sinifikanti (ftehimiet ta’ importanza minuri) jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) (49). Il-Kummissjoni pprovdiet gwida dwar in-nuqqas ta’ effett fuq il-kummerċ fil-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar il-kunċett tal-effett fuq il-kummerċ li jinsab fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (50) (il-“Linji Gwida dwar l-Effett fuq il-Kummerċ”), u dwar ftehimiet ta’ importanza minuri fl-Avviż tal-Kummissjoni dwar ftehimiet ta’ importanza minuri li ma jirrestrinġux b’mod apprezzabbli l-kompetizzjoni skont l-Artikolu 101(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (51) (l-“l-Avviż De Minimis”). Kemm il-Linji Gwida dwar l-Effett fuq il-Kummerċ kif ukoll l-Avviż De Minimis huma partikolarment rilevanti għall-valutazzjoni ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali bejn intrapriżi żgħar u medji (“SMEs”) (52). Dawn il-Linji Gwida ma jaffettwawx il-Linji Gwida dwar l-Effett fuq il-Kummerċ u l-Avviż De Minimis, u lanqas kwalunkwe gwida futura tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

40.

Il-Linji Gwida dwar l-Effett fuq il-Kummerċ stabbilew il-prinċipji żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabiex jinterpretaw il-kunċett tal-effett fuq il-kummerċ u jindikaw meta l-ftehimiet x’aktarx ma jkunux kapaċi jaffettwaw b’mod sinifikanti l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Jinkludu suppożizzjoni konfutabbli negattiva li tapplika għall-ftehimiet kollha skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1), irrispettivament min-natura tar-restrizzjonijiet inklużi f’tali ftehimiet, u b’hekk tapplika wkoll għal ftehimiet li fihom restrizzjonijiet fundamentali (53). Skont din il-preżunzjoni, fil-prinċipju, l-ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali ma jistgħux jaffettwaw b’mod sinifikanti l-kummerċ bejn l-Istati Membri fejn:

(a)

is-sehem mis-suq aggregat tal-partijiet fi kwalunkwe suq rilevanti fl-Unjoni affettwat mill-ftehim ma jaqbiżx il-5 %, u

(b)

il-fatturat annwali aggregat tal-Unjoni tal-impriżi kkonċernati fil-prodotti koperti mill-ftehim ma jaqbiżx l-EUR 40 miljun (54). Fil-każ ta’ ftehimiet li jikkonċernaw ix-xiri konġunt ta’ prodotti, il-fatturat rilevanti huwa x-xiri kombinat tal-partijiet tal-prodotti koperti mill-ftehim.

41.

Kif stabbilit fl-Avviż De Minimis, ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali konklużi minn kompetituri attwali jew potenzjali ma jirrestrinġux b’mod apprezzabbli l-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) jekk is-sehem mis-suq aggregat miżmum mill-partijiet għall-ftehim ma jaqbiżx l-10 % fi kwalunkwe wieħed mis-swieq rilevanti affettwati mill-ftehim (55). Din ir-regola ġenerali hija soġġetta għal żewġ eċċezzjonijiet. L-ewwel nett, fir-rigward tar-restrizzjonijiet minħabba l-għan, l-Artikolu 101(1) japplika irrispettivament mill-ishma mis-suq tal-partijiet. Dan għaliex ftehim li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li għandu għan antikompetittiv jista’, min-natura tiegħu u indipendentement minn kwalunkwe effett konkret, jikkostitwixxi restrizzjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni (56). It-tieni, il-limitu tas-sehem mis-suq ta’ 10 % jitnaqqas għal 5 % meta, f’suq rilevanti, il-kompetizzjoni tkun ristretta mill-effett kumulattiv ta’ networks paralleli ta’ ftehimiet (57).

42.

Barra minn hekk, ma hemm l-ebda suppożizzjoni li l-ftehimiet orizzontali konklużi minn impriżi li għandhom sehem mis-suq aggregat li jaqbeż l-10 %, jaqgħu awtomatikament fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1). Tali ftehimiet xorta jista’ ma jkollhomx effett sinifikanti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri jew jista’ jkun li ma jkunux jikkostitwixxu restrizzjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni (58). Għalhekk, jeħtieġ li dawn jiġu vvalutati fil-kuntest legali u ekonomiku tagħhom. Dawn il-Linji Gwida jinkludu kriterji għall-valutazzjoni individwali ta’ ftehimiet bħal dawn.

1.3.   Relazzjoni ma’ gwida, ma’ leġiżlazzjoni u ma’ ġurisprudenza oħrajn

43.

Ftehimiet konklużi bejn impriżi li joperaw f’livelli differenti tal-katina tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni, jiġifieri, ftehimiet vertikali, ġeneralment ikunu koperti mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 2022/720 (59) (“VBER”) u mill-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Avviż tal-Kummissjoni – Linji Gwida dwar ir-Restrizzjonijiet Vertikali (60) (“il-Linji Gwida Vertikali”). Madankollu, meta jiġu konklużi ftehimiet vertikali bejn kompetituri, dawn jistgħu jqajmu tħassib dwar il-kompetizzjoni li jkun simili għal dak imqajjem minn ftehimiet orizzontali. Għal dik ir-raġuni, ftehimiet vertikali bejn kompetituri ma jistgħux, b’mod ġenerali, jibbenefikaw mill-VBER (61) u l-ewwel għandhom jiġu vvalutati bl-użu ta’ dawn il-Linji Gwida. Meta dik il-valutazzjoni twassal għall-konklużjoni li l-ftehim ma joħloqx tħassib orizzontali, kwalunkwe restrizzjoni vertikali fil-ftehim għandha, addizzjonalment, tiġi vvalutata bl-użu tal-Linji Gwida Vertikali.

44.

Meta dawn il-Linji Gwida jirreferu għas-suq rilevanti, l-Avviż tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-għanijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Unjoni (62) (l-“Avviż dwar id-Definizzjoni tas-Swieq”) jipprovdi gwida dwar ir-regoli, il-kriterji u l-evidenza li l-Kummissjoni tuża għall-fini tad-definizzjoni tas-swieq rilevanti. Għalhekk, dak l-Avviż u kwalunkwe gwida futura tal-Kummissjoni relatata mad-definizzjoni tas-swieq rilevanti għall-finijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għandhom jitqiesu għall-valutazzjoni tal-ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali skont l-Artikolu 101.

45.

Għalkemm dawn il-linji gwida fihom ċerti referenzi għal kartelli, ma humiex maħsubin bħala gwida dwar x’jikkostitwixxi jew ma jikkostitwixxix kartell kif definit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mill-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni.

46.

Dawn il-Linji Gwida japplikaw għall-aktar tipi komuni ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali, irrispettivament mil-livell ta’ integrazzjoni li jinvolvu, bl-eċċezzjoni ta’ operazzjonijiet li jikkostitwixxu konċentrazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (63) (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”). Ir-Regolament dwar l-Għaqdiet japplika, pereżempju, għall-ħolqien ta’ impriżi konġunti li jwettqu fuq bażi dejjiema l-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma (“impriżi konġunti b’funzjoni sħiħa”) (64).

47.

Dawn il-Linji Gwida ma japplikawx għal ftehimiet, għal deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet jew għal prattiki miftehmin ta’ produtturi ta’ prodotti agrikoli li huma relatati mal-produzzjoni jew mal-kummerċ fi prodotti agrikoli u li għandhom l-għan li japplikaw standard ta’ sostenibbiltà ogħla minn dak awtorizzat mid-dritt tal-Unjoni jew minn dak nazzjonali u li huma esklużi mill-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) skont l-Artikolu 210a tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (65). Dawn il-Linji Gwida huma mingħajr preġudizzju għal-Linji Gwida li l-Kummissjoni tista’ toħroġ skont l-Artikolu 210a(5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Madankollu, il-ftehimiet, id-deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet u l-prattiki miftehmin mill-produtturi ta’ prodotti agrikoli li huma relatati mal-produzzjoni jew mal-kummerċ ta’ prodotti agrikoli u li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 210a tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 huma soġġetti għall-Artikolu 101(1).

48.

Il-valutazzjoni skont l-Artikolu 101 kif deskritta f’dawn il-Linji Gwida hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni parallella possibbli tal-Artikolu 102 tat-Trattat għal ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali (66).

49.

Dawn il-Linji Gwida huma mingħajr preġudizzju għall-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tista’ tagħti lill-applikazzjoni tal-Artikolu 101 għall-ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali.

50.

Dawn il-Linji Gwida ma japplikawx sal-punt li japplikaw regoli speċifiċi għas-settur, kif inhu l-każ għal ċerti ftehimiet fil-qasam tal-agrikoltura (67) jew tat-trasport (68). Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-operat tar-REK R&Ż u tar-REK Speċjalizzazzjoni u ta’ dawn il-Linji Gwida abbażi tal-informazzjoni tas-suq minn partijiet ikkonċernati u awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u tista’ tirrevedi dawn il-Linji Gwida fid-dawl tal-iżviluppi futuri u tal-għarfien li qed jevolvi.

2.   FTEHIMIET TA’ RIĊERKA U ŻVILUPP

2.1.   Introduzzjoni

51.

Dan il-Kapitolu jipprovdi gwida dwar il-valutazzjoni kompetittiva tal-ftehimiet ta’ riċerka u ta’ żvilupp (“R&Ż”) relatati ma’ prodotti, ma’ teknoloġiji jew ma’ proċessi (69).

52.

Il-ftehimiet ta’ riċerka u żvilupp ivarjaw fil-forma u l-ambitu. Jinkludu ftehimiet li taħthom parti waħda tiffinanzja r-R&Ż imwettqin minn parti oħra (R&Ż “bi ħlas”); ftehimiet li jkopru t-titjib konġunt ta’ prodotti u ta’ teknoloġiji eżistenti, u ftehimiet li jikkonċernaw l-iżvilupp ta’ prodotti u ta’ teknoloġiji li joħolqu domanda kompletament ġdida. Il-kooperazzjoni fir-R&Ż tista’ tieħu l-forma ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni jew ta’ impriża konġunta, jiġifieri kumpanija kkontrollata b’mod konġunt (70). L-impriżi jistgħu jikkooperaw ukoll f’forom aktar laxki, bħall-kooperazzjoni teknika fil-gruppi ta’ ħidma.

53.

Il-ftehimiet ta’ R&Ż jistgħu jiġu konklużi minn impriżi kbar, minn SMEs (71), minn negozji ġodda, minn korpi akkademiċi jew istituti tar-riċerka, jew minn kwalunkwe taħlita ta’ dawn.

54.

Il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni fir-R&Ż spiss ikollhom effetti prokompetittivi, b’mod partikolari meta jiġbru flimkien impriżi b’ħiliet u b’assi komplementari u jippermettulhom jiżviluppaw u jikkummerċjalizzaw prodotti u teknoloġiji ġodda u mtejbin aktar malajr milli kieku kien ikun il-każ. Madankollu, il-ftehimiet ta’ R&Ż jistgħu jirrestrinġu wkoll il-kompetizzjoni b’diversi modi. L-ewwel nett, jistgħu jnaqqsu jew itaffu r-rata tal-innovazzjoni, li jwassal għal anqas prodotti li jidħlu fis-suq jew għal prodotti ta’ kwalità agħar li jidħlu fis-suq, jew iwassal għad-dħul ta’ prodotti ġodda fis-suq aktar tard milli kieku kien ikun il-każ. Dan jista’ jseħħ anki meta l-kooperazzjoni tkun tikkonċerna l-iżvilupp ta’ prodotti jew ta’ teknoloġiji li joħolqu domanda kompletament ġdida jew tikkonċerna sforzi bikrin ta’ innovazzjoni li ma humiex relatati mill-qrib ma’ prodott jew ma’ teknoloġija speċifika, iżda huma diretti lejn applikazzjoni jew użu partikolari. It-tieni, il-ftehimiet ta’ R&Ż jistgħu jwasslu għal tnaqqis fil-kompetizzjoni bejn il-partijiet barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim ta’ kooperazzjoni u/jew, f’każijiet li fihom waħda jew aktar mill-partijiet ikollha s-saħħa fis-suq, għall-esklużjoni antikompetittiva ta’ partijiet terzi.

55.

Dan il-Kapitolu huwa strutturat kif ġej:

(a)

It-Taqsima 2.2 tipprovdi gwida dwar l-applikazzjoni tar-REK R&Ż, inklużi l-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni tal-ftehimiet ta’ R&Ż, il-limiti, u r-restrizzjonijiet fundamentali u esklużi;

(b)

It-Taqsima 2.3 tipprovdi gwida dwar il-valutazzjoni individwali tal-ftehimiet ta’ R&Ż skont l-Artikolu 101(1);

(c)

It-Taqsima 2.4 tipprovdi gwida dwar il-valutazzjoni individwali tal-ftehimiet ta’ R&Ż skont l-Artikolu 101(3);

(d)

It-Taqsima 2.5 tipprovdi gwida dwar il-perjodu ta’ żmien rilevanti għall-valutazzjoni tal-ftehimiet ta’ R&Ż;

(e)

It-Taqsima 2.6 tipprovdi eżempji ta’ ftehimiet ipotetiċi ta’ R&Ż, flimkien ma’ gwida dwar il-valutazzjoni kompetittiva tagħhom.

2.2.   Ir-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija tar-R&Ż (“ir-REK R&Ż”)

56.

Ir-REK R&Ż (72) jeżenta ċerti ftehimiet ta’ R&Ż mill-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1). L-eżenzjoni pprovduta mir-REK R&Ż hija bbażata fuq is-suppożizzjoni li – sa fejn ftehim ta’ R&Ż jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) u jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-REK R&Ż – ġeneralment ikun jissodisfa l-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi tal-Artikolu 101(3). Sabiex iħaffu l-proċess, l-impriżi li jkollhom l-intenzjoni li jidħlu fi ftehim ta’ R&Ż jaf jaqblilhom li l-ewwel jikkunsidraw jekk il-ftehim tagħhom jistax jibbenefika mir-REK R&Ż.

57.

Ftehimiet ta’ R&Ż li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tar-REK R&Ż huma kompatibbli mal-Artikolu 101 u ma hija neċessarja l-ebda valutazzjoni ulterjuri (73). Meta ftehim ta’ R&Ż ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tar-REK R&Ż, huwa neċessarju li titwettaq valutazzjoni individwali skont l-Artikolu 101 sabiex jiġi ddeterminat, l-ewwel nett, jekk il-ftehim jirrestrinġix il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) (74) u, jekk iva, jekk il-ftehim jissodisfax l-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti fl-Artikolu 101(3).

2.2.1.   Definizzjoni ta’ riċerka u żvilupp fir-REK R&Ż

58.

Ir-REK R&Ż jiddefinixxi r-riċerka u l-iżvilupp bħala attivitajiet bl-għan li jinkiseb know-how marbut ma’ prodotti jew ma’ teknoloġiji, it-twettiq ta’ analiżi teoretika, l-istudju sistematiku jew l-esperimentazzjoni, inklużi l-produzzjoni sperimentali u ta’ dimostrazzjoni, l-ittestjar tekniku ta’ prodotti jew ta’ proċessi, l-istabbiliment tal-faċilitajiet neċessarji sal-iskala tal-mudelli ta’ dimostrazzjoni u l-kisba ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali għar-riżultati (75).

2.2.2.   Definizzjoni ta’ ftehimiet ta’ R&Ż fir-REK R&Ż

59.

Ir-REK R&Ż ikopri ftehimiet ta’ R&Ż konklużi bejn żewġ partijiet jew aktar li huma relatati mal-kundizzjonijiet li fihom il-partijiet iwettqu waħda mill-attivitajiet li ġejjin (76):

(a)

R&Ż konġunti ta’ prodotti tal-kuntratt jew ta’ teknoloġiji tal-kuntratt, li jistgħu jinkludu jew ma jinkludux sfruttament konġunt tar-riżultati tar-R&Ż; jew

(b)

R&Ż bi ħlas ta’ prodotti tal-kuntratt jew ta’ teknoloġiji tal-kuntratt, li jistgħu jinkludu jew ma jinkludux sfruttament konġunt tar-riżultati tar-R&Ż; jew

(c)

l-isfruttament konġunt tar-riżultati ta’ riċerka u żvilupp ta’ prodotti jew teknoloġiji tal-kuntratt imwettaq skont ftehim minn qabel li jsegwi r-riċerka u l-iżvilupp konġunti (kif definit fil-punt (a) hawn fuq) bejn l-istess partijiet; jew

(d)

l-isfruttament konġunt tar-riżultati ta’ riċerka u żvilupp ta’ prodotti jew teknoloġiji tal-kuntratt imwettaq skont ftehim minn qabel li jsegwi r-riċerka u l-iżvilupp bi ħlas (kif definit fil-punt (b) hawn fuq) bejn l-istess partijiet.

60.

Għall-finijiet tar-REK R&Ż, “prodotti tal-kuntratt” u “teknoloġiji tal-kuntratt” għandhom it-tifsira li ġejja:

(a)

“prodott tal-kuntratt” (77) tfisser prodott li jirriżulta mir-R&Ż konġunti jew bi ħlas jew li jiġi prodott bl-applikazzjoni tat-teknoloġiji tal-kuntratt. “Prodott” tfisser oġġett jew servizz, inklużi kemm l-oġġetti u s-servizzi intermedjarji kif ukoll l-oġġetti u s-servizzi finali (78);

(b)

“teknoloġija tal-kuntratt” (79) tfisser teknoloġija jew proċess li jirriżultaw mir-R&Ż konġunti jew bi ħlas.

61.

Tipi oħrajn ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni fir-R&Ż ma humiex koperti mir-REK R&Ż. Ftehimiet bħal dawn dejjem jeħtieġu valutazzjoni individwali skont l-Artikolu 101 (ara t-Taqsimiet 2.3 u 2.4).

2.2.2.1.   Id-distinzjoni bejn “R&Ż konġunti” u “R&Ż bi ħlas” u l-kunċett ta’ “speċjalizzazzjoni fil-kuntest tar-R&Ż”

62.

R&Ż Konġunti” hija definita bħala R&Ż imwettqin b’wieħed mill-modi li ġejjin (80):

(a)

l-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp jitwettqu minn tim konġunt, organizzazzjoni konġunta jew impriża konġunta;

(b)

il-partijiet, b’mod konġunt, jinkarigaw lil parti terza bl-attivitajiet tar-R&Ż (81); jew

(c)

il-partijiet jallokaw l-attivitajiet bejniethom permezz ta’ “speċjalizzazzjoni fil-kuntest tar-R&Ż”. Dan ifisser li kull waħda mill-partijiet tkun involuta fl-attivitajiet ta’ R&Ż u jaqsmu x-xogħol ta’ R&Ż bejniethom bi kwalunkwe mod li jqisu xieraq. Dan ma jinkludix R&Ż bi ħlas (82).

63.

R&Ż bi ħlas” tfisser ir-R&Ż li jitwettqu minn tal-anqas parti waħda filwaqt li tal-anqas parti oħra tiffinanzja r-R&Ż iżda ma twettaq l-ebda waħda mill-attivitajiet ta’ R&Ż hija stess.

64.

Id-distinzjoni bejn R&Ż konġunti u R&Ż bi ħlas hija rilevanti għall-fini tal-applikazzjoni tal-limitu tas-sehem mis-suq li jinsab fir-REK R&Ż. Għar-R&Ż bi ħlas, sabiex jiġu kkalkolati l-ishma mis-suq, il-partijiet jeħtiġilhom iqisu wkoll kwalunkwe ftehim ta’ R&Ż konkluż mill-parti li tiffinanzja ma’ partijiet terzi b’rabta mal-istess prodotti tal-kuntratt jew teknoloġiji tal-kuntratt (ara t-Taqsima 2.2.3.4).

2.2.2.2.   “Sfruttament konġunt” tar-riżultati tar-R&Ż u “speċjalizzazzjoni fil-kuntest ta’ sfruttament konġunt”

65.

Ir-REK R&Ż ikopri ftehimiet li jinkludu l-isfruttament konġunt tar-riżultati tar-R&Ż. Madankollu, l-eżenzjoni ta’ kategorija ta’ tali ftehimiet hija soġġetta għal kundizzjonijiet speċifiċi (ara t-Taqsima 2.2.3.3).

66.

Sfruttament tar-riżultati” huwa kunċett mifrux, li jinkludi l-produzzjoni jew id-distribuzzjoni tal-prodotti tal-kuntratt jew l-applikazzjoni tat-teknoloġiji tal-kuntratt jew l-assenjazzjoni jew il-liċenzjar tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jew il-komunikazzjoni tan-know-how meħtieġ għal tali produzzjoni, distribuzzjoni jew applikazzjoni (83).

67.

Sfruttament konġunt tar-riżultati tar-R&Ż huwa kopert biss mir-REK R&Ż jekk ir-riżultati jkunu:

(a)

indispensabbli għall-produzzjoni tal-prodotti tal-kuntratt jew għall-applikazzjoni tat-teknoloġiji tal-kuntratt; u

(b)

protetti mid-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jew jikkostitwixxu know-how (84).

68.

L-isfruttament konġunt tar-riżultati tar-R&Ż konġunti jew bi ħlas jista’ jiġi previst fil-ftehim oriġinali ta’ R&Ż jew jista’ jseħħ fil-kuntest ta’ ftehim sussegwenti li jkopri l-isfruttament konġunt tar-riżultati ta’ ftehim preċedenti ta’ R&Ż li jkun ġie konkluż bejn l-istess partijiet (85). Fil-każ tal-aħħar, il-ftehim preċedenti ta’ R&Ż irid jissodisfa l-kundizzjonijiet tar-REK R&Ż sabiex il-ftehim ta’ sfruttament konġunt sussegwenti jkun kopert mill-eżenzjoni ta’ kategorija.

69.

Ir-REK R&Ż jipprevedi tliet modi differenti li bihom ir-riżultati tar-R&Ż jistgħu jiġu sfruttati b’mod konġunt (86):

(a)

L-isfruttament jista’ jitwettaq flimkien mill-partijiet f’tim konġunt, f’organizzazzjoni konġunta jew f’impriża konġunta;

(b)

Il-partijiet jistgħu jafdaw b’mod konġunt lil parti terza bil-ħidma ta’ sfruttament (87);

(c)

Il-partijiet jistgħu jallokaw ix-xogħol bejniethom permezz ta’ speċjalizzazzjoni fil-kuntest tal-isfruttament, li jfisser li (88):

(i)

il-partijiet jallokaw bejniethom kompiti individwali bħall-produzzjoni jew id-distribuzzjoni. Dan jinkludi xenarju li fih parti waħda biss tipproduċi u tiddistribwixxi l-prodotti tal-kuntratt jew tapplika t-teknoloġiji tal-kuntratt fuq il-bażi ta’ liċenzja esklużiva mogħtija mill-partijiet l-oħrajn; jew

(ii)

il-partijiet jimponu restrizzjonijiet fuq xulxin rigward l-isfruttament tar-riżultati, bħal restrizzjonijiet fir-rigward ta’ ċerti territorji, klijenti jew oqsma ta’ użu.

70.

Meta l-partijiet jaqblu li jispeċjalizzaw fil-kuntest tal-isfruttament, huma jistgħu jaqblu dwar restrizzjonijiet korrispondenti fuq l-aċċess tagħhom għar-riżultati għall-finijiet ta’ sfruttament. Pereżempju, jistgħu jaqblu li jirrestrinġu d-drittijiet ta’ ċerti partijiet sabiex jisfruttaw ir-riżultati tar-R&Ż f’ċerti territorji, oqsma ta’ użu jew fir-rigward ta’ ċerti klijenti.

2.2.2.3.   Ċessjoni u liċenzjar tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali

71.

L-eżenzjoni prevista mir-REK R&Ż tapplika wkoll għal ftehimiet ta’ R&Ż li jinkludu dispożizzjonijiet dwar iċ-ċessjoni jew il-liċenzjar ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali lil parti waħda jew aktar jew lil entità stabbilita mill-partijiet sabiex twettaq R&Ż konġunti jew bi ħlas jew l-isfruttament konġunt tar-riżultati tar-R&Ż, dment li dawk id-dispożizzjonijiet ma jkunux jikkostitwixxu l-għan primarju tal-ftehim ta’ R&Ż iżda jkunu relatati b’mod dirett mal-implimentazzjoni ta’ dak il-ftehim u neċessarji għalih (89). F’dawk il-każijiet, id-dispożizzjonijiet dwar iċ-ċessjoni u l-liċenzjar ikunu koperti mir-REK R&Ż u mhux mir-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija tat-Trasferiment tat-Teknoloġija (90).

72.

Madankollu, fil-kuntest tal-ftehimiet ta’ R&Ż, il-partijiet jistgħu jaqblu wkoll dwar il-kundizzjonijiet għall-liċenzjar tar-riżultati tar-R&Ż lil partijiet terzi. Tali ftehimiet ta’ liċenzjar ma humiex koperti mir-REK R&Ż iżda jistgħu jkunu koperti mir-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija tat-Trasferiment tat-Teknoloġija jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament (91).

2.2.3.   Il-kundizzjonijiet għal eżenzjoni skont ir-REK R&Ż

73.

Ir-REK R&Ż jistabbilixxi diversi kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati sabiex ftehim ta’ R&Ż jibbenefika mill-eżenzjoni ta’ kategorija.

2.2.3.1.   Aċċess għar-riżultati finali

74.

L-ewwel kundizzjoni sabiex ftehim ta’ R&Ż jibbenefika mill-eżenzjoni pprovduta mir-REK R&Ż hija li l-partijiet kollha jeħtieġ li jkollhom aċċess sħiħ għar-riżultati finali tar-R&Ż konġunti jew bi ħlas, għal żewġ skopijiet (92):

(a)

it-twettiq ta’ aktar riċerka u żvilupp; u

(b)

l-isfruttar tar-riżultati tar-R&Ż.

75.

Din il-kundizzjoni hija relatata mar-riżultati tar-R&Ż li huma finali u ma’ kwalunkwe dritt ta’ proprjetà intellettwali u għarfien li jirriżultaw (93).

76.

L-aċċess irid jingħata hekk kif ir-riżultati finali tar-R&Ż isiru disponibbli (94). Dan ir-rekwiżit ma huwiex neċessarjament marbut mat-tmiem tal-proġett ta’ R&Ż.

77.

Id-dritt ta’ aċċess għar-riżultati tar-R&Ż ma jistax ikun ristrett għall-finijiet tat-twettiq ta’ aktar riċerka u żvilupp. Madankollu, ir-REK R&Ż jipprevedi li l-partijiet jistgħu jirrestrinġu d-dritt tagħhom li jisfruttaw ir-riżultati tar-R&Ż konġunti jew bi ħlas f’żewġ każijiet:

(a)

L-ewwel nett, meta l-ftehim ta’ R&Ż jiġi konkluż ma’ waħda jew aktar mill-kategoriji ta’ impriżi li ġejjin u dawk l-impriżi jaqblu li jużaw ir-riżultati tar-R&Ż biss għal aktar riċerka (u mhux għall-isfruttament). Dawn il-kategoriji ta’ impriżi huma:

(i)

istituti tar-riċerka;

(ii)

korpi akkademiċi;

(iii)

impriżi li jfornu r-R&Ż bħala servizz kummerċjali mingħajr ma normalment ikunu attivi fl-isfruttament tar-riżultati (95).

(b)

It-tieni, il-partijiet jistgħu jaqblu li jirrestrinġu d-dritt tagħhom li jisfruttaw ir-riżultati tar-R&Ż f’konformità mar-REK R&Ż, b’mod partikolari meta jaqblu li jispeċjalizzaw fil-kuntest tal-isfruttament. Pereżempju, meta l-ftehim ta’ R&Ż jipprevedi l-ispeċjalizzazzjoni fil-kuntest tal-isfruttament, il-partijiet jistgħu jimponu restrizzjonijiet fuq xulxin rigward l-isfruttament tar-riżultati f’ċerti territorji, oqsma ta’ użu jew fir-rigward ta’ ċerti klijenti).

78.

Fl-aħħar nett, peress li l-partijiet għal ftehim ta’ R&Ż jistgħu jagħmlu kontribuzzjonijiet mhux indaqs għall-kooperazzjoni tagħhom fir-R&Ż, pereżempju, minħabba kapaċitajiet, riżorsi jew interessi kummerċjali differenti, il-ftehim ta’ R&Ż jista’ jipprevedi li parti waħda tikkumpensa lill-oħra(jn) għall-għoti ta’ aċċess għar-riżultati għall-finijiet ta’ aktar R&Ż jew għall-fini ta’ sfruttament. Madankollu, f’dak il-każ, il-livell ta’ kumpens ma jistax ikun għoli tant li effettivament jimpedixxi tali aċċess (96).

2.2.3.2.   Aċċess għal know-how preeżistenti

79.

It-tieni kundizzjoni tapplika għal ftehimiet ta’ R&Ż li ma jinkludux l-isfruttament konġunt tar-riżultati tar-R&Ż.

80.

Sabiex ftehimiet ta’ R&Ż bħal dawn jibbenefikaw mill-eżenzjoni ta’ kategorija, il-ftehim irid jistipula li kull parti tingħata aċċess għal kwalunkwe għarfien preeżistenti tal-partijiet l-oħra li jkun indispensabbli għall-parti sabiex tisfrutta r-riżultati tar-R&Ż konġunti jew bi ħlas (97). Ta’ min jinnota li din il-kundizzjoni ma teħtieġx li l-partijiet jagħtu aċċess għan-know-how kollu preeżistenti, iżda biss għan-know-how li jkun indispensabbli sabiex jiġu sfruttati r-riżultati tar-R&Ż konġunti jew bi ħlas.

81.

L-ftehimiet ta’ R&Ż jistgħu jipprevedu li l-partijiet jikkumpensaw lil xulxin talli jagħtu aċċess għan-know-how preeżistenti tagħhom (pereżempju, fil-forma ta’ tariffi tal-liċenzji). Madankollu, il-kumpens ma jistax ikun għoli tant li effettivament jimpedixxi tali aċċess (98).

82.

Din it-tieni kundizzjoni tapplika flimkien mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-REK R&Ż relatati mal-aċċess għar-riżultati finali tar-R&Ż (ara t-Taqsima 2.2.3.1). Dan ifisser li, skont il-fatti tal-każ, ftehim partikolari ta’ R&Ż jista’ jkollu jinkludi dispożizzjonijiet kemm fir-rigward tal-aċċess għan-know-how preeżistenti kif ukoll fir-rigward tar-riżultati finali tar-R&Ż sabiex jibbenefika mill-eżenzjoni ta’ kategorija.

2.2.3.3.   Kundizzjonijiet relatati mal-isfruttament konġunt

83.

Ir-REK R&Ż jinkludi żewġ kundizzjonijiet oħrajn għall-ftehimiet ta’ R&Ż li jipprevedu sfruttament konġunt tar-riżultati tar-R&Ż.

84.

L-ewwel nett, kif stabbilit fl-Artikolu 5(1) tar-REK R&Ż, kwalunkwe sfruttament konġunt irid ikun limitat għar-riżultati tar-R&Ż li huma indispensabbli għall-produzzjoni tal-prodotti tal-kuntratt jew għall-applikazzjoni tat-teknoloġiji tal-kuntratt u huma protetti mid-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jew jikkostitwixxu know-how.

85.

It-tieni, jekk il-partijiet jaqblu li jispeċjalizzaw fil-kuntest tal-isfruttament u parti waħda jew aktar ikunu inkarigati mill-produzzjoni tal-prodotti tal-kuntratt, dawk il-partijiet jeħtiġilhom ikunu meħtieġa jissodisfaw ordnijiet għall-provvisti tal-prodotti tal-kuntratt mill-partijiet l-oħrajn (99). Madankollu, dan ir-rekwiżit ma japplikax meta (i) il-ftehim ta’ R&Ż jipprevedi distribuzzjoni konġunta (minn tim konġunt, minn organizzazzjoni jew minn impriża jew minn parti terza maħtura b’mod konġunt) jew (ii) meta l-partijiet jaqblu li l-partijiet inkarigati mill-produzzjoni tal-prodotti tal-kuntratt biss jistgħu jqassmuhom (100).

2.2.3.4.   Limitu tas-sehem mis-suq u durata tal-eżenzjoni

86.

L-eżenzjoni pprovduta mir-REK R&Ż hija bbażata fuq is-suppożizzjoni li, taħt ċertu livell ta’ saħħa fis-suq, l-effetti pożittivi tal-ftehimiet ta’ R&Ż, b’mod ġenerali, jegħlbu kwalunkwe effett negattiv fuq il-kompetizzjoni (101).

(a)   Ftehimiet ta’ R&Ż li huma soġġetti għal limitu tas-sehem mis-suq

87.

L-Artikolu 6(1) tar-REK R&Ż jistabbilixxi limitu tas-sehem mis-suq ta’ 25 %. Dan il-limitu tas-sehem mis-suq japplika għal ftehimiet ta’ R&Ż konklużi bejn impriżi kompetituri. Għall-finijiet tar-REK R&Ż, “impriżi kompetituri” tfisser kompetituri effettivi jew potenzjali kif definiti fl-Artikolu 1(1), il-punt (15), tar-REK R&Ż:

(a)

kompetitur effettiv tfisser impriża li tkun qiegħda tforni prodott, teknoloġija jew proċess li jista’ jittejjeb, jiġi ssostitwit jew jinbidel bil-prodott tal-kuntratt jew bit-teknoloġija tal-kuntratt fis-suq ġeografiku rilevanti;

(b)

kompetitur potenzjali huwa impriża li, fin-nuqqas tal-ftehim ta’ R&Ż, għal raġunijiet realistiċi u mhux sempliċiment bħala possibbiltà teoretika, x’aktarx li tagħmel, fi żmien mhux aktar minn 3 snin, l-investimenti addizzjonali neċessarji jew iġġarrab il-kostijiet neċessarji sabiex tforni prodott, teknoloġija jew proċess li jista’ jittejjeb, jiġi ssostitwit jew jitteħidlu postu mill-prodott tal-kuntratt jew mit-teknoloġija tal-kuntratt fis-suq ġeografiku rilevanti.

88.

Il-kompetizzjoni potenzjali trid tiġi vvalutata fuq bażijiet realistiċi. Il-kwistjoni deċiżiva hija jekk kull parti jkollhiex il-mezzi neċessarji f’termini ta’ assi, ta’ know-how u ta’ riżorsi oħrajn u x’aktarx li tieħu l-passi neċessarji biex tforni l-prodotti jew it-teknoloġiji (102) li jistgħu jittejbu, jiġu ssostitwiti jew jittiħdilhom posthom mill-prodotti tal-kuntratt jew mit-teknoloġiji tal-kuntratt indipendentement mill-partijiet l-oħrajn (103). Aktar gwida dwar il-valutazzjoni tal-kompetizzjoni potenzjali hija pprovduta fil-paragrafu 16.

89.

Għal dawn l-għanijiet, prodott jew teknoloġija mtejba jew sostituta tfisser prodott jew teknoloġija li hija interkambjabbli mal-prodott, mat-teknoloġija jew mal-proċess eżistenti u li tappartjeni għall-istess suq rilevanti. Prodott jew teknoloġija ta’ sostituzzjoni tfisser prodott jew teknoloġija li tissodisfa l-istess domanda bħal prodott jew teknoloġija eżistenti iżda li ma tappartjenix għall-istess suq rilevanti, pereżempju diski kompatti li jissostitwixxu rekords tal-vinil (104).

90.

Xi prodotti jew teknoloġiji ma jtejbux, ma jissostitwixxux u lanqas ma jieħdu post prodotti jew teknoloġiji eżistenti, iżda minflok joħolqu suq rilevanti ġdid li jissodisfa domanda ġdida, pereżempju, vaċċin li jipproteġi kontra virus li għalih ma kien jeżisti l-ebda vaċċin qabel. Ftehimiet ta’ R&Ż li jikkonċernaw l-iżvilupp ta’ din il-kategorija ta’ prodotti jew ta’ teknoloġiji huma koperti mill-Artikolu 6(2) tar-REK R&Ż u ma humiex soġġetti għal xi limitu tas-sehem mis-suq (ara t-Taqsima 2.2.3.4(b)) (105).

(a.1)   Livell limitu tas-sehem mis-suq

91.

Jekk żewġ partijiet jew aktar tal-ftehim ta’ R&Ż ikunu impriżi kompetituri skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1), il-punt (15) tar-REK R&Ż (106), il-ftehim ta’ R&Ż jista’ jibbenefika biss mill-eżenzjoni ta’ kategorija jekk is-sehem mis-suq kombinat tal-partijiet ma jaqbiżx il-25 % fuq is-swieq tal-prodotti u tat-teknoloġija rilevanti fiż-żmien meta jiġi konkluż il-ftehim ta’ R&Ż. Il-limitu tas-sehem mis-suq japplika bil-mod li ġej (107):

(a)

għall-ftehimiet ta’ R&Ż li jinvolvu R&Ż konġunti, is-sehem mis-suq kombinat tal-partijiet għall-ftehim ma jistax jaqbeż il-25 % fis-swieq tal-prodotti u tat-teknoloġija rilevanti (108);

(b)

għall-ftehimiet ta’ R&Ż li jinvolvu R&Ż bi ħlas, japplika l-istess limitu tas-sehem mis-suq ta’ 25 %, iżda s-sehem mis-suq kombinat irid iqis is-sehem mis-suq tal-parti li tiffinanzja u l-ishma mis-suq tal-impriżi kollha li magħhom il-parti li tiffinanzja tkun daħlet fi ftehimiet ta’ R&Ż relatati mal-istess prodotti tal-kuntratt jew teknoloġiji tal-kuntratt (109).

(a.2)   Kalkolu tal-ishma fis-suq

92.

Fiż-żmien meta jidħol fis-seħħ il-ftehim ta’ R&Ż, il-punt ta’ referenza huwa s-suq għal prodotti jew għal teknoloġiji eżistenti li jistgħu jittejbu, jiġu ssostitwiti jew jittiħdilhom posthom mill-prodotti tal-kuntratt jew mit-teknoloġiji tal-kuntratt (110).

93.

Jekk il-ftehim ta’ R&Ż ikollu l-għan li jtejjeb, jissostitwixxi jew jieħu post prodotti jew teknoloġiji eżistenti, l-ishma mis-suq jiġu kkalkolati biss b’referenza għal dawk il-prodotti jew it-teknoloġiji eżistenti li se jittejbu, jiġu ssostitwiti jew jittiħdilhom posthom. Dan japplika anki jekk il-prodott jew it-teknoloġija ta’ sostituzzjoni jkunu differenti b’mod sinifikanti mill-prodott jew mit-teknoloġija eżistenti.

94.

Ir-REK R&Ż jipprovdi li l-ishma mis-suq tal-partijiet iridu jiġu kkalkolati fuq il-bażi tad-data dwar il-valur tal-bejgħ fis-suq. Jekk ma jkunx hemm disponibbli data dwar il-valur tal-bejgħ fis-suq, il-partijiet jistgħu jużaw id-data dwar il-volumi tal-bejgħ fis-suq, u jekk din id-data ma tkunx disponibbli, il-partijiet jistgħu jużaw informazzjoni affidabbli oħra dwar is-suq sabiex jikkalkolaw l-ishma mis-suq tagħhom, inkluża n-nefqa fuq ir-R&Ż jew il-kapaċitajiet ta’ R&Ż (111).

95.

B’mod ġenerali, l-ishma mis-suq iridu jiġu kkalkolati billi tintuża data dwar il-bejgħ relatata mas-sena kalendarja preċedenti (112). Madankollu, f’każijiet li fihom id-data dwar il-bejgħ relatata mas-sena kalendarja preċedenti ma tkunx rappreżentattiva tal-pożizzjoni tal-partijiet fis-suq/swieq rilevanti, l-ishma mis-suq jiġu kkalkolati bħala medja tal-ishma mis-suq tal-partijiet għall-aħħar 3 snin kalendarji preċedenti (113). Dan jista’ jkun rilevanti, pereżempju, fis-swieq tal-offerti li fihom l-ishma mis-suq ivarjaw b’mod sinifikanti minn sena għal sena, skont jekk l-impriżi jirnexxux fil-proċessi tal-offerti. Jista’ jkun rilevanti wkoll fi swieq ikkaratterizzati minn ordnijiet kbar u mhux regolari, pereżempju, f’liema każ id-data tal-bejgħ għas-sena kalendarja preċedenti ma tkunx rappreżentattiva minħabba li ma tkun saret l-ebda ordni kbira f’dik is-sena. Bl-istess mod, jista’ jkun neċessarju li jiġu kkalkolati l-ishma mis-suq fuq il-bażi ta’ medja tat-3 snin kalendarji preċedenti f’każijiet li fihom ikun hemm xokk fil-provvista jew fid-domanda fis-sena kalendarja ta’ qabel il-ftehim ta’ kooperazzjoni.

96.

Fil-każ tas-swieq tat-teknoloġija, is-sehem mis-suq ta’ liċenzjatur tat-teknoloġija jiġi kkalkolat fuq il-bażi tal-bejgħ mil-liċenzjatur u mil-liċenzjatarji kollha tiegħu ta’ prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata, bħala sehem mill-bejgħ kollu ta’ prodotti kompetituri, irrispettivament minn jekk il-prodotti kompetituri jkunux prodotti bl-użu tat-teknoloġija li qed tiġi liċenzjata. Din il-metodoloġija tintuża minħabba d-diffikultà ġenerali li tinkiseb data affidabbli dwar l-introjtu mir-royalties u minħabba li l-kalkoli bbażati fuq l-introjtu mir-royalties attwali jistgħu jissottovalutaw il-pożizzjoni tat-teknoloġija fis-suq (114).

(b)   Ftehimiet ta’ R&Ż li ma humiex soġġetti għal limitu tas-sehem mis-suq

97.

Meta l-partijiet għall-ftehim ta’ R&Ż ma jkunux impriżi kompetituri skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1), il-punt (15) tar-REK R&Ż (115), l-Artikolu 6(2) tar-REK R&Ż jistipula li l-eżenzjoni ta’ kategorija tapplika għad-durata tar-R&Ż konġunti jew bi ħlas u l-eżenzjoni ma tkunx soġġetta għal limitu tas-sehem mis-suq.

98.

L-Artikolu 6(2) tar-REK R&Ż japplika, b’mod partikolari, fis-sitwazzjonijiet li ġejjin (116):

(a)

meta parti waħda biss tissodisfa d-definizzjoni ta’ kompetitur attwali jew potenzjali stabbilita fl-Artikolu 1(1), il-punt (15), tar-REK R&Ż;

(b)

meta l-ftehim ta’ R&Ż jikkonċerna l-iżvilupp ta’ prodotti jew ta’ teknoloġiji li ma jtejbux, ma jissostitwux jew jiħdux post prodotti jew teknoloġiji eżistenti, iżda minflok joħolqu domanda kompletament ġdida, pereżempju vaċċin għall-protezzjoni kontra virus li għalih ma kien jeżisti l-ebda vaċċin qabel;

(c)

meta l-ftehim ta’ R&Ż jikkonċerna sforzi ta’ innovazzjoni li, fiż-żmien meta jidħol fis-seħħ il-ftehim ta’ R&Ż, ma jkunux għadhom relatati mill-qrib ma’ prodott jew ma’ teknoloġija speċifika.

99.

Fis-sitwazzjonijiet deskritti fil-paragrafu 98(b) u (c), ma huwiex possibbli li jiġi identifikat prodott jew teknoloġija li se tittejjeb, tiġi ssostitwita jew jittiħdilha postha mill-prodotti tal-kuntratt jew mit-teknoloġiji tal-kuntratt. F’dak il-każ, il-ftehim ta’ R&Ż jista’ jibbenefika mill-eżenzjoni ta’ kategorija għad-durata tar-R&Ż konġunti jew bi ħlas u ma japplika l-ebda limitu tas-sehem mis-suq (117). Id-dispożizzjonijiet tar-REK R&Ż relatati mal-limiti rilevanti tas-suq u tas-sehem mis-suq huma mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni kompetittiva tal-ftehimiet ta’ R&Ż li ma jibbenefikawx mill-eżenzjoni pprovduta mir-REK R&Ż, inklużi ftehimiet ta’ R&Ż li fir-rigward tagħhom ġie rtirat il-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija. Pereżempju, impriżi li ma humiex kompetituri attwali jew potenzjali skont it-tifsira tar-REK R&Ż xorta waħda jistgħu jikkompetu fl-innovazzjoni.

(c)   Durata

100.

Meta r-riżultati tar-R&Ż konġunti jew bi ħlas ma jiġux sfruttati b’mod konġunt, l-eżenzjoni pprovduta mir-REK R&Ż tapplika għad-durata tar-R&Ż.

101.

Meta r-riżultati tar-R&Ż konġunti jew bi ħlas jiġu sfruttati b’mod konġunt u l-ftehim ta’ R&Ż jaqa’ fid-definizzjonijiet fl-Artikolu 1(1), fil-punt (1)(a) jew (1)(b) tar-REK R&Ż (ftehimiet li jsegwu r-R&Ż konġunti jew bi ħlas), il-ftehim ta’ R&Ż ikompli jibbenefika mill-eżenzjoni għal seba’ snin miż-żmien meta l-prodotti tal-kuntratt jew it-teknoloġiji tal-kuntratt jitqiegħdu għall-ewwel darba fis-suq intern jekk il-limitu tas-sehem mis-suq rilevanti ma jinqabiżx fiż-żmien meta jkun daħal fis-seħħ il-ftehim.

102.

Meta r-riżultati tar-R&Ż konġunti jew bi ħlas jiġu sfruttati b’mod konġunt u l-ftehim ta’ R&Ż jaqa’ fid-definizzjonijiet fl-Artikolu 1(1), fil-punt (1)(c) jew (1)(d) tar-REK R&Ż (ftehimiet li jsegwu sfruttament konġunt tar-riżultati tar-R&Ż imwettqin skont ftehim ta’ R&Ż konġunti jew bi ħlas bejn l-istess partijiet), il-ftehim ta’ R&Ż ikompli jibbenefika mill-eżenzjoni għal 7 snin miż-żmien meta l-prodotti tal-kuntratt jew it-teknoloġiji tal-kuntratt jitqiegħdu għall-ewwel darba fis-suq intern jekk il-limitu tas-sehem mis-suq rilevanti ma jinqabiżx fiż-żmien meta jkun ġie konkluż dak il-ftehim preċedenti (118).

103.

Meta ftehim ta’ R&Ż jirriżulta f’aktar minn prodott tal-kuntratt wieħed jew minn teknoloġija tal-kuntratt waħda li titqiegħed fis-suq fis-suq intern u kull prodott tal-kuntratt jew teknoloġija tal-kuntratt tappartjeni għal suq separat tal-prodott, il-perjodu ta’ eżenzjoni ta’ 7 snin ikun japplika b’mod separat għal kull prodott tal-kuntratt jew teknoloġija tal-kuntratt, minn meta l-prodott jew it-teknoloġija titqiegħed għall-ewwel darba fis-suq intern.

104.

Wara t-tmiem tal-perjodu ta’ seba’ snin imsemmi fl-Artikolu 6(3) tar-REK R&Ż, l-eżenzjoni tkompli tapplika sakemm is-sehem mis-suq kombinat tal-partijiet ma jaqbiżx il-25 % fis-swieq li għalihom jappartjenu l-prodotti tal-kuntratt jew it-teknoloġiji tal-kuntratt. Jekk, wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ seba’ snin, is-sehem mis-suq kombinat tal-partijiet jiżdied għal aktar minn 25 %, il-ftehim ta’ R&Ż ikompli jibbenefika mir-REK R&Ż għal sentejn kalendarji konsekuttivi wara s-sena li fiha l-limitu jinqabeż għall-ewwel darba (119).

2.2.4.   Restrizzjonijiet fundamentali u esklużi

2.2.4.1.   Restrizzjonijiet fundamentali

105.

L-Artikolu 8 tar-REK R&Ż fih lista ta’ restrizzjonijiet fundamentali. Restrizzjonijiet fundamentali huma restrizzjonijiet serji tal-kompetizzjoni li ġeneralment jikkawżaw ħsara lis-suq u lill-konsumaturi. Meta ftehim ta’ R&Ż ikun jinkludi waħda jew aktar minn dawn ir-restrizzjonijiet, il-ftehim kollu jkun eskluż mill-eżenzjoni pprovduta mir-REK R&Ż.

106.

Ir-restrizzjonijiet fundamentali elenkati fl-Artikolu 8 tar-REK R&Ż jistgħu jinġabru fil-kategoriji li ġejjin: (i) restrizzjonijiet tal-libertà tal-partijiet li jwettqu sforzi oħrajn ta’ R&Ż, (ii) limitazzjonijiet tal-output jew tal-bejgħ u l-iffissar tal-prezzijiet, (iii) restrizzjonijiet fuq il-bejgħ attiv u passiv, u (iv) restrizzjonijiet fundamentali oħrajn.

(a)   Restrizzjoni tal-libertà tal-partijiet li jwettqu sforzi oħrajn ta’ riċerka u żvilupp

107.

L-Artikolu 8(a) tar-REK R&Ż jipprovdi li hija restrizzjoni fundamentali li tiġi ristretta l-libertà tal-partijiet li jwettqu r-R&Ż b’mod indipendenti jew f’kooperazzjoni ma’ partijiet terzi, fi kwalunke wieħed minn dawn li ġejjin:

(i)

f’qasam mhux konness ma’ dak li miegħu jkun relatat il-ftehim ta’ R&Ż;

(ii)

f’qasam li miegħu jkun relatat il-ftehim ta’ R&Ż jew f’qasam konness wara t-tlestija tar-R&Ż konġunti jew bi ħlas.

(b)   Limitazzjonijiet tal-output jew tal-bejgħ u ffissar tal-prezzijiet

108.

Limitazzjonijiet tal-output jew tal-bejgħ. L-Artikolu 8(b) tar-REK R&Ż jipprovdi li l-limitazzjonijiet tal-output jew tal-bejgħ huma restrizzjonijiet fundamentali. Madankollu, dan huwa soġġett għal erba’ eċċezzjonijiet:

(i)

l-istabbiliment ta’ miri tal-produzzjoni meta l-ftehim ta’ R&Ż jipprevedi l-isfruttament konġunt tar-riżultati tar-R&Ż u l-isfruttament konġunt jinkludi l-produzzjoni konġunta tal-prodotti tal-kuntratt (120);

(ii)

l-istabbiliment ta’ miri tal-bejgħ meta l-isfruttament konġunt tar-riżultati tar-R&Ż (1) jinkludi d-distribuzzjoni konġunta tal-prodotti tal-kuntratt jew il-liċenzjar konġunt tat-teknoloġiji tal-kuntratt, u (2) jitwettaq minn tim, minn organizzazzjoni jew minn impriża konġunta jew jiġi fdat b’mod konġunt lil parti terza (121);

(iii)

prattiki li jikkostitwixxu speċjalizzazzjoni fil-kuntest tal-isfruttament, bħal restrizzjonijiet imposti fuq il-partijiet rigward l-isfruttament tar-riżultati tar-R&Ż fir-rigward ta’ ċerti territorji, klijenti jew oqsma ta’ użu (122);

(iv)

ċerti obbligi ta’ nonkompetizzjoni (123), jiġifieri r-restrizzjoni tal-libertà tal-partijiet li jipproduċu, ibigħu, iċedu jew jilliċenzjaw prodotti jew teknoloġiji li jikkompetu mal-prodotti tal-kuntratt jew mat-teknoloġiji tal-kuntratt matul il-perjodu li fih il-partijiet ikunu qablu li jisfruttaw ir-riżultati b’mod konġunt.

109.

Iffissar tal-prezzijiet. L-Artikolu 8(c) tar-REK R&Ż jistipula li l-iffissar tal-prezzijiet meta jinbiegħu l-prodotti tal-kuntratt jew l-iffissar tat-tariffi tal-liċenzji meta t-teknoloġiji tal-kuntratt jiġu liċenzjati lil partijiet terzi huwa restrizzjoni fundamentali.

110.

Madankollu, ir-REK R&Ż jipprovdi eċċezzjonijiet għal din ir-restrizzjoni fundamentali għall-iffissar tal-prezzijiet mitlubin lill-klijenti immedjati u għall-iffissar tat-tariffi tal-liċenzji mitlubin lil-liċenzjatarji immedjati meta l-ftehim ta’ R&Ż jipprevedi l-isfruttament konġunt tar-riżultati tar-R&Ż u l-isfruttament konġunt (i) jinkludi d-distribuzzjoni konġunta tal-prodotti tal-kuntratt jew il-liċenzjar konġunt tat-teknoloġiji tal-kuntratt, u (ii) jitwettaq minn tim konġunt, minn organizzazzjoni jew minn impriża jew ikun fdat b’mod konġunt lil parti terza (124).

(c)   Restrizzjonijiet tal-bejgħ attiv u passiv

111.

L-Artikolu 8(d) u (e) tar-REK R&Ż jikkonċerna restrizzjonijiet fuq il-bejgħ passiv u attiv. Ir-REK R&Ż jiddefinixxi:

(i)

bejgħ passiv (125) bħala dak li jsir bi tweġiba għal talbiet mhux solleċitati minn klijenti individwali, inkluża l-konsenja ta’ prodotti lill-klijenti, mingħajr ma l-bejgħ ikun inbeda permezz ta’ mmirar b’mod attiv lejn il-klijent partikolari, grupp ta’ klijenti partikolari jew territorju partikolari, u jinkludi l-bejgħ li jirriżulta minn parteċipazzjoni f’akkwist pubbliku jew mit-tweġib għal sejħiet għall-offerti privati;

(ii)

bejgħ attiv (126) bħala l-forom kollha ta’ bejgħ minbarra bejgħ passiv. Dan jinkludi mmirar b’mod attiv permezz ta’ żjarat, ittri, ittri elettroniċi, telefonati jew mezzi oħrajn ta’ komunikazzjoni diretta jew permezz ta’ reklamar u promozzjoni mmirati, offline jew online, pereżempju permezz ta’ media stampata jew diġitali, inklużi media online, servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet jew reklamar fuq magni tat-tiftix immirati lejn klijenti f’territorji partikolari jew lejn gruppi ta’ klijenti partikolari, it-tħaddim ta’ sit web b’isem ta’ dominju tal-ogħla livell li jikkorrispondi għal territorji partikolari, jew l-offerta fuq sit web ta’ lingwi li jintużaw b’mod komuni f’territorji partikolari, meta dawk il-lingwi jkunu differenti minn dawk użati komunement fit-territorju li fih ikun stabbilit ix-xerrej.

112.

L-Artikolu 8(d) tar-REK R&Ż jipprovdi li r-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ passiv huma restrizzjonijiet fundamentali. Dan ikopri kwalunkwe restrizzjoni tat-territorju li fih jew il-klijenti li lilhom il-partijiet jistgħu jbigħu b’mod passiv il-prodotti tal-kuntratt jew jilliċenzjaw it-teknoloġiji tal-kuntratt. Madankollu, l-Artikolu 8(d) jipprovdi eċċezzjoni għar-rekwiżiti sabiex ir-riżultati tar-R&Ż jiġu lliċenzjati esklużivament lil parti oħra tal-ftehim ta’ R&Ż. Ir-raġuni għal dik l-eċċezzjoni hija li r-REK R&Ż jipprevedi l-possibbiltà li l-partijiet jispeċjalizzaw fil-kuntest tal-isfruttament, li jinkludi xenarju li fih parti waħda biss tipproduċi u tiddistribwixxi l-prodotti tal-kuntratt fuq il-bażi ta’ liċenzja esklużiva mogħtija mill-partijiet l-oħrajn.

113.

L-Artikolu 8(e) tar-REK R&Ż jistipula li ċerti restrizzjonijiet fuq il-bejgħ attiv huma restrizzjonijiet fundamentali. Dan japplika għal kwalunkwe restrizzjoni tal-bejgħ attiv tal-prodotti tal-kuntratt jew tat-teknoloġiji tal-kuntratt f’territorji jew lil klijenti li ma jkunux ġew allokati esklużivament lil waħda mill-partijiet permezz ta’ speċjalizzazzjoni fil-kuntest tal-isfruttament.

(d)   Restrizzjonijiet fundamentali oħrajn

114.

L-Artikolu 8(f) tar-REK R&Ż jipprovdi li hija restrizzjoni fundamentali li parti tkun meħtieġa tirrifjuta li tissodisfa d-domanda minn klijenti fit-territorju, jew minn klijenti li b’xi mod ieħor ikunu allokati bejn il-partijiet permezz ta’ speċjalizzazzjoni fil-kuntest tal-isfruttament, meta tali klijenti kieku jikkummerċjalizzaw il-prodotti tal-kuntratt f’territorji oħrajn fis-suq intern.

115.

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 8(g) tar-REK R&Ż jikkategorizza bħala restrizzjoni fundamentali kwalunkwe rekwiżit impost fuq parti sabiex jagħmilha diffiċli għall-utenti jew għar-rivendituri sabiex jiksbu l-prodotti tal-kuntratt minn rivendituri oħrajn fis-suq intern (127). Dan jista’ jinkludi, pereżempju, l-impożizzjoni ta’ rekwiżit li l-forniment ta’ servizzi ta’ garanzija tal-klijenti jsir kundizzjonali fuq ix-xiri tal-prodott tal-kuntratt fi Stat Membru partikolari.

2.2.4.2.   Restrizzjonijiet esklużi

116.

L-Artikolu 9 tar-REK R&Ż jeskludi mill-eżenzjoni ta’ kategorija ċerti obbligi li jinsabu fil-ftehimiet ta’ R&Ż. Dawn huma obbligi li għalihom ma jistax jiġi preżunt li ġeneralment jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3). Għall-kuntrarju tar-restrizzjonijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikolu 8 tar-REK R&Ż, l-użu ta’ restrizzjonijiet esklużi ma jneħħix il-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija għall-ftehim kollu ta’ R&Ż. Jekk ir-restrizzjoni eskluża tista’ tiġi sseparata mill-bqija tal-ftehim, il-bqija tal-ftehim ikompli jibbenefika mill-eżenzjoni ta’ kategorija, dment li jissodisfa l-kundizzjonijiet tar-REK R&Ż.

117.

Ir-restrizzjonijiet esklużi huma soġġetti għal valutazzjoni individwali skont l-Artikolu 101. Ma hemm l-ebda preżunzjoni li tali restrizzjonijiet jaqgħu fil-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) jew li jonqsu milli jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3).

118.

L-ewwel restrizzjoni eskluża hija obbligu li ma tiġix ikkontestata:

(a)

wara t-tlestija tar-R&Ż, il-validità tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li l-partijiet ikollhom fis-suq intern u li huma rilevanti għar-R&Ż (128); jew

(b)

wara l-iskadenza tal-ftehim ta’ R&Ż, il-validità tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li l-partijiet ikollhom fis-suq intern u li jipproteġu r-riżultati tar-R&Ż (129).

119.

Ir-raġuni għall-esklużjoni ta’ tali obbligi mill-eżenzjoni ta’ kategorija hija li l-partijiet li jkollhom informazzjoni li tkun rilevanti għall-identifikazzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li ngħataw bi żball ma għandhomx jinżammu milli jikkontestaw il-validità ta’ tali drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Madankollu, id-dispożizzjonijiet li jippermettu t-terminazzjoni tal-ftehim ta’ R&Ż jekk waħda mill-partijiet tikkontesta l-validità tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li huma rilevanti għar-R&Ż konġunti jew bi ħlas jew li jipproteġu r-riżultati tar-R&Ż ma humiex restrizzjonijiet esklużi.

120.

It-tieni restrizzjoni eskluża hija obbligu li ma jingħatawx liċenzji lil partijiet terzi biex jipproduċu l-prodotti tal-kuntratt jew biex japplikaw it-teknoloġiji tal-kuntratt. Dan ifisser li, fil-prinċipju, il-partijiet għandhom ikunu liberi li jagħtu liċenzji lil partijiet terzi. Tapplika eċċezzjoni fejn il-ftehimiet ta’ riċerka u żvilupp jipprevedu l-isfruttament tar-riżultati tar-riċerka u l-iżvilupp konġunti jew tar-riċerka u l-iżvilupp bi ħlas minn mill-inqas waħda mill-partijiet u tali sfruttament iseħħ fis-suq intern fil-konfront ta’ partijiet terzi.

2.2.5.   Iż-żmien rilevanti għall-valutazzjoni tal-konformità mal-kundizzjonijiet tar-REK R&Ż

121.

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-limitu tas-sehem mis-suq stabbilit fl-Artikolu 6 tar-REK R&Ż, iż-żmien rilevanti għall-valutazzjoni huwa d-data li fiha l-partijiet jidħlu fil-ftehim konġunt jew bi ħlas għar-R&Ż. Fi tmiem il-perjodu ta’ seba’ snin imsemmi fl-Artikolu 6(4) tar-REK R&Ż, il-partijiet jeħtiġilhom jivvalutaw għal liema suq/swieq jappartjeni l-prodott tal-kuntratt jew it-teknoloġiji tal-kuntratt u jekk is-sehem mis-suq kombinat tagħhom jaqbiżx il-25 %. Il-konformità mal-kundizzjonijiet l-oħrajn tar-REK R&Ż trid tiġi vvalutata fiż-żmien meta jidħol fis-seħħ il-ftehim ta’ R&Ż u l-ftehim irid ikompli jissodisfa dawk il-kundizzjonijiet għad-durata kollha tiegħu, inkluż, jekk applikabbli, il-perjodu ta’ sfruttament tar-riżultati tar-R&Ż.

2.2.6.   Irtirar tal-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija

122.

L-Artikoli 10 u 11 tar-REK R&Ż jipprevedu li l-Kummissjoni u l-NCAs jistgħu jirtiraw il-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija skont l-Artikolu 29(1) u l-Artikolu 29(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, rispettivament, meta jsibu li, madankollu, f’każ individwali, ftehim ta’ R&Ż li huwa kopert mill-eżenzjoni ta’ kategorija jkollu effetti li jkunu inkompatibbli mal-Artikolu 101(3).

123.

L-Artikolu 10(2) tar-REK R&Ż jistabbilixxi lista mhux eżawrjenti ta’ sitwazzjonijiet li fihom il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li tuża din is-setgħa, jiġifieri, meta:

(a)

l-eżistenza ta’ ftehim ta’ R&Ż tirrestrinġi b’mod sostanzjali l-ambitu li partijiet terzi jwettqu R&Ż fil-qasam jew fl-oqsma relatat(i) mal-prodotti tal-kuntratt jew mat-teknoloġiji tal-kuntratt; dan jista’ jkun dovut, pereżempju, għall-kapaċità ta’ riċerka limitata disponibbli;

(b)

l-eżistenza tal-ftehim ta’ R&Ż tillimita sostanzjalment l-aċċess ta’ partijiet terzi għas-suq rilevanti għall-prodotti tal-kuntratt jew għat-teknoloġiji tal-kuntratt, pereżempju, bħala riżultat tal-għoti ta’ liċenzja esklużiva lil waħda mill-partijiet sabiex tipproduċi u tqassam il-prodotti tal-kuntratt jew it-teknoloġiji tal-kuntratt;

(c)

il-partijiet ma jagħmlux użu mir-riżultati tar-R&Ż konġunti jew bi ħlas fir-rigward ta’ partijiet terzi mingħajr raġuni oġġettivament valida, pereżempju billi jirrifjutaw li jagħtu liċenzja għar-riżultati tar-R&Ż;

(d)

il-prodotti jew it-teknoloġiji li jirriżultaw mill-ftehim ta’ R&Ż ma jkunux soġġetti għal kompetizzjoni effettiva fis-suq intern kollu jew f’parti sostanzjali minnu;

(e)

l-eżistenza tal-ftehim ta’ riċerka u żvilupp tkun tirrestrinġi b’mod sostanzjali l-kompetizzjoni fl-innovazzjoni jew il-kompetizzjoni fir-riċerka u l-iżvilupp f’qasam partikolari. Dan jista’ jseħħ, pereżempju, f’każijiet li fihom il-prodotti tal-kuntratt jew it-teknoloġiji tal-kuntratt joħolqu domanda kompletament ġdida u li fihom, fiż-żmien meta jidħol fis-seħħ il-ftehim, ikun hemm numru baxx ta’ proġetti ta’ riċerka u żvilupp indipendenti komparabbli fl-istess qasam.

124.

L-Artikolu 29(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 jipprevedi li l-Kummissjoni tista’ tirtira l-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq il-bażi ta’ lment. Meta l-Kummissjoni jew NCA tkun tixtieq tirtira l-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija fir-rigward ta’ ftehim ta’ R&Ż, hija trid tistabbilixxi, l-ewwel nett, li l-ftehim jirrestrinġi l-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) u, it-tieni, li l-ftehim jonqos milli jissodisfa tal-anqas waħda mill-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi tal-Artikolu 101(3) (130). Deċiżjoni sabiex jiġi rtirat il-benefiċċju tar-REK R&Ż tista’ tiġi kkombinata mas-sejba ta’ ksur tal-Artikolu 101 u rekwiżit sabiex il-ksur jintemm. Jistgħu jiġu imposti wkoll rimedji ta’ mġiba jew strutturali (131).

125.

Kwalunkwe deċiżjoni sabiex jiġi rtirat il-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija tipproduċi biss effetti ex nunc, jiġifieri l-istatus eżentat tal-ftehim ta’ R&Ż għadu mhux affettwat għall-perjodu ta’ qabel id-data li fiha l-irtirar isir effettiv. Meta NCA jkollha l-ħsieb li tirtira l-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, jeħtiġilha tqis l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, b’mod partikolari l-obbligu tagħha li tikkonsulta lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjoni prevista tagħha.

2.2.7.   Perjodu ta’ tranżizzjoni

126.

Ir-REK R&Ż jipprevedi perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ sentejn (mill-1 ta’ Lulju 2023 sat-30 ta’ Ġunju 2025), li matulu l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) ma tapplikax għal ftehimiet ta’ R&Ż li diġà jkunu fis-seħħ fit-30 ta’ Ġunju 2023 u li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni stabbiliti fir-REK R&Ż iżda jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 1217/2010.

2.3.   Valutazzjoni individwali tal-ftehimiet ta’ R&Ż skont l-Artikolu 101(1)

127.

Meta ftehim ta’ R&Ż ma jkunx jibbenefika mill-eżenzjoni pprovduta mir-REK R&Ż, huwa neċessarju li titwettaq valutazzjoni individwali skont l-Artikolu 101. L-ewwel pass fil-valutazzjoni huwa li jiġi ddeterminat jekk il-ftehim jillimitax il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) (132). Jekk il-ftehim jirrestrinġi l-kompetizzjoni skont it-tifsira ta’ dik id-dispożizzjoni, it-tieni pass huwa li jiġi ddeterminat jekk il-ftehim jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3).

2.3.1.   Swieq rilevanti

128.

L-Avviż dwar id-Definizzjoni tas-Swieq jistabbilixxi l-kriterji u l-evidenza ewlenin użati mill-Kummissjoni sabiex tiddefinixxi s-swieq rilevanti meta tinforza d-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (ara wkoll il-paragrafu 44). Għall-valutazzjoni individwali skont l-Artikolu 101 tal-ftehimiet ta’ R&Ż li ma humiex koperti mir-REK R&Ż (133), il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin jistgħu jkunu rilevanti.

2.3.1.1.   Swieq tal-prodotti

129.

Jekk il-ftehim ta’ kooperazzjoni fir-R&Ż ikun relatat mal-iżvilupp ta’ prodotti li jtejbu jew jissostitwixxu prodotti eżistenti, is-suq/swieq għal dawk il-prodotti jew it-teknoloġiji eżistenti jkunu rilevanti għall-valutazzjoni skont l-Artikolu 101.

130.

Is-swieq tal-prodotti eżistenti jistgħu jkunu rilevanti wkoll għall-valutazzjoni meta l-ftehim ta’ R&Ż ikun relatat ma’ prodotti li jissostitwixxu l-prodotti eżistenti (jiġifieri meta l-prodott li jirriżulta mir-R&Ż jissodisfa l-istess domanda bħall-prodott eżistenti, iżda jappartjeni għal suq rilevanti separat). Dan jista’ jkun il-każ b’mod partikolari meta s-sostituzzjoni tal-prodotti eżistenti tkun imperfetta jew fit-tul. L-hekk imsejħa prodotti ta’ riżerva (134) jistgħu, skont il-fatti tal-każ partikolari, jitqiesu bħala prodotti li jtejbu jew jissostitwixxu prodotti eżistenti jew bħala prodotti li se jissostitwixxu prodotti eżistenti (135).

131.

Meta r-R&Ż jikkonċernaw komponent importanti ta’ prodott finali, kemm is-suq għall-komponent kif ukoll is-suq għall-prodott finali jistgħu jkunu rilevanti għall-valutazzjoni tal-Artikolu 101. Madankollu, is-suq għall-prodott finali jkun rilevanti biss jekk il-komponent li miegħu jkunu relatati r-R&Ż ikun teknikament jew ekonomikament komponent ewlieni tal-prodott finali u tal-anqas waħda mill-partijiet għall-ftehim ta’ R&Ż tkun attiva fis-suq għall-prodotti finali u jkollha s-saħħa f’dak is-suq.

2.3.1.2.   Swieq tat-teknoloġija

132.

Il-ftehimiet ta’ R&Ż jistgħu ma jkunux jikkonċernaw teknoloġija wkoll, u mhux prodotti biss. Meta d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jiġu kkummerċjalizzati separatament mill-prodotti li magħhom ikunu relatati, is-swieq tat-teknoloġija jkunu rilevanti għall-valutazzjoni skont l-Artikolu 101. Is-suq tat-teknoloġija rilevanti jikkonsisti fit-teknoloġija (proprjetà intellettwali) li tinbiegħ jew tiġi lliċenzjata u t-teknoloġiji li jitqiesu bħala sostitwibbli mil-liċenzjatarji (136). Meta ftehim ta’ R&Ż jikkonċerna l-iżvilupp ta’ teknoloġiji li jtejbu, jissostitwixxu jew jieħdu post teknoloġiji eżistenti, is-swieq għal dawk it-teknoloġiji eżistenti jkunu swieq rilevanti għall-valutazzjoni tal-Artikolu 101.

2.3.1.3.   Sforzi bikrin ta’ innovazzjoni

133.

F’xi każijiet, l-impriżi jistgħu jikkooperaw fir-R&Ż li ma jkunux relatati mill-qrib ma’ prodott speċifiku jew ma’ teknoloġija speċifika. Ir-riżultati ta’ sforzi bikrin ta’ innovazzjoni bħal dawn jistgħu fl-aħħar mill-aħħar iservu diversi skopijiet u, fit-tul, jikkontribwixxu għal diversi prodotti jew teknoloġiji.

134.

Meta ftehim ta’ R&Ż jikkonċerna sforzi bikrin ta’ innovazzjoni, sabiex tiġi vvalutata l-pożizzjoni kompetittiva tal-partijiet għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101, jista’ jkun neċessarju li jitqiesu fatturi bħan-natura u l-ambitu tal-isforzi ta’ innovazzjoni, l-objettivi tad-diversi linji ta’ riċerka, l-ispeċjalizzazzjoni tat-timijiet differenti involuti jew ir-riżultati tal-isforzi ta’ innovazzjoni tal-passat tal-impriżi kkonċernati. Dan jista’ jirrikjedi l-użu ta’ metriċi speċifiċi, pereżempju, il-livell tan-nefqa fuq ir-R&Ż, jew in-numru ta’ privattivi jew ta’ ċitazzjonijiet ta’ privattivi.

2.3.2.   Tħassib ewlieni dwar il-kompetizzjoni

135.

Il-kooperazzjoni fir-R&Ż tista’ twassal għal diversi aspetti ta’ tħassib dwar il-kompetizzjoni, b’mod partikolari tista’ tillimita direttament il-kompetizzjoni bejn il-partijiet, twassal għal eżitu kollużiv fis-suq jew għal esklużjoni antikompetittiva ta’ partijiet terzi.

136.

Meta kooperazzjoni fir-R&Ż tillimita jew tirrestrinġi direttament il-kompetizzjoni bejn il-partijiet jew tiffaċilita eżitu kollużiv fis-suq, din tista’ twassal għal prezzijiet ogħla, għal anqas għażla għall-konsumaturi jew għal prodotti jew għal teknoloġiji ta’ kwalità inferjuri. Tista’ twassal ukoll għal innovazzjoni mnaqqsa jew imdewma u, b’hekk, għal kwalità agħar jew għal anqas prodotti jew teknoloġiji li jaslu fis-suq.

137.

Il-ftehimiet ta’ R&Ż jistgħu jwasslu għall-esklużjoni antikompetittiva ta’ partijiet terzi meta parti waħda jew aktar għall-ftehim ikollha s-saħħa f’suq tal-prodotti jew tat-teknoloġija rilevanti u l-ftehim ikun fih dispożizzjonijiet ta’ esklużività jew ta’ nonkompetizzjoni.

2.3.3.   Ftehimiet ta’ R&Ż li ġeneralment ma jirrestrinġux il-kompetizzjoni

138.

Fin-nuqqas ta’ saħħa fis-suq, il-ftehimiet ta’ R&Ż konklużi minn dawk li ma humiex kompetituri ġeneralment ma jirrestrinġux il-kompetizzjoni. Dan jista’ jkun il-każ meta l-assi, it-teknoloġiji jew il-ħiliet tal-partijiet ikunu komplementari u ma jkunux kapaċi jwettqu r-R&Ż waħedhom f’perjodu ta’ żmien qasir (137). Ir-relazzjoni kompetittiva bejn il-partijiet trid tiġi vvalutata fuq il-bażi ta’ fatturi oġġettivi. Pereżempju, impriża tista’ ma tkunx kapaċi twettaq R&Ż b’mod indipendenti meta jkollha kapaċitajiet tekniċi limitati jew aċċess limitat għal finanzjament, ħaddiema tas-sengħa, teknoloġiji jew riżorsi oħrajn.

139.

L-esternalizzazzjoni ta’ R&Ż preċedentament kaptivi għal entitajiet li ma humiex attivi fl-isfruttament tar-riżultati tar-R&Ż, bħal istituti tar-riċerka, korpi akkademiċi jew impriżi speċjalizzati oħrajn, hija eżempju ta’ ftehim ta’ R&Ż li jista’ jiġbor flimkien assi, teknoloġiji u ħiliet komplementari. Ftehimiet bħal dawn ġeneralment jipprevedu trasferiment ta’ know-how u/jew obbligu ta’ forniment esklużiv dwar ir-riżultati tar-R&Ż.

140.

Il-kooperazzjoni fir-R&Ż relatata mar-riċerka bażika ġeneralment ma tirrestrinġix il-kompetizzjoni. F’dan il-kuntest, riċerka bażika tfisser xogħol sperimentali jew teoretiku mwettaq primarjament sabiex jinkiseb għarfien ġdid tal-pedamenti sottostanti ta’ fenomeni u ta’ fatti osservabbli.

2.3.4.   Restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan

141.

Il-ftehimiet ta’ R&Ż jistgħu jirrestrinġu l-kompetizzjoni minħabba l-għan jekk l-iskop ewlieni tagħhom ma jkunx it-twettiq ta’ R&Ż, iżda li jservu bħala għodda sabiex jinħoloq kartell, jiġifieri l-partijiet jinvolvu rwieħhom fi ffissar tal-prezzijiet, f’limitazzjoni tal-output, f’allokazzjoni tas-suq jew f’restrizzjonijiet tal-iżvilupp tekniku (138).

142.

Pereżempju, l-impriżi jistgħu jużaw ftehim ta’ R&Ż sabiex (i) jipprevjenu jew idewmu d-dħul fis-suq ta’ prodotti jew ta’ teknoloġiji; (ii) jikkoordinaw il-karatteristiċi ta’ prodotti jew ta’ teknoloġiji li ma humiex koperti mill-ftehim ta’ R&Ż, jew (iii) jillimitaw it-titjib ta’ prodott jew ta’ teknoloġija żviluppata b’mod konġunt.

2.3.5.   Effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni

143.

Sabiex jiġi vvalutat jekk ftehim ta’ kooperazzjoni fir-R&Ż għandux l-effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, huwa neċessarju li jitqiesu l-parametri rilevanti tal-kompetizzjoni fil-każ partikolari. Dawk il-parametri jistgħu jinkludu l-prezz tal-prodott, iżda wkoll il-livell ta’ innovazzjoni tiegħu, il-kwalità tiegħu f’diversi aspetti, kif ukoll id-disponibbiltà tiegħu, inkluż f’termini ta’ żmien meħtieġ, ir-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista, l-affidabbiltà tal-provvista u l-kostijiet tat-trasport.

144.

Il-ftehimiet ta’ R&Ż li ma jinkludux l-isfruttament konġunt tar-riżultati tar-R&Ż permezz tal-liċenzjar, il-produzzjoni u/jew it-tqegħid fis-suq rarament iwasslu għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni. Tali ftehimiet x’aktarx li jwasslu biss għal effetti antikompetittivi meta jirrestrinġu l-kompetizzjoni għall-innovazzjoni.

2.3.5.1.   Saħħa fis-suq

145.

B’mod ġenerali, il-ftehimiet ta’ R&Ż huma kapaċi biss li jwasslu għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) meta waħda jew aktar mill-partijiet għall-ftehim ikollha s-saħħa fis-suq fuq suq eżistenti rilevanti tal-prodotti jew tat-teknoloġija jew meta l-ftehim iwassal għal tnaqqis sinifikanti fil-kompetizzjoni għall-innovazzjoni.

146.

Ma hemm l-ebda limitu assolut li ’l fuq minnu jista’ jiġi preżunt li ftehim ta’ R&Ż joħloq jew iżomm is-saħħa fis-suq u, għalhekk, li kapaċi jwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni. Madankollu, aktar ma tkun b’saħħitha l-pożizzjoni kombinata tal-partijiet fis-swieq rilevanti, inkluża l-pożizzjoni tagħhom fir-rigward tal-innovazzjoni, aktar ikun probabbli li l-ftehim ta’ R&Ż iwassal għal effetti restrittivi (139).

2.3.5.2.   Ir-R&Ż relatati ma’ prodotti jew ma’ teknoloġiji eżistenti

147.

Jekk ir-R&Ż ikunu mmirati lejn it-titjib jew is-sostituzzjoni ta’ prodott jew ta’ teknoloġija eżistenti, l-effetti possibbli jikkonċernaw is-suq/swieq rilevanti għal dawk il-prodotti jew it-teknoloġiji eżistenti. Effetti fuq il-prezzijiet, fuq l-output, fuq il-kwalità tal-prodott, fuq il-varjetà tal-prodott jew fuq l-iżvilupp tekniku fis-swieq eżistenti huma, madankollu, probabbli biss jekk il-partijiet flimkien ikollhom pożizzjoni b’saħħitha, id-dħul ikun diffiċli u jekk il-kompetituri ta’ partijiet terzi ma jkunux kapaċi jirrestrinġu l-imġiba tal-partijiet, pereżempju minħabba n-numru limitat tagħhom jew minħabba riżorsi jew ħiliet inferjuri. Barra minn hekk, jekk ir-R&Ż jikkonċernaw biss input relattivament minuri għal prodott finali, kwalunkwe effett fuq il-kompetizzjoni fis-suq/swieq rilevanti għal dak il-prodotti finali x’aktarx ikun limitat.

148.

Jekk ir-R&Ż ikunu mmirati lejn is-sostituzzjoni ta’ prodott jew ta’ teknoloġija eżistenti, l-effetti antikompetittivi possibbli jinkludu, pereżempju, id-dewmien fl-iżvilupp tal-prodott jew tat-teknoloġija ta’ sostituzzjoni. Dan jista’ jseħħ, b’mod partikolari, meta l-partijiet ikollhom saħħa fis-suq tal-prodott jew tat-teknoloġija eżistenti u jkunu wkoll l-uniċi impriżi involuti fir-R&Ż relatati ma’ sostituzzjoni għall-prodott jew għat-teknoloġija eżistenti. Effett simili jista’ jseħħ jekk attur ewlieni f’suq eżistenti jikkoopera ma’ attur iżgħar jew anki kompetitur potenzjali li jkun wasal sabiex joħroġ prodott ġdid jew teknoloġija ġdida li tista’ tipperikola l-pożizzjoni tal-inkombent.

149.

Il-ftehimiet ta’ R&Ż li jipprevedu sfruttament konġunt tar-riżultati tar-R&Ż (pereżempju, il-produzzjoni jew id-distribuzzjoni konġunta) għandhom potenzjal akbar li jirrestrinġu l-kompetizzjoni minn ftehimiet li jipprevedu li kull parti tisfrutta r-riżultati tar-R&Ż b’mod indipendenti. Fil-każ ta’ sfruttament konġunt, l-effetti restrittivi fil-forma ta’ żieda fil-prezzijiet jew ta’ tnaqqis fil-produzzjoni fi swieq eżistenti huma aktar probabbli meta waħda jew aktar mill-partijiet ikollha s-saħħa fis-suq. Min-naħa l-oħra, jekk l-isfruttament konġunt jitwettaq biss permezz ta’ liċenzjar lil partijiet terzi, effetti restrittivi bħall-esklużjoni ma humiex probabbli.

2.3.5.3.   Innovazzjoni relatata ma’ prodotti kompletament ġodda u ma’ sforzi bikrin ta’ innovazzjoni

150.

Fir-rigward tal-ftehimiet ta’ R&Ż relatati (i) mal-iżvilupp ta’ prodotti jew ta’ teknoloġiji li joħolqu domanda kompletament ġdida jew (ii) mal-isforzi bikrin ta’ innovazzjoni, l-effetti fuq il-prezz u fuq l-output fuq is-swieq eżistenti ġeneralment ikunu improbabbli. F’każijiet bħal dawn, il-valutazzjoni tiffoka fuq ir-restrizzjonijiet possibbli tal-kompetizzjoni għall-innovazzjoni li jikkonċernaw, pereżempju, il-kwalità u l-varjetà ta’ prodotti jew ta’ teknoloġiji futuri possibbli jew il-veloċità jew il-livell tal-innovazzjoni. Il-valutazzjoni trid tqis li l-eżitu tar-R&Ż huwa min-natura tiegħu inċert u li l-eżiti, b’mod ġenerali, se jkunu anqas ċerti għal sforzi bikrin ta’ innovazzjoni milli għall-isforzi ta’ R&Ż li huma qrib it-tnedija fis-suq tal-prodotti jew tat-teknoloġiji li jirriżultaw mill-ftehim ta’ R&Ż.

151.

Ġeneralment, l-effetti restrittivi x’aktarx li ma jirriżultawx jekk numru suffiċjenti ta’ partijiet terzi jkollhom proġetti ta’ R&Ż li jikkompetu. Madankollu, l-effetti negattivi huma aktar probabbli meta l-ftehim ta’ R&Ż jgħaqqad flimkien l-isforzi indipendenti ta’ R&Ż li jinsabu fi stadju li huwa qrib it-tnedija tal-prodott jew tat-teknoloġija l-ġdida. L-effetti restrittivi jistgħu jirriżultaw direttament mill-koordinazzjoni tal-isforzi ta’ R&Ż tal-partijiet, irrispettivament minn jekk il-ftehim ta’ R&Ż fihx restrizzjonijiet fuq il-kapaċità tal-partijiet li jwettqu r-R&Ż b’mod indipendenti jew ma’ partijiet terzi. Pereżempju, il-ftehim ta’ R&Ż jista’ jwassal lil waħda jew aktar mill-partijiet sabiex jabbandunaw il-proġett ta’ R&Ż tagħhom u jgħaqqdu l-kapaċitajiet tagħhom ma’ dawk tal-partijiet l-oħrajn.

2.3.5.4.   Skambji ta’ informazzjoni

152.

L-implimentazzjoni ta’ ftehim ta’ R&Ż tista’ teħtieġ l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva. Jekk il-ftehim nnifsu ta’ R&Ż ma jaqax taħt il-projbizzjoni tal-Artikolu 101(1) minħabba li għandu effetti newtrali jew pożittivi fuq il-kompetizzjoni, skambju ta’ informazzjoni li huwa anċillari għal dak il-ftehim lanqas ma jaqa’ taħt dik il-projbizzjoni (140). Dan huwa l-każ jekk l-iskambju ta’ informazzjoni jkun oġġettivament neċessarju sabiex jiġi implimentat il-ftehim ta’ R&Ż u jkun proporzjonat għall-objettivi tiegħu (141).

153.

Fejn l-iskambju ta’ informazzjoni jmur lil hinn minn dak li huwa oġġettivament meħtieġ biex jiġi implimentat il-ftehim dwar ir-R&Ż jew ma jkunx proporzjonat għall-objettivi tiegħu, dan għandu jiġi vvalutat bl-użu tal-gwida pprovduta fil-Kapitolu 6 (142). Jekk l-iskambju ta’ informazzjoni huwa skont l-Artikolu 101(1), xorta jista’ jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3).

2.4.   Valutazzjoni individwali tal-ftehimiet ta’ R&Ż skont l-Artikolu 101(3)

154.

Meta ftehim ta’ R&Ż jirrestrinġi l-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1), xorta waħda jikkonforma mal-Artikolu 101 jekk jissodisfa l-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi tal-Artikolu 101(3) (ara t-Taqsima 1.2.7).

2.4.1.   Titjib fl-effiċjenza

155.

Ftehimiet ta’ R&Ż – bi sfruttament konġunt tar-riżultati tar-R&Ż jew mingħajru – spiss jiġġeneraw titjib fl-effiċjenza billi:

(a)

jgħaqqdu l-ħiliet u l-assi komplementari tal-partijiet, u b’hekk jirriżultaw fi żvilupp u f’kummerċjalizzazzjoni aktar rapidi ta’ prodotti u ta’ teknoloġiji mtejbin jew ġodda milli mingħajr il-kooperazzjoni;

(b)

iwasslu għal tixrid ta’ għarfien aktar estensiv, li jista’ jwassal għal aktar innovazzjoni;

(c)

jagħtu lok għal tnaqqis fil-kostijiet jew għal tnaqqis fid-dipendenzi fil-każ ta’ prodotti jew ta’ teknoloġiji li għalihom ikun hemm numru limitat ta’ fornituri.

156.

Tali titjib fl-effiċjenza jista’ jikkontribwixxi għal suq intern reżiljenti.

157.

Jistgħu jitqiesu biss benefiċċji oġġettivi għall-fini tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) (143). Pereżempju, ftehim ta’ R&Ż jista’ jirriżulta fl-abbandun tar-R&Ż kollha jew ta’ parti minnhom minn waħda jew aktar mill-partijiet. Dan jista’ jnaqqas il-kostijiet (fissi) għall-partijiet ikkonċernati iżda x’aktarx ma jwassalx għal benefiċċji għall-konsumaturi, sakemm il-partijiet ma jkunux jistgħu juru li t-tnaqqis fin-numru ta’ sforzi fir-R&Ż x’aktarx li jingħeleb minn prodotti li jidħlu fis-suq aktar malajr jew probabbiltà ogħla li r-R&Ż jirnexxu.

2.4.2.   Indispensabbiltà

158.

Ir-restrizzjonijiet li jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-kisba tat-titjib fl-effiċjenza ġġenerat permezz ta’ ftehim ta’ R&Ż ma jissodisfawx il-kriterji tal-Artikolu 101(3). B’mod partikolari, ir-restrizzjonijiet fundamentali elenkati fl-Artikolu 8 tar-REK R&Ż (144) x’aktarx li ma jissodisfawx il-kriterju tal-indispensabbiltà f’valutazzjoni individwali.

2.4.3.   Trasferiment lill-konsumaturi

159.

It-titjib fl-effiċjenza miksub permezz ta’ restrizzjonijiet indispensabbli jrid jingħadda lill-konsumatur sa punt li jisboq l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni kkawżati mill-ftehim ta’ R&Ż. Pereżempju, l-introduzzjoni ta’ prodotti ġodda jew imtejbin fis-suq trid tissupera kwalunkwe żieda fil-prezz jew kwalunkwe effett restrittiv ieħor fuq il-kompetizzjoni.

160.

B’mod ġenerali, huwa aktar probabbli li ftehim ta’ R&Ż iġib titjib fl-effiċjenza li jippermetti lill-konsumaturi sehem ġust mill-benefiċċju li jirriżulta meta l-partijiet jikkombinaw ħiliet u assi komplementari, bħall-kapaċitajiet ta’ riċerka żviluppati f’setturi differenti jew f’oqsma differenti tar-riċerka.

161.

Barra minn hekk, aktar ma tkun għolja s-saħħa fis-suq tal-partijiet anqas ikun probabbli li t-titjib fl-effiċjenza jingħadda lill-konsumaturi sa punt li jisboq l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni.

2.4.4.   L-ebda eliminazzjoni tal-kompetizzjoni

162.

Il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) ma jistgħux jiġu ssodisfati jekk il-ftehim ta’ R&Ż jagħti lill-partijiet il-possibbiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ parti sostanzjali mill-prodotti jew mit-teknoloġiji inkwistjoni. Meta tiġi applikata din il-kundizzjoni, irid jitqies l-impatt tal-ftehim fuq il-kompetizzjoni għall-innovazzjoni.

2.5.   Żmien rilevanti għall-valutazzjoni

163.

Il-valutazzjoni tal-ftehimiet restrittivi skont l-Artikolu 101 issir fil-kuntest attwali li fih iseħħu u abbażi tal-fatti eżistenti fi kwalunkwe żmien partikolari. Il-valutazzjoni hija sensittiva għal bidliet materjali fil-fatti (145). L-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 101(3) tapplika sakemm l-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi tal-Artikolu 101(3) jiġu ssodisfati, u ma tibqax tapplika meta dan ma jibqax il-każ.

164.

Madankollu, meta jiġi applikat l-Artikolu 101(3), huwa neċessarju li jitqiesu l-investimenti irrekuperabbli magħmulin minn xi waħda mill-partijiet u ż-żmien meħtieġ u r-restrizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġi impenjat u rkuprat investiment li jsaħħaħ l-effiċjenza. L-Artikolu 101 ma jistax jiġi applikat mingħajr ma jitqiesu tali investiment ex ante. Ir-riskju li jiffaċċjaw il-partijiet u l-investiment mitluf li jrid isir sabiex jiġi implimentat il-ftehim jistgħu b’hekk iwasslu sabiex il-ftehim jaqa’ barra mill-Artikolu 101(1) jew jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3), skont il-każ, għall-perjodu ta’ żmien meħtieġ biex jiġi rkuprat l-investiment. Meta l-investiment jirriżulta f’invenzjoni u l-partijiet jiksbu drittijiet esklużivi fir-rigward ta’ dik l-invenzjoni skont ir-regoli dwar il-proprjetà intellettwali, il-perjodu ta’ rkupru għall-investiment ġeneralment ma jkollux probabbiltà li jaqbeż il-perjodu ta’ esklużività mogħti minn dawk ir-regoli.

165.

F’xi każijiet, l-effetti ta’ ftehim restrittiv jistgħu jkunu irriversibbli. Malli l-ftehim restrittiv jiġi implimentat is-sitwazzjoni ex ante ma tkunx tista’ tiġi stabbilita mill-ġdid. F’każijiet bħal dawn, il-valutazzjoni trid issir esklużivament fuq il-bażi tal-fatti eżistenti fiż-żmien tal-implimentazzjoni.

166.

Pereżempju, fil-każ ta’ ftehim ta’ R&Ż dwar prodott kompletament ġdid li ma jtejjibx, ma jissostitwix u lanqas ma jieħu post prodott eżistenti, li bih kull parti taqbel li tabbanduna l-proġett ta’ riċerka tagħha stess u tgħaqqad il-kapaċitajiet tagħha ma’ dawk tal-parti(jiet) l-oħra, jista’ jkun teknikament u ekonomikament impossibbli li l-proġetti abbandunati jerġgħu jinbdew. Jekk il-ftehim ikun kompatibbli mal-Artikolu 101 fiż-żmien li jiġi konkluż, pereżempju għaliex numru suffiċjenti ta’ partijiet terzi ikollhom proġetti ta’ R&Ż f’kompetizzjoni, il-ftehim tal-partijiet li jabbandunaw il-proġetti individwali tagħhom jibqa’ kompatibbli mal-Artikolu 101, anki jekk aktar ’il quddiem il-proġetti tal-partijiet terzi jfallu.

167.

Madankollu, il-projbizzjoni tal-Artikolu 101(1) tista’ tapplika għal partijiet oħrajn tal-ftehim li fir-rigward tagħhom ma tqumx il-kwistjoni ta’ irriversibbiltà. Jekk, pereżempju, minbarra r-R&Ż konġunti, il-ftehim jipprovdi għal sfruttament konġunt, l-Artikolu 101 jista’ japplika għal dawk id-dispożizzjonijiet tal-ftehim jekk, minħabba żviluppi sussegwenti fis-suq, il-ftehim iwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni u ma jissodisfax (jew ma jibqax jissodisfa) il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3), b’kunsiderazzjoni dovuta tal-investimenti irrekuperabbli ex ante.

2.6.   Eżempji

168.

Ftehimiet ta’ R&Ż dwar prodotti li joħolqu domanda kompletament ġdida

Eżempju 1

Sitwazzjoni: Il-Kumpaniji A u B it-tnejn għamlu investimenti sinifikanti fir-R&Ż biex jiżviluppaw komponent elettroniku ġdid f’minjatura. Huwa mistenni li l-komponent il-ġdid mhux se jtejjeb jew jissostitwixxi l-komponenti eżistenti, iżda minflok se joħloq domanda kompletament ġdida. Kull waħda mill-Kumpaniji A u B żviluppat prototipi u tistenna li se tkun tista’ tpoġġihom fis-suq f’madwar 18-il xahar. Barra minn hekk, il-Kumpaniji A u B jistennew li l-ewwel komponent li jilħaq is-suq biss se jkun blockbuster f’termini ta’ dħul u t-tieni kumpanija li ddaħħal il-prodott tagħha fis-suq ma hijiex se tkun tista’ tirkupra l-investimenti konsiderevoli li għamlet fir-R&Ż, filwaqt li jekk iż-żewġ kumpaniji jibdew ibigħu l-prodott fis-suq fl-istess żmien, il-Kumpaniji A u B jistennew li jkunu jistgħu jagħmlu profitt konsiderevoli. Għalhekk, jaqblu li jikkombinaw l-isforzi tagħhom fir-R&Ż f’impriża konġunta li tiżviluppa l-prototip tal-Kumpanija A u mbagħad tipproduċi l-komponent il-ġdid u tfornih liż-żewġ kumpaniji, li jikkummerċjalizzawh b’mod indipendenti. Bħala riżultat tal-ftehim ta’ impriża konġunta, il-Kumpanija B tabbanduna l-iżvilupp tal-prototip tagħha stess. Billi jgħaqqdu flimkien l-isforzi tagħhom fir-R&Ż, il-partijiet jistennew li jkunu jistgħu jqiegħdu l-komponent il-ġdid fis-suq f’anqas minn sena. L-ebda kumpanija oħra ma qiegħda tiżviluppa komponent sostitwibbli.

Analiżi:

Applikabbiltà tar-REK R&Ż: Il-komponent elettroniku f’minjatura li miegħu huwa relatat il-ftehim ta’ R&Ż joħloq domanda kompletament ġdida. Ma jtejjibx, ma jissostitwix u lanqas ma jieħu post prodott eżistenti. Il-Kumpaniji A u B huma kompetituri fil-livell tal-innovazzjoni; madankollu, dawn ma jaqgħux fid-definizzjoni ta’ kompetituri effettivi jew potenzjali stabbilita fir-REK R&Ż (146), u għalhekk il-ftehim tagħhom ma jkunx soġġett għal-limitu tas-sehem mis-suq stabbilit fl-Artikolu 6(1) tar-REK R&Ż. Minflok, il-ftehim ta’ R&Ż bejn il-Kumpaniji A u B se jkun kopert mill-Artikolu 6(2) tar-REK R&Ż u, għalhekk, il-ftehim se jkun eżentat għad-durata tar-R&Ż, dment li l-ftehim jissodisfa l-kundizzjonijiet l-oħrajn kollha għall-eżenzjoni inklużi fir-REK R&Ż (pereżempju, il-kundizzjonijiet relatati mal-aċċess għar-riżultati tar-R&Ż, in-nuqqas ta’ restrizzjonijiet fundamentali, eċċ.).

Probabbiltà ta’ rtirar tal-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija:

(i)

Restrizzjoni tal-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1): Il-ftehim ta’ R&Ż ikun jirriżulta fl-abbandun mill-Kumpanija B tal-iżvilupp tal-komponent prototip tagħha, li fin-nuqqas tiegħu, il-Kumpnaija B, x’aktrax li kienet tqiegħed il-prototip fis-suq f’madwar 18-il xahar. Fiż-żmien meta l-Kumpaniji A u B jidħlu fil-ftehim ta’ R&Ż, huma l-uniċi impriżi involuti fir-R&Ż fir-rigward tal-komponent elettroniku f’minjatura, u l-ebda impriża oħra ma qiegħda tiżviluppa komponent sostitwibbli. Barra minn hekk, il-kumpaniji jinsabu fi stadju tard tal-proċess tar-R&Ż (jistennew li jqiegħdu l-komponent fis-suq f’madwar 18-il xahar) u, permezz tal-ftehim, iż-żewġ kumpaniji jistgħu jevitaw tellieqa sabiex ikunu l-ewwel li jilħqu s-suq, u b’hekk inaqqsu r-riskju li ma jkunux jistgħu jirkupraw l-investiment kollu jew parti minnu li diġà jkunu għamlu. Għaldaqstant, il-ftehim ta’ R&Ż jidher li x’aktarx jirrestrinġi l-kompetizzjoni għall-innovazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1). Din il-konklużjoni ma tinbidilx mill-fatt li kull parti tikkummerċjalizza l-komponent il-ġdid b’mod indipendenti.

(ii)

Nuqqas ta’ ssodisfar tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3): L-impriża konġunta tippermetti lill-partijiet iqiegħdu l-komponent il-ġdid fis-suq aktar malajr, li hija effiċjenza oġġettiva li kapaċi tibbenefika lill-konsumaturi. Madankollu, dan l-iffrankar ta’ żmien x’aktarx li ma jisboqx it-tnaqqis fil-kompetizzjoni għall-innovazzjoni u fil-varjetà tal-prodotti li jirriżultaw mill-abbandun tal-prototip mill-Kumpanija B, minħabba li huwa probabbli li l-prodott ta’ B kien jiġi introdott fis-suq qabel, jew mhux aktar tard minn f’perjodu qasir wara l-prodott ta’ A u l-partijiet ma jiffaċċjaw l-ebda restrizzjoni kompetittiva oħra fil-livell tal-innovazzjoni. Għalhekk, jidher li l-ftehim ta’ R&Ż ma jissodisfax tal-anqas waħda mill-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi tal-Artikolu 101(3), jiġifieri s-sehem ġust għall-konsumaturi. F’dak ix-xenarju, il-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija x’aktarx li jiġi rtirat, kif previst fl-Artikolu 10 tar-REK R&Ż, u l-ftehim x’aktarx li jkun ipprojbit minħabba li jikser l-Artikolu 101.

169.

Ftehimiet ta’ R&Ż li jinvolvu korpi akkademiċi/ istituti ta’ riċerka

Eżempju 2

Sitwazzjoni: Il-Kumpanija A hija produttur ewlieni ta’ pestiċidi agrikoli. Hija attiva f’suq upstream għall-ingredjenti tal-pestiċidi, bl-ingredjent X tagħha, u f’suq downstream għall-pestiċidi bil-pestiċida Y tagħha. L-ingredjent X huwa input ewlieni għall-produzzjoni tal-pestiċida Y.

Il-Kumpanija A tippjana li tiffinanzja proġett ta’ riċerka mmirat lejn it-titjib tal-ingredjent X, sabiex il-klijenti li jużaw il-pestiċidi Y ikunu jistgħu jiksbu l-istess rendimenti tal-għelejjel billi jużaw kwantitajiet iżgħar ta’ pestiċida. Għal dan l-għan, il-Kumpanija A tidħol fi ftehim ta’ R&Ż mal-Università B, li għandha kapaċitajiet sinifikanti ta’ R&Ż fl-ingredjenti tal-pestiċidi. L-Università B ma tipproduċix u lanqas ma tbigħ pestiċidi jew ingredjenti tal-pestiċidi.

Il-ftehim ta’ R&Ż jipprovdi li l-Kumpanija A tiffinanzja, iżda ma twettaqx, l-attivitajiet ta’ R&Ż, li jitwettqu mill-Università B. Il-ftehim ta’ R&Ż ma jippermettix lill-Università B tisfrutta r-riżultati tar-R&Ż. Il-ftehim ta’ R&Ż jirriżerva d-dritt li jiġu sfruttati r-riżultati tar-R&Ż bi ħlas esklużivament lill-kumpanija A. L-Università B għandha biss id-dritt li tuża r-riżultati tar-R&Ż għall-finijiet ta’ aktar R&Ż.

Analiżi:

Applikabbiltà tar-REK R&Ż: Il-Kumpanija A u l-Università B ma humiex impriżi li jikkompetu skont it-tifsira tar-REK R&Ż. Skont l-Artikolu 6(2) tar-REK R&Ż, ma jeħtieġ li jintlaħaq l-ebda limitu tas-sehem mis-suq.

L-Artikolu 3 tar-REK R&Ż jimponi bħala kundizzjoni ġenerali għall-eżenzjoni ta’ kategorija li l-partijiet kollha għall-ftehim ta’ R&Ż jeħtieġ li jkollhom aċċess sħiħ għar-riżultati tar-R&Ż bi ħlas għall-finijiet tat-twettiq ta’ aktar R&Ż u għall-isfruttament. Il-ftehim ta’ R&Ż ma jissodisfax din il-kundizzjoni. Madankollu, il-ftehim ta’ R&Ż jaqa’ fl-eċċezzjoni speċjali prevista mill-Artikolu 3(5) tar-REK R&Ż, li skontha l-ftehimiet ta’ R&Ż li jirrestrinġu l-użu tar-riżultati tar-R&Ż mill-korpi akkademiċi biss għal aktar R&Ż (jiġifieri, il-ftehim jeskludi l-isfruttament tar-riżultati) jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni ta’ kategorija.

Għalhekk, dment li l-kundizzjonijiet l-oħrajn tar-REK R&Ż jiġu ssodisfati, il-ftehim ta’ R&Ż bejn il-Kumpanija A u l-Università B jibbenefika mill-eżenzjoni ta’ kategorija u ma tkun meħtieġa l-ebda valutazzjoni ulterjuri.

170.

Impatt tal-kooperazzjoni fir-R&Ż u l-ambjent

Eżempju 3

Sitwazzjoni: Żewġ kumpaniji tal-inġinerija li jipproduċu komponenti tal-vetturi jiftiehmu li jistabbilixxu impriża konġunta sabiex jgħaqqdu l-isforzi ta’ R&Ż eżistenti tagħhom bl-għan li jtejbu l-prestazzjoni ta’ komponent eżistenti. Jekk ir-R&Ż konġunti jirnexxu, il-komponent imtejjeb ikollu impatt pożittiv fuq l-ambjent: vetturi li jinkorporaw il-komponent jikkonsmaw anqas fjuwil u, għalhekk, jarmu anqas CO2. Il-kumpaniji jistennew li l-kombinazzjoni tal-isforzi tagħhom ta’ R&Ż se taċċellera l-iżvilupp tal-prodott imtejjeb. Il-ftehim ta’ impriża konġunta jipprevedi li kull kumpanija tkompli timmanifattura u tbigħ il-komponenti (eżistenti u mtejbin) b’mod indipendenti. Fis-suq tal-Unjoni kollha għall-provvista tal-komponent eżistenti, iż-żewġ kumpaniji għandhom ishma mis-suq ta’ 15 % u ta’ 20 %, rispettivament. Hemm tliet manifatturi ta’ komponenti sinifikanti oħrajn li jikkompetu. Iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott għall-komponent huwa tipikament minn 3 snin sa 5 snin. F’kull waħda mill-aħħar 3 snin, wieħed mill-manifatturi ewlenin tal-komponenti introduċa verżjoni ġdida jew aġġornament.

Analiżi:

Applikabbiltà tar-REK R&Ż: Skont ir-REK R&Ż, is-“suq rilevanti tal-prodotti” huwa s-suq għall-prodotti li jistgħu jittejbu, jiġu ssostitwiti jew jittiħdilhom posthom mill-prodotti tal-kuntratt. F’dan il-każ, dan huwa s-suq għall-komponent tal-vetturi li r-R&Ż għandhom l-għan li jtejbu. Il-partijiet għandhom sehem kombinat ta’ 35 % fis-suq tal-prodotti rilevanti. Peress li dan jaqbeż il-limitu tas-sehem mis-suq ta’ 25 % fir-REK R&Ż, l-impriża konġunta ma tistax tibbenefika mill-eżenzjoni ta’ kategorija.

Valutazzjoni individwali skont l-Artikolu 101(1): Billi tgħaqqad l-isforzi ta’ R&Ż tal-partijiet li qabel kienu indipendenti, l-impriża konġunta twassal għal tnaqqis fin-numru ta’ sforzi ta’ R&Ż relatati mat-titjib tal-komponent. Jekk dan joħloqx restrizzjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni fis-suq tal-prodotti rilevanti jew restrizzjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni għall-innovazzjoni jeħtieġ valutazzjoni sħiħa tal-kuntest legali u ekonomiku. Għal dan l-għan, il-fatturi rilevanti jinkludu l-preżenza ta’ tliet manifatturi sinifikanti oħrajn fis-suq tal-prodott rilevanti; ir-rekord ta’ dawk il-manifatturi f’termini ta’ innovazzjoni; iċ-ċiklu tal-ħajja relattivament qasir tal-komponent, u l-fatt li l-partijiet se jkomplu jipproduċu u jbigħu l-komponenti eżistenti u mtejba b’mod indipendenti. B’mod ġenerali, jidher improbabbli li l-impriża konġunta se twassal għal restrizzjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni.

Valutazzjoni individwali skont l-Artikolu 101(3): Valutazzjoni skont l-Artikolu 101(3) tkun neċessarja biss jekk l-impriża konġunta titqies li tirrestrinġi l-kompetizzjoni b’mod sinifikanti skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1). L-aċċellerazzjoni tal-iżvilupp ta’ verżjoni mtejba tal-komponent li tnaqqas il-konsum tal-fjuwil hija effiċjenza oġġettiva. Għalkemm il-partijiet għandhom sehem mis-suq kombinat sinifikanti fis-suq tal-komponenti rilevanti, il-preżenza ta’ kompetituri sinifikanti oħrajn b’rekord tajjeb ta’ innovazzjoni, iċ-ċiklu qasir tal-ħajja tal-komponent u l-fatt li l-partijiet se jkomplu jimmanifatturaw u jbigħu l-komponent b’mod indipendenti jagħmluha probabbli li l-effiċjenza tingħadda lill-konsumaturi u jagħmluha improbabbli li l-impriża konġunta telimina l-kompetizzjoni fis-suq tal-komponenti rilevanti jew telimina l-kompetizzjoni rilevanti għall-innovazzjoni. L-asserzjoni tal-partijiet li l-kombinazzjoni tal-isforzi tagħhom ta’ R&Ż hija indispensabbli sabiex jitħaffef l-iżvilupp tal-komponent imtejjeb tidher plawżibbli. Għalhekk, aktarx li l-impriża konġunta ta’ R&Ż tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3).

171.

Sħubija fir-riċerka

Eżempju 4

Sitwazzjoni: Il-Kumpaniji A, B u Ċ huma atturi ewlenin fit-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli. Jistabbilixxu sħubija ta’ riċerka, li tiddefinixxi aġenda ta’ R&Ż li tistabbilixxi viżjoni komuni fit-tul għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda tal-enerġija rinnovabbli u t-titjib ta’ dawk eżistenti. Din l-aġenda se tiġi implimentata permezz ta’ numru ta’ ftehimiet sussegwenti separati li jkopru proġetti individwali konġunti u bi ħlas ta’ R&Ż.

Din l-aġenda se tiġi fformalizzata f’memorandum ta’ qbil (MtQ), li jistabbilixxi qafas għall-kooperazzjoni tal-partijiet, inklużi l-objettivi, it-termini u l-kundizzjonijiet, ir-regoli ta’ governanza u l-arranġamenti ta’ monitoraġġ. B’mod partikolari, il-MtQ jipprovdi mekkaniżmu ta’ kumpens għal każijiet li fihom parti waħda tixtieq tisfrutta r-riżultati tar-R&Ż imwettqin mill-partijiet l-oħrajn.

Analiżi:

Applikabbiltà tar-REK R&Ż: Peress li l-MtQ ma jirrigwardax proġetti speċifiċi ta’ R&Ż (sempliċiment jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ R&Ż li se jkunu s-suġġett ta’ ftehimiet separati u sussegwenti), il-MtQ minnu nnifsu ma jikkostitwixxix ftehim ta’ R&Ż skont it-tifsira tar-REK R&Ż. Għalhekk, l-eżenzjoni ta’ kategorija ma hijiex applikabbli.

Valutazzjoni individwali skont l-Artikolu 101(1) u l-Artikolu 101(3): Il-partijiet għall-MtQ ilkoll huma attivi fil-qasam tat-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli, iżda l-MtQ huwa ftehim qafas ta’ livell għoli li ma huwiex relatat mal-proġetti speċifiċi ta’ R&Ż. Għalhekk, ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat jekk il-partijiet humiex kompetituri effettivi jew potenzjali għall-finijiet ta’ dak il-ftehim. Ikun possibbli biss li tiġi vvalutata r-relazzjoni kompetittiva tagħhom meta jidħlu fi ftehimiet ta’ implimentazzjoni sussegwenti ta’ R&Ż. Għalhekk, il-MtQ ma jirrestrinġix il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1).

3.   FTEHIMIET TA’ PRODUZZJONI

3.1.   Introduzzjoni

172.

Dan il-Kapitolu jipprovdi gwida dwar il-valutazzjoni tal-ftehimiet ta’ produzzjoni orizzontali. Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, produzzjoni tfisser il-manifattura ta’ oġġetti u t-tħejjija ta’ servizzi (147).

173.

Il-ftehimiet ta’ produzzjoni jvarjaw fil-forma u fl-ambitu:

(a)

jistgħu jipprevedu li l-produzzjoni titwettaq b’mod konġunt, pereżempju permezz ta’ impriża konġunta, tim konġunt jew organizzazzjoni konġunta; jew

(b)

jistgħu jipprevedu li l-produzzjoni titwettaq minn parti waħda biss jew minn żewġ partijiet jew aktar, permezz ta’ forom aktar laxki ta’ kooperazzjoni, bħal ftehimiet ta’ sottokuntrattar.

174.

Ftehimiet ta’ produzzjoni konġunta huma ftehimiet li fl-ambitu tagħhom żewġ impriżi jew aktar jaqblu li jipproduċu ċerti prodotti b’mod konġunt. Il-produzzjoni konġunta tista’ tieħu diversi forom, pereżempju (i) impriża konġunta, jiġifieri kumpanija kkontrollata b’mod konġunt li topera faċilità ta’ produzzjoni waħda jew aktar (148), jew (ii) tim konġunt jew organizzazzjoni konġunta magħmula minn numru ugwali jew mhux ugwali ta’ rappreżentanti tal-partijiet.

175.

Ftehimiet ta’ sottokuntrattar huma ftehimiet li permezz tagħhom parti waħda (il-“kuntrattur”) tafda l-produzzjoni ta’ prodott lil parti oħra (is-“sottokuntrattur”). F’dan il-Kapitolu, ftehimiet ta’ sottokuntrattar orizzontali jfissru ftehimiet ta’ sottokuntrattar bejn impriżi li joperaw fl-istess suq tal-prodotti iżda mhux neċessarjament fl-istess suq ġeografiku, u għalhekk irrispettivament minn jekk l-impriżi jkunux kompetituri. Ftehimiet ta’ sottokuntrattar orizzontali jinkludu ftehimiet ta’ speċjalizzazzjoni unilaterali u reċiproċi kif ukoll tipi oħrajn ta’ ftehimiet ta’ sottokuntrattar.

176.

Ftehimiet ta’ speċjalizzazzjoni unilaterali huma ftehimiet bejn żewġ partijiet jew aktar li jkunu attivi fl-istess suq tal-prodotti, li fl-ambitu tagħhom parti waħda jew aktar taqbel li twaqqaf għalkollox jew parzjalment il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti jew li żżomm lura milli tipproduċi dawk il-prodotti u li tixtrihom mingħand il-parti jew il-partijiet l-oħra, li min-naħa tagħhom jaqblu li jipproduċu u jfornu l-prodotti lill-parti jew lill-partijiet li jieqfu jew iżommu lura milli jipproduċuhom.

Eżempju ta’ ftehim ta’ speċjalizzazzjoni unilaterali

Image 1

177.

Ftehimiet ta’ speċjalizzazzjoni reċiproċi huma ftehimiet bejn żewġ partijiet jew aktar li jkunu attivi fl-istess suq tal-prodotti u li fl-ambitu tagħhom żewġ partijiet jew aktar, fuq bażi reċiproka, jaqblu li jwaqqfu għalkollox jew parzjalment jew li jżommu lura milli jipproduċu ċerti prodotti differenti u li jixtru dawk il-prodotti mingħand parti waħda jew aktar minn fost il-partijiet l-oħrajn, li jaqblu li jipproduċu u jfornu l-prodotti lill-parti jew lill-partijiet li jieqfu jew iżommu lura milli jipproduċuhom.

Eżempju ta’ ftehim ta’ speċjalizzazzjoni reċiproku

Image 2

178.

Il-gwida pprovduta f’dan il-Kapitolu tapplika wkoll għal tipi oħrajn ta’ ftehimiet ta’ sottokuntrattar orizzontali. Dan jinkludi ftehimiet ta’ sottokuntrattar immirati lejn l-espansjoni tal-produzzjoni, li fl-ambitu tagħhom il-kuntrattur ma jieqafx jew ma jillimitax fl-istess ħin il-produzzjoni tiegħu stess tal-prodott.

Eżempju ta’ ftehim ta’ speċjalizzazzjoni mmirat lejn l-espansjoni tal-produzzjoni

Image 3

179.

Dawn il-Linji Gwida japplikaw għall-forom kollha ta’ ftehimiet ta’ produzzjoni konġunta orizzontali u ta’ ftehimiet ta’ sottokuntrattar orizzontali (149).

180.

Sabiex iħaffu l-proċess, l-impriżi li jkollhom l-intenzjoni li jidħlu fi ftehimiet ta’ produzzjoni orizzontali jistgħu l-ewwel ikunu jixtiequ jikkunsidraw jekk il-ftehim tagħhom jistax jibbenefika mir-REK ta’ Speċjalizzazzjoni (150). L-eżenzjoni pprovduta mir-REK ta’ Speċjalizzazzjoni hija bbażata fuq is-suppożizzjoni li – sa fejn ftehim ta’ produzzjoni jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) u jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-REK ta’ Speċjalizzazzjoni – ġeneralment ikun jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3). Meta ftehim ta’ produzzjoni orizzontali jissodisfa l-kundizzjonijiet tar-REK ta’ Speċjalizzazzjoni, dan ikun kompatibbli mal-Artikolu 101 u ma tkun neċessarja l-ebda valutazzjoni ulterjuri (151). Meta ftehim ta’ produzzjoni ma jkunx kopert mir-REK ta’ Speċjalizzazzjoni jew ma jissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament, huwa neċessarju li titwettaq valutazzjoni individwali skont l-Artikolu 101 sabiex l-ewwel nett jiġi ddeterminat jekk il-ftehim jirrestrinġix il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) u, jekk iva, jekk il-ftehim jissodisfax l-erba’ kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 101(3).

181.

Dan il-Kapitolu huwa strutturat kif ġej:

(a)

It-Taqsima 3.2 tipprovdi gwida dwar l-identifikazzjoni tas-swieq li huma rilevanti għall-valutazzjoni tal-ftehimiet ta’ produzzjoni;

(b)

It-Taqsima 3.3 tipprovdi gwida dwar l-applikazzjoni tar-REK ta’ Speċjalizzazzjoni, inklużi l-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni tal-ftehimiet ta’ speċjalizzazzjoni, il-limitu tas-sehem mis-suq, u r-restrizzjonijiet fundamentali u esklużi;

(c)

It-Taqsima 3.4 tipprovdi gwida għall-valutazzjoni individwali tal-ftehimiet ta’ produzzjoni skont l-Artikolu 101(1);

(d)

It-Taqsima 3.5 tipprovdi gwida għall-valutazzjoni individwali tal-ftehimiet ta’ produzzjoni skont l-Artikolu 101(3);

(e)

It-Taqsima 3.6 tipprovdi gwida speċifika għall-valutazzjoni tal-ftehimiet dwar il-kondiviżjoni tal-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni mobbli skont l-Artikolu 101(1) u l-Artikolu 101(3).

3.2.   Swieq rilevanti

182.

L-Avviż dwar id-Definizzjoni tas-Swieq jistabbilixxi l-kriterji u l-evidenza ewlenin użati mill-Kummissjoni sabiex tiddefinixxi s-swieq rilevanti meta tinforza d-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (ara wkoll il-paragrafu 44). Dawk il-kriterji huma applikabbli għall-valutazzjoni tal-ftehimiet ta’ produzzjoni skont l-Artikolu 101.

183.

Il-ftehimiet ta’ produzzjoni jaffettwaw is-swieq direttament ikkonċernati mill-kooperazzjoni, jiġifieri s-swieq li għalihom jappartjenu l-prodotti manifatturati skont il-ftehim. Il-ftehimiet ta’ produzzjoni jistgħu jaffettwaw ukoll is-swieq upstream, downstream jew ġirien tas-swieq ikkonċernati direttament mill-kooperazzjoni (“swieq ta’ spill-over”) (152). Huwa probabbli li s-swieq ta’ spill-over bħal dawn ikunu rilevanti għall-valutazzjoni jekk is-swieq ikunu interdipendenti u l-partijiet ikollhom pożizzjoni b’saħħitha fis-suq ta’ spill-over.

184.

Għall-finijiet tar-REK ta’ Speċjalizzazzjoni, is-suq rilevanti jfisser is-suq tal-prodotti u ġeografiku rilevanti li għalih jappartjenu l-prodotti manifatturati skont il-ftehim ta’ speċjalizzazzjoni, u, minbarra dan, meta dawk il-prodotti jkunu prodotti intermedjarji li jintużaw bis-sħiħ jew parzjalment b’mod kaptiv minn waħda jew aktar mill-partijiet bħala inputs għall-produzzjoni ta’ prodotti downstream, is-swieq tal-prodotti u ġeografiċi li għalihom jappartjenu dawk il-prodotti downstream.

3.3.   Ir-REK ta’ Speċjalizzazzjoni

185.

Ir-REK ta’ Speċjalizzazzjoni jeskludi ċerti ftehimiet ta’ produzzjoni mill-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) (153). L-eżenzjoni pprovduta mir-REK ta’ Speċjalizzazzjoni hija bbażata fuq is-suppożizzjoni li – sa fejn ftehim ta’ produzzjoni jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) u jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-REK ta’ Speċjalizzazzjoni – ġeneralment ikun jissodisfa l-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi tal-Artikolu 101(3). Għall-espedjenza, l-impriżi li jkollhom l-intenzjoni li jidħlu fi ftehim ta’ produzzjoni jistgħu l-ewwel ikunu jixtiequ jikkunsidraw jekk il-ftehim tagħhom jistax jibbenefika mir-REK ta’ speċjalizzazzjoni.

186.

Ftehimiet ta’ produzzjoni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tar-REK ta’ Speċjalizzazzjoni huma kompatibbli mal-Artikolu 101 u ma hija neċessarja l-ebda valutazzjoni ulterjuri (154). Meta ftehim ta’ produzzjoni ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tar-REK ta’ Speċjalizzazzjoni, huwa neċessarju li titwettaq valutazzjoni individwali skont l-Artikolu 101 sabiex jiġi ddeterminat, l-ewwel nett, jekk il-ftehim jirrestrinġix il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) (155) u, jekk iva, jekk il-ftehim jissodisfax l-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti fl-Artikolu 101(3).

3.3.1.   Ftehimiet ta’ produzzjoni koperti mir-REK ta’ Speċjalizzazzjoni

187.

Ir-REK ta’ Speċjalizzazzjoni jkopri t-tipi ta’ ftehimiet ta’ produzzjoni orizzontali li ġejjin: (a) ftehimiet ta’ speċjalizzazzjoni unilaterali, (b) ftehimiet ta’ speċjalizzazzjoni reċiproċi, u (c) ftehimiet ta’ produzzjoni konġunta. Ir-REK ta’ Speċjalizzazzjoni juża t-terminu “ftehim ta’ speċjalizzazzjoni” sabiex jirreferi għal dawn it-tliet tipi kollha ta’ ftehimiet ta’ produzzjoni orizzontali. F’kull każ, il-ftehim jista’ jkun relatat mal-manifattura ta’ oġġetti u/jew mat-tħejjija ta’ servizzi (156).

188.

L-Artikolu 1(1), il-punt (1) (a) tar-REK ta’ Speċjalizzazzjoni jiddefinixxi ftehimiet ta’ speċjalizzazzjoni unilaterali kif ġej:

(a)

il-ftehim jinvolvi żewġ partijiet jew aktar;

(b)

il-partijiet għall-ftehim diġà jkunu attivi fl-istess suq tal-prodotti;

(c)

parti waħda jew aktar jaqblu li jwaqqfu kompletament jew parzjalment jew iżommu lura milli jipproduċu ċerti prodotti u li jixtruhom minn waħda jew aktar mill-partijiet l-oħrajn; u

(d)

parti jew partijiet differenti jaqblu li jipproduċu u jfornu dawk il-prodotti lill-parti jew lill-partijiet l-oħra li jieqfu jew li jżommu lura milli jipproduċuhom.

189.

Id-definizzjoni ta’ ftehimiet ta’ speċjalizzazzjoni unilaterali ma teħtieġx: (i) li l-partijiet ikunu attivi fl-istess suq ġeografiku jew (ii) il-parti jew il-partijiet li jieqfu jew li jżommu lura milli jipproduċu ċerti prodotti jnaqqsu l-kapaċità (pereżempju, li jbigħu fabbriki jew jagħlqu linji ta’ produzzjoni). Huwa biżżejjed li dawk il-partijiet inaqqsu l-volum tal-produzzjoni tagħhom.

190.

L-Artikolu 1(1), il-punt (1)(b) tar-REK ta’ Speċjalizzazzjoni jiddefinixxi ftehimiet ta’ speċjalizzazzjoni reċiproċi kif ġej:

(a)

il-ftehim jinvolvi żewġ partijiet jew aktar;

(b)

il-partijiet għall-ftehim diġà jkunu attivi fl-istess suq tal-prodotti;

(c)

żewġ partijiet jew aktar, fuq bażi reċiproka, jaqblu li jwaqqfu kompletament jew parzjalment jew li jżommu lura milli jipproduċu ċerti prodotti differenti u li jixtru dawk il-prodotti mingħand parti waħda jew aktar mill-partijiet l-oħrajn; u

(d)

waħda jew aktar mill-partijiet l-oħrajn jaqblu li jipproduċu u jfornu dawk il-prodotti lill-partijiet l-oħrajn li jieqfu jew li jżommu lura milli jipproduċuhom.

191.

Id-definizzjoni ta’ ftehimiet ta’ speċjalizzazzjoni reċiproka ma teħtieġx: (i) li l-partijiet ikunu attivi fl-istess suq ġeografiku jew (ii) li l-partijiet li jieqfu jew li jżommu lura milli jipproduċu jeħtiġilhom inaqqsu l-kapaċità tagħhom (pereżempju, li jbigħu fabbriki jew jagħlqu linji ta’ produzzjoni). Huwa biżżejjed li dawk il-partijiet inaqqsu l-volum tal-produzzjoni tagħhom.

192.

L-Artikolu 1(1), il-punt (1)(c) tar-REK ta’ Speċjalizzazzjoni jiddefinixxi ftehimiet ta’ produzzjoni konġunta kif ġej:

(a)

il-ftehim jinvolvi żewġ partijiet jew aktar; u

(b)

il-partijiet jaqblu li jipproduċu ċerti prodotti b’mod konġunt.

193.

Ir-REK ta’ Speċjalizzazzjoni ma jiddefinix it-terminu “konġunta” fil-kuntest tal-produzzjoni. Għall-finijiet tar-REK ta’ Speċjalizzazzjoni, il-produzzjoni konġunta tista’ tieħu kwalunkwe forma (pereżempju, impriża konġunta, organizzazzjoni konġunta, tim konġunt). Barra minn hekk, fil-każ ta’ ftehimiet ta’ produzzjoni konġunta ma hemm l-ebda rekwiżit li parti waħda jew aktar trid tieqaf jew iżżomm lura milli tipproduċi kwalunkwe prodott.

3.3.2.   Dispożizzjonijiet oħrajn koperti mir-REK ta’ Speċjalizzazzjoni

194.

L-eżenzjoni pprovduta mir-REK ta’ Speċjalizzazzjoni tapplika wkoll għal ċerti dispożizzjonijiet li jintużaw b’mod komuni fil-ftehimiet ta’ produzzjoni.

195.

Dispożizzjonijiet dwar iċ-ċessjoni jew il-liċenzjar tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali lil waħda jew aktar mill-partijiet. L-Artikolu 2(3) tar-REK ta’ Speċjalizzazzjoni jipprevedi li l-eżenzjoni ta’ kategorija tapplika wkoll għal ftehimiet ta’ speċjalizzazzjoni li jinkludu dispożizzjonijiet dwar iċ-ċessjoni jew il-liċenzjar ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali lil waħda jew aktar mill-partijiet, dment li dawk id-dispożizzjonijiet jissodisfaw żewġ kundizzjonijiet kumulattivi:

(a)

ikunu direttament relatati mal-implimentazzjoni tal-ftehim ta’ speċjalizzazzjoni u neċessarji għaliha; u

(b)

ma jikkostitwixxix l-iskop primarju tal-ftehim.

196.

Dispożizzjonijiet dwar l-obbligi ta’ provvista jew ta’ xiri. L-Artikolu 2(4), il-punt (a) tar-REK ta’ Speċjalizzazzjoni jipprevedi li l-eżenzjoni ta’ kategorija tapplika wkoll għal ftehimiet ta’ speċjalizzazzjoni li fl-ambitu tagħhom il-partijiet jaċċettaw obbligi ta’ forniment esklużiv u ta’ xiri esklużiv (157), li huma ddefiniti kif ġej:

(a)

Obbligu ta’ forniment esklużiv tfisser obbligu lil-prodotti ta’ speċjalizzazzjoni ma jiġux fornuti lil impriża kompetitriċi ħlief lil parti jew lil partijiet fil-ftehim (ara l-Artikolu 1(1), il-punt (10) tar-REK ta’ Speċjalizzazzjoni). Il-prodotti ta’ speċjalizzazzjoni jfisser l-prodotti manifatturati skont ftehim ta’ speċjalizzazzjoni (ara l-Artikolu 1(1), il-punt (6) tar-REK ta’ Speċjalizzazzjoni).

(b)

Obbligu ta’ xiri esklużiv tfisser obbligu ta’ xiri tal-prodotti ta’ speċjalizzazzjoni biss mingħand parti jew partijiet fil-ftehim (ara l-Artikolu 1(1), il-punt (11) tar-REK ta’ Speċjalizzazzjoni).

3.3.3.   Distribuzzjoni skont ir-REK ta’ Speċjalizzazzjoni

197.

L-Artikolu 2(4), il-punt (b) tar-REK ta’ Speċjalizzazzjoni jipprevedi li l-eżenzjoni ta’ kategorija tapplika wkoll għal ftehimiet ta’ speċjalizzazzjoni li jipprevedu d-distribuzzjoni konġunta tal-prodotti ta’ speċjalizzazzjoni. Il-partijiet jibqgħu liberi wkoll li jbigħu l-prodotti ta’ speċjalizzazzjoni b’mod indipendenti.

198.

L-Artikolu 1(1), il-punt (13) tar-REK ta’ Speċjalizzazzjoni jiddefinixxi “distribuzzjoni” bħala l-bejgħ u l-forniment tal-prodotti ta’ speċjalizzazzjoni lill-klijenti, inkluża l-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawk il-prodotti.

199.

L-Artikolu 1(1), il-punt (12) tar-REK ta’ Speċjalizzazzjoni jiddefinixxi “konġunt” fil-kuntest tad-distribuzzjoni bħala:

(a)

distribuzzjoni mwettqa minn tim konġunt, minn organizzazzjoni konġunta jew minn impriża konġunta, jew

(b)

distribuzzjoni mwettqa minn distributur terz li jissodisfa żewġ kundizzjonijiet kumulattivi:

(a)

id-distributur jitqabbad b’mod konġunt mill-partijiet fil-ftehim ta’ speċjalizzazzjoni (fuq bażi esklużiva jew mhux esklużiva); u

(b)

d-distributur ma jkunx kompetitur attwali jew potenzjali tal-partijiet fil-ftehim ta’ speċjalizzazzjoni.

3.3.4.   Servizzi skont ir-REK ta’ Speċjalizzazzjoni

200.

Ir-REK ta’ Speċjalizzazzjoni japplika għal ftehimiet ta’ speċjalizzazzjoni li jikkonċernaw it-tħejjija tas-servizzi. It-tħejjija tas-servizzi tirreferi għal attivitajiet imwettqin upstream mill-forniment ta’ servizzi lill-klijenti (l-Artikolu 1(1), il-punt (5) tar-REK ta’ Speċjalizzazzjoni). Eżempji ta’ tħejjija tas-servizzi jinkludu l-ħolqien jew l-operat ta’ pjattaforma li permezz tagħha jiġu fornuti s-servizzi.

201.

Madankollu, kif spjegat fil-premessa 6 tar-REK ta’ Speċjalizzazzjoni, il-forniment ta’ servizzi lill-klijenti jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-REK ta’ Speċjalizzazzjoni, ħlief meta l-partijiet jaqblu li flimkien jfornu servizzi mħejjin skont l-ftehim ta’ speċjalizzazzjoni.

3.3.5.   Limitu tas-sehem mis-suq u durata tal-eżenzjoni

3.3.5.1.   Livell limitu tas-sehem mis-suq

202.

Il-ftehimiet ta’ speċjalizzazzjoni jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni ta’ kategorija meta jiġu ssodisfati l-limiti tas-sehem mis-suq li ġejjin, stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-REK ta’ Speċjalizzazzjoni:

(a)

Is-sehem mis-suq kombinat tal-partijiet ma jaqbiżx l-20 % fis-suq/swieq rilevanti li għalih(om) jappartjenu l-prodotti ta’ speċjalizzazzjoni.

(b)

Meta l-prodotti ta’ speċjalizzazzjoni jkunu prodotti intermedjarji li jintużaw kompletament jew parzjalment b’mod kaptiv minn parti waħda jew aktar bħala inputs għall-produzzjoni ta’ ċerti prodotti downstream, li l-partijiet ibigħu wkoll, l-eżenzjoni prevista fir-REK ta’ Speċjalizzazzjoni tapplika biss jekk jiġu ssodisfati dawn il-kundizzjonijiet:

(a)

is-sehem mis-suq kombinat tal-partijiet ma jaqbiżx l-20 % fis-suq/swieq rilevanti li għalih(om) jappartjenu l-prodotti ta’ speċjalizzazzjoni; u

(b)

is-sehem mis-suq kombinat tal-partijiet ma jaqbiżx l-20 % fis-suq/swieq rilevanti li għalih(om) jappartjenu l-prodotti downstream. Ir-REK ta’ Speċjalizzazzjoni jiddefinixxi “prodott downstream” bħala prodott li għalih prodott ta’ speċjalizzazzjoni jintuża minn parti waħda jew aktar bħala input u li jinbiegħ minn dawk il-partijiet fis-suq (l-Artikolu 1(1), il-punt (7) tar-REK ta’ Speċjalizzazzjoni).

3.3.5.2.   Kalkolu tal-ishma fis-suq

203.

Ir-REK ta’ Speċjalizzazzjoni jispeċifika li l-ishma mis-suq tal-partijiet iridu jiġu kkalkolati fuq il-bażi tad-data dwar il-valur tal-bejgħ fis-suq (l-Artikolu 4(a) tar-REK ta’ Speċjalizzazzjoni). Jekk ma jkunx hemm disponibbli data dwar il-valur tal-bejgħ fis-suq, il-partijiet jistgħu jużaw informazzjoni affidabbli oħra tas-suq (inklużi l-volumi tal-bejgħ fis-suq) sabiex jikkalkolaw l-ishma mis-suq tagħhom.

204.

Il-limitu tas-sehem mis-suq japplika matul id-durata tal-ftehim ta’ speċjalizzazzjoni. Sabiex tiġi vvalutata l-konformità ma’ din il-kundizzjoni, l-ishma mis-suq tal-partijiet iridu jiġu kkalkolati fuq il-bażi ta’ data relatata mas-sena kalendarja ta’ qabel id-data tal-valutazzjoni (l-Artikolu 4(b) tar-REK ta’ Speċjalizzazzjoni).

205.

F’xi każijiet, id-data għas-sena kalendarja ta’ qabel ma tkunx rappreżentattiva tal-pożizzjoni tal-partijiet fis-suq/swieq rilevanti. Dan jista’ jseħħ, pereżempju, fi swieq ikkaratterizzati minn domanda kbira f’daqqa jew irregolari. Eżempji ta’ domanda kbira f’daqqa jistgħu jinstabu fis-swieq tas-sejħiet għal offerti, li fihom l-ishma mis-suq jistgħu jinbidlu b’mod sinifikanti minn sena għal oħra skont jekk parti tingħatax kuntratt jew le. Meta s-sena kalendarja ta’ qabel ma tkunx rappreżentattiva tal-pożizzjoni tal-partijiet fis-suq/swieq rilevanti, is-sehem mis-suq għandu jiġi kkalkolat bħala medja tal-ishma mis-suq tal-partijiet għall-aħħar 3 snin kalendarji preċedenti.

3.3.5.3.   Id-durata tal-eżenzjoni

206.

L-eżenzjoni pprovduta mir-REK ta’ Speċjalizzazzjoni ma hijiex limitata biż-żmien. L-eżenzjoni tapplika għad-durata tal-ftehim ta’ speċjalizzazzjoni sakemm jiġu ssodisfati l-limiti tas-sehem mis-suq u l-kundizzjonijiet l-oħrajn tar-REK ta’ Speċjalizzazzjoni.

207.

L-Artikolu 4(d) tar-REK ta’ Speċjalizzazzjoni jipprevedi li meta s-sehem mis-suq kombinat tal-partijiet inizjalmetn ma jkunx akbar minn 20 %, iżda sussegwentement jitla’ ’l fuq minn 20 % f’tal-anqas wieħed mis-swieq rilevanti kkonċernati mill-ftehim ta’ speċjalizzazzjoni, l-eżenzjoni ta’ kategorija tkompli tapplika għal perjodu ta’ sentejn kalendarji konsekuttivi wara s-sena li fiha jkun inqabeż għall-ewwel darba l-limitu ta’ 20 %.

3.3.6.   Restrizzjonijiet fundamentali fir-REK ta’ Speċjalizzazzjoni

3.3.6.1.   Restrizzjonijiet fundamentali

208.

L-Artikolu 5 tar-REK ta’ Speċjalizzazzjoni fih lista ta’ restrizzjonijiet fundamentali. Restrizzjonijiet fundamentali huma restrizzjonijiet serji tal-kompetizzjoni li ġeneralment jikkawżaw ħsara lis-suq u lill-konsumaturi.

209.

Meta ftehim ta’ speċjalizzazzjoni jinkludi restrizzjoni fundamentali waħda jew aktar minn fost dawk elenkati fl-Artikolu 5 tar-REK ta’ Speċjalizzazzjoni, il-ftehim kollu jkun eskluż mill-eżenzjoni ta’ kategorija.

210.

Ir-restrizzjonijiet fundamentali elenkati fl-Artikolu 5 tar-REK ta’ Speċjalizzazzjoni jistgħu jinġabru fil-kategoriji li ġejjin:

(a)

l-iffissar tal-prezzijiet meta jinbiegħu l-prodotti ta’ speċjalizzazzjoni lil partijiet terzi;

(b)

il-limitazzjoni tal-produzzjoni jew tal-bejgħ; u

(c)

l-allokazzjoni ta’ swieq jew klijenti.

211.

Tali restrizzjonijiet jistgħu jinkisbu (a) direttament jew indirettament, u (b) weħidhom jew flimkien ma’ fatturi oħrajn taħt il-kontroll tal-partijiet għall-ftehim ta’ speċjalizzazzjoni.

3.3.6.2.   Eċċezzjonijiet

212.

L-Artikolu 5 tar-REK ta’ Speċjalizzazzjoni jipprovdi wkoll diversi eċċezzjonijiet għar-restrizzjonijiet fundamentali. Għalhekk, il-ftehimiet ta’ speċjalizzazzjoni li jinkludu dawn id-dispożizzjonijiet ta’ eċċezzjoni xorta jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet l-oħrajn tar-REK ta’ Speċjalizzazzjoni.

(a)

Iffissar tal-prezzijiet. Fil-kuntest ta’ distribuzzjoni konġunta, ir-REK ta’ Speċjalizzazzjoni jippermetti l-iffissar tal-prezzijiet mitlubin lill-klijenti immedjati (l-Artikolu 5(a)).

(b)

Limitazzjoni tal-output jew tal-bejgħ.

(a)

Fil-kuntest ta’ ftehimiet ta’ speċjalizzazzjoni unilaterali jew reċiproċi, ir-REK ta’ Speċjalizzazzjoni jippermetti dispożizzjonijiet dwar l-ammont miftiehem ta’ prodotti li (i) parti jew partijiet ma jibqgħux jipproduċu u/jew li (ii) parti jew partijiet jipproduċu għall-parti jew għall-partijiet l-oħra (l-Artikolu 5(b), il-punt (i));

(b)

Fil-kuntest ta’ ftehimiet ta’ produzzjoni konġunta, ir-REK ta’ Speċjalizzazzjoni jippermetti dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta’ kapaċità u ta’ volumi ta’ produzzjoni għall-partijiet li jikkonċernaw il-prodotti ta’ speċjalizzazzjoni (l-Artikolu 5(b), il-punt (ii));

(c)

Fil-kuntest ta’ distribuzzjoni konġunta, ir-REK ta’ Speċjalizzazzjoni jippermetti dispożizzjonijiet li jistabbilixxu miri ta’ bejgħ għall-prodotti ta’ speċjalizzazzjoni (l-Artikolu 5(b), il-punt (iii)).

3.3.7.   Irtirar tal-benefiċċju tar-REK ta’ Speċjalizzazzjoni

213.

L-Artikoli 6 u 7 tar-REK ta’ Speċjalizzazzjoni jipprevedu li l-Kummissjoni jew l-NCAs jistgħu jirtiraw il-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija skont l-Artikolu 29(1) u l-Artikolu 29(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, rispettivament, meta jsibu li, madankollu, f’każ individwali, ftehim ta’ speċjalizzazzjoni li huwa kopert mill-eżenzjoni ta’ kategorija jkollu effetti li jkunu inkompatibbli mal-Artikolu 101(3). L-Artikolu 6(2) tar-REK ta’ Speċjalizzazzjoni jipprovdi lista mhux eżawrjenti ta’ xenarji li fihom il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li tuża din is-setgħa, jiġifieri meta s-suq rilevanti jkun ikkonċentrat ħafna u l-kompetizzjoni diġà tkun dgħajfa, pereżempju minħabba kwalunkwe raġuni minn fost dawn li ġejjin:

(a)

il-pożizzjonijiet individwali fis-suq ta’ operaturi oħra fis-suq;

(b)

rabtiet bejn parteċipanti oħrajn fis-suq maħluqin minn ftehimiet paralleli ta’ speċjalizzazzjoni;

(c)

rabtiet bejn il-partijiet u parteċipanti oħrajn fis-suq.

214.

Pereżempju, waħda jew aktar mill-partijiet għal ftehim ta’ speċjalizzazzjoni tista’ tkun parti għal ftehimiet ta’ speċjalizzazzjoni separati ma’ parteċipanti oħrajn fis-suq. Inkella, waħda jew aktar mill-partijiet jista’ jkollha rabtiet kuntrattwali jew strutturali ma’ parteċipanti oħrajn fis-suq b’rabta ma’ swieq oħrajn.

215.

Il-gwida pprovduta fil-Kapitolu 2 dwar il-ftehimiet ta’ R&Ż rigward il-proċedura għall-irtirar tal-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija f’każijiet individwali u l-konsegwenzi tal-irtirar hija rilevanti wkoll għall-irtirar tal-benefiċċju tar-REK ta’ Speċjalizzazzjoni (ara t-Taqsima 2.2.6).

3.3.8.   Perjodu ta’ tranżizzjoni

216.

Ir-REK ta’ Speċjalizzazzjoni jipprevedi perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ sentejn (mill-1 ta’ Lulju 2023 sat-30 ta’ Ġunju 2025), li matulu l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) ma tapplikax għal ftehimiet ta’ speċjalizzazzjoni li diġà jkunu fis-seħħ fit-30 ta’ Ġunju 2023 u li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni previsti fir-REK ta’ Speċjalizzazzjoni; iżda jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni previsti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1218/2010 (158).

3.4.   Valutazzjoni individwali tal-ftehimiet ta’ produzzjoni skont l-Artikolu 101(1)

217.

Meta ftehim ta’ produzzjoni ma jkunx jibbenefika mill-eżenzjoni pprovduta mir-REK ta’ Speċjalizzazzjoni, huwa neċessarju li titwettaq valutazzjoni individwali skont l-Artikolu 101. L-ewwel pass fil-valutazzjoni huwa li jiġi ddeterminat jekk il-ftehim jillimitax il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) (159). Jekk il-ftehim jirrestrinġi l-kompetizzjoni skont it-tifsira ta’ dik id-dispożizzjoni, it-tieni pass huwa li jiġi ddeterminat jekk il-ftehim jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) (160).

3.4.1.   Tħassib ewlieni dwar il-kompetizzjoni

218.

Il-ftehimiet ta’ produzzjoni jistgħu jqajmu diversi tipi ta’ tħassib dwar il-kompetizzjoni, inklużi:

(a)

limitazzjoni diretta tal-kompetizzjoni bejn il-partijiet;

(b)

il-koordinazzjoni tal-imġiba kompetittiva tal-partijiet bħala fornituri; jew

(c)

esklużjoni antikompetittiva ta’ partijiet terzi f’suq ta’ spill-over.

219.

Ftehimiet ta’ produzzjoni jistgħu jwasslu għal limitazzjoni diretta tal-kompetizzjoni bejn il-partijiet. Ftehimiet ta’ produzzjoni, u b’mod partikolari impriżi konġunti ta’ produzzjoni (161), jistgħu jwasslu lill-partijiet sabiex jallinjaw direttament il-livelli ta’ output, il-kwalità tal-prodott, il-prezz li bih l-impriża konġunta tbigħ il-prodotti tagħha, jew parametri importanti oħrajn importanti tal-kompetizzjoni (eż. l-innovazzjoni jew is-sostenibbiltà). Dan jista’ jirrestrinġi l-kompetizzjoni anki jekk il-partijiet jbigħu l-prodotti manifatturati fl-ambitu tal-ftehim b’mod indipendenti.

220.

Il-ftehimiet ta’ produzzjoni jistgħu jirriżultaw ukoll fil-koordinazzjoni tal-imġiba kompetittiva tal-partijiet bħala fornituri, jiġifieri eżitu kollużiv, li jwassal għal prezzijiet ogħla, għal produzzjoni mnaqqsa, għal kwalità mnaqqsa tal-prodott, għal varjetà mnaqqsa ta’ prodotti jew għal innovazzjoni mnaqqsa (162). Eżitu kollużiv ikun aktar probabbli meta:

(a)

il-partijiet ikollhom saħħa fis-suq; u

(b)

ikun hemm fatturi li jwasslu għal tali koordinazzjoni, bħal:

(a)

meta l-ftehim ta’ produzzjoni jżid il-komunalità tal-kostijiet tal-partijiet (jiġifieri, il-proporzjon tal-kostijiet varjabbli li l-partijiet ikollhom komuni) sa grad li jippermettilhom jiksbu eżitu kollużiv, jew

(b)

meta l-ftehim jinvolvi skambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva li tkun tista’ twassal għal eżitu kollużiv.

221.

Ftehimiet ta’ produzzjoni jistgħu jwasslu wkoll għal esklużjoni antikompetittiva ta’ partijiet terzi fi swieq downstream f’sitwazzjonijiet meta l-ftehim ta’ produzzjoni jikkonċerna prodott intermedju li jammonta għal proporzjon kbir tal-kostijiet varjabbli ta’ prodott finali li fir-rigward tiegħu l-partijiet jikkompetu downstream. F’dak il-każ, il-partijiet jaf ikunu jistgħu jużaw il-ftehim ta’ produzzjoni sabiex iżidu l-prezz tal-prodott intermedju u b’hekk jgħollu l-kostijiet tar-rivali downstream tagħhom. Dan jista’ jdgħajjef il-kompetizzjoni downstream u jwassal għal prezzijiet finali ogħla.

3.4.2.   Restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan

222.

Ġeneralment, il-ftehimiet li jinvolvu (a) iffissar tal-prezzijiet, (b) limitazzjoni tal-output jew (c) kondiviżjoni ta’ swieq jew ta’ klijenti, jirrestrinġu l-kompetizzjoni minħabba l-għan.

223.

Madankollu, fil-kuntest tal-ftehimiet ta’ produzzjoni, dan ma japplikax fejn:

(a)

il-partijiet jaqblu fuq l-output ikkonċernat direttament mill-ftehim ta’ produzzjoni (pereżempju, il-kapaċità u l-volum tal-produzzjoni ta’ impriża konġunta jew l-ammont miftiehem tal-prodotti esternalizzati), dment li ma tiġix eliminata l-kompetizzjoni fuq parametri oħrajn (pereżempju l-prezzijiet); jew

(b)

ftehim ta’ produzzjoni li jipprevedi wkoll id-distribuzzjoni konġunta tal-prodotti manifatturati b’mod konġunt jipprevedi l-istabbiliment konġunt tal-prezzijiet tal-bejgħ ta’ dawk il-prodotti, u dawk il-prodotti biss, dment li r-restrizzjoni tkun oġġettivament neċessarja għall-implimentazzjoni tal-ftehim dwar il-produzzjoni u d-distribuzzjoni kombinati u proporzjonata sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ dak il-ftehim.

224.

Meta ftehim ta’ produzzjoni ma jaqax taħt il-projbizzjoni tal-Artikolu 101(1) minħabba li jkollu effetti newtrali jew pożittivi fuq il-kompetizzjoni u jkun fih restrizzjoni tal-iffissar tal-prezzijiet kif imsemmija fil-paragrafu 223(b), dan it-trażżin anċillari se jaħrab ukoll mill-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) (163).

225.

Meta ftehim dwar il-produzzjoni jkun fih restrizzjoni relatata mal-output kif imsemmija fil-paragrafu 223(a) li ma tikkostitwixxix trażżin anċillari li jneħħi l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) (164), huwa neċessarju li jiġi vvalutat jekk il-ftehim ikollux probabbiltà li jwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1). Tali restrizzjoni ma tiġix ivvalutata separatament mill-ftehim ta’ produzzjoni, iżda fid-dawl tal-effetti ġenerali tal-ftehim ta’ produzzjoni kollu.

3.4.3.   Effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni

226.

Sabiex jiġi vvalutat jekk ftehim ta’ produzzjoni għandux l-effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1), huwa neċessarju li jitqiesu diversi fatturi. Dawn jinkludu:

(a)

jekk il-partijiet fil-ftehim ikunux kompetituri attwali jew potenzjali (165);

(b)

is-sitwazzjoni li tkun tipprevali fin-nuqqas tal-ftehim, inkluża kwalunkwe restrizzjoni li jkun fih;

(c)

il-karatteristiċi tas-suq rilevanti u jekk il-partijiet għall-ftehim għandhomx saħħa fis-suq;

(d)

in-natura u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kooperazzjoni;

(e)

il-prodotti kkonċernati mill-kooperazzjoni.

3.4.3.1.   Ftehimiet ta’ produzzjoni li x’aktarx ma jwasslux għal effetti restrittivi

227.

Ċerti ftehimiet ta’ produzzjoni x’aktarx li ma jwasslux għal effetti restrittivi:

(a)

ftehimiet ta’ produzzjoni bejn impriżi li ma humiex kompetituri attwali jew potenzjali. Tali ftehimiet ġeneralment ikunu kapaċi jirrestrinġu l-kompetizzjoni biss meta jinkludu dispożizzjonijiet li jeskludu l-kompetizzjoni minn partijiet terzi;

(b)

ftehimiet ta’ produzzjoni li jippermettu lill-partijiet jniedu prodott li, fuq il-bażi ta’ fatturi oġġettivi, kieku ma kinux ikunu jistgħu jipproduċu (pereżempju, minħabba l-kapaċitajiet tekniċi tagħhom) u li ma jwasslux għal eżitu kollużiv fir-rigward ta’ prodotti oħrajn li għalihom jikkompetu l-partijiet;

(c)

ftehimiet ta’ produzzjoni li jaffettwaw is-swieq li fihom il-partijiet ma għandhomx saħħa fis-suq (166), inklużi ftehimiet li jibbenefikaw mill-Avviż De Minimis (167).

3.4.3.2.   Saħħa fis-suq

228.

Huwa biss jekk il-partijiet fil-ftehim ikollhom is-saħħa fis-suq li jkunu jistgħu jżommu l-prezzijiet b’mod profittabbli ogħla mil-livell kompetittiv, jew iżommu b’mod profittabbli l-output, il-kwalità tal-prodott jew il-varjetà taħt il-livelli kompetittivi. Il-punt tat-tluq għall-analiżi tas-saħħa fis-suq huwa (a) is-sehem mis-suq individwali u kkombinat tal-partijiet. Dan normalment jiġi segwit (b) mill-proporzjon tal-konċentrazzjoni u min-numru ta’ atturi fis-suq u (c) minn fatturi dinamiċi, bħad-dħul potenzjali u l-ishma mis-suq li jinbidlu, kif ukoll (d) minn fatturi rilevanti oħrajn.

(a)   Ishma mis-suq

229.

Ma huwiex probabbli li l-impriżi jkollhom saħħa fis-suq taħt ċertu livell ta’ sehem mis-suq.

230.

REK ta’ speċjalizzazzjoni: Il-ftehimiet ta’ speċjalizzazzjoni (168) jibbenefikaw mir-REK ta’ Speċjalizzazzjoni jekk jiġu konklużi bejn partijiet b’sehem mis-suq kombinat li ma jaqbiżx l-20 % fis-swieq rilevanti (169) u jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet l-oħrajn għall-applikazzjoni tar-REK ta’ Speċjalizzazzjoni.

231.

Barra mir-REK ta’ Speċjalizzazzjoni: Għal ftehimiet ta’ produzzjoni orizzontali li ma jikkostitwux ftehimiet ta’ speċjalizzazzjoni kif definiti fir-REK ta’ Speċjalizzazzjoni, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet ma huwiex probabbli li teżisti saħħa fis-suq jekk il-partijiet fil-ftehim ikollhom sehem mis-suq kombinat li ma jaqbiżx l-20 % fis-swieq rilevanti.

232.

Kif spjegat fil-paragrafu 183, ftehim ta’ produzzjoni jista’ jkollu effetti konsegwenzjali fis-swieq upstream, downstream jew fis-suq ġar direttament ikkonċernat mill-kooperazzjoni (pereżempju, meta l-ftehim jikkonċerna prodotti intermedjarji li jintużaw bħala inputs għal prodotti downstream). L-effetti restrittivi fi swieq ta’ spill-over huma aktar probabbli meta s-swieq ikunu interdipendenti u l-partijiet ikollhom is-saħħa fis-suq ta’ spill-over.

233.

Sehem mis-suq ogħla minn 20 %: Jekk is-sehem mis-suq kombinat tal-partijiet jaqbeż l-20 %, huwa neċessarju li jiġu vvalutati l-effetti restrittivi tal-ftehim ta’ produzzjoni. B’mod ġenerali, aktar ma jkunu għoljin l-ishma mis-suq kombinati tal-partijiet, aktar ikun għoli r-riskju li l-ftehim ta’ produzzjoni jżid l-inċentivi tal-partijiet sabiex jgħollu l-prezzijiet tagħhom (u/jew inaqqsu l-kwalità u/jew il-firxa tal-prodotti tagħhom).

(b)   Proporzjon tal-konċentrazzjoni tas-suq

234.

Ġeneralment, ftehim ta’ produzzjoni jkun aktar probabbli li jwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni f’suq konċentrat (jiġifieri suq b’numru limitat ta’ atturi) milli f’suq li ma jkunx konċentrat. F’suq konċentrat, ftehim ta’ produzzjoni jista’ jżid ir-riskju ta’ eżitu kollużiv anki jekk il-partijiet ikollhom biss sehem mis-suq kombinat moderat. Is-sempliċi fatt li s-sehem mis-suq kombinat tal-partijiet jaqbeż bi ftit l-20 % minnu nnifsu ma jimplikax suq konċentrat ħafna.

(c)   Fatturi dinamiċi

235.

Anki jekk l-ishma mis-suq tal-partijiet fil-ftehim u l-proporzjon ta’ konċentrazzjoni tas-suq ikunu għoljin, ir-riskji ta’ effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni xorta jistgħu jkunu baxxi jekk is-suq ikun dinamiku, jiġifieri suq li fih iseħħ dħul u li fih l-ishma mis-suq jinbidlu spiss.

(d)   Fatturi oħrajn rilevanti għall-valutazzjoni tas-saħħa fis-suq

236.

In-numru u l-intensità tar-rabtiet (pereżempju, ftehimiet ta’ kooperazzjoni oħrajn) bejn il-kompetituri fis-suq; il-kapaċità tal-klijenti li jbiddlu l-fornituri, u/jew jekk il-kompetituri x’aktarx li ma jżidux il-provvista jekk il-prezzijiet jiżdiedu jistgħu jkunu rilevanti wkoll sabiex jiġi vvalutat jekk il-partijiet għandhomx saħħa fis-suq.

237.

Fil-każijiet li fihom impriża b’saħħa fis-suq f’suq wieħed tikkoopera ma’ parteċipant ġdid potenzjali fis-suq, pereżempju, ma’ fornitur tal-istess prodott f’suq ġeografiku ġar, il-ftehim jista’ jżid is-saħħa fis-suq tal-inkombent. Dan jista’ jwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni jekk: (a) il-kompetizzjoni attwali fis-suq tal-inkombent diġà tkun dgħajfa, u (b) it-theddida tad-dħul tkun restrizzjoni kompetittiva sinifikanti.

3.4.3.3.   Limitazzjoni diretta tal-kompetizzjoni bejn il-partijiet

238.

Ftehim ta’ produzzjoni jista’ jillimita direttament il-kompetizzjoni bejn il-partijiet b’diversi modi. Pereżempju:

(a)

Il-partijiet f’impriża konġunta ta’ produzzjoni jistgħu jaqblu li jillimitaw l-output tal-impriża konġunta meta mqabbel ma’ dak li kienu jqiegħdu fis-suq li kieku kull waħda minnhom kellha tiddeċiedi l-output tagħha b’mod indipendenti;

(b)

Meta l-karatteristiċi ewlenin tal-prodott jiġu ddeterminati mill-ftehim ta’ produzzjoni, dan jista’ jelimina l-kompetizzjoni bejn il-partijiet fuq parametri ewlenin (pereżempju, il-kwalità u/jew il-firxa ta’ prodotti jew l-innovazzjoni), irrispettivament minn jekk il-ftehim jinvolvix ukoll distribuzzjoni konġunta. Dan it-tħassib huwa partikolarment rilevanti f’industriji li fihom il-produzzjoni tkun l-attività ekonomika ewlenija, bħall-industriji tal-manifattura jew l-ipproċessar tal-ikel;

(c)

Impriża konġunta li titlob prezz ta’ trasferiment għoli lill-partijiet tista’ żżid il-kostijiet tal-input tagħha, li jista’ jwassal għal prezzijiet downstream ogħla. Il-kompetituri terzi jistgħu jikkunsidraw li jkun profittabbli għalihom li jżidu l-prezzijiet tagħhom bħala reazzjoni, u b’hekk jikkontribwixxu għal żidiet fil-prezzijiet fis-suq rilevanti.

239.

B’mod ġenerali, il-ftehimiet ta’ produzzjoni li jipprevedu wkoll distribuzzjoni konġunta (jiġifieri l-bejgħ konġunt tal-prodotti) iġorru riskju ogħla ta’ effetti restrittivi mill-ftehimiet ta’ produzzjoni li huma limitati għall-produzzjoni. Id-distribuzzjoni konġunta ġġib il-kooperazzjoni msaħħa tal-konsumatur u spiss tinvolvi l-istabbiliment konġunt tal-prezzijiet u tal-bejgħ, jiġifieri prattiki li jġorru l-ogħla riskji għall-kompetizzjoni.

3.4.3.4.   Eżitu kollużiv u preklużjoni antikompetittiva

240.

Il-probabbiltà ta’ eżitu kollużiv u/jew ta’ esklużjoni antikompetittiva tiddependi fuq is-saħħa fis-suq tal-partijiet, kif ukoll fuq il-karatteristiċi tas-suq rilevanti. L-abilità tal-partijiet li jiksbu eżitu kollużiv u/jew esklużjoni antikompetittiva tista’ tiżdied ukoll, fost l-oħrajn, bil-komunalità tal-kostijiet jew bi skambju ta’ informazzjoni li jirriżulta mill-ftehim ta’ produzzjoni.

(a)   Komunalità tal-kostijiet

241.

Meta waħda jew aktar mill-partijiet għal ftehim ta’ produzzjoni jkollha s-saħħa fis-suq u l-ftehim iżid il-komunalità tal-kostijiet tal-partijiet għal livell sostanzjali, dan jista’ jżid il-kapaċità tal-partijiet li jiksbu eżitu kollużiv fuq il-prezzijiet (inkluż l-impożizzjoni ta’ prezzijiet ogħla għall-prodotti intermedji sabiex jiġu esklużi l-kompetituri terzi fis-swieq downstream).

242.

Il-komunalità tal-kostijiet tirreferi għall-proporzjon tal-kostijiet varjabbli li l-partijiet għall-ftehim ikollhom komuni bejniethom. Il-kostijiet rilevanti huma l-kostijiet varjabbli tal-prodotti li fir-rigward tagħhom jikkompetu l-partijiet fil-ftehim. Għalhekk, ftehim ikun anqas probabbli li jżid il-komunalità tal-kostijiet meta l-kooperazzjoni tikkonċerna prodotti li jeħtieġu kummerċjalizzazzjoni għalja (pereżempju, prodotti ġodda jew eteroġeni li jeħtieġu kummerċjalizzazzjoni għalja) jew prodotti b’kostijiet għoljin tat-trasport u l-kooperazzjoni ma tinkludix id-distribuzzjoni konġunta ta’ dawk il-prodotti.

243.

Iż-żieda fil-komunalità tal-kostijiet tista’ żżid ukoll il-kapaċità tal-partijiet li jiksbu eżitu kollużiv fi swieq downstream. Dan jista’ jseħħ, pereżempju, meta l-ftehim ta’ produzzjoni jikkonċerna prodott intermedju li jammonta għal proporzjon kbir tal-kostijiet varjabbli ta’ prodott finali li fir-rigward tiegħu l-partijiet jikkompetu downstream. F’dak il-każ, il-partijiet jistgħu jużaw il-ftehim ta’ produzzjoni sabiex iżidu l-prezz tal-prodott intermedju u b’hekk jgħollu l-prezzijiet finali (170).

(b)   Skambji ta’ informazzjoni

244.

L-implimentazzjoni ta’ ftehim ta’ produzzjoni tista’ teħtieġ l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva, pereżempju dwar il-kostijiet u l-proċessi tal-produzzjoni. Fejn il-ftehim ta’ produzzjoni nnifsu ma jaqax taħt il-projbizzjoni tal-Artikolu 101(1) minħabba li għandu effetti newtrali jew pożittivi fuq il-kompetizzjoni, skambju ta’ informazzjoni li huwa anċillari għal dak il-ftehim lanqas ma jaqa’ taħt dik il-projbizzjoni (171). Dan huwa l-każ jekk l-iskambju ta’ informazzjoni jkun oġġettivament neċessarju sabiex jiġi implimentat il-ftehim ta’ produzzjoni u jkun proporzjonat għall-objettivi tiegħu (172). Pereżempju, l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-volumi u l-prezzijiet tal-bejgħ jista’ jkun neċessarju sabiex jiġi implimentat ftehim ta’ produzzjoni li jipprevedi distribuzzjoni konġunta, iżda ġeneralment ma jkunx neċessarju meta l-ftehim ma jinkludix distribuzzjoni konġunta.

245.

Fejn l-iskambju ta’ informazzjoni jmur lil hinn minn dak li huwa oġġettivament meħtieġ biex jiġi implimentat il-ftehim ta’ produzzjoni jew ma jkunx proporzjonat għall-objettivi tiegħu, dan għandu jiġi vvalutat bl-użu tal-gwida pprovduta fil-Kapitolu 6 (173). Jekk l-iskambju ta’ informazzjoni huwa skont l-Artikolu 101(1), xorta jista’ jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3).

3.5.   Valutazzjoni individwali tal-ftehimiet ta’ produzzjoni skont l-Artikolu 101(3)

246.

Meta ftehim ta’ produzzjoni jirrestrinġi l-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) (174) u ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-eżenzjoni previsti mir-REK ta’ Speċjalizzazzjoni (175), huwa neċessarju li jiġi vvalutat jekk il-ftehim jissodisfax l-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi tal-Artikolu 101(3), li huma deskritti fit-Taqsima 1.2.7. Il-fatturi li ġejjin huma rilevanti għall-applikazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet għall-ftehimiet ta’ produzzjoni.

3.5.1.   Titjib fl-effiċjenza

247.

Il-ftehim ta’ produzzjoni jrid jikkontribwixxi sabiex itejjeb il-produzzjoni jew id-distribuzzjoni tal-oġġetti jew sabiex jiġi promoss il-progress tekniku jew ekonomiku.

248.

Il-ftehimiet ta’ produzzjoni jistgħu jiġġeneraw titjib fl-effiċjenza billi, pereżempju:

(a)

jippermettu lill-impriżi jiffrankaw l-ispejjeż li kieku kienu jidduplikaw;

(b)

jgħinu lill-impriżi jtejbu l-kwalità tal-prodott billi jikkombinaw ħiliet u know-how komplementari;

(c)

jippermettu lill-impriżi jżidu l-varjetà tal-prodotti, li altrimenti ma kinux jistgħu jaffordjaw, jew ma kinux jistgħu jiksbu;

(d)

jippermettu lill-impriżi jtejbu t-teknoloġiji tal-produzzjoni jew iniedu prodotti ġodda (bħal prodotti sostenibbli), li altrimenti ma kinux ikunu jistgħu jagħmlu (pereżempju minħabba l-kapaċitajiet tekniċi tagħhom);

(e)

jinċentivaw u jippermettu lill-impriżi jadattaw il-kapaċitajiet tal-produzzjoni tagħhom għal żieda f’daqqa fid-domanda jew għal tnaqqis f’daqqa fil-provvista ta’ ċerti prodotti, li jistgħu jirriżultaw f’nuqqasijiet;

(f)

jippermettu lill-impriżi jipproduċu b’kost aktar baxx, f’każijiet li fihom il-kooperazzjoni tippermetti lill-partijiet iżidu l-produzzjoni u meta l-kostijiet marġinali jonqsu mal-output, jiġifieri, sabiex jiksbu ekonomiji ta’ skala;

(g)

jiffrankaw il-kostijiet permezz ta’ ekonomiji tal-ambitu, jekk il-ftehim jippermetti lill-partijiet iżidu n-numru ta’ tipi differenti ta’ prodotti li jipproduċu.

249.

Dan it-titjib fl-effiċjenza jista’ jikkontribwixxi għal suq intern reżiljenti. Pereżempju, ftehim ta’ produzzjoni jista’ jżid ir-reżiljenza billi l-produzzjoni terġa’ tiġi llokalizzata lejn żoni eqreb lejn sorsi tal-enerġija sostenibbli.

3.5.2.   Indispensabbiltà

250.

Il-ftehim ta’ produzzjoni ma għandux jimponi restrizzjonijiet li ma humiex indispensabbli għall-kisba tal-effiċjenzi skont it-tifsira tal-Artikolu 101(3).

251.

Ir-restrizzjonijiet li jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-kisba tat-titjib fl-effiċjenza ġġenerat permezz ta’ ftehim ta’ produzzjoni ma jissodisfawx il-kriterji tal-Artikolu 101(3). Pereżempju, ir-restrizzjonijiet imposti f’ftehim ta’ produzzjoni fuq l-aġir kompetittiv tal-partijiet fir-rigward tal-produzzjoni barra mill-kooperazzjoni normalment ma jitqisux bħala indispensabbli. B’mod simili, l-iffissar ta’ prezzijiet b’mod konġunt ma jitqiesx indispensabbli jekk il-ftehim ta’ produzzjoni ma jipprevedix għal distribuzzjoni konġunta.

3.5.3.   Trasferiment lill-konsumaturi

252.

Il-ftehim ta’ produzzjoni jrid jippermetti lill-konsumaturi sehem ġust tal-benefiċċju li jirriżulta. It-titjib fl-effiċjenza miksub permezz ta’ restrizzjonijiet indispensabbli jrid jingħadda lill-konsumatur sa punt li jisboq l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni, pereżempju fil-forma ta’ prezzijiet orħos jew ta’ kwalità jew ta’ varjetà aħjar tal-prodotti.

253.

It-titjib fl-effiċjenza li jgawdu minnu biss il-partijiet, jew l-iffrankar tal-kostijiet li jiġi kkawżat mit-tnaqqis fl-output jew mill-allokazzjoni fis-suq ma huwiex biżżejjed sabiex jiġu ssodisfati l-kriterji tal-Artikolu 101(3).

254.

L-iffrankar ta’ kostijiet varjabbli għandu probabbiltà akbar li jingħadda lill-konsumaturi milli l-iffrankar ta’ kostijiet fissi (176).

255.

Barra minn hekk, aktar ma tkun għolja s-saħħa fis-suq tal-partijiet anqas ikun probabbli li t-titjib fl-effiċjenza jingħadda lill-konsumaturi sa punt li jisboq l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni.

3.5.4.   L-ebda eliminazzjoni tal-kompetizzjoni

256.

Il-ftehim ta’ produzzjoni ma jistax jagħti lill-partijiet il-possibbiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ parti sostanzjali mill-prodotti inkwistjoni.

257.

Din il-kundizzjoni trid tiġi vvalutata fis-suq rilevanti li għalih jappartjenu l-prodotti soġġetti għall-ftehim u fi kwalunke suq ta’ spill-over li fih il-ftehim jipproduċi effetti restrittivi.

3.6.   Ftehimiet dwar il-kondiviżjoni ta’ infrastruttura tat-telekomunikazzjoni mobbli

258.

Din it-Taqsima tipprovdi gwida dwar il-valutazzjoni kompetittiva ta’ tip speċifiku ta’ ftehim ta’ produzzjoni: ftehimiet dwar il-kondiviżjoni ta’ infrastruttura tat-telekomunikazzjoni mobbli (177) (imsemmijin f’din it-Taqsima bħala “NSAs”). Dawn huma ftehimiet li taħt l-ambitu tagħhom l-operaturi tan-networks tat-telekomunikazzjoni mobbli jaqsmu l-użu ta’ partijiet mill-infrastruttura tan-network tagħhom, il-kostijiet operatorji u l-kost tat-titjib u tal-manutenzjoni sussegwenti (178). In-networks tal-konnettività huma partikolarment importanti għall-iżvilupp tal-ekonomija u tas-soċjetà diġitali, u huma rilevanti virtwalment għan-negozji u għall-konsumaturi kollha. L-operaturi tan-networks tat-telekomunikazzjoni mobbli spiss jgħaqqdu r-riżorsi tagħhom sabiex joffru servizzi tat-telekomunikazzjoni mobbli b’mod aktar kosteffettiv.

259.

L-NSAs jistgħu jipprevedu l-kondiviżjoni ta’ infrastruttura bażika tas-siti, bħal arbli, kabinetti, antenni jew provvisti tal-enerġija (“kondiviżjoni passiva” jew “kondiviżjoni tas-siti”). L-operaturi tan-networks tat-telekomunikazzjoni mobbli jistgħu jikkondividu wkoll it-tagħmir tan-Network ta’ Aċċess bir-Radju (“RAN”) fis-siti, bħal stazzjonijiet bażi riċetrażmettituri jew nodi kontrolluri (“kondiviżjoni attiva” jew “kondiviżjoni RAN”), jew l-ispettru tagħhom, bħall-baned ta’ frekwenza (“kondiviżjoni tal-ispettru”) (179). L-NSAs jistgħu jinvolvu segmentazzjoni ġeografika, li biha l-operaturi tan-networks tat-telekomunikazzjoni mobbli jaqsmu r-responsabbiltajiet tagħhom għall-installazzjoni, għall-manutenzjoni u għat-tħaddim tal-infrastruttura u tat-tagħmir fit-territorji rispettivi tagħhom.

260.

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-NSAs jistgħu jipprovdu benefiċċji f’termini ta’ tnaqqis fil-kostijiet u ta’ titjib fil-kwalità u fl-għażla. Pereżempju, it-tnaqqis fil-kost tal-varar u tal-manutenzjoni jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi fil-forma ta’ prezzijiet orħos jew ta’ aktar investiment fl-infrastruttura. Bl-istess mod, l-introduzzjoni aktar veloċi ta’ networks u ta’ teknoloġiji ġodda, kopertura usa’ jew grilji tan-network aktar densi jistgħu jwasslu għal titjib fil-kwalità tas-servizzi u għal varjetà usa’ ta’ prodotti u ta’ servizzi. L-NSAs jistgħu jippermettu wkoll il-ħolqien ta’ kompetizzjoni li kieku ma kinitx teżisti (180). Il-Kummissjoni sabet ukoll li l-NSAs jippermettu lill-operaturi tan-networks tat-telekomunikazzjoni mobbli jiksbu aċċess għal networks akbar u aktar effiċjenti (181), mingħajr il-ħtieġa ta’ konsolidazzjoni permezz ta’ fużjonijiet.

261.

Il-Kummissjoni tqis li, fil-prinċipju, l-NSAs, inkluża l-kondiviżjoni tal-ispettru, ma jirrestrinġux il-kompetizzjoni minħabba l-għan skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1), sakemm ma jkunux iservu bħala għodda għall-ħolqien ta’ kartell.

262.

Madankollu, l-NSAs jistgħu jwasslu għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni. Jistgħu jillimitaw il-kompetizzjoni fl-infrastruttura li sseħħ fin-nuqqas tal-ftehim (182). It-tnaqqis fil-kompetizzjoni fl-infrastruttura min-naħa tiegħu jista’ jillimita l-kompetizzjoni fil-provvista ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni mobbli, fil-livell tal-operaturi kif ukoll fil-livell tal-bejgħ bl-imnut. Dan minħabba li kompetizzjoni aktar limitata fil-livell tal-infrastruttura tista’ taffettwa l-parametri tal-kompetizzjoni bħan-numru, il-post u l-kapaċità installata tas-siti tal-infrastruttura, id-disponibbiltà ta’ konnessjonijiet backhaul (183) għal siti fejn il-partijiet għall-NSA jikkolokalizzaw it-tagħmir tal-komunikazzjoni mobbli tagħhom, iż-żmien tal-varar ta’ siti ġodda, kif ukoll l-ammont ta’ kapaċità installata f’kull sit (184), li, min-naħa tiegħu, jista’ jaffettwa l-kwalità tas-servizz u l-prezzijiet fil-livell tal-operaturi u tal-bejgħ bl-imnut.

263.

L-NSAs jistgħu jnaqqsu wkoll l-indipendenza tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-partijiet u jillimitaw il-kapaċità jew l-inċentivi tagħhom sabiex jinvolvu rwieħhom f’kompetizzjoni fl-infrastruttura ma’ xulxin. Min-naħa tiegħu, dan jista’ jnaqqas il-flessibbiltà tal-partijiet fl-innovazzjoni u fid-differenzjazzjoni tat-teknoloġija/tal-prodotti fis-swieq tat-telekomunikazzjoni mobbli fil-livell tal-operaturi u tal-bejgħ bl-imnut u b’hekk jillimita l-kompetizzjoni bejniethom (185). Għalhekk, il-ftehimiet dwar il-kondiviżjoni ta’ infrastruttura mobbli – minħabba l-effetti tagħhom fuq l-istruttura tas-suq – jistgħu jagħmlu ħsara lill-konsumaturi finali billi jwasslu għal anqas għażla, għal kwalità aktar baxxa tas-servizzi, kif ukoll għal dewmien fl-innovazzjoni (186). Pereżempju, dan jista’ jseħħ minħabba ċerti termini tekniċi (187), kuntrattwali (188) jew finanzjarji fil-ftehim (189). Meta l-partijiet għall-NSA jkunu kompetituri, l-iskambji ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva bejniethom jistgħu jqajmu wkoll tħassib dwar il-kompetizzjoni jekk l-iskambju ta’ informazzjoni jisboq dak li jkun oġġettivament neċessarju u proporzjonat għall-implimentazzjoni tal-ftehim.

264.

L-NSAs dejjem jeħtieġu valutazzjoni individwali skont l-Artikolu 101 (190). Skont il-fatti tal-każ, xi wħud mill-fatturi li ġejjin jew il-fatturi kollha li ġejjin jistgħu jkunu rilevanti għall-valutazzjoni:

(a)

it-tip u l-profondità tal-kondiviżjoni (inkluż il-grad ta’ indipendenza miżmum mill-operaturi tan-networks tat-telekomunikazzjoni mobbli) (191);

(b)

l-ambitu tas-servizzi kondiviżi u tat-teknoloġiji kondiviżi, l-iskop tal-kondiviżjoni (tal-ispettru), id-durata u l-istruttura tal-kooperazzjoni stabbilita mill-ftehimiet;

(c)

l-ambitu ġeografiku u l-kopertura tas-suq tal-NSA (pereżempju, il-kopertura tal-popolazzjoni u jekk il-ftehim jikkonċernax żoni b’popolazzjoni densa) (192);

(d)

il-karatteristiċi u l-istruttura tas-suq rilevanti (l-ishma mis-suq tal-partijiet, l-ammont ta’ spettru miżmum mill-partijiet, il-qrubija tal-kompetizzjoni bejn il-partijiet, in-numru ta’ operaturi barra mill-ftehim u l-firxa tal-pressjoni kompetittiva eżerċitata minnhom, l-ostakli għad-dħul, ftehimiet ma’ partijiet terzi (bħal sidien ta’ partijiet terzi ta’ komponenti ta’ infrastruttura tan-network jew fornituri ta’ servizzi ta’ partijiet terzi, pereżempju, fornituri ta’ servizzi ta’ towering));

(e)

in-numru ta’ NSAs fis-suq rilevanti u n-numru u l-identità tal-operaturi tan-networks parteċipanti.

265.

Filwaqt li valutazzjoni każ b’każ ibbażata fuq il-fatturi ta’ hawn fuq dejjem tkun meħtieġa, il-Kummissjoni tqis li, sabiex NSA ma jiġix ikkunsidrat, prima facie, li x’aktarx ikollu effetti restrittivi skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1), dan irid jikkonforma, bħala minimu, mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

Kull wieħed mill-operaturi parteċipanti jikkontrolla u jopera n-network ewlieni tiegħu stess u ma hemm l-ebda diżinċentiv tekniku, kuntrattwali, finanzjarju jew ieħor li jipprevjeni lil kull operatur milli jimplimenta unilateralment kwalunkwe varar u titjib ta’ infrastruttura li jixtieq jimplimenta;

(b)

L-operaturi parteċipanti jżommu operazzjonijiet indipendenti bl-imnut u fil-livell tal-operaturi (indipendenza teknika u kummerċjali tat-teħid ta’ deċiżjonijiet). Dan jinkludi l-libertà li jistabbilixxu l-prezzijiet għas-servizzi tagħhom, li jiddeterminaw il-parametri tal-prodott/tal-pakketti u li jiddistingwu s-servizzi tagħhom fuq il-bażi tal-kwalità u ta’ parametri oħrajn;

(c)

L-operaturi parteċipanti jżommu l-kapaċità li jsegwu strateġiji indipendenti tal-ispettru (193);

(d)

L-operaturi parteċipanti ma jiskambjaw l-ebda informazzjoni kummerċjalment sensittiva għajr dik li tkun strettament neċessarja sabiex il-kondiviżjoni tal-infrastruttura mobbli tiffunzjona u, meta jkun neċessarju, ġew stabbiliti ostakli għall-iskambju ta’ informazzjoni.

266.

Fl-aħħar nett, il-gwida ġenerali li ġejja hija pprovduta għad-diversi tipi ta’ ftehimiet dwar il-kondiviżjoni ta’ infrastruttura mobbli (194):

(a)

Il-ftehimiet ta’ kondiviżjoni passiva (195) x’aktarx ma jagħtux lok għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni, dment li (i) l-operaturi tan-networks iżommu grad sinifikanti ta’ indipendenza u flessibbiltà fid-definizzjoni tal-istrateġija kummerċjali tagħhom, tal-karatteristiċi tas-servizzi tagħhom u tal-investimenti tagħhom fin-networks u (ii) l-aċċess għall-infrastruttura passiva fis-suq rilevanti ma jkunx ristrett (f’dan ir-rigward, il-fatturi rilevanti li għandhom jitqiesu huma, pereżempju, l-obbligi regolatorji jew l-arranġamenti kummerċjali eżistenti li jillimitaw tali aċċess);

(b)

Ftehimiet ta’ kondiviżjoni attiva (196) huma aktar probabbli li jwasslu għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni. Dan għaliex, meta mqabbla mal-kondiviżjoni passiva, il-kondiviżjoni attiva ġeneralment tinvolvi kooperazzjoni aktar estensiva fil-komponenti tan-network li x’aktarx jaffettwaw mhux biss il-kopertura iżda wkoll il-varar indipendenti tal-kapaċità;

(c)

Il-ftehimiet dwar il-kondiviżjoni tal-ispettru (imsejħin wkoll “akkomunament tal-ispettru”) huma forma aktar estensiva ta’ kooperazzjoni u jistgħu jkomplu jirrestrinġu l-kapaċità tal-partijiet li jiddifferenzjaw l-offerti tagħhom fil-livell tal-bejgħ bl-imnut u/jew fil-livell tal-operaturi u jillimitaw direttament il-kompetizzjoni bejniethom (197). Filwaqt li l-kondiviżjoni tal-ispettru tar-radju tista’ tkun permessa mill-awtoritajiet regolatorji meta jagħtu drittijiet għall-użu tal-ispettru tar-radju, (198) dawn il-ftehimiet jeħtieġu valutazzjoni aktar bir-reqqa tal-Artikolu 101 minn forom oħrajn ta’ kondiviżjoni tan-networks (199).

3.7.   Eżempji

267.

Limitazzjoni diretta tal-kompetizzjoni

Eżempju 1

Sitwazzjoni: Il-Kumpaniji A u B, żewġ fornituri ta’ prodott X, jiddeċiedu li jagħlqu l-impjanti tal-produzzjoni qodma eżistenti tagħhom u jibnu impjant tal-produzzjoni ġdid, akbar u aktar effiċjenti immexxi b’impriża konġunta, li jkollu kapaċità ogħla mill-kapaċità totali tal-impjanti l-qodma tal-Kumpaniji A u B. Il-kompetituri qegħdin jużaw l-impjanti tal-produzzjoni eżistenti tagħhom b’kapaċità massima u ma għandhom l-ebda pjan ta’ espansjoni. Il-Kumpaniji A u B għandhom ishma mis-suq ta’ 20 % u ta’ 25 %, rispettivament, fis-suq rilevanti għall-prodott X. Is-suq huwa konċentrat u staġnat; ma kien hemm l-ebda dħul reċenti u l-ishma mis-suq ilhom stabbli żmien twil. Il-kostijiet tal-produzzjoni jikkostitwixxu parti kbira mill-kostijiet varjabbli tal-Kumpanija A u tal-Kumpanija B għall-prodott X. Il-kummerċjalizzazzjoni hija attività ekonomika minuri f’termini ta’ kostijiet u ta’ importanza strateġika meta mqabbla mal-produzzjoni: il-kostijiet tal-kummerċjalizzazzjoni huma baxxi, billi l-prodott X huwa omoġenju u stabbilit, u t-trasport ma huwiex fattur ewlieni tal-kompetizzjoni.

Analiżi:

Applikabbiltà tar-REK ta’ Speċjalizzazzjoni: Ir-REK ta’ Speċjalizzazzjoni ma japplikax, peress li s-sehem mis-suq kombinat tal-partijiet jaqbeż l-20 % fis-suq rilevanti għall-prodott X. Għalhekk, hija neċessarja valutazzjoni individwali tal-ftehim ta’ produzzjoni.

Valutazzjoni individwali skont l-Artikolu 101(1): Jekk l-impriża konġunta tirriżulta fil-kondiviżjoni mill-Kumpaniji A u B tal-biċċa l-kbira tal-kostijiet varjabbli tagħhom għall-prodott X, x’aktarx li tillimita direttament il-kompetizzjoni bejniethom. L-impriża konġunta tista’ wkoll twassal lill-partijiet sabiex jillimitaw l-output tagħhom tal-prodott X meta mqabbel mal-output li kieku kienu jqiegħdu fis-suq li kieku kull parti tiddeċiedi l-output tagħha b’mod indipendenti. Fid-dawl tar-restrizzjonijiet limitati li l-kompetituri se jeżerċitaw f’termini ta’ kapaċità, din il-limitazzjoni tal-output tista’ twassal għal prezzijiet ogħla.

Għalhekk, l-impriża konġunta tal-produzzjoni x’aktarx li tillimita l-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) fis-suq għall-prodott X.

Valutazzjoni individwali skont l-Artikolu 101(3): Is-sostituzzjoni taż-żewġ impjanti tal-produzzjoni l-qodma iżgħar b’impjant ġdid tista’ twassal lill-impriża konġunta sabiex żżid l-output bi prezzijiet orħos għall-benefiċċju tal-konsumaturi. Madankollu, il-ftehim ta’ produzzjoni jista’ jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) biss jekk il-partijiet juru li t-titjib fl-effiċjenza se jkun sostanzjali, u x’aktarx li jingħadda lill-konsumaturi sa punt li jisboq l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni.

268.

Eżiti kollużivi u rabtiet bejn il-kompetituri

Eżempju 2

Sitwazzjoni: Żewġ fornituri, il-Kumpaniji A u B, jifformaw impriża konġunta tal-produzzjoni għall-manifattura tal-prodott Y. Il-Kumpaniji A u B għandhom ishma mis-suq ta’ 15 % u ta’ 10 %, rispettivament, fis-suq għall-prodott Y. Hemm tliet atturi oħrajn fis-suq: il-Kumpanija Ċ, li għandha sehem mis-suq ta’ 30 %, il-Kumpanija D b’25 % u l-Kumpanija E b’20 %. Il-Kumpanija B diġà għandha impjant tal-produzzjoni konġunta mal-Kumpanija D. Il-prodott Y huwa omoġenju; it-teknoloġija sottostanti hija sempliċi, u l-fornituri għandhom kostijiet varjabbli simili ħafna.

Analiżi:

Applikabbiltà tar-REK ta’ Speċjalizzazzjoni: Ir-REK ta’ Speċjalizzazzjoni ma japplikax, peress li s-sehem mis-suq kombinat tal-partijiet jaqbeż l-20 % fis-suq rilevanti għall-prodott Y. Għalhekk, hija neċessarja valutazzjoni individwali tal-ftehim ta’ produzzjoni.

Valutazzjoni individwali skont l-Artikolu 101(1): Is-suq huwa kkaratterizzat minn ftit parteċipanti, b’ishma mis-suq simili u b’kostijiet tal-produzzjoni varjabbli simili. L-impriża konġunta bejn il-Kumpaniji A u B se toħloq rabta addizzjonali bejn il-fornituri fis-suq, u de facto żżid il-konċentrazzjoni fis-suq, għaliex se tgħaqqad ukoll il-Kumpanija D mal-Kumpaniji A u B. Din il-kooperazzjoni x’aktarx li żżid ir-riskju ta’ eżitu kollużiv u, għalhekk, x’aktarx li tirrestrinġi l-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1).

Valutazzjoni individwali skont l-Artikolu 101(3): Il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) jistgħu jiġu ssodisfati biss fil-preżenza ta’ titjib sinifikanti fl-effiċjenza li jingħadda lill-konsumaturi sa punt li jisboq l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni. Madankollu, f’dan l-eżempju, minħabba n-natura omoġenja tal-prodott Y u s-sempliċità tat-teknoloġija sottostanti tiegħu, dan jidher improbabbli.

269.

Esklużjoni antikompetittiva

Eżempju 3

Sitwazzjoni: Il-Kumpaniji A u B jistabbilixxu impriża konġunta tal-produzzjoni għall-prodott intermedju X, li tkopri l-produzzjoni kollha tagħhom tal-prodott X. Il-prodott X huwa input ewlieni għall-produzzjoni tal-prodott downstream Y u l-ebda tip ieħor ta’ prodott ma huwa sostitwibbli bħala inputs. Il-kostijiet tal-produzzjoni ta’ X jammontaw għal 50 % tal-kostijiet varjabbli tal-prodott finali Y, li fir-rigward tiegħu l-Kumpaniji A u B jikkompetu downstream. Kull waħda mill-Kumpaniji A u B għandha sehem ta’ 20 % fis-suq downstream għall-prodott Y. Id-dħul f’dan is-suq downstream kien limitat u l-ishma mis-suq ilhom stabbli. Minbarra li jkopru d-domanda tagħhom stess għall-prodott X (użu kaptiv), kemm il-Kumpanija A kif ukoll il-Kumpanija B għandhom sehem mis-suq ta’ 30 % fis-suq għall-prodott X (il-bejgħ lill-partijiet terzi). Hemm ostakli għoljin għad-dħul fis-suq għall-prodott X, u l-produtturi eżistenti qegħdin joperaw viċin tal-kapaċità massima tagħhom. Fis-suq għall-prodott Y, hemm żewġ fornituri sinifikanti oħrajn, kull wieħed b’sehem mis-suq ta’ 15 %, u diversi kompetituri iżgħar. L-impriża konġunta tiġġenera ekonomiji ta’ skala fil-forma ta’ tnaqqis fil-kostijiet fissi tal-kwartieri ġenerali tal-partijiet.

Analiżi:

Applikabbiltà tar-REK ta’ Speċjalizzazzjoni: Ir-REK ta’ Speċjalizzazzjoni ma japplikax, peress li s-sehem mis-suq kombinat tal-partijiet jaqbeż l-20 % kemm fis-suq għall-prodott intermedju X kif ukoll fis-suq għall-prodott downstream Y. Għalhekk, hija neċessarja valutazzjoni individwali tal-ftehim ta’ produzzjoni.

Valutazzjoni individwali skont l-Artikolu 101(1): Fid-dawl tal-impriża konġunta tal-produzzjoni u tas-sehem mis-suq kombinat għoli tagħhom fis-suq upstream għall-prodott X, il-Kumpaniji A u B se jkunu jistgħu jikkontrollaw fil-biċċa l-kbira l-provvisti tal-input essenzjali X lill-kompetituri tagħhom fis-suq downstream għal Y. Dan x’aktarx jagħti lill-Kumpaniji A u B il-kapaċità li jżidu l-kostijiet tar-rivali tagħhom, billi jżidu b’mod artifiċjali l-prezz ta’ X, jew billi jnaqqsu l-output. Dan jista’ jeskludi lil kompetituri tal-Kumpaniji A u B fis-suq għal Y. Minħabba din il-probabbiltà ta’ esklużjoni antikompetittiva downstream, dan il-ftehim x’aktarx li jirrestrinġi l-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1).

Valutazzjoni individwali skont l-Artikolu 101(3): L-ekonomiji ta’ skala ġġenerati mill-impriża konġunta tal-produzzjoni huma limitati għal kostijiet fissi u huwa improbabbli li jisbqu l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni u, għalhekk, huwa improbabbli li dan il-ftehim jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3).

270.

Ftehim ta’ produzzjoni bħala allokazzjoni tas-suq

Eżempju 4

Sitwazzjoni: Il-Kumpaniji A u B it-tnejn li huma jimmanifatturaw iż-żewġ prodotti X u Y. Il-Kumpanija A għandha sehem mis-suq ta’ 30 % fis-suq għall-prodott X u sehem ta’ 10 % fis-suq għall-prodott Y. Il-Kumpanija B għandha sehem mis-suq ta’ 10 % fis-suq għall-prodott X u sehem ta’ 30 % fis-suq għall-prodott Y. Sabiex jiksbu ekonomiji ta’ skala fil-produzzjoni, il-Kumpaniji A u B jidħlu fi ftehim ta’ produzzjoni li permezz tiegħu l-Kumpanija A tipproduċi biss il-prodott X u l-Kumpanija B tipproduċi biss il-prodott Y. Il-ftehim ma jipprevedix li l-partijiet ifornu l-prodotti lil xulxin. B’riżultat ta’ dan, wara l-ftehim, il-Kumpanija A tbigħ biss il-prodott X u l-Kumpanija B tbigħ biss il-prodott Y. Il-partijiet jasserixxu li billi jispeċjalizzaw b’dan il-mod, huma se jiffrankaw kostijiet fissi sinifikanti, minħabba l-ekonomiji ta’ skala, u li billi kull waħda minnhom tiffoka fuq prodott wieħed biss, huma jtejbu t-teknoloġiji tal-produzzjoni tagħhom, li jwasslu għal prodotti ta’ kwalità aħjar.

Analiżi:

Applikabbiltà tar-REK ta’ Speċjalizzazzjoni: Ir-REK ta’ Speċjalizzazzjoni ma japplikax, peress li s-sehem mis-suq kombinat tal-partijiet jaqbeż l-20 % f’kull wieħed mis-swieq rilevanti għall-prodotti X u Y. Fi kwalunkwe każ, il-ftehim ma jikkwalifikax bħala ftehim ta’ speċjalizzazzjoni reċiproku skont id-definizzjoni tar-REK ta’ Speċjalizzazzjoni, peress li l-partijiet ma jaqblux li jfornu lil xulxin bil-prodotti li huma rispettivament jieqfu jipproduċu. Għalhekk, hija meħtieġa valutazzjoni individwali tal-ftehim.

Valutazzjoni individwali skont l-Artikolu 101(1): Skont il-ftehim, il-Kumpaniji A u B jaqblu li jieqfu jipproduċu (u jbigħu) prodotti li fir-rigward tagħhom jikkompetu. Għalhekk, il-ftehim għandu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1).

Valutazzjoni individwali skont l-Artikolu 101(3): L-allegat titjib fl-effiċjenza miksub mill-ftehim (tnaqqis fil-kostijiet fissi u titjib fit-teknoloġija tal-produzzjoni) huma marbutin mal-allokazzjoni tas-suq, u allura dawn probabbilment ma jisbqux l-effetti restrittivi tal-ftehim, u għalhekk il-ftehim ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3). Fi kwalunkwe każ, jekk il-Kumpanija A jew il-Kumpanija B tqis li jkun aktar effiċjenti li tiffoka fuq prodott wieħed biss, tista’ sempliċement tieħu d-deċiżjoni unilaterali li tipproduċi X jew Y biss, mingħajr ma taqbel li l-kumpanija l-oħra tiffoka fuq il-produzzjoni tal-prodott l-ieħor.

271.

Kompetituri potenzjali

Eżempju 5

Sitwazzjoni: Il-Kumpanija A tipproduċi l-prodott finali X u l-Kumpanija B tipproduċi l-prodott finali Y. Il-prodotti X u Y jappartjenu għal swieq tal-prodotti separati, li fihom kull waħda mill-Kumpaniji A u B għandha s-saħħa fis-suq, b’ishma mis-suq individwali li jaqbżu l-20 %. Iż-żewġ kumpaniji jużaw il-prodott Z bħala input għall-produzzjoni rispettiva tagħhom tal-prodotti X u Y u t-tnejn jipproduċu Z għall-użu kaptiv biss. Il-prodott X jista’ jiġi mmanifatturat permezz ta’ trasformazzjoni sempliċi ta’ Z u l-Kumpanija B ħejjiet sabiex tidħol fis-suq għall-prodott X u jidher realistiku li se tidħol f’dak is-suq is-sena d-dieħla. Il-Kumpaniji A u B jaqblu li jipproduċu Z b’mod konġunt, b’mod li jiġġeneraw ekonomiji ta’ skala modesti, u jaqblu li jwaqqfu l-produzzjoni indipendenti ta’ Z. Bħala parti mill-ftehim, il-Kumpanija B taqbel li ma tidħolx fis-suq għall-prodott X fil-5 snin segwenti.

Analiżi:

Applikabbiltà tar-REK ta’ Speċjalizzazzjoni: Ir-REK ta’ Speċjalizzazzjoni ma japplikax, peress li l-limitu tas-sehem mis-suq ta’ 20 % jinqabeż fis-swieq downstream għall-prodotti finali X u Y. Dawn is-swieq huma rilevanti għall-applikazzjoni tal-limitu tas-sehem mis-suq minħabba li l-prodott ikkonċernat mill-ftehim ta’ produzzjoni (il-prodott intermedju Z) jintuża mill-partijiet bħala input sabiex jipproduċu X u Y.

Valutazzjoni individwali skont l-Artikolu 101(1): Il-Kumpaniji A u B ma humiex kompetituri effettivi fir-rigward tal-prodotti X, Y u Z. Madankollu, fid-dawl tal-pjan tagħha li tidħol fis-suq għall-prodott X fi żmien sena, il-Kumpanija B hija kompetitur potenzjali tal-Kumpanija A f’dak is-suq. Għalhekk, il-ftehim ta’ produzzjoni konġunta jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq għall-prodott X skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) billi jneħħi r-restrizzjoni imposta mid-dħul ippjanat tal-Kumpanija B.

Valutazzjoni individwali skont l-Artikolu 101(3): Il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) x’aktarx li ma jiġux issodisfati minħabba li t-titjib fl-effiċjenza fil-forma ta’ ekonomiji ta’ skala ġġenerati mill-ftehim ta’ produzzjoni konġunta huwa modest, u għalhekk x’aktarx li ma jisboqx l-effetti restrittivi tal-ftehim fuq il-kompetizzjoni fis-suq għall-prodott X, fejn il-Kumpanija A għandha s-saħħa fis-suq.

272.

Skambju ta’ informazzjoni

Eżempju 6

Sitwazzjoni: Il-Kumpaniji A u B it-tnejn jipproduċu Z, komodità kimika. Z huwa prodott omoġenju li jiġi manifatturat skont standard Ewropew li ma jippermetti l-ebda varjazzjoni tal-prodott. Il-kostijiet tal-produzzjoni huma komponent sinifikanti tal-kost totali tal-prodott Z. Il-Kumpanija A għandha sehem mis-suq ta’ 20 % u l-Kumpanija B għandha sehem ta’ 25 % fis-suq kollu tal-Unjoni għal Z. Hemm erba’ manifatturi oħrajn fis-suq, b’ishma ta’ 20 %, ta’ 15 %, ta’ 10 % u ta’ 10 %, rispettivament. L-impjant tal-produzzjoni tal-Kumpanija A jinsab fl-Istat Membru X fit-Tramuntana tal-Ewropa, filwaqt li l-impjant tal-produzzjoni tal-Kumpanija B jinsab fl-Istat Membru Y fin-Nofsinhar tal-Ewropa. Għalkemm il-maġġoranza tal-klijenti tal-Kumpanija A jinsabu fit-Tramuntana tal-Ewropa, il-Kumpanija A għandha wkoll għadd ta’ klijenti fin-Nofsinhar tal-Ewropa. Il-maġġoranza tal-klijenti tal-Kumpanija B jinsabu fin-Nofsinhar tal-Ewropa, iżda din għandha wkoll għadd ta’ klijenti li jinsabu fit-Tramuntana tal-Ewropa. Bħalissa, il-Kumpanija A tforni lill-klijenti tagħha tan-Nofsinhar tal-Ewropa b’Z manifatturat fl-impjant tal-produzzjoni tagħha fl-Istat Membru tat-Tramuntana X u tittrasportah lejn in-Nofsinhar tal-Ewropa bit-trakk. B’mod simili, il-Kumpanija B tforni lill-klijenti tagħha tat-Tramuntana tal-Ewropa b’Z manifatturat fl-Istat Membru tan-Nofsinhar Y u tittrasportah lejn it-Tramuntana tal-Ewropa bit-trakk. Il-kostijiet tat-trasport huma pjuttost għoljin, iżda mhux tant għoljin li jagħmlu l-konsenji mill-Kumpanija A lejn in-Nofsinhar tal-Ewropa jew mill-Kumpanija B lejn it-Tramuntana tal-Ewropa mhux profittabbli.

Il-Kumpaniji A u B jiddeċiedu li jkun aktar effiċjenti jekk il-Kumpanija A tieqaf tittrasporta Z mill-Istat Membru X lejn in-Nofsinhar tal-Ewropa u jekk il-Kumpanija B tieqaf tittrasporta Z mill-Istat Membru Y lejn it-Tramuntana tal-Ewropa. Madankollu, iż-żewġ kumpaniji jixtiequ jżommu l-klijenti eżistenti tagħhom. Sabiex jagħmlu dan, il-Kumpaniji A u B għandhom il-ħsieb li jidħlu fi ftehim ta’ tpartit li jippermettilhom jixtru kwantità annwali miftehma ta’ Z mill-impjant tal-parti l-oħra bil-ħsieb li jbiegħu Z mixtri lil dawk il-klijenti tagħhom li jinsabu aktar qrib l-impjant tal-parti l-oħra. Sabiex jikkalkolaw prezz tax-xiri li ma jiffavorix lil xi parti waħda fuq l-oħra u li jikkunsidra l-kostijiet tal-produzzjoni differenti tal-partijiet u l-iffrankar differenti tal-kostijiet tat-trasport, u sabiex jiżguraw li ż-żewġ partijiet jistgħu jiksbu marġini xieraq, jaqblu li jiddivulgaw lil xulxin il-kostijiet tagħhom fir-rigward tal-prodott Z (jiġifieri l-kostijiet tal-produzzjoni u l-kostijiet tat-trasport).

Analiżi:

Applikabbiltà tar-REK ta’ Speċjalizzazzjoni: Ir-REK ta’ Speċjalizzazzjoni ma japplikax, peress li l-ftehim ta’ tpartit ma jikkorrespondi mal-ebda wieħed mit-tipi ta’ ftehimiet koperti mir-REK ta’ Speċjalizzazzjoni.

Valutazzjoni individwali skont l-Artikolu 101(1): Il-fatt li l-Kumpaniji A u B – li huma kompetituri – ipartu parti mill-produzzjoni tagħhom ma jwassalx fih innifsu għal tħassib dwar il-kompetizzjoni. Madankollu, il-ftehim jipprevedi wkoll l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-partijiet dwar il-kostijiet tal-produzzjoni u tat-trasport għall-prodott Z, li fir-rigward tiegħu jikkompetu. L-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-kompetituri jisboq dak li huwa neċessarju għall-implimentazzjoni tal-ftehim ta’ tpartit. Minħabba l-istruttura relattivament konċentrata tas-suq, in-natura omoġenja tal-prodott Z u l-fatt li l-kostijiet tal-produzzjoni u tat-trasport huma komponent ewlieni tal-kostijiet totali tal-prodott u, għalhekk, parametru importanti tal-kompetizzjoni, l-iskambju ta’ informazzjoni jista’ jwassal għal eżitu kollużiv. Għalhekk, fid-dawl tal-ishma sinifikanti mis-suq tal-partijiet, il-ftehim x’aktarx li jirrestrinġi l-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1).

Valutazzjoni individwali skont l-Artikolu 101(3): Il-ftehim se jiġġenera titjib fl-effiċjenza fil-forma ta’ ffrankar tal-kostijiet għall-partijiet, madankollu l-kontenut tal-iskambju ta’ informazzjoni ma jidhirx li huwa indispensabbli għall-kisba tal-effiċjenzi. Il-partijiet jistgħu jiksbu ffrankar tal-ispejjeż simili jekk jaqblu fuq formula ta’ prezz li ma tinvolvix id-divulgazzjoni tal-ispejjeż tal-produzzjoni u tat-trasport tagħhom. Konsegwentement, il-ftehim ta’ tpartit fil-forma kurrenti tiegħu ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3).

4.   FTEHIMIET TA’ XIRI

4.1.   Introduzzjoni

273.

Dan il-Kapitolu jipprovdi gwida dwar il-valutazzjoni ta’ ftehimiet li jikkonċernaw ix-xiri konġunt ta’ prodotti minn aktar minn impriża waħda. Ix-xiri konġunt jinvolvi r-raggruppament ta’ attivitajiet ta’ xiri u jista’ jitwettaq b’diversi modi, inkluż permezz ta’ kumpanija kkontrollata b’mod konġunt, permezz ta’ kumpanija li fiha l-impriżi jkollhom interessi nonkontrollanti, permezz ta’ kooperattiva, permezz ta’ arranġament kuntrattwali jew permezz ta’ forom aktar laxki ta’ kooperazzjoni, pereżempju li fihom rappreżentant jinnegozja jew jikkonkludi xirjiet f’isem diversi impriżi (kollettivament imsejħin “arranġamenti ta’ xiri konġunt”).

274.

Arranġamenti ta’ xiri konġunt jeżistu f’varjetà ta’ setturi ekonomiċi. Jistgħu jipprevedu li l-membri jagħmlu xirjiet konġunti, jew jistgħu jkunu limitati għan-negozjar konġunt tal-prezzijiet tax-xiri, tal-komponenti tal-prezz tax-xiri jew ta’ termini u kundizzjonijiet oħrajn ma’ fornitur, u jħallu t-tranżazzjonijiet tax-xiri attwali jiġu konklużi minn kull parti individwalment, fuq il-bażi tal-prezzijiet innegozjati b’mod konġunt u/jew tat-termini u tal-kundizzjonijiet. Kull meta dan il-Kapitolu jirreferi għal xiri konġunt, huwa jkopri kemm xiri konġunt kif ukoll negozjati konġunti ta’ (komponenti ta’) prezzijiet tax-xiri jew ta’ termini u ta’ kundizzjonijiet oħrajn. Arranġament ta’ xiri konġunt jista’ jinvolvi wkoll attivitajiet addizzjonali, bħat-trasport, il-kontroll tal-kwalità u l-ħżin konġunti, u b’hekk tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-kostijiet tal-konsenja. Skont is-settur, ix-xerrejja jistgħu jikkonsmaw il-prodotti mixtrijin b’mod konġunt jew jużawhom bħala inputs għall-attivitajiet tagħhom stess, bħal fil-każ ta’, pereżempju, enerġija jew fertilizzanti. Inkella, ix-xerrejja jistgħu jbigħu mill-ġdid il-prodotti, bħal, pereżempju, fil-każ ta’ oġġetti tal-konsumatur li ma jdumux fuq l-ixkaffa (pereżempju, prodotti tal-ikel, tad-dar jew tal-kura personali, eċċ.) jew prodotti elettroniċi għall-konsumatur. Gruppi ta’ bejjiegħa bl-imnut indipendenti, ktajjen tal-bejgħ bl-imnut jew gruppi ta’ bejjiegħa bl-imnut li jwettqu xiri konġunt ta’ spiss jissejħu “alleanzi tal-bejgħ bl-imnut” (200).

275.

Arranġamenti ta’ xiri konġunt ġeneralment ikollhom l-għan li joħolqu grad ta’ saħħa tax-xerrej fil-konfront tal-fornituri, li membri individwali tal-arranġament ta’ xiri konġunt jaf ma jilħqux jekk jaġixxu b’mod indipendenti. Is-saħħa tax-xerrej ta’ arranġament ta’ xiri konġunt tista’ twassal għal prezzijiet aktar baxxi, għal aktar varjetà ta’ prodotti jew għal prodotti ta’ kwalità aħjar għall-konsumaturi. Tista’ tippermetti wkoll lill-membri, b’mod partikolari lill-impriżi iżgħar, jiksbu termini ta’ xiri aħjar u b’hekk jibqgħu kompetittivi fis-suq/swieq tal-bejgħ downstream meta jiffaċċjaw kompetituri b’saħħithom. L-impriżi jistgħu jinvolvu rwieħhom ukoll f’xiri konġunt sabiex jipprevjenu n-nuqqasijiet jew jindirizzaw interruzzjonijiet fil-produzzjoni ta’ ċerti prodotti, u b’hekk jevitaw it-tfixkil fil-katina tal-provvista. Madankollu, f’ċerti ċirkostanzi, ix-xiri konġunt jista’ jwassal ukoll għal tħassib dwar il-kompetizzjoni, kif stabbilit fit-Taqsima 4.2.3.

276.

L-arranġamenti ta’ xiri konġunt jistgħu jinvolvu kemm ftehimiet orizzontali kif ukoll vertikali. F’dawn il-każijiet, tkun neċessarja analiżi f’żewġ stadji. L-ewwel nett, il-ftehim/iet orizzontali bejn l-impriżi kompetituri involuti f’xiri konġunt jew id-deċiżjonijiet adottati mill-assoċjazzjoni ta’ impriżi li jixtru jridu jiġu vvalutati skont il-prinċipji stabbiliti f’dawn il-Linji Gwida. Jekk dik il-valutazzjoni twassal għall-konklużjoni li l-arranġament ta’ xiri konġunt ma jwassalx għal tħassib dwar il-kompetizzjoni, huwa neċessarju li titwettaq valutazzjoni ulterjuri ta’ kwalunkwe ftehim vertikali bejn l-arranġament ta’ xiri konġunt u l-membri individwali tiegħu u bejn l-arranġament ta’ xiri konġunt u l-fornituri. Tali ftehimiet vertikali jridu jiġu vvalutati bl-użu tal-VBER u tal-Linji Gwida Vertikali. Ftehimiet vertikali li ma humiex koperti mill-VBER ma humiex preżunti bħala illegali iżda jeħtieġu valutazzjoni individwali skont l-Artikolu 101.

4.2.   Valutazzjoni skont l-Artikolu 101(1)

4.2.1.   Tħassib ewlieni dwar il-kompetizzjoni

277.

L-arranġamenti ta’ xiri konġunt bejn kompetituri attwali jew potenzjali jistgħu jwasslu għal restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni fuq is-suq jew is-swieq tax-xiri upstream u/jew tal-bejgħ downstream, bħal żieda fil-prezzijiet, tnaqqis fl-output, fil-kwalità jew fil-varjetà tal-prodotti, jew fl-innovazzjoni, allokazzjoni tas-suq, jew esklużjoni antikompetittiva ta’ xerrejja oħrajn.

4.2.2.   Restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan

278.

L-arranġamenti ta’ xiri konġunt ġeneralment ma jikkostitwixxux restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan jekk dawn ikunu ġenwinament jikkonċernaw xiri konġunt, jiġifieri meta żewġ xerrejja jew aktar jinnegozjaw u jikkonkludu ftehim b’mod konġunt ma’ fornitur partikolari relatat ma’ terminu kummerċjali wieħed jew aktar li jirregola l-provvista ta’ prodotti lix-xerrejja li kkooperaw.

279.

L-arranġamenti ta’ xiri konġunt għandhom jiġu distinti minn kartelli ta’ xerrejja, li għandhom bħala l-għan tagħhom ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern għall-kuntrarju tal-Artikolu 101(1) (201). Il-kartelli ta’ xerrejja huma ftehimiet jew prattiki miftehmin bejn żewġ xerrejja jew aktar li, mingħajr ma jinvolvu rwieħhom f’negozjati konġunti vis-à-vis il-fornitur:

(a)

jikkoordinaw l-imġiba kompetittiva individwali ta’ dawk ix-xerrejja fis-suq tax-xiri jew jinfluwenzaw il-parametri rilevanti tal-kompetizzjoni bejniethom permezz ta’ prattiki bħall-iffissar jew il-koordinazzjoni tal-prezzijiet tax-xiri jew tal-komponenti tagħhom (inkluż, pereżempju, ftehimiet sabiex jiġu ffissati l-pagi jew sabiex ma jitħallasx ċertu prezz għal prodott), iżda mhux limitati għalihom; l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ xiri jew il-kondiviżjoni ta’ swieq u ta’ fornituri; jew

(b)

jinfluwenzaw in-negozjati individwali ta’ dawk ix-xerrejja mal-fornituri jew ix-xiri individwali tagħhom mill-fornituri, pereżempju permezz tal-koordinazzjoni tal-istrateġiji jew l-iskambji ta’ negozjar tax-xerrejja dwar l-istatus ta’ tali negozjati mal-fornituri.

280.

Meta x-xerrejja jittrattaw individwalment mal-fornituri (jiġifieri ma jinvolvux irwieħhom f’negozjati konġunti mal-fornitur), jeħtiġilhom jieħdu d-deċiżjonijiet ta’ xiri tagħhom b’mod indipendenti u ma jistgħux ineħħu l-inċertezza strateġika bejniethom fir-rigward tal-imġiba futura tagħhom fis-suq permezz ta’ ftehimiet jew prattiki miftehmin. Ix-xerrejja ma jistgħux l-ewwel jiffissaw waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet tax-xiri (prezz, kwantità, sors tal-provvista, kwalità jew parametri oħrajn tal-kompetizzjoni) bejniethom qabel ma kull xerrej jinnegozja u jixtri individwalment mill-fornitur.

281.

Kartell ta’ xerrejja jista’ jeżisti wkoll meta x-xerrejja jaqblu li jiskambjaw informazzjoni kummerċjalment sensittiva bejniethom dwar l-intenzjonijiet individwali tagħhom ta’ xiri jew in-negozjati tagħhom mal-fornituri, barra minn kwalunkwe arranġament konġunt ġenwin ta’ xiri li jinteraġixxi mal-fornituri kollettivament, f’isem il-membri tiegħu (202). Dan jikkonċerna, b’mod partikolari, skambji bejn ix-xerrejja dwar il-prezzijiet tax-xiri li se jħallsu (prezzijiet massimi, skontijiet minimi u aspetti oħrajn tal-prezzijiet), termini u kundizzjonijiet oħrajn tax-xiri, sorsi ta’ provvista (kemm f’termini ta’ fornituri kif ukoll ta’ territorji), volumi u kwantitajiet, kwalità jew parametri oħrajn tal-kompetizzjoni (pereżempju t-twaqqit, il-konsenja u l-innovazzjoni).

282.

Kartell ta’ xerrejja jiżvela min-natura tiegħu stess grad suffiċjenti ta’ ħsara għall-kompetizzjoni b’tali mod li ma jkunx neċessarju li jiġu vvalutati l-effetti li jista’ jkollu. Għalhekk, dment li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, huwa jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1). Għalhekk, il-valutazzjoni tal-kartelli ta’ xerrejja, għall-kuntrarju ta’ dik tal-arranġamenti ta’ xiri konġunt, fil-prinċipju, ma teħtieġx definizzjoni tas-suq/swieq rilevanti, kunsiderazzjoni tal-pożizzjoni tax-xerrejja fis-suq tax-xiri upstream u lanqas jekk jikkompetux fis-suq tal-bejgħ downstream (203). Il-fatturi li ġejjin jagħmluha anqas probabbli li arranġament ta’ xiri konkluż bejn ix-xerrejja jirrappreżenta kartell ta’ xerrejja:

(a)

L-arranġament ta’ xiri konġunt jagħmilha ċara lill-fornituri li n-negozjati jitwettqu f’isem il-membri tiegħu u li l-membri jkunu marbutin bit-termini u bil-kundizzjonijiet maqbulin għax-xiri individwali tagħhom, jew li l-arranġament ta’ xiri konġunt jixtri f’isem il-membri tiegħu. Dan ma jirrikjedix li l-arranġament ta’ xiri konġunt jiddivulga l-identità tal-membri tiegħu, b’mod partikolari meta jkunu impriżi żgħar jew medji u/jew jirrappreżentaw biss sehem limitat tax-xiri tal-arranġament konġunt minn fornitur. Madankollu, ma hijiex ir-responsabbiltà tal-fornituri li jieħdu passi sabiex isiru jafu dwar l-eżistenza ta’ arranġament ta’ xiri konġunt, pereżempju permezz ta’ partijiet terzi jew rapporti tal-istampa. Minkejja dan, is-segretezza ma hijiex rekwiżit sabiex jiġi stabbilit kartell ta’ xerrejja (204).

(b)

Il-membri tal-arranġament ta’ xiri konġunt iddefinixxew il-forma, l-ambitu u l-funzjonament tal-kooperazzjoni tagħhom fi ftehim bil-miktub, sabiex il-konformità tiegħu mal-Artikolu 101 tkun tista’ tiġi vverifikata ex post u titqabbel mal-operat attwali tal-arranġament ta’ xiri konġunt. Madankollu, ftehim bil-miktub fih innifsu ma jistax jipproteġi l-arranġament mill-infurzar tad-dritt tal-kompetizzjoni.

283.

L-arranġamenti ta’ xiri konġunt jistgħu jikkontribwixxu wkoll jew iservu bħala għodda sabiex wieħed jidħol f’kartell ta’ bejjiegħa, jiġifieri, ftehim bejn il-kompetituri sabiex jiffissaw il-prezzijiet tal-bejgħ, jillimitaw l-output jew l-ishma mis-suq jew il-klijenti fis-swieq tal-bejgħ downstream. F’dak il-każ, l-arranġament ta’ xiri konġunt jista’ jiġi vvalutat flimkien mal-kartell fis-suq tal-bejgħ downstream.

284.

Arranġament ta’ xiri konġunt li jkollu l-għan li jeskludi kompetitur attwali jew potenzjali mis-suq/swieq tal-bejgħ downstream huwa forma ta’ bbojkottjar orizzontali u jsarraf f’restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Il-bojkotts orizzontali għandhom jiġu distinti minn bojkotts vertikali, jiġifieri ftehim bejn ix-xerrejja sabiex ma jixtrux mingħand fornituri partikolari fis-suq upstream. Filwaqt li f’ċerti ċirkostanzi bojkott vertikali jista’ jsarraf f’restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, dan ġeneralment ma jkunx il-każ. Pereżempju, ftehim bejn ix-xerrejja sabiex ma jibqgħux jixtru prodotti mingħand ċerti fornituri minħabba karatteristiċi tal-prodott, proċessi tal-produzzjoni jew kundizzjonijiet tax-xogħol partikolari, pereżempju minħabba li l-prodotti offruti ma jkunux sostenibbli filwaqt li x-xerrejja jkunu jixtiequ jixtru biss prodotti sostenibbli, ma għandux l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni. Għalhekk, l-bojkotts vertikali jridu jitqiesu fil-kuntest legali u ekonomiku tagħhom biex jiġu vvalutati l-effetti attwali jew probabbli tagħhom fuq il-kompetizzjoni.

4.2.3.   Effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni

285.

Arranġamenti ta’ xiri konġunt, li bihom ix-xerrejja jinteraġixxu b’mod konġunt mal-fornituri permezz tal-arranġament, iridu jiġu vvalutati fil-kuntest legali u ekonomiku tagħhom fir-rigward tal-effetti attwali u probabbli tagħhom fuq il-kompetizzjoni. Il-valutazzjoni trid tkopri l-effetti restrittivi possibbli kemm fuq is-suq jew is-swieq tax-xiri rilevanti, fejn l-arranġament ta’ xiri konġunt jinteraġixxi mal-fornituri, kif ukoll fuq is-suq jew is-swieq tal-bejgħ rilevanti, fejn il-membri tal-arranġament ta’ xiri konġunt jistgħu jikkompetu bħala bejjiegħa. F’din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni tqabbel l-effetti attwali jew probabbli tal-arranġament ta’ xiri konġunt fuq is-suq/swieq tax-xiri u tal-bejgħ rilevanti mas-sitwazzjoni li sseħħ fin-nuqqas ta’ dak l-arranġament speċifiku.

286.

B’mod ġenerali, l-arranġamenti ta’ xiri konġunt huma anqas probabbli li jwasslu għal tħassib dwar il-kompetizzjoni meta l-membri ma jkollhomx saħħa fis-suq jew fis-swieq tal-bejgħ rilevanti.

287.

Ċerti restrizzjonijiet imposti minn arranġament ta’ xiri konġunt fuq il-membri tiegħu jistgħu jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) meta jkunu limitati għal dak li jkun oġġettivament neċessarju u proporzjonat sabiex jiġi żgurat li l-arranġament jiffunzjona kif suppost u jippermetti lill-membri jeżerċitaw is-saħħa tax-xerrej fil-konfront tal-fornituri (205). Dan jista’ japplika, pereżempju, għal dispożizzjoni li tipprojbixxi lill-membri milli jipparteċipaw f’arranġamenti ta’ xiri konġunt li jikkompetu sal-punt li dan ikun jipperikola l-funzjonament xieraq tal-arranġament ta’ xiri u s-saħħa tax-xerrej tiegħu.

4.2.3.1.   Swieq rilevanti

288.

Hemm żewġ swieq li jistgħu jiġu affettwati mill-arranġamenti ta’ xiri konġunt. L-ewwel nett, is-suq jew is-swieq ikkonċernati direttament mill-arranġament ta’ xiri konġunt, jiġifieri s-suq/swieq tax-xiri rilevanti fejn il-membri tal-arranġament ta’ xiri konġunt jinnegozjaw b’mod konġunt mal-fornituri jew jixtru mingħandhom. It-tieni, is-suq jew is-swieq tal-bejgħ downstream, jiġifieri s-suq/swieq fejn il-membri tal-arranġament ta’ xiri konġunt ikunu attivi b’mod individwali bħala bejjiegħa.

289.

Id-definizzjoni ta’ swieq tax-xiri rilevanti ssegwi l-prinċipji stabbiliti fl-Avviż dwar id-Definizzjoni tas-Suq u hija bbażata fuq il-kunċett ta’ sostitwibbiltà biex jiġu identifikati restrizzjonijiet kompetittivi. L-unika partikolarità għas-swieq tax-xiri, meta mqabblin mas-swieq tal-bejgħ, hija li s-sostitwibbiltà trid tiġi ddefinita mill-perspettiva tal-provvista u mhux mill-perspettiva tad-domanda. Fi kliem ieħor, l-alternattivi tal-fornituri huma deċiżivi fl-identifikazzjoni tar-restrizzjonijiet kompetittivi fuq ix-xerrejja. Dawk l-alternattivi jistgħu jiġu analizzati, pereżempju, permezz tal-eżaminazzjoni tar-reazzjoni probabbli tal-fornituri għal tnaqqis żgħir iżda mhux tranżitorju tal-prezz offrut għall-prodotti tagħhom. Ladarba s-suq rilevanti jkun ġie ddefinit, is-sehem mis-suq tal-membri tal-arranġament ta’ xiri konġunt jista’ jiġi kkalkolat fuq il-bażi tal-valur jew tal-volum tax-xiri tal-membri tal-prodotti rilevanti bħala sehem mill-bejgħ totali fis-suq tax-xiri rilevanti.

290.

Jekk il-membri jkunu wkoll kompetituri f’suq tal-bejgħ wieħed jew aktar, dawk is-swieq ikunu rilevanti għall-valutazzjoni wkoll. Is-swieq tal-bejgħ rilevanti huma ddefiniti bl-użu tal-metodoloġija deskritta fl-Avviż dwar id-Definizzjoni tas-Suq.

4.2.3.2.   Saħħa fis-suq

291.

Ma hemm l-ebda limitu assolut li ’l fuq minnu jista’ jiġi preżunt li l-partijiet f’arranġament ta’ xiri konġunt ikollhom saħħa fis-suq b’mod li jkun probabbli li l-arranġament ta’ xiri konġunt iwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1). Madankollu, fil-parti l-kbira tal-każijiet huwa improbabbli li tkun teżisti saħħa fis-suq jekk il-partijiet fl-arranġament ta’ xiri konġunt ikollhom sehem mis-suq kombinat li ma jaqbiżx il-15 % fis-suq/swieq tax-xiri rilevanti kif ukoll sehem mis-suq kombinat li ma jaqbiżx il-15 % fis-suq/swieq tal-bejgħ rilevanti. Fi kwalunkwe każ, jekk l-ishma fis-suq kombinati tal-membri ma jaqbżux il-15 % kemm fis-swieq tax-xiri kif ukoll fis-swieq tal-bejgħ, huwa probabbli li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) jiġu ssodisfati, sakemm l-arranġament ma jkunx jinvolvi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

292.

Sehem fis-suq li jaqbeż dak il-limitu f’suq wieħed jew fit-tnejn li huma ma jindikax awtomatikament li l-arranġament ta’ xiri konġunt probabbilment iwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni. Arranġament ta’ xiri konġunt b’sehem mis-suq kombinat li jaqbeż dak il-limitu jeħtieġ valutazzjoni dettaljata tal-effetti tiegħu fuq is-suq, filwaqt li jitqiesu fatturi bħall-konċentrazzjoni tas-suq, il-marġini ta’ profitt, il-qrubija tal-kompetizzjoni, in-natura tal-prodotti soġġetti għall-arranġament tal-akkwist u tas-saħħa kumpensatorja possibbli bħala bejjiegħa tal-fornituri.

293.

Barra minn hekk, fl-analiżi dwar jekk il-membri ta’ arranġament ta’ xiri konġunt għandhomx saħħa tax-xerrej b’mod konġunt, in-numru u l-intensità tar-rabtiet bejn il-kompetituri fis-suq tax-xiri huma rilevanti wkoll. Pereżempju, xi wħud mill-istess membri jistgħu jipparteċipaw ukoll f’arranġamenti ta’ xiri oħrajn.

294.

Jekk il-membri tal-arranġament ta’ xiri konġunt ikollhom grad sinifikanti ta’ saħħa tax-xerrej fis-suq tax-xiri, hemm riskju li l-arranġament jista’ jagħmel ħsara lill-kompetizzjoni upstream, li fl-aħħar mill-aħħar tista’ tikkawża wkoll ħsara lill-konsumaturi downstream. Pereżempju, l-eżerċizzju tas-saħħa tax-xerrej konġunt jista’ jagħmel ħsara lill-inċentivi ta’ investiment tal-fornituri u jisforza lill-fornituri li ma jkollhomx is-saħħa kumpensatorja bħala bejjieħa sabiex inaqqsu l-firxa jew il-kwalità tal-prodotti li jipproduċu. Dan jista’ jwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni fis-suq upstream, bħal tnaqqis fil-kwalità, tnaqqis fl-isforzi tal-innovazzjoni u fl-aħħar mill-aħħar provvista subottimali. Barra minn hekk, il-bejjiegħa bl-imnut jistgħu jeżerċitaw is-saħħa tax-xerrej u jġiegħlu lill-fornituri jikkompetu ma’ xulxin billi jillimitaw b’mod konġunt il-varjetà tal-prodotti fil-ħwienet tagħhom, u fl-aħħar mill-aħħar jagħmlu ħsara lill-konsumaturi downstream.

295.

Ir-riskju li arranġament ta’ xiri konġunt jista’ jiddiżinċentiva l-investimenti jew l-innovazzjonijiet tal-fornituri jkun akbar meta x-xerrejja flimkien ikunu jirrappreżentaw sehem kbir mix-xiri rilevanti, b’mod partikolari meta tali xerrejja jittrattaw ma’ fornituri li ma jkollhomx saħħa kumpensatorja bħala bejjiegħa. Dawn il-fornituri jistgħu jkunu partikolarment vulnerabbli għal tnaqqis fil-profitti, speċjalment meta jkunu għamlu investimenti speċifiċi sabiex ifornu lill-membri tal-arranġament ta’ xiri konġunt. L-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni huma anqas probabbli meta l-fornituri jkollhom grad sinifikanti ta’ saħħa kumpensatorja bħala bejjiegħa (li mhux neċessarjament tfisser dominanza) fis-suq jew fis-swieq tax-xiri, pereżempju, minħabba li jbigħu prodotti jew servizzi li x-xerrejja jeħtieġ li jkollhom sabiex jikkompetu fis-swieq tal-bejgħ downstream u li huma diffiċli li jiġu sostitwiti.

296.

Is-saħħa tax-xerrej tal-partijiet fl-arranġament ta’ xiri konġunt tista’ tintuża wkoll sabiex teskludi xerrejja f’kompetizzjoni mis-suq tax-xiri, billi tillimita l-aċċess tagħhom għal fornituri effiċjenti. Effetti restrittivi bħal dawn ikunu aktar probabbli jekk ikun hemm numru limitat biss ta’ fornituri u jkun hemm ostakli għad-dħul fuq in-naħa tal-provvista tas-suq tax-xiri.

297.

Meta l-membri ta’ arranġament ta’ xiri konġunt ikunu kompetituri attwali jew potenzjali downstream, l-inċentivi tagħhom sabiex jikkompetu fuq il-prezz fis-suq/swieq tal-bejgħ downstream jistgħu jonqsu b’mod konsiderevoli jekk jixtru b’mod konġunt sehem sinifikanti tal-prodotti li fir-rigward tagħhom jikkompetu downstream. L-ewwel nett, jekk il-membri flimkien ikollhom grad sinifikanti ta’ saħħa fis-suq/swieq tal-bejgħ (li mhux neċessarjament tfisser dominanza), ikun anqas probabbli li l-prezzijiet tax-xiri aktar baxxi miksubin permezz tal-arranġament ta’ xiri konġunt ikunu mgħoddija lill-konsumaturi. Dan huwa partikolarment il-każ meta l-kompetituri tal-membri tal-arranġament ta’ xiri konġunt ikollhom, minħabba l-pożizzjoni dgħajfa tagħhom fis-suq, kapaċità limitata sabiex jikkompetu b’mod effettiv fis-suq tal-bejgħ. It-tieni, aktar ma jkun għoli s-sehem mis-suq kombinat tal-membri tal-arranġament ta’ xiri konġunt fis-suq tal-bejgħ downstream, aktar ikun kbir ir-riskju li l-koordinazzjoni tax-xiri upstream twassal għall-koordinazzjoni tal-bejgħ downstream. Dan ir-riskju huwa partikolarment għoli jekk l-arranġament ta’ xiri konġunt jillimita (jew jiskoraġġixxi) il-kapaċità tal-membri tiegħu li jixtru b’mod indipendenti volumi addizzjonali tal-input fis-suq tax-xiri. Obbligu fuq il-membri li jixtru dak kollu li jeħtieġu jew ħafna minnu permezz tal-arranġament ta’ xiri konġunt, bl-għan li jiżguraw pożizzjoni ta’ negozjar b’saħħitha biżżejjed fil-konfront ta’ fornituri b’saħħithom, għandu jiġi vvalutat filwaqt li jitqiesu fatturi bħall-ambitu (il-volum jew is-sehem tax-xiri kkonċernat) u d-durata tal-obbligu, is-sehem mis-suq kombinat tal-membri tal-arranġament ta’ xiri konġunt fis-suq/swieq tax-xiri u fis-suq/swieq tal-bejgħ rilevanti.

298.

Madankollu, meta l-partijiet ta’ arranġament ta’ xiri ma jkollhomx saħħa fis-suq b’mod konġunt jew ma jkunux attivi fl-istess suq/swieq tal-bejgħ rilevanti (pereżempju, bejjiegħa bl-imnut li jkunu attivi fi swieq ġeografiċi differenti u li ma jkunux kompetituri potenzjali), l-arranġament ta’ xiri konġunt x’aktarx li ma jkollux effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni fis-suq/swieq tal-bejgħ.

4.2.3.3.   Eżitu kollużiv

299.

Arranġamenti ta’ xiri konġunt jistgħu jwasslu għal eżitu kollużiv jekk jiffaċilitaw il-koordinazzjoni tal-imġiba tal-membri fis-suq tal-bejgħ downstream fejn ikunu kompetituri effettivi jew potenzjali. Dan jista’ jseħħ, b’mod partikolari, jekk l-istruttura tas-suq fis-suq tal-bejgħ twassal għal kollużjoni (pereżempju minħabba li s-suq ikun konċentrat u juri grad sinifikanti ta’ trasparenza). Eżitu kollużiv ikun wkoll aktar probabbli jekk il-membri tal-arranġament ta’ xiri konġunt ikollhom sehem mis-suq kombinat għoli fis-suq tal-bejgħ u l-arranġament jestendi lil hinn mix-xiri konġunt jew min-negozjar konġunt tat-termini ta’ xiri. Pereżempju, tali eżitu kollużiv jista’ jiġi ffaċilitat meta l-membri tal-arranġament jaqblu dwar il-volumi li se jixtru permezz tal-arranġament jew jikkoordinaw iż-żmien tal-iskontijiet fuq il-prezz tal-bejgħ jew tal-promozzjonijiet tal-bejgħ fis-suq tal-bejgħ downstream, u b’hekk jirrestrinġu b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni bejniethom fis-suq tal-bejgħ.

300.

Il-kollużjoni tista’ tiġi ffaċilitata jekk il-membri tal-arranġament ta’ xiri konġunt jiksbu grad għoli ta’ komunalità tal-kostijiet permezz tax-xiri konġunt, dment li jkollhom saħħa fis-suq tal-bejgħ u l-karatteristiċi tas-suq iwasslu għall-koordinazzjoni. B’mod partikolari, l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni jkunu aktar probabbli jekk il-partijiet ikollhom sehem sinifikanti mill-kostijiet varjabbli tagħhom fis-suq tal-bejgħ komuni bejniethom. Dan ikun il-każ, pereżempju, meta manifatturi u bejjiegħa f’kompetizzjoni ta’ prodott finali jixtru b’mod konġunt sehem għoli tal-inputs tagħhom flimkien. Jista’ jkun il-każ ukoll meta bejjiegħa bl-imnut li jkunu attivi fl-istess suq/swieq tal-bejgħ bl-imnut rilevanti jixtru b’mod konġunt sehem sinifikanti mill-prodotti li huma jerġgħu joffru għall-bejgħ. Minbarra li jżidu l-ambitu għal kollużjoni tat-tip hub-and-spoke, (206) il-bejjiegħa bl-imnut li jkunu membri ta’ arranġament ta’ xiri konġunt jistgħu jkunu wkoll aktar lesti li jikkonċedu żidiet fil-prezzijiet mill-fornituri jekk ikunu jafu li dawn iż-żidiet se japplikaw ukoll għall-biċċa l-kbira tal-kompetituri tagħhom fis-suq/swieq tal-bejgħ downstream, u għalhekk jistgħu ikunu mgħoddija lill-konsumaturi.

301.

L-implimentazzjoni ta’ arranġament ta’ xiri konġunt tista’ teħtieġ l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva bħall-prezzijiet tax-xiri (jew partijiet minnhom) u l-volumi tax-xiri. Meta l-arranġament ta’ xiri konġunt innifsu ma jaqax taħt il-projbizzjoni tal-Artikolu 101(1) minħabba li għandu effetti newtrali jew pożittivi fuq il-kompetizzjoni, skambju ta’ informazzjoni li huwa anċillari għal dak l-arranġament lanqas ma jaqa’ taħt dik il-projbizzjoni (207). Dan ikun il-każ jekk l-iskambju ta’ informazzjoni jkun oġġettivament neċessarju sabiex jiġi implimentat l-arranġament ta’ xiri konġunt u jkun proporzjonat għall-objettivi tiegħu (208). Fejn l-iskambju ta’ informazzjoni jmur lil hinn minn dak li huwa oġġettivament meħtieġ biex jiġi implimentat l-arranġament ta’ xiri konġunt jew ma jkunx proporzjonat għall-objettivi tiegħu, għandu jiġi vvalutat bl-użu tal-gwida pprovduta fil-Kapitolu 6 (209). Jekk l-iskambju ta’ informazzjoni huwa skont l-Artikolu 101(1), xorta jista’ jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3).

302.

L-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva jista’ jiffaċilita l-koordinazzjoni fir-rigward tal-prezzijiet tal-bejgħ u tal-output, u b’hekk iwassal għal eżitu kollużiv fis-swieq tal-bejgħ. L-effetti konsegwenzjali mill-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva jistgħu jiġu mminimizzati, pereżempju, meta d-data tinġabar mill-arranġament ta’ xiri konġunt li jiġi stabbilit bħala entità separata u ma jgħaddi l-ebda informazzjoni individwali lix-xerrejja parteċipanti, jew billi jistabbilixxi miżuri tekniċi jew prattiċi li jillimitaw l-aċċess għal tali informazzjoni u jipproteġu l-kunfidenzjalità tagħha. Għalhekk, il-membri tal-arranġament ta’ xiri konġunt jistgħu jipprevedu għal timijiet nodfa jew għal regoli effettivi ta’ kunfidenzjalità għall-persunal rilevanti tal-arranġament ta’ xiri konġunt u għall-membri tiegħu li jkomplu japplikaw f’każ li ċertu persunal jirritorna għall-membri individwali tal-arranġament jew ċertu persunal jew membri jaqilbu għal arranġament ta’ xiri konġunt ieħor. Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni ta’ impriża f’diversi arranġamenti ta’ xiri konġunt ma għandhiex twassal għal skambji antikompetittivi ta’ informazzjoni jew għal tipi oħrajn ta’ koordinazzjoni bejn l-arranġamenti ta’ xiri differenti.

303.

Fil-kuntest ta’ negozjati konġunti tat-termini u tal-kundizzjonijiet mal-fornituri, arranġament ta’ xiri konġunt (jiġifieri l-membri tiegħu jew l-entità ġuridika fformata minnhom) jista’ jeżerċita s-saħħa tax-xerrej tiegħu billi, pereżempju, jhedded li jabbanduna n-negozjati jew li jwaqqaf ix-xiri sakemm il-fornitur joffri termini u kundizzjonijiet aħjar jew prezzijiet aktar baxxi. Il-kontropartijiet f’negozjati bħal dawn jistgħu bl-istess mod jheddu li jwaqqfu n-negozjar jew li jfornu prodotti fin-negozjati tagħhom max-xerrejja.

304.

Tali theddid ta’ negozjar kollettiv jista’ jitqies li jifforma parti integrali mill-arranġament ta’ xiri konġunt f’dak li għandu x’jaqsam mal-prodotti li huma soġġetti għan-negozjati u li huma ta’ natura temporanja, u li ma jibqgħux jeżistu meta l-partijiet ikomplu n-negozjati tagħhom jew jikkonkludu ftehim. Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ liġijiet nazzjonali aktar stretti li jipprojbixxu mġiba unilaterali jew prattiki kummerċjali inġusti (210), tali theddid ġeneralment ma jikkostitwixxix restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan (211). Kwalunkwe effett fuq il-kompetizzjoni li jirriżulta minn tali theddid jiġi vvalutat skont l-Artikolu 101(1) fid-dawl tal-effetti ġenerali tal-arranġament ta’ xiri konġunt, filwaqt li titqies il-pożizzjoni tas-suq tal-membri li jimplimentaw it-theddid (212). Eżempju ta’ theddid kollettiv li jista’ jitqies li jifforma parti integrali minn arranġament ta’ xiri konġunt jikkonċerna membri ta’ alleanza tal-bejgħ bl-imnut li jwaqqfu l-ordnijiet ta’ ċerti prodotti minn fornitur matul in-negozjati tagħhom dwar it-termini u l-kundizzjonijiet għall-provvista ta’ dawk il-prodotti fil-futur. Dawn il-waqfiet fl-ordnijiet jistgħu jwasslu sabiex il-prodotti magħżulin mill-membri individwali tal-alleanza ma jibqgħux disponibbli temporanjament fil-ħwienet tagħhom sakemm l-alleanza tal-bejgħ bl-imnut u l-fornitur jaqblu dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tal-provvisti futuri. B’mod ġenerali, (theddid ta’) waqfiet fl-ordnijiet bħal dawn ma jaffettwawx b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni fis-suq/swieq tal-bejgħ downstream fejn il-bejjiegħa bl-imnut ikomplu joffru prodotti li jkunu sostituti tal-prodotti inkwistjoni u sa fejn il-klijenti fis-suq/swieq tal-bejgħ jistgħu jixtru dawn il-prodotti jew prodotti sostituti mingħand kompetituri tal-membri tal-arranġament ta’ xiri konġunt.

4.3.   Valutazzjoni skont l-Artikolu 101(3)

4.3.1.   Titjib fl-effiċjenza

305.

L-arranġamenti ta’ xiri konġunt jistgħu jwasslu għal kisbiet sinifikanti fl-effiċjenza. B’mod partikolari, dawn jistgħu jwasslu għal iffrankar tal-kostijiet, bħal prezzijiet tax-xiri aktar baxxi, kost tal-produzzjoni aktar baxx u kostijiet tat-tranżazzjonijiet imnaqqsin. Barra minn hekk, l-arranġamenti ta’ xiri konġunt jistgħu jwasslu għal titjib kwalitattiv fl-effiċjenza, pereżempju, billi jwasslu lill-fornituri sabiex jinnovaw u jintroduċu prodotti ġodda jew imtejbin fis-suq jew, b’mod partikolari għal fornituri iżgħar, billi jespandu d-distribuzzjoni tal-prodotti tagħhom għal numru akbar ta’ xerrejja u ta’ swieq. Effiċjenzi kwalitattivi bħal dawn jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għall-konsumaturi, billi jnaqqsu d-dipendenzi u jevitaw in-nuqqasijiet permezz ta’ ktajjen tal-provvista aktar reżiljenti u billi jikkontribwixxu għal suq intern aktar reżiljenti, pereżempju, permezz ta’ xiri konġunt ta’ mediċini jew ta’ enerġija.

4.3.2.   Indispensabbiltà

306.

Ir-restrizzjonijiet li jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-kisba tat-titjib fl-effiċjenza ġġenerat permezz ta’ ftehim ta’ xiri konġunt ma jissodisfawx il-kriterji tal-Artikolu 101(3). Pereżempju, l-iffrankar tal-kostijiet li ma jkunx ir-riżultat tax-xiri konġunt innifsu iżda ta’ attivitajiet addizzjonali mwettqin mill-arranġament ta’ xiri konġunt, bħal-loġistika, it-trasport jew il-ħżin, jista’ jitqies biss bħala titjib fl-effiċjenza tal-arranġament jekk l-attività addizzjonali tkun neċessarja sabiex l-arranġament tax-xiri jiffunzjona u ma jkunx jista’ jinkiseb b’mezzi anqas restrittivi. Obbligu ta’ xiri jew negozjar esklużivament permezz tal-arranġament ta’ xiri konġunt jista’, f’ċerti każijiet, ikun indispensabbli biex jinkiseb il-grad meħtieġ ta’ saħħa tax-xerrejja jew volum tax-xiri għar-realizzazzjoni ta’ ekonomiji ta’ skala. Madankollu, tali obbligu għandu jiġi vvalutat fil-kuntest tal-każ individwali.

4.3.3.   Trasferiment lill-konsumaturi

307.

It-titjib fl-effiċjenza, bħal tnaqqis fil-kostijiet jew effiċjenzi kwalitattivi fil-forma tal-introduzzjoni ta’ prodotti ġodda jew imtejbin fis-suq, li jista’ jinkiseb permezz ta’ restrizzjonijiet indispensabbli, irid jiġi ttrasferit lill-konsumaturi sa punt li jisboq kwalunkwe effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni kkawżat mill-arranġament ta’ xiri konġunt. Għaldaqstant, l-iffrankar tal-kostijiet jew effiċjenzi oħrajn li jibbenefikaw minnhom biss il-partijiet fl-arranġament ta’ xiri konġunt ma jkunux biżżejjed. Minflok, l-iffrankar tal-kostijiet jeħtieġ li jingħadda lill-klijenti tal-membri. Pereżempju, fil-każ ta’ kostijiet tax-xiri aktar baxxi, it-trasferiment jista’ jseħħ permezz ta’ prezzijiet aktar baxxi fis-suq jew fis-swieq tal-bejgħ.

308.

Il-kumpaniji normalment ikollhom inċentiv li jgħaddu tal-anqas parti minn tnaqqis fil-kostijiet varjabbli lill-klijenti tagħhom stess. Il-marġni ta’ profitt ogħla li jirriżulta minn tnaqqis varjabbli fil-kostijiet jipprovdi lill-kumpaniji b’inċentiv sinifikanti sabiex jespandu l-output permezz ta’ tnaqqis fil-prezzijiet. Madankollu, meta l-membri ta’ arranġament ta’ xiri konġunt flimkien ikollhom saħħa sinifikanti fis-suq/swieq tal-bejgħ rilevanti, jistgħu jkunu anqas inklinati li jgħaddu tnaqqis fil-kostijiet varjabbli lill-klijenti. Barra minn hekk, tnaqqis fil-kostijiet fissi (bħal pagamenti ta’ somma f’daqqa mill-fornituri) huwa anqas probabbli li jkun mgħoddi lill-konsumaturi peress li spiss ma jipprovdix lill-kumpaniji b’inċentiv sabiex jespandu l-output. Għalhekk, hija meħtieġa valutazzjoni bir-reqqa tal-arranġament ta’ xiri konġunt speċifiku sabiex jiġi vvalutat jekk dan iġġenerax inċentiv ekonomiku għall-espansjoni tal-output u, b’hekk, għat-trasferiment tat-tnaqqis fil-kostijiet jew tal-effiċjenzi (213). Fl-aħħar nett, prezzijiet tal-bejgħ aktar baxxi għall-klijenti jkunu partikolarment improbabbli jekk l-arranġament ta’ xiri konġunt jillimita (jew jiddiżinċentiva) il-kapaċità tal-membri tiegħu li jixtru volumi addizzjonali mingħand fornitur partikolari, jew permezz tal-arranġament ta’ xiri konġunt jew b’mod indipendenti barra mill-arranġament. Fil-fatt, l-arranġamenti ta’ xiri konġunt li jillimitaw l-ordni indipendenti ta’ volumi addizzjonali mill-membri tagħhom minn fornitur partikolari jipprovdu inċentiv sabiex jgħollu l-prezzijiet tal-bejgħ. Dan għaliex il-limitazzjoni konġunta tax-xiri ta’ inputs ġeneralment ikollha l-effett li tillimita l-volum ta’ bejgħ fis-suq jew fis-swieq tal-bejgħ.

4.3.4.   L-ebda eliminazzjoni tal-kompetizzjoni

309.

Il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) ma jistgħux jiġu ssodisfati jekk il-partijiet jingħataw il-possibbiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ parti sostanzjali tal-prodotti inkwistjoni. Din il-kundizzjoni trid tiġi ssodisfata kemm fis-swieq tax-xiri kif ukoll fis-swieq tal-bejgħ rilevanti.

4.4.   Eżempji

310.

Kartell tax-xerrejja

Eżempju 1

Sitwazzjoni: Ħafna impriżi żgħar jiġbru l-mowbajls użati permezz ta’ ħwienet tal-bejgħ bl-imnut fejn jintbagħtu lura meta jinxtara mowbajl ġdid. Dawn il-kolletturi jbigħu mowbajls użati lill-impriżi tar-riċiklaġġ li jestrattaw materja prima siewja bħad-deheb, il-fidda u r-ram, għall-użu mill-ġdid bħala alternattiva aktar sostenibbli għall-estrazzjoni. Ħames impriżi tar-riċiklaġġ li jirrappreżentaw 12 % tas-suq tax-xiri għall-mowbajls użati jaqblu dwar prezz massimu tax-xiri komuni għal kull mowbajl. Dawn il-ħames impriżi tar-riċiklaġġ iżommu wkoll lil xulxin informati dwar id-diskussjonijiet dwar il-prezzijiet li qed iwettqu individwalment mal-kolletturi tal-mowbajls użati, kif ukoll l-offerti li għamlulhom il-kolletturi, u l-prezz għal kull mowbajl li huma eventwalment jaqblu li jħallsu lill-kolletturi.

Analiżi: Il-ħames impriżi tar-riċiklaġġ huma kollha parti għal kartell tax-xerrejja. Kull waħda minnhom tinnegozja u tixtri individwalment mingħand il-kolletturi tal-mowbajls. Ma hemm l-ebda arranġament ta’ xiri konġunt involut li jirrappreżenta lix-xerrejja b’mod konġunt fin-negozjati mal-kolletturi jew fix-xiri mingħandhom. Irrispettivament mis-sehem tas-suq ikkombinat relattivament żgħir tal-impriżi tar-riċiklaġġ fis-suq tax-xiri għall-iskart elettroniku, il-ftehim bejniethom jikkwalifika bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Għalhekk, ma huwiex meħtieġ li jiġi ddefinit is-suq rilevanti jew li jiġu vvalutati l-effetti attwali jew potenzjali tal-kartell fis-suq.

311.

Negozjar konġunt ta’ inputs mill-manifatturi

Eżempju 2

Sitwazzjoni: Ħames manifatturi kompetituri tal-azzar għandhom sehem mis-suq kombinat ta’ 40 % fis-suq tax-xiri rilevanti fl-Istat Membru A. Il-manifatturi tal-azzar stabbilewimpriża konġunta li se tinnegozja x-xiri ta’ minerali tal-ħadid f’isimhom u huma sidien u operaturi tagħha. L-impriża konġunta titlob u tikseb mingħand fornitur ewlieni tal-mineral tal-ħadid tnaqqis ta’ 20 % fil-prezz tax-xiri tal-mineral tal-ħadid fl-Istat Membru A. Minflok ma jikkompetu ma’ xulxin fis-suq tax-xiri, il-ħames manifatturi tal-azzar jixtru l-mineral tal-ħadid bil-prezz tax-xiri nnegozjat mill-impriża konġunta. Ma hemm l-ebda evidenza li s-sidien tal-impriża konġunta naqqsu l-prezzijiet tal-azzar tagħhom fis-suq tal-bejgħ b’riżultat tal-prezzijiet aktar baxxi li ħallsu għall-mineral tal-ħadid.

Analiżi: L-impriża konġunta hija arranġament ta’ xiri konġunt li jinnegozja mal-fornituri f’isem il-ħames manifatturi tal-azzar. Il-ħames manifatturi tal-azzar li huma parti għall-impriża konġunta setgħu jiksbu prezz aktar baxx għax-xiri tagħhom ta’ mineral tal-ħadid. Il-partijiet fl-impriża konġunta jagħmlu x-xiri tagħhom ta’ mineral tal-ħadid indipendentament, għalkemm fuq il-bażi tal-prezz innegozjat mill-impriża konġunta. Il-formazzjoni u l-implimentazzjoni tal-impriża konġunta ma għandhomx bħala l-għan tagħhom ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Jekk l-impriża konġunta għandhiex effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni jiddependi, pereżempju, fuq jekk din twassalx għal komunalità sinifikanti tal-kostijiet u jekk l-arranġament ta’ xiri konġunt jipproduċix riskju reali ta’ kollużjoni fis-suq tal-bejgħ għall-azzar. Jekk kollox jibqa’ kif inhu, il-fatt li l-ebda wieħed mill-ħames manifatturi tal-azzar, parti għall-impriża konġunta, ma naqqas il-prezzijiet tiegħu għall-azzar seta’ jkun indikazzjoni ta’ kollużjoni bħal din.

312.

Negozjar konġunt minn alleanza Ewropea tal-bejgħ bl-imnut

Eżempju 3

Sitwazzjoni: Alleanza Ewropea ta’ bejjiegħa bl-imnut, li għandha bħala membri tagħha seba’ ktajjen kbar tal-bejgħ bl-imnut, li kull waħda minnhom topera fi swieq nazzjonali differenti, tinnegozja b’mod konġunt ma’ manifattur ta’ ditta importanti ta’ biskuttini ħelwin u ta’ meraq tal-frott, b’sehem mis-suq ta’ 30 % f’dawk il-kategoriji ta’ prodotti, ċerti termini għal ftehim dwar il-provvista fil-futur. L-alleanza għandha sehem mis-suq ta’ mhux aktar minn 18 % f’kull suq tax-xiri (nazzjonali) rilevanti u kull wieħed mill-membri tagħha għandu sehem mis-suq ta’ bejn 15 % u 20 % fis-swieq tal-bejgħ bl-imnut (lokali) rilevanti fl-Istat Membru rispettiv tiegħu. Il-membri tal-alleanza ma humiex parteċipanti potenzjali għas-swieq tal-bejgħ ta’ xulxin. In-negozjati jkopru b’mod partikolari ribass addizzjonali mill-manifattur lill-bejjiegħa bl-imnut. Iż-żewġ naħat jixprunaw ftehim iebes sabiex jiksbu l-aqwa ftehim possibbli. F’ċertu punt fin-negozjati, l-alleanza tal-bejjiegħa bl-imnut titlob lill-membri tagħha biex temporanjament iwaqqfu jordnaw prodotti miż-żewġ kategoriji li jkunu taħt negozjati mal-manifattur sabiex tiżdied il-pressjoni. Fl-implimentazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, kull membru tal-alleanza jiddeċiedi individwalment liema mill-prodotti tal-manifattur f’dawk il-kategoriji se jieqaf jordna sakemm idumu weqfin in-negozjati, filwaqt li jitqiesu l-preferenzi lokali tal-konsumaturi fis-swieq tal-bejgħ. Eventwalment, wara serje ulterjuri ta’ negozjati, il-manifattur u l-alleanza jaqblu dwar ir-ribass addizzjonali li l-manifattur jagħti lill-membri tal-alleanza individwali u jerġgħu jibdew l-ordnijiet tagħhom tal-firxa sħiħa ta’ prodotti mill-manifattur.

Analiżi: L-alleanza Ewropea ta’ bejjiegħa bl-imnut ma hijiex kartell ta’ xerrejja u ma tikkostitwixxix restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Tikkwalifika bħala arranġament ta’ xiri konġunt anki jekk tinnegozja b’mod konġunt biss ribass partikolari bħala parti minn tranżazzjoni usa’ ta’ xiri bejn il-manifattur u l-membri tal-alleanza tal-bejgħ bl-imnut, li fuq il-bażi tiegħu jixtru individwalment il-kwantitajiet meħtieġa tal-prodotti tal-manifattur. Il-ktajjen nazzjonali tal-bejgħ bl-imnut li huma membri tal-alleanza ma humiex attivi fl-istess swieq tal-bejgħ u ma humiex kompetituri potenzjali ta’ xulxin. B’riżultat ta’ dan, l-arranġament ta’ xiri konġunt x’aktarx li ma jkollux effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni bejn il-bejjiegħa bl-imnut fis-suq/swieq tal-bejgħ downstream. Barra minn hekk, il-bejjiegħa bl-imnut jiffaċċjaw pressjoni kompetittiva suffiċjenti minn bejjiegħa bl-imnut kompetituri li ma jiħdux sehem fl-arranġament ta’ xiri konġunt. L-arranġament xorta jista’ jeħtieġ valutazzjoni tal-effetti negattivi potenzjali fuq il-kompetizzjoni upstream, li jirriżultaw mir-ribass addizzjonali (pereżempju f’termini ta’ innovazzjoni mnaqqsa mill-fornituri). Madankollu, effetti negattivi bħal dawn jidhru improbabbli fid-dawl tas-sehem mis-suq kombinat tal-partijiet ta’ mhux aktar minn 18 % f’kull suq tax-xiri rilevanti. Il-waqfien temporanju tal-ordnijiet għandu jiġi vvalutat flimkien mal-effetti ġenerali tal-arranġament ta’ xiri konġunt. Tali miżura tikkonċerna biss il-kategoriji ta’ prodotti li jkunu qegħdin jiġu nnegozjati mal-manifattur u ma tidhirx li tagħmel ħsara lill-konsumaturi direttament jew indirettament, b’mod partikolari, sa fejn dawn il-bejjiegħa bl-imnut joffru prodotti sostituti jew ikun hemm bejjiegħa bl-imnut kompetituri oħrajn li mingħandhom il-konsumaturi jistgħu jixtru l-istess prodotti, u dan jista’ jwassal għal benefiċċju għall-konsumaturi fil-forma ta’ prezzijiet aktar baxxi wara li jkun intlaħaq ftehim.

313.

Xiri konġunt minn impriżi żgħar b’ishma mis-suq ikkombinati moderati

Eżempju 4

Sitwazzjoni: 150 bejjiegħ bl-imnut żgħar ikkonkludew ftehim biex jifformaw arranġament ta’ xiri konġunt. Huma obbligati jixtru volum minimu permezz tal-arranġament, li jammonta għal madwar 50 % tal-kostijiet totali ta’ kull bejjiegħ bl-imnut. Il-bejjiegħa bl-imnut jistgħu jixtru iżjed mill-volum minimu permezz tal-arranġament u jistgħu wkoll jixtru barra mill-arranġament. Għandhom sehem mis-suq kombinat ta’ 23 % fis-swieq kemm tax-xiri kif ukoll tal-bejgħ. L-Impriża A u l-Impriża B huma żewġ kompetituri kbar tal-membri tal-arranġament ta’ xiri konġunt. L-Impriża A għandha sehem ta’ 25 % fis-swieq kemm tax-xiri kif ukoll tal-bejgħ, u l-Impriża B għandha 35 %. Ma hemm l-ebda ostaklu li jimpedixxi lill-bqija tal-kompetituri iżgħar milli jifformaw ukoll arranġament ta’ xiri konġunt. Il-150 bejjiegħ bl-imnut jiksbu ffrankar sostanzjali fil-kostijiet bis-saħħa tax-xiri b’mod konġunt permezz tal-arranġament ta’ xiri konġunt.

Analiżi: L-arranġament ta’ xiri konġunt ma huwiex kartell ta’ xerrejja u ma jikkwalifikax bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Is-sehem mis-suq kombinat tal-bejjiegħa bl-imnut parteċipanti fis-swieq tax-xiri u tal-bejgħ jaqbeż ir-regola rigward il-livell mhux vinkolanti ta’ protezzjoni ta’ 15 % iżda huma ristretti mill-Impriżi A u B, li għandhom ishma mis-suq ogħla fiż-żewġt iswieq. Il-probabbiltà li l-arranġament ta’ xiri konġunt jiddiżinċentiva l-investimenti jew l-innovazzjoni mill-fornituri tal-prodotti tibqa’ baxxa fid-dawl tas-sehem mis-suq kombinat tal-parteċipanti fis-suq tax-xiri. Madankollu, dan jiddependi wkoll mill-grad ta’ saħħa kumpensatorja bħala bejjiegħa tal-fornituri fis-suq tax-xiri u, fil-każ ta’ fornituri mingħajr saħħa bħala bejjiegħa, jekk ikunux għamlu investimenti speċifiċi għall-klijenti għall-membri tal-arranġament ta’ xiri konġunt. Anke jekk il-bejjiegħa bl-imnut parteċipanti jiksbu livell għoli ta’ komunalità tal-kostijiet, huwa improbabbli li dawn ikollhom saħħa fis-suq tal-bejgħ minħabba l-preżenza fis-suq tal-Impriżi A u B, li individwalment it-tnejn huma akbar mill-bejjiegħa bl-imnut kombinati li huma parti għall-arranġament ta’ xiri konġunt. Konsegwentement, il-150 bejjiegħ bl-imnut x’aktarx li ma jkunux jistgħu jikkoordinaw b’suċċess l-imġiba tagħhom fuq il-prezzijiet tal-bejgħ u jilħqu eżitu kollużiv fis-suq tal-bejgħ li jżommhom milli jittrasferixxu l-prezzijiet tal-akkwist orħos jew l-iskontijiet relatati. Għalhekk, ma huwiex probabbli li l-arranġament ta’ xiri konġunt iwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1). Barra minn hekk, il-kooperazzjoni ġġib magħha xi effiċjenzi permezz ta’ ekonomiji ta’ skala li jistgħu jkomplu jnaqqsu l-prezzijiet tal-bejgħ u jagħmlu lill-bejjiegħa bl-imnut aktar kompetittivi fis-suq tal-bejgħ fil-konfront tal-Impriżi A u B.

314.

Il-komunalità tal-kostijiet u s-saħħa fis-suq tal-bejgħ

Eżempju 5

Sitwazzjoni: Żewġ ktajjen ta’ supermarkets kompetituri jikkonkludu ftehim sabiex jixtru flimkien prodotti li jammontaw għal madwar 80 % tal-kostijiet varjabbli tagħhom. Fis-swieq tax-xiri rilevanti għall-kategoriji differenti ta’ prodotti, il-partijiet għandhom ishma mis-suq kombinati ta’ bejn 25 % u 40 %. Fis-suq tal-bejgħ rilevanti, għandhom sehem mis-suq kombinat ta’ 60 % u hemm erba’ bejjiegħa bl-imnut sinifikanti oħrajn, kull wieħed b’sehem mis-suq ta’ 10 %. Id-dħul fis-suq ma huwiex probabbli.

Analiżi: Il-ftehim ta’ xiri ma huwiex kartell ta’ xerrejja u ma jikkwalifikax bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Madankollu, huwa probabbli li jagħti lill-partijiet il-kapaċità li jikkordinaw l-imġiba tagħhom fis-suq tal-bejgħ, u b’hekk iwassal għal eżitu kollużiv. Il-partijiet għandhom saħħa fis-suq tal-bejgħ, fid-dawl tal-ftit kompetituri, li huma ferm iżgħar, f’dak is-suq, u l-ftehim ta’ xiri jwassal għal komunalità sinifikanti tal-kostijiet. Barra minn hekk, id-dħul fis-suq ma huwiex probabbli. L-inċentiv għall-partijiet sabiex jikkordinaw l-imġiba tagħhom fis-suq tal-bejgħ tkompli tissaħħaħ jekk l-istrutturi tal-kostijiet tagħhom diġà kienu simili qabel il-konklużjoni tal-ftehim. Barra minn hekk, marġnijiet simili tal-partijiet ikomplu jżidu r-riskju ta’ eżitu kollużiv. Dan il-ftehim joħloq ukoll riskju li l-partijiet jistgħu jrażżnu d-domanda u, konsegwentement, bħala riżultat ta’ xiri mnaqqas, inaqqsu wkoll il-volumi tal-bejgħ, u b’hekk iżidu l-prezzijiet tal-bejgħ downstream. B’hekk, il-ftehim ta’ xiri x’aktarx li jwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1). Minkejja li huwa probabbli ħafna li l-ftehim iwassal għal titjib fl-effiċjenza fil-forma ta’ ffrankar tal-ispejjeż, minħabba s-saħħa sinifikanti tal-partijiet fis-suq tal-bejgħ, mhux probabbli li dawn jiġu mgħoddija lill-konsumaturi sa punt li jegħlbu l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni. Għalhekk, il-ftehim ta’ xiri probabbilment ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3).

315.

Partijiet attivi fi swieq ġeografiċi separati

Eżempju 6

Sitwazzjoni: Sitt bejjiegħa bl-imnut kbar, li kull wieħed minnhom huwa bbażat fi Stat Membru differenti, jifformaw arranġament ta’ xiri konġunt biex jixtru flimkien diversi prodotti tad-ditta bbażati fuq id-dqiq tal-qamħ durum. L-arranġament jippermetti lill-bejjiegħa bl-imnut jixtru prodotti tad-ditta simili oħrajn barra mill-kooperazzjoni. Il-membri tal-arranġament ta’ xiri konġunt għandhom sehem mis-suq kombinat ta’ madwar 22 % fis-suq tax-xiri rilevanti, li jkopri l-Unjoni kollha. Fis-suq tax-xiri hemm tliet xerrejja kbar oħrajn ta’ daqs simili bħall-arranġament ta’ xiri konġunt. Kull wieħed mill-membri tal-arranġament ta’ xiri konġunt għandu sehem mis-suq ta’ bejn 20 % u 30 % fis-swieq tal-bejgħ li fihom huma attivi, li huma swieq nazzjonali. L-ebda waħda mill-partijiet ma hija attiva fis-suq tal-bejgħ ta’ Stat Membru fejn hija attiva parti oħra. Il-partijiet ma humiex entranti potenzjali fis-swieq tal-bejgħ nazzjonali ta’ xulxin.

Analiżi: L-arranġament ta’ xiri konġunt ma huwiex kartell ta’ xerrejja u ma jikkwalifikax bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Permezz tal-arranġament, il-bejjiegħa bl-imnut parteċipanti se jkunu jistgħu jikkompetu max-xerrejja ewlenin eżistenti l-oħrajn fis-suq tax-xiri u jiksbu prezzijiet jew termini u kundizzjonijiet aħjar milli jkun il-każ li kieku jixtru l-prodotti indipendentament. Il-probabbiltà li l-arranġament ta’ xiri konġunt jiddiżinċentiva l-investimenti jew l-innovazzjoni mill-fornituri tal-prodotti tibqa’ baxxa fid-dawl tas-sehem mis-suq kombinat tal-parteċipanti fis-suq tax-xiri. Madankollu, dan jiddependi wkoll mill-grad ta’ saħħa kumpensatorja bħala bejjiegħa tal-fornituri fis-suq tax-xiri u, fil-każ ta’ fornituri mingħajr saħħa bħala bejjiegħa, jekk ikunux għamlu xi investimenti speċifiċi għall-konsumatur għax-xerrejja li huma parti għall-arranġament. Meta mqabblin mas-suq tax-xiri li jkopri l-Unjoni kollha, is-swieq tal-bejgħ nazzjonali huma ħafna iżgħar (f’termini ta’ fatturat u ta’ ambitu ġeografiku) u f’dawk is-swieq, xi wħud mill-membri tal-arranġament jista’ jkollhom xi grad ta’ saħħa fis-suq. Madankollu, anki jekk il-membri tal-arranġament ta’ xiri konġunt ikollhom sehem mis-suq kombinat ta’ aktar minn 15 % fis-swieq tax-xiri, il-partijiet ma jkunux jistgħu jikkordinaw b’suċċess l-imġiba tagħhom fis-swieq nazzjonali tal-bejgħ peress li la huma kompetituri attwali u lanqas potenzjali f’dawk is-swieq downstream. Konsegwentement, l-arranġament ta’ xiri konġunt mhux probabbli li jwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1). Madankollu, anki jekk l-arranġament kellu jkollu effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni, x’aktarx li jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-eċċezzjoni tal-Artikolu 101(3). L-arranġament ta’ xiri konġunt iwassal għal kostijiet ta’ xiri aktar baxxi, li l-membri ma jkunux jistgħu jiksbu li kieku jinnegozjaw il-prezzijiet indipendentament. Fid-dawl tal-pożizzjoni fis-suq downstream tal-membri individwali, fejn ma humiex preżenti fis-swieq tal-bejgħ ta’ xulxin iżda jiffaċċjaw kompetizzjoni sinifikanti minn bejjiegħa bl-imnut oħrajn (li għandhom tal-anqas 70 % tas-suq tal-bejgħ), jidher probabbli li dawn il-kostijiet tax-xiri aktar baxxi jiġu ttrasferiti lill-konsumaturi. Tabilħaqq, il-membri tal-arranġament għandu jkollhom inċentiv sabiex jgħaddu tal-anqas parti mit-tnaqqis fil-kostijiet varjabbli lill-klijenti tagħhom stess billi jespandu l-bejgħ downstream permezz ta’ tnaqqis fil-prezzijiet.

316.

Skambju ta’ informazzjoni

Eżempju 7

Sitwazzjoni: Tliet manifatturi kompetituri A, B u Ċ jinkarigaw lil arranġament ta’ xiri konġunt indipendenti bix-xiri tal-prodott Z, li huwa prodott intermedju użat mit-tliet manifatturi għall-produzzjoni tagħhom tal-prodott finali X. Il-kostijiet ta’ Z ma humiex fattur sinifikanti tal-kostijiet għall-produzzjoni ta’ X. L-informazzjoni kollha neċessarja għax-xiri konġunt (pereżempju l-ispeċifikazzjonijiet tal-kwalità, il-kwantitajiet, id-dati tal-konsenja, il-prezzijiet massimi tax-xiri) jiġu ddivulgati biss lill-arranġament ta’ xiri konġunt u ma jiġux kondiviżi mal-membri l-oħrajn tal-arranġament. L-arranġament ta’ xiri konġunt jaqbel fuq il-prezzijiet tax-xiri ma’ kull fornitur tal-prodott Z. A, B u Ċ għandhom sehem mis-suq kombinat ta’ 30 % f’kull wieħed mis-swieq tax-xiri u tal-bejgħ. Għandhom sitt kompetituri fis-swieq tax-xiri u l-bejgħ, tnejn minnhom b’sehem mis-suq ta’ 20 %.

Analiżi: L-arranġament ta’ xiri konġunt ma huwiex kartell ta’ xerrejja u ma huwiex restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Il-membri tal-arranġament ta’ xiri konġunt flimkien għandhom sehem mis-suq kombinat ta’ 30 % kemm fis-swieq tax-xiri kif ukoll f’dawk tal-bejgħ li jaqbeż b’mod ċar ir-regola rigward il-livell xieraq ta’ protezzjoni ta’ 15 %. Dan jista’ jagħtihom grad sinifikanti ta’ saħħa fis-suq kemm fis-swieq tax-xiri kif ukoll fis-swieq tal-bejgħ. Madankollu, il-membri tal-arranġament jiffaċċjaw kompetizzjoni kemm upstream kif ukoll downstream minn diversi kompetituri. Tal-anqas tnejn minn dawn il-kompetituri għandhom pożizzjoni sinfikanti fis-suq (kull wieħed b’sehem mis-suq ta’ 20 %) li tippermettilhom jeżerċitaw restrizzjoni kompetittiva effettiva fuq il-membri tal-arranġament. Għalhekk, jidher improbabbli li l-membri tal-arranġament ta’ xiri konġunt għandhom grad sinifikanti ta’ saħħa fis-suq fis-swieq tal-bejgħ sabiex ikunu jistgħu jeskludu dawn il-kompetituri mis-suq tax-xiri. Barra minn hekk, l-arranġament huwa limitat għax-xiri tal-prodott Z, li ma huwiex fattur sinifikanti tal-kost għall-produzzjoni tal-prodott X. Dan ifisser li ma jikkostitwixxix input sinifikanti għall-attivitajiet tal-partijiet fis-swieq tal-bejgħ u ma jwassalx għal grad għoli ta’ komunalità tal-kostijiet. A, B u Ċ għadhom jixtru jew jipproduċu indipendentament l-inputs l-oħrajn għall-prodott X, li jirrappreżentaw fatturi tal-kost aktar sinifikanti, u jiffaċċjaw kompetizzjoni effettiva mis-sitt kompetituri kif ukoll minn xulxin fis-suq għall-prodott X.

Għalhekk, l-arranġament ta’ xiri konġunt x’aktarx li ma jirrestrinġix il-kompetizzjoni fis-swieq tal-bejgħ u/jew tax-xiri skont l-Artikolu 101(1) jew, fi kwalunkwe każ, jista’ jissodisfa l-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi tal-Artikolu 101(3).

Barra minn hekk, fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni, b’mod simili ma huwiex se jaqa’ taħt il-projbizzjoni tal-Artikolu 101(1) jekk ikun oġġettivament neċessarju u proporzjonat għall-implimentazzjoni tal-arranġament ta’ xiri konġunt għall-prodott Z, li jkopru biss dawk il-parametri li huma meħtieġa għall-membri tal-arranġament sabiex jikkonkludu ftehim mal-fornituri. Peress li l-informazzjoni ma hijiex kondiviża bejn il-membri individwali, iżda biss mal-arranġament ta’ xiri konġunt, ma hemm l-ebda skambju dirett ta’ informazzjoni bejn A, B u Ċ u, għalhekk, it-trasferiment tal-informazzjoni x’aktarx li ma jwassalx għal eżitu kollużiv bejniethom kontrarju għall-Artikolu 101(1).

5.   FTEHIMIET TA’ KUMMERĊJALIZZAZZJONI

5.1.   Introduzzjoni

317.

L-ftehimiet ta’ kummerċjalizzazzjoni jinvolvu kooperazzjoni bejn kompetituri fil-bejgħ, id-distribuzzjoni jew il-promozzjoni tal-prodotti sostituti tagħhom. Dan it-tip ta’ ftehim jista’ jkollu ambitu li jvarja ħafna, skont il-funzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni li huma koperti mill-kooperazzjoni. Fuq naħa waħda tal-ispettru, il-ftehimiet ta’ bejgħ konġunt jistgħu jwasslu għal determinazzjoni konġunta tal-aspetti kummerċjali kollha relatati mal-bejgħ tal-prodott, inkluż il-prezz. Fuq in-naħa l-oħra, hemm ftehimiet aktar limitati li jindirizzaw biss funzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni speċifika waħda, bħad-distribuzzjoni, is-servizz ta’ wara l-bejgħ, jew ir-reklamar.

318.

Kategorija importanti ta’ dawk il-ftehimiet aktar limitati hija l-ftehimiet ta’ distribuzzjoni. Il-VBER u l-Linji Gwida Vertikali fil-prinċipju jkopru l-ftehimiet ta’ distribuzzjoni sakemm il-partijiet fil-ftehim ma jkunux kompetituri attwali jew potenzjali. Jekk il-kompetituri jaqblu li jiddistribwixxu l-prodotti sostituti tagħhom (b’mod partikolari jekk jagħmlu dan fi swieq ġeografiċi differenti), hemm ir-riskju li l-ftehimiet jkollhom bħala l-għan jew l-effett tagħhom it-tqassim tas-swieq bejn il-partijiet jew li jwasslu għal eżitu kollużiv. Dan jista’ jkun minnu kemm għal ftehimiet reċiproċi kif ukoll għal dawk mhux reċiproċi bejn il-kompetituri, li b’hekk għandhom jiġu vvalutati, l-ewwel nett, skont il-prinċipji stabbiliti f’dan il-Kapitolu. Jekk dik il-valutazzjoni twassal għall-konklużjoni li kooperazzjoni bejn kompetituri fil-qasam tad-distribuzzjoni fil-prinċipju tkun aċċettabbli, tkun neċessarja valutazzjoni ulterjuri sabiex tiġi eżaminata kwalunkwe restrizzjoni vertikali inkluża fi ftehimiet bħal dawn. Dak it-tieni stadju tal-valutazzjoni jenħtieġ li jkun ibbażat fuq il-prinċipji stabbiliti fil-Linji Gwida Vertikali.

319.

L-unika eċċezzjoni għall-proċess fuq żewġ stadji msemmi fil-paragrafu ta’ qabel tikkonċerna ftehimiet ta’ distribuzzjoni mhux reċiproċi bejn il-kompetituri li fihom (a) il-fornitur ikun manifattur, bejjiegħ bl-ingrossa, jew importatur u distributur ta’ oġġetti, filwaqt li x-xerrej ikun distributur u ma jkunx impriża kompetitriċi fil-livell tal-manifattura, tal-bejgħ bl-ingrossa jew tal-importazzjoni, jew, (b) il-fornitur ikun fornitur ta’ servizzi f’bosta livelli tal-kummerċ, filwaqt li x-xerrej jipprovdi s-servizzi tiegħu fil-livell tal-bejgħ bl-imnut u ma jkunx impriża kompetitriċi fil-livell tal-kummerċ fejn jixtri s-servizzi tal-kuntratt. (214) F’dawk ix-xenarji, il-ftehim ta’ distribuzzjoni jista’ jibbenefika mill-VBER, f’liema każ dawn il-Linji Gwida ma japplikawx. (215) Il-paragrafu 43 jipprovdi gwida addizzjonali dwar ir-relazzjoni ġenerali bejn dawn il-Linji Gwida u l-VBER u l-Linji Gwida Vertikali.

320.

Jenħtieġ li ssir distinzjoni oħra bejn ftehimiet fejn il-partijiet jaqblu biss dwar kummerċjalizzazzjoni konġunta u ftehimiet fejn il-kummerċjalizzazzjoni tkun relatata ma’ tip ieħor ta’ kooperazzjoni upstream, bħal produzzjoni konġunta jew xiri konġunt. Meta jiġu analizzati l-ftehimiet ta’ kummerċjalizzazzjoni li jikkombinaw stadji differenti ta’ kooperazzjoni, huwa neċessarju li titwettaq il-valutazzjoni f’konformità mal-paragrafi 6-8.

321.

Hemm esklużjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli previsti fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli (216).

5.2.   Valutazzjoni skont l-Artikolu 101(1)

5.2.1.   Tħassib ewlieni dwar il-kompetizzjoni

322.

Ftehimiet ta’ kummerċjalizzazzjoni jistgħu jwasslu għal restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni b’diversi modi. L-ewwel nett, u bl-aktar mod ovvju, il-ftehimiet ta’ kummerċjalizzazzjoni jistgħu jwasslu għall-iffissar tal-prezzijiet.

323.

It-tieni, ftehimiet ta’ kummerċjalizzazzjoni jistgħu wkoll jiffaċilitaw il-limitazzjonijiet tal-output, minħabba li l-partijiet jistgħu jiddeċiedu l-volum ta’ prodotti li għandu jitqiegħed fis-suq, u għaldaqstant jirrestrinġu l-provvista.

324.

It-tielet, ftehimiet ta’ kummerċjalizzazzjoni jistgħu jsiru mezz sabiex il-partijiet jaqsmu s-suq jew jallokaw l-ordnijiet jew il-klijenti, pereżempju f’każijiet li fihom l-impjanti tal-produzzjoni tal-partijiet ikunu jinsabu fi swieq ġeografiċi differenti jew meta l-ftehimiet jkunu reċiproċi.

325.

Ir-raba’, il-ftehimiet ta’ kummerċjalizzazzjoni jistgħu jwasslu wkoll għal skambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva relatata mal-aspetti fl-ambitu tal-kooperazzjoni jew lil’hinn minnu jew mal-komunalità tal-kostijiet – b’mod partikolari fir-rigward ta’ ftehimiet li ma jinvolvux iffissar tal-prezzijiet – li jista’ jirriżulta f’eżitu kollużiv.

326.

Min-naħa l-oħra, ftehim ta’ kummerċjalizzazzjoni normalment ma jagħtix lok għal tħassib dwar il-kompetizzjoni jekk ikun oġġettivament neċessarju sabiex parti waħda tkun tista’ tidħol f’suq li kieku ma kinitx tkun tista’ tidħol fih b’mod indipendenti, jew li ma kinitx tkun tista’ tidħol fih ma’ numru iżgħar ta’ partijiet minn dawk li ħadu sehem fil-kooperazjoni, pereżempju, minħabba l-kostijiet involuti. F’xenarju bħal dan, il-partijiet għall-ftehim ma humiex kompetituri potenzjali jew effettivi ta’ xulxin u, għalhekk, il-ftehim ma jkollux l-effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni bejniethom.

327.

Għalhekk, kwistjoni ewlenija fil-valutazzjoni ta’ ftehim ta’ kummerċjalizzazzjoni reċiproka tkun jekk l-ftehim ikunx oġġettivament neċessarju sabiex il-partijiet jidħlu fis-swieq ta’ xulxin. Jekk dan ikun il-każ, il-ftehim ma joħloqx problemi ta’ kompetizzjoni. Madankollu, jekk parti tkun kapaċi tidħol fis-suq ta’ parti oħra mingħajr il-ftehim, u l-ftehim inaqqas l-indipendenza tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-ewwel parti fir-rigward tal-possibbiltà li tidħol fis-suq tal-parti l-oħra, x’aktarx li dan iwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni. L-istess prinċipju japplika għal ftehimiet ta’ kummerċjalizzazzjoni mhux reċiproċi. Madankollu, ir-riskju ta’ effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni huwa anqas evidenti għal ftehimiet mhux reċiproċi, billi l-partijiet huma anqas probabbli li jkollhom inċentiv reċiproku sabiex jallokaw is-swieq jew il-klijenti.

5.2.2.   Restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan

328.

L-ewwel nett, il-ftehimiet ta’ kummerċjalizzazzjoni jwasslu għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan jekk iservu bħala għodda għall-involviment f’kartell moħbi. Fi kwalunkwe każ, ftehimiet ta’ kummerċjalizzazzjoni li jinvolvu l-iffissar tal-prezzijiet, il-limitazzjonijiet tal-output jew it-tqassim tas-swieq x’aktarx li jirrestrinġu l-kompetizzjoni minħabba l-għan, ħlief jekk dawk ir-restrizzjonijiet ikunu anċillari għall-għan ewlieni tal-ftehim u meta dak l-għan ewlieni jaqa’ barra mill-projbizzjoni tal-Artikolu 101(1).

329.

L-iffissar tal-prezzijiet huwa wieħed mill-preokkupazzjonijiet ewlenin fir-rigward tal-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-ftehimiet ta’ kummerċjalizzazzjoni bejn il-kompetituri. Ftehimiet limitati għall-bejgħ konġunt u, b’mod ġenerali, l-ftehimiet ta’ kummerċjalizzazzjoni li jinkludu l-ipprezzar konġunt ġeneralment iwasslu għall-koordinazzjoni tal-politika tal-ipprezzar ta’ manifatturi jew fornituri ta’ servizzi kompetituri. Tali ftehimiet jistgħu mhux biss jeliminaw il-kompetizzjoni fil-prezzijiet bejn il-partijiet fuq prodotti sostituti iżda jistgħu wkoll jirrestrinġu l-volum totali tal-prodotti li għandhom jiġu kkonsenjati mill-partijiet fil-qafas ta’ sistema għall-allokazzjoni tal-ordnijiet. Għalhekk, tali ftehimiet x’aktarx li jirrestrinġu l-kompetizzjoni skont l-għan.

330.

Dik il-valutazzjoni ma tinbidilx jekk il-ftehim ma jkunx esklużiv (jiġifieri, meta l-partijiet ikunu ħielsa li jbigħu individwalment barra mill-ftehim), dment li jista’ jiġi konkluż li l-ftehim iwassal għal koordinazzjoni globali tal-prezzijiet mitlubin mill-partijiet lill-klijenti kollha tagħhom jew lil parti minnhom.

331.

Bl-istess mod, il-limitazzjonijiet tal-output huma ta’ tħassib serju għall-kompetizzjoni li jista’ jinħoloq minn ftehimiet ta’ kummerċjalizzazzjoni. Meta l-partijiet għall-ftehim jiddeċiedu b’mod konġunt dwar il-kwantità tal-prodotti li għandhom jiġu kkummerċjalizzati, il-provvista disponibbli tal-prodotti tal-kuntratt tista’ titnaqqas, li żżid il-prezz tagħhom. Fil-prinċipju, kull parti għall-ftehim għandha tibqa’ libera li tiddeċiedi b’mod indipendenti li żżid jew tnaqqas l-output tagħha sabiex tissodisfa d-domanda tas-suq. Ir-riskju ta’ limitazzjonijiet tal-output huwa aktar limitat fil-każ ta’ ftehimiet ta’ kummerċjalizzazzjoni mhux esklużivi, dment li l-partijiet jibqgħu liberi u verament disponibbli li jaqdu individwalment kwalunkwe domanda addizzjonali u dment li l-ftehim ma jwassalx għal koordinazzjoni tal-politika dwar il-provvista tal-partijiet.

332.

L-arranġamenti ta’ kummerċjalizzazzjoni bejn il-partijiet attivi fi swieq ġeografiċi differenti jew fir-rigward ta’ kategoriji differenti ta’ klijenti jistgħu jintużaw ukoll bħala strument ta’ tqassim tas-swieq. Jekk il-partijiet jużaw ftehim ta’ kummerċjalizzazzjoni reċiproka sabiex jiddistribwixxu l-prodotti ta’ xulxin bl-għan li jeliminaw il-kompetizzjoni attwali jew potenzjali bejniethom billi jallokaw is-swieq jew il-klijenti, il-ftehim probabbilment ikollu bħala l-għan tiegħu r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Jekk il-ftehim ma jkunx reċiproku, ir-riskju ta’ kompartimentalizzazzjoni tas-suq ikun inqas evidenti. Madankollu, xorta waħda huwa neċessarju li jiġi vvalutat jekk il-ftehim mhux reċiproku jikkostitwixxix il-bażi għal ftehim reċiproku bejn il-partijiet sabiex jevitaw milli jidħlu fis-swieq ta’ xulxin.

5.2.3.   Effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni

333.

Ftehim ta’ kummerċjalizzazzjoni li ma jkunx restrittiv minħabba l-għan xorta jista’ jkollu effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni. Sabiex jiġu vvalutati l-effetti tal-ftehimiet ta’ kummerċjalizzazzjoni fuq il-kompetizzjoni, huwa neċessarju li jitqiesu l-fatturi msemmijin fil-paragrafu 32, kif ukoll il-gwida addizzjonali li ġejja relatata speċifikament ma’ dan it-tip ta’ ftehim.

334.

Sabiex jiġu vvalutati l-effetti ta’ ftehim ta’ kummerċjalizzazzjoni, huwa neċessarju li jiġu ddefiniti s-swieq ġeografiċi u tal-prodotti rilevanti u li jiġu ddeterminati l-pożizzjonijiet rispettivi tal-partijiet f’dawk is-swieq. Is-swieq ikkonċernati direttament mill-kooperazzjoni huma dawk li għalihom jappartjenu l-prodotti soġġetti għall-ftehim u li fihom il-partijiet jikkummerċjalizzaw b’mod konġunt dawk il-prodotti. Madankollu, billi ftehim ta’ kummerċjalizzazzjoni f’suq wieħed jista’ jaffettwa wkoll l-imġiba kompetittiva tal-partijiet fi swqieq ġirien relatati mill-qrib mas-suq ikkonċernat direttament mill-kooperazzjoni (swieq ta’ spillover), huwa neċessarju li kwalunkwe suq ta’ spillover bħal dan jiġi ddefinit (217).

335.

F’każijiet li fihom il-ftehimiet ta’ kummerċjalizzazzjoni bejn kompetituri ma jirrestrinġux il-kompetizzjoni minħabba l-għan, ġeneralment ikollhom effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni biss jekk il-partijiet ikollhom ċertu grad ta’ saħħa fis-suq. Sabiex jiġi vvalutat jekk il-partijiet għandhomx tali saħħa fis-suq, huwa neċessarju li titqies l-eżistenza possibbli tas-saħħa kumpensatorja tax-xerrej tal-klijenti tagħhom. Meta l-partijiet ikollhom b’mod konġunt is-saħħa fis-suq, ġeneralment ikun probabbli li jkollhom il-kapaċità li jżidu l-prezzijiet jew li jnaqqsu l-output, il-kwalità tal-prodott, il-varjetà tal-prodott jew l-innovazzjoni. Barra minn hekk, skont ftehim ta’ kummerċjalizzazzjoni, il-partijiet jgħaqqdu (parti mill-) l-attivitajiet tagħhom relatati mas-suq, jiġifieri attivitajiet li jkollhom impatt dirett fuq il-klijenti tagħhom. Dan l-impatt dirett fuq il-klijenti jżid ir-riskju li l-ftehimiet ta’ kummerċjalizzazzjoni jistgħu jwasslu għal effetti antikompetittivi.

5.2.3.1.   Eżitu kollużiv

336.

Ftehim ta’ kummerċjalizzazzjoni konġunta li ma jinvolvix iffissar tal-prezzijiet, limitazzjoni tal-output jew tqassim tas-swieq xorta waħda jista’ jwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni jekk iżid il-komunalità tal-kostijiet varjabbli sa livell li aktarx iwassal għal eżitu kollużiv. Dan x’aktarx ikun il-każ jekk, qabel il-ftehim, il-partijiet diġà jkollhom proporzjon għoli tal-kostijiet varjabbli tagħhom b’mod komuni. F’dak ix-xenarju, iż-żieda addizzjonali fil-komunalità (jiġifieri l-kostijiet tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott soġġett għall-ftehim), anki jekk tkun limitata, tista’ taqleb il-bilanċ lejn eżitu kollużiv. Bil-maqlub, jekk iż-żieda tkun kbira, ir-riskju ta’ eżitu kollużiv jista’ jkun għoli anki jekk il-livell inizjali tal-komunalità tal-kostijiet ikun baxx.

337.

Il-probabbiltà ta’ eżitu kollużiv tiddependi fuq is-saħħa tal-partijiet fis-suq u l-karatteristiċi tas-suq rilevanti. Il-komunalità tal-kostijiet tista’ żżid ir-riskju ta’ eżitu kollużiv biss jekk il-partijiet ikollhom saħħa fis-suq u jekk il-kostijiet tal-kummerċjalizzazzjoni jikkostitwixxu sehem kbir tal-kostijiet varjabbli relatati mal-prodotti konċernati. Madankollu, il-kostijiet tal-kummerċjalizzazzjoni jżidu r-riskju ta’ eżitu kollużiv jekk il-ftehim ta’ kummerċjalizzazzjoni jikkonċerna prodotti li jinvolvu kummerċjalizzazzjoni għalja, pereżempju, kostijiet tad-distribuzzjoni jew tal-kummerċjalizzazzjoni għoljin. Konsegwentement, anki ftehimiet li jkunu limitati għal reklamar konġunt jew għal promozzjoni konġunta jistgħu jwasslu għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni jekk dawk l-attivitajiet jirrappreżentaw sehem sinifikanti tal-kostijiet varjabbli tal-prodott.

338.

L-implimentazzjoni ta’ ftehim ta’ kummerċjalizzazzjoni konġunta tista’ teħtieġ l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva, b’mod partikolari dwar l-istrateġija ta’ kummerċjalizzazzjoni u l-ipprezzar. Fejn il-ftehim ta’ kummerċjalizzazzjoni nnifsu ma jaqax taħt il-projbizzjoni tal-Artikolu 101(1) minħabba li għandu effetti newtrali jew pożittivi fuq il-kompetizzjoni, skambju ta’ informazzjoni li huwa anċillari għal dak il-ftehim lanqas ma jaqa’ taħt dik il-projbizzjoni (218). Dan ikun il-każ jekk l-iskambju ta’ informazzjoni jkun oġġettivament neċessarju sabiex jiġi implimentat il-ftehim ta’ kummerċjalizzazzjoni u jkun proporzjonat għall-objettivi tiegħu (219). Fejn l-iskambju ta’ informazzjoni jmur lil hinn minn dak li huwa oġġettivament meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-ftehim ta’ kummerċjalizzazzjoni jew ma huwiex proporzjonat għall-objettivi tiegħu, għandu jiġi vvalutat bl-użu tal-gwida pprovduta fil-Kapitolu 6 (220). Jekk l-iskambju ta’ informazzjoni huwa skont l-Artikolu 101(1), xorta jista’ jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3).

5.2.3.2.   Kooperazzjoni li ġeneralment ma tqajjem l-ebda tħassib

339.

Kif diġà msemmi fil-paragrafu 335, il-ftehimiet ta’ kummerċjalizzazzjoni bejn kompetituri li ma jirrestrinġux il-kompetizzjoni minħabba l-għan ġeneralment ikollhom effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni biss jekk il-partijiet ikollhom ċertu grad ta’ saħħa fis-suq. Fil-parti l-kbira ta’ dawn il-każijiet, huwa improbabbli li tkun teżisti saħħa fis-suq jekk il-partijiet għall-ftehim ikollhom sehem mis-suq kombinat li ma jaqbiżx il-15 % fis-suq/swieq li fih(om) jikkummerċjalizzaw b’mod konġunt il-prodotti tal-kuntratt. Fi kwalunkwe każ, jekk is-sehem mis-suq kombinat tal-partijiet ma jaqbiżx il-15 %, huwa probabbli li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3).

340.

Jekk is-sehem mis-suq kombinat tal-partijiet jaqbeż il-15 %, ma jkunx possibbli li wieħed jassumi li l-ftehim tagħhom mhux se jkollu effetti restrittivi u, għalhekk, huwa neċessarju li jiġi vvalutat l-impatt probabbli tal-ftehim ta’ kummerċjalizzazzjoni konġunta fuq is-suq/swieq rilevanti.

5.3.   Valutazzjoni skont l-Artikolu 101(3)

5.3.1.   Titjib fl-effiċjenza

341.

Il-ftehimiet ta’ kummerċjalizzazzjoni jistgħu jwasslu għal kisbiet sinifikanti fl-effiċjenza. L-effiċjenzi li għandhom jiġu kkunsidrati fil-valutazzjoni ta’ jekk ftehim ta’ kummerċjalizzazzjoni jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) jiddependu fuq in-natura tal-kooperazzjoni u l-partijiet għall-kooperazzjoni. L-iffissar tal-prezzijiet ġeneralment ma jistax jiġi ġġustifikat, sakemm ma jkunx indispensabbli għall-integrazzjoni ta’ funzjonijiet oħrajn tal-kummerċjalizzazzjoni u tali integrazzjoni ma tiġġenerax effiċjenzi sostanzjali. Id-distribuzzjoni konġunta tista’ tiġġenera effiċjenzi sinifikanti, li jirriżultaw minn ekonomiji ta’ skala jew tal-ambitu, speċjalment għal produtturi iżgħar jew għal gruppi ta’ bejjiegħa bl-imnut indipendenti, pereżempju meta jieħdu vantaġġ minn pjattaformi ta’ distribuzzjoni ġodda sabiex jikkompetu ma’ operaturi akbar. Id-distribuzzjoni konġunta tista’ tintuża b’mod partikolari sabiex jintlaħqu l-objettivi ambjentali, li jistgħu jikkostitwixxu effiċjenzi skont it-tifsira tal-Artikolu 101(3), dment li jkunu oġġettivi, konkreti u verifikabbli. (221) Il-ftehimiet ta’ kummerċjalizzazzjoni jistgħu jikkontribwixxu wkoll għal suq intern reżiljenti u jiġġeneraw effiċjenzi li huma ta’ benefiċċju għall-konsumaturi billi jnaqqsu d-dipendenzi u/jew jimmitigaw in-nuqqasijiet u t-tfixkil fil-ktajjen tal-provvista, pereżempju meta jippermettu lil parti tidħol f’suq li ma setgħetx tidħol fih b’mod indipendenti.

342.

It-titjib fl-effiċjenza jrid jirriżulta mill-integrazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi tal-partijiet. L-iffrankar li jirriżulta biss mill-eliminazzjoni tal-kostijiet li huma parti inerenti mill-kompetizzjoni ma jistax jitqies. Pereżempju, tnaqqis fil-kostijiet tat-trasport li jkun riżultat biss tal-allokazzjoni tal-klijenti, mingħajr kwalunkwe integrazzjoni tas-sistema loġistika, għalhekk, ma jistax jitqies bħala titjib fl-effiċjenza skont it-tifsira tal-Artikolu 101(3).

343.

It-titjib fl-effiċjenza jrid jintwera mill-partijiet għall-ftehim. Element importanti f’dan ir-rigward ikun il-kontribuzzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni konġunta mill-partijiet ta’ kapital, ta’ teknoloġija, jew ta’ assi oħrajn sinifikanti. L-iffrankar tal-kostijiet permezz tat-tnaqqis tad-duplikazzjoni tar-riżorsi u tal-faċilitajiet jista’ jiġi aċċettat ukoll. Madankollu, jekk il-kummerċjalizzazzjoni konġunta tikkonsisti f’mhux aktar minn aġenzija tal-bejgħ mingħajr kwalunkwe investiment, huwa improbabbli li tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3).

5.3.2.   Indispensabbiltà

344.

Ir-restrizzjonijiet li jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-kisba tat-titjib fl-effiċjenza ġġenerat permezz tal- ftehim ta’ kummerċjalizzazzjoni ma jissodisfawx il-kriterji tal-Artikolu 101(3). Il-kwistjoni ta’ indispensabbiltà hija speċjalment importanti għal dawk il-ftehimiet li jinvolvu ffissar tal-prezzijiet jew tqassim tas-swieq, li jistgħu jitqiesu indispensabbli biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali.

5.3.3.   Trasferiment lill-konsumaturi

345.

It-titjib fl-effiċjenza miksub permezz ta’ restrizzjonijiet indispensabbli jrid jingħadda lill-konsumatur sa punt li jisboq l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni kkawżati mill-ftehim ta’ kummerċjalizzazzjoni. Dan it-trasferiment jista’ jieħu l-forma ta’ prezzijiet aktar baxxi jew ta’ kwalità jew ta’ varjetà aħjar tal-prodotti. Madankollu, aktar ma tkun għolja s-saħħa fis-suq tal-partijiet, anqas ikun probabbli li t-titjib fl-effiċjenza jingħadda lill-konsumaturi sa punt li jisboq l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni. Meta l-partijiet ikollhom sehem mis-suq kombinat ta’ anqas minn 15 %, ikun aktar probabbli li kwalunkwe titjib fl-effiċjenza ġġenerat mill-ftehim jingħadda b’mod suffiċjenti lill-konsumaturi.

5.3.4.   L-ebda eliminazzjoni tal-kompetizzjoni

346.

Il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) ma jistgħux jiġu ssodisfati jekk il-partijiet jingħataw il-possibbiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ parti sostanzjali tal-prodotti inkwistjoni. Il-konformità ma’ din il-kundizzjoni trid tiġi vvalutata fir-rigward tas-swieq rilevanti kollha, jiġifieri dawk li għalihom jappartjenu l-prodotti soġġetti għall-kooperazzjoni u kwalunkwe suq ta’ spillover.

5.4.   Konsorzji tal-offerti

347.

It-terminu konsorzju tal-offerti jirreferi għal sitwazzjoni li fiha żewġ partijiet jew aktar jikkooperaw sabiex jissottomettu offerta konġunta f’kompetizzjoni tal-akkwist pubbliku jew privat (222).

348.

Għall-finijiet ta’ din it-Taqsima, il-konsorzji tal-offerti jridu jiġu distinti mill-immanuvrar tal-offerti (jew mis-sejħiet għal offerti kollużivi), jiġifieri ftehimiet illegali bejn operaturi ekonomiċi li jkollhom l-għan li jfixklu l-kompetizzjoni fil-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti. L-immanuvrar tal-offerti huwa wieħed mill-aktar restrizzjonijiet serji tal-kompetizzjoni, jikkostitwixxi restrizzjoni minħabba l-għan, u jista’ jieħu diversi forom, bħall-qbil minn qabel tal-kontenut tal-offerti ta’ kull parti (speċjalment il-prezz) sabiex jiġi influwenzat l-eżitu tal-proċedura ta’ għoti, in-nuqqas ta’ sottomissjoni ta’ offerta, l-allokazzjoni tas-suq fuq il-bażi tal-ġeografija, l-awtorità kontraenti jew is-suġġett tal-akkwist, jew l-istabbiliment ta’ skemi ta’ rotazzjoni għal serje ta’ proċeduri. L-għan ta’ dawn il-prattiki kollha huwa li jippermettu li offerent predeterminat ikun jista’ jirbaħ kuntratt filwaqt li tinħoloq l-impressjoni li l-proċedura tkun ġenwinament kompetittiva (223). Skont id-dritt tal-kompetizzjoni, l-immanuvrar tal-offerti huwa forma ta’ kartell li jikkonsisti fil-manipulazzjoni ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti għall-għoti ta’ kuntratt (224).

349.

L-immanuvrar tal-offerti ġeneralment ma jinvolvix parteċipazzjoni konġunta fil-proċedura ta’ sejħa għall-offerti. Tipikament jikkonsisti fi ftehim moħbi jew taċitu bejn parteċipanti potenzjali sabiex jikkoordinaw id-deċiżjonijiet tagħhom li jidhru indipendenti relatati mal-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ sejħa għall-offerti. Madankollu, f’xi każijiet, id-distinzjoni bejn l-immanuvrar tal-offerti u forom leġittimi ta’ offerti konġunti ma hijiex sempliċi, b’mod partikolari f’każ ta’ sottokuntrattar. Pereżempju, meta żewġ offerenti jissottokuntrattaw b’mod trażversali lil xulxin, dan jista’ jkun indikazzjoni ta’ kollużjoni, minħabba li tali ftehimiet ta’ sottokuntrattar normalment jippermettu lill-partijiet isiru jafu dwar l-offerta finanzjarja ta’ xulxin, u b’hekk jitqajmu dubji dwar l-indipendenza tal-partijiet fil-formulazzjoni tal-offerti tagħhom stess. Madankollu, ma hemm l-ebda preżunzjoni ġenerali li s-sottokuntrattar bejn offerenti li jipparteċipaw fl-istess proċedura jikkostitwixxi kollużjoni bejn l-impriżi kkonċernati (225).

350.

Il-ftehimiet ta’ konsorzju tal-offerti jistgħu jinvolvu grad sinifikanti ta’ integrazzjoni tar-riżorsi u tal-attivitajiet mill-partijiet għall-fini ta’ parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ sejħa għall-offerti, b’mod partikolari meta forom ta’ produzzjoni konġunta jkunu inklużi fl-attività soġġetta għall-offerta. F’sitwazzjonijiet li fihom il-kummerċjalizzazzjoni konġunta tkun anċillari għall-integrazzjoni tal-attivitajiet ta’ produzzjoni tal-partijiet (produzzjoni konġunta), iċ-ċentru tal-gravità tal-ftehim jinsab fl-attività ta’ produzzjoni u l-valutazzjoni kompetittiva trid titwettaq bl-użu tar-regoli u tal-gwida applikabbli għall-ftehimiet ta’ produzzjoni konġunta. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, l-iffissar tal-prezzijiet għall-prodotti jew għas-servizzi tal-kuntratt ġeneralment ma jitqiesx bħala restrizzjoni minħabba l-għan u tkun neċessarja valutazzjoni tal-effett (ara l-paragrafu 223 dwar il-ftehimiet ta’ produzzjoni).

351.

Madankollu, b’mod ġenerali, il-ftehimiet ta’ konsorzju tal-offerti li jikkonsistu prinċipalment jew esklużivament f’kummerċjalizzazzjoni konġunta għandhom jitqiesu bħala ftehimiet ta’ kummerċjalizzazzjoni u, għalhekk, għandhom jiġu vvalutati f’konformità mal-prinċipji stabbiliti f’dan il-Kapitolu.

352.

Ftehim ta’ konsorzju tal-offerti – irrispettivament mill-kwalifika legali tiegħu – ma jirrestrinġix il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) jekk jippermetti lill-partijiet jipparteċipaw fi proġetti li ma jkunux jistgħu jwettqu individwalment. F’dak ix-xenarju, il-partijiet għall-ftehim ta’ konsorzju tal-offerti la jkunu kompetituri attwali u lanqas potenzjali għall-implimentazzjoni tal-proġett. Dan jista’ jkun il-każ meta l-partijiet għal ftehim ta’ konsorzju tal-offerti jipprovdu servizzi differenti li jkunu komplementari għall-finijiet tal-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ sejħa għall-offerti. Dan jista’ jkun ukoll il-każ meta l-partijiet għall-ftehim ta’ konsorzju tal-offerti, għalkemm ilkoll ikunu attivi fl-istess suq/swieq, ma jkunux jistgħu jwettqu l-proġett individwalment, pereżempju minħabba d-daqs tal-proġett jew il-kumplessità tiegħu.

353.

Il-valutazzjoni ta’ jekk il-partijiet ikunux kapaċi jikkompetu fi proċedura ta’ sejħa għall-offerti individwalment, u għalhekk ikunux kompetituri, tiddependi l-ewwel nett fuq ir-rekwiżiti inklużi fir-regoli dwar is-sejħiet għall-offerti. Madankollu, is-sempliċi possibbiltà teoretika li titwettaq l-attività kuntrattwali weħidha ma tagħmilx awtomatikament lill-partijiet kompetituri: huwa neċessarju li jiġi vvalutat jekk kull parti tkunx realistikament kapaċi teżegwixxi l-kuntratt waħedha, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ, bħad-daqs u l-kapaċitajiet tal-impriża, il-livell ta’ riskju finanzjarju miġjub mill-proġett kif ukoll il-livell tal-investimenti meħtieġa għall-proġett, u l-kapaċità preżenti u futura tal-impriża vvalutati fid-dawl tar-rekwiżiti kuntrattwali (226).

354.

Meta l-proċeduri ta’ sejħa għall-offerti jipprevedu l-possibbiltà li jiġu sottomessi offerti għal partijiet tal-kuntratt (lottijiet), impriżi li għandhom il-kapaċità li jagħmlu offerti għal lott wieħed jew aktar – iżda possibbilment mhux għall-kuntratt kollu – jeħtieġ li jitqiesu bħala kompetituri u fil-prinċipju jkun applikabbli l-Artikolu 101(1). F’dan it-tip ta’ sitwazzjoni, l-impriżi ta’ spiss jiġġustifikaw il-kooperazzjoni tagħhom fil-ftehim tal-konsorzju tal-offerti fuq il-bażi li jippermettilhom jagħmlu offerti għall-kuntratt sħiħ u b’hekk joffru ribass ikkombinat għall-kuntratt sħiħ. Madankollu, dan ma jbiddilx il-fatt li l-partijiet ikunu kompetituri għal tal-anqas parti mill-proċedura ta’ sejħa għall-offerti u, għalhekk, l-Artikolu 101(1) ikun applikabbli. Kwalunkwe effiċjenza asserita fir-rigward tal-offerta konġunta għall-kuntratt sħiħ trid tiġi vvalutata f’konformità mal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3).

355.

Jekk ma jkunx possibbli li jiġi eskluż li l-partijiet għall-ftehim ta’ konsorzju tal-offerti jkunu jistgħu jipparteċipaw individwalment fil-proċedura ta’ sejħa għall-offerti (jew jekk il-ftehim ta’ konsorzju tal-offerti jkun fih aktar partijiet milli jkun neċessarju), l-offerta konġunta tista’ tirrestrinġi l-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1). Dan jista’ jkun il-każ anki jekk parti waħda biss għall-ftehim tkun kapaċi tagħmel offerta individwalment.

356.

B’mod ġenerali, f’każijiet li fihom l-Artikolu 101(1) ikun applikabbli għal offerti konġunti, huwa neċessarju li titwettaq valutazzjoni individwali tal-ftehim ta’ konsorzju tal-offerti, filwaqt li jitqiesu l-fatturi rilevanti kollha inkluża l-pożizzjoni tal-partijiet fis-suq rilevanti, in-numru u l-pożizzjoni fis-suq tal-parteċipanti probabbli l-oħrajn fil-proċedura ta’ sejħa għall-offerti, il-kontenut tal-ftehim ta’ konsorzju tal-offerti, il-prodotti jew is-servizzi involuti u l-kundizzjonijiet tas-suq.

357.

Ir-restrizzjoni tista’ tikkwalifika bħala restrizzjoni skont l-għan jew b’effett, skont il-kontenut tal-ftehim u skont iċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ. B’mod ġenerali, u għall-konsorzji tal-offerti li jridu jitqiesu bħala ftehimiet ta’ kummerċjalizzazzjoni, huma applikabbli l-osservazzjonijiet magħmulin fil-paragrafi 328-340. Barra minn hekk:

(a)

F’ċirkostanzi li fihom żewġ partijiet (jew aktar) ikunu jistgħu jagħmlu offerta individwalment u ma jkunx hemm grad sinifikanti ta’ integrazzjoni tar-riżorsi u tal-attivitajiet tal-partijiet, offerta konġunta fil-prinċipju ssarraf f’restrizzjoni minħabba l-għan, billi tinvolvi l-iffissar tal-prezzijiet bejn il-kompetituri u din id-dispożizzjoni ma tidhirx anċillari għal kooperazzjoni ġenwina bejn il-partijiet;

(b)

Fil-każ ta’ ftehimiet ta’ konsorzju tal-offerti li jkun fihom aktar partijiet milli neċessarji, jekk ikun hemm parti waħda biss li tista’ tagħmel offerta individwalment, fil-prinċipju, is-sempliċi fatt li hemm aktar partijiet milli neċessarji jista’ fih innifsu ma jkunx biżżejjed sabiex tinstab restrizzjoni minħabba l-għan, peress li huwa possibbli li l-partijiet jistgħu ma jkunux kompetituri attwali jew potenzjali. Madankollu, jista’ jkun hemm raġunijiet oħrajn sabiex tali ftehim ta’ konsorzju jiġi kkunsidrat bħala restrizzjoni minħabba l-għan, eż. jekk parti li setgħet tagħmel offerta individwalment tidħol f’arranġament ta’ offerta konġunta ma’ parti waħda jew aktar bl-għan speċifiku li tantiċipa offerta konġunta li tikkompeti minn dawk il-partijiet l-oħrajn, anki b’mod konġunt ma’ parti terza;

(c)

Fir-rigward tal-effetti antikompetittivi, u fin-nuqqas ta’ restrizzjoni minħabba l-għan, jekk dawn it-tipi ta’ offerti konġunti jistgħux jirrestrinġu l-kompetizzjoni jiddependi minn valutazzjoni speċifika dwar kif il-kompetizzjoni tiżvolġi realistikament mingħajr il-ftehim ta’ konsorzju tal-offerti inkwistjoni, fost fatturi oħrajn;

(d)

L-informazzjoni strettament neċessarja għall-formulazzjoni tal-offerta u għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt biss għandha tiġi kondiviża bejn il-membri tal-konsorzju. Barra minn hekk, iċ-ċirkolazzjoni tal-informazzjoni għandha tkun ristretta għall-persunal rilevanti fuq bażi ta’ “ħtieġa għall-informazzjoni”.

358.

Fi kwalunkwe każ, ftehim ta’ konsorzju tal-offerti bejn il-kompetituri li għalihom japplika l-Artikolu 101(1) jista’ jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3). L-effiċjenzi possibbli jistgħu jieħdu l-forma ta’ prezzijiet aktar baxxi, iżda wkoll ta’ kwalità aħjar, ta’ għażla akbar jew ta’ realizzazzjoni aktar veloċi tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mis-sejħa għall-offerti. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet l-oħrajn tal-Artikolu 101(3) iridu jiġu ssodisfati (l-indispensabbiltà, it-trasferiment lill-konsumaturi u l-ebda eliminazzjoni tal-kompetizzjoni). Fil-proċeduri ta’ sejħa għall-offerti, dawn il-kundizzjonijiet spiss ikunu interkonnessi: it-titjib fl-effiċjenza ta’ offerta konġunta permezz ta’ ftehim ta’ konsorzju tal-offerti jiġu ttrasferiti b’mod aktar faċli lill-konsumaturi – fil-forma ta’ prezzijiet aktar baxxi jew ta’ kwalità aħjar tal-offerta – jekk il-kompetizzjoni għall-għoti tal-kuntratt ma tiġix eliminata u kompetituri effettivi oħrajn jieħdu sehem fil-proċedura ta’ sejħa għall-offerti.

359.

Essenzjalment, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) jistgħu jiġu ssodisfati jekk l-offerta konġunta tippermetti lill-partijiet jissottomettu offerta li tkun aktar kompetittiva mill-offerti li setgħu ppreżentaw waħedhom – f’termini ta’ prezz u/ jew ta’ kwalità – u l-benefiċċji li jirriżultaw għall-entità kontraenti u għall-konsumaturi finali jisbqu r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni. L-effiċjenzi jridu jingħaddew lill-konsumaturi u ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) jekk ikunu ta’ benefiċċju biss għall-partijiet għall-ftehim ta’ konsorzju tal-offerti.

5.5.   Eżempji

360.

Kummerċjalizzazzjoni konġunta meħtieġa għad-dħul f’suq

Eżempju 1

Sitwazzjoni: Erba’ impriżi li jipprovdu servizzi ta’ laundry f’belt kbira viċin il-fruntiera ta’ Stat Membru ieħor, kull waħda b’sehem ta’ 3 % mis-suq tal-laundry kumplessiv f’dik il-belt, jaqblu li joħolqu fergħa ta’ kummerċjalizzazzjoni konġunta għall-bejgħ tas-servizzi ta’ laundry lil klijenti istituzzjonali (jiġifieri, lukandi, sptarijiet u uffiċċji), waqt li jżommu l-indipendenza u l-libertà tagħhom li jikkompetu għal klijenti lokali individwali. Għall-finijiet tal-immirar tas-segment il-ġdid tad-domanda (il-klijenti istituzzjonali), huma jiżviluppaw isem ta’ marka komuni, prezz komuni u termini standard komuni inklużi l-konsenji skedati u ħin massimu ta’ konsenja ta’ 24 siegħa. Jistabbilixxu ċentru tal-assistenza komuni fejn il-klijenti istituzzjonali jistgħu jitolbu s-servizz ta’ ġbir u/jew ta’ konsenja tagħhom. Huma jimpjegaw receptionist (għaċ-ċentru telefoniku) u diversi sewwieqa. Jinvestu wkoll f’vannijiet għad-dispaċċ u fil-promozzjoni tal-marka sabiex iżidu l-viżibbiltà tagħhom. Il-ftehim ma jnaqqasx kompletament il-kostijiet tal-infrastruttura individwali tagħhom (minħabba li dawn iżommu l-bini tagħhom u jibqgħu jikkompetu ma’ xulxin għall-klijenti lokali individwali), iżda jżid l-ekonomiji ta’ skala tagħhom u jippermettilhom joffru servizz aktar komprensiv lil kategorija ġdida ta’ klijenti, li jinkludi sigħat itwal ta’ ftuħ u dispaċċ b’kopertura ġeografika aktar estensiva. Sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà tal-proġett, huwa indispensabbli li l-erbgħa li huma jipparteċipaw fil-ftehim. Is-suq huwa frammentat ħafna, u l-ebda kompetitur individwali ma jkollu sehem mis-suq li jaqbeż il-15 %.

Analiżi: Għalkemm is-sehem mis-suq konġunt tal-partijiet huwa anqas minn 15 %, il-fatt li l-ftehim jinvolvi ffissar tal-prezzijiet ifisser li, fil-prinċipju, l-Artikolu 101(1) japplika. Minħabba li l-partijiet huma attivi f’belt kbira qrib il-fruntiera ta’ Stat Membru ieħor, huwa preżunt li l-kummerċ bejn l-Istati Membri se jiġi affettwat. Madankollu, il-partijiet ma kinux ikunu f’pożizzjoni li jipprovdu servizzi ta’ laundry lil klijenti istituzzjonali, la individwalment u lanqas f’kooperazzjoni ma’ numru iżgħar ta’ partijiet mill-erbgħa li qegħdin jieħdu sehem fil-ftehim. Peress li r-restrizzjoni fuq l-iffissar tal-prezzijiet tista’ titqies bħala indispensabbli għall-promozzjoni tal-marka komuni u għas-suċċess tal-proġett, dik ir-restrizzjoni tidher li hija anċillari għall-għan ewlieni tal-ftehim, li ma huwiex antikompetittiv, u, b’mod ġenerali, ma joħloqx tħassib dwar il-kompetizzjoni.

361.

Ftehim ta’ kummerċjalizzazzjoni minn iżjed partijiet minn dawk neċessarji għad-dħul f’suq

Eżempju 2

Sitwazzjoni: L-istess fatti bħal fl-Eżempju 1, il-paragrafu 360, japplikaw b’differenza prinċipali waħda: sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà tal-proġett, il-ftehim seta’ jiġi implimentat minn tlieta biss mill-partijiet (minflok l-erbgħa li fil-fatt qed jieħdu sehem fil-kooperazzjoni).

Analiżi: Għalkemm is-sehem mis-suq konġunt tal-partijiet huwa anqas minn 15 %, l-Artikolu 101(1) japplika għall-istess raġunijiet kif stabbilit hawn fuq fl-Eżempju 1. Il-ftehim seta’ jitwettaq minn anqas mill-erba’ partijiet. Madankollu, peress li l-ebda waħda mill-partijiet ma setgħet timplimenta l-proġett waħedha, il-fatt li hemm aktar partijiet milli neċessarji jista’ ma jkunx biżżejjed sabiex tinstab restrizzjoni minħabba l-għan, sakemm il-ftehim ma jkollux l-għan li jantiċipa inizjattiva kompetittiva li tinvolvi waħda mill-partijiet. Fir-rigward tal-effetti restrittivi possibbli, hija neċessarja analiżi kontrofattwali. Fi kwalunkwe każ, il-ftehim jista’ jiġi vvalutat skont l-Artikolu 101(3). Il-ftehim iwassal għal titjib fl-effiċjenza hekk kif il-partijiet issa jistgħu joffru servizzi mtejba għal kategorija ġdida ta’ klijenti fuq skala akbar (li kieku ma kinux ikunu jistgħu jservu individwalment). Fid-dawl tas-sehem mis-suq kombinat tal-partijiet ta’ anqas minn 15 %, huwa probabbli li jittrasferixxu b’mod suffiċjenti kwalunkwe titjib fl-effiċjenza lill-konsumaturi. Huwa meħtieġ ukoll li jiġi kkunsidrat jekk ir-restrizzjonijiet imposti mill-ftehim humiex indispensabbli biex jinkisbu l-effiċjenzi u jekk il-ftehim jeliminax il-kompetizzjoni. Minħabba li l-għan tal-ftehim huwa li jiġi pprovdut servizz aktar komprensiv (inkluż id-dispaċċ, li ma kienx offrut qabel) lil kategorija addizzjonali ta’ klijenti, taħt marka waħda b’termini standard komuni, l-iffissar tal-prezzijiet jista’ jitqies bħala indispensabbli għall-promozzjoni tal-marka komuni u, konsegwentement, għas-suċċess tal-proġett u l-effiċjenzi li jirriżultaw. Barra minn hekk, meta wieħed iqis il-frammentazzjoni tas-suq, il-ftehim mhux se jelimina l-kompetizzjoni. Il-fatt li hemm erba’ partijiet fil-ftehim (minflok it-tlieta li kienu jkunu strettament neċessarji) jippermetti żieda fil-kapaċità u jikkontribwixxi sabiex tiġi ssodisfata simultanjament id-domanda ta’ diversi klijenti istituzzjonali f’konformità mat-termini standard (jiġifieri s-sodisfazzjon taż-żmien massimu għall-konsenja). Bħala tali, it-titjib fl-effiċjenza x’aktarx li jegħleb l-effetti restrittivi li jirriżultaw mit-tnaqqis tal-kompetizzjoni bejn il-partijiet u il-ftehim x’aktarx li jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3).

362.

Bejgħ konġunt bl-internet

Eżempju 3

Sitwazzjoni: Għadd ta’ ħwienet speċjalizzati żgħar mifruxa ma’ Stat Membru joħolqu infrastruttura elettronika bbażata fuq l-internet għall-promozzjoni, għall-bejgħ u għall-kunsinna ta’ qfief tal-frott mogħtija bħala rigali. Hemm numru ta’ ħwienet ibbażati fuq il-web li jikkompetu b’ishma mis-suq komparabbli u limitati. Il-ħwienet speċjalizzati parteċipanti jikkondividu l-kostijiet operatorji tal-pjattaforma u jinvestu flimkien fil-promozzjoni tad-ditta. Permezz tal-ħanut ibbażat fuq il-web, fejn hija offruta firxa wiesgħa ta’ tipi differenti ta’ qfief bħala rigal, il-klijenti jordnaw (u jħallsu) it-tip ta’ qoffa bħala rigal li jixtiequ li tiġi kkonsenjata jew jiġbru mill-ħanut. Imbagħad, l-ordni tiġi allokata lill-ħanut speċjalizzat magħżul mill-klijent jew, fin-nuqqas ta’ għażla espliċita, lill-ħanut li jkun jinsab l-eqreb tal-indirizz tal-konsneja jew li jkun l-aktar konvenjenti għall-klijent sabiex jiġbor l-ordni. Kull ħanut speċjalizzat, individwalment iħallas għall-kostijiet tat-tħejjija tal-qoffa bħala rigal u tal-konsenja tagħha lill-klijent jew li jagħmilha disponibbli sabiex tinġabar mill-ħanut. Il-ħanut iżomm 90 % mill-prezz finali, li huwa stabbilit mill-infrastruttura bbażata fuq il-web u japplika b’mod uniformi għall-ħwienet speċjalizzati kollha li jipparteċipaw, filwaqt li l-10 % li jifdal jintużaw għall-promozzjoni komuni u għall-kostijiet operatorji tal-ħanut ibbażat fuq il-web. Minbarra l-ħlas tat-tariffa, ma hemm l-ebda restrizzjoni oħra għall-ħwienet speċjalizzati sabiex jissieħbu fl-infrastruttura bbażata fuq il-web, mat-territorju nazzjonali kollu. Barra minn hekk, il-ħwienet speċjalizzati li għandhom is-sit web tal-kumpanija tagħhom stess jistgħu wkoll ibigħu (u fil-fatt f’xi każijiet jagħmlu dan) qfief tal-frott bħala rigal fuq l-internet f’isimhom u, għalhekk, xorta jistgħu jikkompetu bejniethom barra mill-kooperazzjoni. Klijenti li jixtru mill-ħanut ibbażat fuq il-web huma ggarantiti konsenja jew ġbir mill-ħanut fl-istess ġurnata tal-qfief tal-frott u jistgħu jagħżlu wkoll ħin tal-konsenja jew tal-ġbir konvenjenti għalihom.

Analiżi: Jekk wieħed jassumi li l-ħwienet speċjalizzati huma kompetituri, japplika l-Artikolu 101(1) u, minħabba li l-ftehim jinvolvi l-iffissar tal-prezzijiet, x’aktarx li jirrestrinġi l-kompetizzjoni minħabba l-għan. Għalhekk, il-ftehim jeħtieġ li jiġi vvalutat skont l-Artikolu 101(3). Il-ħwienet speċjalizzati li jieħdu sehem fil-kooperazzjoni huma kollha ħwienet żgħar u huwa mifhum li ma jkunux jistgħu jikkompetu fuq bażi nazzjonali ma’ ħwienet oħrajn ibbażati fuq il-web. B’hekk, il-ftehim jista’ jġib titjib fl-effiċjenza, bħal għażla akbar u servizz ta’ kwalità ogħla u t-tnaqqis tal-kostijiet tat-tiftix, li jibbenefikaw lill-konsumaturi u huma probabbli jisbqu l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni li tirriżulta mill-ftehim. Minħabba li l-ħwienet speċjalizzati li jieħdu sehem fil-kooperazzjoni xorta jistgħu jbiegħu individwalment u jikkompetu ma’ xulxin, kemm permezz tal-ħwienet fiżiċi tagħhom kif ukoll permezz tal-ħwienet online tagħhom, ir-restrizzjoni tal-iffissar tal-prezzijiet limitata għall-ħanut ibbażat fuq il-web tista’ titqies indispensabbli għall-promozzjoni tal-prodott (minħabba li meta l-konsumaturi jixtru permezz tal-ħanut ibbażat fuq il-web, ma jkunux iridu jiffaċċjaw numru kbir ta’ prezzijiet differenti) u għat-titjib fl-effiċjenza li jirriżulta. Fin-nuqqas ta’ restrizzjonijiet oħrajn, il-ftehim jissodisfa l-kriterji tal-Artikolu 101(3). Barra minn hekk, minħabba li jeżistu ħwienet ibbażati fuq il-web kompetituri oħrajn u l-partijiet ikomplu jikkompetu ma’ xulxin permezz tal-ħwienet fiżiċi tagħhom jew fuq l-Internet, il-kompetizzjoni ma tiġix eliminata.

363.

Impriża konġunta tal-bejgħ

Eżempju 4

Sitwazzjoni: L-Impriżi A u B, li jinsabu f’żewġ Stati Membri differenti, jipproduċu tajers tar-roti. Għandhom sehem mis-suq kombinat ta’ 14 % fis-suq kollu tal-Unjoni għat-tajers tar-roti. Huma jiddeċiedu li jistabbilixxu impriża konġunta tal-bejgħ (mhux bil-funzjonijiet kollha) għall-kummerċjalizzazzjoni tat-tajers lill-produtturi tar-roti u jaqblu li jbigħu l-produzzjoni kollha tagħhom permezz tal-impriża konġunta. L-infrastruttura tal-produzzjoni u tat-trasport tibqa’ separata fi ħdan kull parti. Il-partijiet jaffermaw li t-titjib konsiderevoli fl-effiċjenza ġej mill-ftehim. Tali titjib jirrigwardja prinċipalment l-ekonomiji ta’ skala miżjuda, li jkunu jistgħu jissodisfaw id-domandi tal-klijenti eżistenti u ġodda potenzjali tagħhom u jikkompetu aħjar ma’ tajers importati prodotti f’pajjiżi terzi. L-impriża konġunta tinnegozja l-prezzijiet u talloka l-ordnijiet lill-eqreb impjant tal-produzzjoni, sabiex jiġu rrazzjonalizzati l-kostijiet tat-trasport għall-konsenja lill-klijent.

Analiżi: Għalkemm is-sehem mis-suq kombinat tal-partijiet huwa anqas minn 15 %, il-ftehim jaqa’ taħt l-Artikolu 101(1). Dan jirrestrinġi l-kompetizzjoni skont l-għan minħabba li jinvolvi l-allokazzjoni tal-klijenti u l-iffissar tal-prezzijiet mill-impriża konġunta. L-effiċjenzi ddikjarati li joħorġu mill-ftehim ma jirriżultawx mill-integrazzjoni ta’ attivitajiet ekonomiċi jew minn investiment komuni. L-impriża konġunta jkollha ambitu limitat ħafna u sservi biss bħala interfaċċja għall-allokazzjoni tal-ordnijiet lill-impjanti tal-produzzjoni. Għalhekk, ma huwiex probabbli li kwalunkwe titjib fl-effiċjenza jiġi mgħoddi lill-konsumaturi sa punt li dan jegħleb l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni li jġib miegħu l-ftehim. B’hekk, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) ma jiġux issodisfati.

364.

Pjattaforma ta’ Distribuzzjoni tal-Midja

Eżempju 5

Sitwazzjoni: Ix-xandar tat-TV A u x-xandar tat-TV B, it-tnejn attivi l-aktar fis-suq tat-TV mingħajr ħlas fi Stat Membru, joħolqu impriża konġunta għat-tnedija fl-istess suq nazzjonali ta’ pjattaforma online tal-video-on-demand, li fuqha l-konsumaturi jistgħu, soġġetti għal tariffa, jaraw films jew serje prodotti minn kull wieħed miż-żewġ xandara jew minn partijiet terzi li jkunu taw il-liċenzja għad-drittijiet awdjoviżivi rilevanti lil wieħed minnhom. Il-grupp tax-xandir tat-TV A għandu sehem mis-suq ta’ madwar 25 % fis-suq tat-TV mingħajr ħlas u x-xandar tat-TV B għandu sehem mis-suq ta’ madwar 15 %. Hemm żewġ xandara kbar oħrajn tat-TV b’ishma mis-suq ta’ bejn 10 % u 15 % u serje ta’ xandara minuri. Is-suq nazzjonali tal-video-on-demand, fejn l-impriża konġunta se tkun prinċipalment attiva, huwa suq żagħżugħ li ġeneralment huwa mistenni jikber b’mod sinifikanti. Il-prezz sabiex wieħed jara vidjow jiġi ddeterminat ċentralment mill-impriża konġunta, li tikkoordina wkoll il-prezzijiet għall-akkwist ta’ liċenzji tal-video-on-demand fis-suq upstream.

Analiżi: Meta wieħed iqis is-sehem tagħhom mis-suq nazzjonali tat-TV u l-librerija kbira tagħhom ta’ drittijiet awdjoviżivi, kemm A kif ukoll B jistgħu jniedu pjattaforma tal-video-on-demand b’mod indipendenti. Għalhekk, huma kompetituri potenzjali fis-suq tal-konsumatur li qiegħed jiżboċċa għall-video-on-demand. Peress li l-ftehim jirrestrinġi l-inċentiv tal-partijiet sabiex jidħlu fis-suq b’mod indipendenti, japplika l-Artikolu 101(1). Barra minn hekk, il-ftehim jelimina l-kompetizzjoni fil-prezzijiet bejn iż-żewġ xandara u jinvolvi koordinazzjoni fir-rigward tal-ipprezzar għall-video-on-demand. Bħala konsegwenza, il-ftehim jikkostitwixxi, fil-prinċipju, restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3), il-benefiċċji li jirriżultaw minn firxa akbar ta’ offerta ta’ video-on-demand u minn navigazzjoni aktar faċli fil-kontenut ma jidhrux li huma akbar mill-effetti negattivi għall-kompetizzjoni, li se jkunu apprezzabbli, meta jitqiesu l-attivitajiet u l-pożizzjoni fis-suq tal-impriżi involuti. Barra minn hekk, ir-restrizzjonijiet ma jidhrux neċessarji sabiex jinkisbu l-effiċjenzi msemmijin, peress li dawn jistgħu jinkisbu wkoll bi pjattaforma miftuħa u b’kooperazzjoni purament teknika. Bħala konklużjoni, jidher li l-ftehim ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3).

365.

Konsorzji tal-offerti

Eżempju 6

Sitwazzjoni: L-Impriżi A u B huma fornituri kompetituri ta’ prodotti mediċi speċjalizzati għall-isptarijiet. Jiddeċiedu li jidħlu fi ftehim ta’ konsorzju tal-offerti sabiex jissottomettu offerti konġunti f’serje ta’ proċeduri ta’ offerti organizzati mis-sistema nazzjonali tas-saħħa fi Stat Membru, għall-provvista ta’ sett ta’ prodotti mediċinali derivati mill-plażma lil sptarijiet pubbliċi. Il-kriterju għall-aġġudikazzjoni tal-kuntratti huwa l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża, filwaqt li jitqies bilanċ bejn il-prezz u l-kwalità. B’mod partikolari, jingħataw punti addizzjonali f’każ li l-offerta tkun tinkludi serje ta’ prodotti fakultattivi. Kemm l-Impriża A kif ukoll l-Impriża B jistgħu jikkompetu fl-offerti individwalment, abbażi tar-rekwiżiti inklużi fir-regoli tal-offerti. Fil-fatt, kemm l-Impriża A kif ukoll l-Impriża B diġà kkompetew individwalment f’waħda mill-proċeduri ta’ offerti rilevanti, aġġudikati lil parteċipant ieħor billi l-offerti individwali ta’ A u ta’ B kienu inferjuri, f’termini ta’ prezz u ta’ kwalità, b’mod partikolari minħabba offerta limitata ta’ prodotti fakultattivi. B’mod ġenerali, ikun hemm tal-anqas żewġ parteċipanti oħrajn fil-proċeduri ta’ sejħa għall-offerti inkwistjoni.

Analiżi: Peress li l-Impriża A u l-Impriża B jistgħu jikkompetu individwalment fil-proċeduri ta’ offerti, il-parteċipazzjoni konġunta tagħhom tista’ tirrestrinġi l-kompetizzjoni u l-Artikolu 101(1) japplika. Għalhekk, il-ftehim jeħtieġ li jiġi vvalutat skont l-Artikolu 101(3). Skont ir-riżultat tal-proċedura ta’ sejħa għall-offerti preċedenti li fiha l-partijiet ikkompetew separatament, jidher li offerta konġunta tkun aktar kompetittiva mill-offerti individwali, f’termini ta’ pprezzar u ta’ firxa ta’ prodotti offruti, b’mod partikolari ta’ prodotti fakultattivi, li hija partikolarment importanti għall-awtorità tal-proċedura ta’ sejħa għall-offerti. Il-ftehim ta’ konsorzju tal-offerti jidher li huwa indispensabbli għall-partijiet involuti sabiex jissottomettu offerta verament kompetittiva fil-proċeduri ta’ sejħa għall-offerti, meta mqabblin mal-offerti ppreżentati mill-parteċipanti l-oħrajn. Huwa mifhum li l-partijiet ikunu jistgħu juru li l-offerti konġunti joħolqu grad sinifikanti ta’ sinerġiji li kapaċi jġibu effiċjenzi – fil-forma ta’ prezzijiet aktar baxxi ta’ kwalità aħjar – li min-naħa tagħhom iwasslu għal offerta aktar kompetittiva. Il-kompetizzjoni fil-proċedura ta’ sejħa għall-offerti ma tiġix eliminata peress li tal-anqas żewġ kompetituri rilevanti oħrajn huma kapaċi jipparteċipaw b’mod indipendenti fil-proċedura ta’ sejħa għall-offerti. Dan jimplika li t-titjib fl-effiċjenza tal-offerta konġunta jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-entità kontraenti u fl-aħħar mill-aħħar għall-konsumaturi. Għalhekk, il-ftehim jidher li jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3).

6.   SKAMBJU TA’ INFORMAZZJONI

6.1.   Introduzzjoni

366.

Dan il-Kapitolu jipprovdi gwida dwar il-valutazzjoni kompetittiva tal-iskambju ta’ informazzjoni (227). L-iskambju ta’ informazzjoni jista’ jieħu diversi forom u jista’ jseħħ f’kuntesti differenti.

367.

Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-iskambju ta’ informazzjoni jinkludi l-iskambju ta’ (i) kontenut diġitali mhux ipproċessat u mhux organizzat li jista’ jeħtieġ l-ipproċessar sabiex isir utli (data mhux ipproċessata); (ii) data preproċessata, li tkun diġà tħejjiet u ġiet ivvalidata; (iii) data li ġiet immanipulata sabiex tiġi prodotta informazzjoni sinifikanti ta’ kwalunkwe forma, kif ukoll (iv) kwalunkwe tip ieħor ta’ informazzjoni, inkluża informazzjoni mhux diġitali. Jinkludi l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni fiżika u l-kondiviżjoni ta’ data diġitali bejn kompetituri attwali jew potenzjali (228). F’dan il-Kapitolu, it-terminu “informazzjoni” jkopri t-tipi kollha ta’ data u ta’ informazzjoni stabbiliti fil-punti (i) sa (iv).

368.

L-informazzjoni tista’ tiġi skambjata direttament bejn il-kompetituri (fil-forma ta’ divulgazzjoni unilaterali jew fi skambju bilaterali jew multilaterali), jew indirettament, minn parti terza jew permezz tagħha (bħal fornitur ta’ servizz, pjattaforma, għodda online jew algoritmu), permezz ta’ aġenzija komuni (pereżempju, assoċjazzjoni kummerċjali), permezz ta’ organizzazzjoni tar-riċerka tas-suq, permezz ta’ fornituri jew klijenti tal-partijiet għall-iskambju, jew permezz ta’ sit web jew stqarrija għall-istampa. L-iskambju jista’ jsir bejn impriżi li jikkompetu fir-rigward tal-istess marka (kompetizzjoni fil-marka stess) jew bejn impriżi li jikkompetu b’marki differenti (kompetizzjoni bejn il-marki). Dan il-Kapitolu japplika għal forom diretti u indiretti ta’ skambju ta’ informazzjoni u għal skambji ta’ informazzjoni bejn il-kompetituri fil-marka u bejn il-marki.

369.

L-iskambju ta’ informazzjoni jista’ jsir fil-kuntest ta’ tip ieħor ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni orizzontali, pereżempju, ftehim ta’ xiri konġunt, produzzjoni konġunta jew kummerċjalizzazzjoni konġunta. Meta l-ftehim ta’ kooperazzjoni orizzontali nnifsu ma jaqax taħt il-projbizzjoni tal-Artikolu 101(1) minħabba li għandu effetti newtrali jew pożittivi fuq il-kompetizzjoni, skambju ta’ informazzjoni li huwa anċillari għal dak il-ftehim lanqas ma jaqa’ taħt dik il-projbizzjoni. Dan ikun il-każ jekk l-iskambju ta’ informazzjoni jkun oġġettivament neċessarju sabiex jiġi implimentat il-ftehim ta’ kooperazzjoni u jkun proporzjonat għall-objettivi tiegħu (ara wkoll it-Taqsima 1.2.6) (229). Fejn l-iskambju ta’ informazzjoni jmur lil hinn minn dak li huwa oġġettivament meħtieġ biex jiġi implimentat il-ftehim ta’ kooperazzjoni jew ma jkunx proporzjonat għall-objettivi tiegħu, dan għandu jiġi vvalutat bl-użu tal-gwida pprovduta f’dan il-Kapitolu (230). Fejn l-iskambju ta’ informazzjoni nnifsu jifforma l-oġġett ewlieni tal-kooperazzjoni, il-gwida pprovduta f’dan il-Kapitolu se tipprevali għall-fini tal-valutazzjoni ta’ jekk il-kooperazzjoni tirristrenġix il-kompetizzjoni. Jekk l-iskambju ta’ informazzjoni huwa skont l-Artikolu 101(1), xorta jista’ jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3).

370.

L-iskambju ta’ informazzjoni fil-kuntest ta’ ftehim vertikali, li fih l-informazzjoni tiġi skambjata bejn fornitur u xerrej, jista’ jibbenefika mill-eżenzjoni ta’ kategorija pprovduta mill-VBER (231). Dan ikun il-każ jekk l-informazzjoni skambjata tkun direttament relatata mal-implimentazzjoni tal-ftehim vertikali bejn dawk il-partijiet u tkun neċessarja sabiex tittejjeb il-produzzjoni jew id-distribuzzjoni tal-oġġetti jew tas-servizzi tal-kuntratt.

371.

L-informazzjoni tista’ tiġi skambjata wkoll fil-kuntest ta’ proċess ta’ akkwiżizzjoni. F’każijiet bħal dawn, skont iċ-ċirkostanzi, l-iskambju jista’ jkun soġġett għar-regoli tar-Regolament dwar l-Għaqdiet (232). Kwalunkwe mġiba li tillimita l-kompetizzjoni li ma tkunx direttament relatata mal-implimentazzjoni tal-akkwiżizzjoni ta’ kontroll u li tkun neċessarja għaliha tibqa’ soġġetta għall-Artikolu 101. Din il-valutazzjoni trid issir matul il-proċess tal-akkwist, peress li dak li huwa direttament relatat mal-implimentazzjoni tal-akkwiżizzjoni u neċessarju għaliha jista’ jiddependi fuq liema stadju jkun jinsab il-proċess tal-akkwiżizzjoni.

372.

L-iskambju ta’ informazzjoni jista’ jseħħ ukoll fil-kuntest ta’ inizjattivi regolatorji. Meta l-impriżi jkunu mħeġġin bil-liġi jew mill-awtoritajiet pubbliċi sabiex jaqsmu informazzjoni ma’ impriżi oħrajn, jew meta jkollhom diskrezzjoni fid-deċiżjoni dwar liema informazzjoni għandhom jaqsmu ma’ impriżi oħrajn, ikompli japplika l-Artikolu 101. Fil-prattika, dan ifisser li l-impriżi li huma soġġetti għal rekwiżiti regolatorji ma jistgħux jużaw dawn ir-rekwiżiti bħala mezz biex jiksru l-Artikolu 101. Għandhom jirrestrinġu l-ambitu tal-iskambju ta’ informazzjoni għal dak li huwa meħtieġ mir-regolament applikabbli u jista’ jkollhom jimplimentaw miżuri ta’ prekawzjoni fejn tiġi skambjata informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

Regolament tal-Unjoni jista’, pereżempju, jipprevedi l-possibbiltà għall-impriżi li jikkondividu l-informazzjoni sabiex jevitaw jew inaqqsu l-ħtieġa għall-ittestjar fuq l-annimali jew sabiex inaqqsu l-kostijiet tar-riċerka. Dawn l-iskambji huma soġġetti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101. Għalhekk, l-impriżi li jipparteċipaw fl-iskambji previsti minn dan ir-regolament ma għandhomx jikkondividu informazzjoni kummerċjalment sensittiva li tiżvela l-istrateġija tas-suq jew l-informazzjoni teknika tagħhom li tmur lil hinn mir-rekwiżiti tar-regolament. Jista’ jkun li l-impriżi jkunu jistgħu jnaqqsu l-frekwenza tal-iskambju sabiex jagħmlu l-informazzjoni inqas kummerċjalment sensittiva. Meta jkun possibbli, għandha tintuża informazzjoni jew firxiet aggregati sabiex jiġi evitat l-iskambju ta’ data granulari jew ta’ data li tista’ tiġi attribwita lil impriżi individwali. L-impriżi jistgħu jikkunsidraw ukoll l-użu ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ partijiet terzi indipendenti (“fiduċjarju”), li jiġbor l-informazzjoni minn diversi sorsi fuq il-bażi ta’ ftehimiet ta’ nondivulgazzjoni u mbagħad jgħaqqad, jivverifika u jaggrega id-data sabiex jinħoloq sett ta’ data kompost li għandu jiġi kondiviż mal-parteċipanti, li fih ma jkunx possibbli li tiġi attribwita data identifikabbli lil impriżi individwali.

6.2.   Valutazzjoni skont l-Artikolu 101(1)

6.2.1.   Introduzzjoni

373.

L-iskambju ta’ informazzjoni huwa karatteristika komuni ta’ ħafna swieq kompetittivi u jista’ jiġġenera diversi tipi ta’ titjib fl-effiċjenza. Jista’ jsolvi problemi ta’ asimmetriji fl-informazzjoni (233), u b’hekk jagħmel is-swieq aktar effiċjenti. F’dawn l-aħħar snin, il-kondiviżjoni tad-data kisbet importanza bħala mezz sabiex tinforma t-teħid ta’ deċiżjonijiet, pereżempju permezz tal-użu ta’ analitika tal-big data u tekniki ta’ apprendiment awtomatiku (234). Barra minn dan, l-impriżi jistgħu jtejbu l-effiċjenza interna tagħhom permezz ta’ valutazzjoni komparattiva mal-aħjar prattiki ta’ xulxin. L-iskambju ta’ informazzjoni jista’ jgħin ukoll lill-impriżi jiffrankaw il-kostijiet billi, pereżempju, inaqqsu l-inventarji tagħhom u jippermettu konsenja aktar rapida ta’ prodotti li jitħassru malajr lill-konsumaturi. L-iskambju ta’ informazzjoni jista’ jippermetti lid-ditti jiżviluppaw prodotti jew servizzi ġodda jew aħjar jew li jħarrġu algoritmi fuq bażi usa’ u aktar sinifikattiva. Barra minn hekk, l-iskambji ta’ informazzjoni jistgħu jkunu direttament ta’ benefiċċju għall-konsumaturi billi jnaqqsu l-ispejjeż tat-tiftix tagħhom u jtejbu l-għażla.

374.

Il-prinċipju ewlieni tal-kompetizzjoni huwa li kull impriża tiddetermina b’mod indipendenti l-imġiba ekonomika tagħha fis-suq rilevanti. Dan il-prinċipju ma jwaqqafx lill-impriżi milli jadattaw ruħhom b’mod intelliġenti għall-imġiba eżistenti jew antiċipata tal-kompetituri tagħhom jew għall-kundizzjonijiet konswetudinarji eżistenti fis-suq. Madankollu, jipprekludi kwalunkwe kuntatt dirett jew indirett bejn impriżi ta’ tali tip li jew jinfluwenzaw l-imġiba fis-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali jew li jiżvelaw lil tali kompetitur l-imġiba li impriża tkun iddeċidiet li ssegwi għaliha stess jew li tikkontempla li tadotta fis-suq, f’liema każ l-għan jew l-effett ta’ dawk il-kuntatti huwa li jwasslu għal kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li ma jikkorrispondux għall-kundizzjonijiet normali tas-suq inkwistjoni (235).

375.

Kif indikat fil-paragrafu 14, skambju ta’ informazzjoni jaqa’ taħt l-Artikolu 101(1) biss jekk jistabbilixxi jew ikun parti minn ftehim bejn impriżi, minn prattika miftiehma jew minn deċiżjoni minn assoċjazzjoni ta’ impriżi. Il-kunċett ta’ prattika miftiehma jimplika, minbarra l-ftehim bejn l-impriżi parteċipi, aġir sussegwenti fis-suq u relazzjoni ta’ kawża u effett bejniethom it-tnejn (236). Meta jsir skambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva bejn il-kompetituri bi tħejjija għal ftehim antikompetittiv, dan ikun biżżejjed sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ prattika miftiehma skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1). F’dak ir-rigward, ma huwiex neċessarju li jintwera li dawk il-kompetituri formalment impenjaw ruħhom li jadottaw kors ta’ kondotta partikolari, jew li l-kompetituri wettqu kollużjoni fir-rigward tal-imġiba futura tagħhom fis-suq, jew li l-kompetituri kellhom interess kummerċjali fl-iskambju (237). Barra minn hekk, sabiex tiġi stabbilita r-relazzjoni ta’ kawża u effett imsemmija hawn fuq, hemm preżunzjoni konfutabbli li l-impriżi li jieħdu sehem fi prattika miftiehma u li jibqgħu attivi fis-suq iqisu l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom fid-determinazzjoni tal-imġiba tagħhom fis-suq (238).

376.

Dan il-Kapitolu huwa strutturat kif ġej. It-Taqsima 6.2.2 tippreżenta ż-żewġ aspetti ta’ tħassib ewlenin dwar il-kompetizzjoni assoċjat mal-iskambju ta’ informazzjoni. It-Taqsima 6.2.3 tipprovdi gwida dwar ir-rilevanza tan-natura tal-informazzjoni skambjata għall-valutazzjoni skont l-Artikolu 101(1). It-Taqsima 6.2.4 tipprovdi gwida dwar ir-rilevanza tal-karatteristiċi tal-iskambju. It-Taqsima 6.2.5 tipprovdi gwida dwar ir-rilevanza tal-karatteristiċi tas-suq. It-Taqsima 6.2.6 tkopri skambji ta’ informazzjoni li jirrestrinġu l-kompetizzjoni minħabba l-għan u t-Taqsima 6.2.7 tkopri skambji li jirrestrinġu l-kompetizzjoni b’effett. It-Taqsima 6.3 tipprovdi gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) għall-iskambju ta’ informazzjoni u l-Kapitolu jikkonkludi b’numru ta’ eżempji, b’dijagramma sekwenzjali bi stadji ta’ awtovalutazzjoni u b’ħarsa ġenerali f’tabella ta’ xenarji differenti ta’ skambju ta’ informazzjoni fit-Taqsima 6.4.

6.2.2.   Tħassib ewlieni dwar il-kompetizzjoni li jirriżulta mill-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva (239)

6.2.2.1.   Eżitu kollużiv

377.

Billi tiżdied b’mod artifiċjali t-trasparenza bejn il-kompetituri fis-suq, l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva jista’ jiffaċilita l-koordinazzjoni tal-imġiba tal-impriżi u jirriżulta f’restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni (240). L-ewwel nett, l-iskambji ta’ informazzjoni x’aktarx jiffaċilitaw il-kollużjoni jekk jippermettu lil impriża tindika lill-kompetituri tagħha, bi kwalunkwe mezz, l-imġiba li ssib li tkun mixtieqa li dawk il-kompetituri jsegwu, jew l-imġiba li l-impriża nnifisha tadotta b’reazzjoni għall-imġiba tal-istess kompetituri (241).

378.

It-tieni, l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva jista’ minnu nnifsu jippermetti lill-impriżi jilħqu ftehim komuni dwar it-termini tal-koordinazzjoni, li jista’ jwassal għal eżitu kollużiv fis-suq. L-iskambju jista’ joħloq aspettattivi reċiprokament konsistenti fir-rigward tal-inċertezzi preżenti fis-suq. Imbagħad, fuq dik il-bażi, il-kumpaniji jistgħu jilħqu ftehim komuni dwar l-imġiba kompetittiva tagħhom fis-suq, anki mingħajr ftehim ta’ koordinazzjoni espliċitu (242).

379.

It-tielet, l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva jista’ jintuża bħala mezz sabiex tiżdied l-istabbiltà interna ta’ ftehim antikompetittiv jew ta’ prattika miftiehma. L-iskambju ta’ informazzjoni jista’ jirrendi s-suq trasparenti biżżejjed sabiex jippermetti lill-impriżi f’kollużjoni jimmonitorjaw jekk impriżi oħrajn ikunux qegħdin jiddevjaw mill-eżitu kollużiv, u b’hekk ikunu jafu meta għandhom jirritaljaw u kontra min. L-iskambji kemm ta’ data tal-preżent kif ukoll tal-passat jistgħu jintużaw għal tali monitoraġġ. Dan jista’ jew jippermetti lill-kumpaniji jilħqu eżitu kollużiv fis-swieq fejn kieku ma jkunux jistgħu jikkolludu, jew jista’ jżid l-istabbiltà ta’ eżitu kollużiv diġà preżenti fis-suq.

Pereżempju, algoritmi jistgħu jiġġeneraw effiċjenzi. Jistgħu jnaqqsu l-kostijiet u l-ostakli għad-dħul. L-impriżi jistgħu pereżempju jużaw algoritmi b’mod indipendenti sabiex jimmonitorjaw il-prezzijiet tal-kompetituri u jinformaw l-iffissar tal-prezzijiet tagħhom stess. Madankollu, l-algoritmi jistgħu jintużaw ukoll sabiex jiġu mmonitorjati ftehimiet antikompetittivi (preeżistenti) bejn il-kompetituri. Meta jintużaw bħala parti minn att ta’ kollużjoni, l-algoritmi għall-monitoraġġ tal-prezzijiet jistgħu jżidu t-trasparenza tas-suq, jidentifikaw devjazzjonijiet fil-prezzijiet f’ħin reali u jagħmlu l-mekkaniżmi ta’ sanzjonar aktar effettivi. L-impriżi jistgħu jużaw ukoll algoritmi ta’ koordinazzjoni tal-imġiba sabiex jaqblu dwar parametri essenzjali tal-kompetizzjoni. Imbagħad, l-algoritmi jsiru mezz li jiffaċilita l-kollużjoni (kollużjoni bil-kodiċi). Il-kollużjoni bil-kodiċi dwar parametri essenzjali tal-kompetizzjoni tipikament tkun kartell u, għalhekk, restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, irrispettivament mill-kundizzjonijiet tas-suq.

It-trattament tal-algoritmi tal-ipprezzar skont id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni huwa bbażat fuq żewġ prinċipji importanti.

L-ewwel nett, jekk il-prattiki tal-ipprezzar ikunu illegali meta jiġu implimentati offline, ikun hemm probabbiltà għolja li dawn se jkunu illegali anki meta jiġu implimentati online.

It-tieni, id-ditti involuti fi prattiki illegali tal-ipprezzar ma jistgħux jevitaw ir-responsabbiltà fuq il-bażi li l-prezzijiet tagħhom ġew iddeterminati minn algoritmi. Bħal ma impjegat jew konsulent estern li jaħdem taħt “direzzjoni jew kontroll” ta’ ditta, algoritmu ]jibqa’ taħt il-kontroll tad-ditta, u għalhekk id-ditta tkun responsabbli anki jekk l-azzjonijiet tagħha jkunu ġew informati minn algoritmi.

380.

L-iskambju ta’ informazzjoni jista’ jintuża wkoll bħala metodu sabiex tiżdied l-istabbiltà esterna ta’ ftehim antikompetittiv jew ta’ prattika miftiehma. L-iskambji li jagħmlu lis-suq trasparenti biżżejjed jistgħu jippermettu lill-kumpaniji f’kollużjoni jissorveljaw fejn u meta impriżi oħrajn ikunu qed jipprovaw jidħlu fis-suq, biex b’hekk jippermettu lill-impriżi f’kollużjoni jimmiraw lejn il-parteċipant il-ġdid.

6.2.2.2.   Esklużjoni antikompetittiva

381.

Minbarra li jiffaċilita l-kollużjoni, skambju ta’ informazzjoni jista’ jwassal ukoll għal esklużjoni antikompetittiva fl-istess suq fejn iseħħ l-iskambju jew f’suq relatat (243).

382.

L-esklużjoni fl-istess suq tista’ sseħħ meta l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva jqiegħed lill-kompetituri li ma jiħdux sehem fl-iskambju fi żvantaġġ kompetittiv sinifikanti meta mqabblin mal-impriżi li jipparteċipaw fl-iskambju. Dan it-tip ta’ esklużjoni jkun possibbli jekk l-informazzjoni kkonċernata tkun ta’ importanza strateġika għall-kompetizzjoni fis-suq u l-iskambju jkopri sehem sinifikanti mis-suq rilevanti. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, f’inizjattivi ta’ kondiviżjoni tad-data, li fihom id-data kondiviża tkun ta’ importanza strateġika, tkopri sehem kbir mis-suq u l-kompetituri ma jitħallewx jaċċessaw id-data kondiviża (244).

383.

Skambju ta’ informazzjoni jista’ jwassal ukoll għal esklużjoni antikompetittiva ta’ partijiet terzi f’suq relatat. Pereżempju, kumpaniji integrati vertikalment li jiskambjaw informazzjoni f’suq upstream jistgħu jiggwadanjaw saħħa fis-suq u jikkolludu sabiex jgħollu l-prezz ta’ input ewlieni għal suq downstream. Għaldaqstant, jistgħu jgħollu l-kostijiet tal-kompetituri tagħhom downstream, li jista’ jwassal għal esklużjoni antikompetittiva fis-suq downstream. Barra minn hekk, impriżi li japplikaw termini ta’ aċċess mhux trasparenti u diskriminatorji għal informazzjoni kondiviża jistgħu jillimitaw il-kapaċità ta’ partijiet terzi li jidentifikaw xejriet għal prodotti potenzjali ġodda fi swieq relatati.

Numru ta’ impriżi li jipprovdu servizzi finanzjarji lill-konsumaturi jistgħu, pereżempju, jistabbilixxu assoċjazzjoni ma’ bażi tad-data kondiviża li jkun fiha informazzjoni dwar il-klijenti. Il-membri kollha tal-assoċjazzjoni jikkontribwixxu informazzjoni għall-bażi tad-data u jkollhom aċċess għad-data, li tippermettilhom jivvalutaw aħjar ir-riskju li jipprovdu servizzi finanzjarji lil klijenti ġodda. L-iskambju tal-informazzjoni dwar il-klijent jiffaċilita l-valutazzjonijiet tar-riskju tal-membri rigward dawk il-klijenti. Dan jista’ mbagħad jiffaċilità d-dħul fis-suq u għalhekk ikun ta’ vantaġġ għall-konsumaturi. Bażi tad-data bħal din ma jkollhiex l-għan li tirrestrinġi l-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1).

Madankollu, bażijiet tad-data kondiviżi kif deskritti hawn fuq jista’ jkollhom l-effett li jirrestrinġu l-kompetizzjoni skont il-kundizzjonijiet ekonomiċi fis-suq/swieq rilevanti u skont il-karatteristiċi speċifiċi tal-bażi tad-data kkonċernata. Dawn il-karatteristiċi jinkludu l-iskop tal-bażi tad-data u l-kundizzjonijiet tal-aċċess għaliha u l-parteċipazzjoni fiha, kif ukoll it-tip ta’ informazzjoni skambjata (pereżempju, jekk tkunx pubblika jew kunfidenzjali, aggregata jew dettaljata, informazzjoni storika, kurrenti jew futura, il-frekwenza li biha tiġi aġġornata l-bażi tad-data u r-rilevanza tal-informazzjoni għall-iffissar tal-prezzijiet, tal-volumi jew tal-kundizzjonijiet tas-servizz). Bażi tad-data li tkopri parti sinifikanti mis-suq rilevanti u li għaliha l-aċċess jiġi miċħud jew imdewwem għal kompetituri oħrajn tista’ toħloq asimmetrija tal-informazzjoni, u tqiegħed lil dawk il-kompetituri l-oħrajn fi żvantaġġ meta mqabblin mal-impriżi li jipparteċipaw fil-bażi tad-data. Kriterji ta’ aċċess ġusti, oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji jistgħu jtaffu t-tħassib dwar il-kompetizzjoni (245).

6.2.3.   In-natura tal-informazzjoni skambjata

6.2.3.1.   Informazzjoni kummerċjalment sensittiva

384.

L-Artikolu 101(1) japplika meta skambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva x’aktarx li jinfluwenza l-istrateġija kummerċjali tal-kompetituri, u b’hekk joħloq jew ikun kapaċi joħloq kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li ma jikkorrispondux għall-kundizzjonijiet normali tas-suq inkwistjoni, fir-rigward tan-natura tal-prodotti jew tas-servizzi offruti, tad-daqs u tan-numru tal-impriżi involuti u tal-volum ta’ dak is-suq (246). Dan huwa l-każ meta l-iskambju ta’ informazzjoni jnaqqas l-inċertezza dwar l-operat tas-suq inkwistjoni (247). L-Artikolu 101(1) japplika irrispettivament minn jekk l-impriżi involuti fl-iskambju jkunux kisbu xi benefiċċju mill-kooperazzjoni tagħhom. Jikkonċerna informazzjoni li fi swieq b’kompetizzjoni effettiva tkun importanti għal impriża sabiex tipproteġi bl-għan li żżomm jew ittejjeb il-pożizzjoni kompetittiva tagħha fis-suq/swieq.

385.

L-informazzjoni dwar l-ipprezzar ġeneralment titqies kummerċjalment sensittiva u l-Artikolu 101(1) jista’ japplika anki jekk l-iskambju ma jkollux effett dirett fuq il-prezzijiet imħallsin mill-utenti finali (248). Kategoriji oħrajn ta’ informazzjoni potenzjalment kummerċjalment sensittiva jinkludu informazzjoni dwar il-kostijiet, il-kapaċità, il-produzzjoni, il-kwantitajiet, l-ishma mis-suq, il-klijenti, il-pjanijiet ta’ dħul fis-swieq jew ta’ ħruġ minnhom, jew rigward elementi importanti oħrajn tal-istrateġija ta’ ditta li l-impriżi attivi f’suq ġenwinament kompetittiv ma jkollhomx inċentiv li jiżvelaw lil xulxin. Il-fatt li l-informazzjoni skambjata tista’ tkun skorretta jew qarrieqa minnu nnifsu ma jeliminax ir-riskju li tista’ tinfluwenza l-imġiba tal-kompetituri fis-suq (249).

386.

Informazzjoni li ġeneralment ma tkunx kummerċjalment sensittiva tinkludi, pereżempju, informazzjoni relatata ma’: il-funzjonament ġenerali jew l-istat ta’ industrija; il-politika pubblika jew kwistjonijiet regolatorji (li jistgħu jintużaw, pereżempju fir-relazzjonijiet pubbliċi mal-industrija kollha jew f’inizjattivi ta’ lobbying); kwistjonijiet tekniċi mhux kunfidenzjali rilevanti għall-industrija b’mod ġenerali, bħal standards jew kwistjonijiet ta’ saħħa u ta’ sikurezza; teknoloġija ġenerali, mhux proprjetarja u kwistjonijiet relatati, bħall-karatteristiċi u l-adegwatezza ta’ tagħmir partikolari (iżda mhux il-pjanijiet ta’ kumpanija partikolari rigward l-adozzjoni ta’ tagħmir jew ta’ teknoloġija speċifika); opportunitajiet promozzjonali ġenerali rilevanti għall-industrija b’mod ġenerali (iżda mhux pjanijiet promozzjonali ta’ kumpanija partikolari). Tinkludi wkoll data edukattiva, teknika jew xjentifika mhux strateġika li tirriżulta f’benefiċċji għall-konsumatur u f’informazzjoni mhux strateġika meħtieġa biex jinbnew sħubijiet ġodda ta’ negozju bejn impriżi (250).

387.

L-impriżi jista’ jkollhom raġunijiet leġittimi sabiex jinformaw lill-azzjonisti tagħhom, lill-investituri potenzjali tagħhom jew lill-pubbliku ġenerali dwar l-istat u l-prestazzjoni tan-negozju tagħhom. Madankollu, din ix-xewqa li jiġu informati partijiet terzi jew il-pubbliku ma tistax tiġi invokata sabiex tiġi ddivulgata lill-kompetituri informazzjoni kummerċjalment sensittiva li, f’suq b’kompetizzjoni effettiva, l-impriżi ma jiddivulgawx lill-kompetituri tagħhom.

388.

B’mod ġenerali, u f’kundizzjonijiet kompetittivi normali, l-impriżi ma għandhomx inċentiv li jippubblikaw informazzjoni kummerċjalment sensittiva. Jekk jagħmlu dan, dan jista’ jqajjem dubji dwar jekk is-suq inkwistjoni jkunx karatterizzat minn kompetizzjoni effettiva. L-informazzjoni li titqiegħed fid-dominju pubbliku għal raġunijiet leġittimi – u, għalhekk, li ssir faċilment aċċessibbli (f’termini ta’ kostijiet tal-aċċess) għall-kompetituri u għall-klijenti kollha (251) – normalment ma tkunx kummerċjalment sensittiva (252).

389.

Anki jekk l-informazzjoni tkun disponibbli faċilment (pereżempju, informazzjoni pubblikata minn regolaturi), l-iskambju ta’ informazzjoni addizzjonali bejn il-kompetituri tista’ tkompli tnaqqas l-inċertezza strateġika fis-suq. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, meta l-informazzjoni tiġi skambjata f’forma granulari anqas aggregata jew aktar, jew l-informazzjoni tiġi skambjata aktar ta’ spiss milli ssir disponibbli għall-pubbliku, jew meta l-kummenti jkunu mehmużin mal-informazzjoni li tista’ tindika lill-kompetituri l-azzjoni konġunta mixtieqa li għandha tittieħed. F’dak il-każ, l-iskambju ta’ informazzjoni jista’ jirrestrinġi l-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1).

6.2.3.2.   Informazzjoni aggregata kontra dik individwalizzata

390.

Jekk l-informazzjoni tkunx kummerċjalment sensittiva jiddependi fuq l-utilità tagħha għall-kompetituri. B’mod ġenerali, informazzjoni li fiha ħafna dettall u tippermetti l-identifikazzjoni tal-impriża/i li tkun/ikunu pprovdewha tkun aktar kummerċjalment sensittiva. L-iskambji ta’ informazzjoni individwalizzata jistgħu jiffaċilitaw fehim komuni dwar l-istrateġiji tas-suq u tas-sanzjonar, billi jippermettu lill-impriżi li jikkoordinaw jindividwaw devjatur jew entrant ġdid faċilment.

391.

L-iskambju ta’ informazzjoni aggregata, meta l-attribuzzjoni ta’ informazzjoni lil impriżi partikolari tkun diffiċli jew inċerta biżżejjed, jew meta d-data tiġi aggregata fuq medda ta’ prodotti differenti, speċjalment jekk il-prodotti jkollhom karatteristiċi differenti jew jappartjenu għal swieq differenti, għandu anqas probabbiltà li jwassal għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Il-ġbir u l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni aggregata tas-suq (bћal data dwar il-bejgћ, data dwar il-kapaċitajiet jew data dwar l-kostijiet tal-inputs u tal-komponenti) minn assoċjazzjoni tal-kummerċ jew minn ditta tal-intelliġenza tas-suq jistgћu ikunu ta’ benefiċċju kemm għall-kompetituri kif ukoll għall-klijenti billi jippermetulhom jiksbu idea aktar ċara tas-sitwazzjoni ekonomika f’settur. Tali ġbir u pubblikazzjoni ta’ informazzjoni jistgћu jippremettu lill-kompetituri individwali jagћmlu gћazliet informati aћjar sabiex jadattaw b’mod effiċjeneti l-istrateġija kompetittiva individwali tagћhom gћall-kundizzjonijiet tas-suq. Sakemm ma jseħħx bejn numru relattivament żgħir ta’ impriżi b’sehem kbir biżżejjed mis-suq rilevanti (253), l-iskambju ta’ informazzjoni aggregata x’aktarx ma jwassalx għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Madankollu, ma tistax tiġi eskluża l-possibbiltà li anki l-iskambju ta’ informazzjoni u data aggregati jista’ jiffaċilita eżitu kollużiv fi swieq b’karatteristiċi speċifiċi.

Jiġifieri, meta l-impriżi li jagħmlu parti minn oligopolju strett u stabbli ħafna jiskambjaw informazzjoni aggregata dwar il-prezzijiet, id-detezzjoni ta’ prezz tas-suq anqas minn ċertu livell tista’ tippermettilhom jiddeduċu li waħda minnhom iddevjat mill-eżitu kollużiv u jieħdu passi ritaljatorji mifruxin mas-suq kollu. Fi kliem ieħor, sabiex iżommu l-kollużjoni stabbli, l-impriżi f’oligopolju strett u stabbli ħafna mhux dejjem jeħtieġ li jkunu jafu minn iddevja; jista’ jkun biżżejjed li wieħed isir jaf li “xi ħadd” iddevja.

392.

Skont iċ-ċirkostanzi, l-iskambju ta’ data mhux ipproċessata jista’ jkun anqas kummerċjalment sensittiv minn skambju ta’ data li diġà tkun ġiet ipproċessata f’informazzjoni sinifikattiva. B’mod partikolari, l-iskambju ta’ data mhux ipproċessata jista’ jkun anqas kummerċjalment sensittiv meta kull parti tuża l-metodu (proprjetarju) tagħha stess għall-ipproċessar tad-data mhux ipproċessata.

6.2.3.3.   L-età tal-informazzjoni

393.

F’ħafna industriji, l-informazzjoni ssir storika relattivament malajr u b’hekk titlef in-natura kummerċjalment sensittiva tagħha. Huwa improbabbli li skambju ta’ data storika jwassal għal eżitu kollużiv għaliex huwa improbabbli li din tkun indikattiva tal-kondotta maħsuba tal-kompetituri jew li tiffaċilita fehim komuni dwar is-suq (254). Fil-prinċipju, aktar ma tkun antika l-informazzjoni, aktar ikollha tendenza li tkun anqas utli għad-detezzjoni f’waqtha ta’ devjazzjonijiet u, għalhekk, bħala mezz sabiex tinħoloq theddida kredibbli ta’ ritaljazzjoni fil-pront (255). Madankollu, dan jeħtieġ valutazzjoni każ b’każ tar-rilevanza tal-informazzjoni (256).

394.

Jekk l-informazzjoni tkunx storika jiddependi fuq il-karatteristiċi speċifiċi tas-suq rilevanti; il-frekwenza tan-negozjati dwar il-bejgħ u x-xiri fis-settur, u l-età tal-informazzjoni li tipikament tintuża fis-settur għall-finijiet tad-deċiżjonijiet kummerċjali. Pereżempju, l-informazzjoni tista’ tiġi kkunsidrata storika jekk tkun ħafna eqdem mit-tul medju taċ-ċikli ta’ pprezzar jew mit-tul medju tal-kuntratti fl-industrija, meta dawn tal-aħħar ikunu indikattivi ta’ negozjati (mill-ġdid) tal-prezzijiet. Min-naħa l-oħra, l-iskambju ta’ informazzjoni kurrenti jista’ jkollu effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni, speċjalment jekk l-iskambju jservi sabiex iżid b’mod artifiċjali t-trasparenza għall-kompetituri aktar milli għall-konsumaturi.

Pereżempju, jekk l-impriżi tipikament jiddependu fuq data dwar il-preferenzi tal-konsumaturi (xiri jew għażliet oħrajn) matul l-aħħar sena sabiex jottimizzaw id-deċiżjonijiet strateġiċi tan-negozju għad-ditti tagħhom, l-informazzjoni li tkopri dan il-perjodu ġeneralment tkun aktar kummerċjalment sensittiva minn data aktar antika. F’dak il-każ, l-informazzjoni relatata mas-sena ta’ qabel ma titqiesx “storika”.

Fil-kuntest ta’ suq stabbli u mhux kumpless b’ostakli kbar għad-dħul, l-iskambji ta’ informazzjoni riċenti tal-passat bejn kompetituri mill-qrib jistgħu jirriżultaw ukoll f’kollużjoni. Pereżempju, l-iskambju ta’ informazzjoni dettaljata dwar il-bejgħ fil-passat riċenti jista’ jnaqqas l-inċertezza dwar l-imġiba futura tas-suq tal-kompetituri u jippermetti lill-partijiet jadattaw l-imġiba futura tagħhom fis-suq kif xieraq.

6.2.4.   Il-karatteristiċi tal-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva

395.

L-Artikolu 101(1) japplika għal skambji li fihom il-kompetituri jiskambjaw informazzjoni kummerċjalment sensittiva b’mod bilaterali jew multilaterali. Tali skambji jinkludu arranġamenti għall-kondiviżjoni tad-data, li bihom żewġ kompetituri jew aktar jikkontribwixxu data għal bażi tad-data komuni u jiksbu aċċess għal xi parti mid-data jew għad-data kollha li tiġi pprovduta minn kompetituri oħrajn. Meta żewġ kompetituri jew aktar jieħdu sehem fi skambju, jista’ ma jkunx neċessarju li l-iskambju jiġi kkaratterizzat b’mod preċiż bħala ftehim bejn impriżi, deċiżjoni minn assoċjazzjoni ta’ impriżi jew prattika miftiehma (257). Barra minn hekk, f’ċerti ċirkostanzi, divulgazzjoni unilaterali jew skambju indirett ta’ informazzjoni jista’ jikkostitwixxi wkoll prattika miftiehma skont l-Artikolu 101(1).

6.2.4.1.   Divulgazzjoni unilaterali

396.

Sitwazzjoni li fiha impriża waħda tiddivulga informazzjoni kummerċjalment sensittiva lil kompetitur, li talabha jew tal-anqas jaċċettaha, tista’ tikkostitwixxi prattika miftiehma li biha dan il-kompetitur jaġixxi fuq tali divulgazzjoni u dment li jkun hemm rabta ta’ kawża u effett bejn id-divulgazzjoni u l-imġiba sussegwenti tal-kompetitur fis-suq (258). Meta impriża waħda waħedha tiddivulga informazzjoni kummerċjalment sensittiva lill-kompetituri tagħha, dan inaqqas l-inċertezza strateġika fir-rigward tal-operat futur tas-suq għal dawk il-kompetituri u jżid il-probabbiltà ta’ limitazzjoni tal-kompetizzjoni u ta’ mġiba kollużiva sakemm il-kompetituri ma jitbegħdux pubblikament mid-divulgazzjoni (259). Tista’ ssir divulgazzjoni unilaterali, pereżempju, permezz ta’ messaġġi (chat), posta elettronika, telefonati, input f’għodda algoritmika kondiviża, laqgħat, eċċ. Huwa irrilevanti jekk impriża waħda biss tiddivulgax b’mod unilaterali informazzjoni kummerċjalment sensittiva jew jekk l-impriżi parteċipanti kollha jiddivulgawx informazzjoni bħal din.

397.

Meta impriża tirċievi informazzjoni kummerċjalment sensittiva mingħand kompetitur matul laqgħa jew kuntatt ieħor, dik l-impriża tkun preżunta li tikkunsidra t-tali informazzjoni u li tadatta l-imġiba tas-suq tagħha kif xieraq, sakemm ma titbegħedx pubblikament (pereżempju, billi twieġeb b’dikjarazzjoni ċara li ma tixtieqx tirċievi tali informazzjoni (260)) jew tirrapportaha lill-awtoritajiet amministrattivi.

Pereżempju, il-parteċipazzjoni f’laqgħa (261) li fiha impriża tiddivulga l-pjanijiet ta’ pprezzar tagħha lill-kompetituri tagħha – mingħajr ma dawk il-kompetituri jitbiegħdu pubblikament minnha – x’aktarx li taqa’ taħt l-Artikolu 101(1), anke fin-nuqqas ta’ ftehim espliċitu ta’ żieda fil-prezzijiet (262). Bl-istess mod, l-introduzzjoni ta’ regola ta’ pprezzar f’għodda algoritmika kondiviża (pereżempju, regola li jiġi offrut prezz pariġġ tal-aktar prezz baxx fuq pjattaforma jew f’ħanut online partikolari + 5 %, jew li jiġi offrut prezz pariġġ ta’ kompetitur partikolari – 5 %) x’aktarx li wkoll taqa’ taħt l-Artikolu 101(1), anke fin-nuqqas ta’ ftehim espliċitu dwar l-allinjament tal-ipprezzar fil-futur.

Min-naħa l-oħra, jekk impriża tibgħat messaġġ elettroniku fuq l-indirizzi tal-posta elettronika personali tal-impjegati f’impriżi oħra, dan minnu nnifsu ma jindikax li r-riċevituri bilfors li kienu jafu x’kien il-kontenut ta’ dak il-messaġġ (263). Fid-dawl ta’ indikazzjonijiet oġġettivi u konsistenti oħrajn, dan jista’ jiġġustifika l-preżunzjoni li r-riċevituri kienu konxji tal-kontenut u qiesu l-informazzjoni, iżda dawk ir-riċevituri xorta jeħtieġ li jingħataw l-opportunità li jirribattu dik il-preżunzjoni (264).

398.

Il-fatt li impriża tiddivulga informazzjoni kummerċjalment sensittiva permezz ta’ avviż pubbliku (pereżempju, permezz ta’ post fuq sit web aċċessibbli għall-pubbliku, dikjarazzjoni f’avveniment pubbliku jew f’gazzetta) minnu nnifsu ma jeskludix il-possibbiltà li t-tħabbira tista’ tikkostitwixxi prattika miftiehma skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1). Tabilħaqq, id-divulgazzjoni pubblika f’xi każijiet tista’ tifforma parti minn mezz ta’ komunikazzjoni bejn il-kompetituri sabiex jindikaw l-intenzjonijiet futuri li jġibu ruħhom fis-suq b’mod speċifiku jew jipprovdu punt fokali għall-koordinazzjoni bejn il-kompetituri u, għalhekk, tista’ taqa’ taħt l-Artikolu 101(1). Barra minn hekk, il-fatt li l-partijiet għall-iskambju jkunu ppubblikaw minn qabel l-istess tip ta’ informazzjoni (pereżempju permezz ta’ gazzetta jew fuq is-siti web pubbliċi tagħhom) ma jimplikax li skambju mhux pubbliku sussegwenti ma jirrestrinġix il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) (265).

Eżempju tipiku ta’ divulgazzjonijiet unilaterali fid-dominju pubbliku huwa r-reklamar minn operaturi ta’ stazzjonijiet tal-petrol tal-prezzijiet bl-imnut kurrenti tagħhom (jew ir-reklamar ta’ prezzijiet tal-merċa mill-bejjiegħa bl-imnut, pereżempju). Fin-nuqqas ta’ ftehim antikompetittiv jew ta’ prattika miftiehma, reklamar bħal dan jibbenefika lill-konsumaturi, peress li jgħinhom iqabblu l-istazzjonijiet tal-petrol qabel ma jimlew il-karozzi tagħhom (jew iqabblu l-bejjiegħa bl-imnut tal-merċa qabel ma jiddeċiedu minn fejn għandhom jixtru), anke jekk ir-reklamar jippermetti wkoll li l-istazzjonijiet tal-petrol rivali jsiru jafu bil-prezzijiet mitlubin mill-kompetituri fl-inħawi tagħhom.

Forom oħrajn ta’ divulgazzjoni unilaterali fid-dominju pubbliku jistgħu jinvolvu avviżi li jistgħu jkunu indikattivi ta’ prattiki miftehmin antikompetittivi sottostanti possibbli.

Pereżempju, jista’ jkun għarfien pubbliku f’settur partikolari li l-kost tal-provvisti qiegħed jiżdied. Fil-laqgħat pubbliċi, bħal laqgħat tal-assoċjazzjoni kummerċjali rilevanti, dan il-fenomenu jista’ jissemma mill-parteċipanti. Filwaqt li l-kompetituri jistgħu jirreferu għall-kost dejjem jogħla tal-provvisti – peress li dan huwa għarfien pubbliku – ma jeħtiġilhomx jevalwaw pubblikament ir-rispons individwali tagħhom għal dawn il-kostijiet li qegħdin jiżdiedu, peress li dan inaqqas l-inċertezza dwar l-imġiba tagħhom fis-suq (266). L-istess raġunament japplika meta rappreżentanti tal-kumpaniji jikkummentaw dwar avvenimenti tas-suq permezz ta’ tħabbiriet pubbliċi unilaterali u jiddivulgaw l-istrateġiji tagħhom dwar kif jirreaġixxu għal kundizzjonijiet tas-suq li jinbidlu. L-impriżi jeħtiġilhom jiddeterminaw b’mod indipendenti l-politika li jkun biħsiebhom jadottaw fis-suq intern. Dan ifisser li kull kompetitur irid jiddeċiedi b’mod indipendenti x’se jkun ir-rispons tiegħu għall-kost dejjem ogħla tal-provvisti.

399.

Hemm ukoll distinzjoni bejn, minn naħa, kompetituri li jiksbu informazzjoni b’mod indipendenti jew li jiddiskutu l-ipprezzar futur mal-klijenti jew ma’ partijiet terzi u, min-naħa l-oħra, kompetituri li jiddiskutu fatturi tal-iffissar tal-prezzijiet ma’ kompetituri oħrajn qabel ma jistabbilixxu l-prezzijiet tagħhom stess (267).

400.

Kif spjegat fil-paragrafu 425, it-tqegħid ta’ ċerta informazzjoni fid-dominju pubbliku jista’ jgħin lill-klijenti jagħmlu għażliet ta’ xiri informati. Madankollu, dawn l-effiċjenzi jkunu anqas probabbli jekk l-informazzjoni tikkonċerna l-intenzjonijiet futuri. L-informazzjoni pubblika tista’ tkun anqas probabbli li tiġġenera effiċjenzi jekk tkun relatata ma’ parametri li jaf ma jimmaterjalizzawx u ma torbotx lill-impriża vis-à-vis il-klijenti tagħha (268).

Pereżempju, tħabbira pubblika unilaterali li tirreferi għal intenzjonijiet relatati mal-ipprezzar fil-futur (għall-kuntrarju tal-komunikazzjoni ta’ deċiżjoni attwali li se jinbidlu l-prezzijiet minn ċerta data fil-futur qarib) ma torbotx lill-impriża li tagħmel it-tħabbira vis-à-vis il-klijenti tagħha, iżda tista’ tagħti sinjali dwar l-istrateġija maħsuba ta’ impriża fis-suq lill-kompetituri tagħha. Dan ikun il-każ b’mod partikolari jekk l-informazzjoni tkun speċifika biżżejjed. Għalhekk, avviżi bħal dawn ġeneralment ma joħolqux benefiċċji għall-konsumaturi u jistgħu jiffaċilitaw il-kollużjoni.

Tħabbiriet pubbliċi unilaterali jistgħu jkunu indikattivi ta’ ftehim antikompetittiv sottostanti jew ta’ prattika miftehma. Pereżempju, f’suq li fih hemm biss ftit kompetituri u b’ostakli kbar għad-dħul, impriżi li kontinwament jippubblikaw informazzjoni li ma tipprovdi l-ebda benefiċċju apparenti għall-konsumaturi (pereżempju, informazzjoni dwar il-kostijiet tar-R&Ż, il-kostijiet tal-adattamenti għar-rekwiżiti ambjentali, eċċ.) jistgħu jkunu involuti fir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1). L-avviżi pubbliċi unilaterali jistgħu jintużaw sabiex jiġu implimentati jew immonitorjati l-arranġamenti kollużivi tagħhom. Jekk tabilħaqq tinstabx restrizzjoni bħal din jiddependi mill-fatti kollha tal-każ partikolari.

6.2.4.2.   Skambju indirett ta’ informazzjoni

401.

Skambji ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva bejn kompetituri jistgħu jsiru permezz ta’ parti terza, bħal fornitur ta’ servizzi terz (inkluż operatur ta’ pjattaforma jew fornitur ta’ għodda ta’ ottimizzazzjoni), aġenzija komuni (pereżempju, organizzazzjoni kummerċjali), fornitur jew klijent (269), jew algoritmu kondiviż (kollettivament imsejħin il-“parti terza”). Bħal fil-każ ta’ skambji diretti ta’ informazzjoni, skambju indirett jista’ jnaqqas ukoll l-inċertezza dwar l-azzjonijiet tal-kompetituri u jwassal għal eżitu kollużiv fis-suq. Il-kollużjoni f’każijiet bħal dawn tiġi ffaċilitata jew infurzata permezz tal-parti terza. Skont il-fatti tal-każ, il-kompetituri parteċipanti u l-parti terza kollha jistgħu jinżammu responsabbli għal kollużjoni bħal din. Il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) ma hijiex diretta biss lejn partijiet għal ftehimiet jew għal prattiki miftehmin li jkunu attivi fis-swieq affettwati minn dawk il-ftehimiet jew il-prattiki (270).

402.

Meta informazzjoni kummerċjalment sensittiva tiġi skambjata indirettament, tkun meħtieġa analiżi każ b’każ tar-rwol ta’ kull parteċipant sabiex jiġi stabbilit jekk l-iskambju jikkostitwixxix ftehim antikompetittiv jew prattika miftiehma u min jinżamm responsabbli għall-kollużjoni. Din il-valutazzjoni notevolment ikollha tqisil-livell ta’ għarfien tal-fornituri jew tar-riċevituri tal-informazzjoni rigward l-iskambji bejn fornituri jew riċevituri oħrajn tal-informazzjoni u l-parti terza.

Tista’ ssir distinzjoni bejn diversi xenarji:

Ċerti skambji indiretti ta’ informazzjoni jissejħu arranġamenti hub-and-spoke. Pereżempju, manifattur jew fornitur komuni jista’ jaġixxi bħala hub sabiex jibgħat l-informazzjoni lil distributuri jew lil bejjiegħa multipli, jew distributur jew bejjiegħ bl-imnut jista’ jaġixxi bħala hub sabiex jgħaddi l-informazzjoni lil diversi manifatturi jew fornituri. Pjattaforma online tista’ taġixxi wkoll bħala hub billi tiffaċilita, tikkoordina jew tinforza l-iskambji ta’ informazzjoni bejn l-utenti kummerċjali tal-pjattaforma, pereżempju, sabiex tiżgura ċerti marġnijiet jew livelli tal-prezzijiet. Pjattaformi jistgħu jintużaw ukoll sabiex jiġu imposti miżuri tekniċi li jipprevjenu lill-utenti tal-pjattaformi milli joffru prezzijiet aktar baxxi jew vantaġġi oħrajn lill-klijenti finali.

L-informazzjoni tista’ tiġi skambjata wkoll indirettament permezz ta’ algoritmu ta’ ottimizzazzjoni kondiviża li jieħu deċiżjonijiet kummerċjali bbażati fuq kontributi ta’ data kummerċjalment sensittiva mingħand il-kompetituri. Filwaqt li l-użu ta’ data disponibbli għall-pubbliku għall-forniment ta’ software algoritmiku huwa legali, l-aggregazzjoni ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva f’għodda ta’ pprezzar offruta minn kumpanija tal-IT waħda li għaliha jkollhom aċċess diversi kompetituri tista’ tammonta għal kollużjoni orizzontali.

403.

Il-kompetituri li jiskambjaw informazzjoni kummerċjalment sensittiva indirettament (permezz ta’ parti terza) jistgħu jkunu involuti fi ksur tal-Artikolu 101. Dan ikun il-każ meta l-impriża li taqsam l-informazzjoni kummerċjalment sensittiva taqbel b’mod espliċitu jew taċitu mal-parti terza li l-parti terza tista’ taqsam l-informazzjoni msemmija mal-kompetituri tal-impriża, jew meta dik l-impriża kellha l-ħsieb, permezz tal-parti terza, li tiddivulga informazzjoni kummerċjalment sensittiva lill-kompetituri tagħha. Dan jista’ jkun ukoll il-każ meta l-impriża li taqsam l-informazzjoni kummerċjalment sensittiva setgħet raġonevolment tipprevedi li l-parti terza tikkondividi l-informazzjoni mal-kompetituri tal-impriża u kienet lesta taċċetta r-riskju li dan kien jinvolvi (271). Il-kompetitur li jirċievi l-informazzjoni kummerċjalment sensittiva jkun qed jipparteċipa bl-istess mod fil-ksur, u jkun responsabbli għalih jekk ikun konxju mill-objettivi antikompetittivi segwiti mill-impriża li tikkondividi l-informazzjoni u mill-parti terza, u jkollu l-ħsieb li jikkontribwixxi għal dawk l-objettivi permezz tal-imġiba tiegħu stess. Min-naħa l-oħra, l-impriża li tikkondividi l-informazzjoni ma tkunx involuta fi ksur meta dik il-parti terza tikseb informazzjoni kummerċjalment sensittiva ta’ impriża u, mingħajr ma tinforma lil dik l-impriża, tgħaddi l-informazzjoni lill-kompetituri ta’ dik l-impriża, jew meta dik l-impriża ma setgħetx raġonevolment tipprevedi li l-informazzjoni tiġi ttrasferita (272).

404.

B’mod simili, parti terza li tittrażmetti informazzjoni kummerċjalment sensittiva tal-impriżi tista’ wkoll tkun responsabbli għal ksur jekk ikollha l-ħsieb li tikkontribwixxi bl-imġiba tagħha stess għall-objettivi komuni segwiti mill-parteċipanti fl-iskambju u kienet konxja mill-imġiba attwali ppjanata jew implimentata minn impriżi oħrajn sabiex jilħqu l-istess objettivi antikompetittivi jew setgħet raġonevolment tipprevedi tali mġiba u kienet lesta li tieħu r-riskju (273).

6.2.4.3.   Frekwenza tal-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva

405.

L-iskambji frekwenti ta’ informazzjoni li jiffaċilitaw kemm ftehim komuni aħjar tas-suq u l-monitoraġġ tad-devjazzjonijiet iżidu r-riskji ta’ eżitu kollużiv. Fi swieq instabbli, skambji aktar frekwenti ta’ informazzjoni jistgħu jkunu meħtieġa sabiex jiġi ffaċilitat eżitu kollużiv milli fi swieq stabbli. Fi swieq b’kuntratti fit-tul (li jindikaw negozjati mhux frekwenti ta’ bejgħ u ta’ xiri), skambju ta’ informazzjoni anqas frekwenti normalment ikun biżżejjed sabiex jinkiseb eżitu kollużiv. Għall-kuntrarju, skambji mhux frekwenti jaf ma jkunux biżżejjed sabiex jinkiseb eżitu kollużiv fi swieq b’kuntratti fuq terminu qasir li huma indikattivi ta’ negozjati mill-ġdid frekwenti (274). Madankollu, il-frekwenza li biha jeħtieġ li tiġi skambjata l-informazzjoni sabiex jiġi ffaċilitat eżitu kollużiv tiddependi wkoll fuq in-natura, fuq l-età u fuq il-grad ta’ aggregazzjoni ta’ din l-informazzjoni (275). Bħala riżultat tal-importanza dejjem tikber tad-data f’ħin reali għat-teħid ta’ deċiżjonijiet kummerċjali, l-akbar vantaġġ kompetittiv jinkiseb permezz ta’ skambju awtomatizzat ta’ informazzjoni f’ħin reali. Dak li jikkostitwixxi skambju frekwenti jew mhux frekwenti ta’ informazzjoni jiddependi miċ-ċirkostanzi u mis-suq inkwistjoni (276).

6.2.4.4.   Miżuri sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni

406.

L-impriżi li jridu (jew li jeħtieġu li) jiskambjaw informazzjoni kummerċjalment sensittiva huma mħeġġa jimplimentaw miżuri sabiex jirrestrinġu l-aċċess għall-informazzjoni jew jikkontrollaw kif tintuża (277). L-impriżi għandhom jikkunsidraw ukoll li jillimitaw l-iskambju għal dak li huwa neċessarju għall-iskop maħsub.

407.

L-impriżi jistgħu, pereżempju, jużaw “timijiet nodfa” jew fiduċjarji sabiex jirċievu u jipproċessaw informazzjoni. Tim nadif ġeneralment jirreferi għal grupp ristrett ta’ individwi f’impriża li ma jkunux involuti fl-operazzjonijiet kummerċjali tal-impriża u jkunu marbutin bi protokolli stretti ta’ kunfidenzjalità fir-rigward tal-informazzjoni kummerċjalment sensittiva (278). Fiduċjarju huwa parti terza indipendenti li tipprovdi servizzi lill-impriża. Tim nadif jew fiduċjarju jista’ jintuża wkoll għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ forom oħrajn ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali, sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni pprovduta għall-finijiet ta’ tali kooperazzjoni tiġi skambjata esklużivament fuq il-bażi tal-ħtieġa ta’ għarfien u b’mod aggregat.

408.

Il-parteċipanti f’arranġament reċiproku ta’ kondiviżjoni tad-data bħal ġabra ta’ data fil-prinċipju għandu jkollhom aċċess biss għall-informazzjoni tagħhom stess u għall-informazzjoni finali, aggregata ta’ parteċipanti oħrajn. Miżuri tekniċi u prattiċi jistgħu jiżguraw li parteċipant ma jkunx jista’ jikseb informazzjoni kummerċjalment sensittiva minn parteċipanti oħrajn individwalment. Il-ġestjoni ta’ ġabra ta’ data tista’ tiġi assenjata lil fiduċjarju li jkun soġġett għal regoli stretti ta’ kunfidenzjalità fir-rigward tal-informazzjoni riċevuta mill-parteċipanti fil-ġabra ta’ data. L-impriżi li jimmaniġġjaw ġabra ta’ data għandhom jiżguraw ukoll li tinġabar biss informazzjoni li tkun neċessarja għall-implimentazzjoni tal-iskop leġittimu tal-ġabra ta’ data.

409.

L-impriżi jistgħu jieħdu aktar miżuri sabiex inaqqsu r-riskju li informazzjoni kummerċjalment sensittiva tiġi skambjata matul interazzjonijiet ma’ kompetituri (potenzjali). Qabel il-kuntatti ppjanati, l-impriżi għandhom jirrieżaminaw bir-reqqa l-aġenda u l-iskop tal-laqgħa jew tas-sejħa sabiex jiżguraw li r-riskji potenzjali li jikkonċernaw l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva jiġu identifikati minn qabel u li jittieħdu miżuri xierqa sabiex jiġu evitati. L-impriżi jistgħu jiddeċiedu wkoll li jattendu l-laqgħa(t) jew is-sejħa/sejħiet akkumpanjati minn avukat speċjalizzat fid-dritt tal-kompetizzjoni. Matul il-kuntatti, il-parteċipanti għandhom iżommu mal-aġenda u, jekk tiġi divulgata jew skambjata informazzjoni kummerċjalment sensittiva, għandhom iqajmu oġġezzjonijiet, jiżguraw li l-oġġezzjonijiet tagħhom jiġu rreġistrati fil-minuti tal-laqgħa jew tas-sejħa u li jitbiegħdu b’mod pubbliku jekk l-iskambju ta’ informazzjoni jseħħ minkejja l-oġġezzjonijiet tagħhom (ara l-paragrafu 410). L-iżgurar li jiġu prodotti u ċirkolati minuti akkurati ftit wara kull kuntatt jista’ jippermetti lill-impriżi jidentifikaw malajr jekk informazzjoni kummerċjalment sensittiva ġietx skambjata b’mod involontarju u jqajmu minnufih oġġezzjonijiet għall-minuti.

410.

Matul il-kuntatti, impriża tista’ titbiegħed pubblikament minn kwalunkwe skambju antikompetittiv ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva billi tagħmel l-oppożizzjoni tagħha ċara għall-parteċipanti l-oħrajn fl-iskambju. Sabiex jiġi stabbilit jekk impriża tkunx effettivament biegħdet lilha nnifisha, dak li huwa importanti huwa l-fehim li jkollhom il-parteċipanti l-oħrajn fl-iskambju rigward l-intenzjonijiet tal-impriża li titbiegħed. Pereżempju, impriża li tixtieq titbiegħed tista’ tiddikjara minnufih u b’mod espliċitu li ma tistax tipparteċipa f’diskussjonijiet dwar is-suġġett inkwistjoni u titlob li s-suġġett jinbidel minnufih. Jekk l-oġġezzjoni u t-talba jiġu injorati, l-impriża għandha immedjatament tħalli l-laqgħa jew it-telefonata b’mod li jagħmel ir-raġuni għat-tluq tagħha evidenti għal dawk kollha preżenti. L-impriżi għandhom jiżguraw li l-oġġezzjonijiet u t-tluq tagħhom jiġu rreġistrati fil-minuti kondiviżi tal-laqgħa jew, jekk ma jkun hemm l-ebda minuti bħal dawn, jirreġistraw it-tluq tagħhom fin-noti tal-kuntatt tagħhom stess.

411.

L-impriżi jistgħu jieħdu wkoll miżuri sabiex jillimitaw ir-riskji ta’ divulgazzjoni ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva fil-pubbliku (ara l-paragrafu 398). Qabel ma jiddivulgaw informazzjoni kummerċjalment sensittiva, l-impriżi jeħtiġilhom jivverifikaw jekk l-informazzjoni tabilħaqq isservix l-iskop leġittimu maħsub u jekk il-livell ta’ dettall tad-divulgazzjoni jkunx meħtieġ għal dak l-għan. Id-divulgazzjoni pubblika ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva dwar l-imġiba ppjanata fuq il-prezzijiet u fuq il-kwantitajiet tnaqqas l-inċertezza strateġika fis-suq u tista’ twassal għal eżitu kollużiv. L-informazzjoni aggregata u storika ġeneralment tkun anqas strateġika. Kwalunkwe informazzjoni strateġika mħabbra għandha tkun limitata wkoll għall-impriża nnifisha u ma għandhiex testendi għas-settur jew għall-industrija. B’mod partikolari, l-impriżi għandhom jevitaw avviżi pubbliċi dwar passi strateġiċi li jiddependu fuq l-azzjonijiet tal-kompetituri (potenzjali) tagħhom. Skont il-kuntest, l-impriżi li jiffaċċjaw tħabbiriet pubbliċi minn kompetituri li jiżvelaw informazzjoni kummerċjalment sensittiva jistgħu jnaqqsu r-riskju ta’ ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni billi jitbiegħdu pubblikament jew billi jirrapportaw it-tħabbiriet lill-awtoritajiet pubbliċi.

Pereżempju, tliet impriżi A, B u Ċ qegħdin jikkompetu f’ċertu suq tal-bejgħ bl-imnut, u qegħdin jiffaċċjaw kostijiet dejjem akbar. L-Impriża A ma għandhiex tagħmel dikjarazzjonijiet pubbliċi li jissuġġerixxu li dment li B u Ċ jgħaddu wkoll dawn il-kostijiet dejjem ogħla lill-konsumaturi, is-settur se jkompli jkun profittabbli. Lanqas ma għandha tħabbar li jkun ideali li B u Ċ jittrasferixxu dawn il-kostijiet. Bl-istess mod, A ma għandhiex tħabbar pubblikament li ma hijiex se tkun tista’ tevita li tittrasferixxi dawn il-kostijiet dejjem ogħla lill-konsumaturi peress li B u Ċ għandhom l-intenzjoni li jagħmlu l-istess.

6.2.5.   Karatteristiċi tas-suq

412.

Il-probabbiltà li skambju ta’ informazzjoni jirriżulta f’kollużjoni jew f’esklużjoni tiddependi mill-karatteristiċi tas-suq. L-iskambju ta’ informazzjoni nnifsu jista’ jaffettwa wkoll dawk il-karatteristiċi tas-suq. Il-karatteristiċi rilevanti tas-suq f’dan ir-rigward jinkludu, fost l-oħrajn, il-livell ta’ trasparenza f’suq, in-numru ta’ impriżi attivi fis-suq (konċentrazzjoni tas-suq), l-eżistenza ta’ ostakli għad-dħul, jekk il-prodott jew is-servizz ikkonċernat mill-iskambju jkunx omoġenju, jekk l-impriżi involuti jkunux simili (il-kumplessità tas-suq), kif ukoll l-istabbiltà tal-kundizzjonijiet tal-provvista u tad-domanda fis-suq (279).

Il-lista li ġejja ta’ karatteristiċi rilevanti tas-suq ma hijiex eżawrjenti, peress li karatteristiċi oħrajn tas-suq jistgħu jkunu rilevanti wkoll għall-valutazzjoni ta’ skambji ta’ informazzjoni partikolari.

Trasparenza: Aktar ma s-suq ikun trasparenti, anqas tkun l-inċertezza li fiha jista’ jkun hemm kompetizzjoni, u b’hekk aktar ikun problematiku li jsiru skambji ulterjuri (280).

Konċentrazzjoni tas-suq: Huwa aktar faċli li jintlaħaq fehim komuni dwar it-termini ta’ koordinazzjoni u li jiġu mmonitorjati d-devjazzjonijiet fi swieq li fihom ikunu preżenti biss ftit kompetituri. Meta suq ikun ikkonċentrat ħafna, l-iskambju ta’ ċerta informazzjoni jista’ jkun, b’mod partikolari skont it-tip ta’ informazzjoni skambjata, ta’ natura li tippermetti lill-impriżi jkunu jafu l-pożizzjoni fis-suq u l-istrateġija kummerċjali tal-kompetituri individwali tagħhom, u b’hekk ifixkel ir-rivalità fis-suq u jżid il-probabbiltà ta’ kollużjoni, jew saħansitra jiffaċilitaha. Min-naħa l-oħra, jekk suq ikun frammentat, l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-kompetituri jista’ jkun newtrali, jew saħansitra pożittiv, għan-natura kompetittiva tas-suq (281).

Ostakli għad-dħul: L-eżistenza ta’ ostakli għad-dħul tagħmilha aktar diffiċli għal dawk li minn barra jippruvaw jimminaw l-eżitu kollużiv billi jidħlu fis-suq u jwaqqgħu l-prezzijiet tal-operaturi stabbiliti f’kollużjoni fis-suq. Għalhekk, l-ostakli għad-dħul jagħmluha aktar probabbli li eżitu kollużiv fis-suq ikun fattibbli u sostenibbli.

Kumplessità tas-suq: Meta l-impriżi jkollhom kostijiet, klijenti, ishma mis-suq, medda ta’ prodotti, kapaċitajiet, eċċ., simili, aktar ikun probabbli li jilħqu ftehim komuni dwar it-termini tal-koordinazzjoni, għaliex l-inċentivi tagħhom ikunu aktar allinjati. B’mod simili, jista’ jkun aktar faċli li jinkiseb eżitu kollużiv fuq prezz għal prodott omoġenju wieħed milli fuq bosta prezzijiet f’suq b’ħafna prodotti differenzjati, anki jekk l-iżviluppi tekniċi, bħall-użu ta’ għodod għat-trekkjar tal-prezzijiet, jistgħu jiffaċilitaw ukoll il-kollużjoni fir-rigward ta’ prodotti differenzjati.

Stabbiltà tas-suq: L-eżiti kollużivi huma wkoll aktar probabbli meta l-kundizzjonijiet tal-provvista u tad-domanda fis-suq ikunu relattivament stabbli. Id-domanda volatili, it-tkabbir intern sostanzjali minn xi impriżi fis-suq, jew id-dħul frekwenti minn impriżi ġodda, jistgħu jindikaw li s-suq ma jkunx stabbli biżżejjed sabiex ikun probabbli li jkun hemm koordinazzjoni (282), jew jista’ jirrikjedi skambji aktar frekwenti sabiex ikollu effett fuq il-kompetizzjoni.

6.2.6.   Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan

413.

Kif stabbilit fit-Taqsima 1.2.4, xi ftehimiet jiżvelaw minnhom infushom u fid-dawl tal-kontenut tad-dispożizzjonijiet tagħhom, l-objettivi tagħhom u l-kuntest ekonomiku u legali li jagħmlu parti minnu, grad suffiċjenti ta’ ħsara għall-kompetizzjoni b’tali mod li ma jkunx neċessarju li jiġu vvalutati l-effetti tagħhom. B’mod partikolari, skambju ta’ informazzjoni jitqies bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan meta l-informazzjoni tkun kummerċjalment sensittiva u l-iskambju jkun kapaċi jneħħi l-inċertezza bejn il-parteċipanti fir-rigward taż-żmien, tal-firxa u tad-dettalji tal-modifiki li għandhom jiġu adottati mill-impriżi kkonċernati fl-imġiba tagħhom fis-suq (283). Meta tivvaluta jekk skambju jikkostitwixxix restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, il-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-kontenut tiegħu, lill-objettivi tiegħu u lill-kuntest legali u ekonomiku li fih isir l-iskambju ta’ informazzjoni (284). Fil-kuntest tal-valutazzjoni ta’ dak il-kuntest, huwa neċessarju li jitqiesu n-natura tal-oġġetti jew tas-servizzi affettwati kif ukoll il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq jew tas-swieq inkwistjoni (285).

414.

L-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-imġiba futura tal-impriżi fir-rigward tal-prezzijiet jew tal-kwantitajiet (286) għandu probabbiltà kbira li jwassal għal eżitu kollużiv. Skont l-objettivi li l-iskambju jfittex li jilħaq, u l-kuntest legali u ekonomiku tiegħu, l-iskambji ta’ tipi oħrajn ta’ informazzjoni jistgħu jikkostitwixxu wkoll restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġu vvalutati l-iskambji ta’ informazzjoni fuq bażi ta’ każ b’każ.

Skambji li f’każijiet individwali ġew ikkunsidrati bħala restrizzjonijiet minħabba l-għan - fid-dawl tal-kontenut tal-informazzjoni kondiviża, tal-objettivi segwiti u tal-kuntest legali u ekonomiku - jinkludu dawn li ġejjin:

(a)

L-iskambju mal-kompetituri tal-ipprezzar kurrenti u tal-intenzjonijiet futuri tal-ipprezzar ta’ impriża (287);

(b)

L-iskambju mal-kompetituri tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni kurrenti u futuri ta’ impriża (288);

(c)

L-iskambju mal-kompetituri ta’ strateġija kummerċjali kurrenti (289) jew futura ta’ impriża (290);

(d)

L-iskambju mal-kompetituri tal-previżjonijiet ta’ impriża relatati mad-domanda kurrenti u futura (291);

(e)

L-iskambju mal-kompetituri tal-previżjonijiet ta’ impriża ta’ data dwar il-bejgħ fil-futur (292);

(f)

L-iskambju ma’ kompetituri ta’ karatteristiċi ta’ prodotti futuri li huma rilevanti għall-konsumaturi (293);

F’dawn il-każijiet kollha, l-informazzjoni skambjata tqieset li kapaċi tneħħi l-inċertezza bejn il-parteċipanti rigward it-twaqqit, il-firxa u d-dettalji tal-modifiki li għandhom jiġu adottati mill-impriżi kkonċernati fl-imġiba tagħhom fis-suq.

415.

L-eżempji mogħtijin fil-paragrafu 414 juru li ma hija meħtieġa l-ebda konnessjoni diretta bejn l-informazzjoni skambjata u l-prezzijiet tal-konsumatur sabiex l-iskambju jikkostitwixxi restrizzjoni minħabba l-għan (294). Barra minn hekk, sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, il-kriterju deċiżiv huwa n-natura tal-kuntatti u mhux il-frekwenza tagħhom (295).

Pereżempju: grupp ta’ kompetituri huma mħassbin li l-prodotti tagħhom jistgħu jkunu soġġetti għal regolamenti ambjentali dejjem aktar stretti. Fil-kuntest ta’ sforzi komuni ta’ lobbjar, huma jiltaqgħu u jiskambjaw il-fehmiet tagħhom regolarment. Sabiex jilħqu pożizzjoni komuni dwar proposti leġiżlattivi futuri, huma jiskambjaw ċerta informazzjoni relatata mal-karatteristiċi ambjentali tal-prodotti eżistenti tagħhom. Sakemm din l-informazzjoni tkun storika u ma tippermettix lill-impriżi jsiru konxji tal-istrateġiji tas-suq maħsubin tal-kompetituri tagħhom, l-iskambju ma jikkostitwixxxi restrizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1).

Madankollu, jekk l-impriżi jibdew jiskambjaw informazzjoni dwar l-iżvilupp tagħhom ta’ prodotti kurrenti jew futuri, jew jiżvelaw kif kieku jirreaġixxu għall-imġiba ta’ xulxin, hemm riskju li tali skambji jistgħu jinfluwenzaw l-imġiba tagħhom fis-suq. Pereżempju, skambju bħal dan jista’ jwassal sabiex il-kompetituri jilħqu qbil komuni sabiex ma jikkummerċjalizzawx prodotti li jkunu aktar ekoloġiċi milli teħtieġ il-liġi. Koordinazzjoni bħal din taffettwa l-imġiba tal-partijiet fis-suq u tillimita l-kompetizzjoni fuq il-karatteristiċi tal-prodott u l-għażla tal-konsumatur. Għalhekk, din se titqies bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni skont l-għan.

416.

Skont il-kuntest legali u ekonomiku u skont l-objettivi li impriża tfittex li tilħaq, divulgazzjoni pubblika li tindika l-intenzjonijiet futuri tal-impriża dwar il-parametri ewlenin tal-kompetizzjoni, pereżempju, il-prezzijiet jew il-kwantitajiet, tista’ titqies ukoll bħala restrizzjoni minħabba l-għan. B’mod simili, divulgazzjoni pubblika li ma tibbenefikax b’mod ċar lill-klijenti iżda tindika lill-kompetituri kif għandhom jaġixxu, jew il-konsegwenzi ta’ azzjoni jew ta’ nuqqas li jieħdu azzjoni b’ċertu mod, jew kif l-impriża se tirreaġixxi għall-imġiba tal-kompetituri, titqies bħala restrizzjoni minħabba l-għan.

417.

Meta skambju ta’ informazzjoni jikkostitwixxi ftehim jew prattika miftiehma bejn żewġ kompetituri jew aktar immirati lejn il-koordinazzjoni tal-imġiba kompetittiva tagħhom fis-suq jew sabiex jinfluwenzaw il-parametri rilevanti tal-kompetizzjoni, dan jista’ jitqies bħala kartell. Dan huwa partikolarment il-każ meta l-iskambju jkun jikkonċerna l-iffissar jew il-koordinazzjoni tal-prezzijiet tax-xiri jew tal-bejgħ jew kundizzjonijiet kummerċjali oħrajn, inkluż fir-rigward tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, tal-allokazzjoni tal-kwoti tal-produzzjoni jew tal-bejgħ, tal-kondiviżjoni tas-swieq u tal-klijenti, inkluż l-immanuvrar tal-offerti, ir-restrizzjonijiet tal-importazzjonijiet jew tal-esportazzjonijiet jew azzjonijiet antikompetittivi kontra kompetituri oħrajn. Skambji ta’ informazzjoni li jikkostitwixxu kartelli mhux biss jirrestrinġu l-kompetizzjoni minħabba l-għan skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1), iżda, barra minn hekk, huwa improbabbli ħafna li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3). L-iskambju ta’ informazzjoni jista’ jiffaċilita wkoll l-implimentazzjoni ta’ kartell billi jippermetti lill-impriżi jimmonitorjaw jekk il-parteċipanti jkunux qegħdin jikkonformaw mat-termini miftehmin. Dawk it-tipi ta’ skambji ta’ informazzjoni se jiġu vvalutati bħala parti mill-kartell.

418.

L-arranġamenti għall-kondiviżjoni tad-data li għalihom il-kompetituri differenti jikkontribwixxu d-data b’mod ġenerali ma jikkostitwixxux restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan jekk jiġi stabbilit li jkollhom effetti prokompetittivi ġenwini li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 419.

Pereżempju, ġabra ta’ data li fiha tiġi skambjata (parzjalment) data kummerċjalment sensittiva li tindirizza l-asimmetrija tal-informazzjoni f’suq mhux konċentrat u li tirriżulta f’benefiċċji għall-konsumaturi x’aktarx li ma titqiesx bħala restrizzjoni minħabba l-għan jekk il-parteċipanti jiżguraw li kwalunkwe data kummerċjalment sensittiva li jiskambjaw mill-ġabra tkun neċessarja u proporzjonata sabiex jintlaħaq l-għan prokompetittiv. Il-parteċipanti jistgħu, pereżempju, jibbażaw kemm jista’ jkun fuq data aggregata u storika; inaqqsu l-frekwenza tal-iskambju, u jimplimentaw miżuri sabiex jirristrinġu l-aċċess għall-informazzjoni skambjata u/jew sabiex jikkontrollaw kif tintuża. Il-parteċipanti għandhom jiżguraw li l-arranġament jiġi stabbilit b’mod trasparenti.

419.

Fl-aħħar nett, il-valutazzjoni ta’ jekk skambju ta’ informazzjoni jikkostitwixxix restrizzjoni minħabba l-għan għandha tqis kwalunkwe argument imressaq mill-partijiet li l-iskambju huwa prokompetittiv. F’dak ir-rigward, is-sempliċi eżistenza ta’ effetti prokompetittivi bħal dawn ma tistax bħala tali li tipprekludi l-karatterizzazzjoni tal-iskambju bħala restrizzjoni minħabba l-għan. Tali effetti prokompetittivi jridu jintwerew, ikunu rilevanti, speċifikament relatati mal-iskambju ta’ informazzjoni kkonċernat u sinifikanti biżżejjed sabiex jiġġustifikaw dubju raġonevoli dwar jekk l-iskambju jikkawżax grad suffiċjenti ta’ ħsara lill-kompetizzjoni (296). Jekk dawn il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfati, tkun meħtieġa valutazzjoni sħiħa tal-effetti tal-iskambju ta’ informazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk dan jikkostitwixxix restrizzjoni tal-kompetizzjoni b’effett (ara t-Taqsima 6.2.7).

6.2.7.   Restrizzjoni tal-kompetizzjoni b’effett

420.

Skambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva li fih innifsu ma jikxifx grad suffiċjenti ta’ ħsara lill-kompetizzjoni fid-dawl tal-kontenut tiegħu, tal-objettivi tiegħu u tal-kuntest ekonomiku u legali li jifforma parti minnu, xorta jista’ jkollu effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni (297).

421.

Kif indikat fit-Taqsima 1.2.5, dawn l-effetti fuq il-kompetizzjoni jridu jiġu analizzati fuq bażi ta’ każ b’każ, billi l-eżitu tal-valutazzjoni jiddependi minn taħlita ta’ fatturi varji speċifiċi għall-każ. F’din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni tqabbel l-effetti attwali jew potenzjali tal-iskambju ta’ informazzjoni fuq is-suq mas-sitwazzjoni li kieku sseħħ fin-nuqqas ta’ dak l-iskambju ta’ informazzjoni speċifiku (298). Sabiex skambju ta’ informazzjoni jkollu effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1), irid ikun probabbli li jkollu impatt avvers sinifikanti fuq l-operat tas-suq inkwistjoni, billi jaffettwa wieħed (jew aktar) mill-parametri tal-kompetizzjoni fis-suq, inklużi, pereżempju, il-prezz, l-output, il-kwalità tal-prodotti, il-varjetà tal-prodotti jew l-innovazzjoni.

422.

Għall-valutazzjoni tal-effetti restrittivi possibbli, in-natura tal-informazzjoni li tiġi skambjata (ara t-Taqsima 6.2.3), il-karatteristiċi tal-iskambju (ara t-Taqsima 6.2.4) u l-karatteristiċi tas-suq (ara t-Taqsima 6.2.5) huma rilevanti (299).

423.

Sabiex ikun probabbli li skambju ta’ informazzjoni jkollu effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni, l-impriżi involuti fl-iskambju jeħtiġilhom ikopru sehem kbir biżżejjed mis-suq rilevanti (300). Inkella, il-kompetituri li ma jipparteċipawx fl-iskambju jistgħu jirrestrinġu kwalunkwe mġiba antikompettiva mill-impriżi involuti. Dak li jikkostitwixxi “sehem kbir biżżejjed mis-suq” ma jistax jiġi ddefinit b’mod astratt u jiddependi mill-fatti speċifiċi ta’ kull każ, mill-istruttura tas-suq u mit-tip ta’ skambju inkwistjoni (301).

424.

Skambju ta’ informazzjoni li jikkontribwixxi ftit li xejn għat-trasparenza fis-suq huwa anqas probabbli li jkollu effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni minn skambju ta’ informazzjoni li jżid b’mod sinifikanti t-trasparenza. Għalhekk, hija t-taħlita kemm tal-livell ta’ trasparenza li kien jeżisti qabel u kif l-iskambju ta’ informazzjoni jbiddel dak il-livell li tiddetermina kemm ikun probabbli li l-iskambju ta’ informazzjoni jkollu effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni. L-iskambji ta’ informazzjoni f’oligopolji stretti huma aktar probabbli li jikkawżaw effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni, filwaqt li l-iskambji jkunu improbabbli li jikkawżaw effetti restrittivi bħal dawn fi swieq frammentati ħafna.

6.3.   Valutazzjoni skont l-Artikolu 101(3)

6.3.1.   Titjib fl-effiċjenza (302)

425.

Skambju ta’ informazzjoni jista’ jwassal għal titjib fl-effiċjenza, skont in-natura tal-informazzjoni skambjata, il-karatteristiċi tal-iskambju u l-istruttura tas-suq. Fil-kuntest tal-valutazzjoni skont l-Artikolu 101(3), jitqies kwalunkwe effett prokompetittiv li jirriżulta minn skambju ta’ informazzjoni.

Eżempji ta’ effiċjenzi li jistgħu jitqiesu jinkludu:

L-impriżi jistgħu jsiru aktar effiċjenti billi jqabblu l-prestazzjoni tagħhom mal-aħjar prattiki fl-industrija.

Skambju ta’ informazzjoni jista’ jikkontribwixxi għal suq reżiljenti billi jippermetti lill-impriżi jwieġbu aktar malajr għall-bidliet fil-provvista u fid-domanda u jippermettilhom itaffu r-riskji interni u esterni tat-tfixkil jew tal-vulnerabbiltajiet tal-katina tal-provvista.

Skambju ta’ informazzjoni jista’ jkun ta’ benefiċċju kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-impriżi billi jippermettilhom iqabblu l-prezz jew il-kwalità tal-prodotti, pereżempju permezz tal-pubblikazzjoni ta’ listi ta’ x’jinbiegħ l-aktar jew ta’ data ta’ tqabbil tal-prezzijiet. B’hekk, jista’ jgħin lill-konsumaturi u lill-impriżi jagħmlu għażliet aktar infurmati (u jnaqqas il-kostijiet tat-tiftix tagħhom).

Skambju ta’ informazzjoni fil-forma ta’ kondiviżjoni tad-data jista’ jkun essenzjali għall-iżvilupp ta’ prodotti, ta’ servizzi u ta’ teknoloġiji ġodda.

Il-ġbir flimkien tad-data dwar il-produtturi li jipprovdu prodotti sostenibbli jew produtturi li jużaw proċessi ta’ produzzjoni sostenibbli jista’ jgħin lill-impriżi jissodisfaw l-obbligi ta’ sostenibbiltà tagħhom skont id-dritt tal-UE jew nazzjonali.

Skambji ta’ informazzjoni dwar il-konsumaturi bejn impriżi li jipprovdu servizzi tal-assigurazzjoni lill-konsumaturi jistgħu jtejbu l-għarfien tar-riskji u jiffaċilitaw il-klassifikazzjoni tar-riskji minn kumpaniji individwali. Dan jista’ min-naħa tiegħu jkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi billi jippermettilhom jaċċessaw servizzi tal-assigurazzjoni li ma kinux ikunu disponibbli mingħajr profil tar-riskju komprensiv.

Il-kondiviżjoni tad-data bejn is-swieq tal-kummerċ elettroniku dwar il-bejjiegħa online li jinvolvu rwieħhom fi prattiki illegali bħall-bejgħ ta’ prodotti ffalsifikati tista’ tiffaċilita l-identifikazzjoni ta’ prodotti ffalsifikati minn swieq individwali, u b’hekk tipproteġi lill-konsumaturi milli jixtru prodotti bħal dawn.

Skambju ta’ informazzjoni jista’ jnaqqas wkoll l-intrappolament tal-konsumaturi, u b’hekk iwassal għal kompetizzjoni aktar b’saħħitha. Dan għaliex l-informazzjoni ġeneralment tkun speċifika għal relazzjoni u l-konsumaturi altrimenti jitilfu l-benefiċċju tal-informazzjoni maħluq fir-relazzjoni tagħhom ma’ fornitur meta jaqilbu għal fornitur ieħor.

6.3.2.   Indispensabbiltà

426.

Restrizzjonijiet li jmorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għat-titjib fl-effiċjenza ġġenerat minn skambju ta’ informazzjoni ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3). Sabiex jissodisfaw il-kundizzjoni ta’ indispensabbiltà, il-partijiet jeħtiġilhom ikunu jistgħu jagħtu prova li n-natura tal-informazzjoni skambjata u l-karatteristiċi tal-iskambju jkunu l-anqas mezzi restrittivi sabiex jiġġeneraw it-titjib fl-effiċjenza asserit. B’mod partikolari, l-iskambju ma għandux jinvolvi informazzjoni li tmur lil hinn mill-varjabbli li huma rilevanti għall-kisba tat-titjib fl-effiċjenza.

Pereżempju, għall-fini ta’ valutazzjoni komparattiva, skambju ta’ data individwalizzata ġeneralment ma jkunx indispensabbli, minħabba li l-informazzjoni aggregata (pereżempju, f’xi forma ta’ klassifikazzjoni tal-industrija) tista’ wkoll tiġġenera t-titjib fl-effiċjenza ddikjarat, filwaqt li jkollha riskju aktar baxx li twassal għal eżitu kollużiv.

6.3.3.   Trasferiment lill-konsumaturi

427.

It-titjib fl-effiċjenza miksub permezz ta’ restrizzjonijiet indispensabbli jrid jingħadda lill-konsumatur sa punt li jisboq l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni kkawżati minn skambju ta’ informazzjoni. Aktar ma tkun baxxa s-saħħa fis-suq tal-impriżi involuti fl-iskambju ta’ informazzjoni, aktar ikun probabbli li t-titjib fl-effiċjenza jingħadda lill-konsumaturi sa punt li jisboq l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni.

6.3.4.   L-ebda eliminazzjoni tal-kompetizzjoni

428.

Il-kriterji tal-Artikolu 101(3) ma jistgħux jiġu sodisfatti jekk l-impriżi involuti fl-iskambju ta’ informazzjoni jingħataw il-possibbiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ parti sostanzjali tal-prodotti konċernati.

6.4.   Eżempji, passi ta’ awtovalutazzjoni u tabella li tiggwida dwar ir-responsabbiltà f’kuntesti differenti

429.

Valutazzjoni komparattiva

Eżempju 1

Sitwazzjoni: Tliet kumpaniji kbar b’sehem mis-suq kombinat ta’ 80 % f’suq stabbli, mhux kumpless (303) u konċentrat, b’ostakli għoljin għad-dħul, frekwentement jiskambjaw informazzjoni mhux pubblika direttament bejniethom dwar sehem sostanzjali mill-kostijiet varjabbli individwali tagħhom. L-impriżi jasserixxu li jagħmlu dan sabiex jiffissaw parametru referenzjarju għall-prestazzjoni tagħhom kontra l-kompetituri tagħhom sabiex b’hekk isiru aktar effiċjenti.

Analiżi: L-informazzjoni dwar il-kostijiet tista’ tkun kummerċjalment sensittiva u permezz tal-iskambju l-partijiet jistgħu jneħħu jew inaqqsu l-inċertezza bejniethom fir-rigward tat-twaqqit, tal-firxa u tad-dettalji tal-modifiki li għandhom jiġu adottati fl-imġiba tagħhom fis-suq. Għalhekk, skont valutazzjoni tal-kontenut, tal-objettivi u tal-kuntest legali u ekonomiku tiegħu, dan l-iskambju jista’ jikkostitwixxi ksur minħabba l-għan. Fir-rigward tal-affermazzjoni tal-partijiet li l-iskambju ta’ informazzjoni għandu għan prokompetittiv, tali effetti prokompetittivi jridu jintwerew, iridu jkunu rilevanti, speċifikament relatati mal-iskambju tal-informazzjoni kkonċernata u sinifikanti biżżejjed biex jiġġustifikaw dubju raġonevoli dwar jekk l-iskambju jikkawżax livell suffiċjenti ta’ ħsara għall-kompetizzjoni.

Jekk l-informazzjoni skambjata fiha nnifisha ma tiżvela l-ebda grad suffiċjenti ta’ ħsara għall-kompetizzjoni minħabba li ma teliminax l-inċertezza dwar l-imġiba individwali tal-parteċipanti fis-suq, l-effetti tagħha fuq is-suq jeħtieġ li jiġu vvalutati. Minħabba l-istruttura tas-suq, is-sehem kbir tas-suq li għandhom il-parteċipanti fl-iskambju ta’ informazzjoni, il-fatt li l-informazzjoni skambjata tirrigwarda proporzjon kbir tal-kostijiet varjabbli tal-impriżi, u, b’mod partikolari, jekk id-data tiġi skambjata f’forma individwalizzata, l-iskambju ta’ informazzjoni x’aktarx li jiffaċilita riżultat kollużiv. Għalhekk, jista’ jwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1). Huwa improbabbli li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) jiġu ssodisfati għaliex hemm mezzi anqas restrittivi għall-ilħuq tat-titjib fl-effiċjenza asserit, pereżempju bl-użu ta’ parti terza biex tiġbor, tagħmel l-anonimizzazzjoni u taggrega d-data f’xi forma ta’ klassifikazzjoni tal-industrija. Fl-aħħar nett, f’dan il-każ, minħabba li l-partijiet jifformaw oligopolju strett ħafna, mhux kumpless u stabbli, anki l-iskambju ta’ data aggregata jista’ jiffaċilita eżitu kollużiv fis-suq.

430.

Arranġament dwar il-kondiviżjoni tad-data sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ provvista

Eżempju 2

Sitwazzjoni: Diversi produtturi ta’ prodotti mediċi essenzjali huma attivi f’suq li ta’ spiss jiġi affettwat minn nuqqas ta’ provvista. Sabiex ittejjeb il-provvista u żżid il-produzzjoni bl-aktar mod effettiv u espedjenti, l-assoċjazzjoni tal-industrija tipproponi li tiġbor u timmudella d-data dwar id-domanda u l-provvista għall-prodotti essenzjali kkonċernati. Barra minn hekk, l-assoċjazzjoni tiġbor data sabiex tidentifika l-kapaċità tal-produzzjoni, l-istokkijiet eżistenti u l-potenzjal li tiġi ottimizzata l-katina tal-provvista. L-assoċjazzjoni taqsam ir-riżultati tal-ġbir u tal-immudellar tad-data tagħha mal-membri tagħha permezz ta’ kanali mhux pubbliċi.

Analiżi: L-arranġament dwar il-kondiviżjoni tad-data għandu skop prokompetittiv u, skont valutazzjoni tal-kuntest legali u ekonomiku, fil-prinċipju ma jikkostitwixxix restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Konsegwentement, jeħtieġ li jiġu vvalutati l-effetti tiegħu fuq is-suq. Peress li d-data miġbura hija kummerċjalment sensittiva, l-iskambju jista’ jkollu l-effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni bejn il-produtturi parteċipanti. Barra minn hekk, il-produtturi li ma humiex membri tal-assoċjazzjoni tal-industrija jistgħu jitqiegħdu fi żvantaġġ kompetittiv, meta mqabblin mal-impriżi li jipparteċipaw fis-sistema ta’ skambju. Sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ kollużjoni, jistgħu jittieħdu diversi miżuri. Pereżempju, tista’ titqabbad ditta ta’ konsulenza sabiex tassisti lill-assoċjazzjoni fil-ġbir tad-data u fl-aggregazzjoni tagħha f’mudell, soġġetta għal ftehimiet ta’ nondivulgazzjoni konklużi ma’ kull produttur. Id-data aggregata tista’ tiġi pprovduta lura lill-produtturi bl-għan li jerġgħu jiġu riekwilibrati u adattati l-użu tal-kapaċità, il-produzzjoni u l-provvista individwali tagħhom.

Jekk ikun assolutament neċessarju għall-produtturi li jiskambjaw informazzjoni kummerċjalment sensittiva addizzjonali (lil hinn mid-data li tinġabar u tiġi kondiviża f’forma aggregata mill-assoċjazzjoni tal-industrija u mill-konsulenza), (pereżempju, sabiex jidentifikaw b’mod konġunt fejn l-aħjar li jaqilbu l-produzzjoni jew iżidu l-kapaċità), dawn l-iskambji addizzjonali jkollhom ikunu strettament limitati għal dak li jkun indispensabbli sabiex jintlaħqu l-għanijiet b’mod effettiv. Kwalunkwe informazzjoni u skambju relatati mal-proġett ikollhom jiġu ddokumentati sew sabiex tiġi żgurata t-trasparenza tal-interazzjonijiet. Il-parteċipanti jkollhom jimpenjaw irwieħhom sabiex jevitaw kwalunkwe diskussjoni dwar il-prezzijiet jew kwalunkwe koordinazzjoni dwar parametri oħrajn li ma jkunux strettament neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet prokompetittivi ddikjarati. Il-proġett għandu jkun limitat fiż-żmien ukoll, sabiex l-iskambji jieqfu immedjatament ladarba r-riskju ta’ nuqqas ta’ provvista ma jibqax theddida urġenti biżżejjed sabiex jiġġustifika l-kooperazzjoni. Huwa biss il-konsulent li jirċievi d-data kummerċjalment sensittiva u li jiġi inkarigat bl-aggregazzjoni tagħha. It-tħassib dwar l-esklużjoni jista’ jittaffa jekk l-arranġament dwar il-kondiviżjoni tad-data jsir aċċessibbli għal kull manifattur li jipproduċi l-prodott rilevanti, irrispettivament minn jekk dan ikunx membru tal-assoċjazzjoni rilevanti tal-industrija.

431.

L-użu ta’ tħabbiriet pubbliċi

Eżempju 3

Sitwazzjoni: Erba’ fornituri b’sehem mis-suq ikkombinat ta’ 70 % spiss iħabbru l-prezzijiet futuri pubblikament billi jpoġġuhom fuq is-siti web tagħhom u joħorġu dikjarazzjonijiet tal-istampa relatati. Tipikament ikun hemm intervall ta’ diversi xhur bejn id-data tat-tħabbira tal-prezz u d-data li fiha l-prezzijiet imħabbra jkunu disponibbli għall-klijenti biex jagħmlu l-ordnijiet. Il-fornituri spiss jirrevedu l-prezzijiet imħabbrin matul dak l-intervall. L-eżekuttivi tal-fornituri regolarment jagħmlu kummenti pubbliċi dwar id-dikjarazzjonijiet tal-prezzijiet tal-kompetituri tagħhom, u jispjegaw kif il-kompetituri għandhom jirrevedu l-prezzijiet tagħhom. Il-fornituri jasserixxu li jagħmlu dan sabiex jinformaw lill-investituri dwar il-prestazzjoni futura tal-kumpanija tagħhom.

Analiżi: Informazzjoni dwar l-imġiba futura tal-impriża fir-rigward tal-prezzijiet jew tal-kwantitajiet hija partikolarment probabbli li twassal għal eżitu kollużiv. L-informazzjoni mħabbra fil-pubbliku hija kummerċjalment sensittiva u, flimkien mal-kummenti tal-eżekuttivi, l-iskambju kapaċi jneħħi l-inċertezza bejn il-parteċipanti fir-rigward tal-intenzjonijiet futuri tal-ipprezzar. Dan it-tip ta’ komunikazzjoni pubblika x’aktarx ma jkunx ta’ benefiċċju għall-klijenti, pereżempju billi jippermettilhom jieħdu deċiżjonijiet informati dwar ix-xiri, peress li l-prezzijiet imħabbrin spiss jinbidlu qabel id-data li fiha jidħlu fis-seħħ. Għalhekk, id-dikjarazzjonijiet tal-prezzijiet ma jidhrux li huma tentattiv leġittimu sabiex jiġu informati l-klijenti. Barra minn hekk, il-kummenti pubbliċi tal-eżekuttivi dwar il-prezzijiet tal-fornituri rivali jistgħu jippermettu lill-fornituri parteċipanti jiżviluppaw fehim reċiproku ta’ skema ta’ premju-piena li hija karatteristika ta’ ftehimiet kollużivi. Skont l-elementi l-oħrajn tal-kuntest ekonomiku u legali, l-iskambju jidher li jista’ jneħħi l-inċertezza bejn il-parteċipanti fir-rigward tat-twaqqit, tal-firxa u tad-dettalji tal-modifiki li għandhom jiġu adottati mill-impriżi kkonċernati fl-imġiba tagħhom fis-suq. Għalhekk, l-iskambju x’aktarx jitqies bħala restrizzjoni minħabba l-għan.

432.

Tħabbiriet pubbliċi unilaterali

Eżempju 4

Sitwazzjoni: Is-CEO ta’ produttur ewlieni ta’ prodott omoġenju tirreferi pubblikament f’laqgħa dwar ir-riżultati finanzjarji għall-ħtieġa li jkun hemm rispons għaż-żidiet riċenti fil-prezzijiet tal-materja prima u li jiġu indirizzati l-marġnijiet kurrenti ta’ profitt baxxi wisq permezz ta’ żieda fil-prezzijiet għall-industrija kollha. Hija ssemmi li tallinja ma’ kwalunkwe żieda fil-prezz li l-kompetituri jħabbru fis-suq. Tesprimi wkoll it-twemmin tagħha li l-industrija hija “dixxiplinata biżżejjed” sabiex tkun taf x’għandha bżonn bħalissa sabiex “terġa’ tirranġa l-marġnijiet”. Hija tgħid li wara kollox, l-industrija implimentat żidiet fil-prezzijiet b’suċċess 10 snin ilu, meta sabet ruħha f’sitwazzjoni simili.

Analiżi: Id-dikjarazzjonijiet tas-CEO fil-laqgħa dwar ir-riżultati finanzjarji jistgħu jinqraw bħala stedina unilaterali għall-kollużjoni. Il-fatt li t-tħabbira sseħħ fil-pubbliku ma jeskludix bħala tali li tista’ tikkostitwixxi prattika miftiehma skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1). Id-dikjarazzjonijiet jistgħu jipprovdu punt fokali potenzjali għall-koordinazzjoni bejn il-kompetituri. Jekk, pereżempju, kompetituri oħrajn jagħmlu dikjarazzjonijiet kontemporanji jew iġibu ruħhom fis-suq li juru li jkunu ħadu l-istedina sabiex jikkolludu meta jiddeterminaw l-azzjoni futura tagħhom stess fis-suq, u, skont il-kuntest legali u ekonomiku, l-imġiba tista’ tammonta għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1). Kompetituri oħra jistgħu jillimitaw dan ir-riskju billi jitbiegħdu pubblikament mit-tħabbir jew billi jirrapportaw it-tħabbir lill-awtoritajiet pubbliċi.

433.

Kondiviżjoni tad-data għall-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni

Eżempju 5

Sitwazzjoni: Sidt marka tidentifika diversi kontijiet ta’ pjattaformi tal-media soċjali li għandhom isem simili għal dak tal-marka tagħha. Meta sidt il-marka tivverifika l-kontijiet rispettivi, tistabbilixxi li l-prodotti ffalsifikati qegħdin jinbiegħu bil-marka tagħha kemm fuq il-pjattaformi tal-media soċjali kif ukoll permezz ta’ link ta’ ridirezzjoni għal sit web falz. Imbagħad, ir-rappreżentanti legali ta’ sidt il-marka jikkuntattjaw waħda mill-pjattaformi tal-media soċjali sabiex (i) jiġi eliminat il-kont u l-utent jiġi blokkat milli joħloq kontijiet ġodda fil-futur, u (ii) il-pjattaforma tiġi pprovduta b’informazzjoni sabiex tidentifika l-falsifikatur bl-għan li tinbeda azzjoni legali, bħall-isem, l-indirizz, l-indirizz tal-IP, l-indirizz tal-posta elettronika, eċċ. Imbagħad, sidt il-marka titlob lill-pjattaformi tal-media soċjali jaqsmu din l-informazzjoni ma’ intermedjarji u ma’ pjattaformi oħrajn sabiex tiġi evitata l-għażla ta’ pjattaformi differenti bl-għan ta’ promozzjoni jew ta’ bejgħ ta’ oġġetti prodotti mmanifatturati illegalment li jiksru d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

Analiżi: L-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-pjattaformi tal-media soċjali huwa maħsub sabiex jipprevjeni l-bejgħ ta’ prodotti ffalsifikati u, minħabba dan l-objettiv, ma jikkostitwixxix restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-objettiv. Barra minn hekk, fir-rigward tal-kontenut tal-iskambju, l-informazzjoni skambjata x’aktarx li ma tikkostitwixxix informazzjoni kummerċjalment sensittiva. Kwalunkwe skambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva jkollu jkun limitat għal dak li jkun oġġettivament neċessarju sabiex il-falsifikazzjoni tiġi identifikata b’mod effettiv. Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza, l-iskambji għandhom jiġu ddokumentati.

Atturi oħrajn fis-suq li ma jiġux affettwati direttament mill-attività ta’ falsifikazzjoni ma jkunux fi żvantaġġ kompetittiv bħala riżultat tal-iskambju ta’ informazzjoni, peress li l-prevenzjoni ta’ bejgħ iffalsifikat ma taffettwahomx. Madankollu, sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ kollużjoni, jistgħu jittieħdu diversi miżuri bħall-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ nondivulgazzjoni bejn il-partijiet.

434.

Stadji ta’ awtovalutazzjoni

Image 4

435.

Ir-responsabbiltà għall-iskambji ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva f’kuntesti differenti (304).

Format tal-iskambju

Responsabbiltà ta’ A

Responsabbiltà ta’ B

Responsabbiltà ta’ Ċ

Skambju dirett bejn A u B

Iva

Iva

Skambju dirett minn A għal B

Iva (305)

Jekk B tibqa’ attiva fis-suq, l-awtoritajiet jistgħu jiddependu fuq il-preżunzjoni li B tqis l-informazzjoni sakemm B ma titbegħedx pubblikament jew tirrapportaha lill-awtoritajiet

Divulgazzjoni pubblika minn A; B tirċiviha

Iva, jekk id-divulgazzjoni tikkostitwixxi prattika miftiehma

Possibbilment prattika miftiehma jekk l-awtoritajiet ikunu jistgħu juru li B talbet l-informazzjoni jew aċċettatha.

L-awtoritajiet jistgħu jibbażaw fuq preżunzjoni li B tqisha sakemm B ma titbegħedx pubblikament jew tirrapporta d-divulgazzjoni lill-awtoritajiet

Skambju indirett minn A permezz ta’ Ċ għal B

A tkun responsabbli jekk tkun tat il-kunsens espliċitu jew taċitu tagħha lil Ċ sabiex tiddivulga l-informazzjoni lil B, jew kienet taf b’dan u kienet lesta li taċċetta r-riskju

B tkun responsabbli jekk tkun talbet jew aċċettat l-informazzjoni u aġixxiet fuqha. L-awtoritajiet jistgħu jibbażaw fuq preżunzjoni li B tqisha sakemm B ma titbegħedx pubblikament jew tirrapporta d-divulgazzjoni lill-awtoritajiet

Ċ tkun responsabbli bħala faċilitatur jekk kienet konxja mill-objettivi antikompetittivi ta’ A u kellha l-intenzjoni li tikkontribwixxi għal dawk l-objettivi

7.   FTEHIMIET TA’ STANDARDIZZAZZJONI

7.1.   Introduzzjoni

436.

Ftehimiet ta’ standardizzazzjoni għandhom bħala l-objettiv primarju tagħhom id-definizzjoni tar-rekwiżiti tekniċi jew ta’ kwalità li magħhom jistgħu jikkonformaw prodotti, proċessi tal-poroduzzjoni, proċessi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista, servizzi jew metodi ta’ produzzjoni kurrenti jew futuri (306). Il-ftehimiet ta’ standardizzazzjoni jistgħu jkopru diversi suġġetti, bħall-istandardizzazzjoni ta’ gradi jew daqsijiet differenti ta’ prodott partikolari jew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi fis-swieq tal-prodotti jew tas-servizzi fejn il-kompatibbiltà u l-interoperabbiltà ma’ prodotti jew servizzi oħrajn huma essenzjali. It-termini ta’ aċċess għal marka tal-kwalità partikolari jew għall-approvazzjoni minn korp regolatorju jistgħu jitqiesu wkoll bħala standard, kif ukoll ftehimiet li jistabbilixxu standards ta’ sostenibbiltà. Filwaqt li l-istandards ta’ sostenibbiltà għandhom similaritajiet mal-ftehimiet ta’ standardizzazzjoni indirizzati f’dan il-Kapitolu, għandhom ukoll ċerti karatteristiċi speċjali. Għalhekk, fil-Kapitolu 9 hija pprovduta gwida dwar l-istandards tas-sostenibbiltà.

437.

It-tħejjija u l-produzzjoni ta’ standards tekniċi bħala parti mill-eżekuzzjoni tas-setgħat pubbliċi ma humiex koperti minn dawn il-Linji Gwida (307). L-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni rikonoxxuti skont ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (308) huma soġġetti għad-dritt tal-kompetizzjoni sal-punt li jistgħu jitqiesu bħala impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi skont it-tifsira tal-Artikoli 101 u 102 (309). Standards relatati mal-provvista ta’ servizzi professjonali, bħar-regoli ta’ ammissjoni għal professjoni liberali, ma humiex koperti minn dawn il-Linji Gwida.

7.2.   Swieq rilevanti

438.

Il-ftehimiet ta’ standardizzazzjoni jistgħu jipproduċu effetti fuq erba’ swieq possibbli, li għandhom jiġu definiti skont l-Avviż dwar id-Definizzjoni tas-Suq. L-ewwel nett, l-iżvilupp ta’ standards jista’ jkollu impatt fuq is-swieq tal-oġġetti jew tas-servizzi li magħhom ikun relatat l-istandard. It-tieni, meta l-iżvilupp ta’ standards jinvolvi l-iżvilupp jew l-għażla tat-teknoloġija jew meta d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jiġu kkummerċjalizzati separatament mill-prodotti li magħhom ikunu relatati, l-istandard jista’ jkollu effetti fuq is-suq tat-teknoloġija rilevanti (310). It-tielet, is-suq għall-iżvilupp ta’ standards jista’ jiġi affettwat jekk ikun hemm diversi korpi ta’ żvilupp ta’ standards jew ftehimiet ta’ standardizzazzjoni. Ir-raba’, fejn ikun rilevanti, suq distint għall-ittestjar u ċ-ċertifikazzjoni jista’ jiġi affettwat mill-iżvilupp ta’ standards.

7.3.   Valutazzjoni skont l-Artikolu 101(1)

7.3.1.   Tħassib ewlieni dwar il-kompetizzjoni

439.

Il-ftehimiet ta’ standardizzazzjoni ġeneralment jipproduċu effetti ekonomiċi pożittivi sinifikanti (311), pereżempju billi jippromwovu interpenetrazzjoni ekonomika fis-suq intern u jħeġġu l-iżvilupp ta’ prodotti jew ta’ swieq ġodda u mtejbin u ta’ kundizzjonijiet tal-provvista mtejbin. Għalhekk, l-istandards normalment iżidu l-kompetizzjoni u jnaqqsu l-kostijiet tal-output u tal-bejgħ, u b’hekk ikunu ta’ benefiċċju għall-ekonomiji b’mod ġenerali. L-istandards jistgħu jżommu u jtejbu l-kwalità tal-prodotti, is-sikurezza, jipprovdu informazzjoni u jiżguraw l-interoperabbiltà u l-kompatibilità (u b’hekk iżidu l-valur għall-konsumaturi).

440.

Fil-kuntest ta’ standards li jinvolvu d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali (“DPI”) (312), huwa possibbli li ssir distinzjoni bejn tliet gruppi ewlenin ta’ impriżi, b’interessi differenti fil-proċess tal-iżvilupp ta’ standards.

(a)

L-ewwel nett, hemm impriżi li jinsabu upstream biss li jiżviluppaw u jikkummerċjalizzaw teknoloġiji biss. Dan jinkludi wkoll impriżi li jakkwistaw teknoloġija għall-finijiet tal-liċenzjar tagħha. L-uniku sors ta’ introjtu tagħhom huwa d-dħul mil-liċenzjar, u l-inċentiv tagħhom huwa li jimmassimizzaw ir-royalties tagħhom.

(b)

It-tieni, hemm kumpaniji li jinsabu biss downstream li jimmanifatturaw prodotti jew ifornu servizzi biss fuq il-bażi tat-teknoloġiji żviluppati minn oħrajn u ma jkollhomx id-DPI rilevanti. Ir-royalties jirrappreżentaw spiża għalihom, u mhux sors ta’ dħul, u l-inċentiv tagħhom huwa li jnaqqsu r-royalties.

(c)

Fl-aħħar nett, hemm impriżi integrati li kemm jiżviluppaw teknoloġija protetta mid-DPI kif ukoll jimmanifatturaw prodotti li għalihom jeħtieġu liċenzja. Dawn l-impriżi għandhom inċentivi mħalltin. Minn banda, jistgħu jagħmlu dħul mil-liċenzjar mid-DPI tagħhom stess. Min-naħa l-oħra, jista’ jkun li jkollhom iħallsu royalties lil impriżi oħrajn li jkunu detenturi tad-DPI li jkun essenzjali għall-istandard li japplika għall-prodotti tagħhom stess. Għalhekk, jistgħu jagħmlu liċenzjar inkroċjat tad-DPI essenzjali tagħhom stess inkambju għal DPI essenzjali miżmum minn impriżi oħrajn, jew jużaw id-DPI tagħhom b’mod difensiv. Barra minn hekk, l-impriżi jistgħu wkoll jimmonetizzaw id-DPI tagħhom permezz ta’ metodi oħrajn li ma humiex royalties. Fil-prattika, ħafna impriżi jużaw taħlita ta’ dawn il-mudelli ta’ negozju.

441.

Il-parteċipanti fl-istandardizzazzjoni mhux bilfors ikunu kompetituri. Madankollu, f’ċirkustanzi speċifiċi li fihom ikunu involuti kompetituri, l-iżvilupp ta’ standards jista’ jwassal ukoll għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni billi jirrestrinġi l-kompetizzjoni fil-prezzijiet u jillimita jew jikkontrolla l-produzzjoni, is-swieq, l-innovazzjoni jew l-iżvilupp tekniku. Kif spjegat aktar ’il quddiem, dan jista’ jseħħ permezz ta’ tlett modi ewlenin, jiġifieri (a) restrizzjoni tal-kompetizzjoni fil-prezzijiet, (b) esklużjoni ta’ teknoloġiji innovattivi u (c) l-esklużjoni ta’ ċerti impriżi, jew diskriminazzjoni kontrihom, permezz tal-prevenzjoni ta’ aċċess effettiv għall-istandard.

442.

L-ewwel nett, jekk l-impriżi jwettqu skambji ta’ informazzjoni antikompetittivi fil-kuntest tal-iżvilupp ta’ standards, dan jista’ jnaqqas jew jelimina l-kompetizzjoni fil-prezzijiet fis-swieq ikkonċernati, jew jillimita jew jikkontrolla l-produzzjoni, u b’hekk jiffaċilita eżitu kollużiv fis-suq (313).

443.

It-tieni, standards li jistabbilixxu speċifikazzjonijiet tekniċi dettaljati għal prodott jew servizz jistgħu jillimitaw l-iżvilupp tekniku u l-innovazzjoni. Waqt li jkun qed jiġi żviluppat standard, teknoloġiji alternattivi jistgħu jikkompetu għall-inklużjoni fl-istandard. Malli tintgħażel teknoloġija waħda sabiex tiġi inkluża fl-istandard u l-istandard jiġi stabbilit, xi teknoloġiji u impriżi jistgħu jiffaċċjaw ostaklu għad-dħul u potenzjalment jistgħu jiġu esklużi mis-suq. Barra minn hekk, standards li jeħtieġu l-użu esklużiv ta’ teknoloġija partikolari jista’ jkollhom l-effett li jtellfu l-iżvilupp u d-diffużjoni ta’ teknoloġiji oħrajn. Il-prevenzjoni tal-iżvilupp ta’ teknoloġiji oħrajn billi l-membri tal-organizzazzjoni tal-iżvilupp tal-istandards (“SDO”) jiġu obbligati jużaw esklużivament standard partikolari tista’ twassal għall-istess effett. Ir-riskju ta’ limitazzjoni tal-innovazzjoni jiżdied jekk impriża waħda jew aktar jiġu esklużi mingħajr ġustifikazzjoni mill-proċess ta’ żvilupp tal-istandards.

444.

It-tielet, l-istandardizzazzjoni tista’ twassal għal riżultati antikompetittivi billi timpedixxi lil ċerti impriżi milli jiksbu aċċess effettiv għar-riżultati tal-proċess ta’ żvilupp tal-istandards (jiġifieri l-ispeċifikazzjoni u/jew id-DPI essenzjali għall-implimentazzjoni tal-istandard). Jekk impriża jew titwaqqaf kompletament milli tikseb aċċess għar-riżultat tal-istandard, jew inkella tingħata biss aċċess fuq termini projbittivi jew diskriminatorji, hemm riskju ta’ effett antikompetittiv. Sistema li fiha d-DPI potenzjalment rilevanti jiġi ddivulgat bil-quddiem tista’ żżid il-probabbiltà li jingħata aċċess effettiv għall-istandard (314), billi tippermetti li l-parteċipanti jidentifikaw liema teknoloġiji jkunu koperti mid-DPI u liema ma jkunux. Il-liġijiet dwar il-proprjetà intellettwali u l-liġijiet dwar il-kompetizzjoni għandhom l-istess objettivi (315) li jippromwovu l-benesseri u l-innovazzjoni tal-konsumatur, kif ukoll l-allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi. Id-DPI jippromwovu kompetizzjoni dinamika billi jħeġġu lill-impriżi jinvestu fl-iżvilupp ta’ prodotti u proċessi ġodda jew imtejba. Għalhekk, id-DPI ġeneralment ikunu prokompetittivi. Madankollu, permezz tad-DPI tiegħu, parteċipant li jkun id-detentur ta’ DPI essenzjali għall-implimentazzjoni tal-istandard, jista’, fil-kuntest speċifiku tal-iżvilupp tal-istandards, jakkwista wkoll kontroll fuq l-użu tal-istandard. Meta l-istandard jikkostitwixxi ostaklu għad-dħul, l-impriża b’hekk tkun tista’ tikkontrolla s-suq tal-prodotti jew tas-servizzi li miegħu huwa relatat l-istandard. Min-naħa tiegħu, dan jista’ jippermetti li l-impriżi jaġixxu b’modi antikompetittivi, pereżempju billi jirrifjutaw li jagħtu l-liċenzja għad-DPI neċessarju jew billi jitolbu imposti eċċessivi permezz ta’ tariffi tar-royalties diskriminatorji jew eċċessivi (316) sabiex b’hekk jipprevjenu l-aċċess effettiv għall-istandard (“trażżin”). Is-sitwazzjoni inversa tista’ tinħoloq ukoll jekk isiru negozjati dwar il-liċenzjar għal raġunijiet attribwibbli biss għall-utent tal-istandard. Dan jista’ jinkludi, pereżempju, rifjut li titħallas tariffa tar-royalties b’termini ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji (“FRAND”), jew l-użu ta’ strateġiji ta’ dewmien (“ittardjar”) (317).

445.

Anke jekk l-istabbiliment ta’ standard jista’ joħloq jew iżid is-saħħa fis-suq ta’ detenturi ta’ DPI li jippossjedu DPI essenzjali għall-istandard, ma hemm l-ebda preżunzjoni li dik iż-żamma jew dak l-eżerċitar ta’ DPI essenzjali għal standard huwa ekwivalenti għall-pussess jew għall-eżerċizzju ta’ saħħa fis-suq. Il-kwistjoni ta’ saħħa fis-suq tista’ tiġi vvalutata biss fuq bażi ta’ każ b’każ (318).

7.3.2.   Restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan

446.

Il-ftehimiet li jużaw standard bħala parti minn ftehim restrittiv usa’ mmirat biex jeskludi kompetituri attwali jew potenzjali jirrestrinġu l-kompetizzjoni skont l-għan. Pereżempju, ftehim li bih assoċjazzjoni nazzjonali ta’ manifatturi tistabbilixxi standard u tixħet pressjoni fuq partijiet terzi sabiex ma jikkummerċjalizzawx prodotti li ma jikkonformawx mal-istandard jew meta l-produtturi tal-prodott inkumbenti jikkolludu sabiex jeskludu teknoloġija ġdida minn standard diġà eżistenti (319) jaqa’ f’din il-kategorija.

447.

Kwalunkwe ftehim sabiex titnaqqas il-kompetizzjoni permezz tad-divulgazzjoni tal-biċċa l-kbira tat-termini tal-liċenzjar restrittivi qabel l-adozzjoni ta’ standard bħala kopertura għall-iffissar konġunt tal-prezzijiet jew tal-prodotti downstream jew ta’ DPI jew ta’ teknoloġija ta’ sostituzzjoni jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan (320).

7.3.3.   Effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni

7.3.3.1.   Ftehimiet li ġeneralment ma jirrestrinġux il-kompetizzjoni

448.

Il-ftehimiet ta’ standardizzazzjoni li ma jirrestrinġux il-kompetizzjoni minħabba l-għan iridu jiġu analizzati fil-kuntest legali u ekonomiku tagħhom, inkluż billi titqies in-natura tal-prodotti, tas-servizzi jew tat-teknoloġiji affettwati, il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq jew tas-swieq inkwistjoni, fir-rigward tal-effett attwali u probabbli tagħhom fuq il-kompetizzjoni. Fin-nuqqas ta’ saħħa fis-suq (321), ftehim ta’ standardizzazzjoni ma jkunx jista’ jipproduċi effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni. Għalhekk, l-effetti restrittivi huma l-aktar improbabbli f’sitwazzjoni fejn ikun hemm kompetizzjoni effettiva bejn għadd ta’ standards volontarji.

449.

Għal dawk il-ftehimiet ta’ żvilupp ta’ standards li jistgħu joħolqu saħħa fis-suq, il-paragrafi 451-457 jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li fihom ftehimiet bħal dawn normalment jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1).

450.

In-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ kwalunkwe wieħed mill-prinċipji jew tal-prinċipji kollha stabbiliti f’din it-Taqsima ma jwassal għall-ebda preżunzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1). Madankollu, dan ikun jeħtieġ awtovalutazzjoni sabiex jiġi stabbilit jekk il-ftehim jaqax taħt l-Artikolu 101(1) u, jekk iva, jekk ikunux issodisfati l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3). F’dan il-kuntest, huwa rikonoxxut li jeżistu mudelli differenti għall-iżvilupp tal-istandards u li l-kompetizzjoni fi ħdan tali mudelli u bejniethom hija aspett pożittiv ta’ ekonomija tas-suq. Għalhekk, SDOs jibqgħu liberi għalkollox li jdaħħlu regoli u proċeduri li ma jiksrux ir-regoli tal-kompetizzjoni filwaqt li jkunu differenti minn dawk deskritti fil-paragrafi 451-457.

451.

Meta l-parteċipazzjoni fl-iżvilupp ta’ standards ma tkunx ristretta u l-proċedura għall-adozzjoni tal-istandard inkwistjoni tkun trasparenti, il-ftehimiet ta’ standardizzazzjoni li ma jkun fihom l-ebda obbligu ta’ konformità (322) mal-istandard u jipprovdu aċċess għall-istandard b’termini FRAND normalment ma jirrestrinġux il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1).

452.

B’mod partikolari, sabiex tiġi żgurata parteċipazzjoni mhux ristretta, ir-regoli tal-SDO għandhom jipprevedu li l-kompetituri kollha fis-suq jew fis-swieq affettwati mill-istandard ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-proċess li jwassal għall-għażla tal-istandard (323). L-SDO għandha tipprovdi wkoll proċeduri oġġettivi u mhux diskriminatorji għall-allokazzjoni tad-drittijiet tal-vot kif ukoll, jekk ikunu rilevanti, kriterji oġġettivi għall-għażla tat-teknoloġija li trid tiġi inkluża fl-istandard.

453.

Fir-rigward tat-trasparenza, l-SDO rilevanti għandu jkollha proċeduri li jippermettu li l-partijiet ikkonċernati jinformaw irwieħhom b’mod effettiv u f’waqtu dwar ix-xogħol ta’ standardizzazzjoni li jkun se jsir, għaddej u finalizzat f’kull stadju tal-iżvilupp tal-istandard.

454.

Barra minn hekk, ir-regoli tal-SDO għandhom jiżguraw aċċess effettiv għall-istandard b’termini FRAND (324).

455.

Meta SDO tiżviluppa standards li jinvolvu DPI, politika ċara u bilanċjata dwar id-DPI (325), adattata għall-industrija partikolari u għall-ħtiġijiet tal-organizzazzjoni inkwistjoni, iżżid il-probabbiltà li l-implimentaturi tal-istandards jingħataw aċċess effettiv.

456.

Sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-istandard, jeħtieġ li l-politika dwar id-DPI teħtieġ li l-parteċipanti li jkunu jixtiequ li jkollhom id-DPI tagħhom inkluż fl-istandard jipprovdu impenn irrevokabbli bil-miktub sabiex joffru li jilliċenzjaw id-DPI essenzjali tagħhom lill-partijiet terzi kollha b’termini FRAND (“impenn FRAND”) (326). Jenħtieġ li dak l-impenn jingħata qabel l-adozzjoni tal-istandard. Fl-istess ħin, il-politika dwar id-DPI għandha madankollu tippermetti li d-detenturi ta’ DPI jeskludu teknoloġija speċifikata mill-proċess ta’ żvilupp ta’ standards u b’hekk mill-impenn FRAND, dment li dik l-esklużjoni sseħħ fi stadju bikri fl-iżvilupp tal-istandard. Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-impenn FRAND, jeħtieġ ukoll li jkun hemm rekwiżit għad-detenturi ta’ DPI kollha parteċipanti li jipprovdu impenn bħal dan sabiex jiżguraw li kwalunkwe impriża li s-sid ta’ DPI jittrasferilha d-DPI tiegħu (inkluż id-dritt tal-liċenzjar ta’ dak id-DPI) tkun marbuta b’dak l-impenn, pereżempju permezz ta’ klawżola kuntrattwali bejn ix-xerrej u l-bejjiegħ. Jenħtieġ li jiġi nnotat li FRAND jista’ jkopri wkoll il-liċenzjar mingħajr royalties.

457.

Barra minn hekk, il-politika dwar id-DPI għandha titlob divulgazzjoni bona fide mill-parteċipanti tad-DPI tagħhom li jistgħu jkunu essenzjali għall-implimentazzjoni tal-istandard li jkun qiegħed jiġi żviluppat (327). Dan huwa rilevanti sabiex (a) jippermetti lill-industrija tagħmel għażla informata dwar it-teknoloġija li għandha tiġi inkluża fi standard (328) u (b) sabiex jintlaħaq l-għan tal-aċċess effettiv għall-istandard. Hekk kif l-istandard jiżviluppa, id-divulgazzjoni tista’ tiġi aġġornata fuq il-bażi ta’ sforzi raġonevoli sabiex jiġi identifikat il-qari tad-DPI fuq l-istandard (futur). Fir-rigward tal-privattivi, jenħtieġ li d-divulgazzjoni tad-DPI tkun tinkludi mill-inqas in-numru tal-privattiva jew in-numru tal-applikazzjoni għall-privattiva. Jekk din l-informazzjoni tkun għadha ma hijiex pubblikament disponibbli, huwa suffiċjenti wkoll jekk il-parteċipant jiddikjara li huwa probabbli li jkollu pretensjonijiet ta’ DPI fuq teknoloġija partikolari, mingħajr ma jidentifika pretensjonijiet speċifiċi ta’ DPI jew applikazzjonijiet għal DPI (l-hekk imsejħa divulgazzjoni kategorika) (329). Jenħtieġ li l-parteċipanti jiġu mħeġġa wkoll jaġġornaw id-divulgazzjonijiet tagħhom fil-mument li jiġi adottat standard, b’mod partikolari jekk ikun hemm xi bidliet li jista’ jkollhom impatt fuq l-essenzjalità jew il-validità tad-DPI tagħhom. Billi r-riskji fir-rigward ta’ aċċess effettiv ma humiex l-istess fil-każ ta’ SDO b’politika dwar l-istandards ħielsa mir-royalties (330), divulgazzjoni ta’ DPI ma tkunx rilevanti f’dak il-kuntest.

458.

L-impenji FRAND huma maħsuba biex jiġi żgurat li t-teknoloġija protetta tad-DPI essenzjali inkorporata fi standard tkun aċċessibbli għall-utenti ta’ dak l-istandard skont termini u kundizzjonijiet ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji. B’mod partikolari, l-impenji FRAND jistgħu jimpedixxu li d-detenturi ta’ DPI jirrendu diffiċli l-implimentazzjoni ta’ standard billi jirrifjutaw li jilliċenzjaw jew billi jitolbu tariffi inġusti jew mhux raġonevoli (fi kliem ieħor tariffi eċċessivi) wara li l-industrija tkun ġiet intrappolata fl-istandard jew billi jitolbu tariffi ta’ royalties diskriminatorji (331). Fl-istess ħin, l-impenji FRAND jippermettu lid-detenturi ta’ DPI jimmonetizzaw it-teknoloġiji tagħhom permezz tar-royalties FRAND u, f’konformità mal-prinċipji fil-paragrafi li ġejjin, jiksbu redditu raġonevoli fuq l-investiment tagħhom fir-R&Ż, li min-natura tiegħu huwa riskjuż. Dan jista’ jiżgura inċentivi kontinwi sabiex tiġi kkontribwita l-aqwa teknoloġija disponibbli għall-istandard.

459.

Il-konformità mal-Artikolu 101 mill-SDO ma titrrikjedix li hija tivverifika jekk it-termini tal-liċenzjar tal-parteċipanti jissodisfawx l-impenn FRAND (332). Il-parteċipanti jeħtiġilhom jivvalutaw huma stess jekk it-termini tal-liċenzjar, u b’mod partikolari t-tariffi li jitolbu jissodisfawx l-impenn FRAND. Għalhekk, meta jiddeċiedu jekk jimpenjawx ruħhom għal FRAND għal DPI partikolari, il-parteċipanti se jkollhom bżonn jantiċipaw l-implikazzjonijiet tal-impenn FRAND, b’mod partikolari fuq il-kapaċità tagħhom li jistabbilixxu b’mod liberu l-livell tat-tariffi tagħhom.

460.

Fil-każ ta’ tilwim, il-valutazzjoni ta’ jekk it-tariffi imposti għall-aċċess għad-DPI fil-kuntest tal-iżvilupp ta’ standards ikunux inġusti jew mhux raġonevoli għandha tkun ibbażata fuq jekk it-tariffi jkunux raġonevolment relatati mal-valur ekonomiku tad-DPI (333). Il-valur ekonomiku tad-DPI jista’ jkun ibbażat fuq il-valur miżjud preżenti tad-DPI koperti u għandu jkun irrispettiv mis-suċċess fis-suq tal-prodotti, li ma jkunx relatat mat-teknoloġija koperta (334). B’mod ġenerali, hemm diversi metodi għat-twettiq tal-valutazzjoni (335), u fil-prattika, ħafna drabi jintuża aktar minn metodu wieħed sabiex jiġu kkumpensati n-nuqqasijiet ta’ metodu partikolari u jiġi kontroverifikat ir-riżultat (336). Jista’ jkun possibbli li jitqabblu t-tariffi tal-liċenzjar imposti mill-impriża inkwistjoni għad-DPI rilevanti f’ambjent kompetittiv qabel ma l-industrija tkun żviluppat l-istandard (ex ante); bil-valur/bir-royalty tal-aħjar alternattiva disponibbli li jmiss (ex ante), jew bil-valur/bir-royalties mitlubin wara li l-industrija tkun ġiet locked-in (ex post). Dan jassumi li l-paragun jista’ jsir b’mod konsistenti u affidabli (337).

461.

Tista’ tinkiseb ukoll valutazzjoni esperta indipendenti għaċ-ċentralità u l-essenzjalità oġġettivi tad-DPI rilevanti għall-istandard inkwistjoni. F’każ xieraq, jista’ jkun possibbli wkoll li ssir referenza għal divulgazzjonijiet ex ante tat-termini tal-liċenzjar, inklużi r-royalties individwali jew aggregati għad-DPI rilevanti, fil-kuntest ta’ proċess speċifiku għall-iżvilupp tal-istandards. Bl-istess mod, jista’ jkun possibbli li t-termini tal-liċenzjar fi ftehimiet tad-detentur tad-DPI jitqabblu ma’ implimentaturi oħrajn tal-istess standard. Ir-rati tar-royalties imposti għall-istess DPI fi standards komparabbli oħrajn jistgħu jipprovdu wkoll indikazzjoni għar-rati tar-royalties FRAND. Dawn il-metodi jassumu li t-tqabbil jista’ jsir b’mod konsistenti u affidabbli u l-livell tar-rati ta’ royalty ma humiex ir-riżultat ta’ eżerċizzju mhux xieraq tas-saħħa fis-suq. Metodu ieħor jikkonsisti fid-determinazzjoni, l-ewwel, ta’ valur ġenerali xieraq għad-DPI rilevanti kollha u, it-tieni, tal-porzjon attribwibbli għal detentur partikolari tad-DPI. Dawn il-Linji Gwida ma jfittxux li jipprovdu lista eżawrjenti tal-metodi xierqa għall-valutazzjoni ta’ jekk ir-royalties ikunux eċċessivi jew diskriminatorji skont l-Artikolu 102.

462.

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li xejn f’dawn il-Linji Gwida ma jaffettwa l-possibbiltà li l-partijiet jirriżolvu t-tilwimiet tagħhom dwar il-livell tar-rati tar-royalties FRAND billi jirrikorru għall-qrati ċivili jew kummerċjali kompetenti jew għal metodi alternattivi ta’ soluzzjoni għat-tilwim (338).

7.3.3.2.   Valutazzjoni bbażata fuq l-effetti tal-ftehimiet ta’ standardizzazzjoni

463.

Il-valutazzjoni ta’ ftehim ta’ standardizzazzjoni trid tqis l-effetti probabbli tal-istandard fuq is-swieq ikkonċernati. Meta jiġu analizzati l-ftehimiet ta’ standardizzazzjoni, iridu jitqiesu l-karatteristiċi tas-settur u tal-industrija. Il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin japplikaw għall-ftehimiet ta’ standardizzazzjoni kollha li jitbiegħdu mill-prinċipji stabbiliti fil-paragrafi 451-457.

(a)   In-natura volontarja tal-istandard

464.

Jekk il-ftehimiet ta’ standardizzazzjoni jistgħux iwasslu għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni jista’ jiddependi fuq jekk il-membri ta’ SDO jibqgħux ħielsa li jiżviluppaw standards jew prodotti alternattivi li ma jikkonformawx mal-istandard miftiehem (339). Pereżempju, jekk il-ftehim ta’ standardizzazzjoni jorbot lill-membri sabiex jipproduċu biss prodotti f’konformità mal-istandard, ir-riskju ta’ effett negattiv probabbli fuq il-kompetizzjoni jiżdied b’mod sinifikanti u f’ċerti ċirkostanzi jista’ jwassal għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan (340). Fuq l-istess nota, standards li jkopru biss karatteristiċi minuri tal-prodott finali jkunu anqas probabbli li jwasslu għal tħassib dwar il-kompetizzjoni minn standards aktar komprensivi, b’mod partikolari meta l-istandard ma jkun jinvolvi l-ebda DPI essenzjali.

(b)   Aċċess għall-istandard

465.

Il-valutazzjoni ta’ jekk il-ftehim jirrestrinġix il-kompetizzjoni tiffoka wkoll fuq aċċess għall-istandard. Meta r-riżultat ta’ standard (jiġifieri l-ispeċifikazzjoni ta’ kif wieħed ikun konformi mal-istandard u, jekk rilevanti, id-DPI essenzjali għall-implimentazzjoni tal-istandard) ma jkun aċċessibbli affattu għall-membri kollha jew għal partijiet terzi (jiġifieri dawk li ma jkunux membri tal-SDO rilevanti), dan jista’ jiddiskrimina jew jeskludi jew jaqsam is-swieq f’segmenti u, b’hekk, probabbilment jirrestrinġi l-kompetizzjoni. Il-kompetizzjoni hija wkoll probabbli li tkun ristretta meta r-riżultat ta’ standard ikun aċċessibbli biss b’termini diskriminatorji jew eċċessivi għal ċerti membri jew għal partijiet terzi. Madankollu, meta jkun hemm diversi standards f’kompetizzjoni jew fejn ikun hemm kompetizzjoni effettiva bejn is-soluzzjoni standardizzata u soluzzjonijiet mhux standardizzati, limitazzjoni tal-aċċess tista’ ma tipproduċix effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni.

466.

Fir-rigward ta’ ftehimiet tal-iżvilupp ta’ standard ta’ mudelli ta’ divulgazzjoni tad-DPI li huma differenti minn dawk deskritti fil-paragrafu 457, huwa neċessarju li jiġi vvalutat fuq bażi ta’ każ b’każ jekk il-mudell tad-divulgazzjoni inkwistjoni (pereżempju mudell li ma jeħtiġx iżda jħeġġeġ biss id-divulgazzjoni ta’ DPI) jiggarantix aċċess effettiv għall-istandard. Il-ftehimiet ta’ żvilupp ta’ standard li jipprevedu d-divulgazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-karatteristiċi u l-valur miżjud ta’ kull DPI li jappartieni għal standard u, b’hekk, iżidu t-trasparenza għall-partijiet involuti fl-iżvilupp tal-istandard, fil-prinċipju, ma jirrestrinġux il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1).

(c)   Parteċipazzjoni fl-iżvilupp tal-istandard

467.

Il-prevenzjoni milli ċerti impriżi jkunu jistgħu jinfluwenzaw l-għażla u d-definizzjoni tal-istandard hija (ħlief kif deskritt fil-paragrafu 470) probabbli li tirriżulta f’effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni. B’kuntrast ma’ dan, jekk il-parteċipazzjoni fil-proċess ta’ żvilupp tal-istandards tkun miftuħa, ir-riskji ta’ effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni jkunu aktar baxxi. (341)

468.

Tista’ tinkiseb parteċipazzjoni miftuħa billi l-kompetituri kollha u/jew il-partijiet interessati rilevanti fis-suq affettwat mill-istandard jitħallew jieħdu sehem fl-iżvilupp u l-għażla tal-istandard.

469.

Aktar ma jkun kbir l-impatt probabbli tal-istandard fuq is-suq u aktar ma jkunu wiesgħa l-oqsma potenzjali ta’ applikazzjoni tiegħu, aktar ikun importanti li jiġi permess aċċess ugwali għall-proċess ta’ żvilupp tal-istandards.

470.

Madankollu, f’ċerti sitwazzjonijiet, ir-restrizzjoni tal-parteċipazzjoni jista’ ma jkollhiex effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1), pereżempju: (a) jekk ikun hemm kompetizzjoni bejn diversi standards u SDOs, (b) jekk fin-nuqqas ta’ restrizzjoni fuq il-parteċipanti (342) ma kienx ikun possibbli li jiġi adottat l-istandard jew tali adozzjoni ma kinitx tkun probabbli jew (c) jekk ir-restrizzjoni fuq il-parteċipanti tkun limitata fiż-żmien u bl-għan li jsir progress rapidu (pereżempju fil-bidu tal-isforz ta’ standardizzazzjoni) u sakemm jintlaħqu l-objettivi intermedji ewlenin, il-kompetituri kollha għandhom l-opportunità li jkunu involuti sabiex ikomplu jiżviluppaw l-istandard.

471.

F’ċerti sitwazzjonijiet, l-effetti negattivi potenzjali ta’ parteċipazzjoni ristretta jistgħu jitneħħew jew tal-anqas jitnaqqsu billi jiġi żgurat li l-partijiet ikkonċernati jinżammu informati u jiġu kkonsultati dwar ix-xogħol li jkun għaddej (343). Dan jista’ jsir billi jiġu stabbiliti proċeduri għar-rappreżentanza kollettiva tal-partijiet ikkonċernati. Aktar ma l-partijiet interessati jkunu jistgħu jinfluwenzaw il-proċess li jwassal għall-għażla tal-istandard u aktar ma tkun trasparenti l-proċedura għall-adozzjoni tal-istandard, aktar ikun probabbli li l-istandard adottat iqis l-interessi tal-partijiet interessati kollha.

(d)   Ishma mis-suq

472.

Sabiex jiġu vvalutati l-effetti ta’ ftehim dwar l-iżvilupp tal-istandards, għandhom jitqiesu l-ishma mis-suq tal-oġġetti, tas-servizzi jew tat-teknoloġiji li huma bbażati fuq l-istandard. Jaf mhux dejjem ikun possibbli (344) li jiġi vvalutat b’xi ċertezza fi stadju bikri jekk l-istandard fil-prattika huwiex se jiġi adottat minn sehem kbir, jew biss minn sehem insinifikanti, tal-industrija rilevanti. F’każijiet li fihom l-impriżi li jikkontribwixxu teknoloġija għall-istandard ikunu integrati vertikalment, l-ishma mis-suq rilevanti tal-impriżi li jkunu pparteċipaw fl-iżvilupp tal-istandard jistgħu jintużaw bħala indikatur sabiex jiġi stmat is-sehem mis-suq probabbli tal-istandard (ladarba l-impriżi li jipparteċipaw fl-iżvilupp tal-istandard, fil-parti l-kbira tal-każijiet se jkollhom interess fl-implimentazzjoni tal-istandard) (345). Madankollu, minħabba li l-effettività tal-ftehimiet ta’standardizzazzjoni spiss tkun proporzjonali għas-sehem tal-industrija involuta fl-iżvilupp u/jew fl-applikazzjoni tal-istandard, ishma mis-suq għoljin miżmumin mill-partijiet fis-suq jew fis-swieq affettwati mill-istandard mhux neċessarjament iwasslu għall-konklużjoni li jkun probabbli li l-istandard iwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni.

(e)   Diskriminazzjoni

473.

Kwalunkwe ftehim għall-iżvilupp tal-istandards li jiddiskrimina b’mod ċar kontra kwalunkwe membru parteċipanti jew potenzjali jista’ jwassal għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Pereżempju, jekk SDO teskludi b’mod espliċitu impriżi upstream biss (jiġifieri impriżi li ma humiex attivi fis-suq tal-produzzjoni downstream), dan jista’ jwassal għall-esklużjoni ta’ teknoloġiji upstream potenzjalment aħjar.

(f)   Divulgazzjoni ex ante tar-rati tar-royalties

474.

Ftehimiet dwar l-iżvilupp ta’ standards li jipprevedu d-divulgazzjoni ex ante tat-termini tal-liċenzjar l-aktar restrittivi għal privattivi essenzjali għal standard minn detenturi individwali ta’ DPI jew ta’ rata massima ta’ royalties akkumulata (346) mid-detenturi kollha ta’ DPI, fil-prinċipju, ma jirrestrinġux il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1). F’dan ir-rigward, huwa importanti li l-partijiet involuti fl-għażla ta’ standard jiġu informati bis-sħiħ, mhux biss dwar l-għażliet tekniċi disponibbli u d-DPI assoċjat, iżda wkoll dwar il-kost probabbli ta’ dak id-DPI. Għalhekk, jekk il-politika ta’ SDO dwar id-DPI tagħżel li tipprovdi li d-detenturi ta’ DPI jiddivulgaw it-termini ta’ liċenzjar l-aktar restrittivi tagħhom, inklużi r-rati massimi ta’ royalties jew ir-rata massima ta’ royalties akkumulati li jimponu, qabel l-adozzjoni tal-istandard, dan ġeneralment ma jwassalx għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni skont it-tifsira talArtikolu 101(1) (347). Divulgazzjonijiet unilaterali ex ante bħal dawn tal-aktar termini ta’ liċenzjar restrittivi jew tar-rata massima ta’ royalties akkumulati ikunu mod wieħed kif il-partijiet involuti fl-iżvilupp ta’ standard ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni informata bbażata fuq l-iżvantaġġi u fuq il-vantaġġi ta’ diversi teknoloġiji alternattivi.

7.4.   Valutazzjoni skont l-Artikolu 101(3)

7.4.1.   Titjib fl-effiċjenza

475.

Il-ftehimiet ta’ standardizzazzjoni spiss iwasslu għal titjib sinifikanti fl-effiċjenza. Pereżempju, standards użati madwar l-Unjoni jistgħu jiffaċilitaw l-integrazzjoni tas-suq u jippermettu lill-impriżi jqiegħdu l-oġġetti u s-servizzi tagħhom fis-swieq tal-Istati Membri kollha, li jwassal għal żieda fl-għażla għall-konsumatur u għal tnaqqis fil-prezzijiet. Standards li jistabbilixxu l-interoperabbiltà u l-kompatibbiltà tekniċi spiss iħeġġu l-kompetizzjoni fuq il-merti bejn it-teknoloġiji ta’ impriżi differenti u jgħinu sabiex jiġi evitat l-intrappolament ma’ fornitur partikolari. Barra minn hekk, l-istandards jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż tat-tranżazzjoni għall-bejjiegħa u x-xerrejja. Standards dwar, pereżempju, aspetti tal-kwalità, tas-sikurezza u ambjentali ta’ prodott jistgħu wkoll jiffaċilitaw l-għażla għall-konsumatur u jistgħu jwasslu għal żieda fil-kwalità tal-prodotti. L-istandards għandhom ukoll rwol importanti għall-innovazzjoni: jistgħu jnaqqsu ż-żmien li teknoloġija ġdida tieħu sabiex tiddaħħal fis-suq u jiffaċilitaw l-innovazzjoni, billi jippermettu lill-impriżi jibnu fuq soluzzjonijiet miftehmin. Dan it-titjib fl-effiċjenza jista’ jikkontribwixxi għal suq intern reżiljenti.

476.

Sabiex il-ftehimiet ta’ standardizzazzjoni jiksbu titjib fl-effiċjenza, l-informazzjoni neċessarja sabiex jiġi applikat l-istandard trid tkun disponibbli b’mod effettiv għal dawk li jixtiequ jidħlu fis-suq tal-prodott/tas-servizz li miegħu jkun relatat l-istandard (348).

477.

It-tixrid ta’ standard jista’ jittejjeb permezz ta’ marki jew logos li jiċċertifikaw il-konformità u, b’hekk, jipprovdu ċertezza lill-klijenti. Il-ftehimiet għall-ittestjar u għaċ-ċertifikazzjoni jmorru lil hinn mill-objettiv primarju tad-definizzjoni tal-istandard u ġeneralment jaffettwaw suq distint.

478.

Filwaqt li l-effetti fuq l-innovazzjoni jridu jiġu analizzati każ b’każ, standards li joħolqu kompatibbiltà fuq livell orizzontali bejn teknoloġiji differenti probabbilment li jwasslu għal titjib fl-effiċjenza.

7.4.2.   Indispensabbiltà

479.

Ir-restrizzjonijiet li jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-kisba tat-titjib fl-effiċjenza li jista’ jiġi ġġenerat permezz ta’ ftehim ta’ standardizzazzjoni ma jissodisfawx il-kriterji tal-Artikolu 101(3).

480.

Il-valutazzjoni ta’ ftehim ta’ standardizzazzjoni trid tikkunsidra l-effett probabbli tiegħu fuq is-swieq ikkonċernati, minn naħa waħda, u l-ambitu tar-restrizzjonijiet li jistgħu jmorru lil hinn mill-objettiv ta’ titjib fl-effiċjenza, min-naħa l-oħra (349).

481.

Il-parteċipazzjoni fl-iżvilupp ta’ standard għandha ġeneralment tkun miftuħa għall-kompetituri kollha fis-suq jew fis-swieq affettwati mill-istandard, sakemm tali parteċipazzjoni ma tiġġenerax ineffiċjenzi sinifikanti, bħal dewmien twil fil-proċess tal-adozzjoni (350). Meta l-parteċipazzjoni fl-iżvilupp tal-istandard tkun ristretta, kwalunkwe effett restrittiv ta’ tali parteċipazzjoni limitata għandu jitneħħa jew jitnaqqas (351), sabiex tali restrizzjoni fuq il-parteċipanti tiġi megħluba mill-effiċjenzi skont l-Artikolu 101(3).

482.

Bħala regola ġenerali, jenħtieġ li l-ftehimiet ta’ standardizzazzjoni ma jkoprux aktar minn dak li huwa meħtieġ biex jiġu żgurati l-għanijiet tagħhom, kemm jekk din hija interoperabbiltà u kompatibbiltà teknika jew ċertu livell ta’ kwalità. Fil-każijiet meta li jkun hemm soluzzjoni teknoloġika waħda biss ikun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi jew għall-ekonomija b’mod ġenerali, dak l-istandard għandu jiġi stabbilit fuq bażi mhux diskriminatorja. Standards newtrali għat-teknoloġija jistgħu, f’ċerti ċirkostanzi, iwasslu għal titjib akbar fl-effiċjenza. L-inklużjoni ta’ DPI ta’ sostituzzjoni (352) bħala partijiet essenzjali ta’ standard filwaqt li fl-istess ħin l-utenti tal-istandard jiġu mġegħlin iħallsu għal aktar DPI milli jkun teknikament neċessarju jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb kwalunkwe titjib fl-effiċjenza identifikat. Bl-istess mod, l-inklużjoni ta’ DPI sostituti bħala partijiet essenzjali ta’ standard u l-limitazzjoni tal-użu ta’ dik it-teknoloġija għal dak l-istandard partikolari (jiġifieri użu esklużiv) jistgħu jillimitaw il-kompetizzjoni interteknoloġika u ma jkunux meħtieġa sabiex jinkisbu l-effiċjenzi identifikati.

483.

Ir-restrizzjonijiet fi ftehim ta’ standardizzazzjoni li jagħmlu standard vinkolanti u obbligatorju għall-industrija fil-prinċipju ma humiex indispensabbli.

484.

Bl-istess mod, il-ftehimiet ta’ standardizzazzjoni li jafdaw lil ċerti korpi bid-dritt esklużiv li jittestjaw il-konformità mal-istandard imorru lil hinn mill-għan primarju tad-definizzjoni tal-istandard u jistgħu wkoll jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Madankollu, l-esklużività tista’ tiġi ġġustifikata għal ċertu perjodu ta’ żmien, pereżempju mill-ħtieġa li jiġu rkuprati l-kostijiet sinifikanti ta’ negozju ġdid (353). Jenħtieġ li l-ftehim ta’ standardizzazzjoni f’dak il-każ ikun jinkludi salvagwardji adegwati sabiex jittaffew ir-riskji possibbli għall-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-esklużività. Dan jirrigwarda, fost l-oħrajn, it-tariffa għaċ-ċertifikazzjoni li jeħtieġ li tkun raġonevoli u proporzjonata għall-kost tal-ittestjar għall-konformità.

7.4.3.   Trasferiment lill-konsumaturi

485.

It-titjib fl-effiċjenza miksub permezz ta’ restrizzjonijiet indispensabbli jrid ikun mgħoddi lill-konsumatur sa punt li jisboq l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni kkawżati mill-ftehim ta’ standardizzazzjoni. Għall-fini ta’ valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ trasferiment lill-konsumaturi, huwa rilevanti li jitqiesu l-proċeduri li jintużaw biex jiggarantixxu li l-interessi tal-utenti tal-istandards u l-konsumaturi finali jkunu protetti. Barra minn hekk, meta l-istandards jiffaċilitaw l-interoperabbiltà u l-kompatibbiltà tekniċi jew il-kompetizzjoni bejn prodotti, servizzi u proċessi ġodda u diġà eżistenti, jista’ jiġi preżunt li l-istandard se jkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi.

7.4.4.   L-ebda eliminazzjoni tal-kompetizzjoni

486.

Jekk ftehim ta’ standardizzazzjoni jagħtix lill-partijiet il-possibbiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni jiddependi fuq id-diversi sorsi ta’ kompetizzjoni fis-suq, il-livell ta’ restrizzjoni kompetittiva li jimponu fuq il-partijiet u l-impatt tal-ftehim fuq dik ir-restrizzjoni kompetittiva. Filwaqt li l-ishma mis-suq huma rilevanti għal dik l-analiżi, il-kobor tas-sorsi li jifdal ta’ kompetizzjoni attwali ma jistax jiġi vvalutat esklużivament fuq il-bażi tas-sehem mis-suq, ħlief f’każijiet li fihom standard isir standard tal-industrija de facto (354). Fil-każ tal-aħħar, il-kompetizzjoni tista’ tiġi eliminata jekk il-partijiet terzi jiġu preklużi mill-aċċess effettiv għall-istandard.

7.5.   Eżempji

487.

L-iffissar ta’ standards li l-kompetituri ma jistgħux jissodisfaw

Eżempju 1

Sitwazzjoni: SDO tistabbilixxi u tippubblika standards tas-sikurezza li jintużaw b’mod estensiv mill-industrija rilevanti. Il-parti l-kbira tal-kompetituri fl-industrija jieħdu sehem fl-iżvilupp tal-istandard. Qabel l-adozzjoni tal-istandard, entrant ġdid jiżviluppa prodott li jkun teknikament ekwivalenti f’termini tar-rekwiżiti ta’ prestazzjoni u funzjonali u li huwa rikonoxxut mill-kumitat tekniku tal-SDO. Madankollu, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-istandard ta’ sikurezza jitfasslu, mingħajr ebda ġustifikazzjoni oġġettiva, b’tali mod li ma jippermettux li dan il-prodott jew prodotti ġodda oħrajn jikkonformaw mal-istandard.

Analiżi: F’dan il-każ, il-parteċipazzjoni fl-iżvilupp tal-istandard ma tkunx ristretta, u l-proċess użat għall-adozzjoni tal-istandard ma jidhirx trasparenti. Dan il-ftehim ta’ standardizzazzjoni probabbilment iwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) u huwa improbabbli li jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3). Il-membri tal-SDO, mingħajr ebda ġustifikazzjoni oġġettiva, jistabbilixxu l-istandard b’tali mod li l-prodotti tal-kompetituri tagħhom li jkunu bbażati fuq soluzzjonijiet teknoloġiċi differenti ma jkunux jistgħu jissodisfawh, għalkemm ikollhom prestazzjoni ekwivalenti. B’hekk, dan l-istandard, li ma ġiex stabbilit fuq bażi mhux diskriminatorja, se jnaqqas jew jimpedixxi l-innovazzjoni u l-varjetà tal-prodotti. Ma huwiex probabbli li l-mod kif jiġi abbozzat l-istandard iwassal għal titjib akbar fl-effiċjenza minn standard newtrali.

488.

Standard mhux obbligatorju u trasparenti li jkopri sehem kbir mis-suq

Eżempju 2

Sitwazzjoni: Għadd ta’ manifatturi ta’ prodotti tal-elettronika għall-konsum b’ishma mis-suq sostanzjali jaqblu li jiżviluppaw standard ġdid sabiex prodott isegwi d-DVD.

Analiżi: Dment li (a) il-manifatturi jibqgħu liberi li jipproduċu prodotti ġodda oħrajn li ma jikkonformawx mal-istandard il-ġdid, (b) il-parteċipazzjoni fl-iżvilupp tal-istandard ma tkunx ristretta u tkun trasparenti, u (c) il-ftehim ta’ standardizzazzjoni ma jirrestrinġix b’mod ieħor il-kompetizzjoni, il-ftehim x’aktarx li ma jirrestrinġix il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1). Min-naħa l-oħra, jekk il-partijiet qablu li jimmanifatturaw biss prodotti li jikkonformaw mal-istandard il-ġdid, il-ftehim x’aktarx li jirrestrinġi l-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1), billi jillimita l-varjetà tal-prodott u l-innovazzjoni teknika.

489.

Ftehim ta’ standardizzazzjoni mingħajr divulgazzjoni tad-DPI

Eżempju 3

Sitwazzjoni: SDO privata attiva fl-istandardizzazzjoni fis-settur tal-ICT (teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni) għandha politika tad-DPI li la teħtieġ u lanqas ma tħeġġeġ id-divulgazzjoni ta’ DPI li jista’ jkun essenzjali għal kwalunkwe standard futur. L-SDO ħadet id-deċiżjoni konxja li ma tinkludix dan l-obbligu, b’mod partikolari meta jiġi kkunsidrat li ġeneralment it-teknoloġiji kollha potenzjalment rilevanti għall-istandard tal-futur huma koperti minn bosta DPI. Għalhekk, l-SDO qieset li l-obbligu ta’ divulgazzjoni ta’ DPI, min-naħa waħda, ma jwassalx għall-benefiċċju li jippermetti li l-parteċipanti jagħżlu soluzzjoni mingħajr DPI jew bi ftit li xejn DPI u, min-naħa l-oħra, ikun iwassal għal kostijiet addizzjonali fl-analiżi ta’ jekk id-DPI jkunx potenzjalment essenzjali għall-istandard tal-futur. Madankollu, il-politika dwar id-DPI tal-SDO tirrikjedi li l-parteċipanti kollha jidħlu f’impenn li jilliċenzjaw kwalunkwe DPI li jista’ jinqara fuq l-istandard tal-futur b’termini FRAND. Il-politika dwar id-DPI tippermetti esklużjonijiet (‘opt-outs’) jekk ikun hemm DPI speċifiku li detentur ta’ DPI jkun jixtieq li jpoġġi barra mill-impenn ta’ liċenzjar ġenerali. F’din l-industrija partikolari hemm diversi SDOs privati f’kompetizzjoni. Il-parteċipazzjoni fl-SDO hija miftuħa għal kull min huwa attiv fl-industrija.

Analiżi: F’ħafna każijiet, obbligu ta’ divulgazzjoni tad-DPI jkun favur il-kompetizzjoni, minħabba li jżid il-kompetizzjoni bejn it-teknoloġiji ex ante. B’mod ġenerali, obbligu bħal dan jippermetti li l-membri ta’ SDO jqisu l-ammont ta’ qari ta’ DPI fuq teknoloġija partikolari huma u jiddeċiedu bejn teknoloġiji f’kompetizzjoni (jew anke - meta jkun possibbli - li jagħżlu teknoloġija li ma tkunx koperta minn DPI). L-ammont ta’ qari ta’ DPI fuq teknoloġija spiss ikollu impatt dirett fuq l-ispiża tal-aċċess għall-istandard. Madankollu, f’dan il-kuntest partikolari, it-teknoloġiji kollha disponibbli jidhru li huma koperti minn DPI, u anki ħafna DPI. Għalhekk, kwalunkwe divulgazzjoni ta’ DPI ma jkollhiex l-effett pożittiv li tippermetti lill-membri jqisu l-ammont ta’ DPI meta jagħżlu teknoloġija, minħabba li, irrispettivament minn liema teknoloġija tintgħażel, jista’ jiġi preżunt li hemm qari ta’ DPI fuq dik it-teknoloġija. Ma huwiex probabbli li l-ftehim iwassal għal effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1).

8.   TERMINI STANDARD

8.1.   Definizzjonijiet

490.

F’ċerti industriji, l-impriżi jużaw termini u kundizzjonijiet standard tal-bejgħ jew tax-xiri elaborati minn assoċjazzjoni tal-kummerċ jew direttament mill-impriżi f’kompetizzjoni (“termini standard”) (355). Tali termini standard huma koperti minn dawn il-Linji Gwida sal-punt li jistabbilixxu kundizzjonijiet standard għall-bejgħ jew għax-xiri ta’ oġġetti jew ta’ servizzi minn dawk l-impriżi kompetituri lil klijenti terzi jew minn fornituri terzi (u mhux il-kundizzjonijiet tal-bejgħ jew tax-xiri bejn il-kompetituri). Meta tali termini standard jintużaw b’mod estensiv f’industrija, il-kundizzjonijiet tax-xiri jew tal-bejgħ użati fl-industrija jistgħu jiġu de facto allinjati (356). Eżempji ta’ setturi li fihom it-termini standard għandhom rwol importanti huma s-settur bankarju (pereżempju, it-termini tal-kontijiet bankarji) u dak tal-assigurazzjoni.

491.

It-termini standard stabbiliti individwalment minn impriża għall-użu tagħha stess biss meta tagħmel kuntratti mal-fornituri jew mal-klijenti tagħha ma humiex ftehimiet orizzontali u, għalhekk, ma humiex koperti minn dawn il-Linji Gwida.

8.2.   Swieq rilevanti

492.

B’mod ġenerali, termini standard jipproduċu effetti fuq is-suq downstream fejn l-impriżi li jkunu qed jużaw it-termini standard jikkompetu billi jbigħu l-prodotti tagħhom lill-klijenti tagħhom.

8.3.   Valutazzjoni skont l-Artikolu 101(1)

8.3.1.   Tħassib ewlieni dwar il-kompetizzjoni

493.

It-termini standard jistgħu jwasslu għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni billi jillimitaw l-għażla tal-prodotti u l-innovazzjoni. Jekk parti kbira minn industrija tadotta t-termini standard u tagħżel li ma tiddevjax minnhom f’każijiet individwali (jew li tiddevja minnhom biss f’każijiet eċċezzjonali ta’ saħħa tax-xerrej b’saħħitha), il-klijenti jista’ ma jkollhomx għażla oħra ħlief li jaċċettaw il-kundizzjonijiet fit-termini standard. Madankollu, ir-riskju tal-limitazzjoni tal-għażla u tal-innovazzjoni huwa probabbli biss f’każijiet li fihom it-termini standard jiddefinixxu l-ambitu tal-prodott finali. Fir-rigward tal-oġġetti tal-konsumatur klassiċi, it-termini standard tal-bejgħ ġeneralment ma jillimitawx l-innovazzjoni tal-prodott attwali jew il-kwalità jew il-varjetà tal-prodott.

494.

Barra minn hekk, skont il-kontenut tagħhom, it-termini standard jistgħu jaffettwaw il-kundizzjonijiet kummerċjali tal-bejgħ tal-prodott finali. B’mod partikolari, hemm riskju serju li t-termini standard relatati mal-prezz jistgħu jirrestrinġu l-kompetizzjoni fil-prezzijiet.

495.

Barra minn hekk, fejn termini standard jiġu adottati b’mod wiesa’ f’industrija, l-aċċess għalihom jista’ jkun vitali għad-dħul fis-suq. F’każijiet bħal dawn, ir-rifjut tal-aċċess għat-termini standard jista’ jwassal għal preklużjoni antikompetittiva. Diment li t-termini standard jibqgħu effettivament miftuħin għall-użu minn kwalunkwe intrapriża li tkun tixtieq li jkollha aċċess għalihom, ma huwiex probabbli li dawn iwasslu għal preklużjoni antikompetittiva.

8.3.2.   Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan

496.

Ftehimiet li jużaw termini standard bħala parti minn ftehim restrittiv usa’ mmirat sabiex jeskludi lil kompetituri attwali jew potenzjali jirrestrinġu l-kompetizzjoni minħabba l-għan. Eżempju ta’ dawn ikun meta assoċjazzjoni tal-kummerċ ma tippermettix lil entrant ġdid fis-suq ikollu aċċess għat-termini standard tagħha, li l-użu tagħhom ikun vitali sabiex jiġi żgurat id-dħul fis-suq.

497.

Termini standard li fihom dispożizzjonijiet li jinfluwenzaw direttament il-prezzijiet (357) mitlubin lill-klijenti (jiġifieri, prezzijiet rakkomandati, ribassi, eċċ) ġeneralment jikkostitwixxu restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

8.3.3.   Effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni

498.

L-istabbiliment u l-użu ta’ termini standard iridu jiġu vvalutati fil-kuntest ekonomiku tagħhom u fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-suq rilevanti sabiex jiġi determinat jekk it-termini standard x’aktarx iwasslu għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni.

499.

Meta l-parteċipazzjoni fl-istabbiliment ta’ termini standard ma tkunx ristretta għall-kompetituri fis-suq rilevanti (jew bil-parteċipazzjoni fl-assoċjazzjoni kummerċjali jew direttament) u sakemm l-użu tat-termini standard ma jkunx obbligatorju u jkunu effettivament aċċessibbli għall-użu minn kwalunkwe impriża, il-ftehimiet relatati mat-termini standard x’aktarx li ma jwasslux għal effetti negattivi fuq il-kwalità tal-prodott, il-varjetà tal-prodott jew l-innovazzjoni u għalhekk x’aktarx li ma jwasslux għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni (dment li t-termini standard ma jkollhom l-ebda effett fuq il-prezz u soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 501-505).

500.

Madankollu, hemm żewġ eċċezzjonijiet ġenerali fejn tkun meħtieġa valutazzjoni aktar fil-fond.

501.

L-ewwel nett, termini standard għall-bejgħ ta’ oġġetti jew ta’ servizzi għall-konsumatur meta t-termini standard jiddefinixxu l-karatteristiċi tal-prodott finali mibjugħ lill-klijent, u meta għalhekk ir-riskju tal-limitazzjoni tal-għażla tal-prodotti tkun iżjed sinifikanti, jistgħu jwasslu għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) meta jkun probabbli li l-applikazzjoni komuni tagħhom tirriżulta f’allinjament de facto. Dan jista’ jkun il-każ meta l-użu mifrux tat-termini standard de facto jwassal għal limitazzjoni tal-innovazzjoni u tal-varjetà tal-prodotti fis-suq. Pereżempju, dan jista’ jseħħ meta t-termini standard f’kuntratti tal-assigurazzjoni jillimitaw l-għażla tal-klijent ta’ elementi ewlenin tal-kuntratt, bħat-tipi ta’ riskji koperti. Anki jekk l-użu tat-termini standard ma jkunx obbligatorju, huma jistgħu jimminaw l-inċentivi tal-assiguraturi kompetituri milli jikkompetu fuq id-diversifikazzjoni tal-prodotti. Dan jista’ jingħeleb billi l-assiguraturi jitħallew jinkludu wkoll riskji oħrajn minbarra riskji standard fil-kuntratti tal-assigurazzjoni tagħhom.

502.

Meta jiġi vvalutat jekk termini standard humiex probabbli li jkollhom effetti restrittivi permezz ta’ limitazzjoni tal-varjetà tal-prodott, għandhom jitqiesu fatturi bħall-kompetizzjoni eżistenti fis-suq. Pereżempju, jekk ikun hemm numru kbir ta’ kompetituri żgħar, ir-riskju ta’ limitazzjoni tal-varjetà tal-prodotti ġeneralmenet ikun anqas milli jekk ikun hemm biss ftit kompetituri akbar (358). L-ishma mis-suq tal-impriżi li jipparteċipaw fl-istabbiliment tat-termini standard jistgħu jagħtu wkoll indikazzjoni tal-probabbiltà tal-adozzjoni tat-termini standard jew tal-probabbiltà li t-termini standard jintużaw minn sehem kbir mis-suq. Madankollu, f’dan ir-rigward, ma huwiex rilevanti biss li jiġi analizzat jekk huwiex probabbli li t-termini standard jintużaw minn sehem kbir mis-suq, imma anke jekk it-termini standard ikoprux biss parti mill-prodott jew il-prodott kollu (inqas ma jkun estensiv l-ambitu tat-termini standard, inqas ikun probabbli li jwasslu, b’mod ġenerali, għal limitazzjoni tal-varjetà tal-prodott). Barra minn hekk, f’każijiet li fihom fin-nuqqas ta’ stabbiliment tat-termini standard, ma kienx ikun possibbli li jiġi offrut ċertu prodott, x’aktarx li ma jkunx hemm xi effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1). F’dak ix-xenarju, il-varjetà tal-prodotti tiżdied aktar milli tonqos permezz tal-istabbiliment tat-termini standard.

503.

It-tieni, anki jekk it-termini standard ma jiddefinux il-karatteristiċi tal-prodott finali, dawn jistgħu jeżerċitaw influwenza sinifikanti fuq id-deċiżjonijiet tal-klijenti li jidħlu għal tranżazzjonijiet, għal raġunijiet oħrajn. Eżempju ta’ dan huwa x-xiri online, meta l-kunfidenza tal-klijent tkun essenzjali (pereżempju, fl-użu ta’ sistemi ta’ ħlas sikuri, deskrizzjoni xierqa tal-prodotti, regoli ċari u trasparenti dwar l-ipprezzar, flessibbiltà tal-politika dwar ir-ritorni, eċċ). Billi huwa diffiċli għall-klijenti li jagħmlu valutazzjoni ċara ta’ dawk il-parametri kollha, għandhom it-tendenza li jiffavorixxu prattiki li huma mifruxin. Għalhekk, f’dak il-kuntest, it-termini standard rigward dawk il-parametri jistgħu jsiru standard de facto li l-impriżi jkollhom jikkonformaw miegħu sabiex ibigħu fis-suq. Anke jekk l-użu tagħhom ma huwiex obbligatorju, tali termini standard jistgħu jsiru standard de facto, li l-effetti tiegħu huma qrib ħafna ta’ standard obbligatorju u jeħtieġ li jiġu analizzati bix-xieraq.

504.

Jekk l-użu tat-termini standard huwa obbligatorju, hemm bżonn li jiġi vvalutat l-impatt tagħhom fuq il-kwalità tal-prodott, il-varjetà u l-innovazzjoni tal-prodott (b’mod partikolari jekk l-użu tat-termini standard huwa obbligatorju għas-suq kollu).

505.

Barra minn hekk, jekk it-termini standard (kemm jekk l-użu tagħhom huwa obbligatorju kif ukoll jekk le) ikun fihom termini li x’aktarx ikollhom effett negattiv fuq il-kompetizzjoni relatata mal-prezzijiet (359) (pereżempju termini li jinfluwenzaw indirettament it-tipi ta’ ribassi li għandhom jingħataw), huma probabbli li jagħtu lok għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1).

8.4.   Valutazzjoni skont l-Artikolu 101(3)

8.4.1.   Effiċjenzi

506.

L-użu ta’ termini standard jista’ joħloq benefiċċji ekonomiċi, bħall-faċilitar għall-klijenti li jipparagunaw il-kundizzjonijiet offruti u b’hekk jiffaċilita l-bdil bejn il-fornituri. Termini standard jistgħu jwasslu wkoll għal titjib fl-effiċjenza fil-forma ta’ ffrankar tal-kostijiet tat-tranżazzjonijiet u, f’ċerti setturi (b’mod partikolari dawk li fihom il-kuntratti jkunu ta’ struttura legali kumplessa), jiffaċilitaw id-dħul. It-termini standard jistgħu jżidu wkoll iċ-ċertezza legali għall-partijiet tal-kuntratt. Dan it-titjib fl-effiċjenza jista’ jikkontribwixxi għal suq intern reżiljenti.

507.

Aktar ma jkun għoli n-numru ta’ kompetituri fis-suq, aktar ikun kbir it-titjib fl-effiċjenza tal-iffaċilitar tat-tqabbil tal-kundizzjonijiet offruti.

8.4.2.   Indispensabbiltà

508.

Ir-restrizzjonijiet li jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-kisba tat-titjib fl-effiċjenza li jista’ jiġi ġġenerat permezz ta’ termini standard ma jissodisfawx il-kriterji tal-Artikolu 101(3). Pereżempju, ġeneralment ma jkunx neċessarju li t-termini standard isiru obbligatorji għall-industrija. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li f’każijiet speċifiċi jista’ jkun indispensabbli li l-użu ta’ termini standard isir obbligatorju sabiex jinkiseb titjib partikolari fl-effiċjenza.

8.4.3.   Trasferiment lill-konsumaturi

509.

Kemm ir-riskju ta’ effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni kif ukoll il-probabbiltà ta’ titjib fl-effiċjenza jiżdiedu mal-ishma mis-suq tal-impriżi parteċipanti u mal-punt sa fejn jintużaw it-termini standard. B’hekk, ma huwiex possibbli li tiġi pprovduta kwalunkwe “regola ġenerali rigward il-livell xieraq ta’ protezzjoni” li fiha ma jkunx hemm riskju ta’ effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni jew li tippermetti l-preżunzjoni li t-titjib fl-effiċjenza se jiġi mgħoddi lill-konsumaturi sa punt li jegħleb kwalunkwe effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni.

510.

Madankollu, ċertu titjib fl-effiċjenza ġġenerat mit-termini standard, bħal żieda fil-paragunabbiltà tal-offerti fis-suq, l-iffaċilitar tal-bdil bejn fornituri, u ċ-ċertezza legali tal-klawżoli stabbiliti fit-termini standard, bilfors li jkunu ta’ benefiċċju għall-konsumaturi. Fir-rigward ta’ titjib fl-effiċjenza ieħor possibbli, bħal tnaqqis fil-kostijiet tat-tranżazzjonijiet, huwa neċessarju li ssir valutazzjoni fuq bażi ta’ każ b’każ u fil-kuntest ekonomiku rilevanti dwar jekk ikunx probabbli li dawn jiġu ttrasferiti lill-konsumaturi.

8.4.4.   L-ebda eliminazzjoni tal-kompetizzjoni

511.

It-termini standard użati mill-maġġoranza tal-industrija jistgħu joħolqu standard tal-industrija de facto. F’każ bħal dan, il-kompetizzjoni tista’ tiġi eliminata jekk il-partijiet terzi jiġu esklużi mill-aċċess effettiv għall-istandard. Madankollu, jekk it-termini standard jikkonċernaw biss karatteristiċi minuri tal-prodott jew tas-servizz, huwa improbabbli li l-kompetizzjoni tiġi eliminata.

8.5.   Eżempji

512.

Termini standard mhux obbligatorji u miftuħin użati għal kuntratti mal-utenti finali

Eżempju 1

Sitwazzjoni: Assoċjazzjoni tal-kummerċ għad-distributuri tal-elettriku tistabbilixxi termini standard mhux vinkolanti għall-provvista tal-elettriku lill-utenti finali. It-termini standard ġew stabbiliti b’mod trasparenti u mhux diskriminatorju. It-termini standard ikopru kwistjonijiet bħall-ispeċifikazzjoni tal-punt tal-konsum, il-pożizzjoni tal-punt tal-konnessjoni u l-vultaġġ tal-konnessjoni, dispożizzjonijiet dwar l-affidabbiltà tas-servizz, kif ukoll il-proċedura għall-ħlas tal-kontijiet bejn il-partijiet għall-kuntratt (pereżempju, x’jiġri jekk il-klijent ma jipprovdix lill-fornitur bil-qari tal-istrumenti tal-kejl). It-termini standard ma humiex relatati mal-prezzijiet, jiġifieri, dawn ma fihomx prezzijiet rakkomandati jew klawżoli oħrajn relatati mal-prezz. Kwalunkwe impriża attiva fis-settur hija libera li tuża t-termini standard kif jidhrilha xieraq. Madwar 80 % tal-kuntratti li jiġu konklużi mal-utenti finali fis-suq rilevanti huma bbażati fuq dawn it-termini standard.

Analiżi: Huwa improbabbli li t-termini standard jirrestrinġu l-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1). Anki jekk dawn saru prassi tal-industrija, jidher li huwa improbabbli li jkollhom xi impatt negattiv sinifikanti fuq il-prezzijiet, fuq il-kwalità jew fuq il-varjetà tal-prodotti.

513.

Termini standard użati għal kuntratti bejn l-impriżi

Eżempju 2

Sitwazzjoni: Impriżi tal-kostruzzjoni f’ċertu Stat Membru jingħaqdu flimkien sabiex jistabbilixxu termini u kundizzjonijiet standard mhux obbligatorji u li huma miftuħin għall-użu minn kuntrattur meta jissottometti stima għal xogħol ta’ kostruzzjoni lil klijent. Formola ta’ stima hija inkluża flimkien mat-termini u mal-kundizzjonijiet adattati għall-bini jew għall-kostruzzjoni. Flimkien, id-dokumenti joħolqu l-kuntratt tal-kostruzzjoni. Il-klawżoli jkopru affarijiet bħall-formulazzjoni tal-kuntratt, l-obbligi ġenerali tal-kuntrattur u tal-klijent u l-kundizzjonijiet tal-ħlas mhux relatati mal-prezzijiet (pereżempju, dispożizzjoni li tispeċifika d-dritt tal-kuntrattur li jagħti avviż ta’ sospensjoni tax-xogħol minħabba nuqqas ta’ ħlas), l-assigurazzjoni, id-durata, it-trasferiment u d-difetti, il-limitazzjoni tar-responsabbiltà, it-terminazzjoni, eċċ. Dawn it-termini standard spiss jintużaw bejn l-impriżi, waħda attiva upstream u l-oħra attiva downstream.

Analiżi: Huwa improbabbli li t-termini standard jirrestrinġu l-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1). Ġeneralment ma jwasslu għall-ebda limitazzjoni sinifikanti fl-għażla mill-klijent tal-prodott finali, b’mod partikolari x-xogħol tal-kostruzzjoni. Effetti restrittivi oħrajn fuq il-kompetizzjoni ma jidhrux probabbli. Tabilħaqq, ħafna mill-klawżoli msemmija hawn fuq (it-trasferiment u d-difetti, it-terminazzjoni, eċċ.) spiss ikunu regolati bil-liġi.

514.

Termini standard li jiffaċilitaw it-tqabbil tal-prodotti ta’ impriżi differenti

Eżempju 3

Sitwazzjoni: Assoċjazzjoni nazzjonali għas-settur tal-assigurazzjoni tiddistribwixxi kundizzjonijiet ta’ polza standard mhux obbligatorji għal kuntratti tal-assigurazzjoni tad-dar. Il-kundizzjonijiet ma jagħtu l-ebda indikazzjoni tal-livell tal-primjums tal-assigurazzjoni, l-ammont tal-kopertura jew l-eċċessi li għandhom jitħallsu mill-assigurat. Dawn ma jimponux kopertura komprensiva, inklużi riskji li għalihom għadd sinifikanti ta’ detenturi tal-poloz ma humiex esposti simultanjament u ma jeħtiġux li d-detenturi tal-poloz jiksbu kopertura mill-istess assiguratur għal riskji differenti. Filwaqt li l-maġġoranza tal-impriżi tal-assigurazzjoni jużaw kundizzjonijiet ta’ polza standard, mhux il-kuntratti kollha tagħhom fihom l-istess kundizzjonijiet għaliex dawn huma adattati għall-bżonnijiet individwali ta’ kull klijent u, għalhekk, ma hemmx standardizzazzjoni de facto tal-prodotti tal-assigurazzjoni offruti lill-konsumaturi. Il-kundizzjonijiet ta’ polza standard jippermettu lill-konsumaturi u lill-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi jqabblu l-poloz offruti mill-assiguraturi differenti. Assoċjazzjoni tal-konsumatur hija involuta fil-proċess ta’ stabbiliment tal-kundizzjonijiet ta’ polza standard. Dawn huma disponibbli wkoll biex jintużaw minn parteċipanti ġodda fis-suq, fuq bażi mhux diskriminatorja.

Analiżi: Il-kundizzonijiet ta’ polza standard huma relatati mal-kompożizzjoni tal-prodott tal-assigurazzjoni finali. Jekk il-kundizzjonijiet fis-suq u fatturi oħrajn juru li hemm riskju ta’ limitazzjoni fil-varjetà tal-prodotti bħala riżultat tal-użu mill-impriżi tal-assigurazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ polza standard, kwalunkwe limitazzjoni bħal din x’aktarx li tiġi ssuperata mill-effiċjenzi, bħall-faċilitazzjoni tal-paraguni mill-konsumaturi tal-kundizzjonijiet offruti mill-impriżi tal-assigurazzjoni. Min-naħa tagħhom, dawk il-paraguni jiffaċilitaw il-bidla minn impriża tal-assigurazzjoni għal oħra u b’hekk itejbu l-kompetizzjoni. Barra minn hekk, il-kapaċità ta’ bdil bejn fornituri, kif ukoll id-dħul fis-suq minn kompetituri, jikkostitwixxu vantaġġ għall-konsumaturi. Il-fatt li l-assoċjazzjoni tal-konsumaturi ħadet sehem fil-proċess jista’ jżid il-probabbiltà li dawk l-effiċjenzi jkunu mgħoddija. Il-kundizzjonijiet standard tal-poloz x’aktarx li jnaqqsu wkoll il-kostijiet tat-tranżazzjonijiet u jiffaċilitaw id-dħul mill-assiguraturi fi swieq ġeografiċi u/jew tal-prodotti differenti. Barra minn hekk, ir-restrizzjonijiet ma jidhrux li jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-kisba tal-effiċjenzi identifikati, u l-kompetizzjoni ma tiġix eliminata. Konsegwentement, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) aktarx li jiġu ssodisfati.

9.   FTEHIMIET TA’ SOSTENIBBILTÀ

9.1.   Introduzzjoni

515.

Dan il-Kapitolu jipprovdi gwida ġenerali dwar il-valutazzjoni kompetittiva tal-ftehimiet bejn il-kompetituri li jsegwu objettivi ta’ sostenibbiltà (“ftehimiet ta’ sostenibbiltà”). Minbarra din il-gwida ġenerali, il-Kummissjoni hija impenjata li tipprovdi gwida informali dwar kwistjonijiet ġodda jew mhux riżolti dwar ftehimiet ta’ sostenibbiltà individwali permezz tal-Avviż ta’ Gwida Informali tagħha (360).

516.

L-iżvilupp sostenibbli huwa prinċipju ewlieni tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u objettiv ta’ prijorità għall-politiki tal-Unjoni (361). Il-Kummissjoni impenjat ruħha li timplimenta l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti (362). F’konformità ma’ dan l-impenn, il-Patt Ekoloġiku Ewropew jistabbilixxi strateġija ta’ tkabbir sabiex l-Unjoni tiġi ttrasformata f’soċjetà aktar ġusta u prospera, b’ekonomija moderna, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva, fejn ma jkunx hemm emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra mill-2050 ’il quddiem u fejn it-tkabbir ekonomiku jkun diżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi (363).

517.

F’termini ġenerali, l-iżvilupp sostenibbli jirreferi għall-kapaċità tas-soċjetà li tikkonsma u tuża r-riżorsi disponibbli llum mingħajr ma tikkomprometti l-kapaċità tal-ġenerazzjonijiet futuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom stess. Jinkludi attivitajiet li jappoġġaw l-iżvilupp ekonomiku, ambjentali u soċjali (inklużi d-drittijiet tal-ħaddiema u tal-bniedem) (364). Għalhekk, il-kunċett ta’ objettivi ta’ sostenibbiltà jinkludi, iżda ma huwiex limitat għal, l-indirizzar tat-tibdil fil-klima (pereżempju, permezz tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra), it-tnaqqis tat-tniġġis, il-limitazzjoni tal-użu tar-riżorsi naturali, iż-żamma tad-drittijiet tal-bniedem, l-iżgurar ta’ introjtu li jiggarantixxi l-għajxien, it-trawwim ta’ infrastruttura reżiljenti u tal-innovazzjoni, it-tnaqqis tal-ħela ta’ ikel, l-iffaċilitar ta’ bidla għal ikel tajjeb għas-saħħa u sustanzjuż, l-iżgurar tat-trattament xieraq tal-annimali, eċċ. (365).

518.

L-infurzar tal-liġi tal-kompetizzjoni jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli billi jiżgura kompetizzjoni effettiva, li tagħti spinta lill-innovazzjoni, iżżid il-kwalità u l-għażla tal-prodotti, tiżgura allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi, tnaqqas l-ispejjeż tal-produzzjoni, u b’hekk tikkontribwixxi għall-benesseri tal-konsumatur.

519.

Madankollu, tħassib minnhom relatat mal-iżvilupp sostenibbli huwa li d-deċiżjonijiet individwali dwar il-produzzjoni u l-konsum jista’ jkollhom effetti negattivi (“esternalitajiet negattivi”), pereżempju fuq l-ambjent, li ma jitqisux biżżejjed mill-operaturi ekonomiċi jew mill-konsumaturi li jikkawżawhom. Dan it-tip ta’ falliment tas-suq jista’ jiġi mmitigat jew irrimedjat b’azzjoni kollettiva, primarjament permezz ta’ ordni pubbliku jew regolamentazzjoni (speċifika għas-settur), u b’mod sekondarju permezz ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni bejn impriżi li jippromwovu l-produzzjoni jew il-konsum sostenibbli.

520.

Meta tali fallimenti tas-suq jiġu indirizzati b’regolament xieraq, pereżempju, l-istandards obbligatorji tal-Unjoni dwar it-tniġġis, il-mekkaniżmi ta’ pprezzar, bħall-Iskema tal-Unjoni għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (“ETS”), jew taxxi, miżuri addizzjonali mill-impriżi, pereżempju permezz ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni, jistgħu ma jkunux neċessarji. Madankollu, il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni jistgħu jindirizzaw fallimenti residwi tas-suq li ma jkunux indirizzati jew li ma jkunux indirizzati bis-sħiħ mill-ordni pubbliku u mir-regolamentazzjoni.

521.

F’dawn il-Linji Gwida, it-terminu “ftehim ta’ sostenibbiltà” jirreferi għal kwalunkwe ftehim ta’ kooperazzjoni orizzontali li jsegwi objettiv ta’ sostenibbiltà, irrispettivament mill-forma tal-kooperazzjoni. Il-ftehimiet ta’ sostenibbiltà jqajmu biss tħassib dwar il-kompetizzjoni skont l-Artikolu 101 jekk jinvolvu restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan jew iwasslu għal effetti negattivi reali jew probabbli sinifikanti fuq il-kompetizzjoni. Ftehimiet li jirrestrinġu l-kompetizzjoni ma jistgħux jevitaw il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) sempliċiment billi jirreferu għal objettiv ta’ sostenibbiltà (366).

522.

Meta ftehimiet ta’ sostenibbiltà jirrestrinġu l-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1), xorta waħda jistgħu jkunu kompatibbli mal-Artikolu 101 jekk jissodisfaw l-erba’ kundizzjonijiet tal-eċċezzjoni prevista mill-Artikolu 101(3). Gwida dettaljata dwar l-applikazzjoni ta’ dawk il-kundizzjonijiet hija stabbilita fil-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) (367).

523.

Il-ftehimiet ta’ sostenibbiltà ma humiex kategorija distinta ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni orizzontali għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101. Għalhekk, meta ftehim ta’ kooperazzjoni orizzontali jikkorrispondi għal wieħed mit-tipi ta’ ftehimiet orizzontali koperti mill-Kapitoli preċedenti ta’ dawn il-Linji Gwida u dak il-ftehim isegwi wkoll objettiv ta’ sostenibbiltà, għandu jiġi vvalutat fuq il-bażi tal-gwida li tinsab fil-Kapitolu/i preċedenti rilevanti, flimkien mal-gwida pprovduta f’dan il-Kapitolu.

524.

Dan ifisser, fil-prattika, li ftehim ta’ R&Ż jew ta’ speċjalizzazzjoni li jsegwi objettiv ta’ sostenibbiltà (pereżempju, ftehim bejn kompetituri sabiex jiżviluppaw b’mod konġunt teknoloġija ta’ produzzjoni li tnaqqas il-konsum tal-enerġija, jew ftehim għall-kondiviżjoni tal-infrastruttura bl-għan li jitnaqqas l-impatt ambjentali ta’ proċess tal-produzzjoni), u li għalhekk jikkwalifika wkoll bħala ftehim ta’ sostenibbiltà, jista’ jibbenefika mir-regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija applikabbli għal ftehimiet ta’ R&Ż jew għal ftehimiet ta’ speċjalizzazzjoni, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet ta’ dawk ir-regolamenti. Jekk il-kundizzjonijiet tar-regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija rilevanti ma jiġux issodisfati, huwa neċessarju li titwettaq valutazzjoni sħiħa skont l-Artikolu 101, fuq il-bażi tal-gwida pprovduta fil-Kapitolu 2 (fil-każ ta’ ftehimiet ta’ R&Ż) u tal-gwida pprovduta fil-Kapitolu 3 (fil-każ ta’ ftehimiet ta’ produzzjoni, inklużi ftehimiet dwar il-kondiviżjoni ta’ infrastruttura tat-telekomunikazzjoni mobbli), filwaqt li għaż-żewġ tipi ta’ ftehimiet, il-gwida pprovduta f’dan il-Kapitolu għandha tiġi kkunsidrata wkoll. Bl-istess mod, ftehim bejn kompetituri sabiex jixtru b’mod konġunt bħala input għall-produzzjoni tagħhom biss prodotti li għandhom impatt ambjentali limitat, jew li jixtru b’mod esklużiv mingħand fornituri li jirrispettaw ċerti standards ta’ sostenibbiltà, għandu jiġi vvalutat skont il-gwida fil-Kapitolu 4 (Ftehimiet ta’ xiri) (368), filwaqt li titqies ukoll il-gwida f’dan il-Kapitolu.

525.

Fil-każ ta’ kwalunkwe inkonsistenza bejn il-gwida pprovduta f’dan il-Kapitolu u l-gwida pprovduta fil-Kapitoli preċedenti rilevanti għall-valutazzjoni ta’ ftehim partikolari dwar is-sostenibbiltà (il-Kapitoli 2 sa 8), il-partijiet għall-ftehim jistgħu jibbażaw fuq il-gwida fil-Kapitolu li tkun l-aktar favorevoli għalihom. Fid-dawl tal-karatteristiċi distinti tagħhom (ara l-paragrafi 540-544), l-ftehimiet ta’ standardizzazzjoni dwar is-sostenibbiltà għandhom jiġu vvalutati f’konformità mal-gwida pprovduta fit-Taqsima 9.3 (369), filwaqt li l-Kapitolu 7 (Ftehimiet ta’ standardizzazzjoni) jipprovdi biss sfond ulterjuri dwar il-kundizzjonijiet li ż-żewġ Kapitoli għandhom komuni bejniethom.

526.

Dan il-Kapitolu huwa strutturat kif ġej: It-Taqsima 9.2 tistabbilixxi eżempji ta’ ftehimiet ta’ sostenibbiltà li x’aktarx ma jirrestrinġux il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1); It-Taqsima 9.3 tipprovdi gwida dwar aspetti speċifiċi tal-valutazzjoni tal-ftehimiet ta’ sostenibbiltà skont l-Artikolu 101(1) u tiffoka fuq l-aktar ftehimiet komuni ta’ sostenibbiltà, jiġifieri dawk li jistabbilixxu standards ta’ sostenibbiltà; It-Taqsima 9.4 tkopri aspetti speċifiċi tal-valutazzjoni tal-ftehimiet ta’ sostenibbiltà skont l-Artikolu 101(3); It-Taqsima 9.5 tiddiskuti l-konsegwenzi tal-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi fil-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ sostenibbiltà. Fl-aħħar nett, it-Taqsima 9.6 tipprovdi valutazzjoni ta’ eżempji ipotetiċi ta’ ftehimiet ta’ sostenibbiltà.

9.2.   Ftehimiet ta’ sostenibbiltà li x’aktarx ma jqanqlux tħassib dwar il-kompetizzjoni

527.

Mhux il-ftehimiet ta’ sostenibbiltà kollha bejn il-kompetituri jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101. Meta tali ftehimiet ma jaffettwawx b’mod negattiv il-parametri tal-kompetizzjoni, bħall-prezz, il-kwantità, il-kwalità, l-għażla jew l-innovazzjoni, dawn ma jqanqlux tħassib dwar id-dritt tal-kompetizzjoni. Dawn li ġejjin huma eżempji ta’ ftehimiet ta’ sostenibbiltà li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101. Dawn l-eżempji huma illustrattivi u ma humiex eżawrjenti.

528.

L-ewwel nett, ftehimiet li għandhom biss l-għan li jiżguraw konformità ma’ rekwiżiti jew ma’ projbizzjonijiet preċiżi biżżejjed fi trattati, fi ftehimiet jew f’konvenzjonijiet internazzjonali legalment vinkolanti, kemm jekk ikunu ġew implimentati fid-dritt nazzjonali kif ukoll jekk le (pereżempju, konformità mad-drittijiet soċjali fundamentali jew projbizzjonijiet fuq l-użu tat-tħaddim tat-tfal, il-qtugħ ta’ ċerti tipi ta’ injam tropikali jew l-użu ta’ ċerti sustanzi niġġiesa) u li ma humiex implimentati jew infurzati bis-sħiħ minn Stat firmatarju, jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101. Din l-esklużjoni mill-Artikolu 101 tapplika biss jekk il-ftehim jipprevedi li l-impriżi parteċipanti, il-fornituri tagħhom u/jew id-distributuri tagħhom jeħtiġilhom jikkonformaw ma’ tali rekwiżiti jew projbizzjonijiet, pereżempju, billi jipprevjenu, inaqqsu jew jeliminaw il-produzzjoni jew l-importazzjoni fl-UE ta’ prodotti li jmorru kontra tali rekwiżiti jew projbizzjonijiet. Tali ftehimiet jistgħu jkunu miżura xierqa li tippermetti lill-impriżi jimplimentaw l-obbligi tagħhom ta’ diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà skont id-dritt nazzjonali jew tal-UE u jistgħu wkoll jifformaw parti minn skemi usa’ ta’ kooperazzjoni industrijali jew minn inizjattivi bejn diversi partijiet ikkonċernati sabiex jidentifikaw, jimmitigaw u jipprevjenu impatti avversi fuq is-sostenibbiltà fil-ktajjen tal-valur tagħhom jew fis-settur tagħhom.

529.

It-tieni, ftehimiet li ma jikkonċernawx l-attività ekonomika tal-impriżi, iżda l-imġiba korporattiva interna tagħhom, ġeneralment jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101. L-impriżi kompetituri jistgħu jfittxu li jżidu r-reputazzjoni tal-industrija tagħhom li hija responsabbli għall-ambjent, u għal dan l-għan jaqblu, pereżempju, dwar miżuri sabiex jeliminaw plastiks li jintużaw darba biss mill-binjiet tan-negozju tagħhom; li ma jaqbżux ċerta temperatura ambjentali fil-bini tagħhom, jew li jillimitaw il-volum ta’ dokumenti interni li jipprintjaw.

530.

It-tielet, ftehimiet sabiex tiġi stabbilita bażi tad-data li jkun fiha informazzjoni ġenerali dwar il-fornituri li jkollhom ktajjen tal-valur (in)sostenibbli (pereżempju, fornituri li jirrispettaw id-drittijiet tal-ħaddiema jew iħallsu pagi li jiggarantixxu l-għajxien); jużaw proċessi tal-produzzjoni (in)sostenibbli, jew ifornu inputs (in)sostenibbli, jew informazzjoni dwar distributuri li jikkummerċjalizzaw prodotti b’mod (in)sostenibbli, iżda li ma jipprojbixxux jew ma jobbligawx lill-partijiet milli jixtru mingħand tali fornituri jew li jbigħu lil tali distributuri, ġeneralment ma jirrestrinġux il-kompetizzjoni u jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 (370). Tali forom limitati ta’ skambju ta’ informazzjoni jistgħu wkoll jgħinu lill-impriżi jissodisfaw l-obbligi tagħhom ta’ diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà skont id-dritt nazzjonali jew tal-UE.

531.

Ir-raba’, ftehimiet bejn kompetituri relatati mal-organizzazzjoni ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni mal-industrija kollha, jew ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni fost il-klijenti dwar l-impatt ambjentali jew esternalitajiet negattivi oħrajn tal-konsum tagħhom, dment li ma jkunux jammontaw għal reklamar konġunt ta’ prodotti speċifiċi, ġeneralment lanqas ma jirrestrinġu l-kompetizzjoni u ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101.

9.3.   Valutazzjoni tal-ftehimiet ta’ sostenibbiltà skont l-Artikolu 101(1)

9.3.1.   Prinċipji ġenerali

532.

Meta l-ftehimiet ta’ sostenibbiltà jaffettwaw b’mod negattiv parametru wieħed jew aktar tal-kompetizzjoni, dawn iridu jiġu vvalutati skont l-Artikolu 101(1).

533.

Meta ftehim ta’ kooperazzjoni bejn kompetituri (kemm jekk ikun kopert minn xi wieħed mill-Kapitoli preċedenti ta’ dawn il-Linji Gwida kif ukoll jekk le) ikollu objettiv ta’ sostenibbiltà, dan irid jitqies għall-fini li jiġi ddeterminat jekk il-ftehim jirrestrinġix il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) (371).

534.

Meta l-partijiet għal ftehim ikunu kapaċi jissostanzjaw li l-għan ewlieni tal-ftehim tagħhom huwa l-ilħuq ta’ objettiv ta’ sostenibbiltà, u meta dan jitfa’ dubju raġonevoli dwar jekk il-ftehim, fin-natura proprja tiegħu, b’kunsiderazzjoni tal-kontenut tad-dispożizzjonijiet tiegħu, tal-objettivi tiegħu u tal-kuntest ekonomiku u legali tiegħu, jiżvela grad suffiċjenti ta’ ħsara għall-kompetizzjoni li għandu jkun ikkunsidrat bħala restrizzjoni minħabba l-għan (372), l-effetti tal-ftehim dwar il-kompetizzjoni jeħtieġ li jkunu vvalutati. Dan ma huwiex il-każ meta l-ftehim jintuża biex jgħatti restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan bħall-iffissar tal-prezzijiet, kondiviżjoni tas-suq jew allokazzjoni tal-kapaċità, jew limitazzjoni tal-output jew tal-innovazzjoni.

535.

Kwalunkwe valutazzjoni tal-effetti titwettaq skont il-prinċipji stabbiliti fit-Taqsima 1.2.5 u fit-Taqsimiet dwar “Effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni” tal-Kapitolu preċedenti ta’ dawn il-Linji Gwida li jikkorrispondi għat-tip partikolari ta’ ftehim orizzontali (373). Il-fatturi li ġejjin għandhom b’mod partikolari jitqiesu meta jiġu vvalutati l-effetti ta’ ftehim ta’ sostenibbiltà: is-saħħa fis-suq tal-partijiet li jipparteċipaw fil-ftehim; il-grad sa fejn il-ftehim jillimita l-indipendenza tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-partijiet fir-rigward tal-parametri ewlenin tal-kompetizzjoni; il-kopertura tas-suq tal-ftehim; il-punt sa fejn tiġi skambjata informazzjoni kummerċjalment sensittiva fil-kuntest tal-ftehim; u jekk il-ftehim jirriżultax f’żieda sinifikanti fil-prezz jew fi tnaqqis sinifikanti fl-output, fil-varjetà, fil-kwalità jew fl-innovazzjoni.

536.

Ftehimiet ta’ sostenibbiltà li jirrestrinġu l-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1), jew minħabba l-għan jew b’effett, xorta jistgħu jibbenefikaw mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 101(3) jekk il-partijiet ikunu jistgħu juru li l-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi ta’ dik id-dispożizzjoni huma ssodisfati (ara t-Taqsima 9.4).

9.3.2.   Ftehimiet ta’ standardizzazzjoni tas-sostenibbiltà

537.

Il-ftehimiet ta’ standardizzazzjoni dwar is-sostenibbiltà huma subkategorija ta’ ftehimiet ta’ sostenibbiltà. Il-konformità tagħhom mal-Artikolu 101 għandha tiġi vvalutata skont il-prinċipji li ġejjin.

9.3.2.1.   Definizzjoni u karatteristiċi

538.

Sabiex jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli, il-kompetituri jistgħu jkunu jixtiequ jaqblu li jeliminaw, jirtiraw, jew, f’xi każijiet, jissostitwixxu prodotti mhux sostenibbli (pereżempju, plastiks jew fjuwils fossili, bħaż-żejt u l-faħam) u proċessi mhux sostenibbli (pereżempju, il-produzzjoni tal-azzar bil-faħam) b’oħrajn sostenibbli. Il-kompetituri jistgħu wkoll ikunu jixtiequ jaqblu li jarmonizzaw il-materjali tal-imballaġġ sabiex jiffaċilitaw ir-riċiklaġġ jew jarmonizzaw id-daqsijiet tal-imballaġġ (u għalhekk il-kontenut tal-prodotti) sabiex jitnaqqas l-iskart. Jistgħu jkunu jixtiequ jaqblu li jixtru biss inputs ta’ produzzjoni li jkunu ġew immanifatturati b’mod sostenibbli. B’mod simili, jistgħu jkunu jixtiequ jaqblu dwar ċerti standards sabiex itejbu t-trattament xieraq tal-annimali (eż. standards sabiex l-annimali jiġu pprovduti b’aktar spazju u b’kundizzjonijiet tal-għajxien aħjar). Għal dawn il-finijiet, il-kompetituri jistgħu jaqblu li jadottaw u jikkonformaw ma’ ċerti standards ta’ sostenibbiltà. F’dan il-Kapitolu, tali ftehimiet jissejħu “ftehimiet ta’ standardizzazzjoni dwar is-sostenibbiltà” jew “standards ta’ sostenibbiltà”. Madankollu, għall-finijiet ta’ dawn il-Linji Gwida, ftehimiet bejn kompetituri li jillimitaw l-output tal-impriżi parteċipanti tal-prodotti kkonċernati mill-ftehim ma jikkwalifikawx bħala ftehimiet ta’ standardizzazzjoni dwar is-sostenibbiltà.

539.

Il-ftehimiet ta’ standardizzazzjoni dwar is-sostenibbiltà jintużaw sabiex jispeċifikaw ir-rekwiżiti li l-produtturi, il-proċessuri, id-distributuri, il-bejjiegħa bl-imnut jew il-fornituri ta’ servizzi f’katina tal-provvista jeħtiġilhom jissodisfaw fir-rigward ta’ firxa wiesgħa ta’ metriki tas-sostenibbiltà, bħall-impatti ambjentali tal-produzzjoni (374). Il-ftehimiet ta’ standardizzazzjoni dwar is-sostenibbiltà normalment jipprovdu regoli, linji gwida jew karatteristiċi għall-prodotti u għall-proċessi fir-rigward ta’ tali metriki tas-sostenibbiltà u xi drabi jissejħu sistemi ta’ sostenibbiltà. Spiss ikunu inizjattivi privati u jistgħu jvarjaw minn kodiċijiet tal-kondotta adottati mill-impriżi, sa standards xprunati minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u inizjattivi b’diversi partijiet ikkonċernati li jinvolvu impriżi fil-katina tal-valur (375). Dawn il-Linji Gwida jkopru biss l-istandards ta’ sostenibbiltà żviluppati mill-kompetituri jew li fihom jipparteċipaw il-kompetituri, inklużi marki jew tikketti tal-kwalità.

540.

Il-ftehimiet ta’ standardizzazzjoni dwar is-sostenibbiltà għandhom similaritajiet mal-ftehimiet ta’ standardizzazzjoni indirizzati fil-Kapitolu 7, u l-gwida pprovduta f’dak il-Kapitolu fiha spjegazzjonijiet ulterjuri ta’ xi wħud mill-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima 9.3.2.4. Madankollu, il-ftehimiet ta’ standardizzazzjoni dwar is-sostenibbiltà għandhom karatteristiċi speċifiċi wkoll.

541.

L-ewwel nett, l-adozzjoni ta’ standard ta’ sostenibbiltà tista’ twassal għall-ħolqien ta’ tikketta, ta’ logo jew ta’ isem tal-marka għal prodotti li jissodisfaw ċerti rekwiżiti minimi. L-użu ta’ tikketti, ta’ logos jew ta’ ismijiet tal-marka bħal dawn fil-prinċipju jobbliga lil dawk li jadottawhom jikkonformaw ma’ dawk ir-rekwiżiti u, jekk ma jibqgħux jagħmlu dan, jitilfu d-dritt li jużaw it-tikketta, il-logo jew l-isem tal-marka.

542.

It-tieni, il-kost tal-aderenza u tal-konformità ma’ standard ta’ sostenibbiltà jista’ jkun għoli, b’mod partikolari jekk dan ikun jeħtieġ bidliet fil-proċessi ta’ produzzjoni jew ta’ distribuzzjoni eżistenti. Għalhekk, l-aderenza ma’ standard ta’ sostenibbiltà tista’ twassal għal żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni u konsegwentement għal żieda fil-prezz tal-prodotti mibjugħa mill-partijiet.

543.

It-tielet, għall-kuntrarju tal-istandards tekniċi, li jiżguraw l-interoperabbiltà u jħeġġu l-kompetizzjoni bejn teknoloġiji żviluppati minn impriżi differenti fil-proċess tal-iżvilupp ta’ standard, il-kwistjonijiet ta’ interoperabbiltà u ta’ kompatibbiltà bejn it-teknoloġiji ġeneralment ikunu anqas rilevanti għall-istandards ta’ sostenibbiltà.

544.

Ir-raba’, ħafna standards ta’ sostenibbiltà huma bbażati fuq il-proċessi, il-ġestjoni jew il-prestazzjoni. Dan ifisser li, għall-kuntrarju ta’ ħafna standards tekniċi, l-istandards ta’ sostenibbiltà spiss jispeċifikaw sempliċiment għan li għandu jintlaħaq, mingħajr ma jimponu teknoloġija jew metodu ta’ produzzjoni speċifiċi sabiex jintlaħaq dak l-għan. Dawk li jadottaw standards ta’ sostenibbiltà bħal dawn jistgħu jimpenjaw ruħhom li jilħqu l-mira iżda jibqgħu liberi li jiddeċiedu dwar l-użu ta’ teknoloġija jew ta’ metodu ta’ produzzjoni partikolari sabiex jilħqu l-mira.

9.3.2.2.   Tħassib ewlieni dwar il-kompetizzjoni

545.

Il-ftehimiet ta’ standardizzazzjoni tas-sostenibbiltà spiss ikollhom effetti pożittivi fuq il-kompetizzjoni. Jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli billi jippermettu l-iżvilupp ta’ prodotti jew ta’ swieq ġodda, iżidu l-kwalità tal-prodotti jew itejbu l-kundizzjonijiet tal-provvista jew tad-distribuzzjoni. B’mod partikolari, billi tiġi pprovduta informazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà (eż. permezz ta’ tikketti), l-istandards ta’ sostenibbiltà jagħtu s-setgħa lill-konsumaturi biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar ix-xiri u, għalhekk, għandhom rwol fl-iżvilupp ta’ swieq għal prodotti sostenibbli. Fl-aħħar nett, l-istandards ta’ sostenibbiltà jistgħu wkoll joħolqu kundizzjonijiet ekwi bejn il-produtturi li huma soġġetti għal rekwiżiti regolatorji differenti.

546.

Madankollu, f’xi ċirkostanzi, l-istandards ta’ sostenibbiltà jistgħu jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Dan jista’ jseħħ partikolarment bi tliet modi: permezz tal-koordinazzjoni tal-prezzijiet, l-esklużjoni ta’ standards alternattivi, u l-esklużjoni ta’ ċerti kompetituri jew id-diskriminazzjoni kontrihom (376).

9.3.2.3.   Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan

547.

L-istandards ta’ sostenibbiltà li jintużaw sabiex jaħbu l-iffissar tal-prezzijiet, l-allokazzjoni tas-suq jew tal-klijent, il-limitazzjonijiet tal-output jew il-limitazzjonijiet tal-kwalità jew tal-innovazzjoni jirrestrinġu l-kompetizzjoni minħabba l-għan.

548.

B’mod partikolari, ftehim bejn kompetituri dwar kif jgħaddu lill-klijenti ż-żieda fil-kostijiet li tirriżulta mill-adozzjoni ta’ standard ta’ sostenibbiltà fil-forma ta’ żieda fil-prezzijiet tal-bejgħ jew sabiex jiffissaw il-prezzijiet tal-prodotti li jinkorporaw l-istandard jirrestrinġu l-kompetizzjoni minħabba l-għan. B’mod simili, ftehim bejn il-partijiet għal standard ta’ sostenibbiltà sabiex jagħmlu pressjoni diretta fuq partijiet terzi kompetituri sabiex iżommu lura milli jikkummerċjalizzaw prodotti li ma jikkonformawx mal-istandard jirrestrinġi l-kompetizzjoni minħabba l-għan. L-istess japplika għal ftehimiet bejn kompetituri sabiex jillimitaw l-iżvilupp teknoloġiku għall-istandards minimi ta’ sostenibbiltà meħtieġa mil-liġi, minflok ma jikkooperaw sabiex jilħqu għanijiet ambjentali aktar ambizzjużi (377).

9.3.2.4.   Effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni

(a)   Regola mhux vinkolanti rigward il-livell xieraq ta’ protezzjoni

549.

Il-ftehimiet ta’ standardizzazzjoni dwar is-sostenibbiltà x’aktarx li ma jagħtux effetti negattivi sinifikanti fuq il-kompetizzjoni dment li jiġu ssodisfati s-sitt kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin (378):

L-ewwel nett, il-proċedura għall-iżvilupp tal-istandard ta’ sostenibbiltà trid tkun trasparenti, u l-kompetituri interessati kollha jeħtieġ li jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-proċess li jwassal għall-għażla tal-istandard (379).

It-tieni, l-istandard ta’ sostenibbiltà ma jistax jimponi fuq impriżi li ma jkunux jixtiequ jipparteċipaw fl-istandard xi obbligu dirett jew indirett sabiex jikkonformaw mal-istandard (380).

It-tielet, sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-istandard, jistgħu jiġu imposti rekwiżiti vinkolanti fuq l-impriżi parteċipanti, iżda jeħtieġ li dawn jibqgħu liberi li japplikaw standards ogħla ta’ sostenibbiltà.

Ir-raba’, il-partijiet għall-istandard ta’ sostenibbiltà ma għandhomx jiskambjaw informazzjoni kummerċjalment sensittiva li ma tkunx oġġettivament neċessarja u proporzjonata għall-iżvilupp, għall-implimentazzjoni, għall-adozzjoni jew għall-modifika tal-istandard (381).

Il-ħames, irid jiġi żgurat aċċess effettiv u mhux diskriminatorju għall-eżitu tal-proċess ta’ stabbiliment tal-istandards. Dan jinkludi l-permess ta’ aċċess effettiv u mhux diskriminatorju għar-rekwiżiti u għall-kundizzjonijiet għall-użu tat-tikketta, tal-logo jew tal-isem tal-marka miftiehem, u l-possibbiltà li l-impriżi li ma pparteċipawx fil-proċess ta’ żvilupp tal-istandard jadottaw l-istandard fi stadju aktar tard (382).

Is-sitt, l-istandard ta’ sostenibbiltà jrid jissodisfa tal-anqas waħda miż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

L-istandard ma jistax iwassal għal żieda sinifikanti fil-prezz (383) jew għal tnaqqis sinifikanti fil-kwalità tal-prodotti kkonċernati;

(b)

Is-sehem mis-suq kombinat tal-impriżi parteċipanti (384) ma jistax jaqbeż l-20 % fi kwalunkwe suq rilevanti affettwat mill-istandard (385).

550.

Dawn il-kundizzjonijiet jiżguraw li l-istandard ta’ sostenibbiltà ma jwassalx għal restrizzjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni (pereżempju, billi jiġu eliminati varjanti tal-prodott anqas għaljin mis-suq). Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet jiżguraw li l-istandard ma jipprekludix standards alternattivi, jew jeskludi jew jiddiskrimina kontra impriżi oħrajn, u jiżguraw aċċess effettiv għall-istandard. Il-kundizzjoni li ma tiġix skambjata informazzjoni kummerċjalment sensittiva mhux neċessarja tiżgura li l-iskambji ta’ informazzjoni jkunu limitati għal dak li jkun neċessarju u proporzjonat għall-proċedura tal-iffissar tal-istandards u li ma jintużawx sabiex jiffaċilitaw il-kollużjoni jew jirrestrinġu l-kompetizzjoni bejn il-partijiet.

551.

Kif imsemmi fil-paragrafu 542, l-istandards ta’ sostenibbiltà spiss iwasslu għal żidiet fil-prezzijiet. Madankollu, meta l-istandard jiġi adottat minn impriżi li jirrappreżentaw sehem sinifikanti mis-suq, jista’ jippermetti lill-impriżi jippreservaw il-livell tal-prezz preċedenti jew japplikaw biss żieda insinifikanti fil-prezz. Dan se jkun partikolarment rilevanti meta l-prodott kopert mill-istandard ta’ sostenibbiltà jirrappreżenta biss kost żgħir tal-input għall-prodott.

552.

In-nuqqas ta’ konformità ma’ waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet tar-regola mhux vinkolanti rigward il-livell xieraq ta’ protezzjoni ma joħloqx preżunzjoni li l-ftehim ta’ standardizzazzjoni dwar is-sostenibbiltà jirrestrinġi l-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1). Madankollu, jekk waħda jew aktar minn dawn il-kundizzjonijiet ma jiġux issodisfati, ikun neċessarju li titwettaq valutazzjoni individwali tal-ftehim skont l-Artikolu 101. Hemm mudelli differenti għall-iffissar tal-istandards, u l-impriżi huma liberi li jaqblu dwar regoli u proċeduri li ma jiksrux ir-regoli tal-kompetizzjoni, anki jekk jistgħu jvarjaw minn dawk deskritti fil-paragrafu 549 aktar ’il fuq.

553.

Ftehim ta’ standardizzazzjoni dwar is-sostenibbiltà huwa aktar probabbli li jippromwovi l-kisba ta’ objettiv ta’ sostenibbiltà jekk jipprevedi mekkaniżmu jew sistema ta’ monitoraġġ li tiżgura li l-impriżi li jadottaw l-istandard ta’ sostenibbiltà jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-istandard (386).

(b)   Valutazzjoni skont l-Artikolu 101(1) barra mir-regola mhux vinkolanti rigward il-livell xieraq ta’ protezzjoni

554.

Sabiex jiġu vvalutati l-effetti tal-ftehimiet ta’ standardizzazzjoni dwar is-sostenibbiltà li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tar-regola mhux vinkolanti rigward il-livell xieraq ta’ protezzjoni, għandhom jitqiesu l-fatturi elenkati fil-paragrafu 549 kif ukoll il-kapaċità għal partijiet terzi li jipparteċipaw fil-ftehim.

555.

L-istandard ta’ sostenibbiltà xorta jista’ ma jkollux effetti antikompetittivi sinifikanti minħabba li tkun teżisti kompetizzjoni suffiċjenti minn tikketti jew minn standards alternattivi ta’ sostenibbiltà u/jew minn prodotti manifatturati u distribwiti barra minn kwalunkwe tikketta jew standard ta’ sostenibbiltà. Anke jekk il-kopertura tas-suq tal-ftehim ta’ standardizzazzjoni dwar is-sostenibbiltà tkun sinifikanti, ir-restrizzjoni eżerċitata mill-kompetizzjoni potenzjali xorta tista’ tkun biżżejjed, b’mod partikolari f’każijiet li fihom il-ftehim ta’ standardizzazzjoni dwar is-sostenibbiltà jkun limitat għall-istabbiliment ta’ tikketta, u b’hekk id-ditti parteċipanti jitħallew liberi li joperaw ukoll barra mit-tikketta. F’dak il-każ, il-konsumaturi jkollhom l-għażla li jixtru prodotti li jkollhom it-tikketta jew prodotti oħrajn, possibbilment manifatturati mill-istess impriżi, li ma jikkonformawx mat-tikketta, u għalhekk il-kompetizzjoni x’aktarx li ma tkunx ristretta (387). F’każijiet li fihom ftehim ta’ standardizzazzjoni dwar is-sostenibbiltà x’aktarx li jwassal għal żieda sinifikanti fil-prezz jew għal tnaqqis fl-output, fil-varjetà tal-prodotti, fil-kwalità jew fl-innovazzjoni, il-ftehim xorta waħda jista’ jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3)

9.4.   Valutazzjoni tal-ftehimiet ta’ sostenibbiltà skont l-Artikolu 101(3)

556.

Ftehim ta’ sostenibbiltà li jirrestrinġi l-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) jista’ jibbenefika mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 101(3) jekk il-partijiet għall-ftehim ikunu jistgħu juru li l-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi ta’ dik id-dispożizzjoni huma ssodisfati.

9.4.1.   Titjib fl-effiċjenza

557.

L-ewwel kundizzjoni tal-Artikolu 101(3) teħtieġ li l-ftehim jikkontribwixxi sabiex itejjeb il-produzzjoni jew id-distribuzzjoni tal-oġġetti jew jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-progress tekniku jew ekonomiku. Essenzjalment, jeħtieġ li l-ftehim jikkontribwixxi għal effiċjenzi oġġettivi, mifhumin f’termini wiesgħa, li jinkludu mhux biss tnaqqis fil-kostijiet tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni iżda wkoll żidiet fil-varjetà u fil-kwalità tal-prodotti, titjib fil-proċessi tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni, u żidiet fl-innovazzjoni (388). Għalhekk, jippermetti li titqies firxa wiesgħa ta’ benefiċċji għas-sostenibbiltà li jirriżultaw mill-użu ta’ ingredjenti, ta’ teknoloġiji u ta’ proċessi tal-produzzjoni partikolari.

558.

Eżempji ta’ effiċjenzi li jistgħu jiġu ġġenerati minn ftehimiet ta’ sostenibbiltà jinkludu l-użu ta’ teknoloġiji ta’ produzzjoni jew ta’ distribuzzjoni li jniġġsu anqas, kundizzjonijiet imtejbin ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni, infrastruttura aktar reżiljenti, prodotti ta’ kwalità aħjar. Il-ftehimiet dwar is-sostenibbiltà jistgħu jnaqqsu wkoll it-tfixkil fil-katina tal-provvista, iqassru ż-żmien meħtieġ sabiex il-prodotti sostenibbli jiddaħħlu fis-suq u jippermettu lill-konsumaturi jieħdu deċiżjonijiet informati dwar ix-xiri billi jiffaċilitaw it-tqabbil tal-prodotti. Dan it-titjib fl-effiċjenza jista’ jikkontribwixxi għal suq intern reżiljenti.

559.

Tali effiċjenzi ma jistgħux sempliċiment jiġu preżunti; iridu jkunu jistgħu jiġu ssostanzjati (389). Jeħtieġ ukoll li jkunu oġġettivi, konkreti u verifikabbli (390). Pereżempju, jekk l-effiċjenza asserita tikkonsisti f’titjib tal-prodott, il-partijiet jeħtiġilhom ikunu jistgħu juru l-karatteristiċi eżatti tat-titjib tal-prodott. Jekk l-effiċjenza asserita tkun it-tnaqqis tal-kontaminazzjoni tal-ilma, il-partijiet jeħtiġilhom ikunu jistgħu jispjegaw kif il-ftehim jikkontribwixxi eżattament għat-tnaqqis tal-kontaminazzjoni tal-ilma u jipprovdi stima tal-firxa tal-benefiċċju ddikjarat (391).

9.4.2.   Indispensabbiltà

560.

Għall-finijiet ta’ dawn il-Linji Gwida, xieraq li tiġi indirizzata t-tielet kundizzjoni tal-Artikolu 101(3) (indispensabbiltà), qabel it-tieni kundizzjoni (is-sehem ġust għall-konsumaturi). Dan għaliex l-analiżi tas-sehem ġust għall-konsumaturi ma għandhiex tinkludi l-effetti ta’ kwalunkwe restrizzjoni li ma tissodisfax il-kundizzjoni ta’ indispensabbiltà u li għalhekk huma pprojbiti mill-Artikolu 101 (392).

561.

Skont it-tielet kundizzjoni tal-Artikolu 101(3), il-ftehim restrittiv ma jistax jimponi restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li ma jkunux indispensabbli għall-kisba tal-benefiċċji ġġenerati mill-ftehim. Sabiex jissodisfaw din il-kundizzjoni, il-partijiet jeħtiġilhom ikunu jistgħu juru li l-ftehim tagħhom fih innifsu, u kull restrizzjoni tal-kompetizzjoni li dan jinvolvi, ikunu raġonevolment neċessarji sabiex jimmaterjalizzaw il-benefiċċji tas-sostenibbiltà ddikjarati, u li ma hemm l-ebda mezz ieħor ekonomikament prattikabbli u anqas restrittiv sabiex jinkisbu dawk il-benefiċċji (393).

562.

Fil-prinċipju, kull impriża għandha tiddeċiedi għaliha nnifisha kif tikseb il-benefiċċji ta’ sostenibbiltà, u sa fejn il-konsumaturi jgħożżu tali benefiċċji, is-suq jippremja deċiżjonijiet tajbin u jissanzjona dawk ħżiena. Meta jkun hemm domanda għal prodotti sostenibbli, il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni ġeneralment ma jkunux indispensabbli għall-kisba tal-benefiċċji tas-sostenibbiltà. Madankollu, jistgħu jkunu indispensabbli sabiex jintlaħaq għan ta’ sostenibbiltà b’mod aktar kosteffiċjenti jew aktar mgħaġġel (394).

563.

Ftehim ta’ sostenibbiltà jista’ jkun indispensabbli f’każijiet li fihom il-partijiet ikunu jistgħu juru li l-konsumaturi fis-suq rilevanti jsibuha diffiċli, pereżempju minħabba nuqqas ta’ għarfien jew ta’ informazzjoni suffiċjenti dwar il-prodott jew il-konsegwenzi tal-użu tiegħu, sabiex jiġi vvalutat b’mod oġġettiv jekk il-benefiċċji li jiksbu mill-ftehim ta’ sostenibbiltà jegħlbux il-ħsara li se jġarrbu mill-ftehim u li, b’riżultat ta’ dan, huma jissopravvalutaw id-daqs tal-effetti negattivi immedjati. Pereżempju, il-manifatturi tal-oġġetti għall-konsumatur li ma jdumux fuq l-ixkaffa spiss jużaw imballaġġ kbir minħabba li l-konsumaturi jqisu li akbar ifisser aħjar. Jekk il-manifatturi jnaqqsu l-imballaġġ żejjed filwaqt li jżommu l-istess kontenut, il-konsumaturi ma jġarrbu l-ebda ħsara, madankollu jistgħu jipperċepixxu l-pakkett iżgħar bħala tnaqqis fil-kwantità (ara l-Eżempju 1 fil-paragrafu 599). Bl-istess mod, il-konsumaturi jaf ma japprezzawx il-valur tal-benefiċċji futuri fil-forma ta’ kwalità jew ta’ innovazzjoni mtejba meta l-effett immedjat tal-ftehim ikun żieda fil-prezz tal-prodott (395).

564.

Esternalitajiet negattivi jew fallimenti oħrajn tas-suq spiss jiġu indirizzati permezz tal-ordni pubbliku u r-regolamentazzjoni. Dawn il-miżuri pubbliċi tipikament jeħtieġu azzjoni minn dawk kollha involuti, sabiex jiġu żgurati eżiti effiċjenti tas-suq billi ċ-ċittadini u l-impriżi jsiru responsabbli għall-konsegwenzi tas-sostenibbiltà tal-għażliet/azzjonijiet individwali tagħhom (396). Għalhekk, meta d-dritt tal-UE jew dak nazzjonali jirrekjedu li l-impriżi jikkonformaw ma’ obbligi speċifiċi li għandhom objettiv ta’ sostenibbiltà, ftehimiet ta’ kooperazzjoni u r-restrizzjonijiet li jinvolvu ma jistgħux jitqiesu bħala indispensabbli sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-obbligu impost, minħabba li l-leġiżlatur diġà ddeċieda li kull impriża jeħtiġilha tikkonforma individwalment mal-obbligu inkwistjoni (397).

565.

Madankollu, anke fil-preżenza ta’ regolamentazzjoni, il-ftehimiet xorta jistgħu jkunu indispensabbli għall-kisba tal-benefiċċji tas-sostenibbiltà f’sitwazzjonijiet speċifiċi. L-ewwel nett, dan jista’ jkun il-każ jekk mhux l-aspetti kollha ta’ falliment tas-suq jiġu indirizzati mir-regolament, u dan iħalli ambitu residwu għall-ftehimiet ta’ kooperazzjoni. Pereżempju, meta l-impriżi jidħlu fi ftehim ta’ sostenibbiltà sabiex jiksbu standard ta’ sostenibbiltà sostanzjalment ogħla minn dak stabbilit mir-regolament. It-tieni, il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni jistgħu jkunu indispensabbli sabiex jintlaħaq l-għan b’mod aktar kosteffiċjenti jew aktar malajr, dment li r-regolament rilevanti jħalli lok għall-kumpaniji sabiex jaqblu dwar dan u, meta jagħmlu dan, jirrispettaw ir-rekwiżiti kollha tar-regolament.

566.

Jista’ jkun hemm każijiet oħrajn li fihom, minħabba esternalitajiet negattivi jew fallimenti oħrajn tas-suq, il-benefiċċji tas-sostenibbiltà ma jistgħux jinkisbu permezz tal-interazzjoni libera tal-forzi tas-suq, jew jistgħu jinkisbu b’mod aktar kosteffiċjenti permezz ta’ kooperazzjoni bejn l-impriżi. Pereżempju, jista’ jkun neċessarju ftehim ta’ sostenibbiltà - f’fażi inizjali - sabiex jiġi evitat l-isfruttament bla ħlas tal-investimenti meħtieġa għall-promozzjoni ta’ prodott sostenibbli u sabiex tiġi pprovduta informazzjoni lill-konsumaturi (sabiex jingħeleb l-hekk imsejjaħ “żvantaġġ ta’ min jidħol l-ewwel”) (398).

567.

F’dan il-kuntest, jista’ jkun neċessarju wkoll ftehim restrittiv sabiex jinkisbu ekonomiji ta’ skala, b’mod partikolari sabiex tintlaħaq skala suffiċjenti sabiex jiġu koperti l-kostijiet fissi tal-istabbiliment, tal-operat u tal-monitoraġġ ta’ tikketta jew ta’ standard tas-sostenibbiltà. Ir-restrizzjonijiet jistgħu jkunu indispensabbli wkoll sabiex l-inċentivi tal-partijiet jiġu allinjati u jiġi żgurat li dawn jikkonċentraw l-isforzi tagħhom fuq l-implimentazzjoni tal-ftehim (399). Jekk il-ftehim jobbliga lill-partijiet sabiex ma joperawx barra mit-tikketta jew mill-istandard, iridu jkunu jistgħu juru għaliex sempliċiment l-istabbiliment ta’ tikketta jew ta’ standard ma jkunx biżżejjed sabiex jinkisbu l-effiċjenzi. B’mod ġenerali, huwa biżżejjed li l-ftehim jiddefinixxi l-istandard ta’ sostenibbiltà bħala standard minimu komuni, u b’hekk l-impriżi parteċipanti jitħallew liberi li japplikaw individwalment standards ogħla ta’ sostenibbiltà.

568.

Bħala regola ġenerali, l-obbligi imposti mill-ftehimiet ta’ sostenibbiltà ma jistgħux imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-objettiv tal-ftehim.

9.4.3.   Trasferiment lill-konsumaturi

569.

It-tieni kundizzjoni tal-Artikolu 101(3) tirrikjedi li l-konsumaturi jirċievu sehem ġust mill-benefiċċji ddikjarati. Il-kunċett ta’ “konsumaturi” jinkludi l-klijenti diretti u indiretti kollha tal-prodotti koperti mill-ftehim (400). Il-konsumaturi jirċievu sehem ġust tal-benefiċċji meta l-benefiċċji li jirriżultaw mill-ftehim jisbqu l-ħsara kkawżata mill-ftehim, sabiex l-effett ġenerali fuq il-konsumaturi fis-suq rilevanti jkun tal-anqas newtrali (401). Għalhekk, il-benefiċċji tas-sostenibbiltà li jirriżultaw minn ftehim iridu jkunu favur il-konsumaturi tal-prodotti koperti minn dak il-ftehim.

570.

Jista’ jkun hemm każijiet li fihom il-ħsara kompetittiva tkun insinifikanti b’mod ċar meta mqabbla mal-benefiċċji potenzjali għall-konsumaturi fis-suq rilevanti, u b’hekk tiġi evitata l-ħtieġa għal valutazzjoni dettaljata. Min-naħa l-oħra, f’ħafna każijiet, jista’ jkun ovvju jew li l-benefiċċji għas-sostenibbiltà asseriti ma jkunux favur il-konsumaturi fis-suq rilevanti jew li ma jkunux sinifikanti biżżejjed sabiex jikkumpensaw għad-dannu mġarrab minn dawk il-konsumaturi. Madankollu, jista’ jkun hemm ukoll każijiet li fihom ma tkunx tista’ tiġi evitata valutazzjoni dettaljata.

9.4.3.1.   Benefiċċji individwali tal-valur tal-użu

571.

Il-benefiċċji għall-konsumatur tipikament jirriżultaw mill-konsum jew mill-użu tal-prodotti koperti mill-ftehim li qed jiġi vvalutat. Dawn il-benefiċċji jistgħu jieħdu l-forma ta’ kwalità mtejba tal-prodott jew ta’ varjetà ta’ prodotti li tirriżulta minn effiċjenzi kwalitattivi, jew jieħdu l-forma ta’ tnaqqis fil-prezz bħala riżultat ta’ effiċjenzi fil-kostijiet. Tali benefiċċji jistgħu jirriżultaw ukoll mill-konsum ta’ prodott sostenibbli bl-istess mod kif jirriżultaw mill-konsum ta’ kwalunkwe prodott ieħor. Dawn il-benefiċċji jistgħu jissejħu “benefiċċji tal-valur tal-użu individwali”, minħabba li jirriżultaw mill-użu tal-prodott u jtejbu direttament l-esperjenza tal-konsumatur tal-prodott inkwistjoni.

572.

Pereżempju, il-ħxejjex li jiġu kkultivati bl-użu ta’ fertilizzanti organiċi jista’ jkollhom togħma aħjar u/jew ikunu aktar sustanzjużi għall-konsumaturi mill-ħxejjex prodotti b’fertilizzanti mhux organiċi. Bl-istess mod, is-sostituzzjoni tal-plastik f’ċerti prodotti b’materjali aktar dejjiema tista’ żżid il-lonġevità tal-prodotti inkwistjoni. F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-konsumaturi jgawdu minn kwalità aħjar sempliċiment billi jikkonsmaw il-prodott inkwistjoni. Dawn huma effiċjenzi kwalitattivi tipiċi li jistgħu jirriżultaw minn ftehim restrittiv u jistgħu jisbqu l-ħsara kkawżata minn żieda fil-prezz (pereżempju, minħabba l-użu miftiehem ta’ materjali sostenibbli aktar għaljin), jew bi tnaqqis fl-għażla (pereżempju, minħabba ftehim li ma jintużax input mhux sostenibbli). Jekk il-benefiċċji jkunu sinifikanti biżżejjed sabiex jisbqu l-ħsara kkawżata miż-żieda fil-prezz jew mill-għażla mnaqqsa, dawn jikkumpensaw lill-konsumaturi li saritilhom ħsara mill-ftehim u b’hekk jissodisfaw it-tieni kundizzjoni tal-Artikolu 101(3).

573.

Fl-eżempji ta’ hawn fuq, minbarra l-benefiċċji tal-valur tal-użu individwali, il-ftehimiet inkwistjoni jistgħu jiġġeneraw effetti pożittivi li huma esterni għall-konsumaturi (esternalitajiet pożittivi). Ikun hemm esternalitajiet pożittivi meta jitnaqqsu l-esternalitajiet negattivi, bħat-tniġġis, l-erożjoni tal-ħamrija, eċċ. Dawn l-esternalitajiet pożittivi, li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għas-soċjetà bħalissa jew fil-futur, jaf ma kinux ikunu possibbli fin-nuqqas tal-ftehim restrittiv inkwistjoni. Esternalitajiet pożittivi bħal dawn huma distinti mill-benefiċċji tal-valur tal-użu individwali li jgawdu l-konsumaturi fis-suq rilevanti (ara t-Taqsima 9.4.3.3).

574.

Il-ftehimiet sabiex jitnaqqas l-imballaġġ jistgħu jnaqqsu wkoll il-kostijiet tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni u fl-aħħar mill-aħħar il-prezz tal-prodott. Pereżempju, ftehim bejn il-kompetituri sabiex ifornu likwidu tad-deterġenti f’forma kkonċentrata fi fliexken iżgħar jista’ jnaqqas il-kostijiet tal-materjali, tat-trasport u tal-ħżin. Bl-istess mod, il-ftehimiet għall-kondiviżjoni tal-infrastruttura jew tas-servizzi tat-trasport ta’ distribuzzjoni bejn il-kompetituri jistgħu jnaqqsu l-kostijiet tal-partijiet u, b’hekk, il-prezz tal-prodott finali. Il-ħsara li tirriżulta minn dawn il-ftehimiet tista’ tikkonsisti f’għażla mnaqqsa għall-konsumaturi jew fi kwalità mnaqqsa tal-prodott, iżda l-benefiċċju tal-prezz aktar baxx jista’ jkun akbar minn ħsara bħal din (402). L-istess ftehimiet jista’ jkollhom ukoll esternalitajiet pożittivi li jikkonsistu f’impatt negattiv imnaqqas fuq l-ambjent (ara t-Taqsima 9.4.3.3 hawn taħt).

9.4.3.2.   Benefiċċji individwali tal-valur mhux ta’ użu

575.

Il-benefiċċji tal-konsumaturi mill-ftehimiet ta’ sostenibbiltà jistgħu jikkonsistu mhux biss minn benefiċċji diretti mill-użu ta’ prodott sostenibbli iżda wkoll minn benefiċċji indiretti li jirriżultaw mill-apprezzament mill-konsumaturi tal-impatt tal-konsum sostenibbli tagħhom fuq oħrajn. B’mod partikolari, xi konsumaturi jistgħu jivvalutaw il-konsum tagħhom ta’ prodott sostenibbli aktar mill-konsum ta’ prodott mhux sostenibbli minħabba li l-prodott sostenibbli jkollu impatt anqas negattiv fuq l-oħrajn.

576.

Pereżempju, il-konsumaturi jistgħu jagħżlu likwidu tal-ħasil partikolari mhux minħabba li dan inaddaf aħjar iżda minħabba li jikkontamina l-ilma anqas. Bl-istess mod, il-konsumaturi jistgħu jkunu lesti jħallsu prezz ogħla għal għamara magħmula mill-injam imkabbar b’mod sostenibbli, mhux minħabba l-kwalità aħjar tal-għamara iżda minħabba li jridu jwaqqfu d-deforestazzjoni u t-telf ta’ ħabitats naturali. Bl-istess mod, is-sewwieqa jistgħu jagħżlu li jużaw fjuwil aktar għali mhux minħabba li jkun ta’ kwalità ogħla u aħjar għall-vetturi tagħhom, iżda minħabba li dan iniġġes anqas.

577.

F’dawn il-każijiet, l-esperjenza tal-konsumatur bil-prodott ma tittejjibx direttament. Madankollu, il-konsumaturi jistgħu jkunu lesti jħallsu prezz ogħla għal prodott sostenibbli jew li jillimitaw l-għażla tagħhom ta’ prodotti (billi ma jixtrux varjanti mhux sostenibbli) sabiex ikunu ta’ benefiċċju għas-soċjetà jew għall-ġenerazzjonijiet futuri. Għalhekk, il-benefiċċji tal-valur indretti mhux tal-użu jkunu favur il-konsumaturi fis-suq rilevanti permezz tal-valwazzjoni individwali tagħhom tal-effett fuq l-oħrajn, inkluż in-nonutenti barra mis-suq rilevanti.

578.

Il-konsumaturi li huma lesti li jħallsu aktar għal prodotti bħal dawn jistgħu jipperċepuhom bħala ta’ kwalità ogħla preċiżament minħabba l-benefiċċji li jirriżultaw għall-oħrajn. Minn perspettiva ekonomika, tali benefiċċji kwalitattivi indiretti ma humiex differenti mill-benefiċċji li jsaħħu l-kwalità li jżidu l-valur tal-użu dirett ta’ prodott, kif diskuss fit-Taqsima 9.4.3.1. Tali benefiċċji tal-valur indiretti u mhux tal-użu jistgħu f’xi każijiet jitkejlu billi tiġi investigata r-rieda tal-konsumaturi li jħallsu, pereżempju, permezz ta’ stħarriġ fost il-klijenti (403).

579.

Jista’ jkun hemm differenza bejn dak li l-konsumaturi jiddikjaraw li huma l-preferenzi tagħhom u dak li l-imġiba tagħhom ta’ xiri turi li huma l-preferenzi attwali tagħhom. Dan jista’ jindika li l-preferenzi ddikjarati mill-konsumaturi jew jissopravalutaw jew jissottovalutaw il-preferenzi veri tagħhom. Sabiex jittaffew dawn il-preġudizzji, li spiss jirriżultaw minn mistoqsijiet ipotetiċi fi stħarriġiet fost il-konsumaturi, stħarriġiet bħal dawn għandhom jipprovdu kuntest xieraq. Barra minn hekk, il-mistoqsijiet ippreżentati għandhom iqisu n-normi tas-soċjetà, l-għarfien u d-drawwiet tal-konsumaturi, u l-aspettattivi dwar l-imġiba ta’ oħrajn.

580.

B’mod aktar ġenerali, sabiex jirrilaxxaw l-oneru tal-provi tagħhom skont l-Artikolu 101(3), il-partijiet għal ftehim iridu jkunu jistgħu jipprovdu evidenza tal-preferenzi attwali tal-konsumaturi. Il-partijiet għandhom jevitaw li jipproġettaw il-preferenzi tagħhom stess fuq il-konsumaturi.

581.

Għall-finijiet tal-valutazzjoni tar-rieda tal-konsumaturi li jħallsu, ma huwiex neċessarju li tiġi vvalutata r-rieda ta’ ħlas ta’ kull konsumatur fis-suq rilevanti. Huwa biżżejjed li l-valutazzjoni tkun ibbażata fuq l-effett ġenerali fuq il-konsumaturi fis-suq rilevanti (404).

9.4.3.3.   Benefiċċji kollettivi

582.

It-Taqsima 9.4.3.2 tirreferi għal benefiċċji individwali tal-valur mhux tal-użu li huma limitati għal għażliet volontarji (altruwistiċi) minn konsumaturi individwali. Madankollu, mhux l-esternalitajiet negattivi kollha jistgħu jiġu solvuti permezz ta’ azzjonijiet volontarji u individwali tal-konsumaturi. Peress li l-impatt fuq is-sostenibbiltà mill-konsum individwali mhux bilfors jiffavorixxi lill-individwu li jikkonsma iżda lil grupp akbar, tista’ tkun meħtieġa inizjattiva konġunta, bħal ftehim ta’ kooperazzjoni, sabiex jiġu internalizzati l-esternalitajiet negattivi u sabiex jinkisbu benefiċċji ta’ sostenibbiltà għal segment usa’ tas-soċjetà (405). Pereżempju, il-konsumaturi jistgħu ma jkunux iridu jħallsu prezz ogħla għal prodott manifatturat b’teknoloġija li tirrispetta l-ambjent iżda għalja. Sabiex jiġi żgurat li l-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu ta’ dik it-teknoloġija jimmaterjalizzaw, jista’ jkun neċessarju ftehim sabiex it-teknoloġija niġġiesa tiġi eliminata gradwalment. Dawn il-benefiċċji jissejħu “benefiċċji kollettivi”, billi jseħħu irrispettivament mill-apprezzament individwali mill-konsumatur tal-prodott u jibbenefikaw lil segment usa’ tas-soċjetà u mhux biss lill-konsumaturi fis-suq rilevanti.

583.

Għalkemm il-ponderazzjoni tal-effetti pożittivi u negattivi tal-ftehimiet restrittivi normalment issir fis-suq rilevanti li miegħu jkun relatat il-ftehim, meta żewġ swieq ikunu relatati jistgħu jitqiesu l-effiċjenzi ġġenerati fi swieq separati, dment li l-grupp ta’ konsumaturi li jkun affettwat mir-restrizzjoni u dak li jibbenefika mill-effiċjenzi jkunu sostanzjalment l-istess (406).

584.

B’analoġija, meta l-konsumaturi fis-suq rilevanti jikkoinċidu sostanzjalment ma’ grupp ta’ benefiċjarji barra mis-suq rilevanti, jew jifformaw parti minnu, il-benefiċċji kollettivi għall-konsumaturi fis-suq rilevanti li jseħħu barra dak is-suq jistgħu jitqiesu jekk ikunu sinifikanti biżżejjed sabiex jikkumpensaw lill-konsumaturi fis-suq rilevanti għall-ħsara li jbatu (407).

585.

Pereżempju, is-sewwieqa li jixtru fjuwil li jniġġes anqas huma wkoll ċittadini li jibbenefikaw minn arja aktar nadifa, jekk jintuża fjuwil li jniġġes anqas. Sa fejn tista’ tiġi stabbilita koinċidenza sostanzjali tal-konsumaturi (il-fatturi ewlenin f’dan l-eżempju) u tal-benefiċjarji usa’ (iċ-ċittadini), jistgħu jitqiesu l-benefiċċji tas-sostenibbiltà ta’ arja aktar nadifa, dment li dawn jikkumpensaw lill-konsumaturi fis-suq rilevanti għad-dannu mġarrab. Min-naħa l-oħra, il-konsumaturi jistgħu jixtru ħwejjeġ magħmulin minn qoton sostenibbli li jnaqqas l-użu ta’ fertilizzanti u ta’ ilma fuq l-art fejn jiġi kkultivat il-qoton. Tali benefiċċji ambjentali jistgħu fil-prinċipju jitqiesu bħala benefiċċji kollettivi. Madankollu, f’dan il-każ x’aktarx li ma jkun hemm l-ebda koinċidenza sostanzjali bejn il-konsumaturi tal-ħwejjeġ u l-benefiċjarji tal-benefiċċji ambjentali, peress li dawn iseħħu biss fiż-żona fejn jitkabbar il-qoton. Għalhekk, ma huwiex probabbli li dawn il-benefiċċji kollettivi jakkumulaw għall-konsumaturi fis-suq rilevanti. Għalhekk jistgħu jitqiesu biss jekk il-konsumaturi tal-ħwejjeġ ikunu lesti jħallsu aktar għall-ħwejjeġ li jkunu magħmulin minn qoton imkabbar b’mod sostenibbli u sa liema punt lesti jagħmlu dan (benefiċċju individwali mhux tal-valur, ara t-Taqsima 9.4.3.2).

586.

Sabiex il-benefiċċji kollettivi jimmaterjalizzaw, il-kopertura tas-suq tal-ftehim spiss ikollha tkun sinifikanti. Jekk, pereżempju, tnejn biss minn kull għaxar produtturi tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ jaqblu li jabbandunaw il-mudelli tagħhom li jniġġsu aktar, allura jkun improbabbli li l-ftehim ikun jista’ jipprevjeni l-parassitiżmu (billi l-produtturi tal-magni tal-ħasil ikomplu joffru mudelli li jniġġsu aktar) u, għalhekk, ma jkunx probabbli li jnaqqas biżżejjed it-tniġġis, peress li l-konsumaturi li jsegwu l-interessi personali jistgħu jaqilbu għal mudelli li jniġġsu prodotti mill-fornituri li jifdal (408).

587.

Sabiex jitqiesu l-benefiċċji kollettivi, il-partijiet għall-ftehim jeħtiġilhom ikunu jistgħu:

(a)

jiddeskrivu b’mod ċar il-benefiċċji ddikjarati u jipprovdu evidenza li diġà seħħew jew li x’aktarx iseħħu (409);

(b)

jiddefinixxu b’mod ċar il-benefiċjarji;

(c)

juru li l-konsumaturi fis-suq rilevanti jikkoinċidu sostanzjalment mal-benefiċjarji jew jifformaw parti minnhom (410); u

(d)

juru li s-sehem tal-benefiċċji kollettivi li jirriżulta favur il-konsumaturi fis-suq rilevanti, possibbilment flimkien mal-benefiċċji tal-valur tal-użu u n-nonużu individwali li jirriżultaw favur dawk il-konsumaturi, jisboq il-ħsara mġarrba minn dawk il-konsumaturi bħala riżultat tar-restrizzjoni.

588.

L-evidenza għall-benefiċċji kollettivi li tinsab fir-rapporti tal-awtoritajiet pubbliċi jew f’rapporti mħejjin minn organizzazzjonijiet akkademiċi rikonoxxuti tista’ tkun ta’ valur partikolari għal din il-valutazzjoni.

589.

Meta ma jkun hemm l-ebda data disponibbli li tippermetti analiżi kwantitattiva tal-benefiċċji tal-ftehim, tista’ titqies evidenza oħra, dment li turi impatt pożittiv identifikabbli b’mod ċar fuq il-konsumaturi fis-suq rilevanti, u mhux wieħed marġinali. Peress li bħalissa ftit li xejn hemm esperjenza fil-kejl u fil-kwantifikazzjoni tal-benefiċċji kollettivi, il-Kummissjoni għandha l-għan li tipprovdi aktar gwida dwar din il-kwistjoni meta tkun kisbet esperjenza suffiċjenti sabiex tittratta każijiet konkreti, li jistgħu jippermettulha tiżviluppa metodoloġiji ta’ valutazzjoni.

9.4.3.4.   Kwalunkwe tip jew it-tipi kollha ta’ benefiċċji

590.

Il-partijiet għall-ftehimiet ta’ sostenibbiltà jistgħu jibbażaw fuq kwalunkwe wieħed mit-tliet tipi ta’ benefiċċji għall-konsumatur jew fuq it-tliet tipi kollha sabiex jiġġustifikaw il-ftehim tagħhom skont l-Artikolu 101(3). L-għażla tal-benefiċċji li wieħed jibbaża fuqha tista’ tiddependi fuq il-fatti tal-każ u fuq ir-robustezza tal-evidenza disponibbli. F’xi każijiet, il-wiri ta’ benefiċċji tal-valur tal-użu individwali biss jista’ jkun biżżejjed sabiex jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3). F’każijiet oħrajn, tista’ tkun biżżejjed evidenza ta’ benefiċċji individwali tal-valur tan-nonużu jew ta’ benefiċċji kollettivi. U, f’xi każijiet, il-partijiet jistgħu jkunu jistgħu juru taħlita ta’ żewġ tipi ta’ benefiċċji jew it-tliet tipi kollha ta’ benefiċċji.

591.

F’xi każijiet jista’ jkun meħtieġ ċertu perjodu ta’ żmien qabel ma jimmaterjalizzaw il-benefiċċji. Sa dak iż-żmien, il-ftehim jista’ jkollu biss effetti negattivi. Il-fatt li t-trasferiment lill-konsumaturi jseħħ wara ċertu żmien fih innifsu ma jeskludix l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3). Madankollu, aktar ma jkun kbir id-dewmien ta’ żmien, akbar iridu jkunu l-effiċjenzi sabiex jikkumpensaw ukoll għat-telf għall-konsumaturi matul il-perjodu ta’ qabel it-trasferiment. Meta ssir din il-valutazzjoni, il-valur tal-benefiċċji futuri jrid jiġi skontat kif xieraq (411).

9.4.4.   L-ebda eliminazzjoni tal-kompetizzjoni

592.

Skont ir-raba’ kundizzjoni tal-Artikolu 101(3), il-ftehim ma jistax jippermetti lill-partijiet il-possibbiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ parti sostanzjali mill-prodotti inkwistjoni. Essenzjalment, din il-kundizzjoni tiżgura li jifdal grad ta’ kompetizzjoni residwa fis-suq/swieq rilevanti, irrispettivament mill-firxa tal-benefiċċji.

593.

Din l-aħħar kundizzjoni tista’ tiġi ssodisfata anki jekk il-ftehim li jirrestrinġi l-kompetizzjoni jkopri l-industrija kollha, sakemm il-partijiet għall-ftehim ikomplu jikkompetu b’mod vigoruż fuq tal-anqas parametru importanti minnhom tal-kompetizzjoni. Pereżempju, jekk il-ftehim jelimina l-kompetizzjoni fuq il-kwalità jew fuq il-varjetà, iżda l-prezz ukoll ikun parametru importanti tal-kompetizzjoni fl-industrija kkonċernata, u l-prezzijiet ma jkunux ristretti, din il-kundizzjoni xorta tista’ tiġi ssodisfata.

594.

Barra minn hekk, jekk il-kompetituri jikkompetu ma’ firxa ta’ prodotti differenzjati, kollha fl-istess suq rilevanti, l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni għal wieħed jew aktar mill-varjanti tal-prodott mhux neċessarjament tfisser li l-kompetizzjoni fis-suq rilevanti tiġi eliminata.

595.

Bl-istess mod, jekk il-kompetituri jiddeċiedu li ma jużawx teknoloġija partikolari li tniġġes jew ingredjent partikolari mhux sostenibbli fil-produzzjoni tal-prodotti tagħhom, il-kompetizzjoni ma tiġix eliminata jekk ikomplu jikkompetu fuq il-prezz u/jew fuq il-kwalità tal-prodott finali.

596.

Fl-aħħar nett, l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni għal perjodu ta’ żmien limitat, meta dan ma jkollu l-ebda impatt fuq l-iżvilupp tal-kompetizzjoni wara dak il-perjodu jiskadi, ma hijiex ostaklu sabiex tiġi ssodisfata din il-kundizzjoni. Pereżempju, ftehim bejn kompetituri sabiex jillimitaw temporanjament il-produzzjoni ta’ varjant wieħed ta’ prodott, li jkun fih ingredjent mhux sostenibbli, sabiex jiġi introdott fis-suq sostitut sostenibbli għall-prodott, bl-għan li tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-konsumatur dwar il-karatteristiċi tal-prodott il-ġdid, b’mod ġenerali, jissodisfa l-aħħar kundizzjoni tal-Artikolu 101(3).

9.5.   L-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi

597.

L-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali jew lokali fil-proċess tal-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ sostenibbiltà, jew l-għarfien minn dawk l-awtoritajiet tal-eżistenza ta’ tali ftehimiet, fih innifsu ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 għal tali ftehimiet. B’mod simili, jekk l-atti mill-awtoritajiet pubbliċi sempliċiment iħeġġu, jew jagħmluha aktar faċli għall-impriżi sabiex jinvolvu rwieħhom fi ftehimiet ta’ sostenibbiltà antikompetittivi, mingħajr ma jċaħħdu lill-impriżi mill-awtonomija tagħhom, tali ftehimiet jibqgħu soġġetti għall-Artikolu 101 (412).

598.

Madankollu, il-partijiet għal ftehim ta’ sostenibbiltà antikompetittiv ma jkunux responsabbli skont l-Artikolu 101 jekk ikunu ġew imġegħlin jew meħtieġa mill-awtoritajiet pubbliċi jikkonkludu l-ftehim jew meta l-awtoritajiet pubbliċi jsaħħu l-effett tal-ftehim (413).

9.6.   Eżempji

599.

Ftehim li jibbenefika mir-regola mhux vinkolanti rigward il-livell xieraq ta’ protezzjoni

Eżempju 1

Sitwazzjoni: Iċ-ċereali tal-kolazzjon jinbiegħu f’kaxxi tal-kartun ikkuluriti attraenti. Matul is-snin, dawn il-kaxxi saru akbar, mhux minħabba li żdied il-kontenut, iżda sempliċiment biex ikunu jidhru aktar attraenti u promettenti għall-konsumaturi. Din hija strateġija ta’ kummerċjalizzazzjoni profittabbli, minħabba li l-konsumaturi spiss jixtru ċ-ċereali tal-kolazzjon b’mod spontanju, u d-daqs akbar jagħti l-impressjoni li jaqbillek tixtri lilhom. Minħabba li l-produtturi kollha segwew din l-istrateġija, hija ma kellhiex effett sinifikanti fuq l-ishma mis-suq tagħhom. Madankollu, dan wassal għal eċċess ta’ madwar 15 % fil-materjal tal-imballaġġ użat għall-prodotti tagħhom.

Prevent Waste, organizzazzjoni nongovernattiva, ikkritikat l-istrateġija tal-“kaxxa vojta” tal-produtturi taċ-ċereali tal-kolazzjon bħala ħalja u ta’ ħsara għall-ambjent, billi tuża aktar riżorsi naturali milli neċessarji għall-produzzjoni u għad-distribuzzjoni effiċjenti ta’ dawn il-prodotti. B’reazzjoni għal dan, il-produtturi taċ-ċereali tal-kolazzjon, organizzati fl-organizzazzjoni kummerċjali tagħhom, qablu li jillimitaw l-imballaġġ żejjed tal-prodotti tagħhom. Huma qablu b’mod kollettiv dwar standard tal-imballaġġ billi llimitaw il-materjal tal-imballaġġ żejjed għal mhux aktar minn 3 % sabiex jiżguraw li l-kaxxi taċ-ċereali jkunu għadhom faċli sabiex jintużaw u għamlu d-deċiżjoni tagħhom pubblika. Il-produtturi taċ-ċereali tal-kolazzjon implimentaw il-ftehim mill-bidu tas-sena u jkopri 100 % tas-suq. B’riżultat ta’ dan, il-kostijiet tal-imballaġġ, li jammontaw għal 6 % tal-prezz bl-ingrossa, naqsu b’madwar 10 %. Dan wassal għal tnaqqis ta’ madwar 0,5 % fil-prezz bl-ingrossa taċ-ċereali tal-kolazzjon u għal tnaqqis ta’ 0-0,5 % fil-prezz bl-imnut.

Analiżi: Il-kompetituri jaqblu dwar standard li għandu impatt fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott, iżda jagħmlu dan b’mod trasparenti, li jippermetti lil kulħadd jadotta l-approċċ mingħajr ma jimponi obbligu li jagħmel dan. Ma hemm l-ebda skambju ta’ informazzjoni sensittiva. Barra minn hekk, il-produtturi taċ-ċereali jibqgħu liberi li jkomplu jnaqqsu l-imballaġġ tagħhom jekk ikunu jixtiequ hekk. Barra minn hekk, il-ftehim ta’ standardizzazzjoni sabiex jiġi limitat l-imballaġġ żejjed għandu effett żgħir ħafna u saħansitra negattiv fuq il-prezz taċ-ċereali tal-kolazzjon, ma jaffettwax il-kompetizzjoni bejn il-produtturi taċ-ċereali fuq il-parametri ewlenin tal-prezz, tal-kwalità u tal-innovazzjoni, u jaffettwa biss il-kompetizzjoni fuq il-kummerċjalizzazzjoni sa ċertu punt limitat (fid-dawl tal-impatt li jidher limitat tal-istrateġija tal-kaxxa “kbira wisq”). Għalhekk, il-ftehim jissodisfa l-kundizzjonijiet tar-regola rigward il-livell xieraq ta’ protezzjoni u x’aktarx li ma jipproduċix effetti negattivi sinifikanti fuq il-kompetizzjoni. Il-ftehim fil-fatt itejjeb l-eżitu għall-konsumaturi, billi jelimina strateġiji għaljin ta’ imballaġġ żejjed li ftit għandhom impatt fuq il-kompetizzjoni.

600.

Ftehim li jibbenefika mir-regola mhux vinkolanti rigward il-livell xieraq ta’ protezzjoni

Eżempju 2

Sitwazzjoni: Fair Tropical Fruits, organizzazzjoni nongovernattiva, flimkien ma’ numru ta’ kummerċjanti tal-frott stabbiliet tikketta għall-frott tropikali b’kummerċ ġust (it-tikketta “FTF”). Sabiex jużaw it-tikketta, id-ditti li jinnegozjaw fil-frott tropikali jeħtiġilhom jiggarantixxu li l-frott inkwistjoni jkun ġej mingħand produtturi li jiżguraw pagi ġusti li jiggarantixxu l-għajxien għall-ħaddiema tagħhom u li ma jagħmlux użu mit-tħaddim tat-tfal. Dawn il-kummerċjanti tal-frott jibqgħu liberi li jbigħu wkoll il-frott b’tikketti oħrajn jew mingħajr tikketti. Fair Tropical Fruits waqqfet sistema ta’ monitoraġġ biex tiċċertifika li l-prodotti mibjugħa taħt it-tikketta FTF ikunu konformi mal-kundizzjonijiet minimi. Il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni u l-metodoloġija u r-riżultati tas-sistema ta’ monitoraġġ huma disponibbli fuq is-sit web ta’ Fair Tropical Fruits. Il-frott mibjugħ taħt it-tikketta FTF huwa aktar għali minn frott tropikali ieħor innegozjat.

It-tikketta FTF ġiet introdotta madwar l-UE kollha u għadd ta’ negozjanti kbar jużaw it-tikketta u ffirmaw il-ftehim biex jirrispettaw il-kundizzjonijiet minimi tat-tikketta. It-tikketta malajr saret popolari ma’ ċerti konsumaturi. Skont it-tip ta’ frott tropikali u s-suq ġeografiku kkonċernat, l-ishma mis-suq tal-kummerċjanti tal-frott ivarjaw minn 12 % għall-ananas sa 20 % għall-mangu. L-istess kummerċjanti joperaw ukoll barra mit-tikketta.

Analiżi: It-tikketta tal-FTF x’aktarx li ma twassalx għal effetti negattivi sinifikanti fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) u tista’ tibbenefika mir-regola mhux vinkolanti rigward il-livell xieraq ta’ protezzjoni għall-istandards ta’ sostenibbiltà fid-dawl ta’: (i) l-ishma mis-suq modesti tal-partijiet għall-ftehim fid-diversi swieq rilevanti tax-xiri u tal-bejgħ, (ii) l-ishma sinifikanti tas-suq miżmumin u l-kompetizzjoni minn tikketti u minn prodotti konvenzjonali oħrajn, il-fatt li (iii) il-parteċipazzjoni fit-tikketta tal-FTF hija fuq bażi volontarja u mhux esklużiva, (iv) l-ftehim ta’ standardizzazzjoni ma jinvolvi l-ebda skambju ta’ informazzjoni dwar il-prezzijiet tal-akkwist, kostijiet oħrajn, volumi jew marġnijiet tal-produzzjoni u li (v) il-liċenzja għall-użu tat-tikketta tiddependi biss fuq ir-rispett ta’ ċerti kundizzjonijiet minimi, mingħajr ma jintlaħaq qbil dwar kwalunkwe prezz minimu vinkolanti jew ħlas addizzjonali. Il-ftehimiet jistgħu fil-fatt iwessgħu l-għażla disponibbli għall-konsumaturi, billi jippermettulhom jidentifikaw prodotti li għandhom karatteristiċi ta’ “kummerċ ġust”.

601.

Ftehim li ma għandu l-ebda effett sinifikanti fuq il-kompetizzjoni

Eżempju 3

Sitwazzjoni: Fair-Clothing.Com hija organizzazzjoni nongovernattiva ta’ suċċess kbir li, bl-għajnuna tas-sussidji tal-gvern u b’kampanja medjatika effettiva, irnexxielha tikkonvinċi lill-maġġoranza l-kbira tad-ditti li jbigħu l-ħwejjeġ fl-UE, inklużi l-marki ewlenin kollha u numru ta’ ktajjen tal-bejgħ bl-imnut tal-ħwejjeġ, jixtru biss ħwejjeġ mingħand produtturi f’pajjiżi fil-fażi ta’ żvilupp li jirrispettaw ċerti livelli ta’ paga minima. Il-kampanja, li kienet appoġġata b’mod mifrux mill-organizzazzjonijiet nazzjonali u tal-konsumaturi tal-UE u kkoordinata magħhom, rat suċċess enormi: bħalissa 85 % tal-ħwejjeġ kollha mibjugħin fl-UE jinbiegħu bit-tikketta Fair Clothing. Sabiex jiksbu liċenzja bl-għan li jużaw it-tikketta, id-ditti parteċipanti qablu li jirrispettaw l-istandards minimi tal-paga u li ma jbigħux ħwejjeġ li ma jikkonformawx mal-istandards, kull fejn jiġi prodott l-ilbies. Bħala riżultat tal-kampanja, il-pagi tal-ħaddiema tat-tessuti fil-pajjiżi fil-fażi ta’ żvilupp żdiedu b’medja ta’ 20 %.

Stħarriġ u studji dwar il-prodotti għall-konsumatur jindikaw li l-prezz medju tal-ħwejjeġ fl-UE ma żdiedx b’mod sinifikanti bħala riżultat tal-introduzzjoni tat-tikketta Fair Clothing: l-estimi għall-effett fuq il-prezzijiet ivarjaw minn -0,5 % sa +0,8 % u statistikament ma humiex differenti b’mod sinifikanti minn żero. L-aktar spjegazzjonijiet kredibbli għan-nuqqas ta’ żieda fil-prezz huma, l-ewwel nett, l-insinifikanza relattiva tal-pagi tal-produzzjoni bħala komponent tal-prezz aħħari tal-prodotti tal-ħwejjeġ u, it-tieni, it-titjib possibbli fil-produttività tal-ħaddiema li jista’ jkun ir-riżultat taż-żieda fil-pagi. Pereżempju, il-komponent tal-pagi tal-produzzjoni tal-qomos tal-qoton huwa ta’ madwar 30 % tal-kostijiet tal-produzzjoni lokali. Għalhekk, iż-żieda ta’ 20 % fil-pagi tista’ tkun mistennija li wasslet għal żieda fil-prezz tal-qmis mill-fabbrika fid-dinja li qed tiżviluppa ta’ mhux aktar minn 6 %.

Analiżi: Minħabba li l-partijiet għall-ftehim Fair Clothing (is-sidien tal-marki tal-Punent u l-ktajjen tal-bejgħ bl-imnut tal-ħwejjeġ) iżidu marġni medju ta’ 200-300 % mal-prezz tax-xiri, sabiex ikopru kostijiet tat-trasport, tal-importazzjoni u kostijiet oħrajn tad-distribuzzjoni u tal-imballaġġ, l-effett fuq il-prezz li bih il-partijiet ibigħu l-qmis, għal din ir-raġuni diġà, huwa ta’ mhux aktar minn 1,5-2 %. Barra minn hekk, hemm indikazzjonijiet li, billi l-ħaddiema jingħataw aċċess għal ikel aktar sustanzjuż u għal kura tas-saħħa aħjar, iż-żieda ta’ 20 % fil-pagi qiegħed ikollha effett pożittiv fuq il-produttività tal-ħaddiema fis-settur tat-tessuti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Fid-dawl tal-kompetizzjoni intensa fis-settur tal-ħwejjeġ, dan it-titjib fil-produttività jista’ jkun mistenni li jkollu effett ta’ tnaqqis fil-prezzijiet.

Fuq il-bażi tal-istimi għall-effett fuq il-prezz, jista’ jiġi konkluż li l-ftehimiet dwar Fair Clothing x’aktarx li ma jkollhomx effetti negattivi sinifikanti għall-klijenti tal-partijiet fil-ftehimiet u, għalhekk, ma humiex koperti mill-Artikolu 101(1).

602.

Ftehim li x’aktarx ma jirrestrinġix il-kompetizzjoni skont l-Artikolu 101(1) u/jew li x’aktarx jissodisfa l-kundizzjoni skont l-Artikolu 101(3)

Eżempju 4

Sitwazzjoni: Bħala reazzjoni għas-sejbiet tar-riċerka dwar il-livelli rakkomandati ta’ xaħam f’ċertu ikel ipproċessat li saret minn grupp ta’ riflessjoni ffinanzjat mill-gvern fi Stat Membru wieħed, diversi manifatturi kbar tal-ikel ipproċessat fl-istess Stat Membru jaqblu, permezz ta’ diskussjonijiet formali f’assoċjazzjoni tal-kummerċ industrijali, li jistabbilixxu l-livelli ta’ xaħam rakkomandati għall-prodotti. Flimkien, il-partijiet jirrappreżentaw 70 % tal-bejgħ tal-prodotti fl-Istat Membru. L-inizjattiva tal-partijiet se tiġi appoġġata minn kampanja ta’ reklamar nazzjonali ffinanzjata mill-grupp ta’ riflessjoni li tenfasizza l-perikli ta’ kontenut għoli ta’ xaħam fl-ikel ipproċessat.

Analiżi: Għalkemm il-livelli tax-xaħam huma rakkomandazzjonijiet u, għalhekk, volontarji, bħala riżultat tal-pubbliċità wiesgħa li tirriżulta mill-kampanja ta’ reklamar nazzjonali, il-livelli ta’ xaħam rakkomandati x’aktarx li jiġu implimentati mill-manifatturi kollha tal-ikel ipproċessat fl-Istat Membru. Għalhekk, huwa probabbli li dan isir livell massimu ta’ xaħam de facto fl-ikel ipproċessat. Għalhekk, l-għażla tal-konsumatur fis-swieq tal-prodotti tista’ tonqos. Madankollu, il-partijiet ikunu jistgħu jkomplu jikkompetu fir-rigward ta’ għadd ta’ karatteristiċi oħrajn tal-prodotti, bħall-prezz, id-daqs tal-prodott, il-kwalità, it-togħma, il-kontenut tal-melħ u kontenut nutrizzjonali ieħor, il-bilanċ tal-ingredjenti, u l-markar. Barra minn hekk, il-kompetizzjoni fir-rigward tal-livelli ta’ xaħam fil-prodott offrut tista’ tiżdied meta l-partijiet ifittxu li joffru prodotti bl-inqas livelli. Għalhekk, ma huwiex probabbli li l-ftehim iwassal għal effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1). Madankollu, anke jekk il-ftehim jinstab li jkollu effett negattiv sinifikanti fuq il-kompetizzjoni skont l-Artikolu 101(1) – minħabba li l-konsumaturi huma mċaħħdin mill-għażla li jkollhom ikel b’livell għoli ta’ xaħam – il-benefiċċji għall-konsumaturi f’termini tal-valur tal-informazzjoni riċevuta u l-effetti ta’ benefiċċju fuq is-saħħa x’aktarx li jisbqu l-ħsara u l-ftehim x’aktarx li jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3).

603.

Ftehim li jirrestrinġi l-kompetizzjoni skont l-Artikolu 101(1) u li jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3).

Eżempju 5

Sitwazzjoni: Il-produtturi tal-magni tal-ħasil bħalissa jipproduċu firxa ta’ magni, mill-aktar mudelli reċenti, li huma teknikament aktar avvanzati u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, sa mudelli aktar antiki li huma teknikament anqas avvanzati. Filwaqt li l-mudelli aktar antiki u inqas avvanzati jużaw aktar elettriku u ilma, huma irħas biex jiġu manifatturati u jinbiegħu bi prezzijiet aktar baxxi mill-mudelli aktar reċenti u teknikament avvanzati. Skont regolament tal-UE, il-mudelli kollha jiġu kklassifikati fi tmien kategoriji ta’ effiċjenza enerġetika, minn A sa H, u jiġu ttikkettati kif xieraq.

L-innovazzjoni fl-industrija hija ffokata fuq aktar titjib fl-effiċjenza enerġetika ta’ mudelli ġodda. Madankollu, il-produtturi tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ iħossuhom ukoll li għandhom ir-responsabbiltà li jipprovaw inaqqsu l-konsum tal-enerġija tal-magni tagħhom b’modi oħrajn. Għalhekk, huma qablu li jeliminaw gradwalment il-produzzjoni u l-bejgħ ta’ magni tal-ħasil fil-kategoriji F sa H, il-mudelli aktar antiki u l-inqas effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Dawn il-mudelli aktar antiki huma wkoll l-inqas effiċjenti fl-użu tal-ilma.

Il-ftehim jinkludi l-produtturi kollha u, għalhekk, ikopri kważi 100 % tas-suq. Huwa jistabbilixxi li l-produzzjoni u l-bejgħ tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ fil-kategoriji F sa H se jiġu eliminati gradwalment fi żmien sentejn. Dawn il-mudelli bħalissa jammontaw għal madwar 35 % tal-bejgħ kollu fis-suq. Filwaqt li l-produtturi parteċipanti kollha diġà jipproduċu xi mudelli fil-kategoriji A sa E, u għalhekk l-ebda wieħed minnhom ma huwa se jitlef il-bejgħ attwali kollu tiegħu, kull produttur se jiġi affettwat b’mod differenti, skont il-firxa attwali ta’ mudelli tiegħu. B’hekk, x’aktarx li l-kompetizzjoni bejn il-produtturi tiġi affettwata. Barra minn hekk, l-eliminazzjoni gradwali tal-kategoriji F sa H se tnaqqas l-għażla ta’ magni disponibbli għall-konsumaturi u żżid l-ispiża medja tax-xiri. Għax-xerrej medju li qabel kien jixtri magna tal-ħasil fil-kategoriji F sa H, il-prezz ta’ magna se jiżdied b’tal-anqas bejn EUR 40 u EUR 70.

Qabel ma implimentat il-ftehim biex jitneħħew gradwalment il-kategoriji F sa H, l-industrija pprovat iċċaqlaq id-domanda lil hinn minn dawn il-kategoriji bl-użu ta’ kampanji ta’ reklamar. L-istudji wrew li n-nuqqas ta’ suċċess ta’ dawn il-kampanji huwa dovut għall-fatt li ħafna konsumaturi jsibuha diffiċli fid-deċiżjoni tagħhom dwar ix-xiri sabiex jibbilanċjaw l-impatt pożittiv tat-tnaqqis futur fil-kontijiet tal-elettriku u tal-ilma tagħhom mal-impatt negattiv taż-żieda immedjata fil-prezz tax-xiri tal-magna.

Dawn l-istudji juru wkoll li x-xerrejja tal-magni tal-ħasil fil-fatt jibbenefikaw b’mod konsiderevoli mit-tneħħija gradwali tal-kategoriji F sa H. Ix-xerrej medju ta’ magna tal-ħasil se jirkupra ż-żieda fil-prezz tax-xiri fi żmien sena sa sentejn, fil-forma ta’ spejjeż aktar baxxi tal-elettriku u tal-ilma. Il-maġġoranza kbira tal-konsumaturi, inklużi dawk li jużaw il-magna tagħhom inqas ta’ spiss, se jirkupraw iż-żieda fil-prezz tax-xiri fi żmien erba’ snin. Minħabba li l-medja tal-istennija tal-għomor għall-magni fil-kategoriji A sa E hija ta’ mill-inqas 5 snin, il-konsumaturi tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ, bħala grupp, jibbenefikaw mill-ftehim. Dan il-benefiċċju nett ikompli jiżdied, għall-utenti kollha tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ, permezz tal-benefiċċji ambjentali li jirriżultaw mit-tnaqqis kollettiv fl-użu tal-elettriku u tal-ilma. It-tnaqqis fil-konsum tal-elettriku jwassal għal anqas tniġġis mill-produzzjoni tal-elettriku u dan huwa ta’ benefiċċju wkoll għall-konsumaturi tal-magni tal-ħasil, sal-punt li l-falliment tas-suq relatat mat-tniġġis ma jkunx diġà indirizzat minn strumenti regolatorji oħrajn (eż. l-Iskema Ewropea għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet, li tillimita l-emissjonijiet tal-karbonju). It-tnaqqis fil-konsum tal-ilma jwassal għal inqas tniġġis tal-ilma. Peress li l-konsumaturi tal-magni tal-ħasil jifformaw il-maġġoranza assoluta tal-popolazzjoni ġenerali, sehem minn dawn il-benefiċċji ambjentali jiffavorixxi lill-konsumaturi fis-suq rilevanti li huma affettwati mill-ftehim.

Analiżi: Għalkemm il-ftehim x’aktarx li jkollu effetti negattivi sinifikanti u li jkun kopert mill-Artikolu 101(1), huwa probabbli wkoll li jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3). B’mod partikolari: (i) bħala riżultat tal-ftehim, il-magna tal-ħasil medja ssir aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u tal-ilma, (ii) dan ma setax jinkiseb bi ftehim anqas restrittiv, pereżempju b’kampanja ta’ reklamar kollettiv jew b’tikketta tas-sostenibbiltà, (iii) il-konsumaturi fis-suq rilevanti jiksbu benefiċċju nett bħala riżultat tal-benefiċċji tal-valur tal-użu individwali u tal-benefiċċji ambjentali kollettivi, u (iv) il-kompetizzjoni ma tiġix eliminata, peress li l-ftehim jaffettwa biss l-ambitu tal-medda ta’ mudelli, li huwa parametru wieħed tal-kompetizzjoni, u mhux parametri oħrajn, bħall-prezz jew l-innovazzjoni, li fuqhom tista’ sseħħ il-kompetizzjoni hekk kif fil-fatt jiġri.


(1)  ĠU C 11, 14.1.2011, p. 1.

(2)  Ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020: Nibnu Suq Uniku aktar b’saħħtu għall-irkupru tal-Ewropa, COM(2021) 350 final.

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 2023/1066 tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ akkordji ta’ riċerka u żvilupp (ĠU L 143, 2.6.2023, p. 9).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 2023/1067 tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ akkordji ta’ speċjalizzazzjoni (ĠU L 143, 2.6.2023, p. 20).

(5)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew”, COM (2019) 640 final.

(6)  Ara, pereżempju, is-sentenza tal-25 ta’ Marzu 2021, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, C-152/19 P, EU:C:2021:238, il-punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk.

(7)  Fis-sens tas-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, MasterCard vs Il-Kummissjoni, C-382/12 P, EU:C:2014:2201, il-paragrafu 76, u l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger tal-10 ta’ Lulju 2001, Wouters, C-309/99, EU:C:2001:390, il-paragrafu 61.

(8)  Ara, pereżempju, is-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 1996, Viho, C-73/95 P, EU:C:1996:405, il-paragrafu 51. L-eżerċitar ta’ influwenza deċiżiva mill-kumpanija omm fuq l-imġiba ta’ sussidjarja jista’ jiġi preżunt fil-każ ta’ sussidjarji posseduti totalment, jew meta l-kumpanija omm ikollha d-drittijiet tal-vot kollha assoċjati mal-ishma tas-sussidjarji tagħha; ara, pereżempju, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo, C-97/08 P, EU:C:2009:536, il-paragrafu 60 u dawk segwenti, is-sentenza tas-27 ta’ Jannar 2021, The Goldman Sachs Group Inc vs Il-Kummissjoni, C-595/18 P, EU:C:2021:73, il-paragrafu 36.

(9)  Is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, EI du Pont de Nemours and Company, C-172/12 P, EU:C:2013:601, il-paragrafu 47 u s-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2017, LG Electronics Inc. u Koninklijke Philips Electronics NV, C-588/15 P u C-622/15 P, EU:C:2017:679, il-paragrafi 71 u 76.

(10)  Is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2017, LG Electronics Inc. u Koninklijke Philips Electronics NV, C-588/15 P u C-622/15 P, EU:C:2017:679, il-paragrafu 79.

(11)  Ara, pereżempju, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Il-Kummissjoni vs Volkswagen, C-74/04 P, EU:C:2006:460, il-paragrafu 37.

(12)  Ara, pereżempju, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands u Oħrajn, C-8/08, EU:C:2009:343, il-paragrafu 26; is-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1993, Wood Pulp, C-89/85, C-104/85, C-114/85, C-116/85, C-117/85 u C-125/85 sa C-129/85, EU:C:1993:120, il-paragrafu 63.

(13)  Is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C-286/13 P, EU:C:2015:184, il-punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk.

(14)  Dak li jikkostitwixxi “perjodu qasir ta’ żmien” jiddependi fuq il-kuntest legali u ekonomiku u l-fatti tal-każ inkwistjoni u, b’mod partikolari, fuq jekk l-impriża inkwistjoni hijiex parti għal ftehim ta’ kooperazzjoni orizzontali jew parti terza. Meta tapplika l-kunċett ta’ “perjodu ta’ żmien qasir” sabiex tivvaluta jekk parti għal ftehim għandhiex titqies bħala kompetitur potenzjali ta’ parti oħra, il-Kummissjoni normalment tikkunsidra perjodu itwal minn dak li tqis meta tapplika dak il-kunċett sabiex tivvaluta l-kapaċità ta’ parti terza li taġixxi bħala restrizzjoni kompetittiva fuq il-partijiet għal ftehim. Sabiex parti terza titqies bħala kompetitur potenzjali, ikun meħtieġ li d-dħul fis-suq iseħħ b’mod mgħaġġel biżżejjed sabiex it-theddida ta’ dħul potenzjali tkun restrizzjoni fuq l-imġiba tal-partijiet u ta’ parteċipanti oħrajn fis-suq. Għal dawn ir-raġunijiet, kemm ir-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija tar-R&Ż kif ukoll dak ta’ Speċjalizzazzjoni jikkunsidraw perjodu ta’ mhux aktar minn tliet snin bħala “perjodu qasir ta’ żmien”.

(15)  Is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2020, Generics (ir-Renju Unit), C-307/18, EU:C:2020:52, il-paragrafi 37 u 38.

(16)  L-eżistenza ta’ privattiva ma tistax, bħala tali, titqies bħala ostaklu li ma jistax jingħeleb. Ara s-sentenza tal-25 ta’ Marzu 2021, Lundbeck, C-591/16 P, EU:C:2021:243, il-paragrafi 38 u 58-59.

(17)  Ara, pereżempju, is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2020, Generics (ir-Renju Unit), C-307/18, EU:C:2020:52, il-paragrafi 36-58.

(18)  L-Artikolu 101(1) jipprojbixxi l-effetti antikompetittivi kemm attwali kif ukoll potenzjali; ara, pereżempju, is-sentenza tat-28 ta’ Mejju 1998, John Deere, C-7/95 P, EU:C:1998:256, il-paragrafu 77; is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax, C-238/05, EU:C:2006:734, il-paragrafu 50.

(19)  Ara s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline, C-501/06 P, C-513/06 P, C-515/06 P u C-519/06 P, EU:C:2009:610, il-paragrafu 95.

(20)  Ara s-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, Van den Bergh Foods vs Il-Kummissjoni, T-65/98, EU:T:2003:281, il-punt 107; is-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2001, Métropole télévision (M6) u oħrajn vs Il-Kummissjoni, il-Kawża T-112/99, EU:T:2001:215, il-punt 74; is-sentenza tat-2 ta’ Mejju 2006, O2 vs Il-Kummissjoni, T-328/03, EU:T:2006:116, il-punt 69 u sussegwenti. Meta jitqiesu l-effetti prokompetittivi jkun possibbli li tiġi apprezzata s-serjetà oġġettiva ta’ prattika. Ma hijiex maħsuba bħala “regola tar-raġuni”, li bis-saħħa tagħha għandhom jiġu ponderati l-effetti prokompetittivi u dawk antikompetittivi ta’ ftehim meta għandu jiġi kkaratterizzat bħala “restrizzjoni tal-kompetizzjoni” skont l-Artikolu 101(1), ara s-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK), C-307/18, EU:C:2020:52, il-punt 104.

(21)  Ara s-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom, C-280/08 P, EU:C:2010:603, il-paragrafi 80-81. Din il-possibbiltà ġiet interpretata b’mod strett; ara, pereżempju, is-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 1980, Van Landewyck, il-kawżi magħquda minn 209 sa 215 u 218/78, EU:C:1980:248, il-paragrafi 130–134; is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 1997, Ladbroke Racing, C-359/95 P u C-379/95 P, EU:C:1997:531, il-paragrafu 33 u aktar.

(22)  Is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, CIF, C-198/01, EU:C:2003:430, il-paragrafu 54 u aktar.

(23)  Ara, pereżempju, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2006, FNCBV u Oħrajn vs Il-Kummissjoni (Ċanga Franċiża), T-217/03 u T-245/03, EU:T:2006:391, il-paragrafu 92.

(24)  Ara, pereżempju, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni, C-67/13 P, EU:C:2014:2204, il-paragrafi 49-50.

(25)  Ara, pereżempju, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline, C-501/06 P, C-513/06 P, C-515/06 P u C-519/06 P, EU:C:2009:610, il-paragrafu 55; is-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2008, BIDS, C-209/07, EU:C:2008:643, il-paragrafu 16; is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands u Oħrajn, C-8/08, EU:C:2009:343, il-paragrafu 29 u aktar; is-sentenza tat-28 ta’ Mejju 1998, John Deere, C-7/95 P, EU:C:1998:256, il-paragrafu 77.

(26)  Is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) Ltd u Oħrajn, C-307/18, EU:C:2020:52, il-punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk.

(27)  Is-sentenza tat-2 ta’ April 2020, Gazdasági Versenyhivatal vs Budapest Bank Nyrt. u Oħrajn, C-228/18, EU:C:2020:265, il-punti 76 u 79.

(28)  Ara s-sentenza tal-25 ta’ Marzu 2021, Lundbeck, C-591/16 P, EU:C:2021:243, il-punti 130-131, u s-sentenza tal-25 ta’ Marzu 2021, Sun vs Il-Kummissjoni, C-586/16 P, EU:C:2021:241, il-punt 86. Il-fatt li l-Kummissjoni qabel ma kinitx qieset li ftehim simili għall-ftehim inkwistjoni kien restrittiv “minħabba l-għan”, fih innifsu, ma jżommhiex milli tagħmel dan fil-futur.

(29)  Il-prezz huwa wieħed mill-parametri tal-kompetizzjoni, minbarra parametri bħall-output, il-kwalità tal-prodott, il-varjetà tal-prodott jew l-innovazzjoni.

(30)  Is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands u Oħrajn, C-8/08, EU:C:2009:343, il-punti 38-39; is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C-286/13 P, EU:C:2015:184, il-punt 125. Is-sentenza tat-12 ta’ JAnnar 2023, HSBC vs Il-Kummissjoni, C-883/19 P, EU:C:2023:11, il-punt 121.

(31)  Ir-restrizzjonijiet li huma identifikati bħala restrizzjonijiet fundamentali fir-regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija, fil-linji gwida u fl-avviżi huma kkunsidrati mill-Kummissjoni li ġeneralment jikkostitwixxu restrizzjonijiet minħabba l-għan.

(32)  Għal ftehimiet li għalihom il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea diġà ddeċidiet li jikkostitwixxu ksur partikolarment serju tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-analiżi tal-kuntest legali u ekonomiku tista’ tkun limitata għal dak li jkun strettament neċessarju sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ restrizzjoni minħabba l-għan, ara s-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2016, Toshiba, C-373/14 P, EU:C:2016:26, il-punt 29.

(33)  Ara s-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni, C-67/13 P, EU:C:2014:2204, il-punt 53; is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C-286/13 P, EU:C:2015:184, il-punt 117 u s-sentenza tat-2 ta’ April 2020, Budapest Bank u Oħrajn, C-228/18, EU:C:2020:265, il-punt 51.

(34)  Is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK), C-307/18, EU:C:2020:52, il-punti 103-107 u s-sentenza tat-12 ta’ Jannar 2023, HSBC vs Il-Kummissjoni, C-883/19 P, EU:C:2023:11, il-punt 139.

(35)  Is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK), C-307/18, EU:C:2020:52, il-punt 107.

(36)  Ara, pereżempju, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító u Oħrajn, C-32/11, EU:C:2013:160, il-punt 37; is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni, C-67/13 P, EU:C:2014:2204, il-paragrafu 54; u s-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Foodu Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C-286/13 P, EU:C:2015:184, il-punt 118.

(37)  Is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK), C-307/18, EU:C:2020:52, il-punt 118; is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2018, Krka vs Il-Kummissjoni, T-684/14, EU:T:2018:918, il-paragrafu 315; u s-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, MasterCard vs Il-Kummissjoni, C-382/12 P, EU:C:2014:2201, il-paragrafu 166.

(38)  Is-sentenza tat-28 ta’ Mejju 1998, John Deere, C-7/95 P, EU:C:1998:256, il-punt 88; is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax, C-238/05, EU:C:2006:734, il-paragrafu 51.

(39)  Is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK), C-307/18, EU:C:2020:52, il-punt 116, u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk. Il-kuntest attwali tal-kooperazzjoni jista’ jinkludi fatturi bħall-preżenza ta’ possibbiltajiet suffiċjenti għall-klijenti sabiex ibiddlu l-fornitur; il-probabbiltà li l-kompetituri jżidu l-provvista jekk jogħlew il-prezzijiet; jekk il-karatteristiċi tas-suq ikunux iwasslu għall-koordinazzjoni; jekk l-attivitajiet koperti mill-kooperazzjoni jirrappreżentawx proporzjon għoli tal-kostijiet varjabbli tal-partijiet fis-suq rilevanti; eċċ. Jista’ jkun rilevanti wkoll li jiġi vvalutat jekk il-partijiet jikkombinawx l-attivitajiet tagħhom koperti mill-kooperazzjoni b’mod sinifikanti. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, meta jimmanifatturaw jew jixtru b’mod konġunt prodott intermedju li jkun input importanti għall-produzzjoni tagħhom ta’ prodotti downstream, jew meta jimmanifatturaw jew jiddistribwixxu b’mod konġunt proporzjon kbir tal-output totali tagħhom ta’ prodott finali.

(40)  Is-saħħa fis-suq hija l-kapaċità li l-prezzijiet jinżammu b’mod profittabbli ’l fuq mil-livelli kompetittivi għal perjodu ta’ żmien jew li l-produzzjoni f’termini tal-kwantitajiet tal-prodott, il-kwalità u l-varjetà tal-prodott jew l-innovazzjoni tinżamm b’mod profittabbli taħt il-livelli kompetittivi għal perjodu ta’ żmien. Il-grad ta’ saħħa fis-suq normalment meħtieġ sabiex jinstab ksur skont l-Artikolu 101(1) huwa anqas mill-grad ta’ saħħa fis-suq meħtieġ sabiex tinstab dominanza skont l-Artikolu 102.

(41)  Is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni, C-67/13 P, EU:C:2014:2204, il-punt 52.

(42)  Ara wkoll il-paragrafu 18 tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat (ĠU C 101, 27.4.2004 p. 97) (“il-Linji Gwida tal-Artikolu 101(3)”).

(43)  Is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, MasterCard vs Il-Kummissjoni, C-382/12 P, EU:C:2014:2201, il-punt 89; is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1985, Remia u Oħrajn vs Il-Kummissjoni, il-Kawża 42/84, EU:C:1985:327, il-punti 19-20; is-Sentenza tat-28 ta’ Jannar 1986, Pronuptia, il-Kawża 161/84, EU:C:1986:41, il-punti 15-17; is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1994, Gøttrup-Klim, C-250/92, EU:C:1994:413, il-punt 35, u s-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1995, Oude Luttikhuis u Oħrajn, C-399/93, EU:C:1995:434, il-punti 12-15.

(44)  Is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, MasterCard vs Il-Kummissjoni, C-382/12 P, EU:C:2014:2201, il-punt 91.

(45)  L-approċċ ġenerali meta jiġi applikat l-Artikolu 101(3) huwa ppreżentat fil-Linji Gwida tal-Artikolu 101(3).

(46)  Ara l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003 p. 1).

(47)  Ara l-paragrafi 51-58 tal-Linji Gwida tal-Artikolu 101(3).

(48)  Aktar dettall dwar il-kunċett ta’ konsumatur huwa pprovdut fil-paragrafu 84 tal-Linji Gwida tal-Artikolu 101(3).

(49)  Ara s-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, Expedia, C-226/11, EU:C:2012:795, il-punti 16-17 u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk.

(50)  ĠU C 101, 27.4.2004, p. 81.

(51)  ĠU C 291, 30.8.2014, p. 1.

(52)  Kif definiti fl-Anness tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

(53)  Il-Linji Gwida dwar l-Effett fuq il-Kummerċ, il-paragrafu 50.

(54)  Il-Linji Gwida dwar l-Effett fuq il-Kummerċ, il-paragrafu 52.

(55)  L-Avviż De Minimis, il-paragrafu 8.

(56)  Is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, Expedia, C-226/11, EU:C:2012:795, il-punt 37.

(57)  L-Avviż De Minimis, il-paragrafu 10.

(58)  Ara s-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 1995, Langnese-Iglo vs Il-Kummissjoni, T-7/93, EU:T:1995:98, il-punt 98.

(59)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 2022/720 tal-10 ta’ Mejju 2022 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ ftehimiet vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU L 134, 11.5.2022, p. 4).

(60)  ĠU C 248, 30.6.2022, p. 1.

(61)  Bħala eċċezzjoni għal din ir-regola, ftehimiet vertikali bejn kompetituri jistgħu jibbenefikaw mill-VBER meta l-ftehim ma jkunx reċiproku u jew (i) il-fornitur ikun attiv f’livell upstream bħala manifattur, importatur, jew bejjiegħ bl-ingrossa u f’livell downstream bħala importatur, bejjiegħ bl-ingrossa, jew bejjiegħ bl-imnut ta’ oġġetti, filwaqt li x-xerrej ikun importatur, bejjiegħ bl-ingrossa, jew bejjiegħ bl-imnut fil-livell downstream u mhux impriża kompetitriċi fil-livell upstream fejn jixtri l-oġġetti tal-kuntratt, jew inkella (ii) il-fornitur ikun fornitur ta’ servizzi f’diversi livelli ta’ kummerċ, filwaqt li x-xerrej jipprovdi s-servizzi tiegħu fil-livell tal-bejgħ bl-imnut u ma jkunx impriża kompetitriċi fil-livell tal-kummerċ fejn jixtri s-servizzi tal-kuntratt (ara l-VBER, l-Artikolu 2(4)).

(62)  L-Avviż tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-għanijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Komunità (ĠU C 372, 9.12.1997, p. 5).

(63)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).

(64)  Ara l-Artikolu 3(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Meta tivvaluta jekk ikunx hemm impriża konġunta, il-Kummissjoni teżamina jekk l-impriża konġunta tkunx awtonoma f’sens operazzjonali. Dan ma jfissirx li tkun tgawdi awtonomija mill-kumpaniji omm tagħha fir-rigward tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet strateġiċi tagħha (ara l-Avviż Ġuriżdizzjonali Konsolidat tal-Kummissjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU C 95, 16.4.2008, p. 1), il-paragrafi 91–109 (l-“Avviż Ġuriżdizzjonali Konsolidat”)). Ta’ min jitfakkar ukoll li jekk il-ħolqien ta’ impriża konġunta li tkun tikkostitwixxi konċentrazzjoni skont l-Artikolu 3 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet ikollu bħala l-għan jew l-effett tiegħu l-koordinazzjoni tal-imġiba kompetittiva tal-impriżi li jibqgħu indipendenti, allura dik il-koordinazzjoni trid tiġi vvalutata skont l-Artikolu 101 tat-Trattat (ara l-Artikolu 2(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet).

(65)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007, (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671). Għall-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-sajd, ara l-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 1).

(66)  Ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 1990, Tetra Pak I, T-51/89, EU:T:1990:41, il-punt 25 u segwenti.

(67)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 tal-24 ta’ Lulju 2006 li japplika ċerti regoli ta’ kompetizzjoni għall-produzzjoni ta’, u l-kummerċ fi, prodotti agrikoli (ĠU L 214, 4.8.2006, p. 7).

(68)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 169/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 li japplika r-regoli tal-kompetizzjoni għat-trasport bil-ferrovija, bit-triq u permezz tal-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU L 61, 5.3.2009, p. 1); u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 906/2009 tat-28 ta’ Settembru 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta’ ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma bejn il-kumpanniji marittimi tal-linja (konsorzji) (ĠU L 256, 29.9.2009, p. 31).

(69)  F’dan il-Kapitolu, ir-referenzi għal “teknoloġiji” jinkludu teknoloġiji u proċessi.

(70)  Dawn il-Linji Gwida japplikaw għall-aktar tipi komuni ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali, irrispettivament mil-livell ta’ integrazzjoni li jinvolvu, bl-eċċezzjoni ta’ operazzjonijiet li jikkostitwixxu konċentrazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004, bħall-ħolqien ta’ impriża konġunta li teżegwixxi l-funzjonijiet kollha. Ara wkoll il-paragrafu 46.

(71)  Kif definiti fl-Anness tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

(72)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 2023/1066 tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ akkordji ta’ riċerka u żvilupp (ĠU L 143, 2.6.2023, p. 9).

(73)  Sakemm il-Kummissjoni jew NCA ma tirtirax il-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija f’każ individwali (ara t-Taqsima 2.2.6).

(74)  Għall-valutazzjoni tal-ftehimiet ta’ R&Ż skont l-Artikolu 101(1), ara t-Taqsima 2.3.

(75)  Ara l-Artikolu 1(1), il-punt (3), tar-REK R&Ż.

(76)  Ara l-Artikolu 1(1), il-punt (1), tar-REK R&Ż.

(77)  Ara l-Artikolu 1(1), il-punt (6), tar-REK R&Ż.

(78)  Ara l-Artikolu 1(1), il-punt (4), tar-REK R&Ż.

(79)  Ara l-Artikolu 1(1), il-punt (5), tar-REK R&Ż.

(80)  Ara l-Artikolu 1(1), il-punt (10), tar-REK R&Ż.

(81)  Dawn jistgħu jiġu distinti mir-R&Ż bi ħlas, li fil-kuntest tagħhom ir-R&Ż jitwettqu minn parti waħda jew aktar għall-ftehim ta’ R&Ż.

(82)  Ara l-Artikolu 1(1), il-punt (11), tar-REK R&Ż.

(83)  Ara l-Artikolu 1(1), il-punt (7), tar-REK R&Ż.

(84)  Ara l-Artikolu 5(1) tar-REK R&Ż. Kundizzjonijiet addizzjonali marbutin mal-isfruttament konġunt tar-riżultati tar-R&Ż huma deskritti fit-Taqsima 2.2.3.3.

(85)  Kif kopert mill-Artikolu 1(1), il-punti (1)(c) u (d) tar-REK R&Ż.

(86)  Ara l-Artikolu 1(1), il-punt (10), tar-REK R&Ż.

(87)  Il-ftehim mal-parti terza jeħtieġ valutazzjoni separata skont l-Artikolu 101.

(88)  Ara l-Artikolu 1(1), il-punt (12), tar-REK R&Ż.

(89)  Ara l-Artikolu 2(3) tar-REK R&Ż.

(90)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 316/2014 tal-21 ta’ Marzu 2014 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ ftehimiet dwar trasferiment ta’ teknoloġija (ĠU L 93, 28.3.2014, p. 17). Ara wkoll il-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija, (ĠU C 89, 28.3.2014, p. 3), il-punti 73 u 74 (“il-Linji Gwida dwar it-Trasferiment ta’ Teknoloġija”).

(91)  Ara l-Linji Gwida dwar it-Trasferiment ta’ Teknoloġija, il-punt 74.

(92)  Ara l-Artikolu 3(2) tar-REK R&Ż.

(93)  Ara l-Artikolu 3(3), il-punt (a), tar-REK R&Ż.

(94)  Ara l-Artikolu 3(3), il-punt (b), tar-REK R&Ż.

(95)  Dawn jistgħu jkunu pereżempju SMEs li l-attività kummerċjali ewlenija tagħhom hija li jipprovdu servizzi ta’ R&Ż għal partijiet terzi.

(96)  Ara l-Artikolu 3(4) tar-REK R&Ż.

(97)  Ara l-Artikolu 4(2) tar-REK R&Ż.

(98)  Ara l-Artikolu 4(3) tar-REK R&Ż.

(99)  Ara l-Artikolu 5(2) tar-REK R&Ż.

(100)  Ara l-Artikolu 5(2) tar-REK R&Ż.

(101)  Ara l-premessa 5 tar-REK R&Ż.

(102)  Fil-bqija ta’ dan il-Kapitolu, ir-referenzi għat-teknoloġija jew għat-teknoloġiji jinkludu proċessi, sakemm ma jkunx indikat mod ieħor.

(103)  Ara wkoll it-Taqsima 1.2.1.

(104)  Ara l-paragrafu 44 u l-Avviż tal-Kummissjoni dwar id-Definizzjoni tas-Swieq għal gwida dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti. Ara wkoll it-Taqsima 2.3.1.

(105)  Ara l-paragrafu 44 u l-Avviż tal-Kummissjoni dwar id-Definizzjoni tas-Swieq għal gwida dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti. Ara wkoll it-Taqsima 2.3.1.

(106)  Ara l-paragrafi 87 u 88.

(107)  Ara t-Taqsima 2.2.2.1 dwar id-distinzjoni bejn R&Ż konġunti u R&Ż bi ħlas. Ara wkoll l-Artikolu 1(1), il-punt (1), tar-REK R&Ż.

(108)  Ara l-Artikolu 6(1), il-punt (a), tar-REK R&Ż.

(109)  Ara l-Artikolu 6(1), il-punt (b), tar-REK R&Ż. Ma huwiex neċessarju li l-ftehimiet kollha ta’ R&Ż tal-parti li tiffinanzja relatati mal-istess prodotti tal-kuntratt jew teknoloġiji tal-kuntratt jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-REK R&Ż.

(110)  Ara l-paragrafu 44 u l-Avviż tal-Kummissjoni dwar id-Definizzjoni tas-Swieq għal gwida dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti. Ara wkoll it-Taqsima 2.3.1.

(111)  Ara l-Artikolu 7(2) tar-REK R&Ż.

(112)  Ara l-Artikolu 7(3) tar-REK R&Ż.

(113)  Ara l-Artikolu 7(3) tar-REK R&Ż.

(114)  Ara wkoll ir-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija tat-Trasferiment tat-Teknoloġija, l-Artikolu 8(d) u l-Linji Gwida dwar it-Trasferiment ta’ Teknoloġija, il-paragrafi 25 u 86-88.

(115)  Ara l-paragrafi 87 u 88.

(116)  L-Artikolu 6(2) ma japplikax jekk żewġ partijiet jew aktar ikunu kompetituri attwali jew potenzjali f’suq għal prodotti jew għal teknoloġiji eżistenti li jistgħu jittejbu, jiġu ssostitwiti jew jittiħdilhom posthom mill-prodotti tal-kuntratt jew mit-teknoloġiji tal-kuntratt; f’dak il-każ, japplika l-Artikolu 6(1) (limitu tas-sehem mis-suq).

(117)  Dan huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħa tal-Kummissjoni jew tal-NCAs li jirtiraw il-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija f’każijiet individwali. Ara t-Taqsima 2.2.6.

(118)  Kif imsemmi fil-paragrafu 68, il-ftehim preċedenti ta’ R&Ż konġunti jew bi ħlas irid jissodisfa wkoll il-kundizzjonijiet tar-REK R&Ż.

(119)  Ara l-Artikolu 6(5) tar-REK R&Ż.

(120)  Ara l-Artikolu 8(b), il-punt (i) tar-REK R&Ż.

(121)  Ara l-Artikolu 8(b), il-punt (ii), tar-REK R&Ż.

(122)  Ara l-Artikolu 8(b), il-punt (iii), tar-REK R&Ż.

(123)  Ara l-Artikolu 8(b), il-punt (iv) tar-REK R&Ż.

(124)  Ara l-Artikolu 8(c) tar-REK R&Ż.

(125)  Ara l-Artikolu 1(1), il-punt (19), tar-REK R&Ż.

(126)  Ara l-Artikolu 1(1), il-punt (18), tar-REK R&Ż.

(127)  Ara l-Artikolu 8(g) tar-REK R&Ż.

(128)  Ara l-Artikolu 9(1), il-punt (a)(i) tar-REK R&Ż.

(129)  Ara l-Artikolu 9(1), il-punt (a)(ii), tar-REK R&Ż.

(130)  Skont l-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, il-persuni li jistgħu jiġu affettwati ħażin minn deċiżjoni individwali li tapplika d-dritt tal-UE għandhom id-dritt li jinstemgħu qabel ma tiġi adottata d-deċiżjoni.

(131)  Skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003. Il-Kummissjoni użat is-setgħa tagħha li tirtira l-benefiċċju tar-regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija fid-deċiżjoni tagħha tal-25 ta’ Marzu 1992 (miżuri interim) relatati ma’ proċediment skont l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE fil-Kawża IV/34.072 – Mars/Langnese u Schöller, ikkonfermata mis-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 1998, Langnese-Iglo vs Il-Kummissjoni, C-279/95 P, EU:C:1998:447; u fid-deċiżjoni tagħha tal-4 ta’ Diċembru 1991 (miżuri interim) relatati ma’ proċediment skont l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE fil-Kawża IV/33.157 – Eco System/Peugeot.

(132)  Jekk dan ma jkunx il-każ, l-Artikolu 101 ma japplikax u ma tkun meħtieġa l-ebda valutazzjoni ulterjuri.

(133)  Ir-REK R&Ż fih definizzjonijiet speċifiċi li huma rilevanti għall-applikazzjoni tal-limitu tas-sehem mis-suq fir-REK R&Ż. Ara t-Taqsima 2.2.3.4.

(134)  Dan it-terminu jintuża f’ċerti setturi sabiex jirreferi għal prodotti li għadhom ma tqegħdux fis-suq iżda li għalihom hemm biżżejjed viżibbiltà fuq il-proċess ta’ R&Ż sabiex jiġi stabbilit għal liema suq x’aktarx se jappartjenu l-prodotti, jekk il-proċess ta’ R&Ż jirnexxi.

(135)  Xi ftehimiet ta’ R&Ż jikkonċernaw l-iżvilupp ta’ prodotti li ma humiex se jtejbu, jissostitwixxu jew jieħdu post prodotti eżistenti, iżda se jissodisfaw domanda kompletament ġdida. Il-prodotti ta’ riżerva jistgħu jaqgħu wkoll f’dik il-kategorija ta’ prodotti.

(136)  Ara wkoll il-Linji Gwida dwar it-Trasferiment ta’ Teknoloġija, il-paragrafi 19-26.

(137)  Ara wkoll il-paragrafu 16 rigward il-kompetizzjoni potenzjali.

(138)  Ara, pereżempju, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Lulju 2021, Emissjonijiet tal-Karozzi (il-każ AT.40178), li kienet tikkonċerna kartell li nħoloq bejn ħames manifatturi tal-karozzi fil-kuntest ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi. L-iskop apparenti tal-kooperazzjoni kien li jiġu żviluppati komponenti għal sistema ġdida għat-tindif tal-emissjonijiet. Madankollu, fil-kuntest ta’ dik il-kooperazzjoni, il-manifatturi tal-karozzi qablu wkoll li ma jtejbux l-effettività tas-sistema lil hinn minn dak li kien meħtieġ legalment, u b’hekk irrestrinġew l-iżvilupp tekniku tat-teknoloġija tat-tindif tal-emissjonijiet.

(139)  Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni tat-titjib possibbli fl-effiċjenza, inklużi dak li jkun jeżisti b’mod regolari fir-R&Ż ikkofinanzjati pubblikament. Ara t-Taqsima 2.4.1.

(140)  Is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, MasterCard vs Il-Kummissjoni, C-382/12 P, EU:C:2014:2201, il-punt 89.

(141)  Ara wkoll it-Taqsima 1.2.6 u l-paragrafu 369.

(142)  Ara wkoll il-paragrafu 6.

(143)  Ara l-paragrafu 49 tal-Artikolu 101(3) tal-Linji Gwida.

(144)  Ara t-Taqsima 2.2.4.1.

(145)  Ara l-paragrafu 44 tal-Artikolu 101(3) tal-Linji Gwida. Fir-rigward taż-żmien rilevanti għall-valutazzjoni tal-applikabbiltà tar-REK R&Ż, ara t-Taqsima 2.2.5.

(146)  Ara l-Artikolu 1(1), il-punt (15), tar-REK R&Ż.

(147)  Fir-rigward tat-tħejjija ta’ servizzi, ara b’mod partikolari l-paragrafu 200.

(148)  Ara l-paragrafi 12 u 46. Dawn il-Linji Gwida ma jkoprux operazzjonijiet li jikkostitwixxu konċentrazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet; dan jinkludi l-ħolqien ta’ impriża konġunta li teżerċita l-funzjonijiet kollha.

(149)  Il-ftehimiet ta’ sottokuntrattar vertikali ma humiex koperti minn dawn il-Linji Gwida. Ftehimiet ta’ sottokuntrattar vertikali jiġu konklużi bejn kumpaniji li joperaw f’livelli differenti tal-katina tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni. Dawn il-ftehimiet jistgħu jaqgħu fl-ambitu tal-Linji Gwida dwar Restrizzjonijiet Vertikali u, soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet, jistgħu jibbenefikaw mill-VBER. Barra minn hekk, dawn il-ftehimiet jistgħu jkunu koperti mill-Avviż tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Diċembru 1978 rigward l-evalwazzjoni tagħha ta’ ċerti ftehimiet ta’ sottokuntratti relatati mal-Artikolu 85(1) tat-Trattat tal-KEE, (ĠU C 1, 3.1.1979, p. 2) (“l-Avviż dwar is-Sottokuntrattar”).

(150)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 2023/1067 tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ akkordji ta’ speċjalizzazzjoni (ĠU L 143, 2.6.2023, p. 20).

(151)  Sakemm il-Kummissjoni jew NCA ma tirtirax il-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija f’każ individwali (ara t-Taqsima 3.3.7).

(152)  Ara l-Artikolu 2(5), l-ewwel paragrafu, tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004.

(153)  Ir-Regolament (KEE) Nru 2821/71 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 101(3), li teżenta kategorija minn ftehimiet ta’ regolamentazzjoni li jkollhom l-ispeċjalizzazzjoni bħala l-għan tagħhom, inklużi ftehimiet neċessarji għall-kisba tagħha.

(154)  Sakemm il-Kummissjoni jew NCA ma tirtirax il-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija f’każ individwali (ara t-Taqsima 3.3.7).

(155)  Għall-valutazzjoni tal-ftehimiet ta’ speċjalizzazzjoni skont l-Artikolu 101(1), ara t-Taqsima 3.4.

(156)  Ara l-premessa 6 u l-Artikolu 1(1), il-punt (5), tar-REK ta’ Speċjalizzazzjoni.

(157)  Ta’ min jinnota li l-ftehimiet ta’ speċjalizzazzjoni unilaterali u reċiproċi jridu jinkludu obbligi ta’ provvista u ta’ xiri sabiex jaqgħu taħt id-definizzjonijiet ta’ dawk il-ftehimiet stabbiliti fl-Artikolu 1 tar-REK ta’ Speċjalizzazzjoni (ara l-paragrafi 188 u 190).

(158)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1218/2010 tal-14 ta’ Diċembru 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ akkordji ta’ speċjalizzazzjoni (ĠU L 335, 18.12.2010, p. 43).

(159)  Jekk dan ma jkunx il-każ, l-Artikolu 101 ma japplikax u ma tkun meħtieġa l-ebda valutazzjoni ulterjuri.

(160)  Ara t-Taqsima 3.5.

(161)  Ara l-paragrafu 46 (“impriżi konġunti b’funzjoni sħiħa”) u l-paragrafu 12 (“responsabbiltà għall-ksur tal-Artikolu 101”).

(162)  Il-ftehimiet ta’ produzzjoni jistgħu jirriżultaw ukoll fil-koordinazzjoni tal-imġiba tal-partijiet bħala xerrejja. F’dak il-każ, kif spjegat fil-paragrafu 6, il-gwida pprovduta fil-Kapitolu 4 (Ftehimiet ta’ xiri) tista’ tkun rilevanti, flimkien mal-gwida pprovduta f’dan il-Kapitolu 3.

(163)  Ara l-paragrafu 34.

(164)  Ara l-paragrafu 34.

(165)  Ara l-paragrafu 16.

(166)  Ara t-Taqsima 3.4.3.2.

(167)  Ara l-paragrafu 41. F’ħafna każijiet, il-ftehimiet ta’ produzzjoni bejn l-SMEs jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż De Minimis. Madankollu, dak l-Avviż ma japplikax għal ftehimiet li fihom restrizzjonijiet ta’ kompetizzjoni minħabba l-għan.

(168)  Ara l-Artikolu 2(1) tar-REK ta’ Speċjalizzazzjoni.

(169)  Ara t-Taqsima 3.3.5.1.

(170)  L-inklużjoni billi jiżdied il-prezz mitlub mill-partijiet għall-prodott intermedju lil kompetituri terzi fis-suq downstream li jiddependu fuq il-partijiet għall-provvista tal-prodott intermedju.

(171)  Is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, MasterCard vs Il-Kummissjoni, C-382/12 P, EU:C:2014:2201, il-punt 89.

(172)  Ara wkoll it-Taqsima 1.2.6 u l-paragrafu 369.

(173)  Ara wkoll il-paragrafu 6.

(174)  Ara t-Taqsima 3.4.

(175)  Ara t-Taqsima 3.3.

(176)  Ara l-paragrafu 98 tal-Artikolu 101(3) tal-Linji Gwida.

(177)  Ta’ min jinnota li t-terminu “infrastruttura mobbli” f’din it-Taqsima jikkonċerna l-użu tal-infrastruttura mhux biss għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni mobbli, bħall-broadband mobbli, Iżda wkoll għall-forniment ta’ aċċess bla fili għal lok fiss, bħall-Aċċess Fiss Bla Fili (“FWA”) li jintuża bħala alternattiva għall-konnessjonijiet bil-fili.

(178)  Il-gwida f’din it-Taqsima tkopri ftehimiet relatati mal-varar konġunt ta’ infrastruttura mill-operaturi tan-networks tat-telekomunikazzjoni mobbli. Din it-Taqsima ma tkoprix ftehimiet relatati mal-forniment ta’ prodotti ta’ aċċess għall-operaturi tat-telekomunikazzjoni mobbli.

(179)  L-operaturi tat-telekomunikazzjoni mobbli jistgħu jinvolvu rwieħhom ukoll f’tipi oħrajn ta’ kondiviżjoni: minbarra l-kondiviżjoni tal-parti RAN tan-network tagħhom, jistgħu jikkondividu wkoll ċerti nodi tan-network ewlieni tagħhom, bħal ċentri ta’ komunikazzjoni mobbli u entitajiet ta’ ġestjoni tal-mobbiltà.

(180)  Pereżempju, il-kondiviżjoni tal-infrastruttura mobbli tista’ tippermetti kompetizzjoni fil-livell tal-bejgħ bl-imnut li ma tkunx teżisti fin-nuqqas tal-ftehim. Ara b’analoġija s-sentenza tat-2 ta’ Mejju 2006, O2 (Il-Ġermanja) vs Il-Kummissjoni, T-328/03, EU:T:2006:116, il-punti 77 sa 79. Din is-sentenza hija relatata ma’ ftehimiet nazzjonali dwar ir-roaming, iżda l-prinċipji jistgħu jiġu applikati mutatis mutandis għal ftehimiet dwar il-kondiviżjoni ta’ infrastruttura mobbli.

(181)  Il-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi jippermetti lill-awtoritajiet tal-Istati Membri jimponu l-kondiviżjoni tal-infrastruttura fuq l-operaturi tan-networks f’ċerti ċirkostanzi, pereżempju, f’żoni ġeografiċi fejn hemm ostakli ekonomiċi jew fiżiċi insuperabbli għar-replika tal-infrastruttura u r-riskju li l-utenti finali jiġu mċaħħdin mill-konnettività diġitali. Ara l-Artikolu 61(4) tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (Riformulazzjoni) (“Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi”) (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36). Ara wkoll ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1307 tat-18 ta’ Settembru 2020 dwar sett ta’ għodod komuni tal-Unjoni biex titnaqqas l-ispiża tal-implimentazzjoni ta’ networks b’kapaċità għolja ħafna u biex jiġi żgurat aċċess f’waqtu għall-ispettru tar-radju tal-5G li jiffavorixxi l-investiment, sabiex titwitta t-triq għall-konnettività b’appoġġ għall-irkupru ekonomiku mill-kriżi tal-COVID-19 fl-Unjoni. Ir-rakkomandazzjoni tenfasizza li “[n-]networks tal-5G jirrikjedu implimentazzjoni konsiderevolment iktar densa ta’ ċelloli f’baned ta’ frekwenzi ogħla meta mqabbla mal-ġenerazzjonijiet preċedenti tat-teknoloġija. Il-kondiviżjoni tal-infrastruttura passiva u attiva u l-introduzzjoni konġunta tal-infrastruttura bla fili jistgħu jnaqqsu l-ispiża ta’ tali implimentazzjoni (inkluż l-ispejjeż inkrementali), […], u b’hekk jaċċelleraw il-pass tagħha, jappoġġaw kopertura ikbar tan-network u jippermettu użu iktar effettiv u effiċjenti tal-ispettru tar-radju għall-benefiċċju tal-konsumaturi. Għalhekk jenħtieġ li titqies b’mod pożittiv mill-awtoritajiet kompetenti, b’mod partikolari f’żoni b’redditu ekonomiku limitat”, ara l-premessa 26 u l-punt 20(f) (ĠU L 305, 21.9.2020, p. 33).

(182)  Il-kompetizzjoni inkwistjoni trid tinftiehem fil-kuntest attwali li fih isseħħ fin-nuqqas tal-ftehim; l-interferenza mal-kompetizzjoni tista’ tiġi kkontestata jekk il-ftehim ikun neċessarju għall-penetrazzjoni ta’ żona ġdida minn impriża. Ara s-Sentenza tat-2 ta’ Mejju 2006, O2 (Il-Ġermanja) vs Il-Kummissjoni, T-328/03, il-punt 68.

(183)  Il-konnessjonijiet backhaul jgħaqqdu s-sinsla tan-network mal-partijiet aktar periferali tan-network.

(184)  Ir-restrizzjonijiet fuq il-kapaċità installata, flimkien mar-restrizzjonijiet xprunati mill-backhaul kondiviż, jista’, pereżempju, ikollhom effett dirett fuq il-provvista ta’ servizzi fil-livell tal-operaturi għall-operaturi tan-networks virtwali mobbli (“MVNOs”) u ta’ servizzi tar-roaming (internazzjonali u nazzjonali).

(185)  Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Lulju 2022, Kondiviżjoni tan-network – ir-Repubblika Ċeka, AT.40305, il-premessa 89.

(186)  Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Lulju 2022, Kondiviżjoni tan-network – ir-Repubblika Ċeka, AT.40305, il-premessa 89.

(187)  Il-ftehimiet dwar il-kondiviżjoni ta’ infrastruttura mobbli jistgħu jwasslu għal sitwazzjonijiet li fihom parti waħda żżomm lura parti oħra: pereżempju, meta l-infrastruttura tan-network mobbli operata minn parti waħda f’ċerta żona ma tappoġġax ċerta teknoloġija li l-parti l-oħra li tuża dik l-infrastruttura f’dik iż-żona tixtieq li tuża. Ara wkoll id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Lulju 2022, Kondiviżjoni tan-network – ir-Repubblika Ċeka, FI.40305, il-premessa, it-taqsima 4.4.1, il-premessi 91 u 106.

(188)  Pereżempju, jekk żewġ partijiet jaqblu dwar qasma ġeografika (li permezz tagħha (i) il-parti A tkun l-operatur tan-network għaż-żona ġeografika A u l-parti B tkun l-operatur tan-network għaż-żona B; (ii) iż-żewġ partijiet ikomplu joperaw u jikkompetu fiż-żona ta’ xulxin; filwaqt li (iii) l-operatur tan-network għal żona partikolari huwa responsabbli għal deċiżjonijiet ta’ investiment f’isem iż-żewġ operaturi għal dik iż-żona) u l-ftehim jagħti lill-operatur tan-network id-dritt li jirrifjuta li jimplimenta espansjonijiet tan-network mitlubin mill-parti l-oħra.

(189)  Pereżempju, fil-każ ta’ qasma ġeografika, meta l-aġġornamenti tan-network jiġu imposti minn parti waħda fuq parti oħra bi prezz li jkun ogħla mill-kostijiet inkrementali sottostanti.

(190)  Is-sentenza tat-2 ta’ Mejju 2006, O2 (Il-Ġermanja) vs Il-Kummissjoni, T-328/03, EU:T:2006:116, il-punti 65 sa 71.

(191)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Lulju 2003, T-Mobile Deutschland/O2 Germany: Network Sharing Rahmenvertrag, COMP/38.369, il-premessa 12; Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ April 2003, O2 UK Limited / T-Mobile UK Limited (“UK Network Sharing Agreement”), COMP/38.370, il-premessa 11.

(192)  Ara l-pożizzjoni komuni tal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (REKEC) dwar il-kondiviżjoni ta’ infrastruttura mobbli tat-13 ta’ Ġunju 2019, it-Taqsima 4.2. Kondiviżjoni attiva.

(193)  Bħal, pereżempju, akkwiżizzjonijiet indipendenti tal-ispettru; deċiżjonijiet indipendenti dwar kif għandu jintuża tali spettru u liema baned tal-ispettru, u jekk l-ispettru, ladarba jiġi akkwistat, għandux jiġi kondiviż jew le.

(194)  Skont l-evoluzzjoni tat-teknoloġija rilevanti (RAN) maż-żmien, din id-distinzjoni bejn il-kondiviżjoni passiva, attiva u tal-ispettru tista’ ssir anqas rilevanti għall-NSAs futuri. Madankollu, il-prinċipji stabbiliti f’dan il-paragrafu x’aktarx li jibqgħu rilevanti għall-valutazzjoni ta’ NSAs futuri, anki skont ir-rwol li jkollhom il-komponenti tal-hardware tat-teknoloġija (RAN) fil-futur f’termini ta’ differenzjazzjoni. Pereżempju, fil-futur, tista’ tkun possibbli anqas differenzjazzjoni fil-livell tal-komponenti tal-hardware tar-RAN iżda tista’ tkun possibbli aktar differenzjazzjoni fil-livell tas-software.

(195)  Ara l-paragrafu 259.

(196)  Ara l-paragrafu 259.

(197)  Ta’ min jinnota li t-terminu “kondiviżjoni tal-ispettru” f’din it-Taqsima jikkonċerna biss it-tip ta’ ftehim dwar il-kondiviżjoni ta’ infrastruttura li fih żewġ operaturi tan-networks tat-telekomunikazzjoni mobbli jew aktar li jikkompetu ma’ xulxin jużaw bħala riżorsa kondiviża (“jiġifieri l-akkomunament”) il-pussess tal-ispettru rispettiv tagħhom f’banda waħda jew aktar tal-ispettru. Il-gwida f’din it-Taqsima relatata mal-kondiviżjoni tal-ispettru ma tikkonċernax tipi oħrajn ta’ kondiviżjoni tal-ispettru, pereżempju bejn nonkompetituri (inkluż bejn operaturi tan-networks tat-telekomunikazzjoni mobbli u operaturi tan-networks tat-telekomunikazzjoni mhux mobbli) li jużaw l-istess baned tal-ispettru b’mod dinamiku, u b’hekk irawmu l-użu effiċjenti ta’ din ir-riżorsa skarsa u opportunitajiet ġodda għall-varar tal-5G. Barra minn hekk, it-terminu “Kondiviżjoni tal-Ispettru” f’din it-Taqsima ma għandux jiġi konfuż mal-hekk imsejħa “Kondiviżjoni Dinamika tal-Ispettru”, li hija teknoloġija li tippermetti l-allokazzjoni dinamika tar-riżorsi tal-kapaċità ta’ operatur mobbli f’banda speċifika tal-ispettru, sabiex tippermetti t-tħaddim simultanju ta’ aktar minn ġenerazzjoni waħda ta’ teknoloġija mobbli, bħat-3G, il-4G u l-5G, fuq dik il-banda tal-ispettru.

(198)  L-Artikolu 47(2) tal-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi. Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti, meta jehmżu l-kundizzjonijiet mad-drittijiet individwali tal-użu għall-ispettru tar-radju, jistgħu jipprevedu l-possibbiltajiet li ġejjin: (a) il-kondiviżjoni ta’ infrastruttura passiva jew attiva li tiddependi fuq l-ispettru tar-radju jew fuq il-kondiviżjoni tal-ispettru tar-radju; (b) il-ftehimiet kummerċjali ta’ aċċess għar-roaming; (c) il-varar, b’mod konġunt, ta’ infrastruttura għall-forniment ta’ networks jew ta’ servizzi li jiddependu fuq l-użu tal-ispettru tar-radju.

(199)  Pereżempju, ftehim dwar il-kondiviżjoni ta’ infrastruttura mobbli bejn żewġ operaturi mobbli li għandhom sehem mis-suq kombinat għoli u li jkopru parti kbira mit-territorju ta’ Stat Membru u bil-kondiviżjoni tal-ispettru huwa aktar probabbli li jirrikjedi investigazzjoni fil-fond. Madankollu, f’ċerti ċirkostanzi (pereżempju jekk il-ftehim ikun limitat biss għal żoni skarsament popolati), tali ftehimiet jista’ ma jkollhomx effetti restrittivi.

(200)  Ara Colen, L., Bouamra-Mechemache. Z., Daskalova, V., Nes, K., Retail alliances in the agricultural and food supply chain, EUR 30206 EN, Il-Kummissjoni Ewropea, 2020, ISBN 978-92-76-18585-7, doi:10.2760/33720, JRC120271. Dan ir-rapport tal-JRC jipprovdi b’mod partikolari tipoloġija ta’ alleanzi tal-bejgħ bl-imnut (ara t-Taqsima 2.3 li tiddistingwi bejn (i) gruppi ta’ bejjiegħa bl-imnut indipendenti, (ii) alleanzi nazzjonali tal-bejgħ bl-imnut u (iii) alleanzi internazzjonali jew Ewropej tal-bejgħ bl-imnut. Għall-kuntrarju ta’ gruppi ta’ bejjiegħa bl-imnut indipendenti, l-alleanzi nazzjonali u internazzjonali ġeneralment ma jixtrux prodotti b’mod konġunt mingħand il-fornituri iżda jinnegozjaw biss ċerti kundizzjonijiet ta’ xiri mal-manifatturi ta’ prodotti tad-ditta, bħal, pereżempju, l-għoti ta’ ribassi addizzjonali mill-manifattur bi skambju għall-forniment ta’ ċerti servizzi mill-bejjiegħa bl-imnut. Dawn il-kundizzjonijiet japplikaw addizzjonalment mal-kundizzjonijiet miftehmin mal-membri individwali tal-alleanza.

(201)  Is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2019, Campine, T-240/17, EU:T:2019:778, il-punt 297; ara wkoll is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands u Oġrajn, C-8/08, EU:C:2009:343, il-punt 37; is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2006, Ċanga Franċiża, il-kawżi magħquda T-217/03 u T-245/03, EU:T:2006:391, il-paragrafu 83 u s-segwenti.

(202)  Ara l-Kapitolu 6 dwar l-iskambju ta’ informazzjoni u, b’mod partikolari, it-Taqsima 6.2.6, li tapplika wkoll għall-iskambji ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva bejn ix-xerrejja.

(203)  Kwalunke effett prokompetittiv possibbli ta’ ftehim irid jitqies kif xieraq bħala elementi ta’ kuntest għall-finijiet tal-kategorizzazzjoni tiegħu bħala restrizzjoni minħabba l-għan, sa fejn ikun kapaċi jqajjem dubji dwar il-valutazzjoni kumplessiva ta’ jekk il-ftehim ikunx ta’ ħsara b’mod suffiċjenti għall-kompetizzjoni; ara l-paragrafu 28.

(204)  Il-Kummissjoni ssanzjonat kartelli ta’ xerrejja li ma kinux qegħdin joperaw b’mod kompletament sigriet iżda tal-anqas bdew b’mod relattivament trasparenti. Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/600/KE tat-2 ta’ April 2003, French Beef (ĠU L 209, 19.8.2003, p. 12).

(205)  Is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1994, Gøttrup-Klim, C-250/92, EU:C:1994:413, il-punt 34. Ara wkoll it-Taqsima 1.2.6 dwar ir-restrizzjonijiet anċillari.

(206)  Ara t-Taqsima 6.2.4.2.

(207)  Is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, MasterCard vs Il-Kummissjoni, C-382/12 P, EU:C:2014:2201, il-punt 89.

(208)  Ara l-paragrafu 369.

(209)  Ara wkoll il-paragrafu 6.

(210)  Pereżempju, leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva (UE) 2019/633 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar prattiki kummerċjali inġusti fir-relazzjonijiet bejn in-negozji fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari (ĠU L 111, 25.4.2019, p. 59), jew li hija aktar stretta mill-Artikolu 102 billi tipprojbixxi jew timponi sanzjonijiet fuq imġiba abbużiva rigward impriżi ekonomikament dipendenti, ara l-Artikolu 3(2) u l-Premessa 8 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

(211)  Ara l-paragrafu 278.

(212)  Tali theddid jista’ jkun parti integrali min-negozjar effiċjenti sabiex jinkisbu prezzijiet aktar kompetittivi. Min-naħa l-oħra, theddid bħal dan jista’ jseħħ ukoll fil-kuntest ta’ arranġamenti ta’ xiri konġunt li jkollhom l-effett li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Minnha nnifisha, l-osservazzjoni ta’ theddid bħal dan la hija evidenza ta’ ħsara kompetittiva u lanqas tan-nuqqas tagħha.

(213)  Eż., filwaqt li ribass jista’ jkollu l-forma kuntrattwali ta’ pagament ta’ somma f’daqqa, jista’ effettivament ikun kontinġenti fuq ix-xerrej li jilħaq ċerti miri ta’ bejgħ mistennijin meta l-kuntratt jiġi nnegozjat mill-ġdid is-sena ta’ wara. Similarment, il-ħlas jista’ jkun kontinġenti fuq il-forniment ta’ ċerti servizzi.

(214)  L-Artikolu 2(4) tal-VBER.

(215)  L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(4) tal-VBER ma tapplikax (i) għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-fornitur u x-xerrej li jew ma jkunx direttament relatat mal-implimentazzjoni tal-ftehim vertikali jew ma jkunx neċessarju sabiex tittejjeb il-produzzjoni jew id-distribuzzjoni tal-oġġetti jew tas-servizzi tal-kuntratt, jew li ma jissodisfa l-ebda waħda minn dawk iż-żewġ kundizzjonijiet (l-Artikolu 2(5) tal-VBER) jew (ii) għal ftehimiet vertikali relatati mal-forniment ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online li bihom il-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online jkun impriża li tikkompeti fis-suq rilevanti għall-bejgħ ta’ oġġetti jew ta’ servizzi intermedjati (l-Artikolu 2(6) tal-VBER). F’dawn il-każijiet, dawn il-Linji Gwida japplikaw flimkien mal-Linji Gwida Vertikali. Dawn l-iskambji ta’ informazzjoni u l-ftehimiet jeħtieġu valutazzjoni individwali skont l-Artikolu 101. Il-Linji Gwida Vertikali jistgħu jkunu rilevanti għall-valutazzjoni ta’ kwalunkwe restrizzjoni vertikali, filwaqt li dawn il-Linji Gwida jistgħu jipprovdu gwida rilevanti għall-valutazzjoni ta’ effetti kollużivi possibbli.

(216)  Ara wkoll il-paragrafu 47.

(217)  Pereżempju, fil-każ ta’ ftehim ta’ kummerċjalizzazzjoni f’suq ġeografiku speċifiku, swieq ġeografiċi oħrajn fejn il-partijiet għall-ftehim ikunu attivi wkoll; jew swieq għall-provvista ta’ inputs mixtrijin b’mod konġunt għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti kuntrattwali.

(218)  Is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, MasterCard vs Il-Kummissjoni, C-382/12 P, EU:C:2014:2201, il-punt 89.

(219)  Ara wkoll it-Taqsima 1.2.6 dwar ir-restrizzjonijiet anċillari.

(220)  Ara wkoll il-paragrafu 6.

(221)  Ara b’mod partikolari l-Kapitolu 9, il-paragrafu 559 dwar il-ftehimiet ta’ sostenibbiltà.

(222)  Il-kooperazzjoni fl-offerti tista’ tiġi implimentata jew permezz ta’ sottokuntrattar, f’liema każ l-offerent uffiċjali jaqbel li jekk il-kuntratt jingħata lilu, huwa jissottokuntratta parti mill-attività lil parti waħda jew aktar, jew permezz ta’ konsorzju, f’liema każ is-sħab kollha tal-konsorzju jipparteċipaw b’mod konġunt fil-proċedura ta’ sejħa għall-offerti, ġeneralment permezz ta’ entità ġuridika stabbilita speċifikament għall-fini ta’ dik il-proċedura. Minn perspettiva ta’ akkwist pubbliku, id-differenza bejn is-sottokuntrattar u konsorzju hija li, fl-ewwel każ, il-kuntrattur ewlieni jista’ ma jkollux għalfejn jiddivulga minnufih l-ismijiet tas-sottokuntratturi tiegħu, filwaqt li fil-każ ta’ konsorzju l-ismijiet tal-membri tal-konsorzju jiġu ddikjarati immedjatament lill-awtorità tas-sejħa għall-offerti. Minn perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni, kemm is-sottokuntrattar kif ukoll il-konsorzji jikkostitwixxu offerti konġunti. F’din it-Taqsima, it-terminu konsorzju tal-offerti jintuża għas-sempliċità minflok offerti konġunti. Barra minn hekk, għandha ssir distinzjoni bejn sitwazzjonijiet li fihom i) is-sottokuntrattar jiġi miftiehem qabel l-offerta, u ii) is-sottokuntrattar jiġi miftiehem u konkluż wara li jkun ingħata l-kuntratt. B’mod ġenerali, huwa biss fl-ewwel sitwazzjoni li s-sottokuntrattar jammonta għal offerti konġunti, u f’xi sitwazzjonijiet, għal forma ta’ mmanuvrar tal-offerti.

(223)  Il-Kummissjoni, Avviż dwar l-għodod għall-ġlieda kontra l-kollużjoni fl-akkwist pubbliku u dwar gwida dwar kif tiġi applikata r-raġuni għall-esklużjoni relatata (ĠU C 91, 18.3.2021, p. 1).

(224)  Is-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2021, Kilpailu- ja kuluttajavirasto, C-450/19, EU:C:2021:10, il-punt 35.

(225)  Il-Kummissjoni, Avviż dwar l-għodod għall-ġlieda kontra l-kollużjoni fl-akkwist pubbliku u dwar gwida dwar kif tiġi applikata r-raġuni għall-esklużjoni relatata, it-Taqsima 5.6.

(226)  Is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) Ltd u Oħrajn vs Competition and Markets Authority, C-307/18, EU:C:2020:52, il-punt 39.

(227)  Billi l-informazzjoni skambjata tikkostitwixxi kollha kemm hi jew parti minnha data personali, dawn il-Linji Gwida huma mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1). Jenħtieġ li l-ebda dispożizzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida ma tiġi applikata jew interpretata b’tali mod li jitnaqqas jew jiġi limitat id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali.

(228)  It-terminu kondiviżjoni tad-data jintuża sabiex jiddeskrivi l-forom u l-mudelli kollha possibbli tal-aċċess għad-data u tat-trasferiment tagħha bejn l-impriżi. Jinkludi l-ġbir tad-data, li bih id-detenturi tad-data jingħaqdu flimkien sabiex jaqsmu d-data.

(229)  Is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, MasterCard vs Il-Kummissjoni, C-382/12 P, EU:C:2014:2201, il-punt 89.

(230)  Ara wkoll il-paragrafu 6.

(231)  Ara l-Artikolu 2(1) u (5) tar-Regolament (UE) 2022/720 tal-10 ta’ Mejju 2022 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ ftehimiet vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU L 134, 11.5.2022, p. 4). Għal lista mhux eżawrjenti ta’ eżempji ta’ informazzjoni li tista’, skont iċ-ċirkostanzi partikolari, tkun direttament relatata mal-implimentazzjoni ta’ ftehim vertikali u neċessarja sabiex ittejjeb il-produzzjoni jew id-distribuzzjoni tal-oġġetti jew tas-servizzi tal-kuntratt, ara l-paragrafu 99 tal-Komunikazzjoni mil-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar ir-restrizzjonijiet vertikali (ĠU C 248, 30.6.2022, p. 1). Meta l-partijiet għal ftehim vertikali li jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2(4), il-punt (a) jew (b), tar-Regolament (UE) 2022/720 jiskambjaw informazzjoni li jew ma tkunx direttament relatata mal-implimentazzjoni tal-ftehim vertikali tagħhom jew ma tkunx neċessarja sabiex tittejjeb il-produzzjoni jew id-distribuzzjoni tal-oġġetti jew tas-servizzi tal-kuntratt, jew li ma jissodisfa l-ebda waħda minn dawk iż-żewġ kundizzjonijiet, l-iskambju ta’ informazzjoni jrid jiġi vvalutat individwalment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat u bl-assistenza ta’ dawn il-Linji Gwida.

(232)  L-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1). Ara l-Avviż tal-Kummissjoni dwar restrizzjonijiet direttament relatati u neċessarji għal konċentrazzjonijiet (ĠU C 56, 5.3.2005, p. 24). Ara wkoll is-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2021, Altice Europe vs Il-Kummissjoni, T-425/18, EU:T:2021:607, il-punt 239.

(233)  It-teorija ekonomika dwar l-asimmetriji fl-informazzjoni tikkonċerna l-istudju ta’ deċiżjonijiet f’xenarji li fihom parti waħda jkollha aktar informazzjoni mill-oħra.

(234)  Il-kondiviżjoni tad-data hija mħeġġa wkoll fl-Istrateġija Ewropea għad-Data.

(235)  Is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Eturas u Oħrajn, C-74/14, EU:C:2016:42, il-punt 27 u s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands u Oħrajn, C-8/08, EU:C:2009:343, il-punti 32-33.

(236)  Is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Eturas u Oħrajn, C-74/14, EU:C:2016:42, il-punti 39-40; is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C-286/13 P, EU:C:2015:184, il-punt 126.

(237)  Is-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Duravit u Oħrajn vs Il-Kummissjoni, C-609/13 P, EU:C:2017:46, il-punt 135. u s-sentenza tat-12 ta’ Jannar 2023, HSBC Holdings u Oħrajn vs Il-Kummissjoni, C-883/19 P, EU:C:2023:11, il-punt 123.

(238)  Is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2017, ICAP u Oħrajn vs Il-Kummissjoni, T-180/15, EU:T:2017:795, il-punt 57; is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et al, C-8/08, EU:C:2009:343, il-punt 51; is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food and Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C-286/13 P, EU:C:2015:184, il-punt 127 u s-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni, C-199/92 P, EU:C:1999:358, il-punti 161-163.

(239)  L-użu tat-terminu “tħassib ewlieni dwar il-kompetizzjoni” ifisser li d-deskrizzjoni segwenti tal-kompetizzjoni la hija esklużiva u lanqas eżawrjenti.

(240)  Dan japplika b’mod partikolari fejn l-iskambju jsostni arranġament antikompetittiv ieħor. Ara: is-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Duravit u Oħrajn vs Il-Kummissjoni, C-609/13 P, EU:C:2017:46, il-punt 134; is-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland u Oħrajn vs Il-Kummissjoni, il-Kawża C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, EU:C:2004:6, il-punt 281.

(241)  Għalhekk, l-iskambju ta’ informazzjoni jista’ jiffaċilita l-kollużjoni billi jikkontribwixxi għal fehim reċiproku ta’ skema ta’ kumpens li hija karatteristika ta’ ftehimiet kollużivi. Tali skambji ta’ informazzjoni jistgħu jinvolvu skambji privati jew pubbliċi. Pereżempju, li kieku impriża kellha tikkomunika privatament lill-kompetituri tagħha li lkoll għandhom iżidu l-prezzijiet, jew inaqqsu l-bejgħ jew il-kapaċità, jew jieħdu deċiżjonijiet kummerċjali b’mod konġunt, intenzjoni antikompetittiva tkun preżenti b’mod inkontestabbli. L-effett x’aktarx li jkun simili jekk l-impriża, minflok, tikkomunika pubblikament dan il-pjan, sakemm ma jkunx jista’ jintwera li l-klijenti se jibbenefikaw mill-informazzjoni, aktar milli l-impriża nnifisha biss, il-kompetituri jew l-investituri tagħha. Dan għaliex l-impriżi, il-kompetituri u l-investituri tagħhom tipikament jibbenefikaw minn profitti ogħla taħt skema kollużiva, filwaqt li l-klijenti jitilfu.

(242)  Ara, pereżempju, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2019, Campine u Campine Recycling vs Il-Kummissjoni, T-240/17, EU:T:2019:778, il-punt 305.

(243)  Fir-rigward tat-tħassib dwar l-esklużjoni li jirriżulta minn ftehimiet vertikali, ara l-paragrafi 18-22 tal-Linji Gwida dwar Restrizzjonijiet Vertikali.

(244)  Is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax, C-238/05, EU:C:2006:734, il-punti 57-58, tenfasizza l-importanza li tiġi analizzata l-istruttura sottostanti tas-suq sabiex jiġi stabbilit jekk ir-riskju ta’ esklużjoni jkunx probabbli. Ara wkoll: Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Ġunju 2022 fil-Każ AT.40511, Insurance Ireland li fih il-parteċipanti fl-iskambju kienu jirrappreżentaw 98 % tas-suq rilevanti.

(245)  Dan ma jirrikjedix li l-aċċess ikun mingħajr ħlas. Tista’ tintalab tariffa, dment li din tkun ġusta, trasparenti u mhux diskriminatorja. Barra minn hekk, partijiet terzi jistgħu jkunu meħtieġa wkoll jikkontribwixxu data huma stess għall-bażi tad-data. Ara wkoll: is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax, C-238/05, EU:C:2006:734, il-punt 60.

(246)  L-aċċess għad-data proprja ta’ impriża, pereżempju data tal-utenti ġġenerata permezz tal-użu ta’ pjattaforma, ma jikkwalifikax bħala skambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

(247)  Is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C-286/13 P, EU:C:2015:184, il-punt 121 u s-sentenza tat-12 ta’ Jannar 2023, HSBC Holdings u Oħrajn vs Il-Kummissjoni, il-Kawża C-883/19 P, EU:C :2023:11, il-punt 115.

(248)  Is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C-286/13 P, EU:C:2015:184, il-punt 123 u s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands u Oħrajn, C-8/08, EU:C:2009:343, il-punt 36.

(249)  Is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2016, Philips u Philips France vs Il-Kummissjoni, T-762/14, EU:T:2016:738, il-punt 91.

(250)  Din il-lista ma hijiex eżawrjenti.

(251)  Is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2008, BPB vs Il-Kummissjoni, T-53/03, EU:T:2008:254, il-punt 236 u s-sentenza tat-2 ta’ Frar 2022, Scania vs Il-Kummissjoni, T-799/17, EU:T:2022:48, il-punt 347. L-informazzjoni tkun fid-dominju pubbliku meta tkun disponibbli minn sorsi aċċessibbli għall-pubbliku. L-informazzjoni ma tkunx pubblika jekk il-kostijiet involuti fil-ġbir tal-informazzjoni jiskoraġġixxu lil impriżi u lil klijenti oħrajn milli jagħmlu dan. Il-fatt li jista’ jkun possibbli li tinġabar ċerta informazzjoni fis-suq, pereżempju billi tinġabar mingħand il-klijenti, ma jfissirx li tali informazzjoni bilfors tikkostitwixxi data tas-suq li tkun faċilment aċċessibbli għall-kompetituri. Ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Tate & Lyle u Oħrajn vs Il-Kummissjoni, T-202/98, T-204/98 u T-207/98, EU:T:2001:185, il-punt 60.

(252)  Ara s-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2020, Casino, Guichard-Perrachon u AMC vs Il-Kummissjoni, T-249/17, EU:T:2020:458, il-punti 263-267 u s-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line u Oħrajn vs Il-Kummissjoni, T-191/98, T-212/98 sa T-214/98, EU:T:2003:245, il-punt 1 154. Ara wkoll il-punt 398 li jispjega li d-divulgazzjoni pubblika f’xi każijiet tista’ tifforma parti minn mezz ta’ komunikazzjoni bejn il-kompetituri sabiex jindikaw l-intenzjonijiet futuri li jġibu ruħhom fis-suq b’mod speċifiku jew jipprovdu punt fokali għall-koordinazzjoni bejn il-kompetituri u, għalhekk, tista’ taqa’ taħt l-Artikolu 101(1).

(253)  Pereżempju, fil-każ ta’ oligopolju strett.

(254)  L-assoċjazzjonijiet kummerċjali jistgħu jiġbru data storika sabiex jipprovdu kontribut għar-rieżamijiet tal-ordni pubbliku jew sabiex janalizzaw ir-riżultati ta’ tali rieżamijiet.

(255)  Pereżempju, f’kawżi fil-passat il-Kummissjoni kkunsidrat l-iskambju ta’ data speċifika għall-impriżi li kienet eqdem minn sena bħala storika u mhux restrittiva għall-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1), filwaqt li informazzjoni li kellha anqas minn sena tqieset bħala reċenti; Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża IV/31.370, UK Agricultural Tractor Registration Exchange, il-premessa 50; Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża IV/36.069, Wirtschaftsvereinigung Stahl (ĠU L 1, 3.1.1998, p. 10), il-premessa 17.

(256)  Fis-sentenza tagħha tat-12 ta’ Lulju 2019, Sony u Sony Electronics vs Il-Kummissjoni, T-762/15, EU:T:2019:515, il-punt 127, il-Qorti Ġenerali qieset li fiċ-ċirkostanzi tal-każ, l-għarfien tar-riżultati tal-irkanti tal-passat kien informazzjoni rilevanti ħafna għall-kompetituri, kemm għall-finijiet ta’ monitoraġġ kif ukoll bil-ħsieb ta’ kuntratti futuri.

(257)  Ara s-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax, C-238/05, EU:C:2006:734, il-punti 31-32.

(258)  Ara s-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR vs Il-Kummissjoni, T-25/95 u oħrajn, EU:T:2000:77, il-punt 1 849 u s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands u Oħrajn, C-8/08, EU:C:2009:343, il-punt 51.

(259)  Ara l-Konklużjoni tal-Avukat Ġenerali Kokott tad-19 ta’ Frar 2009, T-Mobile Netherlands u Oħrajn, il-Kawża C-8/08, EU:C:2009:110, il-punt 54. Dwar it-tbegħid: ara s-Sentenza tal-20 ta’ Jannar 2016, Toshiba Corporation vs Il-Kummissjoni, C-373/14 P, il-punti 62-63. Ara wkoll il-punt 410.

(260)  Ara s-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Eturas u Oħrajn, C-74/14, EU:C:2016:42, il-punt 48, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni, C-199/92 P, EU:C:1999:358, il-punt 162; is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C-49/92 P, EU:C:1999:356, il-paragrafu 121.

(261)  Ara s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands u Oħrajn, C-8/08, EU:C:2009:343, il-punt 59.

(262)  Ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Tate & Lyle u Oħrajn vs Il-Kummissjoni, T-202/98, T-204/98 u T-207/98, EU:T:2001:185, il-punt 54.

(263)  Is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Eturas u Oħrajn, C-74/14, EU:C:2016:42, il-punti 39-40.

(264)  Fis-sentenza tagħha tal-21 ta’ Jannar 2016, Eturas et al, C-74/14, EU:C:2016:42, il-punt 41, il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet eżempji ta’ mezzi ta’ kif ir-riċevituri jistgħu jirribattu din il-preżunzjoni: billi jagħtu prova li d-destinatarju ma rċeviex il-messaġġ, jew li ma kienx ra t-taqsima inkwistjoni, jew li ma kienx ra l-messaġġ qabel ma kien għadda ċertu żmien minn meta ntbagħat.

(265)  Ara wkoll il-paragrafu 389.

(266)  Ara, pereżempju, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Dole Food Company u Dole Germany vs Il-Kummissjoni, T-588/08, EU:T:2013:130, il-punt 291-295.

(267)  Is-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2019, HSBC Holdings u Oħrajn vs Il-Kummissjoni, T-105/17, EU:T:2019:675, il-punt 144.

(268)  Ara, pereżempju, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Lulju 2016, il-Każ AT.39850 Container Shipping, il-premessi 40-43.

(269)  Id-dritt tal-kompetizzjoni ma jżommx lill-klijenti milli jiddivulgaw b’mod indipendenti l-offerta ta’ pprezzar ta’ fornitur lil fornitur ieħor bl-għan li jinkisbu kundizzjonijiet kummerċjali aħjar, bħal prezz aktar baxx. Każijiet bħal dawn għandhom jiġu ddifferenzjati minn sitwazzjonijiet li fihom klijent ikollu għarfien ta’ arranġament antikompetittiv bejn il-fornituri u jiskambja informazzjoni sabiex jimplimenta arranġament bħal dan.

(270)  Is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2017, ICAP u Oħrajn vs Il-Kummissjoni, T-180/15, EU:T:2017:795, il-punt 103; is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni, C-194/14 P, EU:C:2015:717, il-punti 27, 34-35. Ara wkoll is-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2022, Air Canada vs Il-Kummissjoni, T-326/17, EU:T:2022:177, il-punti 370-371 li fihom il-Qorti Ġenerali stabbiliet li r-responsabbiltà ta’ partijiet terzi bħal dawn ma tiddependix fuq jekk kellhomx ir-rwol ta’ intermedjarju u ta’ moderatur rimunerat fl-arranġament. Ara wkoll il-paragrafu 454.

(271)  Is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, VM Remonts u Oħrajn, C-542/14, EU:C:2016:578, il-punt 31.

(272)  Is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, VM Remonts u Oħrajn, C-542/14, EU:C:2016:578, il-punt 30. Ara wkoll il-punt 406 li jispjega li riċevitur ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva huwa preżunt li jkun ikkunsidra l-informazzjoni sakemm ma jitbegħedx billi jagħmilha ċara li ma jkunx jixtieq jirċievi informazzjoni bħal din jew billi jirrapporta l-iskambju lill-awtoritajiet amministrattivi.

(273)  Is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2017, ICAP u Oħrajn vs Il-Kummissjoni, T-180/15, EU:T:2017:795, il-punt 100.

(274)  Pereżempju, kuntratti mhux frekwenti jistgħu jnaqqsu l-possibbiltà ta’ ritaljazzjoni.

(275)  Skont l-istruttura tas-suq u l-kuntest ġenerali tal-iskambju, ma tistax tiġi eskluża l-possibbiltà li skambju iżolat jista’ jikkostitwixxi bażi suffiċjenti għall-impriżi sabiex jiftehmu fuq il-kondotta tagħhom fis-suq; ara s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands u Oħrajn, C-8/08, EU:C:2009:343, il-paragrafu 59.

(276)  Pereżempju, f’xi swieq bħal swieq online jew fil-bejgħ bl-imnut tal-petrol, id-deċiżjonijiet dwar l-ipprezzar jittieħdu diversi drabi kuljum. Fi swieq oħrajm, id-ditti jirrevedu l-prezzijiet tagħhom biss ftit drabi fis-sena. Skambju ta’ informazzjoni trimestrali ma jistax jitqies bħala frekwenti f’tal-ewwel, filwaqt li jista’ jitqies bħala tali f’tal-aħħar. F’ċerti swieq finanzjarji, in-negozjar isir bi frekwenza tant għolja li l-informazzjoni ppubblikata bi frekwenza ta’ kuljum tista’ titqies bħala mhux frekwenti.

(277)  Tali miżuri jistgħu diġà jkunu meħtieġa sabiex jikkonformaw mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, meta l-iskambju jinkludi data personali.

(278)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ April 2018 fil-Każ M.7993, Altice/PT Portugal, fil-punt 53.

(279)  Din il-lista ta’ karatteristiċi ma hijiex eżawrjenti; karatteristiċi oħrajn tas-suq jistgħu jkunu rilevanti wkoll għall-valutazzjoni ta’ skambji ta’ informazzjoni partikolari.

(280)  Ara wkoll il-paragrafu 389.

(281)  Ara s-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax, C-238/05, EU:C:2006:734, il-punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk.

(282)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każijiet IV/31.370 u 31.446, UK Agricultural Tractor Registration Exchange, ĠU L 68, 13.3.1992, p. 19, il-premessa 51 u s-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1994, Deere vs Il-Kummissjoni, T-35/92, EU:T:1994:259, il-punt 78.

(283)  Is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C-286/13 P, EU:C:2015:184, il-punt 122; is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands u Oħrajn, C-8/08, EU:C:2009:343, il-punt 41; is-sentenza tat-12 ta’ Jannar 2023, HSBC Holdings u Oħrajn vs Il-Kummissjoni, C-883/19, EU:T:2023:11, il-punti 115-116; is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2020, Infineon Technologies vs Il-Kummissjoni, T-758/14 RENV, EU:T:2020:307, il-punt 100.

(284)  Ara, pereżempju, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline, C-501/06 P, C-513/06 P, C-515/06 P u C-519/06 P, EU:C:2009:610, il-punt 58; is-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2008, BIDS, C-209/07, EU:C:2008:643, il-paragrafu 15 u aktar.

(285)  Is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2018, Philips u Philips France vs Il-Kummissjoni, C-98/17 P, EU:C:2018:774, il-punt 35.

(286)  L-informazzjoni dwar il-kwantitajiet futuri ppjanati tista’ tinkludi, pereżempju, il-bejgħ futur ippjanat, l-ishma mis-suq, u bejgħ lil territorji partikolari jew bejgħ lil gruppi ta’ konsumaturi partikolari.

(287)  Ara, pereżempju, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2020, Infineon Technologies vs Il-Kummissjoni, T-758/14 RENV, EU:T:2020:307, il-punt 96; is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2016, Philips u Philips France vs Il-Kummissjoni, T-762/14, EU:T:2016:738, il-paragrafi 134-136. Ma huwiex meħtieġ li l-informazzjoni tkun direttament relatata mal-prezzijiet. L-iskambji li jikkonċernaw informazzjoni li tifforma element deċiżiv tal-prezz li għandu jitħallas mill-utent finali jistgħu wkoll jammontaw għal restrizzjoni skont l-għan. Ara s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands u Oħrajn, C-8/08, EU:C:2009:343, il-paragrafu 37.

(288)  Is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2020, Infineon Technologies vs Il-Kummissjoni, T-758/14 RENV, EU:T:2020:307, il-punti 85 u 96; is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2016, Philips and Philips France vs Il-Kummissjoni, T-762/14, EU:T:2016:738, il-paragrafu 104.

(289)  Is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2020, Infineon Technologies vs Il-Kummissjoni, T-758/14 RENV, EU:T:2020:307, il-punt 70.

(290)  Is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2020, Infineon Technologies vs Il-Kummissjoni, T-758/14 RENV, EU:T:2020:307, il-punt 98.

(291)  Is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, Samsung SDI u Oħrajn vs Il-Kummissjoni, T-84/13, EU:T:2015:611, il-punt 51.

(292)  Is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2020, Infineon Technologies vs Il-Kummissjoni, T-758/14 RENV, EU:T:2020:307, il-punt 96.

(293)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Lulju 2021 fil-Każ AT.40178 Emissjonijiet tal-Karozzi, il-premessi 84, 107 u 124-126.

(294)  Ara s-sentenza tat-12 ta’ Jannar 2023, HSBC Holdings u Oħrajn vs Il-Kummissjoni, C-883/19 P, EU:C:2023:11, il-punti 120-121, li jiċċaraw li l-Artikolu 101 huwa mfassal sabiex jipproteġi mhux biss l-interessi immedjati ta’ kompetituri jew ta’ konsumaturi individwali, iżda wkoll sabiex tiġi protetta l-istruttura tas-suq u b’hekk il-kompetizzjoni bħala tali.

(295)  Is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2019, Campine u Campine Recycling vs Il-Kummissjoni, T-240/17, EU:T:2019:778, il-punt 308.

(296)  Is-sentenza tat-12 ta’ Jannar 2023, HSBC Holdings u Oħrajn vs Il-Kummissjoni, C-883/19 P, EU:C:2023:11, il-punti 195-205.

(297)  Il-gwida fil-bqija ta’ din it-Taqsima 6.2.7 tapplika biss għal skambji ta’ informazzjoni li ma jirrestrinġux il-kompetizzjoni minħabba l-għan.

(298)  Is-sentenza tat-28 ta’ Mejju 1998, John Deere, C-7/95 P, EU:C:1998:256, il-punt 76.

(299)  Is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax, C-238/05, EU:C:2006:734, il-punt 54.

(300)  F’ċerti każijiet, skambju ta’ informazzjoni jista’ jiġġenera biss benefiċċji jekk ikun kopert sehem kbir biżżejjed mis-suq. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, fil-kompilazzjoni ta’ informazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji, li fih l-użu ta’ reġistri ta’ kreditu mhux vinkolanti u ta’ kumpilazzjonijiet konġunti jista’ jtejjeb l-għarfien tar-riskji u jiffaċilita l-klassifikazzjoni tar-riskji għal kumpaniji individwali.

(301)  Fid-Deċiżjoni tagħha tat-30 ta’ Ġunju 2022 fil-Każ AT.40511, Insurance Ireland, il-Kummissjoni sabet li skambju kien ikopri sehem sinifikanti mis-suq rilevanti. F’dak il-każ, il-parteċipanti għall-iskambju kienu jirrappreżentaw 98 % tas-suq rilevanti.

(302)  Id-diskussjoni tat-titjib potenzjali fl-effiċjenza minn skambju ta’ informazzjoni ma hijiex eżawrjenti.

(303)  Ara l-paragrafu 412.

(304)  Din it-tabella tagħti ħarsa ġenerali lejn il-kunsiderazzjonijiet rilevanti meta tiġi vvalutata r-responsabbiltà għall-iskambji ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva f’kuntesti varji. It-tabella hija indikattiva u ma hijiex eżawrjenti.

(305)  Jekk B titbiegħed pubblikament jew tirrapporta l-iskambju lill-awtoritajiet, ir-responsabbiltà ta’ A tkun tiddependi fuq jekk tistax tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ prattika miftiehma.

(306)  L-istandardizzazzjoni tista’ tieħu forom differenti, li jvarjaw mill-adozzjoni ta’ standards ibbażati fuq il-kunsens minn korpi tal-istandardizzazzjoni internazzjonali, Ewropej jew nazzjonali, permezz ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi bbażati fuq il-kunsens żviluppati minn korsorzji u minn fora, sa ftehimiet bejn impriżi indipendenti.

(307)  Ara s-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2009, Selex Sistemi Integrati vs Il-Kummissjoni, C-113/07 P, EU:C:2009:191, il-paragrafu 92.

(308)  Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).

(309)  Ara s-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2010, EMC Development vs Il-Kummissjoni, T-432/05, EU:T:2010:189.

(310)  Ara l-Kapitolu 2 dwar l-ftehimiet ta’ R&Ż, kif ukoll il-Linji Gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-ftehimiet dwar it-trasferiment tat-teknoloġija, ĠU C 89, 28.3.2014, p. 3, il-paragrafi 20 sa 26) (“il-Linji Gwida dwar it-Trasferiment ta’ Teknoloġija”) li jindirizzaw aspetti tad-definizzjoni tas-swieq li huma ta’ importanza partikolari fil-qasam tal-liċenzjar tad-drittijiet tat-teknoloġija. Għal eżempju ta’ definizzjoni tas-suq ibbażata fuq dawk il-Linji Gwida, ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ AT.39985, Motorola - Infurzar ta’ privattivi essenzjali standard tal-GPRS, il-premessi 184-220.

(311)  Ara wkoll il-paragrafu 475.

(312)  F’dan il-Kapitolu, DPI jirreferi b’mod partikolari għall-privattiva/i (esklużi applikazzjonijiet għal privattivi mhux ippubblikati). Madankollu, meta tipi oħrajn ta’ DPI jagħtu lid-detentur ta’ DPI kontroll effettiv fuq l-użu tal-istandard, għandhom jiġu applikati l-istess prinċipji.

(313)  Skont il-parteċipanti fil-proċess ta’ żvilupp ta’ standards, jistgħu jseħħu restrizzjonijiet min-naħa tal-fornitur jew min-naħa tax-xerrej tas-suq għall-prodott standardizzat.

(314)  Jekk ikun akkumpanjat ukoll minn impenn ta’ FRAND. Ara l-paragrafi 451 sa 457.

(315)  Ara l-Linji Gwida dwar it-Trasferiment tat-Teknoloġija, il-paragrafu 7.

(316)  It-tariffi għoljin tar-royalties jistgħu jiġu kkwalifikati bħala eċċessivi biss jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għal abbuż ta’ pożizzjoni dominanti kif stabbiliti fl-Artikolu 102 tat-Trattat u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Ara, pereżempju, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 1978, United Brands, il-Kawża 27/76, EU:C:1978:22.

(317)  Filwaqt li t-tħassib dwar it-trażżin u l-ittardjar it-tnejn ġeneralment ikunu ta’ natura unilaterali, it-tħassib dwar it-trażżin ġeneralment isegwi mill-ftehim ta’ standardizzazzjoni nnifsu, filwaqt li t-tħassib dwar l-ittardjar huwa inerenti għan-natura intanġibbli tad-DPI. Fi kliem ieħor, matul il-proċess ta’ standardizzazzjoni, il-membri tal-iżvilupp tal-istandards jaqblu fuq soluzzjoni teknoloġika partikolari fost it-teknoloġiji (potenzjalment) kompetituri, li jistgħu joħolqu saħħa fis-suq li d-detentur ta’ DPI essenzjali għal standard jista’ jisfrutta sabiex “irażżan” lill-implimentaturi. B’kuntrast ma’ dan, l-ittardjar minn implimentatur li ma jkunx lest li jieħu liċenzja ma huwiex ir-riżultat tal-istandardizzazzjoni iżda jirriżulta mill-fatt li d-detenturi ta’ DPI fl-aħħar mill-aħħar jistgħu jipprevjenu l-użu mhux liċenzjat permezz ta’ azzjoni tal-qorti biss. Ir-rekwiżiti imposti mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Huawei vs ZTE fuq l-implimentaturi ta’ DPI essenzjali għal standard sabiex jevitaw li jkunu soġġetti għal rimedju b’mandat ta’ inibizzjoni minn qorti nazzjonali normalment għandhom jipprovdu protezzjoni suffiċjenti kontra t-tattiki ta’ ttardjar fl-Unjoni Ewropea; ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Huawei Technologies Co. Ltd vs ZTE Corp. u ZTE Deutschland GmbH, C-170/13, EU:C:2015:477, b’mod partikolari l-punti 65-67.

(318)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ AT.39985, Motorola - Infurzar ta’ privattivi essenzjali standard tal-GPRS, il-premessi 221-270.

(319)  Ara, pereżempju, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża IV/35.691, Pajpijiet iżolati minn qabel, il-premessa 147, fejn parti mill-ksur tal-Artikolu 101 kienet tikkonsisti fl-“użu ta’ normi u standards sabiex tiġi evitata jew ittardjata l-introduzzjoni ta’ teknoloġija ġdida li tirriżulta fi tnaqqis fil-prezzijiet”.

(320)  Dan il-paragrafu ma għandux jimpedixxi d-divulgazzjonijiet ex ante tal-aktar termini tal-liċenzjar restrittivi għal privattivi essenzjali standard minn detenturi individwali tad-DPI jew ta’ rata massima ta’ royalties kumulata mid-detenturi kollha tad-DPI kif deskritt fil-paragrafu 474. Dan lanqas ma jimpedixxi ġabriet ta’ privattivi maħluqa skont il-prinċipji stabbiliti fit-Taqsima IV.4 tal-Linji Gwida dwar it-Trasferiment tat-Teknoloġija jew skont id-deċiżjoni li tinħareġ liċenzja għal DPI li hija essenzjali għal standard fuq termini ħielsa mir-royalties kif stabbilit f’dan il-Kapitolu.

(321)  Ara wkoll il-Kapitolu 1 Introduzzjoni. Fir-rigward tal-ishma mis-suq, ara wkoll il-paragrafu 472.

(322)  Ara wkoll il-paragrafu 464 f’dan ir-rigward.

(323)  Il-parteċipazzjoni mhux ristretta għandha tkopri l-parteċipazzjoni fl-istadji kollha tal-proċess, inkluża l-parteċipazzjoni fil-fażi preparatorja għall-proċess ta’ standardizzazzjoni fl-SDO, bħal fil-kuntest ta’ gruppi ta’ interess speċjali speċifiċi għall-SDO.

(324)  Pereżempju, għandu jingħata aċċess effettiv għall-ispeċifikazzjoni tal-istandard.

(325)  Kif speċifikat fil-paragrafi 456 u 457. Ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew L-istabbiliment tal-approċċ tal-UE għall-Privattivi Essenzjali għal Standard (“Komunikazzjoni dwar il-Privattivi Essenzjali għal Standard”) (COM/2017/0712 final).

(326)  Ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Huawei Technologies Co. Ltd vs ZTE Corp. u ZTE Deutschland GmbH, C-170/13, EU:C:2015:477, il-punt 53: “F’dawn iċ-ċirkostanzi u fid-dawl tal-fatt li impenn ta’ għoti ta’ liċenzji skont il-kundizzjonijiet FRAND joħloq aspettattivi leġittimi ma’ terzi li l-proprjetarju tal-PES jagħtihom effettivament għal tali kundizzjonijiet, rifjut tal-proprjetarju tal-PES li jagħti liċenzja għal dawn l-istess kundizzjonijiet jista’, fil-prinċipju, jikkostitwixxi abbuż skont it-tifsira tal-Artikolu 102 TFUE”. Ara wkoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża AT.39985 - Motorola - Eżekuzzjoni ta’ privattivi essenzjali standard GPRS, il-paragrafu 417: “Fid-dawl tal-proċess ta’ standardizzazzjoni li wassal għall-adozzjoni tal-istandard GPRS u l-impenn volontarju ta’ Motorola li toħroġ liċenzja għall-PES ta’ Cudak skont it-termini u l-kundizzjonijiet FRAND, l-implimentaturi tal-istandard GPRS għandhom aspettattiva leġittima li Motorola se tagħtihom liċenzja fuq dik il-PES, sakemm ma jkunux iridu jidħlu f’liċenzja skont it-termini u l-kundizzjonijiet FRAND”.

(327)  Sabiex jinkiseb ir-riżultat mixtieq, divulgazzjoni bona fide ma teħtieġx li tmur sal-punt li tirrikjedi lill-parteċipanti jqabblu d-DPI tagħhom mal-istandard potenzjali u joħorġu dikjarazzjoni li tikkonkludi pożittivament li ma jkollhom l-ebda qari ta’ DPI fuq l-istandard potenzjali.

(328)  Min-naħa l-oħra, l-“attakk sorpriża bi privattiva” jseħħ meta impriża li tieħu sehem fil-proċess ta’ żvilupp ta’ standard taħbi apposta l-fatt li jkollha privattivi essenzjali fuq l-istandard li jkun qiegħed jiġi żviluppat, u tibda tasserixxi privattivi bħal dawn biss wara li jkun ġie miftiehem l-istandard u, għalhekk, impriżi oħrajn jiġu “intrappolati” għall-użu tiegħu. Meta jseħħ “issajjar tal-privattiva” matul il-proċess ta’ żvilupp tal-istandards, dan jimmina l-fiduċja fil-proċess, minħabba li proċess effettiv ta’ żvilupp tal-istandards effettiv huwa prekundizzjoni għall-iżvilupp tekniku u għall-iżvilupp tas-suq b’mod ġenerali għall-benefiċċju tal-konsumaturi. Ara, pereżempju, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Diċembru 2009 fil-Każ COMP/38.636 – RAMBUS (ĠU C 30, 6.2.2010, p. 17).

(329)  Il-parteċipanti għandhom jitħeġġu jimlew id-divulgazzjoni kategorika preċedenti tagħhom bin-numru tal-privattiva u/jew bin-numri tal-applikazzjoni għall-privattiva meta dik l-informazzjoni ssir disponibbli għall-pubbliku.

(330)  L-istess japplika meta l-organizzazzjoni tapplika politika dwar il-liċenzjar ibbażata fuq tariffa nominali ta’ darba.

(331)  Ara wkoll is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Huawei Technologies Co. Ltd vs ZTE Corp. and ZTE Deutschland GmbH, C-170/13, EU:C:2015:477, il-punt 71, skont liema azzjoni għal ksur tista’ tikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti skont it-tifsira tal-Artikolu 102 jekk titressaq kontra detentur ta’ liċenzja li jkun lest li joħroġ il-liċenzja mingħajr ma jikkonforma mal-passi proċedurali stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha.

(332)  L-organizzazzjonijiet ta’ żvilupp tal-istandards ma humiex involuti fin-negozjati dwar il-liċenzjar jew fil-ftehimiet li jirriżultaw.

(333)  Ara s-sentenza tal-14 ta’ Frar 1978, United Brands, il-Kawża 27/76, EU:C:1978:22, il-paragrafu 250; ara wkoll is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, C-385/07 P, EU:C:2009:456, il-punt 142.

(334)  Il-Komunikazzjoni dwar il-Privattivi Essenzjali għall-Istandards, il-paġna 7.

(335)  Fil-prinċipju, metodi bbażati fuq il-kostijiet jistgħu ma jkunux l-aktar xierqa, mhux l-anqas minħabba li jinvolvu d-diffikultà li jiġu vvalutati l-kostijiet attribwibbli għall-iżvilupp ta’ privattiva jew ta’ gruppi ta’ privattivi partikolari u jistgħu jfixklu l-inċentivi għall-innovazzjoni.

(336)  Il-metodi deskritti hawn ma humiex esklużivi u jistgħu jintużaw metodi oħrajn li jirriflettu l-ispirtu tal-metodi deskritti sabiex jiġu ddeterminati r-rati FRAND. Ara wkoll Chryssoula Pentheroudakis, Justus A. Baron (2017) Licensing Terms of Standard Essential Patents. A Comprehensive Analysis of Cases. Ir-Rapport Science for Policy tal-JRC. EUR 28302 EN; doi:10.2791/193948.

(337)  Ara s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 1989, Tournier, C-395/87, EU:C:1989:319, il-paragrafu 38; is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 1989, Lucazeau u Oħrajn vs SACEM u Oħrajn, il-Kawżi 110/88, 241/88 u 242/88, EU:C:1989:326, il-punt 33.

(338)  Jekk iż-żewġ partijiet jaqblu, it-tilwim dwar x’inhuma t-termini FRAND għall-SEPs jista’ jiġi ddeterminat ukoll minn parti terza indipendenti, pereżempju minn arbitratur. Ara, pereżempju, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Huawei Technologies Co. Ltd vs ZTE Corp. u ZTE Deutschland GmbH, C-170/13, EU:C:2015:477, il-paragrafu 68 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ April 2014 fil-Kawża AT. 39939, Samsung - Eżekuzzjoni ta’ privattivi essenzjali standard UMTS, il-premessa 78.

(339)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża IV/29/151, Philips/VCR, il-premessa 23: “Minħabba li dawn l-istandards kienu għall-manifattura ta’ tagħmir VCR, il-partijiet kienu obbligati li jiffabbrikaw u jiddistribwixxu biss cassettes u rekorders li jikkonformaw mas-sistema tal-VCR illiċenzjata minn Philips. Ġew ipprojbiti milli jbiddlu għall-fabbrikazzjoni u d-distribuzzjoni ta’ sistemi oħra ta’ video cassette … Dan ikkostitwixxa restrizzjoni ta’ kompetizzjoni taħt l-Artikolu 85(1)(b)”.

(340)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża IV/29/151, Philips/VCR, il-premessa 23.

(341)  Fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża IV/31.458, X/Open Group, il-Kummissjoni kkunsidrat li anki jekk l-istandards adottati jkunu saru pubbliċi, il-politika tas-sħubija ristretta kellha l-effett li timpedixxi lil dawk li ma kinux membri milli jinfluwenzaw ir-riżultati tax-xogħol tal-grupp u milli jiksbu n-know-how u l-fehim tekniku relatati mal-istandards li x’aktarx kienu jakkwistaw il-membri. Barra minn hekk, dawk li ma kinux membri ma setgħux, b’kuntrast mal-membri, jimplimentaw l-istandard qabel ma ġie adottat (ara l-paragrafu 32). Għalhekk, il-ftehim ġie kkunsidrat li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1).

(342)  Tali restrizzjoni tista’ timmaterjalizza permezz tal-esklużjoni tal-partijiet ikkonċernati mill-ftehim ta’ standardizzazzjoni jew permezz ta’ status ta’ parteċipant aktar limitat.

(343)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Ottubru 2009 fil-Kawża 39.416, Klassifikazzjoni tal-Vapuri.

(344)  B’mod partikolari meta l-introduzzjoni tal-istandard x’aktarx li tirriżulta f’suq rilevanti ġdid.

(345)  Ara l-paragrafu 438.

(346)  Sabiex tiżdied it-trasparenza tal-kostijiet potenzjali tal-implimentazzjoni ta’ standard, l-SDOs jistgħu jieħdu rwol attiv fid-divulgazzjoni tal-ġabra massima totali ta’ royalties għall-istandard. B’mod simili għall-kunċett ta’ ġabra ta’ privattivi, id-detenturi tad-DPI jistgħu jikkondividu l-ġabra totali ta’ royalties.

(347)  Kwalunkwe divulgazzjoni ex ante unilaterali jew konġunta tat-termini tal-liċenzjar l-aktar restrittivi ma għandhiex isservi bħala kopertura għall-iffissar konġunt tal-prezzijiet ta’ prodotti downstream jew ta’ DPI/teknoloġiji ta’ sostituzzjoni li huwa restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

(348)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Diċembru 1986 fil-Kawża IV/31.458, X/Open Group, il-premessa 42: “Il-Kummissjoni tikkunsidra li d-disponibbiltà tal-Grupp li jagħmel disponibbli r-riżultati kemm jista’ jkun malajr bħala element essenzjali fid-deċiżjoni tagħha sabiex tagħti eżenzjoni”.

(349)  Fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża IV/29/151, Philips/VCR, il-konformità mal-istandards tal-VCR wasslet għall-esklużjoni ta’ sistemi oħrajn, forsi aħjar. Tali esklużjoni kienet partikolarment serja fid-dawl tal-pożizzjoni tas-suq preminenti li tgawdi Philips “… [R]estrizzjonijiet ġew imposti fuq il-partijiet li ma kinux indispensabbli għall-ksib ta’ dan it-titjib. Il-kompatibbiltà tal-video cassettes tal-VCR mal-magni magħmula minn fabbrikanti oħra kienu jkunu aktar żgurati kieku dawn tal-aħħar kellhom jaċċettaw mhux aktar minn obbligu sabiex josservaw l-istandards tal-VCR fil-fabbrikazzjoni tat-tagħmir tal-VCR” (il-premessa 31).

(350)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Diċembru 1986 fil-Kawża IV/31.458, X/Open Group, il-premessa 45: “[L]-għanijiet tal-Grupp ma setgħux jinkisbu kieku kwalunkwe kumpanija lesta li tikkommetti lilha nnifisha għall-għanijiet tal-Grupp kellha d-dritt li ssir membru. Dan joħloq diffikultajiet prattiċi u loġistiċi għall-ġestjoni tax-xogħol u possibbilment jimpedixxi li jgħaddu proposti xierqa.” Ara wkoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża 39.416, Klassifikazzjoni tal-Vapuri, il-paragrafu 36: “l-Impenji joħolqu bilanċ bejn iż-żamma ta’ kriterji għoljin għal sħubija fl-IACS fuq naħa, u t-tneħħija ta’ barrieri għas-sħubija fl-IACS mhux meħtieġa fuq in-naħa l-oħra. Il-kriterji l-ġodda jiżguraw li CSs kompetenti teknikament biss ikunu eliġibbli li jsiru membri fl-IACS, u b’hekk jiġi evitat li l-effiċjenza u l-kwalità tax-xogħol tal-IACS jitħarbat minħabba kundizzjonijiet laxki wisq biex wieħed jissieħeb fl-IACS. Fl-istess ħin, il-kriterji l-ġodda ma jtellfux is-CSs, li huma teknikament kompetenti u jixtiequ jissieħbu fl-IACS, milli jagħmlu dan”.

(351)  Ara l-paragrafu 471 aktar ’il fuq dwar l-iżgurar li l-partijiet ikkonċernati jinżammu informati u jiġu kkonsultati dwar il-ħidma li tkun għaddejja jekk il-parteċipazzjoni tkun ristretta.

(352)  DPI sostitwibbli jirreferi għal teknoloġija li hija meqjusa minn utenti jew minn liċenzjatarji bħala interkambjabbli jew sostitwibbli ma’ teknoloġija oħra, minħabba l-karatteristiċi u l-użu maħsub tat-teknoloġiji.

(353)  F’dan il-kuntest, ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Novembru 1995 fil-Kawżi IV/34.179, 34.202, 216, Dutch Cranes (SCK u FNK), il-premessa 23: “Il-projbizzjoni fuq is-sejħa ta’ ditti mhux iċċertifikati minn SCK bħala subkuntratturi tirrestrinġi l-libertà ta’ azzjoni ta’ ditti ċċertifikati. Jekk projbizzjoni tistax titqies bħala li timpedixxi, tirrestrinġi jew tgħawweġ il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 85(1) trid tiġi ġġudikata fil-kuntest legali u ekonomiku. Jekk din il-projbizzjoni tiġi assoċjata ma’ sistema ta’ ċertifikazzjoni kompletament miftuħa, indipendenti u trasparenti u tipprovdi għall-aċċettazzjoni ta’ garanziji ekwivalenti minn sistemi oħra, jista’ jiġi argumentat li ma għandha l-ebda effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni imma hija sempliċiment immirata lejn il-garanzija totali tal-kwalità tal-oġġetti jew is-servizzi ċċertifikati”.

(354)  Standardizzazzjoni de facto tirreferi għal sitwazzjoni fejn standard (mhux legalment vinkolanti) jintuża, fil-prattika, mill-biċċa l-kbira tal-industrija.

(355)  Tali termini standard jistgħu jkopru biss parti żgħira ħafna jew kbira mill-klawżoli li jinsabu fil-kuntratt finali.

(356)  Dan jirreferi għal sitwazzjoni fejn termini standard (mhux obbligatorji) fil-prattika jintużaw mill-biċċa l-kbira tal-industrija u/jew għall-biċċa l-kbira tal-aspetti tal-prodott/tas-servizz, u b’hekk iwasslu għal limitazzjoni jew saħansitra nuqqas ta’ għażla għall-konsumaturi.

(357)  Ara wkoll in-nota 32 f’qiegħ il-paġna. Fi swieq fejn il-parametri mhux tal-prezzijiet huma parametri importanti tal-kompetizzjoni, it-termini standard relatati ma’ dawn il-parametri jistgħu jikkostitwixxu wkoll restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

(358)  Jekk esperjenza preċedenti b’termini standard fis-suq rilevanti turi li t-termini standard ma wasslux għal kompetizzjoni mnaqqsa fuq id-differenzjazzjoni tal-prodott, din tista’ tkun ukoll indikazzjoni li l-użu tal-istess tip ta’ termini standard fi prodott ġar mhux se jwassal għal effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni.

(359)  Fi swieq fejn il-parametri mhux tal-prezzijiet huma parametri importanti tal-kompetizzjoni, it-termini standard relatati ma’ dawn il-parametri jista’ jkollhom ukoll l-effett li jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

(360)  Avviż tal-Kummissjoni dwar gwida informali relatata ma’ kwistjonijiet ġodda jew mhux solvuti li jikkonċernaw l-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jqumu f’każijiet individwali (l-ittri gwida) (ĠU C 381, 4.10.2022, p. 9).

(361)  L-Artikolu 3 tat-TUE.

(362)  L-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, adottata mill-Istati Membri kollha tan-Nazzjonijiet Uniti fl-2015.

(363)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM/2019/640 final).

(364)  Ara pereżempju, ir-Riżoluzzjoni tan-NU 66/288 adottata mill-Assemblea Ġenerali fis-27 ta’ Lulju 2012.

(365)  L-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli tidentifika 17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (inkluż, pereżempju, l-Għan 2: Jintemm il-ġuħ, jinkisbu sigurtà tal-ikel u nutrizzjoni aħjar u tiġi promossa l-agrikoltura sostenibbli; Għan 7: l-iżgurar ta’ aċċess għal enerġija affordabbli, affidabbli, sostenibbli u moderna; Għan 9: il-bini ta’ infrastruttura reżiljenti, il-promozzjoni ta’ industrijalizzazzjoni inklużiva u sostenibbli u t-trawwim tal-innovazzjoni; Għan 13: it-teħid ta’ azzjoni urġenti biex jiġu miġġielda t-tibdil fil-klima u l-impatti tiegħu); u 169 mira (inklużi, pereżempju, il-Mira 9.1: l-iżvilupp ta’ infrastruttura ta’ kwalità, affidabbli, sostenibbli u reżiljenti, inkluża infrastruttura reġjonali u transfruntiera, sabiex tappoġġa l-iżvilupp ekonomiku u l-benesseri tal-bniedem, b’enfasi fuq aċċess affordabbli u ekwu għal kulħadd; u l-Mira 13.1: it-tisħiħ tar-reżiljenza u l-kapaċità adattiva għall-perikli relatati mal-klima u d-diżastri naturali fil-pajjiżi kollha).

(366)  Ara t-Taqsima 1.2.6 aktar ’il fuq. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw minn ftehimiet jew minn deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jistgħu jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) jekk ikunu inerenti fit-twettiq ta’ objettiv leġittimu u proporzjonati għalih (ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1999, Albany International, C-67/96, EU:C:1999:430; tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters u Oħrajn, C-309/99, EU:C:2002:98; u tas-16 ta’ Lulju 2006, Meca-Medina u Majcen vs Il-Kummissjoni, C-519/04 P, EU:C:2006:492).

(367)  Il-Linji ta’ Gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat (“il-Linji Gwida tal-Artikolu 101(3)” (ĠU C 101, 27.4.2004, p. 97).

(368)  Ara l-paragrafu 284.

(369)  Peress li l-ftehimiet ta’ standardizzazzjoni dwar is-sostenibbiltà huma subkategorija ta’ ftehimiet ta’ standardizzazzjoni.

(370)  Sakemm il-bażi tad-data ma tnaqqasx l-inċertezza dwar l-azzjonijiet riċenti jew futuri tal-kompetituri fis-suq, din ma tirrappreżentax skambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva. Fi kliem ieħor, l-impriżi li jikkontribwixxu għall-bażi tad-data ma għandhomx jidentifikaw min huma l-fornituri kurrenti jew futuri tagħhom.

(371)  Ara l-paragrafi 23 u 28.

(372)  Fil-prinċipju, l-evidenza li turi t-tfittxija li jintlaħaq objettiv ta’ sostenibbiltà għandha tkun tali li tiġġustifika dubju raġonevoli dwar l-għan antikompetittiv tal-ftehim. Madankollu, it-tfittxija li jintlaħaq objettiv ta’ sostenibbiltà ma għandhiex tkun inċerterta. Ara, pereżempju, is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2020, Generics (ir-Renju Unit), C-307/18, EU:C:2020:52, il-punti 107-108.

(373)  Ara wkoll il-paragrafi 24-27 tal-Linji Gwida tal-Artikolu 101(3).

(374)  Ara pereżempju, il-Forum tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istandards ta’ Sostenibbiltà, https://unfss.org/home/objective-of-unfss

(375)  Ara, pereżempju, il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp, Framework for the Voluntary Sustainability Standards (VSS) Assessment Toolkit, https://unctad.org/system/files/official-document/ditctabinf2020d5_en.pdf

(376)  Ara l-paragrafi 442-444 għal deskrizzjoni aktar dettaljata tal-modi ewlenin li bihom il-ftehimiet ta’ standardizzazzjoni jistgħu jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

(377)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ AT.40178, Emissjonijiet tal-karozzi tat-8 ta’ Lulju 2021.

(378)  Kif indikat fil-paragrafu 538, il-ftehimiet bejn kompetituri li jillimitaw l-output tal-impriżi parteċipanti tal-prodotti kkonċernati ma jikkwalifikawx bħala ftehimiet ta’ standardizzazzjoni dwar is-sostenibbiltà. Għalhekk, ftehimiet bħal dawn dejjem jeħtieġu valutazzjoni individwali skont l-Artikolu 101.

(379)  Ara l-paragrafu 453 għal spjegazzjoni tal-kunċett ta’ “trasparenza” fil-proċess ta’ stabbiliment tal-istandards.

(380)  Ara l-paragrafu 464. Fi kliem ieħor, l-impriżi li ma jkunux jixtiequ jipparteċipaw fl-istandard ma għandhomx jiġu mxekklin milli jkomplu jfornu s-suq u lill-konsumaturi bi prodotti li jissodisfaw ir-rekwiżiti legali iżda li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti addizzjonali maħluqin mill-istandard il-ġdid ta’ sostenibbiltà.

(381)  Ara t-Taqsima 6.1 dwar l-iskambju ta’ informazzjoni u b’mod partikolari l-paragrafu 369.

(382)  Ara l-paragrafu 465 u s-segwenti fit-Taqsima 7.3.3.2 dwar il-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-istandard.

(383)  Is-sinifikat taż-żieda fil-prezz jiddependi fuq il-karatteristiċi tal-prodott u tas-suq rilevanti.

(384)  Is-sehem mis-suq kombinat tal-impriżi parteċipanti jirreferi għas-sehem mis-suq tal-prodotti tal-impriżi b’mod ġenerali fis-swieq rilevanti affettwati mill-istandard u ma huwiex limitat għall-prodotti li huma koperti speċifikament mill-ftehim ta’ standardizzazzjoni dwar is-sostenibbiltà.

(385)  Ir-regola mhux vinkolanti rigward il-livell xieraq ta’ protezzjoni ma żżommx lill-Kummissjoni jew lil awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni milli tintervjeni f’każijiet individwali li fihom ftehim ta’ standardizzazzjoni tas-sostenibbiltà jirriżulta f’restrizzjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni fis-suq, pereżempju, minħabba l-effett kumulattiv tal-ftehimiet ta’ standardizzazzjoni dwar is-sostenibbiltà konklużi minn impriżi differenti li jirriżultaw f’żieda sinifikanti fil-prezz jew fi tnaqqis sinifikanti fil-kwalità.

(386)  Il-preżenza ta’ tali sistema ta’ monitoraġġ u ta’ infurzar sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-istandard ta’ sostenibbiltà hija fattur li se jitqies meta jiġi vvalutat jekk ftehim għandux bħala l-għan ewlieni tiegħu l-ilħuq ta’ objettiv ta’ sostenibbiltà skont il-paragrafu 534.

(387)  Il-ftehimiet bejn kompetituri li ma fihomx restrizzjonijiet ta’ kompetizzjoni minħabba l-għan jistgħu jibbenefikaw ukoll mill-Avviż De Minimis meta s-sehem aggregat mis-suq tal-partijiet għall-ftehim ma jaqbiżx 10 % fi kwalunkwe suq rilevanti affettwat mill-ftehim – ara l-paragrafu 41.

(388)  Ara wkoll il-paragrafi 48-72 tal-Linji Gwida tal-Artikolu 101(3). B’mod partikolari, il-paragrafu 70 jiddikjara li “ billi jikkooperaw, l-impriżi jistgħu jkunu jistgħu joħolqu effiċjenzi li ma kinux ikunu possibbli mingħajr il-ftehim restrittiv jew kienu jkunu possibbli biss b’dewmien sostanzjali jew b’kost ogħla”.

(389)  Ara wkoll il-paragrafi 50-58 tal-Linji Gwida tal-Artikolu 101(3). B’mod partikolari, il-paragrafu 58 jiċċara li “fil-każijiet li fihom il-ftehim ikun għad irid jiġi implimentat bis-sħiħ, il-partijiet jeħtiġilhom jissostanzjaw kwalunkwe projezzjoni fir-rigward tad-data minn meta l-effiċjenzi jsiru operazzjonali sabiex ikollhom impatt pożittiv sinifikanti fuq is-suq.

(390)  Ara l-paragrafu 56 tal-Linji Gwida tal-Artikolu 101(3), “Id-data sottomessa trid tkun verifikabbli sabiex ikun jista’ jkun hemm grad suffiċjenti ta’ ċertezza li l-effiċjenzi jkunu mmaterjalizzaw jew x’aktarx li jimmaterjalizzaw.”

(391)  Ara, pereżempju, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2279 tal-15 ta’ Diċembru 2021 dwar l-użu tal-metodi tal-Impronta Ambjentali għall-kejl u l-komunikazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodotti u ta’ organizzazzjonijiet (ĠU L 471, 30.12.2021, p. 1).

(392)  Ara b’mod partikolari l-paragrafu 39 tal-Artikolu 101(3) tal-Linji Gwida.

(393)  Ara b’mod partikolari l-paragrafi 73-82 tal-Artikolu 101(3) tal-Linji Gwida.

(394)  Ara b’mod partikolari l-paragrafi 76 u 89 tal-Linji Gwida tal-Artikolu 101(3) dwar iż-żmien li fih jinkisbu l-effiċjenzi.

(395)  F’dan il-każ, il-benefiċċji possibbli għall-konsumaturi jistgħu jintwerew bl-użu ta’ evidenza tar-“rieda li jħallsu” tagħhom, ara t-Taqsima 9.4.3.2.

(396)  Pereżempju, ir-regolamentazzjoni ambjentali tikseb dan permezz ta’ taxxi, projbizzjonijiet jew sussidji.

(397)  Jekk l-impriżi jkunu marbutin b’sistema ta’ limitu u skambju, bħall-iskema tal-UE ETS, irid jitqies li kwalunkwe tnaqqis fit-tniġġis u tnaqqis korrispondenti fl-użu tal-kwoti tal-emissjonijiet minn impriża jew minn settur partikolari jilliberaw dawk il-kwoti, li jirriżulta f’effett nett żero fuq it-tniġġis fin-nuqqas ta’ tnaqqis tal-kwoti tal-emissjonijiet (effett waterbed).

(398)  Pereżempju, dan jista’ jseħħ meta kumpanija tinvesti fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott sostenibbli sabiex tiżgura li l-konsumaturi jkunu konxji mill-kwalità tal-prodott il-ġdid. Jekk il-kompetituri mbagħad jibdew jipproduċu wkoll verżjonijiet sostenibbli tal-prodotti tagħhom stess, li għalihom diġà ġiet stabbilita d-domanda tal-konsumatur, dawn il-kompetituri ma għandhomx għalfejn iġarrbu l-kostijiet marbutin mat-tnedija inizjali tal-prodott sostenibbli u jistgħu jisfruttaw mingħajr ħlas l-investimenti li tkun għamlet l-ewwel kumpanija sabiex tniedi l-prodott sostenibbli.

(399)  Ara b’mod partikolari l-paragrafu 80 tal-Artikolu 101(3) tal-Linji Gwida.

(400)  Dan jinkludi produtturi li jużaw il-prodotti bħala input, bejjiegħa bl-ingrossa, bejjiegħa bl-imnut u konsumaturi finali, jiġifieri persuni fiżiċi li jaġixxu għal skopijiet li jkunu barra mill-kummerċ jew mill-professjoni tagħhom. Ara l-paragrafu 84 tal-Artikolu 101(3) tal-Linji Gwida.

(401)  Ara l-paragrafu 85 tal-Linji Gwida tal-Artikolu 101(3), ara wkoll is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax, C-238/05, EU:C:2006:734, il-punt 72.

(402)  It-tnaqqis fil-kostijiet marġinali jew varjabbli huwa aktar probabbli li jkun rilevanti għall-valutazzjoni tal-effiċjenzi mit-tnaqqis fil-kostijiet fissi; tal-ewwel huma, fil-prinċipju, aktar probabbli li jirriżultaw fi prezzijiet orħos għall-konsumaturi.

(403)  Ir-rieda tal-konsumaturi li jħallsu hija element wieħed li jista’ jgħin sabiex jiġi identifikat it-tip ta’ benefiċċju li l-partijiet għall-ftehim jistgħu jasserixxu. Il-fatt li l-konsumaturi jkunu lesti li jħallsu, jiġifieri li jkun hemm domanda għal prodotti sostenibbli, mhux bilfors ifisser li ftehim ma jkunx indispensabbli. Minkejja li l-konsumaturi jistgħu jkunu lesti li jħallsu għal prodott sostenibbli, ftehim restrittiv xorta jista’ jkun indispensabbli, pereżempju, sabiex jingħeleb żvantaġġ ta’ min jidħol l-ewwel jew sabiex jinkisbu ekonomiji ta’ skala li jnaqqsu l-kostijiet.

(404)  Is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax, C-238/05, EU:C:2006:734, il-punt 72.

(405)  Il-falliment tas-suq f’sitwazzjonijiet bħal dawn tipikament jikkonsisti fil-fatt li l-konsum mhux sostenibbli jikkawża esternalitajiet negattivi għall-oħrajn. Dawn l-esternalitajiet negattivi (bħall-emissjonijiet) ma humiex kompletament internalizzati (ikkunsidrati) mill-konsumaturi individwali, u dan jirriżulta f’konsum żejjed tal-prodott mhux sostenibbli. Bl-istess mod, il-falliment tas-suq jista’ jikkonsisti f’esternalitajiet pożittivi (bħal tnaqqis fl-emissjonijiet) mill-konsum sostenibbli. F’dak il-każ, il-prodotti sostenibbli ma jkunux forniti biżżejjed mis-suq essenzjalment għall-istess raġuni, jiġifieri minħabba li l-konsumaturi ma jqisux l-effetti tal-konsum tagħhom fuq l-oħrajn.

(406)  Il-paragrafu 43 tal-Linji Gwida tal-Artikolu 101(3); ara wkoll is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2006, GlaxoSmithKline Services u Oħrajn vs Il-Kummissjoni, T-168/01, EU:T:2006:265, il-paragrafi 248 u 251; is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, MasterCard Inc, C-382/12 P, EU:C:2014:2201, il-paragrafu 242; Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Mejju 2013 fil-Kawża AT.39595 Air Canada/United Airlines/Lufthansa (‘STAR alliance’).

(407)  Il-konsumaturi jistgħu jiġu kkumpensati permezz ta’ tip wieħed ta’ benefiċċji għas-sostenibbiltà jew permezz ta’ taħlita ta’ benefiċċji individwali u kollettivi, ara t-Taqsima 9.4.3.4.

(408)  Madankollu, f’dan l-eżempju, ma huwiex biss il-benefiċċju potenzjali tal-ftehim li huwa limitat minħabba kopertura insuffiċjenti, iżda wkoll il-ħsara kompetittiva potenzjali (essenzjalment għall-istess raġunijiet).

(409)  Il-benefiċċji li se jimmaterjalizzaw fil-futur jistgħu jitqiesu sal-punt li dawn jakkumulaw għall konsumaturi fis-suq rilevanti.

(410)  F’każijiet li fihom il-benefiċċji kollettivi jkunu mifruxin fost segment kbir tas-soċjetà, huwa anqas probabbli li l-koinċidenza mal-konsumaturi fis-suq rilevanti tkun sostanzjali.

(411)  Ara l-Artikolu 101(3) tal-Linji Gwida, p. 87.

(412)  Is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, CIF, C-198/01, EU:C:2003:430, il-punt 56. Ara wkoll il-Kapitolu 1, il-paragrafu 19.

(413)  Is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Soa Nazionale Costruttori, C-327/12, EU:C:2013:827, il-punt 38; is-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla u Oħrajn, C-94/04, EU:C:2006:758, il-paragrafu 47.