|
ISSN 1977-0987 |
||
|
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 257 |
|
|
||
|
Edizzjoni bil-Malti |
Informazzjoni u Avviżi |
Volum 66 |
|
Werrej |
Paġna |
|
|
|
I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet |
|
|
|
OPINJONIJIET |
|
|
|
Il-Kumitat tar-Regjuni |
|
|
|
Il-155 Sessjoni plenarja tal-KtR, 24.5.2023–25.5.2023 |
|
|
2023/C 257/01 |
||
|
2023/C 257/02 |
||
|
2023/C 257/03 |
||
|
2023/C 257/04 |
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar qgħad fit-tul żero: il-perspettiva lokali u reġjonali |
|
|
2023/C 257/05 |
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar il-qafas leġiżlattiv għal sistemi tal-ikel sostenibbli |
|
|
III Atti preparatorji |
|
|
|
Il-Kumitat tar-Regjuni |
|
|
|
Il-155 Sessjoni plenarja tal-KtR, 24.5.2023–25.5.2023 |
|
|
2023/C 257/06 |
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar Att dwar Ewropa Interoperabbli |
|
MT |
|
I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet
OPINJONIJIET
Il-Kumitat tar-Regjuni
Il-155 Sessjoni plenarja tal-KtR, 24.5.2023–25.5.2023
|
21.7.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 257/1 |
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “La tagħmilx ħsara lill-koeżjoni — Prinċipju trasversali li jikkontribwixxi għall-koeżjoni bħala objettiv u valur ġenerali tal-UE”
(2023/C 257/01)
|
RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI
|
1. |
jilqa’ l-introduzzjoni tal-prinċipju “la tagħmilx ħsara lill-koeżjoni” fit-Tmien Rapport dwar il-Koeżjoni, fejn huwa definit bħala “l-ebda azzjoni ma għandha tfixkel il-proċess ta’ konverġenza jew tikkontribwixxi għad-disparitajiet reġjonali” (1), iżda jiddispjaċih li r-rapport ma jipprovdi l-ebda għarfien fil-fond biex tinkiseb stampa ċara tal-problemi (ħsara għall-koeżjoni) u s-soluzzjonijiet possibbli; |
|
2. |
jenfasizza l-importanza tal-koeżjoni bħala valur fundamentali tal-Unjoni Ewropea u objettiv trasversali li l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jappoġġja bis-sħiħ. Jirrimarka li l-kriżijiet reċenti staġnaw il-konverġenza u affettwaw b’mod partikolari l-aktar ċittadini vulnerabbli; jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġi evitat il-ħolqien ta’ lok fejn jinbet il-populiżmu u l-estremiżmu fil-kuntest tal-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin; |
|
3. |
jirringrazzja lill-Parlament Ewropew (2) talli talab lill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni biex ikun involut fl-implimentazzjoni u t-tfassil tal-prinċipju la tagħmilx ħsara lill-koeżjoni u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra l-proposti ta’ din l-Opinjoni meta tiżviluppa aktar il-prinċipju; |
|
4. |
jenfasizza li l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-Tmien Rapport dwar il-Koeżjoni jappellaw għal sensibilizzazzjoni ġenerali li ma ssir l-ebda ħsara lill-koeżjoni fil-politiki u l-inizjattivi kollha tal-Unjoni, u fl-implimentazzjoni tas-suq intern, inklużi r-regoli dwar l-Għajnuna mill-Istat; |
|
5. |
ifakkar li, skont l-Artikolu 175 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-politiki u l-azzjonijiet Ewropej kif ukoll il-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp armonjuż ġenerali u l-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali tal-Unjoni. Jinsisti li, filwaqt li l-politika ta’ koeżjoni tal-UE għandha rwol ewlieni fil-promozzjoni tal-koeżjoni, politiki oħra tal-UE huma marbuta b’dan l-objettiv. Jinnota li bħalissa ma hemm l-ebda mekkaniżmu fis-seħħ biex dan jiġi żgurat; |
|
6. |
jitlob mill-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Istati Membri li l-prinċipju la tagħmilx ħsara lill-koeżjoni jinbidel minn kunċett għal realtà; |
|
7. |
iwissi lill-Kummissjoni li l-prinċipju għadu ’l bogħod milli jintuża bħala għodda biex titwettaq il-koeżjoni, u jirriskja li jikkomprometti l-iskop tal-politika ta’ koeżjoni fiha nnifisha. Il-politika ta’ koeżjoni hija u għandha tibqa’ l-għodda ewlenija għal żvilupp armonjuż tal-Unjoni għar-reġjuni kollha; |
|
8. |
jipproponi interpretazzjoni wiesgħa tal-prinċipju la tagħmilx ħsara lill-koeżjoni, li tkopri l-politiki Ewropej kollha b’impatt spazjali kif ukoll il-politiki nazzjonali rilevanti, u li tinkludi rekwiżit li jiġu rispettati l-prinċipji ta’ koeżjoni tas-sħubija u l-governanza f’diversi livelli; |
|
9. |
jipproponi li l-Kummissjoni tapplika regola obbligatorja “ikkonforma jew spjega” marbuta mal-prinċipju la tagħmilx ħsara lill-koeżjoni fil-memorandum ta’ spjegazzjoni għal kwalunkwe inizjattiva proposta; |
|
10. |
jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa l-analiżi tal-aspetti ta’ koeżjoni bħala parti mis-Semestru Ewropew, b’mod partikolari permezz tal-anness dwar il-prestazzjoni ekonomika u soċjali fil-livell reġjonali tar-rapporti tal-pajjiżi; ikun saħansitra aktar utli jekk jipprovdi sitwazzjoni attwali ta’ koeżjoni fil-livell NUTS 2 fl-Istati Membri u jinkludi analiżi tal-politiki eżistenti li tista’ tispjega s-sitwazzjoni u l-miżuri possibbli biex jissolvew id-disparitajiet reġjonali; |
Kif tista’ ssir ħsara lill-koeżjoni
|
11. |
jirrikonoxxi li l-eżistenza ta’ ħafna tipi ta’ disparitajiet flimkien man-nuqqas ta’ data dwar l-effetti tal-politiki fir-reġjuni u l-bliet tagħna, kemm pożittivi kif ukoll negattivi, tagħmilha diffiċli li jinkiseb għarfien aktar profond dwar il-ħsara li qed issir għall-koeżjoni u li jiġu proposti soluzzjonijiet maniġġabbli; |
|
12. |
jirrimarka li, minbarra l-politika ta’ koeżjoni, it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ xi politiki tal-UE jikkontribwixxu għall-proċess ta’ konverġenza filwaqt li oħrajn jistgħu jmorru kontrih; jenfasizza li mhux biss il-politiki ta’ finanzjament iżda wkoll l-inizjattivi regolatorji jew il-ftehimiet kummerċjali jista’ jkollhom impatt sinifikanti u joħolqu ostakli għall-iżvilupp ta’ reġjuni inqas żviluppati, anke jekk jidhru “għomja għar-realtajiet territorjali”; |
|
13. |
jinnota, pereżempju, li kwalunkwe laxkar tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat spiss ikun ta’ benefiċċju akbar għall-Istati Membri aktar żviluppati; |
|
14. |
iqis li s-sinerġiji potenzjali bejn il-fondi tal-UE li għandhom dimensjoni territorjali jistgħu jiġu sfruttati aħjar; |
|
15. |
jenfasizza li, minkejja ħafna semplifikazzjonijiet introdotti mill-Kummissjoni, il-kumplessità tal-fondi tal-UE u r-regoli għall-użu tagħhom għadhom jagħmluha diffiċli għall-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jibbenefikaw mill-programmi tal-UE; |
|
16. |
jirrimarka li l-kapaċità limitata tal-atturi lokali u reġjonali li jaċċessaw opportunitajiet ta’ finanzjament u li jmexxu proġetti tirriżulta wkoll minn nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ ħiliet tekniċi jew kapaċità li jiġi pprovdut il-kofinanzjament mistenni; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni Ewropea tappoġġja b’mod partikolari lill-Istati Membri b’rati baxxi ta’ assorbiment permezz ta’ miżuri għall-bini tal-kapaċità; |
|
17. |
jikkondividi l-fehma fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-Tmien Rapport dwar il-Koeżjoni li l-użu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza kien ċentralizzat ħafna fil-livell tal-Istati Membri u ma kellux konsultazzjoni mar-reġjuni u l-muniċipalitajiet (3); |
|
18. |
jiddispjaċih li skont il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ma hemm l-ebda obbligu għall-Istati Membri li jirrapportaw dwar id-distribuzzjoni tal-fondi fid-diversi reġjuni; jargumenta favur informazzjoni u trasparenza aħjar dwar id-destinazzjoni tal-flus u jappella sabiex jiġu implimentati programmi ta’ investiment futuri fil-livell lokali jew reġjonali; |
|
19. |
jenfasizza li l-programmi u l-fondi differenti tal-UE li joperaw b’mod parallel, bħall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, REACT-EU, JTF (Fond għal Tranżizzjoni Ġusta), FEŻR (Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali) u FSE+ (Fond Soċjali Ewropew Plus) jobbligaw lill-awtoritajiet maniġerjali jaħdmu b’regoli u dmirijiet ta’ implimentazzjoni differenti, li joħloq inċertezzi u jwassal għal bidu aktar bil-mod f’xi wħud mill-programmi; |
|
20. |
jiddispjaċih li ma hemm l-ebda ħarsa ġenerali ċara dwar l-effett ikkombinat ta’ għadd kbir ta’ regolamenti tal-UE kemm b’mod ġenerali kif ukoll fuq xulxin. Jenfasizza li dan jillimita l-possibbiltà ta’ għażliet spazjali integrali u jagħmilha diffiċli li jiġu implimentati regolamenti individwali, u li jeħtieġ li jsiru għażliet meta tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni tal-enerġija (permezz ta’ investimenti pereżempju f’networks tat-tisħin/pannelli solari), l-applikazzjoni tat-tħaddir (pereżempju, fil-forma ta’ siġar) fl-ambjent, il-provvista ta’ mobbiltà sostenibbli u l-bini ta’ akkomodazzjoni suffiċjenti u sostenibbli; |
|
21. |
jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, anke bħala parti mill-politika ta’ koeżjoni, tista’ ssir ħsara mhux intenzjonata li tnaqqas l-impatt tagħha; l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux jallokaw livelli massimi ta’ finanzjament lil reġjuni inqas żviluppati u reġjuni fi tranżizzjoni, u dan ixekkel il-proċess ta’ konverġenza. Jappella sabiex il-Kummissjoni u l-Istati Membri jottimizzaw l-użu tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni f’reġjuni inqas żviluppati u f’reġjuni fi tranżizzjoni, inkluż bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu li jmiss tal-programmi 2021-2027; |
|
22. |
jinnota li l-koeżjoni tista’ tiġi pperikolata wkoll mill-fatt li l-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni ntuża biex jirreaġixxi b’mod sistematiku għall-kriżijiet reċenti; jenfasizza li għalkemm dan seta’ kkontribwixxa għall-prevenzjoni ta’ twessigħ ulterjuri tad-disparitajiet, il-prinċipji ta’ koeżjoni ta’ programmazzjoni strateġika bbażata fuq l-evidenza, sħubija u governanza f’diversi livelli xorta għandhom jiġu rispettati fi kwalunkwe strument ta’ rispons għall-kriżijiet; |
|
23. |
jenfasizza li l-KtR jirrifjuta kwalunkwe tentattiv ta’ ċentralizzazzjoni tal-programmi tal-UE u mhux se jaċċetta li l-livell lokali u reġjonali jiġi injorat aktar fil-programmi futuri tal-UE. Jenfasizza li l-ġestjoni kondiviża kienet ta’ suċċess u ma għandhiex tiddgħajjef minn programmi ġestiti ċentralment; |
L-implimentazzjoni tal-prinċipju permezz ta’ valutazzjoni ex ante msaħħa, evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu, kontinwa u ex post tal-impatti territorjali tal-politiki rilevanti kollha tal-UE
|
24. |
jenfasizza li t-Tmien Rapport dwar il-Koeżjoni jitlob li jissaħħu l-valutazzjonijiet tal-impatt territorjali u l-verifika rurali “sabiex il-ħtiġijiet u l-ispeċifiċitajiet ta’ territorji differenti tal-UE jitqiesu aħjar”; jilqa’ l-fatt li, fil-konklużjonijiet tiegħu dwar it-Tmien Rapport dwar il-Koeżjoni, il-Kunsill ħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tikkunsidra l-inklużjoni ta’ valutazzjonijiet tal-impatt territorjali (verifika reġjonali) fil-politiki rilevanti tal-UE kemm fl-istadju tat-tfassil tagħhom kif ukoll f’dak tal-evalwazzjoni; |
|
25. |
jenfasizza l-ħtieġa ta’ valutazzjoni ex ante sistematika tal-impatti territorjali differenzjati potenzjali fuq it-tipi kollha ta’ reġjuni tal-politiki l-ġodda kollha tal-UE b’dimensjoni territorjali fil-fażi tad-disinn tagħhom bħala l-aktar għodda effettiva biex il-prinċipju la tagħmilx ħsara lill-koeżjoni jitqiegħed fil-prattika; |
|
26. |
jirrimarka li l-ftehim interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet tal-2016 jimpenja lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex iwettqu valutazzjonijiet tal-impatt, kull meta jkun possibbli, b’mod partikolari fir-rigward tal-impatti territorjali; iqis li l-pakkett tal-KE tal-2021 għal Regolamentazzjoni aħjar (4) jipprovdi qafas għall-valutazzjoni tal-impatti territorjali; madankollu, jiddispjaċih li l-istipulazzjoni li l-valutazzjonijiet tal-impatt għandhom ikunu proporzjonati fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-enfasi tagħhom twassal fil-prattika għal valutazzjoni jew sottovalutazzjoni ta’ spiss limitata ħafna tal-impatti territorjali. Ifakkar fl-impenji ripetuti tal-Kummissjoni Ewropea f’dawn l-aħħar snin (5) biex issaħħaħ il-valutazzjonijiet tal-impatt territorjali; |
|
27. |
għalhekk, jirrakkomanda t-tisħiħ tal-valutazzjoni tal-impatti territorjali differenzjati potenzjali u l-effetti negattivi fuq il-koeżjoni fis-sett ta’ għodod tal-KE għal Regolamentazzjoni Aħjar b’diversi modi:
|
|
28. |
jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa aktar il-mudelli u l-metodi tal-Valutazzjoni tal-Impatt Territorjali bl-appoġġ tal-JRC (Ċentru Konġunt tar-Riċerka) u l-ESPON; |
|
29. |
jistieden lill-Kummissjoni tagħti kapaċità għal servizz iddedikat biex jappoġġja lid-direttorati ġenerali fil-proċess tal-Valutazzjoni tal-Impatt Territorjali u jipprovdi taħriġ obbligatorju dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Territorjali lill-uffiċjali kollha tal-Kummissjoni li jittrattaw il-valutazzjonijiet tal-impatt; |
|
30. |
itenni t-talba tiegħu lill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju biex jinkludi membru permanenti maħtur mill-KtR sabiex jiġi żgurat li l-politiki tal-UE jagħtu kas it-territorji; |
|
31. |
huwa ħerqan li jassisti lill-Kummissjoni fit-twettiq tal-Valutazzjonijiet tal-Impatt Territorjali tagħha; joffri b’mod partikolari li jgħin fl-identifikazzjoni ta’ kwistjonijiet rilevanti għall-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-konsultazzjonijiet tal-Kummissjoni u jgħin fl-identifikazzjoni ta’ esperti fil-livelli lokali u reġjonali biex jieħdu sehem fil-workshops tal-Kummissjoni dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Territorjali; |
|
32. |
jirrimarka li l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jista’ jkollu rwol aktar b’saħħtu fl-aġenda tal-UE għal Regolamentazzjoni Aħjar, pereżempju billi jwettaq valutazzjoni tal-impatt territorjali huwa stess dwar politiki tal-UE li potenzjalment jistgħu jagħmlu ħsara lill-koeżjoni, jekk dan jingħata mezzi addizzjonali; |
|
33. |
jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġi implimentat il-prinċipju la tagħmilx ħsara lill-koeżjoni anke fil-fażi ta’ evalwazzjoni (ex post, ta’ nofs it-terminu u li għadu għaddej), sabiex ma jkunx eżerċizzju ta’ mmarkar tal-kaxxi ta’ darba matul il-valutazzjoni ex ante, billi jiġi mmonitorjat u evalwat l-impatt tal-politiki settorjali tal-UE fuq il-koeżjoni; |
|
34. |
jissuġġerixxi, f’dan ir-rigward, l-introduzzjoni fil-pakkett tal-KE għal Regolamentazzjoni Aħjar rakkomandazzjoni li l-leġiżlazzjoni jew il-programmi evalwati għandhom iħarsu lejn l-impatti diretti possibbli fuq il-koeżjoni jew l-(in)konsistenzi mal-politika ta’ koeżjoni; rapporti (ekwivalenti għar-Rapport dwar il-Koeżjoni) prodotti fil-kuntest tal-politiki settorjali għandu jkollhom parti ddedikata għall-effetti ta’ koeżjoni; |
|
35. |
ifakkar fil-valur miżjud li r-RegHub jipprovdi, permezz ta’ konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati, għall-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni implimentata tal-UE; itenni l-appell biex isir użu sħiħ mill-pjattaforma Fit for Future, RegHub u l-KtR innifsu, biex jiġi żgurat li l-Kummissjoni jkollha evidenza dettaljata tal-impatt fil-prattika; |
|
36. |
jenfasizza l-ħtieġa ġenerali għal data u għodod statistiċi fil-livell lokali u reġjonali biex jappoġġjaw il-valutazzjoni ex ante u l-evalwazzjoni ex post tal-impatt tal-politiki/strumenti tal-UE fuq il-koeżjoni; jenfasizza l-ħtieġa li l-indikaturi u l-indiċijiet komprensivi (minbarra l-PDG per capita) bħall-Indiċi tal-Progress Soċjali tal-UE jew l-Indiċi tal-Kompetittività Reġjonali jirriflettu l-aspetti kollha tal-iżvilupp armonjuż hekk kif jistgħu jitfaċċaw sorsi ġodda ta’ disparitajiet. Jappella sabiex jiġu ddedikati aktar riżorsi għall-Eurostat u l-JRC għall-iżvilupp tal-osservatorji urbani u rurali. Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw sistemi għall-ġbir ta’ data u informazzjoni fil-livell lokali biex jevalwaw l-impatt tal-leġiżlazzjoni u l-politiki; |
L-implimentazzjoni tal-prinċipju permezz ta’ koordinazzjoni aħjar tal-politiki/fondi tal-UE u l-implimentazzjoni tagħhom fil-livell nazzjonali u sottonazzjonali
|
37. |
jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tissemplifika l-politiki u l-fondi ta’ investiment biex tiżgura sinerġiji u komplementarjetajiet sabiex jintlaħqu l-objettivi magħżula. Jappella sabiex il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta kif ukoll il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali jiġu rregolati b’fondi oħra skont l-istess Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni; |
|
38. |
jenfasizza il-ħtieġa li jiżdiedu s-sinerġiji bejn il-politika ta’ koeżjoni u Orizzont Ewropa sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni fir-reġjuni kollha tal-UE, li jippermettu lill-UE tikkompeti fuq skala globali billi tinvesti fl-eċċellenza reġjonali u jistgħu jkunu soluzzjoni għan-nassa tal-iżvilupp tar-reġjuni bi dħul medju; |
|
39. |
jistieden lill-Kummissjoni Ewropea, fil-ġestjoni tal-finanzjament tal-UE, biex tqis il-livell ta’ żvilupp tar-reġjuni u l-potenzjal għat-tnaqqis tad-disparitajiet reġjonali lil hinn mill-PDG; |
|
40. |
iħeġġeġ lill-gvernijiet nazzjonali jwettqu valutazzjoni tal-impatt territorjali ex ante sistematika sabiex l-ebda politika nazzjonali ma tkun “għamja għar-realtajiet territorjali”, bl-użu tat-tagħlimiet meħuda mill-Azzjoni Pilota tal-Aġenda Territorjali 2030 “Nifhmu kif il-politiki settorjali jsawru l-(iż)bilanċi spazjali”; |
|
41. |
jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jiżguraw il-komunikazzjoni u l-koordinazzjoni bejn il-ministeri, l-aġenziji u l-awtoritajiet ta’ ġestjoni differenti biex jagħmlu l-aħjar użu mis-sinerġiji u l-komplementarjetajiet potenzjali bejn il-politiki u l-flussi ta’ finanzjament differenti u jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda dupplikazzjoni jew ħsara għall-koeżjoni; |
|
42. |
itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw li l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u kwalunkwe suċċessur tagħha jintegraw b’mod dirett l-approċċ tal-politika ta’ koeżjoni bbażat fuq programmazzjoni strateġika bbażata fuq l-evidenza, governanza f’diversi livelli u s-sħubija; |
|
43. |
jenfasizza li livelli differenti ta’ gvern jeħtieġ li jaħdmu flimkien fi sħubija biex iwasslu l-koeżjoni fil-prattika, inkluż billi jikkoordinaw l-implimentazzjoni ta’ politiki/strumenti differenti tal-UE; |
|
44. |
jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw kwalunkwe wieħed mir-reġjuni tagħhom li l-iżvilupp tagħhom għadu lura fil-bini tal-kapaċitajiet amministrattivi u jagħtu spinta lill-iżvilupp tal-ħiliet biex jibbenefikaw bis-sħiħ mill-programmi tal-UE. |
Brussell, l-24 ta’ Mejju 2023.
Vasco ALVES CORDEIRO
Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
(1) Ara paġna 30 tal-Cohesion in Europe towards 2050, Eighth Report on Economic, Social and Territorial Cohesion (Koeżjoni fl-Ewropa lejn l-2050, it-Tmien Rapport dwar il-Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali) (http://ec.europa.eu/regional_policy/en/information/cohesion-report/) (mhux disponibbli bil-Malti).
(2) Rapport A9-0210/2022 dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-UE: it-8 Rapport dwar il-Koeżjoni (2022/2032(INI)).
(3) Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Rapport ta’ rieżami dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza” (ĠU C 157, 3.5.2023, p. 12).
(4) Better regulation: guidelines and toolbox (Regolamentazzjoni aħjar: linji gwida u sett ta’ għodod – mhux disponibbli bil-Malti).
(5) Ara l-komunikazzjonijiet tal-KE Viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tal-UE (2021) u Inpoġġu lin-nies l-ewwel, niżguraw tkabbir sostenibbli u inklużiv, nilliberaw il-potenzjal taż-żoni ultraperiferiċi tal-UE (2022).
|
21.7.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 257/6 |
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “It-tħejjija għall-kriżijiet u l-indirizzar tagħhom: it-tisħiħ tar-reżiljenza tal-Unjoni, tar-reġjuni u tal-bliet tagħha”
(2023/C 257/02)
|
RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR),
It-tħejjija soċjetali — approċċ ġdid għat-tħejjija għar-riskji u l-kriżijiet
|
1. |
jemmen li ma nafux liema kriżijiet se jaffettwaw lill-Ewropa, lill-bliet, lill-kontej u lir-reġjuni tagħha fil-futur, iżda nistgħu diġà nbassru min ser ikunu l-vittmi. Il-kriżijiet m’għandhomx fruntieri amministrattivi u għalhekk jeħtieġu approċċ f’diversi livelli li jinvolvi lill-istituzzjonijiet muniċipali kollha, lill-awtoritajiet lokali intermedji (provinċji, kontej, eċċ.) u lill-livell reġjonali. Biex nevitaw dan, jeħtieġ li niżviluppaw kultura li tqis ir-riskji u l-kriżijiet, approċċ ġdid ta’ tħejjija soċjetali għas-sikurezza, is-saħħa u l-benesseri tan-nies. Dan huwa dak li hija bbażata fuqu din l-Opinjoni; |
|
2. |
jinnota li l-karatteristika prinċipali tal-kriżijiet ta’ dawn l-aħħar snin kienet in-natura brutali u imprevedibbli tagħhom. Id-diżastri u l-avvenimenti estremi relatati mat-tibdil fil-klima jistgħu u għandhom jiġu immaġinati u antiċipati, iżda l-vjolenza u r-regolarità tagħhom kienu ħafna iktar milli mistenni. Il-kriżi tal-COVID-19 jew il-gwerra fl-Ukrajna u t-tbatija konsegwenti għan-nies huma xhieda ta’ xejra ġdida ta’ kriżijiet imprevedibbli u fuq skala kbira. L-approċċi komprensivi ta’ prevenzjoni (l-azzjoni biex jiġu evitati riskji magħrufa u probabbli) jew il-prinċipju tal-prekawzjoni (l-azzjoni biex jiġi evitat li jitfaċċaw riskji ġodda serji u irriversibbli għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent) ma għadhomx biżżejjed biex jindirizzaw dawn il-fenomeni; |
|
3. |
iqis li l-Ewropa għandha tinvesti f’direzzjoni ġdida: it-tħejjija soċjetali, definita mill-kapaċità kollettivà tas-soċjetajiet biex iħejju, fi spirtu ta’ koeżjoni u solidarjetà, għall-isfidi tal-futur u b’mod partikolari l-kriżijiet u d-diżastri. It-tħejjija soċjetali tiffoka b’mod partikolari fuq id-dimensjoni ċivika, soċjali u umana, l-aċċess għas-servizzi u l-kwalità tal-appoġġ għan-nies. Fil-fatt, il-kriżijiet u d-diżastri jaffettwaw primarjament lill-aktar persuni vulnerabbli. Din hija waħda mit-tagħlimiet tal-kriżi tal-COVID-19; |
|
4. |
jemmen li l-approċċ globali għar-reżiljenza jrid jgħaqqad żewġ elementi: l-iżvilupp tal-kapaċità tas-soċjetajiet li jwettqu l-bidliet neċessarji meta jiffaċċjaw l-inugwaljanzi ekonomiċi, soċjali u territorjali, it-tibdil fil-klima u t-tranżizzjoni ekoloġika, iżda wkoll l-iżvilupp tal-kapaċità li jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet tas-soċjetajiet għar-riskji, għall-kriżijiet u għad-diżastri, inkluż permezz tal-attivitajiet ta’ tħejjija soċjetali; |
|
5. |
jipproponi li ssir distinzjoni bejn il-vulnerabbiltajiet marbuta ma’ riskji magħrufa, prinċipalment ir-riskji ambjentali, demografiċi u industrijali, u dawk marbuta ma’ riskji mhux magħrufa, kemm jekk huma l-konsegwenza tat-tibdil fil-klima, relatati mas-saħħa jew ikkawżati mill-attivitajiet tal-bniedem. Dawn il-vulnerabbiltajiet ma jistgħux jiġu indirizzati bl-użu ta’ pjani ta’ ġestjoni, ikunu kemm ikunu sofistikati; l-indirizzar tagħhom jimplika, b’mod partikolari fir-rigward tat-tieni tip ta’ vulnerabbiltà, li tingħata prijorità biex jiġu żviluppati kultura li tqis ir-riskji u l-kriżijiet u kapaċità kollettiva li jiġu indirizzati l-inċertezza u d-diżastri; |
|
6. |
jitlob li l-analiżi tal-vulnerabbiltajiet soċjali u territorjali ssir prijorità politika tal-Unjoni, peress li jkun diffiċli li s-soċjetajiet jitħejjew mingħajr din l-informazzjoni. Huwa biss billi nenfasizzaw u nifhmu dawn il-vulnerabbiltajiet li ser ikun possibbli li nipprovdu rispons effettiv fil-livell Ewropew u nazzjonali, iżda fuq kollox f’kull belt, kontea u reġjun tagħna; Għalhekk, għandna nkunu attenti minn approċċ għall-vulnerabbiltajiet li jkun olistiku żżejjed b’ambitu ġeografiku eċċessiv u, minflok, għandna nippreferu approċċ lokali li jindirizza b’mod speċifiku ċ-ċirkostanzi esperjenzati fil-prattika mill-popolazzjoni; |
|
7. |
jirrikonoxxi li l-politiki tal-protezzjoni ċivili huma primarjament ir-responsabbiltà tal-Istati Membri, iżda jinnota li l-attivitajiet ta’ prevenzjoni, tħejjija soċjetali u għajnuna spiss jitwettqu mill-atturi lokali, il-bliet u l-kontej (provinċji, eċċ.) li ġeneralment jeżerċitaw din il-kompetenza, bl-appoġġ tar-reġjuni. Dawn l-awtoritajiet għalhekk jeħtiġilhom ikunu involuti mill-qrib fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tagħhom, u jiġu pprovduti b’riżorsi adegwati, kemm finanzjarji kif ukoll legali, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà attiva u approċċ ta’ governanza f’diversi livelli li jinvolvi u jinkludi lil-livelli territorjali kollha; |
|
8. |
jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kapaċità tal-bliet u r-reġjuni biex anke fi żminijiet ta’ kriżi jipprovdu is-servizzi li huma meħtieġa għall-popolazzjoni. Miżura ewlenija hija li tissaħħaħ is-sigurtà komuni tal-provvista fl-Ewropa kollha. Dan jirrikjedi li jiġu identifikati d-dipendenzi kritiċi, li l-parti l-kbira ta’ prodotti u servizzi essenzjali jiġu prodotti fl-Ewropa, u li jiġu pprovduti l-mekkaniżmi tas-suq uniku meħtieġa biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista ta’ materja prima, oġġetti u ikel. L-infrastruttura kritika għandha tissaħħaħ ukoll biex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet tal-għajxien jiġu ppreservati matul il-kriżijiet; |
Inpoġġu l-analiżi tal-vulnerabbiltà fil-qalba tal-politika ta’ koeżjoni futura
Indiċi u tabella ta’ valutazzjoni biex jinftiehmu aħjar u jitqiesu r-riskji relatati mal-vulnerabbiltajiet territorjali u tal-popolazzjoni
|
9. |
jilqa’ l-mobilizzazzjoni taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka u tal-unità tiegħu għall-ġestjoni tar-riskju biex jiġi żviluppat “indiċi” tal-vulnerabbiltà (1) li jgħaqqad id-dimensjonijiet ambjentali, territorjali, ekonomiċi u soċjali. Il-Kumitat jittama li ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka ikollu l-appoġġ politiku u finanzjarju kollu biex javvanza b’din l-inizjattiva; |
|
10. |
jenfasizza l-importanza tad-dimensjoni soċjali tal-vulnerabbiltà, li ħafna drabi tintesa jew tiġi traskurata minkejja li hi element ewlieni tar-reżiljenza. Kwalunkwe analiżi tal-vulnerabbiltà għandha tintegra bis-sħiħ il-kunċetti ta’ aċċess għan-nies, l-appoġġ soċjali u l-aċċess ta’ persuni vulnerabbli għas-sistema tas-saħħa u għas-servizzi soċjali, kif ukoll it-tnaqqis tad-distakk diġitali u l-aċċessibbiltà aħjar fil-qasam diġitali. Il-KtR jenfasizza l-vulnerabbiltà tal-minoranzi, in-nisa, il-foqra, l-anzjani, il-persuni b’diżabilità, u l-persuni b’mard kroniku, u l-importanza tal-vulnerabbiltajiet soċjali fir-reġjuni ultraperiferiċi u fit-territorji insulari u iżolati, li jinsabu fil-linja ta’ quddiem fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; |
|
11. |
jappoġġja l-isforzi mwettqa miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka biex itejjeb il-kwalità tad-data u l-“indiċi” tal-vulnerabbiltà; jappoġġja x-xewqa li jkun hemm kollaborazzjoni akbar bejn iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, id-direttorati ġenerali l-oħra tal-Kummissjoni u l-Istati Membri għal dan l-għan; jikkonferma li huwa utli li dan l-indiċi jiġi applikat fil-livelli territorjali kollha — NUTS 2, NUTS 3 u fuq kollox fil-livell lokali — u jtenni t-talba tiegħu li t-tabella ta’ valutazzjoni tal-vulnerabbiltà tiġi pubblikata biex tkun tista’ tiġi viżwalizzata r-realtà konkreta f’kull territorju; għal dan il-għan, jirrakkomanda li l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jinvestu fil-valutazzjoni tar-riskju, speċjalment fir-rigward tal-vulnerabbiltà, u li r-riżultati ta’ din il-ħidma jsiru pubbliċi sabiex tissaħħaħ il-kultura ta’ kunsiderazzjoni tar-riskju fl-Unjoni Ewropea; |
|
12. |
jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jkun hemm data li tiddeskrivi b’mod effettiv il-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli, li jfisser li jkun hemm data mhux aggregata u kontroverifika tad-data biex jiġu enfasizzati realtajiet speċifiċi (pereż. in-nisa fqar), kif ukoll il-ħtieġa li d-data tidentifika problemi ta’ aċċess għas-servizzi; |
|
13. |
iqis li minflok li wieħed ifittex li jiġi żviluppat indikatur perfett, huwa prijorità li din l-għodda tiġi ttestjata bħala għodda għat-teħid tad-deċiżjonijiet; jilqa’ l-fatt li diversi organizzazzjonijiet komunitarji bdew din it-triq u jitlob li jitnieda programm pilota li jlaqqa’ lill-bliet, il-kontej u r-reġjuni li jixtiequ jesperimentaw bl-użu tal-indikatur tal-vulnerabbiltà sabiex jitqabbel mal-perċezzjoni lokali tar-realtajiet u jiggwida l-politiki u l-investimenti tagħhom; |
|
14. |
jissuġġerixxi li ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka jista’ jagħti bidu għall-ħolqien ta’ pjattaforma Ewropea għall-iskambju bbażata fuq approċċ olistiku għall-vulnerabbiltajiet, l-antiċipazzjoni, it-tħejjija u l-ġestjoni tar-riskji u l-kriżijiet, bl-involviment tal-istituzzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-partijiet interessati; din il-pjattaforma tista’ tibni fuq l-esperjenza tal-pjattaformi ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti u tkun iffinanzjata mill-programm Interreg Europe. Tkun tibbaża b’mod partikolari fuq in-Network tal-Unjoni ta’ Għarfien dwar il-Protezzjoni Ċivili (2), li għandu jiġi appoġġjat u żviluppat ukoll. |
|
15. |
jipproponi li l-bliet, il-kontej u r-reġjuni jiġu mmobilizzati biex jipparteċipaw f’dawn l-inizjattivi kollha; |
|
16. |
iħeġġeġ li jinħoloq network Ewropew ta’ movimenti ċiviċi u assoċjazzjonijiet mhux governattivi involuti fil-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskji u l-kriżijiet u fit-tħejjija tas-soċjetajiet biex jindirizzawhom; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja din l-inizjattiva u tgħin biex tiġi żviluppata; huwa għalhekk lest li jikkontribwixxi, flimkien man-Network tal-Unjoni ta’ Għarfien dwar il-Protezzjoni Ċivili, għal dan l-iżvilupp billi, flimkien mal-UNDRR u l-Kummissjoni Ewropea, kull sena jorganizza avveniment li jiġbor flimkien dawn l-atturi kollha; |
L-indirizzar tal-vulnerabbiltajiet, prijorità ġdida għall-politika ta’ koeżjoni
|
17. |
jixtieq jenfasizza kif il-kriżijiet reċenti wrew li l-vulnerabbiltajiet fiż-żoni lokali u fost il-popolazzjonijiet jistgħu jissarrfu f’inugwaljanzi profondi u ġodda fil-qasam tas-saħħa u l-benesseri; jenfasizza, għalhekk, li l-indirizzar tal-vulnerabbiltajiet soċjali u territorjali għandu jsir prijorità politika tal-politika ta’ koeżjoni; dan ifisser li tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-politika ta’ koeżjoni lil hinn mill-impjiegi u t-taħriġ billi tingħata attenzjoni lill-kwistjonijiet tal-inklużjoni u l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa u dawk soċjali. Dan it-tisħiħ jippermetti wkoll li l-politika ta’ koeżjoni titqarreb lejn iċ-ċittadini; |
|
18. |
iqis li l-iżvilupp ta’ “indiċi” u ta’ tabella ta’ valutazzjoni tal-vulnerabbiltà territorjali huwa essenzjali sabiex jinfetaħ id-dibattitu politiku dwar ir-reazzjonijiet li għandhom jingħataw permezz tal-politika ta’ koeżjoni tal-futur; Il-politika għandha tqis ukoll, fil-komponenti kollha tagħha, id-data fil-livell NUTS 3 sabiex jiġi żgurat approċċ aktar immirat, aċċessibbli u effiċjenti; |
|
19. |
jibqa’ kawt dwar l-użu ta’ “indiċi” tal-vulnerabbiltà bħala għodda għat-teħid tad-deċiżjonijiet għat-tqassim tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, iżda jenfasizza l-ħtieġa ta’ azzjoni aktar intensa tal-politika ta’ koeżjoni fir-reġjuni l-aktar vulnerabbli; |
|
20. |
jissuġġerixxi li r-reżiljenza għall-kriżijiet u l-indirizzar tal-vulnerabbiltajiet soċjali u territorjali jsiru prijorità ta’ programmar tal-politika ta’ koeżjoni, flimkien mal-introduzzjoni ta’ finanzjament supplimentari tat-tip “top up” għar-reġjuni u l-kontej li huma partikolarment vulnerabbli u li jagħżlu li jimmobilizzaw il-politika ta’ koeżjoni b’mod qawwi ħafna għal din il-prijorità; |
|
21. |
iqis madankollu li jekk il-politika ta’ koeżjoni tista’ u jeħtiġilha tkun għodda għat-tħejjija soċjetali, din ma tistax tkopri l-kumpens għal ħsara kkawżata minn diżastri kbar; iqis ukoll li “r-Riżerva l-ġdida ta’ Solidarjetà u Għajnuna ta’ Emerġenza” għadha aktar iffukata fuq ir-rispons immedjat għad-diżastri u l-pandemiji milli fuq l-indirizzar tal-konsegwenzi tagħhom; għalhekk jitlob li jitqies il-ħolqien ta’ mekkaniżmu permanenti ta’ azzjoni biex tiġi kkumpensata l-ħsara kbira kkawżata minn diżastri f’territorju partikolari; |
|
22. |
jipproponi li jiġi mħeġġeġ, fil-qafas tal-programmi ta’ finanzjament Ewropej bħal Interreg, Orizzont Ewropa jew Erasmus+, il-ħolqien ta’ proġetti ta’ kooperazzjoni interreġjonali, li għandhom jitfasslu fid-dawl tar-realtajiet ġeografiċi tat-territorji differenti, u li għalhekk jistgħu jwasslu għal kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi. Dawn il-proġetti jiffukaw fuq ir-reżiljenza għall-kriżijiet u l-indirizzar tal-vulnerabbiltajiet, b’mod partikolari fir-rigward tal-approċċ transfruntier għar-riskji u l-kriżijiet, li huwa lieva b’saħħitha biex il-prattiki differenti fl-Istati Membri jitqarrbu lejn suġġetti speċifiċi. Għal dan il-għan jista’ jkun indispensabbli komponent speċifiku ta’ Interreg u l-istrument tar-REKT; |
|
23. |
jirrikonoxxi li għalkemm l-istrumenti fil-livell tal-UE wrew li huma ta’ għajnuna kbira, hemm aktar x’jista’ jsir fir-rigward tal-isfidi legali u amministrattivi tal-kooperazzjoni transfruntiera, li tippermetti wkoll li tiġi żgurata aktar solidarjetà Ewropea jekk jiġu solvuti l-ostakli għall-kooperazzjoni transfruntiera. F’dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tniedi mill-ġdid l-adozzjoni tal-mekkaniżmu transfruntier Ewropew; |
Ngħaddu mill-ġestjoni tar-riskji għal kultura kondiviża li tqis ir-riskji: nippreparaw lill-Ewropa u lit-territorji tagħha għall-kriżijiet u għad-diżastri
|
24. |
jinnota li mill-kriżi tal-COVID ’il hawn, il-politiki Ewropej għall-protezzjoni ċivili u s-saħħa pubblika qed jiżdiedu. Tfaċċaw ħafna inizjattivi, fosthom RescEU u l-Awtorità Ewropea għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa (HERA). Ir-rispons Ewropew għall-gwerra fl-Ukrajna wassal għal rispons globali għall-appoġġ tal-poplu, li enfasizza d-dimensjoni umana u soċjali tal-ġestjoni tal-kriżi. Flimkien mal-ħtieġa ta’ ġestjoni tal-kriżijiet, li għadha qawwija ħafna, il-KtR jispera li issa tingħata prijorità lit-tħejjija soċjetali, jiġifieri l-prevenzjoni tar-riskju, it-tħejjija għall-kriżijiet u t-tixrid ta’ kultura kondiviża li tqis ir-riskji u l-kriżijiet fl-Ewropa; |
|
25. |
jenfasizza r-rwol importanti taċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza bħala punt ċentrali fil-koordinazzjoni tar-reazzjonijiet Ewropej għall-kriżijiet, b’mod partikolari għall-gwerra fl-Ukrajna jew it-terremot fit-Turkija. Il-ġestjoni ta’ dawn il-kriżijiet enfasizzat id-dimensjoni umana u soċjali tal-ġestjoni tal-kriżi. Għalhekk, flimkien mar-rwol kruċjali tal-ġestjoni tal-kriżijiet, li għadha topika ħafna, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jixtieq li issa tingħata prijorità wkoll lit-tħejjija soċjetali, jiġifieri l-prevenzjoni tar-riskju, it-tħejjija għall-kriżijiet u t-tixrid ta’ kultura kondiviża li tqis ir-riskji u l-kriżijiet fl-Ewropa; |
L-objettivi tal-Unjoni Ewropea għar-reżiljenza għad-diżastri
|
26. |
jilqa’ l-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni tar-Rakkomandazzjoni u l-Komunikazzjoni dwar l-Għanijiet ta’ Reżiljenza għad-Diżastri Ewropej; huwa jikkondividi l-prinċipji ġenerali tagħhom, li jinkludu ħafna mill-proposti mressqa f’Opinjonijiet preċedenti. Jilqa’ l-fatt li r-realtajiet lokali u reġjonali jitqiesu aħjar, u jenfasizza l-importanza tal-inizjattivi ewlenin tagħhom; huwa konvint li dan il-qafas, għalkemm mhux vinkolanti, isaħħaħ il-konverġenza tal-prattiki fid-diversi Stati Membri u b’hekk il-kwalità tat-tħejjija għall-kriżijiet; jixtieq ukoll li jkun involut mill-qrib fil-Forum dwar il-Protezzjoni Ċivili, li ser isir fl-2024 u jipprovdi opportunità biex isir rieżami inizjali ta’ dawn l-objettivi u biex jiġu adattati; |
|
27. |
iħeġġeġ lir-reġjuni jaħtfu l-opportunitajiet il-ġodda biex jipparteċipaw f’inizjattivi u jiffinanzjaw proġetti, b’mod partikolari taħt l-Objettiv 2 “Tħejjija” u l-inizjattiva ewlenija “PreparEU”; beħsiebu jikkontribwixxi għal involviment aħjar tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fin-Network tal-Unjoni ta’ Għarfien dwar il-Protezzjoni Ċivili; |
|
28. |
huwa diżappuntat, madankollu, li dawn il-pubblikazzjonijiet jibqgħu biss parti mill-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili u ma jqisux b’mod aktar olistiku l-vulnerabbiltà u r-reżiljenza tal-Ewropa u tal-bliet u r-reġjuni tagħha għall-kriżijiet; |
|
29. |
jilqa’ l-introduzzjoni ta’ testijiet tal-istress dwar ir-reżiljenza taċ-ċentri operattivi ta’ emerġenza, iżda jixtieq li dan l-approċċ jiġi estiż biex jinkludi sistemi nazzjonali, reġjonali u lokali ta’ twissija u ta’ ġestjoni tal-kriżijiet; jipproponi li, f’dawn it-testijiet tal-istress, jitqiesu aħjar il-fatturi kollha ta’ vulnerabbiltà, inklużi l-fatturi soċjali u territorjali; |
|
30. |
iħeġġeġ lir-reġjuni/lill-awtoritajiet lokali biex jinvolvu ruħhom fl-ittestjar tal-istress ta’ xenarji li jikkorrispondu għax-xenarju tar-riskju lokali/reġjonali. Jista’ jiġi mħeġġeġ ukoll li jiġu stabbiliti atlases dwar ir-riskju lokali/reġjonali kif ukoll azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ tħejjija tal-pubbliku dwar ir-riskji b’rabta max-xahar tal-UE għat-tħejjija għall-kriżi propost fil-Komunikazzjoni dwar l-Għanijiet tal-Unjoni marbuta mar-Reżiljenza għad-Diżastri; |
Nibnu kultura kondiviża li tqis ir-riskji u l-kriżijiet fi ħdan il-komunità ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell lokali, nazzjonali u Ewropew
|
31. |
jinnota li l-biċċa l-kbira tal-atturi li saru laqgħat magħhom jixtiequ li jitfassal qafas strateġiku Ewropew dwar ir-riskji u l-kriżijiet li jippermetti li jiġi żviluppat approċċ sistemiku u koordinat li bħalissa huwa meqjus nieqes, u li ħafna minnhom jirreferu għall-prospett li jinħoloq direttorat ġenerali għar-riskji u l-kriżijiet li jkopri t-tħejjija tas-soċjetajiet, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskji u l-kriżijiet li jirriżultaw mill-vulnerabbiltajiet tagħna; |
|
32. |
jafferma li l-isfida ewlenija biex jiġu indirizzati r-riskji u l-kriżijiet hija li jinbidlu l-mentalità ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi. Il-maġġoranza l-kbira ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet mhumiex imħarrġa fl-antiċipazzjoni u l-ġestjoni tal-kriżijiet u lanqas għall-isfidi ta’ reżiljenza. Il-mekkaniżmi ffukati fuq il-ġestjoni ta’ riskju identifikat b’mod ċar immultiplikaw, u dan wassal għal frammentazzjoni tal-politiki pubbliċi għad-detriment ta’ perspettiva globali li tiffoka fuq ir-reżiljenza, l-analiżi tal-vulnerabbiltajiet soċjali u territorjali, u t-tħejjija biex jiġu indirizzati r-riskji mhux magħrufa. Għaldaqstant, jenħtieġ li tiġi promossa kultura kondiviża ġdida li tqis ir-riskji u l-kriżijiet u tibbaża fuq il-prinċipju tat-tħejjija soċjetali; |
|
33. |
jipproponi, għalhekk, li tinħoloq skola Ewropea tar-riskji u l-kriżijiet li tipprovdi perkorsi ta’ taħriġ għal dawk li jfasslu l-politika u l-maniġers operattivi, tiżviluppa oqfsa professjonali u skema ta’ akkreditazzjoni biex jinħolqu komunitajiet professjonali koerenti u biex jiġu ffaċilitati l-mobilità u r-rikonoxximent reċiproku, tappoġġja t-taħriġ kontinwu, tiżviluppa networks u attivitajiet għall-iskambju tal-għarfien u l-esperjenza, torganizza workshops dwar l-esperjenza miksuba u dwar it-tfassil ta’ strateġiji u reazzjonijiet operattivi innovattivi; |
|
34. |
jirrimarka li filwaqt li l-kriżijiet globali jistgħu jseħħu barra mit-territorju Ewropew, l-effetti tagħhom jistgħu jaffettwaw kwalunkwe Stat Membru tal-UE, pereżempju fil-forma ta’ kriżi tar-refuġjati jew problemi fl-aċċess għal prodotti essenzjali. Għandhom isiru sforzi biex tissaħħaħ il-kapaċità li jiġu mbassra u evitati kriżijiet globali, permezz ta’ azzjonijiet konġunti, inkluż barra l-Unjoni Ewropea; |
|
35. |
jemmen li huwa fl-interess tal-Ewropa li tittieħed azzjoni fejn jitfaċċaw riskji ġodda, sabiex l-UE tkun inqas esposta għar-riskji. L-awtoritajiet rilevanti fl-UE jrid ikollhom il-mezzi biex jaħdmu f’network ma’ bosta korpi li l-KtR diġà huwa msieħeb tagħhom (inklużi, fil-livell internazzjonali, l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tnaqqis tar-Riskju tad-Diżastri — UNDRR, il-pjattaforma tiegħu dwar l-Ewropa u dwar l-Asja Ċentrali u l-Inizjattiva “Nagħmlu Bliet Reżiljenti 2030”) u biex jipparteċipaw f’azzjonijiet barra mill-fruntieri tal-UE, f’kooperazzjoni mal-pajjiżi kkonċernati, hekk kif jiġu identifikati r-riskji, u dan billi jimmobilizzaw riżorsi sinifikanti għal dan il-għan. Din il-kooperazzjoni trid tkopri wkoll il-fażi preparatorja u b’mod partikolari l-miżuri għall-prevenzjoni, għat-tnaqqis tal-vulnerabbiltajiet, u għat-tħejjija tas-soċjetajiet għall-kriżijiet. Għal dan il-għan, il-mekkaniżmi eżistenti u l-forums tal-partijiet interessati bħan-Network tal-Unjoni ta’ Għarfien dwar il-Protezzjoni Ċivili għandhom isaħħu s-sħubijiet mal-atturi tas-soċjetà ċivili, l-NGOs lokali; |
Soċjetajiet reżiljenti u proattivi biex jiġu indirizzati aħjar ir-riskji u l-kriżijiet
|
36. |
jemmen li wieħed mill-pedamenti tar-reżiljenza huwa l-kapaċità taċ-ċittadini li jimmobilizzaw ruħhom biex jiffaċċjaw l-ewwel sigħat ta’ kriżi huma u jistennew l-għajnuna tasal. Dan jinvolvi taħriġ minn qabel għal kull ċittadin, tħejjija għal kull unità domestika kif ukoll prattiki ta’ solidarjetà fil-livell lokali. L-Unjoni Ewropea għandha għalhekk tadotta “strateġija ta’ 72 siegħa biex jiġu indirizzati l-kriżijiet” adattata għal-livell lokali u li tqis l-ispeċifiċitajiet ta’ kull pajjiż u reġjun, b’mod partikolari abbażi tat-tagħlimiet mill-esperjenza ta’ pajjiżi bħall-Ġappun jew l-Istati Uniti; |
|
37. |
jixtieq jafferma żewġ fehmiet qawwija: l-aħjar mod kif tinbidel il-mentalità huwa bl-edukazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ; parteċipazzjoni ċivika, ħajja assoċjattiva u involviment volontarju b’saħħithom huma l-aħjar fatturi tar-reżiljenza tas-soċjetà. Fid-dawl ta’ dan, il-KtR jipproponi li l-objettivi tal-Unjoni relatati mar-reżiljenza għad-diżastri jiġu kkompletati bi tliet inizjattivi ewlenin ġodda:
|
|
38. |
jitlob ukoll li jiġu abbandunati l-approċċi għar-riskji abbażi tal-probabbiltà li sistematikament jissottovalutaw riskji sinifikanti ħafna, kif kien il-każ bl-epidemiji, sabiex ma jintużawx biss pjani ta’ azzjoni għall-ġestjoni tar-riskji ambjentali u industrijali magħrufa u probabbli, iżda pjuttost biex, f’kull belt, kontea u reġjun mingħajr eċċezzjoni, jiġu stabbiliti strateġija ta’ reżiljenza u pjattaforma ta’ mobilizzazzjoni lokali biex jiġu organizzati timijiet lokali ta’ reżiljenza u s-soċjetajiet jitħejjew għall-kriżijiet, b’attenzjoni partikolari għall-appoġġ tal-aktar popolazzjonijiet vulnerabbli; Dawn il-pjattaformi lokali ta’ reżiljenza għandhom jibbażaw fuq l-involviment taċ-ċittadini, iħeġġu approċċ interdixxiplinari, jippromovu l-iskambju tad-data u l-interoperabbiltà, irawmu l-kooperazzjoni, inkluża l-kooperazzjoni transfruntiera, jiffaċilitaw il-katina tar-rispons għall-kriżijiet u jibnu r-reżiljenza għall-kriżijiet; |
|
39. |
jappella għal azzjoni b’saħħitha biex jitnaqqas il-faqar diġitali, li huwa riskju addizzjonali f’kuntest ta’ kriżi peress li jħalli parti sinifikanti tal-popolazzjoni mingħajr aċċess għall-informazzjoni u s-servizzi essenzjali; jenfasizza l-ħtieġa li jinbena network ta’ punti ta’ aċċess fiżiku għall-informazzjoni, l-għajnuna u l-appoġġ umanitarju kemm jista’ jkun qrib il-popolazzjoni fil-bliet u r-reġjuni, u biex ikunu operattivi f’każ ta’ kriżi; |
RescEU u s-sistemi ta’ koordinazzjoni ta’ reazzjoni għal emerġenza
|
40. |
jappoġġja kwalunkwe investiment finanzjarju Ewropew biex jissaħħaħ il-programm rescEU sabiex mhux biss biex l-UE tkun tista’ tirrispondi aktar malajr u b’mod komprensiv u awtonomu, iżda wkoll biex jissaħħaħ ir-rwol tagħha fil-ġestjoni tar-riskji u tad-diżastri; |
|
41. |
jilqa’ l-inizjattiva ERCC 2.0, li għandha l-għan li ssaħħaħ il-kapaċità ta’ antiċipazzjoni, tbassir u tħejjija għal avvenimenti transsettorjali fil-livell tal-UE u li jissokta t-titjib u l-investiment fis-sistemi ta’ twissija bikrija biex jiżguraw li l-għoti ta’ informazzjoni bikrija u s-sensibilizzazzjoni jsiru realtà. Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jirrikonoxxi l-ħidma mwettqa mill-Kummissjoni Ewropea, f’konformità mal-mandat tagħha, fil-qasam tas-sistemi ta’ twissija bikrija u bħala parti mil-leġiżlazzjoni dwar il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili biex jiġu żviluppati sistemi ta’ detezzjoni, informazzjoni u twissija transfruntiera bħall-EFAS (Sistema Ewropea ta’ Sensibilizzazzjoni dwar l-Għargħar), l-EFFIS (Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni dwar in-Nirien fil-Foresti) u l-EDO (Osservatorju Ewropew tan-Nixfa); |
HERA u l-Unjoni Ewropea tas-Saħħa
|
42. |
jappoġġja l-HERA u l-azzjoni li twettqet fl-aħħar sena, b’mod partikolari biex jiġu identifikati r-riskji għas-saħħa, jiġu identifikati xenarji ta’ ġestjoni u kontromiżuri mediċi, jissaħħu l-ktajjen tal-valur u l-kapaċità li fl-Ewropa jiġu prodotti l-oġġetti u s-servizzi li neħtieġu; ifakkar li l-HERA għandha bżonn appoġġ politiku u finanzjarju mġedded u kontinwu għal diversi snin sabiex twettaq il-kompiti tagħha b’mod effettiv; |
|
43. |
jirrikonoxxi li huwa diffiċli li tiġi evalwata l-azzjoni tal-HERA wara sena waħda ta’ operat, iżda jtenni t-talba tiegħu għal involviment aħjar tal-Parlament Ewropew kif ukoll tal-bliet u r-reġjuni u l-partijiet ikkonċernati tas-soċjetà fil-korpi tal-HERA, b’mod partikolari l-Forum tagħha; |
|
44. |
jilqa’ l-użu ta’ approċċi ġodda tat-tip “Saħħa Waħda” biex jitkisser l-approċċ kompartimentalizzat għas-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali u s-saħħa ambjentali, u biex il-politiki tas-saħħa jiġu integrati f’approċċ koerenti għall-iżvilupp sostenibbli; |
|
45. |
itenni t-twissija b’saħħitha tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar l-isforzi insuffiċjenti li saru biex tissaħħaħ il-produzzjoni fl-Ewropa tal-prodotti u tal-mediċini li neħtieġu biex nindirizzaw il-kriżijiet tas-saħħa, u dwar il-prattiki tax-xerrejja pubbliċi li f’ħafna pajjiżi jiffavorixxu l-prezzijiet a skapitu tal-produzzjoni fl-Ewropa, u b’hekk jintesew it-tagħlimiet mill-kriżi tal-COVID-19; |
|
46. |
jipproponi li r-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa, inklużi l-kura tas-saħħa komunitarja u l-isptarijiet, għandha tiġi esplorata fil-kuntest ta’ “Ewropa tas-saħħa”, bl-involviment tal-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali rilevanti. Dan jinkludi l-iżgurar li l-kontinwità tal-kura tista’ tiġi garantita fi żminijiet ta’ kriżi permezz ta’ kapaċitajiet suffiċjenti ta’ akkoljenza diġà fis-seħħ jew temporanji. Għalhekk, il-KtR jitlob li jitnedew studji biex jiġu vvalutati l-konsegwenzi tal-posponimenti jew il-pawżi fil-kura dovuti għall-kriżi tal-COVID, b’mod partikolari għall-kanċers, il-mard kroniku u s-saħħa mentali; |
|
47. |
jitlob li d-dibattitu dwar l-użu tad-data dwar is-saħħa jiġi approfondit sabiex jiġu identifikati l-aktar popolazzjonijiet vulnerabbli għall-kriżijiet, u b’hekk ikun aktar faċli li dawn jingħataw appoġġ soċjali u jkomplu jirċievu kura medika. Għad li huwa konxju tal-isfidi etiċi u operattivi, il-KtR iħeġġeġ il-ħolqien ta’ “spazju Ewropew tad-data dwar is-saħħa” li jagħmilha possibbli li tinġabar id-data, tittejjeb il-kwalità tagħha u titqiegħed disponibbli għas-servizzi pubbliċi lokali; iwissi dwar ir-riskju li sezzjonijiet sħaħ tal-popolazzjoni ma jiġux inklużi fid-data dwar is-saħħa minħabba l-esklużjoni tagħhom jew id-distakk diġitali; |
Għal approċċ trasversali għall-vulnerabbiltà, it-tħejjija għall-kriżijiet u l-indirizzar tagħhom
|
48. |
jipproponi li l-indiċi u t-tabella ta’ valutazzjoni tal-vulnerabbiltà għandhom jitqiesu biex jiggwidaw l-iżviluppi tad-diversi politiki tal-Unjoni lil hinn mill-politika ta’ koeżjoni (bħal pereżempju fil-Politika Agrikola Komuni, il-politika tar-riċerka u l-innovazzjoni, jew l-Unjoni Ewropea tas-Saħħa). Sabiex titwettaq din l-azzjoni, task force bejn id-direttorati ġenerali fil-Kummissjoni tista’ tkun partikolarment utli; |
|
49. |
jappoġġja approċċ għar-reżiljenza sa mid-disinn (resilience by design) li jippermetti li l-impatti tar-reżiljenza u l-vulnerabbiltà jiġu inklużi diġà fl-istadji bikrija tat-tfassil tal-politiki pubbliċi, ir-regolamenti u l-pjani ta’ azzjoni, il-programmi ewlenin ta’ investiment, l-infrastruttura ewlenija, eċċ.; |
|
50. |
iqis li l-akkwist pubbliku għandu rwol ewlieni x’jaqdi biex joħroġ fid-dieher l-innovazzjonijiet, jesperimenta b’approċċi ġodda abbażi ta’ solidarjetà lokali u jsaħħaħ ir-reżiljenza tal-infrastruttura u t-tagħmir lokali; |
|
51. |
jippromovi l-ħolqien ta’ “missjoni” fi ħdan Orizzont Ewropa dwar ir-reżiljenza għar-riskji u l-kriżijiet (ġestjoni, tħejjija, kultura kondiviża, vulnerabbiltajiet), li tikkomplementa r-raggruppament ta’ riċerka “Sigurtà Ċivili għas-Soċjetà” li għandu jibqa’ ffukat fuq l-iżvilupp ta’ metodi u teknoloġiji, biex issir laboratorju ħaj għall-innovazzjoni u l-mobilizzazzjoni msejsa fuq ir-realtajiet tal-bliet u r-reġjuni. |
Brussell, l-24 ta’ Mejju 2023.
Vasco ALVES CORDEIRO
Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
(1) https://drmkc.jrc.ec.europa.eu/risk-data-hub/#/vulnerability-in-europe
L-indiċi tal-vulnerabbiltà jippermetti li ma titqisx biss il-ħidma mwettqa miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka fil-qafas tad-“Dashboard tar-Reżiljenza”, u jirrappreżenta approċċ usa’ tal-kapaċitajiet adattivi u antiċipatorji tas-soċjetajiet (https://commission.europa.eu/strategy-and-policy/strategic-planning/strategic-foresight/2020-strategic-foresight-report/resilience-dashboards_en).
(2) https://civil-protection-knowledge-network.europa.eu/about-knowledge-network
(3) Pereżempju fl-Iskozja: http://www.safercommunitiesscotland.org/wp-content/uploads/the-risk-factory.pdf; fin-Netherlands: https://www.riskfactorymwb.nl/over-ons/
|
21.7.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 257/12 |
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Analiżi ta’ nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali: il-perspettiva lokali u reġjonali”
(2023/C 257/03)
|
RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR)
|
1. |
jinnota li l-gwerra ta’ aggressjoni Russa fl-Ukrajna u l-okkupazzjoni kontinwa tat-territorji Ukreni bi ksur tad-dritt internazzjonali mhux biss qed jikkawżaw qerda u tbatija enormi fuq il-post, iżda qed ikollhom ukoll impatt tanġibbli fuq l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-awtoritajiet lokali u reġjonali kemm fiż-żoni rurali, kif ukoll f’dawk urbani; |
|
2. |
jinnota wkoll li l-Unjoni Ewropea għadha ma rkupratx kompletament mill-pandemija tal COVID-19, li diġà żiedet piż finanzjarju, b’mod partikolari fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali; |
|
3. |
jiġbed l-attenzjoni li l-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) eżistenti nħoloq qabel il-bidu tal-gwerra fl-Ukrajna, il-pandemija tal-COVID-19, l-ispejjeż għoljin tal-enerġija u l-inflazzjoni għolja. Sentejn wara l-adozzjoni tiegħu, huwa ċar li l-qafas attwali mhuwiex rispons adegwat għall-kriżijiet attwali; |
|
4. |
jilqa’, f’dan il-kuntest, l-obbligu tal-Kummissjoni Ewropea skont il-Ftehim Interistituzzjonali dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li tippreżenta analiżi ta’ nofs it-terminu tal-QFP u jappella għal valutazzjoni komprensiva tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, inklużi l-limiti massimi baġitarji u l-miżuri ta’ flessibbiltà tiegħu u kif jiffunzjona; |
|
5. |
jenfasizza l-importanza tal-prinċipji orizzontali li jirfdu l-QFP u l-politiki relatati kollha tal-UE, b’mod partikolari fir-rigward tat-twettiq tal-miri tal-Unjoni dwar il-klima u l-bijodiversità u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jinsisti li r-reviżjoni trid iżżomm dawn il-prinċipji fil-qalba tal-QFP u twettaq l-impenn tal-Unjoni li tiżgura rkupru ekwu, reżiljenti, sostenibbli u soċjalment ġust għal kulħadd, inkluża l-implimentazzjoni tal-qafas rivedut tal-2030 għall-miri klimatiċi, enerġetiċi u ambjentali tal-Unjoni bl-objettiv li l-UE ssir newtrali għall-klima sal-2050; |
|
6. |
jenfasizza li t-tfassil tal-QFP għandu impatt sinifikanti fuq l-iżviluppi fl-awtoritajiet lokali u reġjonali u li parti kbira mill-fondi Ewropej jintużaw direttament biex isaħħu l-awtoritajiet lokali u reġjonali; |
|
7. |
itenni l-importanza tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE fil-kisba tal-koeżjoni ekonomika, territorjali u soċjali fir-reġjuni kollha. Mingħajr dan il-pilastru ewlieni tal-appoġġ Ewropew, is-suċċess tas-suq uniku Ewropew ikun ipperikolat. Jimpenja ruħu li jaħdem fuq l-Alleanza għall-Koeżjoni biex jiżgura li l-futur tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali jipprevedi politika ta’ koeżjoni b’saħħitha u mtejba li tibqa’ taqdi rwol ċentrali fl-Ewropa; |
|
8. |
jinnota li r-rati baxxi ta’ assorbiment tal-fondi tal-UE fil-qasam tal-koeżjoni f’xi pajjiżi huma prinċipalment dovuti għall-approvazzjoni tard tal-programmi u l-fatt li għadd ta’ programmi differenti ta’ appoġġ tal-UE għandhom regoli u skadenzi differenti għall-impenji u li l-pagamenti jsiru b’mod parallel (eż. il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, REACT-UE, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF), il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej), u li l-perjodi ta’ ppjanar u ta’ implimentazzjoni għall-miżuri ta’ intervent ex post għall-kriżijiet huma qosra wisq; jappella sabiex jiġu allinjati r-regoli ta’ fondi differenti ta’ ġestjoni kondiviża skont ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni u jenfasizza li r-rati baxxi ta’ assorbiment attwali f’xi programmi ma jistgħux jintużaw bħala parametru referenzjarju biex jitnaqqas il-baġit allokat għall-fondi ta’ koeżjoni; |
QFP li jappoġġja l-investimenti fil-livell lokali u reġjonali
|
9. |
jenfasizza li l-inflazzjoni għolja, l-ispiża tal-akkomodazzjoni, il-kura u l-integrazzjoni tar-refuġjati u ż-żieda qawwija fl-ispejjeż tal-enerġija joħolqu wkoll sfidi kbar għall-awtoritajiet lokali u reġjonali. Anke fi Stati Membri ekonomikament aktar b’saħħithom, ħafna drabi l-awtoritajiet lokali ma jistgħux ikomplu jagħmlu l-investimenti meħtieġa permezz tar-riżorsi tagħhom stess. Barra minn hekk, l-iskarsezza tal-materja prima, in-nuqqas ta’ ħiliet u l-ktajjen tal-provvista instabbli joħolqu aktar sfidi li jheddu l-istabbiltà ekonomika fl-Ewropa; |
|
10. |
jirrimarka li aktar minn nofs ir-riżorsi tal-JTF ġejjin mill-istrument NextGenerationEU u għandhom biss durata mnaqqsa sal-2023; jinnota bi tħassib li b’riżultat ta’ dan, fl-ewwel snin tal-JTF kompletament ġdid hemm pressjoni enormi fuq l-investiment, li ma tidhirx fil-każ tal-fondi eżistenti tal-politika ta’ koeżjoni; jappella għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien għall-implimentazzjoni tal-investimenti tar-riżorsi tal-fond taħt NextGenerationEU (eż. permezz ta’ estensjoni tal-iskadenzi għall-impenn tal-fondi), sabiex ma jiġix kompromess il-ħruġ ta’ riżorsi u jiġi żgurat li r-riżorsi tal-JTF jintużaw fl-intier tagħhom għal proġetti effettivi u sostenibbli f’konformità mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; |
|
11. |
jirrimarka li, barra minn hekk, proporzjon kbir tar-rekwiżiti stabbiliti biex jintlaħqu l-miri Ewropej komuni għall-implimentazzjoni tagħhom jeħtieġu investiment sinifikanti fil-livell lokali u reġjonali, u b’hekk jaffettwaw direttament il-baġits sottonazzjonali. Dan japplika, pereżempju, għall-miri diġitali tal-UE, għall-Patt Ekoloġiku Ewropew u għall-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, li jirrikjedi li aktar minn nofs l-investimenti meħtieġa jsiru fil-livell lokali u reġjonali; |
|
12. |
jappella għat-tneħħija gradwali li ilha mistennija tas-sussidji dannużi u għal konsistenza bejn il-fondi u l-programmi kollha tal-UE fil-QFP ta’ wara l-2027; jinsisti li l-proġetti u l-programmi li huma inkonsistenti mal-objettiv li t-tisħin globali jiġi limitat għal inqas minn 1,5 oC, jew mal-objettiv li jitwaqqaf u jitreġġa’ lura t-telf tal-bijodiversità, ma għandhomx ikunu eliġibbli għall-appoġġ fil-QFP li jmiss; |
|
13. |
iwissi li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma mgħobbija bl-obbligi ta’ investiment eżistenti tagħhom minħabba s-sitwazzjoni baġitarja fqira f’ħafna postijiet u jibża’ li t-tnaqqis ġenerali fl-investiment pubbliku se jipperikola serjament il-kisba tal-objettivi pan-Ewropej, bħal dawk tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, u jhedded il-prosperità taċ-ċittadini u l-potenzjal ekonomiku ġenerali tar-reġjuni u l-muniċipalitajiet; |
|
14. |
iqis, għalhekk, li s-sempliċi tisħiħ tal-QFP mingħajr it-tisħiħ simultanju tal-kapaċità ta’ investiment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali mhuwiex kostruttiv f’dan il-kuntest; jemmen ukoll li huwa importanti, f’dan il-kuntest, li jiġi promoss l-użu ta’ strateġiji ta’ żvilupp deċentralizzati (CLLD/ITI), fejn meħtieġ permezz ta’ użu obbligatorju, sabiex il-livelli ta’ governanza l-eqreb taċ-ċittadini jiġu involuti fl-ippjanar, il-konsultazzjoni, l-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-fondi; |
|
15. |
jinnota li, għalkemm il-fondi Ewropej jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti għall-appoġġ tal-awtoritajiet sottonazzjonali, dawn mhux se jkunu biżżejjed fil-każijiet kollha biex jippermettu l-investimenti meħtieġa fil-livell lokali u reġjonali biex jiġu implimentati r-rekwiżiti Ewropej; |
|
16. |
jirrimarka, f’dan ir-rigward, li fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma hemm l-ebda mekkaniżmu li permezz tiegħu livelli ogħla ta’ gvern jikkumpensaw b’mod awtomatiku u sħiħ l-ispejjeż tal-implimentazzjoni tar-rekwiżiti Ewropej għall-awtoritajiet lokali jew reġjonali; |
|
17. |
jemmen li Unjoni Ewropea b’saħħitha, kompetittiva u sostenibbli tista’ tinkiseb biss jekk il-baġits tal-livelli kollha tal-gvern ikollhom riżorsi suffiċjenti, interkonnessi u komplementari; jappella, għalhekk, għal reviżjoni ġenwina tal-QFP, li għandha tqis l-isfidi l-ġodda u tipprovdi riżorsi addizzjonali biex tindirizzahom; |
|
18. |
iqis li, meta jitressqu proposti leġiżlattivi ġodda tal-UE, il-Kummissjoni għandha tistma l-ispiża tal-implimentazzjoni fil-livell responsabbli, tqis jekk jeżistux mekkaniżmi ta’ kumpens fil-livell nazzjonali u tiddetermina sa liema punt ir-riżorsi tal-QFP se jikkontribwixxu għat-tpaċija tal-ispejjeż; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw id-disponibbiltà ta’ mezzi adegwati biex jikkumpensaw għan-nefqa f’każ ta’ diskrepanza fl-investiment sabiex jiġi żgurat żvilupp komprensiv u koerenti; |
|
19. |
sabiex tivvaluta dawn l-aspetti, jistieden lill-Kummissjoni Ewropea twettaq valutazzjoni tal-impatt territorjali komprensiva, li għandha tinvolvi kemm lill-Istati Membri kif ukoll liċ-ċentri reġjonali, qabel ma tfassal ir-regoli; |
|
20. |
jenfasizza li t-Tmien Rapport dwar il-Koeżjoni jitlob li jissaħħu l-valutazzjonijiet tal-impatt territorjali u l-verifika rurali, sabiex jitqiesu aħjar il-ħtiġijiet u l-ispeċifiċitajiet tat-territorji differenti tal-UE; jirreferi f’dan ir-rigward għall-Opinjoni tal-KtR La tagħmilx ħsara lill-koeżjoni – Prinċipju trasversali li jikkontribwixxi għall-koeżjoni bħala objettiv u valur ġenerali tal-UE (1); jistieden lill-awtorità baġitarja tuża l-analiżi tal-QFP biex iżżid mezzi finanzjarji għall-finanzjament ta’ dawk il-valutazzjonijiet tal-impatt territorjali. |
QFP li jsaħħaħ l-Unjoni Ewropea u jagħmilha aktar reżiljenti
|
21. |
jinnota li f’dawn l-aħħar snin, f’każ ta’ kriżi, l-Unjoni Ewropea ġiet ristretta fir-rispons tagħha minħabba diskussjonijiet twal dwar il-baġit, il-finanzjament ta’ miżuri ġodda u l-insuffiċjenza ta’ strumenti ta’ flessibilità baġitarja disponibbli; jenfasizza l-konvinzjoni tiegħu li ntlaħaq qbil dwar l-analiżi ta’ nofs it-terminu tal-QFP biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi ġodda imprevedibbli; |
|
22. |
iqis li l-Qafas Finanzjarju Pluriennali m’għadux rilevanti għaż-żminijiet tal-lum u jeħtieġ li jiġi rivedut; |
|
23. |
jirrimarka li l-QFP u r-riżorsi proprji huma interkonnessi; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jirrispettaw il-pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda, kif miftiehem fil-Ftehim Interistituzzjonali (FII) legalment vinkolanti ffirmat f’Diċembru 2020, li huwa meħtieġ biex tal-inqas ikopri r-rimborż tan-NextGenerationEU; |
|
24. |
jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea se tippreżenta proposti għal riżorsi proprji ġenwini addizzjonali fl-2023; jenfasizza li dan id-dħul ġdid għandu jidħol fil-baġit tal-UE bħala dħul mhux assenjat u mhux biss iservi biex jiffinanzja mill-ġdid id-dejn tan-NextGenerationEU, iżda wkoll, fuq perjodu twil, isaħħaħ il-kapaċità tal-UE, tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jirrispondu għall-kriżijiet skont it-tifsira tal-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Dan għandu jgħin ukoll biex, fil-qafas tal-leġiżlazzjoni primarja u billi jitqiesu bis-sħiħ il-kompetenzi tal-Istati Membri, jiġu indirizzati problemi politiċi urġenti f’ambjent ekonomiku kkaratterizzat minn inflazzjoni u prezzijiet għoljin tal-enerġija, u biex titnaqqas id-dipendenza tal-UE mir-riżorsi bbażati fuq l-introjtu nazzjonali gross. Ir-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji għandha teżamina l-impatti fuq il-muniċipalitajiet u r-reġjuni bħala parti mill-valutazzjonijiet tal-impatt territorjali, tqis bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat tal-UE u tkompli tillimita d-dipendenza tal-UE mir-riżorsi proprji eżistenti bbażati fuq l-introjtu nazzjonali gross; |
|
25. |
jirrimarka li qabel ma jinġabru riżorsi proprji ġodda, għandu jiġi eżaminat l-impatt tagħhom fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali, in-negozji u l-unitajiet domestiċi fl-UE. B’mod partikolari, għandhom jitqiesu s-sistemi eżistenti ta’ tassazzjoni fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex tiġi evitata l-kompetizzjoni bejn il-livelli Ewropej u nazzjonali, reġjonali jew lokali, jew saħansitra t-tassazzjoni doppja. F’dan il-kuntest, il-Kumitat jirreferi wkoll għall-opinjoni tal-KtR dwar Il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ riżorsi proprji għall-baġit tal-UE (2); |
|
26. |
itenni t-talba tiegħu fl-Opinjoni Nagħmlu l-ETS u s-CBAM jaħdmu għall-bliet u r-reġjuni tal-UE (3) biex jiġi allokat sehem ta’ dħul ġdid direttament lil-livell responsabbli għall-implimentazzjoni tar-regoli rilevanti tal-UE; |
|
27. |
jemmen li l-QFP għandu jikkontribwixxi għad-deċentralizzazzjoni billi jsaħħaħ ir-reżiljenza u l-kapaċità ta’ investiment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fuq il-post. L-akkomunament tal-kapaċitajiet fil-livell Ewropew m’għandux ikun għad-detriment tar-reżiljenza tal-kriżi u l-kapaċità ta’ rispons tal-awtoritajiet sottonazzjonali; |
|
28. |
iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tanalizza mudelli possibbli ta’ parteċipazzjoni fin-negozjati, id-distribuzzjoni, l-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-fondi ta’ koeżjoni (b’mod partikolari l-Fondi RDK u l-FAEŻR) sabiex tottimizza l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-istadji kollha tal-ġestjoni tal-fondi tal-UE fil-perjodu 2028-2034. It-tagħlimiet miksuba mill-ewwel nofs tal-QFP għandhom jintużaw fit-twettiq ta’ din l-analiżi; |
|
29. |
jissuġġerixxi li għandha tiġi stabbilita riżerva ċentrali u komprensiva għar-rispons għall-kriżijiet fil-QFP, li, jekk ma tintużax sal-aħħar tal-perjodu baġitarju, għandha tintuża taħt il-fond rilevanti biex tissaħħaħ il-prevenzjoni tal-kriżijiet fil-livell lokali u reġjonali, b’perjodi ta’ implimentazzjoni itwal għall-miżuri li diġà ġew programmati; |
|
30. |
itenni li r-rikostruzzjoni tal-Ukrajna hija neċessità u dmir morali għall-Ewropa, li se jirrikjedu koordinazzjoni fl-Ewropa kollha ta’ azzjonijiet ta’ appoġġ dirett mill-Istati Membri u riżorsi addizzjonali lil hinn mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) attwali tal-UE (4); dan tal-aħħar jista’ jiġi pprovdut billi, fost affarijiet oħra, tiġi żviluppata aktar il-Pjattaforma għall-Koordinazzjoni tad-Donaturi għall-Ukrajna, li hija appoġġjata mill-Kummissjoni. L-istrateġija ta’ rikostruzzjoni għandha tibni kemm jista’ jkun fuq il-metodoloġija tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE sabiex l-Ukrajna titħejja bl-aħjar mod għat-triq lejn l-adeżjoni mal-UE u tal-approssimazzjoni mal-acquis tal-UE. |
QFP li jiffinanzja l-implimentazzjoni tal-politiki Ewropej b’mod adegwat
|
31. |
jinnota li, fil-passat, il-Kummissjoni Ewropea regolarment ipproponiet miżuri ġodda u, fir-rigward ta’ finanzjament, għamlet referenza ġenerali għall-politika reġjonali jew il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza mingħajr ma vverifikat jekk il-fondi humiex disponibbli biex jiffinanzjaw il-miżuri fuq il-post abbażi tal-programmi jew tal-pjani; |
|
32. |
jenfasizza, f’dan il-kuntest, li kompiti ġodda għall-Unjoni Ewropea jeħtieġu wkoll riżorsi ġodda u jilqa’ l-adozzjoni tal-ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda. Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ politiki Ewropej ġodda, il-Kummissjoni Ewropea hija mistiedna tikkunsidra jekk il-fondi humiex disponibbli għal dan l-għan fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali u jekk dawn il-fondi jistgħux jintużaw fl-Istati Membri kollha biex jimplimentaw ir-regoli. Fir-rigward tal-fondi tal-politika reġjonali, għandu jiġi kkunsidrat bir-reqqa jekk il-fondi eżistenti jkunux diġà ġew impenjati xi mkien ieħor jew jekk l-użu tagħhom jirrikjedix aġġustament tal-programmi operazzjonali; |
|
33. |
jappella sabiex il-QFP ikun allinjat mal-politiki tal-UE u jipprovdi l-mezzi finanzjarji meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħhom; jenfasizza li l-analiżi tal-QFP għandha tintuża biex jiġu aġġustati n-nuqqasijiet fil-baġit pluriennali attwali; |
|
34. |
jenfasizza li l-Kummissjoni Ewropea trid tiżgura li l-Unjoni tissodisfa l-impenji internazzjonali tagħha dwar il-klima f’termini finanzjarji u tipprovdi fondi għall-finanzjament internazzjonali għall-klima f’konformità mal-wegħdiet li saru, u b’mod partikolari biex tipprovdi finanzjament għall-Fond għat-Telf u l-Ħsara li ntlaħaq qbil dwaru matul il-COP27 u l-programmi rilevanti fl-ambitu tal-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI-Ewropa Globali); |
|
35. |
jirrimarka li, minn mindu nħoloq kważi tletin sena ilu, il-KtR ma kienx iffinanzjat biżżejjed meta mqabbel ma’ korpi oħra tal-UE b’mandat simili taħt il-liġi primarja (5); madankollu, ippromova b’mod effettiv regolamentazzjoni aħjar u miżuri ta’ valutazzjoni tal-impatt territorjali u saħħaħ id-demokrazija Ewropea permezz ta’ rappreżentanti lokali u reġjonali eletti; |
|
36. |
ifakkar li l-baġit istituzzjonali tal-KtR fl-2022 jirrappreżenta inqas minn 1 % tal-linja baġitarja 7 tal-baġit tal-UE (“Amministrazzjoni Pubblika Ewropea”) (6), u li l-investiment fil-KtR huwa dwar it-twettiq tal-prijoritajiet politiċi tal-UE, meta tqis li 70 % tal-miri tal-UE huma implimentati fil-livell lokali u reġjonali u li, bħala medja, l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma responsabbli għal nofs l-investiment pubbliku, terz tan-nefqa pubblika u kwart tad-dħul mit-taxxa; |
|
37. |
jenfasizza, għalhekk, li għandu jsir aktar użu mill-flus tal-kontribwenti permezz tal-kapitolu amministrattiv tal-QFP (intestatura baġitarja 7) sabiex terġa’ tinkiseb il-fiduċja u jissaħħaħ id-djalogu maċ-ċittadini, b’mod partikolari permezz taż-żewġ assembleji politiċi tal-UE, magħmula minn membri eletti demokratikament, jiġifieri l-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, u fl-istess ħin jitqies il-livell għoli ta’ fiduċja taċ-ċittadini f’dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell reġjonali u lokali tagħhom u l-proposti tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa (7); |
|
38. |
jiddispjaċih li l-proposta konsolidata tal-Kummissjoni Ewropea għall-Baġit 2024 taħt l-intestatura 7 tal-QFP (“Amministrazzjoni Pubblika Ewropea”) ma tinkludix l-istimi baġitarji tal-KtR għall-2024, adottati b’maġġoranza kbira fil-15 ta’ Marzu 2023 (il-proġett “Nisfruttaw il-potenzjal tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex insaħħu l-UE” jew il-proġett “Cinderella”), speċjalment fid-dawl tal-istadju eċċezzjonali li qed joqrob tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2024, il-benefiċċji mistennija mir-riżultati tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa u t-tagħlimiet meħuda mill-kriżijiet multipli li l-livelli lokali u reġjonali tal-gvern qed jiffaċċjaw dejjem aktar l-ewwel linja; |
QFP li jippromovi l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali
|
39. |
jappella sabiex il-qafas finanzjarju pluriennali ġenerali jkun allinjat mal-objettivi tal-Artikolu 174 tat-TFUE u jikkontribwixxi għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali ġenerali permezz ta’ distribuzzjoni bbilanċjata tar-riżorsi. B’dan il-mod, irid jiġi żgurat ukoll li l-muniċipalitajiet iż-żgħar ikollhom aċċess ugwali għall-finanzjament b’mod partikolari billi jiġu ssemplifikati l-proċeduri ta’ applikazzjoni u l-appoġġ immirat mill-Unjoni Ewropea; |
|
40. |
jirrimarka li l-objettivi tal-politika ta’ koeżjoni Ewropea jistgħu jintlaħqu biss jekk il-fondi jkunu disponibbli għal investiment fit-tul. Il-politika ta’ koeżjoni wriet li hija għodda utli għal rispons immedjat għall-kriżijiet reċenti, fost l-oħrajn, permezz tal-aġilità u l-effettività tal-prinċipju tas-sħubija u l-governanza f’diversi livelli u l-eżistenza ta’ ekosistema speċjalizzata ta’ maniġers tal-fondi Ewropej ibbażati fuq il-post. Madankollu, jinnota li għalkemm irid ikun hemm ċerta flessibbiltà, il-fondi ma jridux jintużaw għal rispons immedjat għall-kriżijiet, kif sar f’dawn l-aħħar xhur u snin. Hemm bżonn ta’ partita baġitarja protetta u reżistenti għall-kriżijiet li tippermetti investimenti prevedibbli u fit-tul għall-awtoritajiet maniġerjali u għall-benefiċjarji tal-finanzjament; |
|
41. |
jenfasizza li huwa importanti ferm li l-pakketti nazzjonali ta’ koeżjoni jkunu disponibbli għall-Istati Membri kollha malajr kemm jista’ jkun skont ir-rekwiżiti legali, sabiex ma tiġix imxekkla l-implimentazzjoni u jiġu pprovduti kundizzjonijiet ekwivalenti għall-benefiċjarji kollha; |
|
42. |
jappella sabiex il-fondi kollha jkomplu jitqassmu b’rispett sħiħ tal-prinċipju tas-sħubija. Il-fondi jistgħu jkunu l-aktar ta’ benefiċċju jekk l-imsieħba rilevanti jkunu involuti fl-identifikazzjoni tal-isfidi fuq il-post. Sabiex jiġi żgurat l-involviment sħiħ, tiżdied iċ-ċertezza legali għall-awtoritajiet ta’ ġestjoni u jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi, il-Kummissjoni Ewropea hija mistiedna tirrevedi l-“Kodiċi tal-kondotta Ewropea dwar sħubija fil-qafas ta’ Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej” (8) malajr kemm jista’ jkun; |
|
43. |
iqis li s-sistema ta’ ġestjoni kondiviża kienet ta’ suċċess għall-Fondi Strutturali u għandha tinżamm fil-futur. Anke l-fondi li jinħoqu ġodda u dawk eżistenti għandhom isegwu din is-sistema u, jekk possibbli, jitqassmu taħt ġestjoni deċentralizzata; |
|
44. |
f’dan il-kuntest, jikkritika l-fatt li l-fondi għall-irkupru wara l-kriżi (NextGenerationEU) mhumiex formalment parti mill-baġit u li din l-istruttura tagħmilha diffiċli li r-riżorsi jintużaw b’mod koerenti. Il-fondi attwali u futuri kollha għandhom jiġu integrati bis-sħiħ fil-baġit; |
|
45. |
jappella sabiex jiżdiedu l-isforzi biex jitnaqqsu d-disparitajiet li żdiedu fil-livell lokali u reġjonali fl-Ewropa bħala riżultat tad-diversi kriżijiet; |
|
46. |
jenfasizza li bosta reġjuni b’bażi industrijali b’saħħitha għaddejjin minn trasformazzjoni strutturali profonda; jappella, f’dan ir-rigward, sabiex il-politika ta’ investiment u koeżjoni futura tikkontribwixxi għat-trasformazzjoni u li r-reġjuni kkonċernati jingħataw appoġġ immirat fit-tiswir tat-tranżizzjoni ekoloġika, soċjali, demografika u diġitali, u li jiġi rrispettat il-prinċipju “la tagħmilx ħsara lill-koeżjoni”, li bis-saħħa tiegħu “l-ebda azzjoni ma għandha tfixkel il-proċess ta’ konverġenza jew tikkontribwixxi għad-disparitajiet reġjonali”; |
|
47. |
f’dan ir-rigward, fil-proċess tal-abbozzar u l-implimentazzjoni tal-fond ta’ tranżizzjoni, m’għandhomx jitqiesu biss dawk it-territorji li jiffaċċjaw l-akbar għadd ta’ sfidi, iżda wkoll dawk li diġà bdew, f’xi livell, it-tranżizzjoni tagħhom. Barra minn hekk, jekk l-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali (LRAs) ma jkunux involuti sew f’dan il-proċess, hemm riskju ta’ allokazzjoni żbilanċjata tal-fondi, mingħajr ma tingħata prijorità lil-livell NUTS 3; |
|
48. |
jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tipprovdi r-riżorsi baġitarji għat-tranżizzjoni ġusta tar-reġjuni awtomobilistiċi sa mhux aktar tard mit-tfassil tal-QFP li jmiss mill-2028 ’il quddiem, iżda idealment anke qabel, waqt ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-QFP attwali. F’dan il-kuntest, ir-reġjuni jridu jingħataw flessibbiltà fl-użu tal-finanzjament, peress li l-isfidi jvarjaw ħafna; |
QFP li jagħmel l-aktar użu effiċjenti tar-riżorsi eżistenti
|
49. |
jistieden lill-Kummissjoni Ewropea, għalhekk, teżamina kif il-fondi eżistenti jistgħu jintużaw bl-aktar mod effiċjenti. Ir-rekwiżiti fil-livell Ewropew għandhom jiżguraw li mhux biss il-baġit tal-Unjoni Ewropea, iżda wkoll il-baġits lokali u reġjonali jkunu jistgħu jintużaw bl-aktar mod effiċjenti possibbli u li l-burokrazija żejda ma tagħmilx l-użu tar-riżorsi diffiċli; |
|
50. |
huwa tal-fehma li r-regoli tal-UE u l-implimentazzjoni nazzjonali tagħhom fl-Istati Membri, filwaqt li jitqiesu bis-sħiħ il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-awtonomija lokali, għandhom, kull fejn ikun possibbli, jagħtu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali diskrezzjoni wiesgħa sabiex jippermettu approċċi bbażati fuq il-post u prattiċi; |
|
51. |
jirrimarka, barra minn hekk, li, b’mod partikolari fl-għajnuna mill-Istat u l-liġi dwar l-akkwist pubbliku, id-densità regolatorja u l-kumplessità tal-kwistjoni huma għoljin. Proporzjon sinifikanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali m’għadhomx f’pożizzjoni li jwettqu l-valutazzjoni legali u teknika sħiħa tal-proġetti huma stess u huma obbligati jfittxu parir legali u tekniku minn partijiet terzi. Il-fondi użati għal dan ma jistgħux jintużaw għal investimenti; dan jillimita b’mod sinifikanti l-kapaċità tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jinvestu; jistieden lill-awtorità leġiżlattiva tiżgura miżuri ta’ semplifikazzjoni u jenfasizza l-ħtieġa li tiġi evitata r-regolamentazzjoni żejda; il-finanzjament huwa mitlub ukoll biex tittejjeb il-kapaċità amministrattiva reġjonali u lokali; |
|
52. |
jinnota wkoll, f’dan il-kuntest, li proċeduri ta’ akkwist twal jagħmluha ħafna aktar diffiċli biex jiġu implimentati proġetti fil-perjodu tal-proġett jew tal-finanzjament; |
|
53. |
jappella sabiex tissaħħaħ il-kompetittività tal-UE u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħha, li r-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat jiġu adattati biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti għall-investiment fit-teknoloġiji futuri u l-produzzjoni tagħhom għar-reġjuni kollha; |
|
54. |
iqis li għandhom jiġu esplorati wkoll possibbiltajiet ulterjuri għas-semplifikazzjoni tal-applikazzjonijiet u l-ġestjoni fil-qasam tar-regolamenti dwar il-Fondi Strutturali; jipproponi li jiġu identifikati l-piżijiet amministrattivi mill-Kummissjoni u l-Istati Membri, u li jitqiesu l-karatteristiċi, id-differenzi u l-objettivi tar-reġjuni meta tiġi definita l-għajnuna. Pereżempju, il-koerenza tal-fondi differenti fil-livell Ewropew u l-interazzjoni tagħhom mal-finanzjament nazzjonali u reġjonali għandhom jittejbu. Jenfasizza wkoll il-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi, iż-żoni rurali u t-territorji bi żvantaġġi naturali u/jew sfidi demografiċi u jappella għal derogi minn ċerti obbligi li, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, jistgħu jittieħdu b’mod effettiv biss minn benefiċjarji b’baġit, tagħmir u popolazzjoni akbar. Barra minn hekk, l-użu flessibbli tal-fondi, kif sar possibbli b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19, għandu jiġi previst ukoll fit-tul. Minn naħa, dan inaqqas il-piżijiet amministrattivi u, min-naħa l-oħra, jibbenefika mis-semplifikazzjoni, b’mod partikolari għal muniċipalitajiet u negozji iżgħar; |
|
55. |
iqis li “fond għas-sovranità” possibbli tal-Unjoni Ewropea, b’reazzjoni għal-liġi tal-Istati Uniti dwar it-tnaqqis tal-inflazzjoni, għandu jappoġġja lill-kumpaniji Ewropej permezz ta’ garanziji, simili għall-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), billi jingrana r-riżorsi baġitarji rilaxxati, iżda b’bilanċ ġeografiku mtejjeb li jqis żoni inqas żviluppati b’mod aktar ġust u flessibbli. |
Brussell, l-24 ta’ Mejju 2023.
Vasco ALVES CORDEIRO
Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
(1) COTER-VII/026 (ara l-paġna 16 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Il-ġenerazzjoni li jmiss tar-riżorsi proprji tal-Baġit tal-UE” (ĠU C 79, 2.3.2023, p. 99).
(3) Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Nagħmlu l-ETS u s-CBAM jaħdmu għall-bliet u r-reġjuni tal-UE (ĠU C 301, 5.8.2022, p. 116).
(4) Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Ir-rwol tal-bliet u r-reġjuni tal-UE fir-rikostruzzjoni tal-Ukrajna (ĠU C 498, 30.12.2022, p. 12), paragrafu 3.
(5) Tisħiħ tad-Demokrazija tal-UE: l-isfruttar tal-potenzjal ta’ miljun politiku lokali u reġjonali, Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, p. 6.
(6) Il-154 sessjoni plenarja tal-KtR, 15.3.2023 — Appendiċi 1, Abbozz ta’ baġit dettaljat tal-KtR għall-2024, COR-2023-00005-01-00-NB-REF, p. 9.
(7) Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa (CoFoE), Rapport dwar l-Eżitu Finali, Mejju 2022, inkluż it-tisħiħ tad-demokrazija rappreżentattiva “mhux biss matul l-elezzjonijiet Ewropej iżda wkoll qabel l-elezzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali” (proposta 38.4 tal-CoFoE), l-involviment fi kwistjonijiet tal-Unjoni dwar is-saħħa (proposta 10.2 tal-CoFoE) u l-istabbiliment ta’ kunsilli lokali taż-żgħażagħ (proposta 36.8 tal-CoFoE).
(8) Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 240/2014 tas-7 ta’ Jannar 2014 dwar il-kodiċi tal-kondotta Ewropea dwar sħubija fil-qafas ta’ Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (ĠU L 74, 14.3.2014, p. 1).
|
21.7.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 257/18 |
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar qgħad fit-tul żero: il-perspettiva lokali u reġjonali
(2023/C 257/04)
|
RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR)
Introduzzjoni
|
1. |
ifakkar li l-UE stabbiliet bħala objettiv “[l]-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa mibni fuq tkabbir bilanċjat u stabbiltà tal-prezzijiet, ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, intiża li twassal għal livell massimu ta’ mpjieg u progress soċjali” (1); |
|
2. |
jenfasizza li l-qgħad fit-tul, definit mill-Eurostat bħala l-għadd ta’ persuni qiegħda u li ilhom ifittxu impjieg b’mod attiv għal mill-inqas sena (2), għadu sfida għall-UE biex tilħaq dan l-objettiv. Fl-2021, il-qgħad fit-tul kien għadu jirrappreżenta 2,8 % tal-popolazzjoni attiva fl-Ewropa, jew kważi 6 miljun persuna (3); |
|
3. |
jenfasizza li fl-2021, 3,5 % tal-persuni ta’ bejn il-15 u d-29 sena (4), jiġifieri aktar minn 2,5 miljun żagħżugħ u żagħżugħa fl-Ewropa, kienu f’sitwazzjoni ta’ qgħad fit-tul; |
|
4. |
jenfasizza li kważi kwart tal-persuni ta’ bejn il-15 u l-64 sena fl-Ewropa huma inattivi (5), li jinkludu persuni mingħajr impjieg li waqfu jfittxu b’mod attiv minħabba skoraġġiment jew li m’għadhomx jingħaddu mill-istatistika dwar il-qgħad; |
|
5. |
ifakkar li rata għolja ta’ qgħad fit-tul hija sinjal li s-suq tax-xogħol mhuwiex jiffunzjona tajjeb: li jfisser telf tar-riżorsi umani u l-ħiliet tal-persuni qiegħda, telf tal-kontribuzzjonijiet soċjali, u telf tal-attività ekonomika. |
|
6. |
ifakkar fl-impatt soċjali tal-qgħad fit-tul, u li aktar ma jkun twil il-perjodu ta’ qgħad aktar tkun diffiċli r-riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol; |
|
7. |
ifakkar fl-ispiża għolja tal-qgħad fit-tul għas-soċjetà, u jenfasizza mill-ġdid (6) l-importanza tal-ġlieda kontra l-qgħad fit-tul sabiex tiġi żgurata l-koeżjoni soċjali u tiġi evitata l-marġinalizzazzjoni ta’ parti mill-popolazzjoni; |
|
8. |
ifakkar li l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jiddikjara li “[k]ulħadd għandu d-dritt għal assistenza f’waqtha u mfassla apposta biex jittejbu l-opportunitajiet ta’ impjiegi jew il-prospetti ta’ impjiegi indipendenti” u li “[d]awk qiegħda fit-tul għandhom id-dritt għal valutazzjoni individwali fil-fond sa mhux aktar tard minn 18-il xahar ta’ qgħad” (7); |
|
9. |
ifakkar li l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jistabbilixxi objettiv ċar f’termini ta’ impjiegi u tnaqqis tal-faqar, u li d-Dikjarazzjoni ta’ Porto (8) tikkonferma dawn l-objettivi billi tenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati r-riskji tal-esklużjoni għal gruppi soċjali partikolarment vulnerabbli, b’mod partikolari l-persuni qiegħda fit-tul; |
|
10. |
jenfasizza li tħejjija aħjar ta’ dawk li qed ifittxu impjieg għall-aspettattivi tas-suq tax-xogħol tikkontribwixxi għat-titjib tal-prospetti ta’ impjieg tagħhom, u jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea biex ittejjeb l-akkwist kontinwu u t-tiġdid tal-ħiliet professjonali, inkluża l-proposta tagħha biex l-2023 tkun is-Sena Ewropea tal-Ħiliet; |
|
11. |
jinnota b’dispjaċir, madankollu, in-nuqqas ta’ inizjattiva biex jiġi indirizzat il-qgħad fit-tul wara li ħarġet ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2016 (9), minkejja l-fatt li l-Istati Membri kollha għadhom qed iħabbtu wiċċhom miegħu; |
|
12. |
jenfasizza li għal dawk l-aktar maqtugħin mis-suq tax-xogħol, inklużi dawk li huma qiegħda fit-tul, l-aċċess għat-taħriġ għadu ta’ spiss diffiċli u ma jippermettix li jintegraw ruħhom fis-suq tax-xogħol waħidhom; |
|
13. |
itenni l-osservazzjoni tiegħu li “meta d-domanda għax-xogħol tistaġna [jew f’settur professjonali jew fil-livell lokali], [i]kun diffiċli għal persuna qiegħda biex issib xogħol, anke jekk ikollha programm ta’ taħriġ personalizzat” (10); |
|
14. |
jenfasizza l-ħtieġa li tiġi offruta soluzzjoni ta’ impjieg għal kulħadd, inklużi l-persuni qiegħda fit-tul; |
L-approċċ ta’ “żero persuni qiegħda fit-tul”, innovazzjoni lokali għar-ritorn fl-impjieg
|
15. |
jinnota li ċ-ċaħda ta’ impjieg tiswa aktar mill-ħolqien ta’ impjiegi addizzjonali; |
|
16. |
jenfasizza n-natura innovattiva u l-approċċ tal-ekonomija soċjali u solidali ta’ għadd ta’ esperimenti bħat-“territorji b’żero persuni qiegħda fit-tul”, u jinnota li dawn l-inizjattivi kollha jidderieġu mill-ġdid l-ispiża tal-qgħad fit-tul lejn il-ħolqien ta’ impjiegi deċenti, utli għar-reġjuni fejn ġew żviluppati; |
|
17. |
jinnota li dawn l-inizjattivi twettqu f’mill-inqas erba’ Stati Membri tal-UE: fi Franza sa mill-2016, fil-Belġju sa mill-2022, u bl-isem “garanzija ta’ impjieg” fi Gramatneusiedl fl-Awstrija u “Basisbaan” fi Groningue fin-Netherlands mill-2020 ’l hawn; |
|
18. |
jinnota li dawn l-inizjattivi huma fil-biċċa l-kbira bbażati fuq prinċipji komuni:
|
|
19. |
jinnota li dawn l-inizjattivi huma parti mill-erba’ oqsma ta’ azzjoni enfasizzati fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2016 dwar il-qgħad fit-tul, jiġifieri mobilizzazzjoni aħjar ta’ persuni qiegħda fit-tul, approċċ individwalizzat, kooperazzjoni akbar tal-atturi tal-impjieg fil-livell lokali, u sħubija mal-impjegaturi lokali u l-komunitajiet lokali; jenfasizza, barra minn hekk, li r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2023 (11) dwar introjtu minimu adegwat titlob li jingħata appoġġ għall-opportunitajiet ta’ xogħol fis-settur tal-ekonomija soċjali u li jingħata appoġġ individwalizzat; |
|
20. |
jinnota li l-attivitajiet żviluppati fit-“territorji b’żero persuni qiegħda fit-tul” jew fil-qafas tal-“garanzija ta’ impjieg” u l-inizjattiva “Basisbaan” jippermettu li tiġi offruta firxa usa’ ta’ servizzi disponibbli u aċċessibbli għall-persuni u n-negozji fit-territorji, fl-oqsma soċjali, ambjentali jew kummerċjali, liema servizzi s’issa ma ġewx ipprovduti mill-awtoritajiet pubbliċi jew minn atturi privati lokali; |
|
21. |
jinnota li l-attivitajiet żviluppati fit-“territorji b’żero persuni qiegħda fit-tul” jew fil-qafas tal-“garanzija ta’ impjieg” u l-inizjattiva “Basisbaan” fil-fatt żviluppaw offerti ta’ attivitajiet varji bħat-tkabbir tal-ħxejjex għas-suq, ir-riċiklaġġ, it-tiswija tar-roti, it-tindif tal-bini tal-assoċjazzjonijiet, is-servizzi lin-negozji, is-servizzi ta’ purtinerija, il-kunsinna, il-ħwienet tal-merċa ta’ solidarjetà, il-kura lill-persuni, u attivitajiet oħra tal-ekonomija ċirkolari, u b’hekk jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp tal-provvista tal-kura lill-persuni fl-UE; |
|
22. |
jenfasizza li, minbarra l-benefiċċju ekonomiku individwali u kollettiv tar-riintegrazzjoni fl-impjieg, dawn l-inizjattivi jgħinu biex itejbu l-aċċess għall-opportunitajiet ta’ taħriġ u l-perspettivi tas-saħħa, inklużi s-saħħa mentali, l-interazzjoni u l-inklużjoni soċjali, u l-benesseri ta’ persuni qiegħda fit-tul, u fl-istess ħin isaħħu l-koeżjoni soċjali tal-komunitajiet ikkonċernati; |
|
23. |
jinnota li dawn l-inizjattivi jirrikjedu l-konsultazzjoni u l-koordinazzjoni tal-partijiet interessati lokali fil-qasam tal-impjieg, inklużi s-servizzi ta’ sostenn soċjali, sabiex jinbena kunsens fil-livell lokali, u jenfasizza l-importanza tal-konsultazzjoni u l-kokreazzjoni mal-atturi ekonomiċi lokali, mas-servizzi ta’ sostenn u mal-imsieħba soċjali biex dawn l-inizjattivi jiġu aċċettati u jirnexxu; |
|
24. |
jenfasizza li din il-kokreazzjoni hija ta’ benefiċċju għall-atturi ekonomiċi lokali, kemm jekk direttament marbuta mal-attivitajiet tagħhom meta l-persuni qiegħda jingħataw impjiegi f’kumpaniji, bħal fil-qafas tal-“garanzija ta’ impjieg” Awstrijaka, kif ukoll permezz ta’ servizzi u attività ekonomika żviluppati fit-territorju li jappartjenu għalih; |
|
25. |
jenfasizza li tali koordinazzjoni tista’ tkun ta’ benefiċċju wkoll għall-implimentazzjoni ta’ politiki attivi oħra tas-suq tax-xogħol, inkluż it-taħriġ, u tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ punti ta’ kuntatt uniċi għal dawk li qed ifittxu impjieg; |
Dimensjoni lokali u reġjonali
|
26. |
jenfasizza r-rwol ċentrali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-twaqqif ta’ skemi għall-ġlieda kontra l-qgħad fit-tul, bħat-“territorji b’żero persuni qiegħda fit-tul”, speċjalment peress li għandhom informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol lokali, jipprovdu servizzi ta’ sostenn għall-inklużjoni soċjali u fis-suq tax-xogħol u għandhom rabtiet man-negozji lokali u mal-imsieħba soċjali lokali. Eżempju ieħor tal-aħjar prattika f’dan ir-rigward huwa l-proġett “Dħul Bażiku Solidari” implimentat mil-Land ta’ Berlin, li qed jiffinanzja 1 000 impjieg għall-perjodu 2019-2025 għal persuni li kienu ilhom qiegħda bejn sena sa tliet snin; |
|
27. |
jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jistabbilixxu approċċi li jikkondividu l-prinċipji fundamentali tat-“territorji b’żero persuni qiegħda fit-tul” u tal-“garanzija ta’ impjieg” u jidderieġu mill-ġdid l-ispiża tal-qgħad lejn il-ħolqien ta’ impjiegi deċenti; |
|
28. |
jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali li implimentaw inizjattivi bħal dawn biex jinvolvu lill-mexxejja tan-negozju lokali u lir-rappreżentanti tal-komunità tat-trade unions fl-istadji differenti tal-proġett, b’mod partikolari sabiex tiġi evitata l-kompetizzjoni mal-attivitajiet eżistenti u biex tiġi żgurata l-konformità mal-ftehimiet kollettivi eżistenti fis-setturi kkonċernati; |
|
29. |
iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jiskambjaw fehmiet u jaqsmu l-aħjar prattiki dwar skemi li jiġġieldu l-qgħad fit-tul ma’ awtoritajiet lokali u reġjonali oħra kemm f’pajjiżhom kif ukoll fi Stati Membri oħra; |
Finanzjament ta’ inizjattivi ta’ “żero persuni qiegħda fit-tul”
|
30. |
jenfasizza l-importanza li jiġi attivat l-infiq passiv biex jirnexxu l-inizjattivi ta’ “żero persuni qiegħda fit-tul”, u jinnota li dan jippermetti li l-ispejjeż tal-ħolqien ta’ impjiegi addizzjonali jiġu kkumpensati permezz tal-iffrankar li jsir f’termini ta’ benefiċċji tal-qgħad, benefiċċji soċjali u spejjeż tal-kura tas-saħħa mħallsa mill-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali; |
|
31. |
jinnota li fi Franza fl-2016 inħoloq fond ad hoc responsabbli għal din l-attivazzjoni permezz tal-liġi dwar l-esperimentazzjoni territorjali bl-għan li jitnaqqas il-qgħad fit-tul (12), sabiex ir-riżorsi nazzjonali jkunu jistgħu jiġu allokati għall-ħolqien tal-impjieg fil-livell lokali; |
|
32. |
jinnota li, fin-nuqqas ta’ mekkaniżmu għall-attivazzjoni tal-infiq passiv fl-Istati Membri kkonċernati, il-“Basisbaan” fin-Netherlands u t-“territorji b’żero persuni qiegħda fit-tul” fil-Wallonia jiddependu mill-appoġġ finanzjarju mill-FSE+; |
Finanzjament mill-Istati Membri
|
33. |
jenfasizza l-importanza ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-atturi lokali tal-impjieg u l-istituzzjonijiet reġjonali u/jew nazzjonali tas-sigurtà soċjali, u s-servizzi soċjali fil-livell lokali; |
|
34. |
jistieden lill-Istati Membri jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jattivaw l-infiq passiv relatat mal-qgħad fit-tul; |
|
35. |
jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu l-istrutturi meħtieġa għall-funzjonament tajjeb ta’ din l-attivazzjoni ta’ nfiq passiv relatat mal-qgħad fit-tul u jiżguraw li l-ammonti ffrankati jiġu mgħoddija b’mod effettiv lill-awtoritajiet lokali u reġjonali li jġarrbu l-ispejjeż tal-inizjattivi stabbiliti għall-ġlieda kontra l-qgħad fit-tul; |
|
36. |
jenfasizza li, fin-nuqqas ta’ mekkaniżmu għall-attivazzjoni ta’ nfiq passiv relatat mal-qgħad fit-tul, l-għoti ta’ (ko)finanzjament fil-livell tal-Istati Membri jew reġjonali jiffaċilita l-inizjattivi tal-ġlieda kontra l-qgħad fit-tul mill-awtoritajiet territorjali l-aktar ikkonċernati u jtaffi l-piż finanzjarju tagħhom; |
Koordinazzjoni tal-inizjattivi għall-ġlieda kontra l-qgħad fit-tul
|
37. |
ifakkar li fl-2016 il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex “[t]appoġġa l-proġetti ta’ innovazzjoni soċjali biex il-persuni li ilhom qiegħda jiġu integrati fis-suq tax-xogħol” (13); |
|
38. |
jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (14) li tkompli tappoġġja r-replikazzjoni ta’ stejjer ta’ suċċess tal-ekonomija soċjali fl-Istati Membri kollha; |
|
39. |
ifakkar fis-suċċess tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, u b’mod partikolari l-approċċ individwalizzat għal dawk li qed ifittxu impjieg, li jixbah dak tat-“territorji b’żero persuni qiegħda fit-tul” u tal-“garanzija ta’ impjieg”; |
|
40. |
jenfasizza li billi timmira li toffri b’mod sistematiku soluzzjoni mfassla apposta għal kull persuna, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ diġà għamlitha possibbli li, f’ħafna Stati Membri, jiġu stabbiliti mekkaniżmi u metodoloġiji li huma essenzjali għat-tnedija ta’ inizjattivi simili għat-“territorji b’żero persuni qiegħda fit-tul” u għall-“garanzija ta’ impjieg”; |
|
41. |
jistieden lill-Kummissjoni Ewropea timmappja dawn l-inizjattivi, inkluż billi timmobilizza n-Network Ewropew tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi tagħha; |
|
42. |
jissuġġerixxi li l-Kummissjoni Ewropea tipproponi linji gwida għall-implimentazzjoni ta’ inizjattivi bħal dawn fi Stati Membri tal-UE oħrajn, abbażi tal-prinċipji elenkati fil-paragrafu 17; |
|
43. |
jimpenja ruħu li jinkludi dawn l-inizjattivi fuq il-pjattaforma diġitali ta’ prattiki tajba tal-Kumitat tar-Reġjuni; |
Aċċess għall-finanzjament tal-UE
|
44. |
jenfasizza r-rwol tal-FSE+ bħala sors ta’ finanzjament għal proġetti ta’ “żero persuni qiegħda fit-tul” għall-awtoritajiet territorjali li għadhom ma jibbenefikawx mill-attivazzjoni ta’ nfiq passiv relatat mal-qgħad fit-tul jew fin-nuqqas ta’ appoġġ qawwi mill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali; |
|
45. |
jitlob, sabiex jingħelbu dawn id-diffikultajiet, li parti mill-finanzjament tal-FSE+ jiġi allokat għal inizjattivi lokali ta’ “żero persuni qiegħda fit-tul”, b’mod partikolari fil-forma ta’ appoġġ għall-inizjazzjoni ta’ proġetti u appoġġ għall-inġinerija tal-proġetti fil-livell territorjali; |
|
46. |
jistieden lill-Kummissjoni biex, fir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-iżvilupp ta’ kundizzjonijiet qafas għall-ekonomija soċjali mħabbra għall-2023, tipproponi li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzjament tal-UE għall-intrapriżi soċjali u solidali mmobilizzati fil-ġlieda kontra l-qgħad fit-tul, inkluż finanzjament tal-investiment soċjali u finanzjament tal-ħiliet fil-fond tal-Programm InvestEU, sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ “żero persuni qiegħda fit-tul”; |
|
47. |
ifakkar li l-istabbiliment tal-Inizjattiva Ewropea favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ fl-2013, flimkien ma’ sforz finanzjarju sinifikanti ta’ EUR 8,9 biljun matul il-perjodu 2014-2020, ippermetta l-implimentazzjoni u s-suċċess tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u ppermetta lil aktar minn 24 miljun żagħżugħ u żagħżugħa jiksbu impjieg jew jibdew proċess ta’ taħriġ professjonali kontinwu, apprendistat jew traineeship; |
|
48. |
itenni r-rakkomandazzjoni li diġà għamel fl-Opinjoni tiegħu dwar L-integrazzjoni tal-persuni li ilhom qiegħda fit-tul fis-suq tax-xogħol (15), imfassla minn Enrico Rossi, biex il-qgħad fit-tul jiġi indirizzat b’mod aktar effettiv permezz ta’ inizjattivi straordinarji, bħall-ħolqien ta’ fond ad hoc għall-ġlieda kontra l-qgħad fit-tul; |
|
49. |
jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi dan il-fond ad hoc biex tiġġieled il-qgħad fit-tul abbażi tal-mudell tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u tiffinanzjah mill-inqas b’EUR 750 miljun fuq ħames snin sabiex jinbdew proġetti pilota ġodda ispirati mit-“territorji b’żero persuni qiegħda fit-tul” u “l-garanzija ta’ impjieg” fir-reġjuni l-aktar milquta mill-qgħad fit-tul f’kull Stat Membru tal-UE. |
Brussell, il-25 ta’ Mejju 2023.
Vasco ALVES CORDEIRO
Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
(1) Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
(2) Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2016 dwar l-integrazzjoni tal-persuni li ilhom qiegħda fis-suq tax-xogħol (ĠU C 67, 20.2.2016, p. 1).
(3) https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/une_ltu_a/default/table?lang=en
(4) https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/yth_empl_130/default/table?lang=mt
(5) https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/LFSA_IPGA/default/table
(6) Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-integrazzjoni tal-persuni li ilhom qiegħda fit-tul fis-suq tax-xogħol (ĠU C 120, 5.4.2016, p. 27).
(7) https://commission.europa.eu/strategy-and-policy/priorities-2019-2024/economy-works-people/jobs-growth-and-investment/european-pillar-social-rights/european-pillar-social-rights-20-principles_mt
(8) https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2021/05/08/the-porto-declaration/
(9) Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2016 dwar l-integrazzjoni tal-persuni li ilhom qiegħda fis-suq tax-xogħol (ĠU C 67, 20.2.2016, p. 1).
(10) Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-integrazzjoni tal-persuni li ilhom qiegħda fit-tul fis-suq tax-xogħol (ĠU C 120, 5.4.2016, p. 27).
(11) Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Jannar 2023 dwar introjtu minimu adegwat li jiżgura inklużjoni attiva (ĠU C 41, 3.2.2023, p. 1).
(12) Il-liġi Franċiża Nru 2016-231 tad-29 ta’ Frar 2016 dwar l-esperimentazzjoni territorjali bl-għan li jitnaqqas il-qgħad fit-tul.
(13) Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2016 dwar l-integrazzjoni tal-persuni li ilhom qiegħda fis-suq tax-xogħol (ĠU C 67, 20.2.2016, p. 1).
(14) COM(2021) 778 final.
(15) Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni — “L-integrazzjoni tal-persuni li ilhom qiegħda fit-tul fis-suq tax-xogħol” (ĠU C 120, 5.4.2016, p. 27).
|
21.7.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 257/23 |
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar il-qafas leġiżlattiv għal sistemi tal-ikel sostenibbli
(2023/C 257/05)
|
RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
Kummenti introduttorji
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR),
|
1. |
jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tipproponi l-qafas leġiżlattiv għal sistemi tal-ikel sostenibbli, kif deskritt fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għall-2023; |
|
2. |
jisħaq li sistema tal-ikel sostenibbli għandha toffri sigurtà alimentari u nutrizzjoni għal kulħadd b’tali mod li ma jiġux kompromessi l-bażijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali li jiġġeneraw is-sigurtà alimentari u n-nutrizzjoni għal ġenerazzjonijiet futuri (1). Għandha tikkontribwixxi għall-elementi kollha tas-sostenibbiltà ambjentali, soċjali u ekonomika; |
|
3. |
jenfasizza li s-sistema tal-ikel tinkludi “l-elementi u l-attivitajiet relatati mal-produzzjoni u l-konsum tal-ikel, u l-effetti tagħhom, inklużi l-eżiti ekonomiċi, tas-saħħa u ambjentali” (2) mill-għalqa sal-platt, inklużi l-produzzjoni primarja, l-ipproċessar, il-bejgħ bl-imnut u l-catering, flimkien mal-produtturi u l-konsumaturi, li diġà huma prinċipalment fil-mira tal-leġiżlazzjoni attwalment fis-seħħ, u tqis ukoll id-dimensjoni soċjali u kulturali tal-ikel u l-bżonn li jiġu rispettati d-dieti tradizzjonali; |
|
4. |
jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura li l-politiki orizzontali u settorjali marbuta mal-ikel u s-sistemi tal-ikel ikunu konformi mal-objettivi u l-miri stabbiliti mill-qafas leġiżlattiv futur għal sistemi tal-ikel sostenibbli, l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt, il-Liġi Ewropea dwar il-Klima, l-Istrateġija għall-Bijodiversità u l-miri ta’ tniġġis żero, b’evalwazzjoni adatta u monitoraġġ regolari fis-seħħ; |
|
5. |
jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tipprevedi valutazzjoni adegwata tal-impatt tal-qafas leġiżlattiv futur fuq is-sistemi u l-produzzjoni tal-ikel Ewropej u tar-riżultati permezz ta’ monitoraġġ regolari, u tillimita kemm jista’ jkun l-użu ta’ leġiżlazzjoni delegata u ta’ implimentazzjoni għal aspetti determinanti u dawk li jħallu impatt fuq is-sistemi ta’ produzzjoni Ewropej, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u tal-kooperazzjoni leali, kif previst fit-Trattati; |
|
6. |
jitlob f’dan ir-rigward li r-regolament futur jipprevedi evalwazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea u li sal-2030 jiġu riveduti l-politiki orizzontali u settorjali eżistenti kollha marbuta mal-ikel u mas-sistemi tal-ikel biex jiġi żgurat li jkunu konsistenti mal-objettivi u l-miri tar-regolament futur dwar il-qafas leġiżlattiv għal sistemi tal-ikel sostenibbli u jappoġġjawhom; |
|
7. |
jinsisti, b’mod partikolari, li anke r-regolamenti tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) għandhom isiru koerenti ma’ dan ir-regolament il-ġdid dwar il-Qafas leġiżlattiv għal sistemi tal-ikel sostenibbli meta jiġu riveduti wara l-2027; |
|
8. |
jenfasizza r-rieda taċ-ċittadini tal-UE għal tranżizzjoni lejn produzzjoni tal-ikel sikura, sostenibbli, ġusta, li tagħmel użu tajjeb tar-riżorsi u tkun responsabbli għall-klima, li tiggarantixxi l-kwantità u l-kwalità għal kulħadd u bi prezzijiet affordabbli, li tirrispetta l-prinċipji tas-sostenibbiltà u l-ambjent u tissalvagwardja l-bijodiversità u l-ekosistemi, u fl-istess ħin tiġi żgurata is-sigurtà tal-ikel, kif espress fir-Rapport Finali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa; |
|
9. |
jitlob li jiġu identifikati l-kawżi ewlenin li jwasslu għall-esponiment taċ-ċittadini u l-ambjent, il-kontaminazzjoni tal-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art, kif ukoll it-tniġġis tal-arja u tal-ħamrija; |
|
10. |
jistieden lill-awtoritajiet lokali, reġjonali u pubbliċi oħra, fil-qafas tar-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku u l-gwida tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-akkwist pubbliku ekoloġiku u sostenibbli, biex jistabbilixxu l-miri tagħhom stess għall-akkwist ta’ ikel tajjeb għas-saħħa, ibbilanċjat mil-lat nutrittiv, staġjonali, lokali u organiku fil-catering pubbliku, bħala parti mill-istrateġiji tal-akkwist pubbliku sostenibbli li jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. |
|
11. |
jenfasizza r-rwol strateġiku taż-żoni rurali għall-klima u għas-sigurtà tal-ikel, u tal-produzzjoni ta’ ikel tajjeb għas-saħħa u varjat, peress li jippreservaw l-art agrikola u l-fertilità tagħha. Dan huwa ffaċilitat mill-koeżistenza ta’ attivitajiet ta’ trobbija u l-kultivazzjoni fiż-żoni u l-pajsaġġi rurali madwar l-UE, peress li joħolqu impjiegi fil-biedja, fl-industriji agroalimentari u f’setturi assoċjati. Ir-reġjuni u l-bliet għandhom rwol importanti x’jaqdu fil-preservazzjoni taż-żoni u l-pajsaġġi rurali, li għandu jitqies fil-Proposta tal-Kummissjoni; |
|
12. |
itenni l-appell tiegħu biex tiġi stabbilita mira vinkolanti biex il-ħela tal-ikel titnaqqas bin-nofs sal-2030 bħala parti mir-reviżjoni tad-Direttiva Qafas tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) dwar l-Iskart u abbażi tal-ħidma semplifikata mill-Pjattaforma tal-UE dwar it-Telf u l-Ħela tal-Ikel; jiġbed l-attenzjoni għar-rakkomandazzjonijiet ifformulati mill-Panel taċ-Ċittadini Ewropej dwar il-Ħela tal-Ikel (4); |
|
13. |
jiġbed l-attenzjoni għall-kontribut tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u ta’ art imsaġġra oħra, kif ukoll tas-sistemi agroforestali, tal-produzzjoni tal-ikel u taż-żamma ta’ saħħa waħda; jenfasizza l-interess dejjem jikber fil-prodotti tal-ikel li jinsabu fis-selvaġġ u jitlob li jitħeġġeġ l-użu tal-bhejjem fl-art imsemmija hawn fuq sabiex jiġu evitati n-nirien fil-foresti, tiġi restawrata l-bijodiversità u jinżammu u jiżdiedu s-servizzi tal-ekosistema fiż-żoni rurali; |
Approċċ armonizzat għall-UE kollha
|
14. |
jisħaq dwar il-ħtieġa urġenti li jiġi stabbilit qafas komprensiv għal sistemi tal-ikel sostenibbli fl-UE biex is-sostenibbiltà ssir ċentrali għall-politiki kollha relatati mal-ikel filwaqt li tiġi żgurata koerenza politika aħjar; |
|
15. |
jappella għal approċċ olistiku u bbilanċjat, mibni fuq pilastri ekonomiċi, soċjali u ambjentali li huma bbażati fuq definizzjonijiet ta’ sostenibbiltà, prinċipji u objettivi ġenerali li huma ċari, xjentifiċi u applikabbli fl-UE kollha; |
|
16. |
iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-UE, nazzjonali, lokali u reġjonali jiżguraw li s-sostenibbiltà tiġi integrata fil-politiki kollha relatati mal-ikel. Il-liġi qafas għandha tfittex li tiċċara r-responsabbiltajiet tal-atturi kollha tas-sistema tal-ikel billi tistabbilixxi kooperazzjoni f’diversi livelli, li tinvolvi l-parteċipazzjoni fil-livell tal-UE, tal-Istati Membri, reġjonali u lokali. Kwalunkwe estensjoni potenzjali ta’ responsabbiltà fil-livell lokali u reġjonali għandha tinkludi appoġġ u gwida kif ukoll mezzi finanzjarji adegwati biex jiġu ssodisfati l-impenji addizzjonali; |
|
17. |
jinnota li l-Istati Membri b’reġjuni ultraperiferiċi, kif elenkati fl-Artikolu 349 tat-Trattat, dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistgħu jqisu l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ dawn ir-reġjuni fir-rigward tal-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti meta jadottaw miri nazzjonali għat-tnaqqis sal-2030, minħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi u l-għelejjel partikolari f’dawn ir-reġjuni. Dan m’għandux ifisser li jiġu permessi miri aktar baxxi fir-reġjuni ultraperiferiċi; |
|
18. |
jenfasizza l-importanza tal-innovazzjoni teknoloġika biex tintlaħaq is-sostenibbiltà ambjentali, filwaqt li tiġi żgurata wkoll is-sostenibbiltà ekonomika u soċjali u jinżammu l-livelli ta’ produzzjoni attwali; |
Governanza
|
19. |
huwa konvint li l-bliet u r-reġjuni huma atturi ewlenin f’dan il-qasam, u jaqdu rwol importanti fl-indirizzar tal-isfidi tas-sistemi tal-ikel, u li r-rwol tagħhom għandu jiġi kkunsidrat b’rispett dovut għall-prinċipju tas-sussidjarjetà; l-ikel jagħmel parti mill-attivitajiet fis-setturi tas-saħħa u tal-iskejjel, kif ukoll fi ħdan l-organizzazzjonijiet amministrattivi tagħhom. Ir-reġjuni u l-bliet għandhom ukoll rwol importanti x’jaqdu fil-promozzjoni ta’ saħħa tajba u bilanċjata u modi tal-għajxien sani fi ħdan gruppi differenti tal-popolazzjoni. Barra minn hekk, l-ikel bħala attività ekonomika għandu rabta ċara mal-iżvilupp reġjonali u l-ġestjoni tat-territorju, responsabbiltà li ħafna drabi tkun f’idejn ir-reġjuni u l-bliet; |
|
20. |
jenfasizza l-importanza tal-innovazzjoni soċjali biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet kollettivi u tiġi promossa s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-produzzjoni u l-konsum tal-ikel; |
|
21. |
jenfasizza l-importanza ta’ ktajjen tal-valur iqsar li jqarrbu lill-bdiewa lejn il-konsumaturi tagħhom permezz ta’ bejgħ dirett li jipprovdi ikel affordabbli għall-konsumaturi, u fl-istess ħin jiżgura li l-prezz jirrispetta lill-produtturi u jippermettilhom jgħixu b’mod dinjituż u deċenti; |
|
22. |
għalhekk itenni t-talba tiegħu biex tiġi stabbilita pjattaforma b’diversi partijiet ikkonċernati dwar sistemi tal-ikel sostenibbli, li tinvolvi lill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni flimkien ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra u s-soċjetà ċivili, u b’hekk jinħoloq network ta’ appoġġ li jiffaċilita t-tranżizzjoni lejn sistemi tal-ikel aktar sostenibbli għar-reġjuni u l-bliet Ewropej waqt li jitqiesu d-differenzi reġjonali u l-ispeċjalizzazzjonijiet u t-tradizzjonijiet taż-żoni; |
|
23. |
jiġbed l-attenzjoni għar-rwol li għandhom l-atturi differenti fis-sistemi tal-ikel bħala “aġenti tal-bidla” potenzjali, minn produtturi primarji, bdiewa u sajjieda, sa produtturi u operaturi kummerċjali differenti, produtturi tal-ikel, kummerċjanti, bejjiegħa bl-imnut, u negozji tal-ospitalità u tas-servizzi tal-ikel, atturi tas-saħħa u konsumaturi; |
|
24. |
jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ “min iniġġes iħallas u minn jipprovdi jirċievi” sabiex tippremja lil dawk il-bdiewa jew produtturi oħra tal-ikel li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti legali minimi tal-UE u jipprovdu benefiċċji ambjentali addizzjonali lis-soċjetà tal-UE, u sabiex tagħti inċentivi lill-oħrajn biex itejbu s-sostenibbiltà tal-produzzjoni tagħhom; |
Dieti tajbin għas-saħħa u sostenibbli
|
25. |
jinsisti li l-qafas leġiżlattiv għal sistemi tal-ikel sostenibbli għandu jinkorpora l-kunċett ta’ “ambjent tal-ikel” biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal dieti tajbin għas-saħħa u sostenibbli, peress li ambjenti tal-ikel mhux tajbin għas-saħħa u mhux sostenibbli huma l-kawża ewlenija ta’ xejriet ta’ dieti mhux adegwati; |
|
26. |
jenfasizza r-rwol li jaqdu l-bliet u r-reġjuni biex isawru ambjenti tal-ikel li jippromovu dieti sostenibbli u tajbin għas-saħħa affordabbli u aċċessibbli u fl-istess ħin jappoġġjaw il-produtturi sostenibbli; jenfasizza, f’dan ir-rigward, l-importanza tal-ippjanar urban biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal għażliet ta’ ikel tajjeb għas-saħħa; dan huwa partikolarment importanti fil-viċinanzi tal-iskejjel u f’każijiet ta’ “deżerti tal-ikel” (food deserts); |
|
27. |
jenfasizza l-potenzjal tal-iskema tal-UE tal-frott, il-ħxejjex u l-ħalib fl-iskejjel biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni lejn sistemi tal-ikel sostenibbli u b’nutrizzjoni komprensiva; |
|
28. |
jitlob li ssir reviżjoni tal-iskema tal-UE tal-frott, il-ħxejjex u l-ħalib għall-iskejjel biex jiżdied il-konsum ta’ prodotti li jikkontribwixxu għal dieti tajbin għas-saħħa, ibbażati aktar fuq il-pjanti u sostenibbli, u fl-istess ħin tinħoloq konnessjoni mill-ġdid mal-agrikoltura permezz ta’ attivitajiet edukattivi f’azjendi agrikoli sostenibbli; din ir-reviżjoni għandha teżamina ċ-ċirkostanzi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fir-rigward tal-promozzjoni tas-saħħa u d-dieti sostenibbli; |
|
29. |
jitlob li l-linji gwida nazzjonali dwar id-dieta jiġu aġġornati regolarment biex jappoġġjaw dieti tajbin għas-saħħa u sostenibbli u jirfdu t-tranżizzjoni lejn sistemi tal-ikel aktar sostenibbli; |
|
30. |
jitlob li l-kampanji promozzjonali għall-prodotti agroalimentari jiġu allinjati mal-objettivi tal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt u mal-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer; |
|
31. |
jitlob li l-flus pubbliċi jintefqu primarjament fuq ikel assoċjat ma’ dieti tajbin għas-saħħa, sostenibbli u bbażati aktar fuq il-pjanti; dan għandu jiġi akkumpanjat minn appoġġ u gwida għall-muniċipalitajiet u r-reġjuni li huma xerrejja pubbliċi kbar; |
|
32. |
jappella favur politiki tal-ipprezzar li jallinjaw il-prezzijiet tal-ikel mal-kost reali tal-ikel, u li jbaxxu l-prezz relattiv ta’ ikel aktar sostenibbli, bħall-għażliet ta’ ikel ibbażati fuq il-pjanti; |
|
33. |
jitlob li s-sussidji tal-UE jappoġġjaw lill-bdiewa ż-żgħar biex jipproduċu ikel ekoloġiku u jippremjaw lill-bdiewa li qed jimplimentaw prattiki sostenibbli u jippromovu l-benesseri tal-annimali; |
|
34. |
jitlob inċentivi fiskali u VAT minima fuq l-ikel essenzjali; |
|
35. |
jinsab imħasseb dwar il-possibbiltà tal-introduzzjoni mill-ġdid ta’ organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM) fl-ikel Ewropew tagħna bil-proposta għal Regolament Ewropew futur dwar pjanti prodotti permezz ta’ tekniki ġenomiċi ġodda. Din għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni robusta u evidenza xjentifika soda tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA). Fi kwalunkwe każ, kull prodott tal-ikel li fih OĠM għandu jkollu tikketta fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett li tindika l-preżenza ta’ OĠM; |
Akkwist pubbliku tal-ikel
|
36. |
itenni t-talba tiegħu (5) biex jiġu eliminati r-restrizzjonijiet eżistenti biex jiġu applikati kriterji ta’ sostenibbiltà fir-regoli dwar l-akkwist pubbliku. Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kompetizzjoni tipprojbixxi li fil-kuntratti tal-akkwist pubbliċi jiġu speċifikati preferenzi territorjali (bħall-ikel lokali); jirrimarka li llum dawk l-awtoritajiet pubbliċi li jixtiequ jinkludu fornituri u produtturi bbażati lokalment u jappoġġjaw l-ekonomija reġjonali tal-ikel ikunu f’riskju ta’ azzjoni legali kontrihom għal ksur potenzjali tar-regoli komuni tas-suq, jekk jisfruttaw il-lakuni eżistenti; għandha tingħata kjarifika li tkun akkumpanjata minn gwida u taħriġ għar-reġjuni u l-muniċipalitajiet li huma xerrejja pubbliċi ewlenin; |
|
37. |
jissottolinja li l-akkwist pubbliku ta’ ikel sostenibbli, tajjeb għas-saħħa, staġjonali u lokali jirrappreżenta għodda b’saħħitha għat-tranżizzjoni lejn sistemi tal-ikel aktar sostenibbli li huma konformi mal-politiki ta’ sostenibbiltà u mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, u jħeġġeġ l-użu tal-kriterji tal-akkwist pubbliku ekoloġiku (APE); |
|
38. |
jisħaq dwar il-ħtieġa li ssir bidla lejn ikel ibbażat aktar fuq il-pjanti bħala bażi ta’ sistema tal-ikel aktar sostenibbli, newtrali għall-klima u reżiljenti; f’dan ir-rigward, jenfasizza l-benefiċċji għas-saħħa u kulturali ta’ dieti tradizzjonali; |
|
39. |
jesprimi tħassib dwar l-introduzzjoni fis-swieq Ewropej ta’ ikel prodott f’laboratorju, peress li dan mhux se jiggarantixxi l-kwalità, il-benesseri u l-protezzjoni tal-kultura u t-tradizzjonijiet; l-ikel prodott f’laboratorju għadu għali, u dan huwa ostaklu sinifikanti li jeħtieġ li jingħeleb; |
|
40. |
jissottolinja li katina tal-ikel b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju mill-għalqa sal-platt tikkontribwixxi għall-miri tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, peress li tintroduċi l-innovazzjoni xjentifika u teknika u tapplika l-prinċipji taċ-ċirkolarità fil-biedja; |
|
41. |
jenfasizza l-ħtieġa li jiġu involuti esperti nazzjonali u internazzjonali dwar l-akkwist fid-definizzjoni ta’ kriterji li jappoġġjaw kemm l-implimentazzjoni fil-livell lokali kif ukoll lix-xerrejja pubbliċi bħall-awtoritajiet tal-gvern, ir-reġjuni u l-bliet, u jippromovu użu aktar strateġiku tal-akkwist pubbliku; |
|
42. |
jitlob l-iżvilupp ta’ gwidi prattiċi għall-uffiċjali tal-akkwist dwar kif għandhom jużaw l-akkwist biex jippromovu għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli u dieti tajbin għas-saħħa, staġjonali, lokali u organiċi; jirrakkomanda li jinħolqu networks għall-akkwirenti pubbliċi biex jikkondividu l-gwida, l-għarfien espert u l-aħjar prattika, u jirrakkomanda li jingħata appoġġ finanzjarju għal dawn in-networks; |
|
43. |
itenni l-ħtieġa li jingħata appoġġ finanzjarju u tekniku mill-UE u mill-Istati Membri għal użu aktar strateġiku tal-akkwist b’konformità mal-istrateġiji u l-objettivi nazzjonali u lokali tal-ikel; |
|
44. |
jenfasizza l-benefiċċji tal-akkwist tal-ikel soċjalment responsabbli li jinkoraġġixxi l-preżenza tal-bdiewa fiż-żoni rurali u jinkludi l-ekonomija soċjali u l-kooperattivi soċjali tul il-katina tal-provvista kollha; |
|
45. |
jipproponi li jiġu stabbiliti miri progressivi speċifiċi għall-pajjiż għall-akkwist pubbliku tal-ikel sostenibbli, b’konformità mal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt; |
Tikkettar
|
46. |
jinnota li l-introduzzjoni ta’ tikkettar tal-ikel sostenibbli armonizzat għandha tkun proporzjonata, regolata legament u obbligatorja, u żviluppata abbażi ta’ data xjentifika soda u indipendenti u ma għandhiex tinterferixxi ma’ sistemi eżistenti bħal indikazzjonijiet ġeografiċi billi tikklassifika b’mod arbitrarju l-ikel b’tali mod li jista’ jiżgwida lill-konsumaturi fl-għażla tal-ikel; |
|
47. |
jenfasizza li t-tikkettar sostenibbli għandu jkun ibbażat fuq ix-xjenza u jinkludi l-aspetti kollha: ambjentali, soċjali u nutrittivi. Dan għandu jiġi espress permezz ta’ indikaturi individwali separati sabiex jiġu minimizzati l-kompromessi bejn id-diversi dimensjonijiet ta’ sostenibbiltà. Il-KtR jappoġġja tikkettar sempliċi, mifrux mal-UE kollha u fuq quddiem tal-pakkett tal-prodotti tal-ikel fl-UE abbażi ta’ evidenza xjentifika robusta u indipendenti. Indikatur bħal dan għandu jenfasizza kemm prodotti bi prestazzjoni għolja kif ukoll dawk bi prestazzjoni baxxa sabiex jgħin lill-konsumaturi jagħmlu għażla infurmata meta jixtru l-prodotti tal-ikel tagħhom. F’dan ir-rigward, jenfasizza l-importanza ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, programmi ta’ edukazzjoni dwar l-ikel sostenibbli, u inizjattivi oħra fil-komunitajiet lokali minn meta t-tfal ikunu żgħar; |
|
48. |
jenfasizza li t-tikkettar għandu jkun marbut mal-politika dwar il-kummerċjalizzazzjoni u dwar il-promozzjoni, kif ukoll mat-tnaqqis tal-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ; |
|
49. |
jirrimarka li huwa imperattiv li l-bdiewa jiġu pprovduti b’soluzzjonijiet effettivi għal trattament organiku jew bijoloġiku biex jitnaqqas l-użu tal-pestiċidi u s-sustanzi kimiċi sabiex tittejjeb ir-reżiljenza tal-azjendi agrikoli għal xokkijiet esterni, tiġi protetta s-saħħa tan-nies u n-natura, u tiġi ppreservata l-fertilità tal-ħamrija – u fl-aħħar mill-aħħar tissaħħaħ is-sigurtà tal-ikel; |
|
50. |
iqis li skemi ta’ tikkettar volontarji għall-ikel li ma jiġux ikkoordinati fil-livell Ewropew jista’ jkollhom effetti distorsivi u negattivi fis-suq uniku, li jkunu partikolarment ta’ detriment għall-produtturi żgħar u ta’ daqs medju; jirrikonoxxi li tali kunsiderazzjonijiet ma jegħlbux il-ħtieġa essenzjali li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet kollha; |
|
51. |
iħeġġeġ sabiex il-politiki tal-UE jgħinu lill-konsumaturi jagħmlu deċiżjonijiet infurmati, tajbin għas-saħħa u sostenibbli dwar l-ikel, inkluż billi jiġu adottati skemi ta’ tikkettar Ewropej armonizzati, proporzjonati, u bażati fuq evidenza xjentifika robusta u indipendenti; |
|
52. |
jenfasizza li t-tikkettar tal-ikel irid isir b’mod koordinat u armonizzat fil-livell Ewropew, mingħajr ma joħloq xi tip ta’ restrizzjoni kwantitattiva jew kwalitattiva għall-kummerċ fl-Ewropea jew jipperikola l-funzjonament tajjeb tas-suq uniku, sakemm dan ma jkunx ġustifikabbli b’referenza għal ħtiġijiet essenzjali bħall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem; |
Sigurtà tal-ikel
|
53. |
jistieden lill-UE tiżgura s-sigurtà tal-ikel u tinvesti fil-produzzjoni agrikola lokali u sostenibbli, u tqassar il-ktajjen tal-provvista tagħha; |
|
54. |
jenfasizza l-ħtieġa li jiġu salvagwardjati l-loġistika u t-trasport tal-ikel bejn l-Istati Membri, inkluż f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi; |
|
55. |
jitlob li d-dipendenzi jitnaqqsu bid-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ importazzjonijiet ewlenin, permezz ta’ politika kummerċjali robusta li tinfluwenza wkoll lill-imsieħba kummerċjali tal-UE biex jimxu lejn aktar sostenibbiltà, billi jintalbu jimportaw il-prodotti tagħhom taħt l-istess kundizzjonijiet sanitarji ta’ produzzjoni bħal dawk applikabbli għall-bdiewa tal-UE; |
|
56. |
jitlob koerenza u koordinazzjoni b’saħħithom bejn il-politiki tal-UE dwar il-produzzjoni, il-konsum u l-kummerċ tal-ikel sostenibbli, sabiex il-prattiki mhux sostenibbli jsiru sostenibbli. F’dan ir-rigward, il-Qafas leġiżlattiv għal sistemi tal-ikel sostenibbli għandu jiżgura wkoll koerenza u allinjament bejn il-politiki tal-UE dwar il-produzzjoni, il-konsum u l-kummerċ ta’ ikel sostenibbli sabiex jiġi garantit li l-prodotti agroalimentari importati jirrispettaw l-istess regoli soċjali u ambjentali fir-rigward tal-produzzjoni bħal dawk li jeżistu fl-Unjoni Ewropea b’konformità mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ; |
|
57. |
jenfasizza li huwa meħtieġ li tissaħħaħ il-politika tar-riċerka u l-innovazzjoni dwar l-ikel sostenibbli. Se jkun hemm bżonn li l-Ewropa jkollha leġiżlazzjoni li tħeġġeġ l-użu ta’ tekniki innovattivi ġodda. |
Brussel, 25 ta’ Mejju 2023
Vasco ALVES CORDEIRO
Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
(1) FAO, 2014.
(2) Food systems (Sistemi tal-ikel [mhux disponibbli bil-Malti]) – OECD.
(3) Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).
(4) flw_eu-actions_fwrt_20230210_recom-cit_0.pdf (europa.eu).
(5) Opinjoni tal-Kumintat Ewropew tar-Reġjuni — Lejn politika sostenibbli tal-UE dwar l-ikel li toħloq l-impjiegi u t-tkabbir fir-reġjuni u l-bliet tal-Ewropa (ĠU C 272, 17.8.2017, p. 14).
III Atti preparatorji
Il-Kumitat tar-Regjuni
Il-155 Sessjoni plenarja tal-KtR, 24.5.2023–25.5.2023
|
21.7.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 257/28 |
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Att dwar Ewropa Interoperabbli”
(2023/C 257/06)
|
I. RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU EMENDI
Emenda 1
Premessa 3
|
Test propost mill-Kummissjoni Ewropea |
Emenda tal-KtR |
|
L-istruttura l-ġdida ta’ governanza jenħtieġ li jkollha mandat legali biex jixpruna l-iżvilupp ulterjuri tal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà u soluzzjonijiet komuni oħrajn ta’ interoperabbiltà, bħal speċifikazzjonijiet u applikazzjonijiet. Barra minn hekk, dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi tikketta ċara u li tingħaraf faċilment għal xi soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà. Jenħtieġ li jitrawwem il-ħolqien ta’ komunità vibranti fir-rigward ta’ soluzzjonijiet tat-teknoloġija ta’ gvern miftuħ. |
L-istruttura l-ġdida ta’ governanza jenħtieġ li tippermetti lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jkollhom il-possibbiltà ġusta li jesprimu ruħhom dwar il-pass u l-livell ta’ implimentazzjoni b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Dan jagħti lill-istruttura ta’ governanza mandat legali biex jixpruna l-iżvilupp ulterjuri tal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà u soluzzjonijiet komuni oħrajn ta’ interoperabbiltà, bħal speċifikazzjonijiet u applikazzjonijiet. L-implikazzjonijiet finanzjarji għall-awtoritajiet lokali u reġjonali b’rabta mal-kompiti tal-implimentazzjoni tal-interoperabbiltà jenħtieġ li jinżammu f’livell minimu. Barra minn hekk, dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi tikketta ċara u li tingħaraf faċilment għal xi soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà. Jenħtieġ li jitrawwem il-ħolqien ta’ komunità vibranti fir-rigward ta’ soluzzjonijiet tat-teknoloġija ta’ gvern miftuħ. |
Raġuni
L-awtoritajiet lokali u reġjonali (LRAs) għandhom riżorsi limitati f’termini ta’ finanzjament, riżorsi umani, għodod, eċċ. Għalhekk, waqt li jikkonformaw mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom iżommu sens ta’ kontroll fuq il-proċess ta’ implimentazzjoni. Huma għandhom jirċievu wkoll finanzjament adegwat għal kostijiet addizzjonali imposti fuqhom mill-proċess ta’ implimentazzjoni.
Emenda 2
Premessa 3
|
Test propost mill-Kummissjoni Ewropea |
Emenda tal-KtR |
|
|
Sabiex il-proċess isir demokratiku biżżejjed u minn isfel għal fuq, iċ-ċittadini tal-Istati Membri Ewropej jenħtieġ li jkollhom vuċi fir-rigward tal-prijoritajiet tas-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà. Għal dan l-għan, b’konformità mal-objettiv tal-Att dwar Ewropa Interoperabbli, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jwettqu konsultazzjonijiet diretti maċ-ċittadini darba kull sentejn, sabiex jistħarrġu liema soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà jqisu li huma ta’ prijorità għaċ-ċittadini. Il-Kummissjoni Ewropea jenħtieġ li talloka appoġġ finanzjarju adegwat għall-awtoritajiet lokali u reġjonali biex iwettqu dawn id-djalogi maċ-ċittadini tagħhom. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jenħtieġ li jikkondividu r-riżultati tal-konsultazzjonijiet mal-Bord għal Ewropa Interoperabbli u mal-Komunità għal Ewropa Interoperabbli. |
Raġuni
L-awtoritajiet lokali u reġjonali huma l-eqreb taċ-ċittadini; għalhekk, jistgħu jiksbu l-aktar għarfien preċiż dwar il-prijoritajiet u l-aspettattivi taċ-ċittadini. Sabiex l-interoperabbiltà ssir proċess demokratiku u minn isfel għal fuq, se jkun kruċjali l-involviment suffiċjenti u attiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-monitoraġġ tal-prijoritajiet taċ-ċittadini.
Emenda 3
Premessa 8
|
Test propost mill-Kummissjoni Ewropea |
Emenda tal-KtR |
|
Sabiex jiġu stabbiliti servizzi pubbliċi interoperabbli transfruntieri, huwa importanti li ssir enfasi fuq l-aspett tal-interoperabbiltà mill-aktar fis possibbli fil-proċess tat-tfassil tal-politika. Għalhekk, l-organizzazzjoni pubblika li beħsiebha tistabbilixxi network u sistema ta’ informazzjoni ġodda, jew li timmodifika dawk eżistenti, li x’aktarx jirriżultaw f’impatti għoljin fuq l-interoperabbiltà transfruntiera, jenħtieġ li twettaq valutazzjoni tal-interoperabbiltà. Din il-valutazzjoni hija meħtieġa sabiex jiġi mifhum id-daqs tal-impatt tal-azzjoni ppjanata u sabiex jiġu proposti miżuri ħalli jinkisbu l-benefiċċji u jiġu indirizzati l-kostijiet potenzjali. Il-valutazzjoni tal-interoperabbiltà jenħtieġ li tkun obbligatorja fi tliet każijiet, li jaqgħu fl-ambitu tal-interoperabbiltà transfruntiera. F’sitwazzjonijiet oħrajn , l-organizzazzjonijiet pubbliċi jistgħu jiddeċiedu li jwettqu l-valutazzjoni tal-interoperabbiltà fuq bażi volontarja. |
Sabiex jiġu stabbiliti servizzi pubbliċi interoperabbli transfruntieri, huwa importanti li ssir enfasi fuq l-aspett tal-interoperabbiltà mill-aktar fis possibbli fil-proċess tat-tfassil tal-politika. Għalhekk, l-organizzazzjoni pubblika li beħsiebha tistabbilixxi network u sistema ta’ informazzjoni ġodda, jew li timmodifika dawk eżistenti, li x’aktarx jirriżultaw f’impatti għoljin fuq l-interoperabbiltà transfruntiera, jenħtieġ li twettaq valutazzjoni tal-interoperabbiltà. Din il-valutazzjoni hija meħtieġa sabiex jiġi mifhum id-daqs tal-impatt tal-azzjoni ppjanata u sabiex jiġu proposti miżuri ħalli jinkisbu l-benefiċċji u jiġu indirizzati l-kostijiet potenzjali. Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni bla xkiel tal-valutazzjoni tal-interoperabbiltà, il-Bord għal Ewropa Interoperabbli jenħtieġ li jippubblika linji gwida speċifiċi dwar liema servizzi huma koperti mid-Direttiva. Il-valutazzjoni tal-interoperabbiltà jenħtieġ li tkun obbligatorja fi tliet każijiet, li jaqgħu fl-ambitu tal-interoperabbiltà transfruntiera. F’każijiet fejn valutazzjoni tal-interoperabbiltà tkun obbligatorja, jenħtieġ li jiġu provduti opportunitajiet ta’ taħriġ, u s-sorsi ta’ finanzjament bħall-Programm Ewropa Diġitali jenħtieġ li jiżguraw li r-riżorsi għall-kostijiet addizzjonali mġarrba jkunu disponibbli wkoll għall-awtoritajiet lokali u reġjonali. F’sitwazzjonijiet mhux obbligatorji , l-organizzazzjonijiet pubbliċi jistgħu jiddeċiedu li jwettqu l-valutazzjoni tal-interoperabbiltà fuq bażi volontarja. |
Raġuni
L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom riżorsi limitati u għalhekk ma jistgħux ikunu mistennija li jkopru l-kostijiet tal-valutazzjonijiet obbligatorji waħedhom. Għal dan l-għan, f’każijiet fejn il-valutazzjonijiet tal-interoperabbiltà jkunu obbligatorji, il-Kummissjoni għandha tiżgura finanzjament għall-valutazzjonijiet.
Emenda 4
Premessa 37
|
Test propost mill-Kummissjoni Ewropea |
Emenda tal-KtR |
|
Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi regoli u l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment u għall-operat tal-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji. |
Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi regoli u l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment u għall-operat tal-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji f’kooperazzjoni mal-korpi rilevanti tas-settur pubbliku, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali . |
Raġuni
Peress li l-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji għandhom jitħaddmu taħt ir-responsabbiltà tal-korpi tas-settur pubbliku parteċipanti, ikun proċess unilaterali jekk il-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi waħedha l-kundizzjonijiet operazzjonali, mingħajr ma tikkonsulta ma’ entitajiet rilevanti oħra.
Emenda 5
Artikolu 3(3)
|
Test propost mill-Kummissjoni Ewropea |
Emenda tal-KtR |
|
L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-koordinaturi tal-interoperabbiltà għandhom jipprovdu l-appoġġ meħtieġ sabiex titwettaq il-valutazzjoni tal-interoperabbiltà. Il-Kummissjoni tista’ tipprovdi għodod tekniċi sabiex tappoġġa l-valutazzjoni. |
L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-koordinaturi tal-interoperabbiltà għandhom jipprovdu l-appoġġ meħtieġ sabiex titwettaq il-valutazzjoni tal-interoperabbiltà. Il-Kummissjoni tista’ tipprovdi għodod tekniċi sabiex tappoġġa l-valutazzjoni. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-Bord għal Ewropa Interoperabbli għandhom jipprovdu appoġġ fil-valutazzjoni minn qabel ta’ jekk l-operazzjoni maħsuba taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, qabel ma l-valutazzjoni tal-interoperabbiltà ssir obbligatorja. |
Raġuni
Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament huwa wiesa’, u għal korpi tas-settur pubbliku jew muniċipalitajiet iżgħar jista’ jkun ikkumplikat wisq biex jivvalutaw jekk l-operazzjoni maħsuba għandhiex element transfruntiera.
Emenda 6
Artikolu 3(5)
|
Test propost mill-Kummissjoni Ewropea |
Emenda tal-KtR |
||||
|
|
|
Raġuni
Sabiex jiġi evitat “intrappolament tal-klijentela”, il-korpi tas-settur pubbliku kkonċernati għandhom jużaw l-għarfien espert ta’ persuni indipendenti mill-fornituri ta’ sistemi u/jew networks attwali peress li l-valutazzjonijiet tagħhom jistgħu jkunu preġudikati favur soluzzjonijiet eżistenti.
Emenda 7
Artikolu 9(2)
|
Test propost mill-Kummissjoni Ewropea |
Emenda tal-KtR |
||||||||||||||
|
Il-proġett ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni tal-politika għandu jistabbilixxi:
|
Il-proġett ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni tal-politika għandu jistabbilixxi:
|
Raġuni
L-appoġġ finanzjarju se jkun inevitabbli għall-implimentazzjoni tal-interoperabbiltà. Għal dan l-għan, għandu jkun aspett speċifiku tal-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-politika wkoll.
Emenda 8
Artikolu 11(2)
|
Test propost mill-Kummissjoni Ewropea |
Emenda tal-KtR |
|
L-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji għandhom jitħaddmu taħt ir-responsabbiltà tal-korpi tas-settur pubbliku parteċipanti u, meta l-ambjent ta’ esperimentazzjoni jinvolvi l-ipproċessar ta’ data personali minn korpi tas-settur pubbliku, taħt is-superviżjoni ta’ awtoritajiet nazzjonali rilevanti oħrajn, […] |
L-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji għandhom jitħaddmu taħt ir-responsabbiltà tal-korpi tas-settur pubbliku parteċipanti u, meta l-ambjent ta’ esperimentazzjoni jinvolvi l-ipproċessar ta’ data personali minn korpi tas-settur pubbliku, taħt is-superviżjoni ta’ awtoritajiet nazzjonali jew sottonazzjonali rilevanti oħrajn, […] |
Raġuni
L-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji jistgħu jiġu operati wkoll fil-livell lokali u reġjonali. L-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali jaqdu rwol ewlieni fl-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà qrib iċ-ċittadin u jipprovdu firxa wiesgħa ta’ servizzi fil-livell lokali.
Emenda 9
Artikolu 12(1)
|
Test propost mill-Kummissjoni Ewropea |
Emenda tal-KtR |
|
Il-korpi tas-settur pubbliku parteċipanti għandhom jiżguraw li, sa fejn is-soluzzjoni innovattiva ta’ interoperabbiltà tinvolvi l-ipproċessar ta’ data personali jew inkella taqa’ taħt il-kompetenza superviżorja ta’ awtoritajiet nazzjonali oħrajn li jipprovdu jew jappoġġaw l-aċċess għad-data, l-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data u dawk l-awtoritajiet nazzjonali l-oħrajn ikunu assoċjati mal-operat tal-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji. […] |
Il-korpi tas-settur pubbliku parteċipanti għandhom jiżguraw li, sa fejn is-soluzzjoni innovattiva ta’ interoperabbiltà tinvolvi l-ipproċessar ta’ data personali jew inkella taqa’ taħt il-kompetenza superviżorja ta’ awtoritajiet nazzjonali jew sottonazzjonali oħrajn li jipprovdu jew jappoġġaw l-aċċess għad-data, l-awtoritajiet nazzjonali jew sottonazzjonali għall-protezzjoni tad-data u dawk l-awtoritajiet nazzjonali jew sottonazzjonali l-oħrajn ikunu assoċjati mal-operat tal-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji. […] |
Raġuni
L-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji jistgħu jiġu operati wkoll fil-livell lokali u reġjonali. L-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali jaqdu rwol ewlieni fl-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà qrib iċ-ċittadin u jipprovdu firxa wiesgħa ta’ servizzi fil-livell lokali.
Emenda 10
Artikolu 13(2)
|
Test propost mill-Kummissjoni Ewropea |
Emenda tal-KtR |
|
Il-Kummissjoni għandha torganizza korsijiet ta’ taħriġ dwar kwistjonijiet ta’ interoperabbiltà fil-livell tal-Unjoni sabiex ittejjeb il-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn il-persunal tal-korpi tas-settur pubbliku, u l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni. Il-korsijiet għandhom jiġu mħabbra fuq il-portal Ewropa Interoperabbli. |
Il-Kummissjoni għandha torganizza korsijiet ta’ taħriġ dwar kwistjonijiet ta’ interoperabbiltà fil-livell tal-Unjoni sabiex ittejjeb il-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn il-persunal tal-korpi tas-settur pubbliku, u l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni. Il-korsijiet immirati lejn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u/jew il-prattikanti għandhom jiġu mħabbra fuq il-portal Ewropa Interoperabbli , u jistgħu jinkludu sessjonijiet ta’ informazzjoni online, tutorials bil-vidjo u workshops, materjali ta’ taħriġ għal min iħarreġ u linji gwida għat-taħriġ fuq il-post tax-xogħol . |
Raġuni
Meta ġie kkonsultat, in-network tar-RegHub tal-KtR wera li t-taħriġ dwar l-interoperabbiltà huwa prijorità ewlenija. Minbarra l-prattikanti u l-esperti tal-ICT, huwa importanti li l-maniġment superjuri jiġi inkluż fil-grupp destinatarju, u li l-maniġers intermedji jiġu allinjati peress li tista’ tkun meħtieġa bidla fil-kultura.
Emenda 11
Artikolu 15(4)(r)
|
Test propost mill-Kummissjoni Ewropea |
Emenda tal-KtR |
|
jinforma regolarment u jikkoordina mal-koordinaturi tal-interoperabbiltà u mal-Komunità għal Ewropa Interoperabbli dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-interoperabbiltà transfruntiera tan-network u tas-sistemi ta’ informazzjoni. |
jinforma regolarment u jikkoordina mal-koordinaturi tal-interoperabbiltà u mal-Komunità għal Ewropa Interoperabbli dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-interoperabbiltà transfruntiera tan-network u tas-sistemi ta’ informazzjoni u dwar proġetti u networks rilevanti ffinanzjati mill-UE . |
Raġuni
Proġetti oħra rilevanti ffinanzjati mill-UE, bħal AURORAL tal-Orizzont 2020, jew networks tal-bliet għat-trasformazzjoni diġitali, bħal living-in.eu, għandhom jiġu ppreżentati mill-Bord, u għandhom jinstabu sinerġiji fil-livelli strateġiċi u operazzjonali.
Emenda 12
Artikolu 16(4)
|
Test propost mill-Kummissjoni Ewropea |
Emenda tal-KtR |
||
|
|
|
Raġuni
Din ir-rakkomandazzjoni taqbel ma’ suġġeriment li jinġabru flimkien esperti mill-Istati Membri kollha tal-UE biex jappoġġjaw il-valutazzjonijiet tal-interoperabbiltà. Għall-kuntrarju tar-rieżamijiet bejn il-pari skont l-Artikolu 14, mhux neċessarjament meħtieġ li l-esperti jintgħażlu minn Stati Membri oħra differenti minn dawk fejn ikun jinsab il-korp pubbliku li jkun għaddej mir-rieżami bejn il-pari — relatat ma’ valutazzjoni tal-interoperabbiltà.
Emenda 13
Artikolu 17(2)(f)
|
Test propost mill-Kummissjoni Ewropea |
Emenda tal-KtR |
|
tikkoordina u tħeġġeġ l-involviment attiv ta’ firxa diversa ta’ entitajiet nazzjonali fil-Komunità għal Ewropa Interoperabbli […] |
tikkoordina u tħeġġeġ l-involviment attiv ta’ firxa diversa ta’ entitajiet nazzjonali , inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali, fil-Komunità għal Ewropa Interoperabbli […] |
Raġuni
L-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali jaqdu rwol ewlieni fl-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà qrib iċ-ċittadin u jipprovdu firxa wiesgħa ta’ servizzi fil-livell lokali.
Emenda 14
Artikolu 17(3)
|
Test propost mill-Kummissjoni Ewropea |
Emenda tal-KtR |
|
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti jkollha kompetenzi u riżorsi adegwati biex twettaq, b’mod effettiv u effiċjenti, il-kompiti assenjati lilha. |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti jkollha kompetenzi adegwati biex twettaq, b’mod effettiv u effiċjenti, il-kompiti assenjati lilha. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jirċievu finanzjament adegwat biex jappoġġaw it-twettiq ta’ kompiti relatati. |
Raġuni
Peress li l-awtoritajiet kompetenti maħtura se jiġu assenjati kompiti addizzjonali relatati mal-interoperabbiltà, il-Kummissjoni jeħtiġilha tiżgura li kwalunkwe implikazzjoni finanzjarja tal-kompiti rilevanti, inkluża l-ħtieġa potenzjali li jiġi impjegat persunal addizzjonali, ma tiġġarrabx esklużivament mill-awtoritajiet kompetenti maħtura.
Emenda 15
Artikolu 19(2)(d)
|
Test propost mill-Kummissjoni Ewropea |
Emenda tal-KtR |
|
l-identifikazzjoni ta’ sinerġiji ma’ programmi u inizjattivi rilevanti oħrajn tal-Unjoni u dawk nazzjonali. |
l-identifikazzjoni ta’ sinerġiji ma’ programmi u inizjattivi rilevanti oħrajn tal-Unjoni, dawk nazzjonali , reġjonali u lokali . |
Raġuni
L-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali jaqdu rwol ewlieni fl-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà qrib iċ-ċittadin u jipprovdu firxa wiesgħa ta’ servizzi fil-livell lokali.
Emenda 16
Artikolu 21(1)
|
Test propost mill-Kummissjoni Ewropea |
Emenda tal-KtR |
||||||||||||||||
|
Soġġett għad-disponibbiltà tal-finanzjament, il-baġit ġenerali tal-Unjoni għandu jkopri l-kostijiet ta’ :
|
Soġġett għad-disponibbiltà tal-finanzjament, il-baġit ġenerali tal-Unjoni għandu jkopri:
|
Raġuni
L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom riżorsi limitati u għalhekk ma jistgħux ikunu mistennija li jkopru l-kostijiet tal-valutazzjonijiet obbligatorji waħedhom. Għal dan l-għan, f’każijiet fejn il-valutazzjonijiet tal-interoperabbiltà jkunu obbligatorji, il-Kummissjoni għandha tiżgura finanzjament għall-valutazzjonijiet. B’konformità mal-Emenda 12, l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma l-eqreb taċ-ċittadini, u għalhekk jistgħu jiksbu l-aktar għarfien preċiż dwar il-prijoritajiet u l-aspettattivi taċ-ċittadini fir-rigward tas-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà li għandhom jiġu żviluppati. L-involviment suffiċjenti u attiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-monitoraġġ tal-prijoritajiet taċ-ċittadini ser ikun kruċjali, u għal dan l-għan ser ikun essenzjali li jiġi previst biżżejjed finanzjament.
Emenda 17
Artikolu 21(1)
|
Test propost mill-Kummissjoni Ewropea |
Emenda tal-KtR |
||
|
|
|
Raġuni
Peress li l-awtoritajiet kompetenti maħtura se jiġu assenjati kompiti addizzjonali relatati mal-interoperabbiltà, il-Kummissjoni jeħtiġilha tiżgura li kwalunkwe implikazzjoni finanzjarja tal-kompiti rilevanti, inkluża l-ħtieġa potenzjali li jiġi impjegat persunal addizzjonali, ma tiġġarrabx esklużivament mill-awtoritajiet kompetenti maħtura.
II. RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR)
|
1. |
jinnota li l-proposta leġiżlattiva għandha l-għan li tistabbilixxi sistema ta’ governanza tal-interoperabbiltà fl-UE kollha, li ssib l-aħjar bilanċ bejn, minn naħa, l-approċċ minn fuq għal isfel għad-definizzjoni ta’ proċedura biex jiġu stabbiliti rakkomandazzjonijiet ġenerali għal soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà fil-livell tal-UE u, min-naħa l-oħra, sa liema punt jitqies il-kontribut mill-awtoritajiet lokali u reġjonali peress li huma l-eqreb taċ-ċittadini f’dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE; |
|
2. |
jinnota, madankollu, li ċerti aspetti tal-proposta jeħtieġ li jissaħħu u jiġu rfinuti, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompiti ġodda għall-awtoritajiet sottonazzjonali u r-riżorsi li jingħataw sabiex ikunu jistgħu jimplimentaw soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà malajr u b’mod effiċjenti, u struttura ta’ governanza bbilanċjata li tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-mudelli differenti ta’ governanza tal-Istati Membri u li tippermetti lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jesprimu ruħhom dwar il-pass u l-livell ta’ implimentazzjoni tas-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà; |
|
3. |
jirrakkomanda li titqies l-eżistenza possibbli ta’ sistemi nazzjonali ta’ interoperabbiltà (ġenerali jew speċifiċi għas-setturi) li bdew qabel dan il-qafas regolatorju, peress li jistgħu jkunu f’kunflitt mar-regoli li għadhom kif ġew introdotti. Dan jista’ joħloq allinjament żbaljat u jirrikjedi l-użu ta’ riżorsi enormi — umani u finanzjarji — għall-implimentazzjoni; |
|
4. |
jenfasizza r-rwol ewlieni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-għoti ta’ servizzi liċ-ċittadini u l-fatt li dawn is-servizzi għandhom jiġu diġitalizzati sal-2030, b’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Deċennju Diġitali tal-UE u l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità; b’mod partikolari, il-protezzjoni tad-data personali trid tiġi żgurata f’kull ħin u mill-korpi kollha involuti; |
|
5. |
jinnota li dawn is-servizzi tipikament ikopru setturi bħall-mobilità, l-enerġija, il-popolazzjoni, is-saħħa, l-agrikoltura u oħrajn; u jinnota l-interkonnessjonijiet mal-użu tad-data f’dawk is-setturi u l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE bħall-Att tal-UE dwar id-Data (1), l-Att dwar il-Governanza tad-Data u r-Regolament GDPR (2); |
|
6. |
jirrikonoxxi li bl-appoġġ finanzjarju addizzjonali pprovdut u taħriġ għall-persunal fl-awtoritajiet, l-interoperabbiltà għandha l-potenzjal li ttejjeb b’mod sostanzjali l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika fil-livell lokali u reġjonali. L-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali għandhom, fi ħdan il-qafas tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, jiżguraw li s-sistemi tagħhom ikunu interoperabbli ma’ dawk ta’ awtoritajiet lokali u awtoritajiet reġjonali oħra, kemm nazzjonali kif ukoll dawk ta’ pajjiżi oħra tal-UE u dawk ta’ kumpaniji u fornituri kollaborattivi; fil-kuntest ta’ din il-proposta leġiżlattiva tal-UE, l-interoperabbiltà transfruntiera hija kwistjoni prinċipali; |
|
7. |
jirrikonoxxi li ħafna amministrazzjonijiet lokali u reġjonali jiffaċċjaw restrizzjonijiet finanzjarji u tar-riżorsi umani fil-kuntest ekonomiku attwali, u li t-trasformazzjoni diġitali trid madankollu titqies bħala prijorità; jenfasizza li, mingħajr appoġġ finanzjarju, dawn il-bidliet jistgħu jipperikolaw l-opportunitajiet ekonomiċi u soċjali fil-futur u jistgħu joħolqu riskju reali għall-koeżjoni diġitali b’mod ġenerali; jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej jappoġġjaw it-tranżizzjoni diġitali b’riżorsi finanzjarji adegwati, inkluż għal reġjuni u gżejjer iżgħar u/jew żvantaġġati; |
|
8. |
jenfasizza li stħarriġ fost in-network RegHub ta’ amministrazzjonijiet lokali u reġjonali (3) wera li l-isfidi ewlenin biex tinkiseb l-interoperabbiltà fil-livell lokali jinkludu dawn li ġejjin: ir-rispett tar-rekwiżiti legali rilevanti; il-konformità mar-rekwiżiti tekniċi għall-integrazzjoni tad-data bi speċifikazzjonijiet tad-data ta’ spiss kumplessi; in-nuqqas ta’ interoperabbiltà li hemm f’diversi sistemi fil-livell nazzjonali; in-nuqqas ta’ data disponibbli fuq bażi permanenti; id-diversità tas-sorsi u t-tipi ta’ konsum; barra minn hekk, hemm bżonn li l-organizzazzjonijiet isiru inqas burokratiċi u jinbidlu l-kulturi organizzattivi b’konformità mal-interoperabbiltà tas-sistemi tekniċi (interoperabbiltà organizzattiva); |
|
9. |
jinnota l-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea fit-tfassil ta’ din il-proposta, kif ukoll l-approċċ inklużiv tagħha li jqis ir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Esperti dwar l-interoperabbiltà tas-servizzi pubbliċi (4), l-opinjoni reċenti tal-pjattaforma Fit 4 Future dwar “Governments Interoperability Strategy” (L-Istrateġija għall-Interoperabbiltà tal-Gvernijiet — mhux disponibbli bil-Malti) (5) u l-kontribut minn għadd ta’ partijiet ikkonċernati u minn adottanti bikrija li jimplimentaw soluzzjonijiet innovattivi fi stadju bikri ħafna; |
|
10. |
itenni l-ħtieġa li jiġi żgurat li jiġu introdotti soluzzjonijiet koerenti billi tiġi żgurata l-kompatibbiltà retrospettiva ta’ sistemi ġodda ma’ dawk ta’ legat (6); |
|
11. |
ifaħħar l-użu ta’ soluzzjonijiet bla ħlas u b’sors miftuħ li bla dubju jkunu ta’ vantaġġ għall-awtoritajiet lokali u ċ-ċittadini Ewropej, peress li huma mezz kruċjali għall-kondiviżjoni u l-użu mill-ġdid tas-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà previsti, u għaldaqstant biex tittejjeb l-interoperabbiltà transfruntiera kif definit fl-Artikolu 4(1); |
|
12. |
jinnota li l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet komuni ta’ interoperabbiltà se jinvolvu kostijiet finanzjarji u ta’ persunal sinifikanti għall-awtoritajiet lokali u reġjonali; jenfasizza li dan jinkludi l-ħtieġa li jiġu żviluppati u jsiru investimenti f’soluzzjonijiet interoperabbli ġodda jew li jibdew jinbidlu s-sistemi eżistenti. Għal dan il-għan, is-sorsi ta’ finanzjament bħall-programm Ewropa Diġitali għandhom jgħinu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex ikopru l-kostijiet assoċjati; |
|
13. |
jenfasizza li l-użu ta’ software bla ħlas u b’sors miftuħ huwa metodu prinċipali u meħtieġ biex jiġi evitat l-intrappolament tal-klijentela, u biex jiġi żgurat li l-possibbiltà ta’ kondiviżjoni u użu mill-ġdid ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà b’sors mhux miftuħ ma tagħtix vantaġġi kompetittivi inġusti lid-detenturi tad-drittijiet (ara l-Artikolu 4(2)); |
|
14. |
jappella lill-Bord għal Ewropa Interoperabbli jipprovdi informazzjoni speċifika dwar meta se ssir il-valutazzjoni obbligatorja tal-interoperabbiltà u liema elementi jistgħu jiskattaw valutazzjoni bħal din, pereżempju fil-każ tal-akkwist pubbliku; jenfasizza wkoll li l-obbligu li titwettaq il-valutazzjoni tal-interoperabbiltà ma jiddaħħalx qabel ma jiġu adottati l-linji gwida rilevanti mill-Bord għal Ewropa Interoperabbli; |
|
15. |
jissuġġerixxi li jiġu żviluppati oqfsa u linji gwida dwar il-liċenzjar adegwat u dwar l-użu ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà b’sors miftuħ u protetti mid-drittijiet tal-awtur biex jappoġġjaw l-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-akkwist pubbliku u fis-sejħiet għall-offerti għal soluzzjonijiet bħal dawn; |
|
16. |
jinnota li l-governanza tal-interoperabbiltà hija frammentata, speċjalment f’pajjiżi deċentralizzati, bħala riżultat tan-natura volontarja tal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà; jenfasizza r-rwol ewlieni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li “jadottaw fi stadju bikri” fis-sensibilizzazzjoni u t-trawwim tat-trasformazzjoni diġitali fil-bliet u r-reġjuni pari tagħhom; |
|
17. |
itenni l-ħtieġa li jitnaqqsu d-distakki diġitali u territorjali; il-mira tal-Kumpass Diġitali (7) li 100 % tas-servizzi pubbliċi ewlenin għandhom jiġu pprovduti online sal-2030 qed tgħin biex jintlaħaq dan l-għan; jisħaq li l-forniment tal-interoperabbiltà tas-servizz pubbliku b’mod diġitali u/jew online huwa ta’ importanza kbira għar-reġjuni u l-muniċipalitajiet kollha fl-UE, irrispettivament mill-pożizzjoni ġeografika tagħhom, inklużi r-reġjuni periferiċi, il-gżejjer remoti u ż-żoni muntanjużi. It-teknoloġija tista’ tiżgura li dawn ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet ikunu jistgħu jegħlbu l-iżvantaġġi tal-pożizzjoni periferika tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa ta’ kollaborazzjoni konkreta u effettiva mar-reġjuni insulari u periferiċi fil-governanza tat-tranżizzjoni interoperabbli; |
|
18. |
jilqa’ l-attivitajiet ta’ bliet u reġjuni proattivi li qed ifittxu soluzzjonijiet u jikkondividu l-aħjar prattiki, jaħdmu bħala adottanti bikrija u jittestjaw prattiki ġodda; ifaħħar il-ħidma tal-moviment living-in.eu (8), li tlaqqa’ flimkien il-bliet u l-komunitajiet fit-trawwim tat-trasformazzjoni diġitali, jew Bliet Intelliġenti Miftuħa u Aġli, li qed jiżviluppaw Mekkaniżmi Minimi ta’ Interoperabbiltà bħala għodod universali għall-kisba tal-interoperabbiltà tad-data, tas-sistemi u tas-servizzi bejn il-bliet u l-fornituri madwar id-dinja; jenfasizza li sabiex jinkiseb ambjent ta’ interoperabbiltà aktar omoġenju u soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà użati b’mod estensiv, jeħtieġ li tiġi stabbilita sistema ta’ governanza fl-UE kollha; |
|
19. |
jinnota li l-akkwist u s-sejħiet għall-offerti għal sistemi ġodda jew it-titjib ta’ dawk eżistenti se jkunu ta’ piż għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, b’mod partikolari minħabba nuqqas ta’ għarfien espert, finanzi u persunal; |
|
20. |
itenni l-importanza kritika tal-interoperabbiltà għar-reżiljenza diġitali u l-indipendenza strateġika tal-UE: f’ċirkostanzi ta’ servizzi u sistemi interkonnessi, pandemija diġitali potenzjali minħabba attakk ċibernetiku kbir fuq l-aktar punt dgħajjef tan-network jeħtieġ li tiġi evitata bl-użu tal-istess soluzzjonijiet jew soluzzjonijiet simili fl-entitajiet interkonnessi. Fl-istess ħin, l-użu ta’ soluzzjonijiet b’sors miftuħ se jnaqqas id-dipendenza mill-fornituri ewlenin ta’ soluzzjonijiet ta’ software, u b’hekk tiżdied l-indipendenza strateġika tal-UE; |
|
21. |
jirrikonoxxi t-tħassib tal-bliet, il-muniċipalitajiet iżgħar u r-reġjuni dwar il-kompiti l-ġodda mogħtija mir-regolament propost, u jenfasizza l-ħtieġa assoluta li jitqiesu l-interessi speċifiċi tagħhom; jisħaq fuq il-ħtieġa li r-rappreżentanti tal-KtR ikunu parti integrali mis-saff strateġiku tal-governanza tal-interoperabbiltà; biħsiebu, permezz tal-parteċipazzjoni tiegħu fil-Bord għal Ewropa Interoperabbli, jiżgura li t-tħassib lokali u reġjonali jiġi kkunsidrat; |
|
22. |
jenfasizza li huwa importanti li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiksbu linji gwida speċifiċi mill-Bord għal Ewropa Interoperabbli u mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti dwar liema servizzi huma koperti mill-valutazzjoni tal-interoperabbiltà; jenfasizza li l-iskrinjar preliminari tal-applikabbiltà transfruntiera għandu jiġi definit qabel ma ssir kwalunkwe valutazzjoni tal-interoperabbiltà, u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom ikunu responsabbli għal dan; |
|
23. |
jilqa’ l-enfasi li l-proposta tpoġġi fuq soluzzjonijiet b’sors miftuħ kif ukoll fuq il-parteċipazzjoni ta’ żviluppaturi ta’ soluzzjonijiet b’sors miftuħ fil-komunità għal Ewropa Interoperabbli. Is-sors miftuħ bħala parti ewlenija mis-soluzzjonijiet tas-servizzi fil-livell tal-amministrazzjoni lokali/reġjonali se jtejjeb it-trasparenza, inaqqas il-kostijiet, irawwem iċ-ċibersigurtà u jevita sitwazzjonijiet ta’ intrappolament tal-bejjiegħa fejn xi data li tkun diġà nġabret tista’ ma tkunx disponibbli meta jinbidlu l-fornituri tas-servizzi; |
|
24. |
jissuġġerixxi li l-portal Ewropa Interoperabbli — jew portal b’karatteristiċi simili — iservu bħala repożitorju tas-servizzi pubbliċi kollha pprovduti online fl-Istati Membri tal-UE, raggruppati skont it-tip ta’ servizz u l-Istat Membru. Il-portal jista’ mbagħad isir punt tat-tluq għal kwalunkwe ċittadin li jkun qed ifittex informazzjoni dwar kif jaċċessa dawn is-servizzi pubbliċi online. Dan ikun mod effettiv biex tinġabar flimkien l-informazzjoni dwar servizzi pubbliċi ewlenin li għandhom jiġu pprovduti online sal-2030; |
|
25. |
fl-aħħar nett, jinnota li l-proposta hija konformi mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. |
Brussell, l-24 ta’ Mejju 2023.
Vasco ALVES CORDEIRO
Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
(1) Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “L-Att Ewropew dwar id-Data” (ĠU C 375, 30.9.2022, p. 112), ara L-iskeda informattiva dwar l-Opinjoni (europa.eu).
(2) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(3) Network ta’ Ċentri Reġjonali (europa.eu).
(4) Official expert recommendations for a new Interoperability Policy | Joinup (europa.eu).
(5) Final opinion 2022_SBGR3_10 Governments interoperability strategy_rev.pdf (europa.eu).
(6) Dan huwa wkoll konformi ma’ rakkomandazzjoni mressqa mill-opinjoni tal-pjattaforma Fit 4 Future, li ssuġġeriet li s-saffi tal-interoperabbiltà organizzattivi u semantika jittejbu biex jirriflettu d-dimensjoni taż-żmien tad-data (dan jikkonċerna l-kompatibbiltà ta’ verżjonijiet qodma u ġodda ta’ soluzzjonijiet tal-IT).
(7) https://digital-strategy.ec.europa.eu/mt/policies/europes-digital-decade
(8) https://living-in.eu/