|
ISSN 1977-0987 |
||
|
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 254A |
|
|
||
|
Edizzjoni bil-Malti |
Informazzjoni u Avviżi |
Volum 66 |
|
Werrej |
Paġna |
|
|
|
V Avviżi |
|
|
|
PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI |
|
|
|
Il-Qorti tal-Ġustizzja |
|
|
2023/C 254 A/01 |
|
MT |
|
V Avviżi
PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI
Il-Qorti tal-Ġustizzja
|
19.7.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CA 254/1 |
AVVIŻ TA’ KOMPETIZZJONI ĠENERALI BBAŻATA FUQ KWALIFIKI U EŻAMIJIET NRU CJ 238/21
Kap ta’ Diviżjoni (AD 12) tal-lingwa Irlandiża fil-qasam tat-traduzzjoni legali
(2023/C 254 A/01)
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea qiegħda torganizza kompetizzjoni ġenerali bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet sabiex tistabbilixxi lista ta’ riżerva li minnha l-Qorti tal-Ġustizzja fil-Lussemburgu ser tkun tista’ tirrekluta Kap tad-Diviżjoni tat-Traduzzjoni Legali tal-Lingwa Irlandiża fid-Direttorat Ġenerali tal-Multilingwiżmu. Din il-kompetizzjoni qiegħda tiġi organizzata abbażi tal-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea.
Dan l-avviż jikkostitwixxi l-qafas legali vinkolanti applikabbli għal din il-proċedura ta’ selezzjoni.
Id-Direttorat Ġenerali tal-Multilingwiżmu (DĠM) tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jiżgura l-osservanza tas-sistema lingwistika tal-qrati tal-Unjoni, kemm fir-rigward tat-trattament tal-proċeduri (fażi bil-miktub u fażi orali) kif ukoll fir-rigward tal-għoti u tal-pubblikazzjoni tal-ġurisprudenza. Id-DĠM jiġbor fi ħdanu żewġ dipartimenti lingwistiċi: minn naħa, id-dipartiment tat-traduzzjoni legali, li min-naħa tiegħu huwa kkostitwit minn żewġ direttorati li fihom huma maqsuma 24 diviżjoni lingwistika, waħda għal kull lingwa uffiċjali; min-naħa l-oħra, id-dipartiment tal-interpretazzjoni, b’direttorat ikkostitwit minn 22 “kabina” jew timijiet lingwistiċi, li min-naħa tagħhom huma maqsuma fi tliet diviżjonijiet. Fi ħdan id-DĠM, tliet diviżjonijiet funzjonali joffru għajnuna lid-diviżjonijiet u lill-kabini lingwistiċi f’diversi oqsma bħalma huma l-ġestjoni tat-traduzzjoni esterna, l-għodda ta’ għajnuna għall-multilingwiżmu, l-ippjanar tat-traduzzjonijiet jew tas-seduti, id-diffużjoni jew il-pubblikazzjoni tal-ġurisprudenza. Barra minn hekk, id-DĠM juża s-servizzi ta’ numru sinjifikattiv ta’ kollaboraturi fuq bażi freelance.
Id-direttorati tat-traduzzjoni legali jiżguraw it-traduzzjoni tad-dokumenti ġudizzjarji ttrattati u prodotti mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti Ġenerali. Huma b’hekk jiggarantixxu l-iżvolġiment tajjeb tal-proċeduri u d-diffużjoni multilingwi tal-ġurisprudenza, b’tali mod li ċ-ċittadini tal-Unjoni kollha jkollhom aċċess għall-ġustizzja u għall-ġurisprudenza Ewropej, tkun liema tkun il-lingwa tagħhom. It-testi għat-traduzzjoni huma kkaratterizzati minn diversità kbira u jvarjaw skont diversi elementi, b’mod partikolari: in-natura tal-kawża, is-suġġett, it-tip ta’ dokument, il-lingwa, l-istil, it-tul. Id-Diviżjoni tat-Traduzzjoni Legali tal-Lingwa Irlandiża hija responsabbli għat-traduzzjoni lejn din il-lingwa, b’mod partikolari, tas-sentenzi u tad-digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, kif ukoll tal-konklużjonijiet tal-Avukati Ġenerali. Hija responsabbli wkoll għat-traduzzjoni tal-atti proċedurali meħtieġa għall-akkompanjament tal-proċeduri.
Id-Diviżjoni hija kkostitwita minn madwar tletin kollaboratur: kap tad-diviżjoni, ġuristi lingwisti, korretturi/verifikaturi lingwistiċi u assistenti.
Il-lista ta’ riżerva ser tibqa’ valida sal-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ wara dik li matulha tiġi stabbilita. Il-validità tagħha tista’ tiġi estiża u f’dan il-każ il-kandidati inklużi fiha jiġu informati b’dan.
I. NATURA TAL-FUNZJONIJIET
Organizzazzjoni, koordinazzjoni u tmexxija tal-ħidma tad-Diviżjoni tat-Traduzzjoni Legali tal-Lingwa Irlandiża. Dawn il-funzjonijiet jinvolvu, b’mod partikolari, ir-responsabbiltajiet segwenti:
|
— |
Iffissar tal-għanijiet tad-Diviżjoni u monitoraġġ tat-twettiq tagħhom: responsabbiltà għall-kwalità tal-livelli kollha tal-produzzjoni, osservanza tat-termini, kontroll tal-volum tax-xogħol, organizzazzjoni tal-kopertura lingwistika, gwida tal-ħidma terminoloġika. |
|
— |
Ġestjoni tal-persunal tad-Diviżjoni: parteċipazzjoni fir-reklutaġġ, akkoljenza u taħriġ ta’ kollaboraturi ġodda, motivazzjoni tal-kollaborazzjoni, monitoraġġ tal-karriera (evalwazzjoni, rapporti) tal-persunal tad-Diviżjoni, taħriġ, kooperazzjoni fi ħdan id-Diviżjoni (ambjent ta’ tim). |
|
— |
Organizzazzjoni tad-dipartiment: l-aħjar użu possibbli tar-riżorsi, għażla, superviżjoni u titjib tal-metodi ta’ xogħol, l-aħjar użu possibbli tal-għodda ta’ għajnuna għat-traduzzjoni, tqassim tax-xogħol, osservanza tar-regoli tax-xogħol. |
|
— |
Responsabbiltà għall-politika ta’ esternalizzazzjoni tad-Diviżjoni u monitoraġġ tal-avviżi ta’ kuntratt, bħala uffiċjal awtorizzanti b’sottodelega. |
|
— |
Rappreżentanza tad-Diviżjoni: preżentazzjonijiet lill-viżitaturi, parteċipazzjoni f’konferenzi. |
|
— |
Kooperazzjoni mal-Membri tal-qrati tal-lingwa tad-Diviżjoni. |
|
— |
Kooperazzjoni mad-Direttorat Ġenerali u mal-Kapijiet tad-Diviżjoni tad-Direttorat Ġenerali tal-Multilingwiżmu kif ukoll ma’ membri oħra tal-persunal f’livelli maniġerjali intermedji u superjuri tal-istituzzjoni, bi qbil mal-livelli tal-ġerarkija, fil-kuntest ta’ proġetti trażversali jew istituzzjonali. |
|
— |
Parteċipazzjoni fil-kooperazzjoni interistituzzjonali. |
|
— |
Sussidjarjament, reviżjoni u, meta jkun meħtieġ, traduzzjoni lejn l-Irlandiż ta’ diversi testi ta’ natura legali. |
Sabiex ikun jista’ jeżerċita dawn ir-responsabbiltajiet, huwa indispensabbli li l-kandidat ikollu kapaċitajiet ta’ adattament, ta’ negozjar u kapaċità li jisma’, sabiex jiffavorixxi s-sinerġiji interni u jiżgura l-koerenza mal-istrateġija tad-Direttorat Ġenerali, kif ukoll kapaċità ta’ organizzazzjoni u mentalità miftuħa fir-rigward tal-bidla.
II. KUNDIZZJONIJIET GĦALL-AMMISSJONI
Fit-terminu għall-preżentazzjoni tal-kandidaturi, il-kandidat għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet segwenti kollha:
1. Kundizzjonijiet ġenerali
|
— |
Tgawdija tad-drittijiet ċivili tiegħu bħala ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni. |
|
— |
Jinsab f’sitwazzjoni regolari fir-rigward tal-liġijiet nazzjonali dwar is-servizz militari. |
|
— |
Joffri l-garanziji ta’ moralità mitluba mill-funzjonijiet li mistenni jaqdi. |
2. Kundizzjonijiet partikolari — kwalifiki jew diplomi u esperjenza professjonali
|
— |
Livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal programm sħiħ ta’ studji universitarji li jwassal għal diploma fid-dritt jew ekwivalenti, miksuba fl-Irlanda, jew it-titolu ta’ barriser jew solicitor miksub fl-Irlanda; id-diplomi u titoli ekwivalenti jistgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni. |
|
— |
Esperjenza professjonali ta’ livell universitarju ta’ minn tal-inqas 6 snin, miksuba f’qasam b’rabta mal-funzjonijiet tal-pożizzjoni. |
Sabiex jiddetermina jekk il-kandidat laħaqx livell korrispondenti għal programm ta’ studji universitarji, il-bord tal-għażla ser jieħu inkunsiderazzjoni r-regoli fis-seħħ fil-mument ta’ meta nkisbet id-diploma.
Sabiex jevalwa l-esperjenza, il-bord tal-għażla ser jieħu inkunsiderazzjoni elementi rilevanti pprovduti mill-kandidati, bħalma huma:
|
1. |
it-titolu u d-deskrizzjoni preċiża tal-funzjonijiet okkupati u t-tul tagħhom, |
|
2. |
in-numru tal-persunal taħt is-superviżjoni tal-kandidat f’dawn il-funzjonijiet, |
|
3. |
in-numru ta’ livelli superjuri u inferjuri fil-ġerarkija kif ukoll in-numru ta’ kollegi fl-istess livell tal-ġerarkija. |
3. Kundizzjonijiet partikolari –— lingwi
Il-kandidati għandu jkollhom għarfien ta’ minn tal-inqas 3 lingwi uffiċjali tal-Unjon .
|
— |
lingwa 1 (lingwa prinċipali): għarfien perfett tal-lingwa Irlandiża. |
|
— |
lingwa 2: għarfien tajjeb ta’ waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li tkun differenti mill-Irlandiż. |
|
— |
lingwa 3: għarfien tajjeb ta’ waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li għandha tkun obbligatorjament differenti mil-lingwa 1 u mil-lingwa 2. |
Għal raġunijiet marbuta mas-servizz, il-lingwa 2 jew il-lingwa 3 għandha tkun obbligatorjament il-Franċiż.
Il-lingwa 1 tal-kompetizzjoni tikkorrispondi għal-lingwa ta’ ħidma interna tad-diviżjoni lingwistika li għaliha ser tiġi stabbilita l-lista ta’ riżerva u li lejha l-ġuristi lingwisti f’din id-diviżjoni jwettqu t-traduzzjoni ta’ testi legali. Peress li l-Kap tad-Diviżjoni huwa responsabbli għall-kwalità tat-traduzzjonijiet lejn l-Irlandiż u peress li, sussidjarjament, għandu jiżgura r-reviżjoni u, meta jkun meħtieġ, it-traduzzjoni lejn l-Irlandiż ta’ diversi testi ta’ natura legali, huwa għandu jkollu għarfien perfett tal-lingwa Irlandiża.
Ir-rekwiżit tal-lingwa Franċiża bħala lingwa 2 jew 3 huwa ġġustifikat mill-volum sinjifikattiv ta’ traduzzjonijiet li jitwettqu minn din il-lingwa. Peress li l-Kap tad-Diviżjoni huwa responsabbli għall-kwalità ta’ dawn it-traduzzjonijiet, huwa essenzjali li jkun kapaċi jifhem il-lingwa sors tagħhom. Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kandidati humiex ser ikunu immedjatament operattivi, huwa raġonevoli li wieħed jistenna li waħda min-noti li jkollhom jitfasslu matul l-eżami bil-miktub tkun prodotta bil-lingwa Franċiża u li l-eżami orali jitwettaq bil-Franċiż.
III. STABBILIMENT TAL-LISTA TAL-KANDIDATI
Il-lista tal-kandidati li jkunu ppreżentaw il-kandidatura tagħhom fil-forom u fit-termini mitluba tintbagħat lill-bord tal-għażla flimkien mal-fajls tal-kandidatura.
Għaldaqstant, f’dan l-istadju ser jiġu eliminati l-kandidati li jkunu bagħtu l-fajl tal-kandidatura tagħhom (formola u dokumenti ta’ sostenn) wara l-iskadenza ta-terminu u/jew li ma jkunux użaw il-formola obbligatorja.
IV. POLITIKA TA’ REKLUTAĠĠ
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tiggarantixxi l-ugwaljanza tal-opportunitajiet, bla ħsara għal evalwazzjoni komparattiva tal-merti tal-kandidati, u l-ugwaljanza fit-trattament tal-persuni kollha li juru l-interess tagħhom f’pożizzjoni vakanti. Hija tinkoraġġixxi b’mod attiv il-preżentazzjoni ta’ kandidaturi diversifikati minn kandidati b’esperjenza u b’kompetenzi u b’konoxxenzi differenti, mill-iktar bażi ġeografika wiesgħa possibbli fost iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni.
F’dan il-kuntest, kull kandidat milqut minn diżabbiltà jew li jinsab fi stat ta’ saħħa li jista’ jkollu impatt fuq il-kapaċità tiegħu li jpoġġi għall-eżamijiet, huwa mistieden jikkuntattja lid-Diviżjoni “Reklutaġġ u karrieri” (candidatures.concours@curia.europa.eu) hekk kif jippreżenta l-kandidatura tiegħu sabiex din tkun tista’ torganizza, konformement mal-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal, l-arranġamenti meħtieġa sabiex ikun jista’ jipparteċipa b’mod sħiħ fl-eżamijiet tas-selezzjoni. Għal dan il-għan, il-kandidat jista’ jintalab jibgħat lis-Servizz Mediku tal-Qorti tal-Ġustizzja attestazzjoni stabbilita mill-awtorità nazzjonali jew ċertifikat mediku, li ser jiġu eżaminati għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-arranġamenti meħtieġa.
Għal informazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data, jekk jogħġbok ikkonsulta d-dikjarazzjoni ta’ kunfidenzjalità speċifika: https://curia.europa.eu/jcms/jcms/P_95038/
V. AMMISSJONI GĦALL-KOMPETIZZJONI
Il-bord tal-għażla ser jeżamina l-fajls tal-kandidati inklużi fil-lista prevista fil-Parti III, abbażi tal-formola ta’ kandidatura tagħhom u tad-dokumenti ta’ sostenn prodotti sat-terminu għall-preżentazzjoni tal-kandidaturi, u ser jadotta l-lista tal-kandidati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fil-Parti II tal-avviż tal-kompetizzjoni u li huma ammessi għall-eżamijiet.
F’dan l-istadju ser jiġu esklużi l-kandidati li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet meħtieġa mill-Parti II tal-avviż tal-kompetizzjoni jew li ma pproduċewx ġustifikazzjoni għad-dikjarazzjonijiet tagħhom fit-termini mogħtija permezz ta’ dokumenti ta’ sostenn rilevanti f’format PDF.
Kull kandidat ser jiġi informat bil-miktub dwar il-konklużjonijiet tal-bord tal-għażla fir-rigward tiegħu wara li jitwettaq dan l-eżami tal-fajl tal-kandidatura tiegħu.
Il-kandidati ammessi ser jiġu mistiedna jpoġġu għal eżami bil-miktub u, jekk ikun il-każ, għal eżami orali, li bħala prinċipju ser jinżammu fil-Lussemburgu.
VI. EŻAMI MILL-ĠDID TAL-KANDIDATURI
F’terminu ta’ għaxart ijiem kalendarji mid-data tal-komunikazzjoni li tinformah li l-kandidatura tiegħu ma ġietx aċċettata, kull kandidat jista’ jitlob eżami mill-ġdid tal-kandidatura tiegħu jekk iqis li jkun twettaq żball.
It-talba għal eżami mill-ġdid għandha titressaq, flimkien ma’ indikazzjoni tan-numru tal-kompetizzjoni, fuq l-indirizz candidatures.concours@curia.europa.eu
VII. EŻAMI BIL-MIKTUB
L-eżami bil-miktub ser jikkonsisti fit-tfassil ta’ żewġ noti, waħda bl-Irlandiż u l-oħra bil-Franċiż. Dan l-eżami huwa intiż li jiġu evalwati l-kapaċità tal-kandidati li jmexxu diviżjoni amministrattiva ta’ daqs sinjifikattiv kif ukoll l-evalwazzjoni tagħhom tal-isfidi li joħorġu mit-traduzzjoni ta’ testi legali fi ħdan organizzazzjoni internazzjonali.
Tul indikattiv tal-eżami: tliet sigħat u nofs.
Marki tal-eżami: bejn 0 u 40 punti. Kull marka li tkun inqas minn 20 punt timplika l-eliminazzjoni tal-kandidat.
L-eżamijiet bil-miktub ser jinżammu fl-istess ħin għall-kandidati kollha fid-data u l-ħin indikati fil-konvokazzjoni (1).
Il-kandidati ser jużaw kompjuter għall-finijiet ta’ dawn l-eżamijiet (2).
Il-bord tal-għażla ser jevalwa l-eżamijiet bil-miktub b’mod anonimizzat.
VIII. EŻAMI ORALI
Il-kandidati li jiksbu minn tal-inqas 50 % tal-punti fl-eżami bil-miktub ser jiġu ammessi għall-parteċipazzjoni fl-eżami orali.
Kull kandidat ser jiġi informat bil-miktub dwar il-konklużjonijiet tal-bord tal-għażla fir-rigward tiegħu.
L-eżami ser jikkonsisti f’intervista mal-bord tal-għażla intiża li jiġu evalwati l-kapaċitajiet tal-kandidati, il-motivazzjoni tagħhom u l-kapaċità tagħhom li jadattaw għall-funzjonijiet li għandhom jiġu eżerċitati, kif ukoll il-konoxxenzi ġenerali u lingwistiċi tagħhom.
L-eżami ser jinżamm bil-Franċiż.
Tul indikattiv tal-eżami: siegħa.
Marka tal-eżami: bejn 0 u 60 punt. Kull marka li tkun inqas minn 30 punt timplika l-eliminazzjoni tal-kandidat.
IX. EŻAMI MILL-ĠDID TAL-EŻAMIJIET
F’terminu ta’ għaxart ijiem kalendarji mid-data tal-komunikazzjoni li tinformah li ma kisibx il-minimu ta’ punti meħtieġa f’wieħed mill-eżamijiet, kull kandidat jista’ jitlob eżami mill-ġdid tal-eżami tiegħu jekk iqis li jkun twettaq żball.
It-talba għal eżami mill-ġdid għandha titressaq, flimkien ma’ indikazzjoni tan-numru tal-kompetizzjoni, fuq l-indirizz candidatures.concours@curia.europa.eu
X. INKLUŻJONI FIL-LISTA TA’ RIŻERVA
Fil-lista ta’ riżerva ser jiġu inklużi, f’ordni alfabetiku, l-aħjar tliet kandidati li jkunu kisbu minn tal-inqas 50 % tal-punti meħtieġa għal kull wieħed mill-eżamijiet.
Tinġibed l-attenzjoni tal-kandidati għall-fatt li l-inklużjoni fil-lista ta’ riżerva ma hijiex garanzija ta’ ħatra bħala Kap ta’ Diviżjoni.
XI. PREŻENTAZZJONI TAL-KANDIDATURI U TAD-DOKUMENTI TA’ SOSTENN
|
1. |
Il-persuni li jixtiequ jipparteċipaw f’din il-kompetizzjoni huma obbligati jressqu t-talba tagħhom permezz ta’ formola li sservi bħala att ta’ kandidatura. Din il-forma qiegħda tiġi ppubblikata fl-istess ħin bħall-avviż tal-kompetizzjoni fl-intranet tal-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sit Curia u fil-portal interistituzzjonali. |
|
2. |
Din il-formola, kif ukoll id-dokumenti ta’ sostenn marbuta b’mod partikolari mad-diplomi u mal-esperjenza professjonali, kif ukoll kopja tal-karta tal-identità tagħhom jew tal-passaport tagħhom, li għandhom ikunu validi fit-terminu għall-preżentazzjoni tal-kandidaturi, għandhom jiġu ppreżentati f’format PDF biss (ma ser jiġi aċċettat ebda format ieħor) sa mhux iktar tard mid-29 ta’ Settembru 2023 fil-17.00, ħin tal-Lussemburgu, fl-indirizz elettroniku segwenti: candidatures.concours@curia.europa.eu |
|
3. |
Tinġibed l-attenzjoni tal-kandidati għall-fatt li għandhom jipproduċu, sa din l-istess data, kopji tad-dokumenti ta’ sostenn kollha li jikkonċernaw id-diplomi u l-esperjenza professjonali tagħhom, kemm internament u kif ukoll esternament għall-istituzzjonijiet. Dawn id-dokumenti ta’ sostenn huma l-uniċi dokumenti li l-bord tal-għażla ser ikun jista’ jikkunsidra sabiex jistabbilixxi l-lista tal-kandidati ammessi għall-eżamijiet. |
|
4. |
Fi kwalunkwe każ, curriculum vitae ma jistax jitqies li huwa dokument ta’ sostenn. |
|
5. |
Il-kandidati fl-ebda każ ma huma ser ikunu jistgħu jirreferu għal dokumenti, atti ta’ kandidatura, dokumenti ta’ informazzjoni, eċċ, ippreżentati fil-kuntest ta’ kandidaturi preċedenti u/jew li jinsabu fil-fajl personali tagħhom fil-Qorti tal-Ġustizzja. |
XII. INFORMAZZJONI DWAR L-ASSENJAZZJONI MAR-REKLUTAĠĠ, IL-BIDLIET FL-ASSENJAZZJONI U T-TRASFERIMENTI
Il-kandidati li jgħaddu mill-eżamijiet u li jiġu inklużi fil-lista ta’ riżerva ser ikunu jistgħu jiġu rreklutati, bħala uffiċjali bi prova, mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biss. Wara perijodu ta’ sentejn mill-istabbiliment tal-lista ta’ riżerva u bil-kunsens tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kandidati li jgħaddu mill-eżamijiet u li jiġu inklużi fil-lista ta’ riżerva jistgħu jiġu rreklutati wkoll mill-istituzzjonijiet u mill-aġenziji tal-Unjoni li għandhom is-sede tagħhom fil-Lussemburgu u għal pożizzjoni assenjata fil-Lussemburgu.
L-Artikolu 29(1)(a)(i) u l-Artikolu 29(1)(b) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea jipprevedu l-possibbiltà li, f’kull mument tal-karriera tiegħu, l-uffiċjal jitlob bidla fl-assenjazzjoni tiegħu fi ħdan l-istess istituzzjoni jew aġenzija tal-Unjoni jew it-trasferiment tiegħu lejn istituzzjoni jew aġenzija oħra tal-Unjoni.
Madankollu, tinġibed l-attenzjoni tal-kandidati għall-fatt li, fid-dawl tal-interess tas-servizz:
|
— |
matul l-ewwel tliet snin ta’ servizz wara d-dħul fil-kariga bħala uffiċjal bi prova, it-trasferiment lejn istituzzjoni jew aġenzija oħra tal-Unjoni li ma jinvolvix bidla fil-post ta’ assenjazzjoni huwa possibbli biss f’każijiet eċċezzjonali u għal raġunijiet debitament iġġustifikati; |
|
— |
matul l-ewwel erba’ snin ta’ servizz wara d-dħul fil-kariga bħala uffiċjal bi prova, il-bidla fl-assenjazzjoni fi ħdan l-istess istituzzjoni jew aġenzija u t-trasferiment lejn istituzzjoni jew aġenzija oħra, jekk ikunu jinvolvu bidla fil-post ta’ assenjazzjoni, huma possibbli biss f’każijiet eċċezzjonali u għal raġunijiet debitament iġġustifikati. |
Fil-fatt, l-uffiċjali rreklutati ġodda għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-aħjar integrazzjoni possibbli fil-kultura u fl-ambjent tax-xogħol tal-post ta’ assenjazzjoni u tal-istituzzjoni jew tal-aġenzija li tirreklutahom, b’mod li jkunu jistgħu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli.
Issa, l-istituzzjonijiet jew l-aġenziji li jirreklutaw jinvestu riżorsi fl-akkoljenza, fit-taħriġ u fl-integrazzjoni tal-uffiċjali ġodda, kemm fi ħdanhom stess kif ukoll fil-post ta’ assenjazzjoni. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu żgurati ċerta kontinwità u ċerta prevedibbiltà fl-okkupazzjoni tal-karigi, filwaqt li jiġi ggarantit tul minimu ta’ servizz tal-uffiċjali rreklutati ġodda kemm fi ħdan l-istituzzjoni jew l-aġenzija li tirreklutahom kif ukoll fil-post ta’ assenjazzjoni tagħhom.
Għandu jiġi speċifikat li, fil-każ ta’ trasferiment, kull każ individwali huwa suġġett għall-kunsens tal-istituzzjoni jew tal-aġenzija ta’ oriġini u tal-istituzzjoni jew tal-aġenzija akkoljenti.
XIII. INFORMAZZJONI GĦALL-KANDIDATI
Din il-kompetizzjoni qiegħda tiġi organizzata sabiex timtela pożizzjoni waħda.
Kull korrispondenza dwar din il-proċedura ta’ reklutaġġ għandha tintbagħat biss fuq l-indirizz elettroniku segwenti: candidatures.concours@curia.europa.eu. Il-kuntatti diretti jew indiretti min-naħa tal-kandidati dwar il-kompetizzjoni mal-bord tal-għażla huma formalment ipprojbiti u huma suġġetti għall-piena tal-esklużjoni mill-kompetizzjoni.
Approvat fit-8 ta’ Ġunju 2023.
(1) Tista’ ssir eċċezzjoni għal raġunijiet mediċi fuq preżentazzjoni ta’ ċertifikat mediku.
(2) Mal-konvokazzjoni għall-eżamijiet bil-miktub ser tingħata informazzjoni preċiża dwar it-tastieri li ser ikunu għad-dispożizzjoni tal-kandidati.